Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R1131-20190101

Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1131/2019-01-01

02017R1131 — MT — 01.01.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2017/1131 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ġunju 2017

dwar il-fondi tas-suq monetarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 169 30.6.2017, p. 8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/990 tal-10 ta' April 2018

  L 177

1

13.7.2018




▼B

REGOLAMENT (UE) 2017/1131 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ġunju 2017

dwar il-fondi tas-suq monetarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal fondi tas-suq monetarju (MMFs, money market funds) stabbiliti, amministrati jew imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, dwar l-istrumenti finanzjarji eliġibbli għal investiment minn MMF, il-portafoll ta' MMF, il-valwazzjoni tal-assi ta' MMF, u r-rekwiżiti ta' rapportar fir-rigward ta' MMF.

Dan ir-Regolament japplika għal impriżi ta' investiment kollettiv li:

(a) jeħtieġu awtorizzazzjoni bħala UCITS jew huma awtorizzati bħala UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE jew li huma AIFs skont id-Direttiva 2011/61/UE;

(b) jinvestu f'assi b'terminu qasir ta' żmien; u

(c) għandhom għanijiet distinti jew kumulattivi li joffru redditi konformi mar-rati tas-suq monetarju jew li jippreservaw il-valur tal-investiment.

2.  L-Istati Membri ma għandhomx iżidu xi rekwiżit addizzjonali fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “assi b'terminu qasir ta' żmien” tfisser assi finanzjarji b'maturità residwa li ma taqbiżx is-sentejn;

(2) “strumenti tas-suq monetarju” tfisser strumenti tas-suq monetarju kif definiti fl-Artikolu 2(1)(o) tad-Direttiva 2009/65/KE, u strumenti kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/16/KE ( 1 );

(3) “titoli trasferibbli” tfisser titoli trasferibbli kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(n) tad-Direttiva 2009/65/KE, u strumenti kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/16/KE;

(4) “ftehim ta' riakkwist” tfisser kwalunkwe ftehim li fih parti waħda tittrasferixxi titoli jew drittijiet relatati ma' kontroparti, soġġetta għal impenn ta' riakkwist tagħhom bi prezz speċifikat f'data fil-ġejjieni speċifikata jew li għad trid tiġi speċifikata;

(5) “ftehim ta' retroriakkwist” tfisser kwalunkwe ftehim li fih parti minnhom tirċievi titoli, jew xi dritt relatat ma' titolu jew titolu minn kontroparti, soġġett għal impenn li jinbiegħu lura bi prezz speċifikat f'data fil-ġejjieni speċifikata jew li għad trid tiġi speċifikata;

(6) 'għoti b'self ta' titoli' u 'teħid b'self ta' titoli' tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li fiha istituzzjoni jew il-kontroparti tagħha tittrasferixxi titoli soġġetta għal impenn li l-mutwatarju se jrodd lura titoli ekwivalenti f'xi data fil-ġejjieni jew meta jintalab jagħmel hekk mit-trasferitur, b'dik it-tranżazzjoni magħrufa bħala “għoti b'self ta' titoli” għall-istituzzjoni li tittrasferixxi t-titoli u magħrufa bħala “teħid b'self ta” titoli' għall-istituzzjoni li huma ttrasferiti lilha;

(7) “titolizzazzjoni” tfisser titolizzazzjoni kif definita fl-Artikolu 4(1)(61) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(8) “valwazzjoni skont is-suq” tfisser il-valwazzjoni tal-pożizzjonijiet fi prezzijiet ta' għeluq bil-lest li jinġiebu b'mod indipendenti, inklużi prezzijiet tal-kambju, prezzijiet tal-iskrin jew kwotazzjonijiet minn bosta sensara indipendenti b'reputazzjoni tajba;

(9) “valwazzjoni skont mudell” tfisser kwalunkwe valwazzjoni li taqbel ma' punt ta' riferiment, tiġi estrapolata jew tiġi kkalkolata b'xi mod ieħor minn input wieħed jew iktar tas-suq;

(10) “metodu ta' kost amortizzat” tfisser metodu ta' valwazzjoni li jieħu l-kost tal-akkwiżizzjoni ta' assi u jaġġusta dak il-valur għal amortizzazzjoni ta' primjums jew skontijiet sal-maturità;

(11) “MMF b'valur nett kostanti tal-assi ta' dejn pubbliku” jew “CNAV MMF ta' dejn pubbliku” tfisser MMF:

(a) li jfittex li jżomm valur nett stabbli tal-assi (NAV, net asset value) għal kull unità jew sehem;

(b) fejn id-dħul fil-fond ikun dovut kuljum u jista' jew jitħallas lill-investitur jew jintuża biex jinxtraw aktar unitajiet jew ishma fil-fond;

(c) u fejn l-assi ġeneralment jiġu valutati skont il-metodu ta' kost amortizzat u fejn in-NAV jitqarreb lejn l-eqreb punt perċentwali jew l-ekwivalenti tiegħu f'termini monetarji; u

(d) li jinvesti mill-inqas 99,5 % tal-assi tiegħu fi strumenti msemmija fl-Artikolu 17(7), ftehimiet ta' retroriakkwist garantit b'dejn tal-gvern imsemmi fl-Artikolu 17(7) u fi flus kontanti;

(12) “MMF b'volatilità baxxa tal-valur nett tal-assi” jew “LVNAV MMF” tfisser MMF li jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi stipulati fl-Artikoli 29, 30 u 32 u fl-Artikolu 33(2)(b);

(13) “MMF b'valur nett varjabbli tal-assi” jew “VNAV MMF” tfisser MMF li jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi stipulati fl-Artikoli 29 u 30 u fl-Artikolu 33(1);

(14) “MMF għal terminu qasir ta' żmien” tfisser MMF li jinvesti fi strumenti tas-suq monetarju eliġibbli msemmija fl-Artikolu 10(1) u li hu suġġett għar-regoli tal-protafoll stabbiliti fl-Artikolu 24;

(15) “MMF standard” tfisser MMF li jinvesti fi strumenti eliġibbli tas-suq monetarju msemmija fl-Artikolu 10(1) u (2) u huwa suġġett għar-regoli tal-portafoll stabbiliti fl-Artikolu 25;

(16) “istituzzjonijiet ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(17) “awtorità kompetenti tal-MMF” tfisser:

(a) għall-UCITS, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini tal-UCITS magħżula f'konformità mal-Artikolu 97 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) għal AIFs tal-UE, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini tal-AIF kif definit fl-Artikolu 4(1)(p) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(c) għal AIFs mhux tal-UE, xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(i) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-AIF mhux tal-UE jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bla passaport;

(ii) l-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE li jmexxi l-AIF mhux tal-UE, fejn l-AIF mhux tal-UE jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bla passaport jew ma jitqiegħedx fis-suq tal-Unjoni;

(iii) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza jekk l-AIF mhux tal-UE ma jkunx immexxi minn AIFM tal-UE u jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni b'passaport;

(18) “maturità legali” tfisser id-data li fiha l-kapital prinċipali ta' titolu għandu jitħallas lura bis-sħiħ u li mhuwiex soġġett għal xi għażla;

(19) “maturità medja ponderata” (weighted average maturity) jew “WAM” tfisser it-tul medju ta' żmien għall-maturità legali jew, jekk iqsar, għar-rata tal-imgħax li jmiss issettjata mill-ġdid għal rata tas-suq monetarju, tal-assi sottostanti kollha fl-MMF li jirriflettu l-parteċipazzjonijiet relattivi f'kull assi;

(20) “ħajja medja ponderata” (weighted average life) jew “WAL” tfisser it-tul medju ta' żmien għall-maturità legali tal-assi kollha sottostanti fl-MMF li jirriflettu l-parteċipazzjonijiet relattivi f'kull assi;

(21) “maturità residwa” tfisser it-tul ta' żmien li jifdal sal-maturità legali ta' titolu;

(22) “bejgħ bin-nieqes” tfisser kwalunkwe bejgħ minn MMF ta' strument li l-MMF ma jippossjedix fil-ħin li jidħol fil-ftehim ta' bejgħ, inkluż dak il-bejgħ fejn, fil-ħin li jidħol fil-ftehim ta' bejgħ, l-MMF ikun issellef jew ftiehem li jissellef l-istrument għall-konsenja mal-ħlas, li ma jinkludix:

(a) bejgħ minn kwalunkwe parti taħt ftehim ta' riakkwist fejn parti qablet li tbigħ lill-oħra titolu għal prezz speċifikat b'impenn mill-parti l-oħra li tbigħ it-titolu lura f'data aktar tard għal prezz speċifikat ieħor, jew

(b) id-dħul f'kuntratt ta' futuri jew kuntratt ta' derivattiv ieħor fejn huwa maqbul li jinbiegħu t-titoli għal prezz speċifikat f'data futura;

(23) “maniġer ta' MMF” tfisser, fil-każ ta' MMF li hu UCITS, il-kumpanija maniġerjali UCITS jew il-kumpanija ta' investiment tal-UCITS f'każ ta' UCITS li timmaniġġja lilha nnifisha, u fil-każ ta' MMF li hi AIF, AIFM jew AIF li timmaniġġja lilha nnifisha.

Artikolu 3

Tipi ta' MMFs

1.  L-MMFs għandhom ikunu stabbiliti bħala wieħed mit-tipi li ġejjin:

(a) VNAV MMF;

(b) CNAV MMF ta' dejn pubbliku;

(c) LVNAV MMF.

2.  L-awtorizzazzjoni ta' MMF għandha tiddikjara espliċitament it-tip ta' MMF, minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni tal-MMFs

1.  Ebda impriża ta' investiment kollettiv ma għandha titwaqqaf, titqiegħed fis-suq jew titmexxa fl-Unjoni bħala MMF sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata skont dan ir-Regolament.

Din l-awtorizzazzjoni tkun valida għall-Istati Membri kollha.

2.  Impriża ta' investiment kollettiv li teħtieġ awtorizzazzjoni bħala UCITS taħt id-Direttiva 2009/65/KE u bħala MMF taħt dan ir-Regolament għall-ewwel darba għandha tkun awtorizzata bħala MMF bħala parti mill-proċedura ta' awtorizzazzjoni UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE.

Fejn impriża ta' investiment kollettiv tkun diġà ġiet awtorizzata bħala UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, din tista' tapplika għal awtorizzazzjoni bħala MMF f'konformtà mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu.

3.  Impriża ta' investiment kollettiv li hija AIF u li teħtieġ awtorizzazzjoni bħala MMF taħt dan ir-Regolament għandha tkun awtorizzata bħala MMF skont il-proċedura ta' awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5.

4.  Ebda impriża ta' investiment kollettiv ma għandha tkun awtorizzata bħala MMF sakemm l-awtorità kompetenti tal-MMF ma tkunx sodisfatta li l-MMF se jkun kapaċi jilħaq ir-rekwiżiti kollha ta' dan ir-Regolament.

5.  Għall-finijiet ta' awtorizzazzjoni bħala MMF, impriża ta' investiment kollettiv għandha tissottometti lill-awtorità kompetenti tagħha d-dokumenti kollha li ġejjin:

(a) ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-MMF, inkluża indikazzjoni ta' liema tip ta' MMF ikun minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 3(1);

(b) identifikazzjoni tal-maniġer tal-MMF;

(c) identifikazzjoni tad-depożitarju;

(d) deskrizzjoni tal-MMF disponibbli għall-investituri, jew kwalunkwe informazzjoni fuqu;

(e) deskrizzjoni tal-arranġamenti u l-proċeduri meħtieġa biex tinżamm konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-Kapitoli minn II sa VII, jew kwalunke informazzjoni fuqhom;

(f) kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti oħrajn mitlubin mill-awtorità kompetenti tal-MMF biex tiġi verifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

6.  Fuq bażi trimestrali, l-awtoritajiet kompetenti jgħarrfu lill-ESMA dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati skont dan ir-Regolament.

7.  L-ESMA għandha żżomm reġistru ċentrali pubbliku u fih tidentifika kull MMF awtorizzat skont dan ir-Regolament, it-tip tiegħu skont l-Artikolu 3(1), jekk huwiex MMF għal terminu qasir ta' żmien jew standard, il-maniġer ta' MMF u l-awtorità kompetenti tal-MMF. Ir-reġistru jkun disponibbli f'format elettroniku.

Artikolu 5

Proċedura biex jiġu awtorizzati MMFs li huma AIFs

1.  AIF għandu jkun awtorizzat bħala MMF biss jekk l-awtorità kompetenti tal-MMF tapprova l-applikazzjoni mressqa minn AIFM, li jkun diġà awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE, biex imexxi MMF li hu AIF, u japprova wkoll ir-regoli tal-fond u l-għażla tad-depożitarju.

