EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013R1288-20181005

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal -11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1288/2018-10-05

02013R1288 — MT — 05.10.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 1288/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal -11 ta' Diċembru 2013

li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 347 20.12.2013, p. 50)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2018/1475 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-2 ta' Ottubru 2018

  L 250

1

4.10.2018




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 1288/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal -11 ta' Diċembru 2013

li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Ambitu tal-Programm

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li jissejjaħ 'Erasmus+' ('il-Programm').

2.  Il-Programm għandu jiġi implimentat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

3.  Il-Programm għandu jkopri l-oqsma li ġejjin, filwaqt li jirrispetta l-istrutturi u l-bżonnijiet speċifiċi tad-diversi setturi fl-Istati Membri:

(a) l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha, f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-edukazzjoni skolastika (Comenius), l-edukazzjoni għolja (Erasmus), l-edukazzjoni għolja internazzjonali (Erasmus Mundus), l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u t-tagħlim tal-adulti (Grundtvig);

(b) iż-żgħażagħ (Żgħażagħ fl-Azzjoni), b'mod partikolari fil-kuntest ta' tagħlim mhux formali u informali;

(c) l-isport, b'mod partikolari l-isport tal-massa.

4.  Il-Programm għandu jinkludi dimensjoni internazzjonali mmirata biex tappoġġa l-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi l-objettivi tagħha għall-iżvilupp, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 'tagħlim tul il-ħajja' tfisser l-edukazzjoni ġenerali kollha, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim informali u t-tagħlim mhux formali li jkun sar tul il-ħajja, li jwassal għal titjib fl-għarfien, fil-ħiliet u fil-kompetenzi jew il-parteċipazzjoni fis-soċjetà f’perspettiva personali, ċivika, kulturali, soċjali u/jew tkun relatata mal-impjieg, inkluż l-għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza u gwida;

(2) 'tagħlim mhux formali' tfisser tagħlim li jseħħ permezz ta' attivitajiet ippjanati (f'termini ta' objettivi tat-tagħlim u ħin għat-tagħlim) li jinkludu xi forma ta' appoġġ għat-tagħlim (eż. relazzjoni bejn student u għalliem), iżda li mhumiex parti mis-sistema formali ta' edukazzjoni u taħriġ;

(3) 'tagħlim informali' tfisser tagħlim li jirriżulta minn attivitajiet ta' kuljum b'rabta max-xogħol, il-familja jew ir-rikreazzjoni li mhuwiex organizzat jew strutturat f'termini ta' objettivi, ħin jew appoġġ għat-tagħlim; jista' ma jkunx intenzjonali mill-perspettiva tal-istudent;

(4) 'djalogu strutturat' tfisser djalogu maż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li jservi bħala forum għal riflessjoni konġunta kontinwa dwar il-prijoritajiet, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ;

(5) 'transnazzjonali', sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, tfisser kwalunkwe azzjoni li tinvolvi mill-inqas żewġ pajjiżi fil-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 24(1);

(6) 'internazzjonali' tfisser kwalunkwe azzjoni li tinvolvi mill-inqas pajjiż fil-Programm wieħed u mill-inqas pajjiż terz wieħed ('pajjiż sħab');

(7) 'mobbiltà fit-tagħlim' tfisser iċ-ċaqliq fiżiku minn pajjiż li mhux il-pajjiż tar-residenza, sabiex isir studju, taħriġ jew tagħlim mhux formal jew informali; hija tista' tieħu l-forma ta' traineeships, apprendistatiskambji bejn iż-żgħażagħ, volontarjat, tagħlim jew parteċipazzjoni f’attività ta’ żvilupp professjonali u tista' tinkludi attivitajiet preparatorji, bħal taħriġ fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti, kif ukoll li jintbagħtu n-nies, jiġu ospitati n-nies u attivitajiet ta' segwitu;

(8) 'kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin' tfisser proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u internazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u/jew taż-żgħażagħ u jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet oħra;

(9) 'appoġġ għar-riforma tal-politika' tfisser kull tip ta’ attività mmirata biex tappoġġa u tiffaċilita l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u ta’ taħriġ, kif ukoll appoġġ għall-iżvilupp tal-politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ, permezz tal-proċess ta' kooperazzjoni politika bejn l-Istati Membri, partikolarment il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni u d-djalogu strutturat maż-żgħażagħ;

(10) 'mobbiltà virtwali' tfisser sett ta’ attivitajiet appoġġati mit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet, inkluż it-tagħlim fuq l-internet, organizzati fuq livell istituzzjonali, li jirrealizzaw jew jiffaċilitaw esperjenzi kollaborattivi transnazzjonali u/jew internazzjonali f’kuntest ta’ istruzzjoni u/jew tagħlim;

(11) 'persunal' tfisser persuni li, jew fuq bażi professjonali jew volontarja, huma involuti fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew fit-tagħlim mhux formali taż-żgħażagħ, u jista' jinkludi professuri, għalliema, persuni li jħarrġu, mexxejja tal-iskola, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u persunal mhux edukattiv;

(12) 'ħaddiem li jaħdem maż-żgħażagħ' tfisser professjonist jew voluntier involut fit-tagħlim mhux formali li jappoġġa liż-żgħażagħ fl-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali tagħhom;

(13) 'żgħażagħ' tfisser individwi bejn it-13 u t-30 sena;

(14) 'istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja' tfisser:

(a) kull tip ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalifiki rikonoxxuti oħra ta’ livell terzjarju, irrispettivament mill-isem ta’ tali stabbiliment;

(b) kull istituzzjoni li, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, toffri edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali fuq livell terzjarju;

(15) 'lawrji konġunti' tfisser programm ta’ studju integrat offrut tal-inqas minn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li jirriżulta f'ċertifikat wieħed ta' lawrja maħruġ u ffirmat b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet parteċipanti kollha u rikonoxxut uffiċjalment fil-pajjiżi fejn jinsabu l-istituzzjonijiet parteċipanti;

(16) 'lawrja doppja/lawrji multipla' tfisser programm ta’ studju offrut tal-inqas minn żewġ istituzzjonijiet (doppji) jew iktar (multipli) tal-edukazzjoni għolja li permezz tiegħu l-istudent kif ilesti l-programm ta’ studju jirċievi ċertifikat separat ta' lawrja minn kull istituzzjoni parteċipanti;

(17) 'attività taż-żgħażagħ' tfisser attività barra mill-iskola (bħal skambju ta’ żgħażagħ, volontarjat, taħriġ għaż-żgħażagħ) imwettqa minn żgħażugħ, individwalment jew fi grupp, b’mod partikolari permezz ta' organizzazzjonijiet għaż-żgħażagħ u kkaratterizzata b’approċċ ta’ tagħlim mhux formali;

(18) 'sħubija' tfisser ftehim bejn grupp ta’ istituzzjonijiet u/jew organizzazzjonijiet f'pajjiżi fil-Programm differenti sabiex iwettqu attivitajiet Ewropej konġunti fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport jew biex jistabbilixxu netwerk formali jew informali f'qasam rilevanti, bħal proġetti ta’ tagħlim konġunt għall-istudenti u l-għalliema tagħhom fl-għamla ta’ skambji tal-klassijiet u individwali, inkluża l-mobbiltà fit-tul, programmi intensivi fl-edukazzjoni għolja u kooperazzjoni bejn awtoritajiet reġjonali u lokali biex titrawwem il-kooperazzjoni inter-reġjonali, inkluża dik transkonfinali; tista’ tiġi estiża għall-istituzzjonijiet u/jew l-organizzazzjonijiet mill-pajjiżi sħab bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kwalità tas-sħubija;

(19) 'kompetenzi ewlenin' tfisser is-sett bażiku ta’ għarfien, ħiliet u attitudnijiet, li l-individwi kollha għandhom bżonn għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, għaċ-ċittadinanza attiva, għall-inklużjoni soċjali u għall-impjieg, kif deskritt fir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(20) 'Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK)' tfisser metodu intergovernattiv li jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, li l-politiki nazzjonali tagħhom b’hekk jistgħu jiġu diretti lejn ċerti objettivi komuni; fl-ambitu ta’ dan il-Programm, l-MMK japplika għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;

(21) 'għodod ta’ trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni' tfisser strumenti li jgħinu lill-partijiet interessati jifhmu, japprezzaw u kif adatt jirrikonoxxu l-eżiti tat-tagħlim u l-kwalifiki fl-Unjoni kollha;

(22) 'pajjiżi tal-viċinat' tfisser il-pajjiżi u t-territorji koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat;

(23) 'karriera doppja' tfisser taħlita ta’ taħriġ sportiv fuq livell għoli mal-edukazzjoni ġenerali jew max-xogħol;

(24) 'l-isport tal-massa' tfisser l-isport organizzat fil-livell lokali mill-isportivi mhux professjonali, u l-isport għal kulħadd.

Artikolu 3

Valur miżjud Ewropew

1.  Il-Programm għandu jappoġġa biss dawk l-azzjonijiet u l-attivitajiet li jippreżentaw valur miżjud Ewropew potenzjali u li jikkontribwixxi għall-ksib tal-għan ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 4.

2.  Il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet tal-Programm għandu jiġi żgurat partikolarment permezz ta’:

(a) il-karattru transnazzjonali tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni mmirati lejn il-kisba ta' impatt sistematiku sostenibbli;

(b) il-komplimentarjetà u s-sinerġija tagħhom ma' programmi u politiki oħra fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali;

(c) il-kontribut tagħhom għall-użu effettiv tal-għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni.

