02017R1939 — MT — 10.01.2021 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
Emendat bi:
Ikkoreġut bi:
▼B
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/1939
tat-12 ta’ Ottubru 2017
li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)
KAPITOLU I
SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) u jistabbilixxi regoli dwar il-funzjonament tiegħu.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“Stat Membru” tfisser, għajr fejn indikat mod ieħor, b’mod partikolari fil-Kapitolu VIII, Stat Membru li jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa rigward l-istabbiliment tal-UPPE, kif jitqies li huwa awtorizzat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 86(1) TFUE, jew permezz ta’ deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) TFUE;
(2)
“persuna” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika;
(3)
“interessi finanzjarji tal-Unjoni” tfisser id-dħul, nefqiet u assi kollha koperti minn, akkwistati permezz ta’, jew dovuti lil, il-baġit tal-Unjoni u l-baġits tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti taħt it-Trattati u l-baġits amministrati u mmonitorjati minnhom;
(4)
“persunal tal-UPPE” tfisser il-persunal fil-livell ċentrali li jappoġġa lill-Kulleġġ, l-Awli Permanenti, il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej u d-Direttur Amministrattiv fl-attivitajiet ta’ kuljum fit-twettiq tal-kompiti ta’ dan l-Uffiċċju taħt dan ir-Regolament;
(5)
“Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ” tfisser Prosekutur Delegat Ewropew responsabbli għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, li huwa jkun beda, li ġew allokati lilu jew li huwa ħa f’idejh billi uża d-dritt ta’ evokazzjoni taħt l-Artikolu 27;
(6)
“assistent Prosekutur Delegat Ewropew” tfisser Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fi Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, fejn għandha titwettaq investigazzjoni jew miżura oħra assenjata lilu;
(7)
“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;
(8)
“ipproċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew l-alterazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trasmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlit, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;
(9)
“restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta’ data personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;
(10)
“tfassil tal-profil” tfisser kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta’ dik il-persuna fiżika;
(11)
“psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta’ data personali b’tali mod li d-data personali ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta’ informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;
(12)
“sistema ta’ arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;
(13)
“kontrollur” tfisser l-UPPE jew awtorità kompetenti oħra li, waħedha jew flimkien ma’ oħrajn, tiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn il-finijiet u l-mezzi ta’ tali pproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu previsti mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
(14)
“proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessaw data personali f’isem il-kontrollur;
(15)
“riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li lilhom tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli jkunux parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għajr l-awtoritajiet kompetenti ddefiniti fil-punt 7(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/680, li jirċievu data personali fil-qafas ta’ inkjesta partikolari tal-UPPE ma għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta’ dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f’konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;
(16)
“ksur ta’ data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, alterazzjoni, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal, data personali mibgħuta, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;
(17)
“data personali amministrattiva” tfisser id-data personali kollha pproċessata mill-UPPE għajr data personali operazzjonali;
(18)
“data personali operazzjonali” tfisser id-data personali kollha pproċessata mill-UPPE għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 49;
(19)
“data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta’ persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b’mod partikolari, minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;
(20)
“data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħall-immaġinijiet tal-wiċċ jew data dattiloskopika;
(21)
“data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha;
(22)
“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tkun stabbilita minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
1
) jew skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680;
(23)
“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha regolati mid-dritt internazzjonali pubbliku jew kwalunkwe korp ieħor li jiġi stabbilit permezz jew abbażi ta’ ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar.
KAPITOLU II
STABBILIMENT, KOMPITI U PRINĊIPJI BAŻIĊI TAL-UPPE
Artikolu 3
Stabbiliment
1.
L-UPPE huwa b’dan stabbilit bħala korp tal-Unjoni.
2.
L-UPPE għandu jkollu personalità ġuridika.
3.
L-UPPE għandu jikkoopera mal-Eurojust u jiddependi fuq l-appoġġ amministrattiv tagħha skont l-Artikolu 100.
Artikolu 4
Kompiti
L-UPPE għandu jkun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja fir-rigward ta’ awturi u kompliċi ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma previsti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 u ddeterminati b’dan ir-Regolament. F’dak ir-rigward l-UPPE għandu jagħmel l-investigazzjonijiet, u jwettaq atti ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri, sa meta l-każ ikun finalment konkluż.
Artikolu 5
Prinċipji bażiċi tal-attivitajiet
1.
L-UPPE għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta.
2.
L-UPPE għandu jkun marbut bil-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-proporzjonalità fl-attivitajiet kollha tiegħu.
3.
L-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f’isem l-UPPE għandhom ikunu regolati minn dan ir-Regolament. Il-liġi nazzjonali għandha tapplika fil-każ li l-kwistjoni ma tkunx regolata minn dan ir-Regolament. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi nazzjonali applikabbli għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li l-Prosekutur Delegat Ewropew tiegħu jkun qed jittratta l-każ f’konformità mal-Artikolu 13(1). Fejn kwistjoni tkun regolata kemm mil-liġi nazzjonali kif ukoll minn dan ir-Regolament, għandu jieħu preċedenza dan tal-aħħar.
4.
L-UPPE għandu jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod imparzjali u għandu jfittex l-evidenza kollha rilevanti, kemm ta’ ħtija kif ukoll ta’ innoċenza.
5.
L-UPPE għandu jiftaħ u jagħmel investigazzjonijiet bla dewmien żejjed.
6.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jassistu u jappoġġaw b’mod attiv l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-UPPE. Kwalunkwe azzjoni, politika jew proċedura taħt dan ir-Regolament għandha tiġi ggwidata mill-prinċipju tal-kooperazzjoni leali.
Artikolu 6
Indipendenza u responsabbiltà
1.
L-UPPE għandu jkun indipendenti. Il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej, id-Direttur Amministrattiv, kif ukoll il-persunal tal-UPPE għandhom jaġixxu fl-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali, kif definit mil-liġi u għandhom la jitolbu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn ebda persuna barra mill-UPPE, ebda Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni fil-qadi ta’ dmirijiethom taħt dan ir-Regolament. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jirrispettaw l-indipendenza tal-UPPE u ma għandhomx jippruvaw jinfluwenzawh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.
2.
L-UPPE għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-attivitajiet ġenerali tiegħu, u għandu joħroġ rapporti annwali f’konformità mal-Artikolu 7.
Artikolu 7
Rappurtar
1.
Kull sena l-UPPE għandu jfassal u joħroġ pubblikament Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ġenerali tiegħu fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa għandu jibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
2.
Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jidher darba fis-sena quddiem il-Parlament Ewropew u quddiem il-Kunsill, u quddiem il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri fuq talba tagħhom, biex jagħti rendikont tal-attivitajiet ġenerali tal-UPPE, mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ diskrezzjoni u kunfidenzjalità tal-UPPE fir-rigward ta’ każijiet individwali u data personali. Il-Kap Prosekutur Ewropew jista’ jiġi sostitwit b’wieħed mill-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej għal seduti ta’ smigħ organizzati mill-parlamenti nazzjonali.
KAPITOLU III
STATUS, STRUTTURA U ORGANIZZAZZJONI TAL-UPPE
TAQSIMA 1
Status u struttura TAL-UPPE
Artikolu 8
Struttura tal-UPPE
1.
L-UPPE għandu jkun korp indiviżibbli tal-Unjoni li jopera bħala Uffiċċju uniku bi struttura deċentralizzata.
2.
L-UPPE għandu jkun organizzat f’livell ċentrali u f’livell deċentralizzat.
3.
Il-livell ċentrali għandu jikkonsisti minn Uffiċċju Ċentrali fis-sede tal-UPPE. L-Uffiċċju Ċentrali għandu jikkonsisti mill-Kulleġġ, l-Awli Permanenti, il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Ewropej u d-Direttur Amministrattiv.
4.
Il-livell deċentralizzat għandu jikkonsisti mill-Prosekuturi Delegati Ewropej li għandhom ikunu fl-Istati Membri.
5.
L-Uffiċċju Ċentrali u l-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu assistiti mill-persunal tal-UPPE fi dmirijiethom taħt dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Il-Kulleġġ
1.
Il-Kulleġġ tal-UPPE għandu jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew u Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru. Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Kulleġġ u għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tagħhom.
2.
Il-Kulleġġ għandu jiltaqa’ regolarment u għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza ġenerali tal-attivitajiet tal-UPPE. Huwa għandu jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi, u dwar kwistjonijiet ġenerali li jirriżultaw minn każijiet individwali, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu żgurati koerenza, effiċjenza u konsistenza fil-politika ta’ prosekuzzjoni tal-UPPE fl-Istati Membri kollha, kif ukoll dwar kwistjonijiet oħra kif speċifikat f’dan ir-Regolament. Il-Kulleġġ ma għandux jieħu deċiżjonijiet operazzjonali f’każijiet individwali. Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE għandhom jipprevedu modalitajiet dwar l-eżerċizzju mill-Kulleġġ tal-attivitajiet ġenerali ta’ sorveljanza u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u kwistjonijiet ġenerali skont dan l-Artikolu.
3.
Fuq proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew u filwaqt li jsegwi r-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE, il-Kulleġġ għandu jistabbilixxi Awli Permanenti.
4.
Il-Kulleġġ għandu jadotta regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE f’konformità mal-Artikolu 21, u għandu jistipula wkoll ir-responsabbiltajiet għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-membri tal-Kulleġġ u l-persunal tal-UPPE.
5.
Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-Kulleġġ għandu jieħu deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi. Kwalunkwe membru tal-Kulleġġ għandu jkollu d-dritt li jagħti bidu għal votazzjoni dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi mill-Kulleġġ. Kull membru tal-Kulleġġ għandu jkollu vot wieħed. Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jkollu vot deċiżiv fil-każ ta’ parità dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-Kulleġġ.
Artikolu 10
L-Awli Permanenti
1.
L-Awli Permanenti għandhom ikunu preseduti mill-Kap Prosekutur Ewropew jew minn wieħed mill-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, jew minn Prosekutur Ewropew maħtur bħala President f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE. Minbarra l-President, l-Awli Permanenti għandu jkollhom żewġ Membri permanenti. L-għadd ta’ Awli Permanenti u l-kompożizzjoni tagħhom, kif ukoll it-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Awli, għandhom jieħdu kont dovut tal-ħtiġijiet funzjonali tal-UPPE u jiġu ddeterminati f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE.
Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE għandhom jiżguraw distribuzzjoni ugwali ta’ xogħol abbażi ta’ sistema ta’ allokazzjoni aleatorja ta’ każijiet u għandhom, f’każijiet eċċezzjonali, jistabbilixxu proċeduri, fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament xieraq tal-UPPE, biex jippermettu lill-Kap Prosekutur Ewropew jiddeċiedi li jiddevja mill-prinċipju ta’ allokazzjoni aleatorja.
2.
L-Awli Permanenti għandhom jimmonitorjaw u jidderieġu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet imwettqa mill-Prosekuturi Delegati Ewropej f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom ukoll jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet f’każijiet transkonfinali, u għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kulleġġ f’konformità mal-Artikolu 9(2).
3.
F’konformità mal-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament, fejn applikabbli wara li jirrivedu abbozz ta’ deċiżjoni propost mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, l-Awli Permanenti għandhom jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)
li jressqu każ għall-ġustizzja f’konformità mal-Artikolu 36(1), (3) u (4);
(b)
li jiċħdu każ f’konformità mal-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 39(1);
(c)
li japplikaw proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni u jagħtu istruzzjoni lill-Prosekutur Delegat Ewropew biex jaġixxi bil-ħsieb li finalment jikkonkludi l-każ skont l-Artikolu 40;
(d)
li jirreferu każ lill-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 34(1), (2), (3) jew (6);
(e)
li jerġgħu jiftħu investigazzjoni f’konformità mal-Artikolu 39(2).
4.
Fejn neċessarju, l-Awli Permanenti għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin, f’konformità mal-kondizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament:
(a)
li jagħtu istruzzjoni lill-Prosekutur Delegat Ewropew biex jagħti bidu għal investigazzjoni f’konformità mar-regoli fl-Artikolu 26(1) sa (4) fejn l-ebda investigazzjoni ma tkun inbdiet;
(b)
li jagħtu istruzzjoni lill-Prosekutur Delegat Ewropew biex jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27(6) fejn il-każ ma jkunx ġie evokat;
(c)
li jirreferu lill-Kulleġġ il-kwistjonijiet strateġiċi jew il-kwistjonijiet ġenerali li jirriżultaw minn każijiet individwali f’konformità mal-Artikolu 9(2);
(d)
li jallokaw każ f’konformità mal-Artikolu 26(3);
(e)
li jirriallokaw każ f’konformità mal-Artikolu 26(5) jew 28(3);
(f)
li japprovaw id-deċiżjoni ta’ Prosekutur Ewropew biex iwettaq l-investigazzjoni huwa stess f’konformità mal-Artikolu 28(4).
5.
L-Awla Permanenti kompetenti, li taġixxi permezz tal-Prosekutur Ewropew li jkun qed jagħmel superviżjoni tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni, tista’ f’każ speċifiku tagħti istruzzjonijiet f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli lill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, meta jkun meħtieġ għat-trattament effiċjenti tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni, jew fl-interess tal-ġustizzja, jew biex jiġi żgurat il-funzjonament koerenti tal-UPPE.
6.
L-Awla Permanenti għandha tieħu deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi. L-Awla għandha tivvota fuq it-talba ta’ kwalunkwe wieħed mill-membri tagħha. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Il-President għandu jkollu vot deċiżiv f’każ ta’ parità. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu wara deliberazzjoni f’laqgħat tal-Awla abbażi, fejn applikabbli, tal-abbozz ta’ deċiżjoni propost mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ.
Il-materjal kollu tal-każ għandu jkun aċċessibbli fuq talba lill-Awla Permanenti kompetenti għall-finijiet tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet.
7.
L-Awli Permanenti jistgħu jiddeċiedu li jiddelegaw is-setgħa deċiżjonali tagħhom taħt il-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u fil-każ tal-aħħar fir-rigward biss tar-regoli stabbiliti fil-punti (a) sa (f) tal-Artikolu 39(1), lill-Prosekutur Ewropew li jkun qed jagħmel superviżjoni tal-każ f’konformità mal-Artikolu 12(1) fejn tali delegi jistgħu jiġu ġustifikati b’mod dovut b’referenza għall-grad ta’ serjetà tar-reat jew il-kumplessità tal-proċedimenti fil-każ individwali, fir-rigward ta’ reat li kkawża jew li x’aktarx jikkawża ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni ta’ inqas minn EUR 100 000 . Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE għandhom jistabbilixxu linji gwida bil-ħsieb li tkun żgurata applikazzjoni konsistenti fi ħdan l-UPPE.
L-Awla Permanenti għandha tinforma lill-Kap Prosekutur Ewropew bi kwalunkwe deċiżjoni li tiddelega s-setgħa deċiżjonali tagħhom. Malli jirċievi dik l-informazzjoni, il-Kap Prosekutur Ewropew jista’ fi żmien tlett ijiem jitlob lill-Awla Permanenti biex tirrivedi d-deċiżjoni tagħha jekk il-Kap Prosekutur Ewropew iqis li l-interess li tiġi żgurata l-koerenza tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-UPPE jirrikjedi dan. Jekk il-Kap Prosekutur Ewropew ikun Membru tal-Awla Permanenti rilevanti, wieħed mill-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej għandu jeżerċita d-dritt li jitlob ir-reviżjoni msemmija. Il-Prosekutur Ewropew superviżur għandu jirrapporta lill-Awla Permanenti dwar il-konklużjoni finali tal-każ kif ukoll dwar kwalunkwe informazzjoni jew ċirkostanza li huwa jqis li x’aktarx tkun teħtieġ valutazzjoni ġdida tal-opportunità li tinżamm id-delega, b’mod partikolari fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 36(3).
Id-deċiżjoni li tiġi ddelegata s-setgħa deċiżjonali tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin fuq it-talba ta’ wieħed mill-Membri tal-Awla Permanenti u għandha tiġi deċiża f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Delega għandha tiġi rtirata meta Prosekutur Delegat Ewropew ikun issostitwixxa l-Prosekutur Ewropew f’konformità mal-Artikolu 16(7).
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tal-prinċipju ta’ delega, kull Awla Permanenti għandha tirrapporta kull sena lill-Kulleġġ dwar l-użu tad-delega.
8.
Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE għandhom jawtorizzaw lill-Awli Permanenti biex jieħdu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub li għandha tiġi stabbilita fid-dettall fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE.
Id-deċiżjonijiet kollha meħuda u l-istruzzjonijiet mogħtija f’konformità mal-paragrafi 3, 4, 5 u 7 għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub u jsiru parti mill-fajl tal-każ.
9.
Minbarra l-Membri permanenti, il-Prosekutur Ewropew li jkun qed jagħmel superviżjoni ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(1) għandu jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Awla Permanenti. Il-Prosekutur Ewropew għandu jkollu dritt tal-vot, ħlief fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Awla Permanenti dwar delega jew l-irtirar ta’ delega f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, dwar allokazzjoni u riallokazzjoni taħt l-Artikolu 26(3), (4) u (5) u l-Artikolu 27(6) u dwar it-tressiq ta’ każ għall-ġustizzja skont l-Artikolu 36(3), fejn aktar minn Stat Membru wieħed ikollu ġurisdizzjoni għall-każ, kif ukoll sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 31(8).
Awla Permanenti tista’ wkoll, fuq talba ta’ Prosekutur Ewropew jew ta’ Prosekutur Delegat Ewropew jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tistieden lil Prosekuturi Ewropej jew Prosekuturi Delegati Ewropej oħra li jkunu kkonċernati f’każ biex jattendu għal-laqgħat tagħha mingħajr ma jkollhom id-dritt tal-vot.
10.
Il-Presidenti tal-Awli Permanenti għandhom, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE, iżommu lill-Kulleġġ infurmat bid-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-Artikolu, sabiex jippermettu lill-Kulleġġ jespleta r-rwol tiegħu taħt l-Artikolu 9(2).
Artikolu 11
Il-Kap Prosekutur Ewropew u l-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej
1.
Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jkun il-Kap tal-UPPE. Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jorganizza l-ħidma tal-UPPE, imexxi l-attivitajiet tiegħu u jieħu deċiżjonijiet f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE.
2.
Għandhom jinħatru żewġ Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej biex jassistu lill-Kap Prosekutur Ewropew fil-qadi ta’ dmirijietu u biex jaġixxu ta’ sostituti meta huwa jkun assenti jew ma jkunx jista’ jaqdi dawk id-dmirijiet.
3.
Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jirrappreżenta lill-UPPE fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u partijiet terzi. Il-Kap Prosekutur Ewropew jista’ jiddelega l-kompiti tiegħu marbutin mar-rappreżentanza lil xi wieħed mill-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej jew lil xi Prosekutur Ewropew.
Artikolu 12
Il-Prosekuturi Ewropej
1.
F’isem l-Awla Permanenti u f’konformità ma’ kwalunkwe istruzzjoni li tkun tat f’konformità mal-Artikolu 10(3), (4) u (5), il-Prosekuturi Ewropej għandhom jagħmlu superviżjoni tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li għalihom ikunu responsabbli l-Prosekuturi Delegati Ewropej li jkunu qed jittrattaw il-każ fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. Il-Prosekuturi Ewropej għandhom jippreżentaw sommarji tal-każijiet taħt is-superviżjoni tagħhom u, fejn applikabbli, proposti għal deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Awla msemmija, abbażi tal-abbozz ta’ deċiżjonijiet imħejjija mill-Prosekuturi Delegati Ewropej.
Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(7), jipprovdu għal mekkaniżmu ta’ sostituzzjoni bejn il-Prosekuturi Ewropej fejn il-Prosekutur Ewropew superviżur ikun temporanjament assenti minn dmirijietu jew għal raġunijiet oħra ma jkunx disponibbli biex iwettaq il-funzjonijiet tal-Prosekuturi Ewropej. Il-Prosekutur Ewropew sostitut jista’ jissodisfa kwalunkwe funzjoni ta’ Prosekutur Ewropew, ħlief il-possibbiltà li jagħmel investigazzjoni prevista fl-Artikolu 28(4).
2.
Fuq bażi eċċezzjonali, Prosekutur Ewropew jista’, għal raġunijiet relatati mal-piż tax-xogħol li jirriżulta mill-għadd ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-Prosekutur Ewropew, jew konflitt ta’ interess personali, jitlob li s-superviżjoni tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ każijiet individwali trattati minn Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jiġu assenjati lil Prosekuturi Ewropej oħra, soġġett għall-qbil ta’ dawn tal-aħħar. Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jiddeċiedi dwar it-talba abbażi tal-volum tax-xogħol ta’ Prosekutur Ewropew. Fil-każ ta’ konflitt ta’ interessi li jirrigwarda Prosekutur Ewropew, il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jilqa’ dik it-talba. Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE għandhom jistabbilixxu l-prinċipji li jirregolaw dik id-deċiżjoni u l-proċedura għal allokazzjoni sussegwenti tal-każijiet ikkonċernati. L-Artikolu 28(4) m’għandux japplika għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet taħt superviżjoni f’konformità ma’ dan il-paragrafu.
3.
Il-Prosekuturi Ewropej superviżuri jistgħu, f’każ speċifiku u f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Awla Permanenti kompetenti, jagħtu istruzzjonijiet lill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, kull meta jkun neċessarju għat-trattament effiċjenti tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni jew fl-interess tal-ġustizzja, jew biex jiġi żgurat il-funzjonament koerenti tal-UPPE.
4.
