EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02015L0849-20180709

Consolidated text: Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/2018-07-09

02015L0849 — MT — 09.07.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2015/849 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Mejju 2015

dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 141 5.6.2015, p. 73)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2018/843 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’rilevanza għaż-ŻEE tat-30 ta’ Mejju 2018

  L 156

43

19.6.2018




▼B

DIRETTIVA (UE) 2015/849 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Mejju 2015

dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI



TAQSIMA 1

Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

1.  Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.

3.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, dawn li ġejjin, meta jitwettqu b'intenzjoni, għandhom jitqiesu bħala ħasil tal-flus:

(a) il-konverżjoni jew it-trasferiment ta' proprjetà, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f'tali attività, għall-fini ta' ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita tal-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta' tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjoni ta' dik il-persuna;

(b) il-ħabi jew it-travestiment tan-natura, is-sors, il-lokalità, id-dispożizzjoni, il-moviment, jew is-sidien veri tal-proprjetà jew tad-drittijiet veri fir-rigward tagħha, bil-konoxxenza li tali proprjetà ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f'tali attività;

(c) l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta' proprjetà, bil-konoxxenza, fiż-żmien tar-riċezzjoni tagħha, li tali proprjetà ġiet minn attività kriminali jew minn kompliċità f'tali attività;

(d) parteċipazzjoni f'attentati jew assoċjazzjoni fihom, għat-twettiq u l-għoti ta' għajnuna, sostenn, tħaffif u l-għoti ta' parir għat-twettiq ta' xi waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c).

4.  Il-ħasil tal-flus għandu jitqies bħala tali anke fejn l-attivitajiet li ġġeneraw il-proprjetà ddestinata għall-ħasil tal-flus twettqu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew f'dak ta' pajjiż terz.

5.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “finanzjament tat-terroriżmu” tfisser l-għoti jew il-ġbir ta' fondi, bi kwalunkwe mezz, dirett jew indirett, bl-intenzjoni li jintużaw jew bl-għarfien li ser jintużaw, totalment jew parzjalment, sabiex jitwettaq xi wieħed mir-reati li jaqgħu taħt it-tifsira tal-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI ( 1 ).

6.  L-għarfien, l-intenzjoni jew l-għan meħtieġ bħala element tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 5 jistgħu jiġu preżunti miċ-ċirkostanzi fattwali oġġettivi.

Artikolu 2

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b'obbligu li ġejjin:

(1) l-istituzzjonijiet ta' kreditu;

(2) l-istituzzjonijiet finanzjarji;

(3) il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:

▼M1

(a) awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa, jew kwalunkwe persuna oħra li timpenja ruħha li tipprovdi, direttament jew permezz ta’ persuni oħra li magħhom hija relatata dik il-persuna l-oħra, għajnuna materjali, assistenza jew pariri dwar kwistjonijiet ta’ taxxa bħala l-attività ta’ negozju jew professjonali prinċipali;

▼B

(b) nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, fejn dawn jieħdu sehem, kemm jekk jaġixxu f'isem jew għan-nom tal-klijent tagħhom fi kwalunkwe transazzjoni finanzjarja jew immobbiljarja, kif ukoll jekk jgħinu fl-ippjanar jew fit-twettiq ta' transazzjonijiet għall-klijent tagħhom li jirrigwardaw:

(i) ix-xiri u l-bejgħ ta' proprjetà immobbli jew ta' entitajiet kummerċjali;

(ii) il-ġestjoni ta' flus, titoli jew assi oħra tal-klijent;

(iii) il-ftuħ jew il-ġestjoni ta' kontijiet bankarji ta' tfaddil jew ta' titoli;

(iv) l-organizzazzjoni tal-kontributi neċessarji għall-ħolqien, l-operazzjoni jew il-ġestjoni ta' kumpanniji;

(v) il-kostituzzjoni, l-operat jew il-ġestjoni ta' trusts, ta' kumpanniji, ta' fondazzjonijiet jew ta' strutturi simili;

(c) fornituri ta' servizzi ta' trust jew ta' kumpanniji li mhumiex diġà koperti mill-punti (a) jew (b);

▼M1

(d) aġenti immobbiljari inkluż meta jaġixxu bħala intermedjarji fil-kiri ta’ proprjetà immobbli, iżda dan biss b’rabta ma’ tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kera fix-xahar tammonta għal EUR 10 000 jew aktar;

▼B

(e) persuni oħrajn li jinnegozjaw fi prodotti, sa fejn il-ħlasijiet isiru jew jiġu riċevuti fi flus kontanti f'ammont ta' EUR 10 000 jew aktar, kemm jekk it-transazzjoni ssir f'operazzjoni waħda jew inkella f'bosta operazzjonijiet li jidhru li għandhom x'jaqsmu ma' xulxin;

(f) fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard;

▼M1

(g) fornituri involuti f’servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali;

(h) fornituri tal-kartieri ta’ kustodja;

(i) persuni li jinnegozjaw jew li jaġixxu bħala intermedjarji fil-kummerċ ta’ xogħlijiet tal-arti, inkluż meta dan isir minn galleriji tal-arti u swali tal-irkant, meta l-valur tat-tranżazzjoni jew ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet konnessi jammonta għal EUR 10 000 jew aktar;

(j) persuni li jaħżnu, jinnegozjaw jew li jaġixxu bħala intermedjarji fil-kummerċ ta’ xogħlijiet ta’ arti meta din issir minn portijiet ħielsa, meta l-valur ta’ tranżazzjoni jew ta’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet konnessi jammonta għal EUR 10 000 jew aktar.

▼B

2.  Bl-eċċezzjoni tal-casinos, u wara valutazzjoni tar-riskju xierqa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw għal kollox jew parzjalment il-fornituri ta' ċerti servizzi tal-logħob tal-azzard minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu id-Direttiva abbażi tar-riskju żgħir ippruvat li jirriżulta min-natura u, fejn xieraq, l-iskala tal-operazzjonijiet ta' servizzi bħal dawn.

Fost il-fatturi li jikkunsidraw fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-grad ta' vulnerabbiltà tat-transazzjonijiet applikabbli, inkluż fir-rigward tal-metodi ta' ħlas użati.

Fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif huma jkunu ħadu kont tal-konklużjonijiet rilevanti fir-rapporti maħruġin mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6.

Kull deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont l-ewwel subparagrafu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, flimkien ma' ġustifikazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju speċifika. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik id-deċiżjoni lill-Istati Membri l-oħra.

3.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-persuni li jidħlu f'attività finanzjarja fuq bażi okkażjonali jew ferm limitata fejn ftit li xejn hemm riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva dment li jkunu sodisfatti l-kriterji kollha li ġejjin:

(a) l-attività finanzjarja tkun limitata f'termini assoluti;

(b) l-attività finanzjarja tkun limitata fuq bażi ta' transazzjoni;

(c) l-attività finanzjarja ma tkunx l-attività prinċipali ta' tali persuni;

(d) l-attività finanzjarja tkun anċillari u marbuta direttament mal-attività prinċipali ta' tali persuni;

(e) l-attività ewlenija ta' tali persuni ma tkunx attività msemmija fil-punti (a) sa (d) jew fil-punt (f) tal-paragrafu 1(3);

(f) l-attività finanzjarja tkun ipprovduta biss lill-klijenti tal-attività prinċipali ta' tali persuni u ma tkunx offruta lill-pubbliku b'mod ġenerali.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal persuni involuti fl-attività ta' ħlas ta' flus kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

4.  Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fatturat totali tal-attività finanzjarja ma taqbiżx livell limitu partikolari. Dak il-livell limitu għandu jkun baxx biżżejjed. Dak il-livell limitu għandu jiġi stabbilit fuq il-livell nazzjonali, skont it-tip tal-attività finanzjarja.

5.  Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom japplikaw livell limitu massimu għal kull klijent u għal kull transazzjoni, kemm jekk it-transazzjoni titwettaq f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f'bosta operazzjonijiet li jidhru li għandhom x'jaqsmu ma' xulxin. Dak il-limitu massimu għandu jiġi stabbilit fuq il-livell nazzjonali skont it-tip tal-attività finanzjarja. Għandu jkun baxx biżżejjed biex jiġi żgurat li t-tipi ta' transazzjonijiet inkwistjoni jkunu metodu ineffiċjenti u mhux prattiku għall-ħasil tal-flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu, u ma għandux jaqbeż l-EUR 1 000 .

6.  Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fatturat mill-attività finanzjarja ma jaqbżux 5 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata.

7.  Fil-valutazzjoni tar-riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikulari lil kwalunkwe attività finanzjarja li minħabba n-natura tagħha titqies li għandha probabbiltà għolja li tintuża jew tiġi abbużata għal finijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

8.  Id-deċiżjonijiet meħuda minn Stat Membru skont il-paragrafu 3 għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw tali deċiżjonijiet fejn jinbidlu ċ-ċirkostanzi. Huma għandhom jinnotifikaw tali deċiżjonijiet lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika tali deċiżjonijiet lill-Istati Membri l-oħra.

9.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta' monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju jew jieħdu miżuri adegwati oħrajn biex jiżguraw li ma jsirx abbuż mill-eżenzjoni mogħtija mid-deċiżjonijiet skont dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), inklużi l-fergħat tagħha, kif definit fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament, li jkunu jinsabu fl-Unjoni, kemm jekk l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun jinsab fl-Unjoni kif ukoll jekk ikun f'pajjiż terz;

(2) “istituzzjoni finanzjarja” tfisser:

(a) intrapriża, li ma tkunx istituzzjoni ta' kreditu, li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet inklużi fil-punti (2) sa (12), (14) u (15) tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), inklużi l-attivitajiet ta' uffiċċji ta' kambju tal-munita;

(b) impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), sa fejn hija twettaq attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja koperti minn dik id-Direttiva;

(c) ditta ta' investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 );

(d) intrapriża ta' investiment kollettiv li tikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma tagħha;

(e) intermedjarja tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) fejn taġixxi fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-ħajja u servizzi oħra relatati mal-investiment, bl-eċċezzjoni ta' intermedjarju marbut ta' assigurazzjoni kif definita fil-punt (7) ta' dak l-Artikolu;

(f) fergħat, meta jinsabu fl-Unjoni, ta' istituzzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (a) sa (e), kemm jekk l-uffiċċju prinċipali tagħhom ikunu jinsab fi Stat Membru kif ukoll jekk ikun jinsab f'pajjiż terz;

(3) “proprjetà” tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm korporali kif ukoll inkorporali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti jew strumenti legali fi kwalunkwe forma inkluż dik elettronika jew diġitali, li tixhed it-titolu ta' tali assi jew interess fihom;

(4) “attività kriminali” tfisser kwalunkwe tip ta' involviment kriminali fit-twettiq tar-reati serji li ġejjin:

▼M1

(a) reati terroristiċi, reati relatati ma’ grupp terroristiku u reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi kif stabbilit fit-Titoli II u III tad-Direttiva (UE) 2017/541 ( 8 );

▼B

(b) kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi;

▼M1

(c) l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet kriminali kif definit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI ( 9 );

▼B

(d) frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fejn tkun mill-inqas serja, kif definit fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ( 10 );

(e) korruzzjoni;

(f) ir-reati kollha, inklużi reati fiskali, relatati ma' taxxi diretti u taxxi indiretti u kif definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, li huma punibbli b'ċaħda tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni għal massimu ta' aktar minn sena jew, fir-rigward ta' Stati Membri li għandhom livell limitu minimu għal reati fis-sistema legali tagħhom, ir-reati kollha punibbli b'ċaħda tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni għal minimu ta' aktar minn sitt xhur;

(5) “korp awtoregolatorju” tfisser korp li jirrappreżenta membri ta' professjoni u li għandu rwol fir-regolamentazzjoni tagħhom, fit-twettiq ta' ċerti funzjonijiet tat-tip superviżorju jew ta' monitoraġġ u fl-iżgurar tal-infurzar tar-regoli li jirrigwardawhom;

(6) “sid benefiċjarju” tfisser kwalunkwe persuna jew persuni fiżiċi li huma s-sid jew li għandhom l-kontroll finali tal-klijent jew il-persuna jew persuni fiżiċi li f'isimhom tkun qed titwettaq transazzjoni jew attività u tinkludi:

(a) fil-każ ta' entitajiet korporattivi:

(i) il-persuna fiżika/persuni fiżiċi li hija s-sid jew li għandha l-kontroll finali ta' entità ġuridika permezz ta' sjieda diretta jew indiretta ta' perċentwal suffiċjenti tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot jew interess ta' sjieda f'dik l-entità, inkluż permezz ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji bearer, jew permezz ta' kontroll b'mezzi oħra, minbarra kumpannija elenkata fuq suq regolat li hija soġġetta għal rekwiżiti ta' żvelar konsistenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti li jiżguraw it-trasparenza adegwata tal-informazzjoni tas-sjieda.

Il-pussess ta' ishma ta' 25 % u sehem wieħed jew interess ta' sjieda ta' aktar minn 25 % fil-klijent miżmum minn persuna fiżika, għandu jkun indikazzjoni ta' sjieda diretta. Il-parteċipazzjoni azzjonarja ta' 25 % u sehem wieħed jew interess ta' sjieda ta' aktar minn 25 % fil-klijent miżmum minn entità korporattiva, li tkun taħt il-kontroll ta' persuna fiżika jew persuni fiżiċi, jew minn entitajiet korporattivi multipli, li jkunu taħt il-kontroll tal-istess persuna fiżika jew persuni fiżiċi, għandha tkun indikazzjoni ta' sjieda indiretta. Dan japplika mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu li perċentwal aktar baxx jista' jkun indikazzjoni ta' sjieda jew kontroll. Jista' jiġi determinat kontroll permezz ta' mezzi oħra, fost oħrajn, f'konformità mal-kriterji fl-Artikolu 22(1) sa (5) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 );

(ii) jekk, wara li tkun eżawriet il-mezzi kollha possibbli u sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għal suspett, l-ebda persuna taħt il-punt (i) ma tkun identifikata, jew jekk ikun hemm xi dubbju li l-persuna jew persuni identifikati huma s-sid jew sidien benefiċjarji, il-persuna jew persuni fiżiċi li jkollhom l-inkarigu ta' uffiċjal jew uffiċjali ta' maniġment superjuri; l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom iżommu rekords tal-azzjonijiet meħudin għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji taħt il-punt (i) u dan il-punt;

▼M1

(b) fil-każ ta’ trusts, il-persuni kollha li ġejjin:

(i) is-settlor(s);

(ii) il-fiduċjarju/i;

(iii) il-protettur(i), jekk ikun hemm;

(iv) il-benefiċjarji jew meta l-individwi li jibbenefikaw mill-arranġament ġuridiku jew l-entità ġuridika jkunu għad iridu jiġu ddeterminati, il-klassi ta’ persuni li fl-interess ewlieni tagħhom jiġu stabbiliti jew operati l-arranġament jew l-entità ġuridika;

(v) kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll finali fuq it-trust permezz ta’ sjieda diretta jew indiretta jew b’mezzi oħrajn;

▼B

(c) fil-każ ta' entitajiet ġuridiċi bħal fondazzjonijiet, u arranġamenti legali simili għal trusts, il-persuna fiżika jew persuni fiżiċi li jkollhom pożizzjonijiet ekwivalenti jew simili għal dawk imsemmija fil-punt (b);

(7) “fornitur ta' servizz ta' trusts jew kumpanniji” tfisser kwalunkwe persuna li permezz tan-negozju tagħha jipprovdi xi wieħed mis-servizzi li ġejjin lil partijiet terzi:

(a) il-formazzjoni ta' kumpanniji jew ta' persuni ġuridiċi oħra;

(b) taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala direttur jew segretarju ta' kumpannija, jew bħala soċju f'soċjetà, jew f'xi pożizzjoni simili marbuta ma' persuni ġuridiċi oħra;

(c) il-forniment ta' uffiċċju reġistrat, jew ta' indirizz kummerċjali, jew ta' indirizz ta' korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati lil xi kumpannija, soċjetà jew kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali ieħor;

(d) taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala fiduċjarju ta' express trust jew ta' arranġament legali simili ieħor;

(e) taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala azzjonist nominat għal persuna oħra li mhijiex kumpannija elenkata f'suq regolat li hija soġġetta għar-rekwiżiti ta' żvelar f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti;

(8) “relazzjoni ta' korrispondenza” tfisser:

(a) il-forniment ta' servizzi bankarji minn bank wieħed bħala l-korrispondent lil bank ieħor bħala r-rispondenti, inkluża l-provvista ta' kont kurrenti jew kont ta' responsabbiltà ieħor u servizzi relatati, bħal ġestjoni ta' flus kontanti, trasferimenti ta' fondi internazzjonali, ikklerjar ta' ċekkijiet, pagamenti permezz ta' trasferimenti minn kontijiet u servizzi ta' kambju;

(b) ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji u fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji inkluż fejn jiġu fornuti servizzi simili minn istituzzjoni korrispondenti jew istituzzjoni rispondenti, u inklużi relazzjonijiet stabbiliti għal transazzjonijiet ta' titoli jew trasferimenti ta' fondi;

(9) “persuna esposta politikament” tfisser persuna fiżika li hi jew li kienet fdata bi funzjonijiet pubbliċi prominenti u jinkludu dawn li ġejjin:

(a) kapijiet ta' Stat, kapijiet ta' gvern, Ministri u viċi Ministri jew segretarji parlamentari;

(b) membri parlamentari jew ta' korpi leġislattivi simili;

(c) membri ta' korpi governattivi ta' partiti politiċi;

(d) membri tal-qrati supremi, tal-qrati kostituzzjonali jew ta' korpi ġudizzjarji oħra ta' livell għoli li d-deċiżjonijiet tagħhom ġeneralment mhumiex soġġetti għal appell ulterjuri, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali;

(e) membri tal-qrati tal-awdituri u tal-bordijiet tal-banek ċentrali;

(f) ambaxxaturi, chargés d'affaires u uffiċjali ta' grad għoli fil-forzi armati;

(g) membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tal-impriżi li huma proprjetà tal-Istat;

(h) diretturi, viċi diretturi u membri tal-bord jew funzjoni ekwivalenti ta' organizzazzjoni internazzjonali.

