EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014L0042-20140519

Consolidated text: Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/42/2014-05-19

2014L0042 — MT — 19.05.2014 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA 2014/42/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea

(ĠU L 127, 29.4.2014, p.39)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 138, 13.5.2014, p. 114  (2014/42)




▼B

DIRETTIVA 2014/42/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-3 ta' April 2014

dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ( 3 ),

Billi:

(1)

Ir-raġuni ewlenija għall-kriminalità organizzata transkonfinali, inkluża organizzazzjoni kriminali tat-tip tal-mafja, hija l-gwadann finanzarju. Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw il-mezzi sabiex jitraċċaw, jiffriżaw, jiġġestixxu u jikkonfiskaw ir-rikavat mill-kriminalità. Madankollu, il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontriha b’mod effikaċi għandhom jinkisbu permezz tan-newtralizzazzjoni tar-rikavat mill-kriminalità u għandhom jiġu estiżi, f’ċerti każijiet, għal kwalunkwe proprjetà li tirriżulta minn attivitajiet ta’ xorta kriminali.

(2)

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata joperaw mingħajr fruntieri u qed jakkwistaw dejjem iktar assi fi Stati Membri li mhumiex ibbażati fihom u f’pajjiżi terzi. Hemm ħtieġa dejjem ikbar għal kooperazzjoni internazzjonali effettiva dwar l-irkupru tal-assi kif ukoll għal assistenza legali reċiproka.

(3)

Fost l-iktar mezzi effettivi biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata hemm l-istabbiliment ta’ konsegwenzi legali serji għat-twettiq ta’ tali reat, kif ukoll l-iskoperta effettiva u l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità.

(4)

Għalkemm l-istatistika eżistenti hija limitata, jidher li l-ammonti rkuprati mir-rikavat mill-kriminalità fl-Unjoni huma insuffiċjenti meta pparagunati mar-rikavat stmat. Studji wrew li, għalkemm il-proċeduri ta’ konfiska huma rregolati mil-liġi tal-UE u dik nazzjonali, dawn għadhom mhux użati biżżejjed.

(5)

L-adozzjoni ta’ regoli minimi ser tqarreb iktar is-sistemi ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-Istati Membri, u b’hekk tiffaċilita l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni transkonfinali effettiva.

(6)

Il-Programm ta’ Stokkolma u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi, li kienu adottati f’Ġunju 2010, jenfasizzaw l-importanza li l-identifikazzjoni, il-konfiska u l-użu mill-ġdid tal-assi kriminali jkunu iktar effikaċi.

(7)

Il-qafas legali attwali tal-Unjoni dwar l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska tal-assi jikkonsisti ( 4 ) tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI ( 5 ); id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI ( 6 ); id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI ( 7 ) u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI ( 8 ).

(8)

Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2003/577/ĠAI, 2005/212/ĠAI u 2006/783/ĠAI juru li s-sistemi eżistenti għall-konfiska estiża u għar-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska mhumiex effettivi għalkollox. Il-konfiska hija ostakolata minħabba differenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri.

(9)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI. Dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru għandhom jiġu parzjalment sostitwiti għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.

(10)

L-Istati Membri huma liberi li jieħdu proċeduri ta’ konfiska marbutin ma’ każ kriminali quddiem kwalunkwe qorti kompetenti.

(11)

Jeħtieġ li jiġi ċċarat il-kunċett eżistenti ta’ rikavat mill-kriminalità biex jinkludi r-rikavat dirett minn attività kriminali u l-benefiċċji indiretti kollha, inklużi l-investiment mill-ġdid jew it-trasformazzjoni li jsiru sussegwentement tar-rikavat dirett. B’hekk ir-rikavat jista’ jinkludi kwalunkwe proprjetà inkluża dik li ġiet ittrasformata jew ikkonvertita, kompletament jew parzjalment, fi proprjetà oħra, jew meta din tkun tħalltet ma’ proprjetà akkwistata minn sorsi leġittimi, sal-valur ivvalutat tar-rikavat imħallat. Dan jista’ jinkludi wkoll id-dħul jew benefiċċji oħrajn li jirriżultaw mir-rikavat tal-kriminalità, jew minn proprjetà li fiha jew biha seta’ ġie ttrasformat, ikkonvertit jew imħallat tali rikavat.

