EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R1128-20170630

Consolidated text: Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1128/2017-06-30

02017R1128 — MT — 30.06.2017 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2017/1128 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Ġunju 2017

dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 168 30.6.2017, p. 1)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 198, 28.7.2017, p.  42 (2017/1128)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2017/1128 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Ġunju 2017

dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni fl-Unjoni għall-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online billi jkun żgurat li l-abbonati tas-servizzi tal-kontenut online portabbli li huma pprovduti legalment fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw dawk is-servizzi meta jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza tagħhom.

2.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-qasam tat-tassazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “abbonat” tfisser kwalunkwe konsumatur li, fuq il-bażi ta’ kuntratt għall-forniment ta’ servizz tal-kontenut online ma’ fornitur kemm jekk bi ħlas ta’ flus jew mingħajru, huwa intitolat biex jaċċessa u juża dan is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza;

(2) “konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn dan ir-Regolament, taġixxi għal għanijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(3) “Stat Membru tar-residenza” tfisser l-Istat Membru, determinat fuq il-bażi tal-Artikolu 5, fejn l-abbonat għandu jew għandha r-residenza attwali u stabbli tiegħu jew tagħha;

(4) “temporanjament preżenti fi Stat Membru” tfisser li tkun preżenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tar-residenza għal perjodu ta’ żmien limitat;

(5) “servizz tal-kontenut online” tfisser servizz kif definit fl-Artikoli 56 u 57 tat-TFUE li fornitur jipprovdi legalment lil abbonati fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom skont termini miftiehma u online, li huwa portabbli u li huwa:

(i) servizz tal-midja awdjoviżiva kif iddefinit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, jew;

(ii) servizz li l-karatteristika prinċipali tiegħu hija l-forniment ta’, l-aċċess għal, u l-użu tax-xogħlijiet, materjal protett ieħor jew trażmissjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, kemm jekk b’mod lineari jew fuq talba;

(6) “portabbli” tfisser karatteristika ta’ servizz tal-kontenut online fejn li abbonati jkunu jistgħu effettivament jaċċessaw u jużaw is-servizz tal-kontenut online fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom mingħajr ma jkunu limitati għal post speċifiku.

Artikolu 3

Obbligu li jippermetti portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online

1.  Il-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut bi ħlas ta’ flus għandu jippermetti lil abbonat li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru jaċċessa u juża is-servizz tal-kontenut online bl-istess mod bħal fl-Istat Membru tar-residenza, inkluż billi jiġi pprovdut aċċess għall-istess kontenut, fuq l-istess firxa u għadd ta’ apparati, għall-istess għadd ta’ utenti u bl-istess firxa ta’ funzjonalitajiet.

2.  Il-fornitur m’għandux jimponi tariffi addizzjonali fuq l-abbonat għall-aċċess għal u l-użu tas-servizz tal-kontenut online skont il-paragrafu 1.

3.  L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 m’għandu jestendi għal ebda rekwiżit tal-kwalità applikabbli għall-konsenja ta’ servizz tal-kontenut online li l-fornitur huwa soġġett għalih meta jipprovdi dak is-servizz fl-Istat Membru tar-residenza, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espress bejn il-fornitur u l-abbonat.

Il-fornitur m’għandu jieħu ebda azzjoni li tnaqqas il-kwalità tal-konsenja tas-servizz tal-kontenut online meta jkun qed jipprovdi s-servizzi tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1.

4.  Il-fornitur għandu, fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tiegħu, jipprovdi lill-abbonat b’informazzjoni rigward il-kwalità tal-konsenja tas-servizz tal-kontenut online pprovduta f’konformità mal-paragrafu 1. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-abbonat qabel ma jiġi pprovdut is-servizz tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1 u permezz ta’ mezzi li huma adegwati u proporzjonati.

