EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014R0788-20140808

Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 788/2014 tat- 18 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-impożizzjoni ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali, u dwar l-irtirar tar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/788/2014-08-08

2014R0788 — MT — 08.08.2014 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

▼C1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 788/2014

tat-18 ta' Lulju 2014

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-impożizzjoni ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali, u dwar l-irtirar tar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

▼B

(ĠU L 214, 19.7.2014, p.12)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 234, 7.8.2014, p. 15  (788/2014)




▼B

▼C1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 788/2014

tat-18 ta' Lulju 2014

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-impożizzjoni ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali, u dwar l-irtirar tar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni timponi multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti, skont kif stipulat fl-Artikolu 2 tal-istess Regolament, jew li tirtira r-rikonoxximent tagħhom, biex jiġi żgurat li jiġu infurzati l-kriterji u l-obbligi stabbiliti skont l-istess Regolament bl-għan preċiż li jiġu eliminati kwalunkwe theddidiet possibbli għas-sikurezza jew għall-ambjent.

(2)

Huwa fl-interess tat-trasparenza li jiġu stabbiliti, b'konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, regoli ta' proċedura dettaljati għat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll il-metodoloġija għall-kalkolu mill-Kummissjoni ta' multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali, inklużi l-kriterji speċifiċi biex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta s-serjetà u l-implikazzjonijiet ta' każijiet ta' ksur fir-rigward tas-sikurezza u tal-ħarsien tal-ambjent, sabiex din il-metodoloġija tkun magħrufa minn qabel mill-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

(3)

Permezz tal-introduzzjoni ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali, il-Kummissjoni għandu jkollha għodda supplimentari, li permezz tagħha tkun tista' tagħti risposta iktar sottili, flessibbli u gradwata fir-rigward ta' ksur tar-regoli tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 minn organizzazzjoni rikonoxxuta, meta mqabbel mal-irtirar tar-rikonoxximent tagħha.

(4)

Ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandhom ikunu effettivi fl-għan tagħhom li jiġi żgurat li kwalunkwe ksur tal-obbligi u tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 391/2009 jiġi rimedjat fil-pront u b'mod xieraq. Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tapplika ħlasijiet perjodiċi ta' penali meta organizzazzjoni rikonoxxuta tkun naqset milli twettaq l-azzjonijiet ta' prevenzjoni u ta' rimedju meħtieġa mill-Kummissjoni, wara perjodu raġonevoli u sa meta l-azzjonijiet meħtieġa jkunu ttieħdu mill-organizzazzjoni rikonoxxuta. Jekk ikun meħtieġ, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, l-ammont ta' kuljum tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali jista' jiżdied b'mod gradwali biex jirrifletti l-urġenza tal-azzjonijiet mitluba.

(5)

Filwaqt li wieħed għandu jżomm f'moħħu l-limitu massimu stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-kalkolu tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali bħala frazzjoni tal-fatturat tal-organizzazzjoni huwa metodu sempliċi li permezz tiegħu l-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali jitfasslu b'mod li jkollhom effett ta' deterrent, filwaqt li jibqgħu proporzjonati fir-rigward tas-severità kemm tal-każ kif ukoll tal-kapaċità ekonomika tal-organizzazzjoni kkonċernata, fid-dawl tad-daqsijiet differenti tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

(6)

L-applikazzjoni tal-limitu tal-ogħla ammont aggregat għall-multi u għall-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandha tiġi stabbilita b'mod ċar filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi differenti fejn din kieku tapplika, fl-interessi tat-trasparenza u taċ-ċertezza legali. Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi stabbilit ukoll il-mod li bih jiġi kkalkulat il-fatturat medju totali għat-tliet snin finanzjarji preċedenti għal kull organizzazzjoni rikonoxxuta fir-rigward tal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(7)

Huwa xieraq li deċiżjoni biex jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 għandha tqis il-fatturi kollha marbuta mal-għan kumplessiv tal-monitoraġġ tal-operazzjonijiet u tal-prestazzjoni globali tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, inkluż l-effikaċja ta' kwalunkwe multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali li jkunu diġà ġew imposti minħabba ksur ripetut u serju ta' dak ir-Regolament.

(8)

Għandha tiġi stabbilita proċedura speċifika sabiex il-Kummissjoni tkun tista', kemm fuq inizjattiva tagħha stess kif ukoll fuq talba ta' Stat Membru jew ta' Stati Membri, tirtira r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009, u b'konformità mas-setgħat tal-Kummissjoni li tivvaluta organizzazzjonijiet rikonoxxuti u timponi multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali mal-proċeduri assoċjati stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(9)

Huwa importanti li deċiżjoni biex jiġu imposti multi, ħlasijiet perjodiċi ta' penali jew biex iseħħ l-irtirar tar-rikonoxximent skont dan ir-Regolament tkun ibbażata b'mod esklussiv fuq raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata jkun irnexxielha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha.