Fejn il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru tipprevedi r-reviżjoni interna ta’ ċerti atti fi ħdan l-istruttura ta’ uffiċċju ta’ prosekutur nazzjonali, ir-reviżjoni ta’ tali atti meħuda mill-Prosekutur Delegat Ewropew għandha taqa’ taħt is-setgħat ta’ superviżjoni tal-Prosekutur Ewropew superviżur f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ superviżjoni u monitoraġġ tal-Awla Permanenti.
5.
Il-Prosekuturi Ewropej għandhom jiffunzjonaw bħala kollegamenti u kanali ta’ informazzjoni bejn l-Awli Permanenti u l-Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istati Membri rispettivi ta’ oriġini tagħhom. Huma għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-kompiti tal-UPPE fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Prosekuturi Delegati Ewropej. Huma għandhom jiżguraw, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE, li l-informazzjoni rilevanti kollha mill-Uffiċċju Ċentrali tiġi pprovduta lill-Prosekuturi Delegati Ewropej u viċi versa.
Artikolu 13
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej
1.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaġixxu f’isem l-UPPE fl-Istati Membri rispettivi tagħhom u għandu jkollhom l-istess setgħat bħall-prosekuturi nazzjonali fir-rigward ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u tressiq ta’ każijiet għall-ġustizzja, addizzjonalment u soġġett għas-setgħat speċifiċi u l-istatus mogħtija lilhom, u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu responsabbli għal dawk l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li huma jkunu bdew, li ġew allokati lilhom jew li huma ħadu billi użaw id-dritt tagħhom ta’ evokazzjoni. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom isegwu d-direzzjoni u l-istruzzjonijiet tal-Awla Permanenti inkarigata b’każ kif ukoll l-istruzzjonijiet mill-Prosekutur Ewropew superviżur.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu responsabbli wkoll biex iressqu każ għall-ġustizzja, b’mod partikolari għandu jkollhom is-setgħa li jippreżentaw eċċezzjonijiet f’kawża, jipparteċipaw fil-ġbir ta’ evidenza u jeżerċitaw ir-rimedji disponibbli f’konformità mal-liġi nazzjonali.
2.
Għandu jkun hemm żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej jew aktar f’kull Stat Membru. Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu, wara li jkun ikkonsulta u laħaq ftehim mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru, japprova l-għadd ta’ Prosekuturi Delegati Ewropej, kif ukoll it-tqassim funzjonali u territorjali tal-kompetenzi bejn il-Prosekuturi Delegati Ewropej fi ħdan kull Stat Membru.
3.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu wkoll jeżerċitaw funzjonijiet bħala prosekuturi nazzjonali, sa fejn dan ma jżommhomx milli jaqdu l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament. Huma għandhom jinformaw lill-Prosekutur Ewropew superviżur b’tali funzjonijiet. F’każ li Prosekutur Delegat Ewropew fi kwalunkwe mument ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu bħala Prosekutur Delegat Ewropew minħabba l-eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet bħala prosekutur nazzjonali, hu għandu jinnotifika lill-Prosekutur Ewropew superviżur, li għandu jikkonsulta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ prosekuzzjoni sabiex jiġi determinat jekk għandhiex tingħata prijorità lill-funzjonijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament. Il-Prosekutur Ewropew jista’ jipproponi lill-Awla Permanenti biex tirrialloka l-każ lil Prosekutur Delegat Ewropew ieħor fl-istess Stat Membru jew li jagħmel l-investigazzjonijiet huwa stess f’konformità mal-Artikolu 28(3) u (4).
TAQSIMA 2
Ħatra u tkeċċija tal-membri TAL-UPPE
Artikolu 14
Ħatra u tkeċċija tal-Kap Prosekutur Ewropew
1.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaħtru, bi qbil komuni, lill-Kap Prosekutur Ewropew għal mandat ta’ seba’ snin li ma jiġġeddidx. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza sempliċi.
2.
Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jintgħażel minn fost il-kandidati:
(a)
li jkunu membri attivi tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew tal-ġudikatura tal-Istati Membri, jew Prosekuturi Ewropej attivi;
(b)
li jkunu mingħajr dubju indipendenti;
(c)
li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex jinħatru fl-ogħla karigi ta’ prosekuzzjoni jew ġudizzjarji fl-Istati Membri rispettivi tagħhom u jkollhom esperjenza prattika rilevanti tas-sistemi legali nazzjonali, ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali, jew li jkunu ħadmu bħala Prosekuturi Ewropej, u
(d)
li jkollhom biżżejjed esperjenza maniġerjali u kwalifiki għall-kariga.
3.
L-għażla għandha tkun imsejsa fuq sejħa miftuħa għal kandidati, li għandha tiġi ppubblikata fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li minnha bord tal-għażla għandu joħroġ b’lista ristretta ta’ kandidati kwalifikati li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-bord tal-għażla għandu jikkonsisti minn tnax-il persuna magħżula minn fost dawk li kienu membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, dawk li kienu membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta’ livell għoli u avukati ta’ kompetenza rikonoxxuta. Waħda mill-persuni magħżula għandha tkun proposta mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla u għandu jadotta deċiżjoni li taħtar lill-membri tiegħu fuq proposta mill-Kummissjoni.
4.
Jekk Prosekutur Ewropew jinħatar biex ikun il-Kap Prosekutur Ewropew, il-pożizzjoni tiegħu ta’ Prosekutur Ewropew għandha timtela mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 16(1) u (2).
5.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq ir-rikors tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, tkeċċi lill-Kap Prosekutur Ewropew jekk issib li dan ma għadux f’pożizzjoni li jista’ jwettaq dmirijietu, jew li huwa ħati ta’ mġiba ħażina serja.
6.
Jekk il-Kap Prosekutur Ewropew jirriżenja, jekk jitkeċċa jew jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe raġuni, il-pożizzjoni għandha timtela immedjatament f’konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafi 1, 2 u 3.
Artikolu 15
Ħatra u tkeċċija tal-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej
1.
Il-Kulleġġ għandu jaħtar żewġ Prosekuturi Ewropej biex iservu bħala Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej għal perijodu ta’ mandat ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded u li ma għandux jaqbeż il-perijodi għall-mandati tagħhom bħala Prosekuturi Ewropej. Il-proċess tal-għażla għandu jkun regolat mir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE. Il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej għandhom iżommu l-istatus tagħhom bħala Prosekuturi Ewropej.
2.
Ir-regoli u l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ Viċi Kap Prosekutur Ewropew għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE. Jekk Prosekutur Ewropew ma għadux f’pożizzjoni li jista’ jwettaq dmirijietu bħala Viċi Kap Prosekutur Ewropew, il-Kulleġġ jista’ jiddeċiedi f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE li jkeċċi lill-Viċi Kap Prosekutur Ewropew minn dik il-pożizzjoni.
3.
Jekk Viċi Kap Prosekutur Ewropew jirriżenja, jitkeċċa jew jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu bħala Viċi Kap Prosekutur Ewropew għal kwalunkwe raġuni, il-pożizzjoni għandha timtela mingħajr dewmien skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Soġġett għar-regoli fl-Artikolu 16, hu għandu jibqa’ Prosekutur Ewropew.
Artikolu 16
Ħatra u tkeċċija tal-Prosekuturi Ewropej
1.
Kull Stat Membru għandu jinnomina tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew minn fost kandidati:
(a)
li jkunu membri attivi tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew tal-ġudikatura tal-Istat Membru rilevanti;
(b)
li jkunu mingħajr dubju indipendenti; u
(c)
li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex jinħatru f’kariga għolja ta’ prosekuzzjoni jew ġudizzjarja fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, u li jkollhom esperjenza prattika rilevanti tas-sistemi legali nazzjonali, ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali.
2.
Wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-bord tal-għażla msemmi fl-Artikolu 14(3), il-Kunsill għandu jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati biex ikun il-Prosekutur Ewropew tal-Istat Membru inkwistjoni. Jekk il-bord tal-għażla jsib li kandidat ma jissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet ta’ Prosekutur Ewropew, l-opinjoni tiegħu għandha torbot lill-Kunsill.
3.
Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, għandu jagħżel u jaħtar lill-Prosekuturi Ewropej għal perijodu ta’ sitt snin li ma jistax jiġġedded. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi l-mandat għal perijodu massimu ta’ tliet snin fi tmiem il-perijodu ta’ sitt snin.
4.
Kull tliet snin għandu jkun hemm sostituzzjoni parzjali ta’ terz mill-Prosekuturi Ewropej. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, għandu jadotta regoli transizzjonali għall-ħatra ta’ Prosekuturi Ewropej għal u matul l-ewwel perijodu tal-mandat.
5.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq rikors tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, tkeċċi lil Kap Prosekutur Ewropew jekk issib li huwa ma għadux f’pożizzjoni li jista’ jwettaq dmirijietu jew li huwa ħati ta’ mġiba ħażina serja.
6.
Jekk Prosekutur Ewropew jirriżenja, jitkeċċa jew jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe raġuni oħra, il-pożizzjoni għandha timtela mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafi 1 u 2. Jekk il-Prosekutur Ewropew ikkonċernat iservi wkoll bħala Viċi Kap Prosekutur Ewropew, huwa għandu awtomatikament jitkeċċa minn din il-pożizzjoni tal-aħħar.
7.
Il-Kulleġġ għandu, wara n-nomina ta’ kull Prosekutur Ewropew, jinnomina wieħed minn fost il-Prosekuturi Delegati Ewropej tal-istess Stat Membru biex jissostitwixxi lill-Prosekutur Ewropew fil-każ li huwa ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu jew li jkun telaq mill-pożizzjoni tiegħu skont il-paragrafi 5 u 6.
Fejn il-Kulleġġ jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ sostituzzjoni, il-persuna nnominata għandha taġixxi bħala Prosekutur Ewropew interim, sa meta ssir sostituzzjoni jew sa meta jirritorna l-Prosekutur Ewropew, għal perijodu ta’ żmien li ma jaqbiżx it-tliet xhur. Il-Kulleġġ jista’, fuq talba, itawwal dak il-perijodu ta’ żmien jekk meħtieġ. Il-mekkaniżmi u l-modalitajiet tas-sostituzzjoni temporanja għandhom ikunu determinati u regolati mir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE.
Artikolu 17
Ħatra u tkeċċija tal-Prosekuturi Delegati Ewropej
1.
Fuq proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew, il-Kulleġġ għandu jaħtar lill-Prosekuturi Delegati Ewropej innominati mill-Istati Membri. Il-Kulleġġ jista’ jirrifjuta persuna li tkun ġiet nominata jekk din ma tissodisfax il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jinħatru għal mandat ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded.
2.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom, mill-mument tal-ħatra tagħhom bħala Prosekuturi Delegati Ewropej sat-tkeċċija, ikunu membri attivi tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew tal-ġudikatura tal-Istati Membri rispettivi li nnominawhom. Ma għandux ikun hemm dubju dwar l-indipendenza tagħhom u għandu jkollhom il-kwalifiki meħtieġa u l-esperjenza prattika rilevanti tas-sistema legali nazzjonali tagħhom.
3.
Il-Kulleġġ għandu jkeċċi Prosekutur Delegat Ewropew jekk isib li hu ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2, li mhuwiex f’pożizzjoni li jista’ jwettaq dmirijietu, jew li huwa ħati ta’ mġiba ħażina serja.
4.
Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jkeċċi, jew li jieħu azzjoni dixxiplinarja kontra, prosekutur nazzjonali li nħatar bħala Prosekutur Delegat Ewropew għal raġunijiet mhux marbutin mar-responsabbiltajiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma lill-Kap Prosekutur Ewropew qabel ma jieħu tali azzjoni. Stat Membru ma jistax ikeċċi, jew jieħu azzjoni dixxiplinarja kontra, Prosekutur Delegat Ewropew għal raġunijiet konnessi mar-responsabbiltajiet tiegħu taħt dan ir-Regolament mingħajr il-kunsens tal-Kap Prosekutur Ewropew. Jekk il-Kap Prosekutur Ewropew ma jagħtix il-kunsens tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kulleġġ biex jirrivedi l-kwistjoni.
5.
Jekk Prosekutur Delegat Ewropew jirriżenja, jekk is-servizzi tiegħu ma jibqgħux meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet tal-UPPE, jew jekk jitkeċċa jew jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu għal xi raġuni oħra, l-Istat Membru rilevanti għandu jinforma minnufih lill-Kap Prosekutur Ewropew u, fejn meħtieġ, jinnomina prosekutur ieħor li għandu jinħatar bħala l-Prosekutur Delegat Ewropew il-ġdid f’konformità mal-paragrafu 1.
Artikolu 18
Status tad-Direttur Amministrattiv
1.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jinħatar bħala aġent temporanju tal-UPPE skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.
2.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jinħatar mill-Kulleġġ minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kap Prosekutur Ewropew, wara proċedura ta’ għażla miftuħa u trasparenti f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE. Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-Direttur Amministrattiv, l-UPPE għandu jkun rappreżentat mill-Kap Prosekutur Ewropew.
3.
Il-mandat tad-Direttur Amministrattiv għandu jkun ta’ erba’ snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-Kulleġġ għandu jwettaq valutazzjoni li tieħu inkonsiderazzjoni evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Amministrattiv.
4.
Il-Kulleġġ, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew li tieħu kont tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Amministrattiv darba u għal perijodu ta’ mhux aktar minn erba’ snin.
5.
Direttur Amministrattiv b’mandat li ġie estiż ma jistax jieħu sehem fi proċedura ta’ għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu sħiħ.
6.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jwieġeb għal għemilu lill-Kap Prosekutur Ewropew u lill-Kulleġġ.
7.
Fuq deċiżjoni tal-Kulleġġ abbażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu u mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw it-terminazzjoni ta’ kuntratt fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, id-Direttur Amministrattiv jista’ jitneħħa mill-UPPE.
Artikolu 19
Responsabbiltajiet tad-Direttur Amministrattiv
1.
Għal finijiet amministrattivi u baġitarji, l-UPPE għandu jitmexxa mid-Direttur Amministrattiv tiegħu.
2.
Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kulleġġ jew tal-Kap Prosekutur Ewropew, id-Direttur Amministrattiv għandu jkun indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas jieħu istruzzjonijiet minn xi gvern jew kwalunkwe korp ieħor.
3.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-UPPE għal finijiet amministrattivi u baġitarji. Id-Direttur Amministrattiv għandu jimplimenta l-baġit tal-UPPE.
4.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti amministrattivi assenjati lill-UPPE, b’mod partikolari għal:
(a)
l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-UPPE u l-ġestjoni tal-persunal;
(b)
l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kap Prosekutur Ewropew jew mill-Kulleġġ;
(c)
it-tħejjija ta’ proposta għad-dokument ta’ programmazzjoni annwali u pluriennali u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kap Prosekutur Ewropew;
(d)
l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni annwali u pluriennali u r-rappurtar lill-Kulleġġ dwar l-implimentazzjoni tagħhom;
(e)
it-tħejjija tal-partijiet amministrattivi u baġitarji tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-UPPE;
(f)
it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni li jagħti segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar, evalwazzjonijiet u investigazzjonijiet interni jew esterni, inklużi dawk tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-OLAF u r-rappurtar lilhom u lill-Kulleġġ darbtejn fis-sena;
(g)
it-tħejjija ta’ strateġija interna kontra l-frodi għall-UPPE u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kulleġġ għall-approvazzjoni;
(h)
it-tħejjija ta’ proposta għall-abbozz tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-UPPE, u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kap Prosekutur Ewropew;
(i)
it-tħejjija ta’ proposta għall-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-UPPE, u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kap Prosekutur Ewropew;
(j)
l-għoti ta’ appoġġ amministrattiv meħtieġ biex tiġi ffaċilitata l-ħidma operazzjonali tal-UPPE;
(k)
l-għoti ta’ appoġġ lill-Kap Prosekutur Ewropew u l-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.
Artikolu 20
Arranġamenti amministrattivi proviżorji tal-UPPE
1.
Abbażi ta’ approprjazzjonijiet baġitarji proviżorji allokati fil-baġit tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-operat amministrattiv inizjali tal-UPPE sa meta dan tal-aħħar ikollu l-kapaċità li jimplimenta l-baġit tiegħu stess. Għal dak il-fini, il-Kummissjoni tista’:
(a)
taħtar, wara konsultazzjoni mal-Kunsill, uffiċjal tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala Direttur Amministrattiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Amministrattiv, inklużi s-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg lill-awtorità tal-ħatra rigward il-persunal amministrattiv tal-UPPE, fir-rigward ta’ kwalunkwe postijiet tal-persunal li jeħtieġ jimtlew qabel ma d-Direttur Amministrattiv jassumi d-dmirijiet tiegħu f’konformità mal-Artikolu 18;
(b)
toffri assistenza lill-UPPE, b’mod partikolari billi tissekonda għadd limitat ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni meħtieġa biex jespletaw l-attivitajiet amministrattivi tal-UPPE taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Amministrattiv interim.
2.
Id-Direttur Amministrattiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-UPPE u jista’ jikkonkludi kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal.
3.
Ladarba l-Kulleġġ jassumi d-dmirijiet tiegħu skont l-Artikolu 9(1), id-Direttur Amministrattiv interim għandu jeżerċita dmirijietu f’konformità mal-Artikolu 18. Id-Direttur Amministrattiv interim għandu jieqaf milli jeżerċita dik il-funzjoni ladarba d-Direttur Amministrattiv ikun assuma d-dmirijiet tiegħu wara li jinħatar mill-Kulleġġ f’konformità mal-Artikolu 18.
4.
Sa meta l-Kulleġġ jassumi d-dmirijiet tiegħu f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-Kummissjoni għandha teżerċita l-funzjonijiet tagħha stabbiliti f’dan l-Artikolu b’konsultazzjoni ma’ grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri.
TAQSIMA 3
Regoli ta’ proċedura interni TAL-UPPE
Artikolu 21
Regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE
1.
L-organizzazzjoni tal-ħidma tal-UPPE għandha tkun regolata bir-regoli ta’ proċedura interni tiegħu
2.
Ladarba l-UPPE jkun ġie stabbilit, il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jħejji, mingħajr dewmien, proposta għar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE, li għandhom jiġu adottati mill-Kulleġġ b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.
3.
Jistgħu jiġu proposti modifiki fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE minn kwalunkwe Prosekutur Ewropew u dawn għandhom jiġu adottati jekk il-Kulleġġ jiddeċiedi hekk b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.
KAPITOLU IV
KOMPETENZA U EŻERĊIZZJU TAL-KOMPETENZA TAL-UPPE
TAQSIMA 1
Kompetenza TAL-UPPE
Artikolu 22
Kompetenza materjali tal-UPPE
1.
L-UPPE għandu jkun kompetenti fir-rigward tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma previsti fid-Direttiva (UE) 2017/1371, kif implimentata mil-liġi nazzjonali, irrispettivament minn jekk l-istess imġiba kriminali tistax tiġi kklassifikata bħala tip ta’ reat ieħor fil-liġi nazzjonali. Fir-rigward tar-reati msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371, kif implimentata mil-liġi nazzjonali, l-UPPE għandu jkun kompetenti biss meta l-atti jew l-ommissjonijiet intenzjonali ddefiniti f’dik id-dispożizzjoni jkunu marbuta mat-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar u jkunu jinvolvu danni totali ta’ mill-inqas EUR 10 miljun.
2.
L-UPPE għandu wkoll ikun kompetenti għal reati li jirrigwardaw parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali kif iddefinita fid-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI, kif implimentata fil-liġi nazzjonali, jekk il-fokus tal-attività kriminali ta’ tali organizzazzjoni kriminali jkun li jitwettaq kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fil-paragrafu 1.
3.
L-UPPE għandu wkoll ikun kompetenti għal kwalunkwe reat kriminali ieħor li jkun marbut inseparabbilment ma’ mġiba kriminali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-kompetenza fir-rigward ta’ tali reati kriminali tista’ tiġi eżerċitata biss f’konformità mal-Artikolu 25(3).
4.
Fi kwalunkwe każ, l-UPPE ma għandux ikun kompetenti għal reati kriminali fir-rigward ta’ taxxi diretti nazzjonali, inklużi reati inseparabbilment marbuta magħhom. L-istruttura u l-funzjonament tal-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru ma għandhomx ikunu affettwati minn dan ir-Regolament.
Artikolu 23
Kompetenza territorjali u personali tal-UPPE
L-UPPE għandu jkun kompetenti għar-reati msemmija fl-Artikolu 22 fejn tali reati:
(a)
ikunu twettqu kompletament jew parzjalment fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri;
(b)
ikunu twettqu minn ċittadin ta’ Stat Membru, dment li Stat Membru jkollu ġurisdizzjoni għal tali reati meta jitwettqu barra mit-territorju tiegħu, jew
(c)
ikunu twettqu barra t-territorji msemmija fil-punt (a) minn persuna li kienet soġġetta għar-Regolamenti tal-Persunal jew għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fil-mument tar-reat, dment li Stat Membru jkollu ġurisdizzjoni għal tali reati meta jitwettqu barra mit-territorju tiegħu.
TAQSIMA 2
Eżerċizzju tal-kompetenza TAL-UPPE
Artikolu 24
Rappurtar, reġistrazzjoni u verifika tal-informazzjoni
1.
L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għandhom jirrappurtaw mingħajr dewmien żejjed lill-UPPE kwalunkwe imġiba kriminali li fir-rigward tagħha huwa jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22, l-Artikolu 25(2) u (3).
2.
Meta awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru tagħti bidu għal investigazzjoni fir-rigward ta’ reat kriminali li għalih l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22, l-Artikolu 25(2) u (3), jew fejn, fi kwalunkwe żmien wara li tinbeda investigazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar tal-liġi kompetenti ta’ Stat Membru jidhrilha li investigazzjoni tikkonċerna tali reat, dik l-awtorità għandha mingħajr dewmien żejjed tinforma lill-UPPE sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27.