2.  Meta jissottometti l-applikazzjoni biex imexxi MMF li huwa AIF, l-AIFM awtorizzat għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-MMF:

(a) bil-ftehim miktub mad-depożitarju;

(b) b'informazzjoni fuq l-arranġamenti ta' delegazzjoni dwar il-portafoll u l-immaniġġar u l-amministrazzjoni tar-riskji fir-rigward tal-AIF;

(c) b'informazzjoni fuq l-istrateġiji ta' investiment, il-profil ta' riskju u karatteristiċi oħrajn ta' MMFs li huma AIFs li l-AIFM imexxi jew għandu l-ħsieb li jmexxi.

L-awtorità kompetenti tal-MMF tista' titlob lill-awtorità kompetenti tal-AIFM għal kjarifika u informazzjoni li tikkonċerna d-dokumentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu jew attestazzjoni dwar jekk l-MMFs jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta' tmexxija tal-AIFM. L-awtorità kompetenti tal-AIFM għandha twieġeb fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn tali talba.

3.  Kwalunkwe modifika sussegwenti fid-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-awtorità kompetenti tal-MMF mill-AIFM.

4.  L-awtorità kompetenti tal-MMF għandha tirrifjuta l-applikazzjoni tal-AIFM biss f'każ li tapplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) l-AIFM ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament;

(b) l-AIFM ma jikkonformax mad-Direttiva 2011/61/UE;

(c) l-AIFM mhuwiex awtorizzat mill-awtorità kompetenti tiegħu biex imexxi MMFs;

(d) l-AIFM ma pprovdiex id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Qabel tirrifjuta applikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-MMF għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-AIFM.

5.  L-awtorizzazzjoni ta' AIF bħala MMF ma għandhiex tkun soġġetta għal rekwiżit li l-AIF jitmexxa minn AIFM awtorizzat fl-Istat Membru ta' oriġini tal-AIF jew li l-AIFM iwettaq jew jiddelega xi attivitajiet fl-Istat Membru ta' oriġini tal-AIF.

6.  Fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni ta' applikazzjoni sħiħa, l-AIFM għandu jiġi mgħarraf jekk ingħatatx jew le awtorizzazzjoni tal-AIF bħala MMF.

7.  L-awtorità kompetenti tal-MMF ma għandhiex tagħti awtorizzazzjoni ta' AIF bħala MMF jekk l-AIF huwa legalment projbit milli jqiegħed fis-suq l-unitajiet jew l-ishma tiegħu fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu.

Artikolu 6

L-użu tad-deżinjazzjoni bħala MMF

1.  UCITS jew AIF għandhom jużaw id-deżinjazzjoni “fond tas-suq monetarju” jew “MMF” relattivament għalihom innifishom jew għall-unitajiet jew l-ishma li joħorġu biss fejn l-UCITS jew l-AIF ikunu ġew awtorizzati f'konformità ma' dan ir-Regolament.

UCITS jew AIF m'għandhomx jużaw deżinjazzjoni li tiżgwida jew li ma tkunx preċiża li tista' tissuġġerixxi li huma MMF, sakemm ma jkunux ġew awtorizzati bħala MMF skont dan ir-Regolament.

UCITS jew AIF m'għandhomx ikollhom karatteristiċi li jkunu sostanzjalment simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1), sakemm ma jkunux ġew awtorizzati bħala MMF skont dan ir-Regolament.

2.  L-użu tad-deżinjazzjoni “fond tas-suq monetarju”, “MMF” jew deżinjazzjoni oħra li tissuġġerixxi li UCITS jew AIF huma MMF għandu jfisser l-użu fi kwalunkwe dokument estern, prospett, rapport, dikjarazzjoni, reklam, komunikazzjoni, ittra jew kwalunkwe materjal ieħor indirizzat jew maħsub biex jitqassam lil investituri prospettivi, detenturi ta' unitajiet, azzjonisti jew awtoritajiet kompetenti bil-miktub, b'mod orali, elettroniku jew xi mod ieħor.

Artikolu 7

Regoli applikabbli

1.  MMF u l-maniġer tal-MMF għandhom jikkonformaw il-ħin kollu ma' dan ir-Regolament.

2.  MMF li jkun UCITS u l-maniġer tal-MMF għandhom jikkonformaw il-ħin kollu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor f'dan ir-Regolament.

3.  MMF li jkun AIF u l-maniġer tal-MMF għandhom jikkonformaw il-ħin kollu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/61/UE, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor f'dan ir-Regolament.

4.  Il-maniġer ta' MMF għandu jkun responsabbli milli jiżgura li tinżamm konformità ma' dan ir-Regolament u għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara li ġejjin min-nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament.

5.  Dan ir-Regolament ma għandux iżomm lil MMFs milli japplikaw limiti tal-investimenti li huma iktar stretti minn dawk meħtieġa minn dan ir-Regolament.



KAPITOLU II

Obbligi li jikkonċernaw il-politiki ta' investiment tal-MMFs



Taqsima I

Regoli ġenerali u assi eliġibbli

Artikolu 8

Prinċipji ġenerali

1.  Fejn MMF ikun fih aktar minn kompartiment wieħed ta' investiment, kull kompartiment għandu jitqies bħala MMF separat għall-finijiet tal-Kapitoli II sa VII.

2.  L-MMFs awtorizzati bħala UCITS ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi li jikkonċernaw politiki ta' investiment ta' UCITS stabbiliti fl-Artikoli 49 sa 50a, l-Artikolu 51(2), u l-Artikoli 52 sa 57 tad-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma jiġix speċifikat b'mod espliċitu b'xi mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Assi eliġibbli

1.  MMF għandu jinvesti biss f'waħda jew iktar mill-kategoriji li ġejjin ta' assi finanzjarji u dejjem bil-kundizzjonijiet speċifikati f'dan ir-Regolament:

(a) strumenti tas-suq monetarju inklużi strumenti finanzjarji maħruġin jew garantiti separatament jew b'mod konġunt mill-Unjoni, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri jew il-banek ċentrali tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' pajjiż terz, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali jew kwalunkwe istituzzjoni jew organizzazzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra li għaliha jappartjeni Stat Membru wieħed jew iktar;

(b) titolizzazzjonijiet eliġibbli u karti kummerċjali garantiti b'assi (ABCPs);

(c) depożiti ma' istituzzjonijiet ta' kreditu;

(d) strumenti finanzjarji derivattivi;

(e) ftehimiet ta' riakkwist li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14;

(f) ftehimiet ta' retroriakkwist li jissodisfaw l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 15;

(g) unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra.

2.  MMF ma għandux iwettaq xi waħda minn dawn l-attivitajiet:

(a) jinvesti f'assi minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1;

(b) ibigħ bin-nieqes xi wieħed mill-istrumenti li ġejjin: strumenti tas-suq monetarju, titolizzazzjonijiet, ABCPs u unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra;

(c) jieħu skopertura diretta jew indiretta għal ekwità jew komoditajiet, inkluż permezz ta' derivattivi, ċertifikati li jirrappreżentawhom, indiċijiet ibbażati fuqhom, jew xi mezz jew strument ieħor li jagħti xi skopertura għalihom;

(d) jidħol fi ftehimiet ta' għoti b'self ta' titoli jew ftehimiet ta' teħid b'self ta' titoli, jew kwalunkwe ftehim ieħor li jkun ta' piż għall-assi tal-MMF;

(e) jieħu u jagħti b'self flus kontanti.

3.  MMF jista' jżomm assi likwidi anċillari f'konformità mal-Artikolu 50(2) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 10

Strumenti eliġibbli tas-suq monetarju

1.  Strument tas-suq monetarju għandu jkun eliġibbli għal investiment minn MFF dment li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) jaqa' f'waħda mill-kategoriji ta' strumenti tas-suq monetarju msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (h) tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) juri wieħed mill-karatteristiċi alternattivi li ġejjin:

(i) ikollu maturità legali fil-ħruġ ta' 397 jum jew inqas;

(ii) ikollu maturità residwa ta' 397 jum jew inqas;

(c) l-emittent tal-istrument tas-suq monetarju u l-kwalità tal-istrument tas-suq monetarju ikunu ngħataw valutazzjoni favorevoli skont l-Artikoli 19 sa 22;

(d) fejn MMF jinvesti f'titolizzazzjoni jew ABCP, dan ikun soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11.

2.  Minkejja l-punt (b) tal-paragrafu 1, MMFs standard għandhom jitħallew jinvestu fi strumenti tas-suq monetarju b'maturità residwa sad-data legali tat-tifdija ta' sentejn jew inqas, bil-kundizzjoni li ż-żmien li jifdal sad-data tar-risettjar tar-rata tal-imgħax li jkun imiss ikun ta' 397 jum jew inqas. Għal dak il-għan, l-istrumenti tas-suq monetarju b'rata varjabbli u l-istrumenti tas-suq monetarju b'rata fissa ħħeġġjati permezz ta' arranġament ta' tpartit għandhom jirrisettjaw għal rata jew indiċi tas-suq monetarju.

3.  Il-punt (c) tal-paragrafu 1 ma għandux japplika għal strumenti tas-suq monetarju maħruġin jew garantiti mill-Unjoni, minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, mill-Bank Ċentrali Ewropew, mill-Bank Ewropew tal-Investiment, mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jew mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja.'

Artikolu 11

Titolizzazzjonijiet u ABCPs eliġibbli

1.  Kemm titolizzazzjoni kif ukoll ABCP għandhom jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli għal investiment minn MFF sakemm it-titolizzazzjoni jew l-ABCP ikunu biżżejjed likwidi, irċevew valutazzjoni favorevoli skont l-Artikoli 19 sa 22, u huma waħda minn dawk li ġejjin:

(a) titolizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 ( 2 );

(b) ABCP maħruġ minn programm ABCP li:

(i) ikun appoġġat b'mod sħiħ minn istituzzjoni ta' kreditu regolata li tkopri l-likwidità, il-kreditu u riskju ta' dilwizzjoni materjali kollha, kif ukoll l-issuktar tal-kostijiet u l-issuktar tal-kostijiet fil-programm kollu tal-ABCP, jekk meħtieġ biex jiggarantixxi l-investitur il-ħlas sħiħ ta' kull ammont skont il-ABCP;

(ii) ma jkunx rititolizzazzjoni u l-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni fil-livell ta' kull tranżazzjoni ABCP ma jinkludu ebda pożizzjoni ta' titolizzazzjoni;

(iii) ma jinkludix titolizzazzjoni sintetika kif definita fil-punt (11) tal-Artikolu 242 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

▼M1

(c) Titolizzazzjoni (STS) sempliċi, trasparenti u standardizzata, kif determinata f'konformità mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 20, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), jew ABCP STS, kif iddeterminata f'konformità mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 24, 25 u 26 ta' dak ir-Regolament.

▼B

2.  MMF għal terminu qasir ta' żmien jista' jinvesti f'titolizzazzjonijiet jew ABCPs imsemmija fil-paragrafu 1 sakemm kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta, kif applikabbli:

(a) il-maturità legali fil-ħruġ tat-titolizzazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tkun ta' sentejn jew anqas u ż-żmien li jkun fadal sad-data ffissata li jmiss tar-rata ta' imgħax ikun 397 jum jew inqas;

(b) il-maturità legali fil-ħruġ jew il-maturità residwa ta' titolizzazzjonijiet jew ABCPs imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 tkun 397 jum jew inqas.

(c) it-titolizzazzjonijiet msemmija fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 ikunu strumenti ta' amortizzazzjoni u jkollhom WAL ta' sentejn jew inqas.

3.  MMF standard jista' jinvesti f'titolizzazzjonijiet jew ABCPs imsemmija fil-paragrafu 1 sakemm kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta, kif applikabbli:

(a) il-maturità legali fil-ħruġ jew il-maturità residwa tat-titolizzazzjonijiet u l-ABCPs imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 tkun sentejn jew inqas u ż-żmien li jkun fadal sad-data stabbilita li jmiss tar-rata ta' imgħax tkun 397 jum jew inqas;

(b) it-titolizzazzjonijiet msemmija fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 ikunu strumenti ta' amortizzazzjoni u jkollhom WAL ta' sentejn jew inqas.

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta, sa sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Regolament propost dwar titolizzazzjonijiet STS, att delegat f'konformità mal-Artikolu 45 li jemenda dan l-Artikolu billi jintroduċi referenza għall-kriterji li jidentifikaw titolizzazzjonijiet STS u ABCPs fid-dispożizzjonijiet korrispondenti ta' dan ir-Regolament. L-emenda għandha ssir effettiva l-aktar tard sa' sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak l-att delegat jew mid-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-Regolament propost dwar titolizzazzjonijiet STS liema minnhom tkun l-aktar tard.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-kriterji li jidentifikaw it-titolizzazzjonijiet STS u l-ABCPs għandhom jinkludu tal-inqas dan li ġej:

(a) ir-rekwiżiti li jirrigwardaw is-sempliċità tat-titolizzazzjoni, inklużi l-karattru reali tal-bejgħ u r-rispett tal-istandards relatati mas-sottoskrizzjoni tal-iskoperturi;

(b) ir-rekwiżiti relatati mal-istandizzazzjoni tat-titolizzazzjoni, inklużi r-rekwiżiti taż-żamma tar-riskju;

(c) ir-rekwiżiti relatati mat-trasparenza ta' titolizzazzjoni, inkluż l-għoti ta' informazzjoni lil investituri potenzjali;

(d) għall-ABCPs, barra mill-punti (a), (b) u (c), rekwiżiti relatati mal-isponsor u mal-appoġġ tal-isponsor għall-programm tal-ABCP.