(10)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt tad-difiża u l-prinċipji ta' kunfidenzjalità u ta' ne bis in idem, skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Id-deċiżjonijiet li jimponu multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom ikunu jistgħu jiġu infurzati skont l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal eżami min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Sabiex jiġu żgurati l-ġustizzja u ċ-ċertezza legali fit-tmexxija tal-proċedura, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati biex jiġu kkalkulati l-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kummissjoni waqt li tkun qed issir il-proċedura u waqt il-perjodi ta' preskrizzjoni li japplikaw għall-Kummissjoni għall-impożizzjoni u għall-infurzar ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali, filwaqt li għandha titqies ukoll id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(13)

L-infurzar ta' dan ir-Regolament jeħtieġ kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima. Għal dak l-iskop, jeħtieġ li d-drittijiet u l-obbligi ta' kull waħda minn dawn il-partijiet fil-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament jiġu ċċarati, sabiex jiġi żgurat li l-inkjesta, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-proċess ta' segwitu jsiru b'mod effettiv skont l-Artikoli 6 u 7 tar- Regolament (KE) Nru 391/2009.

(14)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS), li ġie stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Ir-Regolament jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 mill-Kummissjoni.

Dan jistipula l-kriterji li jintużaw biex jiġu stabbiliti l-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali ta' penali, il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet li permezz tagħha tiġi imposta multa jew ħlas perjodiku ta' penali jew biex jitwettaq l-irtirar tar-rikonoxximent ta' organizzazzjoni rikonoxxuta fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jew fuq talba ta' Stat Membru.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:

“Stat Membru kkonċernat” tfisser kwalunkwe Stat Membru li jkun qabbad organizzazzjoni rikonoxxuta biex twettaq l-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni ta' bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tiegħu sabiex jiġi stabbilit jekk dawn humiex konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali, bi qbil mad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi ( 3 ), inkluż l-Istat Membru li jkun ressaq it-talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta' dik l-organizzazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.



KAPITOLU II

MULTI U ĦLASIJIET PERJODIĊI TA' PENALI

Artikolu 3

Identifikazzjoni ta' ksur

1.  Il-Kummissjoni għandha tidentifika ksur skont l- Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 meta:

(a) in-nuqqas serju jew ripetut min-naħa ta' organizzazzjoni rikonoxxuta li tissodisfa wieħed mill-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, jew l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 8(4), 9, 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 jiżvela nuqqasijiet serji fl-istruttura, fis-sistemi, fi-proċeduri jew fil-kontrolli interni ta' organizzazzjoni rikonoxxuta;

(b) il-prestazzjoni li tkun dejjem sejra għall-agħar ta' organizzazzjoni rikonoxxuta, filwaqt li titqies id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/491/KE ( 4 ), turi li jkun hemm nuqqasijiet serji fl-istruttura, fis-sistemi, fil-proċeduri jew fil-kontrolli interni ta' organizzazzjoni rikonoxxuta;

(c) organizzazzjoni rikonoxxuta tkun tat informazzjoni inkorretta, mhux kompleta jew qarrieqa lill-Kummissjoni b'mod intenzjonali waqt l-evalwazzjoni tagħha, jew tkun ostakolat b'mod ieħor din l-evalwazzjoni.

2.  Fi kwalunkwe' proċedura ta' ksur skont dan ir-Regolament, l-oneru tal-prova ta' ksur għandu jkun f'idejn il-Kummissjoni.

Artikolu 4

Kalkolu ta' multi

1.  Għal kull ksur, inizjalment għandha tingħata multa bażika ta' 0,6 % tal-medja tad-dħul totali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta, kif iddeterminat b'konformità mal-Artikolu 9, skont kif stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

2.  Għall-kalkolu tal-multa individwali għal kull ksur, il-multa bażika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżdied jew titnaqqas, fuq il-bażi tas-severità u tal-effetti tal-ksur, b'mod partikolari l-punt sa fejn ikunu ġew kompromessi s-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent, b'konformità, rispettivament, mal-Artikoli 5 u 6.

3.  L-ammont massimu ta' kull multa individwali m'għandux ikun ogħla minn 1,8 % tal-medja tad-dħul totali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta.

4.  Fejn żewġ każijiet jew aktar ta' ksur skont l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 ikollhom bħala l-bażi unika tagħhom azzjoni jew ommissjoni stabbilita bi qbil mal-Artikolu 3(1)(a) ta' dan ir-Regolament, il-multa individwali konkorrenti għandha tikkonsisti mill-ammont tal-ogħla multa individwali kkalkulata għall-ksur sottostanti.

5.  Il-multa totali imposta fuq organizzazzjoni rikonoxxuta f'deċiżjoni waħda għandha tikkonsisti mill-ammont totali tal-multi individwali kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għal-limitu massimu stabbilit skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, kif stabbilit fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Valutazzjoni tas-severità ta' ksur

Waqt li tkun qed twettaq l-evalwazzjoni tas-severità ta' kull każ ta' ksur, il-Kummissjoni għandha tqis iċ-ċirkostanzi aggravanti u attenwanti rilevanti kollha, u b'mod partikolari dawn li ġejjin:

(a) jekk l-organizzazzjoni aġixxietx b'negliġenza jew intenzjoni;

(b) l-għadd ta' azzjonijiet jew ommissjonijiet tal-organizzazzjoni rikonoxxuta li jagħtu lok għall-ksur;

