EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012R0290-20150408

Consolidated text: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 290/2012 tat- 30 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġ tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/290/2015-04-08

2012R0290 — MT — 08.04.2015 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 290/2012

tat-30 ta’ Marzu 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġ tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 100, 5.4.2012, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/445 tas-17 ta' Marzu 2015

  L 74

1

18.3.2015




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 290/2012

tat-30 ta’ Marzu 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġ tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar ir-regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(6), 8(5), u 10(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 ( 2 ) jistipula regoli ddettaljati għal ċerti liċenzji tal-bdoti u għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali tal-bdoti u tal-liċenzji nazzjonali tal-inġiniera tat-titjira f’liċenzji tal-bdoti, u jistipula wkoll il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tal-liċenzji minn pajjiżi terzi. Ir-Regolament imsemmi jistipula wkoll ir-regoli għaċ-ċertifikati mediċi tal-bdoti, il-kundizzjonijiet għall-konverżjoni taċ-ċertifikati mediċi nazzjonali, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-eżaminaturi ajrumediċi. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-qagħda medika tal-ekwipaġġ tal-kabina.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-organizzazzjoni ta’ taħriġ tal-bdoti u ċ-ċentri ajrumediċi għandu jkollhom ċertifikat. Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ malli jintlaħqu ċerti rekwiżiti tekniċi u amministrattivi. Għaldaqstant, għandhom jiġu pprovduti regoli għas-sistema ta’ amministrazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ dawn l-organizzazzjoni.

(3)

L-apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir użat għat-taħriġ, għall-ittestjar u għall-ivverifikar tal-bdoti għandu jiġu ċċertifikat skont sensiela ta’ kriterji tekniċi. Għaldaqstant, dawk ir-rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi għandhom jiġu pprovduti.

(4)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-ekwipaġġ tal-kabina għandu jkun kontinwament b’saħħtu u kompetenti sabiex jeżerċita l-kompiti ta’ sikurezza li jkunu ġew assenjati lilu. Dawk involuti f’titjiriet kummerċjali għandu jkollhom attestazzjoni kif stabbilita inizjalment fl-Anness III, is-Subparti O, il-punt (d) tal-OPS 1.1005, għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili ( 3 ). Għaldaqstant, għandhom jiġu pprovduti regoli dwar il-kwalifiki tal-ekwipaġġ tal-kabina u attestazzjonijiet relatati.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 ma jipprovdix għall-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 biex jinkludi s-sistema ta’ amministrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-organizzazzjonijiet. Skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, fir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 għandhom jiġu inklużi wkoll regoli dwar netwerk ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”.

(6)

Jeħtieġ li jiġi pprovdut żmien biżżejjed biex kemm l-industrija ajrunawtika kif ukoll l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-qafas regolatorju l-ġdid, u sabiex jirrikonoxxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-validità taċ-ċertifikati, inklużi l-attestazzjonijiet tat-taħriġ tas-sikurezza, maħruġa qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

(7)

Sabiex jiġu żgurati tranżizzjoni bla xkiel u livell uniformi għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jirriflettu l-aktar għarfien riċenti, inklużi l-aqwa prattiċi, kif ukoll il-progress xjentifiku u tekniku fil-qasam tat-taħriġ tal-ekwipaġġ tal-ajru. Skont dan, għandhom jitqiesu r-Regolament (KEE) Nru 3922/91, kif ukoll ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi miftiehma mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn hawn ‘il quddiem l-“ICAO”) u l-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2009, u l-leġiżlazzjoni eżistenti b’rabta ma’ ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(9)

Il-miżuri speċifikati fl-Anness III għar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 għall-attestazzjoni tat-taħriġ tas-sikurezza tal-ekwipaġġ tal-kabina qed jiġu revokati skont l-Artikolu 69(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Il-miżuri adottati b’dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala l-miżuri korrespondenti.