Artikolu 4

Objettivi ġenerali tal-Programm

Il-Programm għandu jikkontribwixxi sabiex jinkisbu:

(a) l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, inkluża l-mira ewlenija tal-edukazzjoni;

(b) l-objettivi tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ('ET 2020'), inklużi l-punti ta' riferiment korrispondenti;

(c) l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżi sħab fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;

(d) l-objettivi ġenerali tal-qafas imġedded ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018);

(e) l-objettiv tal-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, b'mod partikolari l-isport tal-massa, f'konformità mal-pjan ta' ħidma tal-Unjoni għall-isport; kif ukoll

(f) il-promozzjoni tal-valuri Ewropej f'konformità mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.



KAPITOLU II

Edukazzjoni u taħriġ

Artikolu 5

Objettivi speċifiċi

1.  F'konformità mal-objettiv ġenerali tal-Programm kif speċifikat fl-Artikolu 4, b'mod partikolari l-objettivi tal-ET 2020, kif ukoll l-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżi sħab fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, il-Programm għandu jilħaq l-objettivi speċifiċi:

(a) itejjeb il-livell tal-kompetenzi u tal-ħiliet ewlenin b'rigward partikolari għar-relevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-kontribuzzjoni tagħhom għal soċjetà koeżiva, b’mod partikolari permezz ta' żieda fl-opportunitajiet ta' mobbiltà ta' tagħlim u permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejn id-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol;

(b) irawwem titjib fil-kwalità, eċċellenza fl-innovazzjoni u internazzjonalizzazzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali msaħħa bejn min jipprovdi l-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet interessati oħra;

(c) jippromwovi l-ħolqien ta', u s-sensibilizzazzjoni dwar, qasam Ewropew għat-tagħlim tul il-ħajja mfassal biex jikkumplimenta riformi ta' politika fil-livell nazzjonali u li jappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, b'mod partikolari permezz ta' politika ta' kooperazzjoni msaħħa, l-użu aħjar tal-għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni u d-disseminazzjoni ta' prattiki tajbin;

(d) ikabbar id-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, b’mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u istituzzjonijiet ta' pajjiżi sħab fil-qasam tal-ETV u l-edukazzjoni għolja, billi jżid l-attrazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja u jappoġġa l-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluż l-objettivi ta’ żvilupp tagħha, permezz tal-promozzjoni tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tal-Unjoni u tal-pajjiżi sħab u permezz ta’ bini mmirat ta’ kapaċitajiet fil-pajjiżi sħab;

(e) itejjeb l-istruzzjoni u t-tagħlim tal-lingwi u jippromwovi d-diversità lingwistika kbira tal-Unjoni u l-għarfien interkulturali;

(f) jippromwovi l-eċċellenza fl-attivitajiet tat-tagħlim u r-riċerka fl-integrazzjoni Ewropea permezz tal-attivitajiet Jean Monnet madwar id-dinja kif imsemmi fl-Artikolu 10.

2.  Għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-Programm, indikaturi ewlenin li jistgħu jitkejlu u li huma rilevanti b’rabta mal-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1 huma deskritti fl-Anness I.

Artikolu 6

Azzjonijiet tal-Programm

1.  Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Programm se jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a) il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi;

(b) il-kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin; u

(c) appoġġ għar-riforma tal-politika.

2.  L-attivitajiet speċifiċi ta’ Jean Monnet huma deskritti fl-Artikolu 10.

Artikolu 7

Mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi

1.  Il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi għandha tappoġġa l-attivitajiet li ġejjin fil-pajjiżi fil-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 24(1):

(a) il-mobbiltà tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja fiċ-ċikli kollha u ta' studenti, apprendisti u skulari fit-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali. Din il-mobbiltà tista’ tkun fl-għamla ta’ studji f'istituzzjoni sieħba jew apprendistati jew kisba ta' esperjenza bħala apprendist, assistent jew trainee barra mill-pajjiż. Il-mobbiltà ta’ lawrja fil-livell ta’ Masters tista' tkun appoġġata permezz tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti kif imsemmi fl-Artikolu 20;

(b) il-mobbiltà tal-persunal, fil-pajjiżi fil-Programm kif imsemmija fl-Artikolu24(1). Din il-mobbiltà tista’ tieħu l-forma ta’ tagħlim jew assistentati, jew ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ żvilupp professjonali barra l-pajjiż.

2.  Din l-azzjoni għandha tappoġġa wkoll il-mobbiltà internazzjonali ta' studenti u ta’ persunal lejn u minn pajjiżi sħab fir-rigward tal-edukazzjoni għolja li tinkludi mobbiltà organizzata abbażi ta’ lawrji konġunti, doppji jew multipli ta’ kwalità għolja jew ta’ sejħiet konġunti.

Artikolu 8

Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin

1.  Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin għandhom jappoġġaw:

(a) sħubiji strateġiċi bejn organizzazzjonijiet u/jew istituzzjonijiet involuti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ jew f'setturi rilevanti oħra, immirati biex jiżviluppaw u jimplimentaw inizjattivi konġunti u jippromwovu tagħlim bejn il-pari u ta' skambji ta' esperjenza;

(b) sħubiji bejn id-dinja tax-xogħol u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-għamla ta’:

 alleanzi tal-għarfien bejn, b'mod partikolari, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u d-dinja tax-xogħol immirati biex jippromwovu l-kreattività, l-innovazzjoni, tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-intraprenditorji billi joffru opportunitajiet rilevanti ta’ tagħlim, li jinkludu l-iżvilupp ta’ kurrikula u ta' approċċi pedagoġiċi ġodda;

 alleanzi tal-ħiliet settorali bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol immirati biex jippromwovu l-impjegabbiltà, jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ kurrikula ġodda speċifiċi għas-settur jew transettorjali, jiżviluppaw metodi innovattivi għat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali u jpoġġu fil-prattika l-għodod ta' trasparenza u ta' rikonoxximent tal-Unjoni;

(c) Pjattaformi ta’ appoġġ tal-IT, li jkopru s-setturi tal-edukazzjoni kollha, li jinkludu b’mod partikolari ġemellaġġ elettroniku, jippermettu tagħlim minn pari, mobbiltà virtwali u skambji tal-aħjar prattiki u ftuħ tal-aċċess għall-parteċipanti minn pajjiżi tal-viċinat.

2.  Din l-azzjoni għandha tappoġġa wkoll l-iżvilupp, il-bini ta' kapaċità, l-integrazzjoni reġjonali, l-iskambji ta' għarfien u l-proċessi ta' modernizzazzjoni permezz ta' sħubiji internazzjonali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Unjoni u f’pajjiżi sħab, b’mod partikolari, għal tagħlim minn pari u proġetti konġunti tal-edukazzjoni, kif ukoll permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u Uffiċċji Nazzjonali tal-Informazzjoni, b'mod partikolari mal-pajjiżi tal-viċinat.

Artikolu 9

Appoġġ għar-riforma tal-politika

1.  L-appoġġ għar-riforma tal-politika għandu jinkludi l-attivitajiet mibdija fil-livell tal-Unjoni marbuta ma':

(a) l-implimentazzjoni tal-aġenda politika tal-Unjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kuntest tal-MMK, kif ukoll tal-proċessi ta’ Bolonja u ta’ Kopenħagen;

(b) l-implimentazzjoni fil-pajjiżi fil-Programm tal-għodod tat-trasparenza u r-rikonoxximent tal-Unjoni, partikolarment fil-qafas waħdieni tal-Unjoni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass), il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF), is-Sistema Ewropea tat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni tal-Krediti (ECTS), is-Sistema Ewropea tal-Krediti għall-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET), ir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR) u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA), u d-dispożizzjonijiet ta’ appoġġ għan-netwerks mal-Unjoni kollha u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) Ewropej attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(c) id-djalogu ta' politika mal-partijiet interessati Ewropej rilevanti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(d) in-NARIC, in-netwerks Eurydice u Euroguidance, u ċ-Ċentri Nazzjonali Europass.

2.  Din l-azzjoni għandha tappoġġa wkoll djalogu politiku ma’ pajjiżi sħab u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 10

Attivitajiet Jean Monnet

L-attivitajiet Jean Monnet għandhom jimmiraw biex:

(a) jippromwovu l-istruzzjoni u r-riċerka dwar l-integrazzjoni Ewropea dinjija fost akkademiċi speċjalizzati, dawk li qed jitgħallmu u ċittadini, b’mod partikolari permezz tal-ħolqien tal-Katedri Jean Monnet u attivitajiet oħra akkademiċi, kif ukoll billi jipprovdu għajnuna għal attivitajiet oħra ta’ tiswir ta’ għarfien f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja;

(b) jappoġġaw l-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet jew assoċjazzjonijiet akkademiċi attivi fil-qasam tal-istudji Ewropej ta’ integrazzjoni u jappoġġaw tikketta ta’ Jean Monnet għall-eċċellenza;

(c) jappoġġaw l-istituzzjonijiet li ġejjin, li jsegwu mira ta’ interess Ewropew:

(i) l-Istitut Universitarju Ewropew ta’ Firenze;

(ii) il-Kulleġġ tal-Ewropa (il-kampus ta’ Bruges u dak ta’ Natolin);

(iii) l-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EIPA), Maastricht;

(iv) l-Akkademja tad-Dritt Ewropew, Trier;

(v) l-Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp tal-Edukazzjoni għal Persuni bi Bżonnijiet Speċjali, Odense;

(vi) iċ-Ċentru Internazzjonali għat-Taħriġ Ewropew (CIFE), Nizza;

(d) jippromwovu dibattitu dwar il-politiki u skambji bejn id-dinja akkademika u dawk li jfasslu l-politika dwar prijoritajiet politiki tal-Unjoni.