Artikolu 4

Il-lokalizzazzjoni tal-forniment, l-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-kontenut online

Il-forniment ta’ servizz tal-kontenut online skont dan ir-Regolament lil abbonat li jkun temporanjament preżenti fi Stat Membru, kif ukoll l-aċċess għal u l-użu ta’ dak is-servizz mill-abbonat, għandhom jitqiesu bħala li jseħħu biss fl-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat

Artikolu 5

Verifika tal-Istat Membru tar-residenza

1.  Fil-konklużjoni u t-tiġdid ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut bi ħlas ta’ flus, il-fornitur għandu jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat bl-użu ta’ mhux iktar minn tnejn minn dawn il-mezzi ta’ verifika u għandu jiżgura li l-mezzi użati jkunu raġonevoli, proporzjonati u effettivi:

(a) karta tal-identità, mezz elettroniku ta’ identifikazzjoni, b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), jew kwalunkwe dokument ta’ identità validu ieħor li jikkonferma l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat;

(b) id-dettalji tal-ħlas bħall-kont bankarju jew karta tal-kreditu jew tad-debitu tal-abbonat;

(c) il-post ta’ installazzjoni ta’ kaxxa set-top, dekowder jew apparat simili użat għall-forniment tas-servizzi lill-abbonat;

(d) il-ħlas mill-abbonat ta’ liċenzja għal servizzi oħrajn ipprovduti fl-Istat Membru, bħas-servizzi pubbliċi ta’ xandir;

(e) kuntratt għall-forniment tal-Internet jew tat-telefon, jew kwalunkwe tip ta’ kuntratt simili li jorbot lill-abbonat mal-Istat Membru;

(f) ir-reġistrazzjoni fuq il-listi elettorali lokali, jekk l-informazzjoni kkonċernata ssir disponibbli għall-pubbliku;

(g) il-ħlas ta’ taxxi lokali, jekk l-informazzjoni kkonċernata tkun pubblikament disponibbli;

(h) kont ta’ utilità tal-abbonat li jorbot lill-abbonat mal-Istat Membru;

(i) l-indirizz fejn jintbagħat il-kont jew l-indirizz postali tal-abbonat;

(j) dikjarazzjoni mill-abbonat li tikkonferma l-indirizz tal-abbonat fl-Istat Membru;

(k) kontroll tal-indirizz tal-protokoll tal-Internet (IP), biex jiġi identifikat l-Istat Membru fejn l-abbonat jaċċessa s-servizz tal-kontenut online.

Il-mezzi ta’ verifika taħt il-punti (i) sa (k) għandhom jintużaw biss flimkien ma’ wieħed minn dawn il-mezzi ta’ verifika taħt il-punti (a) sa (h), sakemm l-indirizz postali taħt il-punt (i) ikun inkluż fir-reġistru uffiċjali disponibbli pubblikament.

2.  Jekk il-fornitur ikollu dubji raġonevoli dwar l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat tul il-kuntratt għall-provvista ta’ servizz tal-kontenut online, il-fornitur jista’ jirrepeti l-verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, f’konformità mal-paragrafu 1. Madankollu, f’tali każ, il-mezz ta’ verifika skont il-punt (k) jista’ jintuża bħala mezz uniku. Data li tirriżulta mill-użu tal-mezzi ta’ verifika taħt il-punt (k) għandha tinġabar biss f’format binarju.

3.  Il-fornitur għandu jkun intitolat jitlob lill-abbonat jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi determinat l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat f’konformità mal-paragrafi 1 u 2. Jekk l-abbonat jonqos milli jipprovdi dik l-informazzjoni, u bħala riżultat il-fornitur ma jkunx jista’ jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat, il-fornitur m’għandux, fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, jippermetti lill-abbonat jaċċessa jew juża s-servizz tal-kontenut online meta l-abbonat ikun temporanjament preżenti fi Stat Membru.

4.  Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizz tal-kontenut online jistgħu jawtorizzaw il-forniment, l-aċċess għal u l-użu tal-kontenut tagħhom taħt dan ir-Regolament mingħajr verifika tal-Istat Membru tar-residenza. F’tali każijiet, il-kuntratt bejn il-fornitur u l-abbonat għall-provvista ta’ servizz tal-kontenut online għandu jkun suffiċjenti biex jiddetermina l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat.

Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizz tal-kontenut online għandhom ikunu intitolati li jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-ewwel subparagrafu bil-kondizzjoni li jagħtu avviż fi żmien raġonevoli lill-fornitur.