Artikolu 12

Depożiti eliġibbli ma' istituzzjonijiet ta' kreditu

Depożitu ma' istituzzjoni ta' kreditu għandu jkun eliġibbli għal investiment minn MFF dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) id-depożitu jista' jitħallas lura wara talba jew ikun jista' jiġi prelevat fi kwalunkwe waqt;

(b) id-depożitu jimmatura f'mhux iktar minn 12-il xahar;

(c) l-istituzzjoni ta' kreditu għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru jew, meta l-istituzzjoni ta' kreditu għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'pajjiż terz, hija soġġetta għar-regoli prudenzjali meqjusa ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 107(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 13

Strumenti finanzjarji derivattivi eliġibbli

Strument finanzjarju derivattiv għandu jkun eliġibbli għal investiment minn MMF sakemm huwa nnegozjat f'suq regolat imsemmi fil-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew OTC u sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) is-sottostanti tal-istrument derivattiv jikkonsisti f'rati tal-imgħax, rati tal-kambju, muniti jew indiċijiet li jirrappreżentaw waħda minn dawk il-kategoriji;

(b) l-istrument derivattiv jintuża biss għall-fini ta' hedging tar-rata ta' imgħax jew tar-riskji tar-rata tal-kambju inerenti f'investimenti oħrajn tal-MMF;

(c) il-kontropartijiet għat-tranżazzjonijiet derivattivi OTC huma istituzzjonijiet soġġetti għal regolament u superviżjoni prudenzjali u li jappartjenu għall-kategoriji approvati mill-awtorità kompetenti tal-MMF;

(d) id-derivattivi OTC huma soġġetti għal valwazzjoni kredibbli u verifikabbli fuq bażi ta' kuljum u jistgħu jinbiegħu, jiġu likwidati jew jingħalqu permezz ta' tranżazzjoni ta' tpaċija fi kwalunkwe żmien bil-valur ġust tagħhom fuq inizjattiva tal-MMF.

Artikolu 14

Ftehimiet ta' riakkwist eliġibbli

Ftehim ta' riakkwist għandu jkun eliġibbli sabiex MMF jidħol fih dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) ikun użat fuq bażi temporanja. għal mhux aktar minn sebat ijiem ta' xogħol, unikament għal skopijiet ta' mmaniġġar ta' likwidità u mhux għal finijiet ta' investiment minbarra dawk imsemmija fil-punt (c);

(b) il-kontroparti li tirċievi l-assi trasferiti mill-MMF bħala kollateral skont il-ftehim ta' riakkwist tkun projbita milli tbigħ, tinvesti, tirhan jew tittrasferixxi b'mod ieħor dawk l-assi mingħajr il-kunsens minn qabel tal-MMF;

(c) il-flus kontanti li jirċievi l-MMF bħala parti mill-ftehim ta' riakkwist jistgħu jkunu:

(i) imqiegħda fuq depożiti f'konformità mal-punt (f) tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2009/65/KE; jew

(ii) investiti f'assi msemmija fl-Artikolu 15(6), imma ma jistgħux b'mod ieħor ikunu investiti f'assi eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 9, trasferiti jew b'mod ieħor użati mill-ġdid;

(d) il-flus kontanti riċevuti mill-MMF bħala parti mill-ftehim ta' riakkwist ma jaqbżux l-10 % tal-assi tiegħu;

(e) l-MMF għandu d-dritt itemm il-ftehim fi kwalunkwe ħin wara li jagħti avviż minn qabel ta' mhux aktar minn jumejn ta' xogħol;

Artikolu 15

Ftehimiet ta' retroriakkwist eliġibbli

1.  Ftehim ta' retroriakkwist għandu jkun eliġibbli sabiex MMF jidħol fih dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-MMF għandu d-dritt itemm il-ftehim fi kwalunkwe ħin wara li jingħata avviż minn qabel ta' mhux aktar minn jumejn ta' xogħol;

(b) il-valur fis-suq tal-assi riċevuti bħala parti mill-ftehim ta' retroriakkwist huwa fil-ħinijiet kollha tal-inqas daqs il-valur tal-flus kontanti mħallsa.

2.  L-assi riċevuti minn MMF bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist għandhom ikunu strumenti tas-suq monetarju li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10.

L-assi riċevuti minn MMF bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist ma għandhomx jinbiegħu, jerġgħu jiġu investiti, mirhuna jew trasferiti b'xi mod ieħor.

3.  It-titolizzazzjonijiet u l-ABCPs ma għandhomx ikunu waslu għand MMF bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist.

4.  L-assi riċevuti minn MMF bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist għandhom ikunu diversifikati biżżejjed bi skopertura massima għal emittent speċifiku ta' 15 % tan-NAV tal-MMF, ħlief meta dawk l-assi jieħdu l-forma ta' strumenti tas-suq monetarju li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(7). Barra minn hekk, l-assi riċevuti minn MMF bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist għandhom jinħarġu minn entità li tkun indipendenti mill-kontroparti u mistennija li ma turix korrelazzjoni għolja mal-prestazzjoni tal-kontroparti.

5.  MMF li jidħol fi ftehim ta' retroriakkwist għandu jiżgura li jista' jerġa' jieħu lura l-ammont sħiħ ta' flus kontanti fi kwalunkwe ħin jew fuq bażi ta' dħul dovut jew fuq bażi ta' valwazzjoni skont is-suq. Meta l-flus kontanti jkunu jistgħu jinġabru lura fi kwalunkwe ħin fuq bażi ta' valwazzjoni skont is-suq, il-valur tal-valwazzjoni skont is-suq tal-ftehim ta' retroriakkwist għandu jintuża għall-kalkolu tan-NAV tal-MMF.

6.  B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, MMF jista' jirċievi bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist titoli likwidi trasferibbli jew strumenti tas-suq monetarju minbarra dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10 sakemm dawk l-assi jkunu konformi ma' waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) ikunu maħruġa jew garantiti mill-Unjoni, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jew il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja sakemm tkun ġiet riċevuta valutazzjoni favorevoli skont l-Artikoli minn 19 sa 22;

(b) ikunu maħruġa jew iggarantiti minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' pajjiż terz, sakemm tkun ġiet riċevuta valutazzjoni favorevoli skont l-Artikoli minn 19 sa 22.

L-assi riċevuti bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom ikunu żvelati għall-investituri tal-MMF, f'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

L-assi riċevuti bħala parti minn ftehim ta' retroriakkwist f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(7).

7.  Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 45 biex tissupplementa dan ir-Regolament billi tispeċifika rekwiżiti tal-likwidità kwantitattiva u kwalitattiva applikabbli għal assi msemmija fil-paragrafu 6 u rekwiżiti kwantitattivi u kwalitattivi għall-kwalità tal-kreditu applikabbli għal assi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

Għal dawk l-għanijiet, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 509(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu sa mhux aktar tard mill-21 ta' Jannar 2018.

Artikolu 16

Unitajiet jew ishma eliġibbli tal-MMFs

1.  MMF jista' jakkwista l-unitajiet jew l-ishma ta' kwalunkwe MMF ieħor (“MMF fil-mira”) dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) mhux aktar minn 10 % tal-assi tal-MMF fil-mira ikunu jistgħu, skont ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tiegħu, jiġu investiti b'mod aggregat f'unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra;

(b) l-MMF fil-mira ma jkollux unitajiet jew ishma fl-MMF akkwirent.

MMF li l-unitajiet jew l-ishma tiegħu ġew akkwistati ma għandux jinvesti fl-MMFakkwirent matul il-perjodu li fih l-MMF akkwirent ikollu unitajiet jew ishma fih.

2.  MMF jista' jakkwista l-unitajiet jew l-ishma ta' MMFs oħra, sakemm ma jiġux investiti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu f'unitajiet jew ishma ta' MMF uniku.

3.  MMF jista', bħala aggregat, jinvesti mhux aktar minn 17,5 % tal-assi tiegħu f'unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra.

4.  Unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra għandhom ikunu eliġibbli għall-investiment minn MMF sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-MMF fil-mira jkun awtorizzat skont dan ir-Regolament;

(b) fejn l-MMF fil-mira jkun ġestit, kemm jekk direttament jew permezz ta' delega, mill-istess maniġer bħal dak tal-MMF akkwirent jew minn kwalunkwe kumpanija oħra li l-maniġer tal-MMF akkwirent huwa marbut magħha b'ġestjoni jew kontroll komuni, kif ukoll jekk minn parteċipazzjoni sostanzjali diretta jew indiretta, il-maniġer tal-MMF fil-mira, jew dik il-kumpanija l-oħra, huma pprojbiti milli jimponu tariffi ta' sottoskrizzjoni jew tifdija abbażi tal-investiment mill-MMF akkwirent fl-unitajiet jew l-ishma tal-MMF fil-mira;

(c) fejn MMF jinvesti 10 % jew iktar tal-assi tiegħu f'unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra:

(i) il-prospett ta' dak l-MMF jiżvela l-livell massimu tat-tariffi tal-ġestjoni li jistgħu jiġu imposti fuq l-MMF innifsu kif ukoll fuq l-MMFs l-oħra li jinvesti fihom; u

(ii) ir-rapport annwali għandu jindika l-proporzjon massimu ta' tariffi tal-ġestjoni imposti fuq l-MMF innifsu kif ukoll fuq l-MMFs l-oħra li jinvesti fihom.

5.  Il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal MMF li jkun AIF awtorizzat f'konformità mal-Artikolu 5, fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a) l-MMF ikun qed jiġi kummerċjalizzat unikament permezz ta' skema ta' tfaddil għall-impjegati rregolata bil-liġi nazzjonali u li jkollha biss persuni fiżiċi bħala investituri;

(b) l-iskema ta' tfaddil għall-impjegati msemmija fil-punt (a) tippermetti lill-investituri jifdu l-investiment tagħhom biss skont termini ta' tifdija restrittivi li jkunu stabbiliti fil-liġi nazzjonali, fejn it-tifdijiet jistgħu jsiru biss f'ċerti ċirkustanzi li ma jkunux marbuta ma' żviluppi tas-suq.

B'deroga mill-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, MMF li jkun UCITS awtorizzat f'konformità mal-Artikolu 4(2) jista' jakkwista unitajiet jew ishma f'MMFs oħra f'konformità mal-Artikolu 55 jew 58 tad-Direttiva 2009/65/KE skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-MMF ikun qed jiġi kummerċjalizzat unikament permezz ta' skema ta' tfaddil għall-impjegati rregolata bil-liġi nazzjonali u li jkollha biss persuni fiżiċi bħala investituri;

(b) l-iskema ta' tfaddil għall-impjegati msemmija fil-punt (a) tippermetti lill-investituri jifdu l-investiment tagħhom biss skont termini ta' tifdija restrittivi li jkunu stabbiliti fil-liġi nazzjonali, fejn it-tifdijiet jistgħu jsiru biss f'ċerti ċirkustanzi li ma jkunux marbuta ma' żviluppi tas-suq.

6.  MMFs għal terminu qasir ta' żmien jistgħu jinvestu biss f'unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra għal terminu qasir ta' żmien.

7.  MMFs standard jistgħu jinvestu f'unitajiet jew ishma ta' MMFs għal terminu qasir ta' żmien u f'MMFs standard.



Taqsima II

Dispożizzjonijiet dwar politiki tal-investiment

Artikolu 17

Diversifikazzjoni

1.  MMF għandu jinvesti mhux iktar minn:

(a) 5 % tal-assi tiegħu fi strumenti tas-suq monetarju, titolizzazzjonijiet u ABCPs maħruġin mill-istess korp;

(b) 10 % tal-assi tiegħu f'depożiti mal-istess istituzzjoni ta' kreditu, sakemm l-istruttura tas-settur bankarju fl-Istat Membru li l-MFF ikun domiċiljat fih tkun tali li ma jkunx hemm biżżejjed istituzzjonijiet ta' kreditu vijabbli biex jiġi sodisfatt dak ir-rekwiżit ta' diversifikazzjoni u ma jkunx ekonomikament fattibbli għall-MMF li jagħmel depożiti fi Stat Membru ieħor, f'liema każ sa 15 % tal-assi tiegħu jistgħu jiġu depożitati mal-istess istituzzjoni ta' kreditu.