(10)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni u ressqithom bħala opinjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(6) il-kundizzjonijiet sabiex jinħarġu, jinżammu, jiġu emendati, ristretti, sospiżi jew revokati l-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina, kif ukoll il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina;

(7) il-kundizzjonijiet sabiex jinħarġu, jinżammu, jiġu emendati, ristretti, sospiżi jew revokati ċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-bdoti u taċ-ċentri ajrumediċi involuti fl-ikkwalifikar u fil-valutazzjoni ajrumedika tal-ekwipaġġ tal-ajru tal-avjazzjoni ċivili;

(8) ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir u għall-organizzazzjonijiet li joperaw u li jużaw dak l-apparat;

(9) ir-rekwiżiti għall-amministrazzjoni u s-sistema tal-ġestjoni li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri, mill-Aġenżija u mill-organizzazzjonijiet, b’rabta mar-regoli msemmija fil-paragrafi 1 sa 8.”

(2) Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti (11), (12) u (13) li ġejjin:

“(11) ‘Membru tal-ekwipaġġ tal-kabina’ tfisser membru tal-ekwipaġġ ikkwalifikat kif xieraq, għajr membru tal-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-ekwipaġġ tekniku, li jkun assenjat minn operatur biex jaqdi kompiti marbutin mas-sikurezza tal-passiġġieri u mat-titjira matul l-operat;”

(12) ‘Ekwipaġġ tal-ajru’ tfisser l-ekwipaġġ tat-titjira u l-ewkipaġġ tal-kabina;

(13) ‘Ċertifikat, approvazzjoni jew organizzazzjoni konformi mal-JAR’ tfisser iċ-ċertifikat jew l-approvazzjoni maħruġin jew rikonoxxuti, jew l-organizzazzjoni ċċertifikata, approvata, irreġistrata jew rikonoxxuta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifletti l-JAR u l-proċeduri, minn Stat Membru li jkun implimenta l-JAR rilevanti u li jkun ġie rrakkomandat għar-rikonoxximent reċiproku fis-sistema tal-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni fir-rigward ta’ tali JAR.”

(3) Fl-Artikolu 4(1):

 l-espressjoni “it-8 ta’ April 2012” tinbidel mal-kliem “dan ir-Regolament japplika”;

 l-espressjoni “it-8 ta’ April 2017” tinbidel mal-kliem “it-8 ta’ April 2018”.

(4) Jiddaħħlu l-Artikoli 10a, 10b u 10c li ġejjin:

“Artikolu 10a

Organizzazzjonijiet ta’ taħriġ tal-bdoti

1.  L-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ tal-bdoti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi stipulati fl-Annessi VI u VII, u għandhom ikunu ċċertifikati.

2.  L-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ tal-bdoti li jkollhom ċertifikati konformi mal-JAR maħruġin jew rikonoxxuti minn Stat Membru qabel ma jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament għandu jitqies li għandhom ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament.

F’każ bħal dan, il-privileġġi ta’ dawn l-organizzazzjonijet għandhom ikunu ristretti għal dawk inklużi fl-approvazzjoni maħruġa mill-Istat Membru.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 2, l-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ tal-bdoti għandhom jadattaw is-sistema ta’ ġestjoni, il-programm ta’ taħriġ, il-proċeduri u l-manwali tagħhom sabiex ikunu konformi mal-Anness VII sa mhux iktar tard mit-8 ta’ April 2014.

3.  L-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ konformi mal-JAR li jkunu rreġistrati fi Stat Membru qabel ma jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament għandhom jitħallew jipprovdu taħriġ għal liċenzja ta’ bdot privat (PPL) konformi mal-JAR.

4.  L-Istati Membri għandhom jibdlu ċ-ċertifikati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ma’ ċertifikati konformi mal-format stipulat fl-Anness VI sa mhux iktar tard mit-8 ta’ April 2017.

Artikolu 10b

Apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir

1.  L-apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir (FSTDs - “Flight simulation training devices”) użat għat-taħriġ, għall-ittestjar u l-ivverifikar tal-bdoti, bl-eċċezzjoni tal-apparat ta’ taħriġ tal-iżvilupp użat għat-taħriġ ta’ titjir bi prova, għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi u mal-proċeduri amministrattivi stipulati fl-Annessi VI u VII, u għandu jkun ikkwalifikat.

2.  Iċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-FSTD konformi mal-JAR li jkunu nħarġu jew ġew rikonoxxuti qabel ma jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament għandu jitqies li nħarġu skont dan ir-Regolament.

3.  L-Istati Membri għandhom jibdlu ċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 2 ma’ ċertifikati ta’ kwalifika konformi mal-format stipulat fl-Anness VI sa mhux iktar tard mit-8 ta’ April 2017.

