This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02013R0345-20180301
Regulation (EU) No 345/2013 of the European Parliament and of the Council of 17 April 2013 on European venture capital funds (Text with EEA relevance)
Consolidated text: Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
02013R0345 — MT — 01.03.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (UE) Nru 345/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (ĠU L 115 25.4.2013, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2017/1991 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta’ Ottubru 2017 |
L 293 |
1 |
10.11.2017 |
REGOLAMENT (UE) Nru 345/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta' April 2013
dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti u kondizzjonijiet uniformi għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.
Dan jistabbilixxi wkoll regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti lill-investituri eliġibbli fl-Unjoni, għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, għall-istrumenti tal-investiment eliġibbli u t-tekniki li jridu jintużaw mill-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti kif ukoll għall-organizzazzjoni, il-kondotta u t-trasparenza tal-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkummerċjalizzaw il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni.
Artikolu 2
1. Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers ta' impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fil-punt (a) tal-Artikolu 3 li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) it-total tal-assi ġestiti tagħhom x ma jeċċedux il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/EU;
(b) huma stabbiliti fl-Unjoni;
(c) huma suġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE; u
(d) jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.
2. L-Artikoli 3 sa 6, l-Artikolu 12, il-punti (c) u (i) tal-Artikolu 13(1), l-Artikoli 14a sa 19, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(3), u l-Artikoli 21 u 21a ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv awtorizzati permezz tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61/UE li jimmaniġġjaw portafolli ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u bi ħsiebhom jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-fondi fl-Unjoni.
3. Fejn maniġers ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jkunu maniġers esterni, u jkunu reġistrati f'konformità mal-Artikolu 14, huma jistgħu wkoll jiiġġestixxu impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), soġġetti għal awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva 2009/65/KE.
Artikolu 3
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “impriża ta’ investiment kollettiv” tfisser AIF kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;
(b) “fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti” tfisser impriża tal-investiment kollettiv li:
(i) għandha l-ħsieb tinvesti mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub tagħha f’assi li huma investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha fiż-żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tagħha;
(ii) ma tużax aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat mhux mitlub tagħha għall-akkwist ta' assi minbarra investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha;
(iii) hija stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru;
(c) “maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti” tfisser persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha hija l-ġestjoni ta' mill-inqas fond wieħed ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(d) “impriża ta' portafoll kwalifikanti” tfisser impriża li:
(i) fi żmien l-ewwel investiment mill-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti f’dik l-impriża jikkonforma ma’ waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
— l-impriża mhijiex ammessa għan-negozjar f’suq regolat jew f’faċilità multilaterali tan-negozjar, kif definit fil-punti (21) u (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), u timpjega sa 499 persuna;
— l-impriża hija intrapriża żgħira u ta’ daqs medju, kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, li hija elenkata f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva;
(ii) li hija nnifisha mhijiex impriża ta’ investiment kollettiv;
(iii) mhijiex waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
— istituzzjoni ta' kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 2 ),
— ditta tal-investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE,
— impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) ( 3 ),
— kumpanija holding finanzjarja kif definita fil-punt (19) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE, jew
— kumpanija holding b’attivitajiet imħallta kif definita fil-punt (19) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE;
(iv) hi stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru, jew f'pajjiż terz sakemm dak il-pajjiż terz:
— mhux imniżżel fil-lista ta' Pajjiż u Territorju Non Kooperattiv mill-Grupp ta' Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu,
— ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u ma' kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, sabiex ikun assigurat li l-pajjiż terz jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u li jiżgura skambju ta' informazzjoni effikaċi fil-kwistjonijiet fiskali, inklużi kwalunkwe ftehimiet fiskali multilaterali;
(e) “investimenti kwalifikanti” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:
(i) strumenti ta’ equity jew quasi-equity li huma:
— maħruġa minn impriża ta' portafoll kwalifikanti u akkwistata direttament mill-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti mill-impriża ta' portafoll kwalifikanti,
— maħruġa minn impriża ta' portafoll kwalifikanti fi skambju għal titolu ta’ equity maħruġ mill-impriża ta' portafoll kwalifikanti, jew
— maħruġa minn impriża li tagħha l-impriża ta' portafoll kwalifikanti l hija sussidjarja b’sehem azzjonarju maġġoritarju u li hija akkwistata mill-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fi skambju għal strument ta’ equity maħruġ mill-impriża ta' portafoll kwalifikanti;
(ii) self garantit u mhux garantit mogħti mill-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti lil impriża ta' portafoll kwalifikanti li fiha l-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti diġà għandu investimenti kwalifikanti, sakemm mhux aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub fil-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jintuża għal self bħal dan;
(iii) ishma tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti miksuba minn azzjonisti eżistenti ta' dik l-impriża;
(iv) unitajiet jew ishma ta’ fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti wieħed jew aktar, sakemm dawk il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti stess ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta' kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f'fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti;
(f) “spejjeż relevanti” tfisser id-drittijiet, l-imposti u l-ispejjeż kollha li jiġu mġarrba direttament jew indirettament mill-investituri u li jkun sar qbil dwarhom bejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri;
(g) “equity” tfisser interess azzjonarju f’impriża, irrappreżentat mill-ishma jew forom oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti, maħruġa lill-investituri tagħha;
(h) “quasi-equity” tfisser kwalunkwe tip ta’ strument ta' finanzjament, li jikkonsisti f’equity u dejn, fejn il-qligħ fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew it-telf tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f'każ ta' mankanza ma jkunx garantit bis-sħiħ.
