EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019R0943-20220623

Consolidated text: Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (riformulazzjoni) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/943/2022-06-23

02019R0943 — MT — 23.06.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2019/943 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

dwar is-suq intern tal-elettriku

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 158 14.6.2019, p. 54)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2022/869 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Mejju 2022

  L 152

45

3.6.2022




▼B

REGOLAMENT (UE) 2019/943 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Ġunju 2019

dwar is-suq intern tal-elettriku

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jimmira li:

(a) 

jistabbilixxi l-bażi biex jinkisbu b'mod effiċjenti l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija u b'mod partikolari il-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030 bis-sinjali tas-suq li jwasslu għal aktar effiċjenza, sehem akbar tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, sigurtà tal-provvista, flessibbiltà, sostenibbiltà, dekarbonizzazzjoni u innovazzjoni;

(b) 

l-prinċipji fundamentali stabbiliti għal swieq tal-elettriku integrati li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku kollha jkollhom aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi, jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali kif ukoll jitolbu rispons tad-domanda u l-effiċjenza fl-enerġija, u jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista distribwiti, u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni bbażata fuq is-suq tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(c) 

regoli ġusti stabbiliti għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, u b'hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tas-swieq nazzjonali u reġjonali. Jinkludi t-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' kumpens għal flussi transkonfinali tal-elettriku u l-istabbiliment ta' prinċipji armonizzati dwar l-imposti tat-trażmissjoni transkonfinali u l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet disponibbli ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali;

(d) 

jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti, li jikkontribwixxi għal livell għoli ta' sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u jipprovdi għal mekkaniżmi biex jarmonizza r-regoli għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“Interkonnettur” tfisser linja ta 'trasmissjoni li taqsam jew tifrex ma fruntiera bejn l-Istati Membri u li tgħaqqad is-sistemi ta' trasmissjoni nazzjonali tal-Istati Membri;

(2) 

“awtoritàt regolatorja” tfisser l-awtorità regolatorja nominati minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (EU) 2019/944;

(3) 

“fluss transkonfinali” tfisser fluss fiżiku tal-elettriku fuq netwerk ta' trażmissjoni ta' Stat Membru li jirriżulta mill-impatt tal-attività ta' produtturi, klijenti, jew it-tnejn li huma, barra dak l-Istat Membru fuq in-netwerk ta' trażmissjoni tiegħu;

(4) 

“konġestjoni” tfisser sitwazzjoni fejn it-talbiet kollha mill-parteċipanti fis-suq biex isir kummerċ bejn żoni tan-netwerk ma jistgħux jintlaqgħu peress li kieku jaffettwaw b'mod sinifikanti l-flussi fiżiċi tal-elementi tan-netwerk li ma jistgħux jakkomodaw dawk il-flussi;

(5) 

“interkonnettur ġdid” tfisser xi interkonnettur li ma jkunx tlesta sal-4 ta' Awwissu 2003;

(6) 

“konġestjoni strutturali” tfisser konġestjoni fis-sistema ta' trażmissjoni li hi kapaċi li tiġi definita mingħajr ambigwità, hija prevedibbli, ġeografikament stabbli tul iż-żmien u li terġa' sseħħ ta' spiss skont kundizzjonijiet normali tas-sistema tal-elettriku;

(7) 

“operatur tas-suq” tfisser entità li tipprovdi servizz li permezz tagħha l-offerti għall-bejgħ tal-elettriku jitqabblu mal-offerti għax-xiri tal-elettriku;

(8) 

“operatur nominat tas-suq tal-elettriku” jew “NEMO” tfisser operatur tas-suq innominat mill-awtorità kompetenti biex iwettaq kompiti relatati mal-akkoppjament singolu ta' ġurnata bil-quddiem jew mal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata;

(9) 

“valur tat-tagħbija mitlufa” tfisser stima f'euro/MWh tal-prezz massimu tal-elettriku li l-klijenti huma lesti li jħallsu biex jevitaw l-indisponibbiltà tal-elettriku;

(10) 

“ibbilanċjar” tfisser l-azzjonijiet u l-proċessi kollha, fil-perjodi kollha ta' żmien, li permezz tagħhom l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jiżguraw, b'mod kontinwu, iż-żamma tal-frekwenza tas-sistema f'firxa tal-istabbiltà predefinita u l-konformità mal-ammont ta' riservi meħtieġa fir-rigward tal-kwalità meħtieġa;

(11) 

“enerġija ta' bbilanċjar” tfisser l-enerġija użata mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni biex iwettqu l-ibbilanċjar;

(12) 

“fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar” tfisser parteċipant fis-suq li jipprovdi l-enerġija ta' bbilanċjar jew il-kapaċità ta' bbilanċjar, jew it-tnejn li huma, lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(13) 

“kapaċità ta' bbilanċjar” tfisser il-volum ta' kapaċità li fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar ikun qabel li jżomm u li fir-rigward tiegħu l-fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar ikun qabel li jippreżenta offerti għall-volum korrispondenti ta' enerġija ta' bbilanċjar lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għat-tul kollu tal-kuntratt;

(14) 

“parti inkarigata mill-ibbilanċjar” tfisser parteċipant fis-suq jew ir-rappreżentant magħżul tiegħu responsabbli mill-iżbilanċi tiegħu fis-suq tal-elettriku;

(15) 

“perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ” tfisser l-unità temporali li għaliha huwa kkalkulat l-iżbilanċ tal-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar;

(16) 

“prezz tal-iżbilanċ” tfisser il-prezz, kemm jekk pożittiv, żero kif ukoll negattiv, f'kull perjodu ta' saldu tal-iżbilanċ għal żbilanċ f'kull direzzjoni;

(17) 

“żona tal-prezz tal-iżbilanċ” tfisser iż-żona li fiha jiġi kkalkulat il-prezz tal-iżbilanċ;

(18) 

“proċess ta' prekwalifikazzjoni” tfisser il-proċess biex tiġi vverifikata l-konformità ta' fornitur tal-kapaċità ta' bbilanċjar mar-rekwiżiti stabbiliti mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(19) 

“kapaċità ta' riserva” tfisser l-ammont ta' riservi ta' konteniment tal-frekwenza, ta' riservi tar-restawr tal-frekwenza jew ta' riservi ta' sostituzzjoni li jeħtieġ li jkunu disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni;

(20) 

“dispaċċ ta' prijorità” tfisser, firrigward tal-mudell tal-awtodispaċċ, id-dispaċċ tal-impjanti tal-elettriku abbażi ta' kriterji differenti mill-ordni ekonomika tal-offerti u b'rigward, il-mudell ta' dispaċċ ċentralizzat, id-dispaċċ ta'impjanti tal-enerġija abbażi ta'kriterji li huma differenti mill-ordni ekonomika tal-offerti u mil-limitazzjonijiet tan-netwerk li jagħtu prijorità lid-dispaċċ ta' ġenerazzjoni partikolari tat-teknoloġiji;

(21) 

“reġjun bil-kapaċità kalkolata” tfisser iż-żona ġeografika li fiha jiġi applikat il-kalkolu tal-kapaċità koordinata;

(22) 

“mekkaniżmu ta' kapaċità” tfisser miżura temporanja biex tiġi żgurata l-kisba tal-livell ta' adegwatezza tar-riżorsi meħtieġ mir-riżorsi għar-remunerazzjoni għad-disponibbiltà tagħhom u li teskludi l-miżuri relatati mas-servizzi anċillari jew mal-ġestjoni tal-konġestjoni;

(23) 

“koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja” tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(24) 

“proġett ta' dimostazzjoni” tfisser proġett li juri teknoloġija bħala l-ewwel waħda tat-tip tagħha fl-Unjoni u li tirrappreżenta innovazzjoni sinifikanti li tmur lil hinn mit-teknoloġija l-aktar avvanzata;

(25) 

“parteċipant fis-suq” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li qed tiġġenera, tixtri jew tbigħ l-elettriku, is-servizzi ta' rispons tad-domanda jew il-ħżin, inkluż it-tqegħid ta' ordnijiet għall-kummerċ, f'wieħed jew f'iktar mis-swieq tal-elettriku inkluż is-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar;

(26) 

“dispaċċ mill-ġdid” tfisser miżura, inkluż tnaqqis, li hija attivata minn operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trasmissjoni jew operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni permezz tal-modifika tal-mudell ta' ġenerazzjoni, tat-tagħbija, jew it-tnejn sabiex jinbidlu l-flussi fiżiċi fis-sistema tal-elettriku u tittaffa konġestjoni fiżika jew li tiġi żgurata s-sigurtà;

(27) 

“skambju kompensatorju” tfisser skambju transżonali mibdi minn operaturi tas-sistema bejn żewġ żoni tal-offerti biex tittaffa l-konġestjoni fiżika;

(28) 

“faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija” tfisser faċilità li taqleb l-enerġija primarja f'enerġija elettrika u li tikkonsisti f'modulu ta' ġenerazzjoni tal-enerġija wieħed jew aktar konness ma' netwerk;

(29) 

“mudell ta' dispaċċ ċentralizzat” tfisser mudell ta' skedar u ta' dispaċċ fejn l-iskedi tal-ġenerazzjoni u l-iskedi tal-konsum, kif ukoll id-dispaċċ ta' faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u faċilitajiet tad-domanda, b'referenza għall-faċilitajiet li jistgħu jkunu suġġetti għal dispaċċ, jiġu determinati minn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fi ħdan il-proċess integrat għall-iskedar;

(30) 

“mudell tal-awtodispaċċ” tfisser mudell ta' skedar u ta' dispaċċ fejn l-iskedi tal-ġenerazzjoni u l-iskedi tal-konsum, kif ukoll id-dispaċċ ta' faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u faċilitajiet tad-domanda huma determinati mill-aġenti tal-iskedar ta' dawk il-faċilitajiet;

(31) 

“prodott standard tal-ibbilanċjar” tfisser prodott tal-ibbilanċjar armonizzat definit mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjonikollha għall-iskambju ta' servizzi ta' bbilanċjar;

(32) 

“prodott speċifiku tal-ibbilanċjar” tfisser prodott ta' bbilanċjar differenti minn prodott standard ta' bbilanċjar;

(33) 

“operatur delegat” tfisser entità li lilha ġew delegati kompiti jew obbligi speċifiċi fdati lil operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew operatur nominat tas-suq tal-elettriku skont dan ir-Regolament jew kwalunkwe atti legali tal-Unjoni oħrajn minn dak l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew NEMO jew li ġew assenjati lilha minn Stat Membru jew awtorità regolatorja;

(34) 

“klijent” tfisser klijent kif iddefinit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(35) 

“klijent finali” tfisser klijent finali kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(36) 

“klijent bl-ingrossa” tfisser klijent bl-ingrossa kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(37) 

“klijent domestiku” tfisser klijent domestiku kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(38) 

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża żgħira kif definita fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(39) 

“klijent attiv” tfisser klijent attiv kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(40) 

“swieq tal-elettriku” tfisser swieq tal-elettriku kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(41) 

“provvista” tfisser provvista kif definita fil-punt (12) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(42) 

“kuntratt ta' provvista ta' elettriku” tfisser kuntratt ta' provvista ta' elettriku kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(43) 

“aggregazzjoni” tfisser aggregazzjoni kif definita fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(44) 

“rispons għad-domanda” tfisser rispons għad-domanda kif definit fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(45) 

“sistema ta' kejl intelliġenti” tfisser sistema ta' kejl intelliġenti kif definit fil-punt (23) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(46) 

“interoperabilità” tfisser interoperabilità kif definita fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(47) 

“distribuzzjoni” tfisser distribuzzjoni kif definita fil-punt (28) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(48) 

“operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni” tfisser operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni kif definit fil-punt (29) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(49) 

“effiċjenza tal-enerġija” tfisser effiċjenza tal-enerġija kif definita fil-punt (30) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(50) 

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” jew “enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli kif definita fil-punt (31) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(51) 

“ġenerazzjoni distribwita” tfisser ġenerazzjoni distribwita kif definita fil-punt (32) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(52) 

“trażmissjoni” tfisser trażmissjoni kif definita fil-punt (34) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(53) 

“operatur tas-sistema ta' trasmissjoni” tfisser operatur tas-sistema ta' trasmissjoni kif definit fil-punt (35) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(54) 

“utent tas-sistema” tfisser utent tas-sistema kif definit fil-punt (36) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(55) 

“ġenerazzjoni” tfisser ġenerazzjoni kif definita fil-punt (37) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(56) 

“produttur” tfisser produttur kif definit fil-punt (38) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(57) 

“sistema interkonnessa” tfisser sistema interkonnessa kif definita fil-punt (40) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(58) 

“sistema iżolata żgħira” tfisser sistema iżolata żgħira kif definita fil-punt (42) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(59) 

“sistema żgħira konnessa” tfisser sistema żgħira konnessa kif definita fil-punt (43) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(60) 

“servizz anċillari” tfisser servizz anċillari kif definit fil-punt (48) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(61) 

“servizz anċillari mhux tal-frekwenza” tfisser servizz anċillari mhux tal-frekwenza kif definit fil-punt (49) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(62) 

“ħażna tal-enerġija” tfisser ħażna tal-enerġija kif definita fil-punt (59) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(63) 

“ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali” tfisser ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali kif stabbilit fl-Artikolu 35 ta' dan ir-Regolament;

(64) 

“suq tal-enerġija bl-ingrossa” tfisser suq tal-enerġija bl-ingrossa kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(65) 

“żona tal-offerti” tfisser l-akbar żona ġeografika li fiha l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija mingħajr allokazzjoni tal-kapaċità;

(66) 

“allokazzjoni tal-kapaċità” tfisser l-attribuzzjoni tal-kapaċità transżonali;

(67) 

“żona ta' kontroll” tfisser parti koerenti tas-sistema interkonnessa, imħaddma minn operatur waħdieni tas-sistema u għandha tinkludi t-tagħbijiet fiżiċi konnessi u/jew l-unitajiet tal-ġenerazzjoni, jekk ikun hemm;

(68) 

“kapaċità kkoordinata tat-trażmissjoni netta” tfisser metodu għall-kalkolu tal-kapaċità bbażat fuq il-prinċipju tal-valutazzjoni u tad-definizzjoni ex-ante ta' skambju kummerċjali ta' enerġija massima bejn żoni tal-offerti kontigwi;

(69) 

“element ta' netwerk kritiku” tfisser element ta' netwerk fi ħdan żona tal-offerti jew bejn iż-żoni tal-offerti meħuda f'kunsiderazzjoni fil-proċess ta' kalkolu tal-kapaċità, b'tali mod li jiġi llimitat l-ammont ta' enerġija li tista' tiġi skambjata;

(70) 

“kapaċità transżonali” tfisser kemm is-sistemi interkonnessi jkunu jistgħu jakkomodaw it-trasferiment tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti;

(71) 

“unità ta' ġenerazzjoni” tfisser ġeneratur waħdieni tal-elettriku li jappartjeni għal unità ta' produzzjoni.



KAPITOLU II

REGOLI ĠENERALI GĦAS-SUQ TAL-ELETTRIKU

Artikolu 3

Prinċipji dwar it-tħaddim tas-swieq tal-elettriku

L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, l-operaturi tas-suq u l-operaturi delegati għandhom jiżguraw li s-swieq tal-elettriku jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin:

(a) 

il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-domanda u l-provvista;

(b) 

ir-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u għandhom jevitaw l-azzjonijiet li jipprevjenu l-formazzjoni tal-prezzijiet abbażi tad-domanda u l-provvista;

(c) 

ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni aktar flessibbli, ġenerazzjoni sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju, u domanda aktar flessibbli;

(d) 

il-klijenti għandhom jitħallew jibbenefikaw minn opportunitajiet tas-suq u minn kompetizzjoni akbar tas-swieq tal-konsumaturi u għandhom jingħataw is-setgħa jaġixxu bħala parteċipanti fis-suq tal-enerġija u fit-tranżizzjoni tal-enerġija;

(e) 

il-parteċipazzjoni fis-suq tal-klijenti finali u tal-impriżiżgħar għandha ssir bl-aggregazzjoni tal-ġenerazzjoni minn faċilitajiet multipli ta' ġenerazzjoni ta'enerġija jew ta' tagħbija minn faċilitajiet ta' rispons għal domanda multipla biex jipprovdu offerti konġunti fuq is-suq tal-elettriku u jitħaddmu b'mod konġunt fis-sistema tal-elettriku, f'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni;

(f) 

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku u b'hekk tal-ekonomija, inkluż billi jippermettu l-integrazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jipprovdu inċentivi għall-effiċjenza fl-enerġija;

(g) 

ir-regoli tas-suq għandhom iwasslu għal inċentivi xierqa ta' investiment għall-ġenerazzjoni, b'mod partikolari għal investimenti fit-tul f' sistema tal-elettriku dekarbonizzata u sostenibbli, il-ħżin tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija, ir-rispons tad-domanda, u għandhom jiffaċilitaw tal-kompetizzjoni ġusta biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq u b'hekk jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(h) 

għandhom jitneħħew b'mod progressiv l-ostakoli għall-flussi transkonfinali tal-elettriku bejn iż-żoni tal-offerti jew l-Istati Membri u għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-swieq tal-elettriku u tas-servizzi relatati;

(i) 

ir-regoli tas-suq għandhom jipprovdu għall-kooperazzjoni reġjonali meta tkun effettiva;

(j) 

il-ġenerazzjoni, il-ħzin u r-rispons għad-domanda siguri u sostenibbli tal-enerġija għandhom jipparteċipaw fis-suq fuq bażi ugwali, skont ir-rekwiżiti previsti fil-liġi tal-Unjoni;

(k) 

il-produtturi kollha għandhom ikunu direttament jew indirettament responsabbli għall-bejgħ tal-elettriku li jiġġeneraw;

(l) 

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu l-iżvilupp ta' proġetti ta' dimostrazzjoni f'sorsi, teknoloġiji jew sistemi ta' enerġija sostenibbli, siguri u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju li għandhom jitwettqu u jintużaw għall-benefiċċju tas-soċjetà;

(m) 

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu d-dispaċċ effiċjenti tal-assi ta' ġenerazzjoni, ta' ħżin tal-enerġija u tar-rispons tad-domanda;

(n) 

ir-regoli tas-suq għandhom jippermettu d-dħul u l-ħruġ tal-impriżi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, tal-ħżin tal-enerġija u tal-provvista tal-elettriku skont il-valutazzjoni ta'dawk l-impriżi tal-vijabbiltà finanzjarja u ekonomika tal-operazzjonijiet tagħhom;

(o) 

sabiex il-parteċipanti fis-suq ikunu protetti kontra r-riskji ta' volatilità tal-prezzijiet abbażi tas-suq u tittaffa l-inċertezza fuq ir-redditu futur fuq l-investiment, l-prodotti ta' ħħeġġjar fit-tul għandhom ikunu kummerċjabbli fil-Borża b'mod trasparenti u l-kuntratti ta' provvista fit-tul tal-elettriku għandhom ikunu negozjabbli barra l-Borża, soġġetti għall-konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni

(p) 

Ir-regoli tas-suq għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ tal-prodotti madwar l-Unjoni, u l-bidliet regolatorji għandhom iqisu l-effetti fuq is-swieq u l-prodotti forward u futuri kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil;

(q) 

il-parteċipanti fis-suq għandhom id-dritt li jiksbu aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni b'kundizzjonijiet oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

Artikolu 4

Tranżizzjoni ġusta

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri li jimplimentaw strateġija nazzjonali għat-tnaqqis progressiv tal-kapaċità eżistenti ta' ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-faħam u ta' karburanti fossili solidi oħra u l-estrazzjoni bil-mezzi kollha disponibbli li tippermetti “tranżizzjoni ġusta” fir-reġjuni affettwati minn tibdil strutturali. Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa.

Il-Kummissjoni għandha taħdem fi sħubija mill-qrib mal-partijiet interessatitar-reġjuni b'intensità qawwija ta' faħam u ta' karbonju, għandha tiffaċilita l-aċċess għall-fondi u l-programmi disponibbli u l-użu tagħhom, u tħeġġeġ skambju ta' prattiki tajba, inklużi diskussjonijiet dwar il-pjanijiet direzzjonali industrijali u l-ħtiġijiet ta' taħriġ mill-ġdid.

Artikolu 5

Responsabbiltà għall-ibbilanċjar

1.  
Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom ikunu responsabbli mill-iżbilanċi li jikkawżaw fis-sistema (“responsabbiltà għall-ibbilanċjar”). Għal dak l-għan, il-parteċipanti fis-suq għandhom ikunu partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar jew jiddelegaw b'mod kuntrattwali r-responsabbiltà tagħhom lil parti inkarigata mill-ibbilanċjar tal-għażla tagħhom. Kull parti responsabbli għall-ibbilanċjar għandha tkun finanzjarjament responsabbli mill-iżbilanċi tagħha u għandha tagħmel ħilitha biex tkun ibbilanċjata jew għandha tgħin lis-sistema tal-elettriku tkun ibbilanċjata.
2.  

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu derogi mir-responsabbiltà għall-ibbilanċjar biss għal:

(a) 

proġetti ta' dimostrazzjoni għal teknoloġiji innovattivi, soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, sakemm dawk id-derogijkunu limitati għaż-żmien u għall-miżura li hija meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' dimostrazzjoni;

(b) 

faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 500 kW;

(c) 

installazzjonijiet li jibbenefikaw minn appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni taħt ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE u kkummissjonati qabel l-4 ta' Lulju 2019.

L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, jipprovdu inċentivi lill-parteċipanti fis-suq li huma eżentati kompletament jew parzjalment mill-ibbilanċjar tar-responsabbiltà, biex jaċċettaw l-ibbilanċjar sħiħ tar-responsabbiltà.

3.  
Meta Stat Membru jipprovdi deroga skont l-Artikolu 5(2), huwa għandu jiżgura li r-responsabbiltàt finanzjarja tal-iżbilanċi tintrefa' minn parteċipant ieħor fis-suq.
4.  
Għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kkummissjonati mill-1 ta' Jannar 2026, il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu japplika biss għall-ġenerazzjoni ta' installazzjonijiet li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 200 kW.

Artikolu 6

Suq tal-ibbilanċjar

1.  

Is-swieq tal-ibbilanċjar, inkluż il-proċessi ta' prekwalifikazzjoni, għandhom jiġu organizzati b'tali mod li:

(a) 

jiżguraw in-nondiskriminazzjoni effettiva bejn il-parteċipanti fis-suq filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tekniċi differenti tas-sistema tal-elettriku u l-kapaċitajiet tekniċi differenti tas-sorsi ta' ġenerazzjoni, il-ħżin tal-enerġija u r-rispons tad-domanda;

(b) 

jiżguraw li s-servizzi huma definiti b'mod trasparenti u teknoloġikament newtrali u huma akkwistati b'mod trasparenti ibbażat fuq is-suq;

(c) 

jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għall-parteċipanti kollha tas-suq, individwalment jew b'mod aggregati, inkluż għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli varjabbli, ir-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija;

(d) 

jirrispettaw il-ħtieġa li jakkomodaw l-ishma dejjem akbar ta' ġenerazzjoni varjabbli kif ukoll iż-żieda fir-rispons tad-domanda u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda.

2.  
Il-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar ma għandux jiġi determinat minn qabel f'kuntratti għall-kapaċità tal-ibbilanċjar. Il-proċessi ta' akkwist għandhom ikunu trasparenti skont l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva (UE) 2019/944, filwaqt li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
3.  
Skont l-Artikolu 17, is-swieq tal-ibbilanċjar għandhom jiżguraw is-sigurtà operazzjonali filwaqt li jippermettu l-użu massimu u l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapaċità transżonali fil-limiti kollha ta' żmien.
4.  
Is-saldu tal-enerġija tal-ibbilanċjar għall-prodotti tal-ibbilanċjar standard u speċifiċi għandu jkun ibbażat fuq l-ipprezzar marġinali, (ħlas skont il-prezz ta' kklirjar), sakemm l-awtoritajiet regolatorji kollha ma jkunux approvaw metodu tal-ipprezzar alternattiv abbażi ta' proposta konġunta mill-operaturi kollha tas-sistemi ta' trażmissjoni wara analiżi li turi li dak il-metodu tal-ipprezzar alternattiv huwa aktar effiċjenti.

Il-parteċipanti fis-suq għandhom jitħallew jitfgħu l-offerti tagħhom kemm jista' jkun qrib tal-ħin reali, u l-ħin tal-għeluq tan-negozju għall-enerġija tal-ibbilanċjar m'għandux jippreċedi l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata.

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li japplikaw mudell ta' dispaċċ ċentralizzat jistgħu jistabbilixxu regoli addizzjonali skont il-linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku adottata abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

5.  
L-iżbilanċi għandhom jiġu saldati bi prezz li jirrifletti l-valur tal-enerġija fil-ħin reali.
6.  
Żona tal-prezz tal-iżbilanċ għandha tkun daqs żona tal-offerti, għajr f'każ ta' mudell ta' dispaċċ ċentralizzat, fejn iż-żona tal-prezz tal-iżbilanċ tista' tikkostitwixxi parti miż-żona tal-offerti.
7.  
Id-dimensjoni tal-kapaċità ta' riserva għandha titwettaq mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u għandha tkun iffaċilitata fuq livell reġjonali.
8.  
L-akkwist tal-kapaċità ta' bbilanċjar għandu jitwettaq mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u jkun iffaċilitat fuq livell reġjonali u r-riserva tal-kapaċità transkonfinali għal dak l-għan tista' tiġi limitata. L-akkwist tal-kapaċità tal-ibbilanċjar għandu jkun ibbażat fuq is-suq u organizzat b'tali mod li ma jkunx diskriminatorju bejn il-parteċipanti fis-suq fil-proċess, skont l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva (UE) 2019/944, sew jekk il-parteċipanti fis-suq jipparteċipawx b'mod individwali jew b'mod aggregat.

L-akkwist tal-kapaċità tal-ibbilanċjar għandu jkun ibbażat fuq suq primarju sakemm u sa fejn l-awtorità regolatorja tkun pprovdiet għal deroga biex tippermettil-użu ta' forom oħra ta' akkwist ibbażat fuq is-suq fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kompetizzjoni fis-suq għas-servizzi tal-ibbilanċjar. Id-derogi mill-obbligu fuqhom jiġi ibbażat l-akkwist ta' kapaċità ta' bbilanċjar fuq l-użu tas-swieq primarji għandhom jiġu riveduti kull tliet snin.

9.  
L-akkwist tal-kapaċità ta' bbilanċjar 'il fuq u tal-kapaċità ta' bbilanċjar 'l isfel għandhom jitwettqu b'mod separat, sakemm l-awtorità regolatorja ma tapprovax deroga minn dan il-prinċipju abbażi li dan jirriżulta f'effiċjenza ekonomika ogħla kif muri minn valutazzjoni mwettqa mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni. Il-kuntratti tal-kapaċità tal-ibbilanċjar m'għandhomx jiġu konklużi iktar minn jum qabel l-għoti tal-kapaċità ta' bbilanċjar u l-perjodu ta' kkuntrattar m'għandux ikollu perjodu itwal minn ġurnata, sakemm u sa fejn l-awtorità regolatorja tkun approvat kuntratti preċedenti jew perjodi ta' kuntrattar itwal biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista jew biex titjieb l-effiċjenza ekonomika.

Meta tingħata deroga, għal mill-inqas 40 % tal-prodotti ta' bbilanċjar standard u minimu ta' 30 % tal-prodotti użati kollha għall-kapaċità tal-ibbilanċjar, l-kuntratti għall-kapaċità tal-ibbilanċjar għandhom jiġu konklużi għal mhux aktar minn jum qabel l-għoti tal-kapaċità tal-ibbilanċjar u l-perjodu ta' kuntrattar m'għandux ikun itwal minn ġurnata. Il-kuntrattar tal-bqija tal-kapaċità ta' bbilanċjar għandu jitwettaq għal perjodu massimu ta' xahar qabel il-forniment tal-kapaċità ta' bbilanċjar u għandu jkollu perjodu kuntrattwali massimu ta' xahar.

