This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02014R0641-20180418
Commission Implementing Regulation (EU) No 641/2014 of 16 June 2014 laying down rules for the application of Regulation (EU) No 1307/2013 of the European Parliament and of the Council establishing rules for direct payments to farmers under support schemes within the framework of the common agricultural policy
Consolidated text: Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 641/2014 tas- 16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 641/2014 tas- 16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni
02014R0641 — MT — 18.04.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 641/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 (ĠU L 181 20.6.2014, p. 74) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/557 tad-9 ta' April 2018 |
L 93 |
1 |
11.4.2018 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 641/2014
tas-16 ta’ Ġunju 2014
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni
KAPITOLU 1
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U PRINĊIPJI ĠENERALI
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’:
(a) dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-pagamenti diretti;
(b) l-iskema ta’ pagament bażiku:
(c) il-pagament għall-bdiewa li josservaw prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent;
(d) appoġġ akkoppjat ta’ natura volontarja;
(e) pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton;
(f) in-notifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri;
Artikolu 2
Prinċipji ġenerali
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw dan ir-Regolament skont kriterji oġġettivi u b’tali mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, filwaqt li jippromwovu ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali u ta’ azzjoni klimatika.
KAPITOLU 2
SKEMA TA’ PAGAMENTI BAŻIĊI
TAQSIMA 1
L-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament
Artikolu 3
Applikazzjoni għal allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ bejgħ jew kiri bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013
Fil-każ ta’ bejgħ jew kiri bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament għandu jsir mix-xerrej jew il-kerrej rispettivament. Dik l-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) dettalji ta’ bejgħ jew kuntratt ta’ kera rispettivament, inkluża klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja ta’ dak il-kuntratt;
(b) id-dettalji tal-identifikazzjoni tal-bidwi li jkun trasferixxa d-dritt li jirċievi intitolamenti lix-xerrej jew lill-kerrej, inkluż, jekk disponibbli, l-identifikazzjoni unika tal-benefiċjarju msemmija fl- Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 ( 1 ).
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu mingħand ix-xerrej jew il-kerrej l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ( 2 )
Artikolu 4
Applikazzjoni għal allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ bejgħ bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014
1. Fil-każ ta’ bejgħ permezz ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti suġġetti għal dik il-klawżola għandha tiġi magħmula mill-bejjiegħ. Dik l-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) dettalji tal-kuntratt tal-bejgħ, inkluż il-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ bejgħ;
(b) in-numru ta’ ettari eliġibbli suġġetti għal dik il-klawżola kuntrattwali;
(c) id-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-bidwi li se jsirlu t-trasferiment skont dik il-klawżola, inkluż, jekk disponibbli, l-identifikazzjoni unika tal-benefiċjarju msemmi fl- Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014.
2. Stat Membru jista’ jippermetti li x-xerrej jagħmel l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti f’isem il-bejjiegħ. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jivverifika li l-bejjiegħ ikun awtorizza li x-xerrej jagħmel l-applikazzjoni.
Artikolu 5
Applikazzjoni għal allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014
1. Fil-każ ta’ kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament suġġetti għal dik il-klawżola għandha tiġi magħmula minn sid il-kera. Dik l-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) dettalji tal-kuntratt tal-kera, inkluż il-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ kera;
(b) in-numru ta’ ettari eliġibbli suġġetti għal dik il-klawżola tal-kuntratt;
(c) id-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-bidwi li se jsirlu t-trasferiment skont dik il-klawżola, inkluż, jekk disponibbli, l-identifikazzjoni unika tal-benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014.
2. Stat Membru jista’ jippermetti li l-lokatur jagħmel l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti f’isem sid il-kera. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jivverifika li sid il-kera jkun awtorizza li l-lokatur jagħmel din l-applikazzjoni.
Artikolu 6
Valur tad-drittijiet għall-pagamenti fil-każ ta’ wirt
1. Fi Stati Membri li japplikaw l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn bidwi jkun intitolat li jiġi allokat drittijiet skont l-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament flimkien ma’ dritt li jirċievi drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, il-valur tad-drittijiet għall-pagament tiegħu li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi kkalkulat billi jitqies it-total tad-dejta għall-2014 li jirrelataw mal-azjenda oriġinali tiegħu u mal-azjenda li jkun wiret jew il-parti tal-azjenda li jkun wiret.
2. Fi Stati Membri li japplikaw l-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn bidwi jkun intitolat li jiġi allokat drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament flimkien ma’ dritt li jirċievi drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, il-valur tad-drittijiet għall-pagament tiegħu li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 40(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jkun ibbażat fuq is-somma tad-dejta għas-sena kkonċernata relatata mal-azjenda oriġinali tiegħu u mal-azjenda li jkun wiret jew il-parti tal-azjenda li jkun wiret.