(i) “kummerċjalizzazzjoni” tfisser l-offerta jew l-allokazzjoni diretta jew indiretta fuq inizjattiva tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew f’isem il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ta’ unitajiet jew ishma ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju li jiġġestixxi lil jew mal-investituri ddomiċiljati jew b’uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni;
(j) “kapital impenjat” tfisser kwalunkwe impenn li minħabba fih investitur huwa obbligat, fi żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, jakkwista interess jew jagħmel kontribuzzjonijiet kapitali lill-fond;
(k) “Stat Membru tad-domiċilju” tfisser l-Istat Membru li fih il-maniġer ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu;
(l) “Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju, fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jikkummerċjalizza l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti taħt dan ir-Regolament;
(m) “awtorità kompetenti” tfisser:
(i) għal maniġers kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE;
(ii) għal maniġers kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;
(iii) għal fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun stabbilit;
(n) “awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti” tfisser l-awtorità ta’ Stat Membru għajr dik tal-Istat Membru tad-domiċilju fejn il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti huwa kummerċjalizzat.
Fir-rigward tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-forma legali tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti tippermetti ġestjoni interna u fejn il-korp ta' tmexxija tal-fond jagħżel li ma jaħtarx maniġer estern, il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti nnifsu għandu jkun reġistrat bħala l-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti f'konformità mal-Artikolu 14. Fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li hu reġistrat bħala maniġer intern ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti m'għandux jiġi reġistrat bħala maniġer estern ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti ta' impriżi ta' investiment kollettiv oħra.
KAPITOLU II
KONDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAD-DENOMINAZZJONI “EuVECA”
Artikolu 4
Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom ikunu intitolati li jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni.
Artikolu 5
1. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jiżguraw li, meta jakkwistaw assi li ma jkunux investimenti kwalifikanti, mhux aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub jintużaw għall-akkwist ta’ tali assi. Il-limitu ta' 30 % għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' ammont investibbli wara t-tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha; parteċipazzjoni fuq medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus m’għandhomx jitqiesu biex jiġi kkalkulat dak il-limitu minħabba li flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti.
2. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ma jistawx jużaw fil-livell tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti xi metodu li bih tiżdied l-iskopertura tal-fond lil hinn mill-livell ta' kapital impenjat, kemm jekk permezz ta’ self ta’ flus kontanti jew titoli, involviment f’pożizzjonijiet derivattivi, jew bi kwalunkwe mezz ieħor.
3. Il-maniġers ta' fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jistgħu biss jisselfu, jemettu obbligi ta' dejn jew jipprovdu garanziji, fil-livell tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, fejn dawn is-self, obbligi ta' dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba.
Artikolu 6
1. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti esklużivament lil investituri li jitqiesu li huma klijenti professjonali f'konformità mat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE jew li jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu ttrattati bħala klijenti professjonali f'konformità mat-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra li:
(a) jimpenjaw li jinvestu minimu ta’ EUR 100 000 ; u
(b) jiddikjaraw bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt konkluż għall-impenn li jinvestu, li huma jafu dwar ir-riskji assoċjati mal-impenn jew investiment previst.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal investimenti li jsiru minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta' maniġer ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti meta dawn jinvestu f'fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu.
Artikolu 7
Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestiti minnhom:
(a) jaġixxu onestament, b’mod ġust u b’ħila, reqqa u diliġenza xierqa fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom;
(b) japplikaw politika u proċeduri xierqa biex tiġi evitata prattiċi illeċiti li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;
(c) iwettqu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom b’mod li jippromwovu l-aħjar interessi tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu, l-investituri fihom u l-integrità tas-suq;
(d) japplikaw livell għoli ta’ diliġenza fl-għażla u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti fl-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;
(e) ikollhom għarfien u fehim xierqa rigward l-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom jinvestu;
(f) jittrattaw lill-investituri b’mod ekwu. Dan ma għandux jipprekludi trattament aktar favorevoli ta’ investituri privati milli ta’ investitur tal-istat, dment li tali trattament ikun kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 ( 4 ), u jkun divulgat fir-regoli tal-fond jew strumenti ta’ inkorporazzjoni;
(g) jiżguraw li l-ebda investitur ma jikseb trattament preferenzjali, sakemm tali trattament preferenzjali ma jiġix żvelat fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.