10.  

Fuq talba tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, l-awtorità regolatorja tista' testendi l-perjodu kuntrattwali tal-parti li jifdal tal-kapaċità ta' bbilanċjar imsemmi fil-paragrafu 9 għal perjodu massimu ta' tnax-il xahar dment li tali deċiżjoni hija limitata fiż-żmien, u li l-effetti pożittivi f'termini ta' tnaqqis tal-ispejjeż għall-klijenti finali ikunu akbar mill-impatti negattivi fuq is-suq. It-talba għandha tinkludi:

(a) 

il-perjodu ta' żmien speċifiku li matulu għandha tapplika l-eżenzjoni;

(b) 

il-volum speċifiku ta' kapaċità ta' bbilanċjar li għalih għandha tapplika l-eżenzjoni;

(c) 

analiżi tal-impatt ta' l-eżenzjoni fuq il-parteċipazzjoni ta' riżorsi ta' bbilanċjar; u

(d) 

ġustifikazzjoni għall-eżenzjoni li turi li tali eżenzjoni twassal għal spejjeż aktar baxxi għall-kijenti finali.

11.  
Minkejja l-paragrafu 10, mill-1 ta' Jannar 2026, perjodi kuntrattwali m'għandhomx ikunu itwal minn sitt xhur.
12.  
Sal-1 ta' Jannar 2028, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u l-ACER il-perċentwal tal-kapaċità totali koperta minn kuntratti jew akkwist b'-perjodi ta' żmien li humaitwal minn ġurnata.
13.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew l-operaturi delegati tagħhom għandhom jippubblikaw, kemm jista' jkun qrib il-ħin reali iżda b' dewmien wara l-konsenja ta' mhux aktar minn 30 minuta, is-sistema attwali tal-ibbilanċjar taż-żoni ta' skedar tagħhom, il-prezzijiet stmati tal-iżbilanċ u l-prezzijiet stmati tal-enerġija ta' bbilanċjar.
14.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu, meta l-prodotti tal-ibbilanċjar standard ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw is-sigurtà operazzjonali jew fejn xi riżorsi tal-ibbilanċjar ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fis-suq tal-ibbilanċjar permezz ta' prodotti tal-ibbilanċjar standard jipproponu, u l-awtoritajiet regolatorji jistgħu japprovaw, eżenzjonijiet mill-paragrafi 2 u 4 għal prodotti tal-ibbilanċjar speċifiċi li jiġu attivati lokalment mingħajr ma jiġu skambjati ma' operaturi oħra tas-sistema ta' trażmissjoni.

Il-proposti għal derogi għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri proposti sabiex jiġi minimizzat l-użu ta' prodotti speċifiċi soġġetti għall-effiċjenza ekonomika, id-dimostrazzjoni li l-prodotti speċifiċi ma joħolqux ineffiċjenzi u distorsjonijiet sinifikanti fis-suq tal-ibbilanċjar jew fiż-żona tal-iskedar kif ukoll barra minnha kif ukoll, fejn applikabbli, ir-regoli u l-informazzjoni għall-proċess għall-konverżjoni tal-offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar minn prodotti speċifiċi f'offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar minn prodotti standard.

Artikolu 7

Is-suq ta' ġurnata bil-quddiem u s-suq tal-istess ġurnata

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u n-NEMOs għandhom jorganizzaw b'mod konġunt il-ġestjoni tas-swieq integrati ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont r-Regolament (UE) 2015/1222. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u ln-NEMOs għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni jew, meta jkun aktar xieraq, fuq bażi reġjonali sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u l-effettività tal-kummerċ ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-elettriku tal-Unjoni. L-obbligu ta' kooperazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-funzjonijiet tagħhom relatati mal-kummerċ fl-elettriku, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u n-NEMOs għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza regolatorja mill-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-ACER skont l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament (UE) 2019/942.
2.  

Is-suq ta' ġurnata bil-quddiem u s-suq tal-istess ġurnata għandhom:

(a) 

ikunu organizzati b'tali mod li ma jkunux diskriminatorji;

(b) 

jimmassimizzaw l-abilità tal-parteċipanti kollha fis-suq li jimmaniġġjaw l-iżbilanċi;

(c) 

jimmassimizzaw l-opportunitajiet għall-parteċipanti kollha fis-suq biex jipparteċipaw fil-kummerċ transżonali kemm jista' jkun qrib il-ħin reali fiż-żona tal-offerti kollha;

(d) 

jipprovdu prezzijiet li jirriflettu l-prinċipji fundamentali tas-suq, inkluż il-valur tal-enerġija fil-ħin reali, li fuqhom l-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jserrħu fuqhom meta jaqblu dwar l-iħħeġġjar tal-prodotti fuq perjodu itwal ta' żmien;

(e) 

jiżguraw is-sigurtà operazzjonali filwaqt li jippermettu li jsir l-aħjar użu mill-kapaċità tat-trażmissjoni;

(f) 

ikunu trasparenti u fl-istess ħin jipproteġu l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva u jiżguraw li l-kummerċ isir b'mod anonimu;

(g) 

ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn il-kummerċ li jsir fiż-żona tal-offerti u dak li jsir madwar iż-żoni tal-offerti; u

(h) 

ikunu organizzati b'tali mod li jiżguraw li l-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jaċċessaw għas-suq b'mod individwali jew b'mod aggregat.

Artikolu 8

Kummerċ fis-suq ta' ġurnata bil-quddiem u fis-suq tal-istess ġurnata

1.  
In-NEMOs għandhom iħallu lill-parteċipanti fis-suq jikkummerċjalizzaw l-enerġija kemm jista' jkun qrib tal-ħin reali, u mill-inqas sal-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata.
2.  
In-NEMOs għandhom jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq bl-opportunità li jikkummerċjalizzaw fl-enerġija f'intervalli ta' żmien li jkunu qosra mill-inqas daqs il-perjodu tas-saldu tal-iżbilanċ kemm fis-suq ta' ġurnata bil-quddiem kif ukoll fis-suq tal-istess ġurnata.
3.  
In-NEMOs għandhom jipprovdu għall-kummerċ fis-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata prodotti li huma ta' daqs żgħir biżżejjed, b'daqsijiet massimi tal-offerti ta' 500 kW jew inqas, biex jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tar-rispons fin-naħa tad-domanda, tal-ħżin tal-enerġija u tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, inkluż parteċipazzjoni direttamill-konsumaturi.
4.  
Sal-1 ta' Jannar 2025, il-perjodu tas-saldus-saldu tal-iżbilanċ għandu jkun ta' 15-il minuta fiż-żoni kollha ta' skedar, sakemm l-awtoritajiet regolatorji ma jkunux taw deroga jew eżenzjoni. Id-derogi jingħataw biss sal-31 ta' Diċembru 2024.

Mill-1 ta' Jannar 2025, il-perjodu tas- saldu tal-iżbilanċ ma għandux ikun aktar minn 30 minuta meta tingħata eżenzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha ta' żona sinkronika.

Artikolu 9

Swieq forward

1.  
F' konformita',mar-Regolament (UE) 2016/1719, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw drittijiet ta' trażmissjoni ta' terminu twil jew ikollhom fis-seħħ miżuri ekwivalenti li jippermettu lill-parteċipanti fis-suq, inkluż sidien ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni ta' enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, biex jiħħeġġjaw ir-riskji fil-prezz fil-konfini taż-żona tal-offerti, sakemm valutazzjoni tas-suq bil-quddiem fuq il-konfini taż-żona tal-offerti, imwettqa mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma turix li hemm opportunitajiet suffiċjenti ta' ħħeġġjar fiż-żoni tal-offerti kkonċernati.
2.  
Id-drittijiet ta' trażmissjoni ta' terminu twil għandhom ikunu allokati b'mod trasparenti, ibbażat fuq is-suq u nondiskriminatorju permezz ta' pjattaforma unika ta' allokazzjoni.
3.  
Soġġetti għall-konformità mal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-operaturi tas-suq għandhom ikunu liberi li jiżviluppaw prodotti għall-iħħeġġjar bil-quddiem, inklużi għal perjodu twil biex jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq, inkluż is-sidien ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni ta' enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'possibbiltajiet xierqa ta' ħħeġġjar tar-riskji finanzjarji kontra l-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet. L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu li tali-attivitajiet ta' ħħeġġjar ikunu limitati għal kummerċ fl-Istat Membru jew fiż-żona tal-offerti.

Artikolu 10

Limiti tekniċi tal-offerti

1.  
Ma għandu jkun hemm la limitu massimu u lanqas limitu minimu tal-prezz tal-elettriku bl-ingrossa. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika, fost l-oħrajn, għall-offerti u l-ikklirjar fil-perjodi kollha ta' żmien u tinkludi l-enerġija ta' bbilanċjar u l-prezzijiet tal-iżbilanċ, mingħajr preġudizzju għal-limiti tekniċi tal-prezzijiet li jistgħu jiġu applikati fil-perjodu ta' żmien tal-ibbilanċjar u għall-perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont il-paragrafu 2.
2.  
In-NEMOs jistgħu japplikaw limiti armonizzati fuq il-prezzijiet massimi u minimi ta' kklirjar għall-perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Dawk il-limiti għandhom ikunu għoljin biżżejjed sabiex ma jirrestrinġux bla bżonn il-kummerċ, għandhom jiġu armonizzati għas-suq intern u għandhom jqisu l-valur massimu tat-tagħbija mitlufa. In-NEMOs għandhom jimplimentaw mekkaniżmu trasparenti biex jaġġusta b'mod awtomatiku l-limiti tekniċi tal-offerta fi żmien dovut f'każ li l-limiti stabbiliti jkunu mistennija li jintlaħqu. Il-limiti l-għolja aġġustati għandhom jibqgħu applikabbli sakemm ikunu jenħtieġu aktar żidiet skont dak il-mekkaniżmu.
3.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma għandhom jieħdu l-ebda miżura bil-għan li jinbidlu l-prezzijiet bl-ingrossa.
4.  
L-awtoritajiet regolatorji jew, fejn Stat Membru ħatar awtorità kompetenti oħra għal dak l-iskop, dawn l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jidentifikaw il-politiki u l-miżuri applikati fit-territorju tagħhom li jistgħu jikkontribwixxu biex jillimitaw b'mod indirett il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, anki bil-limitazzjoni tal-offerti relatati mal-attivazzjoni tal-enerġija ta' bbilanċjar, tal-mekkaniżmi ta' kapaċità, miżuri mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, miżuri maħsuba biex jisfidaw ir-riżultati tas-suq, jew biex jipprevjenu l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti jew taż-żoni tal-offerti ddefiniti b'mod ineffiċjenti.
5.  
Meta awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti maħtura tidentifika politika jew miżura li tista' tgħin biex tillimita l-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa, din għandha tieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex telimina jew, jekk dan ma jkunx possibbli, biex tillimita l-impatt ta' dik il-politika jew miżura fuq l-imġiba tal-offerti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni sal-5 ta' Jannar 2020 li jagħti dettalji dwar il-miżuri u l-azzjonijiet li ħadu jew li beħsiebhom jieħdu.

Artikolu 11

Valur tat-tagħbija mitlufa

1.  
Sal-5 ta' Lulju 2020 fejn meħtieġ għall-iffissar ta' standard ta' affidabbiltà skont l-Artikolu 25 l-awtoritajiet regolatorji jew fejn Stat Membru ħatar awtorità kompetenti oħra għal dak l-iskop, tali awtoritajiet kompetenti nnominati għandhom jiddeterminaw stima unika tal-valur tat-tagħbija mitlufa għat-territorju tagħhom. Dik l-istima għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. L-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti oħra maħtura jistgħu jistabbilixxu stimi differenti għal kull żona tal-offerti jekk ikollhom iktar minn żona waħda tal-offerti fit-territorju tagħhom. Meta żona tal-offerti tkun tikkonsisti minn territorji ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti nominati oħra kkonċernati għandhom jistabbilixxu stima ta' valur tat-tagħbija mitlufa unika għal dik iż-żona tal-offerti. Fl-istabbiliment tal-valur tat-tagħbija mitlufa, l-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet kompetenti oħra maħtura għandhom japplikaw il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 23(6).
2.  
Awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet kompetenti maħtura għandhom jaġġornaw l-istima tal-valur tat-tagħbija mitlufa tagħhom mill-inqas kull ħames snin jew meta josservaw bidla sinifikanti.

Artikolu 12

Dispaċċ tar-rispons ta' ġenerazzjoni u tad-domanda

1.  
Id-dispaċċ tal-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija u tar-rispons tad-domanda għandu jkun nondiskriminatorju, trasparenti u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor skont il-paragrafi 2 sa 6, ibbażat fuq is-suq.
2.  

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jsir id-dispaċċ tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, l-operaturi tas-sistema għandhom jajagħtu dispaċċ ta' prijorità lill-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli sa fejn tippermetti t-tħaddim sikur tas-sistema tal-elettriku nazzjonali, fuq il-bażi ta' kriterji trasparenti u nondiskriminatorji u fejn tali faċilitajiet li jiġġeneraw l-enerġija huma jew:

(a) 

faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għandhom kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 400 kW; jew

(b) 

proġetti ta' dimostrazzjoni għat-teknoloġiji innovattivi, soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja, bil-kondizzjoni li tali prijorità tkun limitata għaż-żmien u għall-miżura meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tad-dimostrazzjoni.

3.  

Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax id-dispaċċ ta' prijorità għal faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 li t-tħaddim tagħhom jibda mill-inqas sitt xhur wara dik id-deċiżjoni, jew li japplika livell kapaċità minima aktar baxxa minn dik stabbilita fil-punt (a) tal-paragrafu (2), sakemm:

(a) 

is-swieq tal-istess ġurnata li jiffunzjonaw tajjeb u oħrajn bl-imnut u tal-ibbilanċjar u li dawk is-swieq ikunu kompletament aċċessibbli għall-parteċipanti kollha fis-suq skont dan ir-Regolament;

(b) 

ir-regoli tad-dispaċċ mill-ġdid u l-ġestjoni tal-konġestjoni jkunu trasparenti għall-parteċipanti kollha tas-suq;

(c) 

il-kontribuzzjoni nazzjonali tal-Istat Membru lejn il-mira globali vinkolanti tal-Unjoni għal sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u l-punt (a)(2) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) hija mill-inqas daqs ir-riżultat korrispondenti tal-formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 u s-sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli tal-Istat Membru mhuwiex taħt il-punti ta' referenza tiegħu tiegħu skont il-punt (a)(2) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1999; jew alternattivament, is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli tal-Istat Membru fil-konsum finali gross tal-elettriku jkun mill-inqas 50 %;

(d) 

l-Istat Membru jkun innotifika d-deroga ppjanata lill-Kummissjoni li tistabbilixxi fid-dettall kif il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) huma ssodisfati; u

(e) 

l-Istat Membru jkun ippubblika d-deroga ppjanata, inkluż ir-raġunament dettaljat għall-għoti ta' dik id-deroga, filwaqt li, fejn meħtieġ, iqis il-protezzjoni tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Kull deroga għandha tevita bidliet retroattivi li taffetwa l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni li diġà jkunu jibbenefikaw minn dispaċċ ta' prijorità, minkejja kwalunkwe ftehim bejn Stat Membru u installazzjoni ta' ġenerazzjoni fuq bażi volontarja.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu inċentivi għall-installazzjonijiet eliġibbli għad-dispaċċ ta' prijorità biex volontarjament jirrinunzjaw id-dispaċċ ta' prijorità.

4.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu dispaċċ ta' prijorità għall-elettriku ġġenerat f'faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bl-użu ta' koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja b'kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 400 kW.
5.  
Għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kkummissjonati mill-1 ta' Jannar 2026, il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu japplika biss għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għandhom kapaċità tal-elettriku installata ta' inqas minn 200 kW.
6.  
Mingħajr preġudizzju għall-kuntratti konklużi qabel l-4 ta' Lulju 2019, faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja li ġew ikkummissjonati qabel l-4 ta' Lulju 2019 u, meta ġew ikkummissjonati, kienu soġġetti għal dispaċċ ta' prijorità skont l-Artikolu 15(5) tad-Direttiva 2012/27/UE jew l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) għandhom jibqgħu jibbenefikaw minn dispaċċ ta' prijorità. Id-dispaċċ ta' prijorità ma għandux jibqa' japplika għal tali faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mid-data li fiha l-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ssir soġġetta għal modifiki sinifikanti, f'każ li mill-inqas ikun meħtieġ ftehim ta' konnessjoni ġdid jew fejn tiżdied il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.
7.  
Id-dispaċċ ta' prijorità ma għandux jipperikola t-tħaddim sigur tas-sistema tal-elettriku, ma għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fil-kapaċitajiet transżonali lil hinn minn dak li huwa previst fl-Artikolu 16 u għandu jkun ibbażat fuq kriterji trasparenti u nondiskriminatorji.

Artikolu 13

Dispaċċ mill-ġdid

1.  
Id-dispaċċ mill-ġdid tal-ġenerazzjoni u d-dispaċċ mill-ġdid tar-rispons tad-domanda għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. Għandu jkun miftuħ għal kull teknoloġija ta' ġenerazzjoni, il-ħżin tal-eneġija kollha u rispons għad-domanda kollha, inkluż dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra ħlief jekk ma jkunx teknikament vijabbli.
2.  
Ir-riżorsi li huma dispaċċati mill-ġdid għandhom jintgħażlu fost il-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni, ħżin tal-enerġija jew rispons tad-domanda billi jintużaw mekkaniżmi bbażati fuq is-suq u jkunu kkumpensati finanzjarjament. L-offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar użati għad-dispaċċ mill-ġdid ma għandhomx jistabbilixxu l-prezz tal-enerġija tal-ibbilanċjar.
3.  

Id-dispaċċ mill-ġdid ta' ġenerazzjoni, tal-ħżin tal-enerġija u tar-rispons tad-domanda jistgħu jintużaw bissmeta:

(a) 

l-ebda alternattiva bbażata fuq is-suq ma hija disponibbli;

(b) 

ir-riżorsi bbażati fuq is-suq ikunu intużaw kollha;

(c) 

l-għadd ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija disponibbli, ħżin tal-enerġija jew ta' rispons tad-domanda ikun baxx wisq biex jiżgura l-kompetizzjoni effettiva fiż-żona fejn il-faċilitajiet xierqa għall-għoti tas-servizz; jew

(d) 

is-sitwazzjoni attwali tal-grilja tirriżulta f'konġestjoni tant regolari u prevedibbli li d-dispaċċ mill-ġdid ibbażat fuq is-suq iwassal għal offerti regolari strateġiċi li jżidu l-livell ta' konġestjoni interna u l-Istat Membru kkonċernat ikun adotta pjan ta' azzjoni biex jindirizza dawn il-konġestjonijiet jew jiżgura li l-kapaċità disponibbli minima għal kummerċ transżonali tkun f'konformità mal-Artikolu 16(8).

4.  

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni rilevanti għandhom jippreżentaw rapport mill-inqas kull sena lill-awtorità regolatorja kompetenti, dwar:

(a) 

il-livell ta' żvilupp u effikaċja tal-mekkaniżmi tad-dispaċċ mill-ġdid ibbażati fuq is-suq għall-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, tal-ħżin tal-enerġija u tar-rispons għad-domanda;

(b) 

ir-raġunijiet, il-volumi f'MWh u t-tip ta' sors tal-ġenerazzjoni soġġett għad-dispaċċ mill-ġdid;

(c) 

il-miżuri meħuda biex fil-futur titnaqqas il-ħtieġa għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja, inklużi investimenti fid-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tal-grilja u fis-servizzi li jżidu l-flessibbiltà.

L-awtorità regolatorja għandha titrażmentti r-rapport lill-ACER u għandha tippubblika sommarju tad-data msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu flimkien mar-rakkomandazzjonijiet għal titjib fejn meħtieġ.

5.  

Soġġetti għar-rekwiżiti dwar iż-żamma tal-affidabbiltà u tas-sikurezza tal-grilja, abbażi ta' kriterji trasparenti u nondiskriminatorji stabbiliti mill-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom:

(a) 

jiżguraw il-kapaċità tan-netwerks ta' trażmissjoni u tan-netwerks ta' distribuzzjoni biex jittrażmettu l-elettriku prodott mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja bl-inqas dispaċċ mill-ġdid possibbli, li ma għandux iwaqqaf l-ippjanar tan-netwerk milli jqis dispaċċ mill-ġdid limitat meta l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jew l-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni jista' juri b'mod trasparenti li dan ikun jidher ekonomikament aktar effiċjenti u ma jaqbiżx il-5 % tal-elettriku ġġenerat annwali f'installazzjonijiet li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li huma konnessi direttament mal-grilja rispettiva tagħhom, sakemm ma jiġix previst mod ieħor minn Stat Membru li fih l-elettriku minn faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-konsum finali gross annwali tal-elettriku;

(b) 

jieħdu miżuri operazzjonali xierqa relatati mal-grilja u mas-suq biex jiġi minimizzat id-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-elettriku prodott mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja.

(c) 

jiġi żgurat li n-netwerks tagħhom huma flessibbli biżżejjed sabiex ikunu kapaċi jamministrawhom.

6.  

Jekk ma jintuża l-ebda dispaċċ mill-ġdid 'l isfel ibbażat fuq is-suq, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a) 

il-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandhom ikunu soġġetti biss għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel jekk ma tkun teżisti l-ebda alternattiva oħra jew jekk soluzzjonijiet oħra jirriżultaw f'kostijiet sproporzjonati b'mod sinifikanti jew f'riskji gravi għas-sigurtà tan-netwerk;

(b) 

l-elettriku ġġenerat fi proċess ta' koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja għandu jkun soġġett biss għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel jekk, ħlief għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli, ma tkun teżisti l-ebda alternattiva oħra jew jekk soluzzjonijiet oħra jirriżultaw f'kostijiet jew f'riskji severi sproporzjonati għas-sigurtà tan-netwerk;

(c) 

l-elettriku awtoġenerat mill-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja li ma jfornix in-netwerk ta' trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni ma għandux ikun soġġett għad-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel sakemm l-ebda soluzzjoni oħra ma ssolvi l-kwistjonijiet ta' sigurtà tan-netwerk;

(d) 

id-dispaċċ mill-ġdid 'l isfel skont il-punti (a), (b) u (c) hawn fuq għandhom ikunu ġustifikati kif xieraq u b'mod trasparenti. Il-ġustifikazzjoni għandha tkun inkluża fir-rapport skont il-paragrafu 3.

7.  

Jekk ma jintuża l-ebda dispaċċ mill-ġdid mhux ibbażat fuq is-suq, għandu jkun soġġett għal kumpens finanzjarju mill-operatur tas-sistema li jitlob id-dispaċċ mill-ġdid lill-operatur tal-faċilità tal-ġenerazzjoni tad-dispaċċ mill-ġdid, tal-ħżin tal-enerġija jew tar-rispons tad-domanda ħlief fil-każ ta' produtturi li jkunu aċċettaw ftehim ta' konnessjoni li fih ma tkunx iggarantita konsenja fis-sod tal-enerġija. Talikumpens finanzjarju għandu jkun daqs valur ogħla tal-elementi li ġejjin jew kombinazzjoni tat-tnejn jekk l-applikazzjoni tal-ogħla wieħed biss twassal għal kumpens inġustifikabbilment baxx jew inġustifikabbilment għoli:

(a) 

il-kostijiet ta' tħaddim addizzjonali kkawżati mid-dispaċċ mill-ġdid, bħall-kostijiet addizzjonali tal-karburant f'każ ta' dispaċċ mill-ġdid 'il fuq jew il-provvista ta' sħana ta' riserva f'każ ta' dispaċċ mill-ġdid 'l isfel tal-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li tuża koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja;

(b) 

id-dħul nett mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq ta' ġurnata bil-quddiem li l-faċilità ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, ta' ħżin tal-enerġija jew rispons tad-domanda kieku tiġġenera mingħajr it-talba ta' dispaċċ mill-ġdid; meta jingħata l-appoġġ finanzjarju lill-faċilitajiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, ta' ħżin jew ta' rispons tad-domanda abbażi tal-volum tal-elettriku ġġenerat jew ikkonsmat, l-appoġġ finanzjarju li kieku kien jiġi riċevut mingħajr it-talba ta' tqassim mill-ġdid għandu jitqies bħala parti mid-dħul nett.



KAPITOLU III

AĊĊESS GĦAN-NETWERK U ĠESTJONI TAL-KONĠESTJONI



TAQSIMA 1

Allokazzjoni tal-kapaċità

Artikolu 14

Reviżjoni taż-żona tal-offerti

1.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti kollha biex jindirizzaw il-konġestjonijiet. Il-konfini taż-żona tal-offerti għandhom ikunu bbażati fuq il-konġestjonijiet strutturali u fuq terminu twil tan-netwerk tat-trażmissjoni. Iż-żoni tal-offerti ma għandhomx jinkludu dawn il-konġestjonijiet strutturali ħlief jekk ma jkollhomx impatt fuq żoni ta' offerti ġirien, jew, bħala eżenzjoni temporanja, l-impatt tagħhom fuq żoni tal-offerti ġirien huwa mmitigat bl-użu ta' azzjonijiet ta' rimedju u dawk l-konġestjonijiet strutturali ma jwasslux għal tnaqqis ta' kapaċità kummerċjali transżonali f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16. Il-konfigurazzjoni taż-żoni tal-offerti fl-Unjoni għandha titfassal b'tali mod li timmassimizza l-effiċjenza ekonomika u sabiex timmassimizza l-opportunitajiet ta' kummerċ transżonali filwaqt li żżomm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.
2.  
Kull tliet snin, in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (“ENTSO tal-Elettriku”) għandu jirrapporta dwar il-konġestjonijiet strutturali u konġestjonijiet fiżika oħra kbira bejn u fi ħdan iż-żoni tal-offerti, inkluż il-post u l-frekwenza ta' tali konġestjoni skont il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Dak ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni dwar jekk il-kapaċità kummerċjali transżonali laħqitx trajjettorja lienari skont l-Artikolu 15 jew il-kapaċità minima skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament.
3.  
Sabiex tiġi żgurata l-konfigurazzjoni ottimali taż-żona tal-offerti, għandha titwettaq reviżjoni taż-żona tal-offerti. Dik ir-reviżjoni għandha tidentifika l-konġestjoni strutturali kollha u għandha tinkludi analiżi tal-konfigurazzjonijiet differenti taż-żoni tal-offerti b'mod koordinat bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri rilevanti kollha, filwaqt li l-proċess ikun f'konformità mal-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Iż-żoni tal-offerti attwali għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-kapaċità tagħhom li joħolqu ambjent tas-suq affidabbli, inkluż għal ġenerazzjoni flessibbli u kapaċità tat-tagħbija, li huwa kruċjali biex jiġu evitati konġestjonijiet fil-grilja, għall-ibbilanċjar tad-domanda u tal-provvista tal-elettriku u biex tiġi żgurata s-sigurtà fit-tul tal-investimenti fl-infrastruttura tan-netwerk.
4.  
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu u tal-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew l-awtoritajiet regolatorji rilevanti jirreferu għal dawk l-Istati Membri, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew l-awtoritajiet regolatorji li jipparteċipaw fir-reviżjoni tal-konfigurazzjoni ta' żoni tal-offerti kif ukoll ta' dawk fl-istess reġjun bil-kapaċità kalkolata skont il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.
5.  
Sal-5 ta' Ottubru 2019 l-operaturi rilevanti kollha tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippreżentaw proposta għall-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet li jridu jintużaw fil-proċess ta' reviżjoni taż-żoni tal-offerta u għall-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti alternattivi li jridu jiġu kkunsidrati lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għall-approvazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji rilevanti għandhom jieħdu deċiżjoni unanima dwar il-proposta fi żmien 3 xhur tas-sottomissjoni tal-proposta. Fejn l-awtoritajiet regolatorji ma jistgħux jilħqu deċiżjoni unanima dwar il-proposta f'dak il-perjodu ta' żmien, l-ACER għandha tiddeċiedi, fi żmien tliet xhur oħra, dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet u l-konfigurazzjonijiet taż-żona tal-offerti alternattivi li jridu jitqiesu. Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq konġestjonijiet strutturali li mhumiex mistennija li jingħelbu fit-tliet snin ta' wara, waqt li jitqies il-progress tanġibbli fuq proġetti ta' żvilupp tal-infrastruttura, li huma mistennija li jitwettqu fit-tliet snin ta' wara.
6.  
Abbażi tal-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet approvati skont il-paragrafu 3, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jipparteċipaw fir-reviżjoni taż-żona tal-offerti għandhom jippreżentaw proposta konġunta lill-Istati Membri rilevanti jew lill-awtoritajiet kompetenti nominati tagħhom, jekk jemendawx jew iżommux il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-approvazzjoni tal-metodoloġija u s-suppożizjonijiet skont il-paragrafu 4. Stati Membri oħra, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, jew pajjiżi terzi oħrajn li jikkondividu l-istess żona sinkronika ma' kwalunkwe Stat Membru rilevanti jistgħu jissottomettu kummenti.
7.  
Meta tkun ġiet identifikata konġestjoni strutturali fir-rapport skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew fir-reviżjoni taż-żona tal-offerti skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jew minn operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trażmissjoni fiż-żoni ta' kontroll tagħhom f'rapport approvat mill-awtorità jew mill-awtorità regolatorja kompetenti, l-Istat Membru b'konġestjoni strutturali identifikata għandu, f'kooperazzjoni mal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni tiegħu, jiddeċiedi, fi żmien sitt xhur tal-wasla tar-rapport, jew li jistabbilixxu l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali jew multinazzjonali skont l-Artikolu 15, jew li jirrevedi u jemenda l-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti tiegħu. Il-Kummissjoni u lill-ACER għandhom ikunu mgħarrfa minnufih dwar dawk id-deċiżjonijiet.
8.  
Għal dawk l-Istati Membri li jkunu għażlu li jemendaw il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti skont il-paragrafu 7, l-Istati Membri rilevanti għandhom jilħqu deċiżjoni unanima fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafu 7. Stati Membri oħra jistgħu jippreżentaw kummenti lill-Istati Membri rilevanti, li għandhom iqisu dawk il-kummenti meta jilħqu d-deċiżjoni tagħhom. Id-deċiżjoni għandha tkun motivata u għandha tingħata notifika lill-Kummissjoni u lill-ACER. Fil-każ li l-Istati Membri ma jirnexxilhomx jilħqu deċiżjoni unanima f'sitt xhur, huma għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Bħala miżura tal-aħħar rikors, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-ACER, għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk temendax jew iżżommx il-konfigurazzjoni ta' żona tal-offerti fl-Istati Membri u bejniethom sa sitt xhur wara li tirċievi tali notifika.
9.  
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti qabel ma jadottaw deċiżjoni skont dan l-Artikolu.
10.  
Kwalunkwe deċiżjoni adottata taħt dan l-Artikolu għandha tispeċifika d-data ta' implimentazzjoni ta' kwalunkwe bidla. Dik id-data ta' implimentazzjoni għandha tibbilanċja l-ħtieġa ta' prontezza b'kunsiderazzjonijet prattiċi, inkluż il-kummerċ forward tal-elettriku. Id-deċiżjoni tista' tistabbilixxi l-arranġamenti tranżitorji xierqa.
11.  
Fejn jitnedew reviżjonijiet ulterjuri taż-żoni tal-offerti skont il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, għandu japplika da l-Artikolu.

