Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
▼B
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/509
tat-22 ta’ Marzu 2021
li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528
TITOLU I
STABBILIMENT U STRUTTURA
KAPITOLU 1
Stabbiliment, kamp ta' applikazzjoni, definizzjonijiet u objettivi
Artikolu 1
Stabbiliment u kamp ta' applikazzjoni
1.
B'dan hija stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi ("il-Faċilità") għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), f'każijiet fejn, skont l-Artikolu 41(2) TUE, in-nefqa operattiva li tirriżulta minn dawk l-azzjonijiet ma titħallasx mill-baġit tal-Unjoni.
2.
Il-Faċilità għandha tintuża għall-finanzjament ta':
(a)
l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 42(4) u 43(2) TUE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża u li għalhekk, skont l-Artikolu 41(2) TUE, ma jistgħux jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni;
(b)
miżuri ta' assistenza li jikkonsistu f'azzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 28 TUE fejn il-Kunsill jiddeċiedi b'unanimità, skont l-Artikolu 41(2) TUE, li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta minnhom għandha titħallas mill-Istati Membri.
Miżuri ta' assistenza skont il-punt (b) huma:
(i)
azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża;
(ii)
appoġġ għall-aspetti militari ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi mmexxija minn organizzazzjoni reġjonali jew internazzjonali jew minn Stati terzi.
3.
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll qafas għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' assistenza msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2, li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 56 u għandu jsegwi l-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi msemmija fl-l-Artikolu 9.
▼M3
Artikolu 2
▼M4
1.
Il-limitu finanzjarju massimu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-perjodu 2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR 17 040 000 000 fi prezzijiet attwali.
▼M3
2.
It-tqassim tal-limitu finanzjarju massimu fis-sena għandu jkun kif stipulat fl-Anness I.
3.
Il-limitu finanzjarju massimu għandu jintuża b’mod li jippreserva l-ambitu ġeografiku dinji tal-Faċilità u l-kapaċità tal-Unjoni li tipprevjeni l-kriżijiet u l-kunflitti u tirrispondi malajr għalihom, primarjament iżda mhux esklużivament f’żoni li juru l-aktar theddid urġenti u kritiku għas-sigurtà tal-Unjoni wara, skont l-Artikolu 9(1), il-prijoritajiet strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kumitat tal-Faċilità msemmi fl-Artikolu 11 għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-limitu massimu billi jiddefinixxi l-ammonti globali maħsuba għall-miżuri ta’ assistenza u l-ammonti globali maħsuba għall-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha. Il-Kumitat tal-Faċilità għandu jirrevedi dawk l-ammonti globali skont il-ħtieġa f’konformità mal-orjentazzjoni strateġika pprovduta mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà skont l-Artikolu 9(2).
▼B
Artikolu 3
Kapaċità legali u eżenzjoni minn taxxi indiretti u dazji doganali
1.
Il-Faċilità għandu jkollha kapaċità ġuridika, b'mod partikolari, sabiex iżżomm kontijiet bankarji, takkwista, iżżomm jew tiddisponi minn assi, provvisti u servizzi, timpjega persunal, tidħol f'kuntratti, ftehimiet u arranġamenti amministrattivi, tillikwida l-obbligi tagħha u tkun parti minn proċedimenti legali, kif meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni. Il-Faċilità m'għandux ikollha l-iskop, jew l-effett, li tagħmel qligħ.
2.
F’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom, kull fejn possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jeżentaw, jirrinunzjaw jew iħallsu lura l-ammont ta' taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz ta' proprjetà mobbli jew immobbli, fejn il-Faċilità tagħmel, għall-użu uffiċjali tagħha, xiri sostanzjali li l-prezz tiegħu jinkludi taxxi ta' dan it-tip. Tali dispożizzjonijiet m'għandhomx jiġu applikati, madankollu, b'mod li jkollhom l-effett li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-importazzjoni ta' oġġetti fl-Unjoni mill-Faċilità huma eżentati mid-dazji doganali kollha.
Artikolu 4
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:
(a)
"operazzjoni" tfisser operazzjoni jew missjoni tal-Unjoni stabbilita skont il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) f'konformità mal-Artikolu 42 TUE, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, inkluż każijiet fejn l-implimentazzjoni ta' kompitu jiġi fdat lil grupp ta' Stati Membri f'konformità mal-Artikolu 44 TUE;
(b)
"kmandant tal-operazzjoni" tfisser il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE kif definit fil-Kunċett tal-Unjoni Ewropea għall-Kmand u l-Kontroll Militari, inkluż, fejn applikabbli, id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija;
(c)
"miżura ta' assistenza" tfisser azzjoni tal-Unjoni kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2); l-assistenza li tiġi pprovduta tista' tikkonsisti f'appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali; tali azzjoni tista' tieħu l-forma ta' miżura speċifika jew ta' programm ġenerali għal appoġġ b'fokus ġeografiku jew tematiku partikolari;
(d)
"Stati Membri kontributuri" tfisser l-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' operazzjoni jew miżura ta' assistenza li tkun ser tiġi ffinanzjata mill-Faċilità;
(e)
"attur responsabbli mill-implimentazzjoni" tfisser attur li huwa fdat bl-implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza jew partijiet minnha u li jikkonkludi kuntratt mal-Faċilità għal dak il-għan;
(f)
"benefiċjarju" tfisser Stat terz jew organizzazzjoni reġjonali jew internazzjonali li għaliha miżura ta' assistenza tipprovdi appoġġ;
▼M1
(g)
“eżerċizzju” tfisser eżerċizzju militari tal-PSDK tal-Unjoni jew il-komponent militari ta’ eżerċizzju ċivili tal-PSDK, imwettaq f’konformità mal-Politika tal-Eżerċizzji tal-Unjoni Ewropea skont il-PESK.
▼B
Artikolu 5
Parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza u kontribuzzjoni għalihom
1.
Soġġett għall-paragrafi 2, 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza li jkunu ser jiġu ffinanzjati mill-Faċilità u għandhom jikkontribwixxu għalihom f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.
2.
F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) TUE, Stat Membru li jkun astjena f'vot fuq Deċiżjoni tal-Kunsill dwar operazzjoni u jkun għamel dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE ma jkunx obbligat li jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' dik l-operazzjoni.
3.
F'każijiet fejn Stat Membru jkun astjena f'vot u għamel dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE fir-rigward ta' miżura ta' assistenza li tippermetti l-forniment ta' tagħmir, jew pjattaformi, militari mfassla biex iwasslu forza letali, dak l-Istat Membru ma għandux jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta' dik il-miżura ta' assistenza. F'tali każ, dak l-Istat Membru għandu jagħmel kontribuzzjoni addizzjonali għal miżuri ta' assistenza li ma jkunux dawk li jikkonċernaw il-forniment ta' tali tagħmir jew pjattaformi.
▼M2 —————
▼B
5.
L-Istati Membri kontributuri għandhom jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Faċilità msemmi fl-Artikolu 11 dwar kwistjonijiet marbutin ma' dik l-operazzjoni jew miżura ta' assistenza.
Artikolu 6
Inizjattivi għal operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza ffinanzjati mill-Faċilità
Deċiżjonijiet li jistabbilixxu operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza ffinanzjati mill-Faċilità għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta' proposti jew inizjattivi ppreżentati f'konformità mal-Artikoli 42(4) jew 30(1) TUE rispettivament.
Artikolu 7
Bażi ġuridika għall-finanzjament ta' operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza tal-Unjoni mill-Faċilità
1.
Il-finanzjament ta' kwalunkwe operazzjoni jew miżura ta' assistenza mill-Faċilità għandu jirrikjedi l-adozzjoni minn qabel ta' att legali bażiku fil-forma ta' deċiżjoni mill-Kunsill li tistabbilixxi l-operazzjoni skont l-Artikoli 42(4) u 43(2) TUE jew il-miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 28 TUE. Bħala eċċezzjoni, att legali bażiku m'għandux ikun meħtieġ għall-finanzjament ta' spejjeż komuni matul il-fażi preparatorja ta' operazzjoni jew ta' nefqa meħtieġa biex tiġi terminata operazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 44(1) u (3), rispettivament, ta' din id-Deċiżjoni. Bl-istess mod, att legali bażiku ma għandux ikun meħtieġ fejn il-Kunsill ikun awtorizza l-finanzjament ta' miżuri preparatorji għal miżura ta' assistenza jew ta' miżuri urġenti sakemm tittieħed deċiżjoni dwar miżura ta' assistenza, skont l-Artikolu 57(2) u l-Artikolu 58, rispettivament, ta' din id-Deċiżjoni.
2.
L-atti legali bażiċi kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu l-objettivi, il-kamp ta' applikazzjoni, it-tul ta' żmien u l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-operazzjoni jew tal-miżura ta' assistenza kkonċernata u għandhom jinkludu l-ammont ta' referenza biex ir-riżorsi finanzjarji jiġu ffinanzjati mill-Faċilità.
Artikolu 8
Konsistenza fl-azzjoni tal-Unjoni
1.
F'konformità mal-Artikolu 26(2) TUE, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandhom jiżguraw konsistenza bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità u azzjonijiet oħra fil-qasam tal-PESK. F'konformità mal-Artikolu 21(3) TUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli, għandhom jiżguraw konsistenza bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità u miżuri taħt strumenti f'oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif ukoll il-politiki l-oħra tagħha, u għandhom jikkooperaw għal dan il-għan.
2.
F'konformità mal-Artikoli 18(4) u 27(1) TUE, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-konsistenza u l-koordinazzjoni meħtieġa fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-ġestjoni finanzjarja tal-Faċilità kif stabbilit fil-Kapitolu 2 ta' din id-Deċiżjoni.
3.
L-amministraturi u atturi oħra responsabbli mill-ġestjoni tal-finanzjament ta' operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza mill-Faċilità għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw ma' xulxin bil-ħsieb li jiżguraw li l-Faċilità taħdem b'mod effiċjenti.
Artikolu 9
Prijoritajiet strateġiċi u orjentazzjoni
1.
L-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza għandhom jimxu fuq il-prijoritajiet strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, inkluż fil-konklużjonijiet rilevanti tagħhom, għal azzjonijiet tal-Unjoni skont il-PESK.
2.
Fil-qafas tal-prijoritajiet strateġiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-KPS għandu jagħti orjentazzjoni strateġika għal operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza li jkunu ser jiġu ffinanzjati mill-Faċilità bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-paċi, jiġu evitati l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. Għal dan il-għan, għandu jorganizza dibattitu darbtejn fis-sena. Fir-rigward ta' miżuri ta' assistenza, il-KPS għandu jibbaża ruħu fuq l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 56 u għandu jqis kif xieraq ir-rapporti pprovduti mir-Rappreżentant Għoli f'konformità mal-Artikolu 63.
3.
Metodoloġija tar-riskju u tas-salvagwardji għall-miżuri ta' assistenza li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill u tiġi rieżaminata regolarment mill-KPS.
4.
L-orjentazzjoni strateġikai msemmija fil-paragrafu 2 għandha tipprovdi fokus kemm tematiku kif ukoll ġeografiku, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni internazzjonali, il-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill, l-azzjoni esterna tal-Unjoni skont l-istrumenti finanzjarji applikabbli, u r-rapporti rilevanti mir-Rappreżentant Għoli, l-amministraturi u l-kmandanti tal-operazzjonijiet, bil-ħsieb li tinkiseb effettività u konsistenza fil-kontribut biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni permezz tal-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza ffinanzjati mill-Faċilità.
5.
Il-metodoloġija tar-riskju u tas-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3 għandha tinkludi elementi possibbli ta' mitigazzjoni u ta' akkumpanjament, arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u kontrolli u salvagwardji, inkluż għal miżuri ta' assistenza li jinvolvu elementi fuq il-Lista Militari Komuni tal-Unjoni.
KAPITOLU 2
Struttura organizzattiva tal-Faċilità
Artikolu 10
Korpi amministrattivi u persunal
1.
Il-Faċilità għandha tiġi amministrata taħt l-awtorità u d-direzzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità msemmi fl-Artikolu 11, minn:
(a)
amministratur għall-operazzjonijiet;
(b)
il-kmandant tal-operazzjoni ta' kull operazzjoni, fir-rigward tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand u ta' kwalunkwe miżura ta' assistenza jew parti minnha li l-operazzjoni tista' timplimenta kif previst fl-Artikolu 60;
(c)
amministratur għall-miżuri ta' assistenza; u
(d)
uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet u uffiċjal tal-kontabilità għall-miżuri ta' assistenza.
2.
Il-Faċilità għandha tagħmel użu kemm jista' jkun mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni. Għandha tirrikorri primarjament għall-istrutturi amministrattivi u l-persunal eżistenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, u għall-persunal issekondat mill-Istati Membri, fuq talba tal-amministratur rispettiv.
3.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jipprovdi lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet bil-persunal u r-riżorsi amministrattivi meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
4.
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun reponsabbli mill-iżgurar tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri ta' assistenza f'konformità mal-Artikolu 27(1) TUE.
5.
Għall-fini tal-implimentazzjoni finanzjarja ta' miżuri ta' assistenza, bl-eċċezzjoni ta' miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom li jkunu implimentati minn operazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jiġi assistit mill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza u l-uffiċjal tal-kontabilità għall-miżuri ta' assistenza. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà bl-appoġġ tad-dipartiment tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 9(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (
1
) u servizzi oħrajn tal-Kummissjoni skont il-ħtieġa.
Artikolu 11
1.
Huwa stabbilit Kumitat tal-Faċilità ("il-Kumitat") magħmul minn rappreżentant minn kull Stat Membru.
2.
Il-President tal-Kumitat għandu jkun rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Il-President għandu jlaqqa' u jippresiedi l-laqgħat tal-Kumitat.
3.
Il-Kumitat għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu skont din id-Deċiżjoni. Għandu jaġixxi skont ir-regoli tal-votazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 14.
4.
Il-Kumitat għandu jadotta l-baġit annwali tal-Faċilità u l-baġits emendatorji, filwaqt li jqis l-ammont ta' referenza għal kull operazzjoni u miżura ta' assistenza.
5.
Il-Kumitat għandu japprova l-kontijiet annwali u għandu jagħti kwittanza lill-amministraturi u lil kull kmandant ta' operazzjoni dwar il-kwistjonijiet li għalihom huma rispettivament responsabbli.
6.
Il-Kumitat, fuq proposta konġunta mill-amministraturi, għandu jadotta r-regoli li ġejjin għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, li jissupplimentaw ir-regoli stabbiliti f'din id-Deċiżjoni:
(a)
ir-regoli ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet militari, li għandhom ikunu simili f'termini ta' flessibbiltà għar-regoli finanzjarji li jkunu applikaw għall-mekkaniżmu biex jamministra l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża stabbiliti mid-Deċiżjoni (PESK)2015/528 ("il-mekkaniżmu Athena");
(b)
ir-regoli ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta' assistenza, li għandhom ikunu konsistenti mal-istess livell ta' ġestjoni finanzjarja tajba, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni u jiggarantixxuh, bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
2
). Dawk ir-regoli għandhom jiġġustifikaw b'mod espliċitu l-każijiet fejn tkun meħtieġa diverġenza mir-regoli tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 sabiex jippermettu l-flessibbiltà mmirata, u għandhom jiżguraw li r-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità skont il-punt (d) tal-Artikolu 13(4) ikunu konformi mal-istandards tal-kontabilità aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.
Il-Kumitat għandu jeżamina r-regoli ta' implimentazzjoni proposti msemmija fil-punti (a) u (b) f'kooperazzjoni mill-qrib mal-amministraturi, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat li r-regoli ta' implimentazzjoni jkunu f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u n-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.
7.
Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu fuq proposta mill-President bl-appoġġ tal-amministraturi.
8.
Meta l-Kumitat jiddiskuti l-finanzjament ta' operazzjoni jew miżura ta' assistenza:
(a)
il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentant ta' kull Stat Membru kontribwenti;
(b)
rappreżentant ta' Stat Membru li ma jikkontribwixxix għall-operazzjoni jew għall-miżura ta' assistenza jista' jattendi l-proċedimenti tal-Kumitat relatati ma' tali operazzjoni jew miżura ta' assistenza, mingħajr ma jieħu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu;
(c)
kull kmandant tal-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-Kumitat għall-operazzjoni li jikkmanda u għall-miżura ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnha li timplimenta l-operazzjoni, mingħajr sehem fil-votazzjonijiet tiegħu;
(d)
ir-rappreżentanti tal-Istati terzi kontribwenti u tal-kontributuri volontarji għandhom jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-Kumitat jekk id-diskussjoni tkun marbuta direttament mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom, mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu jew ikunu preżenti għalihom;
(e)
ir-rappreżentanti ta' atturi rilevanti oħra, b'mod partikolari atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-Kumitat dwar il-miżura ta' assistenza li huma jimplimentaw b'mod sħiħ jew parzjalment, mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu.
9.
Is-segretarjat għall-Kumitat għandu jiġi pprovdut mill-amministratur għall-operazzjonijiet fir-rigward ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet u mal-miżuri ta' assistenza implimentati minn operazzjonijiet, u mill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza fir-rigward ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' miżuri ta' assistenza. Kull amministratur għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat u jniżżel il-minuti tal-laqgħat għall-entrati li jkollhom x'jaqsmu mar-responsabbiltajiet tiegħu. L-amministratur jista' jattendi l-laqgħat għal punti oħra. L-amministraturi m'għandhomx jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tal-Kumitat.
10.
Ir-rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu.
11.
Ir-rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) jistgħu jiġu mistiedna jattendu laqgħat tal-Kumitat għall-punti li jkunu qed jiġu diskussi li għandhom x'jaqsmu mal-qasam ta' attività tal-EDA, mingħajr ma jieħdu sehem jew ikunu preżenti għall-votazzjonijiet tiegħu.
12.
L-uffiċjali tal-kontabilità tal-Faċilità għandhom jipparteċipaw kif meħtieġ fil-proċedimenti tal-Kumitat għall-punti li jkollhom x'jaqsmu mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu.
13.
Jekk Stat Membru, amministratur jew kmandant ta' operazzjoni jitlob hekk, il-President għandu jlaqqa' lill-Kumitat fi żmien 15-il jum.
14.
Filwaqt li titqies il-kompożizzjoni tiegħu kif definita fil-paragrafi 1 u 8, il-Kumitat għandu jaġixxi b'unanimità tal-membri tiegħu. Madankollu, għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu rigward kwistjonijiet proċedurali, pereżempju meta japprova l-aġenda u l-minuti, u għall-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
15.
Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu vinkolanti.
16.
F'materji urġenti tista' tiġi adottata deċiżjoni permezz ta' proċedura bil-miktub skont ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kumitat, fuq l-inizjattiva tal-President, sakemm membru tal-Kumitat ma jitlobx laqgħa tal-Kumitat.
17.
Il-Kumitat għandu jiġi mgħarraf kif xieraq mill-amministraturi, il-kmandanti tal-operazzjoni u l-uffiċjali tal-kontabilità dwar kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. B'mod partikolari, l-amministratur rispettiv għandu jagħti lill-Kumitat biżżejjed informazzjoni f'każ ta' pretensjoni jew tilwima li tkun tinvolvi lill-Faċilità.
18.
Il-baġits u atti oħra adottati mill-Kumitat għandhom jiġu ffirmati mill-President u mill-amministratur rispettiv għall-kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu.
19.
Fejn ma' jintlaħaq ebda ftehim fi ħdan il-Kumitat dwar punt partikolari, il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jgħaddi l-kwistjoni għand il-Kunsill għal deċiżjoni.
Artikolu 12
1.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, wara li jkun informa lill-Kumitat, għandu jaħtar lill-amministratur għall-operazzjonijiet u mill-inqas viċi amministratur wieħed għall-operazzjonijiet, għal perijodu ta' tliet snin.