5.  Il-kuntratt bejn il-fornitur u d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizz tal-kontenut online m’għandux jillimita l-possibilità li tali detenturi tad-drittijiet jirtiraw l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 6

Il-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online pprovduta bla ħlas ta’ flus

1.  Il-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut mingħajr ħlas ta’ flus jista’ jiddeċiedi li jippermetti lill-abbonati tiegħu li jkunu temporanjament preżenti fi Stat Membru biex jaċċessaw u jużaw is-servizz tal-kontenut online, bil-kondizzjoni li l-fornitur jivverifika l-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.  Il-fornitur għandu jinforma lill-abbonati tiegħu, lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati rilevanti u lid-detenturi rilevanti ta’ kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut tas-servizz tal-kontenut online bid-deċiżjoni tiegħu li jipprovdi servizz tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1, qabel ma jipprovdi dak is-servizz. L-informazzjoni għandha tingħata permezz ta’ mezzi li huma adegwati u proporzjonati.

3.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal fornituri li jipprovdu servizz tal-kontenut online f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet kuntrattwali

1.  Kwalunkwe dispożizzjonijiet kuntrattwali, inklużi dawk bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-kontenut online u d-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizzi tal-kontenut online, kif ukoll dawk bejn tali fornituri u l-abbonati tagħhom, li jmorru kontra dan ir-Regolament, inklużi dawk li jipprojbixxu l-portabilità transfruntiera tas-servizzi tal-kontenut online jew jillimitaw tali portabilità għal perjodu ta’ żmien speċifiku, m’għandhomx ikunu infurzabbli.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi bejn fornituri tas-servizzi tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati jew dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizzi tal-kontenut online, jew għal kuntratti konklużi bejn dawn il-fornituri u l-abbonati tagħhom.

Artikolu 8

Protezzjoni ta’ data personali

1.  L-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament inkluż, b’mod partikolari, għall-għanijiet ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat skont l-Artikolu 5, għandu jitwettaq f’konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE. B’mod partikolari, l-użu tal-mezzi ta’ verifika f’konformità mal-Artikolu 5 u kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament, għandhom ikunu limitati għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu.

2.  Data miġbura skont l-Artikolu 5 għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza tal-abbonat. Ma għandhiex tiġi komunikata, trasferita, kondiviża, liċenzjata jew b’mod ieħor trażmessa jew iddivulgata lil detenturi ta’ drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati jew lil dawk li għandhom kwalunkwe dritt ieħor fil-kontenut ta’ servizzi tal-kontenut online jew kwalunkwe parti terza oħra.

3.  Id-data miġbura skont l-Artikolu 5 ma għandhiex tinħażen mill-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online għal aktar milli hu meħtieġ biex titlesta verifika tal-Istat Membru tar-residenza ta’ abbonat skont l-Artikolu 5(1) jew (2). Malli titlesta kull verifika, id-data għandha tinqered minnufih u b’mod irreversibbli.

Artikolu 9

Applikazzjoni għall-kuntratti eżistenti u għad-drittijiet akkwistati

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal kuntratti konklużi u drittijiet akkwistati qabel id-data tal-applikazzjoni tiegħu jekk ikunu rilevanti għall-forniment, l-aċċess għal u l-użu ta’ servizz tal-kontenut online f’konformità mal-Artikoli 3 u 6 wara dik id-data.

2.   ►C1  Sat-2 ta' Ġunju 2018 ◄ il-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut bi ħlas ta’ flus għandu jivverifika, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru tar-residenza ta’ dawk l-abbonati li kkonkludew kuntratti għall-forniment tas-servizz tal-kontenut online qabel dik id-data.

Fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-fornitur ta’ servizz tal-kontenut online pprovdut mingħajr ħlas ta’ flus ikun ipprovda għall-ewwel darba s-servizz f’konformità mal-Artikolu 6, il-fornitur għandu jivverifika, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru tar-residenza ta’ dawk l-abbonati li jkunu kkonkludew kuntratti għall-forniment tas-servizz tal-kontenut online qabel dik id-data.

Artikolu 10

Rieżami

►C1  Sat-2 ta' April 2021, ◄ u kif mitlub minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fid-dawl ta’ żviluppi legali, teknoloġiċi u ekonomiċi, u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar dan.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jinkludi, inter alia, valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-mezzi ta’ verifika tal-Istat Membru tar-residenza msemmi fl-Artikolu 5, b’kont meħud ta’ teknoloġiji, standards tal-industrija u prattiki żviluppati reċentement, u, jekk ikun meħtieġ, jikkunsidra l-ħtieġa ta’ rieżami. Ir-rapport għandu jagħti attenzjoni speċjali lill-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-SMEs u l-protezzjoni tad-data personali. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   ►C1  Għandu japplika mill-1 ta' April 2018. ◄

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( ) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

Top