L-ebda funzjoni pubblika msemmija fil-punti (a) sa (h) ma għandha tinftiehem li tkopri uffiċjali ta' gradi medji jew ta' gradi inqas;

(10) “membri tal-familja” tinkludi dawn li ġejjin:

(a) il-konjuġi, jew persuna meqjusa ekwivalenti għal konjuġi, ta' persuna esposta politikament;

(b) it-tfal u l-konjuġi tagħhom, jew persuni meqjusin ekwivalenti għal konjuġi, ta' persuna esposta politikament;

(c) il-ġenituri ta' persuna esposta politikament;

(11) “persuni magħrufa bħala assoċjati mill-qrib” tinkludi:

(a) persuni fiżiċi li huma magħrufa li għandhom sjieda benefiċjarja konġunta ta' entitajiet ġuridiċi jew arranġamenti legali, jew kwalunkwe relazzjoni oħra ta' negozju mill-qrib, ma' persuna esposta politikament;

(b) persuni fiżiċi li għandhom sjieda benefiċjarja unika ta' entità legali jew arranġament legali li hija magħrufa li twaqqfet għall-benefiċċju de facto ta' persuna esposta politikament;

(12) “maniġment superjuri” tfisser uffiċjal jew impjegat b'għarfien suffiċjenti dwar l-esponiment għar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-istituzzjoni u anzjanità suffiċjenti li jista' jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-esponiment għar-riskju u li mhuwiex meħtieġ li jkun membru tal-bord ta' diretturi;

(13) “relazzjoni ta' negozju” tfisser relazzjoni ta' negozju, professjonali jew kummerċjali li hija marbuta mal-attivitajiet professjonali tal-entitajiet marbutin b'obbligu u li hija mistennija, fil-mument li jiġi stabbilit il-kuntratt, li jkollha element ta' durata;

(14) “servizzi tal-logħob tal-azzard” tfisser servizz li jinvolvi logħob ta' flus f'logħob tal-azzard, inklużi dawk b'element ta' ħila bħal lotteriji, il-logħob tal-casino, il-logħob tal-poker u transazzjonijiet tal-imħatri li huma pprovduti f'post fiżiku jew bi kwalunkwe mezz, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi jew bi kwalunkwe teknoloġija oħra li tiffaċilita l-komunikazzjoni, u fuq it-talba individwali ta' min jirċievi s-servizzi;

(15) “grupp” tfisser grupp ta' intrapriżi, li jikkonsisti minn intrapriża ewlenija, is-sussidjarji tagħha u l-entitajiet li fihom l-intrapriża ewlenija jew is-sussidjarji tagħha jkollhom parteċipazzjoni, kif ukoll intrapriżi marbutin flimkien b'relazzjoni fis-sens tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE;

▼M1

(16) “flus elettroniċi” tfisser flus elettroniċi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE, bl-esklużjoni ta’ valur monetarju kif saret referenza għalih fl-Artikolu 1(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva;

▼B

(17) “shell bank” tfisser istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jew istituzzjoni li l-attivitajiet tagħha jkunu ekwivalenti għal dawk ta' istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, inkorporata f'ġurisdizzjoni li fiha ma għandha l-ebda preżenza fiżika, li tinvolvi ħsieb u ġestjoni sinifikanti, u li mhijiex affiljata ma' grupp finanzjarju rregolat;

▼M1

(18) “muniti virtwali” tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li ma tkunx maħruġa jew garantita minn bank ċentrali jew awtorità pubblika, ma tkunx neċessarjament marbuta ma’ munita stabbilita b’mod legali u ma jkollhiex status legali ta’ munita jew flus, iżda tkun aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħala mezz ta’ skambju u tkun tista’ tiġi ttrasferita, maħżuna u nnegozjata elettronikament;

(19) “fornitur tal-kartieri ta’ kustodja” tfisser entità li tipprovdi servizzi għas-salvagwardja ta’ ċwievet kriptografiċi privati f’isem il-klijenti tagħha, biex iżomm, taħżen u tittrasferixxi muniti virtwali.

▼B

Artikolu 4

1.  L-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jiżguraw li l-ambitu ta' din id-Direttiva tiġi estiżi kollha kemm hi jew parzjalment għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi, minbarra l-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1), li jidħlu f'attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

2.  Fejn Stat Membru jestendi l-ambitu ta' din id-Direttiva għal professjonijiet jew għal kategoriji ta' intrapriżi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 5

L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal-Unjoni.



TAQSIMA 2

Valutazzjoni tar-riskju

Artikolu 6

1.  Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u relatati ma' attivitajiet transkonfinali.

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha, sas-26 ta' Ġunju 2017, tfassal rapport li jidentifika, janalizza, u jevalwa dawk ir-riskji fil-livell tal-Unjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha taġġorna r-rapport tagħha kull sentejn, jew aktar spiss jekk ikun xieraq.

2.  Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri minn tal-anqas dan li ġej:

(a) l-oqsma tas-suq intern li huma fl-ikbar riskju;

▼M1

(b) ir-riskji assoċjati ma’ kull settur rilevanti, inklużi, fejn applikabbli, stimi tal-volumi monetarji ta’ ħasil tal-flus ipprovduti mill-Eurostat għal kull wieħed minn dawk is-setturi;

(c) l-aktar mezzi mifruxa użati mill-kriminali għall-ħasil ta’ rikavat illeċitu inklużi, meta jkunu disponibbli, dawk użati partikolarment fi tranżazzjonijiet bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, indipendentement mill-identifikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala riskju kbir skont l-Artikolu 9(2).

3.  Il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-entitajiet marbutin b’obbligu biex tassistihom jidentifikaw, jifhmu, jiġġestixxu u jimmitigaw ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u sabiex partijiet ikkonċernati oħra, inklużi l-leġislaturi nazzjonali, il-Parlament Ewropew, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (ASE) u r-rappreżentanti mill-UIF, ikunu jistgħu jifhmu aħjar ir-riskji. Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, ħlief għall-elementi tar-rapporti li jkun fihom informazzjoni klassifikata.

▼B

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-miżuri adatti għall-indirizzar tar-riskji identifikati. Fl-eventwalità li l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikaw ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet fir-reġimi nazzjonali tal-AML/CFT tagħhom, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan u jipprovdu ġustifikazzjoni għal tali deċiżjoni.

5.  Sas-26 ta' Diċembru 2016, l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, għandu jagħti opinjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-settur finanzjarju tal-Unjoni (l-“opinjoni konġunta”). Sussegwentement, l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, għandu jagħti opinjoni kull sentejn.

6.  Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha torganizza x-xogħol fil-livell tal-Unjoni u għandha tqis l-opinjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 5, u għandha tinvolvi lill-esperti tal-Istati Membri fil-qasam tal-AML/CFT, rappreżentanti mill-UIF, u fejn xieraq, u korpi oħrajn fil-livell tal-Unjoni fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-opinjonijiet konġunti għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u lill-entitajiet marbutin b'obbligu biex tassistihom fl-identifikazzjoni, il-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

7.  Kull sentejn, jew aktar spiss jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-valutazzjonijiet tar-riskju regolari u l-azzjoni meħuda abbażi ta' dawk il-konklużjonijiet.

Artikolu 7

1.  Kull Stat Membru għandu jieħu passi xierqa biex jidentifika, jivvaluta, jifhem u jimmitiga r-riskji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwawh, kif ukoll kwalunkwe tħassib marbut mal-protezzjoni tad-data f'dak ir-rigward. Għandu jżomm il-valutazzjoni tar-riskju aġġornat.

2.  Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità jew jistabbilixxi mekkaniżmu li bih jikkoordina r-rispons nazzjonali għar-riskji msemmija fil-paragrafu 1. L-identità ta' dik l-awtorità jew id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-ASE u lil Stati Membri oħra.

3.  Fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-konklużjonijiet tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 6(1).

4.  Fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu:

(a) jużaha biex itejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tiegħu, b'mod partikolari billi jidentifika l-oqsma kollha li fihom l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom japplikaw miżuri msaħħa u, fejn xieraq, jispeċifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu;

(b) jidentifika, fejn xieraq, setturi jew oqsma b'riskju aktar baxx jew aktar għoli tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c) jużaha biex tassistih biex jalloka u biex jagħti prijorità lir-riżorsi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(d) jużaha biex jiżgura li jiġu mfassla regoli xierqa għal kull settur jew qasam, skont ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(e) iqiegħed minnufih l-informazzjoni xierqa għad-dispożizzjoni tal-entitajiet marbutin b'obbligu sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

▼M1

(f) jirrapporta l-istruttura istituzzjonali u l-proċeduri wiesgħa tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu, inklużi fost oħrajn l-UIF, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-prosekuturi, kif ukoll ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati sa fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli;

(g) jirrapporta dwar l-isforzi u r-riżorsi nazzjonali (forzi tax-xogħol u baġit) allokati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

▼M1

5.  L-Istati Membri għandhom iqiegħdu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju, inklużi l-aġġornamenti tagħhom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-ASE u tal-Istati Membri l-oħra. Stati Membri oħrajn jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali rilevanti, fejn xieraq, lill-Istat Membru li jwettaq il-valutazzjoni tar-riskju. Sommarju tal-valutazzjoni għandu jkun disponibbli pubblikament. Dak is-sommarju ma għandux ikun fih informazzjoni klassifikata.

▼B

Artikolu 8

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta' fatturi ta' riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, ervizzi, transazzjonijiet jew kanali ta' distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b'obbligu.

2.  Il-valutazzjonijiet tar-riskju imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddokumentati, jinżammu aġġornati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi awtoregolatorji rilevanti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati mhumiex meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u jinftiehmu.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri biex jimmitigaw u jiġġestixxu b'mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, il-livell tal-Istati Membri, u l-livell tal-entitajiet marbutin b'obbligu. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs ta' dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu.

4.  Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu:

(a) l-iżvilupp ta' politiki, kontrolli u proċeduri interni, inklużi l-mudelli ta' prattiki għall-ġestjoni tar-riskju, id-diliġenza dovuta tal-klijenti, ir-rappurtar, iż-żamma tar-rekords, il-kontroll intern, il-ġestjoni tal-konformità inkluż, fejn xieraq, skont id-daqs u n-natura tan-negozju, il-ħatra ta' uffiċjal tal-konformità fil-livell maniġerjali u l-verifiki fuq l-impjegati.

(b) fejn xieraq, skont id-daqs u n-natura tan-negozju, funzjoni indipendenti ta' awditu biex tittestja l-politiki, kontrolli u proċeduri interni msemmija fil-punt (a).

5.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri tagħhom għall-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri li huma jistabbilixxu u li jimmonitorjaw u jsaħħu l-miżuri meħuda, fejn xieraq.



TAQSIMA 3

Politika ta' pajjiż terz

Artikolu 9

1.  Il-ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi nazzjonali tal-AML/CFF tagħhom li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b'riskju kbir”) għandhom jiġu identifikati sabiex jiġi protett il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

▼M1

2.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 64 biex tidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir, b’kont meħud tan-nuqqasijiet strateġiċi, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

(a) il-qafas legali u istituzzjonali tal-AML/CFT tal-pajjiż terz, b’mod partikolari:

(i) il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(ii) miżuri relatati ma’ diliġenza dovuta tal-klijenti;

(iii) rekwiżiti relatati maż-żamma ta’ rekords;

(iv) rekwiżiti relatati mar-rappurtar ta’ transazzjonijiet suspettużi;

(v) id-disponibbiltà ta’ informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar is-sjieda benefiċjarja tal-arranġamenti u l-persuni ġuridiċi għall-awtoritajiet kompetenti;

(b) is-setgħat u l-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi b’mod xieraq, kif ukoll il-prattiki tal-pajjiż terz fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(c) l-effettività tas-sistema tal-AML/CFT tal-pajjiż terz fl-indirizzar tar-riskji tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu.

▼B

3.  L-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati fi żmien xahar wara l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet strateġiċi msemmija f'dak il-paragrafu.

▼M1

4.  Il-Kummissjoni, fit-tfassil tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2, għandha tieħu kont tal-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti mħejjija minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jistabbilixxu standards b’kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

▼B



KAPITOLU II

DILIĠENZA DOVUTA TAL-KLIJENTI



TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 10

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet finanzjarji milli jżommu kontijiet anonimi, passbooks anonimi jew kaxex ta’ depożitu sikur anonimi. Fi kwalunkwe eventwalità, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li s-sidien u l-benefiċjarji tal-kontijiet anonimi, tal-passbooks anonimi jew tal-kaxex ta’ depożitu sikur anonimi eżistenti jkunu soġġetti għal miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti mhux iktar tard mill-10 ta’ Jannar 2019 u fi kwalunkwe każ qabel ma dawk il-kontijiet, il-passbooks jew il-kaxex ta’ depożitu jintużaw bi kwalunkwe mod.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-użu ħażin ta' ishma bearer u ta' ċertifikati tal-ishma bearer.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) meta jistabbilixxu relazzjoni ta' negozju;

(b) meta jwettqu transazzjoni okkażjonali li:

(i) tammonta għal EUR 15 000 jew iżjed, kemm jekk dik it-transazzjoni ssir f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk issir f'diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbuta ma xulxin; jew

(ii) tikkostitwixxi trasferiment ta' fondi kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ) li jeċċedi EUR 1 000 ;

(c) fil-każ ta' persuni li jinnegozjaw f'oġġetti, meta jwettqu transazzjonijiet okkażjonali fi flus kontanti li jammontaw għal EUR 10 000 jew aktar, kemm jekk it-transazzjoni titwettaq f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f'diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbutin ma' xulxin;

(d) għall-fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, fil-ġbir ta' rebħ, fl-imħatri ta' flus, jew fit-tnejn li huma, meta jwettqu transazzjonijiet okkażjonali li jammontaw għal EUR 2 000 jew aktar, kemm jekk it-transazzjoni titwettaq f'operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f'diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbutin ma' xulxin;

(e) meta jkun hemm suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, irrispettivament minn kwalunkwe deroga, eżenzjoni jew limitu;

(f) meta jkun hemm dubbji dwar il-veraċità jew l-adegwatezza ta' data ta' identifikazzjoni tal-klijent miksuba qabel.

Artikolu 12

1.  B'deroga mill-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 14, u abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju xierqa li turi riskju żgħir, Stat Membru jista' jippermetti lill-entitajiet marbutin b'obbligu biex ma japplikawx ċerti miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti fir-rigward ta' flus elettroniċi, fejn il-kondizzjonijiet ta' mitigazzjoni tar-riskju kollha li ġejjin ikunju sodisfatti:

▼M1

(a) l-istrument tal-ħlas mhuwiex rikarikabbli, jew għandu limitu massimu ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas ta’ EUR 150 kull xahar li jistgħu jintużaw biss f’dak l-Istat Membru;

(b) l-ammont massimu maħżun elettronikament ma jaqbiżx il-EUR 150;

▼B

(c) l-istrument tal-ħlas jintuża esklużivament għax-xiri ta' oġġetti jew servizzi;

(d) l-istrument tal-ħlas ma jistax jiġi ffinanzjat bi flus elettroniċi anonimi;

(e) l-emittent iwettaq monitoraġġ suffiċjenti tat-transazzjonijiet jew tar-relazzjoni ta' negozju biex ikunu jistgħu jiġu identifikati transazzjonijiet mhux tas-soltu jew suspettużi.

▼M1 —————

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deroga prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx applikabbli fil-każ ta’ fidi fi flus kontanti jew irtirar ta’ flus kontanti tal-valur monetarju tal-flus elettroniċi meta l-ammont mifdi jkun aktar minn EUR 50, jew fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mill-bogħod kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ) meta l-ammont imħallas ikun iktar minn EUR 50 għal kull tranżazzjoni.

▼M1

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji li jaġixxu bħala akkwirenti jaċċettaw biss pagamenti mwettqin b’kards imħallsin minn qabel anonimi maħruġin f’pajjiżi terzi meta tali kards jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 u 2.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jaċċettawx pagamenti fit-territorju tagħhom li jsiru bl-użu ta’ kards anonimi mħallsin minn qabel.

▼B

Artikolu 13

1.  Il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti għandhom jinkludu:

▼M1

(a) l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tal-klijent fuq il-bażi ta’ dokumenti, data jew informazzjoni li jinkisbu minn sors affidabbli u indipendenti, inklużi, meta disponibbli, mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, servizzi fiduċjarji rilevanti kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ) jew kwalunkwe proċess ieħor ta’ identifikazzjoni sikura mill-bogħod jew elettronika, regolat, rikonoxxut, approvat jew aċċettat mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti;

▼B

(b) l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju u t-teħid ta' miżuri raġonevoli biex tiġi vverifikata l-identità ta' dik il-persuna sabiex l-entità marbuta b'obbligu tkun sodisfatta li taf min hu s-sid benefiċjarju, inklużi, fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, trusts, kumpanniji, fondazzjonijiet, u arranġamenti legali simili, billi jittieħdu miżuri raġonevoli biex tinftiehem is-sjieda u l-istruttura ta' kontroll tal-klijent. ►M1  Meta s-sid benefiċjarju identifikat ikun uffiċjal maniġerjali anzjan kif imsemmi fl-Artikolu 3(6)(a)(ii), l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli meħtieġa biex tiġi vverifikata l-identità tal-persuna fiżika li tokkupa l-kariga ta’ uffiċjal maniġerjali anzjan u għandhom iżommu rekords tal-azzjonijiet meħuda, kif ukoll ta’ kwalunkwe diffikultà li jiltaqgħu magħha waqt il-proċess ta’ verifika; ◄

(c) il-valutazzjoni u, kif xieraq, il-kisba ta' informazzjoni fuq l-għan u l-għan maħsub tar-relazzjoni ta' negozju;

(d) it-twettiq ta' monitoraġġ kontinwa tar-relazzjoni ta' negozju inkluż skrutinju tat-transazzjonijiet matul il-kors ta' dik ir-relazzjoni sabiex ikun żgurat li t-transazzjonijiet li jkunu qegħdin jitwettqu jkunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b'obbligu tal-klijent, in-negozju u l-profil tar-riskju, inkluż fejn ikun neċessarju tas-sors tal-fondi u jiġi żgurat li d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmuma jinżammu dejjem aġġornati.