KAPITOLU III

Żgħażagħ

Artikolu 11

Objettivi speċifiċi

1.  F'konformità mal-objettiv ġenerali tal-Programm kif speċifikat fl-Artikolu 4, b'mod partikolari l-objettivi tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2012-2018), il-Programm għandu jsegwi l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) itejjeb il-livell tal-kompetenzi u l-ħiliet ewlenin taż-żgħażagħ, inkluż dawk li għandhom inqas opportunitajiet, kif ukoll jippromwovi l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika fl-Ewropa u fis-suq tax-xogħol, iċ-ċittadinanza attiva, id-djalogu interkulturali, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fl-opportunitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim għaż-żgħażagħ, dawk attivi fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ jew f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ, u permezz ta’ rabtiet imsaħħa bejn il-qasam taż-żgħażagħ u s-suq tax-xogħol;

(b) irawwem it-titjib ta' kwalità fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, b’mod partikolari il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-organizzazjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ u/jew partijiet interessati oħra;

(c) jikkomplimentaw riformi tal-politika f’livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ politika taż-żgħażagħ imsejsa fuq l-għarfien u l-evidenza kif ukoll ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-politiki, użu aħjar tal-għodda tat-trasparenza u ta’ rikonoxximent tal-Unjoni u d-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki;

(d) itejbu d-dimensjoni internazzjonali ta’ attivitajiet fil-qasam taż-żgħażagħ u r-rwol tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bħala strutturi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ b’komplimentarjetà mal-azzjoni esterna tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-mobbiltà u kooperazzjoni bejn partijiet interessati tal-Unjoni u ta’ pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali, u permezz ta’ ħidma immirata għall-bini tal-kapaċitajiet f’pajjiżi sħab.

2.  Għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-Programm, indikaturi ewlenin li jistgħu jitkejlu u li huma rilevanti b’rabta mal-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1 huma deskritti fl-Anness I.

Artikolu 12

Azzjonijiet tal-Programm

Il-Programm se jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a) il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi;

(b) il-kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin;

(c) appoġġ għar-riforma tal-politika.

▼M1

Artikolu 13

Il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi

1.  Il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi għandha tappoġġja:

(a) il-mobbiltà taż-żgħażagħ fl-attivitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali bejn il-pajjiżi fil-Programm; tali mobbiltà tista' tieħu l-forma ta' skambji taż-żgħażagħ, kif ukoll ta' attivitajiet innovattivi abbażi ta' dispożizzjonijiet eżistenti għall-mobbiltà;

(b) il-mobbiltà ta' persuni attivi fix-xogħol taż-żgħażagħ jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ; tali mobbiltà tista' tieħu l-forma ta' attivitajiet ta' taħriġ u ta' netwerking.

2.  Din l-azzjoni għandha tappoġġja wkoll il-mobbiltà taż-żgħażagħ, kif ukoll il-mobbiltà ta' persuni attivi fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ta' mexxejja taż-żgħażagħ, minn pajjiżi sħab jew lejhom, b'mod partikolari pajjiżi tal-viċinat.

▼B

Artikolu 14

Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin

1.  Kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju ta' prattiki tajbin għandhom jappoġġaw:

(a) sħubiji strateġiċi immirati lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi konġunti, inklużi inizjattivi għaż-żgħażagħ u proġetti dwar iċ-ċittadinanza li jippromwovu ċittadinanza attiva, innovaxxjoni soċjali, parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika u intraprenditorija, permezz ta' tagħlim bejn il-pari u skambji ta' esperjenzi;

(b) pjattaformi ta’ appoġġ tal-IT li jippermettu t-tagħlim minn pari, ix-xogħol maż-żgħażagħ imsejjes fuq l-għarfien u l-iskambji tal-aħjar prattiki.

2.  Din l-azzjoni għandha tappoġġa wkoll l-iżvilupp, il-bini ta' kapaċità u l-iskambji ta' għarfien permezz ta’ sħubiji bejn organizzazzjonijiet f'pajjiżi fil-Programm u pajjiżi sħab, b'mod partikolari permezz tat-tagħlim minn pari.

Artikolu 15

Appoġġ għar-riforma tal-politika

1.  L-azzjoni ta’ appoġġ għar-riforma tal-politika għandha tinkludi attivitajiet marbuta ma’:

(a) l-implimentazzjoni tal-aġenda politika tal-Unjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, bl-użu tal-MMK;

(b) l-implimentazzjoni fil-pajjiżi fil-Programm tal-għodod ta' trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni, b'mod partikolari il-Youthpass, u l-appoġġ għan-netwerks kollha tal-Unjoni u NGOs Ewropej għaż-żgħażagħ;

(c) djalogu ta’ politika mal-partijiet interessati Ewropej rilevanti u djalogu strutturat maż-żgħażagħ;

(d) il-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ, ċentri tar-riżorsi għall-iżvilupp tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u n-netwerk Eurodesk.

2.  Din l-azzjoni għandha tappoġġa wkoll djalogu politiku ma’ pajjiżi sħab u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.



KAPITOLU IV

Sport

Artikolu 16

Objettivi speċifiċi

1.  F'konformità mal-objettiv ġenerali tal-Programm kif speċifikat fl-Artikolu 4, u mal-pjan ta' ħidma tal-Unjoni għall-isport, il-Programm għandu jiffoka b'mod partikolari fuq l-isport b'parteċipazzjoni tal-massa u għandu jsegwi l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) biex jindirizza t-theddid transkonfinali għall-integrità tal-isport, bħad-doping, ix-xiri tal-logħob u l-vjolenza, kif ukoll kull tip ta’ intolleranza u diskriminazzjoni;

(b) biex jippromwovi u jappoġġa l-governanza tajba fl-isport u l-karrieri doppji tal-atleti;

(c) biex jippromwovi attivitajiet volontarji fl-isport, flimkien mal-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa permezz ta’ żieda fil-parteċipazzjoni fl-isport u aċċess ugwali għall-isport, għal kulħadd.

2.  Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-Programm, indikaturi ewlenin li jistgħu jitkejlu u li huma rilevanti b’rabta mal-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1 huma deskritti fl-Anness I.

Artikolu 17

Attivitajiet

1.  L-objettivi tal-kooperazzjoni għandhom ikunu segwiti permezz tal-attivitajiet transnazzjonali li ġejjin, li għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq l-isport b'parteċipazzjoni tal-massa:

(a) appoġġ għal sħubiji kollaborattivi;

(b) appoġġ għal avvenimenti Ewropej tal-isport mingħajr skop ta’ qligħ li jinvolvu diversi pajjiżi fil-Programm u jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 16(1);

(c) appoġġ għat-tisħiħ tal-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika;

(d) id-djalogu mal-partijiet interessati Ewropej rilevanti.

2.  L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jfittxu li jiksbu finanzjament supplimentari minn partijiet terzi, bħal intrapriżi privati.



KAPITOLU IV

Disposizzjonijiet finanzjarji

Artikolu 18

Baġit

▼M1

1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm mill-1 ta' Jannar 2014 huwa stabbilit għal EUR 14 542 724 000 fil-prezzijiet kurrenti.

2.  L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għall-azzjonijiet tal-Programm kif ġej, b'marġni ta' flessibbiltà li ma jeċċedix il-5 % ta' kull wieħed mill-ammonti allokati:

(a) tal-inqas 80,8 % lill-edukazzjoni u t-taħriġ, li minnhom se jiġu assenjati l-allokazzjonijiet minimi li ġejjin:

(i) 44,3 % lill-edukazzjoni għolja, li jirrappreżentaw 35,7 % tal-baġit totali;

(ii) 21,4 % lill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jirrappreżentaw 17,3 % tal-baġit totali;

(iii) 14,6 % lill-edukazzjoni fl-iskejjel, li jirrappreżentaw 11,8 % tal-baġit totali;

(iv) 4,9 % lit-tagħlim lill-adulti, li jirrappreżentaw 3,9 % tal-baġit totali;

(b) 8,6 % liż-żgħażagħ;

(c) sa 1,5 % lill-Faċilità ta' Garanzija ta' Self lill-Istudenti;

(d) 1,9 % lil Jean Monnet;

(e) 1,8 % lill-isport, li minnhom mhux iktar minn 10 % lill-attività msemmija taħt il-punt (b) tal-Artikolu 17(1);

(f) 3,4 % bħala għotjiet operattivi lil aġenziji nazzjonali;

(g) 1,8 % biex ikopru n-nefqa amministrattiva.

3.  Mill-allokazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, mill-inqas 63 % għandhom jiġu allokati għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi, mill-inqas 27 % għall-kooperazzjoni għal innovazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajbin u mill-inqas 4,2 % għall-appoġġ għar-riforma tal-politika.

▼B

4.  Addizzjonalment għall-pakkett finanzjarju kif indikat fil-paragrafu 1, u sabiex tiġi promossa d-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja, finanzjament addizzjonali, kif provdut fl-istrumenti esterni differenti (l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), u l-Istrument tas-Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (PI) u l-Istrument għall-Għajnuna Qabel l-Adeżjoni (IPA), għandu jiġi allokat għal azzjonijiet fir-rigward tal-mobbiltà fit-tagħlim lejn jew minn pajjiżi sħab, u għall-kooperazzjoni u d-djalogu politiku mal-awtoritajiet, istituzzjonijiet u organizazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi. Dan ir-Regolament se japplika għall-użu ta’ dawk il-fondi, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolamenti li jirregolaw rispettivament dawk l-istrumenti esterni, u, fil-każ tad-DCI, li jissodisfaw ukoll l-kriterji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, kif stabbiliti mill-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi.