(12)

Din id-Direttiva tipprevedi definizzjoni wiesgħa ta’ proprjetà li tista’ tkun soġġetta għal iffriżar u konfiska. Dik id-definizzjoni tinkludi dokumenti legali jew strumenti li jagħtu evidenza tat-titolu jew tal-interess f’tali proprjetà. Tali dokumenti jew strumenti jistgħu jinkludu, pereżempju, strumenti finanzjarji, jew dokumenti li jistgħu joħolqu pretensjonijiet mill-kredituri u li normalment ikunu fil-pussess tal-persuna affettwata mill-proċeduri rilevanti. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali eżistenti għaż-żamma ta’ dokumenti jew strumenti legali li jagħtu evidenza tat-titolu jew tal-interess fi proprjetà, hekk kif inhuma applikati mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-korpi pubbliċi kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(13)

L-iffriżar u l-konfiska skont din id-Direttiva huma kunċetti awtonomi, li m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jimplimentaw din id-Direttiva bl-użu ta’ strumenti li f’konformità mal-liġi nazzjonali jitqiesu bħala sanzjonijiet jew tipi oħrajn ta’ miżuri.

(14)

Fil-konfiska tal-mezzi strumentali u r-rikavat mill-kriminalità wara li tittieħed deċiżjoni finali minn qorti u tal-proprjetà li jkollha valur ekwivalenti għal dawk il-mezzi strumentali u dak ir-rikavat, għandu japplikal-kunċett wiesa’ ta’ reati kriminali koperti b’din id-Direttiva. Id-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI kienet teżiġi li l-Istati Membri jippermettu li ssir il-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mill-kriminalità wara kundanna definittiva u jippermettu li ssir il-konfiska ta’ proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi għal tali mezzi strumentali jew rikavat. Dawn l-obbligi għandhom jinżammu fir-rigward ta’ reati kriminali mhux koperti minn din id-Direttiva, u l-kunċett ta’ rikavat kif definit f’din id-Direttiva għandu jiġi interpretat b’mod simili fir-rigward tar-reati kriminali mhux koperti minn din id-Direttiva. L-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-konfiska ta’ proprjetà ta’ valur ekwivalenti bħala sussidjarja jew alternattiva għal konfiska diretta, kif adatt f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(15)

Għandu jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-mezzi strumentali u r-rikavat ta’ kriminalità, jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat mill-kriminalità, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali. Tali kundanna definittiva tista’ tirriżulta wkoll minn proċedimenti in absentia. Meta ma jkunx possibbli li ssir konfiska abbażi ta’ kundanna definittiva, madankollu f’ċerti ċirkostanzi għandu jibqa’ jkun possibbli li jiġu kkonfiskati l-mezzi strumentali u r-rikavat, tal-inqas f’każijiet ta’ mard jew ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata. Madankollu, f’tali każijiet ta’ mard jew ħarba, l-eżistenza ta’ proċedimenti in absentia fi Stati Membri tkun biżżejjed biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu. Meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun ħarbet, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli u jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata titħarrek jew tiġi infurmata bil-proċedimenti ta’ konfiska.

(16)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, mard għandu jinftiehem bħala l-inkapaċità tal-persuna suspettata jew akkużata li tattendi l-proċedimenti kriminali għal perijodu ta’ żmien itwal, u li minħabba f’hekk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jitkomplew f’ċirkostanzi normali. Il-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jintalbu jagħtu prova tal-mard, pereżempju permezz ta’ ċertifikat mediku, li l-qorti għandha tkun tista’ tinjora jekk hija tqis li ma jkunx sodisfaċenti. Ma għandux ikun affettwat id-dritt ta’ dik il-persuna li tkun rappreżentata minn avukat fil-proċedimenti.

(17)

Meta din id-Direttiva tiġi implimentata fir-rigward tal-konfiska ta’ proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għall-mezzi strumentali, id-dispożizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu applikabbli fejn, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, tali miżura tkun proporzjonata, wara li jitqies partikolarment il-valur tal-mezzi strumentali kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu f’kunsiderazzjoni jekk u sa fejn il-persuna kkundannata tkun responsabbli għall-fatt li jkun impossibbli li ssir il-konfiska tal-mezzi strumentali.

(18)

Meta jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’każijiet eċċezzjonali, m’għandhiex tiġi ordnata l-konfiska, dment li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali din tkun tirrappreżenta piż indebitu fuq il-persuna affettwata, fuq il-bażi li ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali rispettiv li għandhom ikunu deċiżivi. L-Istati Membri għandhom jużaw din il-possibbiltà b’mod ristrett ħafna, u għandhom jitħallew biss jistipulaw li l-konfiska m’għandhiex tiġi ordnata f’każijiet fejn din tqiegħed lill-persuna kkonċernata f’sitwazzjoni li fiha jkun diffiċli għaliha li tgħix.

