EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012R0932-20170109

Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2012 tat- 3 ta’ Ottubru 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/932/2017-01-09

02012R0932 — MT — 09.01.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 932/2012

tat-3 ta’ Ottubru 2012

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 278 12.10.2012, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2282 tat-30 ta' Novembru 2016

  L 346

51

20.12.2016




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 932/2012

tat-3 ta’ Ottubru 2012

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq ta’ magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġli jaħdmu bl-elettriku, li jaħdmu bil-gass u li jkunu mmuntati fl-għamara, inklużi dawk li jinbiegħu għal użu mhux domestiku.

2.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jistgħu jintużaw ukoll għat-tnixxif tal-ħwejjeġ u għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ bid-dawran (“spin-extractors”) domestiċi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/125/KE, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika” tfisser apparat li fih il-ħwejjeġ jitnixxfu billi jiddawru f’tanbur (“drum”) li jdur, li minnu tgħaddi arja msaħħna, u li huwa ddisinjat biex jintuża prinċipalment għal skopijiet mhux professjonali;

(2) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li tkun immuntata fl-għamara” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika magħmula biex tiġi installata f’armarju, f’daħla fil-ħajt jew f’xi post simili u li teħtieġ finitura ta’ għamara;

(3) “magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tista’ tintuża wkoll għat-tnixxif tal-ħwejjeġ” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tinkludi kemm funzjoni ta’ estrazzjoni bit-tidwir kif ukoll mezz biex tnixxef il-ħwejjeġ, normalment permezz tat-tisħin u t-tidwir fit-tanbur;

(4) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ bid-dawran domestika”, li kummerċjalment tissejjaħ ukoll “spindrajer” (“spin-drier”), tfisser apparat li fih l-ilma jitneħħa minn ġol-ħwejjeġ f’tanbur li jdur permezz ta’ azzjoni ċentrifuga u jinħareġ permezz ta’ pompa awtomatika, u li huwa ddisinjat biex jintuża prinċipalment għal skopijiet mhux professjonali;

(5) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li tiġbed l-arja friska ‘l ġewwa, tgħaddiha minn fuq il-ħwejjeġ u tarmi ‘l barra l-arja niedja li tinħoloq għal ġol-kamra jew għal barra;

(6) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li tinkludi tagħmir (li juża l-kondensazzjoni jew kwalunkwe mezz ieħor) biex ineħħi l-umdità mill-arja li tintuża għall-proċess tat-tnixxif;

(7) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ awtomatika” tfisser magna li tnixxef il-ħwejjeġ, li twaqqaf il-proċess tat-tnixxif meta jkun identifikat ċertu kontenut ta’ ilma fil-ħasla, pereżempju permezz ta’ konduttività jew apparat li jħoss it-temperatura;

(8) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ mhux awtomatika” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeg li ttemm il-proċess tat-tnixxif wara perjodu definit minn qabel, normalment ikkontrollat b’arloġġ, li jista’ jintefa wkoll manwalmemt;

(9) “programm” tfisser serje ta’ operazzjonijiet li huma stabbiliti minn qabel u li l-manifattur jiddikjara li huma adattati biex jitnixxfu ċerti tipi ta’ ħwejjeġ;

(10) “ċiklu” tfisser proċess sħiħ tat-tnixxif, kif iddefinit għall-programm magħżul;

(11) “tul tal-programm” tfisser il-ħin li jgħaddi minn x’ħin jibda l-programm sa ma jitlesta, minbarra kwalunkwe dewmien ipprogrammat min-naħa tal-utent finali;

(12) “kapaċità nominali” tfisser il-massa massima f’kilogrammi, kif iddikjarata mill-manifattur, f’żidiet ta’ 0,5 kilogrammi ta’ ħwejjeġ xotti ta’ tip partikolari, li tista’ tiġi ttrattata f’magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika bil-programm magħżul, meta din titgħabba skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

(13) “tagħbija parzjali” tfisser nofs il-kapaċità nominali ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għal programm partikolari;

(14) “effiċjenza tal-kondensazzjoni” tfisser il-proporzjon tal-massa tal-umdità kkondensata minn magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur meta mqabbla mal-massa tal-umdità mneħħija mit-tagħbija meta jintemm iċ-ċiklu;