Artikolu 15

Pjanijiet ta' azzjoni

1.  
B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 14(7), l-Istat Membru jew dawk l-Istat Membru b'konġestjoni strutturali identifikata għandu jiżviluppa pjan ta' azzjoni f'kooperazzjoni mal-awtorità regolatorja tiegħu. Dak il-pjan ta' azzjoni għandu jkun fih kalendarju konkret għall-adozzjoni tal-miżuri biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet strutturali identifikati fi żmien 4 snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 14(7).
2.  
indipendentement mill-progress konkret tal-pjan ta' azzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mingħajr preġudizzju għad-derogi mogħtija skont l-Artikolu 16(9) jew devjazzjonijiet skont l-Artikolu 16(3), l-kapaċità tal-kummerċ transżonali tiżdied fuq bażi annwali sa ma tintlaħaq il-kapaċità minima prevista fl-Artikolu 16(8). Dik il-kapaċità minima għandha tintlaħaq sal-31 ta' Diċembru 2025.

Dawk iż-żidiet annwali għandhom jinkisbu permezz ta' trajettorja lineari. Il-punt ta' partenza ta' dik it-trajettorja għandu jkun jew il-kapaċità allokata fil-fruntiera jew inkella jew f'element kritiku tan-netwerk fis-sena ta' qabel l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni jew il-medja tal-aħħar tliet snin qabel l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni, skont liema minnhom tkun l-ogħla. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom il-kapaċità li ssir disponibbli għall-kummerċ transżonali tkun skont l-Artikolu 16(8) tkun mill-inqas daqs il-valuri tat-trajettorja lineari, inkluż bl-użu ta' azzjonijiet ta' rimedju fir-reġjun bil-kapaċità kalkolata.

3.  
Il-kostijiet tal-azzjonijiet ta' rimedju meħtieġa biex tinkiseb it-trajettorja lineari msemmijja fil-paragrafu 2 jew issir disponibbli kapaċità transżonali fil-fruntieri rilevanti kkonċernati mill-pjan ta' azzjoni għandhom ikunu akargu tal-Istat Membrulijimplimenta jew tal-Istati Membri li jimplimentaw i)l-pjan ta' azzjoni.
4.  
Fuq bażi annwali, waqt l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u fi żmien sitt xhur ta-iskadenza tiegħu, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti għandhom jivvalutaw għat-12-il xahar preċedenti jekk il-kapaċità transkonfinali disponibbli laħqitx it-trajettorja linearijew, mill-1 ta' Jannar 2026, il-kapaċitajiet minimi previsti fl-Artikolu 16(8) ikunu ntlaqħu. Huma għandhom jippreżentaw il-valutazzjonijiet tagħhom lill-ACER u lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti. Qabel ma jabbozzaw ir-rapport, kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jibgħat il-kontribut tiegħu għar-rapport, inkluża d-data kollha rilevanti, lill-awtorità regolatorja għall-approvazzjoni.
5.  
Għal dawk l-Istati Membri li għalihom il-valutazzjonijiet msemmijja fil-paragrafu 4 juru li operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma kienx konformi mat-trajettorja lineari, l-Istati Membri rilevanti għandhom, fi żmien 6 xhur minn meta jirċievu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, jiddeċiedu b'mod unanimu dwar jekk għandhiex tiġi modifikata jew tinżamm il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti fi ħdan u bejn dawk l-Istati Membri. Fid-deċiżjoni tagħhom,, l-Istati Membri oħra rilevanti għandhom iqisu kwalunkwe kumment imressaq minn.Stati Membri oħra. Id-deċiżjoni tal-Istati Membri rilevanti għandha tkun sostanzjata u għandha tiġi notifika lill-Kummissjoni u lill-ACER.

L-Istati Membri rilevanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni minnufih jekk ma jirnexxilhomx jilħqu deċiżjoni unanima fil-limitu ta' ż-żmien stabbilit. Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni, bħala miżura tal-aħħar rikors u wara konsultazzjoni mal-ACER u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk timmodifikax jew iżżommx il-konfigurazzjoni ta' żona tal-offerti fi u bejn dawk l-Istati Membri.

6.  
Sitt xhur qabel l-iskadenza tal-pjan ta' azzjoni, l-Istat Membru b'konġestjoni strutturali identifikata għandu jiddeċiedi jekk jindirizzax il-konġestjoni li tjifdal billi jimmodifikaw iż-żona tal-offerti tiegħu jew jekk jindirizzax il-konġestjoni li jifdal li l-kostijiet tagħhom għandhom jkunu għak-kariku tagħhom.
7.  
Fejn l-ebda pjan ta' azzjoni ma jkun ġie stabbilit fi żmien sitt xhur mill-identifikazzjoni ta' konġestjoni strutturali skont il-l-Artikolu 14(7), l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti għandhom, fi żmien 12-il xahar wara tali identifikazzjoni ta' konġestjoni strutturali, jivvalutaw jekk il-kapaċità transżonali laħqitx il-kapaċità minima definita fl-Artikolu 16(8) matul it-12-il xahar preċeednti u għandhom jippreżentaw valutazzjoni ta' rapport lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-ACER.

Qabel ma jabbozzaw ir-rapport, kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jibgħat il-kontribut tiegħu għar-rapport, inkluża kull data rilevanti, lill-awtorità regolatorji nazzjonali tiegħu għall-approvazzjoni. Fejn il-valutazzjoni turi li operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma kienx konformi mal-limiti minimi ta' kapaċità, għandu japplika l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet stabbilit fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Prinċipji ġenerali tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni

1.  
Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-netwerks għandhom jiġu indirizzati b'soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq li jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti fis-suq u lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-netwerks għandhom jiġu riżolti permezz ta' metodi mhux ibbażati fuq tranżazzjonijiet, jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla minn fost il-kuntratti tal-parteċipanti individwali fis-suq. Meta jieħu miżuri operazzjonali biex jiżgura li s-sistemi ta' trażmissjoni tiegħu jibqgħu fi stat normali, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jqis l-effett ta' dawk il-miżuri fuq iż-żoni ġirien ta' kontroll u jikkoordina dawk il-miżuri ma' operaturi oħra affettwati tas-sistema ta' trażmissjoni kif previst fir-Regolament (UE) 2015/1222.
2.  
Il-proċeduri li jillimitaw t-tranżazzjonijiet għandhom jintużaw biss f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fejn l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni huwa obbligat li jaġixxi malajr kemm jista' jkun u la d-dispaċċ mill-ġdid u lanqas l-iskambju kompensatorju ma jkunu possibbli. Kull proċedura bħal din għandha tkun applikata b'mod mhux diskriminatorju. Ħlief f'każijiet ta' forza maġġuri, il-parteċipanti fis-suq li jkunu allokati kapaċità għandhom ikunu kkumpensati għal kwalunkwe tnaqqis.
3.  
Iċ-Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jagħmlu kalkolu koordinat tal-kapaċità skont il-paragrafi 4 u 8 ta' dan l-Artikolu, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 37(1)u fl-Artikolu 42(1).

Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkalkolaw il-kapaċitajiet transżonali li jirrispettaw il-limiti tas-sigurtà operazzjonali bl-użu ta' data li ġejja mill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni inkluża d-data dwar d-disponibbiltà teknika ta' azzjonijiet ta' rimedju, għajr għal ċaħda tat-tagħbija. Fil-każijiet li ċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali jikkonkludu li dawk l-azzjonijiet ta' rimedju kollha disponibbli fir-reġjun bil-kapaċità kalkolata jew bejn ir-reġjuni bil-kapaċità kalkolata mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq it-trajettorja lineari skont l-Artikolu 15(2) jew il-kapaċitajiet minimi previsti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu fir-rispett, fl-istess ħin, tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali, jistgħu, bħala miżura tal-aħħar rikors, jiddefinixxi azzjonijiet koordinati li jnaqqsu l-kapaċitajiet transżonali f'dan is-sens. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jiddevjaw mill-azzjonijiet koordinati fir-rigward tal-kalkolu koordinat tal-kapaċità u tal-analiżi koordinata tas-sigurtà biss skont l-Artikolu 42(2).

Sa 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 35(2) ta' dan ir-Regolament u kull tliet xhur wara dan, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippreżentaw rapport lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-ACER dwar kwalunkwe tnaqqis fil-kapaċità jew fid-devjazzjonijiet minn azzjonijiet kkoordinati skont it-tieni subparagrafu u għandhom jivvalutaw l-inċidenzi u jifformulaw rakkomandazzjonijiet, jekk neċessarji, dwar il-mod kif jiġu evitati tali devjazzjonijiet fil-futur. Jekk l-ACER tikkonkludi li l-prerekwiżiti għal devjazzjoni skont dan il-paragrafu m'humiex sodisfatti jew huma ta' natura strutturali, l-ACER għandha tippreżenta opinjoni lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jieħdu azzjoni xierqa kontra l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew iċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali skont l-Artikolu 59 jew 62 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jekk il-prerekwiżiti għal devjazzjoni skont dan il-paragrafu ma jkunux ġew sodisfatti.

Id-devjazzjonijiet ta' natura strutturali għandhom ikunu indirizzati fi pjan ta' azzjoni skont l-Artikolu 14(7) jew f'aġġornament ta' pjan ta' azzjoni eżistenti.

4.  
Il-livell massimu ta' kapaċità tal-interkonnessjonijiet u tan-netwerks ta' trażmissjoni affettwati mill-kapaċità transkonfinali għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipanti fis-suq u li jikkonformaw mal-istandards ta' sikurezza tat-tħaddim sigur tan-netwerk. L-iskambju kompensatorju u d-dispaċċ mill-ġdid, li jinkludi d-dispaċċ mill-ġdid transkonfinali, għandhom jintużaw biex jimmassimizzaw l-kapaċitajiet disponibbli biex jintlaħqu l-limiti minimi ta' kapaċità skont il-paragrafu 8. Għandu jiġi applikat proċess koordinat u mhux diskriminatorju għal azzjonijiet ta' rimedju transkonfinali biex tali massimizzazzjoni tkun possibbli, wara l-implimentazzjoni tal-metodoloġija ta' qsim tal-kostijiet tad-dispaċċ mill-ġdid u l-iskambju kompensatorju.
5.  
Il-kapaċità għandha tkun allokata permezz ta' rkanti tal-kapaċità espliċiti jew ta' rkanti impliċiti li jinkludu kemm il-kapaċità kif ukoll l-enerġija. Iż-żewġ metodi jistgħu jikkoeżistu fuq l-istess interkonnessjoni. Għall-kummerċ tal-istess ġurnata għandu jintuża l-kummerċ kontinwu, li jista' jiġi kkomplementat bl-irkanti.
6.  
Fil-każ ta' konġestjoni, l-offerti validi bl-ogħla valur għall-kapaċità tan-netwerk, kemm jekk impliċiti kif ukoll jekk espliciti, li joffru l-ogħla valur għall-kapaċità skarsa ta' trażmissjoni f'perjodu ta' żmien partikolari, għandhom ikunu aċċettati. Ħlief fil-każ tal-interkonnetturi l-ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew l-Artikolu 63 ta' dan ir-Regolament, għandu jkun projbit l-istabbiliment ta' prezzijiet ta' riserva fil-metodi ta' allokazzjoni ta' kapaċità.
7.  
Il-kapaċità għandha tkun kummerċjalizzata liberament fuq bażi sekondarja, dment li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu infurmati biżżejjed minn qabel. Meta l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiċħad kwalunkwe kummerċ sekondarju (tranżazzjoni), dan għandu jkun ikkomunikat u spjegat b'mod ċar u trasparenti lill-parteċipanti kollha fis-suq minn dak l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità regolatorja.
8.  

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma għandhomx jillimitaw il-volum tal-kapaċità ta' interkonnessjoni li jkun għad-dispożizzjoni ta' parteċipanti fis-suq bħala meżż biex tiġi solvuta l-konġestjoni fiż-żona tal-offerti tagħhom stess jew bħala mezz ta' ġestjoni tal-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjoni interna taż-żoni tal-offerti.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-derogi skont il-paragrafu 3 u 9 ta' dan l-Artikolu u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2), dan il-paragrafu għandu jitqies li hemm konformità miegħu, jekk jintlaħqu dawn il-limiti minimi ta' kapaċità disponibbli għal kummerċ transżonali li ġejjin:

(a) 

għall-fruntieri bl-użu ta' approċċ tal-kapaċità kkoordinata tat-trażmissjoni netta, il-kapaċità minima għandha tkun 70 % tal-kapaċità ta' trażmissjoni li tirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali wara t-tnaqqis tal-kontinġenzi, iddeterminat skont il-linja gwida tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) 714/2009;

(b) 

għall-fruntieri li jużaw approċċ abbażi tal-flussi, il-kapaċità minima għandha tkun marġni ffissat fil-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità kif disponibbli għall-flussi indotti mill-iskambju transżonali. Il-marġni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun 70 % tal-kapaċità li tirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali tal-elementi interni u transżonali kritiċi tan-netwerk, b'kont meħud tal-kontinġenzi, iddeterminat skont l-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

L-ammont totali ta' 30 % jista' jintuża għall-marġnijiet ta' affidabbiltà, għall-flussi ta' enerġija paralleli (loop flows) u għall-flussi interni f'kull element kritiku tan-netwerk.

9.  
Fuq talba mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun bil-kapaċità kalkolata, l-awtoritajiet regolatorji rilevanti jistgħu jagħtu deroga mill-paragrafu 8 għal raġunijiet prevedibbli, jekk neċessarja biex tinżamm is-sigurtà operazzjonali. Tali id-derogi, li m'għandhomx ikunu relatati mat-tnaqqis tal-kapaċitajiet diġà allokati skont il-paragrafu 2, għandhom jinagħtaw għal mhux iktar minn sena waħda kull darba, sakemm il-limitu tad-deroga jonqos b'mod sinifikanti wara l-ewwel sena, jew sa massimu ta' sentejn. Il-limitu ta' dawn id-derogi għandu,jkun strettament limitat għal dak neċessarju biex tinżamm is-sigurtà operattiva u għandhom jevitaw d-diskriminazzjoni bejn l-iskambji interni u transżonali.

Qabel tingħata deroga, l-awtorità regolatorja rilevanti għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri l-oħra li jifformaw parti mir-reġjun bil-kapaċità kalkolata affettwata. Fejn l-awtorità regolatorja ma taqbilx mad-deroga proposta, l-ACER għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942. Il-ġustifikazzjoni u r-raġunijiet għad-deroga għandhom jiġu ppubblikati.

Meta tingħata deroga, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw metodoloġija u proġetti li għandhom jipprovdu soluzzjoni fuq terminu twil għall-kwistjoni li għandha tindirizza d-deroga. Id-deroga għandha tiskadi meta jintlaħaq il-limitu ta' żmien għad-deroga jew, kif tiġi applikata s-soluzzjoni, skont liema jiġi l-ewwel.

10.  
Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinfurmaw lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati f'perjodu ragonevoli qabel il-perjodu operazzjonali rilevanti jekk humiex beħsiebhom jużaw il-kapaċità allokata. Kull kapaċità li ma tkunx se tintuża għandha ssir disponibbli mill-ġdid fis-suq, f'mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.
11.  
Sa fejn ikun teknikament possibbli, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkalkulaw il-valur nett tal-ħtiġijiet ta' kwalunkwe fluss ta' enerġija fid-direzzjoni opposta fuq il-linja ta' interkonnessjoni li jkollha konġestjoni sabiex jużaw din il-linja sal-kapaċità massima tagħha. B'kunsiderazzjoni sħiħa tas-sigurtà tan-netwerk it-tranżazzjonijiet li jtaffu l-konġestjoni, ma għandhomx jinċaħdu.
12.  
Il-konsegwenzi finanzjarji ta' nuqqas li jiġu onorati l-obbligi assoċjati mal-allokazzjoni ta' kapaċità għandhom ikunu attribwiti lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew in-NEMOs li jkunu responsabbli minn dan in-nuqqas. Meta l-parteċipanti fis-suq jonqsu milli jużaw il-kapaċità li jkunu impenjaw ruħhom li jużaw jew, fil-każ ta' kapaċità espliċitament irkantata, jonqsu milli jagħmlu kummerċ tal-kapaċita' fuq bażi sekondarja jew milli jagħtu l-kapaċità lura fiż-żmien dovut, dawk il-parteċipanti fis-suq għandhom jitilfu d-drittijiet għal din il-kapaċità u għandhom iħallsu imposta li tirrifletti l-kost. Kwalunkwe imposta li tirrifletti l-kost dovut talli ma ntużatx il-kapaċità, għandha tkun iġġustifikata u proporzjonata. Jekk operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma jissodisfax l-obbligi tiegħu li jipprovdi kapaċità ta' trażmissjoni fis-sod, dan għandu jkun responsabbli li jikkumpensa lill-parteċipant fis-suq għat-telf tad-drittijiet tal-kapaċità. Għal dak il-għan, ma għandu jitqies l-ebda telf konsegwenzjali. Il-kunċetti u l-metodi ewlenin għall-istabbiliment tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw wara li ma jkunux ġew onorati l-obbligi, għandhom ikunu stabbiliti minn qabel skont il-konsegwenzi finanzjarji u għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni mill-awtorità regolatorja rilevanti.
13.  
Meta jallokaw il-kostijiet ta' azzjonijiet ta' rimedju bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandhom janalizzaw sa liema punt il-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti jikkontribwixxu għall-konġestjoni bejn żewġ żoni tal-offerti osservati, u jallokaw il-kostijiet abbażi tal-kontribut lill-konġestjoni lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni taż-żoni tal-offerti li jkunu qegħdin joħolqu tali flussi għajr għall-kostijiet indotti mill-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti li jinsabu taħt il-livell li jista' jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f'żona tal-offerti.

Dak il-livell għandu jkun analizzat u definit b'mod konġunt mill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni kollha ta' reġjun f'kapaċità kalkolata għal kull konfini taż-żona tal-offerti u, għandu jkun suġġett għall-approvazjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata.

Artikolu 17

Allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fil-perjodi kollha ta' żmien

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkalkulaw mill-ġdid il-kapaċità transżonali disponibbli mill-inqas wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata u ta' ġurnata bil-quddiem. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jallokaw il-kapaċità transżonali disponibbli flimkien ma' kwalunkwe kapaċità transżonali pendenti li ma tkunx ġiet allokata qabel u kwalunkwe kapaċità transżonali rilaxxata mid-detenturi tad-dritt fiżiku ta' trażmissjoni mill-allokazzjonijiet preċedenti fil-proċess ta' allokazzjoni tal-kapaċità transżonali li jmiss.
2.  

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipproponu struttura adatta għall-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fil-perjodi kollha ta' żmien, inkluż dawk ta' ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar. Dik l-istruttura ta' allokazzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti. Fit-tfassil tal-proposti tagħhom, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jieħdu kont tas-segwenti:

(a) 

il-karatteristiċi tas-swieq;

(b) 

tal-kondizzjonijiet operattivi, tas-sistema tal-elettriku, bħall-implikazzjonijiet ta' nettjar ta' skedi speċifikati b'mod deċiżiv;

(c) 

tal-livell ta' armonizzazzjoni tal-livell tal-perċentwali allokati lil perjodi differenti u l-perjodi adottati għall-mekkaniżmi diġà stabbiliti tal-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali differenti.

3.  
Meta l-kapaċità transżonali tkun disponibbli wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw il-kapaċità transżonali għall-iskambju tal-enerġija ta' bbilanċjar jew għal-operzzjoni tal-proċess għan-nettjar tal-iżbilanċi.
4.  
Meta l-kapaċità transżonali tkun allokata għall-iskambju ta' kapaċità tal-ibbilanċjar jew il-kondiviżjoni ta' riservi skont l-Artikolu6(8) ta' dan ir-Regolament, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw il-metodoloġiji żviluppati fil-kodiċijiet tan-netwerk u fil-linji gwida dwar l-ibbilanċjar abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.
5.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma għandhomx iżidu l-marġni ta' affidabbiltà kkalkulat skont ir-Regolament (UE) 2015/1222 minħabba l-iskambju tal-kapaċità ta' bbilanċjar jew il-kondiviżjoni tar-riservi.



TAQSIMA 2

Imposti tan-netwerk u introjtu mill-konġestjoni

Artikolu 18

Imposti għall-aċċess għan-netwerks, l-użu tan-netwerks u r-rinfurzar

1.  
L-imposti applikati mill-operaturi tan-netwerks għall-aċċess għan-netwerks, inklużi l-imposti għall-konnessjoni man-netwerks, l-imposti għall-użu tan-netwerks u, fejn applikabbli, l-imposti għar-rinfurzar tan-netwerk, għandhom jirriflettu l-kostijiet, ikunu trasparenti, filwaqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà u l-flessibbltà tan-netwerk u jirriflettu l-kostijiet reali mġarrba sakemm jikkorrispondu għal dawk ta' operatur tan-netwerk effiċjenti u strutturalment komparabbli u jkunu applikati b'mod mhux diskriminatorju. Dawk l-imposti ma għandhomx jinkludu l-kostijiet mhux relatati li jappoġġaw objettivi politiċi mhux relatati.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2012/27/UE u l-kriterji fl-Anness XIta' dik id-Direttiva, il-metodu użat biex jiddetermina l-imposti tan-netwerk għandu jappoġġa b'mod newtrali l-effiċjenza kumplessiva tas-sistema fit-tul taż-żmien permezz ta' sinjali tal-prezzijiet lill-klijenti u lill-produtturi u b'mod partikolari għandu jiġi applikat b'mod li ma jiddiskriminax b'mod pożittiv jew b'mod negattiv bejn il-produzzjoni konnessa fil-livell ta' distribuzzjoni u l-produzzjoni konnessa fil-livell ta' trażmissjoni. L-imposti tan-netwerk l għandhom jiddiskrimnaw, kemm b'mod pożittiv kif ukoll b'mod negattiv, kontra l-ħżin tal-enerġija jew l-aggregazzjoni u lanqas ma għandhom joħolqu diżinċentivi għall-awtoġenerazzjoni u għall-awtokonsum jew għall-parteċipazzjoni fir-rispons tad-domanda. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, dawk l-imposti ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza.

2.  
Il-metodoloġiji tariffarji għandhom jirriflettu l-kostijiet fissi tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u ta' distribuzzjoni u għandhom jipprovdu inċentivi xierqa lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, kemm fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul, sabiex, biex iżidu l-effiċjenzi, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, irawmu l-integrazzjoni tas-suq, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jappoġġaw l-investimenti effiċjenti, biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta' riċerka relatati, u biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-interess tal-konsumatur f'oqsma bħal ma huma d-diġitalizzazzjoni, is-servizzi ta' flessibbiltà u l-interkonnessjoni..
3.  
Fejn jixraq, il-livell tat-tariffi applikati lill-produtturi jew għall-konsumaturi finali, jew għat-tnejn għandu jipprovdi sinjali differenzjati skont il-lokalità fil-livell tal-Unjoni, u jqis l-ammont ta' telf u ta' konġestjoni tan-netwerk ikkawżat u l-kostijiet tal-investiment għall-infrastruttura.
4.  

Meta jiġu stabbiliti l-imposti għall-aċċess għan-netwerk, għandu jittieħed kont ta' dawn li ġejjin:

(a) 

pagamenti u dħul li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni;

(b) 

pagamenti reali li saru u li ġew riċevuti kif ukoll pagamenti mistennija għal perjodi futuri, stmati abbażi tal-perjodi preċedenti.

5.  
L-iffissar tal-imposti għall-aċċess għan-netwerks taħt dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-imposti li jirriżultaw mill-ġestjoni tal-konġestjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 16.
6.  
Ma għandu jkun hemm l-ebda imposta tan-netwerk speċifika fuq tranżazzjonijiet individwali għall-kummerċ transżonali tal-elettriku.
7.  
It-tariffi ta' distribuzzjoni għandhom jirriflettu l-kost filwaqt li jqisu l-użu tan-netwerk ta' distribuzzjoni mill-utenti tas-sistema inklużi l-klijenti attivi. It-tariffi ta' distribuzzjoni jista' jkun fihom elementi ta' kapaċità ta' konnessjoni ta' netwerk u jistgħu jkunu differenzjati abbażi tal-profili ta' konsum jew ta' ġenerazzjoni tal-utenti tas-sistema.. Fejn l-Istati Membri jkunu implimentaw l-użu ta' sistemi ta' kejl intelliġentiawtoritajiet regolatorji għandhom iqisu tariffi tan-netwerk differenzjati skont il-ħin meta jiffissaw jew japprovaw tariffi ta' trażmissjoni u tariffi ta' distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom skont l-Artikolu 59(7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 u, fejn xieraq, tariffi tan-netwerk differenzjati fil-ħin jistgħu jiġu introdotti biex jirriflettu l-użu tan-netwerk, b'mod trasparenti, effiċjenti f'termini tal-kostijiet u prevedibbli. għall-klijent finaliu prevedibbli.
8.  
Il-metodoloġiji tariffarji tad-distribuzzjoni għandhom jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għat-tħaddim u l-iżvilupp l-aktar effiċjenti f'termini tal-kostijiet tan-netwerks tagħhom anki permezz tas-servizzi ta' akkwist. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikonoxxu l-kostijiet rilevanti bħala eliġibbli għandhom jinkludu dawk il-kostijiet fit-tariffi ta' distribuzzjoni, u jistgħu jintroduċu miri ta' prestazzjoni sabiex jipprovdu inċentivi lill-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni biex iżidu l-effiċjenzi fin-netwerks tagħhom, inkluż permezz ta' effiċjenza fl-enerġija, flessibbiltà u l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u sistemi ta' kejl intelliġenti.
9.  

