Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02015R0757-20161216

    Consolidated text: Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/2016-12-16

    2015R0757 — MT — 16.12.2016 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT (UE) 2015/757 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-29 ta' April 2015

    dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 123 19.5.2015, p. 55)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2071 tat-22 ta' Settembru 2016

      L 320

    1

    26.11.2016




    ▼B

    REGOLAMENT (UE) 2015/757 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-29 ta' April 2015

    dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiżi tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u ta' informazzjoni oħra rilevanti minn bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, sabiex jippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu b'mod kosteffiċjenti.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.  Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti b'aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross fir-rigward ta' emissjonijiet CO2 rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom mill-aħħar port ta' waqfa tagħhom lejn port ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u minn port ta' waqfa li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għal port ta' waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f'portijiet ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

    2.  Dan ir-Regolament ma japplikax għal bastimenti tal-gwerra, bastimenti awżiljarji navali, bastimenti tal-qbid ta' ħut jew bastimenti tal-ipproċessar tal-ħut, bastimenti tal-injam b'binja primittiva, bastimenti li ma jitħaddmux b'mezzi mekkaniċi, jew bastimenti tal-gvern użati għal skopijiet mhux kummerċjali.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “emissjonijiet ta' CO2” tfisser ir-rilaxx ta' CO2 fl-atmosfera minn bastimenti;

    (b) “port ta' waqfa” tfisser port fejn bastiment jieqaf biex jgħabbi jew iħott merkanzija jew biex jimbarka jew jiżbarka passiġġieri; konsegwentement, waqfiet għall-finijiet uniċi ta' riforniment ta' fjuwil, akkwist ta' provvisti, bdil ta' ekwipaġġ, dħul f'baċiri jew tiswijiet lill-bastiment u/jew lit-tagħmir tiegħu, waqfiet f'port għaliex il-bastiment ikun jeħtieġ assistenza jew jinsab fil-periklu, trasbordi barra mill-portijiet, u waqfiet għall-iskop uniku ta' rifuġju minn temp ħażin jew li jsiru meħtieġa minħabba attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ huma esklużi;

    (c) “vjaġġ” tfisser kwalunkwe moviment ta' bastiment li joriġina minn port, jew jispiċċa f'port, ta' waqfa u li jaqdi l-funzjoni ta' trasport ta' passiġġieri jew merkanzija għal finijiet kummerċjali;

    (d) “kumpannija” tfisser is-sid ta' bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew il-bareboat charterer, li jkunu assumu r-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-bastiment minn sid il-bastiment;

    (e) “tunnellaġġ gross” (TG) tfisser it-tunnellaġġ gross ikkalkolat skont ir-regolamenti tal-kejl tat-tunnellaġġ li jinsab fl-Anness I mal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Kejl tat-Tunnellaġġ Metriku tal-Bastimenti, adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) f'Londra fit-23 ta' Ġunju 1969, jew kwalunkwe konvenzjoni suċċessura tagħha;

    (f) “verifikatur” tfisser entità ġuridika li tagħmel attivitajiet ta' verifika li tkun akkreditata minn korp ta' akkreditazzjoni nazzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u dan ir-Regolament;

    (g) “verifika” tfisser l-attivitajiet li jsiru minn verifikatur sabiex jivvaluta l-konformità tad-dokumenti mibgħuta mill-kumpannija mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

    (h) “dokument ta' konformità” tfisser dokument speċifiku għal bastiment, maħruġ għal kumpannija minn verifikatur, li jikkonferma li dak il-bastiment sar konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għal perijodu speċifiku ta' rappurtar;

    (i) “informazzjoni oħra rilevanti” tfisser informazzjoni relatata ma' emissjonijiet ta' CO2 mill-konsum ta' fjuwils, ma' xogħol ta' trasport u mal-effiċjenza enerġetika ta' bastimenti, li tiffaċilita l-analiżi tax-xejriet fl-emissjonijiet u l-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet ta' bastimenti;

    (j) “fattur ta' emissjoni” tfisser ir-rata medja ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra relattivament għad-data dwar l-attivitajiet ta' fluss minn sors, bil-preżunzjoni ta' ossidazzjoni kompleta għall-kombustjoni u ta' konverżjoni kompleta għar-reazzjonijiet kimiċi l-oħrajn kollha;

    (k) “inċertezza” tfisser parametru, assoċjat mar-riżultat tad-determinazzjoni ta' kwantità, li jikkaratterizza d-dispersjoni tal-valuri li jkunu jistgħu raġonevolment jiġu attribwiti lill-kwantità partikolari, inklużi l-effetti ta' fatturi sistematiċi kif ukoll ta' fatturi aleatorji, espress bħala perċentwal, u jiddeskrivi intervall ta' kunfidenza madwar il-valur medju li jinkludi 95 % tal-valuri dedotti b'kont meħud ta' kwalunkwe assimetrija tad-distribuzzjoni tal-valuri;

    (l) “konservattiv” tfisser li sett ta' suppożizzjonijiet jkun ġie definit sabiex jiġi żgurat li ma ssir l-ebda sottovalutazzjoni ta' emissjonijiet annwali jew sovravalutazzjoni ta' distanzi jew ta' ammonti ta' merkanzija li nġarru;

    (m) “perijodu ta' rappurtar” tfisser sena kalendarja waħda, li matulha jkollhom jiġu mmonitorjati u rrapportati emissjonijiet ta' CO2. Għal vjaġġi li jibdew u jispiċċaw f'sentejn kalendarji differenti, il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data għandhom jitqiesu taħt l-ewwel sena kalendarja kkonċernata;

    (n) “bastiment fl-irmiġġ” tfisser bastiment li jkun sorġut jew ankrat b'mod sikur f'port li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru waqt li jkun qed jgħabbi, iħott jew jakkomoda persuni, inkluż il-ħin li fih ma jkunx involut fl-operazzjonijiet ta' merkanzija;

    (o) “klassi tas-silġ” tfisser in-notazzjoni mogħtija lill-bastiment mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat tal-bandiera, jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta minn dak l-Istat, li turi li l-bastiment ġie mfassal għan-navigazzjoni f'kondizzjonijiet ta' silġ fuq il-baħar.



    KAPITOLU II

    MONITORAĠĠ U RAPPURTAR



    TAQSIMA 1

    Prinċipji u metodi għall-monitoraġġ u r-rappurtar

    Artikolu 4

    Prinċipji komuni għall-monitoraġġ u r-rappurtar

    1.  F'konformità mal-Artikoli 8 sa 12, il-kumpanniji għandhom, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, jimmonitorjaw u jirrapportaw il-parametri rilevanti matul perijodu ta' rappurtar. Huma għandhom jimmonitorjaw u jirrapportaw fil-portijiet kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u għal kull vjaġġ lejn jew minn port taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

    2.  Il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu kompluti u għandhom ikopru l-emissjonijiet CO2 mill-kombustjoni tal-fjuwils, waqt li l-bastimenti jkunu jbaħħru kif ukoll meta jkunu fl-irmiġġ. Il-kumpanniji għandhom japplikaw miżuri xierqa sabiex jevitaw kwalunkwe nuqqas fid-data fil-perijodu ta' rappurtar.

    3.  Il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu konsistenti u komparabbli tul iż-żmien. Għal dak il-għan, il-kumpanniji għandhom jużaw l-istess metodoloġiji ta' monitoraġġ u l-istess settijiet ta' data soġġetti għal modifiki evalwati mill-verifikatur.