Il-finanzjament għandu jsir disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru biss l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jifdal rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak il-finanzjament se tkun determinata fl-ipprogrammar indikattiv pluriennali tal-istrumenti esterni msemmija fl-ewwel subparagrafu, f’konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. Kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab tista’ tkun ibbażata, fejn hu rilevanti, fuq approprjazzjonijiet addizzjonali minn dawk sabiex tkun disponibbli skont il-proċeduri li jridu jiġu miftehma ma' dawk il-pajjiżi.

L-azzjoni ta' mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal bejn il-pajjiżi fil-Programm u l-pajjiżi sħab, iffinanzjata permezz tal-allokazzjoni mid-DCI, għandha tiffoka fuq oqsma li huma rilevanti għall-iżvilupp inklussiv u sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

5.  L-allokazzjoni finanzjarja tal-Programm tista’ tkopri wkoll spejjeż li huma ta’ attivitajiet ta’ preparazzjoni, ta' monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u r-realizzazzjoni tal-objettivi tiegħu, b’mod partikolari studji, laqgħat ta' esperti u azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni kemm-il darba huma marbuta mal-objettiv ġenerali ta' dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbuta mat-TI li jiffokaw fuq l-iskambju u l-ipproċessar ta’ informazzjoni, u spejjeż oħra fuq għajnuna teknika u amministrattiva li l-Kummissjoni jista’ jkollha rikors għalihom għall-ġestjoni tal-Programm.

6.  L-allokazzjoni finanzjarja tista' tkopri wkoll l-ispejjeż ta' assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE. Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2020 biex ikopru spejjeż simili, sabiex tiġi permessa l-ġestjoni tal-azzjonijiet u l-attivitajiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2020.

7.  Il-fondi għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 12 li jridu jiġu ġestiti minn aġenzija jew aġenziji nazzjonali ('aġenzija nazzjonali') għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni. Il-parametru tal-prestazzjoni għandu jammonta għal 25 % tal-fondi totali skont il-kriterji msemmija fil-paragrafi 8 u 9. Fir-rigward tas-sħubiji strateġiċi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 14(1) li għandhom jintgħażlu u jiġu ġestiti minn aġenzija nazzjonali, il-fondi għandhom jiġu allokati abbażi ta' kriterji li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 36(3). Dawk il-formuli għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu newtrali fir-rigward tas-sistemi differenti ta' edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri, għandhom jevitaw tnaqqis sostanzjali fil-baġit annwali allokat lill-Istati Membri minn sena għall-oħra u għandhom jimminimizzaw żbilanċi eċċessivi fil-livell tal-għotjiet allokati.

8.  L-allokazzjoni ta’ fondi abbażi tal-prestazzjoni għandha tapplika sabiex tippromwovi l-użu effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi. Il-kriterji użati biex titkejjel il-prestazzjoni għandhom ikunu bbażat fuq l-aktar data reċenti u għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq:

(a) il-livell ta' eżiti annwali li saru; u

(b) il-livell ta’ ħlasijiet annwali li saru.

9.  L-allokazzjoni tal-fondi għas-sena 2014 għandha tkun ibbażata fuq l-aktar data reċenti disponibbli dwar l-azzjonijiet imwettqa u l-livell tal-baġit użat taħt it-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u l-programmi Erasmus Mundus implimentati sa u inkluż il-31 ta' Diċembru 2013.

10.  Il-Programm jista’ jipprovdi appoġġ permezz ta’ modalitajiet innovattivi ta’ finanzjament, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 20.

Artikolu 19

Modalitajiet speċifiċi ta’ finanzjament

1.  Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tniedi sejħiet konġunti ma’ pajjiżi sħab jew l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji tagħhom biex jiffinanzjaw il-proġetti abbażi ta' fondi mqabbla. Il-Proġetti jistgħu jiġu evalwati u magħżula permezz ta’ proċeduri konġunti ta’ evalwazzjoni u għażla li għandhom jiġu miftiehma mill-aġenziji ta’ finanzjament involuti, f’konformità mal-prinċipji stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

3.  Il-korpi pubbliċi, kif ukoll l-iskejjel, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li jkunu rċevew iktar minn 50 % tad-dħul annwali tagħhom minn sorsi pubbliċi fl-aħħar sentejn għandhom jitqiesu li għandhom il-kapaċità finanzjarja, professjonali u amministrattiva meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet skont il-Programm. Ma għandhomx għalfejn jippreżentaw aktar dokumentazzjoni biex juru dik il-kapaċità.

4.  B'deroga mill-Artikolu 130(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u f'każijiet debitament iġġustifikati, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet appoġġati u mġarrba matul l-ewwel sitt xhur tal-2014 bħala eliġibbli għal finanzjament mill-1 ta' Jannar 2014, anki jekk il-benefiċjarju ma jkunx ġarrabhom qabel ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-għotja.

5.  L-ammont imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 137(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ma għandux japplika għall-appoġġ finanzjarju għall-mobbiltà fit-tagħlim mogħti lill-individwi.

Artikolu 20

Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti

1.  Il-Faċilità ta' Garanzija tas-Self lill-Istudenti għandha tipprovdi garanziji parzjali lil intermedjarji finanzjarji fir-rigward ta' self, bl-aktar termini favorevoli possibbli, lil studenti li jkunu qed jipprovaw jiksbu lawrja tat-tieni ċiklu, bħal lawrja tal-Masters, f'istituzzjoni rikonoxxuta tal-edukazzjoni għolja f'pajjiż fil-Programm, msemmija fl-Artikolu 24(1), li la mhu pajjiż ta' residenza tagħhom u lanqas ma hu il-pajjiż li fih ikunu kisbu l-kwalifiki li jagħtuhom aċċess għall-programm ta' Masters.

2.  Il-garanziji maħruġin permezz tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti għandhom ikopru self tal-istudenti ġdid eliġibbli sa ammont massimu ta' EUR 12 000 għal programm fuq sena u sa massimu ta' EUR 18 000 għal programm ta' massimu sentejn, jew ammont ekwivalenti fil-munita lokali.

3.  Il-ġestjoni tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti fil-livell tal-Unjoni għandha titħalla f'idejn il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 abbażi ta' ftehim ta' delega mal-Kummissjoni, li jistabbilixxi r-regoli u r-rekwiżiti dettaljati li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti u l-obbligi rispettivi tal-partijiet. Abbażi ta' dan kollu, il-FEI għandha tikkonkludi ftehimiet ma' intermedjarji finanzjarji, bħal banek, istituzzjonijiet nazzjoni u/jew reġjonali ta' self lill-istudenti jew istituzzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti oħra, u għandha tipprova tagħżel intermedjarju finanzjarju minn kull wieħed mill-pajjiżi fil-Programm, sabiex jiġi żgurat li l-istudenti mill-pajjiżi fil-Programm kollha jkollhom aċċess għall-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti b'mod konsistenti u non-diskriminatorju.

4.  L-informazzjoni teknika dwar kif taħdem il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti hija mogħtija fl-Anness II.



KAPITOLU V

Prestazzjoni, riżultati u disseminazzjoni

Artikolu 21

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-prestazzjoni u tar-riżultati

1.  Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha timmonitorja u tirrapporta b’mod regolari dwar il-prestazzjoni u r-riżultati tal-Programm kif imkejjel skont l-objettivi tiegħu, b'attenzjoni partikolari għal:

(a) il-valur miżjud Ewropew kif imsemmi fl-Artikolu 3;

(b) id-distribuzzjoni tal-fondi assoċjati mas-setturi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, bil-għan li tiġi żgurata, sa tmiem il-Programm, allokazzjoni ta' fondi li tiggarantixxi impatt sistematiku sostenibbli;

(c) l-użu tal-fondi derivati minn strumenti esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 18(4) u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-objettivi rispettivi u l-prinċipji ta' dawk l-istrumenti.

2.  Minbarra li twettaq l-monitoraġġ kontinwu, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu sal-31 ta' Diċembru 2017 sabiex tevalwa l-effettività tal-miżuri meħuda biex jinkisbu l-għanijiet tal-Programm u biex tevalwa l-effiċjenza tal-Programm u l-valur miżjud Ewropew tiegħu, akkumpanjat, jekk xieraq, ma' proposta leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament. Ir-rapport ta' evalwazzjoni I r-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu għandu jindirizza l-ambitu għas-simplifikazzjoni tal-Programm, il-koerenza interna u esterna, ir-relevanza ssuktata tal-objettivi kollha tiegħu, kif ukoll il-kontribuzzjoni magħmula mill-miżuri meħuda għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020. Hija għandha tqis ukoll ir-riżultati tal-evalwazzjoni dwar l-impatt fit-tul tal-programmi ta’ qabel (Tagħlim Tul il-Ħajja, Żgħażagħ fl-Azzjoni, Erasmus Mundus u programmi internazzjonali oħra tal-edukazzjoni għolja).

3.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu msemmi fil-paragrafu 2 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

4.  Bla ħsara għar-rekwiżiti stipulati fil-Kapitlu VII u l-obbligi tal-aġenziji nazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 28, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ Ġunju 2017, rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom.