(c) jekk il-ksur jaffettwax jew le uffiċċji iżolati, żoni ġeografiċi jew lill-organizzazzjoni kollha;

(d) l-okkorrenza rikorrenti tal-azzjonijiet jew tal-ommissjonijiet li jwasslu għall-ksur;

(e) it-tul ta' żmien tal-ksur;

(f) rappreżentazzjoni żbaljata tal-kondizzjoni proprja ta' vapuri fiċ-ċertifikati u fid-dokumenti ta' konformità mogħtija mill-organizzazzjoni rikonoxxuta, jew l-inklużjoni ta' informazzjoni żbaljata jew qarrieqa fl-istess ċertifikati u dokumenti ta' konformità;

(g) sanzjonijiet preċedenti, inkluż multi, imposti fuq l-istess organizzazzjoni rikonoxxuta;

(h) jekk il-ksur jirriżulta minn ftehim bejn organizzazzjonijiet rikonoxxuti jew minn prattika miftiehma, li jkollhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-ksur tal-kriterji u tal-obbligi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 391/2009;

(i) il-grad ta' diliġenza u kooperazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta fl-iskoperta tal-azzjonijiet jew tal-ommissjonijiet rilevanti, kif ukoll fid-determinazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-effetti ta' ksur

Waqt li tkun qed twettaq l-evalwazzjoni tal-effetti ta' kull każ ta' ksur, b'mod partikolari l-punt sa fejn ikunu ġew kompromessi s-sikurezza u l-ħarsien tal-ambjent, il-Kummissjoni għandha tqis iċ-ċirkostanzi aggravanti u attenwanti rilevanti kollha, u b'mod partikolari dawn li ġejjin:

(a) in-natura u d-daqs tan-nuqqasijiet li proprjament jew li possibbilment jistgħu jaffettwaw lill-flotta ċertifikata mill-organizzazzjoni, li l-istess organizzazzjoni, bħala riżultat tal-ksur, tkun naqset milli tidentifika jew li ma tkunx kapaċi li tidentifikahom, jew li ma tkunx kapaċi li titlob il-korrezzjoni f'waqtha tagħhom, filwaqt li jiġu kkunsidrati b'mod partikolariil-kriterji għad-detenzjoni ta' vapur stabbiliti fl-Anness X tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port;

(b) il-proporzjon tal-flotta ċertifikata mill-organizzazzjoni li hija proprjament jew potenzjalment affettwata;

(c) kwalunkwe ċirkostanza oħra li toħloq riskji speċifiċi identifikabbli, bħal pereżempju t-tip tal-bastimenti li huma proprjament jew potenzjalment affettwati.

Artikolu 7

Ħlasijiet perjodiċi ta' penali

1.  Ħlasijiet perjodiċi ta' penali, kif imsemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni fuq l-organizzazzjoni kkonċernata, mingħajr ħsara għall-multi imposti skont l-Artikolu 3, sabiex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni preventiva u ta' rimedju kif meħtieġ mill-Kummissjoni waqt il-valutazzjoni tagħha tal-organizzazzjoni rikonoxxuta.

2.  Fid-deċiżjoni li timponi multi skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni tista' wkoll tistabbilixxi ħlasijiet perjodiċi ta' penali li għandhom jiġu imposti fuq l-organizzazzjoni rikonoxxuta jekk u sakemm din tonqos milli tieħu azzjoni ta' rimedju jew iddum b'mod mhux ġustifikat biex tieqaf milli twettaq dan il-ksur.

3.  Id-deċiżjoni li permezz tagħha jiġu imposti l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandha tiddetermina l-limitu ta' żmien li fih l-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha ġġib lilha nnifisha konformi mal-azzjoni meħtieġa.

4.  Il-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandhom japplikaw mill-ewwel jum wara li jiskadi l-limitu ta' żmien stabbilit skont il-paragrafu 3 sal-jum meta tittieħed azzjoni xierqa ta' rimedju mill-organizzazzjoni, bil-kundizzjoni li l-azzjoni ta' rimedju tiġi meqjusa bħala li hi sodisfaċenti mill-Kummissjoni.

5.  L-ammont bażiku ta' kuljum tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għal kull ksur għandu jkun ta' 0,0033 % tal-medja tad-dħul totali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kkalkulat skont l-Artikolu 9. Għall-kalkolu tal-ammont individwali tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għal kull ksur, l-ammont bażiku għandu jkun aġġustat skont is-severità tal-ksur filwaqt li jitqies il-grad sa fejn ikunu ġew kompromessi s-sikurezza jew il-ħarsien tal-ambjent, fid-dawl tal-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament.

6.  Il-Kummissjoni tista', fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, u b'mod partikolari fid-dawl tal-urġenza tal-azzjoni ta' rimedju li għandha titwettaq mill-organizzazzjoni kkonċernata, tiddeċiedi li żżid l-ammont ta' kuljum tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali sal-limiti li ġejjin:

(a) meta l-organizzazzjoni rikonoxxuta taqbeż il-limitu ta' żmien stabbilit skont il-paragrafu 3 b'aktar minn 120 jum, mill-mija u wieħed u għoxrin jum sat-tliet mitt jum mill-iskadenza tal-limitu ta' żmien, 0,005 % tal-fatturat medju totali tal-organizzazzjoni għal kull jum li jgħaddi, ikkalkulat b'konformità mal-Artikolu 9;

(b) meta l-organizzazzjoni rikonoxxuta taqbeż il-limitu ta' żmien stabbilit skont il-paragrafu 3 b'aktar minn 300 jum, mit-tliet mitt jum u wieħed mill-iskadenza tal-limitu ta' żmien, 0,01 % tal-fatturat medju totali tal-organizzazzjoni għal kull jum li jgħaddi, ikkalkulat b'konformità mal-Artikolu 9.