(19)

Il-gruppi kriminali jwettqu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kriminali. Sabiex l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata jkunu indirizzati b’mod effettiv, jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn ikun xieraq li wara kundanna kriminali issir konfiska mhux biss tal-proprjetà assoċjata ma’ reat kriminali speċifiku, imma anke ta’ proprjetà addizzjonali li l-qorti tiddetermina li tkun ir-rikavat ta’ reati kriminali oħrajn. Dan il-metodu jissejjaħ konfiska estiża. Id-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI tipprevedi tliet settijiet differenti ta’ rekwiżiti minimi li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu minnhom sabiex japplikaw il-konfiska estiża. Għaldaqstant, fil-proċess ta’ traspożizzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru, l-Istati Membri għamlu għażliet differenti li rriżultaw f’kunċetti diverġenti ta’ konfiska estiża fil-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali. Dik id-diverġenza tfixkel il-kooperazzjoni transkonfinali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ każijiet ta’ konfiska. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu armonizzati iktar id-dispożizzjonijiet dwar il-konfiska estiża billi jiġi stabbilit standard minimu wieħed.

(20)

Meta jistabbilixxu jekk reat kriminali jistax iwassal għal benefiċċju ekonomiku, l-Istati Membri jistgħu jieħdu f’kunsiderazzjoni l-modus operandi, pereżempju jekk xi kondizzjoni għar-reat tkun li dan twettaq fil-kuntest ta’ kriminalità organizzata jew bil-ħsieb li jiġu ġġenerati profitti minn reati kriminali. Madankollu, dan ma għandux, inġenerali, jippreġudika l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-konfiska estiża.

(21)

Il-konfiska estiża għandha tkun possibbli meta l-qorti tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni tkun irriżultat minn imġiba kriminali. Dan ma jfissirx li għandu jiġi stabbilit li l-proprjetà inkwistjoni tkun irriżultat minn imġiba kriminali. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li, pereżempju, ikun biżżejjed li l-qorti tikkunsidra fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet jew tippreżumi b’mod raġonevoli li jkun sostanzjalment aktar probabbli li l-proprjetà inkwistjoni tkun inkisbet minn imġiba kriminali milli minn attivitajiet oħra. F’dan il-kuntest, il-qorti għandha tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inklużi l-fatti u l-evidenza disponibbli li abbażi tagħhom tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il-konfiska estiża. Il-fatt li l-proprjetà tal-persuna tkun sproporzjonata mad-dħul legali tagħha jista’ jkun fost dawk il-fatti li jwasslu għal konklużjoni mill-qorti li l-proprjetà tkun ġejja minn imġiba kriminali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll rekwiżit għal ċertu perijodu ta’ żmien li fih il-proprjetà tista’ titqies li tkun oriġinat minn imġiba kriminali.

(22)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. Ma żżommx lill-Istati Membri milli jipprevedu setgħat aktar estensivi fil-liġi nazzjonali tagħhom, inkluż, pereżempju, fir-rigward tar-regoli tagħhom dwar l-evidenza.

(23)

Din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali li jaqgħu fl-ambitu tal-istrumenti elenkati hawnhekk. Fl-ambitu ta’ dawk l-istrumenti, l-Istati Membri għandhom japplikaw konfiska estiża tal-inqas għal ċerti reati kriminali kif definiti f’din id-Direttiva.

(24)

Il-prattika li persuna suspettata jew akkużata tittrasferixxi proprjetà lil parti terza kompliċi sabiex tevita li tiġi kkonfiskata hija komuni u dejjem iktar mifruxa. Il-qafas legali attwali tal-Unjoni ma jinkludix regoli vinkolanti dwar il-konfiska tal-proprjetà ttrasferita lil partijiet terzi. Għalhekk, qed isir iktar meħtieġ li jkun permess li ssir il-konfiska tal-proprjetà ttrasferita lil jew akkwistata minn partijiet terzi. L-akkwist minn parti terza jirreferi għal sitwazzjonijiet fejn, pereżempju, il-proprjetà tkun ġiet akkwistata, direttament jew indirettament, pereżempju permezz ta’ intermedjarju, mill-parti terza mingħand persuna suspettata jew akkużata, inkluż meta r-reat kriminali jkun twettaq f’isimha jew għall-benefiċċju tagħha, u meta persuna akkużata ma jkollhiex proprjetà li tista’ tiġi kkonfiskata. Tali konfiska għandha tkun possibbli tal-inqas f’każijiet fejn partijiet terzi kienu jafu jew suppost li kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment sar mingħajr ħlas jew għal ammont ferm iktar baxx mill-valur fis-suq. Ir-regoli dwar il-konfiska ta’ parti terza għandhom jiġu estiżi kemm għall-persuni naturali kif ukoll dawk ġuridiċi. Fi kwalunkwe każ id-drittijiet ta’ partijiet terzi in bona fide ma għandhomx ikunu ppreġudikati.

