EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02014L0096-20200401
Commission Implementing Directive 2014/96/EU of 15 October 2014 on the requirements for the labelling, sealing and packaging of fruit plant propagating material and fruit plants intended for fruit production, falling within the scope of Council Directive 2008/90/EC
Consolidated text: Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE
Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE
02014L0096 — MT — 01.04.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/96/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 (ĠU L 298 16.10.2014, p. 12) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1813 tad-29 ta’ Ottubru 2019 |
L 278 |
7 |
30.10.2019 |
DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/96/UE
tal-15 ta' Ottubru 2014
dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE
Artikolu 1
Rekwiżiti dwar it-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “materjal tal-propagazzjoni”, iċċertifikat b'mod uffiċjali bħala materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat, kif ukoll il-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, minn hawn 'il quddiem imsejħa “pjanti tal-frott”, iċċertifikati b'mod uffiċjali bħala materjal iċċertifikat, jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti dwar it-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4. Fejn xieraq, jista' jintuża dokument ta' akkumpanjament, kif stipulat fl-Artikolu 3, biex tiġi kkomplementata t-tikketta.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott li jikkwalifikaw bħala materjal CAC (Conformitas Agraria Communitatis) jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 fir-rigward tad-dokument tal-fornitur.
Artikolu 2
It-tikketta għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat tiġi mħejjija u mwaħħla tikketta li tkun konformi mal-paragrafi 2 sa 5. It-tikketta għandha titwaħħal mal-pjanti jew mal-partijiet tal-pjanti li għandhom jiġu kkumerċjalizzati bħala materjal tal-propagazzjoni jew bħala pjanti tal-frott, u dan għandu jsir mill-korp uffiċjali responsabbli. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-korp uffiċjali responsabbli jkun jista' jippermetti li l-fornitur iħejji u jwaħħal it-tikketta taħt is-superviżjoni tiegħu. Id-disinn tat-tikketta għandu jiġi stabbilit mill-korp uffiċjali responsabbli, b'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.
Il-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott li huma parti mill-istess lott jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b'tikketta waħda meta tali materjal jew tali pjanti jkunu parti mill-istess pakkett, mazz jew kontenitur, u meta dik it-tikketta titwaħħal skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-pjanti tal-frott li jkunu ta' età ta' sena jew aktar jiġu ttikkettati individwalment. F'dan il-każ, it-tikkettar jista' jsir fl-għalqa qabel ma l-pjanta tinqala' mill-għeruq, jew wara. Meta t-tikkettar isir aktar tard, pjanti tal-istess lott għandhom jinqalgħu mill-għeruq flimkien u jinżammu separati minn lottijiet oħra f'kontenituri ttikkettati sakemm dawk il-pjanti jiġu ttikkettati.
2. Fuq it-tikketta għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja:
l-indikazzjoni “Regoli u standards tal-UE”;
l-Istat Membru tat-tikkettar, jew il-kodiċi rispettiv;
il-korp uffiċjali responsabbli jew il-kodiċi rispettiv;
isem il-fornitur, jew in-numru ta' reġistrazzjoni/kodiċi tiegħu maħruġ mill-korp uffiċjali responsabbli;
in-numru ta' referenza tal-pakkett jew mazz, in-numru tas-serje individwali, in-numru tal-ġimgħa jew in-numru tal-lott;
l-isem botaniku;
il-kategorija u, għall-materjal bażiku, anki n-numru tal-ġenerazzjoni;
id-denominazzjoni tal-varjetà u, fejn xieraq, il-klonu. Fil-każ ta' riżomi li mhumiex parti minn varjetà, l-isem tal-ispeċi jew tal-ibridu interspeċifiku kkonċernat. Għal pjanti tal-frott imlaqqma, din l-informazzjoni għandha tingħata għar-riżoma u għall-parti mlaqqma ta' fuq. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom tkun għadha pendenti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni uffiċjali jew għal dritt fuq varjetà ta' pjanta, din l-informazzjoni għandha tindika: id-“denominazzjoni proposta” u l-“applikazzjoni pendenti”;
l-indikazzjoni “varjetà b'deskrizzjoni rikonoxxuta b'mod uffiċjali”, fejn xieraq;
il-kwantità;
il-pajjiż ta' produzzjoni u l-kodiċi rispettiv, meta l-pajjiż ta' produzzjoni jkun differenti mill-Istat Membru ta' tikkettar;
is-sena tal-ħruġ;
f'każ li t-tikketta oriġinali tinbidel b'tikketta oħra: is-sena tal-ħruġ tat-tikketta oriġinali.
3. It-tikketta għandha tiġi stampata b'linka permanenti f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, b'mod li l-kontenut tagħha jkun jidher b'mod ċar u jinqara faċilment.
4. Il-kulur tat-tikketta għandu jkun:
abjad bi strixxa vjola dijagonali għall-materjal prebażiku;
abjad għall-materjal bażiku;
blu għall-materjal iċċertifikat.
5. It-tikketta għandha titwaħħal fuq il-pjanti jew il-partijiet ta' pjanti li għandhom jiġu kkumerċjalizzati bħala materjal tal-propagazzjoni jew pjanti tal-frott. Meta tali pjanti jew partijiet ta' pjanti jkunu maħsuba biex jiġu kummerċjalizzati bħala parti minn pakkett, mazz jew kontenitur, it-tikketta għandha titwaħħal ma' dak il-pakkett, lott jew kontenitur.