7.  L-ammont totali ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali imposti skont dan l-Artikolu, kemm jekk imposti weħidhom kif ukoll jekk imposti flimkien ma' multi, m'għandux jaqbeż il-limitu massimu stabbilit skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, kif stipulat fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Determinazzjoni tal-ammont aggregat massimu ta' multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali

L-ammont aggregat massimu ta' multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali imposti fuq l-organizzazzjoni rikonoxxuta, kif stabbilit fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, għandu jiġi stabbilit kif ġej:

(a) l-ammont aggregat tal-multi imposti fuq organizzazzjoni rikonoxxuta skont l-Artikolu 4 fi żmien sena finanzjarja waħda għal dik l-organizzazzjoni, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-data tad-deċiżjoni li jiġu imposti l-multi u, f'każ li jkun hemm aktar minn deċiżjoni waħda biex jiġu imposti multi fuq dik l-organizzazzjoni, id-data tal-ewwel deċiżjoni li permezz tagħha tkun ġiet imposta multa fuq dik l-organizzazzjoni, m'għandux jaqbeż il-5 % tal-fatturat medju totali ta' dik l-organizzazzjoni, ikkalkulat b'konformità mal-Artikolu 9;

(b) l-ammont globali tal-multi imposti fuq organizzazzjoni rikonoxxuta skont l-Artikolu 4 fi żmien sena waħda ta' negozju għal dik l-organizzazzjoni, stabbilit bi qbil mal-paragrafu 1, u l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali imposti fl-istess deċiżjonijiet b'konformità mal-Artikolu 7(2), li għandhom jibqgħu jakkumulaw għat-tul taż-żmien kollu li fih ma titteħidx azzjoni xierqa ta' rimedju mill-organizzazzjoni, m'għandhomx jaqbżu l-5 % tal-fatturat medju totali ta' dik l-organizzazzjoni, kif ikkalkulati skont l-Artikolu 9. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21, l-irkupru tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali mill-Kummissjoni m'għandux jaqbeż il-5 %;

(c) l-ammont aggregat tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali imposti fuq organizzazzjoni rikonoxxuta b'konformità mal-Artikolu 7(1) u li jkunu akkumulaw tul żmien li fih ma tkunx ittieħdet azzjoni ta' prevenzjoni jew ta' rimedju mill-organizzazzjoni m'għandux jaqbeż il-5 % tal-fatturat medju totali ta' dik l-organizzazzjoni, kif ikkalkulat skont l-Artikolu 9. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21, l-irkupru tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali mill-Kummissjoni m'għandux jaqbeż il-limitu ta' 5 %.

Artikolu 9

Kalkolu tal-valur tal-fatturat

1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-fatturat medju totali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata għandu jkun terz tal-ammont li jirriżulta meta jingħaddu flimkien il-fatturat aggregat tal-kumpanija prinċipali detentriċi tar-rikonoxximent u tal-entitajiet legali kollha li jinsabu inklużi f'dak ir-rikonoxximent fi tmiem kull sena.

2.  Fil-każ ta' grupp b'kontijiet konsolidati ċertifikati, fir-rigward tal-entità prinċipali u l-entitajiet legali kollha inklużi f'dak il-grupp u li huma inklużi fir-rikonoxximent fi tmiem kull sena kummerċjali, il-fatturat li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jkun id-dħul konsolidat ta' dawk l-entitajiet.

3.  Fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu kkunsidrati biss l-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.



KAPITOLU III

L-IRTIRAR TAR-RIKONOXXIMENT

Artikolu 10

L-irtirar tar-rikonoxximent

1.  Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1), punti (a) sa (e) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, tadotta deċiżjoni biex tirtira r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni.

2.  Sabiex jiġi stabbilit jekk nuqqas ripetut u serju jikkostitwixxix theddida mhux aċċettabbli għas-sigurtà jew għall-ambjent skont l-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi li ġejjin:

(a) l-informazzjoni u ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, b'mod partikolari fid-dawl taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament;

(b) il-kriterji u, skont il-każ, il-limiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/491/KE.

3.  Meta l-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali imposti fuq organizzazzjoni rikonoxxuta jilħqu l-limitu massimu stabbilit skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 u l-organizzazzjoni rikonoxxuta tkun għadha ma ħaditx azzjoni korrettiva xierqa, il-Kummissjoni għandha tqis dawn il-miżuri bħala li ma jkunux kisbu l-għan tagħhom li jneħħu kull theddida possibbli għas-sikurezza jew għall-ambjent.