5.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni finali tal-Programm lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sat-30 ta' Ġunju 2022.

Artikolu 22

Komunikazzjoni u disseminazzjoni

1.  Il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri għandha tiżgura d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni, pubbliċità u segwitu fir-rigward tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha appoġġati skont il-Programm, kif ukoll id-disseminazzjoni tar-riżultati tal-programmi preċedenti Tagħlim Tul il-Ħajja, Żgħażagħ fl-Azzjoni u Erasmus Mundus.

2.  Il-benefiċjarji tal-proġetti appoġġati permezz ta’ azzjonijiet u attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 6, 10, 12, 17, u 20 għandhom jiżguraw li r-riżultati u l-evalwazzjoni tal-impatti miksuba jiġu komunikati u disseminati b' mod xieraq. Dan jista’ jinkludi l-forniment ta' informazzjoni bejn il-pari dwar opportunitajiet ta’ mobbiltà;

3.  L-aġenziji nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 28, għandhom jiżviluppaw politika konsistenti fir-rigward tad-disseminazzjoni u l-isfruttament effikaċi tar-riżultati ta’ attivitajiet appoġġati skont l-azzjonijiet li jiġġestixxu fil-Programm, għandhom jassistu l-Kummissjoni fil-kompitu ġenerali ta’ disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-Programm, inklużi informazzjoni dwar azzjonijiet u attivitajiet ġestiti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, u r-riżultati tiegħu, u għandhom jinfurmaw il-gruppi mira rilevanti dwar l-azzjonijiet imwettqa fil-pajjiżi tagħhom.

4.  Il-korpi pubbliċi u privati fis-setturi koperti mill-Programm għandhom jużaw il-marka kummerċjali 'Erasmus+' għall-finijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni ta’ informazzjoni marbuta mal-programm. Għas-setturi differenti tal-Programm, għandhom jintużaw l-ismijiet tal-marki li ġejjin:

 'Comenius', assoċjata mal-edukazzjoni fl-iskejjel;

 'Erasmus', assoċjata ma’ kull tip ta' edukazzjoni għolja fil-pajjiżi fil-Programm;

 'Erasmus Mundus', assoċjata ma’ kull tip ta' attivitajiet ta' edukazzjoni għolja bejn il-pajjiżi fil-Programm u l-pajjiżi sħab;

 'Leonardo da Vinci', assoċjata mal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali;

 'Grundtvig', assoċjata mat-tagħlim tal-adulti;

 'Żgħażagħ fl-Azzjoni', assoċjata mat-tagħlim mhux formali u informali fil-qasam taż-żgħażagħ;

 'Sports', assoċjata ma’ attivitajiet fil-qasam tal-isport.

5.  Attivitajiet ta’ komunikazzjoni għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni bejn il-korpi dwar il-prijoritajiet politiki tal-Unjoni bil-kundizzjoni li dawn huma relatati mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament.



KAPITOLU VII

Aċċess għall-Programm

Artikolu 23

Aċċess

1.  Kwalunkwe korp pubbliku jew privat attiv fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport tal-massa jista' japplika għall-finanzjament taħt dan il-Programm. Fil-każ tal-attivitajiet imsemmijja fil-punt (a) tal-Artikolu 13(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 14(1), il-Programm għandu wkoll jappoġġa l-parteċipazzjoni ta' gruppi ta’ żgħażagħ li huma attivi fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, iżda mhux neċessarjament fil-kuntest ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ.

2.  Meta jimplimentaw il-Programm, inter alia fir-rigward tal-għażla tal-parteċipanti u l-għoti ta' boroż ta' studji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw sforzi partikolari għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ta' nies bi bżonnijiet speċjali jew anqas opportunitajiet.

Artikolu 24

Parteċipazzjoni tal-pajjiż

1.  Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin ('il-pajjiżi fil-Programm'):

(a) l-Istati Membri;

(b) il-pajjiżi tal-adeżjoni, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-Programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas rispettivi, id-deċiżjonijiet ta' Assoċjazzjoni tal-Kunsill jew ftehimiet simili;

(c) dawk il-pajjiżi EFTA li huma parti mill-Ftehim ŻEE, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim;

(d) il-Konfederazzjoni Svizzera, abbażi ta’ ftehim bilaterali li għandu jiġi konkluż ma’ dak il-pajjiż;

(e) dawk il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li jipprevedu l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-programmi tal-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim bilaterli mal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm.

2.  Il-pajjiżi fil-Programm għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi kollha u għandhom jissodisfaw il-kompiti kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-Istati Membri.

3.  Il-Programm għandu jappoġġa l-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab, b' mod partikolari pajjiżi tal-viċinat, f’azzjonijiet u attivitajiet kif imsemmija fl-Artikoli 6, 10 u 12.



KAPITOLU VII

Sistema ta' ġestjoni u verifika

Artikolu 25

Komplementarjetà

Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza globali u l-komplementarjetà tal-programm mal-:

(a) politikai u l-programmi rilevanti, b’mod partikolari dawk b'rabta mal-kultura u l-midja, l-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-industrija u l-intrapriżi, il-politika ta’ koeżjoni u tal-iżvilupp, kif ukoll politika u inizjattivi dwar it-tkabbir, strumenti u strateġiji fil-qasam tal-politika reġjonali u r-relazzjonijiet esterni;

(b) sorsi l-oħra rilevanti ta’ finanzjament tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew u l-istrumenti finanzjarji l-oħra marbuta mal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-'Orizzont 2020' - il-Programmi Qafas għal Riċerka u Innovazzjoni, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji relatati mal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza, is-saħħa, il-programmi ta’ kooperazzjoni esterna u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni.

Artikolu 26

Korpi ta’ implimentazzjoni

Il-Programm għandu jiġi implimentat b'mod konsistenti mill-korpi li ġejjin:

(a) il-Kummissjoni fil-livell tal-Unjoni;

(b) l-aġenziji nazzjonali fil-livell nazzjonali fil-pajjiżi fil-Programm.

Artikolu 27

Awtorità nazzjonali

1.  It-terminu 'awtorità nazzjonali' jirriferi għal awtorità nazzjonali waħda jew iktar f'konformià mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

2.  Sa 22 ta’ Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni peremzz ta’ notifika formali mir-Rappreżentant Permanenti tal-persuna/i awtorizzata/i legalment biex taġixxi/jaġixxu f’isimhom bħala l-'awtorità nazzjonali' għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Fil-każ ta’ sostituzzjoni tal-awtorità nazzjonali matul l-iżvolġiment tal-Programm, l-Istat Membru rilevanti għandu immedjatament jinnotifika lill-Kummissjoni, f'konformità mal-istess proċedura.

3.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għat-tħaddim tajjeb tal-Programm, inkluż, fejn dan ikun possibbli, miżuri maħsuba biex jirriżolvu kwestjonijiet li jikkawżaw diffikultajiet fil-ksib tal-viżi.

4.  Sa 22 ta’ Marzu 2014, l-awtorità nazzjonali għandha taħtar aġenzija nazzjonali jew aġenziji nazzjonali. F'każijiet fejn ikun hemm aktar minn aġenzija nazzjonali waħda, l-Istati Membri għandhom jiżguraw mekkaniżmu adegwat għall-ġestjoni kkoordinata tal-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiżguraw implimentazzjoni koerenti u kosteffiċjenti tal-Programm u kuntatt effikaċi mal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, u biex jiffaċilitaw it-trasferiment possibbli tal-fondi bejn l-aġenziji, biex b'hekk jippermettu l-flessibbiltà u użu aħjar tal-fondi allokati lill-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(3), kull Stat Membru għandu jiddetermina kif jorganizza r-relazzjoni bejn l-awtorità nazzjonali u l-aġenzija nazzjonali, inkluż kompiti bħall-istabbiliment tal-programm ta' ħidma annwali tal-aġenzija nazzjonali.

L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’evalwazzjoni tal-konformità ex-ante li l-aġenzija nazzjonali tikkonforma mal-punti (c)(v) u (vi) tal-Artikolu 58(1) u l-Artikolu 60(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u l-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni Delegat (UE) Nru 1268/2012 ( 2 ), kif ukoll mar-rekwiżiti tal-Unjoni għall-istandards tal-kontroll intern għall-aġenziji nazzjonali u r-regoli għall-ġestjoni tal-fondi tal-Programm għall-appoġġ f’għamla ta’ għotjiet.

5.  L-awtorità nazzjonali għandha taħtar korp indipendenti ta’ verifika kif imsemmi fl-Artikolu 30.

6.  L-awtorità nazzjonali għandha tibbaża l-evalwazzjoni tal-konformità ex ante tagħha fuq il-kontrolli u l-verifiki tagħha stess, u/jew fuq il-kontrolli u l-verifiki li saru mill-korp indipendenti tal-verifika msemmi fl-Artikolu 30.

7.  Fejn l-aġenzija nazzjonali maħtura għall-Programm tkun l-istess bħall-aġenzija nazzjonali maħtura għall-programmi preċedenti Tagħlim Tul il-Ħajja jew Żgħażagħ fl-Azzjoni, l-ambitu tal-kontrolli u l-verifiki għall-evalwazzjoni tal-konformità ex ante jista' jkun limitat għar-rekwiżiti li jkunu ġodda u speċifiċi għall-Programm.

8.  L-awtorità nazzjonali għandha timmonitorja u twettaq superviżjoni tal-ġestjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali. Għandha tinforma u tikkonsulta lill-Kummissjoni mingħajr dewmien qabel ma tieħu kull deċiżjoni li jista’ jkollha impatt sinifikattiv fuq il-ġestjoni tal-Programm, partikolarment dwar l-aġenzija nazzjonali tagħha.