    4.  Il-kumpanniji għandhom jiksbu, jirreġistraw, jikkompilaw, janalizzaw u jiddokumentaw data ta' monitoraġġ, inklużi suppożizzjonijiet, referenzi, data dwar fatturi ta' emissjoni u attivitajiet ta' emissjoni, b'mod trasparenti li jippermetti r-riproduzzjoni tad-determinazzjoni ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-verifikatur.

    5.  Il-kumpanniji għandhom jiżguraw li d-determinazzjoni ta' emissjonijiet ta' CO2 ma tkun la sistematikament u lanqas konsapevolment impreċiża. Huma għandhom jidentifikaw u jnaqqsu kwalunkwe sors ta' impreċiżjoni.

    6.  Il-kumpanniji għandhom jiffaċilitaw garanzija raġonevoli tal-integrità tad-data dwar l-emissjonijiet ta' CO2 li jkollha tiġi mmonitorjata u rrappurtata.

    7.  Il-kumpanniji għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapporti ta' verifika maħruġin taħt l-Artikolu 13(3) jew (4) fil-monitoraġġ u r-rappurtar sussegwenti tagħhom.

    Artikolu 5

    Metodi għall-monitoraġġ ta' emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra

    1.  Għall-finijiet tal-Artikolu 4(1), (2) u (3), il-kumpanniji għandhom jiddeterminaw, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, l-emissjonijiet ta' CO2, skont kwalunkwe mill-metodi stabbiliti fl-Anness I, u jimmonitorjaw informazzjoni oħra rilevanti skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness II jew adottati b'mod konformi miegħu.

    2.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-metodi stabbiliti fl-Anness I u r-regoli stabbiliti fl-Anness II, sabiex jieħdu kont tar-regoli internazzjonali rilevanti kif ukoll tal-istandards internazzjonali u Ewropej. Il-Kummissjoni hija wkoll mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex temenda l-Annessi I u II sabiex tirfina l-elementi tal-metodi ta' monitoraġġ stabbiliti fihom fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi.



    TAQSIMA 2

    Pjan ta' monitoraġġ

    Artikolu 6

    Kontenut u sottomissjoni tal-pjan ta' monitoraġġ

    1.  Sal-31 ta' Awwissu 2017, il-kumpanniji għandhom jissottomettu lill-verifikaturi pjan ta' monitoraġġ, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, li jindika l-metodu magħżul sabiex jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni oħra rilevanti.

    2.  Minkejja l-paragrafu 1, għal bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ewwel darba wara l-31 ta' Awwissu 2017, il-kumpannija għandha tissottometti pjan ta' monitoraġġ lill-verifikatur mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahrejn wara l-ewwel waqfa ta' kull bastiment f'port li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

    3.  Il-pjan ta' monitoraġġ għandu jikkonsisti minn dokumentazzjoni kompluta u trasparenti dwar il-metodu ta' monitoraġġ għall-bastiment ikkonċernat u għandu jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

    (a) l-identifikazzjoni u t-tip tal-bastiment inkluż ismu, in-numru tiegħu ta' identifikazzjoni tal-IMO, il-port tiegħu ta' reġistrazzjoni jew port ta' domiċilju, u l-isem ta' sid il-bastiment;

    (b) l-isem tal-kumpannija u l-indirizz, u d-dettalji tat-telefown u l-posta elettronika għal persuna tal-kuntatt;

    (c) deskrizzjoni tas-sorsi ta' emissjonijiet ta' CO2 li ġejjin abbord il-bastiment: magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass bojlers u ġeneraturi tal-gass inert, u t-tipi ta' fjuwils użati;

    (d) deskrizzjoni tal-proċeduri, sistemi u responsabbiltajiet użati għall-aġġornament tal-lista tas-sorsi ta' emissjonijiet ta' CO2 matul il-perijodu ta' rappurtar;

    (e) deskrizzjoni tal-proċeduri użati għall-monitoraġġ tal-kompletezza tal-lista tal-vjaġġi;

    (f) deskrizzjoni tal-proċeduri ta' monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil tal-bastiment, inklużi:

    (i) il-metodu magħżul minn fost dawk imsemmija fl-Anness I għall-kalkolu tal-konsum tal-fjuwils ta' kull sors ta' emissjonijiet ta' CO2, inkluża, fejn applikabbli, deskrizzjoni tat-tagħmir tal-kejl użat,

    (ii) proċeduri għall-kejl tal-ammonti tal-karburant ippompjat u tal-karburant fit-tankijiet, deskrizzjoni tat-tagħmir tal-kejl użat u l-proċeduri sabiex tiġi ddokumentata, irkuprata, trasmessa u maħżuna informazzjoni dwar kejl, kif applikabbli,

    (iii) il-metodu magħżul għad-determinazzjoni tad-densità, fejn applikabbli,

    (iv) proċedura sabiex jiġi żgurat li l-inċertezza totali tal-kejl tal-karburant tkun konsistenti mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, fejn possibbli b'referenza għal-liġijiet nazzjonali, għal-klawżoli fil-kuntratti tal-konsumatur jew għall-istandards ta' preċiżjoni tal-fornituri tal-fjuwil;

    (g) fatturi ta' emissjoni użati għal kull tip ta' fjuwil, jew fil-każ ta' fjuwils alternattivi, il-metodoloġiji għad-determinazzjoni tal-fatturi ta' emissjoni, inklużi l-metodoloġija għat-teħid ta' kampjuni, il-metodi ta' analiżi u deskrizzjoni tal-laboratorji użati, bl-akkreditazzjoni ISO 17025 ta' dawk il-laboratorji, fejn rilevanti;

    (h) deskrizzjoni tal-proċeduri użati għad-determinazzjoni tad-data tal-attività għal kull vjaġġ, inkluż:

    (i) il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet u s-sorsi tad-data għad-determinazzjoni u d-dokumentazzjoni tad-distanza,

    (ii) il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data biex jiġu determinati u rreġistrati l-merkanzija li nġarret u l-għadd ta' passiġġieri, kif applikabbli,

    (iii) il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data biex jiġi ddeterminat u rreġistrat il-ħin ta' tbaħħir bejn il-port tat-tluq u l-port tal-wasla;

    (i) deskrizzjoni tal-metodu li għandu jintuża għad-determinazzjoni tad-data ta' sostituzzjoni biex jiġu rrimedjati nuqqasijiet fid-data;

    (j) folja ta' reġistrazzjoni ta' reviżjoni biex tirreġistra d-dettalji kollha tal-istorja ta' reviżjoni.

    4.  Il-pjan ta' monitoraġġ jista' wkoll ikun fih informazzjoni dwar il-klassi tas-silġ tal-bastiment u/jew il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data għad-determinazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-distanza mbaħħra u ż-żmien ta' tbaħħir waqt li kien qed jinnaviga minn ġos-silġ.

    5.  Il-kumpanniji għandhom jużaw pjanijiet ta' monitoraġġ standardizzati bbażati fuq mudelli stabbiliti. Dawk il-mudelli, inklużi r-regoli tekniċi għall-applikazzjoni uniformi tagħhom, għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Artikolu 7

    Modifiki fil-pjan ta' monitoraġġ

    1.  Il-kumpanniji għandhom jikkontrollaw regolarment, u tal-anqas kull sena, jekk il-pjan ta' monitoraġġ jirriflettix in-natura u l-funzjonament tal-bastiment u jekk il-metodoloġija ta' monitoraġġ tistax tittejjeb.