2.  B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, VNAV MMF jista' jinvesti mhux aktar minn 10 % tal-assi tiegħu fi strumenti tas-suq monetarju, f'titolizzazzjonijiet u f'ABCPs maħruġa mill-istess korp, sakemm il-valur totali ta' tali strumenti tas-suq monetarju, titolizzazzjonijiet u ABCPs miżmuma mill-VNAV MMF f'kull korp emittenti li jinvesti fih iktar minn 5 % tal-assi tiegħu ma jeċċedix 40 % tal-valur tal-assi tiegħu.

3.  Sad-data tal-applikazzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 11(4), l-aggregat tal-iskoperturi kollha ta' MMF għal titolizzazzjonijiet u ABCPs ma għandux jaqbeż 15 % tal-assi tal-MMF.

Sa mid-data tal-applikazzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 11(4), l-aggregat tal-iskoperturi kollha għal titolizzazzjonijiet u ABCPs ta' MMF ma għandux jaqbeż l-20 % tal-assi tal-MMF, li minnhom sa 15 % tal-assi tal-MMF jistgħu jiġu investiti f'titolizzazzjonijiet u ABCPs li ma jikkonformawx mal-kriterji għall-identifikazzjoni ta' titolizzazzjonijiet u ABCPs li jkunu STS.

4.  L-iskopertura ta' riskju aggregat għall-istess kontroparti ta' MMF li ġejja minn tranżazzjonijiet derivattivi OTC li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 ma għandhiex taqbeż il-5 % tal-assi tal-MMF.

5.  L-ammont aggregat ta' flus kontanti pprovdut lill-istess kontroparti ta' MMF fi ftehimiet ta' retroriakkwist ma għandux jaqbeż il-15 % tal-assi tal-MMF.

6.  Minkejja l-limiti individwali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 4, fejn dan ikun jirriżulta f'investiment ta' iktar minn 15 % tal-assi tiegħu f'korp individwali, MMF ma għandux jikkombina dawn li ġejjin:

(a) investimenti fi strumenti tas-suq monetarju, titolizzazzjonijiet u ABCPs maħruġin minn dak il-korp;

(b) depożiti li saru ma' dak il-korp;

(c) strumenti finanzjarji derivattivi OTC li jġibu skopertura għar-riskju tal-kontroparti lil dak il-korp.

B'deroga mir-rekwiżit ta' diversifikazzjoni previst fl-ewwel subparagrafu, fejn l-istruttura tas-suq finanzjarju fl-Istat Membru fejn l-MFF ikun domiċiljat tkun tali li ma jkunx hemm biżżejjed istituzzjonijiet finanzjarji vijabbli biex jiġi sodisfatt dak ir-rekwiżit ta' diversifikazzjoni u ma jkunx ekonomikament fattibbli għall-MMF li juża istituzzjonijiet finanzjarji fi Stat Membru ieħor, l-MMF jista' jikkombina t-tipi ta' investimenti msemmija fil-punti (a) sa (c) sa investiment massimu ta' 20 % tal-assi tiegħu f'korp uniku.

7.  B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta' MMF tista' tawtorizza lil MMF biex jinvesti, f'konformità mal-prinċipju ta' tifrix tar-riskju, sa 100 % tal-assi tiegħu fi strumenti tas-suq monetarju differenti maħruġin jew garantiti separatament jew b'mod konġunt mill-Unjoni, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri jew mill-banek ċentrali tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' pajjiż terz, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, jew kwalunkwe istituzzjoni jew organizzazzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra li għaliha jappartjeni Stat Membru wieħed jew iktar.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss fejn ikunu sodisfatti r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) l-MMF ikollu strumenti tas-suq monetarju minn tal-inqas sitt ħarġiet differenti mill-emittent;

(b) l-MMF jillimita l-investiment fi strumenti tas-suq monetarju mill-istess ħarġa sa massimu ta' 30 % tal-assi tiegħu;

(c) l-MMF jirriferi b'mod espliċitu, fir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tiegħu, għall-amministrazzjonijiet, l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li joħorġu jew jiggarantixxu separatament jew b'mod konġunt strumenti tas-suq monetarju u li fihom beħsiebu jinvesti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu;

(d) l-MMF jinkludi dikjarazzjoni prominenti fil-prospett u l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tiegħu fejn jiġbed l-attenzjoni lejn l-użu tad-deroga u jindika l-amministrazzjonijiet, l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li joħorġu jew jiggarantixxu separatament jew b'mod konġunt strumenti tas-suq monetarju u li fihom beħsiebu jinvesti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu.

8.  Minkejja l-limiti individwali stabbiliti fil-paragrafu 1, MMF jista' jinvesti mhux aktar minn 10 % tal-assi tiegħu f'bonds maħruġa minn istituzzjoni ta' kreditu unika li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru u hija soġġetta bil-liġi għal superviżjoni pubblika speċjali mfassla biex tipproteġi lid-detenturi ta' bonds. B'mod partikolari, somom li jirriżultaw mill-ħruġ ta' dawk il-bonds għandhom jiġu investiti f'konformità mal-liġi dwar l-assi li, tul il-perjodu kollu tal-validità tal-bonds, ikunu jistgħu jkopru pretensjonijiet marbuta mal-bonds u li, fil-każ ta' nuqqas min-naħa tal-emittent, ikunu użati fuq bażi ta' prijorità għar-rimbors tal-kapital u l-ħlas tal-imgħax akkumulat.

Fejn MMF jinvesti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu fil-bonds imsemmija fl-ewwel subparagrafu maħruġa minn emittent uniku, il-valur totali ta' dawk l-investimenti ma għandux jaqbeż 40 % tal-valur tal-assi tal-MMF.

9.  Minkejja l-limiti individwali stabbiliti fil-paragrafu 1, MMF jista' jinvesti mhux iktar minn 20 % tal-assi tiegħu f'bonds maħruġa minn istituzzjoni ta' kreditu unika fejn ikunu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (f) tal-Artikolu 10(1) jew fil-punt (c) tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/61, fosthom kwalunkwe investiment possibbli fl-assi msemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.

Fejn MMF jinvesti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu fil-bonds imsemmija fl-ewwel subparagrafu maħruġa minn emittent uniku, il-valur totali ta' dawk l-investimenti ma għandux jaqbeż 60 % tal-valur tal-assi tal-MMF, fosthom kwalunkwe investiment possibbli fl-assi msemmija fil-paragrafu 8, fir-rispett tal-limiti stabbiliti fih.

10.  Kumpaniji li jkunu inklużi fl-istess grupp għall-finijiet ta' kontijiet konsolidati taħt id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) jew f'konformità mar-regoli internazzjonali rikonoxxuti dwar il-kontabbiltà, għandhom jitqiesu bħala korp uniku għall-fini ta' kalkolu tal-limiti msemmija fil-paragrafi 1 sa 6 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Konċentrazzjoni

1.  MMF ma għandux ikollu iktar minn 10 % tal-istrumenti tas-suq monetarju, titolizzazzjonijiet u ABCPs maħruġin minn korp wieħed.

2.  Il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għal parteċipazzjonijiet ta' strumenti tas-suq monetarju maħruġin jew garantiti mill-Unjoni, amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri jew il-banek ċentrali tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' pajjiż terz, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, jew kwalunkwe istituzzjoni jew organizzazzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra li għaliha jappartjeni Stat Membru wieħed jew iktar.



Taqsima III

Kwalità tal-kreditu ta' strumenti tas-suq monetarju, titolizzazzjonijiet u ABCPs

Artikolu 19

Proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu

1.  Il-maniġer ta' MMF għandu jistabbilixxi, jimplimenta u japplika b'mod konsistenti proċedura interna prudenti ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu sabiex tiġi determinata l-kwalità tal-kreditu tal-istrumenti tas-suq monetarju, tat-titolizzazzjonijiet u tal-ABCPs, filwaqt li jieħu f'kunsiderazzjoni l-emittent tal-istrument u l-karatteristiċi tal-istrument innifsu.

2.  Il-maniġer ta' MMF għandu jiżgura li l-informazzjoni użata meta tiġi applikata l-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tkun ta' kwalità suffiċjenti, aġġornata u minn sorsi affidabbli.

3.  Il-proċedura interna ta' valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq metodoloġiji ta' valutazzjoni prudenti, sistematiċi u kontinwi. Il-metodoloġiji użati għandhom ikunu soġġetti għal validazzjoni mill-maniġer ta' MMF fuq il-bażi ta' esperjenza storika u evidenza empirika, inkluż ittestjar retrospettiv.

4.  Il-maniġer ta' MMF għandu jiżgura li l-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tikkonforma mal-prinċipji ġenerali kollha li ġejjin:

(a) għandu jiġi stabbilit proċess effettiv biex tinkiseb u tiġi aġġornata informazzjoni rilevanti fuq il-karatteristiċi tal-emittent u tal-istrument;

(b) għandhom jiġu adottati u implimentati miżuri adegwati biex ikun żgurat li l-valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu tkun ibbażata fuq analiżi dettaljata tal-informazzjoni li hija disponibbli u pertinenti, u li tinkludi l-fatturi xprunaturi rilevanti kollha li jinfluwenzaw il-kredibbiltà kreditizja tal-emittent u l-kwalità tal-kreditu tal-istrument;

(c) il-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu għandha tiġi mmonitorjata fuq bażi kontinwa u l-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-kreditu kollha għandhom jiġu rieżaminati tal-inqas darba fis-sena;

(d) filwaqt li ma għandu jkun hemm ebda sovradipendenza mekkanistika fuq il-klassifikazzjonijiet esterni f'konformità mal-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-maniġer ta' MMF għandu jwettaq valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu ġdida għal strument tas-suq monetarju, titolizzazzjonijiet u ABCPs meta jkun hemm bidla materjali li jista' jkollha impatt fuq il-valutazzjoni eżistenti tal-istrument;

(e) il-metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu għandhom jiġu rieżaminati tal-inqas darba fis-sena mill-maniġer ta' MMF biex jiġi ddeterminat jekk jibqgħux xierqa għall-kundizzjonijiet attwali esterni u tal-portafoll u r-rieżami għandu jiġi trażmess lill-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-MMF. Meta l-maniġer tal-MMF isir jaf bi żbalji fil-metodoloġija ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu jew fl-applikazzjoni tagħha, għandu jikkoreġi dawk l-iżbalji minnufih;

(f) meta jinbidlu l-metodoloġiji, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet ewlenin użati fil-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, il-maniġer ta' MMF għandu jirrieżamina l-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-kreditu interni kollha affettwati malajr kemm jista' jkun;

Artikolu 20

Valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu

1.  Il-maniġer ta' MMF għandu japplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 biex jiddetermina jekk il-kwalità tal-kreditu ta' strument tas-suq monetarju, titolizzazzjoni jew ABCP tingħatax valutazzjoni favorevoli. Meta aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata u ċċertifikata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tkun ipprovdiet klassifikazzjoni ta' dak l-istrument tas-suq monetarju, il-maniġer tal-MMF jista' jqis tali klassifikazzjonijiet u informazzjoni u analiżi supplementari fil-valutazzjoni interna tiegħu tal-kwalità tal-kreditu, filwaqt li ma jiddependix unikament jew b'mod mekkaniku fuq tali klassifikazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

2.  Il-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu għandha tqis tal-inqas il-fatturi u l-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a) il-kwantifikazzjoni tar-riskju ta' kreditu tal-emittent u tar-riskju relattiv ta' inadempjenza tal-emittent u tal-istrument;

(b) indikaturi kwalitattivi dwar l-emittent tal-istrument, anke fid-dawl tas-sitwazzjoni makroekonomika u finanzjarja tas-suq;

(c) in-natura ta' terminu qasir ta' żmien tal-istrumenti tas-suq monetarju;

(d) il-klassi tal-assi tal-istrument;

(e) it-tip ta' emittent li jiddistingwi tal-inqas it-tipi ta' emittenti li ġejjin: amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, korporazzjonijiet finanzjarji, u korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

(f) għal strumenti finanzjarji strutturati, ir-riskju operattiv u tal-kontroparti inerenti fit-tranżazzjoni finanzjarja strutturata u, f'każ ta' skopertura għal titolizzazzjonijiet, ir-riskju tal-kreditu tal-emittent, l-istruttura tat-titolizzazzjoni u r-riskju tal-kreditu tal-assi sottostanti;

(g) il-profil tal-likwidità tal-istrument;

Il-maniġer ta' MMF jista', minbarra l-fatturi u l-prinċipji ġenerali msemmija f'dan il-paragrafu, iqis it-twissijiet u l-indikaturi meta jiddetermina l-kwalità tal-kreditu ta' strument tas-suq monetarju msemmi fl-Artikolu 17(7).