Artikolu 8
1. Fejn maniġer ta’ fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-ħsieb jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, ir-responsabbiltà tal-maniġer lejn il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih m'għandhiex tiġi affettwata. Il-maniġer m'għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u minħabba li jkun sar entità fantażma.
2. Kwalunkwe delega ta’ funzjonijiet taħt il-paragrafu 1 m'għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u, b’mod partikolari m’għandhiex tipprevjeni lill-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti milli jaġixxi, jew il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti milli jiġi ġestit, fl-aħjar interessi tal-investituri fih.
Artikolu 9
1. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jidentifikaw u jevitaw il-kunflitti ta’ interess u, fejn dawn ma jistgħux ikunu evitati, jiġġestixxu u jimmonitorjaw u, f'konformità mal-paragrafu 4, jiżvelaw minnufih, dawk il-kunflitti ta’ interess sabiex ma jitħallewx jaffettwaw ħażin l-interessi tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri fihom u biex jiżguraw li l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestiti minnhom jiġu ttrattati b’mod ġust.
2. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jidentifikaw b’mod partikolari dawk il-kunflitti ta’ interess li jistgħu inħolqu bejn:
(a) il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-impjegati ta', jew kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament jikkontrollaw jew huma kkontrollati mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, u l-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestit mill-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih;
(b) il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih, u fond ieħor ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestit mill-istess maniġer, jew l-investituri fih;
(c) il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih, u impriża ta' investiment kollettiv jew UCITS ġestiti mill-istess maniġer, jew l-investituri fih.
3. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.
4. Għandhom jiġu żvelati kunflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 1 fejn l-arranġamenti organizzattivi magħmula mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti biex jidentifika, jevita, jiġġestixxi u jimmonitorja l-kunflitti ta’ interess ma jkunux suffiċjenti biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri se jkunu evitati. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jiżvelaw f'termini ċari n-natura jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess lill-investituri qabel iwettqu n-negozju f’isimhom.
5. Il-Kummissjoni b'dan tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 25 u tispeċifika:
(a) it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
(b) il-passi li l-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom iwettqu, f’termini tal-istrutturi u l-proċeduri organizzattivi u amministrattivi sabiex jidentifikaw, jevitaw, jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess.
Artikolu 10
1. Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu jkollhom suffiċjentement fondi tagħhom stess u għandhom jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u adattati kif ikun meħtieġ għall-ġestjoni korretta tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu.
2. Kemm il-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mmaniġġjati internament kif ukoll il-maniġers esterni ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu jkollhom kapital tal-bidu ta’ EUR 50 000 .
3. Il-fondi proprji għandhom f’kull żmien jammontaw għal mill-inqas wieħed minn tmienja tal-ispejjeż ġenerali fissi li l-istess maniġer ikun ġarrab fis-sena preċedenti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tista’ taġġusta dak ir-rekwiżit fil-każ ta’ modifika materjali li tkun seħħet fin-negozju tal-maniġer mis-sena preċedenti. Meta l-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ma jkunx wettaq sena ta’ negozju, ir-rekwiżit għandu jammonta għal wieħed minn tmienja tal-ispejjeż ġenerali fissi mistennija fil-pjan tan-negozju tiegħu, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma tkunx tirrikjedi aġġustament għal dak il-pjan.
4. Meta l-valur tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mmaniġġjati mill-maniġer jaqbeż il-EUR 250 000 000 , il-maniġer għandu jipprovdi ammont addizzjonali ta’ fondi proprji. Dak l-ammont addizzjonali għandu jkun ugwali għal 0,02 % tal-ammont li bih il-valur totali tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jaqbeż EUR 250 000 000 .
5. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tista’ tawtorizza lill-maniġer ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti biex ma jipprovdix sa 50 % tal-ammont addizzjonali ta’ fondi proprji msemmijin fil-paragrafu 4 jekk dak il-maniġer jibbenefika minn garanzija għall-istess ammont mogħtija minn istituzzjoni tal-kreditu jew minn impriża tal-assigurazzjoni li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, jew f’pajjiż terz fejn tkun soġġetta għal regoli prudenzjali li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tikkunsidra bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.