3.
Meta awtorità ġudizzjarja jew tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru tagħti bidu għal investigazzjoni fir-rigward ta’ reat kriminali kif definit fl-Artikolu 22 u tqis li l-UPPE jista’, f’konformità mal-Artikolu 25(3), ma jeżerċitax il-kompetenza tiegħu, huwa għandu jinforma lill-UPPE b’dan.
4.
Ir-rapport għandu jkun fih, bħala minimu, deskrizzjoni tal-fatti, inklużi valutazzjoni tal-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata, il-kwalifika ġuridika possibbli u kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar vittmi potenzjali, persuni suspettati u kwalunkwe persuna oħra involuta.
5.
L-UPPE għandu jiġi infurmat ukoll, f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, dwar każijiet fejn ma tkunx possibbli l-valutazzjoni ta’ jekk il-kriterji fl-Artikolu 25(2) ġewx sodisfatti.
6.
L-informazzjoni pprovduta lill-UPPE għandha tiġi rreġistrata u vverifikata f’konformità mar-regoli ta’ proċedura interni tiegħu. Il-verifika għandha tivvaluta jekk, abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafi 1 u 2, ikunx hemm raġuni biex tinbeda investigazzjoni jew biex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ evokazzjoni.
7.
Fejn, wara verifika, l-UPPE jiddeċiedi li ma jkunx hemm raġunijiet biex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 26, jew biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27, ir-raġunijiet għandhom jitniżżlu fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet.
L-UPPE għandu jinforma lill-awtorità li rrapportat l-imġiba kriminali f’konformità mal-paragrafu 1 jew 2, kif ukoll lil vittmi tar-reat u jekk ikun previst mil-liġi nazzjonali, lil persuni oħrajn li rrappurtaw l-imġiba kriminali.
8.
Fejn l-UPPE isir jaf li jista’ jkun li twettaq reat kriminali barra mill-ambitu tal-kompetenza tal-UPPE, huwa għandu mingħajr dewmien żejjed jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’dan u jgħaddilhom l-evidenza kollha rilevanti.
9.
F’każijiet speċifiċi, l-UPPE jista’ jitlob aktar informazzjoni rilevanti disponibbli mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-informazzjoni mitluba tista’ tikkonċerna ksur li jkun ikkawża ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, minbarra dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE f’konformità mal-Artikolu 25(2).
10.
L-UPPE jista’ jitlob informazzjoni oħra sabiex il-Kulleġġ, f’konformità mal-Artikolu 9(2), ikun jista’ joħroġ linji gwida ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-obbligu li l-UPPE jiġi infurmat b’każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25(2).
Artikolu 25
Eżerċizzju tal-kompetenza tal-UPPE
1.
L-UPPE għandu jeżerċita l-kompetenza tiegħu jew billi jagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 26 jew billi jiddeċiedi li juża d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni skont l-Artikolu 27. Jekk l-UPPE jiddeċiedi li jeżerċita l-kompetenza tiegħu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom stess fir-rigward tal-istess imġiba kriminali.
2.
Fejn reat kriminali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 ikkawża jew x’aktarx ser jikkawża ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni ta’ inqas minn EUR 10 000 , l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu biss jekk:
(a)
il-każ ikollu riperkussjonijiet fil-livell tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu li ssir investigazzjoni mill-UPPE; jew
(b)
uffiċjali jew aġenti oħrajn tal-Unjoni Ewropea, jew membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiġu ssuspettati li wettqu r-reat.
L-UPPE għandu, fejn xieraq, jikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew il-korpi tal-Unjoni biex jistabbilixxi jekk il-kriterji stipulati fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu humiex sodisfatti.
3.
L-UPPE għandu joqgħod lura milli jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 u, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandu jirrinvija l-każ mingħajr dewmien żejjed lil dan tal-aħħar f’konformità mal-Artikolu 34 jekk:
(a)
is-sanzjoni massima prevista bil-liġi nazzjonali għal reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tkun daqs jew inqas severa mis-sanzjoni massima għal reat marbut inseparabbilment kif imsemmi fl-Artikolu 22(3) sakemm dan ir-reat ma kienx strumentali biex jitwettaq ir-reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1); jew
(b)
hemm raġuni biex wieħed jassumi li l-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata, lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ reat kif imsemmi fl-Artikolu 22 ma tkunx akbar mill-ħsara li tkun saret jew li x’aktarx ser issir lil vittma oħra.
Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għal reati msemmija fl-Artikolu 3(2)(a), (b) u (d) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 kif implimentata mil-liġi nazzjonali.
4.
L-UPPE jista’, bil-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jeżerċita l-kompetenza tiegħu għal reati msemmija fl-Artikolu 22 f’każijiet li b’xi mod ieħor jiġu esklużi minħabba l-applikazzjoni tal-paragrafu 3(b) ta’ dan l-Artikolu jekk ikun jidher li l-UPPE huwa f’pożizzjoni aħjar li jwettaq investigazzjoni jew prosekuzzjoni.
5.
L-UPPE għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe deċiżjoni li jeżerċita jew li joqgħod lura milli jeżerċita l-kompetenza tiegħu.
6.
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-UPPE u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni nazzjonali dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-imġiba kriminali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) jew (3) jew tal-Artikolu 25(2) jew 25(3), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jiddeċiedu dwar l-attribuzzjoni tal-kompetenzi fir-rigward tal-prosekuzzjoni fil-livell nazzjonali għandhom jiddeċiedu dwar min ser ikun kompetenti biex iwettaq l-investigazzjoni tal-każ. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-awtorità nazzjonali li tiddeċiedi dwar l-attribuzzjoni ta’ kompetenza.
KAPITOLU V
REGOLI TA’ PROĊEDURA DWAR INVESTIGAZZJONIJIET, MIŻURI TA’ INVESTIGAZZJONI, PROSEKUZZJONI U ALTERNATTIVI GĦAL PROSEKUZZJONI
TAQSIMA 1
Regoli dwar investigazzjonijiet
Artikolu 26
Bidu ta’ investigazzjonijiet u allokazzjoni ta’ kompetenzi fi ħdan l-UPPE
1.
Fejn, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li reat li jaqa’ fil-kompetenza tal-UPPE ikun qed isir jew sar, Prosekutur Delegat Ewropew fi Stat Membru li skont il-liġi nazzjonali tiegħu għandu ġurisdizzjoni fuq ir-reat għandu, mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 25(2) u (3), jibda investigazzjoni u jinnota dan fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet.
2.
Fejn wara verifika f’konformità mal-Artikolu 24(6), l-UPPE jiddeċiedi li jagħti bidu għal investigazzjoni, huwa għandu mingħajr dewmien żejjed jinforma lill-awtorità li rrapportat l-imġiba kriminali f’konformità mal-Artikolu 24(1) jew (2).
3.
Fejn ma jkun ingħata bidu għal ebda investigazzjoni minn Prosekutur Delegat Ewropew, l-Awla Permanenti li lilha jkun ġie allokat il-każ għandha, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, tagħti istruzzjonijiet lil Prosekutur Delegat Ewropew biex tinbeda investigazzjoni.
4.
Bħala regola, każ għandu jinbeda u jiġi ttrattat minn Prosekutur Delegat Ewropew mill-Istat Membru fejn ikun il-fokus tal-attività kriminali jew, jekk ikunu twettqu diversi reati konnessi fil-kompetenzi tal-UPPE, il-każ għandu jinbeda u jiġi ttrattat mill-Istat Membru fejn ikunu saru l-biċċa l-kbira tar-reati. Prosekutur Delegat Ewropew ta’ Stat Membru differenti li għandu ġurisdizzjoni fuq il-każ jista’ biss jagħti bidu jew jingħata istruzzjonijiet mill-Awla Permanenti kompetenti biex jagħti bidu għal investigazzjoni fejn devjazzjoni mir-regola stipulata fis-sentenza ta’ qabel tkun debitament iġġustifikata, b’kont meħud tal-kriterji li ġejjin, skont l-ordni ta’ prijorità:
(a)
il-post ta’ residenza abitwali tal-persuna suspettata jew akkużata;
(b)
in-nazzjonalità tal-persuna suspettata jew akkużata;
(c)
il-post fejn seħħet il-ħsara finanzjarja prinċipali.
5.
Sa meta tittieħed deċiżjoni biex issir prosekuzzjoni taħt l-Artikolu 36, l-Awla Permanenti kompetenti tista’, f’każ li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed u wara konsultazzjoni mal-Prosekuturi Ewropej u/jew il-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati, tiddeċiedi li:
(a)
tirrialloka l-każ lil Prosekutur Delegat Ewropew fi Stat Membru ieħor;
(b)
tgħaqqad jew taqsam każijiet u, għal kull każ tagħżel lill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittrattah,
jekk tali deċiżjonijiet ikunu fl-interess ġenerali tal-ġustizzja u f’konformità mal-kriterji għall-għażla tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
6.
Kull meta l-Awla Permanenti tkun qed tieħu deċiżjoni li tirrialloka, tgħaqqad jew taqsam każ, hija għandha tieħu kont debitu tas-sitwazzjoni attwali tal-investigazzjonijiet.
7.
L-UPPE għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe deċiżjoni biex jingħata bidu għal investigazzjoni.
Artikolu 27
Dritt ta’ evokazzjoni
1.
Hekk kif jirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha f’konformità mal-Artikolu 24(2), l-UPPE għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar jekk jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara li jirċievi l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali u għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali b’dik id-deċiżjoni. Il-Kap Prosekutur Ewropew jista’ f’każ speċifiku jieħu deċiżjoni motivata biex jestendi l-limitu ta’ żmien b’perijodu massimu ta’ ħamest ijiem, u għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kif meħtieġ.
2.
Matul il-perijodi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom joqgħodu lura milli jieħdu kwalunkwe deċiżjoni taħt il-liġi nazzjonali li jista’ jkollha l-effett li tipprekludi lill-UPPE milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu kwalunkwe miżura urġenti meħtieġa, taħt il-liġi nazzjonali, biex jiżguraw investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi.
3.
Jekk l-UPPE isir jaf, b’mezzi oħra minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2), bil-fatt li investigazzjoni fir-rigward ta’ reat kriminali li għalih jista’ jkun kompetenti diġà qed titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, huwa għandu jinforma lil dawn l-awtoritajiet mingħajr dewmien. Wara li jkun ġie informat kif xieraq f’konformità mal-Artikolu 24(2), l-UPPE għandu jieħu deċiżjoni dwar jekk għandux jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu. Id-deċiżjoni għandha tittieħed fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
4.
L-UPPE għandu, fejn xieraq, jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat qabel ma jiddeċiedi dwar jekk għandux jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu.
5.
Fejn l-UPPE jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jittrasferixxu l-fajl lill-UPPE u joqgħodu lura milli jwettqu aktar atti ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-istess reat.
6.
Id-dritt ta’ evokazzjoni stipulat f’dan l-Artikolu jista’ jiġi eżerċitat minn Prosekutur Delegat Ewropew minn kwalunkwe Stat Membru li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu taw bidu għal investigazzjoni fir-rigward ta’ reat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 22 u 23.
Fejn Prosekutur Delegat Ewropew, li jkun irċieva l-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(2), jikkunsidra li ma jeżerċitax id-dritt ta’ evokazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Awla Permanenti kompetenti permezz tal-Prosekutur Ewropew fl-Istat Membru tiegħu bil-ħsieb li l-Awla Permanenti tkun tista’ tieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 10(4).
7.
Fejn l-UPPE jkun qagħad lura milli jeżerċita l-kompetenza tiegħu, huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinformaw lill-UPPE dwar kwalunkwe fatti ġodda li jistgħu jagħtu lill-UPPE raġunijiet biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li ma jeżerċitax kompetenza.
L-UPPE jista’ jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu wara li jirċievi tali informazzjoni, dment li l-investigazzjoni nazzjonali ma tkunx diġà ġiet iffinalizzata u li ma tkunx tressqet akkuża quddiem qorti. Id-deċiżjoni għandha tittieħed fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1.
8.
Fejn, fir-rigward ta’ reati li kkawżaw jew x’aktarx jikkawżaw ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni ta’ inqas minn EUR 100 000 , il-Kulleġġ iqis li, b’referenza għall-grad ta’ serjetà tar-reat jew il-kumplessità tal-proċedimenti fil-każ individwali, m’hemmx bżonn ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa għandu, f’konformità mal-Artikolu 9(2), joħroġ linji gwida ġenerali li jippermettu lill-Prosekuturi Delegati Ewropej jiddeċiedu, b’mod indipendenti u mingħajr dewmien żejjed, li ma jevokawx il-każ.
Il-linji gwida għandhom jispeċifikaw, bid-dettalji neċessarji kollha, iċ-ċirkostanzi li għalihom japplikaw, billi jistabbilixxu kriterji ċari, filwaqt li jieħdu kont b’mod speċifiku tan-natura tar-reat, l-urġenza tas-sitwazzjoni u l-impenn tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi rkuprata bis-sħiħ il-ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
9.
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tal-linji gwida, Prosekutur Delegat Ewropew għandu jinforma lill-Awla Permanenti kompetenti dwar kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 8 u kull Awla Permanenti għandha tirrapporta annwalment lill-Kulleġġ dwar l-applikazzjoni tal-linji gwida.
Artikolu 28
Tmexxija tal-investigazzjoni
1.
Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta każ jista’, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-liġi nazzjonali, jew iwettaq il-miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra waħdu jew jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tiegħu. Dawk l-awtoritajiet għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiżguraw li l-istruzzjonijiet kollha jiġu segwiti u jwettqu l-miżuri assenjati lilhom. Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jirrapporta permezz tas-sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet lill-Prosekutur Ewropew kompetenti u lill-Awla Permanenti dwar kwalunkwe żvilupp importanti fil-każ, f’konformità mar-regoli stipulati fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE.
2.
Fi kwalunkwe ħin matul l-investigazzjonijiet li jitwettqu mill-UPPE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jieħdu miżuri urġenti f’konformità mal-liġi nazzjonali meħtieġa biex jiġu żgurati investigazzjonijiet effettivi anke fejn ma jkunux qed jaġixxu speċifikament taħt istruzzjoni mogħtija mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien żejjed lill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ bil-miżuri urġenti li huma jkunu ħadu.
3.
L-Awla Permanenti kompetenti tista’, fuq proposta tal-Prosekutur Ewropew superviżur, tiddeċiedi li tirrialloka każ lil Prosekutur Delegat Ewropew ieħor fl-istess Stat Membru meta l-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ:
(a)
ma jkunx jista’ jwettaq l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni; jew
(b)
jonqos milli jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Awla Permanenti kompetenti jew tal-Prosekutur Ewropew.
4.
F’każijiet eċċezzjonali, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Awla Permanenti kompetenti, il-Prosekutur Ewropew superviżur jista’ jieħu deċiżjoni motivata biex iwettaq l-investigazzjoni personalment, jew billi jwettaq personalment il-miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra jew billi jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tiegħu, fejn dan jidher li jkun indispensabbli fl-interess tal-effiċjenza tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni għal raġunijiet ta’ wieħed mill-kriterji jew aktar li ġejjin:
(a)
il-grad ta’ serjetà tar-reat, b’mod partikolari minħabba r-riperkussjonijiet possibbli tiegħu fil-livell tal-Unjoni;
(b)
meta l-investigazzjoni tikkonċerna uffiċjali jew aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea jew membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;
(c)
f’każ li jfalli l-mekkaniżmu ta’ riallokazzjoni previst fil-paragrafu 3.
F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Prosekutur Ewropew ikun intitolat li jordna jew jitlob miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra u li huwa jkollu s-setgħat, responsabbiltajiet u obbligi kollha ta’ Prosekutur Delegat Ewropew f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati mill-każ għandhom ikunu infurmati mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjoni meħuda taħt dan il-paragrafu.
Artikolu 29
Tneħħija ta’ privileġġi jew immunitajiet
1.
Fejn l-investigazzjonijiet tal-UPPE jinvolvu persuni protetti bi privileġġ jew immunità taħt il-liġi nazzjonali, u tali privileġġ jew immunità jippreżentaw ostaklu għal investigazzjoni speċifika li tkun qiegħda titwettaq, il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jagħmel talba motivata bil-miktub biex dawn jitneħħew skont il-proċeduri stabbiliti f’dik il-liġi nazzjonali.
2.
Fejn l-investigazzjonijiet tal-UPPE jinvolvu persuni protetti bi privileġġi jew immunitajiet taħt il-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u tali privileġġ jew immunità jippreżentaw ostaklu għal investigazzjoni speċifika li tkun qiegħda titwettaq, il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jagħmel talba motivata bil-miktub biex dawn jitneħħew skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.
TAQSIMA 2
Regoli dwar miżuri ta’ investigazzjoniu miżuri oħra
Artikolu 30
Miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra
1.
Mill-inqas f’każijiet fejn ir-reat soġġett għall-investigazzjoni jkun punibbli b’piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ priġunerija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Prosekuturi Delegati Ewropej ikunu intitolati li jordnaw jew jitolbu l-miżuri ta’ investigazzjoni li ġejjin:
(a)
ifittxu fi kwalunkwe bini, art, mezz tat-trasport, dar privata, ħwejjeġ u kwalunkwe proprjetà personali oħra jew sistema tal-kompjuter, u jieħdu kwalunkwe miżura konservatorja meħtieġa biex jippreservaw l-integrità tagħhom jew biex jevitaw it-telf jew il-kontaminazzjoni tal-evidenza;
(b)
jiksbu l-produzzjoni ta’ kwalunkwe oġġett jew dokument rilevanti jew fil-forma oriġinali tiegħu jew f’xi forma speċifikata oħra;
(c)
jiksbu l-produzzjoni ta’ data maħżuna f’kompjuter, kriptata jew dekriptata, fil-forma oriġinali tagħha jew inkella f’xi forma speċifikata oħra, inklużi data dwar kontijiet bankarji u data dwar it-traffiku, bl-eċċezzjoni ta’ data speċifikament miżmuma f’konformità mal-liġi nazzjonali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
2
);
(d)
jiffriżaw mezzi strumentali jew rikavat ta’ attivitajiet kriminali, inkluż assi, li jkunu mistennija jiġu soġġetti għall-konfiska mill-qorti tal-proċess, fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li s-sid, il-pussessur jew il-kontrollur ta’ dawk il-mezzi strumentali jew rikavat ser ifittex li jxejjen is-sentenza li tordna l-konfiska.
(e)
jinterċettaw komunikazzjonijiet elettroniċi lejn u mill-persuna suspettata jew akkużata, fuq kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni elettroniku li tkun qed tuża l-persuna suspettata jew akkużata;
(f)
traċċar u rintraċċar ta’ oġġett b’mezzi tekniċi, fosthom il-kunsinni kkontrollati ta’ merkanzija.
2.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29, il-miżuri ta’ investigazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli jekk il-liġi nazzjonali tinkludi restrizzjonijiet speċifiċi li japplikaw fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew professjonisti li huma legalment marbutin b’obbligu ta’ kunfidenzjalità.
3.
Il-miżuri ta’ investigazzjoni stabbiliti fil-punti (c), (e) u (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu soġġetti għal aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, previsti fil-liġi nazzjonali applikabbli. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tal-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal reati serji speċifiċi. Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jagħmel użu minn tali limitazzjoni għandu jinnotifika lill-UPPE dwar il-lista rilevanti ta’ reati serji speċifiċi skont l-Artikolu 117.
4.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandu jkollhom id-dritt jitolbu jew jordnaw kwalunkwe miżura oħra fl-Istat Membru tagħhom li tkun disponibbli għall-prosekuturi taħt il-liġi nazzjonali f’ċirkostanzi nazzjonali simili, b’żieda mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.
5.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu jordnaw biss il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 4 fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-miżura speċifika inkwistjoni tista’ tipprovdi informazzjoni jew evidenza utli għall-investigazzjoni, u fejn ma jkunx hemm miżura inqas intrużiva disponibbli li tista’ tilħaq l-istess għan. Il-proċeduri u l-modalitajiet għat-teħid tal-miżuri għandhom ikunu regolati mil-liġi nazzjonali applikabbli.
Artikolu 31
Investigazzjonijiet transkonfinali
1.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib billi jassistu u jikkonsultaw b’mod regolari ma’ xulxin f’każijiet transkonfinali. Fejn miżura teħtieġ li ssir fi Stat Membru ieħor barra mill-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar għandu jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-miżura meħtieġa u jassenjaha lil Prosekutur Delegat Ewropew li jinsab fl-Istat Membru fejn il-miżura jkun meħtieġ li titwettaq.
2.
Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jista’ jassenja kwalunkwe miżura, li tkun disponibbli għalih f’konformità mal-Artikolu 30. Il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandhom ikunu regolati mil-liġi tal-Istati Membri tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ. Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jassenja miżura ta’ investigazzjoni lil Prosekutur Delegat Ewropew wieħed jew lil diversi minnhom minn Stat Membru ieħor, hu għandu fl-istess ħin jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu.
3.
Jekk awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura tkun meħtieġa taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti, il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti għandu jikseb dik l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
Jekk l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-miżura assenjata tiġi rifjutata, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jirtira l-assenjazzjoni.
Madankollu, fejn il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti ma tesiġix tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja, iżda l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ tesiġiha, l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb minn dan il-Prosekutur Delegat Ewropew tal-aħħar u tiġi ppreżentata flimkien mal-assenjazzjoni.
4.
Il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti għandu jwettaq il-miżura assenjata, jew jagħti istruzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti biex tagħmel dan.
5.