Meta jwettqu l-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jivverifikaw ukoll li kull persuna li tidher li taġixxi f'isem il-klijent tkun hekk awtorizzata u jidentifikaw u jivverifikaw l-identità ta' dik il-persuna.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw kull rekwiżit ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbilit fil-paragrafu 1. Madankollu, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jiddeterminaw il-firxa ta' miżuri bħal dawn fuq bażi ta' sensittività għar-riskji.

3.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu kont tal-inqas tal-indikaturi stabbiliti fl-Anness I meta jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi awtoregolatorji li l-miżuri huma xierqa fir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati.

5.  Għal negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja jew oħra relatata mal-investimenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, minbarra li jieħdu l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti meħtieġa għall-klijent u s-sid benefiċjarju, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti li ġejjin fuq il-benefiċjarji tal-assigurazzjoni tal-ħajja u poloz tal-assigurazzjoni oħra relatati mal-investimenti, hekk kif il-benefiċjarji jiġu identifikati jew indikati:

(a) fil-każ ta' benefiċjarji li jiġu identifikati bħala persuni jew arranġamenti legali msemmija b'mod speċifiku, li jittieħed isem il-persuna;

(b) fil-każ ta' benefiċjarji li huma indikati skont il-karatteristiċi jew il-klassi jew b'mezzi oħra, billi tinkiseb biżżejjed informazzjoni dwar dawk il-benefiċjarji biex l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjoni finanzjarja tkun sodisfatta li ser tkun tista' tistabbilixxi l-identità tal-benefiċjarju fi żmien ir-ripagament.

Fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-verifika tal-identità tal-benefiċjarji għandha sseħħ fi żmien ir-ripagament. Fil-każ ta' ċessjoni, sħiħa jew b'mod parzjali, ta' assigurazzjoni tal-ħajja jew assigurazzjoni oħra relatata mal-investiment, għal parti terza, l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji konxji miċ-ċessjoni għandhom jidentifikaw is-sid benefiċjarju fil-mument taċ-ċessjoni lill-persuna fiżika jew ġuridika jew l-arranġament legali li jirċievu għall-benefiċċju tagħhom stess il-valur tal-polza assenjata.

6.  Fil-każ ta' benefiċjarji ta' trusts jew ta' arranġamenti legali simili li huma indikati skont karatteristiċi jew klassi partikolari, entità marbuta b'obbligu għandha tikseb biżżejjed informazzjoni dwar il-benefiċjarju sabiex l-entità marbuta b'obbligu tkun sodisfatta li ser tkun tista' tistabbilixxi l-identità tal-benefiċjarju fi żmien ir-ripagament jew fiż-żmien li l-benefiċjarju jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu.

Artikolu 14

1.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-identità tal-klijent u l-identità tas-sid benefiċjarju jiġu verifikati qabel ma tiġi stabbilita r-relazzjoni ta' negozju jew it-twettiq tat-transazzjoni. ►M1  Kull meta jidħlu f’relazzjoni ta’ negozju ġdida ma’ entità korporattiva jew entità ġuridika oħra, jew trust jew arranġament legali li għandu struttura jew funzjonijiet simili għal dawk ta’ trusts (“arranġament legali simili”) li huma soġġetti għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont l-Artikolu 30 jew 31, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiġbru l-prova tar-reġistrazzjoni jew silta mir-reġistru. ◄

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-identitajiet tal-klijent u tas-sid benefiċjarju jiġu verifikati meta tiġi stabbilita relazzjoni ta' negozju jekk dan ikun meħtieġ sabiex ma jiġix interrott it-twettiq normali tan-negozju u fejn ir-riskju li jkun hemm ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu ikun żgħir. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, dawk il-proċeduri għandhom jitlestew hekk kif ikun prattiku wara l-kuntatt inizjali.

3.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li jinfetaħ kont ma' istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, inklużi kontijiet li jippermettu transazzjonijiet f'titoli trasferibbli, dment li jkun hemm salvagwardji adatti fis-seħħ biex jiġi żgurat li ma jitwettqux transazzjonijiet mill-klijent jew f'ismu sakemm tinkiseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1).

4.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, fejn entità marbuta b'obbligu ma tkunx tista' tikkonforma mar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1), hi ma għandhiex twettaq transazzjoni permezz ta' kont tal-bank, tistabbilixxi relazzjoni ta' negozju jew twettaq it-transazzjoni, u li għandha twaqqaf ir-relazzjoni ta' negozju u tqis jekk għandhiex tfassal rapport dwar transazzjoni suspettuża lill-UIF fir-rigward tal-klijent f'konformità mal-Artikolu 33.

L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw l-ewwel subparagrafu għal nutara, professjonisti legali indipendenti oħrajn, awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti fiskali biss sa strettament fejn dawk il-persuni jiddeterminaw il-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew iwettqu l-kompitu tagħhom ta' difiża jew rappreżentanza ta' dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward tagħhom, inkluż l-għoti ta' pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta' tali proċedimenti

▼M1

5.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda kollha iżda anki fi żminijiet xierqa għall-klijenti eżistenti fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju, meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi rilevanti ta’ klijent partikolari, jew meta l-entità marbuta b’obbligu jkollha kwalunkwe dmir legali fil-kors tas-sena kalendarja rilevanti li tikkuntattja lill-klijent bl-iskop tar-reviżjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sid(ien) benefiċjarji, jew jekk l-entità marbuta b’obbligu kellha dan id-dmir skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE ( 15 ).

▼B



TAQSIMA 2

Diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikatA

Artikolu 15

1.  Meta Stat Membru jew entità marbuta b'obbligu jidentifikaw oqsma ta' riskju iktar baxx, dak l-Istat Membru jista' jippermetti li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikati.

2.  Qabel ma japplikaw il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikata, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jikkonfermaw li r-relazzjoni ta' negozju jew it-transazzjoni tippreżenta livell baxx ta' riskju.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jwettqu monitoraġġ suffiċjenti tat-transazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ta' negozju biex ikunu jistgħu jiġu identifikati transazzjonijiet mhux tas-soltu jew suspettużi.

Artikolu 16

Meta jivvalutaw ir-riskji ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu relatati mat-tipi ta' klijenti, żoni ġeografiċi, u prodotti, servizzi, transazzjonijiet jew kanali tad-distribuzzjoni partikolari, l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jieħdu kont tal-inqas ta' dawk il-fatturi ta' sitwazzjonijiet b'potenzjal ta' riskju aktar baxx, stipulati fl-Anness II.

Artikolu 17

Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, u (UE) Nru 1095/2010, rigward il-fatturi ta' riskju li għandhom jiġu kkunsidrati u l-miżuri li għandhom jittieħdu f'sitwazzjonijiet li fihom ikunu xierqa miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti ssimplifikata. Għandu jittieħed kont speċifiku tan-natura u d-daqs tan-negozju, u fejn ikun xieraq u proporzjonat, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi.



TAQSIMA 3

Diliġenza Dovuta tal-Klijenti Msaħħa

Artikolu 18

1.   ►M1  Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikoli 18a sa 24, kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ riskju ikbar li jiġu identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbutin b’obbligu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri għal diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa biex jiġġestixxu u jimmitigaw dawk ir-riskji kif xieraq. ◄

L-Istati Membri m'għandhomx jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu japplikaw awtomatikament miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa fir-rigward ta' fergħat jew sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma tal-entitajiet marbutin b'obbligu stabbiliti fl-Unjoni li jkunu jinsabu f'pajjiżi terzi b'riskju kbir, fejn dawk il-fergħat jew sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma jikkonformaw b'mod sħiħ mal-politiki u l-proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu skont l-Artikolu 45. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-każijiet jiġu trattati mill-entitajiet marbutin b'obbligu bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu jeżaminaw, sa fejn huwa raġonevolment possibbli, l-isfond u l-għan tat-tranżazzjonijiet kollha li jissodisfaw tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) ikunu tranżazzjonijiet kumplessi;

(ii) ikunu tranżazzjonijiet kbar b’mod mhux tas-soltu;

(iii) jitwettqu f’tendenzi mhux tas-soltu;

(iv) ma jidhirx li għandhom għan ekonomiku jew legali apparenti.

B’mod partikolari, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżidu l-grad u n-natura tal-monitoraġġ tar-relazzjoni ta’ negozju, sabiex jiddeterminaw jekk dawk it-tranżazzjonijiet jew attivitajiet jidhrux suspettużi.

▼B

3.  Meta jivvalutaw ir-riskji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jieħdu kont tal-inqas ta' dawk il-fatturi ta' sitwazzjonijiet b'potenzjal ta' riskju ogħla indikati fl-Anness III.

4.  Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, u (UE) Nru 1095/2010, rigward il-fatturi ta' riskju li għandhom jiġu kkunsidrati u l-miżuri li għandhom jittieħdu f'sitwazzjonijiet li fihom ikunu xierqa miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa. Għandu jittieħed kont speċifiku tan-natura u d-daqs tan-negozju, u fejn ikun xieraq u proporzjonat, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi.

▼M1

Artikolu 18a

1.  Fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ negozju jew tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi b’riskju kbir identifikati skont l-Artikolu 9(2), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw il-miżuri li ġejjin għal diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa:

(a) il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq il-klijent u fuq is-sid benefiċjarju jew sidien benefiċjarji;

(b) il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq l-għan maħsub tar-relazzjoni ta’ negozju;

(c) il-kisba ta’ informazzjoni fuq is-sors tal-fondi u s-sors tal-beni tal-klijent u tas-sid benefiċjarju jew sidien benefiċjarji;

(d) il-kisba ta’ informazzjoni fuq ir-raġunijiet għat-tranżazzjonijiet intenzjonati jew imwettqin;

(e) il-kisba tal-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew it-tkomplija tar-relazzjoni ta’ negozju;

(f) it-twettiq ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tar-relazzjoni ta’ negozju b’żieda fin-numru u l-ħin tal-kontrolli applikati, u l-għażla ta’ tipi tat-tranżazzjonijiet li jeħtieġu eżaminazzjoni ulterjuri.

L-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-entitajiet marbutin b’obbligu jiżguraw, fejn applikabbli, li l-ewwel pagament jitwettaq permezz ta’ kont f’isem il-klijent ma’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġett għal standards ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti li mhumiex inqas sodi minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.  B’żieda mal-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1 u f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw, fejn applikabbli, waħda jew aktar’ miżuri addizzjonali ta’ mitigazzjoni lil persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi li jwettqu tranżazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi b’riskju kbir skont l-Artikolu 9(2). Dawk il-miżuri għandhom jikkonsistu f’waħda jew aktar minn dawk li ġejjin:

(a) fl-applikazzjoni ta’ elementi addizzjonali ta’ diliġenza dovuta msaħħa;

(b) fl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ rappurtar rilevanti msaħħa jew ir-rappurtar sistematiku ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji;

(c) fil-limitazzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ negozju jew tranżazzjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi mill-pajjiżi terzi identifikati bħala pajjiżi b’riskju kbir skont l-Artikolu 9(2).

3.  B’żieda mal-miżuri pprovduti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom japplikaw, fejn applikabbli, waħda jew bosta mill-miżuri li ġejjin fir-rigward ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir identifikati skont l-Artikolu 9(2) f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni:

(a) l-irrifjutar tal-istabbiliment ta’ sussidjarji jew fergħat jew uffiċċji rappreżentattivi ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mill-pajjiż ikkonċernat, jew inkella t-teħid inkonsiderazzjoni tal-fatt li l-entità marbuta b’obbligu rilevanti hija minn pajjiż li ma għandux reġimi tal-AML/CFT adegwati;

(b) il-projbizzjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu milli jistabbilixxu fergħat jew uffiċċji rappreżentattivi fil-pajjiż ikkonċernat, jew inkella t-teħid inkonsiderazzjoni tal-fatt li l-fergħa jew l-uffiċċju rappreżentattiv rilevanti jkun f’pajjiż li ma għandux reġimi tal-AML/CFT adegwati;

(c) il-ħtieġa ta’ eżaminazzjoni superviżorja miżjuda jew rekwiżiti ta’ awditjar estern miżjudin għal fergħat u sussidjarji ta’ entitajiet marbutin b’obbligu li jinsabu fil-pajjiż ikkonċernat;

(d) il-ħtieġa ta’ rekwiżiti tal-awditjar estern miżjudin għal gruppi finanzjarji fir-rigward ta’ kwalunkwe mill-fergħat u sussidjarji tagħhom li jinsabu fil-pajjiż ikkonċernat;

(e) il-ħtieġa li istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu jirrevedu u jemendaw, jew jekk neċessarju jitterminaw, relazzjonijiet korrispondenti ma’ istituzzjonijiet rispondenti fil-pajjiż ikkonċernat.

4.  Meta jkunu qegħdin jippromulgaw jew japplikaw il-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont, bħala evalwazzjonijiet rilevanti xierqa, tal-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti mħejjija minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jistabbilixxu standards b’kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali.

5.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni qabel jippromulgaw jew japplikaw il-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

▼B

Artikolu 19

▼M1

Fir-rigward ta’ relazzjonijiet korrispondenti transkonfinali li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ma’ istituzzjoni rispondenti minn pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom, minbarra l-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti stipulati fl-Artikolu 13, jirrikjedu, meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom jidħlu f’relazzjoni ta’ negozju, li:

▼B

(a) jiġbru informazzjoni biżżejjed dwar l-istituzzjoni rispondenti sabiex jifhmu b'mod sħiħ in-natura tan-negozju tar-rispondenti u sabiex jiddeterminaw ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni u l-kwalità ta' superviżjoni minn informazzjoni pubblikament disponibbli;

(b) jivvalutaw il-kontrolli tal-AML/CFT tal-istituzzjoni rispondenti;

(c) jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri qabel ma jistabbilixxu relazzjonijiet korrispondenti ġodda;

(d) jiddokumentaw ir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kull istituzzjoni;

(e) fir-rigward ta' pagamenti permezz ta' trasferimenti minn kontijiet, ikunu sodisfatti li l-istituzzjoni rispondenti tkun ivverifikat l-identità tal-klijenti u prattikat id-diliġenza dovuta kontinwata tal-klijenti li jkollhom aċċess dirett għall-kontijiet tal-istituzzjoni korrispondenti, u li tkun kapaċi tipprovdi data rilevanti għall-finijiet tad-diliġenza dovuta tal-klijenti fuq talba tal-istituzzjoni korrispondenti.

Artikolu 20

Fir-rigward tat-transazzjonijiet jew ir-relazzjonijiet ta' negozju ma' persuni esposti politikament, minbarra l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu:

(a) ikollhom stabbiliti sistemi adatti ta' ġestjoni tar-riskju, inklużi proċeduri bbażati fuq ir-riskju, sabiex jiddeterminaw jekk il-klijent jew is-sid benefiċjarju tal-klijent huwiex persuna esposta politikament;

(b) japplikaw il-miżuri li ġejjin f'każijiet ta' relazzjonijiet ta' negozju ma' persuni esposti politikament:

(i) jiksbu l-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew it-tkomplija tar-relazzjonijiet ta' negozju ma' tali persuni;

(i) jieħdu miżuri adegwati sabiex jistabbilixxu s-sors tal-beni u s-sors tal-fondi li jkunu involuti fir-relazzjonijiet ta' negozju jew fit-transazzjonijiet ma' tali persuni;

(iii) iwettqu monitoraġġ msaħħaħ ta' dawk ir-relazzjonijiet ta' negozju fuq bażi kontinwa.

▼M1

Artikolu 20a

1.  Kull Stat Membru għandu joħroġ u jżomm aġġornata lista li tindika eżattament il-funzjonijiet li, skont il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, jikkwalifikaw bħala funzjonijiet pubbliċi prominenti għall-finijiet tal-punt (9) tal-Artikolu 3. L-Istati Membri għandhom jitolbu lil kull organizzazzjoni internazzjonali akkreditata fit-territorju tagħhom li toħroġ u żżomm aġġornata lista tal-funzjonijiet pubbliċi prominenti f’dik l-organizzazzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-punt (9) tal-Artikolu 3. Dawk il-listi għandhom jintbagħatu lill-Kummissjoni u jistgħu jkunu magħmula pubbliċi.

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkompila u żżomm aġġornata lista tal-funzjonijiet preċiżi li jikkwalifikaw bħala funzjonijiet pubbliċi prominenti fil-livell ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni. Dik il-lista għandha tinkludi wkoll kwalunkwe funzjoni li tista’ tiġi fdata lir-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi u ta’ korpi internazzjonali akkreditati fil-livell tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tiġbor, abbażi tal-listi previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, lista unika tal-funzjonijiet pubbliċi prominenti kollha skont għall-finijiet tal-punt (9) tal-Artikolu 3. Dik il-lista unika għandha tkun magħmula pubblika.

4.  Il-funzjonijiet inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ttrattati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 41(2).

▼B

Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu miżuri raġonevoli biex jiddeterminaw jekk il-benefiċjarji ta' polza tal-assigurazzjoni tal-ħajja jew oħra relatata mal-investimenti u/jew, fejn hemm bżonn, is-sid benefiċjarju tal-benefiċjarju humiex persuni esposti politikament. Dawk il-miżuri għandhom jittieħdu mhux aktar tard mill-mument meta jsir il-ħlas tal-polza jew fil-mument taċ-ċessjoni tal-polza, kompletament jew parzjalment. Meta jiġu identifikati riskji ikbar, minbarra li japplikaw il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu:

(a) jgħarrfu lill-maniġment superjuri qabel ma jitħallas ir-rikavat mill-polza;

(b) iwettqu skrutinju msaħħaħ tar-relazzjoni ta' negozju kollha mad-detentur tal-polza.

Artikolu 22

Fejn persuna esposta politikament ma tibqax fdata b'funzjoni pubblika prominenti minn Stat Membru jew pajjiż terz, jew xi funzjoni pubblika prominenti minn organizzazzjoni internazzjonali, l-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom, tal-anqas għal 12-il xahar, għandhom ikunu meħtieġa jikkunsidraw ir-riskju li dik il-persuna tibqa' timponi u li japplikaw miżuri xierqa u sensittivi għar-riskji sakemm dik il-persuna titqies li ma tkun għadha timponi l-ebda riskju speċifiku għal persuni esposti politikament.