(25)

L-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-konfiska ta’ parti terza bħala sussidjarja jew alternattiva għal konfiska diretta, kif adatt f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(26)

Konfiska twassal għaċ-ċaħda definittiva minn proprjetà. Madankollu, il-preservazzjoni ta’ proprjetà tista’ tkun prerekwiżit għal konfiska u tista’ tkun ta’ importanza għall-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ konfiska. Proprjetà tiġi ppreservata permezz ta’ ffriżar. Sabiex jiġi evitat li l-proprjetà tintefaq qabel toħroġ l-ordni ta’ ffriżar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu azzjoni immedjata biex jissalvagwardjaw tali proprjetà.

(27)

Peress li proprjetà spiss tiġi ppreservata għall-finijiet ta’ konfiska, l-iffriżar u l-konfiska huma marbuta mill-qrib. F’xi sistemi legali l-iffriżar għall-finijiet ta’ konfiska jitqies bħala miżura ta’ proċedura separata ta’ natura proviżorja, li tista’ tkun segwita minn ordni ta’ konfiska. Mingħajr preġudizzju għassistemi legali nazzjonali differenti u għad-Deċiżjoni Kwadru 2003/577/ĠAI, din id-Direttiva għandha tqarreb xi aspetti tas-sistemi nazzjonali tal-iffriżar għall-finijiet ta’ konfiska.

(28)

Il-miżuri ta’ ffriżar huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li proprjetà speċifika titqies bħala evidenza matul il-proċedimenti, dment li fl-aħħar mill-aħħar din issir disponibbli għal eżekuzzjoni effettiva tal-ordni ta’ konfiska.

(29)

Fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, il-proprjetà tista’ tiġi wkoll iffriżata bil-ħsieb li possibbilment tiġi restitwita sussegwentement jew biex jiġi ssalvagwardjat il-kumpens għad-danni kkawżati minn reat kriminali.

(30)

Il-persuni suspettati jew akkużati spiss jaħbu l-proprjetà sakemm idumu għaddejjin il-proċeduri kriminali. Għaldaqstant, l-ordnijiet ta’ konfiska ma jkunux jistgħu jiġu eżegwiti, b’mod li dawk soġġetti għal ordnijiet ta’ konfiska jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proprjetà tagħhom wara li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun possibbli li jiġi ddetermiat b’mod preċiż sa fejn għandha tiġi kkonfiskata l-proprjetà anke wara kundanna definittiva għal reat kriminali, sabiex l-ordnijiet ta’ konfiska jkunu jistgħu jiġu eżegwiti kompletament meta għall-bidu ma tkun ġiet identifikata l-ebda proprjetà jew il-proprjetà li tkun ġiet identifikata ma tkunx biżżejjed u l-ordni ta’ konfiska tkun baqgħet ma ġietx eżegwita.

(31)

Minħabba li l-ordnijiet ta’ ffriżar joħolqu limitazzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà, dawn il-miżuri proviżorji m’għandhomx jinżammu fis-seħħ iktar minn kemm ikun meħtieġ biex tiġi ppreservata d-disponibbiltà tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement. Dan jista’ jkun jeħtieġ li ssir rieżami mill-qorti sabiex jiġi żgurat li l-għan li l-proprjetà ma tintefaqx ikun għadu validu.

(32)

Il-proprjetà ffriżata fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement għandha tkun ġestita b’mod adegwat sabiex ma titlifx il-valur ekonomiku tagħha. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż il-possibbiltà tal-bejgħ jew it-trasferiment tal-proprjetà, sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun it-telf ta’ din ix-xorta. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri rilevanti, pereżempju l-istabbiliment ta’ Uffiċċji tal-Immaniġġar tal-Assi nazzjonali u ċentralizzati, grupp ta’ uffiċċji speċjalizzati jew mekkaniżmi ekwivalenti sabiex jimmaniġġaw b’mod effettiv l-assi ffriżati qabel il-konfiska u jippreservaw il-valur tagħhom, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-qorti.