Fejn il-Prosekutur Delegat Ewropew assistenti jqis li:
(a)
l-assenjazzjoni ma tkunx kompluta jew ikun fiha żball rilevanti li jidher;
(b)
il-miżura ma tkunx tista’ titwettaq fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-assenjazzjoni għal raġunijiet ġustifikati u oġġettivi;
(c)
miżura alternattiva iżda inqas intrużiva tkun tikseb l-istess riżultati bħall-miżura assenjata; jew
(d)
il-miżura assenjata ma tkunx teżisti jew ma tkunx disponibbli f’każ domestiku simili taħt il-liġi tal-Istat Membru tiegħu.
hu għandu jinforma lill-Prosekutur Ewropew superviżur tiegħu u jikkonsulta mal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ sabiex isolvu l-kwistjoni b’mod bilaterali.
6.
Jekk il-miżura assenjata ma tkunx teżisti f’sitwazzjoni purament domestika, iżda tkun disponibbli f’sitwazzjoni transkonfinali koperta minn strumenti legali dwar ir-rikonoxximent reċiproku jew il-kooperazzjoni transkonfinali, il-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati jistgħu, bi ftehim mal-Prosekuturi Ewropej superviżuri kkonċernati, jirrikorru għal tali strumenti.
7.
Jekk il-Prosekuturi Delegati Ewropej ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjoni fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol u l-assenjazzjoni tinżamm, il-kwistjoni għandha tiġi rinvijata lill-Awla Permanenti kompetenti. L-istess japplika meta l-miżura assenjata ma ssirx fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-assenjazzjoni jew fi żmien raġonevoli.
8.
L-Awla Permanenti kompetenti għandha, sa fejn ikun meħtieġ, tisma’ lill-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati mill-każ u konsegwentement tiddeċiedi mingħajr dewmien żejjed, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli kif ukoll ma’ dan ir-Regolament, jekk u sa meta l-miżura assenjata meħtieġa, jew miżura ta’ sostituzzjoni, għandhiex tkun magħmula mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti, u tikkomunika din id-deċiżjoni lil imsemmija Prosekuturi Delegati Ewropej permezz tal-Prosekutur Delegat Ewropew kompetenti.
Artikolu 32
Infurzar ta’ miżuri assenjati
Il-miżuri assenjati għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti. Il-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandhom jiġu segwiti dment li tali formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jassisti.
Artikolu 33
Arrest preventiv u konsenja transkonfinali
1.
Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jista’ jordna jew jitlob l-arrest jew l-arrest preventiv tal-persuna suspettata jew akkużata f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli f’każijiet domestiċi simili.
2.
Fejn ikun meħtieġ li tiġi arrestata u konsenjata persuna li ma tkunx preżenti fl-Istat Membru li fih jinsab il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, dan tal-aħħar għandu joħroġ jew jitlob lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru biex toħroġ Mandat ta’ Arrest Ewropew f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (
3
).
TAQSIMA 3
Regoli dwar il-prosekuzzjoni
Artikolu 34
Rinviji u trasferimenti ta’ proċedimenti lill-awtoritajiet nazzjonali
1.
Fejn investigazzjoni mwettqa mill-UPPE tiżvela li l-fatti soġġetti għal investigazzjoni ma jikkostitwixxux reat kriminali li għalih huwa jkun kompetenti taħt l-Artikoli 22 u 23, l-Awla Permanenti kompetenti għandha tiddeċiedi li tirrinvija l-każ mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
2.
Fejn investigazzjoni mwettqa mill-UPPE tiżvela li kondizzjonijiet speċifiċi għall-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li jinsabu fl-Artikolu 25(2) u (3) ma għadhomx jiġu sodisfatti, l-Awla Permanenti kompetenti għandha tiddeċiedi li tirrinvija l-każ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien żejjed u qabel ma tinbeda prosekuzzjoni fil-qrati nazzjonali.
3.
Fejn, fir-rigward ta’ reati li kkawżaw jew li x’aktarx jikkawżaw ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni ta’ inqas minn EUR 100 000 , il-Kulleġġ iqis li, b’referenza għall-grad ta’ serjetà tar-reat jew il-kumplessità tal-proċedimenti fil-każ individwali, ma hemm l-ebda ħtieġa li ssir investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ każ fil-livell tal-Unjoni u li dan ikun fl-interess tal-effiċjenza tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni, huwa għandu, f’konformità mal-Artikolu 9(2), joħroġ linji gwida ġenerali li jippermettu li l-Awli Permanenti jirrinvijaw il-każ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Tali linji gwida għandhom jippermettu wkoll lill-Awli Permanenti biex jirreferu każ lill-awtoritajiet nazzjonali fejn l-UPPE jeżerċita kompetenza fir-rigward tar-reati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 u fejn il-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tkunx aktar mill-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata lil vittma oħra.
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tal-linji gwida, kull Awla Permanenti għandha tirrapporta kull sena lill-Kulleġġ dwar l-applikazzjoni tal-linji gwida.
Tali rinviji għandhom jinkludu wkoll reati marbutin inseparabbilment fil-kompetenza tal-UPPE kif imsemmi fl-Artikolu 22(3).
4.
L-Awla Permanenti għandha tikkomunika kwalunkwe deċiżjoni li tirrinvija każ lil awtoritajiet nazzjonali abbażi tal-paragrafu 3 lill-Kap Prosekutur Ewropew. Fi żmien tlett ijiem minn meta jirċievi din l-informazzjoni, il-Kap Prosekutur Ewropew jista’ jitlob lill-Awla Permanenti biex tirrivedi d-deċiżjoni tagħha jekk il-Kap Prosekutur Ewropew iqis li l-interess li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika tar-rinviju tal-UPPE jitlob dan. Jekk il-Kap Prosekutur Ewropew ikun Membru tal-Awla Permanenti rilevanti, wieħed mill-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej għandu jeżerċita d-dritt li jitlob ir-reviżjoni msemmija.
5.
Fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jaċċettawx li jieħdu l-każ f’idejhom f’konformità mal-paragrafu 2 u 3 f’perijodu ta’ żmien ta’ mhux iktar minn 30 jum, l-UPPE għandu jibqa’ kompetenti għall-prosekuzzjoni jew iċ-ċaħda tal-każ, f’konformità mar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament.
6.
Fejn l-UPPE jikkunsidra ċ-ċaħda f’konformità mal-Artikolu 39(3), u jekk l-awtorità nazzjonali titlob dan, l-Awla Permanenti għandha tirrinvija l-każ mingħajr dewmien lil dik l-awtorità.
7.
Jekk, wara rinviju f’konformità mal-paragrafi (1), (2) jew (3) ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 25(3), l-awtorità nazzjonali tiddeċiedi li tibda investigazzjoni, l-UPPE għandu jittrasferixxi l-fajl lil dik l-awtorità nazzjonali, ma jiħux miżuri ulterjuri ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni u jagħlaq il-każ.
8.
Jekk fajl jiġi ttrasferit f’konformità mal-paragrafu (1), (2) jew (3) ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 25(3), l-UPPE għandu jinforma lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll, fejn xieraq taħt il-liġi nazzjonali, persuni suspettati jew akkużati u l-vittmi tar-reat bit-trasferiment.
Artikolu 35
Terminazzjoni tal-investigazzjoni
1.
Meta l-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ iqis li l-investigazzjoni hija konkluża, huwa għandu jippreżenta rapport lill-Prosekutur Ewropew superviżur, li jkun jinkludi sommarju tal-każ u abbozz ta’ deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir prosekuzzjoni quddiem qorti nazzjonali jew jekk għandux jiġi kkunsidrat ir-rinviju tal-każ, iċ-ċaħda jew proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 34, 39 jew 40. Il-Prosekutur Ewropew superviżur għandu jgħaddi dawk id-dokumenti lill-Awla Permanenti kompetenti akkumpanjati, jekk iqis li jkun meħtieġ, mill-valutazzjoni tiegħu stess. Meta l-Awla Permanenti, f’konformità mal-Artikolu 10(3), tieħu d-deċiżjoni kif proposta mill-Prosekutur Delegat Ewropew, huwa għandu jsegwi l-kwistjoni kif adatt.
2.
Jekk l-Awla Permanenti, abbażi tar-rapporti li tirċievi, tikkunsidra li mhijiex ser tieħu d-deċiżjoni kif proposta mill-Prosekutur Delegat Ewropew, hija għandha, fejn meħtieġ, tagħmel ir-reviżjoni tagħha stess tal-fajl tal-każ qabel ma tieħu deċiżjoni finali jew tagħti istruzzjonijiet ulterjuri lill-Prosekutur Delegat Ewropew.
3.
Fejn applikabbli, ir-rapport tal-Prosekutur Delegat Ewropew għandu jipprovdi wkoll motivazzjoni suffiċjenti biex il-każ jitressaq għall-ġustizzja jew f’qorti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab, jew, f’konformità mal-Artikolu 26(4) f’qorti ta’ Stat Membru differenti li għandu ġurisdizzjoni fuq il-każ.
Artikolu 36
Prosekuzzjoni quddiem il-Qrati nazzjonali
1.
Meta l-Prosekutur Delegat Ewropew jippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni li tipproponi li każ jitressaq għall-ġustizzja, l-Awla Permanenti għandha, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 35, tiddeċiedi dwar dan l-abbozz fi żmien 21 jum. L-Awla Permanenti ma tistax tiddeċiedi li tiċħad il-każ jekk abbozz ta’ deċiżjoni jipproponi li każ jitressaq għall-ġustizzja.
2.
Fejn l-Awla Permanenti ma tiħux deċiżjoni fil-limiti ta’ żmien ta’ 21 jum, id-deċiżjoni proposta mill-Prosekutur Delegat Ewropew għandha titqies li ġiet aċċettata.
3.
Fejn aktar minn Stat Membru wieħed ikollu ġurisdizzjoni fuq il-każ, l-Awla Permanenti għandha fil-prinċipju tiddeċiedi li tressaq il-każ għal prosekuzzjoni fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ. Madankollu, l-Awla Permanenti tista’, b’kont meħud tar-rapport mogħti f’konformità mal-Artikolu 35(1), tiddeċiedi li tressaq il-każ għall-prosekuzzjoni fi Stat Membru differenti, jekk ikun hemm biżżejjed raġunijiet ġustifikati biex dan isir, b’kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26(4) u (5), u tagħti istruzzjonijiet lill-Prosekutur Delegat Ewropew ta’ dak l-Istat Membru kif meħtieġ.
4.
Qabel ma tiddeċiedi li tressaq każ għal sentenza, l-Awla Permanenti kompetenti tista’, fuq il-proposta tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, tiddeċiedi li tgħaqqad diversi każijiet, fejn l-investigazzjonijiet ikunu twettqu minn Prosekuturi Delegati Ewropej differenti kontra l-istess persuna jew persuni bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni ta’ dawn il-każijiet fil-qrati ta’ Stat Membru wieħed li, f’konformità mal-liġi tiegħu, ikollu ġurisdizzjoni għal kull wieħed minn dawk il-każijiet.
5.
Ladarba tittieħed deċiżjoni dwar liema ser ikun l-Istat Membru li fih għandha titressaq il-prosekuzzjoni, għandha tiġi ddeterminata l-qorti nazzjonali kompetenti f’dak l-Istat Membru abbażi tal-liġi nazzjonali.
6.
Fejn ikun meħtieġ għall-finijiet tal-irkupru, is-segwitu amministrattiv jew il-monitoraġġ, l-Uffiċċju Ċentrali għandu jinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, lill-persuni interessati u lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni bid-deċiżjoni li ssir prosekuzzjoni.
7.
Fejn, wara sentenza tal-Qorti, il-prosekuzzjoni trid tiddeċiedi jekk hijiex ser tressaq appell, il-Prosekutur Delegat Ewropew għandu jippreżenta rapport li jinkludi abbozz ta’ deċiżjoni lill-Awla Permanenti kompetenti u jistenna l-istruzzjonijiet tagħha. Jekk ikun impossibbli li jistenna dawn l-istruzzjonijiet sal-iskadenza stabbilita mil-liġi nazzjonali, il-Prosekutur Delegat Ewropew għandu jkollu dritt jippreżenta l-appell mingħajr istruzzjonijiet minn qabel mill-Awla Permanenti, u għandu sussegwentement jippreżenta r-rapport lill-Awla Permanenti mingħajr dewmien. L-Awla Permanenti għandha konsegwentement tagħti istruzzjonijiet lill-Prosekutur Delegat Ewropew biex jew iżomm jew jirtira l-appell. L-istess proċedura għandha tapplika meta, matul il-proċeduri tal-qorti u f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jieħu pożizzjoni li twassal għaċ-ċaħda tal-każ.
Artikolu 37
Evidenza
1.
L-evidenza ppreżentata mill-prosekuturi tal-UPPE jew mill-konvenut lil qorti ma tistax tiġi eskluża sempliċiment abbażi tal-fatt li l-evidenza nġabret fi Stat Membru ieħor jew f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru ieħor.
2.
Is-setgħa tal-qorti tal-proċess li tivvaluta liberament l-evidenza ppreżentata mill-konvenut jew mill-prosekuturi tal-UPPE m’għandhiex tkun affettwata minn dan ir-Regolament.
Artikolu 38
Dispożizzjoni ta’ assi kkonfiskati
Fejn, f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali inkluża l-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
4
), il-qorti nazzjonali kompetenti tkun iddeċidiet permezz ta’ deċiżjoni finali li tikkonfiska kwalunkwe proprjetà relatata ma’, jew rikavati derivati minn, reat li jaqa’ fil-kompetenza tal-UPPE, tali assi jew rikavati għandhom jiġu disposti f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet tal-Unjoni jew ta’ vittmi oħra li jiġu kkumpensati għad-danni mġarrba minnhom.
TAQSIMA 4
Regoli dwar alternattivi għal prosekuzzjoni
Artikolu 39
Iċ-ċaħda tal-każ
1.
Fejn il-prosekuzzjoni tkun saret impossibbli, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, l-Awla Permanenti għandha, abbażi ta’ rapport ipprovdut mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ skont l-Artikolu 35(1), tiddeċiedi li tiċħad il-każ kontra persuna għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a)
il-mewt tal-persuna suspettata jew akkużata jew l-istralċ ta’ persuna ġuridika suspettata jew akkużata;
(b)
l-insanità tal-persuna suspettata jew akkużata;
(c)
amnestija mogħtija lill-persuna suspettata jew akkużata;
(d)
immunità mogħtija lill-persuna suspettata jew akkużata, dment li ma tkunx ġiet irtirata;
(e)
l-iskadenza tal-limitu statutorju nazzjonali għall-prosekuzzjoni;
(f)
fejn il-każ tal-persuna suspettata jew akkużata jkun diġà ġie konkluż b’mod finali relattivament għall-istess atti;
(g)
in-nuqqas ta’ evidenza rilevanti.
2.
Deċiżjoni f’konformità mal-paragrafu 1 m’għandhiex tipprevjeni investigazzjonijiet ulterjuri abbażi ta’ fatti ġodda li ma kinux magħrufa mill-UPPE fil-waqt tad-deċiżjoni u li jsiru magħrufa wara d-deċiżjoni. Id-deċiżjoni biex jerġgħu jinfetħu l-investigazzjonijiet abbażi ta’ tali fatti ġodda għandha tittieħed mill-Awla Permanenti kompetenti.
3.
Fejn l-UPPE jkun kompetenti f’konformità mal-Artikolu 22(3), huwa għandu jiċħad każ biss wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 25(6). Jekk applikabbli, l-Awla Permanenti għandha tirrinvija l-każ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’konformità mal-Artikolu 34(6), (7) u (8).
L-istess japplika fejn l-UPPE jeżerċita kompetenza fir-rigward tar-reati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 u fejn il-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tkunx aktar mill-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata lil vittma oħra.
4.
Fejn każ jiġi miċħud, l-UPPE għandu jinnotifika uffiċjalment lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u għandu jinforma lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll, fejn xieraq taħt il-liġi nazzjonali, lill-persuni suspettati jew akkużati u lill-vittmi tar-reat, b’tali ċaħda. Il-każijiet miċħuda jistgħu jiġu rinvijati lill-OLAF jew lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali kompetenti għall-irkupru jew segwitu amministrattiv ieħor.
TAQSIMA 5
Regoli dwar proċeduri simplifikati
Artikolu 40
Proċeduri simplifikati ta’ prosekuzzjoni
1.
Jekk il-liġi nazzjonali applikabbli tipprevedi proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni li l-għan tagħha jkun il-konklużjoni finali ta’ każ abbażi tat-termini miftiehma mal-persuna suspettata, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jista’, f’konformità mal-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 35(1), jipproponi lill-Awla Permanenti kompetenti li hija tapplika dik il-proċedura f’konformità mal-kondizzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali.
Fejn l-UPPE jeżerċita kompetenza fir-rigward ta’ reati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 u fejn il-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tkunx aktar mill-ħsara kkawżata jew li x’aktarx tiġi kkawżata lil vittma oħra, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jikkonsulta mal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni nazzjonali qabel ma jipproponi li tiġi applikata proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni.
2.
L-Awla Permanenti għandha tiddeċiedi dwar il-proposta tal-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ b’kont meħud tar-raġunijiet li ġejjin:
(a)
il-livell ta’ serjetà tar-reat, abbażi b’mod partikolari tad-dannu kkawżat;
(b)
ir-rieda tal-awtur suspettat tar-reat biex jagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn aġir illegali;
(c)
l-użu tal-proċedura jkun konformi mal-objettivi ġenerali u l-prinċipji bażiċi tal-UPPE kif jinsabu f’dan ir-Regolament.
Il-Kulleġġ għandu, f’konformità mal-Artikolu 9(2), jadotta linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawk ir-raġunijiet.
3.
Jekk l-Awla Permanenti taqbel mal-proposta, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu japplika l-proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni skont il-kondizzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali u jirreġistraha fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet. Meta l-proċedura simplifikata ta’ prosekuzzjoni tkun ġiet iffinalizzata hekk kif ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet miftiehma mal-persuna suspettata, l-Awla Permanenti għandha tagħti istruzzjoni lill-Prosekutur Delegat Ewropew biex jaġixxi bl-għan li finalment jiġi konkluż il-każ inkwistjoni.
KAPITOLU VI
SALVAGWARDJI PROĊEDURALI
Artikolu 41
L-ambitu tad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati
1.
L-attivitajiet tal-UPPE għandhom jitwettqu f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati kif minquxa fil-Karta, inkluż id-dritt ta’ proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.
2.
Kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali tal-UPPE għandha, bħala minimu, ikollha d-drittijiet proċedurali previsti fil-liġi tal-Unjoni, inklużi direttivi li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ persuni suspettati u akkużati fi proċeduri kriminali, kif implimentati mil-liġi nazzjonali, bħal:
(a)
id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, kif previst fid-Direttiva 2010/64/UE;
(b)
id-dritt għall-informazzjoni u l-aċċess għall-materjali tal-każ, kif previsti fid-Direttiva 2012/13/UE;
(c)
id-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-dritt ta’ komunikazzjoni ma’ persuni terzi u li dawn jiġu infurmati f’każ ta’ detenzjoni, kif previsti fid-Direttiva 2013/48/UE;
(d)
id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u d-dritt li wieħed ikun preżunt innoċenti, kif previsti fid-Direttiva (UE) 2016/343;
(e)
id-dritt għal għajnuna legali kif previst fid-Direttiva (UE) 2016/1919.
3.
Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet imsemmija f’dan il-Kapitolu, il-persuni suspettati u l-persuni akkużati kif ukoll kwalunkwe persuna oħra involuta fil-proċedimenti tal-UPPE għandu jkollhom id-drittijiet proċedurali kollha disponibbli għalihom taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, inklużi l-possibbiltà li jippreżentaw evidenza, li jitolbu li jinħatru esperti jew eżami minn esperti u s-smigħ ta’ xhieda, u li jitolbu li l-UPPE jikseb tali miżuri f’isem id-difiża.
Artikolu 42
Stħarriġ ġudizzjarju
1.
Atti proċedurali tal-UPPE li jkunu maħsubin biex iwasslu għal effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi għandhom jiġu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali kompetenti f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri stipulati mil-liġi nazzjonali. L-istess japplika meta l-UPPE jkun naqas milli jadotta atti proċedurali li huma maħsubin biex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi u li huwa kien legalment meħtieġ li jadotta taħt dan ir-Regolament.
2.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni, f’konformità mal-Artikolu 267 TFUE, li tagħti sentenzi preliminari dwar:
(a)
il-validità ta’ atti proċedurali tal-UPPE, sa fejn tali kwistjoni ta’ validità titqajjem quddiem kwalunkwe qorti jew tribunal ta’ Stat Membri direttament abbażi tal-liġi tal-Unjoni;
(b)
l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni, fosthom dan ir-Regolament;
(c)
l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22 u 25 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ kompetenza bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
3.
B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-deċiżjonijiet tal-UPPE li jiċħad każ, sa fejn ikunu kkontestati direttament abbażi tal-liġi tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
4.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f’konformità mal-Artikolu 268 TFUE fi kwalunkwe disputa relatata ma’ kumpens għal dannu kkawżat mill-UPPE.
5.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni f’konformità mal-Artikolu 272 TFUE fi kwalunkwe disputa li tikkonċerna klawżoli ta’ arbitraġġ stipulati f’kuntratti konklużi mill-UPPE.
6.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni f’konformità mal-Artikolu 270 TFUE fi kwalunkwe disputa li tikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-persunal.
7.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq it-tkeċċija tal-Kap Prosekutur Ewropew jew tal-Prosekuturi Ewropej, f’konformità, rispettivament, mal-Artikolu 14(5) u mal-Artikolu 16(5).
8.
Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ta’ deċiżjonijiet tal-UPPE li jaffettwaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data taħt il-Kapitolu VIII u ta’ deċiżjonijiet tal-UPPE li mhumiex atti proċedurali, bħal deċiżjonijiet tal-UPPE dwar id-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti, jew deċiżjonijiet li jkeċċu Prosekuturi Delegati Ewropej adottati skont l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-Regolament, jew kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva oħra.
KAPITOLU VII
L-IPPROĊESSAR TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 43
Aċċess għal informazzjoni mill-UPPE
1.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti maħżuna f’bażijiet ta’ data tal-investigazzjonijiet kriminali nazzjonali u tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll f’reġistri rilevanti oħrajn tal-awtoritajiet pubbliċi, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw taħt il-liġi nazzjonali f’każijiet simili.
2.
L-UPPE għandu jkun jista’ jikseb kwalunkwe informazzjoni rilevanti li taqa’ fil-kompetenza tiegħu u li tkun maħżuna f’bażijiet ta’ data u reġistri tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.
Artikolu 44
Sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet
1.
L-UPPE għandu jistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, li għandha tinżamm u tiġi ġestita skont ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE.
2.
L-għan tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tkun li:
(a)
tappoġġa l-ġestjoni tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet imwettqa mill-UPPE, b’mod partikolari bil-ġestjoni tal-flussi interni ta’ informazzjoni u billi tappoġġa l-ħidma investigattiva f’każijiet transkonfinali;
(b)
tiżgura aċċess sigur għall-informazzjoni dwar investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet fl-Uffiċċju Ċentrali u mill-Prosekuturi Delegati Ewropej;
(c)
tippermetti l-kontroreferenzjar tal-informazzjoni u l-estrazzjoni ta’ data għal analiżi operazzjonali u għal finijiet ta’ statistika;
(d)
tiffaċilita monitoraġġ sabiex jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali jkun legali u konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.
3.
Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tista’ tiġi mqabbda mal-konnessjoni ta’ telekomunikazzjoni sigura msemmija fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI (
5
).
4.
Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tinkludi:
(a)
reġistru ta’ informazzjoni miksuba mill-UPPE skont l-Artikolu 24, inkluż kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ dik l-informazzjoni,
(b)
indiċi tal-fajls tal-każijiet kollha,
(c)
l-informazzjoni kollha mill-fajls tal-każijiet maħżuna elettronikament fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet f’konformità mal-Artikolu 45(3).
L-indiċi ma għandux jikkontjeni l-ebda data personali operazzjonali minbarra d-data li tkun meħtieġa biex jiġu identifikati każijiet jew biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn il-fajls ta’ każijiet differenti.
5.
Għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, l-UPPE jista’ jistabbilixxi biss fajls ta’ data awtomatizzati għajr għal fajls ta’ każijiet f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE. Id-dettalji dwar tali fajls ta’ data awtomatizzati oħrajn għandhom jiġu nnotifikati lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Artikolu 45
Fajls tal-każijiet tal-UPPE
1.
Fejn l-UPPE jiddeċiedi li jiftaħ investigazzjoni jew li jeżerċita d-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jiftaħ fajl tal-każ.
Il-fajl tal-każ għandu jkun fih l-informazzjoni u l-evidenza kollha disponibbli għall-Prosekutur Delegat Ewropew li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew prosekuzzjoni mill-UPPE.
Ladarba tkun infetħet investigazzjoni, l-informazzjoni mir-reġistru msemmi fl-Artikolu 44(4)(a) għandha ssir parti mill-fajl tal-każ.
2.
Il-fajl tal-każ għandu jiġi ġestit mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru tiegħu.
Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE jistgħu jinkludu regoli dwar l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-fajls tal-każijiet sal-punt meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-UPPE bħala uffiċċju uniku. Għandu jingħata aċċess għall-fajl tal-każ lil persuni suspettati u persuni akkużati kif ukoll persuni oħra involuti fil-proċedimenti mill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ dak il-Prosekutur.
3.
Is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-UPPE għandha tinkludi l-informazzjoni u l-evidenza kollha mill-fajl tal-każ li jistgħu jinħażnu elettronikament, sabiex l-Uffiċċju Ċentrali jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-Regolament. Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jiżgura li l-kontenut tal-informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tirrifletti f’kull mument il-fajl tal-każ, b’mod partikolari li data personali operazzjonali kontenuta fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tiġi mħassra jew rettifikata kull meta tali data tkun tħassret jew tkun ġiet rettifikata fil-fajl korrispondenti tal-każ.
Artikolu 46
Aċċess għas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet
Il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, Prosekuturi Ewropej oħrajn u l-Prosekuturi Delegati Ewropej għandu jkollhom aċċess dirett għar-reġistru u għall-indiċi.
Il-Prosekutur Ewropew superviżur kif ukoll l-Awla Permanenti kompetenti għandhom, meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’konformità mal-Artikoli 10 u 12, ikollhom aċċess dirett għall-informazzjoni maħżuna elettronikament fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet. Il-Prosekutur Ewropew superviżur għandu jkollu aċċess dirett għall-fajl tal-każ. L-Awla Permanenti kompetenti għandu jkollha aċċess għall-fajl tal-każ fuq talba tagħha.
Prosekuturi Delegati Ewropej oħra jistgħu jitolbu aċċess għall-informazzjoni maħżuna elettronikament fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet kif ukoll fi kwalunkwe fajl ta’ każ. Il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ dan l-aċċess lil Prosekuturi Delegati Ewropej oħra skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Jekk l-aċċess ma jingħatax, il-kwistjoni għandha tiġi rinvijata lill-Awla Permanenti kompetenti. L-Awla Permanenti kompetenti għandha tisma’, sa fejn ikun meħtieġ, lill-Prosekuturi Delegati Ewropej ikkonċernati u konsegwentement tiddeċiedi f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli kif ukoll ma’ dan ir-Regolament.
Ir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE għandhom jistabbilixxu regoli ulterjuri rigward id-dritt ta’ aċċess, u l-proċedura biex jiġi stabbilit il-livell ta’ aċċess, għas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet mill-Kap Prosekutur Ewropew, il-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej, prosekuturi Ewropej oħrajn, il-Prosekuturi Delegati Ewropej u l-persunal tal-UPPE, sa fejn ikun meħtieġ għall-qadi ta’ dmirijiethom.
KAPITOLU VIII
PROTEZZJONI TAD-DATA
Artikolu 47
Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali
1.
Id-data personali għandha:
(a)
tiġi pproċessata b’mod legali u ġust (“legalità u ġustizzja”);
(b)
tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew finijiet ta’ statistika ma għandux jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali dment li l-UPPE jipprovdi salvagwardji adatti għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data (“limitazzjoni tal-fini”);
(c)
tkun adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata (“minimizzazzjoni tad-data”);
(d)
tkun preċiża u, fejn ikun meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx preċiża, b’kont meħud tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tiġi rettifikata mingħajr dewmien (“preċiżjoni”);
(e)
tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika dment li l-UPPE jipprovdi salvagwardji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa meħtieġa minn dan ir-Regolament (“limitazzjoni tal-ħażna”);
(f)
tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“integrità u kunfidenzjalità”).
2.
L-UPPE għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (“responsabbiltà”) meta jipproċessa data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati u meta jipproċessa, b’mod ieħor għajr b’mezzi awtomatizzati, data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar jew li hija intenzjonata li tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar.
3.
L-ipproċessar mill-UPPE għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 49 minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali operazzjonali għandu jkun permess sakemm:
(a)
l-UPPE jkun awtorizzat jipproċessa tali data personali operazzjonali għal tali fini f’konformità ma’ dan ir-Regolament; u
(b)
l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor skont il-liġi tal-Unjoni; u
(c)
fejn rilevanti, l-użu ta’ data personali operazzjonali ma jkunx ipprojbit mil-liġi proċedurali nazzjonali applikabbli dwar il-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 30. Il-liġi proċedurali nazzjonali applikabbli hija l-liġi tal-Istat Membru fejn inkisbet id-data.
Artikolu 48
Data personali amministrattiva
1.
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 japplika għad-data personali amministrattiva kollha pproċessata mill-UPPE.
2.
L-UPPE għandu jistabbilixxi limiti ta’ żmien għall-ħżin ta’ data personali amministrattiva fid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fir-regoli ta’ proċedura interni tiegħu.
Artikolu 49
Ipproċessar ta’ data personali operazzjonali
1.
L-UPPE għandu jipproċessa data personali operazzjonali b’mezzi awtomatizzati jew f’fajls manwali strutturati f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u għall-finijiet li ġejjin biss:
(a)
investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali mwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament; jew
(b)
skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament; jew
(c)
kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2.
Il-kategoriji ta’ data personali operazzjonali, u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 44(4) mill-UPPE għal kull fini msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu elenkati f’Anness f’konformità mal-paragrafu 3.
3.
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 115 biex telenka l-kategoriji ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u biex taġġorna tali lista biex jittieħed kont tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat ta’ progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.
Fejn ikun meħtieġ hekk għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 116 għandha tapplika għal atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.
4.
L-UPPE jista’ jipproċessa temporanjament data personali operazzjonali għall-fini li jiddetermina jekk tali data hijiex rilevanti għall-kompiti tiegħu u għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-Kulleġġ, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandu jispeċifika ulterjorment il-kondizzjonijiet relatati mal-ipproċessar ta’ tali data personali operazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għad-data u l-użu tagħha, kif ukoll il-limiti ta’ żmien għall-ħżin u t-tħassir tad-data.
5.
L-UPPE għandu jipproċessa d-data personali operazzjonali b’mod li jkun jista’ jiġi stabbilit liema awtorità tkun ipprovdiet id-data jew minn fejn tkun ittieħdet id-data.
6.
Meta jiġu applikati l-Artikoli 57 sa 62, l-UPPE għandu jaġixxi, fejn rilevanti, f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali dwar l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni lis-suġġett tad-data u l-possibbiltajiet li titħalla barra, tiġi ristretta jew imdewma tali informazzjoni. Fejn xieraq, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jikkonsulta lill-Prosekuturi Delegati Ewropej l-oħrajn ikkonċernati mill-każ qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-Artikoli 57 sa 62.
Artikolu 50
Limiti ta’ żmien għall-ħżin ta’ data personali operazzjonali
1.
L-UPPE għandu jirrivedi perjodikament il-ħtieġa ta’ ħżin tad-data personali operazzjonali pproċessata. Tali reviżjoni għandha ssir mhux aktar tard minn tliet snin wara li d-data personali operazzjonali tkun ġiet ipproċessata għall-ewwel darba u konsegwentement kull tliet snien. Jekk id-data personali operazzjonali tinħażen għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat dwar dak il-fatt.
2.
Data personali operazzjonali pproċessata mill-UPPE ma tistax tinħażen għal aktar minn ħames snin wara li deċiżjoni dwar il-ħelsien minn akkuża fir-rigward tal-każ tkun finali; f’każ li l-akkużat jinstab ħati, il-limiti ta’ żmien għandhom jiġu estiżi sakemm il-penali li tkun ġiet imposta, tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata aktar taħt il-liġi tal-Istat Membru li ħareġ is-sentenza.
3.
Qabel ma tiskadi waħda mill-iskadenzi msemmija fil-paragrafu 2, l-UPPE għandu jirrivedi l-ħtieġa li jitkompla l-ħżin tad-data personali operazzjonali fejn u dment li din hija neċessarja biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Ir-raġunijiet għat-tkomplija tal-ħżin għandhom jiġu ġustifikati u rreġistrati. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-ħżin tad-data personali operazzjonali, dik id-data għandha titħassar awtomatikament.
Artikolu 51
Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data
L-UPPE għandu, fejn applikabbli u sa fejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali operazzjonali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, bħal:
(a)
persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;
(b)
persuni kkundannati għal reat kriminali;
(c)
vittmi ta’ reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta’ reat kriminali; u
(d)
partijiet oħra għal reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f’investigazzjonijiet b’rabta ma’ reati kriminali jew proċedimenti kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew persuni assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).
Artikolu 52
Distinzjoni bejn data personali operazzjonali u verifika tal-kwalità tad-data personali
1.
L-UPPE għandu jiddistingwi, kemm jista’ jkun, data personali operazzjonali bbażata fuq il-fatti minn data personali operazzjonali bbażata fuq valutazzjonijiet personali.
2.
L-UPPE għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha biex jiżgura li d-data personali operazzjonali li ma tkunx preċiża, li ma tkunx kompleta jew li ma tibqax tiġi aġġornata ma tintbagħatx jew issir disponibbli. Għal dak l-għan, l-UPPE għandu, sa fejn ikun prattikabbli, jivverifika l-kwalità tad-data personali operazzjonali qabel ma din tintbagħat jew issir disponibbli. Sa fejn ikun possibbli, kull meta tintbagħat id-data personali operazzjonali, l-UPPE għandu jżid informazzjoni neċessarja li tippermetti lir-riċevitur jevalwa l-livell ta’ preċiżjoni, kompletezza, u affidabbiltà tad-data personali operazzjonali, u kemm hija aġġornata.
3.
Jekk jirriżulta li tkun intbagħtet data personali operazzjonali żbaljata jew li d-data personali operazzjonali tkun intbagħtet b’mod illegali, ir-riċevitur għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien. F’dan il-każ, id-data personali operazzjonali għandha tiġi rrettifikata jew imħassra jew l-ipproċessar għandu jkun ristrett f’konformità mal-Artikolu 61.
Artikolu 53
Kondizzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar
1.
Meta hekk ikun jirrikjedi dan ir-Regolament, l-UPPE għandu jipprovdi għal kondizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar u għandu jinforma lir-riċevitur ta’ tali data personali operazzjonali b’dawk il-kondizzjonijiet u bir-rekwiżit li jikkonforma magħhom.
2.
L-UPPE għandu jikkonforma ma’ kondizzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar għall-ipproċessar ipprovdut minn awtorità nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 9 (3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2016/680.
Artikolu 54
Trasmissjoni ta’ data personali operazzjonali lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni
1.
Soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni ulterjuri skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 53, l-UPPE għandu jibgħat data personali operazzjonali lil istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħrajn tal-Unjoni biss jekk id-data tkun meħtieġa għat-twettiq leġittimu tal-kompiti koperti mill-kompetenza tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħrajn tal-Unjoni.
2.
Fejn id-data personali operazzjonali tintbagħat fuq talba tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħrajn tal-Unjoni, kemm il-kontrollur kif ukoll ir-riċevitur għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal-leġittimità ta’ dan it-trasferiment.
L-UPPE għandu jkun meħtieġ li jivverifika l-kompetenza tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħrajn tal-Unjoni u li jagħmel evalwazzjoni proviżorja tal-ħtieġa li tintbagħat dik id-data personali operazzjonali. Jekk jinqala’ dubju dwar din il-ħtieġa, l-UPPE għandu jitlob aktar tagħrif mingħand ir-reċipjent.
L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija oħrajn tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-ħtieġa li tintbagħat id-data personali operazzjonali tkun tista’ tiġi verifikata sussegwentement.
3.
L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija oħrajn tal-Unjoni għandhom jipproċessaw id-data personali operazzjonali biss għall-finijiet li għalihom tkun intbagħtet.
Artikolu 55
Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali operazzjonali
1.
L-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika għall-fini li tiġi identifikata unikament persuna fiżika, data personali operazzjonali dwar is-saħħa jew data personali operazzjonali li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta jkun strettament meħtieġ għall-investigazzjonijiet tal-UPPE, soġġett għal salvagwardji adatti għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u fil-każ biss li d-data tissupplimenta data personali operazzjonali oħra diġà pproċessata mill-UPPE.
2.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi infurmat immedjatament bl-użu ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 56
Teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet individwali, inkluż tfassil tal-profil
Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni tal-UPPE ibbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profil, li tipproduċi effetti legali li jikkonċernawh jew li bl-istess mod jaffettwawh b’mod sinifikanti.
Artikolu 57
Komunikazzjoni u modalitajiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data
1.
L-UPPE għandu jieħu passi raġonevoli biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 58. Huwa għandu jagħmel kwalunkwe komunikazzjoni fir-rigward tal-Artikoli 56, 59 sa 62 u 75 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, li tinftiehem, u aċċessibbli faċilment, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bi kwalunkwe mezz adatt, inkluż b’mezzi elettroniċi. Bħala regola ġenerali, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni bl-istess forma tat-talba.
2.
L-UPPE għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data taħt l-Artikoli 58 sa 62.
3.
L-UPPE għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar is-segwitu tat-talba tiegħu mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tliet xhur wara r-riċezzjoni tat-talba mis-suġġett tad-data.
4.
L-UPPE għandu jipprovdi sabiex l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 58 u kwalunkwe komunikazzjoni magħmula jew azzjoni meħuda skont l-Artikoli 56, 59 sa 62 u 75 ikunu pprovduti mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-UPPE jista’ jew:
(a)
jimponi ħlas raġonevoli, filwaqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni, jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew
(b)
jirrifjuta li jaġixxi fuq it-talba.
L-UPPE għandu jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.
5.
Fejn l-UPPE jkollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tkun qed tagħmel it-talba msemmija fl-Artikolu 59 jew 61, l-UPPE jista’ jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.
Artikolu 58
Informazzjoni li għandha ssir disponibbli għas-suġġett tad-data jew li għandha tingħatalu
1.
L-UPPE għandu jagħmel disponibbli għas-suġġett tad-data tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)
l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-UPPE;
(b)
id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;
(c)
il-finijiet tal-ipproċessar li għalihom id-data personali operazzjonali tkun maħsuba;
(d)
id-dritt li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu;
(e)
l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand l-UPPE l-aċċess għal, u r-rettifika jew it-tħassir ta’, data personali operazzjonali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, dwar is-suġġett tad-data.
2.
Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-UPPE għandu jagħti lis-suġġett tad-data, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni ulterjuri li ġejja biex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu:
(a)
il-bażi legali għall-ipproċessar;
(b)
il-perijodu li għalih ser tinħażen id-data personali operazzjonali, jew, meta ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;
(c)
fejn applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri tad-data personali operazzjonali, inkluż f’pajjiż terz jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
(d)
fejn meħtieġ, aktar informazzjoni, b’mod partikolari f’każ li d-data personali operazzjonali tinġabar mingħajr ma jkun jaf is-suġġett tad-data.
3.
L-UPPE jista’ jittardja, jirrestrinġi jew iħalli barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 sa fejn, u dment li, tali miżura tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:
(a)
ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;
(b)
ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;
(c)
titħares is-sigurtà pubblika tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
(d)
titħares is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
(e)
jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
Artikolu 59
Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data
Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand l-UPPE konferma dwar jekk id-data personali operazzjonali li tikkonċernah hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali operazzjonali u l-informazzjoni li ġejja:
(a)
il-finijiet u l-bażi legali tal-ipproċessar;
(b)
il-kategoriji ta’ data personali operazzjonali kkonċernata;
(c)
ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali operazzjonali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
(d)
fejn possibbli, il-perijodu li matulu jkun maħsub li d-data personali operazzjonali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;
(e)
l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand l-UPPE r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali operazzjonali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali dwar is-suġġett tad-data;
(f)
id-dritt li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u d-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;
(g)
il-komunikazzjoni tad-data personali operazzjonali li tkun qed tiġi pproċessata u ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar l-oriġini tagħha.
Artikolu 60
Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess
1.
L-UPPE jista’ jirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data sa fejn, u dment li, tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:
(a)
ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;
(b)
ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;
(c)
titħares is-sigurtà pubblika tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
(d)
titħares is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
(e)
jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
2.
Fejn l-għoti ta’ tali informazzjoni jdgħajjef il-fini tal-paragrafu 1, l-UPPE għandu jinnotifika lis-suġġett tad-data kkonċernat biss li huwa għamel il-verifiki, mingħajr ma jagħtih xi informazzjoni li tista’ tiżvela lilu jew lilha jekk id-data personali operazzjonali li tikkonċernah hijiex qed tiġi pproċessata mill-UPPE jew le.
L-UPPE għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-UPPE.
3.
L-UPPE għandu jiddokumenta r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.
Artikolu 61
Dritt ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali operazzjonali u restrizzjoni tal-ipproċessar
1.
Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jikseb mingħand l-UPPE mingħajr dewmien bla bżonn ir-rettifika ta’ data personali operazzjonali li tikkonċernah li ma tkunx preċiża. B’kont meħud tal-finijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali operazzjonali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari.
2.
L-UPPE għandu jħassar id-data personali operazzjonali mingħajr dewmien bla bżonn u s-suġġett tad-data għandu d-dritt li d-data personali operazzjonali li tikkonċernah titħassar mingħajr dewmien bla bżonn mill-UPPE fejn l-ipproċessar isir bi ksur tal-Artikoli 47, 49 jew 55, jew fejn id-data personali operazzjonali trid titħassar sabiex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali li għalih l-UPPE ikun soġġett.
3.
Minflok it-tħassir, l-UPPE għandu jillimita l-ipproċessar meta:
(a)
il-preċiżjoni tad-data personali operazzjonali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-preċiżjoni jew l-impreċiżjoni tagħha ma tistax tkun aċċertata; jew
(b)
id-data personali operazzjonali tkun trid tinżamm għall-finijiet ta’ evidenza.
Fejn l-ipproċessar ikun ġie ristrett skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-UPPE għandu jinforma lis-suġġett tad-data qabel ineħħi r-restrizzjoni tal-ipproċessar.
4.
Fejn l-ipproċessar ikun ġie ristrett taħt il-paragrafu 3, tali data personali operazzjonali għandha, bl-eċċezzjoni tal-ħażna, tiġi pproċessata biss għall-ħarsien tad-drittijiet tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra li hija parti għall-proċedimenti tal-UPPE, jew għall-finijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 3.
5.