Artikolu 23

Il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 20 u 21 għandhom japplikaw ukoll għal membri tal-familja jew persuni magħrufa bħala assoċjati mill-qrib ma' persuni esposta politikament.

Artikolu 24

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji milli jidħlu f'relazzjoni korrispondenti ma' shell bank jew jibqgħu fiha. Huma għandhom jirrikjedu li dawk l-istituzzjonijiet jieħdu miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li la jibdew u lanqas ma jibqgħu f'relazzjonijiet korrispondenti ma' istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja li jkun magħruf li tippermetti li l-kontijiet tagħha jintużaw minn shell bank.



TAQSIMA 4

Eżekuzzjoni minn partijiet terzi

Artikolu 25

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-entitajiet marbutin b'obbligu sabiex jiddependu fuq partijiet terzi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1). Madankollu, ir-responsabbiltà finali li dawk ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti għandha tibqa' tal-entità marbuta b'obbligu li tiddependi fuq il-parti terza.

Artikolu 26

1.  Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, “partijiet terzi” tfisser l-entitajiet marbutin b'obbligu elenkati fl-Artikolu 2, l-organizzazzjonijiet jew il-federazzjonijiet membri ta' dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu, jew istituzzjonijiet jew persuni oħra li jinsabu fi Stat Membru jew f'pajjiż terz li:

(a) japplika rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti u ta' żamma ta' rekords li huma konsistenti ma' dawk stabbiliti f'din id-Direttiva; u

(b) l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva tkun sorveljata b'mod konsistenti mat-Taqsima 2 tal-Kapitolu VI.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jiddependu fuq partijiet terzi stabbiliti f'pajjiżi terzi b'riskju kbir. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw fergħat u sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma tal-entitajiet marbutin b'obbligu stabbiliti fl-Unjoni minn dik il-projbizzjoni fejn dawk il-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma jikkonformaw b'mod sħiħ mal-politiki u l-proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu skont l-Artikolu 45.

Artikolu 27

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jiksbu mill-parti terza li jkunu qegħdin jiddependu fuqha l-informazzjoni li tkun meħtieġa fir-rigward tar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b), u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1).

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu li lilhom jiġi riferut il-klijent jieħdu passi adegwati biex jiżguraw li t-terza persuna tipprovdi minnufih, b’talba, il-kopji rilevanti tad-data ta’ identifikazzjoni u verifika, inkluża, fejn disponibbli, data miksuba permezz ta’ mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, servizzi fiduċjarji rilevanti kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, jew kwalunkwe proċess ieħor ta’ identifikazzjoni sigura, remota jew elettronika, regolat, rikonoxxut, approvat jew aċċettat mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

▼B

Artikolu 28

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju (għal politiki u proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu) u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti (għall-fergħat u s-sussidjarji) jistgħu jqisu li entità marbuta b'obbligu tikkonforma mad-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikoli 26 u 27 permezz tal-programm tagħha għall-grupp, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-entità marbuta b'obbligu tiddependi fuq l-informazzjoni pprovduta minn parti terza li hija parti mill-istess grupp;

(b) dak il-grupp japplika miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti, regoli dwar iż-żamma tar-rekords u programmi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'konformità ma' din id-Direttiva jew regoli ekwivalenti;

(c) l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija fil-punt (b) hija ssorveljata fil-livell tal-grupp minn awtorità kompetenti tal-Istati Membru tad-domiċilju jew tal-pajjiż terz.

Artikolu 29

Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għal relazzjonijiet ta' esternalizzazzjoni jew tal-aġenziji fejn, abbażi ta' arranġament kuntrattwali, il-fornitur jew l-aġent tas-servizz ta' esternalizzazzjoni għandu jitqies bħala parti mill-entità marbuta b'obbligu.



KAPITOLU III

INFORMAZZJONI DWAR IS-SJIEDA BENEFIĊJARJA

Artikolu 30

1.   ►M1  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet korporattivi u dawk ġuridiċi oħrajn inkorporati fit-territorju tagħhom ikunu meħtieġa jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom, inklużi d-dettalji tal-interessi benefiċjarji miżmuma. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur ta’ dan l-Artikolu jkun suġġett għal miżuri jew sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi. ◄

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li minbarra informazzjoni dwar is-sid ġuridiku tagħhom, dawk l-entitajiet ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar is-sid benefiċjarju lill-entitajiet marbutin b'obbligu, meta l-entitajiet marbutin b'obbligu jkunu qed jieħdu miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformità mal-Kapitolu II.

▼M1

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li s-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet korporattivi jew ġuridiċi oħra, inkluż permezz ta’ ishma, drittijiet tal-vot, interess ta’ sjieda, parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ portatur, jew kontroll b’mezzi oħra, jipprovdu lil dawk l-entitajiet l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-entità korporattiva jew l-entità ġuridika l-oħra tikkonforma mal-ħtiġiet tal-ewwel subparagrafu.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun aċċessibbli b'mod f'waqtu mill-awtoritajiet kompetenti u mill-UIF.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinżamm f'reġistru ċentrali f'kull Stat Membru, pereżempju reġistru kummerċjali, reġistru tal-kumpanniji kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 16 ), jew reġistru pubbliku. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-karatteristiċi ta' dawk il-mekkaniżmi nazzjonali lill-Kummissjoni. L-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja li tkun tinsab f'dik il-bażi ta' data tista' tinġabar f'konformità mas-sistemi nazzjonali.

▼M1

4.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni miżmuma fir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 tkun adegwata, preċiża u attwali, u jimplimentaw mekkaniżmi għal dan il-għan. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu li l-entitajiet obbligati u, jekk ikun xieraq u sa fejn dan ir-rekwiżit ma jfixkilx bla bżonn il-funzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti jirrapportaw kwalunkwe diskrepanza li jsibu bejn l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli fir-reġistri ċentrali u l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli għalihom. Fil-każ ta’ diskrepanzi rrappurtati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu azzjonijiet xierqa biex jirriżolvu d-diskrepanzi b’mod f’waqtu u, jekk xieraq, li sadanittant issir referenza speċifika fir-reġistru ċentrali.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:

(a) awtoritajiet kompetenti u l-UIF, mingħajr ebda restrizzjoni;

(b) entitajiet marbutin b’obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II;

(c) kwalunkwe membru tal-pubbliku ġenerali.

Il-persuni msemmija fil-punt (c) għandhom jaċċessaw tal-inqas l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid, u l-pajjiż tar-residenza u tan-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum.

L-Istati Membri jistgħu, skont kundizzjonijiet li jiġu stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali, jipprovdu aċċess għal informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju. Dik l-informazzjoni addizzjonali għandha tinkludi għall-inqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data.

▼M1

5a.  L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu aċċess għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafu 3, bil-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni online u l-ħlas ta’ tariffa, li m’għandhiex teċċedi l-ispejjeż amministrattivi mġarrba biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli, inklużi l-ispejjeż taż-żamma u tal-iżviluppi tar-reġistru.

▼M1

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-UIF ikollhom aċċess f’waqtu u mhux ristrett għall-informazzjoni kollha miżmuma fir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 u mingħajr ma tinġibed l-attenzjoni tal-entità kkonċernata. L-Istati Membri għandhom ukoll jippermettu aċċess f’waqtu mill-entitajiet marbutin b’obbligu fit-teħid ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II.

Awtoritajiet kompetenti mogħtijin aċċess għar-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 għandhom ikunu dawk l-awtoritajiet pubbliċi b’responsabbiltajiet deżinjati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa, is-superviżuri ta’ entitajiet marbutin b’obbligu u awtoritajiet li għandhom il-funzjoni tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-lokalizzazzjoni u s-sekwestru jew l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-UIF ikunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 lill-awtoritajiet kompetenti u lill-UIF ta’ Stati Membri oħra b’mod f’waqtu u bla ħlas.

▼B

8.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jkunux jiddependu esklużivament mir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3 biex iwettqu r-rekwiżiti tagħhom ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformita' tal-Kapitolu II. Dawk ir-rekwi#iti għandhom jiġu sodisfatti bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

▼M1

9.  F’ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali, fejn l-aċċess imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi f’termini legali għal xi raġuni oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l- eżenzjonijiet jingħataw fuq evalwazzjoni ddettaljata tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi. Id-drittijiet għal rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni u għal rimedju ġudizzjarju effikaċi għandhom ikunu garantiti. Stat Membru li jkun ta eżenzjonijiet għandu jippubblika data statistika annwali dwar in-numru ta’ eżenzjonijiet mogħtija u r-raġunijiet iddikjarati u jirrapporta d-data lill-Kummissjoni.

L-eżenzjonijiet mogħtija bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, jew għall-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fil-punt (3)(b) tal-Artikolu 2(1) li jkunu uffiċjali pubbliċi.

10.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ċentrali msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu huma interkonnessi permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 17 ). Il-konnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri mal-pjattaforma għandha tkun stabbilita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi stabbiliti billi jkunu implimentati atti adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 u mal-Artikolu 31a ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija disponibbli permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jimplimentaw il-paragrafi 5, 5a u 6 ta’ dan l-Artikolu.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri għall-inqas għal ħames snin u mhux għal aktar minn 10 snin wara li entità korporattiva jew entità ġuridika oħra tkun inqatgħet mir-reġistru. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni sabiex jimplimentaw it-tipi differenti ta’ aċċess f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

▼B

Artikolu 31

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu japplika għal trusts u tipi oħrajn ta’ arranġamenti legali, bħal, inter alia, fiducie, ċerti tipi ta’ Treuhand jew fideicomiso, fejn tali arranġamenti jkollhom struttura jew funzjonijiet simili għat-trusts. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-karatteristiċi li jiddeterminaw fejn l-arranġamenti legali jkollhom struttura jew funzjonijiet simili għat-trusts fir-rigward ta’ tali arranġamenti legali rregolati taħt il-liġi tagħhom.

Kull Stat Membru għandu jirrikjedi li l-fiduċjarji ta’ kwalunkwe trust speċifika amministrata f’dak l-Istat Membru jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tat-trust. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-identità ta’:

(a) is-settlor(s);

(b) il-fiduċjarju/i;

(c) il-protettur(i) (jekk hemm);

(d) il-benefiċjarji jew il-klassi ta’ benefiċjarji;

(e) kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll effettiv tat-trust.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur ta’ dan l-Artikolu jkun soġġett għal sanzjonijiet jew miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fiduċjarji jew il-persuni li jkollhom karigi ekwivalenti f’arranġamenti legali simili kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jiżvelaw l-istatus tagħhom u jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’mod f’waqtu lill-entitajiet marbutin b’obbligu fejn, bħala fiduċjarju jew bħala persuna li jkollha kariga ekwivalenti f’arranġamenti legali simili, dawn joħolqu relazzjoni ta’ negozju jew iwettqu tranżazzjoni okkażjonali ogħla mil-livelli massimi stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 11.

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun aċċessibbli b'mod f'waqtu mill-awtoritajiet kompetenti u mill-UIF.

▼M1

3a.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts speċifiċi u arranġamenti legali simili kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tinżamm f’reġistru ċentrali ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit mill-Istat Membru fejn il-fiduċjarju tat-trust jew persuna li jkollha kariga ekwivalenti f’arranġament legali simili huwa stabbilit jew jirrisjedi.

Fejn il-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-fiduċjarju tat-trust jew persuna li jkollha kariga ekwivalenti f’arranġament legali simili huwa barra l-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinżamm f’reġistru ċentrali stabbilit mill-Istat Membru fejn il-fiduċjarju tat-trust jew persuna li jkollha kariga ekwivalenti f’arranġament legali simili jidħlu f’relazzjoni ta’ negozju jew jiksbu proprjetà immobbli f’isem trust jew arranġament legali simili.

Fejn il-fiduċjarju ta’ trust jew persuni li jkollhom karigi ekwivalenti f’arranġament legali simili huma stabbiliti jew residenti fi Stati Membri differenti, jew fejn fiduċjarju tat-trust jew persuna li jkollha kariga ekwivalenti f’arranġament legali simili jidħlu f’diversi relazzjonijiet ta’ negozju f’isem it-trust jew arranġament legali simili fi Stati Membri differenti, ċertifikat ta’ prova ta’ reġistrazzjoni jew silta tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmum f’reġistru minn Stat Membru wieħed jistgħu jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ġie ssodisfat.

▼M1

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trust jew ta’ arranġament legali ieħor tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal:

(a) awtoritajiet kompetenti u l-UIF, mingħajr ebda restrizzjoni;

(b) entitajiet marbutin b’obbligu, fil-qafas tad-diliġenza dovuta tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu II;

(c) kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tista’ turi interess leġittimu;

(d) kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tissottometti talba bil-miktub b’rabta ma’ trust jew arranġament legali simili li jkollha jew tkun is-sid ta’ interess kontrollanti fi kwalunkwe entità korporattiva jew entità ġuridika oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 30(1), permezz ta’ sjieda diretta jew indiretta, inkluż permezz ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ portatur, jew permezz ta’ kontroll b’mezzi oħra.

L-informazzjoni aċċessibbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tikkonsisti fl-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż ta’ residenza u ta’ nazzjonalità tas-sid benefiċjarju, kif ukoll in-natura u l-portata tal-interess benefiċjarju miżmum.

L-Istati Membri jistgħu, taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi nazzjonali, jipprevedu l-aċċess għal aktar informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju. Dik l-informazzjoni addizzjonali għandha tinkludi għall-inqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt, f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri jistgħu jippermettu aċċess usa’ għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistru f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

L-awtoritajiet kompetenti mogħtijin aċċess għar-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3a għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi b’responsabbiltajiet deżinjati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa, is-superviżuri ta’ entitajiet marbutin b’obbligu u awtoritajiet li għandhom il-funzjoni tal-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati assoċjati minn fejn oriġinaw il-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-lokalizzazzjoni, u s-sekwestru jew l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali.

▼M1

4a.  L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu aċċess għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafu 3a bil-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni online u l-ħlas ta’ tariffa, li m’għandhiex teċċedi l-ispejjeż amministrattivi mġarrba biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli, inklużi l-ispejjeż taż-żamma u tal-iżviluppi tar-reġistru.

▼M1

5.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni miżmuma fir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 3a tkun adegwata, preċiża u attwali, u jimplimentaw mekkaniżmi għal dan il-għan. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu li l-entitajiet obbligati u, jekk ikun xieraq u sa fejn dan ir-rekwiżit ma jfixkilx bla bżonn il-funzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti jirrapportaw kwalunkwe diskrepanza li jsibu bejn l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli fir-reġistri ċentrali u l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli għalihom. Fil-każ ta’ diskrepanzi rrappurtati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu azzjonijiet xierqa biex jirriżolvu d-diskrepanzi b’mod f’waqtu u, jekk xieraq, li sadanittant issir referenza speċifika fir-reġistru ċentrali.

▼B

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jkunux jiddependu esklużivament mir-reġistru ċentrali msemmi fil-paragrafu 4 biex iwettqu r-rekwiżiti tagħhom ta' diliġenza dovuta tal-klijenti kif stabbilit fil-Kapitolu II. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu sodisfatti bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

▼M1

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-UIF ikunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 lill-awtoritajiet kompetenti u lill-UIF ta’ Stati Membri oħra b’mod f’waqtu u bla ħlas.

▼M1

7a.  F’ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali, fejn l-aċċess imsemmi fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi f’termini legali għal xi raġuni oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l- eżenzjonijiet jingħataw fuq evalwazzjoni ddettaljata tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi. Id-drittijiet għal rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni u għal rimedju ġudizzjarju effikaċi għandhom ikunu garantiti. Stat Membru li jkun ta eżenzjonijiet għandu jippubblika data statistika annwali dwar in-numru ta’ eżenzjonijiet mogħtija u r-raġunijiet iddikjarati u jirrapporta d-data lill-Kummissjoni.

L-eżenzjonijiet mogħtija bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx japplikaw għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji u għall-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fil-punt (3)(b) tal-Artikolu 2(1) li jkunu uffiċjali pubbliċi.

Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi eżenzjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu, hu ma għandux jirrestrinġi l-aċċess għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u l-UIF.

▼M1 —————

▼M1

9.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri ċentrali msemmijin fil-paragrafu 3a ta’ dan l-Artikolu huma interkonnessi permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132. Il-konnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri mal-pjattaforma għandha tkun stabbilita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi stabbiliti billi jkunu implimentati atti adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 u mal-Artikolu 31a ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija disponibbli permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita bl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1132, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jimplimentaw il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 li hija aġġornata u tikkorrispondi mas-sjieda benefiċjarja attwali biss hija magħmula disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali tagħhom u permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, u l-aċċess għal dik l-informazzjoni għandu jkun f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri għall-inqas għal ħames snin u mhux għal aktar minn 10 snin wara li r-raġunijiet għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja kif imsemmi fil-paragrafu 3a ma jibqgħux jeżistu. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jimplimentaw it-tipi differenti ta’ aċċess f’konformità mal-paragrafi 4 u 4a.

▼M1

10.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-kategoriji, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi, l-ismijiet u, fejn applikabbli, il-bażijiet ġuridiċi tat-trusts u arranġamenti legali simili msemmija fil-paragrafu 1 sal-10 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista kkonsolidata ta’ tali trusts u arranġamenti legali simili f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-10 ta’ Settembru 2019.

Sas-26 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa jekk it-trusts u l-arranġamenti legali simili kollha kif imsemmi fil-paragrafu 1 irregolati skont il-liġi tal-Istati Membri ġewx identifikati debitament u jekk kinux ssoġġetti għall-obbligi kif stipulat f’din id-Direttiva. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex taġixxi fuq is-sejbiet ta’ dak ir-rapport.