(15) “modalità mitfija” tfisser kundizzjoni fejn il-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tintefa permezz ta’ kontrolli jew swiċċijiet fl-apparat li huma aċċessibbli għall-utent finali u maħsubin biex jintużaw minnu waqt l-użu normali tal-magna sabiex jinkiseb l-inqas konsum tal-elettriku possibbli, li tista’ tinżamm għal tul ta’ żmien indefinit waqt li l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun imqabbda mal-elettriku u tkun qed tintuża skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur; fejn ma jkunx hemm kontrolli jew swiċċ li jkun aċċessibbli għall-utent finali, “modalità mitfija” tfisser il-kundizzjoni milħuqa wara li l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tmur lura weħidha għal stat stabbli ta’ konsum tal-enerġija;

(16) “modalità mixgħula u inattiva” tfisser il-modalità bl-aktar konsum baxx tal-elettriku li tista’ tinżamm għal tul ta’ żmien indefinit wara li jitlesta l-programm mingħajr ebda intervent ieħor min-naħa tal-utent finali apparti t-tbattil tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

(17) “magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika ekwivalenti” tfisser mudell ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li jitqiegħed fis-suq bl-istess kapaċità nominali, l-istess karatteristiċi tekniċi u ta’ prestazzjoni, l-istess konsum tal-enerġija, l-istess effiċjenza tal-kondensazzjoni fejn dan ikun applikabbli, l-istess tul tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton u l-istess ammont ta’ storbju akustiku fl-arja matul it-tnixxif bħal dawk ta’ mudell ieħor ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika mqiegħed fis-suq mill-istess manifattur b’numru differenti tal-kodiċi kummerċjali.

(18) “programm standard għall-qoton” ifisser li ċ-ċiklu li jnixxef il-ħwejjeġ tal-qoton b’kontenut tal-ilma inizjali tal-ħasla ta’ 60 % sakemm il-kontenut tal-ilma tal-ħasla jsir 0 %.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġhuma mogħtija fil-punt 1 tal-Anness I. Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġhuma mogħtija fil-punt 2 tal-Anness I.

Ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-ekodisinn għal kwalunkwe parametru ieħor tal-ekodisinn imsemmi fil-Parti 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2009/125/KE.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.  Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tikkonsisti fil-kontroll intern tad-disinn stabbilit fl-Anness IV għal dik id-Direttiva jew fis-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

2.  Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi kopja tal-kalkoli stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Fejn l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun inkisbet b’kalkolu abbażi tad-disinn jew permezz ta’ estrapolazzjoni minn magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ ekwivalenti oħrajn, jew mit-tnejn, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji ta’ dawn il-kalkoli jew l-estrapolazzjonijiet, jew tat-tnejn, kif ukoll id-dettalji tat-testijiet imwettqa mill-manifatturi sabiex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkoli li jkunu saru. F’każijiet bħal dawn, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli l-oħra kollha ta’ magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġekwivalenti li għalihom l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika tkun inkisbet bl-istess mod.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika deskritta fl-Anness III għal dan ir-Regolament meta jwettqu l-verifiki ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE biex jiċċekkjaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Parametri referenzjarji

Il-parametri referenzjarji indikattivi għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġbl-aqwa prestazzjoni disponibbli fis-suq meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament huma stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn. B’mod partikolari, ir-reviżjoni għandha tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stipulati fl-Anness III u l-effiċjenza tal-apparat b’vent tal-arja.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2013.

Madankollu:

(a) ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punti 1.1 u 1.2 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Novembru 2014;

(b) ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 2.2 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Novembru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.    Rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn

1.1 Biex jiġu kkalkulati l-konsum tal-enerġija u parametri oħrajn għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, għandu jintuża ċ-ċiklu għat-tnixxif ta’ ħwejjeġ magħmulin mill-qoton (b’kontenut inizjali ta’ umdità tat-tagħbija ta’ 60 %) sa ma jibqa’ kontenut ta’ umdità tat-tagħbija ta’ 0 % (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton”). Dan iċ-ċiklu għandu jkun jista’ jiġi identifikat b’mod ċar fuq l-apparat(i) tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li jintuża għall-għażla tal-programm jew fuq l-iskrin tal-wiri (“display”) tagħha, jekk ikollha, jew fuq it-tnejn, u għandu jiġi indikat bħala “il-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton” jew permezz ta’ simbolu uniformi jew kombinazzjoni xierqa tagħhom, u għandu jiġi ssettjat bħala ċ-ċiklu normali (“default”) għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ mgħammra b’għażla awtomatika tal-programmi jew bi kwalunkwe funzjoni biex programm tat-tnixxif jintgħażel b’mod awtomatiku jew biex jinżamm l-istess programm li jkun intgħażel. Jekk il-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ tkun awtomatika, “il-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton” għandu jkun awtomatiku.

