EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R2394-20181203

Consolidated text: Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2394/2018-12-03

02017R2394 — MT — 03.12.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2017/2394 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2017

dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 345 27.12.2017, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2018/302 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-28 ta' Frar 2018

  L 60I

1

2.3.2018




▼B

REGOLAMENT (UE) 2017/2394 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2017

dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, wara li jkunu ġew nominati mill-Istati Membri tagħhom bħala responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ xulxin u mal-Kummissjoni, sabiex jinfurzaw il-konformità ma’ dawk il-liġijiet u jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u sabiex itejbu l-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament japplika għal każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, każijiet ta’ ksur mifrux u każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, anke jekk dak il-ksur ikun waqaf qabel ma jinbeda jew jitlesta l-infurzar.

2.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar id-dritt internazzjonali privat, b’mod partikolari r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni tal-qorti u l-liġijiet applikabbli.

3.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, b’mod partikolari l-operat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

4.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-adempiment mill-Istati Membri ta’ kwalunkwe obbligu addizzjonali fir-rigward tal-assistenza reċiproka għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi kollettivi tal-konsumaturi, inkluż f’materji kriminali, derivanti minn atti legali oħra, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

5.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).

6.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jittieħdu azzjonijiet ta’ infurzar pubbliċi jew privati ulterjuri taħt il-liġi nazzjonali.

7.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi rilevanti tal-Unjoni applikabbli għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

8.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpens lill-konsumaturi għall-ħsara kkawżata minn każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

9.  Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu azzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar kontra aktar minn kummerċjant wieħed għal każijiet simili ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

10.  Il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament ma japplikax għal każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni tad-Direttivi 2014/17/UE u 2014/92/UE.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi” tfisser ir-Regolamenti u d-Direttivi kif trasposti fis-sistema legali interna tal-Istati Membri, li jinsabu elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2) “każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni” tfisser kwalunkwe att jew omissjoni li jmorru kontra l-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li jkunu għamlu ħsara, ikunu qed jagħmlu ħsara jew x’aktarx ser jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi residenti fi Stat Membru apparti l-Istat Membru fejn:

(a) l-att jew l-ommissjoni oriġinaw jew seħħew;

(b) il-kummerċjant responsabbli għall-att jew l-ommissjoni ikun stabbilit; jew

(c) ikunu jinstabu l-evidenza jew l-assi tal-kummerċjant relattivi għall-att jew ommissjoni;

(3) “każ ta’ ksur mifrux” tfisser:

(a) kwalunkwe att jew ommissjoni li jmorru kontra l-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li jkunu għamlu ħsara, ikunu qed jagħmlu ħsara jew x’aktarx ser jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi li huma residenti f’mill-inqas żewġ Stat Membri apparti l-Istat Membru fejn:

(i) l-att jew l-ommissjoni oriġinaw jew seħħew;

(ii) il-kummerċjant responsabbli għall-att jew l-ommissjoni ikun stabbilit; jew

(iii) ikunu jinstabu l-evidenza jew l-assi tal-kummerċjant relattivi għall-att jew ommissjoni; jew

(b) kwalunkwe att jew omissjoni li jmorru kontra l-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li jkunu għamlu ħsara, ikunu qed jagħmlu ħsara jew x’aktarx ser jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li jkollhom karatteristiċi komuni, inklużi l-istess prattika illegali, l-istess interess li qed jinkiser u li jkunu qed jokkorru fl-istess ħin, jitwettqu mill-istess kummerċjant, f’mill-inqas tliet Stati Membri;

(4) “każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni” tfisser ksur mifrux li jkun għamel ħsara, ikun qed jagħmel ħsara jew x’aktarx ser jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, li flimkien jammontaw għal mill-inqas żewġ terzi tal-popolazzjoni tal-Unjoni;

(5) “każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament” tfisser każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, każijiet ta’ ksur mifrux u każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni;

(6) “awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika stabbilita fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u nominata minn Stat Membru bħala responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;

(7) “uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni” tfisser l-awtorità pubblika nominata minn Stat Membru bħala responsabbli mill-koordinazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’dak l-Istat Membru;

(8) “korp nominat” tfisser korp li jkollu interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li huwa nominat minn Stat Membru u jingħata istruzzjonijiet minn awtorità kompetenti għall-fini li jiġbor l-informazzjoni meħtieġa u biex jieħu l-miżuri meħtieġa ta’ infurzar disponibbli lil dak il-korp taħt il-liġi nazzjonali biex iwassal għall-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur u li jaġixxi f’isem dik l-awtorità kompetenti;

(9) “awtorità applikanti” tfisser l-awtorità kompetenti li tagħmel talba għal assistenza reċiproka;

(10) “awtorità mitluba” tfisser l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għal assistenza reċiproka;

(11) “kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(12) “konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(13) “ilment tal-konsumatur” tfisser dikjarazzjoni, appoġġata minn evidenza raġonevoli, li kummerċjant wettaq, qed iwettaq, jew li x’aktarx ser iwettaq, ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;

(14) “ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi” tfisser ħsara proprja jew potenzjali lill-interessi ta’ għadd ta’ konsumaturi li jkunu affettwati minn każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, minn każijiet ta’ ksur mifrux jew minn każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni;

(15) “interfaċċa online” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, li jkunu operati minn jew f’isem kummerċjant, li jservu biex jagħtu lill-konsumaturi aċċess għall-merċi jew servizzi tal-kummerċjant;

(16) “sweeps” tfisser investigazzjonijiet miftiehma tas-swieq tal-konsumaturi permezz ta’ azzjonijiet simultanji kkoordinati ta’ kontroll sabiex tiġi verifikata l-konformità ma’, jew jiġu identifikati każijiet ta’ ksur ta’, il-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

Artikolu 4

Notifika ta’ perijodi ta’ limitazzjoni

Kull uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-perijodi ta’ limitazzjoni li jkunu stabbiliti fl-Istat Membru tiegħu stess u li japplikaw għal miżuri ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 9(4). Il-Kummissjoni għandha tiddeskrivi fil-qosor il-perijodi notifikati ta’ limitazzjoni u għandha tagħmel dak is-sommarju disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.



KAPITOLU II

AWTORITAJIET KOMPETENTI U S-SETGĦAT TAGĦHOM

Artikolu 5

Awtoritajiet kompetenti u uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni

1.  Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti waħda jew aktar u l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni li jkunu responsabbli mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament daqslikieku kienu qed jaġixxu f’isem il-konsumaturi fl-Istat Membru tagħhom stess u f’isimhom stess.

3.  F’kull Stat Membru, l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u infurzar mill-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra msemmija fl-Artikolu 6 u, jekk applikabbli, korpi nominati relattivament għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi riżorsi baġitarji jew riżorsi oħrajn suffiċjenti, kompetenza esperta, proċeduri u arranġamenti oħrajn.