Artikolu 21

Dokumentazzjoni

1.  Il-maniġer ta' MMF għandu jiddokumenta l-proċedura interna tiegħu ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu u l-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-kreditu. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi dawn kollha:

(a) id-disinn u d-dettalji operattivi tal-proċedura interna tiegħu ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu b'tali mod li l-awtorità kompetenti tkun tista' tifhem u tevalwa l-adegwatezza ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu;

(b) il-ħsieb għal u l-analiżi li ssostni l-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, kif ukoll l-għażla tal-maniġer ta' MMF ta' kriterji għal, u l-frekwenza ta', ir-rieżami tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu;

(c) il-bidliet ewlenin kollha fil-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, inkluża l-identifikazzjoni tal-ixkattaturi ta' tali bidliet;

(d) l-organizzazzjoni tal-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu u l-istruttura interna ta' kontroll;

(e) l-informazzjoni interna sħiħa tal-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-kreditu dwar l-istrumenti, l-emittenti u, fejn rilevanti, il-garanti rikonoxxuti;

(f) il-persuna jew persuni responsabbli għall-proċedura ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu.

2.  Il-maniġer ta' MMF għandu jżomm id-dokumentazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1 għal mill-inqas tliet perjodi ta' kontabilità annwali kompleti.

3.  Il-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu għandha tiġi dettaljata fir-regoli tal-fond jew ir-regoli ta' inkorporazzjoni tal-MMF u d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-MMFs u lill-awtoritajiet kompetenti tal-maniġer tal-MMF.

Artikolu 22

Atti delegati għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 45 sabiex tissupplementa dan ir-Regolament billi tispeċifika dawn il-punti li ġejjin:

(a) il-kriterji għall-validazzjoni tal-metodoloġija ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, kif imsemmija fl-Artikolu 19(3);

(b) il-kriterji għall-kwantifikazzjoni tar-riskju tal-kreditu, u tar-riskju relattiv ta' inadempjenza ta' emittent u tal-istrument, kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 20(2);

(c) il-kriterji għall-istabbiliment tal-indikaturi kwalitattivi dwar l-emittent tal-istrument, kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20(2);

(d) it-tifsira ta' bidla materjali kif imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 19(4).

Artikolu 23

Governanza tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu

1.  Il-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu għandha tiġi approvata mill-maniġment superjuri, il-korp governattiv, u, fejn tkun teżisti, il-funzjoni superviżorja tal-maniġer ta' MMF.

Dawk il-partijiet għandu jkollhom fehim tajjeb tal-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu u tal-metodoloġiji applikati mill-maniġer ta' MMF, kif ukoll fehim dettaljat tar-rapporti assoċjati.

2.  Il-maniġer ta' MMF għandu jirrapporta lill-partijiet imsemmija fil-paragrafu 1 dwar il-profil ta' riskju ta' kreditu tal-MMF, abbażi ta' analiżi tal-valutazzjonijiet interni tal-kwalità tal-kreditu tal-MMF. Il-frekwenzi tar-rapportar għandhom jiddependu fuq l-importanza u t-tip ta' informazzjoni u tal-inqas ir-rapportar isir darba fis-sena.

3.  Fuq bażi kontinwa, il-maniġment superjuri għandu jara li l-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu qed taħdem kif suppost.

Il-maniġment superjuri għandu jiġi mgħarraf b'mod regolari dwar kif sejrin il-proċeduri interni ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu, l-oqsma fejn instabu nuqqasijiet, u l-qagħda tal-isforzi u l-azzjonijiet meħuda biex jittejbu nuqqasijiet identifikati qabel.

4.  Il-valutazzjonijiet interni tal-kwalità tal-kreditu u r-rieżamijiet perjodiċi tagħhom mill-maniġer ta' MMF ma għandhomx jitwettqu mill-persuni inkarigati jew responsabbli mill-ġestjoni tal-portafoll ta' MMF.



KAPITOLU III

Obbligi li jikkonċernaw l-immaniġġjar tar-riskji tal-MMFs

Artikolu 24

Regoli tal-portafoll għall-MMFs għal terminu qasir ta' żmien

1.  MMF għal terminu qasir ta' żmien għandu jikkonforma fuq bażi kontinwa mar-rekwiżiti kollha li ġejjin tal-portafoll:

(a) il-portafoll tiegħu għandu jkollu WAM ta' mhux iktar minn 60 jum;

(b) il-portafoll tiegħu għandu jkollu WAL ta' mhux iktar minn 120 jum, soġġett għat-tieni u t-tielet subparagrafi;

(c) għall-LVNAV MMFs u s-CNAV MMFs ta' dejn pubbliku, tal-inqas 10 % tal-assi tagħhom għandhom ikunu msawra minn assi li jimmaturaw kuljum, ftehimiet ta' retroriakkwist li jkunu jistgħu jiġu tterminati bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' jum ta' xogħol jew flus kontanti li jkunu jistgħu jiġu miġbuda bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' jum ta' xogħol. LVNAV MMF jew CNAV MMF ta' dejn pubbliku ma għandux jakkwista assi oħra għajr assi li jimmaturaw kuljum meta t-tali akkwiżizzjoni twassal biex dak l-MMF jinvesti inqas minn 10 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kuljum;

(d) għal VNAV MMF għal terminu qasir ta' żmien, tal-inqas 7,5 % tal-assi tiegħu għandhom jikkonsistu minn assi li jimmaturaw kuljum, ftehimiet ta' retroriakkwist li jkunu jistgħu jiġu tterminati bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' jum ta' xogħol, jew flus kontanti li jkunu jistgħu jinġibdu, bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' jum ta' xogħol. VNAV MMF għal terminu qasir ta' żmien ma għandux jakkwista assi oħra għajr assi li jimmaturaw kuljum meta tali akkwiżizzjoni twassal biex dak l-MMF jinvesti inqas minn 7,5 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kuljum;

(e) għal LVNAV MMFs u CNAV MMFs ta' dejn pubbliku, tal-inqas 30 % tal-assi tagħhom għandhom ikunu jikkonsistu minn assi li jimmaturaw kull ġimgħa, ftehimiet ta' retroriakkwist li jkunu jistgħu jiġu tterminati bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' ħamest ijiem ta' xogħol jew flus kontanti li jkunu jistgħu jiġu miġbuda bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' ħamest ijiem ta' xogħol. LVNAV MMF jew CNAV MMF ta' dejn pubbliku ma għandux jakkwista assi oħra għajr assi li jimmaturaw kull ġimgħa meta tali akkwiżizzjoni twassal biex dak l-MMF jinvesti inqas minn 30 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kull ġimgħa;

(f) għal VNAV MMF għal terminu qasir ta' żmien, tal-inqas 15 % tal-assi tiegħu għandhom jikkonsistu minn assi li jimmaturaw kull ġimgħa, ftehimiet ta' retroriakkwist li jkunu jistgħu jiġu tterminati bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' ħamest ijiem ta' xogħol, jew flus kontanti li jkunu jistgħu jinġiġbdu bl-għoti ta' avviż minn qabel ta' ħamest ijem ta' xogħol. VNAV MMF għal terminu qasir ta' żmien ma għandux jakkwista assi oħra għajr assi li jimmaturaw kull ġimgħa meta tali akkwiżizzjoni twassal biex dak l-MMF jinvesti inqas minn 15 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kull ġimgħa;

(g) għall-fini tal-kalkolu msemmi fil-punt (e), assi msemmija fl-Artikolu 17(7) li huma likwidi ħafna u jistgħu jinfdew u jiġu saldati fi żmien jum ta' xogħol u għandhom maturità residwa ta' mhux aktar minn 190 jum jistgħu jiġu inklużi fl-assi li jimmaturaw kull ġimgħa ta' LVNAV MMF u CNAV MMF ta' dejn pubbliku, sal-limitu ta' 17,5 % tal-assi tiegħu;

(h) għall-fini tal-kalkolu msemmi fil-punt (f), strumenti tas-suq monetarju jew unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra jistgħu jiġu inklużi fl-assi li jimmaturaw kull ġimgħa ta' VNAV MMF għal terminu qasir ta' żmien sal-limitu ta' 7,5 % tal-assi tiegħu sakemm ikunu jistgħu jinfdew u jiġu saldati fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, meta jiġi kkalkolat il-WAL għat-titoli, inklużi l-istrumenti finanzjarji strutturati, MMF għal terminu qasir ta' żmien għandu jibbaża l-kalkolu tal-maturità fuq il-maturità residwa sat-tifdija legali tal-istrumenti. Madankollu, f'każ li strument finanzjarju jintegra opzjoni put, MMF għal terminu qasir ta' żmien jista' jibbaża l-kalkolu tal-maturità fuq id-data tal-eżerċitar tal-opzjoni put minflok fuq il-maturità residwa, iżda biss jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin f'kull ħin:

(i) l-opzjoni put tista' tiġi eżerċitata liberament mill-MMF għal terminu qasir ta' żmien fid-data tal-eżerċitar tagħha;

(ii) il-prezz tal-eżerċitar tal-opzjoni put jibqa' viċin il-valur mistenni tal-istrument fid-data tal-eżerċitar;

(iii) l-istrateġija ta' investiment tal-MMF għal terminu qasir ta' żmien timplika li hemm probabbiltà għolja li l-opzjoni tiġi eżerċitata fid-data tal-eżerċitar.

B'deroga mit-tieni subparagrafu, meta jiġi kkalkolat il-WAL għal titolizzazzjonijiet u ABCPs, MMF għal terminu qasir ta' żmien minflok jista', fil-każ ta' strumenti ta' amortizzazzjoni, jibbaża l-kalkolu tal-maturità fuq wieħed minn dawn li ġejjin:

(i) il-profil ta' amortizzazzjoni kuntrattwali ta' tali strumenti;

(ii) il-profil ta' amortizzazzjoni tal-assi sottostanti li minnhom jirriżultaw il-flussi ta' flus kontanti għat-tifdija ta' tali strumenti.

2.  Jekk il-limiti msemmija f'dan l-Artikolu jinqabżu għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll ta' MMF, jew b'riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta' sottoskrizzjoni jew tifdija, dak l-MMF għandu jadotta bħala objettiv prijoritarju il-korrezzjoni ta' dik is-sitwazzjoni, b'kont meħud tal-interessi tad-detenturi tal-unitajiet tiegħu jew tal-azzjonisti tiegħu.

3.  L-MMFs kollha msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament jistgħu jieħdu l-forma ta' MMF għal terminu qasir ta' żmien.

Artikolu 25

Regoli tal-portafoll għall-MMFs standard

1.  MMF standard għandu jikkonforma fuq bażi kontinwa mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) il-portafoll tiegħu għandu jkollu l-ħin kollu WAM ta' mhux iktar minn sitt xhur;

(b) il-portafoll tiegħu għandu jkollu l-ħin kollu WAL ta' mhux iktar minn 12-il xahar, soġġett għat-tieni u t-tielet subparagrafi;

(c) tal-inqas 7,5 % tal-assi tiegħu għandhom ikunu msawra minn assi li jimmaturaw kuljum, ftehimiet ta' retroriakkwist li jistgħu jiġu tterminati b'avviż minn qabel ta' jum ta' xogħol jew flus kontanti li jistgħu jiġu miġbuda b'avviż minn qabel ta' jum ta' xogħol. MMF standard ma għandux jakkwista assi għajr assi li jimmatura kuljum meta tali akkwiżizzjoni twassal biex dak l-MMF jinvesti inqas minn 7,5 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kuljum;

(d) tal-inqas 15 % tal-assi tiegħu għandhom ikunu msawra minn assi li jimmaturaw kuljum, ftehimiet ta' retroriakkwist li jistgħu jiġu tterminati b'avviż minn qabel ta' ħamest ijiem ta' xogħol jew flus kontanti li jistgħu jiġu miġbuda b'avviż minn qabel ta' ħamest ijiem ta' xogħol. MMF standard ma għandux jakkwista assi għajr assi li jimmaturaw kull ġimgħa meta tali akkwiżizzjoni twassal biex dak l-MMF jinvesti inqas minn 15 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kull ġimgħa;

(e) għall-fini tal-kalkolu msemmi fil-punt (d), strumenti tas-suq monetarju jew unitajiet jew ishma ta' MMFs oħra jistgħu jiġu inklużi fl-assi li jimmaturaw kull ġimgħa sa 7,5 % tal-assi tiegħu sakemm ikunu jistgħu jinfdew u jiġu saldati fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, meta jiġi kkalkolat il-WAL għat-titoli, inklużi l-istrumenti finanzjarji strutturati, MMF standard għandu jibbaża l-kalkolu tal-maturità fuq il-maturità residwa sat-tifdija legali tal-istrumenti. Madankollu, f'każ li strument finanzjarju jintegra opzjoni put, MMF standard jista' jibbaża l-kalkolu tal-maturità fuq id-data tal-eżerċitar tal-opzjoni put minflok fuq il-maturità residwa, iżda biss jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin f'kull ħin:

(i) l-opzjoni put tista' tiġi eżerċitata liberament mill-MMF standard fid-data tal-eżerċitar tagħha;

(ii) il-prezz tal-eżerċitar tal-opzjoni put jibqa' viċin il-valur mistenni tal-istrument fid-data tal-eżerċitar;

(iii) l-istrateġija ta' investiment tal-MMF standard timplika li hemm probabbiltà għolja li l-opzjoni tiġi eżerċitata fid-data tal-eżerċitar.