Artikolu 31a

Atti ta’ implimentazzjoni

Fejn ikun meħtieġ, minbarra l-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 u skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri meħtieġa biex tiġi prevista l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 30(10) u l-Artikolu 31(9), fir-rigward ta’:

(a) l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi s-sett ta’ data teknika meħtieġ sabiex il-pjattaforma tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha kif ukoll il-metodu ta’ ħżin, użu u protezzjoni ta’ dik id-data;

(b) il-kriterji komuni li jirregolaw kif l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, skont il-livell ta’ aċċess mogħti mill-Istati Membri;

(c) id-dettalji tekniċi dwar kif l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji għandha tkun disponibbli;

(d) il-kondizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti bis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;

(e) il-modalitajiet tekniċi kif jiġu implimentati t-tipi differenti ta’ aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja abbażi ttal-Artikolu 30(5) u tal-Artikolu 31(4);

(f) il-modalitajiet ta’ ħlas meta l-aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja huwa soġġett għall-ħlas ta’ tariffa skont l-Artikolu 30(5a) u l-Artikolu 31(4a) b’kont meħud tal-faċilitajiet ta’ ħlas disponibbli bħal tranżazzjonijiet ta’ pagament remoti.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 64a(2).

Fl-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tistinka sabiex jerġgħu jintużaw teknoloġija ppruvata u prattiki eżistenti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sistemi li għandhom jiġu żviluppati ma għandhomx iġarrbu spejjeż ogħla minn dak li huwa assolutament meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu kkaratterizzati minn trasparenza u mill-iskambju ta’ esperjenzi u informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

▼B



KAPITOLU IV

OBBLIGI TA' RAPPURTAR



TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 32

1.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi UIF biex tipprevjeni, tindividwa u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b'mod effettiv.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-isem u l-indirizz tal-UIF rispettivi.

3.  Kull UIF għandha topera b'mod indipendenti u awtonomu li jfisser li UIF ikollha l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha liberament, inkluża l-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet awtonomi li tanalizza, titlob u tqassam informazzjoni speċifika. L-UIF bħala l-unità nazzjonali ċentrali għandha tkun responsabbli milli tirċievi u tanalizza rapporti dwar transazzjonijiet suspettużi u informazzjoni oħra rilevanti għall-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati jew il-finanzjament tat-terroriżmu. L-UIF għandha tkun responsabbli għat-tqassim tar-riżultati tal-analiżi tagħha u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti fejn ikun hemm raġunijiet għal suspett ta' ħasil tal-flus, reati predikati assoċjati jew finanzjament tat-terroriżmu. Għandu jkun possibbli li din tikseb informazzjoni addizzjonali minn entitajiet marbutin b'obbligu.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-UIF tagħhom b'riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex jwettqu l-kompiti tagħhom.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF tagħhom jkollhom aċċess, direttament jew indirettament, b'mod opportun, għall-informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u marbuta mal-infurzar tal-liġi li hija tkun teħtieġ sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha adegwatament. L-UIF għandhom ikunu jistgħu jwieġbu għal talbiet għall-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rispettivi tagħhom meta dawn ikunu motivati minn tħassib marbut mal-ħasil ta' flus, ir-reati predikati assoċjati jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Id-deċiżjoni dwar it-twettiq ta' analiżi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandha tittieħed mill-UIF.

5.  Fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi sabiex wieħed jassumi li l-forniment ta' tali informazzjoni jkollu impatt negattiv fuq l-investigazzjonijiet jew l-analiżi li jkunu għaddejjin f'dak il-mument, jew, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jkun jidher ċar li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni tkun sproporzjonata għall-interessi leġittimi ta' persuna fiżika jew ġuridika jew irrelevanti fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun intalbet, l-UIF ma għandha tkun taħt l-ebda obbligu li tissodisfa t-talba għall-informazzjoni.

6.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu feedback lill-UIF dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni pprovduta f'konformità ma' dan l-Artikolu u dwar l-eżitu tal-investigazzjonijiet jew l-ispezzjonijiet imwettqa abbażi ta' dik l-informazzjoni.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF ikollha s-setgħa li tieħu azzjoni urġenti, direttament jew indirettament, fejn jkun hemm suspett li transazzjoni tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li tissospendi jew tiċħad il-kunsens li transazzjoni tipproċedi, sabiex tanalizza t-transazzjoni, tikkonferma s-suspett u tikkondividi r-riżultati tal-analiżi tagħha mal-awtoritajiet kompetenti. L-UIF għandu jkollha s-setgħa li tieħu din l-azzjoni, direttament jew indirettament, fuq it-talba ta' UIF minn Stat Membru ieħor għall-perijodi u bil-kondizzjonijiet speċifikati fil-liġi nazzjonali tal-UIF li tirċievi t-talba.

8.  Il-funzjoni ta' analiżi tal-UIF għandha tikkonsisti f'dan li ġej:

(a) analiżi operattiva li tiffoka fuq każijiet individwali u miri speċifiċi jew fuq informazzjoni magħżula adatta, skont it-tip u l-volum tal-informazzjoni żvelata li tkun irċeviet u l-użu mistenni tal-informazzjoni wara l-kondiviżjoni; u

(b) analiżi strateġika li tindirizza t-tendenzi u x-xejriet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

▼M1

9.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34(2), fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, kull UIF għandha tkun f’qagħda li titlob, tikseb u tuża informazzjoni minn xi entità marbuta b’obbligu għall-fini stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, anki jekk l-ebda rapport preċedenti ma jkun sar skont l-Artikolu 33(1)(a) jew l-Artikolu 34(1).

Artikolu 32a

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali għall-irkupru ta’ data, li jippermettu l-identifikazzjoni, b’mod f’waqtu, ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika li żżomm jew tikkontrolla kontijiet ta’ ħlas u kontijiet bankarji identifikati mill-IBAN, kif definit permezz tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 18 ), u kaxex ta’ depożitu sikur miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-karatteristiċi ta’ dawk il-mekkaniżmi nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni miżmuma fil-mekkaniżmi ċentralizzati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija direttament aċċessibbli mill-UIF nazzjonali b’mod immedjat u mhux filtrat. L-informazzjoni għandha wkoll tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe UIF tkun f’qagħda li tipprovdi informazzjoni miżmuma fil-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil kwalunkwe UIF oħra b’mod f’waqtu f’konformità mal-Artikolu 53.

3.  L-informazzjoni li ġejja għandha tkun aċċessibbli u disponibbli għat-tiftix permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fil-paragrafu 1:

għad-detentur tal-kont tal-klijent u kull persuna li tidher li taġixxi f’isem il-klijent : l-isem, ikkomplementat jew bid-data tal-identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-punt (a) tal-Artikolu 13(1) jew numru tal-identifikazzjoni uniku;

għas-sid benefiċjarju tad-detentur tal-kont tal-klijent : l-isem, ikkomplementat jew bid-data tal-identifikazzjoni oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-punt (b) tal-Artikolu 13(1) jew numru tal-identifikazzjoni uniku;

għall-kont bankarju jew tal-pagament : in-numru tal-IBAN u d-data tal-ftuħ u l-għeluq tal-kont;

għall-kaxxa ta’ depożitu sikur : l-isem tal-lokatarju ikkomplementat jew bid-data ta’ identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 13(1) jew b’numru tal-identifikazzjoni uniku u ż-żmien tal-perijodu ta’ lokazzjoni.

4.  L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jirrikjedu li informazzjoni oħra meqjusa bħala essenzjali biex l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva tkun aċċessibbli u disponibbli għat-tiftix permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati.

5.  Sas-26 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fejn tivvaluta l-kondizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għall-iżgurar tal-interkonnessjoni sigura u effiċjenti tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzat. Meta xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

Artikolu 32b

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti b’aċċess għall-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun sid ta’ proprjetà immobbli, inkluż permezz ta’ reġistri jew sistemi elettroniċi għall-irkupru ta’ data fejn tali reġistri jew sistemi huma disponibbli.

2.  Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fejn tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità tal-armonizzazzjoni tal-informazzjoni inkluża fir-reġistri u tivvaluta l-ħtieġa tal-interkonnessjoni ta’ dawk ir-reġistri. Fejn xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

▼B

Artikolu 33

1.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu, u fejn applikabbli d-diretturi u l-impjegati tagħhom, jikkooperaw b'mod sħiħ billi fil-pront:

(a) jinformaw lill-UIF, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ta' rapport, fuq inizjattiva tagħhom stess, meta l-entità marbuta b'obbligu tkun taf, tissuspetta jew ikollha raġunijiet validi biex tissuspetta li l-fondi, irrispettivament mill-ammont ikkonċernat, huma r-rikavat ta' attività kriminali jew huma relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, u billi jwieġbu minnufih għal talbiet għal aktar informazzjoni mill-UIF f'każijiet bħal dawn; u

▼M1

(b) jipprovdu lill-UIF b’talba tagħha, direttament, l-informazzjoni kollha meħtieġa.

▼B

It-transazzjonijiet suspettużi kollha, inklużi tentattivi ta' transazzjonijiet, għandhom jiġu rapportati.

2.  Il-persuna maħtura f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 8(4) għandha tgħaddi l--informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-UIF tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-entità marbuta b'obbligu li tkun qed tgħaddi l-informazzjoni.

Artikolu 34

1.  B'deroga mill-Artikolu 33(1), l-Istati Membri jistgħu, fil-każ tal-entitajiet marbuta b'obbligu msemmija fil-punt 3(a), (b), u (d) tal-Artikolu 2(1) jinnominaw korp awtoregolatorju adatt tal-professjoni kkonċernata bħala l-awtorità li għandha tirċievi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(1).

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-korp awtoregolatorju nominat għandu jgħaddi l-informazzjoni lill-UIF minnufih u eżatt kif inhi.

2.  L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 33(1) għal nutara, professjonisti legali indipendenti oħrajn, awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti fiskali, sal-punt strettament biss fejn din l-eżenzjoni tkun marbuta mal-informazzjoni li huma jirċievu minn, jew jiksbu dwar, xi wieħed mill-klijenti tagħhom, meta jkunu qegħdin jiddeterminaw il-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew fit-twettiq tal-kompitu tagħhom li jiddefendu jew jirrappreżentaw lil dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward tagħhom, inklużi l-għoti ta' pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta' tali proċedimenti, sew jekk tali informazzjoni tasal jew tinkiseb qabel, matul jew wara dawn il-proċedimenti.

▼M1

3.  Korpi awtoregolatorji nnominati minn Stati Membri għandhom jippubblikaw rapport annwali li jkun fih informazzjoni dwar:

(a) il-miżuri meħuda skont l-Artikoli 58, 59 u 60;

(b) in-numru ta’ rapporti ta’ ksur riċevuti kif imsemmi fl-Artikolu 61, fejn applikabbli;

(c) in-numru ta’ rapporti li waslu għand korp awtoregolatorju kif imsemmi fil-paragrafu 1 u n-numru ta’ rapporti mibgħuta minn korp awtoregolatorju lill-UIF fejn applikabbli;

(d) fejn applikabbli, in-numru u d-deskrizzjoni ta’ miżuri mwettqa skont l-Artikolu 47 u 48 għall-monitoraġġ tal-konformità mill-entitajiet marbutin b’obbligu mal-obbligi tagħhom taħt:

(i) l-Artikoli 10 sa 24 (diliġenza dovuta tal-klijenti);

(ii) l-Artikoli 33, 34 u 35 (rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi);

(iii) l-Artikolu 40 (żamma ta’ rekords); u

(iv) l-Artikoli 45 u 46 (kontrolli interni).

▼B

Artikolu 35

1.  L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu ma jwettqux transazzjonijiet li jafu jew jissuspettaw li huma relatati ma' rikavat ta' attività kriminali jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, sakemm ikunu wettqu l-azzjoni meħtieġa f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(1) u jkunu kkonformaw ma' kwalunkwe struzzjoni speċifika ulterjuri mill-UIF jew mill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru rilevanti.

2.  Fejn ikun impossibbli li ma jsirux it-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew fejn it-twettiq tagħhom jista' jfixkel l-isforzi biex jiġu segwiti l-benefiċjarji ta' operazzjoni suspettata, l-entitajiet marbutin b'obbligu kkonċernati għandhom jinformaw lill-UIF immedjatament wara.

Artikolu 36

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk, matul il-kontrolli mwettqa fuq l-entitajiet marbutin b'obbligu mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 48, jew b'xi mod ieħor, dawk l-awtoritajiet jiskopru fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-UIF.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi superviżuri mogħtija s-setgħa skont il-liġi jew xi regolament li jissorveljaw il-Borża, is-swieq tal-kambju u s-swieq ta' derivattivi finanzjarji jinformaw lill-UIF jekk jiskopri fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 37

L-iżvelar tal-informazzjoni bona fide minn entità marbuta b'obbligu jew minn impjegat jew direttur ta' tali entità marbuta b'obbligu f'konformità mal-Artikoli 33 u 34, ma għandux jikkostitwixxi ksur ta' xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta' informazzjoni imposta b'kuntratt jew b'xi dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandu jinvolvi lill-entità marbuta b'obbligu jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha fl-ebda tip ta' responsabbiltà, anke f'ċirkostanzi fejn ma kinux konxji b'mod preċiż tal-attività kriminali sottostanti, u irrispettivament minn jekk l-attività illegali tkunx fil-fatt twettqet.

▼M1

Artikolu 38

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-individwi, inklużi l-impjegati u r-rappreżentanti tal-entità marbuta b’obbligu li jirrapportaw suspetti ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu kemm meta jagħmlu dan internament kif ukoll meta jagħmlu dan lill-UIF ikunu protetti legalment milli jiġu esposti għal theddid, azzjoni ta’ tpattija jew ostili, u b’mod partikolari minn azzjonijiet ta’ impjieg avversi jew diskriminatorji.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-individwi li jkunu esposti għal theddid, azzjonijiet ta’ tpattija jew ostili, jew azzjonijiet ta’ impjieg avversi jew diskriminatorji talli jirrapportaw suspetti ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu internament jew lill-UIF ikunu intitolati li jippreżentaw ilment b’mod sigur lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi. Mingħajr preġudizzju għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura mill-UIF, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tali individwi jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv li jħares id-drittijiet tagħhom taħt dan il-paragrafu.

▼B



TAQSIMA 2

Projbizzjoni ta' żvelar

Artikolu 39

1.  L-entitajiet marbutin b'obbligu u d-diretturi u l-impjegati tagħhom ma għandhomx jiżvelaw lill-klijent ikkonċernat jew lil partijiet terzi oħrajn il-fatt li l-informazzjoni tkun qed tintbagħat, ser tintbagħat jew tkun intbagħtet f'konformità mal-Artikoli 33 jew 34 jew li tkun qed titwettaq analiżi dwar ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu jew li din tista' titwettaq.

2.  Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tinkludi żvelar lill-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-korpi awtoregolatorji, jew l-iżvelar għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.

▼M1

3.  Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tipprekludi l-iżvelar bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri sakemm dawn jappartjenu għall-istess grupp, jew bejn dawk l-entitajiet u l-fergħat tagħhom u sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma stabbiliti f’pajjiżi terzi, sakemm dawk il-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma jikkonformaw b’mod sħiħ mal-politiki u l-proċeduri tal-grupp kollu, inklużi proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-grupp, f’konformità mal-Artikolu 45 u sakemm il-politiki u l-proċeduri tal-grupp kollu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva.

▼B

4.  Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tipprekludi l-iżvelar bejn l-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punt (3)(a) u (b) tal-Artikolu 2(1), jew entitajiet minn pajjiżi terzi li jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom, kemm bħala impjegati jew mhux bħala impjegati, fl-istess persuna ġuridika jew struttura aktar wiesgħa li l-persuna tagħmel parti minnha u li tikkondividi sjieda komuni, ġestjoni jew kontroll tal-konformità.

5.  Għall-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punti (1), (2), (3)(a) u (b) fl-Artikolu 2(1), f'każijiet relatati mal-istess klijent u l-istess transazzjoni li tinvolvi żewġ entitajiet marbutin b'obbligu jew aktar, il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex tipprevjeni l-iżvelar bejn l-entitajiet marbutin b'obbligu rilevanti dment li jkunu minn Stat Membru, jew entitajiet f'pajjiż terz li jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, u dment li huma mill-istess kategorija professjonali u huma soġġetti għal obbligi fir-rigward tas-segretezza professjonali u l-protezzjoni tad-data personali.

6.  Fejn l-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punt (3)(a) u (b) tal-Artikolu 2(1) jippruvaw jiddisswadu klijent milli jieħu sehem f'attività illegali, dak ma għandux jikkostitwixxi żvelar fis-sens tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.



KAPITOLU V

PROTEZZJONI TAD-DATA, ŻAMMA TA' REĠISTRI U DATA STATISTIKA

Artikolu 40

1.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet obbligati jżommu d-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin f'konformità mal-liġi nazzjonali għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni, mill-UIF jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn, ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu possibbli:

▼M1

(a) fil-każ ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti, kopja tad-dokumenti u l-informazzjoni li huma neċessarji biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fil-Kapitolu II, inkluża, fejn disponibbli, informazzjoni miksuba permezz ta’ mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, servizzi fiduċjarji rilevanti kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jew kwalunkwe proċess ieħor ta’ identifikazzjoni sigura, remota jew elettronika, irregolat, rikonoxxut, approvat jew aċċettat mill-awtoritajiet kompetenti, għal perijodu ta’ ħames snin wara li r-relazzjoni ta’ negozju mal-klijent tagħhom tkun intemmet jew wara d-data ta’ tranżazzjoni okkażjonali;

▼B

(b) l-evidenza ta' sostenn u r-rekords tat-transazzjonijiet, li jikkonsistu mid-dokumenti oriġinali jew kopji ammissibbli fi proċedimenti ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali applikabbli, li huma neċessarji biex jiġu identifikati t-transazzjonijiet, għal perijodu ta' ħames snin wara li r-relazzjoni ta' negozju mal-klijent tagħhom tkun intemmet jew wara d-data ta' transazzjoni okkażjonali.

Mal-iskadenza tal-perijodi ta' żamma msemmijin fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet obbligati jħassru d-data personali, dment li ma jkunx previst mod ieħor skont il-liġi nazzjonali, li għandha tiddetermina taħt liema ċirkostanzi l-entitajiet marbutin b'obbligu jistgħu jew għandhom ikomplu jżommu d-data. L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeħtieġu żamma ulterjuri biss wara li jkunu wettqu evalwazzjoni bir-reqqa tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri, u jikkunsidrawha ġustifikata bħala neċessarja għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Dak il-perijodu ta' żamma ulterjuri ma għandux, fi kwalunkwe każ, jaqbeż il-ħames snin addizzjonali.