    2.  Il-kumpanniji għandhom jimmodifikaw il-pjan ta' monitoraġġ fi kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a) fejn isseħħ bidla fil-kumpannija;

    (b) fejn iseħħu emissjonijiet ġodda ta' CO2 minħabba sorsi ġodda ta' emissjonijiet jew minħabba l-użu ta' fjuwils ġodda li jkunu għadhom mhux inklużi fil-pjan ta' monitoraġġ;

    (c) fejn isseħħ bidla fid-disponibbiltà tad-data, minħabba l-użu ta' tipi ġodda ta' tagħmir tal-kejl, ta' metodi ġodda għat-teħid ta' kampjuni jew ta' metodi ġodda ta' analiżi, jew għal raġunijiet oħra, li tista' taffettwa l-eżattezza tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2;

    (d) fejn id-data li tirriżulta mill-metodu ta' monitoraġġ applikat tinstab li mhijiex korretta;

    (e) fejn kwalunkwe parti mill-pjan ta' monitoraġġ hija identifikata bħala mhux konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jkun meħtieġ li l-kumpannija tirrivediha skont l-Artikolu 13(1).

    3.  Il-kumpanniji għandhom jinnotifikaw lill-verifikaturi mingħajr dewmien eċċessiv bi kwalunkwe proposta għal modifika fil-pjan ta' monitoraġġ.

    4.  Il-modifiki għall-pjan ta' monitoraġġ taħt il-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni mill-verifikatur skont l-Artikolu 13(1). Wara l-valutazzjoni, il-verifikatur għandu jinnotifika lill-kumpannija jekk dawk il-modifiki humiex konformi.



    TAQSIMA 3

    Monitoraġġ ta' emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra

    Artikolu 8

    Monitoraġġ tal-attivitajiet fil-perijodu ta' rappurtar

    Mill-1 ta' Jannar 2018, il-kumpanniji għandhom, fuq il-bażi tal-pjan ta' monitoraġġ ivvalutat skont l-Artikolu 13(1), jagħmlu monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 għal kull bastiment abbażi ta' kull vjaġġ u kull sena billi japplikaw il-metodu xieraq għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2 fost dawk stabbiliti fil-Parti B tal-Anness I u billi jikkalkulaw l-emissjonijiet ta' CO2 skont il-Parti A tal-Anness I.

    Artikolu 9

    Monitoraġġ abbażi ta' kull vjaġġ

    1.  Fuq il-bażi tal-pjan ta' monitoraġġ ivvalutat skont l-Artikolu 13(1), għal kull bastiment li jasal fi, jew jitlaq minn, port, u għal kull vjaġġ lejn jew minn port, li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, il-kumpanniji għandhom jimmonitorjaw, skont il-Parti A tal-Anness I u l-Parti A tal-Anness II, il-parametri li ġejjin:

    (a) il-port tat-tluq u l-port tal-wasla inkluża d-data u l-ħin tat-tluq u tal-wasla;

    (b) l-ammont u l-fattur ta' emissjoni għal kull tip ta' fjuwil totalment ikkonsmat;

    (c) CO2 emess;

    (d) id-distanza vjaġġata;

    (e) il-ħin fuq il-baħar;

    (f) il-merkanzija li nġarret;

    (g) ix-xogħol ta' trasport.

    Il-kumpanniji jistgħu wkoll jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni relatata mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u dik relatata man-navigazzjoni minn ġos-silġ, fejn applikabbli.

    2.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, kumpannija għandha tiġi eżentata mill-obbligu ta' monitoraġġ tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fuq bażi ta' kull vjaġġ fir-rigward ta' bastiment speċifiku, jekk:

    (a) il-vjaġġi kollha tal-bastiment matul il-perijodu ta' rappurtar jibdew minn port jew jintemmu f'port li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru; u

    (b) il-bastiment, skont l-iskeda tiegħu, jagħmel aktar minn 300 vjaġġ matul il-perijodu ta' rappurtar.

    Artikolu 10

    Monitoraġġ abbażi ta' kull sena

    Fuq il-bażi tal-pjan ta' monitoraġġ ivvalutat skont l-Artikolu 13(1), għal kull bastiment u għal kull sena kalendarja, il-kumpanniji għandhom jimmonitorjaw, skont il-Parti A tal-Anness I u l-Parti B tal-Anness II, il-parametri li ġejjin:

    (a) l-ammont u l-fattur ta' emissjoni għal kull tip ta' fjuwil ikkonsmat bħala total;

    (b) l-ammont totali ta' CO2 aggregat emess fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

    (c) l-emissjonijiet ta' CO2 aggregati mill-vjaġġi kollha bejn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

    (d) l-emissjonijiet ta' CO2 aggregati mill-vjaġġi kollha li telqu minn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

    (e) l-emissjonijiet ta' CO2 aggregati mill-vjaġġi kollha lejn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

    (f) l-emissjonijiet ta' CO2 li seħħew fl-irmiġġ fi ħdan il-portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

    (g) it-totali tad-distanza vjaġġata;

    (h) it-totali tal-ħin ta' tbaħħir;

    (i) it-totali tax-xogħol ta' trasport;

    (j) il-medju tal-effiċjenza enerġetika.

    Il-kumpanniji jistgħu jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni marbuta mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u dik marbuta man-navigazzjoni minn ġos-silġ, fejn applikabbli.

    Il-kumpanniji jistgħu wkoll jagħmlu monitoraġġ tal-fjuwil ikkunsmat u ta' CO2 emess billi jiddifferenzjaw abbażi ta' kriterji oħra definiti fil-pjan ta' monitoraġġ.



    TAQSIMA 4

    Rappurtar

    Artikolu 11

    Il-kontenut tar-rapport dwar l-emissjonijiet

    1.  Mill-2019, sat-30 ta' April ta' kull sena, il-kumpanniji għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati tal-bandiera kkonċernati, rapport dwar l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni oħra rilevanti għall-perijodu kollu ta' rappurtar għal kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li jkun ġie vverifikat bħala sodisfaċenti minn verifikatur skont l-Artikolu 13.

    2.  Fejn isseħħ bidla ta' kumpannija, il-kumpannija l-ġdida għandha tiżgura li kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħha ikun konformi ma' dan ir-Regolament fir-rigward tal-perijodu kollu tar-rappurtar li matulu hija tieħu responsabbiltà għall-bastiment ikkonċernat.

    3.  Il-kumpanniji għandhom jinkludu fir-rapport dwar l-emissjonijiet l-informazzjoni li ġejja:

    (a) id-data li tidentifika l-bastiment u l-kumpannija, inklużi:

    (i) l-isem tal-bastiment,

    (ii) in-numru ta' identfikazzjoni tal-IMO,

    (iii) il-port tar-reġistrazzjoni jew il-port ta' domiċilju,

    (iv) klassi tas-silġ tal-bastiment, jekk inkluża fil-pjan ta' monitoraġġ,

    (v) l-effiċjenza teknika tal-bastiment (Indiċi tal-Effiċjenza tal-Enerġija (EEDI) jew Valur tal-Indiċi Stmat (EIV) skont ir-Riżoluzzjoni tal-IMO MEPC.215 (63), fejn applikabbli)

    (vi) l-isem ta' sid il-bastiment,

    (vii) l-indirizz ta' sid il-bastiment u l-post prinċipali tan-negozju tiegħu,

    (viii) l-isem tal-kumpannija (jekk mhuwiex is-sid tal-bastiment),

    (ix) l-indirizz tal-kumpannija (jekk mhux is-sid tal-bastiment) u l-post prinċipali tan-negozju tagħha,

    (x) l-indirizz, id-dettalji tat-telefon u tal-posta elettronika ta' persuna ta' kuntatt;

    (b) l-identità tal-verifikatur li jkun ivvaluta r-rapport dwar l-emissjonijiet;

    (c) informazzjoni dwar il-metodu ta' monitoraġġ użat u l-livell ta' inċertezza relatat;

    (d) ir-riżultati mill-monitoraġġ annwali tal-parametri skont l-Artikolu 10.