6. Il-fondi proprji għandhom jiġu investiti f’assi likwidi jew f’assi li jkunu faċilment konvertibbli f’kontanti fi żmien qasir u ma għandhomx jinkludu pożizzjonijiet spekulattivi.
Artikolu 11
1. Għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-valutazzjoni tal-assi fir-regoli u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u dawn għandhom jiżguraw proċess ta’ valutazzjoni tajjeb u trasparenti.
2. Il-proċeduri ta' valutazzjoni użati għandhom jiżguraw li l-assi jiġu valutati korrettament, u li l-valur tal-assi jiġi kkalkulat għall-inqas darba kull sena.
Artikolu 12
1. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jagħmlu disponibbli rapport annwali għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal kull fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu, sa sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-attivitajiet tas-sena preċedenti. Għandu wkoll jiddivulga l-profitti miksuba mill-fond ta' kapital ta’ riskju fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u, fejn applikabbli, il-profitti mqassma matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu. Għandu jinkludi l-kontijiet finanzjarji awditjati għall-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.
Ir-rapport annwali għandu jsir f'konformità mal-istandards ta' rappurtar eżistenti u t-termini miftiehma bejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jipprovdu r-rapport lill-investituri meta dan jintalab. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri jistgħu jiftiehmu bejniethom li jiżvelaw aktar lil xulxin.
2. Għandu jsir awditjar tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għall-inqas darba fis-sena. L-awditjar għandu jikkonferma li l-flus u l-assi huma miżmuma f'isem il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u li l-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jkun stabbilixxa u żamm rekords u kontrolli adegwati fir-rigward tal-użu ta' kwalunkwe mandat jew kontroll fuq il-flus u l-assi tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti u l-investituri fih.
3. Fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika rapport finanzjarju annwali f'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat ( 5 ) fir-rigward tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tingħata separatament jew bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.
4. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni kollha miġbura skont dan l-Artikolu lill-awtorità kompetenti ta’ kull fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti kkonċernat, lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru ospitanti kkonċernat u lill-ESMA fi żmien opportun permezz tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 22.
Artikolu 13
1. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, jinfurmaw lill-investituri tagħhom, qabel id-deċiżjoni tal-investiment ta' dawn tal-aħħar, b'mod ċar u li jinftiehem, dwar dan li ġej:
(a) l-identità ta’ dak il-maniġer u kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħra kuntrattati minn dak il-maniġer fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, u deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom;
(b) l-ammont ta’ fondi proprji disponibbli għal dak il-maniġer biex iżomm ir-riżorsi umani u tekniċi adegwati meħtieġa għall-ġestjoni xierqa tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(c) deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi tal-investiment tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, inklużi:
(i) it-tipi tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom għandu l-ħsieb li jinvesti;
(ii) kwalunkwe fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ieħor li fih għandu l-ħsieb li jinvesti;
(iii) it-tipi ta' impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom kwalunkwe fond ieħor ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, kif imsemmi fil-punt (ii), għandu l-ħsieb li jinvesti;
(iv) investimenti mhux kwalifikanti li għandu l-ħsieb li jagħmel;
(v) it-teknika li għandu l-ħsieb li jħaddem; u
(vi) kwalunkwe restrizzjoni tal-investiment applikabbli;
(d) deskrizzjoni tal-profil tar-riskju tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li fihom jista’ jinvesti l-fond jew it-teknika ta' investiment li tista' tintuża;
(e) deskrizzjoni tal-proċedura tal-valutazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-metodoloġija tal-ipprezzar għall-valutazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi użati għall-valutazzjoni tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;
(f) deskrizzjoni ta’ kif hija kkalkulata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(g) deskrizzjoni tal-ispejjeż rilevanti kollha u l-ammonti massimi tagħhom;
(h) fejn tkun disponibbli, il-prestazzjoni finanzjarja storika tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(i) is-servizzi ta’ appoġġ tan-negozji u l-attivitajiet ta’ appoġġ l-oħrajn forniti mill-maniġer ta’ fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew irranġati permezz ta’ partijiet terzi sabiex jiffaċilita l-iżvilupp, it-tkabbir jew b’xi mod ieħor l-operazzjonijiet kurrenti tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jinvesti jew inkella, fejn dawn is-servizzi jew l-attivitajiet ma jkunux ipprovduti, spjegazzjoni dwar dak il-fatt;
(j) deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jista’ jibdel l-istrateġija tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn.
2. It-tagħrif kollu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jinżamm aġġornat u jiġi revedut b’mod regolari fejn relevanti.
3. Fejn il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika prospett, f'konformità mad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku jew dawn jiġu ammessi għall-kummerċ ( 6 ), jew f'konformità mal-liġi nazzjonali fir-rigward tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tingħata jew separatament jew bħala parti mill-prospectus.