Artikolu 10c

Ċentri ajrumediċi

1.  Iċ-ċentru ajrumediċi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi u mal-proċeduri amministrattivi stipulati fl-Annessi VI u VII, u għandhom ikunu ċċertifikati.

2.  L-approvazzjonijiet taċ-ċentri ajrumediċi konformi mal-JAR maħruġa jew rikonoxxuti minn Stat Membru qabel ma jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament għandu jitqies li nħarġu skont dan ir-Regolament.

Iċ-ċentri ajrumediċi għandhom jadattaw is-sistema ta’ ġestjoni, il-programm ta’ taħriġ, il-proċeduri u l-manwali tagħhom sabiex ikunu konformi mal-Anness VII sa mhux iktar tard mit-8 ta’ April 2014.

3.  L-Istati Membri għandhom jibdlu l-approvazzjonijiet taċ-ċentri ajrumediċi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ma’ ċertifikati konformi mal-format stipulat fl-Anness VI sa mhux iktar tard mit-8 ta’ April 2017.”

(5) Jiddaħħlu l-Artikoli 11a, 11b u 11c li ġejjin:

“Artikolu 11a

Il-kwalifiki tal-ekwipaġġ tal-kabina u attestazzjonijiet relatati

1.  Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina, involuti fit-titjiriet kummerċjali ta’ inġenji tal-ajru kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, għandhom ikunu kkwalifikati, u għandu jkollhom l-attestazzjoni relatata skont ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi stipulati fl-Annessi V u VI.

2.  Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina li jkollhom, qabel ma jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament, attestazzjoni ta’ taħriġ fis-sikurezza maħruġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (EU-OPS):

(a) għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli tat-taħriġ, tal-ivverifikar u tar-reċentezza tal-EU-OPS; jew

(b) jekk ma jkunux konformi mar-rekwiżiti applikabbli tat-taħriġ, tal-ivverifikar u tar-reċentezza tal-EU-OPS, għandhom ilestu t-taħriġ u l-ivverifikar kollu meħtieġ qabel ma jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament; jew

(c) jekk ma jkunux ilhom iktar minn 5 snin joperaw titjiriet kummerċjali b’inġenji tal-ajru, għandhom ilestu l-kors ta’ taħriġ tal-bidu, u għandhom jgħaddu mill-eżami relatat kif meħtieġ fl-Anness V qabel ma jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament.

3.  L-attestazzjonijiet tat-taħriġ tas-sikurezza maħruġa skont l-UE-OPS għandhom jinbidlu ma’ attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina konformi mal-format stipulat fl-Anness VI sa mhux aktar tard mit-8 ta’ April 2017.

4.  Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina involuti f’titjiriet kummerċjali bil-ħelikopters fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament:

(a) għandhom jitqiesu konformi mar-rekwiżiti applikabbli tat-taħriġ tal-bidu tal-Anness V jekk ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli tat-taħriġ, tal-ivverifikar u tar-reċentezza tal-JARs għat-trasport kummerċjali bl-ajru bil-ħelikopters; jew

(b) jekk ma jkunux konformi mar-rekwiżiti applikabbli tat-taħriġ, tal-ivverifikar u tar-reċentezza tal-JARs għat-trasport kummerċjali bl-ajru bil-ħelikopters, għandhom ilestu t-taħriġ u l-ivverifikar kollu rilevanti meħtieġ biex joperaw bil-ħelikopter(s), għajr it-taħriġ tal-bidu, qabel ma jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament; jew

(c) jekk ma jkunux ilhom iktar minn 5 snin joperaw titjiriet kummerċjali bil-ħelikopters, għandhom ilestu l-kors tat-taħriġ tal-bidu u għandhom jgħaddu mill-eżami relatat kif meħtieġ fl-Anness V qabel ma jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament.

5.  Mingħajr ħsara għall-Artikolu 2, l-attestazzjonijiet tal-ewkipaġġ tal-kabina konformi mal-format stipulat fl-Anness VI għandhom jinħarġu lill-membri kollha tal-ekwipaġġ tal-kabina involuti fit-titjiriet kummerċjali bil-ħelikopters sa mhux aktar tard mit-8 ta’ April 2013.