2.
Ir-Rappreżentant Għoli, wara li jkun informa lill-Kumitat, għandu jaħtar amministratur għall-miżuri ta' assistenza għal perijodu ta' tliet snin.
3.
L-amministraturi għandhom iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom f'isem il-Faċilità.
4.
It-titoli speċifiċi tal-baġit li jikkonċernaw l-implimentazzjoni permezz ta' operazzjoni ta' miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom jenħtieġ li jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-amministratur għall-operazzjonijiet.
5.
Kull amministratur għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Faċilità għall-kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, inkluż fi proċedimenti legali u fis-soluzzjoni ta' tilwim.
6.
Kull amministratur:
(a)
għandu jfassal u jippreżenta lill-Kumitat it-titoli tal-abbozzi tal-baġit annwali u tal-baġits emendatorji li huwa responsabbli għalihom. It-taqsima "nefqa" għal operazzjoni u għal kwalunkwe miżura ta' assistenza jew parti minnha li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta fl-abbozzi tal-baġits annwali u emendatorji għandha titfassal fuq il-bażi ta' proposta mill-kmandant tal-operazzjoni kkonċernat;
(b)
għandu jimplimenta u jirrapporta dwar il-baġits annwali u l-baġits emendatorji rispettivi li huwa responsabbli minnhom wara li jiġu adottati mill-Kumitat;
(c)
għandu jkun l-uffiċjal awtorizzanti rispettiv għad-dħul u n-nefqa tal-Faċilità, ħlief għan-nefqa mġarrba matul il-fażi attiva tal-operazzjonijiet. L-amministratur jista' jiddelega s-setgħat ta' uffiċjal awtorizzanti kif meħtieġ;
(d)
fir-rigward tad-dħul, għandu jimplimenta l-arranġamenti finanzjarji magħmula ma' partijiet terzi fir-rigward tal-finanzjament ta' operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza rispettivament.
7.
Kull amministratur għandu jiżgura, għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu, konformità mar-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat. Għal dak il-għan, l-amministratur għall-miżuri ta' assistenza jista' joħroġ l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, inkluż għal miżuri urġenti.
8.
Kull amministratur għandu jkun awtorizzat, għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu, jadotta kwalunkwe miżura, f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u mar-regoli stabbiliti mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6), li jqis neċessarja għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità. Huwa għandu jgħarraf lill-Kumitat dwar dan.
9.
Kull amministratur għandu jikkoordina, għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu, il-ħidma fuq kwistjonijiet finanzjarji marbutin ma' operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza. Huwa għandu jkun il-punt ta' kuntatt mal-amministrazzjonijiet nazzjonali u, kif ikun jixraq, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet.
10.
Kull amministratur għandu jiżgura, għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu, il-kontinwità tal-funzjonijiet tieggħu, fejn meħtieġ.
11.
Kull amministratur għandu jkun responsabbli lejn Kumitat għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu.
Artikolu 13
Uffiċjali tal-kontabilità
1.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jaħtar l-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet u mill-inqas viċi uffiċjal wieħed tal-kontabilità għall-operazzjonijiet, għal perijodu ta' tliet snin.
2.
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jaħtar l-uffiċjal tal-kontabilità għal miżuri ta' assistenza għal perijodu ta' tliet snin.
3.
L-uffiċjali tal-kontabilità għandhom iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom f'isem il-Faċilità.
4.
Kull uffiċjal tal-kontabilità, għall-kwistjonijiet li jappartjenu għar-responsabbiltajiet tiegħu, għandu:
(a)
jimplimenta l-pagamenti b'mod xieraq, jiġbor id-dħul u jirkupra l-ammonti stabbiliti bħala riċevibbli;
(b)
iħejji l-kontijiet annwali u jippreżentahom lill-Kumitat għall-approvazzjoni;
(d)
jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri tal-kontabilità u t-tabella tal-kontijiet;
(e)
jistabbilixxi, jivvalida u jissorvelja s-sistemi ta' kontabilità għad-dħul u, fejn xieraq, jivvalida u jissorvelja s-sistemi stipulati mill-uffiċjal awtorizzanti rispettiv biex jipprovdi jew jiġġustifika informazzjoni dwar il-kontabilità, jiċċekkja l-informazzjoni miksuba u jitlob miżuri korrettivi meta dan jitqies neċessarju;
(f)
iżomm id-dokumenti ta' prova;
(g)
ikun responsabbli għall-amministrazzjoni tat-teżorerija.
5.
Għar-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tat-teżorerija, kull uffiċjal tal-kontabilità għandu jiftaħ kont bankarju wieħed jew aktar, f'isem il-Faċilità jew jagħmel arranġamenti sabiex jinfetħu tali kontijiet. Ir-responsabbiltà għall-għeluq ta' tali kontijiet jew għall-arranġamenti biex dawn jingħalqu għandha tkun ukoll tal-uffiċjal tal-kontabilità. L-uffiċjali tal-kontabilità jistgħu jiddelegaw ċerti kompiti lil persunal ta' taħthom.
6.
L-amministraturi u kull kmandant ta' operazzjoni għandhom jipprovdu lill-uffiċjal tal-kontabilità rispettiv l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-produzzjoni ta' kontijiet li jirrappreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja u l-implimentazzjoni tal-baġit b'mod preċiż. Għandhom jiċċertifikaw l-affidabbiltà ta' din informazzjoni.
7.
L-uffiċjali tal-kontabilità għandhom ikunu responsabbli lejn il-Kumitat.
Artikolu 14
Dispożizzjonijiet ġenerali li japplikaw għall-amministraturi, għall-uffiċjali tal-kontabilità u għall-persunal
1.
Il-funzjonijiet ta' amministratur jew viċi amministratur, minn naħa waħda, u ta' uffiċjal tal-kontabbiltà jew viċi uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq l-oħra, għandhom ikunu reċiprokament esklużivi.
2.
Il-viċi amministratur għall-operazzjonijiet għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-amministratur għall-operazzjonijiet. Il-viċi uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet għandu jaġixxi taħt l-awtorità tal-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet.
3.
Il-viċi amministratur għall-operazzjonijiet għandu jissostitwixxi l-amministratur għall-operazzjonijiet meta dan ikun assenti. Il-viċi uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet għandu jissostitwixxi lill-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet meta dan ikun assenti.
4.
L-uffiċjali u persunal ieħor tal-Unjoni, meta jkunu qed iwettqu funzjonijiet f'isem il-Faċilità, għandhom jibqgħu soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (
3
) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”).
5.
Il-persunal li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Faċilità mill-Istati Membri għandu jkun soġġett għar-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali ssekondati mal-istituzzjoni tal-Unjoni inkarigata mill-ġestjoni amministrattiva tiegħu, u għad-dispożizzjonijiet miftiehma mill-amministrazzjoni nazzjonali tiegħu u l-istituzzjoni tal-Unjoni tal-amministratur rispettiv f'isem il-Faċilità.
6.
Il-persunal li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Faċilità jew impjegat minnha jrid ikun irċieva approvazzjoni għall-aċċess min qabel għall-informazzjoni klassifikata mill-inqas sal-livell "SECRET UE/EU SECRET", jew approvazzjoni ekwivalenti minn Stat Membru.
Artikolu 15
Kmandanti tal-Operazzjonijiet
1.
Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem il-Faċilità fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand u għall-finanzjament ta' kwalunkwe miżura ta' assistenza jew parti minnha li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta.
2.
Għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand u għal kwalunkwe miżura ta' assistenza jew parti minnha li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta, kull kmandant tal-operazzjoni:
(a)
għandu jibgħat lill-amministratur għall-operazzjonijiet il-proposti tiegħu għat-taqsima "nefqa" tal-abbozzi ta' baġits;
(b)
bħala uffiċjal awtorizzanti:
(i)
għandu jimplimenta l-approprjazzjonijiet relatati mal-ispejjeż komuni, in-nefqa għall-ispejjeż imħallsa min-nazzjon kif imsemmi fl-Artikolu 48, u l-approprjazzjonijiet relatati mal-miżuri ta' assistenza jew partijiet minnhom li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta; għandu jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq kwalunkwe persuna li tkun qed tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta' dawk l-approprjazzjonijiet, inkluż il-prefinanzjament; jista' jagħti kuntratti u jidħol f'kuntratti f'isem il-Faċilità; u għandu jiftaħ kontijiet bankarji għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand, inkluż għal miżuri ta' assistenza jew partijiet minnhom li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta;
(ii)
għandu jimplimenta l-approprjazzjonijiet relatati man-nefqa għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet volontarji; għandu jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq kwalunkwe persuna li tkun qed tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta' dawk l-approprjazzjonijiet, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-ftehim amministrattiv ad hoc mal-kontributur; jista' jagħti u jidħol f'kuntratti f'isem il-kontributur; u għandu jiftaħ kont bankarju għal kull kontribuzzjoni.
3.
Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jkun awtorizzat biex jadotta kwalunkwe miżura, f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u mar-regoli stabbiliti mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6), li jqis neċessarju biex jimplimenta n-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand u għal kwalunkwe miżura ta' assistenza jew parti minnha li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta. Għandu jgħarraf lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-Kumitat b'dan.
4.
Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jżomm il-kontijiet tal-fondi li jaslu mill-Faċilità, tan-nefqa li jkun ħa impenn għaliha u tal-pagamenti magħmula u d-dħul riċevut, kif ukoll inventarju tal-proprjetà mobbli ffinanzjata mill-baġit tal-Faċilità u użata għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand u għal kwalunkwe miżura ta' assistenza jew parti minnha li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta. Dawn il-kontijiet għandhom ikunu disponibbli għal spezzjoni mill-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet meta mitluba.
5.
Ħlief f'ċirkostanzi debitament ġustifikati approvati mill-amministratur u l-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet, kull kmandant tal-operazzjonijiet għandu juża s-sistema tal-kontabilità u tal-ġestjoni tal-assi pprovduta mill-Faċilità.
Artikolu 16
1.
Fil-każ ta' mġiba ħażina jew negliġenza min-naħa tal-persunal li jaġixxi għall-Faċilità fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, ir-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal tal-Unjoni għandha tkun regolata mir-Regolamenti dwar il-Persunal, u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal li huwa ssekondat jew magħmul disponibbli għall-Faċilità minn Stat Membru għandha tkun regolata mir-regoli u l-arranġamenti nazzjonali rilevanti. Mingħajr preġudizzju għall-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea li japplika għall-persunal tal-Unjoni, ir-responsabbiltà kriminali tal-persunal li jaġixxi għall-Faċilità għandha tkun regolata mil-liġi nazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, il-Kumitat jista' jiddeċiedi, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' Stat Membru jew parti terza kontribwenti, li tinbeda azzjoni ċivili mill-Faċilità kontra tali persunal. Ir-responsabbiltà ċivili tal-persunal tal-Unjoni għandha tkun limitata għal danni kkawżati min-negliġenza gravi jew l-imġiba ħażina volontarja fil-qadi ta' dmirijietu jew b'rabta miegħu u għandha tkun regolata mir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli ta' implimentazzjoni applikabbli għalihom.
2.
Fl-ebda każ ma jistgħu l-Unjoni, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli jew il-Kummissjoni jinżammu responsabbli minn Stat Membru kontribwenti jew parti terza kontribwenti b'riżultat tal-qadi tad-dmirijiet tagħhom mill-amministraturi, mill-uffiċjali tal-kontabilità jew mill-persunal assenjat jew issekondat għall-Faċilità.
3.
Kwalunkwe responsabbiltà kuntrattwali li tirriżulta minn kuntratti konklużi f'isem il-Faċilità għandha tkun koperta permezz tal-Faċilità mill-Istati Membri kontribwenti jew minn partijiet terzi kontribwenti fejn applikabbli. Din għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.
4.
Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal dannu kkawżat minn kwartieri ġenerali tal-operazzjoni, kwartieri ġenerali tal-forzi u kwartieri ġenerali tal-komponenti jew mill-persunal tagħhom fil-qadi ta' dmirijietu, kif ukoll ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal dannu kkawżat fl-implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza, għandhom ikunu koperti permezz tal-Faċilità mill-Istati Membri kontribwenti jew minn partijiet terzi kontribwenti fejn applikabbli, f'konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri.
5.
L-Unjoni jew l-Istati Membri fl-ebda każ ma jistgħu jinżammu responsabbli minn Stat Membru kontribwenti jew parti terza kontribwenti għal kuntratti konklużi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-baġit jew għal dannu kkawżat minn operazzjoni jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta' dmirijietu.
6.
Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament dwar l-immunità mill-ġuriżdizzjoni li jgawdu minnu l-persunal ta' operazzjoni skont ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew l-istatus tal-missjoni konkluż mal-Istat ospitanti jew skont il-Ftehim tal-Unjoni Ewropea dwar l-Istatus tal-Forzi (
4
).
TITOLU II
BAĠIT
KAPITOLU 3
Prinċipji u struttura, baġits emendatorji, trasferimenti u riporti ta' approprjazzjonijiet
Artikolu 17
1.
Il-baġit, imfassal f'euro, huwa l-att li għal kull sena finanzjarja jistabbilixxi u jawtorizza d-dħul u n-nefqa kollha amministrati mill-Faċilità.
2.
L-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit huma awtorizzati għall-perijodu ta' sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. Għandhom jinkludu approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.
3.
L-approprjazzjonijiet ta' impenn imdaħħlin fil-baġit għandhom ikunu awtorizzati fil-limitu tal-limiti massimi finanzjarji annwali stabbiliti fl-Anness I. Madankollu, sakemm il-limitu massimu ġenerali msemmi fl-Artikolu 2(1) jiġi rrispettat, il-Kumitat jista' jadotta, fejn ikun meħtieġ jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali, baġit annwali jew emendatorju li jaqbeż il-limitu massimu finanzjarju annwali rispettiv sa 15 %. F'tali każ, ir-Rappreżentant Għoli jista' jippreżenta lill-Kunsill proposta biex jiġu aġġustati l-limiti massimi annwali stabbiliti fl-Anness I, filwaqt li jitqies l-ewwel kwalunkwe parti mhux użata tal-limiti massimi għas-snin preċedenti.
▼M1
3a.
B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, kull amministratur jista’ jipproponi lill-Kumitat li jdaħħal fit-titoli tal-baġit taħt ir-responsabbiltà tiegħu għal sena partikolari approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali relatati ma’ pagamenti ffinanzjati b’kontribuzzjonijiet bil-quddiem, kif imsemmi fl-Artikolu 29(15), biex ikopru ħtiġijiet ta’ implimentazzjoni mhux previsti. L-approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali mdaħħla fil-baġit għandhom jitnaqqsu mil-limiti massimi finanzjarji annwali fis-snin futuri.
▼B
4.
Id-dħul u n-nefqa tal-baġit għandhom ikunu f'bilanċ.
5.
In-nefqa kollha għandha tkun marbuta ma' operazzjoni jew miżura ta' assistenza speċifika, ħlief fejn tkun meħtieġa għall-ispejjeż elenkati fl-Annessi II u III.
6.
L-ebda dħul jew nefqa ma tista' tiġi implimentata ħlief bl-allokazzjoni għal titolu fil-baġit u fil-limitu ta' approprjazzjonijiet imdaħħla hemmhekk, ħlief skont l-Artikolu 51(2) u (6) u l-Artikolu 58.
Artikolu 18
1.
Il-baġit annwali għandu jikkonsisti f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament ikklassifikati f'titoli li għandhom jerġgħu jinqasmu f'kapitoli u artikoli.
2.
Kull sena, bi tħejjija tal-abbozz ta' baġit għas-sena finanzjarja ta' wara, kull amministratur għandu jfassal it-titoli li huwa responsabbli għalihom skont l-Artikolu 12(1) u(2), fuq il-bażi tal-ħtiġijiet stmati, fil-limitu massimu finanzjarju annwali korrispondenti stabbilit fl-Anness I. Il-kmandanti tal-operazzjonijiet għandhom jassistu lill-amministratur għall-operazzjonijiet.
3.
L-abbozz ta' baġit għandu jinkludi:
(a)
l-approprjazzjonijiet meqjusa meħtieġa biex ikopru:
—
l-ispejjeż komuni għal operazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew ippjanati;
—
l-ispejjeż tal-miżuri ta' assistenza stabbiliti jew li għad iridu jiġu approvati mill-Kunsill;
(b)
parti ġenerali biex tkopri n-nefqa ta' appoġġ u dik preparatorja fuq l-operazzjonijiet, kif imsemmi fl-Annessi II u III, li ma tkunx marbuta ma' operazzjoni speċifika;
(c)
parti ġenerali biex tkopri n-nefqa ta' appoġġ u dik preparatorja fuq il-miżuri ta' assistenza, kif imsemmi fl-Annessi II u III, li ma tkunx marbuta ma' miżura ta' assistenza speċifika;
(d)
previżjoni tad-dħul meħtieġ biex ikopri n-nefqa.
4.
Għandu jiġi ddedikat titolu speċifiku għal kull operazzjoni jew miżura ta' assistenza msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 u għal kull waħda mill-partijiet ġenerali għan-nefqa ta' appoġġ u dik preparatorja fuq l-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza. Meta parti minn miżura ta' assistenza tiġi implimentata permezz ta' operazzjoni, għandu jiġi ddedikat titolu speċifiku għal dik il-parti tal-miżura, taħt ir-responsabbiltà tal-amministratur għall-operazzjonijiet, u separat mit-titolu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni.
5.
In-nefqa ta' appoġġ u dik preparatorja li tkun komuni kemm għall-operazzjonijiet kif ukoll għall-miżuri ta' assistenza għandha tiġi attribwita għal kull parti ġenerali skont il-perċentwali li t-titoli għall-operazzjonijiet u t-titoli għall-miżuri ta' assistenza jirrappreżentaw fil-baġit annwali inizjali tal-Faċilità adottat mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(4).
6.
Kull titolu jista' jinkludi kapitolu intitolat ''approprjazzjonijiet proviżorji''. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fejn ikun hemm inċertezza, abbażi ta' raġunijiet serji, dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet meħtieġa jew il-kamp ta' applikazzjoni għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla.
7.
Id-dħul, sottodiviż skont it-titolu, għandu jkun magħmul minn:
(a)
kontribuzzjonijiet pagabbli mill-Istati Membri kontribwenti u, fejn xieraq, minn Stati terzi kontribwenti;
(b)
dħul mixxellanju, li jinkludi:
—
l-eżitu tal-baġit mis-sena finanzjarja preċedenti kif deċiż mill-Kumitat;
—
imgħax riċevut u dħul minn bejgħ;
—
irkupri ta' fondi mhux minfuqa matul l-implimentazzjoni.
8.
L-amministraturi għandhom jipproponu l-abbozz ta' baġit annwali lill-Kumitat sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Il-Kumitat għandu jadotta l-baġit sat-30 ta' Novembru. L-amministraturi għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri u lil Stati terzi kontribwenti dwar il-baġit ladarba jiġi adottat.
Artikolu 19
1.
L-amministratur għall-operazzjonijiet jew l-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jipproponi baġit emendatorju lill-Kumitat fil-każijiet li ġejjin:
(a)
tiġi deċiża operazzjoni jew miżura ta' assistenza ġdida mill-Kunsill u għaldaqstant ikollu jinħoloq titolu ġdid għaliha fil-baġit;
(b)
l-eżitu tal-baġit għal sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet ikunu ġew approvati f'konformità mal-Artikolu 43(6) jeħtieġ li jiddaħħal fil-baġit tas-sena finanzjarja li jmiss;
(c)
minħabba ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, l-approprjazzjonijiet imdaħħla fit-titoli għall-operazzjonijiet jew fit-titoli għall-miżuri ta' assistenza ma jikkorrispondux għall-ħtiġijiet tal-operazzjoni jew miżura ta' assistenza korrispondenti.