1.2 Il-ktejjeb ta’ struzzjonijiet li jingħata mill-manifattur għandu jipprovdi:

(a) informazzjoni dwar “il-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton” u għandu jispeċifika li dan il-programm huwa adattat biex jitnixxfu ħwejjeġ magħmulin mill-qoton imxarrbin b’mod normali u li dan huwa l-aktar programm effiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum tal-enerġija għat-tnixxif ta’ ħwejjeġ magħmulin mill-qoton li jkunu mxarrbin;

(b) il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfija u fil-modalità mixgħula u inattiva;

(c) informazzjoni indikattiva dwar it-tul tal-programm u l-konsum tal-enerġija għall-programmi prinċipali ta’ tnixxif kemm meta jkun hemm tagħbija, u jekk applikabbli parzjali;

2.    Rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn

Il-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

2.1 Mill-1 ta’ Novembru 2013:

 l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) għandu jkun ta’ inqas minn 85;

 għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur, l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni m’għandhiex tkun ta’ inqas minn 60 %.

2.2 Mill-1 ta’ Novembru 2015:

 għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur, l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) għandu jkun ta’ inqas minn 76;

 għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur, l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni m’għandhiex tkun ta’ inqas minn 70 %.

L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) u l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni huma kkalkulati skont l-Anness II.




ANNESS II

Metodu għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika u tal-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni

1.   IL-KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA

Biex jiġi kkalkulat l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) ta’ mudell ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, il-konsum annwali ppeżat tal-enerġija ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa u parzjali jitqabbel mal-konsum annwali standard tal-enerġija tagħha.

(a) L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) għandu jiġi kkalkulat kif ġej u jitqarreb għal punt deċimali wieħed:

image

fejn:

AEC = il-konsum annwali ppeżat tal-enerġija tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

SAEC = il-konsum annwali standard tal-enerġija tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika.

(b) Il-Konsum Annwali Standard tal-Enerġija (SAEC ) għandu jiġi kkalkulat f’kWh fis-sena kif ġej u jitqarreb għal żewġ punti deċimali:

 għall-magni domestiċi kollha tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li m’għandhomx vent tal-arja:

 
image

 għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li għandhom vent tal-arja:

 
image

fejn:

  c hija l-kapaċità nominali tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton;

  Tt huwa t-tul ippeżat tal-programm għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton.

(c) Il-Konsum Annwali ppeżat tal-Enerġija (AEC ) għandu jiġi kkalkulat f’kWh fis-sena kif ġej u jitqarreb għal żewġ punti deċimali:

(i) 
image

fejn:

Et = il-konsum ippeżat tal-enerġija, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

Po = l-enerġija fil-“modalità mitfija” għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħtija f’W u mqarrba għal żewġ punti deċimali;

Pl = l-enerġija fil-“modalità mixgħula u inattiva” għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħtija f’W u mqarrba għal żewġ punti deċimali;

Tt = it-tul ippeżat tal-programm, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta;

160 = l-għadd totali ta’ ċikli ta’ tnixxif fis-sena.

(ii) Meta l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun mgħammra b’sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija, li permezz tagħha l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tmur lura b’mod awtomatiku għall-“modalità mitfija” meta jintemm il-programm, il-Konsum Annwali ppeżat tal-Enerġija (AEC ) għandu jiġi kkalkulat billi jitqies it-tul effettiv tal-“modalità mixgħula u inattiva”, skont il-formula li ġejja:

image

fejn:

Tl = it-tul tal-“modalità mixgħula u inattiva” għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta.

(d) It-tul ippeżat tal-programm (Tt ) għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton għandu jiġi kkalkulat f’minuti kif ġej u jitqarreb għall-eqreb minuta:

image

fejn:

Ttnixxif = it-tul tal-programm għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta;

Ttnixxif½ = it-tul tal-programm għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta.