L-UPPE għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub bi kwalunkwe rifjut ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali operazzjonali jew restrizzjoni tal-ipproċessar u bir-raġunijiet għar-rifjut. L-UPPE jista’ jirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-obbligu li tingħata tali informazzjoni sa fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata sabiex:
(a)
ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;
(b)
ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;
(c)
titħares is-sigurtà pubblika tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
(d)
titħares is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
(e)
jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
L-UPPE għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jitlob rimedju ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-UPPE.
6.
L-UPPE għandu jikkomunika r-rettifika ta’ data personali operazzjonali mhix preċiża lill-awtorità kompetenti li minnha tkun oriġinat id-data personali operazzjonali impreċiża.
7.
L-UPPE għandu, fejn id-data personali operazzjonali tkun ġiet rettifikata jew imħassra jew l-ipproċessar ikun ġie ristrett skont il-paragrafi 1, 2 u 3, jinnotifika lir-riċevituri u jinformahom li għandhom jirrettifikaw jew iħassru d-data personali operazzjonali jew jirrestrinġu l-ipproċessar tad-data personali operazzjonali taħt ir-responsabbiltà tagħhom.
Artikolu 62
Eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġett tad-data u l-verifika mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
1.
Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 58(3), 60(2) u 61(5), id-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll permezz tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
2.
L-UPPE għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont il-paragrafu 1.
3.
Fejn jiġi eżerċitat id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jinforma lis-suġġett tad-data tal-inqas li jkunu saru minnu l-verifiki kollha meħtieġa jew reviżjoni. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jinforma lis-suġġett tad-data wkoll bid-dritt tiegħu li jitlob rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Artikolu 63
Obbligi tal-UPPE
1.
B’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta’ probabbiltà u severità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, l-UPPE għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista’ juri li l-ipproċessar isir f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu riveduti u aġġornati, fejn meħtieġ.
2.
Fejn dawn ikunu proporzjonati fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta’ politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-UPPE.
Artikolu 64
Kontrolluri konġunti
1.
Fejn l-UPPE flimkien ma’ kontrollur jew kontrolluri jistabbilixxu b’mod konġunt il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, huma għandhom ikunu kontrolluri konġunti. Dawn għandhom b’mod trasparenti jiddeterminaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi tagħhom relatati mal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-kompiti rispettivi tagħhom li jagħtu l-informazzjoni, permezz ta’ arranġament bejniethom ħlief jekk, u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri jkunu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew bil-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li għaliha l-kontrolluri jkunu soġġetti. L-arranġament jista’ jindika punt ta’ kuntatt għas-suġġetti tad-data.
2.
L-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu debitament jirrifletti r-rwoli u relazzjonijiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti fir-rigward tas-suġġetti tad-data. L-essenza tal-arranġament għandha ssir disponibbli għas-suġġett tad-data.
3.
Irrispettivament mit-termini tal-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1, is-suġġett tad-data jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament fir-rigward tal-kontrolluri u kontra kull wieħed minnhom.
Artikolu 65
Proċessur
1.
Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f’isem l-UPPE, l-UPPE għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi adatti b’tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.
2.
Il-proċessur m’għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-UPPE. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-UPPE bi kwalunkwe intenzjoni ta’ tibdil li jikkonċerna ż-żieda jew is-sostituzzjoni ta’ proċessuri oħrajn, biex b’hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali tibdil.
3.
L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni, jew il-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-UPPE, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta’ data personali operazzjonali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-UPPE. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b’mod partikolari, li l-proċessur:
(a)
jaġixxi biss fuq istruzzjonijiet mingħand il-kontrollur;
(b)
jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali operazzjonali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju adatt ta’ kunfidenzjalità;
(c)
jassisti lill-kontrollur permezz ta’ kwalunkwe mezz adatt biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data;
(d)
fuq l-għażla tal-UPPE, iħassar jew jirritorna d-data personali operazzjonali kollha lill-UPPE wara li jintemm il-forniment ta’ servizzi relatati mal-ipproċessar ta’ data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma tirrikjedix li d-data personali operazzjonali tinħażen;
(e)
jagħmel disponibbli għall-UPPE kull informazzjoni meħtieġa li turi l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu;
(f)
jikkonforma mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 biex jimpjega proċessur ieħor.
4.
Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun bil-miktub, inkluż f’forma elettronika.
5.
Jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta’ dak l-ipproċessar.
Artikolu 66
Ipproċessar taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur
Il-proċessur u kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-UPPE jew tal-proċessur, li jkollhom aċċess għal data personali operazzjonali, ma għandhomx jipproċessaw dik id-data ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-UPPE, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan mil-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 67
Protezzjoni ta’ data mfassla u b’mod awtomatiku
1.
B’kont meħud tal-aħħar żviluppi tekniċi, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, kif ukoll ir-riskji ta’ probabbiltà u severità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi riżultanti mill-ipproċessar, kemm meta jiġu determinati l-mezzi għall-ipproċessar kif ukoll meta jsir l-ipproċessar stess, l-UPPE għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti, bħall-psewdonimizzazzjoni, li jkunu mfassla biex jimplimentaw prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħall-minimizzazzjoni tad-data, b’mod effettiv u biex jintegraw is-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u jitħarsu d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
2.
L-UPPE għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti li jiżguraw li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali operazzjonali li tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-fini tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta’ data personali operazzjonali miġbura, il-livell ta’ pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B’mod partikolari, tali miżuri għandhom jiżguraw li b’mod awtomatiku d-data personali operazzjonali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta’ persuni fiżiċi.
Artikolu 68
Reġistri ta’ kategoriji tal-attivitajiet ta’ pproċessar
1.
L-UPPE għandu jżomm reġistru tal-kategoriji kollha tal-attivitajiet tal-ipproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a)
id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu u l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;
(b)
il-finijiet tal-ipproċessar;
(c)
deskrizzjoni tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta’ data personali operazzjonali;
(d)
il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali operazzjonali inklużi riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
(e)
fejn applikabbli, it-trasferimenti ta’ data personali operazzjonali lil xi pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali;
(f)
fejn possibbli, il-limiti ta’ żmien maħsubin għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta’ data;
(g)
fejn possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 73.
2.
Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun bil-miktub, inkluż f’forma elettronika.
3.
L-UPPE għandu jagħmel ir-reġistru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.
Artikolu 69
Reġistrazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat
1.
L-UPPE għandu jżomm reġistrazzjonijiet ta’ kwalunkwe waħda mis-segwenti operazzjonijiet ta’ pproċessar f’sistemi ta’ pproċessar awtomatizzat: ġbir, alterazzjoni, konsultazzjoni, żvelar, inklużi trasferimenti, taħlit u tħassir ta’ data personali operazzjonali użata għal skopijiet operazzjonali. Ir-reġistrazzjonijiet tal-konsultazzjoni u l-iżvelar għandhom jagħmluha possibbli li jiġu stabbiliti l-ġustifikazzjoni għal, u d-data u l-ħin ta’ kull waħda minn, tali operazzjonijiet, l-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat id-data personali operazzjonali, u sa fejn possibbli, l-identità tar-riċevituri ta’ tali data personali operazzjonali.
2.
Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-legalità tal-ipproċessar, l-awtomonitoraġġ, sabiex tiġi żgurata l-integrità u s-sigurtà tad-data personali operazzjonali, u għal proċedimenti kriminali. Tali reġistrazzjonijiet għandhom jitħassru wara tliet snin, sakemm ma jkunux meħtieġa għal kontroll kontinwat.
3.
L-UPPE għandu jagħmel ir-reġistrazzjonijiet disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.
Artikolu 70
Kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
L-UPPE għandu, fuq talba, jikkoopera mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.
Artikolu 71
Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data
1.
Fejn xi tip ta’ pproċessar, b’mod partikolari, li juża teknoloġiji ġodda, u b’kont meħud li n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar x’aktarx jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, l-UPPE għandu jwettaq, qabel l-ipproċessar, valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet maħsuba ta’ pproċessar fuq il-protezzjoni ta’ data personali operazzjonali.
2.
Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas deskrizzjoni ġenerali tal-operazzjonijiet maħsuba ta’ pproċessar, valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data, il-miżuri previsti sabiex jindirizzaw dawk ir-riskji, salvagwardji, miżuri u mekkaniżmi ta’ sigurtà li jiżguraw il-protezzjoni ta’ data personali operazzjonali u li juru l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’kont meħud tad-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.
Artikolu 72
Konsultazzjoni minn qabel mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
1.
L-UPPE għandu jikkonsulta mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qabel ma jsir ipproċessar li ser jifforma parti minn sistema ġdida ta’ arkivjar li tkun ser tinħoloq, fejn:
(a)
valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data kif previst fl-Artikolu 71 tindika li l-ipproċessar ser jirriżulta f’riskju għoli jekk ma jittieħdux miżuri mill-UPPE biex jittaffa r-riskju; jew
(b)
it-tip ta’ pproċessar, b’mod partikolari fejn ikunu qed jintużaw teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, ikun jinvolvi riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.
2.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jistabbilixxi lista tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar li huma soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel skont il-paragrafu 1.
3.
L-UPPE għandu jipprovdi lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 71 u, fuq talba, bi kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jivvaluta l-konformità tal-ipproċessar u b’mod partikolari r-riskji għall-protezzjoni tad-data personali operazzjonali tas-suġġett tad-data u tas-salvagwardji relatati.
4.
Fejn il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ser jikser dan ir-Regolament, b’mod partikolari fejn l-UPPE ma jkunx suffiċjentement identifika jew taffa r-riskju, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jipprovdi, fi żmien perijodu ta’ mhux aktar minn sitt ġimgħat mir-riċezzjoni tat-talba għall-konsultazzjoni, parir bil-miktub lill-UPPE skont is-setgħat tiegħu f’konformità mal-Artikolu 85. Dak il-perijodu jista’ jiġi estiż b’ xahar, b’kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jinforma lill-UPPE bi kwalunkwe tali estensjoni fi żmien xahar mir-riċezzjoni tat-talba għall-konsultazzjoni, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien.
Artikolu 73
Sigurtà tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali
1.
L-UPPE għandu, b’kont meħud tal-aħħar żviluppi tekniċi, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta’ probabbiltà u severità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti sabiex jiżgura livell ta’ sigurtà adegwat għar-riskju, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 55.
2.
Fil-każ tal-ipproċessar awtomatizzat, l-UPPE għandu, wara evalwazzjoni tar-riskji, jimplimenta miżuri mfasslin sabiex:
(a)
jiċħdu l-aċċess lil persuni mhux awtorizzati għal tagħmir li jipproċessa d-data użat għall-ipproċessar (kontroll tal-aċċess għat-tagħmir);
(b)
jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati ta’ midja tad-data (kontroll tal-midja tad-data);
(c)
jipprevjenu d-dħul mhux awtorizzat ta’ data kif ukoll l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali operazzjonali maħżuna (kontroll tal-konservazzjoni);
(d)
jipprevjenu l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utent);
(e)
jiżguraw li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar jkollhom aċċess biss għad-data personali operazzjonali koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (kontroll tal-aċċess għad-data);
(f)
jiżguraw li jkun possibbli li jiġu vverifikati u stabbiliti l-korpi li lilhom tkun intbagħtet jew tista’ tintbagħat jew issir disponibbli data personali operazzjonali bl-użu ta’ komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);
(g)
jiżguraw li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali operazzjonali tkun iddaħħlet f’sistemi tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data, u meta u min ikun daħħal id-data (kontroll tad-dħul);
(h)
jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali operazzjonali waqt it-trasferiment ta’ data personali operazzjonali jew waqt it-trasportazzjoni ta’ midja tad-data (kontroll tat-trasport);
(i)
jiżguraw li s-sistemi installati jistgħu, fil-każ ta’ interruzzjoni, jiġu rkuprati (irkupru);
(j)
jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu, li kif ifeġġu difetti fil-funzjonijiet dawn jiġu rrapportati (affidabbiltà) u li d-data personali operazzjonali maħżuna ma tistax tiġi korrotta minħabba funzjonament ħażin tas-sistema (integrità).
Artikolu 74
Notifika ta’ ksur ta’ data personali lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
1.
Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali, l-UPPE għandu, mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar jaf bih, jinnotifika lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bil-ksur ta’ data personali, ħlief jekk il-ksur ta’ data personali x’aktarx ma jirriżultax f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi. Fejn in-notifika lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ma ssirx fi żmien 72 siegħa, din għandha tkun akkumpanjata minn raġunijiet għad-dewmien.
2.
In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha mill-inqas:
(a)
tiddeskrivi n-natura tal-ksur ta’ data personali inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u n-numru approssimattiv tas-suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u n-numru approssimattiv ta’ reġistrazzjonijiet ikkonċernati ta’ data personali;
(b)
tagħti l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;
(c)
tiddeskrivi l-konsegwenzi mistennija tal-ksur ta’ data personali;
(d)
tiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu jew proposti biex jittieħdu mill-UPPE sabiex jindirizza l-ksur ta’ data personali, inklużi, fejn xieraq, miżuri biex itaffi l-effetti ħżiena possibbli.
3.
Meta, u sa fejn, ma jkunx possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fl-istess ħin, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta f’fażijiet mingħajr dewmien bla bżonn.
4.
L-UPPE għandu jiddokumenta kwalunkwe ksur ta’ data personali msemmi fil-paragrafu 1, fosthom il-fatti relatati mal-ksur ta’ data personali, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta’ rimedju meħuda. Dik id-dokumentazzjoni għandha tippermetti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jivverifika l-konformità ma’ dan l-Artikolu.
5.
Fejn il-ksur ta’ data personali jinvolvi data personali li tkun intbagħtet minn jew lil kontrollur ieħor, l-UPPE għandu jikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 lil dak il-kontrollur mingħajr dewmien bla bżonn.
Artikolu 75
Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data
1.
Fejn il-ksur ta’ data personali x’aktarx ikun ser jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, l-UPPE għandu jikkomunika l-ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.
2.
Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiddeskrivi b’lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur ta’ data personali u għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet previsti fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 74(2).
3.
Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk kwalunkwe waħda minn dawn il-kondizzjonijiet tkun sodisfatta:
(a)
l-UPPE ikun implimenta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika u organizzattiva adatta, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-data personali affettwata mill-ksur ta’ data personali, b’mod partikolari dawk li jagħmlu d-data personali ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha, bħall-kriptaġġ;
(b)
l-UPPE ikun ħa miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1 mhux probabbli li jimmaterjalizza;
(c)
tkun tinvolvi sforz sproporzjonat. F’tali każ, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili fejn is-suġġetti tad-data jiġu infurmati b’mod ugwalment effettiv.
4.
Jekk l-UPPE ma jkunx diġà kkomunika l-ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, wara li jkun ikkunsidra l-probabbiltà li l-ksur ta’ data personali jirriżulta f’riskju għoli, jista’ jitolbu jagħmel dan, jew jista’ jiddeċiedi li xi kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ikunu sodisfatti.
5.
Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra soġġett għall-kondizzjonijiet u abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 60(3).
Artikolu 76
Aċċess awtorizzat għal data personali operazzjonali fl-UPPE
Il-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej u l-persunal awtorizzat li qed jassistihom biss jistgħu, għall-fini li jwettqu l-kompiti tagħhom u fil-limiti previsti f’dan ir-Regolament, ikollhom aċċess għad-data personali operazzjonali pproċessata mill-UPPE.
Artikolu 77
Ħatra tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data
1.
Il-Kulleġġ għandu jaħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkun membru tal-persunal maħtur speċifikament għal dan il-fini. Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jaġixxi b’mod indipendenti u ma jista’ jirċievi ebda istruzzjonijiet.
2.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jintgħażel abbażi tal-kwalitajiet professjonali tal-Uffiċjal u, b’mod partikolari, l-għarfien espert tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data, u l-ħila li jwettaq il-kompiti msemmija f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 79.
3.
L-għażla tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data m’għandhiex tkun tali li tirriżulta f’konflitt ta’ interessi bejn id-dmirijiet tal-Uffiċjal bħala Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u xi dmir ieħor uffiċjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
4.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jinħatar għal perijodu ta’ erba’ snin u għandu jkun eliġibbli li jinħatar mill-ġdid sa massimu ta’ terminu totali ta’ tmien snin. L-Uffiċjal jista’ jitkeċċa mill-post ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data mill-Kulleġġ biss bil-kunsens tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jekk l-Uffiċjal ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu.
5.
L-UPPE għandu jippubblika d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u jikkomunikahom lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Artikolu 78
Pożizzjoni tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data
1.
L-UPPE għandu jiżgura li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jkun involut, kif dovut u b’mod f’waqtu, fil-kwistjonijiet kollha marbutin mal-protezzjoni tad-data personali.
2.
L-UPPE għandu jappoġġa lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 79 billi jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq dawk il-kompiti u aċċess għad-data personali u l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, u biex isostni l-għarfien espert tiegħu.
3.
L-UPPE għandu jiżgura li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jirċievi l-ebda istruzzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ dawk il-kompiti. L-Uffiċjal ma għandux jitkeċċa jew jiġi penalizzat mill-Kulleġġ minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jirrapporta direttament lill-Kap Prosekutur Ewropew.
4.
Is-suġġetti tad-data jistgħu jikkuntattjaw lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha marbutin mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u mal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament u taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
5.
Il-Kulleġġ għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Dawk ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom b’mod partikolari jikkonċernaw il-proċedura tal-għażla għall-kariga tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u t-tkeċċija, il-kompiti, id-dmirijiet u s-setgħat tal-Uffiċjal u s-salvagwardji għall-indipendenza tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data.
6.
L-UPPE għandu jipprovdi lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data bil-persunal u r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.
7.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-persunal tiegħu għandhom ikunu marbutin bl-obbligu tal-kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 108.
Artikolu 79
Kompiti tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data
1.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu b’mod partikolari l-kompiti li ġejjin, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali:
(a)
jiżgura, b’mod indipendenti, il-konformità tal-UPPE mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data ta’ dan ir-Regolament, tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE; dan jinkludi l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data u mal-politiki tal-UPPE fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, inklużi l-assenjazzjoni ta’ responsabbiltajiet, sensibilizzazzjoni u taħriġ tal-persunal involut fl-operazzjonijiet ta’ pproċessar, u l-awditi relatati;
(b)
jagħti informazzjoni u pariri lill-UPPE u lill-persunal li jwettaq l-ipproċessar dwar l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u skont dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data;
(c)
jagħti pariri fejn mitlub fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u jimmonitorja l-attwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 71;
(d)
jiżgura li reġistrazzjoni tat-trasferiment u r-riċezzjoni ta’ data personali tinżamm skont id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE;
(e)
jikkoopera mal-persunal tal-UPPE responsabbli għall-proċeduri, it-taħriġ u l-għoti ta’ pariri dwar l-ipproċessar tad-data;
(f)
jikkoopera mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;
(g)
jiżgura li s-suġġetti tad-data jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament;
(h)
jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar, inkluża l-konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 72, u jikkonsulta, fejn xieraq, fir-rigward ta’ kwalunkwe materja oħra;
(i)
iħejji rapport annwali u jikkomunika dak ir-rapport lill-Kap Prosekutur Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
2.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq il-funzjonijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward ta’ data personali amministrattiva.
3.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-membri tal-persunal tal-UPPE li jkunu qegħdin jassistu lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fit-twettiq tal-kompiti għandu jkollhom aċċess għad-data personali pproċessata mill-UPPE u għall-bini tiegħu sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.
4.
Jekk l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 relatati mal-ipproċessar ta’ data personali amministrattiva jew id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali ma jkunux ġew osservati, l-Uffiċjal għandu jinforma lill-Kap Prosekutur Ewropew, u jitolbu jsolvi n-nonkonformità fi żmien speċifikat. Jekk il-Kap Prosekutur Ewropew ma jsolvix in-nonkonformità tal-ipproċessar fiż-żmien speċifikat, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Artikolu 80
Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti ta’ data personali operazzjonali
1.
L-UPPE jista’ jittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, soġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 53, biss meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 80 sa 83 jkunu sodisfatti, jiġifieri:
(a)
it-trasferiment ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-UPPE;
(b)
id-data personali operazzjonali tiġi ttrasferita lil kontrollur f’pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li tkun awtorità kompetenti għall-fini tal-Artikolu 104;
(c)
fejn id-data personali operazzjonali li għandha tiġi ttrasferita f’konformità ma’ dan l-Artikolu tkun intbagħtet jew saret disponibbli minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lill-UPPE, dan tal-aħħar għandu jikseb awtorizzazzjoni minn qabel għat-trasferiment mill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sakemm dak l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea ma jkunx ta din l-awtorizzazzjoni għal tali trasferiment f’termini ġenerali jew soġġett għal kondizzjonijiet speċifiċi;
(d)
il-Kummissjoni tkun iddeċidiet skont l-Artikolu 81 li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, jew li fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni ta’ adegwatezza, fejn jiġu ċitati, jew jeżistu, salvagwardji adatti skont l-Artikolu 82, jew it-tnejn li huma fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza u ta’ tali salvagwardji adatti, japplikaw derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 83; u
(e)
fil-każ ta’ trasferiment ulterjuri lil pajjiż terz ieħor jew lil organizzazzjoni internazzjonali oħra minn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, l-UPPE għandu jesiġi li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali jitolbu l-awtorizzazzjoni minn qabel għal dak it-trasferiment ulterjuri, li l-UPPE jista’ jipprovdi biss wara li jkunu tqiesu b’mod xieraq il-fatturi rilevanti kollha, inkluż il-livell ta’ serjetà tar-reat kriminali, il-fini li għalih id-data personali operazzjonali oriġinarjament ġiet ittrasferita u l-livell ta’ protezzjoni ta’ data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li lilhom tiġi ttrasferita ulterjorment id-data personali operazzjonali.