5.  Fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dmirijiet rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddefiniti b’mod ċar u li huma jikkollaboraw mill-qrib sabiex jaqdu dawk id-dmirijiet b’mod effettiv.

Artikolu 6

Kooperazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri

1.  Għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, awtoritajiet pubbliċi oħra u, jekk applikabbli, korpi nominati jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin.

2.  L-awtoritajiet pubbliċi l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, fuq talba minn awtorità kompetenti, jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha disponibbli għalihom taħt il-liġi nazzjonali sabiex iwasslu għall-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ każijiet koperti minn dan ir-Regolament.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi l-oħrajn imsemmija fil-paragrafu 1 ikollhom il-mezzi u s-setgħat meħtieġa biex jikkooperaw b’mod effettiv mal-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet pubbliċi l-oħrajn għandhom jinformaw regolarment lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-miżuri meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Rwol ta’ korpi nominati

1.  Fejn applikabbli, awtorità kompetenti (“awtorità li tagħti l-istruzzjoni”) tista’, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tagħti istruzzjoni lil korp nominat biex jiġbor l-informazzjoni neċessarja rigward każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament jew biex jieħu l-miżuri ta’ infurzar neċessarji disponibbli lilha taħt il-liġi nazzjonali, biex twassal biex dak il-ksur jitwaqqaf jew jiġi pprojbit. L-awtorità li tagħti l-istruzzjoni għandha tagħti istruzzjoni lil korp nominat biss jekk, wara konsultazzjoni mal-awtorità applikanti jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn ikkonċernati mill-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament, kemm l-awtorità applikanti kif ukoll l-awtorità mitluba, jew l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha, jaqblu li l-korp nominat x’aktarx li jikseb l-informazzjoni neċessarja jew li jwassal biex il-ksur jitwaqqaf jew jiġi pprojbit b’mod li tal-inqas ikun ugwalment effiċjenti u effettiv daqslikieku mill-awtorità li tagħti l-istruzzjoni.

2.  Jekk l-awtorità applikanti jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn ikkonċernati minn każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament ikunu tal-opinjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma ntlaħqux, huma għandhom jinfurmaw lill-awtorità li tagħti l-istruzzjoni bil-miktub mingħajr dewmien, filwaqt li jindikaw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dik l-opinjoni. Jekk l-awtorità li tagħti l-istruzzjoni ma tikkondividix dik l-opinjoni, hija tista’ tirreferi l-każ lill-Kummissjoni, li għandha toħroġ opinjoni mingħajr dewmien dwar il-kwistjoni.

3.  L-awtorità li tagħti l-istruzzjoni għandha tibqa’ obbligata li tiġbor l-informazzjoni neċessarja jew li tieħu l-miżuri ta’ infurzar neċessarji jekk:

(a) il-korp nominat jonqos milli jikseb l-informazzjoni neċessarja jew li jwaqqaf jew jipprojbixxi l-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament mingħajr dewmien; jew

(b) l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament ma jaqblux li l-korp nominat jista’ jingħata istruzzjoni skont il-paragrafu 1.

4.  L-awtorità li tagħti l-istruzzjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tipprevjeni l-iżvelar ta’ informazzjoni li hija soġġetta għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33.

Artikolu 8

Informazzjoni u listi

1.  Kull Stat Membru għandu, mingħajr dewmien, jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja u kwalunkwe bidla fiha:

(a) l-identitajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti, tal-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni, tal-korpi nominati u tal-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(1); u

(b) informazzjoni dwar l-organizzazzjoni, is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti.

2.  Il-Kummissjoni għandha żżomm u taġġorna, fis-sit web tagħha, lista, li tkun disponibbli għall-pubbliku, tal-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni, il-korpi nominati u l-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(1) jew (2).

Artikolu 9

Setgħat minimi tal-awtoritajiet kompetenti

1.  Kull awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħat minimi ta’ investigazzjoni u infurzar stabbiliti fil-paragrafi 3, 4, 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu li huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha teżerċita dawk is-setgħat skont l-Artikolu 10.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux is-setgħat kollha lil kull awtorità kompetenti, dment li kull waħda minn dawk is-setgħat tista’ tiġi eżerċitata effettivament u kif ikun meħtieġ relattivament għal kwalunkwe każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament skont l-Artikolu 10.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat ta’ investigazzjoni li ġejjin:

(a) is-setgħa ta’ aċċess għal kwalunkwe dokument, data jew informazzjoni rilevanti relatati ma’ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament, fi kwalunkwe forma jew format u irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom, jew il-post fejn ikunu maħżuna;

(b) is-setgħa li jirrikjedu minn kwalunkwe awtorità, korp jew aġenzija pubblika fl-Istat Membru tagħhom jew kwalunkwe persuna fiżika jew persuna ġuridika li jipprovdu kwalunkwe informazzjoni, data jew dokument rilevanti, fi kwalunkwe forma jew format u irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom, jew il-post fejn ikunu maħżuna, bil-għan li jiġi stabbilit jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament u għall-finijiet li jiġu stabbiliti d-dettalji ta’ tali ksur, inkluż l-intraċċar tal-flussi finanzjarji jew tad-data, li tiġi aċċertata l-identità tal-persuni involuti fil-flussi finanzjarji u tad-data, u li tiġi aċċertata informazzjoni dwar kontijiet bankarji u s-sjieda tas-siti web;

(c) is-setgħa li jwettqu l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-post, inkluża s-setgħa li jidħlu fi kwalunkwe bini, art jew mezz ta’ trasport li l-kummerċjant ikkonċernat mill-ispezzjoni juża għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tiegħu, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħrajn biex jagħmlu dan, sabiex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta’ informazzjoni, data jew dokumenti, irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom; is-setgħa li jikkonfiskaw kwalunkwe informazzjoni, data jew dokumenti għaż-żmien meħtieġ u sakemm ikun meħtieġ għall-ispezzjoni; is-setgħa li jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-kummerċjant ikkonċernat mill-ispezzjoni biex jagħti spjegazzjonijiet dwar fatti, informazzjoni, data jew dokumenti relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni u li jirreġistraw it-tweġibiet;

(d) is-setgħa li jixtru oġġetti jew servizzi bħala test ta’ xiri, fejn meħtieġ, b’identità moħbija, biex jindividwaw każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u li jiksbu evidenza, inkluża s-setgħa li jispezzjonaw, josservaw, jistudjaw, iżarmaw jew jittestjaw oġġetti jew servizzi.