Artikolu 11

Proċedura għall-irtirar tar-rikonoxximent fuq talba ta' Stat Membru

1.  Fejn Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni biex tirtira r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni b'konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, dan għandu jindirizza t-talba lill-Kummissjoni bil-miktub.

2.  L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jispjega r-raġunijiet għat-talba tiegħu b'mod dettaljat u eżawrjenti, u billi jirreferi, kif xieraq, għall-kriterji mniżżla fl-Artikolu 7(1) u għaċ-ċirkostanzi mniżżla fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, kif ukoll għaċ-ċirkostanzi mniżżla fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament.

3.  L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jagħti lill-Kummissjoni l-provi kollha bil-miktub meħtieġa u li jappoġġjaw it-talba tiegħu. Dawn għandhom jiġu klassifikati u numerati b'mod xieraq.

4.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat konferma bil-miktub li tkun waslitilha t-talba tal-Istat Membru.

5.  Fejn il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta' aktar informazzjoni, kjarifiki jew evidenza biex tittieħed deċiżjoni, din għandha tgħarraf lill-Istat Membru li jkun għamel it-talba u tistiednu sabiex jissupplimenta s-sottomissjoni tiegħu kif xieraq fi ħdan limitu ta' żmien indikat, li ma għandux ikun ta' inqas minn erba' ġimgħat. It-talba tal-Istat Membru m'għandhiex titqies bħala li hi kompluta qabel ma jiġi pprovdut it-tagħrif kollu meħtieġ.

6.  Fi żmien sena minn meta tirċievi talba kompluta, il-Kummissjoni, jekk tikkonkludi li t-talba tal-Istat Membru hija ġustifikata, għandha tibgħat dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet lill-organizzazzjoni kkonċernata b'konformità mal-Artikolu 12, bl-iskop li tirtira r-rikonoxximent tagħha skont dan ir-Regolament. F'dan il-każ, l-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jingħata l-konsiderazzjoni u d-drittijiet ta' Stat Membru kkonċernat skont il-Kapitolu IV ta' dan ir-Regolament.

Jekk, fl-istess limitu ta' żmien, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-talba tal-Istat Membru mhijiex ġustifikata, din għandha tgħarraf lill-Istat Membru li jagħmel it-talba u tagħtih ir-raġunijiet tagħha, filwaqt li tistiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f'limitu ta' żmien stabbilit, li ma għandux ikun ta' inqas minn tliet xhur. Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkonferma li t-talba mhijiex ġustifikata, jew toħroġ dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet b'konformità mal-ewwel subparagrafu.

7.  Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li t-talba tal-Istat Membru mhijiex ġustifikata, jew li din baqgħet ma ġietx kompluta wara li jkun għadda l-perjodu ta' skadenza msemmi fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni tista' tagħżel li tinkorpora, b'mod sħiħ jew parzjali, lil dik it-talba u lill-evidenza li tkun ġiet ippreżentata magħha fl-evalwazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

8.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-COSS fuq bażi annwali rigward it-talbiet għall-irtirar li jkunu tressqu mill-Istati Membri, kif ukoll rigward il-proċeduri għall-irtirar li jkunu nbdew mill-Kummissjoni u li jkunu għadhom għaddejjin dak il-ħin.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 12

Dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet

1.  Meta l-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet ġustifikati biex jiġu imposti multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali fuq organizzazzjoni rikonoxxuta b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, jew biex jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni b'konformità mal-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, għandha tibgħat dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet lill-organizzazzjoni u tinnotifika lill-Istati Membri kkonċernati.

2.  Id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet għandha tinkludi:

(a) rendikont dettaljat tal-azzjonijiet u tal-ommissjonijiet tal-organizzazzjoni rikonoxxuta, inkluż id-deskrizzjoni tal-fatti rilevanti u l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 li l-Kummissjoni tikkunsidra li sar xi ksur fir-rigward tagħhom mill-organizzazzjoni rikonoxxuta;

(b) identifikazzjoni tal-evidenza li fuqha huma bbażati s-sejbiet rilevanti, inkluż permezz ta' referenza għal rapporti ta' spezzjoni, rapporti ta' evalwazzjoni, jew għal kwalunkwe dokumenti rilevanti oħrajn li jkunu diġà ntbagħtu lill-organizzazzjoni kkonċernata mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima li tkun qed taġixxi f'isem il-Kummissjoni;

(c) avviż li multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali jew l-irtirar tar-rikonoxximent jistgħu jiġu imposti mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikoli 6 jew 7 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

3.  Meta tagħti notifika tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-organizzazzjoni rikonoxxuta u lill-Istati Membri kkonċernati biex jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub qabel l-iskadenza ta' limitu ta' żmien stabbilit, li fi kwalunkwe każ m'għandux ikun ta' inqas minn sitt ġimgħat mid-data tal-wasla tad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni m'għandhiex tkun obbligata tikkunsidra sottomissjonijiet li jkunu daħlu wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24, paragrafu 4 ta' dan ir-Regolament.