KAPITOLU III
SUPERVIŻJONI U KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
Artikolu 14
1. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti tagħhom għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar l-intenzjoni tagħhom u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:
(a) l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-ġestjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(b) l-identità tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom se jkunu kkummerċjalizzati u l-istrateġiji tal-investiment tagħhom;
(c) l-informazzjoni dwar l-arranġamenti li saru għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;
(d) lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza kull fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.
▼M1 —————
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandha tirreġistra l-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet segwenti:
(a) il-persuni li jmexxu effettivament in-negozju ta' maniġment ta' fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkunu ta' reputazzjoni suffiċjentement tajba u ta' esperjenza suffiċjenti wkoll fir-rigward tat-tip ta' strateġiji ta' investiment segwiti mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(b) l-informazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1 tkun kompluta;
(c) l-arranġamenti nnotifikati f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 1 jkunu xierqa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II.
▼M1 —————
3. Ir-reġistrazzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti lill-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jikkummerċjalizzaw il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti taħt id-denominazzjoni “EuVECA” madwar l-Unjoni kollha.
4. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma lill-maniġer kif imsemmi fil-paragrafu 1 jekk ġiex irreġistrat bħala maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ipprovda l-informazzjoni kollha msemmija f’dak il-paragrafu.
5. Reġistrazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tikkostitwixxi reġistrazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward tal-ġestjoni ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.
6. Maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti msemmi f’dan l-Artikolu għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju dwar kwalunkwe bidla materjali għall-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni inizjali f’konformità ma’ dan l-Artikolu qabel ma dawn il-bidliet jiġu implimentati.
Jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiddeċiedi li timponi restrizzjonijiet jew tirrifjuta l-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, hi għandha tinforma lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti fi żmien xahar minn meta tasal in-notifika ta’ dawk il-bidliet. L-awtorità kompetenti tista’ testendi dak il-perijodu sa massimu ta’ xahar, jekk tqis li dan huwa neċessarju minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, wara li tkun innotifikat lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti. Il-bidliet jistgħu jiġu implimentati jekk l-awtorità kompetenti rilevanti ma topponix il-bidliet fi żmien il-perijodu ta’ valutazzjoni rilevanti.
7. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika ulterjorment l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 1 u biex tispeċifika ulterjorment il-kundizzjonijiet kif stabbilit fil-paragrafu 2.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
8. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi fuq forom, mudelli u proċeduri standard għall-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
9. L-ESMA għandha torganizza u twettaq reviżjonijiet bejn il-pari f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-proċessi ta’ reġistrazzjoni mwettqa minn awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.
Artikolu 14a
1. Maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv awtorizzati permezz tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61/UE għandhom japplikaw għal reġistrazzjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li għalihom bi ħsiebhom jużaw id-denominazzjoni “EuVECA”.
2. L-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir lill-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju u għandha tinkludi dan li ġej:
(a) ir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(b) l-informazzjoni dwar l-identità tad-depożitarju;
(c) l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1);
(d) lista ta’ Stati Membri li fihom il-maniġers imsemmija fil-paragrafu 1 stabbilixxew, jew għandhom biħsiebhom jistabbilixxu, fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.
Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-informazzjoni dwar l-arranġamenti magħmula għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II għandhom jirreferu għall-arranġamenti li saru biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 5 u 6 u l-punti (c) u (i) tal-Artikolu 13(1).
3. Meta l-awtorità kompetenti ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jkunu differenti, l-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandha titlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jekk il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-maniġer li jiġġestixxi l-AIFs u jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 14(2) humiex issodisfati.
L-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti tista’ titlob ukoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju kjarifika u informazzjoni rigward id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tipprovdi tweġiba fi żmien xahar mid-data li fiha hija tkun irċeviet it-talba mressqa mill-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.
4. Il-maniġers kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu rikjesti jipprovdu informazzjoni jew dokumenti li jkunu diġà pprovdew skont id-Direttiva 2011/61/UE.
5. Wara li tkun ivvalutat id-dokumentazzjoni li tirċievi f’konformità mal-paragrafu 2, u wara li tkun irċeviet kwalunkwe kjarifika u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandha tirreġistra fond bħala fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jekk il-maniġer ta’ dak il-fond jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(2).
6. L-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandha tinforma lill-maniġer kif imsemmi fil-paragrafu 1 jekk dak il-fond ġiex irreġistrat bħala fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mhux aktar tard minn xahrejn wara li dak il-maniġer ikun pprovda d-dokumentazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2.
7. Ir-reġistrazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-fondi fl-Unjoni kollha taħt id-denominazzjoni “EuVECA”.
8. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi sabiex tispeċifika ulterjorment l-informazzjoni li għandha tiġi tingħata lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-paragrafu 2.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
9. Bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fuq forom, mudelli u proċeduri standard għall-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
10. L-ESMA għandha torganizza u twettaq reviżjonijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 sabiex tissaħħaħ il-konsistenza tal-proċessi ta’ reġistrazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.
Artikolu 14b
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull rifjut li jiġi rreġistrat maniġer kif imsemmi fl-Artikolu 14 jew fond kif imsemmi fl-Artikolu 14a għandu jiġi ssostanzjat, għandu jiġi nnotifikat lill-maniġers imsemmija f’dawk l-Artikoli u għandu jkun soġġett għal dritt ta’ appell quddiem awtorità ġudizzjarja u amministrattiva nazzjonali jew xi awtorità oħra. Dak id-dritt ta’ appell għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ reġistrazzjoni meta ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni dwar reġistrazzjoni fi żmien xahrejn minn meta l-maniġer ikun ipprovda l-informazzjoni kollha meħtieġa. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li maniġer jeżawrixxi kull rimedju amministrattiv preliminari previst fid-dritt nazzjonali qabel ma jeżerċita dak id-dritt ta’ appell.
Artikolu 15
Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju fejn ikollhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw:
(a) fond ġdid ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti; jew
(b) fond eżistenti ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1).
Artikolu 16
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u lill-ESMA immedjatament dwar kwalunkwe reġistrazzjoni jew tneħħija mir-reġistru ta’ maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, ta’ kwalunkwe żieda jew tneħħija mir-reġistru ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u ta’ kwalunkwe żieda jew tneħħija mil-lista ta’ Stati Membri li fihom il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti bi ħsiebu jikkummerċjalizza dawk il-fondi.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li ġiet irreġistrata f’konformità mal-Artikolu 14a għandha immedjatament tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti, u lill-ESMA, dwar kwalunkwe żieda jew tneħħija mir-reġistru ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew ta’ kwalunkwe żieda jew tneħħija mil-lista ta’ Stati Membri li fihom il-maniġer ta’ dak il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-ħsieb li jikkummerċjalizza dak il-fond.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti ma għandhomx jimponu fuq il-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti xi rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti tagħhom, u lanqas ma għandhom jirrikjedu xi approvazzjoni ta’ dik il-kummerċjalizzazzjoni qabel il-bidu tagħha. Tali rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi jinkludu drittijiet u imposti oħrajn.
3. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tfassal abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-format tan-notifika taħt dan l-Artikolu.
4. L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-16 ta’ Frar 2014.
5. Il-Kummissjoni b'dan tingħata s-setgħa li tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 16a
1. Bl-għan li torganizza u twettaq reviżjonijiet bejn il-pari f’konformità mal-Artikolu 14(9) u l-Artikolu 14a(10), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew, jekk differenti, l-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, għandha tiżgura li l-aħħar informazzjoni li abbażi tagħha tkun ingħatat ir-reġistrazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 14(1) u (2) u l-Artikolu 14a(2) issir disponibbli lill-ESMA fi żmien xieraq wara r-reġistrazzjoni. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22.
2. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi sabiex tispeċifika ulterjorment l-informazzjoni li għandha ssir disponibbli għall-ESMA skont il-paragrafu 1.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
3. Sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fuq forom, mudelli u proċeduri standard għall-għoti ta’ informazzjoni li għandha ssir disponibbli għall-ESMA f’konformità mal-paragrafu 1.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 17
1. L-ESMA għandha żżomm aġġornata bażi ta’ data ċentrali li hija pubblikament aċċessibbli fuq l-internet u li telenka l-maniġers kollha ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti kollha li jużaw d-denominazzjoni “EuVECA” u l-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jużaw dik id-denominazzjoni, kif ukoll il-pajjiżi li fihom dawk il-fondi jkunu kkummerċjalizzati.
2. Fuq is-sit web tagħha, l-ESMA għandha tipprovdi links elettroniċi għall-informazzjoni rilevanti rigward pajjiżi terzi li jissodisfaw ir-rekwiżit applikabbli skont il-punt (d)(iv) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3.
Artikolu 18
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
1a. Għall-maniġers kif imsemmija fl-Artikolu 2(2), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tkun responsabbli mis-superviżjoni tal-konformità u tal-adegwatezza tal-arranġamenti u l-organizzazzjoni tal-maniġer sabiex dak il-maniġer ikun f’pożizzjoni li jikkonforma mal-obbligi u r-regoli li huma relatati mal-kostituzzjoni u l-funzjonament tal-fondi kollha ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jimmaniġġja.