4.  L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat ta’ infurzar li ġejjin:

(a) is-setgħa li jadottaw miżuri interim biex jevitaw ir-riskju ta’ ħsara serja lill-interessi kollettivi ta’ konsumaturi;

(b) is-setgħa li jfittxu li jiksbu jew li jaċċettaw impenji mill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament biex iwaqqfu dak il-ksur;

(c) is-setgħa li jirċievu mingħand il-kummerċjant, fuq inizjattiva tal-kummerċjant stess, impenji addizzjonali ta’ rimedju għall-benefiċċju ta’ konsumaturi li ġew affettwati mill-allegat ksur kopert minn dan ir-Regolament, jew, fejn adatt, li jfittxu li jiksbu impenji mingħand il-kummerċjant biex joffri rimedji adegwati lill-konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur;

(d) fejn applikabbli, is-setgħa li jinfurmaw, b’mezzi xierqa, lill-konsumaturi li jallegaw li sofrew ħsara bħala konsegwenza ta’ każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament dwar kif ifittxu kumpens taħt il-liġi nazzjonali;

(e) is-setgħa li jordnaw bil-miktub il-waqfien ta’ każijiet tal-ksur koperti minn dan ir-Regolament mill-kummerċjant;

(f) is-setgħa li jwaqqfu jew jipprojbixxu każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament;

(g) fejn ma hemmx disponibbli mezzi effettivi oħra, iwaqqfu jew jipprojbixxu l-każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħsara serja lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi:

(i) is-setgħa li jneħħu kontenut jew li jirrestrinġu l-aċċess għal interfaċċa online jew jordnaw il-wiri espliċitu ta’ twissija lill-konsumaturi meta huma jaċċedu għal interfaċċa online;

(ii) is-setgħa li jordnaw fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi, jiddiżattiva jew jirrestrinġi l-aċċess għal interfaċċa online; jew

(iii) fejn adatt, is-setgħa li jordnaw lir-reġistri jew ir-reġistraturi tad-dominji biex iħassru isem ta’ dominju kkwalifikat bis-sħiħ u li jħallu lill-awtorità kompetenti kkonċernata tirreġistrah;

inkluż billi jitolbu terzi jew awtorità pubblika oħra biex jimplimentaw tali miżuri.

(h) is-setgħa li jimponu pieni, per eżempju multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u għan-nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe deċiżjoni, ordni, miżura interim, impenn tal-kummerċjant jew miżura oħra adottata skont dan ir-Regolament.

Il-pieni msemmija fil-punt (h) għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, f’konformità mar-rekwiżiti tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. B’mod partikolari, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta, kif adatt, lin-natura, il-gravità u t-tul tal-każ ta’ ksur inkwistjoni.

5.  Is-setgħa li jiġu imposti pieni, bħal multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament tapplika għal kwalunkwe ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, fejn l-att legali rilevanti tal-Unjoni elenkat fl-Anness jipprevedi pieni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali taħt il-liġi nazzjonali li jimponu pieni, bħal multi amministrattivi jew oħrajn, jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, f’każijiet fejn l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness ma jipprevedux pieni.

6.  L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jibdew investigazzjonijiet jew proċedimenti fuq inizjattiva tagħhom stess biex jitwaqqfu jew jiġu pprojbiti każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

7.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw kwalunkwe deċiżjoni finali, impenn ta’ kummerċjant jew ordni adottata skont dan ir-Regolament, inkluża l-pubblikazzjoni tal-identità tal-kummerċjant responsabbli għal każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament.

8.  Fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, korpi nnominati jew persuni oħrajn ikkonċernati, dwar l-effettività tal-impenji proposti biex jintemm il-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżerċizzju tas-setgħat minimi

1.  Is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 9 għandhom ikunu eżerċitati jew:

(a) direttament mill-awtoritajiet kompetenti taħt l-awtorità tagħhom stess;

(b) fejn ikun adatt, bl-assistenza ta’ awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra;

(c) billi jingħataw istruzzjonijiet lil korpi nominati, jekk applikabbli; jew

(d) b’rikors lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn adatt, b’appell, jekk ir-rikors biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa jiġi miċħud.

2.  L-implimentazzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 9 b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu proporzjonati u jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż mas-salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar, adottati fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adegwati għan-natura u għall-ħsara effettiva jew potenzjali b’mod ġenerali tal-ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.



KAPITOLU III

MEKKANIŻMU TA’ ASSISTENZA REĊIPROKA

Artikolu 11

Talbiet għall-informazzjoni

1.  Fuq talba minn awtorità applikanti, awtorità mitluba għandha, mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 30 jum, sakemm ma jkunx ġie maqbul mod ieħor, tipprovdi lill-awtorità applikanti kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tistabbilixxi jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u biex jitwaqqaf dak il-ksur.

2.  L-awtorità mitluba għandha twettaq l-investigazzjonijiet adatti u meħtieġa jew tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa jew adatta sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa. Jekk meħtieġ, dawk l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-assistenza ta’ awtoritajiet pubbliċi u korpi nominati oħra.

3.  Fuq talba mill-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba tista’ tippermetti lil uffiċjali kompetenti tal-awtorità applikanti biex jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-awtorità mitluba matul l-investigazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 12

Talbiet għal miżuri ta’ infurzar

1.  Fuq talba minn awtorità applikanti, awtorità mitluba għandha tieħu l-miżuri ta’ infurzar kollha meħtieġa u proporzjonati biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni billi teżerċita s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 9 u kwalunkwe setgħa addizzjonali mogħtija lilha skont il-liġi nazzjonali. L-awtorità mitluba għandha tiddetermina l-miżuri ta’ infurzar adatti meħtieġa biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit il-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u għandha teħodhom mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun irċeviet it-talba, sakemm ma tipprovdix raġunijiet speċifiċi għall-estensjoni ta’ dak il-perjodu. Fejn adatt, l-awtorità mitluba għandha timponi pieni, bħal multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, fuq il-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni. L-awtorità mitluba tista’ tirċievi mingħand il-kummerċjant, fuq l-inizjattiva tal-kummerċjant stess, impenji addizzjonali ta’ rimedju għall-benefiċċju tal-konsumaturi affettwati mill-allegat ksur fi ħdan l-Unjoni, jew, fejn adatt, tista’ tfittex li tikseb impenji mingħand il-kummerċjant biex joffri rimedji adegwati lil konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur.

2.  L-awtorità mitluba għandha tinforma b’mod regolari lill-awtorità applikanti dwar il-passi u l-miżuri meħuda u l-passi u l-miżuri li biħsiebha tieħu. L-awtorità mitluba, permezz tal-bażi tad-data elettronika prevista fl-Artikolu 35 biex tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità applikanti, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn u l-Kummissjoni bil-miżuri meħuda u l-effett ta’ dawk il-miżuri fuq każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, inkluż dan li ġej:

(a) jekk ġewx imposti miżuri interim;

(b) jekk il-ksur intemmx;

(c) liema miżuri ġew adottati u jekk dawk il-miżuri ġewx implimentati;

(d) sa liema punt il-konsumaturi affettwati mill-ksur allegat ġew offruti impenji ta’ rimedju.