▼M1

Il-perijodu ta’ żamma msemmi f’dan il-paragrafu, inkluż il-perijodu ta’ żamma ulterjuri li ma għandux jaqbiżx ħames snin addizzjonali, għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ data aċċessibbli permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fl-Artikolu 32a.

▼B

2.  Fejn, fil-25 ta' Ġunju 2015, il-proċedimenti legali marbuta mal-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' suspett ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu huma pendenti fi Stat Membru, u entità marbuta b'obbligu żżomm informazzjoni jew dokumenti dwar dawn il-proċeduri pendenti, l-entità obbligata tista' żżomm dik l-informazzjoni jew dawk id-dokumenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali għal perijodu ta' ħames snin mill-25 ta' Ġunju 2015. L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għall-investigazzjonijiet kriminali u l-proċedimenti legali li għaddejjin bħalissa, jippermettu jew jirrikjedu iż-żamma ta' tali informazzjoni jew dokumenti għal perijodu ulterjuri ta' ħames snin, fejn in-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri tkun ġiet stabbilita għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu suspettati.

Artikolu 41

1.  L-ipproċessar ta' data personali taħt din id-Direttiva hija soġġetta għad-Direttiva 95/46/KE, kif trasposta fil-liġi nazzjonali. Id-data personali li hija pproċessata skont din id-Direttiva mill-Kummissjoni u mill-ASE hija soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.  Id-data personali għandha tiġi proċessata mill-entitajiet marbutin b'obbligu abbażi ta' din id-Direttiva biss għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 1 u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b'mod li ma jkunx kompatibbli ma' dawk il-finijiet. L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta' din id-Direttiva għal kwalunkwe fini ieħor bħal finijiet kummerċjali, għandu jkun projbit.

3.  L-entitajiet marbutin b'obbligu għandhom jipprovdu lill-klijenti l-ġodda bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE qabel ma jistabbilixxu relazzjoni ta' negozju jew iwettqu transazzjoni okkażjonali. Dik l-informazzjoni għandha, b'mod partikolari, tinkludi avviż ġenerali dwar l-obbligi legali ta' entitajiet marbutin b'obbligu taħt din id-Direttiva li jipproċessaw data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

4.  Fl-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-iżvelar stipulata fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri leġislattivi li jirrestrinġu, kompletament jew parzjalment, id-dritt tas-suġġett tad-data għall-aċċess għad-data personali relatata miegħu jew magħha sal-punt li tali restrizzjoni parzjali jew kompleta tikkostitwixxi miżura neċessarja u sproporzjonata f'soċjetà demokratika b'konsiderazzjoni xierqa lejn l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata sabiex:

(a) l-entità marbuta b'obbligu jew l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista' tissodisfa l-kompiti tagħha b'mod korrett għall-finijiet ta' din id-Direttiva; jew

(b) jiġi evitat li l-inkjesti, l-analiżi, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali jiġu ostakolati għall-finijiet ta' din id-Direttiva u sabiex ikun żgurat li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-individwazzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ma jiġux ipperikolati.

Artikolu 42

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu tagħhom ikollhom fis-seħħ sistemi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwieġbu b'mod sħiħ u rapidu għal mistoqsijiet mill-UIF tagħhom, jew minn awtoritajiet oħrajn, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, dwar jekk attwalment għandhomx jew kellhomx, matul perijodu ta' ħames snin qabel dak il-kweżitu, relazzjoni ta' negozju ma' persuni speċifikati u dwar in-natura ta' dik ir-relazzjoni, b'mezzi siguri u b'mod li jiżgura l-kunfidenzjalità sħiħa tal-kweżitu.

▼M1

Artikolu 43

L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta’ din id-Direttiva għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ikkunsidrat bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 ).

Artikolu 44

1.  Sabiex jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu janalizzaw l-effettività tas-sistemi tagħhom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu billi jżommu statistika komprensiva dwar kwistjonijiet rilevanti għall-effettività ta’ tali sistemi.

2.  L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a) data li tkejjel id-daqs u l-importanza tas-setturi differenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inklużi n-numru ta’ persuni fiżiċi u entitajiet u l-importanza ekonomika ta’ kull settur;

(b) data li tkejjel il-fażijiet ta’ rappurtar, ta’ investigazzjoni u dawk ġudizzjarji tar-reġim nazzjonali tal-AML/CFT, inklużi n-numru ta’ rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li saru lill-UIF, il-mod kif ġew segwiti dawk ir-rapporti u, fuq bażi annwali, in-numru ta’ każijiet investigati, in-numru ta’ persuni mixlija, in-numru ta’ persuni kkundannati għal reati ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, it-tipi ta’ reati predikati, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli, u l-valur f’euro ta’ proprjetà li tkun ġiet iffriżata, sekwestrata jew ikkonfiskata;

(c) jekk disponibbli, data li tidentifika n-numru u l-perċentwal ta’ rapporti li jirriżultaw f’investigazzjoni ulterjuri, flimkien mar-rapport annwali lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jagħti fid-dettall l-utilità u s-segwitu tar-rapporti dwar ir-rapporti li jkunu ppreżentaw;

(d) data rigward in-numru ta’ talbiet transfruntiera għal informazzjoni li jkunu saru, ġew riċevuti, irrifjutati u parzjalment jew kompletament, imwieġba mill-UIF, imqassma skont il-pajjiż kontroparti;

(e) ir-riżorsi umani allokati lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għal superviżjoni AML/CFT kif ukoll ir-riżorsi umani allokati lill-UIF biex twettaq il-kompiti speċifikati fl-Artikolu 32;

(f) in-numru ta’ azzjonijiet superviżorji fuq il-post u mhux fuq il-post, l-għadd ta’ ksur identifikat abbażi ta’ azzjonijiet superviżorji u sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi applikati mill-awtoritajiet superviżorji.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi ppubblikata analiżi kkonsolidata tal-istatistika tagħhom fuq bażi annwali.

4.  “L-Istati Membri għandhom jibagħtu annwalment l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali li jiġbor fil-qosor u jispjega l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2, li għandu jsir disponibbli fis-sit web tagħha.

▼B



KAPITOLU VI

POLITIKI, PROĊEDURI U SUPERVIŻJONI



TAQSIMA 1

Proċeduri interni, taħriġ u feedback

Artikolu 45

1.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b'obbligu li huma parti minn grupp jimplimentaw politiki u proċeduri għall-grupp kollu, inklużi l-politiki dwar il-protezzjoni tad-data u politiki u proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp għall-finijiet tal-AML/CFT. Dawk il-politiki u l-proċeduri għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv fil-livell tal-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma fl-Istati Membri u pajjiżi terzi.

2.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu li joperaw stabbilimenti fi Stat Membru ieħor jiżguraw li dawk l-istabbilimenti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' dak l-Istat Membru l-ieħor li jittrasponi din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom fergħat jew sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma f'pajjiżi terzi, fejn ir-rekwiżiti minimi tal-AML/CFT huma inqas stretti minn dawk tal-Istat Membru, il-fergħat u s-sussidjarji tagħhom li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma li jinstabu fil-pajjiż terz jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-Istat Membru, inkluż il-protezzjoni tad-data, sa fejn hu permess mil-liġi tal-pajjiż terz.

▼M1

4.  L-Istati Membri u l-ASE għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar istanzi li fihom il-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki u proċeduri meħtieġa skont il-paragrafu 1. F’tali każijiet, tista’ tittieħed azzjoni kkoordinata biex tinstab soluzzjoni. Fl-evalwazzjoni ta’ liema pajjiżi terzi ma jippermettux l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri meħtieġa skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri u l-ASE għandhom iqisu kwalunkwe restrizzjoni legali li tista’ xxekkel l-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn il-politiki u l-proċeduri, inklużi s-segretezza, il-protezzjoni tad-data u restrizzjonijiet oħrajn li jillimitaw l-iskambju ta’ informazzjoni li tista’ tkun relevanti għal dak il-għan.

▼B

5.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn il-liġi ta' pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki u proċeduri meħtieġa skont il-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b'obbligu jiżguraw li l-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma f'dak il-pajjiż terz japplikaw miżuri addizzjonali biex jindirizzaw b'mod effettiv ir-riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, u jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. Jekk il-miżuri addizzjonali ma jkunux biżżejjed, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jeżerċitaw azzjonijiet superviżorji addizzjonali, inkluż li jirrikjedu li l-grupp ma jistabbilixxix relazzjonijiet ta' negozju jew li jtemmhom, u li ma jwettaqx transazzjonijiet u, fejn meħtieġ, jitolbu lill-grupp biex ma jibqax jopera fil-pajjiż terz.

6.  L-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw it-tip ta' miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5 u l-azzjoni minima li għandha tittieħed mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji meta l-liġi ta' pajjiż terz ma tkunx tippermetti l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 3.

L-ASE għandhom jippreżentaw l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel paragrafu lill-Kummissjoni sas-26 ta' Diċembru 2016.

7.  Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun permessal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-grupp. Informazzjoni dwar suspetti li l-fondi jkunu r-rikavat ta' attività kriminali jew li jkunu relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, li tiġi rrappurtata lill-UIF għandha tiġi kondiviża fil-grupp, dment li ma jkunx hemm struzzjonijiet oħra mill-UIF.

9.  L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-emittenti ta' flus elettroniċi kif definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE stabbiliti fit-territorju tagħhom f'forom oħra li mhumiex fergħa, u li l-uffiċċju ewlieni tagħhom ikun jinstab fi Stat Membru ieħor, jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali fit-territorju tagħhom biex, f'isem l-istituzzjoni tal-ħatra, jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-AML/CFT u li jiffaċilitaw is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż billi fuq talba, jipprovdu d-dokumenti u l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

10.  L-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji biex jiġu ddeterminati ċ-ċirkostanzi li fihom ikun xieraq li jinħatar punt ta' kuntatt ċentrali skont il-paragrafu 9, u dwar x'għandhom ikunu l-funzjonijiet tal-punti ta' kuntatt ċentrali.

L-ASE għandhom jippreżentaw l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sas-26 ta' Ġunju 2017.

11.  Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 46

1.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jieħdu miżuri proporzjonati għar-riskji, in-natura u d-daqs tagħhom biex l-impjegati tagħhom ikunu konxji mid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, inklużi r-rekwiżiti rilevanti għall-protezzjoni tad-data.

Dawk il-miżuri għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħhom fi programmi ta' taħriġ speċjali kontinwu li jgħinuhom jagħrfu dawk l-operazzjonijiet li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu u li jagħtuhom istruzzjonijiet dwar kif għandhom jipproċedu f'każijiet bħal dawn.

Fejn persuna fiżika li taqa' taħt waħda mill-kategoriji elenkati fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) teżegwixxi l-attivitajiet professjonali bħala impjegat ta' persuna ġuridika, l-obbligi stabbiliti f'din it-Taqsima għandhom japplikaw għal dik il-persuna ġuridika pjuttost milli għall-persuna fiżika.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar il-prattiki ta' dawk li jwettqu ħasil tal-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu u dwar indikazzjonijiet li jwasslu għal rikonoxximent ta' transazzjonijiet suspettużi.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun prattiku, jingħata feedback f'waqtu lill-entitajiet marbutin b'obbligu dwar l-effettività u s-segwitu tar-rapporti ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu suspettati.

4.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn applikabbli, l-entitajiet marbutin b'obbligu jidentifikaw il-membru tal-bord ta' tmexxija li jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva.



TAQSIMA 2

Superviżjoni

Artikolu 47

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali, u fornituri tal-kartieri ta’ kustodja, jkunu rreġistrati, li l-uffiċċji tal-kambju u l-uffiċċji li jsarrfu ċ-ċekkijiet, u l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jew għall-kumpaniji jkollhom liċenzja jew ikunu rreġistrati, u li l-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard huma regolati.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-persuni li jkollhom kariga ta' tmexxija fl-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, jew li huma s-sidien benefiċjarji ta' entitajiet bħal dawn, ikunu persuni kompetenti u idonei.

3.  Fir-rigward tal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punt (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 2(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu lill-kriminali misjuba ħatja ta' reat fl-oqsma rilevanti jew lill-assoċjati tagħhom milli jkollhom kariga ta' tmexxija f'dawk l-entitajiet marbutin b'obbligu jew li jkunu s-sidien benefiċjarji tagħhom.

Artikolu 48

1.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu monitoraġġ effettiv u jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jiżguraw li jkun hemm konformità ma' din id-Direttiva.

▼M1

1a.  Sabiex tiġi ffaċilitata u promossa kooperazzjoni effettiva, u b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista tal-awtoritajiet kompetenti tal-entitajiet marbutin b’obbligu elenkati fl-Artikolu 2(1), inklużi d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni tibqa’ aġġornata.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika reġistru ta’ dawk l-awtoritajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom fuq is-sit web tagħha. L-awtoritajiet fir-reġistru għandhom, fl-ambitu tas-setgħat tagħhom, iservu bħala punt ta’ kuntatt għall-awtoritajiet kompetenti korrispondenti tal-Istati Membri l-oħra. L-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri għandhom iservu wkoll bħala punt ta’ kuntatt tal-ASE.

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet kollha marbutin b’obbligu jkunu soġġetti għal superviżjoni adegwata, inklużi s-setgħat biex iwettqu superviżjoni fuq il-post u mhux fuq il-post, u għandhom jieħdu miżuri amministrattivi xierqa u proporzjonati biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni fil-każ ta’ ksur.

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat adegwati, inkluża s-setgħa li jitolbu l-produzzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti għall-monitoraġġ tal-konformità u li jwettqu verifiki, u jkollhom riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet huma ta’ integrità għolja u għandhom ħiliet xierqa, u jżommu standards professjonali għoljin, inklużi standards ta’ kunfidenzjalità, protezzjoni tad-data u standards li jindirizzaw kunflitti ta’ interess.

▼B

3.  Fil-każ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji u fornituri ta' servizzi tal-logħob tal-azzard, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom setgħat superviżorji msaħħa.

▼M1

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-entità marbuta b’obbligu topera xi stabbilimenti, iwettqu superviżjoni biex jiżguraw li dawk l-istabbilimenti jirrispettaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru li jittrasponu din id-Direttiva.

Fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji li huma parti minn grupp, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-impriża omm tkun stabbilita jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn l-istabbilimenti li huma parti minn grupp ikunu stabbiliti.

Fil-każ tal-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 45(9), is-superviżjoni kif msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tista’ tinkludi t-teħid ta’ miżuri adatti u proporzjonati biex jindirizzaw nuqqasijiet serji li jeħtieġu rimedji immedjati. Dawk il-miżuri għandhom ikunu temporanji u jiġu terminati meta n-nuqqasijiet identifikati jiġu indirizzati, inkluż bl-għajnuna tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-entità marbuta b’obbligu, f’konformità mal-Artikolu 45(2).

▼B

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jiġu operati stabbilimenti mill-entità marbuta b'obbligu għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-entità marbuta b'obbligu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, biex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

▼M1

Fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji li huma parti minn grupp, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, fejn l-impriża omm tkun stabbilita, jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva ta’ politiki u proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu msemmi fl-Artikolu 45(1). Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, fejn huma stabbiliti l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji li huma parti mill-grupp, jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-impriża prinċipali tkun stabbilita.

▼B

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġi applikat approċċ fuq il-bażi tar-riskju għas-superviżjoni, l-awtoritajiet kompetenti:

(a) ikunu jifhmu b'mod ċar ir-riskji ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu preżenti fl-Istati Membri tagħhom;

(b) ikollhom aċċess fuq il-post u mhux fuq il-post għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-riskji domestiċi u internazzjonali speċifiċi assoċjati ma' klijenti, prodotti u servizzi tal-entitajiet marbutin b'obbligu; u

(c) jibbażaw il-frekwenza u l-intensità tas-superviżjoni fuq il-post u mhux fuq il-post fuq il-profil ta' riskju tal-entitajiet marbutin b'obbligu, u fuq ir-riskji ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu preżenti f'dak l-Istat Membru.

7.  Il-valutazzjoni tal-profil ta' riskju ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu ta' entitajiet marbutin b'obbligu, inklużi r-riskji ta' nuqqas ta' konformità, għandha tiġi rieżaminata kemm b'mod perjodiku kif ukoll meta jseħħu avvenimenti jew żviluppi ewlenin fit-tmexxija u l-operazzjonijiet tagħhom.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw il-livell ta' diskrezzjoni permess lill-entità marbuta b'obbligu, u janalizzaw kif xieraq il-valutazzjonijiet tar-riskju abbażi ta' din id-diskrezzjoni, u l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni tagħha.

9.  Fil-każ tal-entitajiet marbutin b'obbligu msemmija fil-punti (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jitwettqu minn korpi awtoregolatorji, dment li dawk il-korpi awtoregolatorji jikkonformaw mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

10.  Sas-26 ta' Ġunju 2017, l-ASE għandhom, joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 rigward il-karatteristiċi ta' approċċ għas-superviżjoni li jkun sensittiv għar-riskji u l-passi li għandhom jittieħdu meta jwettqu superviżjoni fuq il-bażi ta' sensittività għar-riskji. Għandhom jitqiesu speċifikament in-natura u d-daqs tan-negozju, u fejn dan ikun xieraq u proporzjonat, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi.



TAQSIMA 3

Kooperazzjoni



Subtaqsima I

Kooperazzjoni nazzjonali

▼M1

Artikolu 49

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li jfasslu l-politiki, l-UIF, is-superviżuri u awtoritajiet kompetenti oħrajn involuti fl-AML/CFT, kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, meta jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, ikollhom mekkaniżmi effettivi fis-seħħ biex ikunu jistgħu jikkooperaw u jikkoordinaw fil-livell nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż bil-għan li jissodisfaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 7.

▼B



Subtaqsima II

Kooperazzjoni mal-ASE

Artikolu 50

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ASE l-informazzjoni kollha neċessarja biex tippermettilhom li jwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva.