    Artikolu 12

    Format tar-rapport dwar l-emissjonijiet

    1.  Ir-rapport dwar l-emissjonijiet għandu jiġi sottomess bl-użu ta' sistemi awtomatizzati u ta' formats tal-iskambju tad-data, inklużi mudelli elettroniċi.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, ir-regoli tekniċi li jistabbilixxu mudelli għall-formats tal-iskambju tad-data, inklużi l-mudelli elettroniċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).



    KAPITOLU III

    VERIFIKA U AKKREDITAZZJONI

    Artikolu 13

    Kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet ta' verifika u tar-rapport ta' verifika

    1.  Il-verifikatur għandu jivvaluta l-konformità tal-pjan ta' monitoraġġ mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Fejn il-valutazzjoni tal-verifikatur tidentifika nonkonformitajiet ma' dawk ir-rekwiżiti, il-kumpannija konċernata għandha tirrivedi l-pjan ta' monitoraġġ tagħha kif meħtieġ u tippreżenta pjan rivedut għall-valutazzjoni finali mill-verifikatur qabel ma jibda l-perijodu ta' rappurtar. Il-kumpannija għandha taqbel mal-verifikatu dwar qafas ta' żmien meħtieġ biex tintroduċi dawk ir-reviżjonijiet. Dak il-qafas ta' żmien ma għandux, fi kwalunkwe każ, jiskorri l-bidu tal-perijodu ta' rappurtar.

    2.  Il-verifikatur għandu jivvaluta l-konformità tar-rapport dwar l-emissjonijiet mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 12 u l-Annessi I u II.

    B'mod partikolari l-verifikatur għandu jivvaluta jekk l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra inklużi fir-rapport dwar l-emissjonijiet kinux ġew determinati f'konformità mal-Artikoli 8, 9 u 10 u l-pjan ta' monitoraġġ.

    3.  Fejn il-valutazzjoni tal-verifika tikkonkludi, b'assigurazzjoni raġonevoli mill-verifikatur, li r-rapport dwar l-emissjonijiet huwa ħieles minn-dikjarazzjonijiet skorretti materjali, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika li jiddikjara li r-rapport dwar l-emissjonijiet ġie vverifikat bħala sodisfaċenti. Ir-rapport ta' verifika għandu jispeċifika l-kwistjonijiet kollha rilevanti għall-ħidma mwettqa mill-verifikatur.

    4.  Fejn il-valutazzjoni tal-verifika tikkonkludi li r-rapport dwar l-emissjonijiet jinkludi dikjarazzjonijiet skoretti jew nonkonformitajiet mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-verifikatur għandu jinforma lill-kumpannija dwarhom f'waqtu. Il-kumpannija għandha konsegwentement tikkorreġi d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet sabiex tippermetti li jiġi ffinalizzat il-proċess ta' verifika fil-ħin u għandha tippreżenta lill-verifikatur ir-rapport rivedut dwar l-emissjonijiet u kull informazzjoni oħra li kienet meħtieġa biex tikkorreġi n-nonkonformitajiet identifikati. Fir-raport ta' verifika tiegħu, il-verifikatur għandu jiddikjara jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet identifikati waqt il-valutazzjoni tal-verifika ġewx ikkorreġuti mill-kummpannija. Fejn ma jkunux ġew ikkorreġuti d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet ikkomunikati, u b'mod individwali jew kombinat, iwasslu għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika li jiddikjara li r-rapport dwar l-emissjonijiet mhuwiex konformi ma' dan ir-Regolament.

    Artikolu 14

    Obbligi u prinċipji ġenerali għall-verifikaturi

    1.  Il-verifikatur għandu jkun indipendenti mill-kumpannija jew mill-operatur ta' bastiment u għandu jagħmel l-attivitajiet meħtieġa taħt dan ir-Regolament fl-interess pubbliku. Għal dak l-iskop, la l-verifikatur u l-ebda parti tal-istess entità legali ma għandhom ikunu kumpannija jew operatur tal-bastiment, is-sid ta' kumpannija, jew ikunu l-proprjetà tagħhom, u l-verifikatur lanqas ma għandu jkollu relazzjonijiet mal-kumpannija li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.

    2.  Meta jikkunsidra l-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet u tal-proċeduri ta' monitoraġġ applikati mill-kumpannija, il-verifikatur għandu jivvaluta l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-eżattezza tas-sistemi ta' monitoraġġ u tad-data u l-informazzjoni relatati mal-emissjonijiet ta' CO2, b'mod partikolari:

    (a) il-mod kif jiġi attribwit il-konsum tal-fjuwil għal vjaġġi;

    (b) id-data dwar il-konsum tal-fjuwil irrappurtati u l-kejl u l-kalkoli relatati;

    (c) l-għażla u l-użu tal-fatturi tal-emissjonijiet;

    (d) il-kalkoli li jwasslu sabiex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet globali ta' CO2;

    (e) il-kalkoli li jwasslu sabiex tiġi stabbilita l-effiċjenza enerġetika.

    3.  Il-verifikatur għandu jikkunsidra biss rapporti dwar emissjonijiet li jkunu sottomessi skont l-Artikolu 12 jekk data u informazzjoni affidabbli u kredibbli jippermettu li l-emissjonijiet ta' CO2 jiġu ddeterminati b'livell raġonevoli ta' ċertezza u bil-kondizzjoni li jkun żgurat kif ġej:

    (a) id-data rappurtata hija koerenti relattivament għal data estimata li tkun ibbażata fuq id-data tat-traċċar tal-bastimenti u karatteristiċi bħall-qawwa tal-magna installata;

    (b) id-data rrappurtata hija ħielsa minn inkonsistenzi, b'mod partikolari meta jitqabbel il-volum totali tal-fjuwil mixtri kull sena minn kull bastiment mal-aggregat tal-fjuwil ikkonsmat matul vjaġġi;

    (c) il-ġbir tad-data sar f'konformità mar-regoli applikabbli; u

    (d) ir-registri rilevanti tal-bastiment huma kompleti u konsistenti.

    Artikolu 15

    Proċeduri ta' verifika

    1.  Il-verifikatur għandu jidentifika r-riskji potenzjali relatati mal-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar billi jqabbel l-emissjonijiet ta' CO2 irrappurtati b'data stmata ibbażata fuq id-data tat-traċċar tal-bastimenti u karatteristiċi bħall-qawwa tal-magna installata. Fejn jinstabu devjazzjonijiet sinifikanti, il-verifikatur għandu jagħmel analiżijiet ulterjuri.

    2.  Il-verifikatur għandu jidentifika r-riskji potenzjali relatati mal-istadji differenti tal-kalkolu billi jirrivedi s-sorsi tad-data u l-metodoloġiji kollha użati.

    3.  Il-verifikatur għandu jqis kull metodu effettiv tal-kontroll tar-riskju applikat mill-kumpannija biex jitnaqqsu l-livelli ta' inċertezza assoċjati mal-preċiżjoni speċifika għall-metodi ta' monitoraġġ użati.

    4.  Il-kumpannija għandha tipprovdi lill-verifikatur b'kull informazzjoni addizzjonali li jippermettilu jwettaq il-proċeduri ta' verifika. Il-verifikatur jista' jagħmel kontrolli fuq il-post matul il-proċess ta' verifika sabiex jistabbilixxi l-affidabbiltà tad-data u l-informazzjoni rrappurtati.