Artikolu 13

Proċedura għal talbiet għal assistenza reċiproka

1.  Meta tagħmel talba għal assistenza reċiproka, l-awtorità applikanti għandha tagħti l-informazzjoni meħtieġa biex l-awtorità mitluba tkun tista’ tissodisfa dik it-talba, inkluża kwalunkwe evidenza meħtieġa li tista’ tinkiseb biss fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti.

2.  L-awtorità applikanti għandha tibgħat tali talbiet għal assistenza reċiproka lill-uffiċċju uniku ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità mitluba u lill-uffiċċju uniku ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità applikanti għall-informazzjoni. L-uffiċċju uniku ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità mitluba għandu jgħaddi t-talbiet lill-awtorità kompetenti adatti mingħajr dewmien.

3.  It-talbiet għal assistenza reċiproka u kull komunikazzjoni marbuta magħhom għandhom isiru bil-miktub bl-użu ta’ formoli standard u dawn għandhom jiġu kkomunikati b’mod elettroniku permezz tal-bażi ta’ data elettronika prevista fl-Artikolu 35.

4.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jiftiehmu dwar il-lingwi li għandhom jintużaw għal talbiet għal assistenza reċiproka u għall-komunikazzjoni marbuta magħhom.

5.  Jekk ma jkunx hemm qbil dwar liema lingwi ser jintużaw, it-talbiet għal assistenza reċiproka għandhom jintbagħtu bil-lingwa uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwa uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità applikanti u r-risposti għandhom ikunu bil-lingwa uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwa uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità mitluba. F’dak il-każ, kull awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli mit-traduzzjonijiet meħtieġa għat-talbiet, ir-risposti u d-dokumenti l-oħrajn li hija tirċievi mingħand awtorità kompetenti oħra.

6.  L-awtorità mitluba għandha twieġeb direttament kemm lill-awtorità applikanti kif ukoll lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-awtorità applikanti u tal-awtorità mitluba.

Artikolu 14

Rifjut ta’ konformità ma’ talba għal assistenza reċiproka

1.  L-awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għall-informazzjoni taħt l-Artikolu 11 jekk tapplika waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) wara konsultazzjoni mal-awtorità applikanti, ikun jidher li l-informazzjoni mitluba ma tkunx meħtieġa mill-awtorità applikanti biex tistabbilixxi jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni jew biex tistabbilixxi jekk hemmx suspett raġonevoli li dan jista’ jseħħ;

(b) l-awtorità applikanti ma taqbilx li l-informazzjoni hija soġġetta għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33;

(c) diġà jkunu nbdew kontra l-istess kummerċjant investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-awtorità mitluba jew tal-awtorità applikanti.

2.  Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 12 jekk, wara li tkun ikkonsultat lill-awtorità applikanti, tkun tapplika waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji diġà jkunu nbdew, jew ikun hemm sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew ordni ġudizzjarja fir-rigward tal-istess każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u kontra l-istess kummerċjant quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’l-Istat Membru tal-awtorità mitluba;

(b) l-eżerċizzju tas-setgħat tal-infurzar meħtieġa diġà jkun inbeda, jew deċiżjoni amministrattiva tkun diġà ġiet adottata, fir-rigward tal-istess każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u kontra l-istess kummerċjant f’l-Istat Membru tal-awtorità mitluba sabiex dan iwassal għat-tmiem jew projbizzjoni malajr u effettivi tal-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni;

(c) wara investigazzjoni adatta, l-awtorità mitluba tikkonkludi li ma jkun seħħ ebda każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni;

(d) l-awtorità mitluba tikkonkludi li l-awtorità applikanti ma tkunx tat l-informazzjoni li tkun neċessarja f’konformità mal-Artikolu 13(1);

(e) l-awtorità mitluba tkun aċċettat impenji proposti mill-kummerċjant biex itemm il-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit u dak il-limitu ta’ żmien ikun għadu ma skadiex.

Madankollu, l-awtorità mitluba għandha tikkonforma mat-talba għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 12 jekk il-kummerċjant jonqos milli jimplimenta l-impenji aċċettati fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu.

3.  L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe rifjut li tikkonforma ma’ talba għal assistenza reċiproka, flimkien mar-raġunijiet għal dak ir-rifjut.

4.  F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti jew l-awtorità mitluba tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni li għandha toħroġ opinjoni dwar il-kwistjoni mingħajr dewmien. Fejn il-kwistjoni ma tiġix riferuta lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ madankollu toħroġ opinjoni ex officio. Għall-finijiet tal-ħruġ ta’ dik l-opinjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob għall-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti li ġew skambjati bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità mitluba.

5.  Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka u l-konformità tal-awtoritajiet kompetenti mal-proċeduri u l-iskadenzi għall-ipproċessar ta’ talbiet għal assistenza reċiproka. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għat-talbiet għal assistenza reċiproka u għall-informazzjoni u d-dokumenti li ġew skambjati bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità mitluba.

6.  Fejn adatt, il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida u tagħti parir lill-Istati Membri biex tiżgura l-funzjonament effettiv u effiċjenti tal-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka.



KAPITOLU IV

INVESTIGAZZJONI KOORDINATA U MEKKANIŻMI TA’ INFURZAR GĦAL KAŻIJIET TA’ KSUR MIFRUX U GĦAL KAŻIJIET TA’ KSUR MIFRUX B’DIMENSJONI TAL-UNJONI

Artikolu 15

Proċedura għal deċiżjonijiet fost l-Istati Membri

Għal kwistjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jaġixxu b’kunsens.

Artikolu 16

Prinċipji ġenerali tal-kooperazzjoni

1.  Fejn ikun hemm suspett raġonevoli li qed iseħħ każ ta’ ksur mifrux jew każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur mingħajr dewmien, billi joħorġu twissijiet skont l-Artikolu 26.

2.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux jew mill-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom jikkoordinaw l-investigazzjoni u l-miżuri ta’ infurzar li huma jieħdu biex jindirizzaw dawk il-każijiet ta’ ksur. Huma għandhom jiskambjaw l-evidenza u l-informazzjoni meħtieġa kollha u jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe assistenza meħtieġa mingħajr dewmien.

3.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux jew mill-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom jiżguraw li jinġabru l-evidenza u l-informazzjoni meħtieġa kollha u li jittieħdu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa kollha biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit dak il-ksur.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-attivitajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u infurzar imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-istess ksur u mill-istess kummerċjant.

5.  Fejn adatt, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistiednu lil uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jkunu qed jakkumpanjawhom, li jkunu ġew awtorizzati mill-Kummissjoni, biex jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet koordinati, fl-azzjonijiet ta’ infurzar u f’miżuri oħra koperti minn dan il-Kapitolu.