9.  L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi kofinanzjament adegwat għall-operazzjonijiet tal-aġenzija nazzjonali biex tiżgura li l-Programm ikun ġestit f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.

10.  Fil-każ li l-Kummissjoni tirrifjuta l-ħatra tal-aġenzija nazzjonali fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-konformità ex ante tagħha, l-awtorità nazzjonali għandha tiżgura li l-passi meħtieġa ta' rimedju jittieħdu biex l-aġenzija nazzjonali tkun tista' tikkonforma mar-rekwiżiti minimi stipulati mill-Kummissjoni, jew għandha tinnomina korp ieħor bħala aġenzija nazzjonali.

11.  Fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali, l-opinjoni tal-verifika indipendenti u l-analiżi tal-Kummissjoni tal-konformità u l-prestazzjoni tal-aġenzija nazzjonali, l-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi lill-Kummissjoni, sat-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, b' informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u superviżjoni fir-rigward tal-Programm.

12.  L-awtorità nazzjonali għandha tieħu responsabbiltà tal-ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni ttrasferiti mill-Kummissjoni lill-aġenzija nazzjonali permezz ta' appoġġ fil-forma ta' għotja li jingħataw skont il-Programm.

13.  F’każ ta’ xi irregolarità, negliġenza jew frodi li jkunu imputabbli lill-aġenzija nazzjonali, jew kwalunkwe nuqqasijiet serji jew prestazzjoni insuffiċjenti tal-aġenzija nazzjonali, u fejn dan iwassal għal pretensjonijiet mill-Kummissjoni kontra l-aġenzija nazzjonali, l-awtorità nazzjonali għandha tkun suġġetta li tħallas lura lill-Kummissjoni ill-fondi mhux irkuprati.

14.  Fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 12, l-awtorità nazzjonali tista’ tirrevoka l-aġenzija nazzjonali bl-inizjattiva tagħha jew wara talba mill-Kummissjoni tirrevoka l-mandat tal-awtorità nazzjonali. F’każ li l-awtorità nazzjonali tixtieq tirrevoka dak il-mandat għal kwalunkwe raġunioħra ġġustifikata, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bir-revoka minn tal-inqas sitt xhur qabel id-data maħsuba għal tmiem il-mandat tal-aġenzija nazzjonali. F’dan il-każ, l-awtorità nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom formalment jaqblu dwar miżuri tranżitorji speċifiċi u fil-ħin.

15.  Fil-każ ta’ revoka, l-awtorità nazzjonali għandha twettaq l-kontrolli meħtieġa dwar il-fondi tal-Unjoni fdati lill-aġenzija nazzjonali li l-mandat tagħha ġie rrevokat u għandha tiżgura trasferiment bla tfixkil ta' dawk il-fondi u tad-dokumenti u tal-għodod ta' ġestjoni kollha meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm lill-aġenzija nazzjonali l-ġdida. L-awtorità nazzjonali għandha tipprovdi lill-aġenzija nazzjonali li l-mandat tagħha ġie rrevokat bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex tkompli timplimenta l-obbligi kuntrattwali fil-konfront tal-benefiċjarji tal-Programm u l-Kummissjoni sakemm isir trasferiment ta' dawk l-obbligi lill-aġenzija nazzjonali ġdida.

16.  Jekk il-Kummissjoni titlob dan, l-awtorità nazzjonali għandha tinnomina l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet, jew it-tipi ta' dawn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet, li għandhom jiġu kkunsidrati eliġibbli biex jipparteċipaw f’azzjonijiet speċifiċi tal-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom.

Artikolu 28

Aġenzija nazzjonali

1.  It-terminu 'aġenzija nazzjonali' jirriferi għal aġenzija nazzjonali waħda jew iktar f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

2.  L-aġenzija nazzjonali għandha:

(a) jkollha personalità ġuridika jew tkun parti minn entità li jkollha personalità ġuridika, u tkun regolata mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat; ministeru jista' ma jintgħażilx bħala aġenzija nazzjonali;

(b) ikollha kapaċità ta’ ġestjoni, persunal u infrastrutturi adegwati biex jissodisfaw il-kompiti tagħha b'mod sodisfaċenti, jiżguraw ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-Programm u ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni;

(c) ikollha l-mezzi operattivi u legali biex tapplika r-regoli ta’ ġestjoni amministrattiva, kuntrattwali u finanzjarji stabbiliti fuq livell ta’ Unjoni;

(d) toffri garanziji finanzjarji xierqa, preferibbilment maħruġa minn awtorità pubblika, korrispondenti għal-livell ta' fondi tal-Unjoni li hija se tkun imsejħa li tamministra;

(e) tkun innominata għat-tul tal-Programm.

3.  L-aġenzija nazzjonali għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett tal-azzjonijiet tal-Programm li ġejjin, f’konformità mal-punti (c)(v) u (vi) tal-Artikolu 58(1)tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u mal-Artikolu 44 tar-Regolament Delegat(UE) Nru 1268/2012:

(a) mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi, bl-eċċezzjoni tal-mobbiltà organizzata fuq il-bażi ta' lawrji konġunit jew doppji/multipli, proġetti ta' volontarjat fuq skala kbira u l-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti;

(b) sħubiji strateġiċi fl-azzjoni 'kooperazzjoni għall-innovazzjoni u l-iskambju tal-prassi tajba';

(c) il-ġestjoni ta' attivitajiet fuq skala żgħira li jappoġġaw id-djalogu strutturat fil-qasam taż-żgħażagħ fl-azzjoni 'appoġġ għar-riforma tal-politika'.

4.  B’deroga mill-paragrafu 3, id-deċiżjonijiet tal-għażla u l-għoti għas-sħubiji strateġiċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 jistgħu jiġu ġestiti fil-livell tal-Unjoni, jekk tittieħed deċiżjoni f' dan is-sens f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(3) u f’każijiet speċifiċi biss fejn ikun hemm raġunijiet ċari għal tali ċentralizzazzjoni.

5.  L-aġenzija nazzjonali għandha toħroġ appoġġ ta’ għotja lil benefiċjarji permezz ta’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja, kif speċifikat mill-Kummissjoni għall-azzjoni kkonċernata tal-Programm.

6.  L-aġenzija nazzjonali għandha tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni u lill-awtorità nazzjonali fuq bażi annwali skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-aġenzija nazzjonali għandha tkun inkarigata mill-implimentazzjoni tal-osservazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni wara l-analiżi tagħha tad-dikjarazzjoni tal-ġestjoni annwali, u tal-opinjoni tal-verifika indipendenti dwarha.

7.  L-aġenzija nazzjonali ma għandhiex mingħajr awtorizzazzjoni bil-miktub mill-awtorità nazzjonali u mill-Kummissjoni tiddelega lill-partijiet terzi kull kompitu tal-Programm jew tingħata lilha l-implimentazzjoni tal-baġit. L-aġenzija nazzjonali għandha żżomm ir-responsabbiltà unika għal kwalunkwe-kompiti delegati lil parti terza.

8.  Fejn il-mandat ta' aġenzija nazzjonali jiġi revokat, dik l-aġenzija nazzjonali għandha tibqa' legalment responsabbli li tissoddisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront tal-benefiċjarji tal-Programm u tal-Kummissjoni sakemm isir it-trasferiment ta’ dawk l-obbligi lill-aġenzija nazzjonali l-ġdida

9.  L-aġenzija nazzjonali għandha tkun inkarigata mill-ġestjoni u l-likwidazzjoni tal-ftehimiet finanzjarji relatati mal-programmi preċedenti ta’ Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni li jkunu għadhom miftuħa fil-bidu tal-Programm.

Artikolu 29

Il-Kummissjoni Ewropea

1.  Fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni mingħand l-awtorità nazzjonali tal-evalwazzjoni tal-konformità ex ante kif imsemmi fl-Artikolu 27(4), il-Kummissjoni għandha taċċetta, kundizzjonalment taċċetta jew tirrifjuta l-ħatra tal-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni ma għandhiex tidħol f’relazzjoni kuntrattwali mal-aġenzija nazzjonali sakemm taċċettata l-evalwazzjoni tal-konformità ex ante. Fil-każ ta’ aċċettazzjoni b’mod kundizzjonali, il-Kummissjoni tista’ tapplika miżuri proporzjonati ta’ prekawzjoni għar-relazzjoni kuntrattwali tagħha mal-aġenzija nazzjonali.

2.  Ladarba tkun aċċettat l-evalwazzjoni tal-konformità ex ante dwar l-aġenzija nazzjonali maħtura għall-Programm, il-Kummissjoni għandha tifformalizza r-responsabbiltajiet legali fir-rigward ta’ ftehimiet finanzjarji marbuta mal-programmi preċedenti Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni li jkunu għadhom miftuħa fil-bidu tal-Programm.

3.  F'konformità mal-Artikolu 27(4), id-dokument li jirregola r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u l-aġenzija nazzjonali għandu:

(a) jistipula l-isandards interni ta’ kontroll għal aġenziji nazzjonali u r-regoli għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni għall-appoġġ ta’ għotja mill-aġenziji nazzjonali;

(b) jinkludi l-programm ta’ ħidma tal-aġenzija nazzjonali li jinkludi l-kompiti ta’ ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali li għalihom huwa pprovdut l-appoġġ tal-Unjoni;

(c) jipeċifika r-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-aġenzija nazzjonali.