Artikolu 11b

Kapaċitajiet ta’ sorveljanza

1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru entità waħda jew aktar bħala l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat Membru, bis-setgħat u r-responsabbiltajiet allokati meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza ta’ persuni u organizzazzjonijiet, soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.  Jekk Stat Membru jaħtar aktar minn entità waħda bħala awtorità kompetenti:

(a) l-oqsma ta’ kompetenza ta’ kull awtorità kompetenti għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar f’termini ta’ responsabbiltajiet u limitazzjoni ġeografika;

(b) għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni bejn dawk l-entitajiet sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza effettiva tal-organizzazzjonijiet u tal-persuni kollha soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, fil-mandati rispettivi tagħhom.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità(jiet) kompetenti jkollha/jkollhom il-kapaċità meħtieġa biex tiżgura/jiżguraw is-sorveljanza tal-persuni u l-organizzazzjonijiet kollha koperti bil-programm ta’ sorveljanza tagħhom, inklużi r-riżorsi biżżejjed biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtorità kompetenti ma jeżerċitax attivitajiet ta’ sorveljenza meta jkun hemm evidenza li dan jista’, direttament jew indirettament, iwassal għal kunflitt ta’ interess, b’mod partikulari meta dawn ikunu relatati ma’ interessi familjari jew finanzjarji.

5.  Il-persunal awtorizzat mill-awtorità kompetenti biex iwettaq il-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u/jew ta’ superviżjoni għandu jkollu s-setgħa li jeżerċita mill-inqas il-kompiti li ġejjin:

(a) jeżamina rekords, dejta, proċeduri u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompitu ta’ ċertifikazzjoni u/jew ta’ sorveljanza;

(b) jagħmel kopji ta’ jew jieħu siltiet minn tali rekords, dejta, proċeduri u materjal ieħor;

(c) jitlob għal spjegazzjoni verbali fuq il-post;

(d) jidħol f’bini, siti tal-operat jew mezzi ta’ trasport relevanti;

(e) iwettaq awditjar, investigazzjonijiet, verifiki, spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet tar-rampa u spezzjonijiet mhux avżati minn qabel; u

(f) jadotta jew jibda miżuri ta’ infurzar kif ikun xieraq.

6.  Il-kompiti taħt il-paragrafu 5 għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru rilevanti.

Artikolu 11c

Miżuri tranżizzjonali

F’dak li jirrigwarda l-organizzazzjonijiet li l-Aġenzija hija l-awtorità kompetenti korrispondenti tagħhom skont l-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008:

(a) l-Istati Membri għandhom jittrasferixxu lill-Aġenzija r-rekords kollha marbutin mas-sorveljanza ta’ tali organizzazzjonijiet sa mhux aktar tard mit-8 ta’ April 2013;

(b) il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni mibdija minn Stat Membru sat-8 ta’ April 2012 għandhom jintemmu mill-istess Stat Membru b’koordinazzjoni mal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tassumi r-responsabbiltajiet kollha tagħha bħala awtorità kompetenti fir-rigward ta’ tali organizzazzjonijiet wara l-ħruġ taċ-ċertifikat minn dak l-Istat Membru.”

(6) Fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“1b.  B’deroga mill-paragrafu 1, sat-8 ta’ April 2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa IV;”

(7) Fl-Artikolu 12(7), il-kliem “il-paragrafi 2 sa 6” jinbidel bil-kliem “il-paragrafi 1b sa 6”.

(8) Jiżdiedu l-Annessi ġodda V, VI u VII, li t-test tagħhom jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-8 ta’ April 2012.

2.  B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-Annessi V sa VII, sat-8 ta’ April 2013;

(b) il-punt ORA.GEN.200(a)(3) tal-Anness VII, għad-detenturi taċ-ċertifikat ta’ kwalifika tal-FSTD li ma jkunux organizzazzjoni ta’ taħriġ approvata u li ma jkollhomx ċertifikat ta’ operatur tal-ajru sat-8 ta’ April 2014;

(ċ) l-Annessi VI u VII, għall-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ u ċ-ċentri ajrumediċi approvati iżda mhux konformi mal-JAR, sat-8 ta’ April 2014;

(d) il-punt CC.GEN.030 tal-Anness V, sat-8 ta’ April 2015;