Artikolu 17

Tnedija ta’ azzjoni koordinata u nomina tal-koordinatur

1.  Fejn ikun hemm suspett raġonevoli ta’ każ ta’ ksur mifrux l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur għandhom iniedu azzjoni koordinata li għandha tkun ibbażata fuq ftehim bejniethom. It-tnedija tal-azzjoni koordinata għandha tiġi nnotifikata lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien.

2.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux issuspettat għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda, ikkonċernata mill-każ ta’ ksur mifrux issuspettat, biex tkun il-koordinatur. Jekk dawk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar dik in-nomina, il-Kummissjoni għandha tassumi r-rwol tal-koordinatur.

3.  F’każ li l-Kummissjoni jkollha suspett raġonevoli ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak l-allegat ksur skont l-Artikolu 26. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara fin-notifika r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-possibbiltà ta’ azzjoni koordinata. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet adatti abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli jew li tkun faċilment aċċessibbli għalihom. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw ir-riżultati ta’ tali investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak il-ksur u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26, fi żmien xahar mid-data tan-notifika tal-Kummissjoni. Fejn tali investigazzjonijiet juru li jista’ jkun li qed iseħħ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-ksur għandhom jibdew bl-azzjoni koordinata u għandhom jieħdu l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 19 kif ukoll, fejn adatt, il-miżuri deskritti fl-Artikoli 20 u 21.

4.  L-azzjonijiet koordinati msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu koordinati mill-Kummissjoni.

5.  Awtorità kompetenti għandha tissieħeb mal-azzjoni koordinata, jekk jidher evidenti matul l-azzjoni koordinata li l-awtorità kompetenti hija kkonċernata mill-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni.

Artikolu 18

Raġunijiet għar-rifjut ta’ parteċipazzjoni fl-azzjoni koordinata

1.  Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li tipparteċipa f’azzjoni koordinata għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a) fir-rigward tal-istess kummerċjant diġà tkun inbdiet investigazzjoni kriminali jew ikunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji, jew tkun ingħatat sentenza, jew tkun intlaħqet soluzzjoni bil-qorti, fir-rigward tal-istess ksur fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti;

(b) l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni jew ta’ infurzar meħtieġa jkun diġà nbeda qabel il-ħruġ ta’ twissija msemmija fl-Artikolu 17(3), jew deċiżjoni amministrattiva tkun ġiet adottata kontra l-istess kummerċjant fir-rigward tal-istess ksur fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti sabiex dan iwassal għat-tmiem jew il-projbizzjoni malajr u effettivi tal-ksur mifrux jew tal-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni;

(c) wara investigazzjoni adatta, ikun jidher evidenti li l-impatt reali jew potenzjali tal-ksur mifrux allegat jew tal-ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti jkun negliġibbli u għalhekk ma jkunx jinħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ infurzar minn dik l-awtorità kompetenti;

(d) il-ksur mifrux rilevanti jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni ma jkunx seħħ fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti u għalhekk ma jkun meħtieġ li tiġi adottata l-ebda miżura ta’ infurzar minn dik l-awtorità kompetenti;

(e) l-awtorità kompetenti tkun aċċettat impenji proposti mill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni biex itemm dak il-każ ta’ ksur fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti u dawk l-impenji jkunu ġew implimentati, u għalhekk ma jkunx jinħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ infurzar minn dik l-awtorità kompetenti.

2.  Fejn awtorità kompetenti tirrifjuta li tipparteċipa fl-azzjoni koordinata, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni bid-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u tipprovdi kwalunkwe dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa.

Artikolu 19

Miżuri ta’ investigazzjoni f’azzjonijiet koordinati

1.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat. Huma għandhom ifittxu, b’mod simultanju ma’ xulxin, li jwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet u, sal-punt li d-dritt proċedurali nazzjonali jippermetti hekk, japplikaw miżuri interim.

2.  Il- mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka skont il-Kapitolu III jista’ jintuża, jekk dan ikun meħtieġ, b’mod partikolari biex jiġbor l-evidenza, u informazzjoni oħra, meħtieġa mingħand Stati Membri li mhumiex l-Istati Membri kkonċernati mill-azzjoni koordinata jew biex jiġi żgurat li l-kummerċjant ikkonċernat ma jevitax il-miżuri ta’ infurzar.

3.  Fejn adatt, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jistabbilixxu l-eżitu tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni tal-ksur mifrux jew, fejn applikabbli, tal-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni f’pożizzjoni komuni miftiehma bejniethom.

4.  Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata, il-koordinatur għandu jikkomunika l-pożizzjoni komuni lill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew għall-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. Il-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew għall-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni għandu jingħata l-opportunità li jiġi mismugħ dwar il-kwistjonijiet li jiffurmaw parti mill-pożizzjoni komuni.

5.  Fejn adatt, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 jew għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jiddeċiedu li jippubblikaw il-pożizzjoni komuni jew partijiet minnha fuq is-siti web tagħhom u jistgħu jitolbu l-opinjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumatur, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti u partijiet oħrajn ikkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pożizzjoni komuni jew partijiet minnha fuq is-sit web tagħha bil-ftehim tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Artikolu 20

Impenji f’azzjonijiet koordinati

1.  Abbażi ta’ pożizzjoni komuni adottata skont l-Artikolu 19(3), l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jistgħu jistiednu lill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni biex jipproponi f’limitu ta’ żmien iffissat impenji biex jintemm dak il-ksur. Il-kummerċjant jista’ wkoll, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jipproponi impenji biex jintemm dak il-ksur jew joffri impenji ta’ rimedju lil konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur.

2.  Fejn adatt u mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jistgħu jippubblikaw l-impenji proposti mill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni fuq is-siti web tagħhom jew, jekk ikun adatt, il-Kummissjoni tista’ tippubblika l-impenji proposti minn dak il-kummerċjant fuq is-sit web tagħha jekk mitluba tagħmel dan mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-fehmiet ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumatur, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti u partijiet oħrajn ikkonċernati.

3.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jivvalutaw l-impenji proposti u jikkomunikaw l-eżitu tal-valutazzjoni lill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni u, fejn applikabbli, jekk ġew offruti impenji ta’ rimedju mill-kummerċjant, huma għandhom jinformaw lill-konsumaturi li jsostnu li batew ħsara bħala konsegwenza ta’ dak il-ksur. Fejn l-impenji jkunu proporzjonati u suffiċjenti biex iwasslu biex jintemm il-ksur mifrux jew ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaċċettaw dawk l-impenji u jistabbilixxu limitu ta’ żmien li fih l-impenji għandhom jiġu implimentati.