2.
L-abbozz ta' baġit emendatorju li jirriżulta mill-istabbiliment jew l-estensjoni ta' operazzjoni jew miżura ta' assistenza għandu jitressaq quddiem il-Kumitat fi żmien perijodu ta' erba' xhur wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-ammont ta' referenza, sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix li l-iskadenza tkun itwal.
3.
Kwalunkwe baġit emendatorju propost minn amministratur għandu jikkumpensa kemm jista' jkun għal kwalunkwe żieda fl-approprjazzjonijiet bi tnaqqis f'titoli oħra li għalihom huwa responsabbli dak l-amministratur.
4.
L-abbozz ta' baġit emendatorju għandu jiġi mfassal, propost, approvat u adottat u n-notifika tingħata konformement mal-istess proċedura tal-baġit annwali. Il-Kumitat għandu jiddiskuti u jadotta l-baġit emendatorju filwaqt li jqis l-urġenza tiegħu.
Artikolu 20
Trasferimenti ta' approprjazzjonijiet
1.
Kull amministratur jista' jagħmel trasferimenti ta' approprjazzjonijiet fi ħdan it-titoli tal-baġit li għalihom ikun responsabbli. L-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jaġixxi abbażi ta' proposta mill-kmandant tal-operazzjoni kkonċernat, ħlief għat-titoli li għalihom huwa l-uffiċjal awtorizzanti. L-amministratur inkwistjoni għandu jinforma lill-Kumitat bl-intenzjoni tiegħu, sakemm tippermetti l-urġenza tas-sitwazzjoni, mill-inqas ġimgħa qabel.
2.
Madankollu, u soġġett għall-Artikolu 51(5), l-approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat għandha tkun meħtieġa meta t-trasferiment ippjanat bejn il-kapitoli jaqbeż 10 % f'titoli relatati mal-operazzjonijiet, u 20 % f'titoli relatati ma' miżuri ta' assistenza, tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-kapitolu li minnu jkunu qed jittieħdu l-approprjazzjonijiet, kif ikun jidher fil-baġit adottat għas-sena finanzjarja fid-data meta ssir il-proposta għat-trasferiment inkwistjoni. Dan ir-rekwiżit m'għandux japplika għal trasferimenti f'titolu għal miżura ta' assistenza li tieħu l-forma ta' programm ġenerali.
3.
L-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat għandha tkun meħtieġa għal trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn it-titoli fil-parti tal-baġit għal operazzjonijiet jew miżuri ta' assistenza rispettivament. It-trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn it-titoli għandhom ikunu possibbli biss jekk l-istess Stati Membri jikkontribwixxu għat-titolu ta' oriġini u għat-titolu ta' destinazzjoni. F'każijiet fejn l-implimentazzjoni ta' parti minn miżura ta' assistenza titwettaq permezz ta' operazzjoni kif previst fl-Artikolu 60(1), l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat m'għandhiex tkun meħtieġa mill-operazzjoni għat-trasferiment meħtieġ ta' approprjazzjonijiet bejn it-titolu għall-miżura ta' assistenza u t-titolu dwar l-implimentazzjoni ta' parti mill-miżura ta' assistenza.
4.
L-ebda trasferiment ta' approprjazzjonijiet ma jista' jsir bejn titolu għall-operazzjonijiet u titolu għall-miżuri ta' assistenza.
Artikolu 21
Riportar ta' approprjazzjonijiet
1.
Approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw sa tmiem is-sena finanzjarja li għaliha kienu ddaħħlu u li ma jkunux ġew riportati għas-sena finanzjarja ta' wara għandhom jitħassru, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan l-Artikolu.
2.
Il-Kumitat jista' jiddeċiedi sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, dwar proposti minn kull amministratur rispettiv biex jirriporta approprjazzjonijiet ta' impenn li ma jkunux ġew impenjati sa tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, u jekk meħtieġ approprjazzjonijiet ta' pagament korrispondenti, f'liema każ jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta' Diċembru.
3.
L-amministraturi għandhom jippreżentaw il-proposti rispettivi tagħhom lill-Kumitat sal-1 ta' Marzu ta' kull sena.
4.
Madankollu, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiġu riportati permezz ta' deċiżjoni tal-amministratur responsabbli fil-każijiet li ġejjin:
(a)
approprjazzjonijiet ta' pagament, fejn ikunu meħtieġa biex ikopru impenji eżistenti;
(b)
approprjazzjonijiet ta' impenn f'titoli għal miżuri ta' assistenza li għalihom il-biċċa l-kbira tal-istadji preparatorji tal-proċedura ta' impenn, li jiġu speċifikati fir-regoli għall-implimentazzjoni skont l-Artikolu 11(6), ikunu tlestew sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel. Tali approprjazzjonijiet jistgħu mbagħad jiġu impenjati sal-31 ta' Marzu;
(c)
approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament li huma meħtieġa meta tkun ġiet adottata deċiżjoni tal-Kunsill għal miżura ta' assistenza ġdida fl-aħħar kwart tas-sena finanzjarja preċedenti.
Kull amministratur għandu jinforma lill-Kumitat bid-deċiżjonijiet ta' riportar tiegħu sal-1 ta' Marzu ta’ kull sena.
5.
L-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jiġi assistit minn kull kmandant tal-operazzjoni, fl-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 22
L-impenji baġitarji li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.
Artikolu 23
Kwalunkwe rkupru għandu jiġi inkluż bħala dħul fl-istess titolu minn fejn ikun ġie ġġenerat. Fejn dak it-titolu ma jibqax jeżisti, l-irkupru għandu jiġi inkluż fil-parti ġenerali li għaliha l-amministratur rispettiv ikun responsabbli.
Artikolu 24
Implimentazzjoni antiċipata
Ladarba l-baġit annwali jkun ġie adottat, jistgħu jintużaw approprjazzjonijiet biex ikopru impenji u pagamenti sa fejn ikun meħtieġ operazzjonalment permezz ta' implimentazzjoni antiċipata.
KAPITOLU 4
Kontribuzzjonijiet
Artikolu 25
1.
L-amministraturi għandhom jippreżentaw sat-30 ta' Ġunju tas-sena n:
(a)
previżjoni għat-tieni sejħa għall-kontribuzzjonijiet għas-sena n;
(b)
previżjoni għal-limitu massimu għall-pagamenti għas-sena n + 1 biex jittieħed kont tal-operazzjonijiet futuri jew dawk li jespandu u miżuri ta' assistenza mhux koperti mill-abbozz ta' baġit;
(c)
stima indikattiva għall-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għas-sena n + 1, n + 2, n + 3 u n + 4 skont il-ħtiġijiet stmati;
(d)
previżjoni jew l-ammont tal-ewwel sejħa għall-kontribuzzjonijiet għas-sena n +1.
2.
Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar il-limitu massimu għall-pagamenti għas-sena n + 1 sal-31 ta' Lulju tas-sena n.
3.
L-amministraturi għandhom jippreżentaw lill-Kumitat, sat-30 ta' Settembru tas-sena n:
(a)
previżjoni tal-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għat-titoli kollha tal-abbozz ta' baġit;
(b)
previżjoni għall-ammont tal-ewwel sejħa għall-kontribuzzjonijiet għas-sena n + 1;
(c)
previżjoni indikattiva riveduta bbażata fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli għall-ammonti annwali ta' kontribuzzjonijiet għas-snin n + 2, n + 3 u n + 4.
Artikolu 26
Determinazzjoni ta' kontribuzzjonijiet
1.
Il-kontribuzzjonijiet pagabbli matul sena għal titolu speċifiku tal-baġit għandhom ikunu daqs l-approprjazzjonijiet ta' pagament imdaħħla f'dak it-titolu, wara t-tnaqqis tad-dħul mdaħħal fl-istess titolu.
2.
L-approprjazzjonijiet ta' pagament għal kull operazzjoni jew miżura ta' assistenza għandhom ikunu koperti minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri kontribwenti għal dik l-operazzjoni jew miżura ta' assistenza.
▼M2
3.
L-approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-parti ġenerali tal-baġit għan-nefqa ta’ appoġġ u dik preparatorja fuq l-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 18 (3) għandhom ikunu koperti minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri.
▼B
4.
L-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-parti ġenerali tal-baġit għan-nefqa ta' appoġġ u dik preparatorja fuq il-miżuri ta' assistenza msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 18(3) għandhom ikunu koperti minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri.
5.
It-tqassim ta' kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri kontribwenti għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-iskala tal-prodott nazzjonali gross kif imsemmi fl-Artikolu 41(2) TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom (
5
), jew kwalunkwe Deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista' tissostitwiha.
6.
Id-data għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għandha tkun dik imniżżla fil-kolonna "riżorsi proprji bbażati fuq l-ING" fit-tabella "Sommarju tal-finanzjament tal-baġit ġenerali skont it-tip tar-riżorsa proprja u skont l-Istat Membru" mehmuża mal-aħħar baġit ġenerali adottat mill-Unjoni. Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru li mingħandu tkun dovuta kontribuzzjoni għandha tkun proporzjonali għas-sehem tad-dħul nazzjonali gross (DNG) ta' dak l-Istat Membru fl-ammont tad-DNG aggregat tal-Istati Membri li mingħandhom tkun dovuta kontribuzzjoni.
7.
Fejn, skont l-Artikolu 5(3), Stat Membru jastjeni mill-adozzjoni ta' miżura ta' assistenza u ma jikkontribwixxix għal dik il-miżura, għandu jikkontribwixxi ammont addizzjonali għal miżuri ta' assistenza ħlief dawk li jikkonċernaw il-forniment ta' tagħmir jew pjattaformi militari mfassla biex iwasslu forza letali. Tali ammont addizzjonali għandu jiżgura li l-kontribuzzjoni globali ta' dak l-Istat Membru għall-miżuri ta' assistenza tkun f'konformità mas-sehem tiegħu tad-DNG. L-ammont ta' kontribuzzjonijiet dovuti mill-Istati Membri l-oħrajn għall-miżuri li għalihom isiru tali kontribuzzjonijiet addizzjonali ma għandhomx jiġu affettwati minn dawk il-kontribuzzjonijiet addizzjonali.
▼M1
8.
Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhomx jaqbżu s-sehem rispettiv tagħhom tal-limitu massimu ta’ pagament imsemmi fl-Artikolu 25(2). Dan il-limitu ma għandux japplika għal kontribuzzjonijiet addizzjonali skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu li jirriżultaw minn astensjonijiet minn miżuri ta’ assistenza, jew għal kontribuzzjonijiet bil-quddiem kif imsemmija fl-Artikolu 29(15).
▼B
Artikolu 27
Kontribuzzjonijiet li jirriżultaw minn astensjoni
1.
Stat Membru li jkun indika l-intenzjoni tiegħu li jastjeni mill-adozzjoni ta’ miżura ta' assistenza kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) jista' jidentifika miżuri oħra ta' assistenza li għalihom ser jagħmel kontribuzzjoni addizzjonali. Jista' jidentifika jew miżuri eżistenti inkella miżuri futuri possibbli li għalihom tkun ġiet ippreżentata jew approvata nota kunċettwali mill-Kunsill, jew jista' jitlob miżuri ġodda oħra għal tali għan.
2.
Jekk l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 ma jidentifikax jew ma jitlobx miżuri oħra ta’ assistenza fi żmien sitt xhur, ir-Rappreżentant Għoli jew Stati Membri oħra għandhom jidentifikaw il-miżuri li għalihom ser isiru tali kontribuzzjonijiet addizzjonali.
3.
Ir-Rappreżentant Għoli, wara li jkun ivvaluta l-ħtiġijiet tal-miżuri l-oħra ta' assistenza kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, u filwaqt li jkun qies il-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni u l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 56, għandu jippreżenta proposti kif meħtieġ lill-Kunsill għall-adozzjoni.
4.
L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jżomm rekord tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali dovuti mill-Istati Membri li jastjenu minn miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 5(3).
5.
L-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandha tirrispetta l-prinċipji ta' programmar ibbażat fuq il-ħtiġijiet u l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-Faċilità u tippreserva l-effettività tagħha, b'mod konsistenti mat-Trattati.
▼M1
Artikolu 28
1.
Il-Faċilità għandu jkollha sistema ta’ depożitu minimu li tipprovdi finanzjament bikri għall-operazzjonijiet ta’ rispons rapidu, miżuri urġenti tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 58 u, soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kumitat, għal miżuri ta’ assistenza individwali, fejn ma jkunux disponibbli fondi suffiċjenti u fejn il-proċedura ordinarja għall-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet ma tkunx tippermetti li dawk il-ħtiġijiet jiġu ssodisfati fi żmien opportun. Id-depożiti minimi għandhom jiġu amministrati minn kull amministratur rispettivament.
2.
L-ammont tad-depożiti minimi għandu jiġi deċiż, u rivedut kif meħtieġ, mill-Kumitat, wara proposti mill-amministratur.
3.
Għall-fini tal-finanzjament bikri tad-depożiti minimi, l-Istati Membri għandhom jew:
(a)
iħallsu kontribuzzjonijiet lill-Faċilità minn qabel; jew
(b)
meta l-Kunsill jiddeċiedi li jniedi operazzjoni ta’ rispons rapidu li huma jikkontribwixxu għaliha, japprova miżura urġenti, jew meta l-Kumitat jawtorizza l-użu tagħha għal miżuri ta’ assistenza individwali skont il-paragrafu 1, u jkun meħtieġ li wieħed jirrikorri għad-depożitu minimu, iħallsu il-kontribuzzjonijiet tagħhom fi żmien għaxart ijiem wara li tintbagħat is-sejħa fil-livell tal-ammont ta’ referenza tal-operazzjoni ta’ rispons rapidu jew tal-ispiża awtorizzata tal-miżura urġenti jew tal-miżura ta’ assistenza urġenti, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.
▼B
Artikolu 29
Ġbir ta' kontribuzzjonijiet
1.
Kontribuzzjonijiet għall-Faċilità għandhom isiru f'euro.
2.
Kull amministratur għandu jibgħat is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għall-approprjazzjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet rispettivi tiegħu permezz ta' ittra lill-amministrazzjonijiet nazzjonali kompetenti li d-dettalji tagħhom ikunu ntbagħtulu.
3.
Meta l-implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza jew parti minnha titwettaq permezz ta' operazzjoni, l-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jibgħat is-sejħa għal kontribuzzjonijiet lill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti. Jekk l-amministratur għall-miżuri ta' assistenza jkun diġà ħareġ is-sejħa għal kontribuzzjonijiet għall-miżura ta' assistenza qabel ma l-Kunsill ikun iddeċieda li l-miżura jew parti minnha ser tiġi implimentata permezz ta' operazzjoni, huwa għandu jittrasferixxi lill-amministratur għall-operazzjonijiet il-fondi meħtieġa għall-implimentazzjoni.
4.
Is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu meta:
(a)
baġit għal sena finanzjarja jiġi adottat mill-Kumitat. L-ewwel sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tkopri l-ħtiġijiet ta' pagamenti għall-ewwel tmien xhur. It-tieni sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tkopri l-bilanċ li jifdal ta' kontribuzzjonijiet, b'kont meħud tal-bilanċ tas-sena preċedenti meta l-Kumitat ikun iddeċieda li jdaħħal tali bilanċ fil-baġit attwali;
(b)
baġit emendatorju jiġi adottat kif previst fl-Artikolu 19 u s-sejħiet ippjanati għal kontribuzzjonijiet għas-sena mhux ser jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' pagament fiż-żmien dovut;
(c)
il-kontribuzzjonijiet għad-depożiti minimi u r-rikostituzzjoni tagħhom huma meħtieġa kif previst fl-Artikolu 28(3) u fil-paragrafi 9 u 10 ta' dan l-Artikolu.
5.
L-amministratur għall-operazzjonijiet u l-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandhom isejħu għal kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri kontribwenti meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi operazzjoni jew miżura ta' assistenza, safejn il-fondi disponibbli rispettivament għal operazzjonijiet jew għal miżuri ta' assistenza ma jkunux biżżejjed biex jiffinanzjaw l-ammont ta' pagamenti li l-Kunsill awtorizza, abbażi tal-ammont ta' referenza f'tali deċiżjoni.
6.
Kwalunkwe mgħax dovut fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-Istati Membri skont il-punt (a) tal-Artikolu 28(3) għandu jitqies għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tagħhom f'sejħiet għal kontribuzzjonijiet ordinarji sussegwenti.
7.
Kwalunkwe sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tagħti analiżi statistika taż-żidiet u t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet għal kull titolu fil-baġit.
8.
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Deċiżjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum wara li tintbagħat is-sejħa rilevanti għal kontribuzzjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-ewwel sejħa għal kontribuzzjonijiet għal baġit ta' sena finanzjarja ġdida, fejn id-data ta' għeluq għall-ħlas għandha tkun 40 jum wara li tintbagħat is-sejħa għal kontribuzzjonijiet rilevanti.
▼M1
9.
Kwalunkwe parti użata mill-kontribuzzjonijiet bil-quddiem għad-depożiti minimi għandha tiġi fornuta mill-ġdid billi tiżdied il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri rilevanti fis-sejħa ordinarja li jmiss għal kontribuzzjonijiet, sakemm ma jkunux reġgħu fornew il-kontribuzzjoni tagħhom minn qabel. Jekk ikun hemm il-ħtieġa li jsir rikors għad-depożitu minimu u sadanittant l-Istati Membri kkonċernati ma jkunux reġgħu fornew il-kontribuzzjoni tagħhom, huma għandhom iħallsu l-ammont meħtieġ, jekk ikun hemm, fi żmien għaxart ijiem, skont l-Artikolu 28(3), il-punt (b).
▼B
10.
Kwalunkwe Stat Membru li jikkontribwixxi minn qabel għal depożitu minimu jista' jawtorizza lill-amministratur responsabbli biex juża sa 75 % ta' tali kontribuzzjoni biex ikopri l-kontribuzzjoni tiegħu għal operazzjoni jew miżura ta' assistenza. F'tali każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jforni mill-ġdid il-kontribuzzjoni mħallsa minn qabel fi żmien 90 jum wara li tintbagħat is-sejħa mill-amministratur responsabbli.
11.
Ladarba l-abbozz ta' baġit ikun ġie ppreżentat lill-Kumitat, kull amministratur jista' joħroġ sejħa antiċipata għal kontribuzzjonijiet għal approprjazzjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu qabel tmiem is-sena finanzjarja attwali lill-Istati Membri bi proċeduri baġitarji u finanzjarji li ma jippermettux il-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom fi żmien id-dati ta' għeluq stabbiliti, bħala ħlas akkont tal-kontribuzzjonijiet għall-baġit tas-sena finanzjarja ta' wara.
12.
Kull Stat Membru u Stat terz kontribwenti għandu jħallas l-imposti bankarji relatati mal-pagament tal-kontribuzzjoni tiegħu stess.
13.
L-amministraturi għandhom jikkonfermaw ir-riċevuta tal-kontribuzzjonijiet li sejħu.
14.
Fejn ikunu dovuti rimborżi, u jekk ma jkunux jistgħu jsiru għalkollox bi tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lill-Faċilità, dawn għandhom jitħallsu lura lill-Istati Membri kkonċernati fi żmien 30 jum.
▼M1
15.
Minbarra l-pagamenti magħmula wara sejħa għal kontribuzzjonijiet maħruġa f’konformità ma’ dan l-Artikolu, Stat Membru, fuq bażi volontarja u f’koordinazzjoni mal-amministratur responsabbli, jista’ jħallas kontribuzzjonijiet bil-quddiem f’sena finanzjarja partikolari. F’każ bħal dan, l-Istat Membru li pprovda l-kontribuzzjoni bil-quddiem għandu jindika f’koordinazzjoni mal-amministratur responsabbli s-snin finanzjarji li fir-rigward tagħhom dak l-ammont jitnaqqas mill-kontribuzzjonijiet futuri tiegħu.