(e) Il-konsum ippeżat tal-enerġija (Et ) għandu jiġi kkalkulat f’kWh kif ġej u jitqarreb għal żewġ punti deċimali:

image

fejn:

Etnixxif = il-konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

Etnixxif½ = il-konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali.

(f) Għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġli jaħdmu bil-gass, il-konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton, kemm meta jkun hemm tagħbija sħiħa kif ukoll meta jkun hemm tagħbija parzjali, għandu jiġi kkalkulat f’kWh u jitqarreb għal żewġ punti deċimali, kif ġej:

image

image

fejn:

Egtnixxif = il-konsum tal-gass għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

Egtnixxif½ = il-konsum tal-gass għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

Egtnixxif,a = il-konsum tal-elettriku supplimentari għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

Egtnixxif½,a = il-konsum tal-elettriku supplimentari għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

fg = 2,5.

2.   IL-KALKOLU TAL-EFFIĊJENZA PPEŻATA TAL-KONDENSAZZJONI

L-effiċjenza tal-kondensazzjoni ta’ programm hija l-proporzjon bejn il-massa ta’ umdità kkondensata u miġbura fil-kontenitur ta’ magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur u l-massa tal-umdità mneħħija mit-tagħbija bħala parti mill-programm, u din tal-aħħar hija d-differenza bejn il-massa tat-tagħbija tat-test imxarrba qabel it-tnixxif u l-massa tat-tagħbija użata għall-prova wara t-tnixxif. Biex tiġi kkalkulata l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni, titqies l-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton kemm meta jkun hemm tagħbija sħiħa kif ukoll meta jkun hemm tagħbija parzjali.

L-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni (Ct ) ta’ programm għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwal u titqarreb għall-eqreb perċentwal sħiħ kif ġej:

image

fejn:

Ctnixxif = l-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa;

Ctnixxif½ = l-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali.

L-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni C għandha tiġi kkalkulata kif ġej mill-valuri tal-effiċjenza tal-kondensazzjoni li joħorġu mill-provi li jsiru u għandha tingħata bħala perċentwal:

image

fejn:

  n huwa l-għadd ta’ provi li jsiru, li għandu jinkludi mill-inqas erba’ provi validi għall-programm magħżul;

  j huwa n-numru tal-prova;

  Wwj hija l-massa tal-ilma miġbura fir-reċipjent tal-kondensatur waqt il-prova j;

  Wi hija l-massa tat-tagħbija mxarrba użata għall-prova qabel it-tnixxif;

  Wf hija l-massa tat-tagħbija użata għall-prova wara t-tnixxif.

▼M1




ANNESS III

Il-verifika tal-konformità tal-prodott mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq

It-tolleranzi tal-verifika ddefiniti f'dan l-Anness huma marbutin biss mal-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur jew mill-importatur bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew biex jiġu interpretati dawk il-valuri, bil-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar akkost ta' kollox.

Meta jivverifikaw il-konformità ta' mudell ta' prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f'dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw din il-proċedura:

(1) L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw unità waħda tal-mudell.

(2) Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:

(a) il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri dikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta' dawn il-valuri ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur jew għall-importatur milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettaq skont il-paragrafu (g) tiegħu; kif ukoll

(b) il-valuri dikjarati jkunu jissodisfaw r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, u kull informazzjoni fuq il-prodott meħtieġa li jippubblikaw il-manifattur jew l-importatur ma jkunx fiha valuri li jkunu aktar favorevoli għall-manifattur jew għall-importatur mill-valuri dikjarati; kif ukoll

(c) meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri stabbiliti (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl) ikunu fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi kif turi t-Tabella 1.

(3) Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a) jew (b), il-mudell u kull mudell li ġie elenkat fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudell ta' magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ ekwivalenti, għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament.

(4) Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2(c), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet oħra tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. Inkella, it-tliet unitajiet l-oħra magħżula jistgħu jkunu ta' xi wieħed mill-mudelli jew aktar li tniżżlu fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudelli ekwivalenti.

(5) Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri stabbiliti tkun fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1.

(6) Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 5, il-mudell u kull mudell li ġie elenkat fid-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur jew tal-importatur bħala mudell ta' magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ ekwivalenti, għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma' dan ir-Regolament.