4.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li l-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni jirrapporta b’mod regolari lill-koordinatur dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-impenji. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jistgħu, fejn adatt, jitolbu l-fehmiet ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u esperti biex jivverifikaw jekk il-passi meħuda mill-kummerċjant humiex konformi mal-impenji.

Artikolu 21

Miżuri ta’ infurzar f’azzjonijiet koordinati

1.  L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom fil-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa kollha kontra l-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit dak il-ksur mifrux.

Fejn adatt huma għandhom jimponu pieni, bħal multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni fuq il-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirċievu mingħand il-kummerċjant, fuq inizjattiva tal-kummerċjant stess, impenji addizzjonali ta’ rimedju għall-benefiċċju tal-konsumaturi li ġew affettwati mill-ksur mifrux allegat jew ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni, jew, fejn adatt, jistgħu jfittxu li jiksbu impenji mill-kummerċjant biex joffri rimedji adegwati lill-konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur.

Miżuri ta’ infurzar ikunu partikolarment adatti fejn:

(a) tkun tenħtieġ azzjoni ta’ infurzar immedjata biex jinkiseb it-tmiem jew il-projbizzjoni malajr u effettivi tal-ksur;

(b) ikun improbabbli li l-ksur jintemm bħala riżultat tal-impenji proposti mill-kummerċjant responsabbli għall-ksur;

(c) il-kummerċjant responsabbli għall-ksur ma jkunx ippropona impenji qabel l-iskadenza ta’ limitu ta’ żmien stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

(d) l-impenji li l-kummerċjant responsabbli għall-ksur jipproponi ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw it-tmiem tal-ksur jew, fejn adatt, biex jipprovdu rimedju għall-konsumaturi li jkunu sofrew ħsara mill-ksur; jew

(e) il-kummerċjant responsabbli għall-ksur naqas milli jimplimenta l-impenji biex jitwaqqaf il-ksur jew, fejn adatt, biex jipprovdi rimedju lill-konsumaturi li saritilhom ħsara mill-ksur, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 20(3).

2.  Il-miżuri ta’ infurzar skont il-paragrafu 1 għandhom jittieħdu b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit il-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jippruvaw jieħdu miżuri ta’ infurzar b’mod simultanju fl-Istati Membri kkonċernati minn dak il-ksur.

Artikolu 22

Għeluq tal-azzjonijiet koordinati

1.  L-azzjoni koordinata għandha tingħalaq jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jikkonkludu li l-ksur mifrux jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni twaqqaf jew ġie pprojbit fl-Istati Membri kkonċernati kollha, jew li ma jkun twettaq ebda tali ksur.

2.  Il-koordinatur għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati mill-azzjoni koordinata bl-għeluq tal-azzjoni koordinata mingħajr dewmien.

Artikolu 23

Ir-rwol tal-koordinatur

1.  Il-koordinatur maħtur skont l-Artikolu 17 jew 29 għandu b’mod partikolari:

(a) jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-Kummissjoni huma debitament informati, b’mod tempestiv, dwar il-progress tal-investigazzjoni jew tal-azzjoni ta’ infurzar, kif applikabbli, u informati dwar kwalunkwe pass antiċipat li jkun imiss u l-miżuri li għandhom jiġu adottati;

(b) jikkoordina u jissorvelja l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati skont dan ir-Regolament;

(c) jikkoordina t-tħejjija u l-kondiviżjoni tad-dokumenti kollha meħtieġa fost l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-Kummissjoni;

(d) iżomm kuntatt mal-kummerċjant u partijiet oħra kkonċernati mill-miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ infurzar, kif applikabbli, sakemm mhux maqbul mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-koordinatur;

(e) fejn applikabbli, jikkoordina l-valutazzjoni, il-konsultazzjonijiet u l-monitoraġġ mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kif ukoll passi oħrajn meħtieġa għall-ipproċessar u l-implimentazzjoni ta’ impenji proposti mill-kummerċjanti kkonċernati;

(f) fejn applikabbli, jikkoordina l-miżuri ta’ infurzar adottati mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

(g) jikkoordina talbiet għal assistenza reċiproka mressqa mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati skont il-Kapitolu III.

2.  Il-koordinatur ma jistax jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet jew l-omissjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati meta huma jużaw is-setgħat stipulati fl-Artikolu 9.

3.  Fejn l-azzjonijiet koordinati jikkonċernaw każijiet ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni tal-atti legali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(10), il-koordinatur għandu jistieden lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tkun osservatur.

Artikolu 24

Arranġamenti lingwistiċi

1.  Il-lingwi użati mill-awtoritajiet kompetenti għan-notifiki, kif ukoll għall-komunikazzjonijiet l-oħrajn kollha koperti minn dan il-Kapitolu li jkollhom rabta mal-azzjonijiet koordinati u s-sweeps, għandhom ikunu maqbula mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

2.  Jekk ma jkun jista’ jintlaħaq ebda ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, in-notifiki u komunikazzjonijiet oħra għandhom jintbagħtu fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li jagħmel in-notifika jew komunikazzjoni oħra. F’dak il-każ, jekk meħtieġ, kull awtorità kompetenti kkonċernata għandha tkun responsabbli mit-traduzzjoni tan-notifiki, il-komunikazzjonijiet u dokumenti oħra li tirċievi minn awtoritajiet kompetenti oħra.

Artikolu 25

Arranġamenti dwar il-lingwa għall-komunikazzjoni mal-kummerċjanti

Għall-finijiet tal-proċeduri stabbiliti f’dan il-Kapitolu, il-kummerċjant għandu jkun intitolat jikkomunika fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali użati għall-finijiet uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-kummerċjant ikun stabbilit jew jirrisjedi.



KAPITOLU V

ATTIVITAJIET FL-UNJONI KOLLHA

Artikolu 26

Twissijiet

1.  Awtorità kompetenti għandha mingħajr dewmien tinnotifika lill-Kummissjoni, lil awtoritajiet kompetenti oħra u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni dwar kwalunkwe suspett raġonevoli li fit-territorju tagħha qed iseħħ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament li jista’ jaffettwa l-interessi tal-konsumaturi fi Stati Membri oħra.

2.  Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti u uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati bi kwalunkwe suspett raġonevoli li seħħ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament.