▼B
Artikolu 30
Ġestjoni mill-Faċilità tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji
1.
F'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-qafas legali li jirregola operazzjoni jew miżura ta' assistenza, u wara l-aċċettazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), il-Kumitat jista' jawtorizza li l-ġestjoni amministrattiva ta' kontribuzzjoni finanzjarja volontarja minn Stat Membru jew parti terza tiġi fdata lill-Faċilità. Tali kontribuzzjoni finanzjarja volontarja tista' tiġi allokata għal proġett partikolari b'appoġġ għall-operazzjoni jew il-miżura ta' assistenza.
2.
L-ispejjeż amministrattivi relatati mal-ġestjoni tal-kontribuzzjoni volontarja għandhom jiġu koperti mill-kontribuzzjoni volontarja stess, sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor.
3.
L-amministratur rispettiv, wara approvazzjoni mill-Kumitat, għandu jikkonkludi mal-Istat Membru jew mal-parti terza kkonċernata l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa li jiddefinixxu l-iskop tal-kontribuzzjoni volontarja, l-ispejjeż li għandhom jiġu koperti minnha u l-ġestjoni tal-kontribuzzjoni volontarja.
4.
Kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja tista' tintuża biss għall-iskop li għaliha tkun ġiet ipprovduta lill-Faċilità kif stabbilit fl-arranġament amministrattiv mal-Istat Membru jew mal-parti terza kkonċernata.
5.
L-amministratur rispettiv għandu jiżgura li l-ġestjoni ta' tali kontribuzzjonijiet volontarji tikkonforma mal-arranġamenti amministrattivi rilevanti. Għandu jipprovdi lil kull kontributur, direttament jew permezz tal-kmandant tal-operazzjoni fejn applikabbli, l-informazzjoni rilevanti relatata mal-ġestjoni tal-kontribuzzjoni volontarja kif maqbul fl-arranġament amministrattiv applikabbli.
Artikolu 31
1.
Jekk Stat Membru jew parti terza ma tħallasx pagament lill-Faċilità sad-data dovuta, l-imgħax fuq ħlas tardiv għandu jiġi impost b'rata ugwali għar-rata ta' rifinanzjament ewlenija tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.
2.
Meta ħlas jittardja b'mhux iżjed minn 30 jum, ma għandu jiġi impost l-ebda mgħax. Meta ħlas jittardja b'iżjed minn 30 jum, għandu jiġi impost imgħax għall-perijodu kollu tad-dewmien.
KAPITOLU 5
Implimentazzjoni
Artikolu 32
1.
L-approprjazzjonijiet tal-Faċilità għandhom jintużaw f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiġifieri l-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effettività.
2.
L-uffiċjali awtorizzanti għandhom ikunu responsabbli li jimplimentaw id-dħul u n-nefqa tal-Faċilità skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u li jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-legalità u r-regolarità.
Għall-implimentazzjoni tan-nefqa, l-uffiċjali awtorizzanti għandhom:
(a)
jieħdu impenji baġitarji u impenji legali, inkluż billi jiffirmaw kuntratti f'isem il-Faċilità;
(b)
jivvalidaw in-nefqa u jawtorizzaw il-pagamenti; u
(c)
jieħdu l-passi preliminarji għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.
3.
Uffiċjal awtorizzanti jista' jiddelega d-dmirijiet tiegħu b'deċiżjoni li tiddetermina:
(a)
il-membri tal-persunal fuq livell xieraq għal tali delegazzjoni;
(b)
il-limitu tas-setgħat mogħtija; u
(c)
l-ambitu li fih id-delegati jissottodelegaw is-setgħat tagħhom.
4.
L-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet skont il-prinċipju ta' segregazzjoni tad-dmirijiet tal-uffiċjal awtorizzanti u tal-uffiċjal tal-kontabilità għandha tkun żgurata. Id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti u tal-uffiċjal tal-kontabbiltà għandhom ikunu reċiprokament esklussivi.
Artikolu 33
Metodi ta' implimentazzjoni
1.
Il-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' operazzjoni għandu jiġi implimentat f'isem il-Faċilità mill-kmandant tal-operazzjoni meta jkun fil-kariga, jew inkella mill-amministratur għall-operazzjonijiet, fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti.
2.
Miżura ta' assistenza tista' tiġi implimentata permezz ta' ġestjoni diretta jew indiretta. Meta miżura ta' assistenza tiġi implimentata permezz ta' ġestjoni indiretta, l-atturi ta' implimentazzjoni jistgħu jiġu nnominati mill-Kunsill minn waħda mill-kategoriji li ġejjin:
(a)
il-ministeri jew id-dipartimenti tal-Gvern tal-Istati Membri, jew il-korpi u l-aġenziji tal-liġi pubblika l-oħra tagħhom, jew korpi rregolati mil-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku sa fejn dawn tal-aħħar jingħataw garanziji finanzjarji adegwati;
(b)
organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni reġjonali, jew il-korpi u l-aġenziji tagħhom;
(c)
Stat terz jew il-korpi u l-aġenziji tal-liġi pubblika tiegħu, dment li tali Stat terz ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri u li jirrispetta l-liġi internazzjoni u, fejn rilevanti, il-prinċipju ta' relazzjonijiet tajbin ta' viċinat mal-Istati Membri;
(d)
l-aġenziji u l-entitajiet tal-Unjoni li għandhom personalità ġuridika.
3.
F'ċirkostanzi eċċezzjonali, l-entitajiet li ma jaqgħux taħt il-kategoriji elenkati hawn fuq jistgħu jinħatru bħala atturi ta' implimentazzjoni, wara l-konferma mill-amministratur f'konformità mal-paragrafu 5, dment li l-miżura ta' assistenza tiġi implimentata b'konsistenza mal-punt (c) tal-paragrafu 2.
4.
Il-miżuri ta' assistenza jistgħu wkoll jiġu implimentati kmopletament jew parzjalment mill-benefiċjarju jew mill-korpi li jkun innomina. F'każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal tali benefiċjarju jew korpi bħall-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni.
5.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 56(3) u 66(8), l-amministratur għandu jinforma, fl-istadju tat-tħejjija ta' miżura ta' assistenza, dwar il-kapaċità ta' atturi possibbli ta' implimentazzjoni li jimplimentaw il-miżura ta' assistenza jew partijiet minnha f'konformità mal-Kapitolu 10 u, fejn rilevanti, dwar il-kapaċità ta' riċevitur ta' għotja mogħtija mingħajr sejħa għal proposti li jimplimenta l-għotja. Attur ta' implimentazzjoni jew riċevitur ta' għotja għandu jiġi nnominat mill-Kunsill wara l-konferma mill-amministratur li l-attur ta' implimentazzjoni jew ir-riċevitur ta' għotja jkollu tali kapaċità. Jekk tali kapaċità ma tistax tiġi kkonfermata, l-amministratur għandu jindika lill-Kunsill kwalunkwe mod possibbli ieħor ta' implimentazzjoni tal-miżura. Fejn xieraq, l-amministratur għandu jikkunsidra kif għandhom jiġu indirizzati limitazzjonijiet speċifiċi fil-kapaċità tal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni possibbli, f'konformità mal-Artikolu 66(6).
6.
Il-miżuri ta' assistenza jistgħu wkoll jiġu implimentati b'mod sħiħ jew parzjalment minn operazzjoni kif deċiż mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 60, b'mod partikolari bil-ħsieb li tingħata assistenza integrata li tinkludi taħriġ militari, konsulenza, il-provvista ta' appoġġ materjali u l-monitoraġġ tal-użu tiegħu mill-benefiċjarju.
7.
Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni reġjonali jew attur ieħor li lilu tiġi fdata l-implimentazzjoni tan-nefqa ta' operazzjoni ffinanzjata mill-Faċilità għandu japplika r-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tan-nefqa tiegħu stess. Bl-istess mod, attur responsabbli mill-implimentazzjoni għal miżura ta' assistenza jista' japplika r-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tan-nefqa tiegħu stess soġġetta għall-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 66. Fil-każ ta' diverġenzi sostantivi bejn dawk ir-regoli, minn naħa waħda, u d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u r-regoli adottati mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6), min-naħa l-oħra, it-tnejn tal-aħħar għandhom jipprevalu. Għal dak il-għan, l-amministratur responsabbli jista' jieħu l-miżuri ta' rimedju neċessarji biex jiggarantixxi protezzjoni suffiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-Faċilità.
Artikolu 34
1.
Kwalunkwe kont bankarju tal-Faċilità għandu jinfetaħ f'istituzzjoni finanzjarja tal-ogħla kalibru li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru u għandu jkun kont kurrenti jew kont bi skadenza qasira f'euro.
2.
Madankollu, meta ċ-ċirkostanzi jitolbu hekk u wara l-approvazzjoni mill-amministratur rispettiv, il-kontijiet jistgħu jinfetħu f'istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom l-uffiċċji tagħhom reġistrati barra mill-Unjoni u f'muniti oħra għajr l-euro.
3.
Minn ebda kont bankarju tal-Faċilità ma jistgħu jinġibdu flus aktar milli jkun hemm depożitati.
4.
Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jitħallsu f'kontijiet bankarji apposta. Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw biex isiru:
(a)
l-avvanzi meħtieġa lill-kmandanti tal-operazzjoni għall-implimentazzjoni tan-nefqa relatata mal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet u mal-ispiża tal-miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom li huma implimentati minn operazzjonijiet; u
(b)
il-pagamenti meħtieġa lill-atturi inkarigati mill-implimentazzjoni u lill-fornituri meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza.
5.
Il-kontribuzzjonijiet skont l-ispejjeż mġarrba min-nazzjon u minn kontribuzzjonijiet volontarji għandhom jitħallsu f'kontijiet bankarji apposta. Dawn għandhom jintużaw biex tiġi implimentata n-nefqa li l-amministrazzjoni tagħha tkun ġiet fdata lill-Faċilità.
Artikolu 35
1.
L-akkwist li jkun ser jiġi ffinanzjat jew prefinanzjat mill-Faċilità sabiex tinkiseb, bi ħlas ta' prezz, il-provvista ta' assi mobbli jew immobbli, permezz ta' xiri, lokazzjoni, kiri jew xiri bin-nifs, bi jew mingħajr l-għażla ta' xiri, kif ukoll il-forniment ta' servizzi jew it-twettiq ta' xogħlijiet, għandu jsir permezz ta' kuntratti konklużi f'isem il-Faċilità, jekk implimentati mill-Faċilità direttament jew permezz ta' operazzjoni.
2.
Il-proċeduri ta' akkwist għandu jkollhom l-għan li jiżguraw, permezz ta' kompetizzjoni ġusta u miftuħa, l-akkwist l-aktar effiċjenti li jissodisfa r-rekwiżiti tal-operazzjonijiet jew tal-miżuri ta' assistenza.
3.
Ir-regoli adottati mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6) għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata permezz tal-Faċilità għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu proċeduri għall-akkwist f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 36
1.
Il-miżuri ta' assistenza jistgħu jiġu implimentati permezz ta' għotjiet mogħtija b'sejħa għal proposti jew mingħajrha.
2.
Ir-regoli adottati mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6) għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-għoti u l-implimentazzjoni ta' għotjiet, inkluż fil-każijiet debitament iġġustifikati meta l-għotjiet jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għal proposti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw is-sorveljanza stretta mill-amministratur matul l-implimentazzjoni ta' għotjiet u jieħdu kont partikolari tal-kontrolli applikati mill-amministratur f'każijiet ta' ġestjoni diretta.
Artikolu 37
Arranġamenti amministrattivi biex jiffaċilitaw l-akkwist futur jew l-appoġġ reċiproku
1.
Il-Faċilità tista' tikkonkludi arranġamenti amministrattivi mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll ma' Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet reġjonali u l-aġenziji tagħhom sabiex jiġi ffaċilitat l-akkwist futur jew l-aspetti finanzjarji ta' appoġġ reċiproku, jew it-tnejn, bl-aktar mod kosteffettiv.
2.
L-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:
(a)
soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel tal-Kumitat jekk jiġu konklużi ma' Stati Membri, istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew korpi jew aġenziji ta' Stat Membru jew tal-Unjoni; jew
(b)
ippreżentati lill-Kumitat għal approvazzjoni minn qabel jekk jiġu konklużi ma' Stati terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali jew organizzazzjonijiet reġjonali.
3.
L-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ffirmati mill-amministratur responsabbli jew, fejn xieraq, mill-kmandant rispettiv tal-operazzjoni, li jaġixxi f'isem il-Faċilità u mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-partijiet l-oħra msemmija fil-paragrafu 1.
4.
Jistgħu jiġu konklużi kuntratti qafas sabiex l-akkwist jiġi ffaċilitat bl-aktar mod kosteffettiv. Il-kuntratti qafas għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat għall-approvazzjoni qabel ma jiġu ffirmati mill-amministratur responsabbli. L-Istati Membri u l-kmandanti tal-operazzjoni jistgħu jagħmlu użu minn kuntratti qafas jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan. Il-konklużjoni ta' kuntratti qafas mill-Faċilità ma għandha tobbliga lil ebda Stat Membru li ma jkunx parti għalihom jakkwista oġġetti u servizzi fuq il-bażi ta' dawk il-kuntratti.
KAPITOLU 6
Rapporti finanzjarji, kontijiet u awditu
Artikolu 38
Rapporti finanzjarji regolari lill-Kumitat
Kull tliet xhur, kull amministratur, bl-appoġġ tal-uffiċjal tal-kontabilità responsabbli u l-kmandanti tal-operazzjonijiet, għandu jippreżenta lill-Kumitat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja, rapport tal-fluss tal-flus u rapport dwar id-depożitu minimu korrispondenti.
Artikolu 39
1.
Kull uffiċjal tal-kontabilità għandu jżomm il-kontijiet tal-kontribuzzjonijiet imsejħa u tat-trasferimenti tal-fondi magħmula li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha. Għandu jagħmel ukoll il-kontijiet għan-nefqa u d-dħul implimentati taħt ir-responsabbiltà tal-amministratur rispettiv.
2.
L-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet għandu jfassal il-kontijiet annwali għall-operazzjonijiet u għall-miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom li huma implimentati minn operazzjonijiet bl-appoġġ tal-kmandanti tal-operazzjonijiet. L-uffiċjal tal-kontabilità għall-miżuri ta' assistenza għandu jfassal il-kontijiet annwali għall-miżuri ta' assistenza bl-appoġġ tal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni.
Artikolu 40
Regoli ġenerali applikabbli għall-kontrolli
1.
Il-Faċilità, permezz tar-rappreżentanti tagħha jew permezz tal-korpi ta' kontroll jew ta' awditjar li tista' tinnomina, għandha twettaq verifiki fuq il-post fl-operazzjonijiet u l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, bil-ħsieb li jiġi żgurat li r-regoli stabbiliti minn din id-Deċiżjoni u mid-deċiżjonijiet tal-Kumitat jiġu implimentati kif xieraq u li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet fil-kuntratti konklużi mal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni.
2.
Il-persuni responsabbli għall-awditjar tad-dħul u n-nefqa tal-Faċilità għandhom, qabel ma jwettqu l-kompitu tagħhom, ikunu rċevew l-approvazzjoni għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata mill-inqas sal-livell "SECRET UE/EU SECRET", jew approvazzjoni ekwivalenti minn Stat Membru jew min-NATO, kif xieraq. Dawk il-persuni għandhom jiżguraw li huma jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u jipproteġu d-data li jsiru jafu biha waqt il-kompitu tagħhom ta' awditjar, f'konformità mar-regoli applikabbli għal dik l-informazzjoni u dik id-data.
3.
Il-persuni responsabbli għall-awditjar tad-dħul u n-nefqa tal-Faċilità għandu jkollhom aċċess mingħajr dewmien u mingħajr ma jagħtu avviż minn qabel għad-dokumenti u għall-kontenut tal-ġustifikazzjonijiet kollha tad-data relatati ma' dak id-dħul u dik in-nefqa, u għas-siti fejn jinżammu dawk id-dokumenti u ġustifikazzjonijiet. Huma jistgħu jagħmlu kopji tagħhom. Il-persuni involuti fl-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa tal-Faċilità għandhom jagħtu lill-amministraturi u l-persuni responsabbli għall-awditjar ta' dak id-dħul u dik in-nefqa l-assistenza neċessarja fit-twettiq tal-kompitu tagħhom.
4.
Jekk jinstabu irregolaritajiet li jinvolvu telf finanzjarju, il-Faċilità għandha tieħu l-passi meħtieġa mal-operazzjoni, l-attur responsabbli mill-implimentazzjoni jew il-fornitur ikkonċernat biex jiġi żgurat l-irkupru jew ir-restituzzjoni tal-ammonti kkonċernati.
Artikolu 41
Awditjar intern tal-Faċilità
1.
Fuq proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet u wara li jiġi mgħarraf il-Kumitat, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jaħtar awditur intern, u mill-inqas viċi awditur intern wieħed, għall-operazzjonijiet. Fuq proposta mill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza u wara li jiġi mgħarraf il-Kumitat, ir-Rappreżentant Għoli għandu jaħtar awditur intern għall-miżuri ta' assistenza.
2.
L-awdituri interni għandhom jinħatru għal perijodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded għal perijodu totali ta' mhux aktar minn tmien snin. L-awdituri interni jrid ikollhom il-kwalifiki professjonali neċessarji u joffru garanziji suffiċjenti ta' sigurtà u indipendenza. L-awdituri interni ma jistgħux ikunu uffiċjali awtorizzanti jew uffiċjali tal-kontabilità, u ma jistgħux jieħdu sehem fit-tħejjija ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Faċilità.
3.
Kull awditur intern għandu jirrapporta lill-amministratur responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji, billi jagħti opinjonijiet independenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta' amministrazzjoni u kontroll u billi jagħti rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba. L-awdituri interni għandhom ikunu responsabbli b'mod partikolari għall-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi interni ta' amministrazzjoni u tal-prestazzjoni tad-dipartimenti rilevanti fl-implimentazzjoni ta' politiki u fil-ksib ta' objettivi b'referenza għar-riskji assoċjati magħhom.
4.
L-awdituri interni għandhom jaqdu d-dmirijiet tagħhom għall-kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tad-dipartimenti kollha involuti fil-ġbir tad-dħul tal-Faċilità jew fl-implimentazzjoni tan-nefqa tagħha.
5.
Kull awditur intern għandu jwettaq awditu wieħed jew aktar matul is-sena finanzjarja kif xieraq u għandu jirrapporta lill-amministratur responsabbli. Il-kmandanti tal-operazzjonijiet u fejn xieraq l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa mill-awditur intern responsabbli dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Kull amministratur għandu jiżgura, għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu, inkluż billi joħroġ l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-kmandanti tal-operazzjonijiet u lill-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, li tittieħed azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jirriżultaw mill-awditi.
6.
Kull amministratur għandu jippreżenta rapport kull sena lill-Kumitat dwar il-ħidma ta' awditjar intern li tkun saret fuq kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu, filwaqt li jindika l-għadd u t-tip ta' awditi interni mwettqa, l-osservazzjonijiet li saru, ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija u kif ġew segwiti dawk ir-rakkomandazzjonijiet.
7.
Il-proċedimenti u r-rapporti tal-awdituri interni għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Awdituri stabbilit skont l-Artikolu 42, flimkien mad-dokumenti ta' prova kollha relatati magħhom.
Artikolu 42
Awditjar estern tal-Faċilità
1.
Għandu jitwaqqaf Kulleġġ tal-Awdituri. Id-dħul u n-nefqa li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 1(2), kif ukoll il-kontijiet annwali tal-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza, għandhom jiġu awditjati mill-Kulleġġ tal-Awdituri.
2.