B'deroga mit-tieni subparagrafu, meta jiġi kkalkolat il-WAL għal titolizzazzjonijiet u ABCPs, MMF standard minflok jista', fil-każ ta' strumenti ta' amortizzazzjoni, jibbaża l-kalkolu tal-maturità fuq wieħed minn dawn li ġejjin:

(i) il-profil ta' amortizzazzjoni kuntrattwali ta' tali strumenti;

(ii) il-profil ta' amortizzazzjoni tal-assi sottostanti li minnhom jirriżultaw il-flussi ta' flus kontanti għat-tifdija ta' tali strumenti.

2.  Jekk il-limiti msemmija f'dan l-Artikolu jinqabżu għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll ta' MMF standard, jew b'riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta' sottoskrizzjoni jew tifdija, dak l-MMF għandu jadotta bħala objettiv prijoritarju l-korrezzjoni ta' dik is-sitwazzjoni, b'kont meħud tal-interessi tad-detenturi tal-unitajiet tiegħu jew tal-azzjonisti tiegħu.

3.  MMF standard ma għandux jieħu s-sura ta' CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew ta' LVNAV MMF.

Artikolu 26

Klassifikazzjonijiet tal-kreditu tal-MMF

MMF li jissolleċita jew jiffinanzja klassifikazzjoni tal-kreditu esterna għandu jagħmel dan f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. L-MMF jew il-maniġer tal-MMF għandu jindika b'mod ċar fil-prospett tal-MMF, u f'kull komunikazzjoni lill-investituri li fiha tissemmal-klassifikazzjoni tal-kreditu esterna, li l-klassifikazzjoni ġiet solleċitata jew iffinanzjata mill-MMF jew mill-maniġer tal-MMF.

Artikolu 27

Il-politika “Kun af il-klijent”

1.  Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit aktar strett stipulat fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), il-maniġer ta' MMF għandu jistabbilixxi, jimplimenta u japplika proċeduri u jeżerċita d-diliġenza dovuta kollha bil-għan li jantiċipa l-effett ta' tifdijiet simultanji minn bosta investituri, b'kont meħud tal-inqas tat-tip ta' investitur, in-numru ta' unitajiet jew ta' ishma fil-fond proprjetà ta' investitur uniku u l-evoluzzjoni tal-flussi 'l ġewwa u 'l barra.

2.  Jekk il-valur tal-unitajiet jew l-ishma miżmuma minn investitur uniku jeċċedi l-ammont tar-rekwiżit korrispondenti ta' likwidità ta' kuljum ta' MMF, il-maniġer tal-MMF għandu jqis, minbarra l-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1, dawn kollha:

(a) xejriet identifikabbli fil-ħtiġijiet ta' flus kontanti tal-investitur, inkluża l-evoluzzjoni ċiklika tan-numru ta' ishma fl-MMF;

(b) l-averżjoni għar-riskju tal-investituri differenti;

(c) il-grad ta' korrelazzjoni jew rabtiet mill-qrib bejn investituri differenti fl-MMF.

3.  Fejn l-investituri jgħaddu l-investimenti tagħhom permezz ta' intermedjarju, il-maniġer ta' MMF għandu jitlob l-informazzjoni biex jikkonforma mal-paragrafi 1 u 2 mingħand l-intermedjarju sabiex jimmaniġġja b'mod xieraq il-likwidità u l-konċentrazzjoni tal-investitur tal-MMF.

4.  Il-maniġer ta' MMF għandu jiżgura li l-valur tal-unitajiet jew ishma miżmuma minn investitur uniku ma jkollux impatt materjali fuq il-profil tal-likwidità tal-MMF fejn dan jirrappreżenta parti sostanzjali min-NAV totali tal-MMF.

Artikolu 28

Ittestjar tal-istress

1.  Kull MMF għandu jkollu fis-seħħ proċessi sodi ta' ttestjar tal-istress li jidentifikaw avvenimenti jew bidliet possibbli fil-ġejjieni fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jħallu effetti mhux favorevoli fuq l-MMF. L-MMF jew il-maniġer ta' MMF għandu jivvaluta l-impatt possibbli li dawk l-avvenimenti jew il-bidliet jista' jkollhom fuq l-MMF. L-MFF jew il-maniġer ta' MMF għandu jwettaq b'mod regolari testijiet tal-istress għal xenarji possibbli differenti.

It-testijiet tal-istress għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u jqisu l-effetti ta' xenarji plawsibbli severi. Ix-xenarji ta' testijiet tal-istress għandhom tal-inqas jieħdu f'kunsiderazzjoni l-parametri ta' referenza li jinkludu l-fatturi li ġejjin:

(a) bidliet ipotetiċi fil-livell ta' likwidità tal-assi miżmuma fil-portafoll tal-MMF;

(b) bidliet ipotetiċi fil-livell ta' riskju ta' kreditu tal-assi miżmuma fil-portafoll tal-MMF, inklużi eventi ta' kreditu u eventi ta' klassifikazzjoni;

(c) ċaqliq ipotetiku tar-rati tal-imgħax u tar-rati tal-kambju;

(d) livelli ipotetiċi ta' tifdija;

(e) twessigħ jew tidjiq ipotetiku tal-firxiet fost l-indiċijiet li magħhom huma marbutin ir-rati tal-imgħax tat-titoli ta' portafoll;

(f) xokkijiet makrosistemiċi ipotetiċi li jaffettwaw l-ekonomija ġenerali.

2.  Barra minn hekk, fil-każ ta' CNAV MMFs ta' dejn pubbliku u LVNAV MMFs, it-testijiet tal-istress għandhom jagħtu stima fix-xenarji differenti tad-differenza bejn in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem u n-NAV għal kull unità jew sehem.

3.  It-testijiet tal-istress għandhom isiru bi frekwenza determinata mill-bord tad-diretturi tal-MMF, meta jkun applikabbli, jew mill-bord tad-diretturi tal-maniġer ta' MMF, wara li jiġi kkunsidrat x'inhu intervall xieraq u raġonevoli fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq u wara li tiġi kkunsidrata kwalunkwe bidla prevista fil-portafoll tal-MMF. Din il-frekwenza għandha tkun tal-inqas darbtejn fis-sena.

4.  Fejn it-test tal-istress jiżvela xi vulnerabbiltà tal-MMF, il-maniġer ta' MMF għandu jħejji rapport estensiv bir-riżultati tat-testijiet tal-istress u proposta ta' pjan ta' azzjoni.

Fejn ikun meħtieġ, il-maniġer ta' MMF għandu jieħu azzjoni biex isaħħaħ ir-robustezza tal-MMF, inklużi azzjonijiet li jsaħħu l-likwidità jew il-kwalità tal-assi tal-MMF u għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-MMF dwar il-miżuri meħuda.

5.  Ir-rapport estensiv bir-riżultati tat-testijiet tal-istress u l-proposta ta' pjan ta' azzjoni għandhom jiġu ppreżentati għal analiżi lill-bord tad-diretturi tal-MMF, fejn applikabbli, jew lill-bord tad-diretturi tal-maniġer ta' MMF. Il-bord tad-diretturi għandu jemenda l-pjan ta' azzjoni propost jekk ikun hemm bżonn, u japprova l-pjan ta' azzjoni finali. Ir-rapport estensiv u l-pjan ta' azzjoni għandhom jinżammu għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin.

Ir-rapport estensiv u l-pjan ta' azzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti tal-MMF għal rieżami.

6.  L-awtorità kompetenti tal-MMF għandha tibgħat ir-rapport estensiv imsemmi fil-paragrafu 5 lill-ESMA.

7.  L-ESMA għandha toħroġ linji gwida li jispeċifikaw il-parametri referenzjarji komuni tax-xenarji tat-testijiet ta' stress li għandhom jiġu inklużi fit-testijiet tal-istress filwaqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-fatturi speċifikati fil-paragrafu 1. Il-linji gwida għandhom jiġu aġġornati tal-inqas kull sena filwaqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-aħħar żviluppi tas-suq.



KAPITOLU IV

Regoli ta' valwazzjoni

Artikolu 29

Valwazzjoni tal-MMFs

1.  L-assi ta' MMF għandhom jiġu vvalwati mill-inqas fuq bażi ta' kuljum.

2.  L-assi ta' MMF għandhom jiġu vvalwati bl-użu tal-valwazzjoni skont is-suq kull meta possibbli.

3.  Meta tintuża l-valwazzjoni skont is-suq:

(a) l-assi ta' MMF għandu jiġi vvalwat mil-lat l-aktar prudenti ta' offerta sakemm l-assi jkun jista' jiġi kkwotat bi prezz medju;

(b) għandha tintuża biss dejta ta' kwalità tajba dwar is-suq; tali data għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-fatturi kollha li ġejjin:

(i) in-numru u l-kwalità tal-kontropartijiet;

(ii) il-volum u l-introjtu ta' dak l-assi tal-MMF fis-suq;

(iii) id-daqs tal-ħruġ u l-porzjon tal-ħruġ li jippjana li jixtri jew ibigħ l-MMF.

4.  Fejn l-użu tal-valwazzjoni skont is-suq ma jkunx possibbli jew id-dejta dwar is-suq ma tkunx ta' kwalità suffiċjenti, l-assi ta' MMF għandu jiġi vvalwat b'mod konservattiv bl-użu tal-valwazzjoni skont mudell.

Il-mudell għandu jistma b'mod eżatt il-valur intrinsiku tal-assi ta' MMF, fuq il-bażi tal-fatturi ewlenin aġġornati kollha li ġejjin:

(a) il-volum u l-introjtu ta' dak l-assi fis-suq;

(b) id-daqs tal-ħruġ u l-porzjon tal-ħruġ li jippjana li jixtri jew ibigħ l-MMF;

(c) ir-riskju tas-suq, ir-riskju tar-rata tal-imgħax u r-riskju tal-kreditu marbut mal-assi.

Meta tintuża l-valwazzjoni skont mudell, ma għandux jintuża l-metodu ta' kost amortizzat.

5.  Valwazzjoni mwettqa f'konformità mal-paragrafi 2, 3, 4, 6 u 7 għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti.

6.  Minkejja il-paragrafi 2, 3 u 4, l-assi ta' CNAV MMFs ta' dejn pubbliku jistgħu addizzjonalment jiġu vvalwati wkoll bl-użu tal-metodu ta' kost amortizzat.

7.  B'deroga mill-paragrafi 2 u 4, minbarra l-valwazzjoni skont is-suq imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 u l-valwazzjoni skont mudell imsemmija fil-paragrafu 4, l-assi ta' LVNAV MMFs li għandhom maturità residwa ta' mhux aktar minn 75 jum jistgħu jiġu vvalwati bl-użu tal-metodu ta' kost amortizzat.

Il-metodu ta' kost amortizzat għandu jintuża biss biex jiġi vvalwat assi ta' LVNAV MMF f'ċirkustanzi fejn il-prezz tal-assi kkalkolat f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 ma jiddevjax mill-prezz ta' dak l-ass ikkalkolat f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu b'aktar minn 10 punti bażi. F'każ ta' tali devjazzjoni, il-prezz ta' dak l-assi għandu jiġi kkalkolat f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

Artikolu 30

Kalkolu tan-NAV għal kull unità jew sehem

1.  MMF għandu jikkalkola NAV għal kull unità jew sehem bħala d-differenza bejn is-somma tal-assi kollha tal-MMF u s-somma tal-obbligazzjonijiet kollha tal-MMF ivvalwati f'konformità mal-valwazzjoni skont is-suq jew mal-valwazzjoni skont mudell, jew it-tnejn, diviża bin-numru ta' unitajiet jew ishma pendenti tal-MMF.

2.  In-NAV għal kull unità jew sehem għandu jiġi arrotondat għall-eqreb punt bażi jew l-ekwivalenti tiegħu meta n-NAV jiġi ppubblikat f'unità monetarja.

3.  In-NAV għal kull unità jew sehem ta' MMF għandu jiġi kkalkolat u ppubblikat mill-inqas kuljum fit-taqsima pubblika tas-sit web tal-MMF.