3.  Meta tinnotifika, jiġifieri toħroġ twissija, taħt il-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti jew il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-ksur issuspettat kopert minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari, u, fejn disponibbli, l-informazzjoni li ġejja:

(a) deskrizzjoni tal-att jew l-ommissjoni li jikkostitwixxu l-ksur;

(b) dettalji tal-prodott jew is-servizz ikkonċernat mill-ksur;

(c) l-ismijiet tal-Istati Membri kkonċernati jew possibbilment ikkonċernati mill-ksur;

(d) l-identità tal-kummerċjant jew kummerċjanti responsabbli jew suspettati li huma responsabbli għall-ksur;

(e) il-bażi legali għall-azzjonijiet possibbli b’referenza għal-liġi nazzjonali u għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness;

(f) deskrizzjoni ta kwalunkwe proċediment legali, miżura ta’ infurzar jew miżura oħra meħuda fir-rigward tal-ksur u d-dati u t-tul ta’ żmien tagħhom, kif ukoll l-istatus tagħhom;

(g) l-identitajiet tal-awtoritajiet kompetenti li jistitwixxu l-proċedimenti legali u li jieħdu miżuri oħra.

4.  Meta toħroġ twissija, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni rilevanti fi Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti u lill-uffiċċji ta’ kooperazzjoni rilevanti fi Stati Membri oħra, biex jivverifikaw jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli jew aċċessibbli b’mod faċli għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti jew għall-Kummissjoni, rispettivament, humiex qed iseħħu każijiet suspettati ta’ ksur simili fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri oħra jew jekk tkunx diġà ttieħdet kwalunkwe miżura ta’ infurzar kontra tali ksur f’dawk l-Istati Membri. Dawk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni għandhom iwieġbu għat-talba mingħajr dewmien.

Artikolu 27

Twissijiet esterni

1.  Kull Stat Membru għandu, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat, jagħti lil korpi nominati, Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u, fejn adatt, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, bl-għarfien espert meħtieġ, is-setgħa li joħorġu twissija lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti u lill-Kummissjoni dwar każijiet issuspettati ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u li jagħtu l-informazzjoni disponibbli lilhom deskritta fl-Artikolu 26(3) (‘twissija esterna’). Kull Stat Membru għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-Kummissjoni bil-lista ta’ dawk l-entitajiet u bi kwalunkwe bidla fiha.

2.  Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha tagħti assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-interessi tal-konsumaturi, u, fejn adatt, tal-kummerċjanti f’livell tal-Unjoni, is-setgħa li joħorġu twissija esterna.

3.  L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu obbligati li jibdew proċedura jew li jieħdu xi azzjoni oħra b’reazzjoni għal twissija esterna. L-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta tkun korretta, aġġornata u preċiża u għandhom jikkoreġu l-informazzjoni notifikata mingħajr dewmien, jew jirtirawha skont kif ikun xieraq.

Artikolu 28

Skambju ta’ informazzjoni oħra rilevanti għall-individwazzjoni ta’ każijiet ta’ ksur

Sa fejn ikun meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, permezz tal-bażi ta’ data elettronika msemmija fl-Artikolu 35, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien dwar kwalunkwe miżura meħuda minnhom biex jindirizzaw każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom jekk huma jissuspettaw li l-ksur inkwistjoni jista’ jaffettwa l-interessi tal-konsumaturi fi Stati Membri oħrajn.

Artikolu 29

Sweeps

1.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jwettqu sweeps biex jivverifikaw il-konformità ma’, jew jindividwaw każijiet ta’, ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturit. Sakemm mhux maqbul mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti involuti, is-sweeps għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni.

2.  Meta jwettqu sweeps, l-awtoritajiet kompetenti involuti jistgħu jużaw is-setgħat ta’ investigazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u kwalunkwe setgħa oħra mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali.

3.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistiednu lil korpi nominati, uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fis-sweeps.

Artikolu 30

Koordinazzjoni ta’ attivitajiet oħra li jikkontribwixxu għal investigazzjoni u infurzar

1.  Sa fejn meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

(a) it-taħriġ tal-uffiċjali tagħhom involuti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b) il-ġbir, il-klassifikazzjoni u l-iskambju ta’ data dwar ilmenti tal-konsumatur;

(c) l-iżvilupp ta’ netwerks speċifiċi għas-settur ta’ uffiċjali;

(d) l-iżvilupp ta’ għodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni; u

(e) fejn applikabbli, l-iżvilupp ta’ standards, metodoloġiji u linji gwida li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.  Sa fejn meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jikkoordinaw u jorganizzaw b’mod konġunt attivitajiet fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 31

Skambju ta’ uffiċjali bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipparteċipaw fi skemi ta’ skambju għal uffiċjali minn Stati Membri oħrajn sabiex itejbu l-kooperazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex uffiċjali minn Stati Membri oħrajn ikun jista’ jkollhom rwol effettiv fl-attivitajiet tal-awtorità kompetenti. Għal dak il-għan, dawk l-uffiċjali għandhom ikunu awtorizzati li jwettqu d-dmirijiet fdati lilhom mill-awtorità kompetenti ospitanti skont il-liġijiet tal-Istat Membru tagħha.

2.  Matul l-iskambju, ir-responsabbiltà ċivili u kriminali tal-uffiċjal għandha tkun ittrattata bl-istess mod bħal dik tal-uffiċjali tal-awtorità kompetenti ospitanti. L-uffiċjali mill-Istati Membri l-oħra għandhom jikkonformaw ma’ standards professjonali u r-regoli ta’ kondotta interni adatti tal-awtorità kompetenti ospitanti. Dawk ir-regoli ta’ kondotta għandhom jiżguraw b’mod partikolari l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, il-ġustizzja proċedurali u l-osservanza korretta tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u dwar is-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33.

Artikolu 32

Kooperazzjoni internazzjonali

1.  Sa fejn meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tikkoopera ma’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament sabiex tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi. L-Unjoni u l-pajjiżi terzi kkonċernati jistgħu jikkonkludu ftehimiet li jistabbilixxu arranġamenti għal kooperazzjoni, li jinkludu l-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ assistenza reċiproka, l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali u programmi għall-iskambju tal-persunal.

2.  Ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li jikkonċernaw il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka biex jiġu protetti u jittejbu l-interessi tal-konsumaturi għandhom jirrispettaw ir-regoli rilevanti tal-protezzjoni tad-data applikabbli għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi.

3.  Meta awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz li tkun potenzjalment rilevanti għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, hija għandha tikkomunika l-informazzjoni lil dawk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti sakemm hija permessa li tagħmel dan taħt kwalunkwe ftehim applikabbli ta’ assistenza bilaterali ma’ dak il-pajjiż terz u safejn dik l-informazzjoni tkun f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

4.  L-informazzjoni kkomunikata taħt dan ir-Regolament tista’ tiġi kkomunikata wkoll lil awtorità ta’ pajjiż terz minn awtorità kompetenti taħt ftehim ta’ assistenza bilaterali ma’ dak il-pajjiż terz, dment li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti li oriġinarjament tkun ikkomunikat l-informazzjoni, u dment li tkun f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.