Sal-5 ta' Ottubru 2019, sabiex ittaffi r-riskju ta' frammentazzjoni tas-suq, l-ACER għandha tipprovdi rapport dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-metodoloġiji tariffarji ta' distribuzzjoni u ta' trażmissjoni filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Dak ir-rapport dwar l-aħjar prattiki għandu mill-inqas jindirizza:

(a) 

il-proporzjon tat-tariffi applikati għall-produtturi u tariffi applikati għall-klijenti aħħarija;

(b) 

il-kostijiet li jridu jiġu rkuprati mit-tariffi;

(c) 

it-tariffi tan-netwerk differenzjati skont il-ħin;

(d) 

is-sinjali differenzjati skont il-lokalità;

(e) 

ir-relazzjoni bejn it-tariffi ta' trażmissjoni u t-tariffi ta' distribuzzjoni;

(f) 

il-metodi biex jiżguraw it-trasparenza fl-iffissar u fl-istruttura tat-tariffi;

(g) 

il-gruppi tal-utenti tan-netwerk soġġetti għat-tariffi inklużi, meta applikabbli, il-karatteristiċi ta' dawk il-gruppi, il-forom ta' konsum u kwalunkwe eżenzjoni mit-tariffi;

(h) 

it-telf fil-grilji ta' vultaġġ għoli, medju u baxx.

L-Aġenzija għandha taġġorna r-rapport dwar l-aħjar prattika mill-inqas darba kull sentejn.

10.  
L-awtoritajiet regolatorji għandhom iqis b'mod debitu r-rapport dwar l-aħjar prattika meta jiffissaw jew japprovaw tariffi ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom skont l-Artikolu59 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Artikolu 19

Introjtu mill-konġestjoni

1.  
Il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni assoċjati ma' perjodu ta' żmien speċifikat minn qabel jistgħu jiġġeneraw dħul biss f'każ ta' konġestjoni li tirriżulta minn dak il-perjodu ta' żmien, ħlief fil-każ ta' interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 63 ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 17 tad- Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003.. Il-proċedura għad-distribuzzjoni ta' dan id-dħul għandha tkun soġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji u la għandha tfixkel il-proċess ta' allokazzjoni favur kwalunkwe parti li teħtieġ il-kapaċità jew l-enerġija u lanqas ma tipprovdi diżinċentiv biex titnaqqas il-konġestjoni.
2.  

L-għanijiet li ġejjin għandu jkollhom prijorità fir-rigward tal-allokazzjoni ta' kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' kapaċità transżonali:

(a) 

biex jiggarantixxi d-disponibbilità reali tal-kapaċità allokata inkluż il-kumpens għaċ-ċertezza; jew

(b) 

biex iżomm jew iżid il-kapaċitajiet transżonali permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tal-interkonnetturi eżistenti permezz ta' azzjonijiet ta' rimedju koordinati, meta applikabbli; jew biex ikopri l-kostijiet li jirriżultaw mill-investimenti fin-netwerks li huma rilevanti biex tonqos il-konġestjoni tal-interkonnettur.

3.  
Meta l-objettivi ta' prijorità stabbiliti fil-paragrafu 2 ikunu ġew sodisfatti b'mod adegwat, id-dħul jista' jintuża bħala introjtu li għandu jitqies mill-awtoritajiet regolatorji huma u japprovaw il-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk jew għall-iffissar tat-tariffi tan-netwerk, jew it-tnejn.. Id-dħul li jkun jifdal għandu jitqiegħed f'linja ta' kont intern separat sakemm jasal iż-żmien li jista' jintefaq għall-iskopijiet stabbilit fil-paragrafu 2.
4.  
L-użu tad-dħul skont il-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 2 għandu jkun soġġett għall-metodoloġija proposta mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni wara li jikkonsultaw l-awtoritajiet regolatorji u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u wara l-approvazzjoni millACER. L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom iressqu l-metodoloġija proposta lill-Aġenzija sal-5 ta' Lulju 2020 u l- ACER għandha tiddeċiedi dwar il-metodoloġija proposta fi żmien sitt xhur minn meta tirċeviha.

L-ACER tista' titlob lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni biex jemendaw jew jaġġornaw il-metodoloġija msemmija fl-ewwel subparagrafu. L-Aġenzija għandha tiddeċiedi dwar l-metodoloġija emendata jew aġġornata sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun ġiet mressqa.

Il-metodoloġija għandha tistabbilixxi għall-inqas il-kundizzjonijiet li taħthom id-dħul jista 'jintuża għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-kundizzjonijiet li taħthom dak id-dħul jista' jitqiegħed fuq linja separata ta' kont intern għal użu futur għal dawk l-għanijiet, u għal kemm dak id-dħul jista' jitqiegħed fuq linja ta' kont bħal dan.

5.  

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu, minn quddiem, biċ-ċar kif se jintuża kull introjtu mill-konġestjoni, u għandhom jirrappurtaw dwar l-użu reali ta' dak l-introjtu. Sal-1 ta' Marzu ta' kull sena, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jinformaw lill-ACER u għandhomjippubblikaw rapport li juri:

(a) 

l-ammont ta' dħul miġbur għall-perjodu ta' 12-il xahar li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti;

(b) 

kif intuża dak id-dħul skont il-paragrafu 2, inklużi l-proġetti speċifiċi li għalihom intuża l-introjtu, u l-ammont imqiegħed fuq linja ta' kont separata;

(c) 

l-ammont li ntuża fil-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk; u

(d) 

l-verifika li l-ammont msemmi fil-punt (c) jikkonforma ma' dan ir-Regolament u mal-metodoloġija żviluppata skont il-paragrafi 3 u 4.

Meta xi dħul tal-konġestjoni jintuża meta jkunu qed jiġu kkalkulati t-tariffi tan-netwerk, ir-rapport għandu jistabbilixxi kif l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni issodisfaw l-objettivi ta' prijorità fl-Artikolu 2 fejn applikabbli.



KAPITOLU IV

ADEGWATEZZA TAR-RIŻORSI

Artikolu 20

Adegwatezza tar-riżorsi fis-suq intern għall-elettriku

1.  
L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-adegwatezza tar-riżorsi fit-territorju tagħhom abbażi tal-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 23. Għall-fini li jikkumplimentaw l-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, l-Istati Membri jistgħu jwettqu wkoll valutazzjonijiet nazzjonali dwar adegwatezza tar-riżorsi skont l-Artikolu 24.
2.  
Meta l-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 23 jew l-valutazzjoni nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 24 tidentifika tħassib għall-adegwatezza tar-riżorsi, l l-Istat Membru kkonċernat għandu jidentifika kwalunkwe distorsjoni regolatorja jew falliment tas-suq li kkawża jew ikkontribwixxa fil-ħolqien ta' dak it-tħassib.
3.  

L-Istati Membri bi tħassib identifikat f'termini ta' adegwatezza tar-riżorsi għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw pjan ta' implimentazzjoni flimkien ma' kalendarju għall-miżuri li jadottaw biex jeliminaw kwalunkwe distorsjoni regolatorja u/jew falliment tas-suq identifikat(a) bħala parti mill-proċess tal-għajnuna mill-Istat. Meta jindirizzaw it-tħassib għall-adegwatezza tar-riżorsi, l-Istati Membri għandhom iqisu b'mod partikolari l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3 u għandhom iqisu:

(a) 

li jeliminaw id-distorsjonijiet regolatorji;

(b) 

li jeliminaw il-limiti tal-prezz skont l-Artikolu 10;

(c) 

li jintroduċu funzjoni ta' pprezzar f'każ ta' nuqqas għall-enerġija ta' bbilanċjar kif imsemmi fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament 2017/2195;

(d) 

li jżidu l-kapaċità tal-interkonnessjonijiet u tal-grilja interna bil-għan li jintlaħqu mill-anqas il-miri tagħha ta' interkonnessjoni kif imsemmi fil-punt (d)(1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1999;

(e) 

li jippermettu l-awtoġenerazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, il-miżuri min-naħa tad-domanda u l-effiċjenza fl-enerġija bl-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex jeliminaw kwalunkwe distorsjoni regolatorja identifikata;

(f) 

li jiżguraw l-akkwist effiċjenti f'termini tal-kostijiet u bbażat fuq is-suq ta' servizzi ta' bbilanċjar u anċillari;

(g) 

li jeliminaw il-prezzijiet regolati meta meħtieġa mill-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

4.  
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw il-pjan ta' implimentazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni għal rieżami.
5.  
Fi żmien erba'xhur minn meta tirċievi l-pjan ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwarjekk il-miżuri humiex suffiċjenti biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet regolatorji jew il-fallimenti tas-suq li ġew identifikati skond il-paragrafu 2, u tista' tistieden lill-Istati Membri biex jemendaw l-pjanijiet ta' implimentazzjoni tagħhom skond dan.
6.  
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-pjan ta' implimentazzjoni u għandhom jippubblikaw ir-riżultati tal-monitoraġġ f'rapport annwali u għandhom jissottomettu dak ir-rapport lill-Kummissjoni.
7.  
Il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar jekk il-pjanijiet ta' implimentazzjoni ġewx implimentati b'mod suffiċjenti u jekk it-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi ġiex solvut.
8.  
L-Istati Membri għandhom ikomplu jżommu mal-pjan ta' implimentazzjoni wara it-tħassib identifikat dwar l-adegwatezza tar-riżorsi jkun ġie solvut.

Artikolu 21

Prinċipji ġenerali għall-mekkaniżmi ta' kapaċità

1.  
Sabiex jeliminaw t-tħassib li jidfal dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità, bħala mezz tal-aħħar rikors u waqt li jimplimentaw il-miżuri msemmija fl- Artikolu 20(3) ta' dan ir-Regolament f'konformita' mar-regoli tal-Unjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat.
2.  
Qabel ma jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iwettqu studju komprensiv dwar l-effetti possibbli ta' tali mekkaniżmi fuq l-Istati Membri ġirien tagħhom billi jikkonsultaw tal-anqas lill-Istati Membri ġirien tagħhom li magħhom għandhom konnessjoni tan-netwerk diretta u lill-partijiet ikkonċernati ta' dawk l-Istati Membri.
3.  
L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk mekkaniżmu ta' kapaċità fil-forma ta' riserva strateġika huwiex kapaċi jindirizza t-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi. Fejn dan ma jkunx il-każ, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw tip differenti ta' mekkaniżmu ta' kapaċità.
4.  
L-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità fejn kemm il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali jew fl-assenza ta' valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali, il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea ma identifikawx/identifikatx tħassib relatati mal-adegwatezza tar-riżorsi.
5.  
L-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu mekkaniżmi ta' kapaċità qabel ma l-pjan ta' implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(3) ikun irċieva opinjoni mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(5).
6.  
Meta Stat Membru japplika mekkaniżmu ta' kapaċità, huwa għandu jirrevedi dak il-mekkaniżmu ta' kapaċità u għandu jiżgura li ebda kuntratt ġdid ma jiġi konkluż taħt dak il-mekkaniżmu fejn kemm il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea kif ukoll il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali, jew fl-assenza ta' valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi nazzjonali, il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi Ewropea ma identifikaw tħassib relatati mal-adegwatezza tar-riżorsi jew il-pjan ta' implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(3) ma jkunx irċieva opinjoni mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20(5).
7.  
Meta jitfasslu l-mekkaniżmi ta' kapaċità, l-Istati Membri għandhom jinkludu dispożizzjoni li tippermetti l-eliminazzjoni gradwali amministrattiva effiċjenti tal-mekkaniżmu ta' kapaċità fejn l-ebda kuntratt ġdid ma jkun ġie konkluż skont il-paragrafu 6 matul tliet snin konsekuttivi.
8.  
Il-mekkaniżmi ta' kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni għal mhux aktar minn 10 snin. Għandhom jiġu eliminati gradwalment jew l-ammont tal-kapaċitajiet impenjati għandu jitnaqqas abbażi tal- pjanijiet ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 20. L-Istati Membri għandhom ikomplu japplikaw il-pjan ta' implimentazzjoni wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' kapaċità.

Artikolu 22

Prinċipji ta' tfassil għall-mekkaniżmi ta' kapaċità

1.  

Kull mekkaniżmu ta' kapaċità:

(a) 

għandu jkun temporanju;

(b) 

ma għandux joħloq distorsjonijiet tas-suq bla bżonn u jillimita l-kummerċ transżonali;

(c) 

ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-adegwatezza msemmi fl-Artikolu 20;

(d) 

għandu jagħżel fornituri ta' kapaċità permezz ta' proċess trasparenti, mhux diskriminatorju u kompetittiv;

(e) 

għandu jipprovdi inċentivi biex il- jkunu disponibbli fi żminijiet ta' stress mistenni fuq is-sistema;

(f) 

għandu jiżgura li r-remunerazzjoni tiġi ddeterminata permezz ta' proċess kompetittiv;

(g) 

għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni ta' fornituri ta' kapaċità qabel il-proċedura ta' selezzjoni;

(h) 

għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tar-riżorsi kollha li huma kapaċi jipprovdu l-prestazzjoni teknika meħtieġa, inklużi l-ħżin tal-enerġija u l-ġestjoni tad-domanda.

(i) 

għandu japplika penali xierqa lill-fornituri ta' kapaċità li ma jkunux disponibbli fi żminijiet ta' stress tas-sistema.

2.  

It-tfassil tar-riservi strateġiċi għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

fejn mekkaniżmu ta' kapaċità ġie mfassal bħala riserva strateġika, ir-riżorsi tiegħu jridu jintbagħtu biss jekk l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni x'aktarx li jeżawrixxu r-riżorsi ta' bbilanċjar tagħhom biex jistabbilixxu ekwilibriju bejn id-domanda u l-provvista;

(b) 

matul il-perjodi ta' saldu tal-iżbilanċ meta sar id-dispaċċ tar-riżorsi fir-riserva strateġija, l-iżbilanċi fis-suq għandhom jiġu saldati mill-anqas bil-valur tat-tagħbija mitlufa jew b'valur ogħla mil-limitu tal-prezz tekniku tal-istess ġurnata kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), skont liema minnhom huwa l-ogħla;

(c) 

l-output tar-riserva strateġika wara d-dispaċċ għandu jiġi attribwit lill-partijiet responsabbli għall-bilanċ permezz tal-mekkaniżmu ta' saldu tal-iżbilanċ.

(d) 

ir-riżorsi li jieħdu sehem fir-riserva strateġika ma għandhomx jirċievu remunerazzjoni mis- swieq tal-elettriku bl-ingrossa jew mis-swieq tal-ibbilanċjar.

(e) 

ir-riżorsi fir-riserva strateġika għandhom jinżammu barra mis-suq mill-anqas għal kemm idum il-perjodu kuntrattwali.

Ir-rekwiżit imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-attivazzjoni tar-riżorsi qabel id-dispaċċ effettiv sabiex jiġu rrispettati l-limitazzjonijiet tar-ramping u r-rekwiżiti operattivi tar-riżorsi ta' kalar u r-rekwiżiti operazzjonali tagħhom. L-output tar-riserva strateġika matul l-attivazzjoni ma għandhiex tkun attribwita lill-grupp ta' bbilanċjar permezz tas-swieq bl-ingrossa u ma għandiex tibdel l-iżbilanċi tagħhom.

3.  

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-mekkaniżmi ta' kapaċità differenti mir-riservi strateġiċi għandhom

(a) 

ikunu mibnija b'tali mod li jiżguraw li l-prezz imħallas għad-disponibbiltà awtomatikament ixaqleb lejn żero meta l-livell ta' kapaċità fornut ikun mistenni li jkun biżżejjed biex ilaħħaq mal-livell ta' kapaċità mitlub;

(b) 

jirremuneraw ir-riżorsi parteċipattivi biss għad-disponibbiltà tagħhom u jiżguraw li r-remunerazzjoni ma taffettwax deċiżjonijiet tal-fornitur ta' kapaċità dwar jekk jiġġenerax jew le;

(c) 

jiżguraw li l-obbligi ta' kapaċità jkunu trasferibbli bejn il-fornituri ta' kapaċità eliġibbli.

4.  

Il-mekkaniżmi ta' kapaċità għandhom jinkorporaw ir-rekwiżiti li ġejjin fir-rigward tal-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2:

(a) 

mill-4 ta' Lulju 2019 l-aktar tard, il-kapaċità ta' ġenerazzjoni li bdiet il-produzzjoni kummerċjali f'dik id-data jew wara u li tarmi aktar minn 550 gr ta' CO2 li joriġina mill-karburant fossili għal kull kWh ta' elettriku m'għandhiex tkun impenjata jew tirċievi pagamenti jew impenji għal pagamenti futuri taħt mekkaniżmu ta' kapaċità;

(b) 

mill-1 ta' Lulju 2025 l-aktar tard, il-kapaċità ta' ġenerazzjoni li bdiet il-produzzjoni kummerċjali qabel l-4 ta' Lulju 2019 u li tarmi aktar minn 550 g ta' CO2 li joriġina mill-karburant fossili għal kull kWh ta' elettriku u aktar minn 350 kg CO2 li joriġina mill-karburant fossili bħala medja fis-sena għal kull kW m'għandhiex tkun impenjata jew tirċievi pagamenti jew impenji għal pagamenti futuri taħt mekkaniżmu ta' kapaċità.

Il-limitu tal-emissjonijiet ta' 550 gr CO2/kWh oriġinarji ta' karburant fossili għal kull kWh ta' elettriku u l-limitu ta' 350 kg CO2 li joriġina minn karburant fossili bħala medja fis-sena għal kull kW installat imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi ikkalkolat abbażi tal-effiċjenza tat-tfassil tal-unità ta' ġenerazzjoni f'kapaċità nominali taħt l-istandards rilevanti pprovduti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ACER għandha tippubblika opinjoni li tagħti gwida teknika relatat mal-kalkolu tal-valuri msemmija fl-ewwel subparagrafu.

5.  
L-Istati Membri li japplikaw il-mekkaniżmi ta' kapaċità fl-4 ta' Lulju 2019 għandhom jadattaw il-mekkaniżmi tagħhom biex jikkonformaw mal-Kapitolu 4 mingħajr preġudizzju għall-impenji jew għall-kuntratti, konklużi sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 23

Valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi

1.  
Il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi għandha tidentifika t-tħassib relatat mal-adegwatezza tar-riżorsi billi tivvaluta l-adegwatezza ġenerali tas-sistema tal-elettriku biex jissodisfa d-domandi attwali u projettati għall-elettriku fil-livell tal-Unjoni, fil-livell tal-Istati Membri, u fil-livell ta' żoni individwali ta' offerti, fejn rilevanti. Il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi għandha tkopri kull sena matul perjodu ta'10 snin mid-data ta' dik il-valutazzjoni.
2.  
Il-valutazzjoni Ewropea tar-riżorsi għandha titwettaq mill-ENTSO tal-Elettriku.
3.  
Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku stabbilit skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta 'Novembru 2012 ( 6 ) u l- ACER abbozz tal-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi bbażat fuq il-prinċipji previsti fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
4.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-ENTSO għall-Elettriku d-data meħtieġa biex iwettaq il-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi.

L-ENTSO għall-Elettriku għandu jwettaq il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi fuq bażi annwali. Il-produtturi u parteċipanti oħra fis-suq għandhom jipprovdu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni d-data rigward l-użu mistenni tar-riżorsi ta' ġenerazzjoni, filwaqt li jqisu id-disponibbiltà ta' riżorsi primarji u xenarji adatti tal-projezzjoni tad-domanda u tal-offerta.

5.  

Il-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi għandha tkun ibbażata fuq metodoloġija trasparenti li għandha tiżgura li l-valutazzjoni:

(a) 

titwettaq f'kull livell taż-żona tal-offerti li jkopri mill-inqas l-Istati Membri kollha;

(b) 

tkun ibbażata fuq xenarji ta' riferiment ċentrali xierqa ta' projezzjonijiet tad-domanda u tal-offerta inkluża valutazzjoni ekonomika tal-probabbiltà ta' rtirar, ta' sospensjoni temporanja, ta' ħolqien ġdid tal-assi ta' ġenerazzjoni u ta' miżuri biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-interkonnessjoni tal-elettriku u aspetti sensittivi xierqa dwar il-fenomeni meteoroloġiċi estremi, il-kundizzjonijiet idroloġiċi, il-prezzijiet bl-ingrossa u l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-karbonju;

(c) 

ikun fiha xenarji separati li jirriflettu l-probabbiltajiet differenti tal-okkorrenza tat-tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi li d-diversi tipi ta' mekkaniżmi ta' kapaċità huma mfassla biex jindirizzaw;

(d) 

tqis b'mod xieraq il-kontribut tar-riżorsi kollha inkluż il-possibilitajiet eżistenti u futuri għall-ġenerazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, l-integrazzjoni settorjali, ir-rispons tad-domanda u ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni u l-kontribut tagħhom għat-tħaddim flessibbli tas-sistema

(e) 

tantiċipa l-impatt probabbli tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 20(3);

(f) 

tinkludi varjanti mingħajr b'mekkaniżmi ta' kapaċità eżistenti jew ippjanati, u fejn applikabbli, varjanti b' tali mekkaniżmi;

(g) 

tkun ibbażata fuq mudell tas-suq li, juża l-approċċ ibbażat fuq il-fluss, fejn applikabbli;

(h) 

tapplika kalkoli probabilistiċi;

(i) 

tapplika għodda ta' mmudellar unika;

(j) 

tinklodi mill-inqas l-indikaturi li ġejjin imsemmija fl-Artikolu 25:

— 
“l-enerġija mbassra mhux ipprovduta”, u
— 
“tbassir tat-telf tat-tagħbija”;
(k) 

tidentifika s-sorsi ta' tħassib possibbli ta' adegwatezza tar-riżorsi, tindika b'mod partikolari jekk ikunx ostakolu tan-netwerk jew ostakolu tar-riżorsi, jew tat-tnejn li huma;

(l) 

tqis l-iżvilupp tan-netwerk reali;

(m) 

tiżgura li l-karatteristiċi nazzjonali tal-ġenerazzjoni, il-flessibbiltà tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, id-disponibbiltà ta' riżorsi primarji u l-livell ta' interkonnessjoni jkun ittieħed kont tajjeb tagħhom.

6.  

Sal-5 ta' Jannar 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-ACER abbozz tal-metodoloġija għall-kalkolu:

(a) 

tal-valur tat-tagħbija mitlufa;

(b) 

tal-“kost tal-entrata l-ġdida” għall-ġenerazzjoni jew għar-rispons tad-domanda; u

(c) 

tal-istandard ta' affidabbiltà msemmi fl-Artikolu 25.

Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti, oġġettivi u verifikabbli.

7.  
Il-proposti skont il-paragrafi 3 u 6 għall-abbozz tal-metodoloġija, ix-xenarji, l-aspetti sensittivi u s-suppożizzjonijiet li fuqhom ikunu bbażati, u r-riżultati tal-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi skont il-paragrafu 4 għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel mal-Istati Membri, mal-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u approvazzjoni tal-ACER, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Artikolu 24

Valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi

1.  
Il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandu jkollhom ambitu reġjonali u għandhom ikunu bbażati fuq il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 23(3) b'mod partikolari fil-punti (b) sa (m) tal-Artikolu 23(5).

Il-valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi għandu jkun fihom ix-xenarji ta' riferiment ċentrali kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 23(5).

Il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi jistgħu jqisu sensitivitajiet addizzjonali għal dawk imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 23(5). F'tali każijiet, il-valutazzjonijiet nazzjonali dwar l-adegwatezza tar-riżorsi jistgħu: -

(a) 

jagħmlu suppożizzjonijiet li jqisu l-partikolaritajiet tad-domanda u tal-provvista nazzjonali tal-elettriku;

(b) 

jużaw strumenti komplementari u data reċenti li huma konsistenti li jkunu kumplimentari għal dawk użati mill-ENTSO għall-Elettriku għall-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi.

Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi fl-evalwazzjoni tal-kontribut tal-fornituri tal-kapaċità li jinsabu fi Stat Membru ieħor għas-sigurtà tal-provvista taż-żoni tal-offerti li huma jkopru, għandhom jużaw il-metodoloġija kif prevista fl-Artikolu 26(11).

2.  
Il-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi u, fejn applikabbli, il-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi u l-opinjoni tal-ACER skont il-paragrafu 3 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.
3.  
Meta l-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi tidentifika tħassib dwar l-adegwatezza rigward żona tal-offerti li ma ġiex identifikat fil-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi l-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandha tinkludi r-raġunijiet għadi-diverġenza bejn iż-żewġ valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi, inklużi d-dettalji tal-aspetti sensittivi użati u s-suppożizzjonijiet sottostanti. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw dik il-valutazzjoni u jibagħtuh lill-Aġenzija.

Fi żmien xahrejn mid-data ta' preżentazzjoni tar-rapport, l-ACER għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk id-differenzi bejn il-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi u l-valutazzjoni Ewropej tal-adegwatezza tar-riżorsi humiex ġustifikati

Il-korp li huwa responsabbli għall-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandu jqis l-opinjoni tal-ACER, u fejn meħtieġ għandu jemenda l-valutazzjoni tiegħu. Fejn jiddeċiedi li ma jqisx b'mod sħiħ l-opinjoni tal-ACER, il-korp responsabbli għall-valutazzjoni nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi għandu jippubblika rapport b'raġunijiet dettaljati.

Artikolu 25

Standard ta' affidabbiltà

1.  
Meta japplikaw il-mekkaniżmi ta' kapaċità, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ standard ta' affidabbiltà. Standard ta' affidabbiltà għandu jindika b'mod trasparenti l-livell neċessarju ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru. Fil-każ ta' żoni tal-offerti transkonfinali, tali standards ta' affidabbiltà għandhom jiġu stabbiliti b'mod konġunt mill-awtoritajiet rilevanti.
2.  
L-istandard ta' affidabbiltà għandu jkun stabbilit mill-Istat Membri jew minn awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru, wara proposta mill-awtorità regolatorja. L-istandard tal-affidabbiltà għandu jkun ibbażat fuq il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 23(6).
3.  
L-istandard ta' affidabbiltà għandu jiġi kkalkulat bl-użu ta' mill-anqas il-valur ta' tagħbija mitlufa u l-kost ta' entrata ġdida matul perjodu ta' żmien partikolari u għandu jiġi espress bħala “enerġija mbassra mhux ipprovduta” u “tbassir tat-telf tat-tagħbija”.
4.  
Meta japplikaw il-mekkaniżmi ta' kapaċità, il-parametri li jiddeterminaw l-ammont ta' kapaċità akkwistata fil-mekkaniżmu ta' kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Istat Membru jew minn awtorità kompetenti oħra maħtura mill-Istati Membri, abbażi ta' proposta mill-awtorità regolatorja.