Il-Kumitat għandu jiddetermina l-għadd ta' awdituri meħtieġa u jaħtar membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet snin, li jista' jiġġedded darba, mill-kandidati proposti mill-Istati Membri. Il-Kumitat jista' jestendi mandat ta' membru b'mhux aktar minn sitt xhur. Il-kandidati għandhom ikunu membri tal-ogħla korp nazzjonali tal-awditjar ta' Stat Membru, jew rakkomandati minn dak il-korp, u joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza.
3.
Il-Kumitat jista' jaħtar assistenti għall-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri fuq talba mill-Kulleġġ tal-Awdituri. L-assistenti jridu joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza. Fuq talba mill-Kulleġġ tal-Awdituri, il-Kumitat jista' japprova rikors mill-Kulleġġ tal-Awdituri għal appoġġ estern kwalifikat għall-awditjar estern tal-Faċilità.
4.
Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jivverifika, kemm matul is-sena finanzjarja kif ukoll ex post, permezz ta' kontrolli fuq il-post kif ukoll b'dokumenti ta' prova, li n-nefqa ffinanzjata jew prefinanzjata permezz tal-Faċilità tiġi implimentata f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u mar-regoli adottati skont l-Artikolu 11(6), kif ukoll mħal-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli fejn rilevanti, u f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiġifieri l-prinċipji ta' ekonomija, effettività u effiċjenza, u li jkunu adegwati l-kontrolli interni.
5.
Il-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri u l-assistenti tagħhom għandhom jibqgħu jitħallsu mill-korp tal-awditjar ta' oriġini tagħhom; il-Faċilità għandha ġġarrab l-ispejjeż tal-missjoni tagħhom f'konformità mar-regoli li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat, kif ukoll l-ispejjeż tal-appoġġ estern kwalifikat.
6.
Matul il-mandat tagħhom, il-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri u l-assistenti tagħhom:
(a)
la għandhom jitolbu u lanqas jirċievu struzzjonijiet ħlief mill-Kumitat; fil-limiti tal-mandat tal-awditjar tiegħu, il-Kulleġġ tal-Awdituri u l-membri tiegħu għandhom ikunu kompletament indipendenti u responsabbli huma biss għat-tmexxija tal-awditu estern tagħhom;
(b)
għandhom jirrapportaw dwar il-kompitu tagħhom lill-Kumitat biss.
7.
Kull sena, il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu jew jestendi l-mandat tal-President attwali tiegħu. Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jadotta r-regoli applikabbli għall-awditi mwettqa mill-membri tiegħu f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali. Għandu japprova r-rapporti ta' awditu mfassla mill-membri tiegħu qabel ma dawn jintbagħtu lill-amministraturi u lill-Kumitat.
8.
L-amministraturi jew il-persuni maħturin minn kwalunkwe wieħed mill-amministraturi jistgħu fi kwalunkwe żmien iwettqu awditi tan-nefqa ffinanzjata permezz tal-Faċilità. Barra minn hekk, il-Kumitat, fuq il-bażi ta' proposta minn kwalunkwe wieħed mill-amministraturi jew minn Stat Membru, jista' fi kwalunkwe ħin jaħtar awdituri esterni addizzjonali fuq bażi ad hoc, li tagħhom għandu jiddetermina l-kompiti u l-kondizzjonijiet tas-servizz.
Artikolu 43
Preżentazzjoni tal-kontijiet annwali u l-eżitu tal-baġit
1.
Kull uffiċjal tal-kontabilità tal-Faċilità, bl-assistenza tal-amministratur responsabbli, għandu jistabbilixxi u jipprovdi lill-Kulleġġ tal-Awdituri, sal-15 ta' Mejju wara tmiem is-sena finanzjarja, l-abbozz tal-kontijiet annwali tal-Faċilità għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu. L-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet għandu juża l-kontijiet ipprovduti mill-kmandanti tal-operazzjonijiet, inkluż il-kontijiet tal-miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom li tkun implimentat l-operazzjoni. L-uffiċjal tal-kontijiet għall-miżuri ta' assistenza għandu juża l-kontijiet ipprovduti mill-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni. Sal-istess data, kull uffiċjal tal-kontabilità għandu jipprovdi lill-Kumitat bil-bilanċ pożittiv mill-baġit tas-sena finanzjarja għal kull titolu fil-baġit li huwa responsabbli għalih. Kull amministratur għandu jipprovdi lill-Kumitat b'rapport ta' attività annwali għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu.
2.
Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jipprovdi, abbażi tal-ħidma tal-awditjar imwettqa, inkluż bl-appoġġ estern kwalifikat imsemmi fl-Artikolu 42(3), lil kull uffiċjal tal-kontabilità u kull kmandant tal-operazzjoni s-sejbiet tal-awditjar tiegħu dwar il-kontijiet rispettivi tagħhom sal-15 ta' Lulju.
3.
Kull uffiċjal tal-kontabilità, assistit mill-amministratur responsabbli, għandu jibgħat il-kontijiet annwali awditjati finali tal-Faċilità għal kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu lill-Kumitat sat-30 ta' Settembru.
4.
Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jipprovdi r-rapport tal-awditjar, inkluż l-opinjoni tal-awditjar sat-30 ta' Settembru wara tmiem is-sena finanzjarja. Il-Kumitat għandu jeżamina r-rapport tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u l-kontijiet annwali bil-ħsieb li jagħti kwittanza lil kull amministratur u lil kull kmandant tal-operazzjoni.
5.
Id-dokumenti ta' sostenn għall-kontijiet annwali tal-Faċilità għandhom jinżammu għal perijodu ta' ħames snin mid-data li fiha tkun ingħatat il-kwittanza korrispondenti. Meta tintemm operazzjoni, il-kmandant tal-operazzjoni għandu jiżgura t-trażmissjoni tad-dokumenti ta' sostenn kollha, inkluż dawk dwar l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnha li tkun ġiet implimentata mill-operazzjoni, lill-amministratur għall-operazzjonijiet.
6.
Il-Kumitat għandu jiddeċiedi li jdaħħal l-eżitu tal-baġit għal sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet ikunu ġew approvati fil-baġit għas-sena finanzjarja li jmiss, bħala dħul jew nefqa skont iċ-ċirkostanzi. Madankollu, il-Kumitat jista' jiddeċiedi, qabel ma l-kontijiet ikunu ġew approvati, li jdaħħal stima tal-eżitu tal-baġit, ladarba jkun irċieva l-opinjoni tal-awditjar mill-Kulleġġ tal-Awdituri. L-amministratur responsabbli għandu jippreżenta il-baġits emendatorji meħtieġa waqt li jqis ir-riport ta' fondi.
7.
Jekk ir-rimborż ma jkunx jista' jsir kollu bit-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lill-Faċilità, il-bilanċ tal-eżitu tal-baġit għandu jitħallas lura lill-Istati Membri kkonċernati skont il-kodiċi tal-ING tas-sena tar-rimborż.
TITOLU III
REGOLI SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL OPERAZZJONIJIET
KAPITOLU 7
Spejjeż Komuni U Spejjeż Imġarrba Min-Nazzjon
Artikolu 44
Definizzjoni ta' spejjeż komuni u perijodi ta' eliġibbiltà
1.
Il-Faċilità għandha ġġarrab l-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness III matul il-fażi preparatorja ta' operazzjoni li tibda tiddekorri mill-approvazzjoni tal-kunċett ta' maniġġar ta' kriżijiet sakemm jinħatar il-kmandant tal-operazzjoni. F'ċirkostanzi partikolari, wara li jkun ġie kkonsultat il-KPS, il-Kumitat jista' jestendi l-perijodu li matulu dawn l-ispejjeż għandhom jiġġarrbu mill-Faċilità.
2.
Matul il-fażi attiva ta' operazzjoni, li tibda tiddekorri mid-data li fiha jinħatar il-kmandant tal-operazzjoni sal-jum li fih il-kwartieri ġenerali tal-operazzjoni twaqqaf l-attività tagħha, il-Faċilità għandha ġġarrab bħala spejjeż komuni:
(a)
l-ispejjeż komuni elenkati fil-Parti A tal-Anness IV;
(b)
l-ispejjeż komuni elenkati fil-Parti B tal-Anness IV, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk;
(c)
l-ispejjeż komuni elenkati fil-Parti C tal-Anness IV, meta l-kmandant tal-operazzjoni jitlob li jsir dan u jekk il-Kumitat japprovah.
3.
L-ispejjeż komuni ta' operazzjoni għandhom jinkludu wkoll in-nefqa meħtieġa biex din tkun terminata, kif elenkat fl-Anness V.
4.
Operazzjoni tal-Unjoni tkun terminata meta t-tagħmir u l-infrastruttura finanzjati b'mod komuni għal dik l-operazzjoni jkunu sabu d-destinazzjoni finali tagħhom u jkunu ġew approvati l-kontijiet għall-operazzjoni.
5.
L-ispejjeż komuni għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż inkrimentali, jiġifieri spejjeż għajr dawk li fi kwalunkwe każ ikunu ġġarrbu minn Stat Membru jew Stat terz kontribwenti wieħed jew aktar, istituzzjoni tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali, indipendentement mill-organizzazzjoni ta' operazzjoni tal-Unjoni.
6.
Il-Kunsill jista' jiddetermina f'deċiżjonijiet li jistabbilixxu jew jestendu operazzjonijiet li ċerti spejjeż inkrimentali, flimkien ma' dawk li jikkwalifikaw bħala spejjeż komuni f'dak iż-żmien, għandhom jitqiesu bħala spejjeż komuni għal operazzjoni partikolari.
7.
Minbarra s-setgħa tiegħu skont il-punt (b) tal-paragrafu 2, il-Kumitat jista' jiddeċiedi skont il-każ li, fid-dawl ta' ċirkostanzi partikolari, ċerti spejjeż inkrimentali għajr dawk elenkati fl-Annessi II sa V għandhom jitqiesu bħala spejjeż komuni għal operazzjoni partikolari.
Artikolu 45
▼M2
1.
L-ispejjeż komuni tal-eżerċizzji tal-Unjoni għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-Faċilità skont ir-regoli u l-proċeduri simili għal dawk ta’ operazzjonijiet li għalihom jikkontribwixxu l-Istati Membri kollha.
▼B
2.
Dawn l-ispejjeż komuni tal-eżerċizzju għandhom jikkonsistu minn, l-ewwel nett, spejjeż inkrimentali għall-kwartieri ġenerali stazzjonabbli jew fissi u, it-tieni, spejjeż inkrimentali magħmula minn rikors tal-Unjoni għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO meta dawn isiru disponibbli għal eżerċizzju.
3.
L-ispejjeż komuni tal-eżerċizzju ma għandhomx jinkludu spejjeż relatati ma':
(a)
akkwist kapitali, inkluż dak relatat ma' bini, infrastruttura u tagħmir;
(b)
l-ippjanar u l-fażi ta' tħejjija ta' eżerċizzji, sakemm mhux approvat mill-Kumitat;
(c)
it-trasport, il-kwartieri u l-akkomodazzjoni għall-forzi.
Artikolu 46
Ammont ta' referenza għal operazzjoni
Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi jew testendi operazzjoni għandu jkun fiha ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' dik l-operazzjoni. L-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jevalwa, bl-appoġġ b'mod partikolari tal-Istat Maġġur tal-UE u, jekk ikun fil-kariga, tal-kmandant tal-operazzjoni, l-ammont meqjus meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż komuni tal-operazzjoni għall-perijodu ppjanat. L-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jibgħat l-ammont propost lill-Presidenza tal-Kunsill għal eżami mill-korp preparatorju tal-Kunsill responsabbli għall-eżami tal-abbozz ta' deċiżjoni. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu mistiedna għad-diskussjonijiet ta' dan il-korp fir-rigward tal-ammont ta' referenza.
Artikolu 47
Rimborż ta' prefinanzjament
1.
Stat Membru, Stat terz jew, kif xieraq, organizzazzjoni internazzjonali li tkun ġiet awtorizzata mill-Kunsill biex tipprovdi prefinanzjament ta' parti mill-ispejjeż komuni ta' operazzjoni tista' tikseb rimborż mill-Faċilità billi tagħmel talba flimkien mad-dokumenti ta' sostenn neċessarji u indirizzata lill-amministratur għall-operazzjonijiet mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data ta' tlestija tal-operazzjoni kkonċernata.
2.
L-ebda talba għar-rimborż ma tista' tiġi ssodisfata jekk din ma tkunx ġiet approvata mill-kmandant tal-operazzjoni, jekk ikun għadu fil-kariga, u mill-amministratur għall-operazzjonijiet.
3.
Jekk tkun approvata talba għar-rimborż ippreżentata minn Stat Membru jew Stat terz kontribwenti, din tista' titnaqqas mis-sejħa għal kontribuzzjonijiet li jmiss indirizzata lil dak l-Istat mill-amministratur għall-operazzjonijiet.
4.
Jekk l-ebda sejħa għal kontribuzzjonijiet ma tkun antiċipata meta tiġi approvata t-talba, jew jekk it-talba approvata għar-rimborż taqbeż il-kontribuzzjoni antiċipata, l-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jħallas l-ammont li għandu jiġi rrimborżat fi żmien 30 jum, filwaqt li jitqiesu l-fluss tal-flus tal-Faċilità u dak li hu meħtieġ għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni kkonċernata.
5.
Ir-rimborż għandu jkun dovut f'konformità ma' din id-Deċiżjoni anke jekk operazzjoni ppjanata tiġi kkanċellata.
6.
Ir-rimborż għandu jinkludi l-imgħax fuq l-ammont li jkun sar disponibbli permezz tal-prefinanzjament.
Artikolu 48
Ġestjoni mill-Faċilità ta' nefqa mhux inkluża fl-ispejjeż komuni (spejjeż imġarrba min-nazzjon)
1.
Il-Kumitat, fuq il-bażi ta' proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet bl-assistenza tal-kmandant tal-operazzjoni, jew minn Stat Membru, jista' jiddeċiedi li l-ġestjoni amministrattiva ta' ċerta nefqa b'rabta ma' operazzjoni ("spejjeż imġarrba min-nazzjon"), filwaqt li tibqa' r-responsabbiltà tal-Istat Membru li tikkonċerna, għandha tiġi fdata lill-Faċilità.
2.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat jista' jawtorizza lill-kmandant tal-operazzjoni biex jidħol f'kuntratti f'isem l-Istati Membri li jikkontribwixxu persunal jew assi għal operazzjoni u, fejn xieraq, il-partijiet terzi, għall-akkwist tas-servizzi u l-provvisti li għandhom jiġu ffinanzjati bħala spejjeż imġarrba min-nazzjon.
3.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat għandu jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ġestjoni tal-ispejjeż imġarrba min-nazzjon, inkluż għall-prefinanzjament tagħhom u, fejn ikun xieraq, it-tul ta' żmien tal-awtorizzazzjoni lill-kmandant tal-operazzjoni.
4.
Il-Faċilità għandha żżomm il-kontijiet tal-ispejjeż imġarrba min-nazzjon li jkunu fdati lilha u magħmula minn kull Stat Membru u, fejn xieraq, minn partijiet terzi. Kull xahar, l-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jibgħat lil kull Stat Membru u, fejn xieraq, lil dawk il-partijiet terzi, rendikont tan-nefqa mġarrba minnhom jew mill-persunal tagħhom matul ix-xahar preċedenti, u għandu jitlob għall-fondi meħtieġa biex titħallas din in-nefqa. L-Istati Membri u, fejn xieraq, dawk il-partijiet terzi, għandhom iħallsu l-fondi meħtieġa lill-Faċilità fi żmien 30 jum wara li tintbagħat is-sejħa għall-fondi.
Artikolu 49
Ġestjoni mill-Faċilità tal-prefinanzjament u tan-nefqa mhux inklużi fl-ispejjeż komuni biex jiffaċilitaw l-iskjerament inizjali tal-forzi għal operazzjoni
1.
Il-Kumitat, jekk ċirkostanzi partikolari jkunu jitolbu li jsir dan, fuq bażi ta' proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet bl-assistenza tal-kmandant tal-operazzjoni, jew minn Stat Membru, jista' jiddeċiedi li l-prefinanzjament u l-ġestjoni amministrattiva ta' ċerta nefqa b'rabta ma' operazzjoni, filwaqt li jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istat Membru li tikkonċerna, għandhom jiġu fdati lill-Faċilità sabiex jiġi ffaċilitat l-iskjerament inizjali tal-forzi għal operazzjoni, qabel ikun ġie kkonfermat liema Stati Membri jkunu ser jikkontribwixxu persunal jew assi għall-operazzjoni.
2.
Il-ġestjoni ta' dawn l-ispejjeż għandha ssir fil-limiti tal-mezzi u r-riżorsi eżistenti u n-nefqa inizjali għandha tinżamm sa 20 % tal-ammont ta' referenza. F'dan il-każ, fid-deċiżjoni tiegħu l-Kumitat għandu jiddeskrivi l-arranġamenti għall-prefinanzjament u r-rimborż tal-ammonti prefinanzjati mill-Istati Membri u mill-partijiet terzi li jkunu ser jikkontribwixxu persunal jew assi għall-operazzjoni.
Artikolu 50
Spejjeż komuni mġarrba fit-tħejjija għal operazzjonijiet, jew b'segwitu għalihom, jew li mhumiex marbutin direttament ma' operazzjoni speċifika
L-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jaqdi d-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni magħmula fil-fażi ta' tħejjija u wara tmiem il-fażi attiva tal-operazzjonijiet, kif ukoll spejjeż komuni li ma jistgħux ikunu marbutin direttament ma' operazzjoni speċifika.
Artikolu 51
Spejjeż komuni matul il-fażi attiva ta' operazzjoni
1.
Il-kmandant tal-operazzjoni għandu jaqdi d-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni mġarrba waqt il-fażi attiva tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand.
2.
B'deroga mill-Artikolu 17(6), l-adozzjoni mill-Kunsill ta' ammont ta' referenza għandha tagħti dritt lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-kmandant tal-operazzjoni, kull wieħed fil-qasam ta' kompetenza tiegħu, li jimpenja u jħallas l-ispejjeż għall-operazzjoni kkonċernata sal-livell ta' 30 % tal-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix perċentwal differenti.
3.
Il-Kumitat, fuq il-bażi ta' proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet jew il-kmandant tal-operazzjoni u filwaqt li jitqiesu n-neċessità u l-urġenza tal-operazzjoni, jista' jiddeċiedi li jsir impenn għal nefqa addizzjonali, u li fejn jixraq, titħallas. Din l-eċċezzjoni m'għandhiex tkompli tapplika wara l-adozzjoni tal-baġit għall-operazzjoni kkonċernata.
4.
Matul il-perijodu qabel l-adozzjoni ta' baġit għal operazzjoni, l-amministratur għall-operazzjonijiet u l-kmandant tal-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jirrapportaw lill-Kumitat kull xahar, kull wieħed jirrapporta fuq il-materji li jikkonċernaw lilu, b'rabta mal-ispejjeż li jkunu eliġibbli bħala spejjeż komuni għal dik l-operazzjoni. Il-Kumitat, fuq il-bażi ta' proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet, mill-kmandant tal-operazzjoni jew minn Stat Membru, jista' joħroġ direttivi dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa matul dak il-perijodu.
5.
Matul it-tliet xhur wara t-tnedija tal-operazzjoni, u jekk il-kmandant tal-operazzjoni jqis li jkun meħtieġ għat-twettiq xieraq ta' operazzjoni, jista' jagħmel trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn artikoli u bejn kapitoli fit-titolu dedikat għall-operazzjoni. Għandu jgħarraf lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-Kumitat b'dan.
6.