2.
L-UPPE jista’ jittrasferixxi data personali operazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 1 biss jekk it-trasferiment tad-data personali operazzjonali jkun meħtieġ għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew pajjiż terz jew għall-interessi essenzjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-awtorizzazzjoni minn qabel ma tkunx tista’ tinkiseb fi żmien xieraq. L-awtorità responsabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun infurmata mingħajr dewmien.
3.
Għandu jkun pprojbit it-trasferiment ta’ data personali operazzjonali riċevuta mill-UPPE lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali min-naħa ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni. Dan m’għandux japplika f’każijiet fejn l-UPPE ikun awtorizza tali trasferiment, wara li jkunu tqiesu b’mod dovut il-fatturi rilevanti kollha, inkluż il-livell ta’ serjetà tar-reat kriminali, il-fini li għalih id-data personali operazzjonali ntbagħtet oriġinarjament u l-livell ta’ protezzjoni ta’ data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li lilhom tiġi ttrasferita d-data personali operazzjonali. Dak l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel mill-UPPE ma għandux japplika għall-każijiet li ġew riferuti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 34.
4.
L-Artikoli 80 sa 83 għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li ma jiddgħajjifx il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi ggarantit minn dan ir-Regolament u mil-liġi tal-Unjoni.
Artikolu 81
Trasferimenti abbażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza
L-UPPE jista’ jittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet f’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2016/680 li l-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f’dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni, jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni.
Artikolu 82
Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji adatti
1.
Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, l-UPPE jista’ jittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali fejn:
(a)
salvagwardji adatti fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali operazzjonali jkunu previsti fi strument legalment vinkolanti; jew
(b)
l-UPPE ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha relattivi għat-trasferiment tad-data personali operazzjonali u jikkonkludi li jeżistu salvagwardji adatti fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali operazzjonali.
2.
L-UPPE għandu jinforma lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar kategoriji ta’ trasferimenti taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1.
3.
Meta trasferiment ikun ibbażat fuq il-punt (b) tal-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, u informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċievih, dwar il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u dwar id-data personali operazzjonali trasferita.
Artikolu 83
Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi
1.
Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, jew ta’ salvagwardji adatti skont l-Artikolu 82, l-UPPE jista’ jittrasferixxi data personali operazzjonali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali biss bil-kondizzjoni li t-trasferiment ikun meħtieġ:
(a)
għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna oħra;
(b)
għas-salvagwardja tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data;
(c)
għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ pajjiż terz; jew
(d)
f’każijiet individwali għat-twettiq tal-kompiti tal-UPPE, sakemm l-UPPE ma jiddeċidix li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat jieħdu preċedenza fuq l-interess pubbliku fit-trasferiment.
2.
Fejn trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, u informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċievih, dwar il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u dwar id-data personali operazzjonali trasferita.
Artikolu 84
Trasferimenti ta’ data personali operazzjonali lil riċevituri stabbiliti f’pajjiżi terzi
1.
Permezz ta’ deroga mill-punt (b) fl-Artikolu 80(1) u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-UPPE, f’każijiet individwali u speċifiċi, jista’ jittrasferixxi data personali operazzjonali direttament lil riċevituri stabbiliti f’pajjiżi terzi biss jekk ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-Kapitlu u jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)
it-trasferiment huwa strettament meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu kif previst f’dan ir-Regolament għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 49(1);
(b)
l-UPPE jiddetermina li l-ebda dritt u libertà fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat ma jieħu preċedenza fuq l-interess pubbliku li jkun jeħtieġ it-trasferiment fil-każ inkwistjoni;
(c)
l-UPPE jqis li t-trasferiment lil awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 49(1) fil-pajjiż terz huwa ineffettiv jew mhuwiex adegwat, b’mod partikolari minħabba li t-trasferiment ma jistax isir fi żmien xieraq;
(d)
l-awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 49(1) fil-pajjiż terz tiġi informata mingħajr dewmien bla bżonn, sakemm dan ma jkunx ineffettiv jew mhux xieraq;
(e)
l-UPPE jinforma lir-riċevitur dwar il-fini jew il-finijiet speċifikati li għalihom id-data personali operazzjonali għandha biss tiġi pproċessata minn dan tal-aħħar dment li dan l-ipproċessar huwa neċessarju.
2.
Ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali internazzjonali fis-seħħ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija.
3.
Fejn trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, u informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċievih, dwar il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u dwar id-data personali operazzjonali trasferita.
Artikolu 85
Superviżjoni mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
1.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli biex jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relattivament għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-UPPE, u biex jagħti pariri lill-UPPE u lil suġġetti tad-data dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali. Għal dan il-għan, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq id-dmirijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għandu jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 87.
2.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin taħt dan ir-Regolament:
(a)
jisma’ u jinvestiga ilmenti, u jinforma lis-suġġett tad-data dwar ir-riżultat f’perijodu raġonevoli ta’ żmien;
(b)
jagħmel investigazzjonijiet jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-bażi ta’ ilment, u jinforma lis-suġġetti tad-data dwar ir-riżultat f’perijodu raġonevoli ta’ żmien;
(c)
jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relattivi għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-UPPE;
(d)
jagħti parir lill-UPPE, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew biex jirrispondi xi konsultazzjoni, dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, b’mod partikolari qabel l-UPPE jistabbilixxi regoli interni relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali.
3.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ taħt dan ir-Regolament:
(a)
jagħti pariri lil suġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom;
(b)
jirreferi l-kwistjoni lill-UPPE fil-każ ta’ allegat ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali, u, fejn xieraq, jagħmel proposti għar-rimedjar ta’ dak il-ksur u għat-titjib tal-protezzjoni tas-suġġetti tad-data;
(c)
jikkonsulta lill-UPPE meta jkun ġew rifjutati talbiet għall-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet relattivament għal data personali operazzjonali bi ksur mal-Artikoli 56 sa 62;
(d)
jirreferi l-kwistjoni lill-UPPE;
(e)
jordna lill-UPPE biex iwettaq ir-rettifika, ir-restrizzjoni jew it-tħassir ta’ data personali operazzjonali li tkun ġiet ipproċessata mill-UPPE bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali u n-notifika ta’ tali azzjonijiet lil partijiet terzi li lilhom tkun ġiet żvelata tali data, dment li dan ma jfixkilx l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet immexxija mill-UPPE;
(f)
jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati;
(g)
jintervjeni fl-azzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
4.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għad-data personali operazzjonali pproċessata mill-UPPE u għall-bini tiegħu sa fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.
5.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet ta’ superviżjoni fuq l-UPPE.
Artikolu 86
Segretezza professjonali tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-impjegati għandhom, kemm matul u wara t-terminu tal-ħatra tagħhom, ikunu soġġetti għad-dmir ta’ segretezza professjonali fir-rigward ta’ kull informazzjoni konfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul l-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali.
Artikolu 87
Kooperazzjoni bejn il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali
1.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jaġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi li jeħtieġu l-involviment nazzjonali, b’mod partikolari jekk il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew xi awtorità superviżorja nazzjonali jsibu diskrepanzi kbar bejn il-prattiki ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew isibu trasferimenti potenzjalment illegali li jużaw il-kanali ta’ komunikazzjoni tal-UPPE, jew fil-kuntest ta’ kwistjonijiet imqajma minn awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.
Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li għandhom il-kompetenza tas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data jistgħu, filwaqt li kull wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, jiskambjaw informazzjoni rilevanti, u jassistu lil xulxin fit-twettiq ta’ awditjar u spezzjonijiet, jeżaminaw diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jistudjaw problemi relatati mat-twettiq tas-superviżjoni indipendenti jew mat-twettiq tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti għal kwalunkwe problema, u jippromwovu l-għarfien dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data, kif meħtieġ.
3.
Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 għandu wkoll iwettaq il-kompiti preskritti fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/680 fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti b’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 88
Dritt li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
1.
Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar mill-UPPE ta’ data personali operazzjonali relatata mas-suġġett tad-data jikser dan ir-Regolament.
2.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-progress u r-riżultat tal-ilment, inkluż dwar il-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 89.
Artikolu 89
Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju kontra l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
L-azzjonijiet kontra deċiżjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
KAPITOLU IX
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI U DWAR IL-PERSUNAL
TAQSIMA 1
Dispożizzjonijiet finanzjarji
Artikolu 90
Atturi finanzjarji
1.
Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jkun responsabbli għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tal-baġit u li jippreżentahom lill-Kulleġġ għal adozzjoni.
2.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun responsabbli bħala uffiċjal awtorizzanti għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UPPE.
Artikolu 91
Baġit
1.
Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jħejji estimi tad-dħul u n-nefqa tal-UPPE għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, abbażi ta’ proposta mfassla mid-Direttur Amministrattiv. Dawk l-estimi għandhom jidhru fil-baġit tal-UPPE.
2.
Il-baġit tal-UPPE għandu jkun ibbilanċjat f’termini ta’ dħul u nefqa.
3.
Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-UPPE għandu jinkludi:
(a)
kontribuzzjoni mill-Unjoni, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni, soġġett għal paragrafi 7 u 8;
(b)
imposti għal pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mill-UPPE.
4.
In-nefqa tal-UPPE għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej, id-Direttur Amministrattiv u l-persunal tal-UPPE, l-ispejjeż amministrattivi u ta’ infrastruttura u n-nefqa operazzjonali.
5.
Fejn Prosekuturi Delegati Ewropej jaġixxu fil-qafas tal-UPPE, in-nefqa rilevanti mġarrba mill-Prosekuturi Delegati Ewropej matul dawk l-attivitajiet għandha titqies bħala nefqa operazzjonali tal-UPPE.
In-nefqa operazzjonali tal-UPPE, fil-prinċipju m’għandhiex tinkludi spejjeż relatati ma’ miżuri ta’ investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew spejjeż ta’ għajnuna legali. Madankollu, hija għandha, fil-limiti tal-baġit tal-UPPE, tinkludi ċerti spejjeż relatati ma’ attivitajiet tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni kif stipulat fil-paragrafu 6.
In-nefqa operazzjonali għandha tinkludi wkoll it-twaqqif ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, taħriġ, missjonijiet u traduzzjonijiet meħtieġa għall-funzjonament intern tal-UPPE, bħat-traduzzjonijiet għall-Awla Permanenti.
6.
Fejn titwettaq miżura ta’ investigazzjoni bi spejjeż eċċezzjonalment għolja f’isem l-UPPE, il-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu, fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba motivata tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jikkonsultaw lill-Awla Permanenti dwar jekk l-ispiża tal-miżura ta’ investigazzjoni tistax titħallas parzjalment mill-UPPE. Tali konsultazzjonijiet m’għandhomx idewmu l-investigazzjoni.
L-Awla Permanenti tista’ konsegwentement, wara konsultazzjoni mad-Direttur Amministrattiv u abbażi tal-proporzjonalità tal-miżura mwettqa fiċ-ċirkostanzi speċifiċi u tan-natura straordinarja tal-ispejjeż li tinvolvi, tiddeċiedi li taċċetta jew tirrifjuta t-talba f’konformità mar-regoli dwar il-valutazzjoni ta’ dawn il-kriterji li għandhom jiġu stipulati fir-regoli ta’ proċedura interni tal-UPPE. Id-Direttur Amministrattiv għandu konsegwentement jiddeċiedi dwar l-ammont ta’ għotja li għandha tingħata skont ir-riżorsi finanzjarji disponibbli. Id-Direttur Amministrattiv għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ bid-deċiżjoni dwar l-ammont.
7.
F’konformità mal-Artikolu 332 TFUE, in-nefqa tal-UPPE msemmija fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, għandha titħallas mill-Istati Membri. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE għandhom jirċievu aġġustament skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (
6
).
8.
Il-paragrafu 7 m’għandux japplika għall-ispejjeż amministrattivi involuti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.
Artikolu 92
Stabbiliment tal-baġit
1.
Kull sena l-Kap Prosekutur Ewropew għandu jħejji abbozz proviżorju tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-UPPE għas-sena finanzjarja li jmiss abbażi ta’ proposta mfassla mid-Direttur Amministrattiv. Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jibgħat l-abbozz proviżorju tal-estimi lill-Kulleġġ għall-adozzjoni.
2.
L-abbozz proviżorju tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-UPPE għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. L-UPPE għandu jibgħat abbozz finali tal-estimi, li għandu jinkludi abbozz ta’ skema ta’ organizzazzjoni tal-persunal, lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.
3.
Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-estimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (“l-awtorità baġitarja”) flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
4.
Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-estimi li tikkunsidra meħtieġa għall-iskema ta’ organizzazzjoni tal-persunal u l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandu jiġi impost fuq il-baġit ġenerali, li għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 TFUE.
5.
L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-UPPE.
6.
L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-iskema ta’ organizzazzjoni tal-UPPE.
7.
Il-Kulleġġ għandu jadotta l-baġit tal-UPPE fuq proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn meħtieġ, dan għandu jiġi aġġustat f’konformità mal-istess proċedura bħal dik għall-adozzjoni tal-baġit inizjali.
8.
Għal kwalunkwe proġett ta’ kostruzzjoni li x’aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-UPPE, għandu japplika l-Artikolu 88 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (
7
).
Artikolu 93
Implimentazzjoni tal-baġit
1.
Id-Direttur Amministrattiv li jaġixxi bħala l-uffiċjal awtorizzanti tal-UPPE, għandu jimplimenta l-baġit tal-UPPE taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti awtorizzati fil-baġit.
2.
Kull sena d-Direttur Amministrattiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sejbiet ta’ kwalunkwe proċedura ta’ evalwazzjoni.
Artikolu 94
Preżentazzjoni ta’ kontijiet u kwittanza
1.
L-uffiċjal tal-kontabilità tal-UPPE għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (is-sena N) lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara (is-sena N + 1).
2.
L-UPPE għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri, sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja tas-sena ta’ wara.
3.
L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-UPPE konsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja.
4.
F’konformità mal-Artikolu 148(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kontijiet proviżorji tal-UPPE sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.
5.
Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-UPPE skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-UPPE għandu jfassal il-kontijiet finali tal-UPPE li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u jippreżentahom lill-Kulleġġ għal opinjoni.
6.
L-uffiċjal tal-kontabilità tal-UPPE għandu, sal-1 ta’ Lulju wara kull sena finanzjarja, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Kulleġġ imsemmija fil-paragrafu 5.
7.
Il-kontijiet finali tal-UPPE għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara kull sena finanzjarja.
8.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ wara kull sena finanzjarja. Id-Direttur Amministrattiv għandu jibgħat ukoll it-tweġiba lill-Kummissjoni.
9.
Id-Direttur Amministrattiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, wara talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni kif stipulat fl-Artikolu 109(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013.
10.
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Amministrattiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.
Artikolu 95
Regoli finanzjarji
Il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jfassal l-abbozz ta’ regoli finanzjarji applikabbli għall-UPPE abbażi ta’ proposta mid-Direttur Amministrattiv. Dawk ir-regoli għandhom jiġu adottati mill-Kulleġġ wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Ir-regoli finanzjarji ma għandhomx jiddevjaw minn dawk stipulati fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013 ħlief jekk tali devjazzjoni tkun speċifikament meħtieġa għall-operat tal-UPPE u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet dwar il-persunal
Artikolu 96
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.
Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati bi qbil bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej, id-Direttur Amministrattiv u l-persunal tal-UPPE, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.
Il-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej għandhom jiġu ingaġġati bħala aġenti temporanji tal-UPPE taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.
2.
Il-persunal tal-UPPE għandu jiġi reklutat skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli għal uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea.
3.
Is-setgħat ikkonferiti lill-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg biex tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg għandhom jiġu eżerċitati mill-Kulleġġ. Il-Kulleġġ jista’ jiddelega dawn is-setgħat lid-Direttur Amministrattiv fir-rigward tal-persunal tal-UPPE. Id-delega ta’ setgħat imsemmija f’dan il-paragrafu ma għandhiex tikkonċerna l-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej, il-Prosekuturi Delegati Ewropej jew id-Direttur Amministrattiv.
4.
Il-Kulleġġ għandu jadotta regoli adatti biex jimplimenta r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Kulleġġ għandu jadotta wkoll il-programmazzjoni ta’ riżorsi relattivament għall-persunal bħala parti mid-dokument ta’ programmazzjoni.
5.
Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-UPPE u l-persunal tiegħu.
6.
Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jiġu ingaġġati bħala Konsulenti Speċjali f’konformità mal-Artikoli 5, 123 u 124 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiffaċilitaw it-twettiq tal-funzjonijiet tal-Prosekuturi Delegati Ewropej taħt dan ir-Regolament u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni jew politika li tista’ taffettwa ħażin il-karriera jew l-istatus tagħhom fis-sistema tal-prosekuzzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu lill-Prosekuturi Delegati Ewropej ir-riżorsi u t-tagħmir neċessarji għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, u għandhom jassiguraw li huma jkunu integrati b’mod sħiħ fis-servizzi tal-prosekuzzjoni nazzjonali tagħhom. Għandu jiġi żgurat li jkun hemm arranġamenti adegwati fis-seħħ sabiex id-drittijiet tal-Prosekuturi Delegati Ewropej relatati mas-sigurtà soċjali, il-pensjoni u l-kopertura tal-assigurazzjoni taħt l-iskema nazzjonali jinżammu. Għandu jiġi żgurat ukoll li r-remunerazzjoni totali ta’ Prosekutur Delegat Ewropew ma tkunx inqas minn dik li wieħed ikollu kieku dak il-prosekutur kellu jibqa’ biss prosekutur nazzjonali. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol ġenerali u l-ambjent tax-xogħol tal-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti.
7.
Il-Prosekuturi Ewropej u l-Prosekuturi Delegati Ewropej, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni, ma għandhom jirċievu ebda ordni, linja gwida jew istruzzjoni oħra għajr dawk li huma espressament previsti fl-Artikolu 6.
Artikolu 97
Aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali
1.
L-aġenti temporanji impjegati taħt il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni li jiġu rreklutati mill-UPPE b’kuntratt konkluż qabel u mhux aktar tard minn sena wara li l-UPPE jsir operazzjonali skont id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 120(2) għandhom jiġu offruti kuntratti taħt il-punt (f) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg filwaqt li l-kondizzjonijiet l-oħra kollha tal-kuntratt għandhom jibqgħu l-istess, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu rrispettati l-obbligi li jirriżultaw mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg. Dawk l-aġenti temporanji għandhom jitqiesu li qdew it-tul tas-servizz kollu tagħhom fl-UPPE.
2.
L-aġenti kuntrattwali impjegati taħt l-Artikolu 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jiġu rreklutati mill-UPPE b’kuntratt konkluż qabel u mhux aktar tard minn sena wara li l-UPPE jsir operazzjonali skont id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 120(2) għandhom jiġu offruti kuntratti skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg filwaqt li l-kondizzjonijiet l-oħra kollha tal-kuntratt għandhom jibqgħu l-istess. Dawk l-aġenti temporanji għandhom jitqiesu li qdew it-tul tas-servizz kollu tagħhom fl-UPPE.
3.
L-aġenti temporanji impjegati taħt il-punt (f) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u aġenti kuntrattwali impjegati taħt l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni li jiġu rreklutati mill-UPPE b’kuntratt konkluż qabel u mhux aktar tard minn sena wara li l-UPPE jsir operazzjonali skont id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 120(2) għandhom jiġu offruti kuntratti bl-istess kondizzjonijiet. Dawk l-aġenti għandhom jitqiesu li qdew it-tul tas-servizz kollu tagħhom fl-UPPE.
Artikolu 98
Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor
1.
L-UPPE jista’ juża, minbarra l-persunal tiegħu stess, esperti nazzjonali sekondati jew persuni oħra imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu iżda mhux impjegati minnu. L-esperti nazzjonali sekondati għandhom ikunu soġġetti għall-awtorità tal-Kap Prosekutur Ewropew fl-eżerċizzju ta’ kompiti relatati mal-funzjonijiet tal-UPPE.
2.
Il-Kulleġġ għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali għall-UPPE jew persuni oħra mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu iżda li mhumiex impjegati minnu.
KAPITOLU X
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IR-RELAZZJONIJIET TAL-UPPE MAL-IMSIEĦBA TIEGĦU
Artikolu 99
Dispożizzjonijiet komuni
1.
Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-UPPE jista’ jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, f’konformità mal-objettivi rispettivi tagħhom, u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE, l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.
2.
Sa fejn ikun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-UPPE jista’, f’konformità mal-Artikolu 111, jiskambja direttament kull informazzjoni mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm mhux previst mod ieħor minn dan ir-Regolament.
3.
Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-UPPE jista’ jikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma mal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-arranġamenti ta’ ħidma għandhom ikunu ta’ natura teknika u/jew operazzjonali, u għandhom l-għan b’mod partikolari li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet fihom. L-arranġamenti ta’ ħidma m’għandhom la jiffurmaw il-bażi li tippermetti l-iskambju ta’ data personali u lanqas ikollhom effetti legalment vinkolanti fuq l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.
Artikolu 100
Relazzjonijiet mal-Eurojust
1.
L-UPPE għandu jistabbilixxi u jżomm relazzjoni mill-qrib mal-Eurojust ibbażata fuq kooperazzjoni reċiproka fil-limiti tal-mandati rispettivi tagħhom u dwar l-iżvilupp ta’ rabtiet operazzjonali, amministrattivi u ta’ ġestjoni bejniethom kif definit f’dan l-Artikolu. Għal dan il-għan, il-Kap Prosekutur Ewropew u l-President tal-Eurojust għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ tħassib komuni.
2.