TAQSIMA 2
Attivazzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pagament
Artikolu 7
L-attivazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament fil-każ ta’ bejgħ jew kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014
1. Fil-każ ta’ bejgħ jew kiri bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ewwel applikazzjoni tax-xerrej jew tal-lokatorju għal pagament skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandha tiġi ppreżentata fl-istess sena li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
2. Fil-każ ta’ bejgħ permezz ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, ix-xerrej fl-ewwel applikazzjoni tiegħu għal pagament skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jinkludi dettalji tal-kuntratt tal-bejgħ li jindika l-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ bejgħ. Applikazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi ppreżentata fl-istess sena li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament imsemmija fl- Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.
3. Fil-każ ta’ kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, il-lokatorju fl-ewwel applikazzjoni tiegħu għal pagament skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jinkludi dettalji tal-kuntratt tal-kera li jindika l-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ kera. Applikazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi ppreżentata fl-istess sena li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament imsemmija fl- Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Notifiki għal trasferiment
1. Fil-każ ta’ trasferiment skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dak li jittrasferixxi jrid javża lill-awtorità kompetenti dwar it-trasferiment f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.
2. It-trasferiment għandu jseħħ kif stipulat fin-notifika sakemm l-awtorità kompetenti ma toġġezzjonax għat-trasferiment. L-awtorità kompetenti tista’ toġġezzjona biss għal trasferiment fejn it-trasferiment ma jkunx skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 u dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lil dak li jittrasferixxi malajr kemm jista’ jkun dwar l-oġġezzjoni tagħha.
TAQSIMA 3
Riżervi nazzjonali jew reġjonali
Artikolu 9
Ritorn lura għar-riżerva nazzjonali jew reġjonali
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 31(1)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, minbarra f’każijiet ta’ force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali, drittijiet għall-pagament mhux użati għandhom jitqiesu li jkunu treġġgħu lura fir-riżerva nazzjonali jew reġjonali l-għada tad-data finali stabbilita mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-emendar tal-applikazzjoni unika skont l-iskema ta’ pagament bażiku fis-sena kalendarja li fiha l-perjodu msemmi fl-Artikolu 31(1)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jiskadi.
2. L-Istati Membri li japplikaw riżervi reġjonali bi qbil mal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom japplikaw ir-regoli dwar tat-treġġigħ lura ta’ drittijiet għall-pagament mhux użati fil-livell reġjonali.
KAPITOLU 3
EKOLOĠIZZAZZJONI
Artikolu 10
Proċedura għan-notifika u l-evalwazzjoni tal-prattiki inklużi fl-impenji speċifiċi jew skemi ta’ ċertifikazzjoni
1. In-notifiki msemmija fl-Artikolu 43(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom isiru sal-1 ta’ Awwissu 2014 fil-każ ta’ applikazzjoni fl-2015 jew sal-1 ta’ Lulju qabel is-sena ta’ applikazzjoni fil-każ tal-applikazzjoni wara l-2015.
Dawk in-notifiki jistgħu jiġu modifikati darba fis-sena, sakemm il-Kummissjoni tkun notifikata b’dan sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel is-sena meta tiġi applikata l-modifika.
2. Għall-impenji msemmija fl-Artikolu 43(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, in-notifiki lill-Kummissjoni għandhom jiddeskrivu b’mod ċar il-prattiki koperti mill-impenn u għandhom jindikaw liema prattiki msemmija fl-Artikolu 43(2) ta’ dak ir-Regolament huma ekwivalenti għalihom u b’liema mill-prattiki ekwivalenti elenkati fl-Anness IX ta’ dak ir-Regolament jitqiesu li huma koperti. Dawk in-notifiki għandhom jinkludu referenza għall-impenji rilevanti skont il-programm tal-iżvilupp rurali ippreżentat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) jew approvat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2009 ( 4 ).
3. Għal skemi ta’ ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, in-notifiki lill-Kummissjoni għandhom jiddeskrivu b’mod ċar il-prattiki koperti mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni u għandhom jindikaw liema prattiki msemmija fl-Artikolu 43(2) ta’ dak ir-Regolament huma ekwivalenti għalihom u liema minn dawn il-prattiki ekwivalenti elenkati fl-Anness IX ta’ dak ir-Regolament qed jitqiesu li qed ikopruhom.
4. Meta l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattiki nnotifikati inklużi fl-impenji speċifiċi jew skemi ta’ ċertifikazzjoni mhumiex koperti mil-lista fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan fi żmien tliet xhur wara li tkun waslet in-notifika. L-Istat Membru jista’ jipprovdi informazzjoni supplimentari fi żmien xahar wara li tkun waslet l-informazzjoni tal-Kummissjoni. L-att ta’ implimentazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi adottat fi żmien seba’ xhur wara li tkun waslet in-notifika inizjali.