▼M1



Subtaqsima IIa

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

Artikolu 50a

L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jimponu kundizzjonijiet restrittivi irraġonevoli jew bla bżonn fuq l-iskambju ta’ informazzjoni jew assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. B’mod partikolari l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ma jirrifjutawx talba għall-assistenza fuq il-bażi li:

(a) it-talba hija kkunsidrata wkoll li tinvolvi kwistjonijiet tat-taxxa;

(b) il-liġi nazzjonali tirrikjedi lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jżommu segretezza jew kunfidenzjalità, minbarra f’dawk il-każijiet fejn l-informazzjoni rilevanti mitluba hija protetta mill-privileġġ legali jew fejn tapplika s-segretezza professjonali legali, kif deskritt fl-Artikolu 34(2);

(c) hemm inkjesta, investigazzjoni jew proċediment għaddej fl-Istat Membru mitlub, sakemm l-assistenza timpedixxi l-inkjesta, l-investigazzjoni jew il-proċediment;

(d) in-natura jew l-istatus tal-awtorità kontroparti kompetenti li qed tagħmel it-talba hija differenti minn dik tal-awtorità kompetenti mitluba.

▼B



Subtaqsima III

Kooperazzjoni bejn l-UIF u l-Kummissjoni

Artikolu 51

Il-Kummissjoni tista' tagħti assistenza bħal din kif meħtieġ sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-UIF, fi ħdan l-Unjoni. Hija tista' tlaqqa' b'mod regolari lir-rappreżentanti mill-Istati Membri tal-Pjattaforma tal-UIF tal-UE, sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-UIF, isir skambju ta' fehmiet u jingħataw pariri dwar kwistjonijiet ta' implimentazzjoni rilevanti għall-UIF u l-entitajiet relaturi kif ukoll dwar kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni bħal kooperazzjoni effettiva tal-UIF, l-identifikazzjoni ta' transazzjonijiet suspettużi b'dimensjoni transkonfinali, l-istandardizzazzjoni tal-formati ta' rappurtar permezz tan-netwerk FIU.net jew is-suċċessur tiegħu, l-analiżi konġunta ta' każijiet transkonfinali, u l-identifikazzjoni tat-tendenzi u l-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskji marbutin mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak sovranazzjonali.

Artikolu 52

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jikkooperaw kemm jista' jkun ma' xulxin, irrispettivament mill-istatus tal-organizzazzjoni tagħhom.

Artikolu 53

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jiskambjaw, minn jeddhom jew fuq talba, kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun rilevanti għall-ipproċessar jew l-analiżi ta’ informazzjoni mill-UIF, relatata mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u l-persuna fiżika jew ġuridika involuta, irrispettivament mit-tip ta’ reati predikati assoċjati u anki jekk it-tip ta’ offiżi predikati assoċjati ma jiġix identifikat waqt l-iskambju.

▼B

Talba għandu jkollha l-fatti rilevanti, informazzjoni ta' sfond, raġunijiet għat-talba u kif ser tintuża l-informazzjoni mitluba. Jistgħu jiġu applikati mekkaniżmi ta' skambju differenti jekk ikun hemm qbil bejn l-UIF, b'mod partikolari fir-rigward ta' skambji permezz tal-FIU.net jew is-suċċessur tiegħu.

Meta UIF tirċievi rapport skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(1) li jikkonċerna Stat Membru ieħor, hi għandha tibagħtu minnufih lill-UIF ta' dak l-Istat Membru.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF li tirċievi t-talba tkun meħtieġa tuża l-firxa sħiħa tas-setgħat disponibbli tagħha li normalment tuża fil-livell domestiku biex tirċievi u tanalizza l-informazzjoni meta twieġeb għal talba għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 minn UIF tal-UE oħra. L-UIF li tirċievi t-talba għandha twieġeb mingħajr dewmien.

Meta UIF tfittex li tikseb informazzjoni addizzjonali minn entità marbuta b'obbligu stabbilita fi Stat Membru ieħor li topera fit-territorju tagħha, it-talba għandha tiġi indirizzata lill-UIF tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita l-entità marbuta b'obbligu. ►M1  Dik l-UIF għandha tikseb informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 33(1) u tibgħat it-tweġibiet minnufih. ◄

3.  UIF tista' tiċħad li tagħmel skambju ta' informazzjoni f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss fejn l-iskambju jista' jmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali tiegħu. Dawk l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu speċifikati b'mod li jimpedixxi l-użu ħażin, u limitazzjonijiet indebiti fuq, l-iskambju liberu ta' informazzjoni għal skopijiet analitiċi.

Artikolu 54

L-informazzjoni u d-dokumenti riċevuti skont l-Artikoli 52 u 53 għandhom jintużaw għat-twettiq tal-kompiti tal-UIF kif stabbiliti f'din id-Direttiva. Meta tiskambja informazzjoni u dokumenti skont l-Artikoli 52 u 53, l-UIF li tkun qed tittrasmettihom tista' timponi restrizzjonijiet u kondizzjonijiet għall-użu ta' dik l-informazzjoni. L-UIF riċeventi għandha tikkonforma ma' dawk ir-restrizzjonijiet u l-kondizzjonijiet.

▼M1

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jinnominaw tal-anqas persuna waħda ta’ kuntatt jew punt li għandu jkun responsabbli biex jirċievi talbiet għal informazzjoni minn UIF fi Stati Membri oħra.

▼B

Artikolu 55

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata skont l-Artikoli 52 u 53 tintuża biss għall-għan li għalih tkun intalbet jew ingħatat u li kwalunkwe disseminazzjoni ta' dik l-informazzjoni mill-UIF li tirċeviha ma' xi awtorità, aġenzija jew dipartiment ieħor, jew kwalunkwe użu ta' din l-informazzjoni għal skopijiet li jmorru lil hinn minn dawk oriġinarjament approvati, tiġi soġġetta għal kunsens minn qabel mill-UIF li tipprovdi l-informazzjoni.

▼M1

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunsens minn qabel tal-UIF mitlub biex tixxerred l-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti jingħata minnufih u bl-aktar mod mifrux possibbli, irrispettivament mit-tip ta’ offiżi predikati assoċjati. L-UIF li tirċievi t-talba għandha tiċħad il-kunsens tagħha li ssir din il-kondiviżjoni biss jekk din tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AML/CFT tagħha jew tista’ xxekkel investigazzjoni jew inkella ma tkunx f’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Kwalunkwe ċaħda ta’ dan it-tip għall-għoti tal-kunsens għandha tkun spjegata b’mod adatt. Dawk l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu speċifikati b’mod li jimpedixxi l-użu ħażin, u l-limitazzjonijiet indebiti għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

▼B

Artikolu 56

1.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-UIF tagħhom jużaw mezzi ta' komunikazzjoni protetti bejniethom u li jinkoraġġixxu l-użu tan-netwerk FIU.net jew is-suċċessur tiegħu.

2.  Bil-għan li jwettqu l-kompiti tagħhom kif stipulat f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF tagħhom jikkooperaw fl-applikazzjoni ta' teknoloġiji bl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Dawk it-teknoloġiji għandhom jippermettu li l-UIF iqabblu d-data tagħhom ma' dik ta' UIF oħrajn b'mod anonimu billi tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-data personali bil-għan li jiġu identifikati s-suġġetti li jinteressaw lill-UIF fi Stati Membri oħrajn u li jiġu identifikati r-rikavat u l-fondi tagħhom.

▼M1

Artikolu 57

Id-differenzi bejn id-definizzjonijiet fil-liġi nazzjonali ta’ reati predikati kif imsemmi fil-punt 4 tal-Artikolu 3 ma għandhomx ixekklu l-kapaċità tal-UIF li jipprovdu assistenza lil UIF oħra u ma għandhomx jillimitaw l-iskambju, il-kondiviżjoni u l-użu ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 53, 54 u 55.

▼M1



Subtaqsima IIIa

Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u awtoritajiet oħra marbuta bis-segretezza professjonali

Artikolu 57a

1.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għal awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji għal konformità ma’ din id-Direttiva, kif ukoll awdituri u esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

Mingħajr preġudizzju għal każijiet koperti mil-liġi kriminali, informazzjoni kunfidenzjali li persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu jirċievu matul il-qadi ta’ dmirijiethom skont din id-Direttiva tista’ tiġi żvelata biss f’forma sommarja jew aggregata, b’mod li istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji individwali ma jistgħux jiġu identifikati.

2.  Il-paragrafu 1 m’għandux ifixkel l-iskambju tal-informazzjoni bejn:

(a) l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji fi ħdan Stat Membru skont din id-Direttiva jew atti leġislattivi oħra li jkollhom x’jaqsmu mas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji;

(b) l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji fi ħdan Stati Membri differenti skont din id-Direttiva jew atti leġislattivi oħra li jkollhom x’jaqsmu mas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) meta jaġixxi skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 ( 20 ). L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet ta’ segretezza professjonali indikati fil-paragrafu 1.

Sal-10 ta’ Jannar 2019, l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji skont din id-Direttiva u l-BĊE, li jaġixxi skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 21 ), għandhom jikkonkludu, bl-appoġġ tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, ftehim dwar il-modalitajiet prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni.

3.  L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jużaw din l-informazzjoni biss:

(a) fil-qadi ta’ dmirijiethom skont din id-Direttiva jew skont atti leġislattivi oħrajn fil-qasam tal-AML/CFT, tar-regolamentazzjoni prudenzjali u tas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, inkluż sanzjonar;

(b) f’appell kontra deċiżjoni tal-awtorità kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, inklużi proċedimenti fil-qrati;

(c) fi proċedimenti fil-qrati mibdija skont dispożizzjonijiet speċjali previsti fid-dritt tal-Unjoni, adottati fil-qasam ta’ din id-Direttiva jew fil-qasam tar-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji jikkooperaw kemm jista’ jkun ma’ xulxin għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, indipendentement min-natura jew mill-istatus tagħhom. Tali kooperazzjoni tinkludi wkoll l-abbiltà li jsiru, fi ħdan is-setgħat tal-awtorità kompetenti mitluba, inkjesti f’isem awtorità kompetenti li tagħmel it-talba, u l-iskambju sussegwenti tal-informazzjoni miksuba bis-saħħa ta’ tali inkjesti.

5.  L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom responsabbli mis-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji biex jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni li jipprovdu għal kollaborazzjoni u skambji ta’ informazzjoni kunfidenzjali mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi li jikkostitwixxu kontropartijiet ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Dawk il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu konklużi fuq il-bażi ta’ reċiproċità u biss jekk l-informazzjoni żvelata tkun soġġetta għal garanzija ta’ rekwiżiti ta’ segretezza professjonali li tkun tal-anqas ekwivalenti għal dik imsemmija fil-paragrafu 1. Informazzjoni kunfidenzjali skambjata skont dawk il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għandha tintuża għall-iskop li jitwettaq il-kompitu superviżorju ta’ dawk l-awtoritajiet.

Meta l-informazzjoni skambjata toriġina fi Stat Membru ieħor, din għandha tiġi żvelata biss bil-kunsens espress tal-awtorità kompetenti li tkun iddeċidiet li taqsamha u, fejn xieraq, biss għall-finijiet li għalihom dik l-awtorità tkun tat il-kunsens tagħha.

Artikolu 57b

1.  Minkejja l-Artikolu 57a(1) u (3) u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34(2), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri differenti, bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet fdati bis-superviżjoni ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju u persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaġixxu fit-twettiq tal-attivitajiet professjonali tagħhom kif imsemmi fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) u l-awtoritajiet responsabbli bil-liġi għas-superviżjoni ta’ swieq finanzjarji fil-qadi tal-funzjonijiet superviżorji rispettivi tagħhom.

L-informazzjoni rċevuta għandha f’kull każ tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali li jkunu tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 57a(1).

2.  Minkejja l-Artikolu 57a(1) u (3), l-Istati Membri jistgħu, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet stipulati fil-liġi nazzjonali, jawtorizzaw l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni lil awtoritajiet nazzjonali oħrajn responsabbli bil-liġi għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, jew b’responsabbiltajiet deżinjati fil-qasam tal-ġlieda jew tal-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati assoċjati u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

Madankollu, informazzjoni kunfidenzjali skambjata skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss għall-iskop li jitwettqu l-kompiti legali tal-awtoritajiet ikkonċernati. Il-persuni li jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 57a(1).

3.  L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni relatata mas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għal konformità ma’ din id-Direttiva lill-kumitati ta’ inkjesta parlamentari, lill-qrati tal-awdituri u entitajiet oħrajn inkarigati mill-inkjesti, fl-Istat Membru tagħhom, bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-entitajiet ikollhom mandat preċiż iddefinit mil-liġi nazzjonali sabiex jinvestigaw jew jeżaminaw bir-reqqa l-azzjonijiet tal-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew għal-liġijiet dwar tali superviżjoni;

(b) l-informazzjoni tkun strettament meħtieġa biex jintlaħaq il-mandat imsemmi fil-punt (a);

(c) l-persuni b’aċċess għall-informazzjoni jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali skont il-liġi nazzjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 57a(1);

(d) fejn l-informazzjoni tkun toriġina fi Stat Membru ieħor, din ma tkunx żvelata mingħajr il-kunsens espress tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu żvelawha, u biss għall-finijiet li għalihom dawk l-awtoritajiet ikunu taw il-kunsens tagħhom.

▼B



TAQSIMA 4

Sanzjonijiet

Artikolu 58

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva f'konformità ma' dan l-Artikolu u mal-Artikoli 59 sa 61. Kwalunkwe sanzjoni jew miżura li tirriżulta għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.

2.  Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet u miżuri amministrattivi u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jimponu tali sanzjonijiet u miżuri fir-rigward ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi għal ksur li jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

▼M1

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li meta l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jidentifikaw każijiet ta’ ksur li huma soġġetti għal sanzjonijiet kriminali, dawn jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ infurzar f’waqtu.

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn obbligi japplikaw għal persuni ġuridiċi fil-każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet u miżuri fir-rigward tal-membri tal-korp maniġerjali, u persuni fiżiċi oħrajn li jkunu responsabbli għall-ksur skont il-liġi nazzjonali.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha meħtieġa biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

5.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi f'konformità ma' din id-Direttiva u mal-liġi nazzjonali, fi kwalunkwe mod fost dawn li ġejjin:

(a) direttament;

(b) f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħrajn;

(c) taħt ir-responsabbiltà tagħhom b'delega lil tali awtoritajiet oħrajn;

(d) b'applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk il-miżuri amministrattivi jew is-sanzjonijiet jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.

Artikolu 59

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu japplika tal-inqas għall-ksur min-naħa tal-entitajiet marbutin b'obbligu li huwa serju, ripetut, sistematiku, jew kombinament ta' dawn, tar-rekwiżiti stipulati fi:

(a) l-Artikoli 10 sa 24 (diliġenza dovuta tal-klijenti);

(b) l-Artikoli 33, 34 u 35 (rappurtar ta' transazzjonijiet suspettużi);

(c) l-Artikolu 40 (żamma ta' rekords); u

(d) l-Artikoli 45 u 46 (kontrolli interni).

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sanzjonijiet u l-miżuri li jistgħu jiġu applikati jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a) dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

(b) ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika biex twaqqaf il-kondotta u li ma tirrepetix dik il-kondotta;

(c) fejn entità marbuta b'obbligu tiġi soġġetta għal awtorizzazzjoni, irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni;

(d) projbizzjoni temporanja kontra kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet ta' tmexxija f'entità marbuta b'obbligu, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli jeżerċitaw funzjonijiet ta' tmexxija f'entitajiet marbutin b'obbligu;

(e) sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi b'valur ta' mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-benefiċċju li jirriżulta mill-ksur fejn dak il-benefiċċju jkun jista' jiġi ddeterminat jew mill-inqas EUR 1 000 000 .

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b'deroga minn paragrafu 2(e), fejn l-entità marbuta b'obbligu kkonċernata tkun istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jistgħu jiġu applikati wkoll is-sanzjonijiet li ġejjin:

(a) fil-każ ta' persuna ġuridika, sanzjonijiet monetarji amministrattivi massimi ta' mill-inqas EUR 5 000 000 jew 10 % tal-fatturat annwali totali skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; fejn l-entità marbuta b'obbligu tkun impriża prinċipali jew sussidjarja ta' impriża prinċipali li hija meħtieġa tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta' dħul skont id-Direttivi rilevanti dwar il-kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali finali;

(b) fir-rigward ta' persuna fiżika, sanzjonijiet monetarji amministrattivi massimi ta' mhux inqas minn EUR 5 000 000 , jew fl-Istati Membri fejn il-munita mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fil-25 ta' Ġunju 2015.

4.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu tipi addizzjonali ta' sanzjonijiet amministrattivi barra dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 jew li jimponu sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3.

Artikolu 60

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva li ma jistax isir appell kontriha għandha tiġi ppubblikata mill-awtoritajiet kompetenti fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom immedjatament wara li l-persuna sanzjonata tiġi mgħarrfa b'dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li japplikaw dan is-subparagrafu għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta' natura investigatorja.

Fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni responsabbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew id-data personali ta' tali persuni titqies mill-awtorità kompetenti li hi sproporzjonata wara valutazzjoni skont il-każ imwettqa fir-rigward tal-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' din id-data, jew meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew xi investigazzjoni kurrenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a) idewmu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura sal-mument li fih ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu;

(b) jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva fuq bażi anonima b'mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali, jekk din il-pubblikazzjoni anonima tiżgura l-protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; fil-każ ta' deċiżjoni li sanzjoni jew miżura amministrattiva tiġi ppubblikata fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista' tiġi posposta għal perijodu ta' żmien raġonevoli jekk ikun previst li matul dak il-perijodu, ir-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jibqgħux jeżistu.

(c) ma jippubblikawx id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva fil-każ li l-alternattivi stipulati f'(a) u (b) jitqiesu li mhumiex biżżejjed biex jiġi żgurat li:

(i) ma tiġix ipperikolata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji; jew

(ii) tiġi osservata l-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fir-rigward tal-miżuri meqjusa li huma ta' natura minuri.