4.  Il-Kummissjoni għandha kull sena tagħmel il-fondi tal-Programm li ġejjin disponibbli għall-aġenziji nazzjonali:

(a) fondi għall-appoġġ ta' għotja fl-Istat Membru konċernat għall-azzjonijiet tal-Programm li l-ġestjoni tagħhom hija fdata lill-aġenzija nazzjonali;

(b) kontribuzzjoni finanzjarja b’appoġġ għall-kompiti ta’ ġestjoni tal-Programm tal-aġenzija nazzjonali. Din għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ rata fissa għall-ispejjeż operattivi tal-aġenzija nazzjonali u għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-ammont ta’ fondi tal-Unjoni għall-appoġġ ta’ għotja fdati lill-aġenzija nazzjonali.

5.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel il-fondi tal-Programm disponibbli lill-aġenzija nazzjonali qabel il-Kummissjoni ma tkunx approvat formalment il-programm ta' ħidma tal-aġenzija nazzjonali.

6.  Fuq il-bażi tar-rekwiżiti ta’ konformità għall-aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 27(4), il-Kummissjoni għandha tirrevedi s-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u kontroll, partikolarment abbażi tal-evalwazzjoni tal-konformità ex ante pprovduta mill-awtorità nazzjonali, tad-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali u tal-opinjoni dwarha tal-korp indipendenti ta' verifika, b'kont meħud tal-informazzjoni annwali pprovduta mill-awtorità nazzjonali dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u superviżjoni tagħha rigward il-Programm.

7.  Wara l-evalwazzjoni tagħha tad-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni u tal-opinjoni dwarha tal-korp indipendenti ta’ verifika, il-Kummissjoni għandha tindirizza l-opinjoni u l-osservazzjonijiet tagħha lill-aġenzija nazzjonali u lill-awtorità nazzjonali.

8.  Fil-każ li l-Kummissjoni ma tistax taċċetta d-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali jew l-opinjoni tal-verifika indipendenti dwarha, jew fil-każ ta’ implimentazzjoni mhux sodisfaċenti mill-awtorità nazzjonali tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ timplimenta kull miżura prekawzjonarja jew korrettiva meħtieġa biex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

9.  Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat regolari man-netwerk ta’ aġenziji nazzjonali sabiex tiżgura implimentazzjoni koerenti tal-Programm bejn il-pajjiżi kollha fil-Programm.

Artikolu 30

Korp tal-verifika indipendenti

1.  Il-korp tal-verifika indipendenti għandu joħroġ opinjoni tal-verifika dwar id-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) No 966/2012.

2.  Il-korp indipendenti tal-verifika għandu:

(a) ikollu l-kompetenza professjonali meħtieġa biex jagħmel verifiki tas-settur pubbliku;

(b) jiżgura li l-verifiki tiegħu jieħdu kont tal-istandards tal-verifika aċċettati fil-livell internazzjonali;

(c) ma jkunx f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-entità legali li l-aġenzija nazzjonali tagħmel parti minnha. B' mod partikolari, għandu ikun indipendenti fir-rigward tal-funzjonijiet tiegħu, mill-entità legali li l-aġenzija nazzjonali tagħmel parti minnha.

3.  Il-korp indipendenti ta’ verifika għandu jagħti lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tagħha kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri b’aċċess sħiħ għad-dokumenti u r-rapporti kollha b’appoġġ tal-opinjoni ta’ verifika li joħroġ dwar id-dikjarazzjoni annwali tal-ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali.



KAPITOLU IX

Sistema ta’ kontroll

Artikolu 31

Prinċipji tas-sistema tal-kontroll

1.  Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jkunu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, fejn hu xieraq, permezz ta’ pieni effettivi, proporzjonati u disswasivi.

2.  Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-kontrolli ta’ superviżjoni fir-rigward tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet tal-Programm immexxija mill-aġenziji nazzjonali. Għandha tistipula r-rekwiżiti minimi għall-kontrolli mill-aġenzija nazzjonali u l-korp indipendenti ta’ verifika.

3.  L-aġenzija nazzjonali għandha tkun responsabbli għall-kontrolli primarji tal-benefiċjarji tal-għotjiet għall-azzjonijiet u għall-attivitajiet tal-Programm kif imsemmi fl-Artikolu 28(3). Dawn il-kontroll għandhom jagħtu assigurazzjoni raġonevoli li l-għotjiet mogħtija jintużaw kif kien intenzjonat u f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.

4.  Fir-rigward tal-fondi tal-Programm trasferiti lill-aġenziji nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni xierqa tal-kontrolli tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ verifika waħda u wara li ssir analiżi bbażata fuq ir-riskju. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

Artikolu 32

Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.  Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri huma b'dan mogħtija s-setgħa li jagħmlu tverifiki, fuq il-bażi ta’dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji kollha tal-għotja, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u partijiet terzi oħra li rċevew fondi tal-Unjoni. Huma jistgħu jagħmlu wkoll verifiki u kontrolli fir-rigward tal-aġenziji nazzjonali.

2.  L-OLAF jista' jagħmel verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn finanzjament bħal dan f'konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 ( 3 ), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim għall-għoti jew ma’ deċiżjoni għall-għoti jew kuntratt dwar finanzjament mill-Unjoni.

3.  Bla ħsara għall-paragrafi 1 u 2, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u ftehimiet tal-għotja, deċiżjonijiet tal-għotja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom espressament jintitolaw lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu dawn il-verifiki, u jagħmlu kontrolli fil-post u ispezzjonijiet.



KAPITOLU X

Delega ta’ setgħat u dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Artikolu 33

Delega ta' setgħat lill-Kummissjoni

Sabiex il-ġestjoni tal-kompiti titqiegħed fl-aktar livell adatt, il-Kummissjoni hija b'dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 34 dwar l-emendar tal-Artikolu 28(3), iżda biss biex jiġu previsti azzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu ġestiti mill-aġenziji nazzjonali.

Artikolu 34

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija b'dan mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 33 hija b'dan mogħtija lill-Kummissjoni għad-dewmien tal-Programm.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 33 tista’ tiġi rrevokata f’kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kull att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 33 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn minn notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 35

Implimentazzjoni tal-Programm

Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta f’għamla ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(3). Kull programm ta’ ħidma annwali għandu jiżgura li l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 11 u 16 jiġu implimentati annwalment b'mod konsistenti u għandu jagħti deskrizzjoni tar-riżultati mistennija, il-metodu tal-implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom ukoll jinkludu deskrizzjoni tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni, u tad-distribuzzjoni tal-fondi bejn l-Istati Membri għall-azzjonijiet li għandhom jiġu ġestiti mill-aġenziji nazzjonali, u skeda indikattiva tal-implimentazzjoni. Huma għandhom jinkludu fil-każ ta' għotjiet, ir-rata massima ta' kofinanzjament, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi tal-gruppi mira, b' mod partikolari l-kapaċità ta' kofinanzjament tagħhom u l-possibilitajiet li jattiraw finanzjament minn partijiet terzi. B'mod partikolari, għal azzjonijiet li jimmiraw organizzazzjonijiet b'kapaċitajiet finanzjarji limitati, ir-rata ta' kofinanzjament għandha tiġi stabbilita għal mill-inqas 50 %.

Artikolu 36

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Il-kumitat jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jittratta kwistjonijiet settorjali. Fejn ikun xieraq, u f'konformità mar-regoli ta' proċedura tiegħu u fuq bażi ad hoc, esperti esterni, inklużi rappreżentanti tas-sħab soċjali, jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat bħala osservaturi.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.



KAPITOLU XI

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 37

Tħassir u dispożizzjonijiet transizzjonali

1.  Id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE huma b'dan imħassra mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.  L-azzjonijiet li jinbdew fil-31 ta’ Diċembru 2013 jew qabel, abbażi tad-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE, u Nru 1298/2008/KE, għandhom jiġu amministrati, fejn rilevanti, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw fuq livell nazzjonali t-tranżizzjoni bla tfixkil bejn l-azzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-programmi preċedenti fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja, taż-żgħażagħ u tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni għolja u dawk li jridu jiġu implimentati taħt il-Programm.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

INDIKATURI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-PROGRAMM

Il-Programm se jiġi mmonitorjat mill-qrib abbażi ta' sett ta' indikaturi maħsuba biex ikejlu safejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm ikunu ntlaħqu u bl-għan li jiġu minimizzati l-piż u l-ispejjeż amministrattivi. Għal dak l-għan, se tinġabar data fir-rigward tas-sett ta' indikaturi ewlenin li ġejjin.