    5.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23, sabiex tispeċifika aktar ir-regoli għall-attivitajiet ta' verifika msemmija f'dan ir-Regolament. Meta tadotta dawn l-atti, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi stabbiliti fil-Parti A tal-Anness III. Ir-regoli speċifikati f'dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-verifika previsti fl-Artikolu 14 u fuq standards rilevanti aċċettati internazzjonalment.

    Artikolu 16

    Akkreditazzjoni tal-verifikaturi

    1.  Il-verifikaturi li jevalwaw il-pjanijiet ta' monitoraġġ u r-rapporti dwar l-emissjonijiet u li joħorġu r-rapporti ta' verifika u d-dokumenti ta' konformità msemmija f'dan ir-Regolament għandhom ikunu akkreditati għal attivitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minn korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

    2.  Fejn ma hemm stipulat l-ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi f'dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

    3.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 sabiex tispeċifika aktar il-metodi ta' akkreditazzjoni tal-verifikaturi. Meta tadotta dawn l-atti, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness III. Il-metodi speċifikati f'dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-verifika previsti fl-Artikolu 14 u fuq standards rilevanti aċċettati internazzjonalment.



    KAPITOLU IV

    KONFORMITÀ U PUBBLIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI

    Artikolu 17

    Dokument ta' konformità

    1.  Fejn ir-rapport dwar l-emissjonijiet jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 11 sa 15 u dawk fl-Annessi I u II, il-verifikatur għandu joħroġ, fuq il-bażi tar-rapport ta' verifika, dokument ta' konformità għall-bastiment ikkonċernat.

    2.  Id-dokument ta' konformità għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a) l-identità tal-bastiment (l-isem, in-numru ta' identifikazzjoni tal-IMO u l-port fejn hu rreġistrat jew il-port ta' domiċilju);

    (b) l-isem, l-indirizz u l-post ewlieni tan-negozju ta' sid il-bastiment;

    (c) l-identità tal-verifikatur;

    (d) id-data tal-ħruġ tad-dokument ta' konformità, il-perijodu ta' validità tiegħu u l-perijodu ta' rappurtar li għalih jirriferi.

    3.  Id-dokumenti ta' konformità għandhom ikunu validi għall-perijodu ta' 18-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta' rappurtar.

    4.  Il-verifikatur għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-awtorità tal-Istat tal-bandiera, mingħajr dewmien, dwar il-ħruġ ta' kwalunkwe dokument ta' konformità. Il-verifikatur għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 billi juża sistemi awtomatizzati u formats tal-iskambju tad-data kompleti, inklużi mudelli elettroniċi.

    5.  Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, ir-regoli tekniċi għall-formats tal-iskambju tad-data, inklużi l-mudelli elettroniċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Artikolu 18

    Obbligu li jkun hemm dokument ta' konformità validu abbord

    Sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara t-tmiem ta' perijodu ta' rappurtar, il-bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, u li jkunu għamlu vjaġġi matul dak il-perijodu ta' rappurtar, għandhom ikollhom abbord dokument ta' konformità.

    Artikolu 19

    Konformità ma' rekwiżiti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar u ispezzjonijiet

    1.  Abbażi tal-informazzjoni ppubblikata f'konformità mal-Artikolu 21(1), kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta' monitoraġġ u rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 8 sa 12 minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. L-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li dokument ta' konformità jkun inħareġ għall-bastiment ikkonċernat, f'konformità mal-Artikolu 17(4), bħala evidenza ta' tali konformità.

    2.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe ispezzjoni ta' bastiment f'port li jkun taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu li ssir f'konformità mad-Direttiva 2009/16/KE tinkludi verifika li jkun hemm abbord dokument ta' konformità validu.

    3.  Għal kull bastiment li fir-rigward tiegħu ma tkunx disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-,punti (i) u (j) tal-Artikolu 21(2), fiż-żmien li jkun daħal f'port taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat jista' jivverifika li jkun hemm abbord dokument ta' konformità validu.

    Artikolu 20

    Penali, skambju ta' informazzjoni u ordni ta' tkeċċija

    1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' penali għan-nuqqas ta' konformità mal-obbligi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 12 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkunu imposti dawk il-penali. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2017, u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

    2.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skambju effettiv ta' informazzjoni u kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom li jkunu responsabbli milli jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar jew, fejn applikabbli, bejn l-awtoritajtiet tagħhom inkarigati bil-proċeduri penali. Il-proċeduri penali nazzjonali kontra bastiment speċifiku minn kwalunkwe Stat Membru għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat.

    3.  Fil-każ ta' bastimenti li jkunu naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar għal żewġ perijodi ta' rappurtar konsekuttivi jew aktar u meta miżuri ta' infurzar oħra jkunu naqqsu milli jiżguraw konformità, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membri tal-port ta' dħul jista' joħroġ ordni ta' tkeċċija li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-EMSA, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat. Bħala riżultat tal-ħruġ ta' tali ordni ta' tkeċċija, kull Stat Membru għandu jirrifjuta d-dħul tal-bastiment konċernat fi kwalunkwe wieħed mill-portijiet tiegħu sa meta l-kumpannija tissodisfa l-obbligi tagħha ta' monitoraġġ u ta' rappurtar skont l-Artikoli 11 u 18. It-twettiq ta' dawk l-obbligi għandu jiġi kkonfermat bin-notifika ta' dokument ta' konformità validu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat tal-port li tkun ħarġet l-ordni ta' tkeċċija. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli marittimi internazzjonali applikabbli fil-każ ta' bastimenti f'diffikultà.

    4.  Is-sid jew l-operatur ta' bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu fl-Istati Membri għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal kontra ordni ta' tkeċċija u għandu jkun infurmat tajjeb dwar dan minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port ta' dħul. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu proċeduri adegwati għal dawn il-finijiet.

    5.  Kull Stat Membru li ma jkollu l-ebda port marittimu fit-territorju tiegħu u li jkun għalaq ir-reġistru nazzjonali tal-bastimenti tiegħu jew ma jkollu l-ebda bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu li jaqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, u dment li l-ebda mit-tali bastimenti ma jtajru l-bandiera tiegħu, jista' jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. Kull Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jibbenefika minn dik id-deroga għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015. Kwalunkwe bidla sussegwenti għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

    Artikolu 21

    Pubblikazzjoni ta' informazzjoni u tar-rapport tal-Kummissjoni

    1.  Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet CO2 rrappurtati f'konformità mal-Artikolu 11 kif ukoll l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tinkludi dan li ġej fl-informazzjoni li għandha ssir disponibbli pubblikament:

    (a) l-identità tal-bastiment (l-isem, in-numru ta' identifikazzjoni tal-IMO u l-port fejn hu rreġistrat jew il-port ta' domiċilju);

    (b) l-effiċjenza teknika tal-bastiment (EEDI jew EIV fejn applikabbli);

    (c) l-emissjonijiet CO2 annwali;

    (d) it-total annwali tal-konsum tal-fjuwil għal vjaġġi;

    (e) il-medja annwali tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet CO2 għal kull distanza mbaħħra fuq vjaġġi;

    (f) il-medja annwali tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta' CO2 għal kull distanza mbaħħra u merkanzija għal vjaġġi;

    (g) il-ħin totali annwalment imqatta' fuq il-baħar għal vjaġġi;

    (h) il-metodu applikat għall-monitoraġġ;

    (i) id-data tal-ħruġ u d-data tal-iskadenza tad-dokument ta' konformità;

    (j) l-identità tal-verifikatur li jkun ivvaluta r-rapport dwar l-emissjonijiet.

    (k) kull informazzjoni oħra mmonitorjata u rrappurtata fuq bażi volontarja f'konformità mal-Artikolu 10.