4.  In-notifika ta' dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet ma għandhiex tissospendi l-valutazzjoni tal-organizzazzjoni kkonċernata. Fi kwalunkwe ħin qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni li jiġu imposti multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali, jew qabel l-irtirar tar-rikonoxximent skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li twettaq aktar spezzjonijiet tal-uffiċċji u tal-faċilitajiet ta' organizzazzjoni, li żżur vapuri ċertifikati mill-organizzazzjoni jew li tippreżenta talba bil-miktub lill-organizzazzjoni rikonoxxuta sabiex din tipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-konformità tagħha mal-kriterji u l-obbligi skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009.

5.  Fi kwalunkwe ħin qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni li jiġu imposti multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali, jew qabel l-irtirar tar-rikonoxximent skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' temenda l-valutazzjoni tagħha dwar l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata. Jekk il-valutazzjoni ġdida tkun differenti mill-valutazzjoni li wasslet għad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, minħabba li jkunu ġew skoperti fatti ġodda, jew minħabba li jkunu ġew identifikati każijiet ġodda ta' ksur jew ċirkostanzi ġodda dwar is-serjetà ta' ksur jew dwar l-effetti tiegħu fuq is-sikurezza u l-ambjent, il-Kummissjoni għandha toħroġ dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet ġdida.

Artikolu 13

Talbiet għal informazzjoni

Sabiex tiċċara l-fatti għall-finijiet tal-Artikolu 12, il-Kummissjoni tista' titlob lill-organizzazzjoni rikonoxxuta bil-miktub biex din tipprovdi spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali, jew dettalji jew dokumenti, f'limitu ta' żmien stipulat, li fi kwalunkwe każ m'għandux ikun ta' inqas minn 4 ġimgħat. F'każijiet bħal dan, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni rikonoxxuta dwar il-ħlasijiet perjodiċi ta' penali u l-multi li jistgħu jiġu imposti minħabba nuqqas ta' konformità mat-talba, f'każ li jseħħ dewmien mhux ġustifikat fl-għoti ta' tagħrif jew f'każ li tingħata informazzjoni mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa lill-Kummissjoni b'mod intenzjonali.

Artikolu 14

Seduta ta' smigħ orali

1.  Fuq talba tal-organizzazzjoni rikonoxxuta li tkun intbagħtitilha dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha toffri lil dik l-organizzazzjoni l-opportunità li tippreżenta l-argumenti tagħha waqt seduta ta' smigħ orali.

2.  Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, u tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati, tistieden lil kwalunkwe persuni oħra li għandhom interess leġittimu fil-ksur biex jieħdu sehem fis-seduta a' smigħ orali. Il-Kummissjoni tista' tagħżel li tingħata l-assistenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima.

3.  Persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu mistiedna biex jattendu għandhom jew jidhru personalment jew inkella jiġu rappreżentati minn rappreżentanti legali jew awtorizzati. L-Istati Membri għandhom jiġu rrappreżentati minn uffiċjali ta' dak l-Istat Membru.

4.  Is-seduta ta' smigħ orali ma għandhiex tkun waħda pubblika. Kull persuna mistiedna biex tattendi tista' tinstema' separatament jew fil-preżenza ta' persuni oħra li jkunu mistiedna biex jattendu, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-interess leġittimu tal-organizzazzjoni rikonoxxuta u ta' partijiet oħra fil-ħarsien tas-sigriet tan-negozju tagħhom u ta' informazzjoni kunfidenzjali oħra.

5.  Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn kull persuna li nstemgħet għandhom ikunu rrikordjati. Il-verżjoni rrekordjata tas-seduta għandha tiġi magħmula disponibbli għall-persuni li jkunu attendew l-istess seduta, kif ukoll għall-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 15

Ħlasijiet perjodiċi ta' penali għal nuqqas ta' kooperazzjoni

1.  Fejn il-Kummissjoni tkun qed taħseb biex tadotta deċiżjoni li permezz tagħha jiġu imposti, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), ħlasijiet perjodiċi ta' penali fuq organizzazzjoni rikonoxxuta li tkun naqset milli tieħu azzjoni jew li ddum b'mod mhux ġustifikat biex tieħu azzjoni ta' prevenzjoni u ta' rimedju kif mitlub mill-Kummissjoni, din l-ewwel għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni rikonoxxuta bil-miktub.

2.  In-notifika mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 għandha tagħmel referenza għall-azzjoni speċifika ta' prevenzjoni u ta' rimedju li ma tkunx ġiet imwettqa mill-organizzazzjoni rikonoxxuta, u għall-materjal ta' evidenza. In-notifika għandha sservi wkoll biex tgħarraf lill-organizzazzjoni rikonoxxuta dwar il-ħlasijiet perjodiċi ta' penali li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

3.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih l-organizzazzjoni rikonoxxuta tkun tista' tressaq osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni mhix obbligata tqis osservazzjonijiet bil-miktub li tirċievi wara li jkun skada l-limitu ta' żmien.

Artikolu 16

Aċċess għall-fajl

1.  Fuq talba tal-organizzazzjoni rikonoxxuta li tkun intbagħtitilha dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-fajl li jkun fih id-dokumenti u evidenza oħra li tkun ġiet miġbura mill-Kummissjoni rigward l-allegat ksur.

2.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-data u tagħmel l-arranġamenti prattiċi rilevanti għall-aċċess għall-fajl mill-organizzazzjoni rikonoxxuta, li jista' jingħata biss f'forma elettronika.