(33)

Din id-Direttiva taffettwa b’mod sostanzjali d-drittijiet tal-persuni, mhux biss ta’ dawk suspettati jew akkużati iżda anke ta’ partijiet terzi li ma jkunux qed jitressqu quddiem il-qorti. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkun hemm salvagwardji u rimedji ġudizzjarji speċifiċi sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħhom meta ssir l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan jinkludi d-dritt li jinstemgħu għall-partijiet terzi li jiddikjaraw li huma s-sidien tal-proprjetà kkonċernata, jew li jiddikjaraw li jkollhom drittijiet oħra ta’ proprjetà (“drittijiet reali”, “ius in re”), bħad-dritt ta’ użufrutt. L-ordni ta’ ffriżar għandha tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata kemm jista’ jkun malajr wara li tiġi eżegwita. Minkejja dan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipposponu l-komunikazzjoni ta’ tali ordnijiet lill-persuna affettwata minħabba l-ħtiġijiet tal-investigazzjoni.

(34)

L-għan tal-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ffriżar huwa, fost l-oħrajn, li l-persuna affettwata tkun tista’ tikkontesta l-ordni. Għalhekk, tali komunikazzjoni għandha tindika, għallinqas fil-qosor, ir-raġuni jew raġunijiet li għalihom ittieħdet l-ordni kkonċernata, filwaqt li jinftiehem li tali indikazzjoni tista’ tkun konċiża ferm.

(35)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jieħdu miżuri li jippermettu li l-proprjetà konfiskata tintuża għall-interess pubbliku u għall-finijiet soċjali. Tali miżuri jistgħu fost l-oħrajn jinkludu l-allokazzjoni tal-proprjetà għal proġetti ta’ infurzar tal-liġi u prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll għal proġetti oħra ta’ interess pubbliku u utilità soċjali. Dak l-obbligu li jiġi kkunsidrat li jittieħdu miżuri jġib miegħu obbligu ta’ proċedura għall-Istati Membri, bħat-twettiq ta’ analiżi legali jew id-diskussjoni dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-introduzzjoni tal-miżuri. Meta jimmaniġġaw proprjetà ffriżata u meta jieħdu l-miżuri dwar l-użu ta’ proprjetà konfiskata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni adatta biex jipprevjenu l-infiltrazzjoni kriminali jew illegali.

(36)

L-għejun affidabbli ta’ data dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali huma skarsi. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni ta’ din id-Direttiva, jeħtieġ li jinġabar sett minimu paragunabbli ta’ data statistika xierqa dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ proprjetà, dwar l-attivitajiet ta’ intraċċar tal-assi, dwar l-attivitajiet ġudizzjarji u dwar l-attivitajiet ta’ ċessjoni tal-assi.

(37)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiġbru d-data għal ċerta statistika f’livell ċentrali, bil-għan li jibagħtuha lill-Kummissjoni. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiġbru d-data kkonċernata. Madankollu, ma jfissirx li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiksbu r-riżultat tal-ġbir tad-data meta jkun hemm piż amministrattiv sproporzjonat jew meta dan jikkostitwixxi spejjeż kbar għall-Istat Membru kkonċernat.

(38)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (“il-KEDB”), kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u ma’ dawn il-prinċipji. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-għajnuna legali u ma toħloqx xi obbligu għas-sistemi ta’ għajnuna legali tal-Istati Membri, li għandhom japplikaw f’konformità mal-Karta u mal-KEDB.

(39)

Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi żgurat li bħala regola ġenerali jingħataw raġunijiet għal ordnijiet ta’ konfiska, ħlief meta, fi proċedimenti kriminali simplifikati dwar każijiet ta’ ftit importanza, il-persuna affettwata tkun irrinunzjat id-dritt tagħha li tingħata raġunijiet.

(40)

Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ), u d-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ) li jikkonċernaw drittijiet proċedurali fi proċeduri kriminali.

(41)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-konfiska tal-proprjetà fil-qasam kriminali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif inhu stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(42)

F’konformità mal-Artikoli 3 u 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. F’konformità ma’ dak il-Protokoll, l-Irlanda għandha tkun marbuta b’din id-Direttiva biss fir-rigward tar-reati koperti mill-istrumenti li bihom hija marbuta.

(43)

F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhux qed jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. Soġġett għall-parteċipazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit għandu jkun marbut b’din id-Direttiva biss fir-rigward tar-reati koperti mill-istrumenti li bihom huwa marbut.

(44)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-iffriżar tal-proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement u dwar il-konfiska tal-proprjetà f’materji kriminali.