(e) l-Anness V, għall-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina involuti f’operati kummerċjali bil-ħelikopters, sat-8 ta’ April 2015;

▼M1 —————

▼B

(g) l-Annessi VI u VII għall-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ li jipprovdu taħriġ għall-klassifikazzjoni tat-titjir bi prova skont il-punt FCL.820 tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, sat-8 ta’ April 2015;

3.  Meta Stat Membru jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija. Din in-notifika għandha tiddeskrivi ż-żmien u r-raġunijiet għat-tali deroga, kif ukoll il-programm ta’ implimentazzjoni li jinkludi l-azzjonijiet previsti u l-perjodu ta’ żmien relatat.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.




ANNESS




“ANNESS V

IL-KWALIFIKI TAL-EKWIPAĠĠ TAL-KABINA INVOLUT F’OPERAZZJONIJIET TAT-TRASPORT KUMMERĊJALI BL-AJRU

[PARTI-CC]

SUBPARTI GEN

REKWIŻITI ĠENERALI

CC.GEN.001 Awtorità kompetenti

Għall-finijiet ta’ din il-Parti, l-awtorità kompetenti għandha tkun l-awtorità maħtura mill-Istat Membru fejn persuna tapplika sabiex tinħarġilha attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina.

CC.GEN.005 Kamp ta’ applikazzjoni

Din il-Parti tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-validità u l-użu tagħhom mid-detenturi tagħhom.

CC.GEN.015 Applikazzjoni għal attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina

L-applikazzjoni għal attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina għandha ssir f’forma u manjiera stabbiliti mill-awtorità kompetenti.

CC.GEN.020 Età minima

L-applikant għal attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina jrid ikollu tal-inqas 18-il sena.

CC.GEN.025 Privileġġi u kundizzjonijiet

(a) Il-privileġġi tad-detenturi ta’ attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina huma li dawn jaġixxu bħala membri tal-ekwipaġġ tal-kabina f’operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru bl-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(b) Il-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina jistgħu jeżerċitaw il-privileġġi speċifikati f’(a) biss jekk:

(1) ikollhom attestazzjoni valida tal-ekwipaġġ tal-kabina kif speċifikat f’CC.CCA.105; u

(2) ikunu konformi ma’ CC.GEN.030, CC.TRA.225 u mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-MED.

CC.GEN.030 Dokumenti u żamma tar-rekords

Biex juri l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli kif speċifikat f’CC.GEN.025(b), kull detentur għandu jżomm, u jipprovdi meta jkun mitlub, l-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina, il-lista u r-rekords tat-taħriġ u tal-ivverifikar għat-tip ta’ inġenju tal-ajru tiegħu/tagħha jew kwalifika/i simili, sakemm l-operatur li jħaddem is-servizzi tiegħu/tagħha ma jżommx tali rekords u jkun jista’ jagħmilhom disponibbli mill-ewwel meta ssir talba għalihom minn awtorità kompetenti jew mid-detentur.

SUBPARTI CCA

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI GĦALL-ATTESTAZZJONI TAL-EKWIPAĠĠ TAL-KABINA

CC.CCA.100 Ħruġ tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina

(a) L-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina għandhom jinħarġu biss lill-applikanti li jkunu għaddew mill-eżami wara li jkunu temmew il-kors ta’ taħriġ tal-bidu skont din il-Parti.

(b) L-attestazzjonijiet ta’ ekwipaġġ tal-kabina għandhom jinħarġu:

(1) mill-awtorità kompetenti; u/jew

(2) minn organizzazzjoni approvata biex tagħmel dan mill-awtorità kompetenti.

CC.CCA.105 Validità tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina

L-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina għandha tinħareġ għal perjodu mhux limitat, u għandha tibqa’ valida, sakemm:

(a) ma tiġix sospiża jew revokata mill-awtorità kompetenti; jew

(b) id-detentur tagħha jkun eżerċita l-privileġġi assoċjati matul is-60 xahar ta’ qabel fuq tal-inqas tip wieħed ta’ inġenju tal-ajru.

CC.CCA.110 Sospensjoni u revoka tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina

(a) Jekk id-detenturi ma jkunux konformi ma’ din il-Parti, l-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina tagħhom tista’ tiġi sospiża jew revokata mill-awtorità kompetenti.