(7) Meta tittieħed id-deċiżjoni tan-nuqqas ta' konformità tal-mudell skont il-punti 3 u 6, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri tal-kejl li jħaddmu metodi tal-kejl avvanzati, affidabbli, preċiżi, riproduċibbli, u li huma ġeneralment rikonoxxuti, fosthom il-metodi stabbiliti fid-dokumenti li r-referenza tagħhom ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal dak il-għan. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu mogħtija fl-Anness II.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 għar-rekwiżiti msemmija f'dan l-Anness. M'għandha tintuża l-ebda tolleranza oħra, lanqas dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew f'xi metodi oħrajn tal-kejl.



Tabella 1

It-tolleranzi tal-verifika

Parametri

It-tolleranzi tal-verifika

Il-konsum annwali peżat tal-enerġija (AEC )

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur AEC dikjarat b'iktar minn 6 %.

Il-konsum peżat tal-enerġija (Et )

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur Et dikjarat b'iktar minn 6 %.

L-effiċjenza peżata tal-kondensazzjoni (Ct )

Il-valur stabbilit m'għandux ikun inqas mill-valur Ct dikjarat b'aktar minn 6 %.

Il-ħin peżat tal-programm (Tt )

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur Tt dikjarat b'iktar minn 6 %.

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi u fil-modalità mixgħul u inattiv (Po u Pl )

Il-valuri stabbiliti tal-konsum tal-enerġija Po u Pl akbar minn 1,00 W, m'għandhomx jaqbżu l-valuri Po u Pl dikjarati b'iktar minn 6 %. Il-valuri stabbiliti tal-konsum tal-enerġija Po u Pl ta' 1,00 W jew inqas, m'għandhomx jaqbżu l-valuri Po u Pl dikjarati b'iktar minn 0,10 W.

It-tul tal-modalità mixgħul u inattiv (Tl )

Il-valur stabbilit m'għandux jaqbeż il-valur Tl dikjarat b'iktar minn 6 %.

▼B




ANNESS IV

Parametri referenzjarji

Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, ġie stabbilit li l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, f’termini tal-konsum tal-enerġija tagħhom u tal-ammont ta’ storbju akustiku fl-arja waqt it-tnixxif għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton, hija din li ġejja:

(1) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 3 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 1,89 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 247 kWh fis-sena ( *1 );

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 69 dB.

(2) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 5 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 2,70 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 347 kWh fis-sena (*1) ;

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(3) Magna domestika li tnixxef il-ħwejjeġ b’vent tal-arja li taħdem bil-gass b’kapaċità nominali ta’ 5 kg

(a) Konsum ta’ gass: 3,25 kWhGas/ċiklu ekwivalenti għal 1,3kWh għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa. Konsum annwali tal-enerġija mhux disponibbli

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(4) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 5 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 3,10 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 396 kWh fis-sena (*1) ;

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(5) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 6 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 3,84 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 487 kWh fis-sena (*1) ;

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 67 dB.

(6) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 6 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 1,58 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 209 kWh fis-sena (*1) ;

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(7) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 7 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 3,9 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 495 kWh fis-sena (*1) ;

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 65 dB.

(8) Magna domestika li tnixxef il-ħwejjeġ b’vent tal-arja li taħdem bil-gass b’kapaċità nominali ta’ 7 kg:

(a) Konsum ta’ gass: 3,4 kWhGas/ċiklu ekwivalenti għal 1,36kWh għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa. Konsum annwali tal-enerġija mhux disponibbli.

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli

(9) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 7 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 1,6 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 211 kWh fis-sena (*1) ;

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 65 dB.

(10) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 8 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 4,1 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 520 kWh fis-sena (*);

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 65 dB.

(11) Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 8 kilogrammi:

(a) konsum tal-enerġija: 2,30 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 297 kWh fis-sena (*);

(b) ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.



( *1 ) ikkalkulat billi wieħed jassumi li jsiru 160 ċiklu ta’ tnixxif fis-sena b’konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali li jiġi daqs 60 % tal-konsum tal-enerġija meta jkun hemm tagħbija sħiħa, u li jkun hemm konsum addizzjonali annwali tal-enerġija ta’ 13,5 kWh mill-użu ta’ modalitajiet ta’ konsum baxx tal-enerġija.

Top