Permezz ta' deroga mill-Artikolu 17(6), fil-każ ta' periklu imminenti għall-ħajjiet tal-persunal involut f'operazzjoni tal-Unjoni, il-kmandant tal-operazzjoni għal dik l-operazzjoni jista' jimplimenta n-nefqa meħtieġa sabiex isalva l-ħajjiet ta' dak il-persunal, f'eċċess għall-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit. Għandu jgħarraf lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-Kumitat mill-aktar fis possibbli. F'tali każ, l-amministratur għall-operazzjonijiet, filwaqt li jikkomunika mal-kmandant tal-operazzjoni, għandu jipproponi t-trasferimenti meħtieġa sabiex tiġi ffinanzjata tali nefqa mhux mistennija. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal tali nefqa permezz ta' trasferiment, l-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jipproponi baġit emendatorju.
KAPITOLU 8
Ġestjoni ta' fondi u assi
Artikolu 52
Destinazzjoni finali tat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni
1.
Rata tad-deprezzament tat-tagħmir u ta' assi oħra għall-operazzjonijiet kollha għandha tiġi approvata mill-Kumitat fuq proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet. Jekk iċ-ċirkostanzi operazzjonali hekk jeħtieġu, u mal-approvazzjoni mill-Kumitat, il-kmandant tal-operazzjoni jista' japplika rata tad-deprezzament differenti.
2.
Bil-ħsieb tat-terminazzjoni ta' operazzjoni, il-kmandant tal-operazzjoni għandu jipproponi lill-Kumitat destinazzjoni finali għat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni għal dik l-operazzjoni.
3.
L-amministratur għall-operazzjonijiet għandu jimmaniġġa t-tagħmir u l-infrastruttura li jibqgħu wara tmiem il-fażi attiva tal-operazzjoni, bil-ħsieb, jekk ikun meħtieġ, li tinstab destinazzjoni finali għalihom.
4.
Id-destinazzjoni finali tat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni għandha tiġi approvata mill-Kumitat, b'kont meħud tal-ħtiġijiet operazzjonali u l-kriterji finanzjarji. Id-destinazzjoni finali tista' tkun kif ġej:
(a)
l-infrastruttura tista' tinbiegħ jew tiġi ttrasferita permezz tal-Faċilità lill-pajjiż ospitanti, lil Stat Membru jew lil parti terza;
(b)
it-tagħmir jista' jinbiegħ permezz tal-Faċilità lil Stat Membru, lill-pajjiż ospitanti jew lil parti terza, jew jinħażen u jinżamm mill-Faċilità, minn Stat Membru jew minn parti terza, għal użu f'operazzjoni sussegwenti.
5.
Meta jinbiegħu, it-tagħmir u l-infrastruttura għandhom jinbiegħu għall-valur fis-suq tagħhom, jew, fejn ma jkun jista' jiġi ddeterminat l-ebda valur fis-suq, għal prezz ġust u raġonevoli b'kont meħud tal-kundizzjonijiet lokali speċifiċi.
6.
Il-bejgħ jew it-trasferiment lill-pajjiż ospitanti jew parti terza għandu jsir skont ir-regoli rilevanti tas-sigurtà li jkunu fis-seħħ.
▼M2
7.
Meta jiġi deċiż li l-Faċilità tkun ser iżżomm it-tagħmir iffinanzjat b’mod komuni għal operazzjoni, l-Istati Membri kontribwenti jistgħu jitolbu kumpens finanzjarju mill-Istati Membri l-oħra. Il-Kumitat għandu jieħu d-deċiżjonijiet xierqa fuq il-bażi ta’ proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet.
▼B
Artikolu 53
Firma konġunta tal-pagamenti
Kwalunkwe pagament mill-fondi amministrati mill-Faċilità għall-operazzjonijiet, jew għall-miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom li jkunu implimentati minn operazzjonijiet, għandu jeħtieġ il-firma konġunta ta' uffiċjal awtorizzanti u tal-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet jew ta' uffiċjal tal-kontabilità f'operazzjoni.
Artikolu 54
1.
Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jżomm kontijiet tat-trasferimenti tal-fondi li jaslu mill-Faċilità, tan-nefqa li jkun ħa impenn għaliha, u tal-pagamenti li jkunu saru u d-dħul riċevut, kif ukoll inventarju tal-proprjetà mobbli ffinanzjata mill-baġit tal-Faċilità u użata għall-operazzjoni li jkun jikkmanda.
2.
Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jipprovdi regolarment il-kontijiet u l-inventarju msemmija fil-paragrafu 1 lill-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet. B'mod partikolari, kull kmandant tal-operazzjoni għandu jipprovdi lill-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet sal-31 ta' Marzu wara tmiem is-sena finanzjarja, jew fi żmien erba' xhur minn tmiem l-operazzjoni, skont liema data tiġi l-ewwel, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-kontijiet annwali għall-ispejjeż komuni, l-ispejjeż imġarrba min-nazzjon u miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom li ġew implimentati mill-operazzjoni, kif ukoll ir-rapport ta' attività.
3.
Ir-regoli dettaljati dwar l-istabbiliment u l-provvediment tal-kontijiet u tal-inventarji tal-operazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kumitat li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata permezz tal-Faċilità skont l-Artikolu 11(6) u fil-linji gwida u r-regoli dwar il-kontabilità stabbiliti mill-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet.
Artikolu 55
Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jagħti lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-awdituri li jaġixxu għall-Faċilità aċċess sħiħ għall-operazzjoni li huwa jikkmanda, inkluż bini, informazzjoni u data.
TITOLU IV
REGOLI SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦALL-MIŻURI TA' ASSISTENZA
KAPITOLU 9
Objettivi, prinċipji u proċeduri għall-adozzjoni ta' miżuri ta' assistenza
Artikolu 56
1.
L-objettivi ewlenin tal-miżuri ta' assistenza għandhom ikunu:
(a)
li jsaħħu l-kapaċitajiet relatati ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża u r-reżiljenza ta' Stati terzi u ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali;
(b)
li jikkontribwixxu b'mod rapidu u effettiv għar-rispons militari ta' Stati terzi u ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali f'sitwazzjoni ta' kriżi;
(c)
li jikkontribwixxu b'mod effettiv u effiċjenti għall-prevenzjoni ta' konflitti, l-istabbilizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi, inkluż fil-kuntest ta' operazzjonijiet b'kompiti ta' taħriġ, konsulenza u mentoraġġ fis-settur tas-sigurtà, kif ukoll f'sitwazzjonijiet oħra ta' qabel konflitt jew ta' wara konflitt;
(d)
li jappoġġaw il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża bejn l-Unjoni u Stat terz jew organizzazzjoni reġjonali jew internazzjonali.
2.
Il-miżuri ta' assistenza għandhom ikunu mirfuda mill-prinċipji li ġejjin:
(a)
iridu jkunu konsistenti mal-politiki u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni li għandha l-għan li tibni l-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali;
(b)
iridu jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u mal-politiki u l-istrateġiji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Qafas Strateġiku għall-UE biex tiġi appoġġata r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u l-Approċċ Integrat għal konflitti u kriżijiet esterni, l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà kif ukoll mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
(c)
iridu jirrispettaw l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont il-liġi internazzjonali, b'mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;
(d)
ma għandhomx jippreġudikaw il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' Stat Membru u ma għandhomx imorru kontra l-interessi ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
3.
Kwalunkwe miżura ta' assistenza li tinvolvi l-esportazzjoni jew it-trasferiment ta' oġġetti fuq il-Lista Militari Komuni tal-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Istati Membri rigward tali esportazzjoni jew trasferiment f'konformità ma' dik il-Pożizzjoni Komuni, inkluż f'termini tal-valutazzjoni. Barra minn hekk, tali miżuri ta' assistenza ma għandhomx jaffettwaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri rigward il-politika dwar it-trasferiment fi ħdan l-Unjoni u l-esportazzjoni ta' tagħmir militari.
4.
Il-proposti għal miżuri ta' assistenza għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, li tkun tinkludi analiżi tas-sensittività għall-konflitti u tal-kuntest, u valutazzjoni tar-riskju u tal-impatt, u jinkludu salvagwardji, kontrolli, elementi ta' mitigazzjoni u ta' akkumpanjament u arranġamenti xierqa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, skont l-Artikolu 9(3) u l-prinċipji msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Bil-ħsieb li jiġu żgurati l-effettività u l-koerenza meħtieġa, tali analiżi u valutazzjoni jenħtieġ li jibnu fejn applikabbli fuq l-esperjenza miksuba mill-atturi tal-Unjoni fuq il-post. Ir-rapporti regolari msemmijin fl-Artikolu 63 mir-Rappreżentant Għoli lill-KPS dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' assistenza għandhom ikopru wkoll il-kwistjonijiet imsemmijin f'dan il-paragrafu.
Artikolu 57
1.
Ir-Rappreżentant Għoli jew Stat Membru jista' jippreżenta lill-Kunsill nota kunċettwali li tiddeskrivi miżura ta' assistenza possibbli, li għandha tinkludi l-ambitu tagħha, kemm iddum, it-tip ta' azzjonijiet u l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni potenzjali, u tkun akkumpanjata minn analiżi preliminari tas-sensittività għall-konflitti, il-kuntest u r-riskji flimkien ma' kunsiderazzjonijiet inizjali għal valutazzjoni tal-impatt, kif ukoll salvagwardji u miżuri ta' mitigazzjoni, li għandhom jiġu żviluppati aktar fil-proposta kif imsemmi fl-Artikolu 59.
2.
Fl-approvazzjoni ta' nota kunċettwali, il-Kunsill jista' jawtorizza miżuri biex jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għat-tħejjija tal-miżura ta' assistenza possibbli.
3.
Fejn miżura ta' assistenza possibbli tkopri l-provvista ta' tagħmir, jew pjattaformi, militari mfassla biex iwasslu forza letali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3), in-nota kunċettwali għandha tinkludi spiża stmata inizjali tal-miżura. Stat Membru li għandu intenzjoni jastjeni mill-adozzjoni tal-miżura u li jagħmel dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 31(1) TUE, jenħtieġ li jindika tali intenzjoni permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub lill-Kunsill fi żmien opportun wara l-preżentazzjoni tan-nota kunċettwali. Din il-komunikazzjoni tista' tinkludi wkoll indikazzjoni ta' miżuri ta' assistenza oħra li jixtieq jikkontribwixxi għalihom minflok.
4.
Skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE, is-SEAE għandu jikkonsulta lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni meta jħejji noti kunċettwali u proposti sussegwenti tar-Rappreżentant Għoli għal miżuri ta' assistenza sabiex tiġi żgurata l-konsistenza meħtieġa tal-politiki tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 8.
Artikolu 58
1.
Fejn l-urġenza tas-sitwazzjoni titlob hekk, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar miżura ta' assistenza, il-Kunsill jista' japprova li l-miżuri urġenti meħtieġa jiġu ffinanzjati mill-Faċilità, b'kont meħud tal-metodoloġija ta' riskju u tas-salvagwardji stabbiliti skont l-Artikolu 9(3). Miżuri urġenti u l-ispiża stmata tagħhom jistgħu jiġu identifikati fin-nota kunċettwali li tiddeskrivi miżura ta' assistenza possibbli jew fil-proposta għall-istabbiliment ta' miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 57 u l-Artikolu 59(1) rispettivament.
2.
Miżuri urġenti ma għandhom jinkludu l-ebda provvediment ta' tagħmir imsemmi fl-Artikolu 5(3).
3.
B'deroga mill-Artikolu 17(6), l-approvazzjoni mill-Kunsill ta' miżuri urġenti għandha tintitola lill-amministratur għal miżuri ta' assistenza biex jikkommetti u jħallas spejjeż għall-miżura urġenti kkonċernata sal-ispiża awtorizzata.
Artikolu 59
1.
Deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri ta' assistenza għandhom jiġu adottati mill-Kunsill fuq proposta jew inizjattiva kif imsemmi fl-Artikolu 6, wara talba minn benefiċjarju prospettiv.
2.
Kull deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżura ta' assistenza għandha tispeċifika l-benefiċjarju tagħha, l-objettivi tagħha, l-ambitu tagħha, it-tul ta' żmien tagħha, in-natura tal-assistenza li ser tingħata, u ammont ta' referenza finanzjarja biex tkopri l-ispejjeż stmati tal-implimentazzjoni tagħha. Għandha ssemmi, fejn dan japplika, l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni jew ir-riċevituri ta' kull għotja li ma ssirx b'sejħa għal proposti skont l-Artikolu 36. Għandha tistabbilixxi l-kontrolli u l-garanziji meħtieġa mill-benefiċjarju jew, fejn applikabbli, mill-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, f'konformità mal-metodoloġija stabbilita tar-riskju u tas-salvagwardji skont l-Artikolu 9(3). Għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-miżura, f'konformità mal-Artikolu 64.
3.
Miżuri ta' assistenza għandhom jieħdu l-forma ta' miżura speċifika jew ta' programm ġenerali għal appoġġ b'fokus ġeografiku jew tematiku partikolari. Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ġenerali għandha tispeċifika l-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli skont dak il-programm. Il-miżuri ta' assistenza jistgħu jkunu pluriennali.
4.
Ir-riżorsi taħt il-miżuri ta' assistenza jistgħu jinkludu allokazzjonijiet meħtieġa għas-segwitu, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-verifika, il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà tagħhom.
5.
Miżuri ta' assistenza għall-forniment ta' tagħmir, jew pjattaformi, militari mfassla biex iwasslu forza letali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3), ma għandhomx jinkludu oġġetti jew forom ta' appoġġ oħra. Ma għandha tintuża ebda miżura ta' assistenza għall-forniment ta' oġġetti li jkunu inkonsistenti mal-liġi tal-Unjoni jew mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri kollha.
6.
Miżuri ta' assistenza li jieħdu l-forma ta' programm ġenerali ma għandhomx jinkludu l-forniment ta' tagħmir jew pjattaformi msemmija fl-Artikolu 5(3).
7.
L-appoġġ għal kwalunkwe azzjoni taħt programm ġenerali għandu jsegwi talba mill-benefiċjarju, u għandu jirrikjedi l-eżami u l-approvazzjoni minn qabel tal-KPS skont il-kondizzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm ġenerali.
Artikolu 60
Implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza permezz ta' operazzjoni
1.
Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li miżura ta' assistenza speċifika għandha tiġi implimentata kompletament jew parzjalment permezz ta' operazzjoni, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 59(2). Fil-każ ta' implimentazzjoni parzjali, tali deċiżjoni għandha tindika l-azzjonijiet speċifiċi li jiġu implimentati mill-operazzjoni u l-ammont finanzjarju relatat.
2.
Meta l-Kunsill jieħu deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandu jiddeċiedi dwar l-emendi meħtieġa għall-mandat tal-operazzjoni kkonċernata.
Artikolu 61
Kuntratti ma' atturi responsabbli mill-implimentazzjoni
1.
L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jiżgura li l-valutazzjonijiet meħtieġa dwar il-kapaċità msemmija fl-Artikolu 66, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja tal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, jitwettqu. Dawn il-valutazzjonijiet huma relatati mal-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità f'konformità mal-Artikolu 67 u mal-ġestjoni tal-assi ffinanzjati mill-Faċilità f'konformità mal-Artikolu 68.
2.
L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jitlob lill-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni biex jipprovdu d-dokumenti meħtieġa, inkluż rapporti ta' implimentazzjoni, kontijiet, dikjarazzjonijiet ta' ġestjoni u sommarju tar-rapporti ta' awditu.
3.
L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma lill-Kumitat bir-riżultat tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u bil-kuntratti li jridu jiġu konklużi mal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni. Kull membru tal-Kumitat jista' jitlob aktar informazzjoni dwar tali valutazzjonijiet u kuntratti.
4.
L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza, filwaqt li jaġixxi f'isem il-Faċilità, għandu jikkonkludi l-kuntratti mal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni.
Artikolu 62
Arranġamenti ma' benefiċjarji
1.
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill b'rabta mal-miżuri ta' assistenza, f'konformità mal-Artikoli 56 u 59, inkluż fejn applikabbli dwar il-ġestjoni u l-użu tal-assi ffinanzjati mill-Faċilità, u l-kontrolli meħtieġa fuq l-assi.
2.
L-arranġamenti magħmula f'konformità mal-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet, f'konformità mat-termini tal-miżura ta' assistenza jew ta' kwalunkwe deċiżjoni rilevanti mill-Kunsill jew mill-Kumitat, inkluż dwar salvagwardji, biex jiżguraw:
(a)
użu xieraq u effiċjenti tal-assi għall-għanijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;
(b)
konservazzjoni adegwata tal-assi biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jintużaw u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-assi;
(c)
li l-assi mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati fl-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom jew mal-iskadenza jew it-terminazzjoni tal-miżura ta' assistenza;
(d)
konformità ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor stabbilit mill-Kunsill.
3.
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jinforma lill-Kunsill b'arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 fiżżmien dovut.
4.
L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjoni ulterjuri li tista' tiġi imposta minn Stat Membru meta jagħti liċenzja tal-esportazzjoni f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.
5.
Fil-każ ta' miżuri ta' assistenza li jieħdu l-forma ta' programm ġenerali, l-amministratur għal miżuri ta' assistenza jista' jikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-benefiċjarju bbażat fuq tali programm. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma lill-Kumitat b'tali ftehimiet li jridu jiġu konklużi. Kwalunkwe membru tal-Kumitat jista' jitlob aktar informazzjoni dwar tali ftehimiet.
Artikolu 63
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' assistenza darbtejn fis-sena jew meta l-KPS jitlob dan. Tali rapporti għandhom ikopru l-aspetti politiċi, operazzjonali u finanzjarji tal-miżura ta' assistenza. Dawn għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-impatt tagħha u l-ġestjoni u l-użu tal-assi, kif ukoll aġġornamenti dwar l-analiżi tas-sensittività tal-konflitt u tal-kuntest u l-valutazzjoni tar-riskju u tal-impatt.
Artikolu 64
Sospensjoni u terminazzjoni ta' miżuri ta' assistenza
1.
Kull deċiżjoni tal-Kunsill għal miżura ta' assistenza għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-miżura, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni fejn tali liċenzja tkun meħtieġa:
(a)
il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza fuq talba ta' Stat Membru jew tar-Rappreżentant Għoli fil-każijiet li ġejjin:
(i)
jekk il-benefiċjarju jkun qed jikser l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali, b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, jew jekk ma jissodisfax l-impenji meħuda skont l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 62;
(ii)
jekk il-kuntratt ma' attur responsabbli mill-implimentazzjoni jkun ġie sospiż jew mitmum wara ksur tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt;
(iii)
jekk is-sitwazzjoni fil-pajjiż jew fiż-żona ta' tħassib ma tibqax tippermetti li l-miżura tiġi implimentata filwaqt li jiġu żgurati garanziji suffiċjenti;
(iv)
jekk l-insegwiment tal-miżura ma jibqax jaqdi l-objettivi tiegħu jew ma jibqax fl-interess tal-Unjoni;
(b)
f'każijiet urġenti u eċċezzjonali r-Rappreżentant Għoli jista' b'mod proviżorju jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza sakemm tittieħed deċiżjoni mill-KPS.
2.
Il-KPS jista' jirrakkomanda lill-Kunsill it-terminazzjoni ta' miżura ta' assistenza.
Artikolu 65
Sospensjoni u terminazzjoni ta' kuntratti ma' atturi responsabbli mill-implimentazzjoni
L-amministratur jista' jissospendi jew itemm kuntratt konkluż f'konformità mal-Artikolu 61, jekk l-attur responsabbli mill-implimentazzjoni jkun qed jikser l-obbligi kuntrattwali tiegħu. L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat minnufih wara s-sospensjoni ta' kuntratt. L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat fi żmien opportun qabel ma jtemm kuntratt. Sakemm issir it-terminazzjoni, kwalunkwe membru tal-Kumitat jista' jitlob aktar informazzjoni u diskussjoni fil-Kumitat dwar l-implikazzjonijiet possibbli tat-terminazzjoni għall-miżura ta' assistenza kkonċernata.