    3.  Fejn, minħabba ċirkostanzi speċifiċi, l-iżvelar ta' kategorija ta' data aggregata taħt il-paragrafu 2, li mhijiex relatata ma' emissjonijiet ta' CO2, idgħajjef eċċezzjonalment il-protezzjoni ta' interess kummerċjali li jitlob protezzjoni bħala interess ekonomiku leġittimu li huwa aktar importanti mill-interess pubbliku fl-iżvelar skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), għandu jiġi applikat livell differenti ta' aggregazzjoni ta' dik id-data speċifika, fuq it-talba tal-kumpannija, għall-protezzjoni ta' tali interessi. Fejn ma jkunx possibbli li jiġi applikat livell differenti ta' aggregazzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel dik id-data disponibbli pubblikament.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali dwar l-emissjonijiet ta' CO2 u informazzjoni rilevanti oħra mit-trasport marittimu, inkluż riżultati aggregati u spjegati, bil-għan li tinforma lill-pubbliku u tippermetti valutazzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2 u l-effiċjenza enerġetika tat-trasport marittimu skont id-daqs, it-tip ta' bastiment, l-attività, jew kull kategorija oħra meqjusa rilevanti.

    5.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull sentejn l-impatt globali tas-settur tat-trasport marittimu fuq il-klima globali inkluż permezz ta' emissjonijiet jew effetti mhux relatati ma' CO2.

    6.  Fil-qafas tal-mandat tagħha, l-EMSA għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha sabiex tikkonforma ma' dan l-Artikolu u mal-Artikoli 12 u 17 ta' dan ir-Regolament, skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).



    KAPITOLU V

    KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

    Artikolu 22

    Kooperazzjoni internazzjonali

    1.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-IMO u lil korpi internazzjonali rilevanti oħra fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għad-distribuzzjoni tal-kompetenzi jew għall-proċeduri deċiżjonali kif previst fit-Trattati.

    2.  Il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-Istati Membri għandhom iżommu skambju tekniku ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-iżvilupp ulterjuri ta' metodi ta' monitoraġġ, l-organizzazzjoni ta' rappurtar u l-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet.

    3.  Fil-każ li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika għall-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra jew dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament u għandha, jekk xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-allinjament ma' dak il-ftehim internazzjonali.



    KAPITOLU VI

    SETGĦAT TA' DELEGA U TA' IMPLIMENTAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 23

    Eżerċizzju tad-delega

    1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u li jkollha konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

    2.  Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Lulju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames- snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

    3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 24

    Proċedura tal-Kumitat

    1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 25

    Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE

    Il-punt li ġej għandu jiżdied mal-lista li tinsab fl-Anness IV għad-Direttiva 2009/16/KE:

    “50. Dokument ta' Konformità maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE ( *1 ).

    Artikolu 26

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2015.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




    ANNESS I

    Metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2

    ▼M1

    A.   KALKOLU TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2 (L-ARTIKOLU 9)

    Għall-finijiet tal-kalkolu tal-emissjonijiet ta' CO2, il-kumpaniji għandhom japplikaw il-formula li ġejja:

    Il-konsum tal-fjuwil × il-fattur ta' emissjoni

    Il-konsum tal-fjuwil għandu jinkludi fjuwil ikkunsmat minn magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass, bojlers u ġeneraturi tal-gass inert.

    Il-konsum tal-fjuwil fil-portijiet tal-irmiġġ għandu jiġu kkalkulat b'mod separat.

    Għandhom jiġu applikati dawn il-valuri predefiniti għall-fatturi ta' emissjoni għal fjuwils użati abbord:



    Tip ta' fjuwil

    Referenza

    Fattur ta' emissjoni (t-CO2/t-fjuwil)

    1.  Diżil/Gas oil

    ISO 8217 Gradi DMX sa DMB

    3,206

    2.  Żejt kombustibbli light (light fuel oil/LFO)

    ISO 8217 Gradi RMA sa RMD

    3,151

    3.  Żejt kombustibbli heavy (heavy fuel oil/HFO)

    ISO 8217 Gradi RME sa RMK

    3,114

    4.  Gass petroleum likwifikat (LPG)

    Propan

    3,000

    Butan

    3,030

    5.  Gass naturali likwifikat (LNG)

     

    2,750

    6.  Metanol

     

    1,375

    7.  Etanol

     

    1,913

    Fatturi ta' emissjoni xierqa għandhom jiġu applikati għall-bijofjuwils u għall-fjuwils mhux fossili alternattivi u fjuwils oħra li għalihom ma hu speċifikat l-ebda valur predefinit.

    ▼B

    B.   METODI GĦAD-DETERMINAZZJONI TAL-EMISSJONIJIET TA' CO2

    Il-kumpannija għandha tiddefinixxi fil-pjan ta' monitoraġġ liema metodu ta' monitoraġġ għandu jintuża għall-kalkolu tal-konsum tal-fjuwil għal kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħha u għandha tiżgura li ladarba jkun ingħażel il-metodu, dan jiġi applikat konsistentement.

    Il-konsum attwali tal-fjuwil għal kull vjaġġ għandu jintuża u jiġi kkalkulat bl-użu ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

    (a) Nota ta' Kunsinna tal-Fjuwil tal-Bunker (BDN) u inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil;

    (b) Monitoraġġ tat-tank tal-fjuwil tal-bunker abbord;

    (c) Arloġġi għall-kejl tal-flussi għall-proċessi ta' kombustjoni applikabbli;

    (d) Kejl dirett tal-emissjonijiet ta' CO2.

    Kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn il-metodi, ladarba tkun valutata mill-verifikatur, tista' tintuża jekk iżżid il-preċiżjoni ġenerali tal-kejl.

    1.   Metodu A: BDN u inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil

    Dan il-metodu huwa bbażat fuq il-kwantità u t-tip ta' fjuwil kif definit fuq BDN flimkien mal-inventarji perjodiċi tat-tankijiet tal-fjuwil ibbażati fuq il-qari tat-tankijiet. Il-fjuwil fil-bidu tal-perijodu, flimkien mal-kunsinni, nieqes il-fjuwil disponibbli fit-tmiem tal-perijodu u l-fjuwil żvujtat bejn il-bidu tal-perijodu u t-tmiem tal-perijodu flimkien jikkostitwixxu l-fjuwil ikkunsmat matul il-perijodu.

    Il-perijodu jfisser l-intervall bejn żewġ portijiet ta' waqfa jew il-ħin li jdum fil-port. Għall-fjuwil użat matul perijodu, jeħtieġ li jiġu speċifikati t-tip ta' fjuwil u l-kontenut ta' kubrit.

    Dan il-metodu ma għandux jintuża meta l-BDN mhumiex disponibbli abbord il-bastimenti, speċjalment meta l-merkanzija sservi bħala fjuwil, pereżempju, l-evaporazzjoni tal-gass naturali llikwifikat (LNG).

    Taħt ir-regolamenti eżistenti tal-Anness VI tal-MARPOL, il-BDN hija obbligatorja, u għandha tinżamm abbord għal tliet snin wara l-ikkunsinnar tal-fjuwil tal-bunker u għandha tkun disponibbli minnufih. L-inventarju perjodiku tat-tankijiet tal-fjuwil abbord huwa bbażat fuq il-qari tat-tank tal-fjuwil. Dan juża tabelli tat-tankijiet rilevanti għal kull tank tal-fjuwil, sabiex jiġi ddeterminat il-volum fil-ħin tal-qari tat-tank tal-fuwil. L-inċertezza assoċjata mal-BDN għandha tkun speċifikata fil-pjan ta' monitoraġġ. Il-qari tat-tank tal-fjuwil għandu jsir b'metodi xierqa bħal sistemi awtomatizzati, skandalji u tejps tal-immersjoni. Il-metodu ta' skandaljar tat-tank u l-inċertezza assoċjata miegħu għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.