Artikolu 26

Parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità

1.  
Il-mekkaniżmi tal-kapaċità, għajr ir-riservi strateġiċi, u fejn teknikament fattibbli, ir-riservi strateġiċi għandhom jinfetħu għal parteċipazzjoni transkonfinali diretta ta' fornituri tal-kapaċità li jinsabu fi Stat Membru ieħor suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità barranija li kapaċi tipprovdi prestazzjoni teknika ekwivalenti għall-kapaċitajiet nazzjonali, ikollha l-opportunità li tipparteċipa fl-istess proċess kompetittiv tal-kapaċità nazzjonali. Fil-każ ta' mekkaniżmi tal-kapaċità li joperaw fl-4 ta' Lulju 2019, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-interkonnetturi biex jipparteċipaw direttament fl-istess proċess kompetittiv bħala kapaċità barranija għal massimu ta' erba' snin mill-4 ta' Lulju 2019 jew sentejn wara d-data tal-approvazzjoni tal-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 11, skont liema wieħed jiġi qabel.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kapaċità tkun lokalizzata fi Stat Membru li għandu konnessjoni tan-netwerk diretta mal-Istat Membru li japplika l-mekkaniżmu.

3.  
L-Istati Membri ma għandhomx jipprevjenu l-kapaċità li tinsab fit-territorju tagħhom milli tipparteċipa fil-mekkaniżmi ta' kapaċità ta' Stati Membri oħra.
4.  
Il-parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità ma għandhiex tibdel, timmodifika jew taffettwa b'xi mod ieħor skedi transkonfinali jew flussi fiżiċi bejn l-Istati Membri. Dawk l-iskedi u l-flussi lgħandhom jiġu stabbiliti biss bir-riżultat tal-allokazzjoni tal-kapaċità skont l-Artikolu 16
5.  
Il-fornituri tal-kapaċità għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw f'aktar minn mekkaniżmu ta' kapaċità wieħed.

Fejn il-fornituri tal-kapaċità jipparteċipaw f'aktar minn mekkaniżmu ta' kapaċità wieħed għall-istess perjodu ta' konsenja, għandhom jipparteċipaw sad-disponibblità mistennija tal-interkonnessjoni u u l-konkorrenza probabbli ta' stress fuq is-sistema bejn is-sistema li fiha huwa applikat il-mekkaniżmu u s-sistema li fiha l-kapaċità barranija tinsab skont il-metodoloġija msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 11

6.  
Il-fornituri tal-kapaċità għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu pagamenti ta' nuqqas ta' disponibbiltà fejn il-kapaċità tagħhom ma tkunx disponibbli.

Fejn il-fornituri tal-kapaċità jipparteċipaw f'aktar minn mekkaniżmu ta' kapaċità wieħed għall-istess perjodu ta' konsenja, huma għandhom ikunu meħtieġa jagħmlu pagamenti ta' nuqqas ta' disponibbiltà multipli fejn ma jkunux jistgħu jissodisfaw impenji multipli.

7.  
Għall-iskopijiet biex tingħata rakkomandazzjoni lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali stabbiliti skont l-Artikolu 35 għandhom jikkalkulaw fuq bażi annwali l-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija. Dak il-kalkolu għandu jqis id-disponibbiltà mistennija ta' interkonnesjoni u l-konkorrenza probabbli ta' pressjoni fuq is-sistema fis-sistema fejn jiġi applikat il-mekkaniżmu u s-sistema fejn tkun tinsab il-kapaċità barranija. Tali kalkolu għandu jkun meħtieġ għal kull fruntiera taż-żona tal-offerti

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jiffissaw il-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija abbażi tar-rakkomandazzjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali fuq bażi annwali. għandhom jistabbilixxu l-kapaċità ta' dħul massima disponibbli għall-parteċipazzjoni

8.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità ta' dħul msemmija fil-paragrafu 7 tkun allokata għall-fornituri tal-kapaċità eliġibbli b'mod trasparenti, mhux diskriminatorju u bbażat fuq is-suq.
9.  
Fejn mekkaniżmi ta' kapaċità jippermettu parteċipazzjoni transkonfinali f'żewġ Stati Membri ġirien, kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni msemmija fil-paragrafu 8, għandu jakkumula għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni konċernati u għandu jinqasam bejniethom skont il-metodoloġija msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 11 ta' dan l-Artikolu jew skont metodoloġija komuni approvata miż-żewġ awtoritajiet regolatorji rilevanti. Jekk l-Istat Membru ġar ma japplikax mekkaniżmu tal-kapaċità jew japplika mekkaniżmu ta' kapaċità li mhuwiex miftuħ għall-parteċipazzjoni transkonfinali, is-sehem tad-dħul għandu jiġi approvat mill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru li fih il-mekkaniżmu tal-kapaċità qed jiġi implimentat wara li ġiet mfitxija l-opinjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri ġirien. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jużaw dan id-dħul għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(2).
10.  

L-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fejn tkun tinsab il-kapaċità barranija għandu:

(a) 

jistabbilixxi jekk il-fornituri tal-kapaċità interessati jistgħux jipprovdu l-prestazzjoni teknika kif meħtieġa mill-mekkaniżmu ta' kapaċità li beħsiebhom jipparteċipaw fih, u jirreġistrahom fir-reġistru bħala fornituri tal-kapaċità eliġibbli f'reġistru stabbilit għal dak l-iskop;

(b) 

iwettaq kontrolli tad-disponibbiltà;

(c) 

jinnotifikaw lill-operatur tas-sistema ta 'trasmissjoni fl-Istat Membru li japplika l-mekkaniżmu tal-kapaċità ta' l-informazzjoni li jakkwista taħt il-punti (a) u (b) ta' dan is-subparagrafu u t-tieni subparagrafu;

Il-fornitur rilevanti tal-kapaċità għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bil-parteċipazzjoni tiegħu f'mekkaniżmu ta' kapaċità barranija.

11.  

Sal-5 ta' Lulju 2020, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta lill-ACER:

(a) 

metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità massima ta' dħul għall-parteċipazzjoni transkonfinali kif imsemmija fil-paragrafu 7;

(b) 

metodoloġija għall-qsim tad-dħul imsemmija fil-paragrafu 9;

(c) 

regoli komuni għat-twettiq ta 'kontrolli ta' disponibbiltà msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 10;

(d) 

regoli komuni biex jiġi ddeterminat meta jkun dovut pagament ta' nuqqas tad-disponibbiltà;

(e) 

termini tat-tħaddim tar-reġistru kif imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 10;

(f) 

regoli komuni għall-identifikazzjoni tal-kapaċità eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tal-kapaċità kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 10;

Il-proposta għandha tkun soġġetta għall-konsultazzjoni minn qabel u l-approvazzjoni mill-ACER skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

12.  
L-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għandhom jivverifikaw jekk il-kapaċitajiet ġewx ikkalkulati skont il-metodoloġija kif imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 11.
13.  
L-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità tkun organizzata b'mod effettiv u mhux diskriminatorju. B'mod partikolari dawn għandhom jipprovdu għal arranġamenti amministrattivi adegwati għall-infurzar tal-pagamenti ta' nuqqas ta' disponibbiltà bejn il-fruntieri.
14.  
Il-kapaċitajiet allokati skont il-paragrafu 8 għandhom ikunu trasferibbli bejn il-fornituri tal-kapaċità eliġibbli. Il-fornituri tal-kapaċità eliġibbli għandhom jinnotifikaw lir-reġistru kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 10 bi kwalunkwe trasferiment ta' dan it-tip.
15.  
Sal-5 ta' Lulju 2021 l-ENTSO għall-Elettriku għandu jistabbilixxi u jħaddem ir-reġistru kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 10. Ir-reġistru għandu jkun miftuħ għall-fornituri tal-kapaċità eliġibbli kollha, għas-sistemi li japplikaw li jimplimentaw mekkaniżmi ta' kapaċità u għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tagħhom.

Artikolu 27

Proċedura ta' approvazzjoni

1.  
Fejn ssir referenza għal dan l-Artikolu, il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandha tapplika għall-approvazzjoni tal- ppreżentati mill-ENTSO għall-Elettriku.
2.  
Qabel ma jippreżental-proposta, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jwettaq proċess ta' konsultazzjoni li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż lill-awtoritiajiet regolatorji u lil awtoritajiet nazzjonali oħra. Huwa għandu jieħu jqis kif xieraq ir-riżultati tal-proċess ta' konsultazzjoni fil-proposta tiegħu.
3.  
Fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1, l-ACER għandha tapprovaha jew temendaha. Fil-każ tal-aħħar, l-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO għall-Elettriku qabel tapprova l-proposta emendata. L-ACER għandu jippubblika l-proposta approvata fuq is-sit web tagħha fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tad-dokumenti proposti.
4.  
Fi kwalunkwe mument, L-ACER tista' titlob li jsiru tibdiliet fil-proposta approvata. Fi żmien sitt xhur mid-data ta' meta tirċievi tali talba, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta abbozz tat-tibdiliet proposti lill- ACER. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievl -abbozz, l- ACER għandha temenda jew tapprova t-tibdiliet u tippubblika dawk it-tibdiliet hom fuq is-sit web tagħha.



KAPITOLU V

TĦADDIM TAS-SISTEMA TA' TRAŻMISSJONI

Artikolu 28

Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni permezz tal-ENTSO għall-Elettriku sabiex jiġu promossi l-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku u l-kummerċ transżonali u biex tiġi żgurata l-aħjar ġestjoni, it-tħaddim koordinat u l-evoluzzjoni teknika soda tan-netwerk Ewropew ta' trażmissjoni tal-elettriku.
2.  
Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jaġixxi bil-ħsieb li jistabbilixxi suq intern tal-elettriku funzjonanti u integrat sewwa u għandu jikkontribwixxi għall-kisba effiċjenti u sostenibbli tal-objettivi stabbiliti fil-qafas ta' politika għall-enerġija u l-klima li jkopri l-perjodu mill-2020 sal-2030, b'mod partikolari billi jikkontribwixxi għall-integrazzjoni effiċjenti tal-elettriku ġġenerat mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għaż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija filwaqt li tinżamm is-sigurtà tas-sistema. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jkun mgħammar b'riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex jaqdi dmirijietu.

Artikolu 29

L- ENTSO għall-Elettriku

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-ACER kwalunkwe abbozz ta' emendi għall-istatuti, lista ta' membri jew regoli ta' proċedura tal-ENTSO għall-Elettriku.
2.  
Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċevi l-abbozzi ta' emendi għall-istatuti, lista tal-membri jew regoli ta' proċedura, l-ACER, wara li tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari lill-utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti, għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar dawn l-abbozzi ta' emendi għall-istatuti, lista ta' membri jew regoli ta' proċedura.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar ll-abbozzi ta' emendi għall-istatuti, lista ta' membri jew regoli ta' proċedurafilwaqt li tqis l-opinjoni ta' l-ACER kif previst fil-paragrafu 2 u fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-opinjoni tal-ACER.
4.  
Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jadottaw u jippubblikaw l-istatuti jew ir-regoli ta' proċedura emendati.
5.  
Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill- ACER fejn ikun hemm tibdil fihom jew fuq talba motivata ta' waħda minnhom L-Kummissjoni u l-ACER għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom skont il- paragrafi 2, 3 u 4.

Artikolu 30

Il-kompiti tal-ENTSO għall-Elettriku

1.  

L-ENTSO għall-Elettriku għandu:

(a) 

jiżviluppa kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 59(1) u (2) bil-għan li jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 28;

(b) 

jadotta u jippubblika pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq perjodu ta' għaxar snin mhux vinkolanti għall-Unjoni (pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha), kull sentejn;

(c) 

iħejji u jadotta proposti relatati mal-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi skont l-Artikolu 23 u proposti għal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-parteċipazzjoni transkonfinali fil-mekkaniżmi ta' kapaċità skont l-Artikolu 26(11);

(d) 

jadotta rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni teknika bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-Unjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' pajjiżi terzi;

(e) 

jadotta qafas għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(f) 

jadotta proposta li tiddefinixxi r-reġjun ta' tħaddim tas-sistema f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36;

(g) 

jikkoopera ma' operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-entità tal-UE għad-DSO.

(h) 

jippromwovi d-diġitalizzazzjoni tan-netwerks ta' trażmissjoni inkluż l-użu ta' grilji intelliġenti, l-akkwist effiċjenti ta' data f'ħin reali u sistemi ta' kejl intelliġenti;

(i) 

jadotta għodod komuni għat-tħaddim tan-netwerk biex jiżguraw il-koordinazzjoni tat-tħaddim tan-netwerk f'kundizzjonijiet normali u f'emerġenza, inkluża klassifikazzjoni komuni ta' inċidenti, u pjanijiet ta' riċerka, inkluż l-użu ta' dawk il-pjanijiet fi programm ta' riċerka effiċjenti. Dik l-għodda għandha tispeċifika fost affarijiet oħra:

(i) 

l-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni xierqa minn ġurnata qabel, tal-istess jum, u f'ħin reali, li tkun utli għat-titjib tal-koordinazzjoni operazzjonali, kif ukoll il-frekwenza ottimali għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ta' dan it-tip;

(ii) 

il-pjattaforma teknoloġika għall-iskambju ta' informazzjoni f'ħin reali u fejn ikun xieraq, il-pjattaformi teknoloġiċi għall-ġbir, l-ipproċessar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni l-oħra msemmija fil-punt (i), kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-proċeduri li jkunu kapaċi jżidu l-koordinazzjoni operazzjonali bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni bil-ħsieb li dan il-koordinazzjoni jibda jseħħ fl-Unjoni kollha kemm hi;

(iii) 

kif l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni se jqiegħdu l-informazzjoni operazzjonali għad-diżpożizzjoni tal-operaturi l-oħra tas-sistema ta' trażmissjoni jew ta' kwalunkwe entità oħra li tkun ingħatat il-mandat dovut li tappoġġahom fil-kisba tal-koordinazzjoni operazzjonali, u tal-ACER; u

(iv) 

li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jaħtru punt ta' kuntatt responsabbli biex iwieġeb il-mistoqsijiet minn operaturi oħrajn tas-sistema ta' trażmissjoni jew minn kwalunkwe entità oħra li tkun ingħatat il-mandat dovut kif imsemmi fil-punt (iii), jew mill-ACER fir-rigward tal-informazzjoni ta' dan it-tip;

(j) 

jadotta programm ta' ħidma annwali;

(k) 

jikkontribwixxi għall-ħolqien tar-rekwiżiti ta' interoperabbiltà u ta' proċeduri mhux diskriminatorji u trasparenti għall-aċċess għad-data kif previst fl-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

(l) 

jadotta rapport annwali;

(m) 

iwettaq u jadotta valutazzjonijiet staġonali dwar l-adegwatezza skont l- 9(2) tar-Regolament (UE) 2019/941;

(n) 

jippromwovi ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti u mal-entitajiet regolati;

(o) 

iqis l-iżvilupp tar-rispons għad-domanda huwa u jwettaq il-kompiti tiegħu.

2.  
L-ENTSO tal-Elettriku għandu jirrapporta lill-ACER dwar in-nuqqasijiet identifikati rigward l-istabbiliment u l-prestazzjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.
3.  
L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-Assemblea tiegħu, tal-laqgħat tal-bord u tal-kumitati u jipprovdi lill-pubbliku l-informazzjoni regolari dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-attivitajiet tiegħu.
4.  
Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-punt (j) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk li għandhom jitħejjew, pjan dwar il-koordinazzjoni tat-tħaddim tan-netwerk u l-attivitiajiet ta' riċerka u żvilupp li għandhom jitwettqu f'dik is-sena, u kalendarju indikattiv.
5.  
L-ENTSO għall-Elettriku għandu jjipprovdi lill-ACER bl-informazzjoni li l-ACER teħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 32(1). Sabiex l-ENTSO għall-Elettriku jkun jista' jissodisfa dak ir-rekwiżit, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu lill-ENTSO għall-Elettriku bl-informazzjoni meħtieġa.
6.  
Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-fehmiet tiegħu dwar l-adozzjoni ta' linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 61.

Artikolu 31

Konsultazzjonijiet

1.  
Fil-preparazzjoni tal-proposti skont il-kompiti msemmija fl-Artikolu 30(1), l-ENTSO tal-Elettriku għandu jwettaq proċess estensiv ta' konsultazzjoni. Il-proċess ta' konsultazzjoni għandu jkun strutturat b'mod li jippermetti l-akkomodazzjoni tal-integrazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni finalital-proposta u b'mod miftuħ u trasparenti, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u, b'mod partikolari, lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil tali partijiet ikkonċernati kollha,skont ir-regoli ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 29. Dik il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll lill-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-impriżi ta' forniment u ta' ġenerazzjoni, l-utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-industrija rilevanti, il-korpi tekniċi u l-pjattaformi tal-partijiet ikkonċernati. Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tidentifika l-opinjonijiet u l-proposti tal-partijiet rilevanti kollha waqt il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.
2.  
Id-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat relatati ma' dawn il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pubbliċi.
3.  
Qabel ma jiġu adottati l-proposti msemmija fl-Artikolu 30(1), l-ENTSO għall-Elettriku għandu jindika kif tqiesu l-osservazzjonijiet li jkun irċieva waqt il-konsultazzjoni. Din għandha tagħti raġunijiet meta l-osservazzjonijiet ma jitqisux.

Artikolu 32

Sorveljanza mill-ACER

1.  
L-ACER għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-ENTSO għall-Elettriku msemmija fl-Artikolu 30(1), (2) u (3), u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni.

L-ACER għandha tissorvelja l-implimentazzjoni, mill-ENTSO għall-Elettriku, tal-kodiċijiet tan-netwerk żviluppati skont l-Artikolu 59. Meta l-ENTSO għall-Elettriku jonqos milli jimplimenta dawn il-kodiċijiet tan-netwerk, l-ACER għandha titlob lill-ENTSO għall-Elettriku biex jipprovdi spjegazzjoni raġunata għalfejn ikun naqas milli jagħmel dan. L-ACER għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dik l-ispjegazzjoni u tagħti opinjoni dwarha.

L-ACER għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 58(1), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva, il-funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.  
L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha, l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċess ta' konsultazzjoni, u dokumenti oħra msemmija fl-Artikolu 30(1) lill-ACER għall-opinjoni tagħha.

Meta tqis li l-abbozz tal-programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall- Unjoni kollha ppreżentati mill-ENTSO għall-Elettriku ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva, il-funzjonament effiċjenti tas-suq jew livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess mill-partijiet terzi. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament motivata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċevihom.

Artikolu 33

Kostijiet

Il-kostijiet relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO għall-Elettriku msemmija fl-Artikoli 28 sa 32 u 58 sa 61 ta' dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) għandhom jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn il-kostijiet biss jekk ikunu raġonevoli u xierqa.

Artikolu 34

Kooperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni reġjonali fi ħdan l-ENTSO għall-Elettriku biex tikkontribwixxi għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 30(1), (2) u (3). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq dak il-pjan ta' investiment reġjonali. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fil-livell reġjonali filwaqt li jiżgura l-interoperabbiltà, il-komunikazzjoni u s-sorveljanza tal-prestazzjoni reġjonali f'dawk l-oqsma li għadhom ma ġewx armonizzati fil-livell tal-Unjoni.
2.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operazzjonali sabiex jiżguraw l-aħjar ġestjoni tan-netwerk, u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni kkoordinata tal-kapaċità traskonfinali permezz ta' soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq, bl-attenzjoni dovuta għall-merti speċifiċi tal-bejgħ bl-irkant impliċitu għall-allokazzjonijiet fuqperjodu qasir, u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi ta' bilanċ u ta' riservi tal-enerġija.
3.  
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' kooperazzjoni reġjonali tista' tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali eżistenti. Kull Stat Membru jista' jippromwovi l-kooperazzjoni f'aktar minn żona ġeografika waħda.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 biex tissuplimenta dan ir-Regolament, biex tistabbilixxi iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' kooperazzjoni reġjonali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji, lill-CER u lill-ENTSO tal-Elettriku.

L-atti delegati msemmija f'dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36.

Artikolu 35

L-istabbiliment u l-missjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.  
Sal-5 ta' Lulju 2020, l-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jipreżentaw lill-awtoritajiet regolatorji rispettivi proposta għall-istabbiliment ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati skont il-kriterji definit f'dan il-Kapitolu.

L-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jirrieżaminaw u japprovaw il-proposta.

Il-proposta għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru li fih tkun tinsab is-sede prospettiva taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoniparteċipanti;

(b) 

l-arranġamenti organizzattivi, finanzjarji u operazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat it-tħaddim effiċjenti, sigur u affidabbli tas-sistema ta' trażmissjoni interkonnessa;

(c) 

pjan ta' implimentazzjoni biex jibdew joperaw iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(d) 

l-istatuti u r-regoli ta' proċedura taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(e) 

deskrizzjoni tal-proċessi kooperattivi skont l-Artikolu 38;

(f) 

deskrizzjoni tal-arranġamenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 47;

(g) 

meta jkun hemm żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali operattivi fuq bażi ta' rotazzjoni skont l-Artikolu 36(2), deskrizzjoni tal-arranġamenti li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet u l-proċeduri ċari dwar it-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.  
Wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-proposta msemmija fil-paragrafu 1, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jissostitwixxu lill-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà stabbiliti skont l-Linja Gwida dwar it-Tħaddim tas-Sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u għandhom jibdew joperaw mill-1 ta' Lulju 2022.
3.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu organizzati f'forma ġuridika kif imsemmi fl-Anness A tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ).
4.  
Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont l-liġi tal-Unjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jaġixxu b'mod indipendenti mill-interessi nazzjonali individwali u b'mod indipendenti mill-interessi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.
5.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkomplementaw ir-rwol tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni billi jwettqu l-kompiti ta' rilevanza reġjonali assenjati lilhom f'konformità mal-Artikolu 37. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni tal-flussi tal-elettriku u għall-iżgurar ta' sistema tal-elettriku sigura, affidabbli u effiċjenti skont punt (d) ta-Artikolu 40(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Artikolu 36

Ambitu ġeografiku taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.  
Sal-5 ta' Jannar 2020 l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta proposta lill-ACERli tispeċifika liema operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, żoni tal-offerti, konfini taż-żoni tal-offerti, reġjuni bil-kapaċità kalkolata u reġjuni ta' koordinazzjoni tal-indisponibbiltà huma koperti minn kull wieħed mir-reġjuni ta' tħaddim tas-sistema. Il-proposta għandha tqis it-topoloġija tal-grilja, inkluż il-grad tal-interkonnessjoni u l-interdipendenza tas-sistema tal-elettriku f'termini ta' flussi u d-daqs tar-reġjun li għandu jkopri mill-inqas reġjun wieħed bil-kapaċità kalkolata;
2.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun tat-tħaddim ta' sistema għandhom jaderixxu maċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali stabbilit f'dak ir-reġjun. F'ċirkostanzi eċċezzjonali,fejn żona ta' kontroll ta' operatur tas-sistema ta' tranżizzjoni hija parti minn diversi żoni sinkroniċi multipli, l-operatur tas-sistema ta' tranżizzjoni jista' jipparteċipa f'żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. Għall-konfini taż-żoni tal-offerti ħdejn reġjuni ta' tħaddim tas-sistema, il-proposta fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-mod kif għandu jsir il-koordinazzjoni bejn iċ- ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għal dawk il-konfini. Għaż-żona sinkronika tal-Ewropa Kontinentali, fejn l-attivitajiet ta' żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jistgħu jidħlu fuq xulxin f'reġjun ta' tħaddim tas-sistema, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ta' dak ir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jiddeċiedu li jew jaħtru ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali uniku f'dak ir-reġjun jew li ż-żewġ ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jwettqu wħud mill-kompiti jew il-kompiti kollha ta' rilevanza reġjonali fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema kollu kemm hu fuq bażi ta' rotazzjoni filwaqt li kompiti oħra minn ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali uniku maħtur.
3.  
Fi żmien tliet xhur minn meta tasal il-proposta fil-paragrafu 1, l-ACER għandha tapprova l-proposta li tiddefinixxi r-reġjuni ta' tħaddim tas-sistema jew tipproponi li jsiru xi emendi. Fil-każ tal-aħħar, l-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO għall-Elettriku qabel tadotta l-emendi. Il-proposta adottata għandha tiġi ppubblikata fis-sit web tal-ACER.
4.  
L-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni rilevanti jistgħu jippreżentaw proposta lill-ACER għall-modifika tar-reġjuni ta' tħaddim tas-sistema definiti skont il-paragrafu 1. Għandu japplika l-proċess stipulat fil-paragrafu 3.

Artikolu 37

Kompiti taċ- ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.  

Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jwettaq mill-inqas il-kompiti kollha ta' rilevanza reġjonali li ġejjin fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema kollu kemm hu fejn ikun stabbilit:

(a) 

it-twettiq tal-kalkolu koordinat tal-kapaċità skont il-metodoloġiji żviluppati f'konformità mal-linja gwida tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(b) 

it-twettiq tal-analiżi koordinata tas-sigurtà f'konformità mal-metodoloġiji żviluppati skont il-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(c) 

il-ħolqien ta' mudelli tal-grilja komuni f'konformità mal-metodoloġiji u mal-proċeduri żviluppati skont il-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(d) 

l-appoġġ għall-valutazzjoni tal-konsistenza tal-pjanijiet ta' difiża u ta' restawr tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-kodiċi tan-netwerk għall-emerġenza u restawr adottat abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(e) 

it-twettiq ta' previżjonijiet u tħejjija reġjonali dwar l-adegwatezza tas-sistema minn ġimgħa bil-quddiem sa mill-anqas ġurnata bil-quddiem tal-azzjonijiet li jnaqqsu r-riskji f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/941 u mal-proċeduri stabbiliti fil-Linja Gwida dwar it-Tħaddim tas-Sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(f) 

it-twettiq ta' koordinazzjoni tal-ippjanar tal-indisponibbiltà reġjonali f'konformità mal-proċeduri u metodoloġiji stabbiliti fil-Linja Gwida dwar it-Tħaddim tas-Sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(g) 

it-taħriġ u ċertifikazzjoni għall-persunal li jaħdem għaċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali;

(h) 

l-appoġġ lill-koordinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tar-restawr reġjonali kif mitlub minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(i) 

it-twettiq ta' analiżi u rappurtar ta' wara t-tħaddim u t-tfixkil;

(j) 

l-iffissar tad-dimensjoni reġjonali tal-kapaċità ta' riserva;

(k) 

l-iffaċilitar tal-akkwist reġjonali tal-kapaċità ta' bbilanċjar;

(l) 

l-appoġġ lill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni, fuq talba tagħhom, fl-ottimizzazzjoni tas-saldu fost l-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni;

(m) 

it-twettiq ta' kompiti relatati mal-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi reġjonali tal-elettriku jekk u sal-punt li jiġu ddelegati liċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/941;

(n) 

it-twettiq ta' relatati mal-identifikazzjoni tal-valutazzjonijiet staġonali tal-adegwatezza jekk u safejn jiġu ddelegati liċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2019/941;

(o) 

il-kalkolu tal-valur tal-kapaċità fi dħul massimu disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija fil-mekkaniżmi ta' kapaċità għal skopijiet ta' formulazzjoni ta' rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 26(7).

(p) 

it-twettiq ta' kompiti relatati mal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal kapaċità ta' trażmissjoni ġdida, għal titjib fil-kapaċità ta' trażmissjoni eżistenti jew l-alternattivi tagħhom, li għandhom jiġu ppreżentati lill-gruppi reġjonali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 u inklużi fil-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Il-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu huma stabbiliti f'aktar dettall fl-Anness I.

2.  
Abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni Ewropea jew minn Stat Membru, il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 68 tad-Direttiva (EU) 2019/944 għandu joħroġ opinjoni dwar l-assenjazzjoni ta' kompiti ta' konsulenza ġodda liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. Fejn dak il-Kumitat joħroġ opinjoni favorevoli dwar l-assenjazzjoni tal-kompiti ta' konsulenza ġodda, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu dawk il-kompiti abbażi ta' proposta żviluppat mill-ENTSO għall-Elettriku u approvata mill-ACER skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.
3.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali tagħhom l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tagħhom.
4.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jipprovdu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu implimentati l-azzjonijiet koordinati u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa miċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali.
5.  
Fir-rigward tal-kompiti stabbiliti f'dan l-Artikolu u mhux diġà koperti mill-kodiċijiet tan-netwerk jew mil-linji gwida rilevanti, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jiżviluppa proposta f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27. Iċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali għandhom iwettqu dawk il-funzjonijiet abbażi tal -proposta wara li tkun ġiet approvata mill-ACER.