Artikolu 31

Kalkolu tan-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ta' CNAV MMFs ta' dejn pubbliku

1.  CNAV MMF ta' dejn pubbliku għandu jikkalkula NAV kostanti għal kull unità jew sehem bħala d-differenza bejn is-somma tal-assi kollha tiegħu vvalwati f'konformità mal-metodu ta' kost amortizzat, kif previst fl-Artikolu 29(6), u s-somma tal-obbligazzjonijiet kollha tiegħu, diviża bin-numru ta' unitajiet jew ishma pendenti tiegħu.

2.  In-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ta' CNAV MMF ta' dejn pubbliku għandu jiġi arrotondat għall-eqreb punt perċentwali jew l-ekwivalenti tiegħu meta n-NAV kostanti jiġi ppubblikat f'unità tal-valuta.

3.  In-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ta' CNAV MMF ta' dejn pubbliku għandu jiġi kkalkolat mill-inqas kuljum.

4.  Id-differenza bejn in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem u n-NAV għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 30 għandha tiġi ssorveljata u ppubblikata kuljum fit-taqsima pubblika tas-sit web tal-MMF.

Artikolu 32

Kalkolu tan-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ta' LVNAV MMFs

1.  LVNAV MMF għandu jikkalkula NAV kostanti għal kull unità jew sehem bħala d-differenza bejn is-somma tal-assi kollha tiegħu vvalwati f'konformità mal-metodu ta' kost amortizzat kif speċifikat fl-Artikolu 29(7), u s-somma tal-obbligazzjonijiet kollha tiegħu, diviża bin-numru tal-unitajiet jew l-ishma pendenti tiegħu.

2.  In-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ta' LVNAV MMF għandu jiġi arrotondat għall-eqreb punt perċentwali jew l-ekwivalenti tiegħu meta n-NAV kostanti jiġi ppubblikat f'unità tal-valuta.

3.  In-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ta' LVNAV MMF għandu jiġi kkalkolat mill-inqas kuljum.

4.  Id-differenza bejn in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem u n-NAV għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 30 għandha tiġi ssorveljata u ppubblikata kuljum fit-taqsima pubblika tas-sit web tal-MMF.

Artikolu 33

Prezz tal-ħruġ u tat-tifdija

1.  L-unitajiet jew l-ishma ta' MMF għandhom jinħarġu jew jinfdew bi prezz li jkun ugwali għan-NAV tal-MMF għal kull unità jew sehem, minkejja t-tariffi jew l-imposti permessi speċifikati fil-prospett tal-MMF.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1:

(a) l-unitajiet jew l-ishma ta' CNAV MMF ta' dejn pubbliku jistgħu jinħarġu jew jinfdew bi prezz li jkun ugwali għan-NAV kostanti tal-MMF għal kull unità jew sehem;

(b) l-unitajiet jew l-ishma ta' LVNAV MMF jistgħu jinħarġu jew jinfdew bi prezz li jkun ugwali għan-NAV kostanti ta' dak l-MMF għal kull unità jew sehem, iżda biss meta n-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 32(1), (2) u (3) ma jiddevjax min-NAV għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 30 b'aktar minn 20 punt bażi.

Fir-rigward tal-punt (b), meta n-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 32(1), (2) u (3) jiddevja min-NAV għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformitá mal-Artikolu 30 b'aktar minn 20 punt bażi, it-tifdija jew is-sottoskrizzjoni konsegwenti għandhom isiru bi prezz li jkun ugwali għan-NAV għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 30.

L-investituri potenzjali, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, għandhom jiġu mgħarrfa b'mod ċar bil-miktub mill-maniġer ta' MMF biċ-ċirkustanzi li fihom LVNAV MMF ma jibqax jifdi jew jissottoskrivi b'NAV kostanti għal kull unità jew sehem.



KAPITOLU V

Rekwiżiti speċifiċi għal CNAV MMFs ta' dejn pubbliku u LVNAV MMFs

Artikolu 34

Rekwiżiti speċifiċi għal CNAV MMFs ta' dejn pubbliku u LVNAV MMFs

1.  Il-maniġer ta' CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew ta' LVNAV MMF għandu jistabbilixxi, jimplimenta u japplika b'mod konsistenti proċeduri ta' ġestjoni tal-likwidità prudenti u rigorużi biex jiżgura l-konformità mas-solli ta' likwidità ta' kull ġimgħa applikabbli għal tali fondi. Il-proċeduri ta' ġestjoni tal-likwidità għandhom jiġu deskritti b'mod ċar fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-fond, kif ukoll fil-prospett.

Biex tkun żgurata l-konformità mas-solli ta' likwidità ta' kull ġimgħa, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a) kull meta l-proporzjon ta' assi li jimmaturaw kull ġimgħa kif stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 24(1) jaqa' taħt it-30 % tal-assi totali tas-CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew tal-LVNAV MMF u t-tifdijiet netti ta' kuljum f'jum wieħed ta' xogħol jaqbżu l-10 % tal-assi totali, il-maniġer tas-CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew tal-LVNAV MMF għandu jinforma minnufih lill-bord tiegħu b'dan u l-bord għandu jwettaq valutazzjoni dokumentata tas-sitwazzjoni biex jiddetermina l-azzjoni xierqa li għandha tittieħed b'kunsiderazzjoni tal-interessi tal-investituri, u għandu jiddeċiedi jekk japplikax waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(i) tariffi ta' likwidità fuq tifdijiet li jirriflettu b'mod adegwat il-kost għall-MMF biex jikseb il-likwidità u jiżgura li l-investituri li jibqgħu fil-fond ma jiġux żvantaġġati b'mod inġust meta investituri oħra jifdu l-unitajiet jew l-ishma tagħhom matul il-perjodu;

(ii) limiti ta' tifdija li jillimitaw l-ammont ta' ishma jew unitajiet li għandhom jinfdew fi kwalunkwe jum wieħed ta' xogħol sa massimnu ta' 10 % tal-ishma jew tal-unitajiet fl-MMF għal kwalunkwe perjodu sa 15-il jum ta' xogħol;

(iii) sospensjoni tat-tifdijiet għal kwalunkwe perjodu sa 15-il jum ta' xogħol; jew

(iv) ma tittieħed l-ebda azzjoni immedjata oħra għajr l-adempiment tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 24(2);

(b) kull meta l-proporzjon ta' assi li jimmaturaw kull ġimgħa kif stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 24(1) jaqa' taħt l-10 % tal-assi totali tiegħu, il-maniġer ta' CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew ta' LVNAV MMF għandu jinforma minnufih lill-bord tiegħu b'dan u l-bord għandu jwettaq valutazzjoni dokumentata tas-sitwazzjoni u, abbażi ta' tali valutazzjoni u b'kunsiderazzjoni tal-interessi tal-investituri, għandu japplika waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin u jiddokumenta r-raġunijiet għall-għażla tagħha:

(i) tariffi ta' likwidità fuq tifdijiet li jirriflettu b'mod adegwat il-kost għall-MMF biex jikseb il-likwidità u jiżgura li l-investituri li jibqgħu fil-fond ma jiġux żvantaġġati b'mod inġust meta investituri oħra jifdu l-unitajiet jew l-ishma tagħhom matul il-perjodu;

(ii) sospensjoni tat-tifdijiet għal perjodu ta' mhux aktar minn 15-il jum ta' xogħol.

2.  Meta, fi żmien perjodu ta' 90 jum, id-durata totali tas-sospensjonijiet teċċedi 15-il jum, CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew LVNAV MMF għandu awtomatikament jieqaf milli jkun CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew LVNAV MMF. Is-CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew l-LVNAV MMF għandu jinforma minnufih lil kull investitur b'dan bil-miktub b'mod ċar u li jinftiehem.

3.  Wara li l-bord tas-CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew tal-LVNAV MMF ikun iddetermina x'azzjoni se jieħu fir-rigward kemm tal-punt (a) kif ukoll tal-punt (b) tal-paragrafu 1, hu għandu jipprovdi dettalji fil-pront dwar id-deċiżjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti ta' dak l-MMF.



KAPITOLU VI

Appoġġ estern

Artikolu 35

Appoġġ estern

1.  MMF ma għandux jirċievi appoġġ estern.

2.  Appoġġ estern tfisser appoġġ dirett jew indirett offrut lil MMF minn parti terza, inkluż sponsor tal-MMF, li huwa intiż għal jew li effettivament jirriżulta fil-garanzija tal-likwidità tal-MMF jew fl-istabbilizzazzjoni tan-NAV għal kull unità jew sehem tal-MMF.

L-appoġġ estern għandu jinkludi:

(a) injezzjonijiet ta' flus kontanti minn parti terza;

(b) ix-xiri minn parti terza tal-assi tal-MMF bi prezz esaġerat;

(c) ix-xiri minn parti terza tal-unitajiet jew l-ishma tal-MMF sabiex tiġi pprovduta likwidità lill-fond;

(d) il-ħruġ minn parti terza ta' kwalunkwe tip ta' garanzija, assigurazzjoni jew ittra ta' appoġġ impliċita jew espliċita għall-benefiċċju tal-MMF;

(e) kwalunkwe azzjoni minn parti terza, li l-objettiv dirett jew indirett tagħha huwa li żżomm il-profil tal-likwidità u n-NAV għal kull unità jew sehem tal-MMF.



KAPITOLU VII

Rekwiżiti tat-trasparenza

Artikolu 36

Trasparenza

1.  MMF għandu jindika b'mod ċar liema tip ta' MMF huwa taħt l-Artikolu 3(1) u jekk huwiex MMF għal terminu qasir ta' żmien jew standard fi kwalunkwe dokument estern, rapport, stqarrija, reklam, ittra jew kwalunkwe evidenza oħra bil-miktub maħruġa minnu jew mill-maniġer tiegħu, indirizzati jew intiżi biex jitqassmu lill-investituri prospettivi, lid-detenturi tal-unitajiet, jew lill-azzjonisti.

2.  Il-maniġer ta' MMF, tal-inqas darba fil-ġimgħa, għandu jagħmel l-informazzjoni kollha li ġejja disponibbli għall-investituri tal-MMF:

(a) l-analiżi skont il-maturità tal-portafoll tal-MMF;

(b) il-profil tal-kreditu tal-MMF;

(c) il-WAM u l-WAL tal-MMF;

(d) id-dettalji tal-akbar 10 parteċipazzjonijiet fl-MMF, inklużi l-isem, il-pajjiż, il-maturità u t-tip ta' assi, u l-kontroparti f'każ ta' ftehimiet ta' riakkwist u retroriakkwist;

(e) il-valur totali tal-assi tal-MMF;

(f) ir-rendiment nett tal-MMF.

3.  Kwalunkwe dokument ta' MMF użat għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandu jinkludi b'mod ċar id-dikjarazzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) li l-MMF mhuwiex investiment garantit;

(b) li investiment f'MMFs huwa differenti minn investiment f'depożiti, b'referenza partikolari għar-riskju li l-kapital investit f'MMF kapaċi jvarja;

(c) li l-MMF ma jiddependix fuq appoġġ estern għall-garanzija tal-likwidità tal-MMF jew għall-istabbilizzazzjoni tan-NAV għal kull unità jew sehem;

(d) li r-riskju ta' telf tal-kapital għandu jinġarr mill-investitur.

4.  Ebda komunikazzjoni mill-MMF jew mill-maniġer ta' MMF lill-investituri jew lill-investituri potenzjali ma għandha b'xi mod tissuġġerixxi li investiment fl-unitajiet jew fl-ishma tal-MMF huwa garantit.

5.  L-investituri f'MMF għandhom jiġu informati b'mod ċar dwar il-metodu jew il-metodi użati mill-MMF sabiex jivvaluta l-assi tal-MMF u jikkalkula n-NAV.

CNAV MMFsta' dejn pubbliku u LVNAV MMFs għandhom jispjegaw b'mod ċar lill-investituri u lill-investituri potenzjali kwalunkwe użu tal-metodu ta' kost amortizzat jew tal-arrotondament jew tat-tnejn li huma.

Artikolu 37

Rapportar lill-awtoritajiet kompetenti

1.  Għal kull MMF li huwa jiġġestixxi, il-maniġer tal-MMF għandu jirrapporta l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-MMF, mill-inqas kull tliet xhur.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, għal MMF li l-assi ġestiti tiegħu bħala total ma jaqbżux EUR 100 000 000 , il-maniġer tal-MMF għandu jirrapporta lill-awtorità kompetenti tal-MMF mill-inqas fuq bażi annwali.

Il-maniġer ta' MMF, wara talba, għandu jipprovdi l-informazzjoni rrapportata skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi wkoll lill-awtorità kompetenti tal-maniġer ta' MMF, jekk din tkun differenti mill-awtorità kompetenti tal-MMF.