Artikolu 11
Limiti għaż-żamma ta’ bur permanenti f’termini assoluti
Il-limiti li jridu jintużaw għall-iskop tal-valutazzjoni taż-żamma ta’ bwar permanenti f’termini assoluti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom ikunu tnaqqis massimu ta’ 0,5 % taż-żoni ta’ bwar permanenti stabbiliti skont l-Artikolu 45(2)(a) ta’ dak ir-Regolament.
KAPITOLU 4
APPOĠĠ AKKOPPJAT
TAQSIMA 1
Appoġġ akkoppjat volontarju
Artikolu 12
Proċedura għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni ta’ deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 dwar il-konformità tagħhom ma’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari biex tintwera waħda mill-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 55(1) tiegħu, u mar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.
Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru ma tippermettilhiex li tikkonkludi jekk il-kundizzjonijiet kif imsemmija fl-ewwel paragrafu humiex issodisfati jew le, hija għandha titlob lill-Istat Membru biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jew biex jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu.
Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li japprova jew jiċħad id-deċiżjoni ta’ Stat Membru fi żmien erba’ xhur minn meta tkun waslet l-informazzjoni kollha meħtieġa.
TAQSIMA 2
Pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton
Artikolu 13
Proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-art u ta’ varjetajiet
Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ art u ta’ varjetajiet għall-finijiet tal-pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton li dwaru hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jitlestew sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena għall-istaġun taż-żriegħ ta’ dik is-sena.
Artikolu 14
Notifiki lill-produtturi
1. Qabel l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil min ikabbar il-qoton bl-informazzjoni li ġejja għall-istaġun taż-żriegħ ta’ dik is-sena:
(a) il-varjetajiet awtorizzati għaż-żrigħ;
(b) il-kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-art għall-produzzjoni tal-qoton kif stabbiliti minnhom skont l-Artikolu 56 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014;
(c) id-densità minima tal-pjanti tal-qoton imsemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014;
(d) il-prassi agronomiċi meħtieġa.
2. Fejn l-awtorizzazzjoni ta’ varjetà tiġi rtirata, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-kabbara bl-irtirar qabel 1 ta’ Marzu għall-istaġun taż-żriegħ tas-sena ta’ wara.
KAPITOLU 5
REGOLI DWAR IN-NOTIFIKA
Artikolu 15
Notifiki fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri
1. L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 136a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 ( 5 ) għandha tkun fil-forma ta’ perċentwali annwali tal-limiti massimi nazzjonali annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 136a(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għal kull sena kalendarja sal-2019.
2. L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 136a(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha tkun fil-forma ta’ perċentwali annwali tal-ammonti annwali allokati għal appoġġ għal miżuri fil-qafas tal-ipprogrammar għall-iżvilupp rurali msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-ewwel subparagrafu tal- Artikolu 136a(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għal kull sena finanzjarja sal-2020.
Artikolu 16
Notifika dwar iż-żieda tal-limitu massimu tal-iskema tal-pagament bażiku kif imsemmi fl-Artikolu 22(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013
Fejn Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 22(2) jew (3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni għandha tikkonsisti f’perċentwali ta’ limiti massimi nazzjonali annwali stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament wara t-tnaqqis tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 47(1) ta’ dak ir-Regolament għal kull sena kalendarja sal-2020.
Artikolu 16a
Notifika dwar iż-żieda tal-limitu massimu tal-iskema ta' pagament uniku skont l-erja kif imsemmi fl-Artikolu 36(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013
Meta Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 36(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-informazzjoni li trid titressaq lill-Kummissjoni għandha tikkonsisti f'perċentwali tal-limiti massimi nazzjonali annwali stipulati fl-Anness II ta' dak ir-Regolament wara t-tnaqqis tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 47(1) ta' dak ir-Regolament għal kull sena kalendarja mill-2018 sal-2020.
Artikolu 17
Allokazzjonijiet finanzjarji skont il-pagament distribwit mill-ġdid, il-pagament għal żoni li jinsabu taħt restrizzjonijiet naturali u l-pagament lill-bdiewa żgħażagħ
Fejn Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikoli 42(1), 49(1) u 51(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni għandha tikkonsisti f’perċentwali ta’ limiti massimi nazzjonali annwali stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament għal kull sena kalendarja sal-2020.
Artikolu 18
Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 792/2009
In-notifiki lill-Kummissjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 u dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.
KAPITOLU 6
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-snin kalendarji wara s-sena kalendarja 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (ara paġna 48 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).
( 5 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).