2.  Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jikkonfiskaw il-proprjetà inkwistjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “rikavat” tfisser kwalunkwe vantaġġ ekonomiku li jirriżulta, direttament jew indirettament minn reat kriminali; dan jista’ jikkonsisti minn kwalunkwe forma ta’ proprjetà u jinkludi kwalunkwe investiment mill-ġdid jew kwalunkwe trasformazzjoni li jsiru sussegwentement ta’ rikavat dirett u kwalunkwe benefiċċju ta’ valur;

(2) “proprjetà” tfisser proprjetà ta’ kwalunkwe deskrizzjoni, kemm jekk materjali kif ukoll jekk immaterjali, mobbli jew immobbli u d-dokumenti jew l-istrumenti legali li jixhdu dritt jew interess fi proprjetà bħal din;

(3) “mezzi strumentali” tfisser kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, bi kwalunkwe mod, kompletament jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali;

(4) “konfiska” tfisser ċaħda definittiva minn proprjetà ordnata minn qorti fir-rigward ta’ reat kriminali;

(5) “iffriżar” tfisser il-projbizzjoni temporanja tat-trasferiment, tal-qerda, tal-konverżjoni, taċ-ċessjoni jew tal-moviment ta’ proprjetà jew l-assunzjoni temporanja ta’ kustodja jew ta’ kontroll ta’ proprjetà;

(6) “reat kriminali” tfisser reat kopert minn kwalunkwe strument elenkat fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għar-reati kriminali koperti minn:

(a) Il-Konvenzjoni mfassla skont l-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ( 12 ) (il-“Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali”);

(b) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar inkonnessjoni mad-dħul tal-euro ( 13 );

(c) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti ( 14 );

(d) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità ( 15 );

(e) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu ( 16 );

(f) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat ( 17 );

(g) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi ( 18 );

(h) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ( 19 );

(i) Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/ĠAI ( 20 );

(j) Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI ( 21 );

(k) Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ( 22 ),

kif ukoll strumenti legali oħrajn jekk dawk l-istrumenti jipprevedu speċifikament li din id-Direttiva tapplika għar-reati kriminali armonizzati fiha.

Artikolu 4

Konfiska

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-mezzi strumentali u r-rikavat jew il-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għal tali mezzi strumentali jew rikavat, soġġett għal kundanna definittiva għal reat kriminali, li tista’ wkoll tirriżulta minn proċedimenti in absentia.

2.  Meta l-konfiska abbażi tal-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, tal-inqas fejn din l-impossibbiltà tkun ir-riżultat ta’ mard jew ħarba tal-persuna suspettata jew akkużata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw il-mezzi strumentali u r-rikavat f’każijiet fejn ikunu nbdew il-proċedimenti kriminali fir-rigward ta’ reat kriminali li jista’ jwassal, direttament jew indirettament, għal benefiċċju ekonomiku, u tali proċedimenti setgħu wasslu għal kundanna kriminali jekk il-persuna suspettata jew akkużata setgħet titressaq quddiem il-qorti.

Artikolu 5

Konfiska estiża

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonfiskaw, kompletament jew parzjalment, il-proprjetà li tappartjeni lil persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat kriminali li jista’ joħloq, direttament jew indirettament, benefiċċju ekonomiku, fejn qorti abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi l-fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli, bħal li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat meta mqabbel mad-dħul legali tal-persuna li tinstab ħatja, tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni nkisbet minn imġiba kriminali.

2.  Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kunċett ta’ “reat kriminali” għandu jinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a) il-korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat, kif previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/ĠAI, kif ukoll il-korruzzjoni attiva u passiva li tinvolvi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, kif previst fl-Artikoli 2 u 3, rispettivament, tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali;

(b) reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, tal-inqas f’każijiet fejn ir-reat wassal għal benefiċċju ekonomiku;

(c) li jwassal jew jirrekluta lil tifel/tifla biex jipparteċipaw f’wirjiet pornografiċi, jew li jagħmel qligħ minn jew li jisfrutta b’xi mod ieħor lil tifel/tifla għal dawn il-finijiet, jekk it-tifel/tifla ikunu għadhom ma laħqux l-età tal-kunsens sesswali, kif previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/93/UE; id-distribuzzjoni, it-tixrid jew it-trażmissjoni ta’ pedopornografija kif previst fl-Artikolu 5(4) ta’ dik id-Direttiva; l-offerta, il-forniment jew l-imġiba li tagħmel disponibbli l-pedopornografija, kif previst fl-Artikolu 5(5) ta’ dik id-Direttiva; il-produzzjoni ta’ pedopornografija, kif previst fl-Artikolu 5(6) ta’ dik id-Direttiva;