Mira ewlenija tal-edukazzjoni tal- Ewropa 2020

Il-perċentwali tan-nies bejn it-18-24 sena li jkollhom biss edukazzjoni sekondarja bikrija u mhumiex irreġistrati f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew taħriġ

Il-perċentwali ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena li jkunu lestew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti

Punt ta' riferiment għall-mobbiltà, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar punt ta' riferiment għall-mobbiltà fit-tagħlim

Il-perċentwali ta’ gradwati mill-edukazzjoni għolja li kellhom perjodu ta' studji jew taħriġ b'rabta mal-edukazzjoni għolja (inkluż esperjenzi tax-xogħol) barra l-pajjiż

Il-perċentwali ta’ persuni bejn it-18 u l-34 sena bi kwalifika ta’ livell ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjoni inizjali li jkunu għamlu perjodu ta’ studju jew taħriġ inizjali b'rabta mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (inkluż esperjenzi tax-xogħol) barra l-pajjiż

Kwantitattiv (ġenerali)

L-għadd ta' persunal appoġġat mill-Programm, skont il-pajjiż u skont is-settur

L-għadd ta' parteċipanti bi bżonnijiet speċjali jew b'inqas opportunitajiet

L-għadd u t-tip ta' organizzazzjonijiet u proġetti, skont il-pajjiż u skont l-azzjoni

L-edukazzjoni u t-taħriġ

L-għadd ta' tfal tal-iskola, studenti u trainees li jipparteċipaw fil-Programm, skont il-pajjiż, is-settur, l-azzjoni u l-ġeneru

L-għadd ta' studenti tal-edukazzjoni għolja li jirċievu appoġġ biex jistudjaw f'pajjiż sħab, kif ukoll in-numru ta' studenti minn pajjiż sħab li jiġu jistudjaw f'pajjiż fil-Programm

L-għadd ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ta' pajjiż sħab li mhumiex involuti f'azzjonijiet ta’ mobbiltà u kooperazzjoni

L-għadd ta' utenti ta' Euroguidance

Il-perċentwali ta' parteċipanti li jkunu rċevew ċertifikat, diploma jew tip ieħor ta' rikonoxximent formali tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm

Il-perċentwali ta' parteċipanti li jiddikjaraw li jkunu żiedu l-kompetenzi ewlenin tagħhom

Il-perċentwali ta' parteċipanti f'mobbiltà fuq żmien twil li jiddikjaraw li jkunu żiedu l-kompetenzi lingwistiċi tagħhom

Jean Monnet

L-għadd ta’ studenti li ngħataw taħriġ permezz tal-attivitajiet Jean Monnet

Żgħażagħ

L-għadd ta' żgħażagħ involuti f'azzjonijiet ta' mobbiltà appoġġati mill-Programm, skont il-pajjiż, l-azzjoni u l-ġeneru

L-għadd ta' organizzazzjonijiet żgħażagħ kemm mill-pajjiżi fil-Programm kif ukoll minn pajjiżi sħab involuti f'mobbiltà internazzjonali u f'azzjonijiet ta' kooperazzjoni

L-għadd ta' utenti tan-netwerk Eurodesk

Il-perċentwali ta' parteċipanti li jkunu rċevew ċertifikat – pereżempju Youthpass –, diploma jew tip ieħor ta' rikonoxximent formali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm

Il-perċentwali ta' parteċipanti li jiddikjaraw li jkunu żiedu l-kompetenzi ewlenin tagħhom

Il-perċentwali ta' parteċipanti f'attivitajiet volontarji li jiddikjaraw li jkunu żiedu l-kompetenzi lingwistiċi tagħhom

Sport

Għadd ta' membri tal-organizzazzjonijiet tal-isport li japplikaw għal, u jieħdu sehem fil-Programm, skont il-pajjiż

Il-perċentwali ta’ parteċipanti li jużaw ir-riżultati tal-proġetti transkonfinali biex:

(a)  jiġġieldu t-theddid għall-isport;

(b)  itejbu l-governanza tajba u l-karrieri doppji;

(c)  itejbu l-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u r-rati ta' parteċipazzjoni




ANNESS II

INFORMAZZJONI TEKNIKA RIGWARD IL-FAĊILITÀ TA’ GARANZIJA TAS-SELF LILL-ISTUDENTI

1.   Għażla tal-intermedjarji finanzjarji

Wara li tkun saret sejħa għall-espressjoni ta’ interess, l-intermedjarji finanzjarji għandhom jintgħażlu f’konformità mal-aħjar prattika tas-suq b' kont meħud, inter alia, ta':

(a) il-volum ta' finanzjament li jsir lill-istudenti;

(b) l-aktar kundizzjonijiet favorevoli possibbli offruti lill-istudenti, soġġett għall-konformità mal-istandards minimi tas-self kif spjegat fil-paragrafu 2;

(c) l-aċċess għall-finanzjament mir-residenti kollha tal-pajjiżi fil-Programm imsemmi fl-Artikolu 24(1);

(d) miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi; u

(e) konformità mad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

2.   Protezzjonijiet għal min jissellef

Is-salvagwardji li ġejjin huma t-termini minimi li għandhom jiġu pprovduti mill-intermedjarji finanzjarji li jkunu jixtiequ jipprovdu lill-istudenti selfiet iggarantiti mill-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti:

(a) l-ebda garanzija kollaterali jew parentali m'għandha tintalab;

(b) is-self għandu jingħata fuq bażi mhux diskriminatorja;

(c) bħala parti mill-proċess ta’ valutazzjoni, l-intermedjarju finanzjarju għandu jikkunsidra r-riskju ta’ tidjin żejjed tal-istudent, billi jitqiesu l-livelli ta’ dejn akkumulat u kwalunkwe deċiżjoni ġuridika dwar dejn mhux imħallas; u

(d) il-ħlas lura għandu jkun ibbażat fuq mudell ibridu li jikkumbina ħlasijiet standardizzati ‘ibbażati fuq self b’ipoteka’ ma’ salvagwardji soċjali, b’mod partikolari:

(i) rata ta’ interess imnaqqsa b'mod sinifikanti meta mqabbla mar-rati tas-suq;

(ii) perjodu ta' grazzja inizjali, qabel ma jibda l-ħlas lura, għal perjodu minimu ta' 12-il xahar wara tmiem il-programm ta' studji, jew, fejn il-liġi nazzjonali ma tkunx tipprovdi għal skadenzi bħal dawn, dispożizzjoni li l-ħlas lura nominali jkollu jsir matul dak il-perjodu ta' 12-il xahar;

(iii) dispożizzjoni biex issir pawża fil-ħlasijiet lura ('repayment holiday'), għal perjodu minimu ta' 12-il xahar tul iż-żmien tad-dejn, li jista' jiġi invokat fuq talba tal-gradwat jew, fejn il-liġi nazzjonali ma tkunx tipprovdi għal tali skadenzi, dispożizzjoni li l-ħlas lura nominali jsir matul dak il-perjodu ta' 12-il xahar;

(iv) għażla ta’ differiment tal-ħlas tal-interessi matul il-perjodu tal-istudju;

(v) assigurazzjoni kontra l-mewt jew id-diżabbiltà; u

(vi) l-ebda penali għall-ħlas lura bikri totali jew parzjali.

L-intermedjarji finanzjarji jistgħu joffru ħlasijiet lura skont id-dħul, kif ukoll termini mtejba bħal perjodi itwal ta' grazzja, pawżi itwal mill-ħlasijiet lura ('repayment holidays') jew maturità iktar tard, biex jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi tal-gradwati, bħal dawk li mbagħad ikomplu jistudjaw għal dottorat, jew biex il-gradwati jingħataw iktar żmien biex isibu impjieg. Id-dispożizzjoni ta’ tali termini mtejba għandha tiġi kkunsidrata fil-proċedura tas-selezzjoni tal-intermedjarji finanzjarji.

3.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti għandha tkun soġġetta għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament, u abbażi tal-Artikolu 140(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-effetti tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti fuq il-benefiċjarji u fuq is-sistemi tal-edukazzjoni għolja. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandha tinkludi, inter alia, data dwar - kif ukoll miżuri proposti għat-trattament ta' xi oqsma li jqajmu tħassib fir-rigward ta':

(a) l-għadd ta' studenti li jirċievu self appoġġat mill-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti, inkluża data dwar ir-rati ta' tlestija tal-istudju tagħhom;

(b) il-volum tas-self ikkuntrattat mill-intermedjarji finanzjarji;

(c) il-livell ta' rati ta' interessi;

(d) id-dejn pendenti u l-livelli ta' inadempjenza, inkluż miżuri meħuda mill-intermedjarji finanzjarji kontra dawk li jwettqu l-inadempjenza fuq id-dejn tagħhom;

(e) miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi meħuda minn intermedjarji finanzjarji;

(f) il-profil tal-istudenti appoġġati, inkluż l-isfond soċjoekonomiku tagħhom, is-suġġett tal-istudju, il-pajjiż ta' oriġini u l-pajjiż ta' destinazzjoni, f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data;

(g) bilanċ ġeografiku tal-użu; u

(h) kopertura ġeografika tal-intermedjarji finanzjarji.

Minkejja s-setgħat mogħtija lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 140(9) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni għandha tqis il-proposta ta' tibdil regolatorju meħtieġ, inkluż tibdil leġislattiv, jekk l-użu previst tas-suq jew il-parteċipazzjoni tal-intermedjarji finanzjarji ma jkunx soddisfaċenti.

4.   Baġit

L-allokazzjoni baġitarja għandha tkopri l-ispejjeż kollha tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti, inkluż l-obbligi ta' ħlas lejn l-intermedjarji finanzjarji parteċipanti li jitolbu garanzija parzjali u l-miżati ta' ġestjoni tal-FEI.

Il-baġit assenjat lill-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 18(2), m'għandux ikun ta' iktar minn 3,5 % tal-baġit totali għall-Programm.

5.   Viżibbiltà u sensibilizzazzjoni

Kull intermedjarju finanzjarju parteċipanti għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti billi jipprovdi informazzjoni lil studenti prospettivi. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, inter alia, tipprovdi lill-aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi fil-Programm bl-informazzjoni meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jaġixxu bħala kanali għall-informazzjoni dwar il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Self lill-Istudenti.



( 1 ) Ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

( 2 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 dwar il-verifiki fuq il-post u spezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħrajn (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

( 4 ) Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

Top