1b. Għal fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestit minn maniġer kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), l-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandha tkun responsabbli mis-superviżjoni tal-konformità tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 u fil-punti (c) u (i) tal-Artikolu 13(1). L-awtorità kompetenti tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandha tkun responsabbli wkoll mis-superviżjoni tal-konformità ta’ dak il-fond mal-obbligi stabbiliti fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-fond.
2. Fejn ikun hemm raġunijiet ċari u dimostrabbli li jwasslu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti biex temmen li maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju jkun kiser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju b’dan. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tieħu miżuri xierqa.
3. Jekk il-maniġer ta' fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jippersisti li jaġixxi b'mod ċar bi ksur ta' dan ir-Regolament, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tonqos milli tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista', wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluża l-projbizzjoni tal-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti milli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.
Artikolu 19
L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, ikollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari huma għandhom ikollhom is-setgħa li:
(a) jitolbu l-aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;
(b) jesiġu li l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien;
(c) jirrikjedu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti;
(d) iwettqu ispezzjonijiet fuq il-post b'avviż minn qabel jew mingħajru;
(e) jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkompli jikkonforma ma' dan ir-Regolament;
(f) joħorġu ordni sabiex jiżguraw li l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jikkonforma ma' dan ir-Regolament u ma jkomplix jikser dan ir-Regolament.
L-ESMA għandha torganizza u twettaq reviżjonijiet bejn il-pari f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 sabiex issaħħaħ il-konsistenza tal-proċessi fir-rigward tas-setgħat superviżorji u investigattivi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.
Artikolu 20
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-penali amministrattivi u miżuri oħra previsti jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.
2. Sas- ►M1 2 ta’ Marzu 2020 ◄ l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-AETS mingħajr dewmien rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.
3. Il-maniġers kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jikkonformaw f’kull ħin ma’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu responsabbli wkoll għal kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament, inkluż għal kwalunkwe telf jew ħsara li jirriżultaw minnu.
Il-maniġers kif imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom ikunu konformi f’kull ħin mad-Direttiva 2011/61/UE. Huma għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu responsabbli f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE. Dawk il-maniġers għandhom ikunu responsabbli wkoll għal kwalunkwe telf jew ħsara li jirriżultaw mill-ksur ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 21
1. Filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2, kif applikabbli, fejn il-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti:
(a) jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;
(b) jikkummerċjalizza, bi ksur tal-Artikolu 6, l-unitajiet u l-ishma ta’ fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti lil investituri mhux eliġibbli;
(c) juża d-denominazzjoni “EuVECA” iżda mhuwiex reġistrat f’konformità mal-Artikolu 14, jew il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ma jkunx reġistrat f’konformità mal-Artikolu 14a;
(d) juża d-denominazzjoni “EuVECA” biex jikkummerċjalizza fondi li mhumiex stabbiliti f'konformità mal-punt (iii) tal-punt (b) tal-Artikolu 3;
(e) akkwista reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mod irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 14 jew l-Artikolu 14a;
(f) jonqos milli jaġixxi onestament, b'mod ġust jew b'ħila, r-reqqa jew d-diliġenza xierqa fit-twettiq tan-negozju tiegħu, bi ksur tal-punt (a) tal-Artikolu 7;
(g) jonqos milli japplika politika u proċeduri xierqa biex jevita prattika illeċita bi ksur tal-punt (b) tal-Artikolu 7;
(h) ripetutament jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12 dwar ir-rapport annwali;
(i) ripetutament jonqos milli jikkonforma mal-obbligu li jinforma lill-investituri f'konformità mal-Artikolu 13.
2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha, kif xieraq:
(a) tieħu l-miżuri li jiżguraw li l-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jikkonforma mal-Artikoli 5 u 6, mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7 u mal-Artikoli 12 sa 14a, kif applikabbli;
(b) tipprojbixxi lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti kkonċernat milli juża d-denominazzjoni “EuVECA” u tneħħi lil dak il-maniġer, jew il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti kkonċernat, mir-reġistru.
3. L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafi 1 għandha tinforma lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ospitanti f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 14(1), u l-ESMA, mingħajr dewmien dwar it-tneħħija ta’ maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mir-reġistru.
4. Id-dritt li jkun ikkummerċjalizzat fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti wieħed jew aktar taħt id-denominazzjoni “EuVECA” fl-Unjoni għandu jiskadi b’effett immedjat mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.
5. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew tal-Istat Membru ospitanti, kif applikabbli, għandhom jinfurmaw lill-ESMA mingħajr dewmien jekk ikollhom raġunijiet ċari u dimostrabbli biex jemmnu li l-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun wettaq xi ksur imsemmi fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 21(1).
L-ESMA tista’, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, toħroġ rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati biex jieħdu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew biex iżommu lura milli jieħdu tali miżuri.