2.  L-informazzjoni rrapportata skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi l-punti li ġejjin:

(a) it-tip u l-karatteristiċi tal-MMF;

(b) l-indikaturi tal-portafoll bħall-valur totali tal-assi, in-NAV, il-WAM, il-WAL, l-analiżi skont il-maturità, il-likwidità u r-rendiment;

(c) ir-riżultati tat-testijiet tal-istress u, fejn applikabbli, il-pjan ta' azzjoni propost;

(d) l-informazzjoni dwar l-assi miżmuma fil-portafoll tal-MMF, inklużi:

(i) il-karatteristiċi ta' kull assi, bħall-isem, il-pajjiż, il-kategorija tal-emittent, ir-riskju jew il-maturità, u l-eżitu tal-proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu;

(ii) it-tip ta' assi, inklużi d-dettalji tal-kontroparti fil-każ ta' derivattivi, ftehimiet ta' riakkwist jew ftehimiet ta' retroriakkwist;

(e) l-informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet tal-MMF, inklużi:

(i) il-pajjiż fejn huwa stabbilit l-investitur;

(ii) il-kategorija tal-investitur;

(iii) l-attività ta' sottoskrizzjoni u tifdija.

Jekk ikun meħtieġ u debitament ġustifikat, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali.

3.  Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għal kull LVNAV MMF li huwa jiġġestixxi, il-maniġer ta' MMF għandu jirrapporta dan li ġej:

(a) kull avveniment li fih il-prezz ta' assi vvalwat bl-użu tal-metodu ta' kost amortizzat f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(7) jiddevja mill-prezz ta' dak l-assi kkalkolat f'konformità mal-Artikolu 29(2), (3) u (4) b'aktar minn 10 punti bażi;

(b) kull avveniment li fih in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 32(1) u (2) jiddevja min-NAV għal kull unità jew sehem ikkalkolat f'konformità mal-Artikolu 30 b'aktar minn 20 punt bażi;

(c) kull avveniment li fih sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(3) isseħħ u l-miżuri meħuda mill-bord f'konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 34(1).

4.  L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi mudell ta' rapportar li għandu jinkludi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-21 ta' Jannar 2018.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrażmettu lill-ESMA l-informazzjoni kollha riċevuta skont dan l-Artikolu. Tali informazzjoni għandha tiġi trażmessa lill-ESMA sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-aħħar tal-perjodu ta' tliet xhur ta' rapportar.

L-ESMA għandha tiġbor l-informazzjoni biex toħloq bażi ta' dejta ċentrali tal-MMFs kollha stabbiliti, ġestiti jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu dritt ta' aċċess għal dik il-bażi ta' dejta, għal skopijiet ta' statistika biss.



KAPITOLU VIII

Sorveljanza

Artikolu 38

Sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti

1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw il-konformità ma' dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa.

2.  L-awtorità kompetenti tal-MMF jew, meta jkun rilevanti, l-awtorità kompetenti tal-maniġer ta' MMF għandha tkun responsabbli mis-sorveljanza tal-konformità mal-Kapitoli minn II sa VII.

3.  L-awtorità kompetenti tal-MMF għandha tkun responsabbli mis-sorveljanza tal-konformità mal-obbligi stabbiliti fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni, kif ukoll mal-obbligi stabbiliti fil-prospett, li jkunu konsistenti ma' dan ir-Regolament.

4.  L-awtorità kompetenti tal-maniġer ta' MMF għandha tkun responsabbli mis-sorveljanza tal-adegwatezza tal-arranġamenti u l-organizzazzjoni tal-maniġer tal-MMF sabiex il-maniġer tal-MMF ikun f'pożizzjoni li jikkonforma mal-obbligi u r-regoli li huma relatati mal-kostituzzjoni u l-funzjonament tal-MMFs kollha li jiġġestixxi.

5.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom isegwu l-UCITS u l-AIFs stabbiliti jew ikkummerċjalizzati fit-territorji tagħhom sabiex jivverifikaw li huma ma jużawx in-nominazzjoni tal-MMF jew jissuġġerixxu li huma MMF sakemm ma jikkonformawx ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 39

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mad-Direttiva 2009/65/KE jew 2011/61/UE, kif applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, għandu jkollhom is-setgħa li jagħmlu dan kollu li ġej:

(a) jitolbu l-aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b) jitolbu lil MMF jew il-maniġer ta' MMF biex jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien;

(c) jitolbu informazzjoni minn kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet ta' MMF jew il-maniġer ta' MMF;

(d) iwettqu spezzjonijiet fuq il-post b'avviż minn qabel jew mingħajru;

(e) jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li MMF jew il-maniġer ta' MMF ikompli jikkonforma ma' dan ir-Regolament;

(f) joħorġu ordni biex jiżguraw li MMF jew il-maniġer ta' MMF jikkonforma ma' dan ir-Regolament u jiddesisti milli jirrepeti xi mġiba li tista' tikser dan ir-Regolament.

Artikolu 40

Penali u miżuri oħra

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali u miżuri oħra applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali u miżuri oħra previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.  Sal-21 ta' Lulju 2018, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti fih.

Artikolu 41

Miżuri speċifiċi

1.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mad-Direttiva 2009/65/KE jew 2011/61/UE, kif applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-MMF jew il-maniġer tal-MMF, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' proporzjonalità, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2 meta MMF jew il-maniġer ta' MMF:

(a) jonqos milli jikkonforma ma' xi wieħed mir-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni tal-assi, bi ksur tal-Artikoli 9 sa 16;

(b) jonqos milli jikkonforma ma' xi wieħed mir-rekwiżiti tal-portafoll, bi ksur tal-Artikolu 17, 18, 24 jew 25;

(c) ikun kiseb awtorizzazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezz irregolari ieħor, bi ksur tal-Artikolu 4 jew 5;

(d) juża d-deżinjazzjoni “fond tas-suq monetarju”, “MMF” jew deżinjazzjoni oħra li tissuġġerixxi li UCITS jew AIF huwa MMF, bi ksur tal-Artikolu 6;

(e) jonqos milli jikkonforma ma' xi wieħed mir-rekwiżiti dwar il-valutazzjoni interna tal-kwalità tal-kreditu, bi ksur tal-Artikolu 19 jew 20;

(f) jonqos milli jikkonforma ma' xi wieħed mir-rekwiżiti dwar il-governanza, id-dokumentazzjoni jew it-trasparenza, bi ksur tal-Artikolu 21, 23, 26, 27, 28 jew 36;

(g) jonqos milli jikkonforma ma' xi wieħed mir-rekwiżiti dwar il-valwazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 29, 30, 31, 32, 33 jew 34.

2.  Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-MMF għandha, kif xieraq:

(a) tieħu miżuri biex tiżgura li l-MMF jew il-maniġer ta' MMF ikkonċernat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti;

(b) tirtira awtorizzazzjoni mogħtija f'konformità mal-Artikolu 4 jew 5.

Artikolu 42

Setgħat u kompetenzi tal-ESMA

1.  L-ESMA tingħata s-setgħat meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti attribwiti lilha minn dan ir-Regolament.

2.  Is-setgħat tal-ESMA f'konformità mad-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE għandhom jiġu eżerċitati wkoll fir-rigward ta' dan ir-Regolament u f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.  Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, dan ir-Regolament għandu jiġi inkluż fi kwalunkwe att ulterjuri tal-Unjoni legalment vinkolanti li jikkonferixxi l-kompiti fuq l-Awtorità msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 43

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.  L-awtorità kompetenti tal-MMF u l-awtorità kompetenti tal-maniġer ta' MMF, jekk ikunu differenti, għandhom jikkooperaw ma' xulxin u jiskambjaw informazzjoni għall-finijiet tat-twettiq tad-doveri tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.  L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għandhom jikkooperaw ma' xulxin għall-fini tat-twettiq tad-doveri rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.  L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu d-doveri rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b'mod partikolari sabiex jidentifikaw u jirrimedjaw il-ksur ta' dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-awtorizzazzjoni jew is-superviżjoni ta' MMFs skont dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra meta tali informazzjoni tkun rilevanti għall-monitoraġġ u r-reazzjoni għall-implikazzjonijiet potenzjali tal-attivitajiet ta' MMFs individwali jew ta' MMFs kollettivament għall-istabbiltà ta' istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti sistemikament u l-funzjonament ordnat tas-swieq li l-MMFs huma attivi fihom. L-ESMA u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) għandhom jiġu infurmati wkoll u għandhom jittrażmettu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

4.  Abbażi tal-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali skont l-Artikolu 37(5), l-ESMA għandha, f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, tħejji rapport għall-Kummissjoni fid-dawl tar-rieżami deskritt fl-Artikolu 46 ta' dan ir-Regolament.



KAPITOLU IX

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 44

It-trattament tal-UCITS u l-AIFs eżistenti

1.  Sal-21 ta' Jannar 2019, UCITS jew AIF eżistenti li jinvesti f'assi għal terminu qasir ta' żmien u li jkollu għanijiet distinti jew kumulattivi li joffri redditi skont ir-rati tas-suq monetarju jew li jippriserva l-valur tal-investiment għandu jissottometti applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-MMF flimkien mad-dokumenti u l-evidenza kollha meħtieġa sabiex juri l-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.  Sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li tirċievi l-applikazzjoni kompleta, l-awtorità kompetenti tal-MMF għandha tivvaluta jekk l-UCITS jew l-AIF huwiex konformi ma' dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikoli 4 u 5. L-awtorità kompetenti tal-MMF għandha toħroġ deċiżjoni u tinnotifikaha minnufih lill-UCITS jew lill-AIF.

Artikol 45

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa li tadotta atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet preskritti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 11, 15 u 22 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11, 15 u 22 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' xi atti ddelegati li huma diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat skont l-Artikoli 11, 15 u 22 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 46

Rieżami

1.  Sal-21 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-adegwatezza ta' dan ir-Regolament minn lat prudenzjali u ekonomiku, wara konsultazzjonijiet mal-ESMA u, meta jkun xieraq, mal-BERS, anke dwar jekk għandhomx isiru bidliet fir-reġim għas-CNAV MMFs ta' dejn pubbliku u l-LVNAV MMFs.

2.  Ir-rieżami għandu, b'mod partikolari:

(a) janalizza l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-impatt fuq l-investituri, l-MMFs u l-maniġers tal-MMFs fl-Unjoni;

(b) jivvaluta r-rwol li għandhom l-MMFs fix-xiri ta' dejn maħruġ jew garantit mill-Istati Membri;

(c) iqis il-karatteristiċi speċifiċi tad-dejn maħruġ jew garantit mill-Istati Membri u r-rwol li d-dejn għandu fil-finanzjament l-Istati Membri;

(d) iqis ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 509(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e) iqis l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq is-swieq ta' finanzjament għal terminu qasir ta' żmien;

(f) iqis l-iżviluppi regolatorji fil-livell internazzjonali.

Sal-21 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar il-fattibbiltà tal-istabbiliment ta' kwota ta' dejn pubbliku tal-UE ta' 80 %. Dak ir-rapport għandu jqis id-disponibbiltà ta' strumenti ta' dejn pubbliku tal-UE għal terminu qasir ta' żmien u jeżamina jekk l-LVNAV MMFs jistgħux ikunu alternattiva xierqa għal CNAV MMFs ta' dejn pubbliku mhux tal-UE. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi fir-rapport li l-introduzzjoni ta' kwota ta' dejn pubbliku tal-UE ta' 80 % u t-tneħħija gradwali ta' CNAV MMFs ta' dejn pubbliku li jinkludu ammont bla limitu ta' dejn pubbliku mhux tal-UE mhumiex fattibbli, hi għandha tippreżenta r-raġunijiet għal dan. F'każ li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-introduzzjoni ta' kwota ta' dejn pubbliku tal-UE ta' 80 % hija fattibbli, il-Kummissjoni tista' tagħmel proposti leġiżlattivi biex tintroduċi tali kwota, fejn mill-inqas 80 % tal-assi ta' CNAV MMFs ta' dejn pubbliku għandhom jiġu investiti fi strumenti ta' dejn pubbliku tal-UE. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li LVNAV MMFs saru alternattiva xierqa għal CNAV MMFs ta' dejn pubbliku mhux tal-UE, tista' tagħmel proposti xierqa biex tneħħi d-deroga għal CNAV MMFs ta' dejn pubbliku għalkollox.

Ir-riżultati ta' dan ir-rieżami għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjati fejn meħtieġ mill-proposti adattati għall-emendi.

Artikolu 47

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-21 ta' Lulju 2018, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 11(4), l-Artikolu 15(7), l-Artikolu 22 u l-Artikolu 37(4) li għandhom japplikaw mill-20 ta' Lulju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Direttiva tal-Kummissjoni 2007/16/KE tad-19 ta' Marzu 2007 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) rigward il-kjarifika ta' ċerti definizzjonijiet (ĠU L 79, 20.3.2007, p. 11).

( 2 ) Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

( 4 ) Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' transazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

( 5 ) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

( 6 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

Top