(d) interferenza illegali f’sistema u interferenza illegali fid-data, kif previst fl-Artikoli 4 u 5 rispettivament tad-Direttiva 2013/40/UE, fejn ikunu ġew affettwati għadd sostanzjali ta’ sistemi tal-informazzjoni permezz tal-użu ta’ għodda, kif previst fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva, imfassla jew adattata primarjament għal dak l-iskop; il-produzzjoni, il-bejgħ, l-akkwist għall-użu, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni intenzjonati jew li b’xi mod ieħor wieħed jagħmel disponibbli l-għodod bl-intenzjoni li jintużaw biex isir reat, għall-inqas għal każijiet li mhumiex minuri, kif previst fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva;

(e) reat kriminali li huwa punibbli, f’konformità mal-istrument rilevanti fl-Artikolu 3 jew, f’każ li l-istrument inkwistjoni ma jkunx fih limitu tal-piena, f’konformità mal-liġi nazzjonali rilevanti, b’sentenza ta’ kustodja ta’ massimu tal-inqas ta’ erba’ snin.

Artikolu 6

Konfiska fir-rigward ta’ parti terza

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw ir-rikavat, jew proprjetà oħra li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat, li, direttament jew indirettament, tkun ġiet ittrasferita minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li tkun ġiet akkwistata minn partijiet terzi mingħand il-persuna suspettata jew akkużata, tal-inqas jekk dawk il-partijiet terzi kienu jafu jew suppost li kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien biex tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta’ fatti u ċirkostanzi konkreti, inkluż li t-trasferiment jew l-akkwist sar mingħajr ħlas jew għal ammont ferm aktar baxx mill-valur fis-suq.

2.  Il-paragrafu 1 ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta’ persuni terzi in bona fide.

Artikolu 7

Iffriżar

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jiffriżaw proprjetà fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement. Dawk il-miżuri, li għandhom jiġu ordnati minn awtorità kompetenti, għandhom jinkludu azzjoni urġenti li għandha tittieħed fejn meħtieġ biex tiġi preservata l-proprjetà.

2.  Il-proprjetà fil-pussess ta’ parti terza, kif imsemmi taħt l-Artikolu 6, tista’ tkun soġġetta għal miżuri ta’ ffriżar għall-fini tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement.

Artikolu 8

Salvagwardji

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni affettwati mill-miżuri previsti skont din id-Direttiva jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ordni ta’ ffriżar tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata mill-iktar fis possibbli wara li tiġi eżegwita. Tali komunikazzjoni għandha tindika, għall-inqas fil-qosor, ir-raġuni jew raġunijiet li għalihom ittieħdet l-ordni kkonċernata. Meta jkun jeħtieġ li jiġi evitat li tiġi pperikolata l-investigazzjoni kriminali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipposponu l-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ffriżar lill-persuna affettwata.

3.  L-ordni ta’ ffriżar għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ li l-proprjetà tiġi ppreservata fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li l-persuna li l-proprjetà tagħha tkun ġiet affettwata tikkontesta l-ordni ta’ ffriżar quddiem qorti, f’konformità mal-proċeduri stipulati fil-liġi nazzjonali. Tali proċeduri jistgħu jipprevedu li meta l-ordni ta’ ffriżar inizjali tkun ittieħdet minn awtorità kompetenti li ma tkunx awtorità ġudizzjarja, tali ordni l-ewwel għandha tintbagħat għall-validazzjoni jew ir-rieżami lill-awtorità ġudizzjarja qabel ma tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti.

5.  Il-proprjetà ffriżata li ma tiġix sussegwentement ikkonfiskata għandha tintradd lura immedjatament. Il-kundizzjonijiet jew regoli ta’ proċedura li skonthom tali proprjetà tintradd lura għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

6.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe ordni ta’ konfiska tkun debitament motivata u li l-ordni tiġi kkomunikata lill-persuna affettwata. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà effettiva li persuna li fil-konfront tagħha tkun inħarġet ordni ta’ konfiska tkun tista’ tikkontesta dik l-ordni quddiem qorti.

7.  Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2012/13/UE d-Direttiva 2013/48/UE, il-persuni li l-proprjetà tagħhom tkun ġiet affettwata mill-ordni ta’ konfiska għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat matul il-proċedimenti ta’ konfiska relatati mal-istabbiliment tar-rikavat u l-mezzi strumentali sabiex iħarsu d-drittijiet tagħhom. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu infurmati b’dak id-dritt.

8.  Fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 5, il-persuna affettwata għandu jkollha l-possibbiltà effettiva li tikkontesta ċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi fatti speċifiċi u l-evidenza disponibbli li abbażi tagħhom il-proprjetà kkonċernata titqies bħala proprjetà li tkun rikavata minn imġiba kriminali.