3.  Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata lista tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl.

4.  L-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata għandu jkollha d-dritt li taċċessa d-dokumenti u l-informazzjoni li tinsab fil-fajl. Meta tagħti dan l-aċċess, il-Kummissjoni għandu jkollha kunsiderazzjoni xierqa fir-rigward tas-sigrieti tan-negozju, fir-rigward ta' informazzjoni kunfidenzjali jew fir-rigward tan-natura interna tad-dokumenti maħruġa mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima.

5.  Għall-finijiet tal-paragrafu 4, dokumenti interni tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima jistgħu jinkludu:

(a) Dokumenti jew partijiet ta' dokumenti li huma relatati mad-deliberazzjonijiet interni tal-Kummissjoni u tas-servizzi tagħha, kif ukoll ma' dawk tal-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima, inkluż l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima li huma indirizzati lill-Kummissjoni;

(b) Dokumenti jew partijiet ta' dokumenti li huma parti mill-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima jew bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Artikolu 17

Rappreżentanza legali

l-organizzazzjoni rikonoxxuta għandu jkollha d-dritt għal rappreżentanza legali fl-istadji kollha tal-proċeduri ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Kunfidenzjalità, segretezza professjonali, u d-dritt li wieħed jibqa' sieket

1.  Il-proċeduri ta' dan ir-Regolament għandhom jitwettqu bla ħsara għall-prinċipji tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali.

2.  Il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll l-uffiċjali u l-aġenti tagħhom u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni tagħhom, ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u lanqas ma għandhom jiżvelaw informazzjoni tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali u tal-kunfidenzjalità.

3.  Kwalunkwe organizzazzjoni rikonoxxuta jew persuna oħra li tressaq informazzjoni jew osservazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandha tidentifika b'mod ċar kwalunkwe materjal ikkunsidrat bħala kunfidenzjali, fejn tagħti raġunijiet għal din il-kunfidenzjalità, u għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali separata qabel id-data ffissata mill-Kummissjoni.

4.  Il-Kummissjoni tista' teħtieġ ukoll li organizzazzjonijiet rikonoxxuti u partijiet interessati oħra jidentifikaw kwalunkwe parti minn rapport, mid-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet jew minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li fil-fehma tagħhom tinkludi sigrieti tan-negozju.

5.  Fin-nuqqas tal-identifikazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4, il-Kummissjoni tkun tista' tassumi li d-dokumenti jew l-osservazzjonijiet ikkonċernati ma fihomx informazzjoni kunfidenzjali.

6.  Mingħajr ħsara għall-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandu jkollhom id-dritt li jibqgħu siekta f'sitwazzjonijiet fejn jekk jitkellmu jistgħu jkunu mġiegħla jagħtu tweġibiet li jistgħu jinvolvu ammissjoni min-naħa tagħhom li kien hemm ksur.

Artikolu 19

Deċiżjoni

1.  Deċiżjoni biex jiġu imposti multi, ħlasijiet perjodiċi ta' penali jew biex iseħħ l-irtirar tar-rikonoxximent skont dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata b'mod esklussiv fuq ir-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata jkun irnexxielha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha.

2.  Fid-deċiżjonijiet li permezz tagħhom tiġi imposta multa jew jiġi impost ħlas perjodiku ta' penali, u fid-determinazzjoni tal-ammont xieraq, għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji tal-effikaċja, tal-proporzjonalità u tad-dissważività.

3.  Meta tieħu miżuri skont dan ir-Regolament u meta tiddeċiedi dwar is-serjetà u l-effett tal-azzjonijiet jew ommissjonijiet rilevanti fuq is-sikurezza u l-ambjent, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra miżuri nazzjonali li jkunu diġà ttieħdu kontra l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata fuq il-bażi tal-istess fatti, b'mod partikolari f'każijiet fejn l-istess organizzazzjoni tkun diġà ġiet soġġetta għal proċeduri ġudizzjarji jew ta' infurzar.

4.  Atti jew ommissjonijiet ta' organizzazzjoni rikonoxxuta li fuq il-bażi tagħhom ikunu ttieħdu miżuri b'konformità ma' dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu soġġetti għal aktar miżuri. Madankollu, dawn l-azzjonijiet jew ommissjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati f'deċiżjonijiet sussegwenti li jkunu ġew adottati skont dan ir-Regolament sabiex tiġi vvalutata r-rikorrenza.

5.  Deċiżjoni li jiġu imposti ħlasijiet perjodiċi ta' penali jew deċiżjoni li jiġu imposti multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura applikabbli skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

6.  Deċiżjoni li jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura applikabbli skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Artikolu 20

Rimedji ġudizzjarji, notifiki u pubblikazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata dwar ir-rimedji ġudizzjarji li jinsabu disponibbli għaliha.

2.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima u lill-Istati Membri għall-informazzjoni.

3.  F'każijiet fejn ikun ġustifikat, b'mod partikolari għal raġunijiet ta' sikurezza jew ta' ħarsien tal-ambjent, il-Kummissjoni tista' tagħmel id-deċiżjoni tagħha pubblika. Meta tippubblika d-dettalji dwar id-deċiżjoni tagħha jew meta tinforma lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tqis l-interessi leġittimi tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata u ta' persuni interessati oħra.