Meta, b'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, materjal tal-propagazzjoni jew pjanti tal-frott jiġu kkummerċjalizzati b'tikketta waħda, dik it-tikketta għandha titwaħħal mal-pakkett, il-mazz jew il-kontenitur li jirriżulta minn dak il-materjal tal-propagazzjoni jew minn dawk il-pjanti tal-frott.
Artikolu 3
Id-dokument ta' akkumpanjament għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat
1. Stat Membru jista' jistipula li l-korp uffiċjali responsabbli jew il-fornitur ikkonċernat, taħt is-superviżjoni tal-korp uffiċjali responsabbli, iħejju dokument ta' akkumpanjament għal lottijiet ta' varjetajiet jew tipi differenti ta' materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat maħsuba biex jiġu kkumerċjalizzati flimkien, biex tiġi kkomplementata t-tikketta msemmija fl-Artikolu 2.
2. Id-dokument ta' akkumpanjament għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
għandu jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2), u kif indikat fuq it-tikketta rispettiva;
għandu jkun miktub b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;
għandu jiġi ppreżentat mill-inqas f'żewġ kopji (kopja għall-fornitur u oħra għad-destinatarju);
għandu jakkumpanja l-materjal mill-post tal-fornitur sal-post tal-benefiċjarju;
għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tad-destinatarju;
għandu jinkludi d-data tal-ħruġ tad-dokument;
għandu jinkludi, fejn xieraq, informazzjoni addizzjonali li hija rilevanti għal-lottijiet ikkonċernati.
3. F'każ li l-informazzjoni fid-dokument ta' akkumpanjament tikkontradixxi l-informazzjoni inkluża fuq it-tikketta msemmija fl-Artikolu 2, għandha tingħata prijorità lill-informazzjoni li tidher fuq dik it-tikketta.
Artikolu 4
Rekwiżiti dwar is-siġillar u l-imballaġġar għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat
1. Meta materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat jiġi kkumerċjalizzat f'lottijiet ta' żewġ pjanti jew partijiet ta' pjanti jew aktar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-lottijiet ikunu omoġenji biżżejjed.
Pjanti jew partijiet ta' pjanti li jiffurmaw lottijiet ta' dan it-tip għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (a) jew tal-punt (b):
il-pjanti jew partijiet ta' pjanti jinsabu f'imballaġġ jew f'kontenitur issiġillat, skont kif definit fil-paragrafu 2; jew
il-pjanti jew partijiet ta' pjanti jiffurmaw parti minn mazz, issiġillat skont kif definit fil-paragrafu 2.
2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “siġillar” tfisser: fil-każ ta' pakkett jew kontenitur, għeluq b'tali mod li ma jkunx jista' jsir ftuħ mingħajr ma ssir ħsara lill-mekkaniżmu tal-ftuħ, u fil-każ ta' mazz, li l-pjanti jiġu marbuta b'tali mod li l-pjanti jew il-partijiet tal-pjanti li jiffurmaw parti mill-mazz ma jkunux jistgħu jiġu separati minn xulxin mingħajr ma ssir ħsara lill-qafla jew lill-qfieli. Il-pakkett, il-kontenitur jew il-mazz għandhom jiġu ttikkettati b'tali mod li dawn ma jibqgħux validi jekk titneħħielhom it-tikketta.
Artikolu 5
Id-dokument tal-fornitur għall-materjal CAC
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal CAC li jiġi kkummerċjalizzat ikollu miegħu dokument imħejji mill-fornitur f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 (id-dokument tal-fornitur).
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokument tal-fornitur ma jkunx jixbah lid-dokument ta’ akkumpanjament imsemmi fl-Artikolu 3 sabiex jiġi evitat li tinħoloq konfużjoni bejn dawn iż-żewġ dokumenti.
2. Id-dokument tal-fornitur għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
l-indikazzjoni “Regoli u standards tal-UE”;
isem l-Istat Membru fejn ikun tħejja d-dokument, jew il-kodiċi rispettiv;
il-korp uffiċjali responsabbli jew il-kodiċi rispettiv;
isem il-fornitur, jew in-numru ta’ reġistrazzjoni/kodiċi tiegħu maħruġ mill-korp uffiċjali responsabbli;
in-numru tas-serje individwali, in-numru tal-ġimgħa jew in-numru tal-lott;
l-isem botaniku;
l-indikazzjoni “materjal CAC”;
id-denominazzjoni tal-varjetà u, fejn xieraq, il-klonu. Fil-każ tas-salvaġġ li ma jappartjenix għal varjetà: isem l-ispeċi jew l-ibridu interspeċifiku kkonċernat. Għall-pjanti tal-frott imlaqqma, din l-informazzjoni għandha tingħata għas-salvaġġ u għall-parti mlaqqma ta’ fuq. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom tkun għadha pendenti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni uffiċjali jew għal dritt fuq varjetà ta’ pjanta, din l-informazzjoni għandha tindika: id-“denominazzjoni proposta” u “applikazzjoni pendenti”;
id-data tal-ħruġ tad-dokument.
3. Meta d-dokument tal-fornitur ikun imwaħħal mal-materjal CAC, il-kulur tiegħu għandu jkun isfar.
4. Id-dokument tal-fornitur għandu jiġi stampat b’linka permanenti f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, b’mod li l-kontenut tiegħu jkun jidher b’mod ċar u jinqara faċilment.
Artikolu 6
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2017.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 7
Klawżola ta' reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-Artikolu 2(4) sal-1 ta' Jannar 2019.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 9
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.