Fi kwistjonijiet operazzjonali, l-UPPE jista’ jassoċja lill-Eurojust mal-attivitajiet tiegħu dwar każijiet transkonfinali, inkluż billi:
(a)
jikkondividi informazzjoni, inklużi data personali, dwar l-investigazzjonijiet tiegħu f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament;
(b)
jistieden lill-Eurojust jew lill-membru jew membri nazzjonali kompetenti tagħha biex jipprovdu appoġġ fit-trasmissjoni tad-deċiżjonijiet jew talbiet tiegħu għal assistenza legali reċiproka lil, u għall-eżekuzzjoni fi, Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li huma membri tal-Eurojust iżda li ma jiħdux sehem fl-istabbiliment tal-UPPE, kif ukoll pajjiżi terzi.
3.
L-UPPE għandu jkollu aċċess indirett għal informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-Eurojust abbażi ta’ sistema hit/no-hit. Kull meta jinstab tqabbil bejn data mdaħħla fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet mill-UPPE u data miżmuma mill-Eurojust, il-fatt li jkun hemm tqabbil għandu jiġi kkomunikat kemm lill-Eurojust kif ukoll lill-UPPE, u anki lill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun ipprovda d-data lill-Eurojust. L-UPPE għandu jieħu miżuri adatti biex il-Eurojust ikun jista’ jkollu aċċess għal informazzjoni fis-sistema tiegħu ta’ ġestjoni tal-każijiet abbażi ta’ sistema hit/no-hit.
4.
L-UPPE jista’ jiddependi fuq l-appoġġ u r-riżorsi tal-amministrazzjoni tal-Eurojust. Għal dak il-għan, l-Eurojust jista’ jipprovdi servizzi ta’ interess komuni lill-UPPE. Id-dettalji għandhom ikunu regolati permezz ta’ Arranġament.
Artikolu 101
Relazzjonijiet mal-OLAF
1.
L-UPPE għandu jistabbilixxi u jżomm relazzjoni mill-qrib mal-OLAF ibbażata fuq kooperazzjoni reċiproka fil-limiti tal-mandati rispettivi tagħhom u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni. Ir-relazzjoni għandu jkollha l-għan b’mod partikolari li tiżgura li l-mezzi kollha disponibbli jiġu użati għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-komplementarjetà u l-appoġġ mill-OLAF lill-UPPE.
2.
Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, fejn l-UPPE jagħmel investigazzjoni kriminali f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-OLAF ma għandu jiftaħ l-ebda investigazzjoni amministrattiva parallela dwar l-istess fatti.
3.
Matul investigazzjoni mill-UPPE, l-UPPE jista’ jitlob lill-OLAF, f’konformità mal-mandat tal-OLAF, biex jappoġġa jew jikkomplementa l-attività tal-UPPE b’mod partikolari billi:
(a)
jipprovdi informazzjoni, analiżi (inkluż analiżi forensika), għarfien espert u appoġġ operazzjonali;
(b)
jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti u l-korpi tal-Unjoni;
(c)
iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi.
4.
L-UPPE jista’, bil-ħsieb li jippermetti lill-OLAF jikkunsidra azzjoni amministrattiva adatta f’konformità mal-mandat tiegħu, jipprovdi informazzjoni rilevanti lill-OLAF dwar każijiet fejn l-UPPE ikun iddeċieda li ma jagħmilx investigazzjoni jew ikun ċaħad każ.
5.
L-UPPE għandu jkollu aċċess indirett għal informazzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF abbażi ta’ sistema hit/no-hit. Kull meta jinstab tqabbil bejn data mdaħħla fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet mill-UPPE u data miżmuma mill-OLAF, il-fatt li jkun hemm tqabbil għandu jiġi kkomunikat kemm lill-OLAF kif ukoll lill-UPPE. L-UPPE għandu jieħu miżuri adatti biex l-OLAF ikun jista’ jkollu aċċess għal informazzjoni fis-sistema tiegħu ta’ ġestjoni tal-każijiet abbażi ta’ sistema hit/no-hit.
Artikolu 102
Relazzjonijiet mal-Europol
1.
L-UPPE għandu jistabbilixxi u jżomm relazzjoni mill-qrib mal-Europol. Għal dan il-għan, huma għandhom jikkonkludu arranġament ta’ xogħol li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tagħhom.
2.
Fejn ikun meħtieġ għall-fini tal-investigazzjonijiet tiegħu, l-UPPE għandu jkun jista’ jikseb, b’talba tiegħu, kwalunkwe informazzjoni rilevanti miżmuma mill-Europol, li tkun tikkonċerna kwalunkwe reat li jaqa’ fil-kompetenza tiegħu, u jista’ jitlob ukoll lill-Europol sabiex tipprovdi appoġġ analitiku għal investigazzjoni speċifika magħmula mill-UPPE.
Artikolu 103
Relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni
1.
L-UPPE għandu jistabbilixxi u jżomm relazzjoni ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-fini li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għal dak il-għan, huma għandhom jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet għall-kooperazzjoni tagħhom.
2.
Mingħajr preġudizzju għat-tmexxija tajba u l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tiegħu, l-UPPE għandu, mingħajr dewmien, jagħti lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni u vittmi oħrajn ikkonċernati informazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jieħdu miżuri adatti, b’mod partikolari:
(a)
miżuri amministrattivi, bħal miżuri prekawzjonarji biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, f’dan ir-rigward. L-UPPE jista’ jirrakkomanda miżuri speċifiċi lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni;
(b)
intervent bħala parti ċivili fil-proċedimenti;
(c)
miżuri għall-fini ta’ rkupru amministrattiv ta’ somom dovuti lill-baġit tal-Unjoni jew azzjoni dixxiplinarja.
Artikolu 104
Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali
1.
L-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 99(3) mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika u l-issekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament mal-UPPE.
2.
L-UPPE jista’ jaħtar, bi ftehim mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, punti ta’ kuntatt f’pajjiżi terzi sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-UPPE.
3.
Il-ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar konklużi mill-Unjoni jew li magħhom l-Unjoni aderixxiet f’konformità mal-Artikolu 218 TFUE f’oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE, bħal ftehimiet internazzjonali dwar kooperazzjoni f’materji kriminali bejn l-UPPE u dawk il-pajjiżi terzi, għandhom ikunu vinkolanti fuq l-UPPE.
4.
Fin-nuqqas ta’ ftehim skont il-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom, jekk ikun permess taħt il-ftehim internazzjonali multilaterali rilevanti u soġġett għall-aċċettazzjoni tal-pajjiż terz, jirrikonoxxu u, fejn applikabbli, jinnotifikaw lill-UPPE bħala awtorità kompetenti għall-fini ta’ implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali multilaterali dwar assistenza legali f’materji kriminali konklużi minnhom, inkluż, fejn ikun meħtieġ u possibbli, permezz ta’ emenda għal dawk il-ftehimiet.
L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw ukoll lill-UPPE bħala awtorità kompetenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali oħra dwar assistenza legali f’materji kriminali konklużi minnhom, inkluż permezz ta’ emenda għal dawk il-ftehimiet.
5.
Fin-nuqqas ta’ ftehim skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew ta’ rikonoxximent skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ, f’konformità mal-Artikolu 13(1), jista’ jirrikorri għas-setgħat ta’ prosekutur nazzjonali tal-Istat Membru tiegħu biex jitlob assistenza legali f’materji kriminali minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, abbażi ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi minn dak l-Istat Membru jew ta’ liġi nazzjonali applikabbli u, fejn meħtieġ, permezz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. F’dak il-każ, il-Prosekutur Delegat Ewropew għandu jinforma u fejn xieraq għandu jagħmel ħiltu biex jikseb il-kunsens mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi li l-evidenza miġbura fuq dik il-bażi ser tintuża mill-UPPE għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, il-pajjiż terz għandu jiġi infurmat debitament li r-riċevitur aħħari tat-tweġiba għat-talba jkun l-UPPE.
Fejn l-UPPE ma jkunx jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu abbażi ta’ ftehim internazzjonali rilevanti hekk kif imsemmi fil-paragrafu 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu, l-UPPE jista’ jitlob ukoll assistenza legali fi kwistjonijiet kriminali minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’każ partikolari u fil-limiti tal-kompetenzi materjali tiegħu. L-UPPE għandu jkun konformi mal-kondizzjonijiet li jistgħu jkunu stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet dwar l-użu tal-informazzjoni li huma pprovdew fuq dik il-bażi.
6.
Soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament, l-UPPE jista’, fuq talba, jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali, għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet jew ta’ użu bħala evidenza f’investigazzjonijiet kriminali, informazzjoni jew evidenza li tkun diġà fil-pussess tal-UPPE. Wara li jikkonsulta l-Awla Permanenti, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe tali trasferiment ta’ informazzjoni jew evidenza skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tiegħu u dan ir-Regolament.
7.
Fejn ikun meħtieġ li tintalab l-estradizzjoni ta’ persuna, il-Prosekutur Delegat Ewropew li jittratta l-każ jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu biex toħroġ talba għall-estradizzjoni f’konformità mat-trattati u/jew mal-liġi nazzjonali applikabbli.
Artikolu 105
Relazzjonijiet mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE
1.
L-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 99(3) mal-awtoritajiet ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika u l-issekondar ta’ uffiċjali ta’ kollegament mal-UPPE.
2.
L-UPPE jista’ jaħtar, bi ftehim mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni f’konformità mal-ħtiġijiet tal-UPPE.
3.
Fin-nuqqas ta’ strument legali relatat mal-kooperazzjoni f’materji kriminali u konsenja bejn l-UPPE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-UPPE bħala awtorità kompetenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-atti applikabbli tal-Unjoni dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fir-rigward ta’ każijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li ma jipparteċipawx f’kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.
KAPITOLU XI
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 106
Status ġuridiku u kondizzjonijiet operattivi
1.
F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-UPPE għandu jkollu l-kapaċità ġuridika mogħtija lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġi nazzjonali.
2.
L-arranġamenti meħtieġa li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni pprovduta għall-UPPE u l-faċilitajiet magħmula disponibbli mil-Lussemburgu, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-Membri tal-Kulleġġ, id-Direttur Amministrattiv u l-persunal tal-UPPE, u l-membri tal-familji tagħhom, għandhom ikunu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali li għandu jiġi konkluż bejn l-UPPE u l-Lussemburgu sad-data li fiha l-UPPE jassumi l-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 120(2).
Artikolu 107
Arranġamenti lingwistiċi
1.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1/58 (
8
) għandu japplika għall-atti msemmija fl-Artikoli 21 u 114 ta’ dan ir-Regolament.
2.
Il-Kulleġġ għandu jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni tal-UPPE.
3.
Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament amministrattiv tal-UPPE fil-livell ċentrali għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea, sakemm l-urġenza tal-kwistjoni ma tkunx tirrikjedi soluzzjoni oħra. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom jiddeċiedu dwar il-modalitajiet ta’ traduzzjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali applikabbli.
Artikolu 108
Kunfidenzjalità u segretezza professjonali
1.
Il-membri tal-Kulleġġ, id-Direttur Amministrattiv u l-persunal tal-UPPE, l-esperti nazzjonali sekondati u persuni oħra mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-UPPE iżda li ma jkunux impjegati minnu, u l-Prosekuturi Delegati Ewropej għandhom ikunu marbutin minn obbligu ta’ kunfidenzjalità skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni miżmuma mill-UPPE.
2.
Kwalunkwe persuna oħra li tipparteċipa jew tassisti fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-UPPE fil-livell nazzjonali għandha tkun marbuta b’obbligu ta’ kunfidenzjalità kif previst taħt il-liġi nazzjonali applikabbli.
3.
L-obbligu tal-kunfidenzjalità japplika wkoll għall-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 wara li jkunu telqu mill-kariga jew l-impjieg u wara t-terminazzjoni ta’ attivitajiet.
4.
L-obbligu tal-kunfidenzjalità għandu japplika, skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni applikabbli, għall-informazzjoni kollha riċevuta mill-UPPE, ħlief jekk din l-informazzjoni tkun diġà saret pubblika b’mod legali.
5.
L-investigazzjonijiet magħmulin taħt l-awtorità tal-UPPE għandhom ikunu protetti mir-regoli dwar is-segretezza professjonali taħt il-liġi applikabbli tal-Unjoni. Kwalunkwe persuna li tipparteċipa jew tassisti fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-UPPE għandha tkun marbuta li tirrispetta s-segretezza professjonali taħt il-liġi nazzjonali applikabbli.
Artikolu 109
Trasparenza
1.
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
9
) għandu japplika għal dokumenti għajr fajls tal-każijiet, inklużi immaġinijiet elettroniċi ta’ dawk il-fajls, li jkunu miżmumin skont l-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament.
2.
Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ħatra tiegħu, il-Kap Prosekutur Ewropew għandu jħejji proposta għal regoli dettaljati biex jiġi applikat dan l-Artikolu. Dik il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kulleġġ.
3.
Id-deċiżjonijiet meħuda mill-UPPE taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment għand l-Ombudsman Ewropew jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 TFUE rispettivament.
Artikolu 110
L-OLAF u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri
1.
Biex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, sa sitt xhur wara d-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 120(2), l-UPPE għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (
10
), u għandu jadotta d-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-Kap Prosekutur Ewropew, il-Prosekuturi Ewropej, id-Direttur Amministrattiv u l-persunal tal-UPPE, esperti nazzjonali sekondati u persuni oħra mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-UPPE iżda li ma jkunux impjegati minnu, u Prosekuturi Delegati Ewropej billi juża l-mudell stabbilit fl-Anness għal dak il-Ftehim.
2.
Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, fuq il-bażi ta’ dokumenti u kontrolli fil-post, fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mill-UPPE.
3.
L-OLAF jista’ jagħmel investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fil-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (
11
) sabiex jistabbilixxi jekk kienx hemm irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta man-nefqa ffinanzjata mill-UPPE.
4.
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, l-arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi tal-Unjoni, awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-kuntratti tal-UPPE għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu b’mod espliċitu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex jagħmlu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
Artikolu 111
Regoli dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni mhux klassifikata u klassifikata li tkun sensittiva
1.
L-UPPE għandu jistabbilixxi regoli interni dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, inkluż il-ħolqien u l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni fl-UPPE.
2.
L-UPPE għandu jistabbilixxi regoli interni dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE li għandhom ikunu konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (
12
) sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal tali informazzjoni.
Artikolu 112
Investigazzjonijiet amministrattivi
L-attivitajiet amministrattivi tal-UPPE għandhom ikunu soġġetti għall-investigazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew f’konformità mal-Artikolu 228 TFUE.
Artikolu 113
Reġim ġenerali tar-responsabbiltà
1.
Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-UPPE għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat.
2.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenzi skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż mill-UPPE.
3.
Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-UPPE għandu, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-UPPE jew mill-persunal tiegħu fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom sa fejn dan ikun jista’ jiġi imputat lilhom.
4.
Il-paragrafu 3 japplika wkoll għad-dannu kkawżat minħabba tort ta’ Prosekutur Delegat Ewropew fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.
5.
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni f’disputi dwar il-kumpens għad-danni kif imsemmija fil-paragrafu 3.
6.
Il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li għandhom il-kompetenza sabiex jittrattaw disputi li jinvolvu r-responsabbiltà kuntrattwali tal-UPPE kif imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati b’referenza għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
13
).
7.
Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-UPPE għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.
Artikolu 114
Regoli ta’ implimentazzjoni u dokumenti ta’ programmazzjoni
Il-Kulleġġ, fuq il-proposta tal-Kap Prosekutur Ewropew, għandu jadotta b’mod partikolari:
(a)
fuq bażi annwali, id-dokument ta’ programmazzjoni li jinkludi l-programmazzjoni annwali u pluriennali tal-UPPE;
(b)
strateġija kontra l-frodi, li tkun proporzjonata għar-riskji ta’ frodi wara li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati;
(c)
regoli dwar il-kondizzjonijiet ta’ impjieg, il-kriterji tal-prestazzjoni, l-insuffiċjenza professjonali, id-drittijiet u l-obbligi tal-Prosekuturi Delegati Ewropej, inklużi regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ konflitti ta’ interess;
(d)
regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fl-attivitajiet tal-UPPE;
(e)
ir-regoli ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(8) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 115
Eżerċizzju tad-delega
1.
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.
Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 49(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mill-20 ta’ Novembru 2017.
3.
Id-delega ta’ setgħat imsemmija fl-Artikolu 49(3) tista’ tiġi revokata f’kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara d-data ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.
Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
5.
Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.
Att delegat adottat skont l-Artikolu 49(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni espressa la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 116
Proċedura ta’ urġenza
1.
L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.
2.
Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 115(6). F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att minnufih wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Artikolu 117
Notifiki
Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet li jkunu kompetenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-informazzjoni dwar l-awtoritajiet nominati, kif ukoll dwar kwalunkwe tibdil sussegwenti tagħhom, għandha tiġi nnotifikata simultanjament lill-Kap Prosekutur Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-UPPE dwar lista estensiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali sostantiv nazzjonali li japplikaw għar-reati definiti fid-Direttiva (UE) 2017/1371 u dwar kwalunkwe liġi nazzjonali rilevanti oħra. L-UPPE għandu jiżgura li l-informazzjoni riċevuta permezz ta’ dawn il-listi ssir pubblika. Barra minn hekk l-Istati Membri li, f’konformità mal-Artikolu 30(3), biħsiebhom jillimitaw l-applikazzjoni tal-punti (e) u (f) tal-Artikolu 30(1) għal reati serji speċifiċi għandhom jinnotifikaw lill-UPPE dwar lista ta’ dawk ir-reati.
Artikolu 118
Reviżjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-UPPE
Fil-kuntest tal-adattament tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 f’konformità mal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Kummissjoni għandha tirrivedi d-dispożizzjonijiet relattiv għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-UPPE stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta proposta leġislattiva bl-għan li temenda jew tħassar dawk id-dispożizzjonijiet.
Artikolu 119
Klawżola ta’ reviżjoni
1.
Sa mhux iktar tard minn ħames snin wara d-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 120(2), u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tikkummissjona evalwazzjoni u għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar l-effikaċja u l-effiċjenza tal-UPPE u l-prattiki tax-xogħol tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.
2.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti leġislattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk hija tikkonkludi li huwa meħtieġ li jkun hemm regoli ulterjuri jew regoli aktar dettaljati dwar l-istabbiliment tal-UPPE, il-funzjonijiet tiegħu jew il-proċedura applikabbli għall-attivitajiet tiegħu, inklużi l-investigazzjonijiet transkonfinali tiegħu.
Artikolu 120
Dħul fis-seħħ
1.
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.
L-UPPE għandu jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe reat li jaqa’ fil-kompetenza tiegħu li jitwettaq wara d-data meta jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament.
L-UPPE għandu jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni mogħtija lilu b’dan ir-Regolament f’data li għandha tiġi determinata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq proposta tal-Kap Prosekutur Ewropew ladarba jiġi stabbilit l-UPPE. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Id-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni m’għandhiex tkun aktar kmieni minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa permezz ta’ deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) TFUE, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
▼M1
ANNESS
Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u kategoriji ta’ data personali operazzjonali msemmija fl-Artikolu 49(3)
A.
Kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data personali operazzjonali tagħhom tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi:
(a)
persuni suspettati jew akkużati fil-proċedimenti kriminali tal-UPPE;
(b)
persuni kkundannati wara l-proċedimenti kriminali tal-UPPE;
(c)
persuni fiżiċi li rrappurtaw jew li huma vittmi ta’ reati li jaqgħu fil-kompetenza tal-UPPE;
(d)
kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) jew (b).
B.
Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi:
(a)
il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;
(b)
id-data u l-post tat-twelid;
(e)
il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;
(f)
in-numri tas-sigurtà soċjali, il-kodiċijiet tal-ID, il-liċenzji tas-sewqan, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni, id-data tal-passaport, in-numru tad-dwana u ta’ identifikazzjoni tat-taxxa;
(g)
id-deskrizzjoni u n-natura tar-reati allegati, id-data meta twettqu u l-kategorija kriminali tar-reati;
(h)
informazzjoni dwar persuni ġuridiċi relatati ma’ individwi identifikati jew identifikabbli li huma suġġetti għal investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;
(i)
is-sħubija suspettata f’organizzazzjoni kriminali;
(j)
id-dettalji ta’ kontijiet miżmuma ma’ banek u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra;
(k)
in-numri tat-telefon, in-numri tas-SIM card, l-indirizzi tal-email, l-indirizzi tal-IP u l-kont u l-ismijiet tal-utenti użati fuq pjattaformi online;
(l)
id-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi;
(m)
l-assi identifikabbli li huma proprjetà tal-persuna jew li huma użati mill-persuna, bħall-kriptoassi u l-proprjetà immobbli.
C.
Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punt (c) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi, limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex l-UPPE jwettaq il-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni:
(a)
il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;
(b)
id-data u l-post tat-twelid;
(e)
il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;
(f)
il-kodiċijiet tal-ID, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni u d-data tal-passaport;
(g)
id-deskrizzjoni u n-natura tar-reati li jinvolvu lill-persuna kkonċernata jew li ġew irrappurtati minnha, id-data meta twettqu u l-kategorija kriminali tar-reati.
D.
Kategoriji ta’ data personali operazzjonali tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data msemmija fil-punt (d) tat-taqsima A li tista’ tiġi pproċessata fl-indiċi, limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex l-UPPE jwettaq il-kompiti tiegħu ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni:
(a)
il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet mogħtija u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt;
(b)
id-data u l-post tat-twelid;
(e)
il-post ta’ residenza, il-professjoni u l-post fejn tinsab il-persuna konċernata;
(f)
il-kodiċijiet tal-ID, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni u d-data tal-passaport.