KAPITOLU 10
Kontrolli fuq in-nefqa u l-assi ffinanzjati mill-Faċilità u fdati lill-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni
Artikolu 66
Valutazzjoni tal-kapaċità tal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni li jimplimentaw in-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità
1.
Fejn l-implimentazzjoni tan-nefqa hija fdata lil atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, l-amministratur għandu jivverifika li huma joffru livell ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Faċilità ekwivalenti għal dak mogħti meta l-Faċilità timplimenta n-nefqa tagħha direttament.
2.
Għal dak il-għan, qabel ma jiġu ffirmati l-kuntratti kif imsemmi fl-Artikolu 61, l-amministratur għandu jwettaq valutazzjoni biex jiġi żgurat li s-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni jagħtu assigurazzjoni raġonevoli li ser jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dawk il-kuntratti f'konformità mal-Artikoli 67 u 68.
3.
Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir b'mod proporzjonat u bil-kunsiderazzjoni dovuta għar-riskji finanzjarji involuti.
4.
L-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni li jkunu ġew ivvalutati mill-amministratur f'konformità mal-paragrafu 2 għandhom jinfurmaw lill-amministratur mingħajr dewmien jekk isiru xi bidliet sostantivi fir-regoli, is-sistemi jew il-proċeduri tagħhom.
5.
Jekk attur responsabbli mill-implimentazzjoni jkun irċieva valutazzjoni pożittiva skont l-paragrafu 2, huwa jista' japplika r-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tan-nefqa proprja tiegħu.
6.
Meta l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni jikkonformaw biss b'mod parzjali mar-rekwiżiti tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-amministratur għandu jieħu miżuri ta' rimedju xierqa li jiżguraw il-ħarsien tal-interessi tal-Faċilità. Dawn il-miżuri għandhom jiġu speċifikati fil-kuntratti rilevanti skont l-Artikolu 61.
7.
Il-Faċilità tista' sserraħ kompletament jew parzjalment fuq valutazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jew minn entitajiet oħra fejn applikabbli, sakemm l-amministratur iqis li dawn il-valutazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli ta' implimentazzjoni adottati mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6). Għal dan il-għan, il-Faċilità għandha tippromwovi r-rikonoxximent ta' standards aċċettati fuq livell internazzjonali jew l-aħjar prattiki internazzjonali.
8.
L-amministratur ma għandux iwettaq valutazzjoni tal-ministeri jew id-dipartimenti tal-Gvern tal-Istati Membri fejn dawn ikunu maħtura bħala atturi responsabbli mill-implimentazzjoni. L-amministratur jista' jiddeċiedi li ma jwettaqx valutazzjoni ta':
(a)
aġenziji u korpi tal-Unjoni;
(b)
korpi regolati bil-liġi pubblika u aġenziji oħra tal-Istati Membri;
(c)
Stati terzi jew il-korpi regolati bil-liġi pubblika u l-aġenziji li jkunu nnominaw.
9.
Fejn f'konformità mal-paragrafu 8 ma titwettaq l-ebda valutazzjoni, l-amministratur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-Faċilità inkluż protezzjoni suffiċjenti tal-interessi finanzjarji tagħha. L-amministratur jista' japplika kontrolli xierqa fuq l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni u jiżgura li jiġu segwiti r-regoli u l-proċeduri finanzjarji u ta' kontabbiltà ekwivalenti għal dawk tal-Faċilità.
10.
L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat bir-riżultati tal-valutazzjoni bil-ħsieb li jikkunsidra passi ulterjuri possibbli li għandhom jittieħdu. Jekk il-kapaċità li tiġi implimentata nefqa mill-Faċilità ma tistax tiġi kkonfermata, l-amministratur għandu jindika kwalunkwe mod possibbli ieħor ta' implimentazzjoni tal-miżura. Fejn xieraq, l-amministratur għandu jikkunsidrla kif iridu jiġu indirizzati limitazzjonijiet speċifiċi fil-kapaċità tal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni possibbli, f'konformità mal-paragrafu 6.
Artikolu 67
Dispożizzjonijiet standard f'kuntratti ma' atturi responsabbli mill-implimentazzjoni
1.
Il-kuntratti konklużi ma' atturi responsabbli mill-implimentazzjoni f'konformità mal-Artikolu 61 għall-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità għandhom jirrispettaw l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 56(1) u (2) u r-rekwiżiti fl-Artikolu 59. Tali kuntratti għandhom jinkludu arranġamenti dettaljati li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tal-Faċilità, jiġifieri li l-implimentazzjoni tkun immirata lejn l-effiċjenza operazzjonali fl-ilħuq tal-objettivi tal-miżura ta' assistenza u l-konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiġifieri l-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja. L-amministratur għal miżuri ta' assistenza għandu jesiġi li l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni jiżguraw, fejn ikun applikabbli, li s-sottokuntratturi jikkonformaw ma' dawn l-objettivi u l-prinċipji kif ukoll ma' dawk imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 33(2).
2.
Barra minn hekk, il-kuntratti konklużi mal-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni għandhom jinkludu b'mod partikolari dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li:
(a)
l-assi ffinanzjati b'fondi pprovduti mill-Faċilità, jekk ikun hemm, jiġu akkwistati skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, jew b'regoli meqjusa ekwivalenti għal dawk adottati mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6) għall-akkwist dirett mill-Faċilità;
(b)
tintuża sistema ta' kontabilità li tipprovdi informazzjoni preċiża, sħiħa u affidabbli li tingħata fiż-żmien dovut;
(c)
sistema ta' kontroll interna effettiva u effiċjenti, kif ukoll politiki u miżuri, imsejsa fuq l-aħjar prattiki internazzjonali, tippermetti b'mod partikolari li tiġi żgurata l-legalità u r-regolarità tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità u li jiġu evitati, identifikati u kkoreġuti l-irregolaritajiet, il-korruzzjoni u l-frodi;
(d)
jitwettqu awditi esterni indipendenti, f'konformità ma' standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment minn servizz tal-awditjar funzjonalment indipendenti mill-entità jew mill-persuni li jkunu qed jimplimentaw il-miżura ta' assistenza, fuq il-legalità u r-regolarità tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità;
(e)
il-Faċilità għandha tingħata rapporti finanzjarji regolari dwar kif jiġu implimentati l-miżuri ta' assistenza, u għandha tiġi nnotifikata mingħajr dewmien b'każijiet ta' frodi u irregolaritajiet identifikati li jikkonċernaw il-Faċilità u bil-miżuri preventivi jew korrettivi li jkunu ttieħdu, inkluż l-irkupru jew ir-restituzzjoni ta' ammonti li jkunu tħallsu b'mod żbaljat;
(f)
kwalunkwe ammont imħallas b'mod żbaljat jiġi rkuprat mill-Faċilità;
(g)
il-Faċilità għandha tingħata fiż-żmien dovut il-kontijiet tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità waqt il-perijodu ta' referenza rilevanti, b'dikjarazzjoni dwar il-ġestjoni li tgħid li, fil-fehma ta' dawk inkarigati mill-ġestjoni tal-fondi, l-informazzjoni sħiħa u preċiża tkun ġiet ippreżentata kif xieraq, in-nefqa tkun intużat għall-iskop maħsub għaliha u s-sistemi ta' kontroll fis-seħħ ikunu jagħtu l-garanziji meħtieġa f'dak ir-rigward, u b'opinjoni ta' korp tal-awditjar indipendenti, imfassla skont l-istandards tal-awditjar aċċettati fuq livell internazzjonali;
(h)
il-Faċilità, l-awdituri li hija tinnomina u l-Kulleġġ tal-Awdituri jingħataw id-dritt u l-assistenza kollha meħtieġa mill-attur responsabbli mill-implimentazzjoni biex iwettqu l-verifiki meħtieġa fuq il-post u biex jaċċessaw mingħajr dewmien u mingħajr avviż minn qabel id-dokumenti u d-data marbuta man-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, u l-postijiet fejn ikunu miżmuma dawk id-dokumenti u d-data;
(i)
kwalunkwe arranġament, kondizzjoni, limitazzjoni jew dispożizzjoni ta' mitigazzjoni fid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-miżura ta' assistenza, jew f'konformità magħha, jiġi rrispettat;
(j)
l-attur responsabbli mill-implimentazzjoni għandu r-responsabbiltà fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kuntratt;
(k)
l-obbligi tal-Faċilità skont il-kuntratt jiġu sospiżi jekk il-miżura ta' assistenza tiġi sospiża f'konformità mal-Artikolu 64(1), u lib dawk l-obbligi jiġu tterminati jekk il-miżura ta' assistenza tintemm mill-Kunsill.
Artikolu 68
Dispożizzjonijiet addizzjonali f'kuntratti ma' atturi responsabbli mill-implimentazzjoni dwar il-ġestjoni tal-assi ffinanzjati mill-Faċilità u dwar is-sottokuntrattar
1.
Meta attur responsabbli mill-implimentazzjoni jkun fdat b'assi bħal infrastruttura, tagħmir jew provvisti ffinanzjati mill-Faċilità, jew inkarigat bl-akkwist tagħhom, il-kuntratti li għandhom jiġu konklużi mal-amministratur f'isem il-Faċilità f'konformità mal-Artikoli 61 u 68 għandhom jiddefinixxu l-kondizzjonijiet biex jiżguraw li tali assi huma ġestiti:
(a)
bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-miżura ta' assistenza b'mod effiċjenti u fil-ħin;
(b)
f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti fil-miżura ta' assistenza inkluż kwalunkwe restrizzjoni jew limitazzjoni fuq l-użu, il-bejgħ jew it-trasferiment tagħhom u kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' mitigazzjoni;
(c)
fir-rigward tal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 56(1), (2) u (3) u f'konformità mal-Artikolu 59.
2.
Il-kuntratti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu b'mod partikolari dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-assi:
(a)
jitwasslu b'mod effettiv għand il-benefiċjarju skont il-miżura ta' assistenza;
(b)
jinżammu f'kull ħin taħt il-kontroll tal-attur responsabbli mill-implimentazzjoni sakemm jiġu kkonsenjati lill-benefiċjarju.
3.
Il-kuntratti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li l-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni għandhom:
(a)
jipprovdu lill-Faċilità rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza fdata lilhom, inkluż, fejn xieraq, inventarji tal-assi ffinanzjati mill-Faċilità u informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi;
(b)
jagħtu lill-Faċilità jew lill-persuni li tagħżel id-dritt u l-assistenza kollha meħtieġa biex iwettqu l-kontrolli meħtieġa fuq il-post.
4.
Dispożizzjonijiet dwar kuntrattar minn atturi responsabbli mill-implimentazzjoni għandhom ikunu inklużi fir-regoli tal-implimentazzjoni li jiġu adottati mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6) sabiex ikun żgurat li l-involviment ta' sottokuntratturi fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' assistenza ser ikun konsistenti ma' din id-Deċiżjoni, inkluż il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 56(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 33(2).
TITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
KAPITOLU 11
Dispożizzjonijiet Mixxellanji
Artikolu 69
Regoli tas-sikurezza għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata
Ir-regoli fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (
6
) jew kwalunkwe Deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista' tissostitwiha għandhom japplikaw fir-rigward ta' informazzjoni klassifikata marbuta mal-Faċilità.
Artikolu 70
Protezzjoni ta' data personali
Il-Faċilità għandha tipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f'konformità mal-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
7
), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4) ta' dak ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-Kumitat Speċjali għandu jadotta r-regoli ta' implimentazzjoni meħtieġa fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli.
Artikolu 71
Aċċess pubbliku għad-dokumenti
Il-Kumitat, fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, għandu jadotta regoli kif meħtieġ dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Faċilità, konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
8
).
Artikolu 72
Komunikazzjoni, informazzjoni u viżibbiltà
1.
Ir-Rappreżentant Għoli għandu, kif meħtieġ, iwettaq attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Faċilità, mal-azzjonijiet u mar-riżultati tagħha, f'konsultazzjoni mal-Kumitat. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu ffinanzjati b'mod eċċezzjonali mill-Faċilità f'każijiet fejn il-Kumitat jiddeċiedi hekk.
2.
Il-benefiċjarji tal-appoġġ mill-Faċilità jistgħu jintalbu jirrikonoxxu l-oriġini tiegħu u jiżguraw il-viżibbiltà tal-Unjoni b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil għadd ta' udjenzi, fosthom il-mezzi tax-xandir u l-pubbliku.
Artikolu 73
1.
Ir-Rappreżentant Għoli, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni flimkien għandhom jorganizzaw kif meħtieġ tranżizzjoni bla xkiel mill-mekkaniżmu Athena u mill-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 (
9
), rispettivament. Il-Kumitat għandu jiġi infurmat b'tali arranġamenti.
2.
L-ammont sa EUR 113 000 000 imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1422 (
10
), jew kwalunkwe parti minnu, u li jkun ġie kkuntrattat sa, u li jinkludi, nofsillejl tat-30 ta' Ġunju 2021, ma għandux ikun disponibbli għal azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità fl-2021 jew wara.
3.
Ir-regoli finanzjarji applikabbli għan-nefqa ffinanzjata permezz tal-mekkaniżmu Athena għandhom ikunu applikabbli għall-implimentazzjoni tan-nefqa għal operazzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità sad-data meta jsiru applikabbli r-regoli li jiġu adottati mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6).
4.
Il-ħatriet magħmula skont id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 tal-amministratur tal-mekkaniżmu Athena, l-uffiċjal tal-kontabbiltà u l-awditur intern u d-deputati tagħhom, kif ukoll tal-awdituri esterni tal-mekkaniżmu Athena, għandhom japplikaw għall-pożizzjonijiet ekwivalenti skont din id-Deċiżjoni, sakemm ikunu saru ħatriet ġodda.
5.
L-Att 12-0392 tal-Kumitat Speċjali ta' Athena tad-29 ta' Mejju 2012, inkluż id-deskrizzjoni tal-ispejjeż inkrimentali applikabbli għal skjeramenti ta' gruppi tattiċi tal-Unjoni, għandu japplika għall-fini tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sakemm dak l-Att jiġi sostitwit b'deċiżjoni tal-Kumitat jew tal-Kunsill dwar l-istess kwistjoni.
6.
Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Speċjali ta' Athena, inkluż dawk dwar l-eliġibbiltà speċifika għal finanzjament f'ċerti spejjeż inkrimentali komuni skont l-Artikolu 15(7) jew l-Anness III Parti C tad-Deċiżjoni(PESK) 2015/528 u dawk li jikkonċernaw derogi għal proċeduri tal-akkwist skont il-Parti II tar-regoli finanzjarji applikabbli għal nefqa ffinanzjata permezz tal-mekkaniżmu Athena, kif ukoll dawk tal-amministratur tal-mekkaniżmu Athena li jikkonċernaw tali derogi, għandhom japplikaw għall-fini tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sakemm dawk id-deċiżjonijiet jiġu sostitwiti minn deċiżjonijiet tal-Kumitat jew tal-amministratur għal operazzjonijiet li jikkonċernaw l-istess kwistjonijiet.
7.
Fir-rigward ta' operazzjonijiet, il-baġit inizjali tal-Faċilità għall-2021 għandu jkun il-baġit approvat mill-Kumitat Speċjali ta' Athena għall-2021.
8.
Il-Faċilità għandha tiffinanzja operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza mill-1 ta' Jannar 2021, sakemm il-Kunsill fuq bażi ta' każ b'każ ma jiddeċidix fuq data differenti.
▼M1
9.
L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-Eżerċizzju Militari tal-UE ta’ Maniġġar ta’ Kriżijiet 2023 (MILEX 23) għandu jkun ta’ EUR 5 000 000 . Minbarra l-ispejjeż komuni eliġibbli għall-eżerċizzji skont l-Artikolu 45, l-ispejjeż inkrementali li ġejjin imġarrba għall-għoti ta’ appoġġ lill-kwartieri ġenerali u l-forzi li jipparteċipaw fl-eżerċizzju għandhom eċċezzjonalment ikunu eliġibbli għal dak l-eżerċizzju:
(a)
it-trasport, kif indikat fl-Anness IV għall-Grupp Tattiku tal-UE, inkluż għall-faċilitaturi strateġiċi tiegħu, u fil-post tal-operazzjonijiet simulat, kwartieri temporanji u akkomodazzjoni temporanja.
(b)
xogħlijiet għall-iskjerament/infrastruttura temporanja: nefqa assolutament meħtieġa għall-kwartieri ġenerali u l-forzi li jipparteċipaw fl-eżerċizzju biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu.
(c)
marki tal-identifikazzjoni: marki speċifiċi ta’ identifikazzjoni, karti tal-identità tal-“Unjoni Ewropea”, badges, midalji, bnadar bil-kuluri tal-Unjoni jew marki ta’ identifikazzjoni oħrajn tal-Forza jew tal-kwartieri ġenerali (eskluż ħwejjeġ, kpiepel jew uniformijiet).
(d)
spejjeż operazzjonali: spejjeż inkrementali għal servizzi assolutament meħtieġa għall-appoġġ dirett għall-iskjerament f’punti ta’ dħul bl-ajru u/jew marittimi u żoni loġistiċi u ta’ assemblea.
▼M4
10.
Mit-18 ta’ Marzu 2024, ammont ta’ EUR 5 000 000 000 fi prezzijiet attwali għandu jiġi ddedikat għall-għoti ta’ appoġġ addizzjonali lill-Ukrajna (l-“ammont iddedikat”) taħt il-limiti massimi annwali stabbiliti fl-Anness I.
Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-ammont iddedikat skont l-Artikolu 2(3) mhux aktar tard minn xahar wara t-18 ta’ Marzu 2024.
Eċċezzjonalment, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(3), f’każijiet fejn Stat Membru jkun astjena f’vot u għamel dikjarazzjoni formali f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE fir-rigward ta’ miżura ta’ assistenza li għandha tiġi ffinanzjata mill-ammont iddedikat, dak l-Istat Membru ma għandux jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ dik il-miżura ta’ assistenza. F’dak il-każ, dak l-Istat Membru għandu jagħmel kontribuzzjoni addizzjonali għal miżuri oħra ta’ assistenza. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikoli 26(7) u 27 għal tali kontribuzzjonijiet, referenza f’dawk l-Artikoli għall-Artikolu 5(3) għandha tinftiehem bħala referenza għal dan il-paragrafu.
▼B
KAPITOLU 12
Tħassir, reviżjoni u dħul fis-seħħ
Artikolu 74
Tħassir tal-mekkaniżmu Athena
1.
Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 hija b'dan imħassra. Ir-referenzi kollha għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 jew għal kwalunkwe dispożizzjoni tagħha, f'atti tal-Kunsill u miżuri oħra li jikkonċernaw l-operazzjonijiet, għandhom jinftiehmu li jirreferu għal din id-Deċiżjoni jew għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tagħha.
Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandhom ikomplu japplikaw għall-implimentazzjoni tan-nefqa għall-operazzjonijiet impenjati sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u għall-kontabilità u l-inventarju, l-awditjar u l-preżentazzjoni tal-kontijiet relatati, u r-responsabbiltà, sakemm tkun ingħatat il-kwittanza lill-amministratur tal-mekkaniżmu ta' Athena u lill-kmandanti tal-operazzjonijiet għal tali nefqa.
2.
Il-kuntratti, kuntratti qafas u arranġamenti amministrattivi li ntrabat bihom il-mekkaniżmu Athena għandhom jitqiesu bħala li ġew konklużi mill-Faċilità, u l-Faċilità għandha tassumi d-drittijiet u l-obbligi tal-mekkaniżmu Athena li jirriżultaw minnhom. Is-sjieda tal-assi u l-kontijiet bankarji li jappartjenu lill-mekkaniżmu Athena għandhom jiġu ttrasferiti lill-Faċilità, u l-pretensjonijiet u l-obbligazzjonijiet kollha tal-mekkaniżmu Athena għandha ssir responsabbli minnhom il-Faċilità.