Artikolu 38

Kooperazzjoni fi ħdan u fost iċ-ċentri operazzjonali reġjonali u bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

Il-koordinazzjoni ta' kuljum fi ħdan u fost iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jiġi ġestit permezz ta' proċessi kooperattivi fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmizzjoni tar-reġjun, fosthom arranġamenti għall-koordinazzjoni bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali meta rilevanti. Il-proċess kooperattiv għandu jkun ibbażat fuq:

(a) 

arranġamenti ta' ħidma li jindirizzaw l-aspetti operazzjonali u ta' ppjanar rilevanti għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 37;

(b) 

proċedura għall-kondiviżjoni tal-analiżi u għall-konsultazzjoni tal-proposti taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali nal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u maċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali l-oħrajn, b'mod effiċjenti u inklużiv, fl-eżerċizzju tal-obbligi u tal-kompiti operazzjonali skont l-Artikolu 40;

(c) 

proċedura għall-adozzjoni ta' azzjonijiet koordinati u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 42.

Artikolu 39

Arranġamenti ta' ħidma

1.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw arranġamenti ta' ħidma li jkunu effiċjenti, inklużivi, trasparenti u li jiffaċilitaw il-kunsens, sabiex jindirizzaw l-aspetti operazzjonali u ta' ppjanar relatati mal-kompiti li jridu jitwettqu, billi jitqiesu, b'mod partikolari, l-ispeċifiċitajiet u r-rekwiżiti ta' dawk il-kompiti kif speċifikat fl-Anness I. Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw ukoll proċess għar-reviżjoni ta' dawn l-arranġamenti ta' ħidma.
2.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta' ħidma msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu regoli għan-notifika tal-partijiet ikkonċernati.

Artikolu 40

Proċedura ta' konsultazzjoni

1.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw proċedura biex jorganizzaw, fl-eżerċizzju tal-obbligi u tal-kompiti operazzjonali tagħhom ta' kuljum, il-konsultazzjoni xierqa u regolari tal-operaturi fis-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema, ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali oħrajn u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Sabiex jiżguraw li jistgħu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet regolatorji, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu involuti meta jkun meħtieġ.
2.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkonsultaw lill-Istati Membri tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u, fejn hemm forum reġjonali, lill-fora reġjonali tagħhom dwar kwistjonijiet ta' rilevanza politika li jeskludu l-attivitajiet ta' kuljum taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u l-implimentazzjoni tal-kompiti tagħhom. Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jieħdu kont debitu tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri u fejn applikabbli, mill-fora reġjonali tagħhom.

Artikolu 41

Trasparenza

1.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jiżviluppaw proċess għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati u għandhom jorganizzaw laqgħat regolari mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiddiskutu dwar kwistjonijiet relatati mat-tħaddim effiċjenti, sigur u affidabbli tas-sistema interkonnessa kif ukoll sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u jiġi propost titjib.
2.  
L-ENTSO tal-Elettriku u ċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom joperaw b'trasparenza sħiħa fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati u tal-pubbliku ġenerali. Id-dokumentazzjoni kollha rilevanti għandha tkun ippubblikata fuq is-siti web rispettivi tagħhom.

Artikolu 42

Adozzjoni u reviżjonijiet tal-azzjonijiet koordinati u tar-rakkomandazzjonijiet

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f' reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jiżviluppaw proċedura għall-adozzjoni u għar-reviżjoni tal-azzjonijiet koordinati u tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa miċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali f'konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4. s
2.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom joħorġu azzjonijiet koordinati indirizzati lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni dwar il-kompiti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 37(1). L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplimentaw l-azzjonijiet koordinati għajr meta l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet koordinati tkun tirriżulta fi ksur tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali definiti minn kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni f'konformità mal-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

Meta operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiddeċiedi li ma jimplimentax azzjoni koordinata għall-motivazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, huwa għandu jirrapporta b'mod trasparenti l-motivazzjoni fid-dettall liċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali u lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema. F'każijiet bħal dawn, iċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jivvaluta l-impatt ta' dik id-deċiżjoni fuq l-operaturi l-oħra tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u jista' jipproponi ġabra differenti ta' azzjonijiet koordinati soġġetti għall-proċedura stipulata fil-paragrafu 1.

3.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom joħorġu rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward mal-kompiti elenkati fil-punti (c) sa (p) tal-Artikolu 37(1) jew assnejati skont l-Artikolu 37(2)..

Meta operatur ta' sistema ta' trażmissjoni jiddeċiedi li jiddevja minn-rakkomandazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandu jippreżenta ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu liċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali u lill-operaturi l-oħra tas-sistemi ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema mingħajr dewmien żejjed.

4.  
Ir-reviżjoni tal-azzjonijiet koordinati jew ta' rakkomandazzjoni għandha tkun attivata fuq talba ta' operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema. Wara r-reviżjoni tal-azzjoni koordinata jew tar-rakkomandazzjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkonformaw jew jimmodifikaw il-miżura.
5.  
Fejn azzjoni koordinata hija soġġetta għal reviżjoni skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, it-talba għal reviżjoni ma għandhiex tissospendi l-azzjoni koordinata ħlief fejn l-implimentazzjoni tal-azzjoni koordinata tkun tirriżulta fi ksur tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali definiti minn kull operatur individwali tas-sistema ta' trażmissjoni skont l-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.
6.  
Fuq proposta ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 68 tad-Direttiva (EU) 2019/944, l-Istati Membri f' reġjun ta' tħaddim tas-sistema jistgħu jiddeċiedu b'mod konġunt li jagħtu l-kompetenza tal-ħruġ ta' azzjonijiet koordinati liċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali tagħhom għal kompitu wieħed jew aktar previsti fil-punti (c) sa (p) tal-Artikolu 37(1) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 43

Bord maniġerjali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

1.  
Sabiex jadotta miżuri relatati mal-governanza tagħhom u biex jimmonitorja l-prestazzjoni tagħhom, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jistabbilixxu bord maniġerjali.
2.  
Il-bord maniġerjali għandu jkun magħmul minn membri li jirrappreżentaw lill-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni li jipparteċipaw fiċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali rispettivi.
3.  

Il-bord maniġerjali għandu jkun responsabbli:

(a) 

mill-abbozzar u mill-approvazzjoni tal-istatuti u mir-regoli ta' proċedura taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali;

(b) 

mit-teħid tad-deċiżjonijiet u mill-implimentazzjoni tal-istruttura organizzattiva;

(c) 

mit-tħejjija u mill-approvazzjoni tal-baġit annwali;

(d) 

mill-iżvilupp u mill-approvazzjoni tal-proċessi kooperattivi skont l-Artikolu 38.

4.  
Il-kompetenzi tal-bord maniġerjali ma jinkludux dawk li huma relatati mal-attivitajiet ta' kuljum taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali u mat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 44

Struttura organizzattiva

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali li tappoġġa s-sikurezza tal-kompiti tagħhom.

L-istruttura organizzattiva tagħhom għandha tispeċifika:

(a) 

s-setgħat, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-persunal;

(b) 

ir-relazzjoni u l-linji ta' rappurtar bejn partijiet u proċessi differenti tal-organizzazzjoni.

2.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jistgħu jistabbilixxu uffiċċji reġjonali biex jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet sottoreġjonali jew jistabbilixxu appoġġ għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għall-eżerċizzju effiċjenti u affidabbli tal-kompiti tagħhom meta jintwera bil-provi li huwa strettament neċessarju.

Artikolu 45

Tagħmir u persunal

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti u imparzjali.

Artikolu 46

Sorveljanza u rappurtar

1.  

Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jistabbilixxu proċess għas-sorveljanza kontinwa ta' mill-inqas:

(a) 

il-prestazzjoni operazzjonali tagħhom;

(b) 

l-azzjonijiet koordinati u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa, sa fejn l-azzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet koordinati u rakkomandazzjonijiet ġew implimentati mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u r-riżultati miksuba; '

(c) 

l-effettività u l-effiċjenza ta' kull waħda mill-kompiti li huma responsabbli għalihom u, fejn, applikabbli, ir-rotazzjoni ta' dawk il-kompiti.

2.  
Iċ-ċentri operazzjonali reġjonali għandhom jagħtu kont tal-kostijiet tagħhom b'mod trasparenti u jirrappurtawhom lill-ACER u lill-awtoritajiet regolatorji fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema.
3.  
Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippreżentaw rapport annwali dwar ir-riżultat tal-monitoraġġ previst fil-paragrafu 1 u informazzjoni dwar il-prestazzjoni tagħhom lill-ENTSO għall-Elettriku, lill- ACER, lill-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u lill-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku..
4.  
Iċ-ċentri operazzjonali reġjonali għandhom jirrappurtaw kwalunkwe nuqqas li jidentifikaw fil-proċess ta' monitoraġġ taħt il-paragrafu lill-ENTSO għall-Elettriku, lill-awtoritajiet regolatorji tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema, lill- ACERu lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri responsabbli mill-prevenzjoni u mill-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' kriżi. Abbażi ta' dak ir-rapport, l-awtoritajiet regolatorji rilevanti tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema jistgħu jipproponu miżuri biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fiċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.
5.  
Mingħajr preġudizzju għal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

Artikolu 47

Responsabbiltà

Fil-proposti għall-istabbiliment ta' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 35, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għandhom jinkludu l-passi meħtieġa biex ikopru r-responsabbiltà relatata mat-twettiq tal-kompiti taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali. Il-metodu użat biex jipprovdu kopertura għandu jqis l-istatus ġuridiku taċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali u l-livell ta' kopertura tal-assigurazzjoni kummerċjali disponibbli.

Artikolu 48

Pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq perjodu ta' għaxar snin

▼M1

1.  
Il-pjan ta’ żvilupp tan-network li jkopri l-Unjoni kollha msemmi fl-Artikolu 30(1), il-punt (b) għandu jinkludi l-immudellar tan-network integrat, inkluż l-iżvilupp tax-xenarju u valutazzjoni tar-reżiljenza tas-sistema. Il-parametri rilevanti tal-input għall-immudellar bħal suppożizzjonijiet dwar il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-karbonju jew l-installazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu konsistenti bis-sħiħ mal-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi żviluppata skont l-Artikolu 23.

▼B

Il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha għandu, b'mod partikolari:

(a) 

jibni fuq pjanijiet ta' investiment nazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet ta' investiment reġjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 34(1) ta' dan ir-Regolament, u, jekk ikun il-każ, l-aspetti tal-Unjoni tal-ippjanar tan-netwerk, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 347/2013; għandu jkun soġġett għal analiżi tal-benefiċċji meta mqabblin mal-kostijiet permezz tal-metodoloġija stabbilita kif stipulat fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament;

(b) 

rigward l-interkonnessjonijiet transkonfinali, jibni wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli tal-utenti differenti tas-sistema u jintegra impenji fit-tul mill-investituri, kif imsemmija fl-Artikoli 44 u 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944; u

(c) 

jidentifika l-lakuni fl-investiment, b' mod partikolari, fir-rigward tal-kapaċitajiet transkonfinali.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, għandha tkun annessa mal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha, reviżjoni tal-ostakoli għaż-żieda fil-kapaċitá transkonfinali tan-netwerk, li ġejjin mill-proċeduri jew prattiki ta' approvazzjoni differenti.

2.  
L-ACER għandha tagħti opinjoni dwar il-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin biex tevalwa l-konsistenza tagħhom mal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha. Jekk l-ACER tidentifika inkonsistenzi bejn il-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin u l-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha, hija għandha tirrakkomanda li jkun emendat kif xieraq il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin jew il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Unjoni kollha. Jekk dan il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin ikun elaborat skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944, l-ACER għandha tirrakkomanda lill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti biex temenda l-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta' għaxar snin skont l-Artikolu 51(7) ta' dik id-Direttiva u tinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 49

Mekkaniżmu ta' kumpens għall-operaturi tas-sistema ta' intertrażmissjoni

1.  
L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jirċievu kumpens għall-kostijiet imġarrba talli ospitaw il-flussi transkonfinali tal-elettriku fuq in-netwerks tagħhom.
2.  
Il-kumpens li jirriferi għalih il-paragrafu 1 għandu jitħallas mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw il-flussi transkonfinali u tas-sistemi fejn jaslu l-flussi.
3.  
Il-pagamenti ta' kumpens għandhom isiru fuq bażi regolari fir-rigward ta' perjodu ta' żmien partikolari li jkun għadda. L-aġġustamenti ex post ta' kumpens imħallas għandhom isiru fejn meħtieġ biex jikkorrispondu mal-kostijiet realment imġarrba.

L-ewwel perjodu ta' żmien li għalih għandu jsir pagament ta' kumpens għandu jiġi determinat fil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 61.

4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 biex jissumplimentaw dan ir-Regolament, biex jistabbilixxi dwar l-ammonti ta' kumpens li għandhom jitħallsu.
5.  
Id-dimensjoni tal-flussi transkonfinali ospitati u d-dimensjoni tal-flussi transkonfinali denominati bħala li joriġinaw jew jitterminaw f'sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali għandhom jiġu determinati fuq il-bażi tal-flussi fiżiċi tal-elettriku li attwalment jiġu mkejla matul perjodu ta' żmien partikolari.
6.  
Il-kostijiet imġarrba għall-ospitar tal-flussi transkonfinali għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-kostijiet medji inkrimentali mistennija għat-tul ta' żmien li ġej, meta wieħed jikkunsidra t-telf, l-investiment f'infrastruttura ġdida, u l-proporzjon xieraq tal-kost fuq l-infrastruttura eżistenti, sa fejn l-infrastruttura tkun użata għat-trażmissjoni tal-flussi transkonfinali, partikolarment billi tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li tkun iggarantita s-sigurtà tal-provvista. Meta jiġu stabbiliti l-kostijiet imġarrba, għandhom jintużaw metodoloġiji rikonoxxuti ta' kost standard. Il-benefiċċji li netwerk igawdi minnhom għall-ospitar ta' flussi transkonfinali għandhom jiġu kkunsidrati biex jitnaqqas il-kumpens riċevut.
7.  
Għall-iskop biss tal-mekkaniżmu ta' kumpens tal-operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni meta n-netwerks ta' trażmissjoni ta' żewġ Stati Membri jew iżjed jifformaw parti, kompletament jew parzjalment, minn blokka unika ta' kontroll, il-blokka ta' kontroll sħiħa għandha titqies li tifforma parti min-netwerk ta' trażmissjoni ta' wieħed mill-Istati Membri konċernati, sabiex jiġi evitat li flussi fil-blokki ta' kontroll jkunu kkunsidrati bħala flussi transkonfinali taħt il-punt (b) tal-Artikolu 2(2) u li jagħtu lok għal pagamenti ta' kumpens taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu liema mill-Istati Membri kkonċernati għandu jkun dak li l-blokka sħiħa ta' kontroll tifforma parti integrata tiegħu.

Artikolu 50

Għoti ta' informazzjoni

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni biex jassiguraw is-sigurtà tan-netwerks fil-kuntest tal-ġestjoni tal-konġestjoni.
2.  
L-istandards ta' sikurezza, ta' tħaddim u ta' ppjanar użati mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom ikunu pubbliċi. L-informazzjoni ppublikata għandha tinkludi skema ġenerali għall-kalkolu tal-kapaċità totali ta' trażmissjoni u l-marġni tal-affidabbiltà tat-trażmissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi elettriċi u fiżiċi tan-netwerks. Tali skemi għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji.
3.  
L-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw stimi tal-kapaċità ta' trażmissjoni disponibbli għal kull jum, waqt li tkun indikata kull kapaċità ta' trasferiment diġà riservata. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom isiru f'intervalli speċifikati qabel il-jum tat-trasport u għandhom jinkludu, f'kull każ, stimi tal-ġimgħa u tax-xahar minn qabel, kif ukoll indikazzjoni kwantitattiva tal-affidabbiltà mistennija tal-kapaċità disponibbli.
4.  
L-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw id-dejta rilevanti dwar it-tbassir aggregat u d-domanda attwali, dwar id-disponibbiltà u l-użu attwali ta' assi ta' ġenerazzjoni u ta' tagħbija, dwar id-disponibbiltà u l-użu tan-netwerks u tal-interkonnessjonijiet, dwar l-ibbilanċjar tal-enerġija u l-kapaċità ta' riserva u dwar id-disponibbiltà tal-flessibbiltà. Għad-disponibbiltà u l-użu attwali ta' assi ta' ġenerazzjoni u tagħbija żgħar, tista' tintuża dejta stmata aggregata.
5.  
Il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jagħtu d-dejta rilevanti lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.
6.  
L-impriżi ta' ġenerazzjoni li jkunu proprjetarji jew li joperaw assi ta' ġenerazzjoni, fejn mill-inqas assi ta' ġenerazzjoni wieħed minnhom ikollu kapaċità installata ta' mill-anqas 250 MW, jew li għandhom portafoll magħmul mill-inqas minn assi ta' ġenerazzjoni ta' 400 MW ta' assi ta' ġenerazzjoni, għal ħames snin għandhom iżommu għad-disponibbiltà tal-awtorità regolatorja, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, id-dejta ta' kull siegħa ta' kull impjant li hi meħtieġa biex tivverifika d-deċiżjonijiet operazzjonali kollha ta' dispaċċ u kif isiru l-offerti fi skambji tal-enerġija, fl-irkanti ta' interkonnessjonijiet, fis-swieq ta' riserva u fis-swieq barra l-Borża. L-informazzjoni għal kull impjant u kull siegħa li għandha tinħażen għandha tinkludi, iżda mhux limitata għal, dejta dwar il-kapaċità ta' ġenerazzjoni disponibbli u r-riservi impenjati, inkluża l-allokazzjoni ta' dawk ir-riservi impenjati fuq il-livell ta' kull impjant, fil-waqt meta jsiru l-offerti u meta sseħħ il-produzzjoni.
7.  
L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiskambjaw regolarment sett ta' dejta tan-netwerk u tal-fluss tat-tagħbija preċiż biżżejjed sabiex jippermetti li jsiru l-kalkoli tal-fluss tat-tagħbija għal kull operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fiż-żona rilevanti tiegħu. L-istess sett ta' dejta għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji, u għall-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq talba. L-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jittrattaw dak is-sett ta' dejta b'mod kunfidenzjali u għandhom jiżguraw li dak it-trattament kunfidenzjali jingħata wkoll minn kwalunkwe konsulent li jwettaq ħidma analitika fuq talba tagħhom abbażi ta' dik id-dejta.

Artikolu 51

Ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.  
Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta' deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur ta' sistema ta' trażmissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 52(6) tad-Direttiva (UE) 2019/944 hekk kif tirċeviha. Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja rilevanti fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 43 u jew l-Artikolu 52(2) jew l-Artikolu 53 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista' titlob lill-ACER tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja. F'tali każ, il-perjodu ta' xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b'xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni fil-perjodi msemmijin fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni għandha titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.  
Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista' jkun ta' dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu pubblikati flimkien.
3.  
Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew lill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew ta' provvista, kull informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.
4.  
L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
5.  
Fejn il-Kummissjoni tkun irċeviet notifika taċ-ċertifikazzjoni ta' operatur ta' sistema ta' trażmissjoni taħt l-Artikolu 43(9) tad-Direttiva (UE) 2019/944, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.



KAPITOLU VI

TĦADDIM TAS-SISTEMA TA' DISTRIBUZZJONI

Artikolu 52

Entità Ewropea għall-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni bl-entitàl-entità tal-UE għad-DSO, sabiex jippromwovu l-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku u biex jippromwovu l-ġestjoni ottimali u operazzjoni koordinata tas-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni. L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni li jixtiequ jipparteċipaw fl-entità tal-UE għad-DSO għandu jkollhom id-dritt lijirreġistraw bħala membri tal-entità.

Il-membri reġistrati jistgħu jipparteċipaw fl-entità tal-UE għad-DSO direttament jew ikunu rappreżentati minn assoċjazzjoni nazzjonali maħtura mill-Istat Membru jew minn assoċjazzjoni fuq livell tal-Unjoni.

2.  
L-entità tal-UE għad-DSO għandha twettaq il-kompiti u l-proċeduri f'konformità mal-Artikolu 55. Bħala entità esperta li taħdem għall-interess komuni tal-Unjoni, l-entità tal-UE għad-DSO m'għandha la tirrappreżenta interessi partikolari u lanqas tfittex li tinfluwenza l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex tippromwovi interessi speċifiċi.
3.  
Il-membri tal-entità tal-UE għad-DSO għandhom ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni u għall-ħlas ta' tariffa ta' sħubija ġusta u proporzjonata li tirrifletti in-numru ta' klijenti konnessi mal-operatur tas-sistema ta' distribuzzjoni konċernat.

Artikolu 53

L-istabbiliment tal-entità tal-UE għad-DSO

1.  
L-entità tal-UE għad-DSO għandha tikkonsisti, mill-inqas, minn assemblea ġenerali, bord tad-diretturi, grupp strateġiku ta' konsulenti, gruppi ta' esperti u segretarju ġenerali.
2.  
Sal-5 ta' Lulju 2020, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-ACER l-abbozz tal-istatuti f'konformità mal-Artikolu 54, inkluż kodiċi ta' kondotta, lista tal-membri rreġistrati, l-abbozz tar-regoli ta' proċedura, inklużi r-regoli tal-proċeduri tal-konsultazzjoni mal-ENTSO tal-Elettriku u partijiet ikkonċernati oħra u r-regoli għall-iffinanzjar, sabiex tiġi stabbilita l-entità tal-UE għad-DSO.

L-abbozz tar-regoli ta' proċedura tal-entità tal-UE għad-DSO għandu jiżgura rappreżentanza bbilanċjata tal-parteċipanti kollha tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni.

3.  
Fi żmien xahrejn mill-wasla tal-abbozz tal-istatuti, il-lista tal-membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura, l-ACER għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari lill-utenti tas-sistema ta' distribuzzjoni.
4.  
Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-opinjoni tal-ACER, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-istatuti, il-lista tal-membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-ACER kif prevista fil-paragrafu 3.
5.  
Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-opinjoni pożittiva tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu entità tal-UE għad-DSO u għandhom jadottaw u jippubblikaw l-istatuti u r-regoli ta' proċedura tagħha.
6.  
Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill-ACER fejn ikun hemm bidliet fihom jew fuq talba motivata ta' kwalunkwe waħda minnhom. Il-Kummissjoni u l-ACER għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom f'konformità mal-proċess stabbilit fil-paragrafi 2, 3 u 4.
7.  
Il-kostijiet relatati mal-attivitajiet tal-entità tal-UE għad-DSO għandhom jiġġarbu mill-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni li huma membri rreġistrati u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw biss il-kostijiet li huma raġonevoli u proporzjonati.

Artikolu 54

Regoli u proċeduri prinċipali tal-entità tal-UE għad-DSO

1.  

L-istatuti tal-entità tal-UE għad-DSO adottati skont l-Artikolu 53 għandhom iħarsu l-prinċipji li ġejjin:

(a) 

il-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-entità tal-UE għad-DSO hija limitata għal membri rreġistrati bil-possibbiltà ta' delega fi ħdan is-sħubija;

(b) 

id-deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-attivitajiet tal-entità tal-UE għad-DSO, kif ukoll il-linji gwida ta' politika għall-bord tad-diretturi, jiġu adottati mill-assemblea ġenerali;

(c) 

id-deċiżjonijiet tal-assemblea ġenerali huma adottati skont ir-regoli li ġejjin:

(i) 

kull membru jkollu numru ta' voti proporzjonali għan-numru tal- klijenti ta' dak il-membru;

(ii) 

65 % tal-voti attribwiti lill-membri jintefgħu; u

(iii) 

id-deċiżjoni hija adottata minn maġġoranza ta' 55 % tal-membri;

(d) 

id-deċiżjonijiet tal-assemblea ġenerali huma miċħuda skont ir-regoli li ġejjin:

(i) 

kull membru jkollu numru ta' voti proporzjonali għan-numru tal- klijenti ta' dak il-membru;

(ii) 

35 % tal-voti attribwiti lill-membri jintefgħu; u

(iii) 

id-deċiżjoni hija miċħuda minn tal-anqas minn 25 % tal-membri;

(e) 

il-bord tad-diretturi jiġi elett mill-assemblea ġenerali għal mandat massimu ta' erba' snin;

(f) 

il-bord tad-diretturi jinnomina lill-President u lit-tliet Viċi Presidenti minn fost il-membri tal-bord;

(g) 

il-kooperazzjoni bejn operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni skont l-Artikoli 56 u 57 titmexxa mill-bord tad-diretturi;

(h) 

id-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi jiġu adottati b'maġġoranza assoluta;

(i) 

abbażi ta' proposta mill-bord tad-diretturi, is-segretarju ġenerali jinħatar mill-assemblea ġenerali minn fost il-membri tagħha għal mandat ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba;

(j) 

abbażi ta' proposta mill-bord tad-diretturi, il-Gruppi ta' Esperti jinħatru mill-assemblea ġenerali u ma jaqbżux it-30 membru, bil-possibbiltà li terz tal-membri ikunu ġejjin minn barra s-sħubija fl-entità tal-UE għad-DSO; barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit grupp ta' esperti ta' “pajjiż wieħed” u għandu jkun stabbilit u għandu jikkonsisti minn rappreżentant wieħed tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni minn kull Stat Membru.

2.  

Il-proċeduri adottati mill-entità tal-UE għad-DSO għandhom jissalvagwardjaw it-trattament ġust u proporzjonat tal-membri tagħha u għandhom jirriflettu l-istruttura ġeografika u ekonomika diversa tas-sħubija tagħha. B'mod partikolari, il-proċeduri għandhom jipprevedu li:

(a) 

il-bord tad-diretturi jkun kompost mill-President tal-Bord u minn 27 rappreżentant tal-membri, li minnhom:

(i) 

disgħa jkunu rappreżentanti ta' membri b'aktar minn miljun utent tal-grilja;

(ii) 

disgħa jkunu rappreżentanti ta' membri b'aktar minn 100 000 u inqas minn miljun utent tal-grilja; u

(iii) 

disgħa jkunu rappreżentanti ta' membri b'inqas minn 100 000 utent tal-grilja;

(b) 

rappreżentanti ta' assoċjazzjonijiet eżistenti ta' DSO huma permessi li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-bord tad-diretturi;

(c) 

il-bord tad-diretturi mhux permess li jkun magħmul minn aktar minn tliet rappreżentanti ta' membri bbażati fl-istess Stat Membru jew fl-istess grupp industrijali;

(d) 

kull Viċi President tal-Bord huwa nnominat minn fost ir-rappreżentanti tal-membri f'kull kategorija deskritta fil-punt (a);

(e) 

rappreżentanti ta' membri li huma bbażati fi Stat Membru wieħed jew l-istess grupp industrijali ma jikkostitwuwx il-maġġoranza tal-parteċipanti tal-Grupp ta' Esperti;

(f) 

il-bord tad-diretturi jistabbilixxi grupp Strateġiku Konsultattiv li jipprovdi l-opinjoni tiegħu lill-bord tad-diretturi u l-Gruppi ta' Esperti u jikkonsisti f'rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet ta' DSOs Ewropej u rappreżentanti ta' dawk l-Istati Membri li mhumiex rappreżentati fuq il-bord tad-diretturi.

Artikolu 55

Kompiti tal-entità tal-UE għad-DSO

1.  