(b) F’każ ta’ sospensjoni jew revoka tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina tagħhom mill-awtorità kompetenti, id-detenturi:

(1) għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar din id-deċiżjoni, u dwar id-dritt tagħhom għall-appell skont il-liġi nazzjonali;

(2) m’għandhomx jeżerċitaw il-privileġġi mogħtija lilhom permezz tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina;

(3) għandhom jinfurmaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-operatur(i) li jkun(u) qed iħaddem/iħaddmu s-servizzi tagħhom; u

(4) għandhom iroddu lura l-attestazzjoni tagħhom skont il-proċedura applikabbli stabbilita mill-awtorità kompetenti.

SUBPARTI TRA

REKWIŻITI TA’ TAĦRIĠ GĦALL-APPLIKANTI U D-DETENTURI TAL-ATTESTAZZJONI TAL-EKWIPAĠĠ TAL-KABINA

CC.TRA.215 Provvediment ta’ taħriġ

It-taħriġ meħtieġ f’din il-Parti għandu:

(a) jiġi pprovdut mill-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ jew mill-operaturi tat-trasport kummerċjali bl-ajru li jkunu approvati biex jagħmlu dan mill-awtorità kompetenti;

(b) isir minn persunal ikkwalifikat u bl-esperjenza xierqa għall-elementi tat-taħriġ li jridu jkunu koperti; and

(ċ) jitmexxa skont programm ta’ taħriġ u sillabu dokumentat bl-approvazzjoni tal-organizzazzjoni.

CC.TRA.220 Il-kors ta’ taħriġ tal-bidu u l-eżamijiet

(a) L-applikanti għal attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina għandhom itemmu kors ta’ taħriġ tal-bidu biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-ambjent tal-avjazzjoni u biex jiksbu l-għarfien ġenerali biżżejjed kif ukoll il-profiċjenza bażika meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom relatati mas-sikurezza tal-passiġġieri u t-titjira matul operazzjonijiet ta’ titjir normali, abnormali u ta’ emerġenza.

(b) Il-programm tal-kors ta’ taħriġ tal-bidu għandu jkopri tal-inqas l-elementi speċifikati fl-Appendiċi 1 għal din il-Parti. Għandu jinkludi taħriġ teoriku u prattiku.

(ċ) L-applikanti għal attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina jridu jagħmlu eżami li jkopri l-elementi kollha tal-programm ta’ taħriġ speċifikat f’(b), ħlief it-taħriġ CRM, sabiex juru li jkunu kisbu l-livell ta’ għarfien u l-profiċjenza meħtieġa f’(a).

CC.TRA.225 Kwalifika/i għat-tip ta’ inġenju tal-ajru jew kwalifiki simili

(a) Id-detenturi ta’ attestazzjoni valida tal-ekwipaġġ tal-kabina għandhom jaħdmu fuq inġenju tal-ajru biss jekk huma jkunu kkwalifikati skont ir-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-ORO.

(b) Biex ikun ikkwalifikat għal tip ta’ inġenju tal-ajru jew simili, id-detentur:

(1) għandu jkun konformi mat-taħriġ, l-ivverifikar u r-rekwiżiti tal-validità applikabbli, li jkunu rilevanti għall-inġenju tal-ajru li jrid jiġi operat:

(i) taħriġ speċifiku għat-tip ta’ inġenju tal-ajru, taħriġ ta’ konverżjoni tal-operatur u familjarizzazzjoni;

(ii) taħriġ fid-differenzi;

(iii) taħriġ rikorrenti; u

(2) għandu jkun ħadem matul is-sitt xhur ta’ qabel abbord it-tip ta’ inġenju tal-ajru, jew ikun temm it-taħriġ ta’ aġġornament u l-ivverifikar rilevanti qabel ma jerġa’ jibda jaħdem fuq dak it-tip ta’ inġenju tal-ajru.