Artikolu 75
1.
Il-Kunsill għandu jirrieżamina din id-Deċiżjoni kull tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha jew fuq it-talba ta' Stat Membru.
2.
Waqt kull reviżjoni, l-esperti kollha rilevanti għall-proċedimenti, inkluż fil-Kumitat u fil-korpi ta' ġestjoni tal-Faċilità, jistgħu jintalbu jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet.
Artikolu 76
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
▼M4
ANNESS I
LIMITI MASSIMI FINANZJARJI ANNWALI
L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati fil-limiti tal-ammonti li ġejjin, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(3) u (3a) u soġġett għall-Artikolu 73(2) u (10):
Prezzijiet attwali f’miljuni ta’ euro
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Prezzijiet attwali
|
399
|
591
|
980
|
2 785
|
4 047
|
4 092
|
4 146
|
▼B
ANNESS II
SPEJJEŻ MIXXELLANJI IMĠARRBA MILL-FAĊILITÀ
(kemm jekk marbuta direttament ma' operazzjoni jew miżura ta' assistenza jew le)
Sa fejn ikun possibbli, l-approprjazzjonijiet relatati mal-ispejjeż li ġejjin jenħtieġ li jiddaħħlu fit-titoli fil-baġit għall-miżura ta' operazzjoni jew assistenza li għaliha huma l-aktar relatati:
1.
nefqa tal-missjonijiet mġarrba mill-kmandant tal-operazzjoni, attur responsabbli mill-implimentazzjoni jew kwalunkwe attur rilevanti ieħor, kif ukoll mill-persunal tagħhom sabiex jattendu l-Kumitat għal diskussjonijiet relatati ma' operazzjoni jew miżura ta' assistenza jew fuq talba tal-Kumitat;
2.
l-indennizzi għal danni u spejjeż li jirriżultaw minn pretensjonijiet u rikorsi legali li jkollhom jitħallsu permezz tal-Faċilità;
3.
spejjeż ġejjin minn kwalunkwe deċiżjoni biex jinħażen materjal li jkun akkwistat b'mod komuni għal operazzjoni jew miżura ta' assistenza;
5.
spejjeż relatati mal-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-IT għall-kontabbiltà u l-ġestjoni tal-assi tal-Faċilità;
6.
spejjeż relatati mal-arranġamenti amministrattivi f'konformità mal-Artikolu 37;
7.
Nefqa għal persunal kuntrattwali li jaħdem għall-Faċilità u appoġġ amministrattiv fil-kwartieri ġenerali u d-delegazzjonijiet;
8.
il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;
10.
f'każijiet eċċezzjonali, komunikazzjoni, informazzjoni u viżibilità.
ANNESS III
SPEJJEŻ IMĠARRBA MILL-FAĊILITÀ MARBUTIN MAL-FAŻI TA' TĦEJJIJA TA' OPERAZZJONI JEW MIŻURA TA' ASSISTENZA
L-ispejjeż inkrimentali meħtieġa għal missjonijiet esploratorji u għal tħejjijiet (b'mod partikolari missjonijiet ta' tiftix tal-fatti u rikonjizzjoni) li jsiru minn persunal militari u ċivili bil-ħsieb ta' operazzjoni speċifika tal-Unjoni: trasport; akkomodazzjoni; użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni operazzjonali; u reklutaġġ ta' persunal ċivili lokali għat-twettiq tal-missjoni, bħal interpreti u xufiera.
Servizzi mediċi: l-ispiża marbuta ma' evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac) ta' persuni li jkunu qed jieħdu sehem f'missjonijiet esploratorji u preparazzjonijiet minn persunal militari u ċivili bil-ħsieb ta' operazzjoni speċifika tal-Unjoni, meta ma jkunx jista' jiġi pprovdut trattament mediku fuq il-post tal-operazzjonijiet.
L-ispejjeż inkrimentali meħtieġa għall-miżuri ta' tħejjija, awtorizzati mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 57, għal miżura ta' assistenza.
ANNESS IV
PARTI A
SPEJJEŻ KOMUNI RELATTIVI GĦALL-FAŻI ATTIVA TA' OPERAZZJONIJIET TAL-UNJONI, DEJJEM IMĠARRBA MILL-FAĊILITÀ
1. Spejjeż inkrimentali għall-kwartieri ġenerali (stazzjonabbli jew fissi) għal operazzjonijiet immexxija mill-Unjoni
1.1. Definizzjoni tal-kwartieri ġenerali li l-ispejjeż inkrimentali tagħhom huma ffinanzjati b'mod komuni:
(a)
Kwartieri Ġenerali (HQ): il- kwartieri ġenerali l-elementi ta' kmand u ta' appoġġ approvati fil-pjan operazzjonali (OPLAN).
(b)
Kwartieri Ġenerali Operattivi (OHQ): il-kwartieri ġenerali statiċi, barra miż-żona, tal-kmandant tal-operazzjoni, li jkunu responsabbli għall-bini, it-tnedija, l-appoġġ u l-irkupru ta' forza tal-Unjoni.
Id-definizzjoni tal-ispejjeż komuni applikabbli għal OHQ għal operazzjoni għandha tkun applikabbli wkoll għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, is-SEAE inkluż il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija, u l-Faċilità sakemm dawn jaġixxu direttament għal dik l-operazzjoni.
(c)
Kwartieri Ġenerali tal-Forza (FHQ): il-kwartieri ġenerali ta' forza tal-Unjoni skjerati fiż-żona tal-operazzjonijiet ta' operazzjoni militari eżekuttiva.
(d)
Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni (MFHQ): il-kwartieri ġenerali ta' forza tal-Unjoni skjerati fiż-żona tal-operazzjonijiet ta' missjoni militari mhux eżekuttiva.
(e)
Kwartieri Ġenerali tal-Kmand tal-Komponenti (CCHQ): il-kwartieri ġenerali tal-kmand tal-komponenti tal-Unjoni skjerati għall-operazzjoni (jiġifieri l-kmandanti tal-ajru, tal-art, marittimi u oħrajn tal-forzi speċjali li jista' jitqies li jkun meħtieġ li jiġu nominati skont in-natura tal-operazzjoni).
1.2. Definizzjoni tal-ispejjeż inkrimentali ffinanzjati b'mod komuni:
(a)
Spejjeż tat-trasport: trasport lejn u mill-post tal-operazzjonijiet għall-istazzjonament, is-sostenn u l-irkupru ta' FHQs, MFHQs u CCHQs.
(b)
Vjaġġar u akkomodazzjoni: l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni magħmula mill-OHQ għal vjaġġi uffiċjali meħtieġa għal operazzjoni; l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni magħmula minn persunal minn HQs stazzjonati li jagħmlu vjaġġi uffiċjali lejn Brussell u/jew għal laqgħat marbutin ma' operazzjoni.
(c)
Trasport/ivvjaġġar (eskluż spejjeż "per diem") ta' HQs fil-post tal-operazzjonijiet: nefqa marbuta mat-trasport bil-vetturi u vjaġġi oħrajn b'mezzi oħrajn u spejjeż marbutin mal-ġarr ta' merkanzija, inkluż il-vjaġġi minn rinforzi u viżitaturi nazzjonali; spejjeż inkrimentali ta' karburant lil hinn mill-ispiża għal operazzjonijiet normali; kiri ta' vetturi addizzjonali; spejjeż tal-assigurazzjoni ta' partijiet terzi imposti minn xi pajjiżi fuq organizzazzjonijiet internazzjonali li jmexxu operazzjonijiet fit-territorju tagħhom.
(d)
Amministrazzjoni: tagħmir supplementari għall-uffiċċji u għall-akkomodazzjoni, servizzi u utilitajiet kuntrattwali, spejjeż għall-manutenzjoni tal-binjiet tal-HQs.
(e)
Persunal ċivili li jiġi rreklutat speċifikament fl-HQs eliġibbli għar-rekwiżiti tal-operazzjoni: persunal ċivili li jaħdem fl-Unjoni, persunal internazzjonali u lokali rreklutat fil-post tal-operazzjoni meħtieġ għat-twettiq tal-operazzjoni lil hinn mir-rekwiżiti operattivi normali (inkluż kwalunkwe ħlas għall-kumpens tas-sahra).
(f)
Komunikazzjonijiet bejn l-HQs eliġibbli u bejn l-HQs eliġibbli u l-forzi direttament subordinati: nefqa kapitali għax-xiri u l-użu ta' tagħmir tal-IT u ta' komunikazzjoni supplimentari u l-ispejjeż għal servizzi mogħtija (kera u manutenzjoni ta' modems, linji tat-telefon, satphones, cryptofaxes, linji siguri, fornituri tal-internet, linji għat-trażmissjoni ta' data, networks ta' żona lokali).
(g)
Kwartieri u alloġġi/infrastruttura: nefqa għall-akkwist, il-kiri jew r-rinnovazzjoni ta' faċilitajiet tal-HQ meħtieġa fil-post tal-operazzjoni (kiri ta' binjiet, xelters, tined), jekk meħtieġ.
(h)
Informazzjoni għall-pubbliku: spejjeż relatati ma' kampanji ta' informazzjoni u ta' għoti ta' informazzjoni lill-mezzi tax-xandir fil-livell ta' HQ, f'konformità mal-istrateġija tal-informazzjoni żviluppata mill-HQ.
(i)
Rappreżentanza u ospitalità: spejjeż ta' rappreżentanza; spejjeż fil-livell tal-HQ meħtieġa għat-tmexxija ta' operazzjoni.
2. Spejjeż inkrimentali mġarrba talli ngħata appoġġ lill-forza kollha kemm hi
L-ispejjeż definiti hawn taħt huma dawk li jsiru bħala konsegwenza tal-iskjerament tal-forza fil-lokalità tagħha:
(a)
Xogħlijiet għall-iskjerament/infrastruttura: nefqa assolutament meħtieġa sabiex il-forza inġenerali twettaq il-missjoni tagħha (ajruporti, linji tal-ferrovija, portijiet, toroq loġistiċi ewlenin, inkluż punti tal-iżbark u żoni ta' assemblea avvanzati li jintużaw b'mod konġunt; analiżi tal-ilma, ippumpjar, trattament, distribuzzjoni u rimi tal-ilma, forniment tal-elettriku u l-ilma, xogħlijiet tal-art u protezzjoni statika tal-forza, faċilitajiet tal-ħżin (b'mod partikolari ta' karburant u munizzjon), żoni loġistiċi u ta' assemblea; appoġġ tekniku għall-infrastruttura ffinanzjata b'mod konġunt).
(b)
Marki tal-identifikazzjoni: marki speċifiċi ta' identifikazzjoni, karti tal-identità tal-"Unjoni Ewropea", badges, midalji, bnadar bil-kuluri tal-Unjoni jew marki ta' identifikazzjoni oħrajn tal-Forza jew tal-HQ (eskluż ħwejjeġ, kpiepel jew uniformijiet).
(c)
Servizzi u faċilitajiet mediċi: evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac). Servizzi u faċilitajiet tar-Rwol 2 u 3 fil-livell tal-elementi operazzjonali fil-post tal-operazzjoni, bħal ajruporti u portijiet ta' żbark approvati fl-OPLAN. Servizzi u faċilitajiet tar-Rwol 1 għal missjonijiet militari mhux eżekuttivi.
(d)
Kisba ta' informazzjoni: Immaġnijiet bis-satellita għall-intelligence approvati fl-OPLAN, jekk ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fondi disponibbli fil-baġit taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN).
3. Spejjeż inkrimentali speċifiċi għall-Grupp Tattiku tal-UE
L-ispejjeż definiti hawn taħt huma dawk mġarrba b'mod addizzjonali b'konsegwenza tal-iskjerament tal-Grupp Tattiku tal-UE u l-iskjerament mill-ġdid lejn u mill-post tal-operazzjonijiet:
(a)
L-ispejjeż tat-trasport tal-iskjerament: spejjeż inkrimentali tat-trasport għall-iskjerament fi żmien qasir fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru ta' Grupp Tattiku tal-UE lejn iż-żona tal-operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Kunċett ta' Grupp Tattiku tal-UE u abbażi tal-Att tal-Kumitat Speċjali tad-29 ta' Mejju 2012 u r-Rati Fissi ta' Rimborż applikabbli għall-iskjerament tal-Gruppi Tattiċi tal-UE (dokument 11806/12, kif approvat mill-Kunsill fl-4 ta' Ottubru 2012). L-ispejjeż ta' fuq l-art u l-baħar għall-iskjerament ta' Grupp Tattiku tal-UE għandhom jikkwalifikaw bħala spejjeż komuni unikament fejn din tkun l-aktar għażla kosteffettiva u bil-kondizzjoni li jkun possibbli li l-iskedi ta' żmien meħtieġa tal-iskjerament għall-Grupp Tattiku tal-UE jintlaħqu.
(b)
Spejjeż għall-operat: l-ispejjeż inkrimentali għal servizzi assolutament meħtieġa għall-appoġġ dirett għall-iskjerament ta' Grupp Tattiku tal-UE fil-punti ta' dħul bl-ajru u/jew marittimi u ż-żoni loġistiċi u ta' assemblea, b'mod partikolari iżda mhux limitat għall-ħażna sikura ta' tagħmir u materjal, servizzi u faċilitajiet ta' Rwol 1, akkomodazzjoni għall-irqad, faċilitajiet sanitarji (ħasil, doċċi, latrini), faċilitajiet għall-ikel, rimi ta' skart, appoġġ ta' inġinerija ġenerali.
(c)
Pakkett għall-iskjerament fil-pront: spejjeż inkrimentali għall-provvista ta' ikel, ilma u karburant għall-iskjerament tal-Grupp Tattiku tal-UE kollu kemm hu sa massimu ta' 10 ijiem, kif approvat fl-OPLAN.
(d)
Spejjeż ta' trasport għal skjerament mill-ġdid: spejjeż inkrimentali għat-trasport tal-persunal fil-Grupp Tattiku mill-post tal-operazzjonijiet bl-art, bil-baħar jew bl-ajru għal skjerament mill-ġdid. L-għażla tat-trasport l-aktar kosteffettiva biss ser tiġi kkunsidrata bħala spejjeż komuni.
4. Spejjeż inkrimentali mġarrba mir-rikors tal-Unjoni għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO magħmula disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-Unjoni
L-ispiża għall-Unjoni tal-applikazzjoni għal waħda mill-operazzjonijiet militari tagħha tal-arranġamenti bejn l-Unjoni u n-NATO marbutin mar-rilaxx, il-monitoraġġ u r-ritorn jew is-sejħa lura tal-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO magħmula disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-Unjoni. Rimborżi min-NATO lill-Unjoni.
5. L-ispejjeż inkrimentali mġarrba mill-Unjoni għal oġġetti, servizzi jew xogħlijiet inklużi fil-lista ta' spejjeż komuni u magħmula disponibbli f'operazzjoni mmexxija mill-Unjoni minn Stat Membru, minn istituzzjoni tal-Unjoni, minn Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont arranġament imsemmi fl-Artikolu 37. Rimborżi minn Stat, istituzzjoni tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali bbażati fuq tali arranġament.
PARTI B
SPEJJEŻ KOMUNI RELATATI MAL-FAŻI ATTIVA TA' OPERAZZJONI SPEĊIFIKA, SOSTNUTI MILL-FAĊILITÀ JEKK IL-KUNSILL JIDDEĊIEDI DAN
Spejjeż ta' trasport: trasport lejn u mill-post tal-operazzjonijiet sabiex jiġu skjerati, appoġġati u rkuprati l-forzi meħtieġa għall-operazzjoni.
Kwartieri ġenerali multinazzjonali tat-task forces: il-kwartieri ġenerali tat-task forces multinazzjonali tal-Unjoni skjerati fiż-żona tal-operazzjoni.
PARTI C
SPEJJEŻ KOMUNI MĠARRBA MILL-FAĊILITÀ JEKK MITLUB MILL-KMANDANT TAL-OPERAZZJONI U APPROVAT MILL-KUMITAT
(a)
Kwartieri u akkomodazzjoni/infrastruttura: nefqa għall-akkwist, il-kiri jew ir-rinnovazzjoni ta' bini fil-post tal-operazzjoni (binjiet, shelters, tined), kif meħtieġ għall-forzi skjerati għall-operazzjoni.
(b)
Tagħmir addizzjonali essenzjali: il-kiri jew ix-xiri matul l-operazzjoni ta' tagħmir speċifiku mhux previst li jkun essenzjali għat-twettiq tal-operazzjoni, safejn it-tagħmir mixtri ma jkunx ripatrijat fi tmiem il-missjoni.
(c)
Servizzi u faċilitajiet mediċi: Servizzi u faċilitajiet tar-Rwol 2 fil-post tal-operazzjonijiet, li mhumiex dawk imsemmija fil-Parti A.
(d)
Ksib ta' informazzjoni: ksib ta' informazzjoni (immaġni bis-satellita; intelligence, rikonjizzjoni u sorveljanza (ISR) fil-post tal-operazzjoni, inkluż sorveljanza tal-ajru u l-art (AGSR); u intelligence umana).
(e)
Kapaċitajiet kritiċi oħrajn fil-post tal-operazzjoni: tneħħija ta' mini jekk meħtieġ għall-operazzjoni; protezzjoni kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (CBRN); ħżin u qerda ta' armi u munizzjon miġbura fiż-żona ta' operazzjoni.
(f)
Spejjeż ta' trasport għal skjerament mill-ġdid: spejjeż inkrimentali tat-trasport tat-tagħmir tal-Grupp Tattiku tal-UE mill-post tal-operazzjonijiet bl-art, bil-baħar jew bl-ajru għal skjerament mill-ġdid. L-għażla tat-trasport l-aktar kosteffettiva biss ser tiġi kkunsidrata bħala spejjeż komuni.
(g)
Spejjeż għall-operat ta' skjerament ta' operazzjoni eżekuttiva fil-post tal-operazzjonijiet: spejjeż inkrimentali għal servizzi assolutament meħtieġa għall-appoġġ dirett għall-iskjerament inizjali tal-forzi kollha matul l-istazzjonament temporanju tagħhom fil-punti ta' dħul bl-ajru u/jew marittimi u ż-żoni loġistiċi u ta' assemblea lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħhom (ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/marittimu, l-immaniġġar tal-merkanzija u l-passiġġieri, is-servizzi tad-dwana u ta' tranżitu, servizzi ta' sigurtà u sikurezza, fosthom il-protezzjoni tal-forzi, il-ħżin sikur ta' tagħmir u materjal, servizzi u faċilitajiet ta' Rwol 1, akkomodazzjoni għall-irqad, faċilitajiet sanitarji (ħasil, doċċi, latrini), faċilitajiet għall-ikel, rimi tal-iskart, appoġġ ta' inġinerija ġenerali).
(h)
Pakkett għall-iskjerament fil-pront ta' operazzjoni eżekuttiva: spejjeż inkrimentali għall-provvista ta' ikel, ilma u karburant għall-iskjerament inizjali tal-forzi kollha sa massimu ta' 10 ijiem, kif approvat fl-OPLAN.
ANNESS V
SPEJJEŻ KOMUNI RELATTIVI GĦAT-TERMINAZZJONI TA' OPERAZZJONI MĠARRBA MILL-FAĊILITÀ
Spejjeż mġarrba sabiex tinstab id-destinazzjoni aħħarija għat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni għall-operazzjoni.
Spejjeż inkrimentali għat-tħejjija tal-kontijiet għall-operazzjoni. L-ispejjeż komuni eliġibbli għandhom jiġu ddeterminati f'konformità mal-Anness IV, b'kont meħud tal-fatt li l-persunal li jkun meħtieġ għat-tħejjija tal-kontijiet jappartjeni għall-HQ għal dik l-operazzjoni, anke wara li din tal-aħħar tkun temmet l-attivitajiet tagħha.