2.  Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet li jista' jsir appell kontrihom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jippubblikaw minnufih din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta' dan l-appell fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom. Barra minn hekk, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti biex tiġi imposta sanzjoni jew miżura amministrattiva.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tibqa' fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom għal perijodu ta' ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Madankollu, id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-awtorità kompetenti biss għall-perijodu li jkun meħtieġ f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta' sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn ikun applikabbli:

(a) il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur;

(b) il-livell ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli;

(c) is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli, kif indikat pereżempju mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika li tinżamm responsabbli jew mid-dħul annwali tal-persuna fiżika li tinżamm responsabbli;

(d) il-benefiċċju li jirriżulta mill-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli, dment li dan ikun jista' jiġi ddeterminat;

(e) it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, dment li dan ikun jista' jiġi ddeterminat;

(f) il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(g) ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika li tinżamm responsabbli.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 59(1) imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu ta' dik il-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika abbażi ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) is-setgħa li tirrappreżenta l-persuna ġuridika;

(b) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew

(c) l-awtorità li teżerċita kontroll fil-persuna ġuridika.

6.  L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta' superviżjoni jew ta' kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 5 ta'dan l-Artikolu ippermetta t-twettiq tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 59(1) għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna li taqa' taħt l-awtorità tagħha.

Artikolu 61

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll, fejn applikabbli, il-korpi awtoregolatorji, jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi u affidabbli biex jinkoraġġixxu r-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll, fejn applikabbli, lill-korpi awtoregolatorji, ta’ ksur potenzjali jew proprju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Għal dak il-għan, huma għandhom jipprovdu mezz wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni sigura għal persuni għar-rappurtar imsemmi fl-ewwel subparagrafu. Tali mezzi għandhom jiżguraw li l-identità tal-persuni li jfornu l-informazzjoni tkun magħrufa biss mill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll, fejn applikabbli, mill-korpi awtoregolatorji.

▼B

2.  Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a) proċeduri speċifiċi ta' kif għandhom jaslu r-rapporti dwar ksur u għas-segwitu tagħhom;

(b) protezzjoni xierqa għal impjegati jew persuni f'pożizzjoni komparabbli, ta' entitajiet marbutin b'obbligu li jirrappurtaw ksur imwettaq fi ħdan l-entità marbuta b'obbligu;

(c) protezzjoni xierqa għall-persuna akkużata;

(d) protezzjoni tad-data personali li tikkonċerna kemm lill-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll lill-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għall-ksur, f'konformità mal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 95/46/KE.

(e) regoli ċari li jiżguraw li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità fil-każijiet kollha fir-rigward tal-persuna li tirrapporta l-ksur imwettaq fi ħdan l-entità marbuta b'obbligu, sakemm l-iżvelar ma jkunx meħtieġ mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta' investigazzjonijiet ulterjuri jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

3.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-entitajiet marbutin b'obbligu jkollhom fis-seħħ proċeduri adatti biex l-impjegati tagħhom jew persuni f'pożizzjoni komparabbli jirrappurtaw ksur internament b'mezz speċifiku, indipendenti u anonimu, proporzjonat għan-natura u d-daqs tal-entità marbuta b'obbligu kkonċernata.

▼M1

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-individwi, inklużi l-impjegati u r-rappreżentanti tal-entità marbuta b’obbligu li jirrapportaw suspetti ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu kemm meta jagħmlu dan internament, kif ukoll meta jagħmlu dan lill-UIF, ikunu protetti legalment milli jiġu esposti għal theddid jew azzjoni ostili, u b’mod partikolari minn azzjonijiet ta’ impjieg avversi jew diskriminatorji.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-individwi li jkunu esposti għal theddid, azzjonijiet ostili, jew azzjonijiet ta’ impjieg avversi jew diskriminatorji talli jirrapportaw suspetti ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu internament jew lill-UIF ikunu intitolati li jippreżentaw ilment b’mod sigur lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi. Mingħajr preġudizzju għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura mill-UIF, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tali individwi jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv li jħares id-drittijiet tagħhom taħt dan il-paragrafu.

▼B

Artikolu 62

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinfurmaw lill-ASE bis-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi kollha imposti f'konformità mal-Artikoli 58 u 59 dwar istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż kwalunkwe appell fir-rigward tagħhom u l-eżitu tiegħu.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw l-eżistenza ta' kundanna rilevanti fil-kondotta kriminali tal-persuna kkonċernata. Kwalunkwe skambju ta' informazzjoni għal dawk il-finijiet għandu jsir f'konformità mad-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI kif implimentati fil-liġi nazzjonali.

3.  L-ASE għandhom iżommu attiv sit elettroniku b'links għall-pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti minn kull awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikolu 60 dwar istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, u għandhom juru l-perijodu ta' żmien li matulu kull Stat Membru jippubblika sanzjonijiet u miżuri amministrattivi.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 63

Il-punt (d) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 22 ) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d) il-kontroparti ċentrali hija stabbilita jew awtorizzata f'pajjiż terz li mhuwiex ikkunsidrat, mill-Kummissjoni f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 23 ), li għandu nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim nazzjonali tiegħu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li jikkostitwixxu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 64

1.  Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-25 ta' Ġunju 2015.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Hi għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hi ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼M1

Artikolu 64a

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-“Kumitat”) kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 24 ). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 ( 25 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M1

Artikolu 65

1.  Sal-11 ta’ Jannar 2022, u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandha tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Dak ir-rapport għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a) kont ta’ miżuri speċifiċi adottati u mekkaniżmi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru biex jipprevjenu u jindirizzaw problemi emerġenti u żviluppi ġodda li jippreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni;

(b) azzjonijiet ta’ segwitu mwettqa fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru fuq il-bażi ta’ tħassib li jinġieb għall-attenzjoni tagħhom, inklużi lmenti dwar il-liġijiet nazzjonali li jfixklu s-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti u ta’ korpi awtoregolatorji;

(c) kont tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet kompetenti u l-UIF tal-Istati Membri, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(d) kont tal-kooperazzjoni internazzjonali u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-UIF;

(e) kont ta’ azzjonijiet tal-Kummissjoni meħtieġa sabiex jiġi vverifikat li l-Istati Membri jieħdu azzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva u sabiex jiġu evalwati problemi emerġenti u żviluppi ġodda fl-Istati Membri;

(f) analiżi tal-fattibbiltà ta’ mekkaniżmi u miżuri speċifiċi fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru dwar il-possibbiltajiet li tinġabar u tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħrajn inkorporati barra mill-Unjoni u l-proporzjonalità tal-miżuri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20;

(g) evalwazzjoni ta’ kif id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew rispettati.

L-ewwel rapport, li se jiġi ppubblikat sal-11 ta’ Jannar 2022, għandu jiġi akkumpanjat, jekk neċessarju, minn proposti leġislattivi xierqa, inkluż, fejn xieraq, fir-rigward ta’ muniti virtwali, l-għoti tas-setgħat għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ bażi tad-data ċentrali li tirreġistra l-identitajiet tal-utenti u l-indirizzi tal-kartieri aċċessibbli għall-UIF, kif ukoll forom tal-awtodikjarazzjoni għall-użu ta’ utenti tal-muniti virtwali, u biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri u applikazzjoni bbażata fuq ir-riskju tal-miżuri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20.

2.  Sal-1 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-qafas tal-UIF għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u l-ostakli u l-opportunitajiet biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UIF fl-Unjoni, inkluża l-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ.

3.  Il-Kummissjoni għandha, jekk xieraq, toħroġ rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa l-ħtieġa u l-proporzjonalità li jitbaxxa l-perċentwal għall-identifikazzjoni ta’ sjieda benefiċjarja ta’ entitajiet ġuridiċi fid-dawl ta’ kwalunkwe rakkomandazzjoni maħruġa f’dan is-sens minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi li jistabbilixxu standards b’kompetenzi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu bħala riżultat ta’ valutazzjoni ġdida, u tippreżenta proposta leġislattiva, jekk xieraq.

▼B

Artikolu 66

Id-Direttivi 2005/60/KE u 2006/70/KE jitħassru b'effett mis-26 ta' Ġunju 2017.

Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV għal din id-Direttiva.

Artikolu 67

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Ġunju 2017.

L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 12(3) mill-10 ta’ Lulju 2020.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-reġistri msemmija fl-Artikolu 30 sal-10 ta’ Jannar 2020 u r-reġistri msemmija fl-Artikolu 31 sal-10 ta’ Marzu 2020 u l-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati msemmija fl-Artikolu 32a sal-10 ta’ Settembru 2020.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikoli 30 u 31, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sal-10 ta’ Marzu 2021.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih it-test tal-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 68

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 69

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

Il-lista li ġejja hi lista mhux eżawrjenti tal-fatturi varjabbli tar-riskju li għandhom jiġu kkunsidrati mill-entitajiet marbutin b'obbligu meta jkunu qegħdin jiddeterminaw sa fejn għandhom japplikaw il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'konformità mal-Artikolu 13(3):

(i) l-għan ta' kont jew relazzjoni;

(ii) il-livell ta' assi li għandhom jiġu ddepożitati minn klijent jew id-daqs tat-transazzjonijiet imwettqa;

(iii) ir-regolarità jew it-tul ta' żmien tar-relazzjoni ta' negozju.




ANNESS II

Il-lista li ġejja hi lista mhux eżawrjenti ta' fatturi u tipi ta' evidenza ta' riskju potenzjalment aktar baxx li jissemmew fl-Artikolu 16:

(1) Fatturi ta' riskju tal-klijenti:

(a) kumpanniji pubbliċi kkwotati fil-Borża u soġġetti għal rekwiżiti ta' divulgazzjoni (jew mir-regoli tal-Borża jew permezz ta' liġi jew mezzi eżekuttivi), li jimponu rekwiżiti biex tiġi żgurata trasparenza adegwata tas-sjieda benefiċjarja;

(b) amministrazzjonijiet jew impriżi pubbliċi;

(c) klijenti li huma residenti f'żoni ġeografiċi ta' riskju aktar baxx kif indikat fil-punt (3);

(2) Fatturi ta' riskju tal-prodotti, is-servizzi, it-transazzjonijiet jew il-kanali tad-distribuzzjoni;

(a) poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja li għalihom il-primjum ikun baxx;

(b) poloz tal-assigurazzjoni għal skemi tal-pensjonijiet jekk ma jkun hemm l-ebda għażla ta' rtirar bikri u l-polza ma tistax tintuża bħala kollateral;

(c) skema ta' pensjoni, investiment għall-pensjoni jew skema simili li tipprovdi benefiċċji tal-irtirar għall-impjegati, fejn il-kontribuzzjonijiet isiru permezz ta' tnaqqis minn salarji, u r-regoli tal-iskema ma jippermettux iċ-ċessjoni tal-interess ta' membru fl-iskema;

(d) prodotti jew servizzi finanzjarji li jipprovdu servizzi definiti u limitati kif xieraq għal ċerti tipi ta' klijenti, sabiex jiżdied l-aċċess għall-fini ta' inklużjoni finanzjarja;

(e) prodotti fejn ir-riskju ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu jiġi kkontrollat minn fatturi oħrajn bħal-limiti fuq l-infiq jew it-trasparenza tas-sjieda (eż. ċerti tipi ta' flus elettroniċi;

(3) Fatturi ta’ riskju ġeografiċi - reġistrazzjoni, stabbiliment, residenza fi:

▼M1

(a) Stati Membri;

(b) pajjiżi terzi li għandhom sistemi effettivi tal-AML/CFT;

(c) pajjiżi terzi identifikati minn sorsi kredibbli bħala li għandhom livell baxx ta' korruzzjoni jew attività kriminali oħra;

(d) pajjiżi terzi li, abbażi ta' sorsi kredibbli bħall-evalwazzjonijiet reċiproċi, ir-rapporti ta' valutazzjoni dettaljati jew rapporti ta' segwitu ppubblikati għandhom ir-rekwiżiti biex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet FATF u jimplimentaw b'mod effettiv dawk ir-rekwiżiti.




ANNESS III

Din li ġejja hija lista mhux eżawrjenti ta' fatturi u tipi ta' evidenza ta' riskju potenzjalment ogħla msemmi fl-Artikolu 18(3):

(1) Fatturi ta' riskju tal-klijenti:

(a) ir-relazzjoni ta' negozju titwettaq f'ċirkustanzi mhux tas-soltu;

(b) klijenti li huma residenti f'żoni ġeografiċi ta' riskju ogħla kif indikat fil-punt (3);

(c) persuni jew arranġamenti ġuridiċi li huma strutturi ta' żamma ta' assi personali;

(d) kumpanniji li għandhom azzjonisti nominati jew ishma f'forma ta' bearer;

(e) negozji li huma kkaratterizzati mill-intensità tal-flus kontanti;

(f) l-istruttura tas-sjieda tal-kumpannija tidher mhux tas-soltu jew eċċessivament kumplessa meta wieħed iqis n-natura tan-negozju tal-kumpannija;

▼M1

(g) il-klijent huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għad-drittijiet ta’ residenza jew għaċ-ċittadinanza fl-Istat Membru inkambju ta’ trasferimenti kapitali, xiri ta’ proprjetà jew bonds tal-gvern, jew investiment f’entitajiet korporattivi f’dak l-Istat Membru;

▼B

(2) Fatturi ta' riskju tal-prodotti, is-servizzi, it-transazzjonijiet jew il-kanali tad-distribuzzjoni:

(a) servizzi bankarji privati;

(b) prodotti jew transazzjonijiet li jistgħu jiffavorixxu l-anonimità;

▼M1

(c) relazzjonijiet ta’ negozju jew tranżazzjonijiet mhux wiċċ imb wiċċ, mingħajr ċerti salvagwardji, bħal mezzi tal-identifikazzjoni elettronika jew servizzi fiduċjarji rilevanti kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, jew kwalunkwe proċess ieħor ta’ identifikazzjoni sigura, remota jew elettroniku, irregolat, rikonoxxut, approvat jew aċċettat mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

▼B

(d) ħlas riċevut minn partijiet terzi mhux magħrufin jew mhux assoċjati;

(e) prodotti ġodda u prattiki ġodda ta' negozju, inkluż mekkaniżmu ġdid ta' kunsinna, u l-użu ta' teknoloġiji ġodda jew li qed jiġu żviluppati kemm għal prodotti ġodda u dawk eżistenti minn qabel;

▼M1

(f) tranżazzjonijiet li jirrigwardaw iż-żejt, l-armi, il-metalli prezzjużi, il-prodotti tat-tabakk, l-artefatti kulturali u oġġetti oħrajn ta’ importanza arkeoloġika, storika, kulturali u reliġjuża, jew ta’ valur xjentifiku rari, kif ukoll l-avorju u speċi protetti;

▼B

(3) Fatturi ta' riskju ġeografiċi:

(a) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, il-pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli, bħal evalwazzjonijiet reċiproċi, rapporti ta' valutazzjoni dettaljati jew rapporti ta' segwitu ppubblikati, bħala li m'għandhomx sistemi tal-AML/CFT effettivi;

(b) pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli bħala pajjiżi b'livelli sinifikanti ta' korruzzjoni jew attività kriminali oħra;

(c) pajjiżi soġġetti għal sanzjonijiet, embargos jew miżuri simili, pereżempju dawk maħruġa mill-Unjoni jew min-Nazzjonijiet Uniti;

(d) pajjiżi li jipprovdu finanzjament jew appoġġ għal attivitajiet terroristiċi, jew dawk li fihom joperaw organizzazzjonijiet terroristiċi identifikati.




ANNESS IV



Tabella ta' korrelazzjoni

Din id-Direttiva

Direttiva 2005/60/KE

Direttiva 2006/70/KE

 

Artikolu 1

 

Artikolu 3

 

Artikolu 5

 

Artikolu 6

 

Artikolu 7

Artikolu 1

Artikolu 1

 

Artikolu 2

Artikolu 2

 

Artikolu 2(3) sa (9)

 

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 3

 

Artikolu 3(9), (10) u (11)

 

Artikolu 2(1), (2) u (3)

Artikolu 4

Artikolu 4

 

Artikolu 5

Artikolu 5

 

Artikoli 6 sa 8

 

Artikolu 10

Artikolu 6

 

Artikolu 11

Artikolu 7

 

Artikolu 13

Artikolu 8

 

Artikolu 14

Artikolu 9

 

Artikolu 11(d)

Artikolu 10(1)

 

Artikolu 10(2)

 

Artikoli 15, 16 u 17

Artikolu 11

 

Artikolu 12

 

Artikoli 18 sa 24

Artikolu 13

 

Artikolu 22

 

Artikolu 2(4)

Artikolu 25

Artikolu 14

 

Artikolu 15

 

Artikolu 26

Artikolu 16

 

Artikolu 17

 

Artikolu 27

Artikolu 18

 

Artikolu 28

 

Artikolu 29

Artikolu 19

 

Artikolu 30

 

Artikolu 31

 

Artikolu 20

 

Artikolu 32

Artikolu 21

 

Artikolu 33

Artikolu 22

 

Artikolu 34

Artikolu 23

 

Artikolu 35

Artikolu 24

 

Artikolu 36

Artikolu 25

 

Artikolu 37

Artikolu 26

 

Artikolu 38

Artikolu 27

 

Artikolu 39

Artikolu 28

 

Artikolu 29

 

Artikolu 40

Artikolu 30

 

Artikolu 45

Artikolu 31

 

Artikolu 42

Artikolu 32

 

Artikolu 44

Artikolu 33

 

Artikolu 45

Artikolu 34

 

Artikolu 46

Artikolu 35

 

Artikolu 47

Artikolu 36

 

Artikolu 48

Artikolu 37

 

Artikolu 49

 

Artikolu 50

Artikolu 37a

 

Artikolu 51

Artikolu 38

 

Artikoli 52 sa 57

 

Artikoli 58 sa 61

Artikolu 39

 

Artikolu 40

 

Artikolu 41

 

Artikolu 41a

 

Artikolu 41b

 

Artikolu 65

Artikolu 42

 

Artikolu 43

 

Artikolu 66

Artikolu 44

 

Artikolu 67

Artikolu 45

 

Artikolu 68

Artikolu 46

 

Artikolu 69

Artikolu 47

 



( 1 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

( 2 ) Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).

( 3 ) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( 4 ) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

( 5 ) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( 6 ) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

( 7 ) Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3).

( 8 ) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

( 9 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

( 10 ) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

( 11 ) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

( 12 ) Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

( 13 ) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

( 14 ) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

( 15 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

( 16 ) Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti. (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).

( 17 ) Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

( 18 ) Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

( 19 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

( 20 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

( 21 ) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

( 22 ) Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-transazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

( 23 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”.

( 24 ) Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

( 25 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

Top