9.  Il-partijiet terzi għandhom ikunu intitolati li jitolbu t-titolu tas-sjieda jew drittijiet ta’ proprjetà oħrajn, inkluż fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

10.  Meta, b’konsegwenza ta’ reat kriminali, il-vittmi jagħmlu talbiet kontra l-persuna li tkun soġġetta għal miżura ta’ konfiska prevista skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-miżura ta’ konfiska ma żżommx lil dawk il-vittmi milli jitolbu kumpens għat-talbiet tagħhom.

Artikolu 9

Konfiska u eżekuzzjoni effettivi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu jistgħu jiskopru u jintraċċaw il-proprjetà li għandha tiġi ffriżata u kkonfiskata anke wara kundanna definittiva għal reat kriminali jew wara proċedimenti biex jiġi applikat l-Artikolu 4(2) u biex jiżguraw l-eżekuzzjoni effettiva ta’ ordni ta’ konfiska, jekk tali ordni tkun inħarġet diġà.

Artikolu 10

Ġestjoni tal-proprjetà ffriżata u kkonfiskata

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta’ uffiċċji ċentralizzati, grupp ta’ uffiċċji speċjalizzati jew mekkaniżmi ekwivalenti, biex jiżguraw il-ġestjoni adegwata tal-proprjetà ffriżata fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi kkonfiskata sussegwentement.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-possibbiltà ta’ bejgħ jew trasferiment ta’ proprjetà, fejn meħtieġ.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jieħdu miżuri li jippermettu li l-proprjetà konfiskata tintuża għal finijiet ta’ interess pubbliku u għal finijiet soċjali.

Artikolu 11

Statistika

1.  L-Istati Membri għandhom jiġbru u jżommu b’mod regolari statistika komprensiva mill-awtoritajiet rilevanti. L-istatistika miġbura għandha tintbagħat lill-Kummissjoni kull sena u għandha tinkludi:

(a) l-għadd ta’ ordnijiet ta’ ffriżar eżegwiti;

(b) l-għadd ta’ ordnijiet ta’ konfiska eżegwiti;

(c) il-valur stmat tal-proprjetà ffriżata fil-mument tal-iffriżar, tal-inqas tal-proprjetà ffriżata fid-dawl tal-possibbiltà li tiġi sussegwentement ikkonfiskata;

(d) il-valur stmat tal-proprjetà rkuprata fil-mument tal-konfiska.

2.  Kull sena l-Istati Membri għandhom ukoll jibagħtu l-istatistika li ġejja lill-Kummissjoni, jekk din tkun disponibbli f’livell ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat:

(a) l-għadd ta’ talbiet għal mandati ta’ ffriżar li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor;

(b) l-għadd ta’ talbiet għal mandati ta’ konfiska li għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor;

(c) il- valur jew il-valur stmat tal-proprjetà rkuprata wara l-eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor.

3.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiġbru d-data msemmija fil-paragrafu 2 f’livell ċentrali.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

▼C1

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-4 ta' Ottubru 2016. Huma għandhom jibagħtu immedjatament it-test li jkun fih dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

▼B

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkkumpanjati minn referenza ta’ dan it-tip meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi biex isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test li jkun fih id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Rappurtar

▼C1

Il-Kummissjoni għandha, sal-4 ta' Ottubru 2019 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn tivvaluta l- impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti adegwati.

F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk ikunx jeħtieġ li tiġi rriveduta l-lista ta' reati fl-Artikolu 5(2).

▼B

Artikolu 14

Is-sostituzzjoni tal-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI

1.  L-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI, il-punt (a) tal-Artikolu 1 u l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/500/ĠAI, u l-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI, huma sostitwiti b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbuta minn din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri relatati mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru fil-liġi nazzjonali.

2.  Għall-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI u għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Kwadru 2001/500/ĠAI u 2005/212/ĠAI imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.



( 1 ) ĠU C 299, 4.10.2012, p. 128.

( 2 ) ĠU C 391, 18.12.2012, p. 134.

( 3 ) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2014.

( 4 ) Azzjoni Konġunta 98/699/ĠAI tat-3 ta’ Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta’ għodda u qligħ mill-kriminalità (ĠU L 333, 9.12.1998, p. 1).

( 5 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1).

( 6 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45).

( 7 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49).

( 8 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59).

( 9 ) Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

( 10 ) Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

( 11 ) Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

( 12 ) ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1.

( 13 ) ĠU L 140, 14.6.2000, p. 1.

( 14 ) ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1.

( 15 ) ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1.

( 16 ) ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

( 17 ) ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.

( 18 ) ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8.

( 19 ) ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

( 20 ) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

( 21 ) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

( 22 ) ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8.

Top