Il-kompiti tal-entità tal-UE għad-DSO għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) 

il-promozzjoni tat-tħaddim u l-ippjanar tan-netwerks ta' distribuzzjoni u f'kooperazzjoni mat-tħaddim u l-ippjanar tan-netwerks ta' trażmissjoni;

(b) 

il-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tar-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli, tal-ġenerazzjoni distribwita u ta' riżorsi oħra inkorporati fin-netwerk ta' distribuzzjoni bħall-ħżin tal-enerġija;

(c) 

il-faċilitazzjoni tar-rispons u l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u l-aċċess tal-utenti tal-grilja ta' distribuzzjoni għas-swieq;

(d) 

il-kontribut għad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ta' distribuzzjoni inkluż l-użu ta' grilji intelliġenti u ta' sistemi ta' kejl intelliġenti;

(e) 

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' ġestjoni tad-dejta, sigurtà ċibernetika u protezzjoni tad-dejta b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti u l-entitajiet regolati;

(f) 

il-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk li huma rilevanti għat-tħaddim u l-ippjanar tal-grilji ta' distribuzzjoni u t-tħaddim ikkoordinat tan-netwerks ta' trażmissjoni u n-netwerks ta' distribuzzjoni skont l-Artikolu 59.

2.  

Barra minn hekk l-entità tal-UE għad-DSO għandha:

(a) 

tikkoopera mal-ENTSO għall-Elettriku dwar is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida adottati skont dan ir-Regolament li huma rilevanti għat-tħaddim u l-ippjanar tal-grilji ta' distribuzzjoni u t-tħaddim koordinat tan-netwerks ta' trażmissjoni u n-netwerks ta' distribuzzjoni;

(b) 

tikkoopera mal-ENTSO għall-Elettriku u tadotta l-aħjar prattiki dwar it-tħaddim u l-ippjanar koordinat tas-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni inklużi kwistjonijiet bħall-iskambju ta' dejta bejn operaturi u koordinazzjoni tar-riżorsi ta' enerġija distribwiti;

(c) 

taħdem biex tidentifika l-aħjar prattiki fl-oqsma identifikati fil-paragrafu 1 u biex tintroduċi t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija fin-netwerk ta' distribuzzjoni;

(d) 

tadotta programm ta' ħidma annwali u rapport annwali;

(e) 

topera skontil-liġi tal-kompetizzjoni u tiżgura n-newtralità.

Artikolu 56

Konsultazzjonijiet fil-proċess ta' żvilupp tal-kodiċi tan-netwerk

1.  
Filwaqt li tipparteċipa fl-iżvilupp tal-kodiċijiet ġodda tan-netwerk skont l-Artikolu 59, l-entità tal-UE għad-DSO għandha twettaq proċess ta' konsultazzjoni estensiv, fi stadju bikri u b'mod miftuħ u trasparenti, li jkun jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u, b'mod partikolari, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw tali partijiet ikkonċernati, skont ir-regoli ta' proċedura dwar konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 53. Dik il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll lill-awtoritajiet regolatorji u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-impriżi ta' forniment u ta' ġenerazzjoni, l-utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti, il-korpi tekniċi u l-pjattaformi tal-partijiet ikkonċernati. Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tidentifika l-opinjonijiet u l-proposti tal-partijiet rilevanti kollha waqt il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.
2.  
Id-dokumenti u l-minuti kollha tal-laqgħat relatati ma' dawn il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pubbliċi.
3.  
L-entità tal-UE għad-DSO għandha tqis l-opinjonijiet mogħtija waqt il-konsultazzjonijiet. Qabel ma jiġu adottati l-proposti għall-kodiċijiet tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 59, l-entità tal-UE għad-DSO għandha tindika kif qieset l-osservazzjonijiet li rċeviet waqt il-konsultazzjoni. Din għandha tagħti raġunijiet fejn hi ma tkunx qieset tali osservazzjonijiet.

Artikolu 57

Kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.  
L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw ma' xulxin biex jippjanaw u jħaddmu n-netwerks tagħhom. B'mod partikolari, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dejta kollha meħtieġa dwar, il-prestazzjoni tal-assi ta' ġenerazzjoni u r-rispons fin-naħa tad-domanda, it-tħaddim ta' kuljum tan-netwerks tagħhom u l-ippjanar fit-tul tal-investimenti tan-netwerk sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp u t-tħaddim kosteffiċjenti, sigur u affidabbli tan-netwerks tagħhom.
2.  
L-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkooperaw flimkien sabiex jiksbu aċċess koordinat għar-riżorsi bħall-ġenerazzjoni distribwita, il-ħżin tal-enerġija jew ir-rispons tad-domanda li jistgħu jappoġġaw il-ħtiġijiet partikolari kemm tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni kif ukoll tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.



KAPITOLU VII

KODIĊIJIET TAN-NETWERK U LINJI GWIDA

Artikolu 58

Adozzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida

1.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni jew atti delegati mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija fl-Artikoli 59, 60 u 61. Dawn l-atti jistgħu jew jiġu adottati bħala kodiċijiet tan-netwerk abbażi tal-proposti tat-test żviluppati mill-ENTSO għall-Elettriku, jew, fejn jiġi previst fil-lista ta' prijorità skont l-Artikolu 59(3), mill-entità tal-UE għad-DSO, fejn rilevanti f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, u mill-ACER skont il-proċedura fl-Artikolu 59, jew bħala linji gwida skont il-proċedura fl-Artikolu 61.
2.  

Il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida għandhom:

(a) 

jiżguraw li dawn jipprovdu livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament;

(b) 

iqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali, fejn xieraq;

(c) 

ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-għanijiet tal-punt (a); u

(d) 

jkunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali li ma jaffettwawx il-kummerċ transżonali.

Artikolu 59

Stabbiliment tal-Kodiċijiet tan-Netwerk

1.  

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament permezz tal-istabbiliment ta' kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma li ġejjin:

(a) 

regoli ta' sigurtà u affidabbiltà tan-netwerk inklużi regoli għal kapaċità ta' riserva ta' trażmissjoni teknika għas-sigurtà operazzjonali tan-netwerk kif ukoll ir-regoli ta' interoperabbiltà li jimplimentaw l-Artikoli 34 sa 47 u l-Artikolu 57 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/944, inkluż regoli dwar l-istati tas-sistema, l-azzjonijiet ta' rimedju u l-limiti tas-sigurtà operazzjonali, il-kontroll tal-vultaġġ u l-ġestjoni tal-potenza reattiva, il-ġestjoni tal-kurrent f'ċirkwit kort, il-ġestjoni tal-flussi tal-enerġija, analiżi u mmaniġġjar tal-kontinġenzi, tagħmir u skemi ta' protezzjoni, skambju ta' dejta, il-konformità, it-taħriġ, l-analiżi tal-ippjanar operazzjonali u tas-sigurtà, il-koordinazzjoni tas-sigurtà operazzjonali reġjonali, il-koordinazzjoni tal-indisponibbiltà, il-pjanijiet tad-disponibbiltà tal-assi rilevanti, analiżi tal-adegwatezza, servizzi anċillari, l-iskedar, u l-ambjenti ta' dejta għall-ippjanar operazzjonali;

(b) 

allokazzjoni ta' kapaċità u regoli dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni li jimplimentaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikolu 7 sa 10, ll-Artikoli 13 sa 17 u l-Artikoli 35 sa 37 ta' dan ir-Regolament, inkluż regoli dwar il-metodoloġiji u proċessi tal-kalkolu tal-kapaċità ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u bil-quddiem, mudelli tal-grilja, il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti, dispaċċ mill-ġdid u skambju kompensatorju, algoritmi ta' negozjar, akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, ċertezza tal-kapaċità transżonali allokata, il-qsim tal-introjtu mill-konġestjoni, iħħeġġjar kontra r-riskju transżonali tat-trażmissjoni, il-proċeduri ta' nomina, u allokazzjoni tal-kapaċità u rkupru tal-ispiża tal-ġestjoni tal-konġestjoni;

(c) 

regoli li jimplimentaw l-Artikoli 5, 6 u 17 fir-rigward tal-kummerċ relatat mal-provvista teknika u operazzjonali tas-servizzi ta' aċċess għan-netwerk u l-ibbilanċjar tas-sistema inklużi regoli dwar ir-riserva tal-enerġija relatati man-netwerk, inklużi funzjonijiet u responsabbiltajiet, il-pjattaformi għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar, il-ħinijiet tal-għeluq, ir-rekwiżiti għall-prodotti tal-ibbilanċjar standard u speċifiċi, l-akkwist ta' servizzi tal-ibbilanċjar, l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali għall-iskambju ta' servizzi tal-ibbilanċjar jew il-kondiviżjoni tar-riservi, is-saldu tal-enerġija ta' bbilanċjar, is-saldu ta' skambji tal-enerġija bejn l-operaturi tas-sistema, is-saldu tal-iżbilanċi u s-saldu tal-kapaċità tal-ibbilanċjar, il-kontroll tal-frekwenza tat-tagħbija, id-definizzjoni tal-kwalità tal-frekwenza u l-parametri fil-mira, ir-riservi ta' konteniment tal-frekwenza, ir-riservi ta' restawr tal-frekwenza, ir-riservi ta' sostituzzjoni, l-iskambju u l-kondiviżjoni tar-riservi, il-proċessi ta' attivazzjoni traskonfinali tar-riservi, il-proċessi tal-kontroll tal-ħin u t-trasparenza tal-informazzjoni;

(d) 

regoli li jimplimentaw l-Artikoli 36, 40 u 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944, fir-rigward ta' forniment nondiskriminatorju u trasparenti ta' servizzi anċillari mhux tal-frekwenza, inklużi regoli dwar l-kontroll tal-voltaġġ tal-istatiċità, l-inerzja, l-injezzjoni ta' kurrent b'reattività mgħaġġla, inerzja għall-istabbiltà tal-grilja, kurrent f'ċirkwit kort, l-abilità ta' startjar minn mitfi totali u l-abilità ta' operat ta' netwerk iżolat;

(e) 

regoli li jimplimentaw l-Artikolu 57 ta' dan ir-Regolament u l-Artikoli 17, 31, 32, 36, 40 u 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 fir-rigward tar-rispons tad-domanda, inklużi regoli dwar l-aggregazzjoni, il-ħżin tal-enerġija, u t-tnaqqis fid-domanda.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 67(2).

2.  

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 li jissupplementaw dan ir-Regolament fir-rigward ta' l-istabbiliment ta' kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma li ġejjin:

(a) 

regoli dwar il-konnessjoni man-netwerk inkluż regoli dwar konnessjoni ta' faċilitajiet tad-domanda konnessi għat-trażmissjoni, faċilitajiet tad-distribuzzjoni konnessi għat-trażmissjoni u s-sistemi tad-distribuzzjoni, konnessjoni ta' unitajiet tad-domanda użati biex jipprovdu rispons tad-domanda, rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja, rekwiżiti għal konnessjoni mal-grilja b'kurrent dirett b'vultaġġ għoli, ir-rekwiżiti għal moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'kurrent dirett ta' konverżjoni u l-istazzjonijiet ta' konverżjoni ta' kurrent dirett ta' vultaġġ għoli mbiegħda, u proċeduri ta' notifika operazzjonali għal konnessjoni mal-grilja;

(b) 

regoli dwar l-iskambju ta' dejta, is-saldu u t-trasparenza, inklużi b'mod partikolari regoli dwar kapaċitajiet ta' trasferiment għal orizzonti ta' żmien rilevanti, stimi u valuri reali dwar l-allokazzjoni u l-użu ta' kapaċitajiet ta' trasferiment, tbassir u domanda reali tal-faċilitajiet u l-aggregazzjoni tagħhom inkluż in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' faċilitajiet, tbassir u l-ġenerazzjoni proprja ta' unitajiet ta' ġenerazzjoni u l-aggregazzjoni tagħhom inkluż in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' unitajiet, disponibbiltà u użu ta' netwerks, miżuri ta' ġestjoni tal-konġestjoni u dejta dwar is-suq tal-ibbilanċjar. Ir-regoli għandhom jinkludu modi li bihom l-informazzjoni tiġi ppubblikata, iż-żmien tal-pubblikazzjoni, l-entitajiet responsabbli għall-immaniġġar;

(c) 

regoli ta' aċċess għal partijiet terzi;

(d) 

proċeduri ta' emerġenza u restawr operazzjonali f'emerġenza inkluż pjanijiet tad-difiża tas-sistema, pjanijiet ta' restawr, l-interazzjonijiet tas-swieq, l-iskambju ta' informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-għodod u l-faċilitajiet;

(e) 

regoli speċifiċi għas-settur dwar l-aspetti taċ-ċibersigurtà għall-flussi transkonfinali tal-elettriku, inklużi regoli dwar rekwiżiti minimi komuni, l-ippjanar, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

3.  
Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-ACER, mal-ENTSO għall-Elettriku, mal-entità tal-UE għad-DSO u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn, kull tliet snin tistabbilixxi lista ta' prijoritajiet li tidentifika l-oqsma stipulati fil-paragrafi 1 u 2 li jridu jiġu inklużi fl-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk.

Jekk is-suġġett tal-kodiċi tan-netwerk ikun direttament relatat mat-tħaddim tas-sistema ta' distribuzzjoni u mhux primarjament rilevantigħas-sistema ta' trażmissjoni, il-Kummissjoni tista' titlob lill-entità tal-UE għad-DSO, f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, biex tlaqqa' kumitat għall-abbozzar u tippreżenta proposta għal kodiċi tan-netwerk lill-ACER.

4.  
Il-Kummissjoni għandha titlob lill-ACER sabiex din tippreżentalha fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx sitt xhur minn meta tirċievi t-talba tal-Kummissjoni linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti li jistabbilixxu prinċipji ċari u oġġettivi għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk relatat mal-oqsma identifikati fil-lista ta' prijorità (linja gwida ta' qafas). It-talba tal-Kummissjoni tista' tinkludi kundizzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati mil-linji gwida ta' qafas. Kull linja gwida ta' qafas għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq. Fuq talba raġunata mill-ACER, il-Kummissjoni tista' testendi il-perjodu għall-preżentazzjoni tal-linji gwida.
5.  
L-ACER għandha tikkonsulta lill-ENTSO għall-Elettriku, lill-entità tal-UE għad-DSO u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħrajn dwar il-linja gwida ta' qafas, matul perjodu ta' mhux inqas minn xahrejn, b'mod miftuħ u trasparenti.
6.  
Meta tiġi mitluba, l-ACER għandha tippreżenta lill-Kummissjoni,linji gwida ta' qafas mhux vinkolanti skont il-paragrafu 4.
7.  
Jekk il-Kummissjoni tqis li l-linji gwida ta' qafas ma jikkontribwixxux għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq, hija tista' titlob lill-ACER biex tirrevedi l-linji gwida ta' qafas f'perjodu raġonevoli, u terġa' tippreżentahom lill-Kummissjoni.
8.  
Jekk l-ACER tonqos milli tippreżenta jew li tippreżenta mill-ġdid il-linji gwida ta' qafas fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 4 jew 7, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-linji gwida ta' qafas inkwistjoni.
9.  
Il-Kummissjoni għandha titlob lill-ENTSO għall-Elettriku jew, fejn previst fil-lista ta' prijorità msemmija fil-paragrafu 3, l-entità tal-UE għad-DSO f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku, biex jippreżenta lill-ACER proposta għal kodiċi tan-netwerk li jikkonforma mal-linja gwida ta' qafas, f'perjodu raġonevoli ta' mhux aktar minn 12-il xahar minn meta tirċievi t-talba tal-Kummissjoni.
10.  
L-ENTSO għall-Elettriku, jew fejn previst fil-lista ta' prijorità msemmija fil-paragrafu 3 l-entità tal-UE għad-DSO, f'koopereazzjoni mal-ENTO għall-Elettriku, għandu jlaqqa' kumitat għall-abbozzar biex jappoġġah fil-proċess ta' żvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk. Il-kumitat għall-abbozzar għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-ACER, l-ENTSO għall-Elettriku, fejn xieraq l-entità tal-UE għad-DSOu ln-NEMOs, u għadd limitat tal-partijiet ikkonċernati affettwati ewlenin. L-ENTSO għall-Elettriku jew fejn previst fil-lista ta' prijorità skont il-paragrafu 3 l-entità tal-UE għad-DSO, f'kooperazzjoni mal-ENTSO għall-Elettriku għandu jiżviluppa proposti għal kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma msemmija fil-paragrafi 1 u 2 meta hekk mitlub mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 9.
11.  
L-ACER għandha tirrevedi l-kodiċi tan-netwerk propost biex tiżgura li l-kodiċi tan-netwerk li għandu jiġi adottat jikkonforma mal-linji gwida ta' qafas rilevanti u li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq, għan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq u, għandha tippreżenta l-kodiċi tan-netwerk rivedut lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-proposta. Fil-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, l-ACER għandha tqis l-opinjonijiet mogħtija mill-partijiet kollha involuti waqt l-abbozzar tal-proposta mmexxija mill-ENTSO għall-Elettriku jew mill-entità tal-UE għad-DSO u għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-verżjoni li trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni.
12.  
Meta l-ENTSO għall-Elettriku jew l-entità tal-UE għad-DSO jkunu naqsu milli jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 9, il-Kummissjoni tista' titlob lill-ACER biex tħejji abbozz ta' kodiċi tan-netwerk fuq il-bażi tal-linji gwida ta' qafas rilevanti. L-ACER tista' tniedi konsultazzjoni oħra matul it-tħejjija ta' abbozz ta' kodiċi tan-netwerk taħt dan il-paragrafu. L-ACER għandha tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi tan-netwerk imħejji taħt dan il-paragrafu u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.
13.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta, fuq inizjattiva tagħha stess, meta l-ENTSO għall-Elettriku jew l-entità tal-UE għad-DSO jkunu naqsu milli jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk, jew l-ACER tkun naqset milli tħejji abbozz ta' kodiċi tan-netwerk kif imsemmi fil-paragrafu 12, jew fuq rakkomandazzjoni tal-ACER taħt il-paragrafu 11, kodiċi wieħed jew aktar tan-netwerk fl-oqsma elenkati fil-paragrafi 1 u 2.
14.  
Jekk il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' kodiċi tan-netwerk fuq inizjattiva tagħha, hija għandha tikkonsulta lill-ACER, lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar l-abbozz ta' kodiċi tan-netwerk matul perjodu ta' mhux inqas minn xahrejn.
15.  
Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta u temenda l-linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 61. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-ENTSO għall-Elettriku li jiżviluppa gwida mhux vinkolanti fl-oqsma stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fejn tali gwida ma tkunx relatata mal-oqsma koperti minn talba indirizzata lill-ENTSO għall-Elettriku mill-Kummissjoni. L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippreżenta kwalunkwe gwida bħal din lill-ACER għal opinjoni u għandu jqis dik l-opinjoni kif xieraq.

Artikolu 60

Emendi tal-Kodiċijiet tan-Netwerk

1.  
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda l-kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 59(1) u (2) skont il-proċedura rilevanti stabbilita f'dak l-Artikolu. L-ACER tista' tipproponi wkoll emendi għall-kodiċijiet tan-netwerks skont il-paragrafi 2 sa 3 ta' dan l-Artikolu.
2.  
Persuni li x'aktarx ikollhom interess fi kwalunkwe kodiċi tan-netwerk adottat taħt l-Artikolu 59, inklużi l-ENTSO għall-Elettriku, l-entità tal-UE għad-DSO, l-awtoritajiet regolatorji, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni, l-utenti tas-sistema u l-konsumaturi, jistgħu jipproponu abbozzi ta' emendi għal dak il-kodiċi tan-netwerk għall-ACER. L-ACER tista' wkoll tipproponi emendi fuq l-inizjattiva tagħha stess.
3.  
L-ACER tista' tagħmel proposti raġunati lill-Kummissjoni għal emendi, u tispjega kif proposti bħal dawn ikunu konsistenti mal-objettivi tal-kodiċijiet tan-netwerk stipulati fl-Artikolu 59(3) ta' dan ir-Regolament. Fejn tqis li proposta għal emenda hija aċċettabbli u fejn tipproponi emendi fuq inizjattiva tagħha stess, l-ACER għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati kollha skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/942.

Artikolu 61

Linji gwida

1.  
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta linji gwida vinkolanti fl-oqsma elenkati f'dan l-Artikolu.
2.  
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta linji gwida ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni fl-oqsma fejn atti bħal dawn jistgħu jiġu żviluppati wkoll skont il-proċedura tal-kodiċijiet tan-netwerk fl-Artikolu 59(1) u (2). Dawk il-linji gwida għandhom jiġu adottati fil-forma ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni, skont l-għoti tas-setgħa rilevanti previst f'dan ir-Regolament.
3.  

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi linji gwida relatati mal-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni. Dawk il-linji gwida għandhom jispeċifikaw, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 18 u 49:

(a) 

dettalji tal-proċedura biex jiġi stabbilit liema operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu soġġetti għal ħlas ta' kumpens għall-flussi transkonfinali fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw dawk il-flussi transkonfinali u s-sistemi fejn jaslu l-flussi, taħt l-Artikolu 49(2);

(b) 

dettalji tal-proċedura ta' pagament li trid tiġi segwita, inkluża d-determinazzjoni tal-ewwel perjodu ta' żmien li għalih ikollu jitħallas kumpens, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(3);

(c) 

metodoloġiji ddettaljati biex jiġu stabbiliti l-flussi transkonfinali ospitati li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 49, f'termini kemm ta' kwantità u ta' tip ta' flussi, kif ukoll tad-deżinjazzjoni tad-dimensjoni ta' dawn il-flussi kif joriġinaw jew jaslu fis-sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri individwali, taħt l-Artikolu 49(5);

(d) 

metodoloġija ddettaljata biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-benefiċċji mġarrba għax ikunu ospitati l-flussi transkonfinali, taħt l-Artikolu 49(6);

(e) 

trattament iddettaljat ta' flussi tal-elettriku li joriġinaw jew jaslu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kumpens tal-operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni; u

(f) 

arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta' linji ta' kurrent diretti, taħt l-Artikolu 49.

4.  

Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-linji gwida li jipprovdu livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Dawk il-linji gwida jistgħu jispeċifikaw:

(a) 

dettalji dwar regoli għall-kummerċ tal-elettriku li jimplimentaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u l-Artikoli 5 sa 10, 13 sa 17, 35, 36 u 37 ta' dan ir-Regolament;

(b) 

dettalji dwar regoli ta' inċentiv għall-investiment għall-kapaċità ta' interkonnettur inklużi s-sinjali differenzjati skont il-lokalità li jimplimentaw l-Artikolu 19.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 67(2).

5.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu linji gwida dwar il-koordinazzjoni operazzjonali bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-linji gwida għandhom ikunu konsistenti mal-kodiċijiet tan-netwerk imsemmijin fl-Artikolu 59 u għandhom jibnu fuqhom l-ispeċifikazzjonijiet adottati msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 30(1). Meta tkun qed tadotta dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rekwiżiti operazzjonali reġjonali u nazzjonali li jvarjaw bejniethom.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 67(2).

6.  
Meta tadotta jew temenda l-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-ACER, lill-ENTSO għall-Elettriku, lill-entità tal-UE għad-DSO u, fejn rilevanti, lil partijiet ikkonċernati oħra.

Artikolu 62

Dritt tal-Istati Membri li jipprovdu miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri li jkun fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f'dan ir-Regolament, fil-linji gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 61 jew fil-kodiċijiet tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 61, sakemm dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.



KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 63

Interkonnetturi ġodda

1.  

L-interkonnetturi l-ġodda tal-kurrent dirett jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perjodu limitat, mill-Artikolu 19(2) u (3) ta' dan ir-Regolament u mill-Artikoli 6 u 43, l-Artikolu 59(7) u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-investiment ikabbar il-kompetizzjoni fil-provvista tal-elettriku;

(b) 

il-livell ta' riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

(c) 

l-interkonnettur huwa proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika li mill-inqas tkun separata f'termini tal-forma ġuridika tagħha, mill-operaturi tas-sistema li l-interkonnettur għandu jinbena fis-sistemi tagħhom;

(d) 

jingħataw imposti fuq l-utenti ta' dak l-interkonnettur;

(e) 

mill-ftuħ parzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), ma tkun ġiet irkuprata l-ebda parti mill-kostijiet kapitali jew operattivi tal-interkonnettur minn xi komponent tal-imposti magħmula għall-użu tas-sistemi ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati mal-interkonnettur; u

(f) 

eżenzjoni ma tkunx għad-detriment tal-kompetizzjoni jew għall-funzjonament effettiv tas-suq intern għall-elettriku, jew għall-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

2.  
Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll, f'każijiet eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta' kurrent alternat, sakemm il-kostijiet u r-riskji tal-investiment inkwistjoni jkunu partikolarment għoljin meta mqabbla mal-kostijiet u r-riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu konnessi żewġ sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali ġirien minn interkonnettur ta' kurrent alternat.
3.  
Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità tal-interkonnetturi eżistenti.
4.  
Id-deċiżjoni li tagħti eżenzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tittieħed fuq bażi ta' każ b'każ mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati. Eżenzjoni tista' tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-interkonnettur il-ġdid, jew tal-interkonnettur eżistenti b'żieda sinifikanti tal-kapaċità.

Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba għall-eżenzjoni mill-aħħar awtoritajiet regolatorja kkonċernata, l-ACER tista' tipprovdi opinjoni lil dawk l-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq dik l-opinjoni.

Meta jiddeċiedu li jagħtu eżenzjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandhom iqisu, fuq bażi ta' każ b'każ, il-ħtieġa li jiġu imposti kundizzjonijiet rigward it-tul tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur. Meta jiddeċiedu dwar dawk il-kundizzjonijiet,, l-awtoritajiet regolatorji għandhom b'mod partikolari iqisu l-kapaċità addizzjonali li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-perjodu ta' żmien tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel ma jagħtu eżenzjoni, l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeċiedu dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Dawk ir-regoli ta' ġestjoni tal-konġestjoni għandhom jinkludu l-obbligu li tiġi offruta kapaċità mhux użata fis-suq, u l-utenti tal-faċilità għandhom ikunu intitolati li jagħmlu kummerċ fil-kapaċitajiet kuntrattwali tagħhom fis-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (f) tal-paragrafu 1, għandu jittieħed kont tar-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta' kapaċità.

Meta l-awtoritajiet regolatorji kollha kkonċernati jilħqu ftehim dwar id-deċiżjoni rigward l-eżenzjoni fi żmien sitt xhur minn meta jirċievu t-talba, dawn għandhom jinfurmaw lill-ACER b'dik id-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kundizzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif jixraq.

5.  

Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tittieħed mill-ACER:

(a) 

fejn l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji tkun irċeviet it-talba għal eżenzjoni; jew

(b) 

fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati.

Qabel tieħu din id-deċiżjoni, l-ACER għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati u lill-applikanti.

6.  
Minkejja l-paragrafi 4 u 5, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità regolatorja jew l-ACER, skont il-każ, tippreżenta, għal deċiżjoni formali, lill-korp rilevanti fl-Istat Membru, l-opinjoni tagħha dwar it-talba għal eżenzjoni. Dik l-opinjoni għandha tiġi pubblikata flimkien mad-deċiżjoni.
7.  

L-awtoritajiet regolatorji għandhom jibagħtu mingħajr dewmien, għall-finijiet ta' informazzjoni, kopja ta' kull talba għal eżenjoni lill-Kummissjoni u lill-ACER hekk kif din tiġi riċevuta. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata, mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati jew mill-ACER (“il-korpi notifikatorji”) lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista' tkun mogħtija lill-Kummissjoni f'forma aggregata, b'tali mod li tgħin lill-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni mibnija fuq sisien sodi. Partikolarment, l-informazzjoni għandu jkollha:

(a) 

ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom tkun ingħatat jew ġiet miċħuda l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

(b) 

l-analiżi li tkun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku li jirriżultaw mill-għoti tal-eżenzjoni;

(c) 

ir-raġunijiet tal-perjodu taż-żmien u tas-sehem tal-kapaċità totali tal-interkonnettur ikkonċernat li għalihom ingħatat l-eżenzjoni; u

(d) 

ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati.