    Fejn l-ammont ta' fjuwil ippumpjat fit-tank jew l-ammont ta' fjuwil li jifdal fit-tankijiet jiġi ddeterminat f'unitajiet ta' volum, espressi f'litri, il-kumpannija għandha tikkonverti dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali. Il-kumpannija għandha tiddetermina d-densità attwali bl-użu ta' waħda minn dawn li ġejjin:

    (a) sistemi ta' kejl abbord;

    ▼M1

    (b) id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;

    ▼M1

    (c) id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.

    ▼B

    Id-densità attwali għandha tiġi espressa bħala kg/l u hija ddeterminata għat-temperatura applikabbli għal kejl speċifiku. F'każijiet fejn il-valuri tad-densità attwali ma jkunux disponibbli, għandu jiġi applikat fattur ta' densità standard għat-tip ta' fjuwil rilevanti ladarba jiġi valutat mill-verifikatur.

    2.   Metodu B: Monitoraġġ tat-tank tal-fjuwil tal-bunker abbord

    Dan il-metodu huwa bbażat fuq il-qari tat-tank tal-fjuwil għal tankijiet tal-fjuwil kollha abbord. Il-qari tat-tank għandu jseħħ kuljum meta l-bastiment ikun ibaħħar u kull darba li l-bastiment qed jibbankerja jew jiġi żvojtat.

    Il-varjazzjonijiet kumulattivi tal-livell tat-tank tal-fjuwil bejn żewġ istanzi ta' qari jikkostitwixxu l-fjuwil ikkunsmat matul il-perijodu.

    Il-perijodu jfisser il-ħin bejn żewġ portijiet ta' waqfa jew il-ħin fil-port. Għall-fjuwil użat matul perijodu, jeħtieġ li jiġu speċifikati t-tip ta' fjuwil u l-kontenut ta' kubrit.

    Il-qari tat-tank tal-fjuwil għandu jsir b'metodi xierqa bħal sistemi awtomatizzati, skandalji u tejps tal-immersjoni. Il-metodu ta' skandaljar tat-tank u l-inċertezza assoċjata miegħu għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.

    Fejn l-ammont ta' fjuwil ippumpjat fit-tank jew l-ammont ta' fjuwil li jifdal fit-tankijiet jiġi ddeterminat f'unitajiet ta' volum, espressi f'litri, il-kumpannija għandha tikkonverti dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali. Il-kumpannija għandha tiddetermina d-densità attwali bl-użu ta' waħda minn dawn li ġejjin:

    (a) sistemi ta' kejl abbord;

    (b) id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;

    (c) id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.

    Id-densità attwali għandha tiġi espressa bħala kg/l u hija ddeterminata għat-temperatura applikabbli għal kejl speċifiku. F'każijiet fejn il-valuri tad-densità attwali ma jkunux disponibbli, għandu jiġi applikat fattur ta' densità standard għat-tip ta' fjuwil rilevanti ladarba jiġi valutat mill-verifikatur.

    3.   Metodu C: Arloġġi għall-kejl tal-flussi għall-proċessi ta' kombustjoni applikabbli

    Dan il-metodu huwa bbażat fuq il-flussi tal-fjuwil imkejla abbord. Id-data mill-arloġġi għall-kejl tal-flussi konnessi ma' sorsi ta' emissjonijiet ta' CO2 rilevanti għandha tiġi kkombinata sabiex jiġi ddeterminat il-konsum tal-fjuwil għal perijodu speċifiku.

    Il-perijodu jfisser il-ħin bejn żewġ portijiet ta' waqfa jew il-ħin fil-port. Għall-fjuwil użat matul perijodu, jeħtieġ li jsir monitoraġġ tat-tip ta' fjuwil u tal-kontenut ta' kubrit.

    Il-metodi tal-ikkalibrar applikati u l-inċertezza assoċjata mal-arloġġi għall-kejl tal-flussi użati għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.

    Fejn l-ammont ta' fjuwil ikkunsmat jiġi determinat f'unitajiet tal-volum, espressi f'litri, il-kumpannija għandha tikkonverti dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta' valuri tad-densità attwali. Il-kumpannija għandha tiddetermina d-densità attwali bl-użu ta' waħda minn dawn li ġejjin:

    (a) sistemi ta' kejl abbord;

    ▼M1

    (b) id-densità mkejla mill-fornitur tal-fjuwil waqt l-ippumpjar tal-fjuwil fit-tank u li tkun irreġistrata fuq il-fattura tal-fjuwil jew fuq il-BDN;

    ▼M1

    (c) id-densità mkejla f'analiżi ta' test imwettaq f'laboratorju akkreditat għat-test ta' fjuwil, fejn disponibbli.

    ▼B

    Id-densità attwali għandha tiġi espressa bħala kg/l u hija ddeterminata għat-temperatura applikabbli għal kejl speċifiku. F'każijiet fejn il-valuri tad-densità attwali ma jkunux disponibbli, għandu jiġi applikat fattur ta' densità standard għat-tip ta' fjuwil rilevanti ladarba jiġi valutat mill-verifikatur.

    4.   Metodu D: Kejl dirett tal-emissjonijiet ta' CO2

    Il-kejl dirett tal-emissjonijiet ta' CO2 jista' jintuża għal vjaġġi u għal emissjonijiet ta' CO2 li jseħħu fil-portijiet li jkunu jinsabu fil-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru. L-emissjonijiet ta' CO2 għandhom jinkludu CO2 li joħroġ minn magni prinċipali, magni awżiljari, turbini tal-gass, bojlers u ġeneraturi tal-gass inert. Għall-bastimenti li għalihom ir-rappurtar ikun ibbażat fuq dan il-metodu, il-konsum tal-fjuwil għandu jiġi kkalkulat bl-użu tal-emissjonijiet imkejla ta' CO2 u tal-fattur applikabbli ta' emissjoni tal-fjuwils rilevanti.

    Dan il-metodu huwa bbażat fuq id-determinazzjoni tal-flussi tal-emissjonijiet ta' CO2 fiċ-ċmieni tal-gass tal-egżost (funnels) bil-multiplikazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-CO2 tal-gass tal-egżost mal-fluss tal-gass tal-egżost.

    Il-metodi tal-ikkalibrar applikati u l-inċertezza assoċjata mal-miters tal-fluss użati għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' monitoraġġ.




    ANNESS II

    Monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra

    A.   MONITORAĠĠ GĦAL KULL VJAĠĠ (ARTIKOLU 9)

    1. Għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra fuq bażi ta' kull vjaġġ (Artikolu 9 (1)), il-kumpanniji għandhom jirrispettaw ir-regoli li ġejjin:

    (a)  ►M1  id-data u s-siegħa tat-tluq mill-irmiġġ u tal-wasla fl-irmiġġ għandhom jiġu kkunsidrati bl-użu tal-Ħin Universali ta' Greenwich (GMT/UTC). ◄ Il-ħin ta' tbaħħir għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-informazzjoni tat-tluq mill-port u tal-wasla fil-port u għandu jeskludi l-ankraġġ.