Artikolu 21a
Is-setgħat ikkonferiti lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE, fosthom dawk relatati mal-penali, għandhom ukoll jiġu eżerċitati fir-rigward tal-maniġers imsemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 22
1. L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jikkoperaw ma’ xulxin għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
2. L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b'mod partikolari biex jidentifikaw u jirrimedjaw kull ksur ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 23
1. Il-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-AETS, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jingħataw struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-AETS, huma marbutin bl-obbligu ta’ segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom m’għandha tkun żvelata lil xi persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’tali mod li l-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ma jkunux jistgħu jiġu identifikati individwalment, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali u mill-proċedimenti taħt dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli għall-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.
3. Fejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jirċievu informazzjoni kunfidenzjali f'konformità mal-paragrafu 2, huma jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.
Artikolu 24
Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar xi evalwazzjoni, azzjoni jew omissjoni ta' awtorità kompetenti waħda f'oqsma fejn dan ir-Regolament jitlob kooperazzjoni jew koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirriferu l-kwistjoni lill-AETS, li tista' taġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, sakemm dan in-nuqqas ta' qbil ma jkunx relatat mal-punt (iii) tal-punt (b) jew mal-punt (iv) tal-punt (d) tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI
Artikolu 25
1. Il-Kummissjoni b'dan tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(5) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mill-15 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 9(5) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat taħt l-Artikolu 9(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 26
1. Il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament f'konformità mal-paragrafu 2. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi:
(a) il-punt sa fejn id-denominazzjoni “EuVECA” intużat minn maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju fi Stati Membri differenti, kemm jekk fuq bażi nazzjonali kif ukoll jekk fuq bażi transkonfinali;
(b) id-distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-investimenti mwettqa minn fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti;
(c) l-adegwatezza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 13, b'mod partikolari jekk dawn humiex suffiċjenti biex jippermettu li l-investituri jieħdu deċizjoni infurmata dwar investiment;
(d) l-użu tal-investimenti kwalifikanti differenti mill-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikantiu b’mod partikolari jekk hemmx bżonn li jiġu aġġustati l-investimenti kwalifikanti f’dan ir-Regolament;
(e) il-possibbiltà li l-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti tiġi estiża għal investituri fil-livell tal-konsum;
(f) l-effikaċja, il-proporzjonalità u l-applikazzjoni ta' penali amministrattivi u ta' miżuri oħrajn provduti mill-Istati Membri f'konformità ma' dan ir-Regolament;
(g) l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq is-suq tal-kapital ta’ riskju;
(h) il-possibbiltà li fondi ta’ kapital ta’ riskju stabbiliti f'pajjiż terz ikunu jistgħu jużaw id-denominazzjoni “EuVECA”, filwaqt li jittieħed kont tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa;
(i) kemm hu xieraq li dan ir-Regolament jiġi komplementat b'reġim depożitarju;
(j) evalwazzjoni ta' kwalunikwe ostakolu li setgħa impedixxa l-investiment f'fondi li jużaw id-denominazzjoni “EuVECA”, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta' liġijiet oħra tal-Unjoni ta' natura prudenzjali.
2. Ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq:
(a) sat- ►M1 2 ta’ Marzu 2022 ◄ fir-rigward tal-punti (a) sa (g), (i) u (j); u
(b) sat-22 ta' Lulju 2015 fir-rigward tal-punt (h).
3. Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.
4. B’mod parallel mar-rieżami skont l-Artikolu 69 tad- Direttiva 2011/61/UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-maniġers reġistrati skont il-punt (b) tal-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tanalizza:
(a) il-ġestjoni ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta’ bidliet fil-qafas ġuridiku, inkluża l-għażla ta’ passaport maniġerjali; u
(b) jekk id-definizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti hijiex adatta kif ukoll l-impatt li dik id-definizzjoni u l-interpretazzjonijiet nazzjonali differenti tagħha għandhom fuq l-operazzjoni u l-vijabbiltà tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u fuq id-distribuzzjoni transfruntiera ta’ dawn il-fondi.
Wara dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġislattiva.
Artikolu 27
1. Sat-22 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta' investiment kollettiv u tal-maniġers tagħhom, b'mod partikolari dawk stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE. Dik ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Hija għandha tiġbor data biex tivvaluta jekk hux meħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni jiġi estiż biex jippermetti li l-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju b'total ta' assi amministrati li jeċċedi l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jkunu jistgħu jsiru maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti f'konformità ma’ dan ir-Regolament.
2. Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.
Artikolu 28
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, ħlief għall-Artikolu 9(5), li għandu japplika mill-15 ta’ Mejju 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
( 2 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.
( 3 ) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).
( 5 ) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
( 6 ) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.