Artikolu 21

Irkupru ta' multi u ta' ħlasijiet penali

Il-Kummissjoni għandha tipproċedi bl-ikrupru tal-multi u tal-ħlasijiet penali billi tistabbilixxi ordni ta' rkupru u toħroġ nota ta' debitu indirizzata lill-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata b'konformità mal-Artikoli 78 sa 80 u 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) u l-Artikoli 80 sa 92 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 ( 7 ).

Artikolu 22

Perjodi ta' preskrizzjoni biex jiġu imposti multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali

1.  Id-dritt tal-Kummissjoni li timponi multi u/jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali lil organizzazzjoni rikonoxxuta skont dan ir-Regolament għandu jiskadi wara ħames snin mid-data li fiha tkun twettqet l-azzjoni jew l-ommissjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta li tkun wasslet għal ksur identifikat b'konformità mal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. Madankollu, fil-każ ta' azzjonijiet jew ommissjonijiet kontinwi jew ripetuti, iż-żmien għandu jibda jiddekorri minn dakinhar li tieqaf jew tkun waqfet isseħħ l-azzjoni jew l-ommissjoni.

Id-dritt tal-Kummissjoni li timponi multi u/jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali fuq organizzazzjoni rikonoxxuta skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament għandu jiskadi wara tliet snin mid-data li fiha tkun twettqet l-azzjoni jew l-ommissjoni li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tkun talbet li tittieħed azzjoni xierqa ta' prevenzjoni u ta' rimedju.

2.  Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima għal għanijiet relatati mal-proċedura ta' valutazzjoni jew ta' ksur fir-rigward ta' azzjoni jew ommissjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tinterrompi l-perjodu ta' preskrizzjoni rilevanti stabbilit b'konformità mal-paragrafu 1. Il-perjodu ta' preskrizzjoni għandu jiġi interrott b'effett mid-data meta l-azzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Aġenzija tiġi notifikata lill-organizzazzjoni rikonoxxuta.

3.  Ma' kull interruzzjoni d-dekorrenza taż-żmien terġa' tibda mill-bidu. Madankollu, il-perjodu ta' preskrizzjoni ma għandux ikun iktar minn darbtejn il-perjodu ta' preskrizzjoni inizjali, ħlief meta l-preskrizzjoni tiġi sospiża skont il-paragrafu 4.

4.  Il-perjodu ta' preskrizzjoni għall-impożizzjoni tal-ħlasijiet penali perjodiċi għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta' proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23

Perjodi ta' preskrizzjoni għall-ġbir ta' multi u ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali

1.  Id-dritt li tinbeda proċedura ta' rkupru għal multi u/jew ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali jiskadi sena wara li d-Deċiżjoni skont l-Artikolu 19 tkun saret finali.

2.  Il-perjodu ta' preskrizzjoni li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jiġi interrott minn kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta' Stat Membru, li jkun qed jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, li jkollha l-għan li tinforza l-ħlas tal-multi jew ta' ħlasijiet perjodiċi ta' penali.

3.  Ma' kull interruzzjoni d-dekorrenza taż-żmien terġa' tibda mill-bidu.

4.  Il-perjodi ta' preskrizzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sospiżi għall-istess tul ta' żmien li għalih:

(a) jitħalla żmien sabiex isir il-ħlas;

(b) jiġi sospiż l-infurzar tal-ħlas skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Applikazzjoni tal-limiti ta' żmien

1.  Il-limiti ta' żmien stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom jibdew jiddekorru mill-għada li tasal il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jew mill-għada li din tiġi kkonsenjata personalment.

2.  Fil-każ ta' komunikazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni, il-limiti ta' żmien rilevanti għandhom jitqiesu bħala li jkunu ġew issodisfati meta l-istess komunikazzjoni tintbagħat bil-posta rreġistrata qabel jiskadi l-limitu ta' żmien rilevanti.

3.  Meta tistabbilixxi l-limiti ta' żmien, il-Kummissjoni għandha tqis kemm id-drittijiet dovuti relatati mal-ipproċessar kif ukoll iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament.

4.  Meta jkun xieraq u fuq talba motivata magħmula qabel l-iskadenza tal-limitu ta' żmien oriġinali, il-limiti ta' żmien jistgħu jiġu estiżi.

Artikolu 25

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bi tweġiba għal talba mill-Kummissjoni għandha tintuża mill-Kummissjoni għal dawn l-iskopijiet li ġejjin biss:

(a) biex twettaq il-kompiti mogħtija lilha għar-rikonoxximent u s-superviżjoni ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(b) bħala evidenza għall-iskopijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament, mingħajr ħsara għall-Artikoli 16 u 18 ta' dan ir-Regolament.



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Applikazzjoni

Avvenimenti li jkunu seħħu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 m'għandhom jagħtu lok għal ebda miżuri skont dan ir-Regolament.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.

( 2 ) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.

( 3 ) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47.

( 4 ) ĠU L 162, 25.6.2009, p. 6.

( 5 ) ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.

( 6 ) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

( 7 ) ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

Top