8.  
Fi żmien 50 jum ta' xogħol mill-jum wara dak li fih tirċievi notifika taħt il-paragrafu 7, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni li titlob lill-korpi notifikatorji biex jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perjodu jista' jittawwal b'50 jum ieħor ta' xogħol meta tiġi mitluba informazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni. Il-perjodu addizzjonali għandu jibda l-għada li tasal l-informazzjoni kompluta. Il-perjodu inizjali jista' wkoll jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji.

Fejn l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet ipprovduta fil-perjodu stipulat fit-talba tal-Kummissjoni, in-notifika għandha titqies li ġiet irtirata, ħlief jekk qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-perjodu jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji, jew jekk il-korpi notifikatorji, f'dikjarazzjoni motivata kif xieraq, jinfurmaw lill-Kummissjoni li huma jqisu li n-notifika hija kompluta.

Il-korpi notifikatorji għandhom jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien xahar minn meta jirċevuha u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

Il-Kummissjoni għandha tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

L-approvazzjoni tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' eżenzjoni għandha tiskadi sentejn mid-data ta' adozzjoni tagħha, fil-każ li l-bini tal-interkonnettur ma jkunx beda sa dik id-data u wara ħames snin mill-adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, l-interkonnettur ma jsirx operazzjonali, ħlief jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, abbażi ta' talba motivata mill-korpi notifikatorji, id-dewmien huwa dovut għal ostakoli kbar li mhumiex fil-kontroll tal-persuna li lilha tkun ingħatat l-eżenzjoni.

9.  
Fejn l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu li jimmodifikaw deċiżjoni ta' eżenzjoni, huma għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti dwar id-deċiżjoni. Il-paragrafi 1 sa 8 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni li modifikata deċiżjoni ta 'eżenzjoni, filwaqt li jqisu l-partikolaritajiet tal-eżenzjoni eżistenti.
10.  

Il-Kummissjoni tista', fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti relatati ma' talba għal eżenzjoni fejn:

(a) 

filwaqt li jitqiesu b' mod xieraq l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet u tal-bilanċ ekonomiku miksub fl-eżenzjoni oriġinali tad-deċiżjoni, kien hemm bidla materjali ta' kwalunkwe fatt li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni;

(b) 

l-impriżi kkonċernati jaġixxu b'mod li jmur kontra l-impenji tagħhom; jew

(c) 

id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa li ngħatat mill-partijiet.

11.  
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 68 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tispeċifika linji gwida għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u tistabbilixxi l-proċedura li għandha tkun segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 7 sa 10 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 64

Derogi

1.  

L-Istati Membri jistgħu japplikaw għal derogi mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10 u 11, l-Artikoli 14 sa 17, l-Artikoli 19 sa 27, l-Artikoli 35 sa 47 u l-Artikolu 51 sakemm:

(a) 

l-Istat Membru jista' juri li hemm problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistemi iżolati żgħar u sistemi żgħar konnessi;.

(b) 

ir-reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 TFUE ma jistgħux jiġu interkonnessi fis-suq tal-Unjoni tal-enerġija għal raġunijiet fiżiċi evidenti.

Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, id-deroga għandha tkun għal żmien limitat u għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li jimmiraw għal aktar kompetizzjoni u integrazzjoni fis-suq intern tal-elettriku.

Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, id-deroga m'għandhiex tkun limitata fiż-żmien.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'dawk l-applikazzjonijiet qabel ma tadotta d-deċiżjoni, u tipproteġi l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Deroga mogħtija taħt dan l-Artikolu għandha timmira li tiżgura li ma tfixkilx it-transizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibilità, ħażna ta 'enerġija, elettromobilità u reazzjoni ta' domanda.

Fid-deċiżjoni tagħha fejn tagħti deroga l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sa fejn id-deroga għandha tieħu kont tal-applikazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u tal-linji gwida.

2.  
LArtikoli 3, 5 u 6, l-Artikolu 7(1), il-punti (c) u (g) tal-Artikolu 7(2), l-Artikoli 8 sa 17, l-Artikoli 18(5) u (6), l-Artikoli 19 u 20, l-Artikolu 21(1), (2) u (4) sa (8), il-punt (c) tal-Artikolu 22(1), (il-punt (b) u (c) tal-Artikolu 22(2), l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 22(2), l-Artikoli 23 sa 27, l-Artikolu 34(1), (2) u (3), l-Artikoli 35 sa 47, l-Artikolu 48(2) u l-Artikoli 49 u 51 ma għandhomx japplikaw għal Ċipru sakemm is-sistema ta' trażmissjoni tiegħu tkun konnessa ma' sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri oħra permezz ta' interkonnessjonijiet.

Jekk is-sistema ta' trażmissjoni ta' Ċipru ma tiġix konnessa ma' sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri oħra permezz ta' interkonnessjonijiet sal-1 ta' Jannar 2026, Ċipru għandu jivvaluta l-ħtieġa għal deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet u jista' jippreżenta talba biex itawwal id-deroga lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tirriskjax li tikkawża problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema tal-elettriku f'Ċipru jew jekk l-applikazzjoni tagħhom f'Ċipru hijiex mistennija tipprovdi benefiċċju għall-funzjonament tas-suq. Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha toħroġ deċiżjoni motivata biex ittawwal id-deroga kollha kemm hi jew parti minnha. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.  
Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni tad-derogi mogħtija taħt l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944.
4.  
Fir-rigward tal-kisba tal-mira ta' interkonnessjoni għall-2030, kif stipulat skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, għandha titqies kif xieraq ir-rabta tal-elettriku bejn Malta u l-Italja.

Artikolu 65

Għoti ta' informazzjoni u kunfidenzjalità

1.  
L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet ta' l-infurzar ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli li matulu l-informazzjoni għandha tkun provduta, filwaqt li tqis il-komplessità u l-urġenza tal-informazzjoni meħtieġa.

2.  
Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità regolatorja kkonċernata ma jipprovdux dik l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1 il-Kummissjoni tista' titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-fini ta' infurzar ta' dan ir-Regolament direttament lill-impriża kkonċernata.

Meta tibgħat talba għal informazzjoni lil xi impriża, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, tibgħat kopja lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fih tkun qiegħda s-sede tal-impriża.

3.  
Fit-talba tagħha għall-informazzjoni taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi ġuridika tat-talba, it-terminu ta' żmien li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, l-għan tat-talba, u l-penali previsti fl-Artikolu 66(2) għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa..
4.  
Il-proprjetarji tal-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom, u fil-każ ta' persuni ġuridiċi, il-persuni fiżiċi awtorizzati li jirrappreżentaw l-impriża legalment jew bl-istrument ta' inkorporazzjoni tagħhom, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Fejn l-avukati huma awtorizzati li jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijent tagħhom, il-klijent għandu jibqa' totalment responsabbli fil-każ li l-informazzjoni pprovduta tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.
5.  
Meta impriża ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tesiġi li l-informazzjoni tkun ipprovduta. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika x'informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi żmien xieraq li matulu għandha tkun ipprovduta. Għandha tindika l-penali previsti fl-Artikolu 66(2). Għandha wkoll tindika d-dritt li jkollha d-deċiżjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fih tkun ir-residenza tal-persuna kkonċernata jew tkun stabbilita s-sede tal-impriża kkonċernata.

6.  
L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tintuża biss għall-finjiet ta' infurzar ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela informazzjoni miksuba skont dan ir-Regolament fejn dik l-informazzjoni hi koperta bl-obbligu ta' segretezza professjonali.

Artikolu 66

Penali

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament, il-kodiċijiet tan-netwerk adottati skont l-Artikolu 59 u l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 61 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penaliti previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawk ir-regoli u b'dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
2.  
Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq impriżi multi li ma jaqbżux il-1 % tal-fatturat totali fis-sena finanzjarja preċedenti fejn, bi ħsieb jew b'negliġenza, dawk l-impriżi jagħtu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bħala tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 65(3) jew jonqsu milli jagħtu informazzjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit f'deċiżjoni adottata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 65(5). Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità tan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta 'dan l-Artikolu.
3.  
Il-penalitajiet previsti skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Artikolu 67

Proċedura ta' kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 68 tad-Direttiva (UE) 2019/944. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 68

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 34(3), l-Artikolu 49(4), l-Artikolu 59(2), l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 63(11) hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem dak il-perjodu u, jekk applikabbli, qabel tmiem perjodi sussegwenti. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tmien snin, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3.  
Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 34(3), l-Artikolu 49(4), l-Artikolu 59(2), l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 63(11) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 34(3), l-Artikolu 49(4), l-Artikolu 59(2), l-Artikolu 61(2) u l-Artikolu 63(11) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien t xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 69

Reviżjonijiet u rapporti tal-Kummissjoni

1.  
Sal-1 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-kodiċijiet u l-linji gwida eżistenti tan-netwerk sabiex tevalwa liema mid-dispożizzjonijiet tagħhom jidtgħu jiġu inkorporati i f'atti leġiżlattivi tal-Unjoni dwar is-suq intern tal-elettriku u kif l-għoti tas-setgħa għal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida stabbiliti fl-Artikoli 59 u 61jistgħu jiġu riveduti.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dettaljat tal-valutazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-istess data.

Sal-31 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tressaq proposti leġiżlattivi abbażi tal-valutazzjoni tagħha.

2.  
Sal-31 ta' Diċembru 2030 il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament u għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbażi ta' dik ir-reviżjoni, akkumpanjat minn proposta leġislattiva fejn xieraq.

Artikolu 70

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 huwa mħassar. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 71

Dħul fis-seħħ

1.  
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.  
Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Artikoli 14, 15, 22(4), 23(3) u (6), 35, 36 u 62 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14(7) u l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16 għandu japplika minn dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

KOMPITI TAĊ-ĊENTRI TA' KOORDINAZZJONI REĠJONALI

1.   Kalkolu koordinat tal-kapaċità

1.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu l-kalkolu koordinat tal-kapaċitajiet transżonali.

1.2 Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jitwettaq għal perjodi ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

1.3 Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jitwettaq abbażi tal-metodoloġiji żviluppati f'konformità mal-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

1.4 Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jitwettaq abbażi ta' mudell komuni tal-grilja skont il-punt 3.

1.5 Il-kalkolu koordinat tal-kapaċità għandu jiżgura ġestjoni effiċjenti tal-konġestjoni skont il-prinċipji ta' ġestjoni tal-konġestjoni definiti f'dan ir-Regolament.

2.   Analiżi koordinata tas-sigurtà

2.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu analiżi koordinata tas-sigurtà bil-għan li jiżguraw it-tħaddim sigur tas-sistema.

2.2 L-analiżi tas-sigurtà għandha ssir għall-perjodi kollha ta' żmien ta' ppjanar operazzjonali, bejn il-perjodi ta' żmien ta' sena bil-quddiem u tal-istess ġurnata, billi jintużaw il-mudelli komuni tal-grilja.

2.3 Analiżi koordinata tas-sigurtà għandha ssir abbażi tal-metodoloġiji żviluppati skont il-linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

2.4 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jaqsmu r-riżultati tal-analiżi koordinata tas-sigurtà mill-inqas mal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema.

2.5 Jekk b'riżultat tal-analiżi koordinata tas-sigurtà ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali jidentifika xi restrizzjoni potenzjali, dan għandu jfassal azzjonijiet ta' rimedju li jimmassimizzaw l-effikaċja u l-effiċjenza ekonomika.

3.   Ħolqien ta' mudelli komuni tal-grilja

3.1 Iċ-Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jistabbilixxu proċessi effiċjenti għall-ħolqien ta' mudell komuni tal-grilja għal kull perjodu ta' żmien ta' ppjanar operazzjonali bejn il-perjodi ta' żmien ta' sena bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

3.2 L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jinnominaw ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali biex jibni l-mudelli komuni tal-grilja mal-Unjoni kollha.

3.3 Il-mudelli komuni tal-grilja għandhom jitwettqu bi qbil mal-metodoloġiji żviluppati skont il-Linja Gwida dwar it-tħaddim tas-sistema u l-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

3.4 Il-mudelli komuni tal-grilja għandhom jinkludu d-dejta rilevanti għall-ippjanar operazzjonali u l-kalkolu tal-kapaċità b'mod effiċjenti fil-perjodi kollha ta' żmien ta' ppjanar operazzjonali bejn il-perjodi ta' żmien ta' sena bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

3.5 Il-mudelli komuni tal-grilja għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali kollha, għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, għall-ENTSO għall-Elettriku u, fuq talba għall-ACER.

4.   Appoġġ għall-pjanijiet tad-difiża u r-restawr tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konsistenza

4.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema fit-twettiq tal-valutazzjoni tal-konsistenza tal-pjanijiet tad-difiża u tal-pjanijiet tar-restawr tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku adottat abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

4.2 L-operaturi kollha tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jiftiehmu dwar livell limitu li 'l fuq minnu l-impatt tal-azzjonijiet ta' operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta' trażmissjoni fl-istati ta' emerġenza, ta' blekawt jew ta' restawr jitqies bħala sinifikanti għal operaturi oħra tas-sistema ta' trażmissjoni interkonnessi b'mod sinkroniku jew asinkroniku.

4.3 B'dan l-appoġġ lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom:

(a) 

jidentifikaw inkompatibbiltajiet potenzjali;

(b) 

jipproponu azzjonijiet ta' mitigazzjoni.

4.4 L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jivvalutaw u jqisu l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni proposti.

5.   Appoġġ għall-koordinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tar-restawr reġjonali

5.1 Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali rilevanti għandu jappoġġa lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni nnominati bħala mexxejja tal-frekwenza u mexxejja tar-risinkronizzazzjoni skont il-kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr adottat abbażi tal-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 biex jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta' restawr. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun tat- tħaddim tas-sistema għandhom jistabbilixxi r-rwol taċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali relatati mal-appoġġ għall-koordinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tar-restawr reġjonali.

5.2 L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jitolbu assistenza liċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali jekk is-sistema tagħhom tkun fi stat ta' blekawt jew ta' restawr.

5.3 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu mgħammra b'sistemi ta' akkwist tad-dejta u ta' kontroll superviżorju qrib il-ħin reali bl-osservabbiltà ddefinita bl-applikazzjoni tal-livell limitu msemmija fil-punt 4.2.

6.   Analiżi u rappurtar wara t-tħaddim u wara t-tfixkil

6.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jinvestigaw u jħejju rapport dwar kwalunkwe inċident 'il fuq mil-livell limitu imsemmija fil-punt 4.2. Fuq talba tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u l-ACER jistgħu jkunu involuti fl-investigazzjoni. Ir-rapport għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet bil-għan li fil-futur biex tipprevjeni inċidenti simili.

6.2 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippubblikaw ir-rapport. L-ACER tista' tinkludi rakkomandazzjonijiet bil-għan li fil-futur jipprevjenu inċidenti simili.

7.   Kejl reġjonali tal-kapaċità ta' riserva

7.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżiti tal-kapaċità ta' riserva għar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema. L-istabbiliment tar-rekwiżiti tal-kapaċità ta' riserva għandu:

(a) 

jilħaq l-objettiv ġenerali li tinżamm is-sigurtà operazzjonali bl-aktar mod kosteffettiv;

(b) 

jitwettaq fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata jew ta' ġurnata bil-quddiem, jew it-tnejn;

(c) 

jikkalkula l-ammont ġenerali ta' kapaċità ta' riserva meħtieġ għar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema;

(d) 

jiddetermina r-rekwiżiti minimi tal-kapaċità ta' riserva għal kull tip ta' kapaċità ta' riserva;

(e) 

iqis is-sostituzzjonijiet possibbli bejn tipi differenti ta' kapaċità ta' riserva bil-għan li jimminimizza l-kostijiet ta' akkwist;

(f) 

jekk ikun hemm, jistabbilixxi r-rekwiżiti neċessarji għad-distribuzzjoni ġeografika tal-kapaċità ta' riserva meħtieġa.

8.   Faċilitazzjoni tal-akkwist reġjonali tal-kapaċità ta' bbilanċjar

8.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi fis-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema biex jistabbilixxu l-ammont ta' kapaċità ta' bbilanċjar li jeħtieġ tiġi akkwistata. L-istabbiliment tal-ammont ta' kapaċità ta' bbilanċjar għandu:

(a) 

jitwettaq fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata jew ta' ġurnata bil-quddiem, jew it-tnejn;

(b) 

iqis is-sostituzzjonijiet possibbli bejn tipi differenti ta' kapaċità ta' riserva bil-għan li jimminimizza l-kostijiet ta' akkwist;

(c) 

iqis il-volumi tal-kapaċità ta' riserva meħtieġa li mistennija jiġu pprovduti bl-offerti għall-enerġija ta' bbilanċjar, li ma jiġux ippreżentati abbażi ta' kuntratt għall-kapaċità ta' bbilanċjar.

8.2 Iċ-Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema biex jakkwistaw l-ammont meħtieġ ta' kapaċità ta' bbilanċjar stabbilit skont il-punt 8.1. L-akkwist tal-kapaċità ta' bbilanċjar għandu:

(a) 

jitwettaq fil-perjodu ta' żmien tal-istess ġurnata jew ta' ġurnata bil-quddiem, jew it-tnejn

(b) 

iqis is-sostituzzjonijiet possibbli bejn tipi differenti ta' kapaċità ta' riserva bil-għan li jimminimizza l-kostijiet ta' akkwist.

9.   Valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza tas-sistema reġjonali minn ġimgħa bil-quddiem sa ġurnata bil-quddiem u t-tħejjija ta' azzjonijiet li jnaqqsu r-riskji

9.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza reġjonali sa mill-inqas ġurnata bil-quddiem f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament 2017/1485u abbażi tal-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/941.

9.2 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jibbażaw il-valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza reġjonali fuq terminu qasir fuq l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema bil-għan li jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn hu mistenni nuqqas ta' adegwatezza fi kwalunkwe waħda miż-żoni ta' kontroll jew fil-livell reġjonali. Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iqisu l-iskambji transżonali u l-limiti tas-sigurtà operazzjonali possibbli fil-perjodi ta' żmien rilevanti kollha ta' ppjanar operazzjonali.

9.3 Meta jwettaq valutazzjoni dwar l-adegwatezza ta' sistema reġjonali, kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jikkoordina ma' ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali oħra biex:

(a) 

jivverifika s-suppożizzjonijiet u t-tbassir sottostanti;

(b) 

jidentifika s-sitwazzjonijiet possibbli ta' nuqqas ta' adegwatezza transreġjonali.

9.4 Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jikseb ir-riżultati tal-valutazzjonijiet dwar l-adegwatezza ta' sistema reġjonali flimkien mal-azzjonijiet li jipproponi biex jitnaqqsu r-riskji tan-nuqqas ta' adegwatezza għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u għal ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali oħra.

10.   Koordinazzjoni tal-ippjanar tal-indisponibbiltà reġjonali

10.1 Kull Ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jwettaq koordinazzjoni tal-indisponibbiltà reġjonali f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-linja gwida għat-tħaddim ta' sistema adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 sabiex jimmonitorja l-istatus ta' disponibbiltà tal-assi rilevanti u jikkoordina l-pjanijiet ta' disponibbiltà tagħhom biex jiżgura s-sigurtà operazzjonali tas-sistema ta' trażmissjoni filwaqt li jimmassimizza l-kapaċità tal-interkonnetturi u tas-sistemi ta' trażmissjoni li jaffettwaw il-flussi transżonali.

10.2 Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jżomm lista unika tal-elementi tal-grilja rilevanti, tal-moduli ta' ġenerazzjoni tal-enerġija u tal-faċilitajiet tad-domanda tar-reġjun ta' tħaddim tas-sistema u jqiegħdha għad-dispożizzjoni tal-ambjent ta' dejta għall-ippjanar operazzjonali tal-ENTSO għall-Elettriku.

10.3 Kull ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin relatati mal-koordinazzjoni tal-indisponibbiltà fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema:

(a) 

jivvaluta l-kompatibbiltà tal-ippjanar tal-indisponibbiltà billi juża l-pjanijiet kollha tad-disponibbiltà ta' sena bil-quddiem tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni;

(b) 

jipprovdi lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema b'lista tal-inkompatibbiltajiet ta' ppjanar individwati u tas-soluzzjonijiet li jipproponi biex jissolvew l-inkompatibbiltajiet.

11.   Ottimizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta' kumpens għall-operatur tas-sistema ta' intertrażmissjoni

11.1 L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema jistgħu jiddeċiedu b'mod konġunt li jirċievu appoġġ miċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali biex jamministraw il-flussi finanzjarji relatati mas-saldu bejn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jinvolvu aktar minn żewġ operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, bħall-kostijiet ta' dispaċċ mill-ġdid, l-introjtu mill-konġestjoni, il-kostijiet tad-devjazzjonijiet mhux intenzjonati jew tal-akkwist ta' riserva.

12.   Taħriġ u ċertifikazzjoni għall-persunal li jaħdem għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali

12.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iħejju u jwettqu programmi ta' taħriġ u ta' ċertifikazzjoni li jiffukaw fuq ir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema għall-persunal li jaħdem fiċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali.

12.2 Il-programmi ta' taħriġ għandhom ikopru l-komponenti rilevanti kollha ta' tħaddim tas-sistema, fejn iċ-ċentru ta' koordinazzjoni reġjonali jwettaq kompiti inklużi x-xenarji ta' kriżi reġjonali.

13.   Identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi tal-elettriku f'livell reġjonali

13.1 Jekk l-ENTSO għall-Elettriku jiddelega din il-funzjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jidentifikaw ix-xenarji ta' kriżi reġjonali tal-elettriku skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/941.

L-identifikazzjoni tax-xenarji ta' kriżi reġjonali tal-elettriku għandha titwettaq f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/941.

13.2 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull reġjun ta' tħaddim tas-sistema fuq talba tagħhom fi tħejjija u twettiq tas-simulazzjonijiet ta' kriżi biennali bi qbil mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2019/941.

14.   Identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal kapaċità ta' trażmissjoni ġdida, għat-titjib tal-kapaċità ta' trażmissjoni eżistenti jew tal-alternattivi għalihom.

14.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal kapaċità ta' trażmissjoni ġdida, għal titjib fil-kapaċità ta' trażmissjoni eżistenti jew għall-alternattivi tagħhom, li għandhom jiġu ppreżentati lill-gruppi reġjonali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 u biex jiġu inklużi fil-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

15.   Il-kalkolu tal-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija fil-mekkaniżmi ta' kapaċità

15.1 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jappoġġaw lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fil-kalkolu tal-kapaċità massima ta' dħul disponibbli għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità barranija fil-mekkaniżmi ta' kapaċità b'kont meħud tad-disponibbiltà mistennija ta' interkonnessjoni u l-konkorrenza probabbli ta' pressjoni fuq is-sistema bejn is-sistema fejn jiġi applikat il-mekkaniżmu u s-sistema fejn tkun tinsab il-kapaċità barranija.

15.2 Il-kalkolu għandu jitwettaq f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 26(11).

15.3 Iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jipprovdu kalkolu għal kull konfini taż-żona tal-offerti kopert mir-reġjun ta' tħaddim tas-sistema.

16.   Tħejjija ta' valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali

16.1 Jekk l-ENTSO għall-Elettriku jiddelega din il-funzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/941, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali fuq bażi reġjonali.

16.2 It-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza staġjonali għandha titwettaq abbażi tal-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/941.




ANNESS II

REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU



Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39)

Punt (a) tal-Artikolu 8(3)

Punt (a) tal-Artikolu 8(10)

Artikolu 11

Artikolu 18(4a)

Artikolu 23(3)

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal-14 ta' Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta' data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 1)

Punti 5.5 sa 5.9 tal-Anness I




ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI



Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(a)

Artikolu 1(b)

Artikolu 1(a)

Artikolu 1(c)

Artikolu 1(b)

Artikolu 1(d)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)(a)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)(b)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(2)(c)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(2)(d)

Artikolu 2(2)(e)

Artikolu 2(2)(f)

Artikolu 2(2)(g)

Artikolu 2 (5)

Artikolu 2 (6) sa (71)

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16(1) sa (3)

Artikolu 16(1) sa (4)

Artikolu 16(5) sa (8)

Artikolu 16(4) sa (5)

Artikolu 16(9) sa (11)

Artikolu 16(12) u (13)

Artikolu 17

Artikolu 14(1)

Artikolu 18(1)

Artikolu 18(2)

Artikolu 14(2) sa (5)

Artikolu 18(3) sa (6)

Artikolu 18(7) sa (11)

Artikolu 19(1)

Artikolu 16(6)

Artikolu 19(2) u (3)

Artikolu 19(4) u (5)

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 8(4)

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2) sa (7)

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 27

Artikolu 4

Artikolu 28(1)

Artikolu 28(2)

Artikolu 5

Artikolu 29 (1) sa (4)

Artikolu 29(5)

Artikolu 8(2) (l-ewwel sentenza)

Artikolu 30(1)(a)

Artikolu 8(3)(b)

Artikolu 30(1)(b)

Artikolu 30(1)(c)

Artikolu 8(3)(c)

Artikolu 30 (1)(d)

Artikolu 30 (1)(e) u (f)

 

Artikolu 30(1) (g) u (h)

Artikolu 8 (3)(a)

Artikolu 30(1)(i)

Artikolu 8(3)(d)

Artikolu 30(1)(j)

 

Artikolu 30(1)(k)

Artikolu 8(3)(e)

Artikolu 30(1)(l)

 

Artikolu 30(1)(m) sa (o)

Artikolu 30(2) u (3)

Artikolu 8(5)

Artikolu 30(4)

Artikolu 8(9)

Artikolu 30(5)

Artikolu 10

Artikolu 31

Artikolu 9

Artikolu 32

Artikolu 11

Artikolu 33

Artikolu 12

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 36

Artikolu 37

Artikolu 38

Artikolu 39

Artikolu 40

 

Artikolu 41

Artikolu 42

Artikolu 43

Artikolu 44

Artikolu 45

Artikolu 46

Artikolu 47

Artikolu 8(10)

Artikolu 48

Artikolu 13

Artikolu 49

Artikolu 2(2) (subparagrafu finali

Artikolu 49(7)

Artikolu 15

Artikolu 50(1) sa (6)

Anness I punt 5.10

Artikolu 50(7)

Artikolu 3

Artikolu 51

Artikolu 52

Artikolu 53

 

Artikolu 54

Artikolu 55

Artikolu 56

Artikolu 57

Artikolu 58

Artikolu 8(6)

Artikolu 59(1)(a), (b) u (c)

Artikolu 59(1)(d) u (e)

 

Artikolu 59(2)

Artikolu 6(1)

Artikolu 59(3)

Artikolu 6(2)

Artikolu 59(4)

Artikolu 6(3)

Artikolu 59(5)

Artikolu 59(6)

Artikolu 6(4)

Artikolu 59(7)

Artikolu 6(5)

Artikolu 59(8)

Artikolu 6(6)

Artikolu 59(9)

Artikolu 8(1)

Artikolu 59(10)

Artikolu 6(7)

Artikolu 6(8)

Artikolu 6(9) u (10)

Artikolu 59(11) u (12)

Artikolu 6(11)

Artikolu 59(13) u (14)

Artikolu 6 (12)

Artikolu 59(15)

Artikolu 8(2)

Artikolu 59(15)

Artikolu 60(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 60(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 60(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4)

Artikolu 61(1)

Artikolu 61(2)

Artikolu 18(1)

Artikolu 61(3)

Artikolu 18(2)

Artikolu 18(3)

Artikolu 61(4)

Artikolu 18(4)

Artikolu 18(4a)

Artikolu 61(5)

Artikolu 18(5)

Artikolu 61(5) u (6)

Artikolu 19

Artikolu 21

Artikolu 62

Artikolu 17

Artikolu 63

Artikolu 64

Artikolu 20

Artikolu 65

Artikolu 22

Artikolu 66

Artikolu 23

Artikolu 67

Artikolu 24

Artikolu 68

Artikolu 69

Artikolu 25

Artikolu 70

Artikolu 26

Artikolu 71



( 1 ) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

( 2 ) Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

( 3 ) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

( 5 ) Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16);

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 li twaqqaf Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku (ĠU C 353, 17.11.2012, p. 2).

( 7 ) Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE)) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, tal-25.4.2013, p. 39).

( 8 ) Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

( 9 ) Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20).

Top