KAPITOLU VI

ARRANĠAMENTI KOMUNI

Artikolu 33

Użu u żvelar ta’ informazzjoni u segretezza professjonali u kummerċjali

1.  L-informazzjoni miġbura minn jew komunikata lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità mal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali u għandha tintuża u tiġi żvelata biss bl-attenzjoni dovuta għall- interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew persuna ġuridika, inkluż is-sigrieti kummerċjali u l-proprjetà intellettwali.

3.  Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni, jiżvelaw l-informazzjoni li tkun meħtieġa:

(a) biex jippruvaw każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament; jew

(b) biex iwaqqfu jew jipprojbixxu każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Użu ta’ evidenza u sejbiet ta’ investigazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw bħala prova kwalunkwe informazzjoni, dokument, sejba, stqarrija, kopja vera awtentikata jew informazzjoni sigrieta komunikata, fuq l-istess bażi bħal dokumenti simili miksuba fl-Istat Membru tagħhom stess, irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom.

Artikolu 35

Bażi ta’ data elettronika

1.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi ta’ data elettronika għall-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament. L-informazzjoni kollha mibgħuta permezz tal-bażi ta’ data elettronika għandha tiġi maħżuna u pproċessata f’dik il-bażi ta’ data elettronika. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli direttament għall-awtoritajiet kompetenti, għall-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u għall-Kummissjoni.

2.  L-informazzjoni pprovduta minn entitajiet li joħorġu twissija esterna skont l-Artikolu 27(1) u (2) għandha tinħażen u tiġi pproċessata fil-bażi ta’ data elettronika. Madankollu, dawk l-entitajiet ma għandux ikollhom aċċess għal dik il-bażi ta’ data.

3.  Fejn awtorità kompetenti, korp nominat jew entità li joħorġu twissija esterna skont l-Artikolu 27(1) u (2) jistabbilixxu li twissija dwar ksur maħruġa minnhom skont l-Artikolu 26 jew 27 sussegwentement uriet li kienet mingħajr bażi, huma għandhom jirtiraw dik it-twissija. Il-Kummissjoni għandha tneħħi l-informazzjoni rilevanti mill-bażi ta’ data mingħajr dewmien, u għandha tinforma lill-partijiet dwar ir-raġunijiet għal dik it-tneħħija.

Id-data li tirrigwarda ksur għandha tinħażen fil-bażi ta’ data elettronika għal mhux iktar milli jinħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun inġabret u ġiet proċessata, iżda ma għandhiex tinħażen għal mhux aktar minn ħames snin wara l-jum li fih:

(a) awtorità mitluba tinnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(2) li l-ksur fi ħdan l-Unjoni intemm;

(b) il-koordinatur jinnotifikaskont l-Artikolu 22(1) l-għeluq tal-azzjoni koordinata;

(c) l-informazzjoni tkun iddaħħlet fil-bażi ta’ data fil-każijiet l-oħrajn kollha.

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tal-bażi ta’ data elettronika. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

Artikolu 36

Rinunzja tar-rimborż tal-ispejjeż

1.  L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw kull pretensjoni għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, fir-rigward ta’ talbiet għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 12, l-Istat Membru tal-awtorità applikanti għandu jibqa’ responsabbli lill-Istat Membru tal-awtorità mitluba għal kull spiża jew kull telf imġarrba bħala riżultat ta’ miżuri li jkun ġew miċħuda u meqjusa bħala infondati minn qorti, sa fejn is-sustanza tal-ksur inkwistjoni tkun ikkonċernata.

Artikolu 37

Prijoritajiet ta’ infurzar

1.  Sas-17 ta’ Jannar 2020 u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw bejniethom u mal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Tali informazzjoni għandha tinkludi:

(a) informazzjoni dwar xejriet fis-suq li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-konsumaturi fl-Istati Membri kkonċernati u fi Stati Membri oħra;

(b) ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet imwettqa taħt dan ir-Regolament fl-aħħar sentejn, u b’mod partikolari, miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar relatati mal-każijiet ta’ ksur mifrux;

(c) statistika skambjata permezz ta’ twissijiet imsemmija fl-Artikolu 26;

(d) l-oqsma ta’ prijorità tentattivi, għas-sentejn li ġejjin, għall-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi fl-Istat Membru kkonċernat; u

(e) l-oqsma ta’ prijorità proposti, għas-sentejn li ġejjin, għall-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-Unjoni.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33, kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tipproduċi reżokont tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 u għandha tagħmilha disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.

3.  F’każijiet li jinvolvu bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi jew tal-kondizzjonijiet tas-suq matul is-sentejn wara l-aħħar preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom u għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan.

4.  Il-Kummissjoni għandha tiddeskrivi fil-qosor il-prijoritajiet ta’ infurzar ipprovduti mill-Istati Membri taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrapporta kull sena lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 38(1) biex tiġi ffaċilitata l-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiskambja l-aħjar prattiki u indikaturi ta’ referenza mal-Istati Membri, b’mod partikolari bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet ta’ tisħiħ ta’ kapaċitajiet.



KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 38

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 39

Notifiki

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni t-test ta’ kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali dwar kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament li huma jadottaw, kif ukoll it-test ta’ ftehimiet, dwar kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, apparti ftehimiet li jittrattaw każijiet individwali li huma jikkonkludu.

Artikolu 40

Rappurtar

1.  Sas-17 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.  Dak ir-rapport għandu jkun fih evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni tal-effettività tal-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Artikolu 9, flimkien ma’, b’mod partikolari, eżami ta’ kif il-konformità mill-kummerċjanti mal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi evolviet fi swieq ewlenin tal-konsumaturi kkonċernati mill-kummerċ transkonfinali.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposta leġislattiva.

Artikolu 41

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 huwa mħassar b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-17 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Id-Direttivi u r-Regolamenti msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 3

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

2. Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

3. Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).

4. Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

5. Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67): l-Artikoli 86 sa 100.

6. Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37): l-Artikolu 13.

7. Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16).

8. Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).

9. Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

10. Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

11. Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21): l-Artikolu 1, il-punt (c) tal-Artikolu 2 u l-Artikoli 4 sa 8.

12. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36): Artikolu 20.

13. Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

14. Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

15. Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3): l-Artikoli 22, 23 u 24.

16. Id-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, 3.2.2009, p. 10).

17. Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il- koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1): l-Artikoli 9, 10, 11 u L-Artikoli 19 sa 26.

18. Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).

19. Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

20. Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

21. Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63): l-Artikolu 13.

22. Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1): Artikolu 14.

23. Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34): l-Artikoli 10, 11, 13, 14, 15, 16, 17, 18, 21, 22, 23, il-Kapitolu 10 u l-Annessi I u II.

24. Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214): l-Artikoli 3 sa 18 u l-Artikolu 20(2).

25. Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u ta’ arranġamenti ta’ vjaġġar marbuta, u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).

26. Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 1).

▼M1

27. Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60 I, 2.3.2018, p. 1), biss meta l-klijent ikun konsumatur kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament.



( 1 ) Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).

Top