    (b) id-distanza tal-vjaġġ tista' tkun jew id-distanza tal-aktar rotta diretta bejn il-port tat-tluq u l-port tal-wasla jew id-distanza reali. Fil-każ tal-użu tad-distanza tal-aktar rotta diretta bejn il-port tat-tluq u tal-port tal-wasla, għandu jintuża l-fattur ta' korrezzjoni konservattiv sabiex jiġi żgurat li d-distanza mbaħħra ma tkunx sottovalutata b'mod sinifikanti. Il-pjan ta' monitoraġġ għandu jispeċifika liema kalkolu ta' distanza jintuża u, jekk neċessarju, il-fattur ta' korrezzjoni użat. ►M1  Id-distanza vvjaġġata għandha tkun determinata mill-irmiġġ fil-port tat-tluq sal-irmiġġ fil-port tal-wasla u għandha tkun espressa f'mili nawtiċi. ◄

    (c) ix-xogћol ta' trasport gћandu jkun iddeterminat billi d-distanza ta' tbaħħir tiġi mmultiplikata bl-ammont ta' merkanzija li tinġarr.

    (d) għall-bastimenti tal-passiġġieri, in-numru ta' passiġġieri għandu jintuża biex jirrappreżenta l-merkanzija li tinġarr. Għall-kategoriji l-oħra kollha ta' bastimenti, l-ammont ta' merkanzija li tinġarr għandu jkun espress jew bħala tunnellati metriċi jew bħala metri kubi standard ta' merkanzija, skont il-każ;

    (e)  ►M1  għal bastimenti ro-ro, il-merkanzija li tkun qed tinġarr għandha tiġi definita bħala l-massa ta' merkanzija abbord, stabbilita bħala l-massa attwali jew bħala n-numru ta' unitajiet ta' merkanzija (trakkijiet, karozzi, eċċ.) jew il-metri fil-korsija okkupati mmultiplikat bil-valuri predefiniti għall-piż tagħhom. ◄

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “bastiment ro-ro” tfisser bastiment mibni għall-ġarr ta' unitajiet għat-trasport ta' merkanzija roll-on-roll-off jew li jkollu spazju għal merkanzija roll-on-roll-off.

    (f) għal bastimenti tal-kontejners, il-merkanzija li tinġarr għandha tiġi definita bħala l-piż totali tal-merkanzija f'tunnellati metriċi jew, fin-nuqqas ta' dan,l-ammont ta' Għoxrin Pied ta' Unitajiet Ekwivalenti (TEUs, Twenty HUF Equivalent Units) multiplikat b'valuri prestabbiliti għall-piż tgaħhom. Fejn il-merkanzija li tkun qed tinġarr minn bastiment tal-kontejners tiġi definita skont il-linji gwida applikabbli tal-IMO jew strumenti skont il-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS), dik id-definizzjoni għandha titqies bħala konformi ma' dan ir-Regolament.

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “bastiment tal-kontejners” tfisser bastiment mibni esklużivament għall-ġarr ta' kontejners fl-istiva jew fuq il-gverta;

    (g) id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners għandha tiffaċilita li jiġu kkunsidrati, fejn applikabbli, il-piż u l-volum tal-merkanzija li tinġarr u l-għadd ta' passiġġieri li jinġarru. Dawn il-kategoriji għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, tankers, bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, bastimenti ta' merkanzija ġenerali, bastimenti tal-merkanzija bil-friża, bastimenti tal-vetturi u bastimenti li jġorru kombinazzjoni ta' dawn.

    2. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-punt (g) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti implimentattivi, regoli tekniċi li jispeċifikaw il-parametri applikabbli għall-kull kategorija oħra ta' bastimenti msemmija taħt dak il-punt.

    Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016 skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

    Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tista' tirrivedi, fejn ikun il-każ, il-parametri applikabbli msemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 1. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni għandha tirrivedi wkoll dawk il-parametri biex jittieħed kont tal-emendi f'dan l-Anness skont l-Artikolu 5(2). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).

    3. Waqt li jikkonformaw mar-regoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-kumpanniji jistgħu wkoll jiddeċiedu li jinkludu informazzjoni speċifika relatata mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u man-navigazzjoni minn ġos-silġ.

    B.   MONITORAĠĠ FUQ BAŻI TA' KULL SENA (ARTIKOLU 10)

    Għall-finijiet tal-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra fuq bażi annwali, il-kumpanniji għandhom jirrispettaw ir-regoli li ġejjin:

    Il-valuri li tagħhom għandu isir monitoraġġ taħt l-Artikolu 10 għandhom ikunu determinati bl-aggregazzjoni tad-data rispettiva għal kull vjaġġ.

    Il-monitoraġġ tal-effiċjenza enerġetika medja għandu jsir bl-użu ta' mill-anqas erba' indikaturi, il-konsum tal-fjuwil għal kull distanza, il-konsum tal-fjuwil għal kull xogħol ta' trasport, l-emissjonijiet ta' CO2 għal kull distanza u l-emissjonijiet ta' CO2 għal kull xogħol ta' trasport, li għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

    Konsum tal-fjuwil għal kull distanza = total tal-konsum tal-fjuwil annwali/total tad-distanza ta' tbaħħir

    Konsum tal-fjuwil għal kull xogħol ta' trasport = total tal-konsum tal-fjuwil annwali/total ta' xogħol ta' trasport

    Emissjonijiet ta' CO2 għal kull distanza = total tal-emissjonijiet annwali ta' CO2/total tad-distanza ta' tbaħħir

    Emissjonijiet ta' CO2 għal kull xogħol ta' trasport = total tal-emissjonijiet annwali ta' CO2/total ta' xogħol ta' trasport.

    Waqt li jikkonformaw ma' dawn ir-regoli, il-kumpanniji jistgħu wkoll jiddeċiedu li jinkludu informazzjoni speċifika relatata mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u man-navigazzjoni ġos-silġ, kif ukoll informazzjoni oħra relatata mal-fjuwil ikkunsmat u l-emissjoni tas-CO2, waqt li jkun hemm differenzazzjoni abbażi ta' kriterji oħrajn definiti fil-pjan ta' monitoraġġ.




    ANNESS III

    Elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-atti delegati previsti fl-Artikoli 15 u 16

    A.   PROĊEDURI TA' VERIFIKA

     Kompetenzi tal-verifikaturi;

     dokumenti li jridu jiġu pprovduti minn kumpanniji lill-verifikaturi;

     valutazzjoni tar-riskju li trid issir minn verifikaturi;

     valutazzjoni tal-konformità tal-pjan ta' monitoraġġ;

     verifika tar-rapport tal-emissjonijiet;

     livell tal-materjalità;

     assigurazzjoni raġonevoli tal-verifikaturi;

     dikjarazzjonijiet skorretti u nuqqas ta' konformitajiet;

     kontenut tar-rapport tal-verifika;

     rakkomandazzjonijiet għal titjib;

     komunikazzjoni bejn kumpanniji, verifikaturi u l-Kummissjoni.

    B.   AKKREDITAZZJONI TAL-VERIFIKATURI

     Kif tista' tintalab l-akkreditazzjoni għal attivitajiet ta' tbaħħir;

     kif il-verifikaturi ser jiġu vvalutati mill-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni sabiex joħorġu ċertifikat tal-akkreditazzjoni;

     kif il-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni ser jagħmlu s-sorveljanza meħtieġa biex jikkonfermaw il-kontinwazzjoni tal-akkreditazzjoni;

     rekwiżiti għall-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni sabiex ikollhom il-kompetenza li jipprovdu akkreditazzjoni lill-verifikaturi għal attivitajiet ta' tbaħħir, inkluża referenza għal standards armonizzati.



    ( 1 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

    ( 2 ) Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

    ( 3 ) Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar- rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

    ( *1 ) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.”.

    Top