Appendiċi 1 għall-Parti-CC

Il-kors ta’ taħriġ tal-bidu u l-eżamijiet

PROGRAMM TA’ TAĦRIĠ

Il-programm ta’ taħriġ tal-kors tal-bidu għandu jinkludi tal-inqas dawn li ġejjin:

1.    Għarfien teoriku ġenerali tal-avjazzjoni u tar-regolamenti dwar l-avjazzjoni li jkopru l-elementi kollha rilevanti għad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet meħtieġa mill-ekwipaġġ tal-kabina:

1.1. it-terminoloġija tal-avjazzjoni, it-teorija tat-titjir, id-distribuzzjoni tal-passiġġieri, iż-żoni ta’ titjir, il-metereoloġija u l-effetti tal-kontaminazzjoni superfiċjali tal-inġenju tal-ajru;

1.2. ir-regolamenti tal-avjazzjoni rilevanti għall-ekwipaġġ tal-kabina u r-rwol tal-awtorità kompetenti;

1.3. id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-ekwipaġġ tal-kabina matul l-operat, u l-ħtieġa li dawn jirreaġixxu fil-pront u b’mod effettiv għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

1.4. kompetenza u saħħa kontinwa biex wieħed jaħdem bħala membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, inkluż fir-rigward tal-limiti tal-ħin tat-titjira u tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-mistrieħ;

1.5. l-importanza li jiġi żgurat li d-dokumenti u l-manwali rilevanti jinżammu aġġornati, bl-emendi jiġu fornuti mill-operatur skont kif applikabbli;

1.6. l-importanza li l-ekwipaġġ tal-kabina jwettaq id-dmirijiet tiegħu skont il-manwal tal-operat tal-operatur;

1.7. l-importanza tal-informazzjoni minn qabel it-titjira lill-ekwipaġġ tal-kabina, u l-għoti ta’ informazzjoni ta’ sikurezza meħtieġa fir-rigward tad-dmirijiet speċifiċi tagħhom; u

1.8. l-importanza li jiġi identifikat meta l-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina jkollhom l-awtorità u r-responsabbiltà li jibdew evakwazzjoni u proċeduri oħra ta’ emerġenza.

2.    Komunikazzjoni:

Matul it-taħriġ, għandha tingħata enfasi lill-importanza ta’ komunikazzjoni effettiva bejn l-ekwipaġġ tal-kabina u l-ekwipaġġ tat-titjira, inklużi t-tekniki ta’ komunikazzjoni, u l-lingwa u t-terminoloġija komuni.

3.    Kors introduttorju dwar il-fatturi umani (HF) fl-avjazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ekwipaġġ (CRM)

Dan il-kors għandu jsir minn tal-inqas għalliem CRM wieħed tal-ekwipaġġ tal-kabina. L-elementi tat-taħriġ għandhom jiġu koperti fid-dettall u għandhom jinkludu tal-inqas dawn li ġejjin:

3.1.  Ġenerali: fatturi umani fl-avjazzjoni, struzzjonijiet ġenerali dwar il-prinċipji u l-għanijiet tas-CRM, prestazzjoni umana u limitazzjonijiet;

3.2.  Rilevanti għall-membru individwali tal-ekwipaġġ tal-kabina: kuxjenza u għarfien dwar il-personalità, l-iżbalji umani u l-affidabbiltà, l-attitudnijiet u l-imġiba, l-awtovalutazzjoni; l-istress u l-ġestjoni tal-istress; l-għeja u l-viġilanza; l-assertività; kuxjenza tas-sitwazzjoni, il-ksib u l-ipproċessar ta’ informazzjoni.

4.    It-trattament tal-passiġġieri u s-sorveljanza tal-kabina:

4.1. l-importanza tal-allokazzjoni korretta tas-siġġijiet b’referenza għall-massa u l-bilanċ tal-ajruplan, kategoriji speċjali ta’ passiġġieri, u l-ħtieġa li l-passiġġieri mingħajr diżabbiltà jitpoġġew ħdejn il-bibien tal-ħruġ li ma jkunux sorveljati;

4.2. ir-regoli li jkopru l-istivar bla periklu tal-bagalji tal-kabina u l-oġġetti ta’ servizz tal-kabina, u r-riskju li dawn isiru perikolużi għall-okkupanti tal-kompartiment tal-passiġġieri jew inkella jingumbraw jew jagħmlu ħsara lit-tagħmir jew lill-ħruġ tal-emerġenza;

4.3. pariri dwar l-għarfien u l-ġestjoni tal-passiġġieri li jkunu fis-sakra jew li jiskru abbord, jew li jkunu taħt l-influwenza tad-drogi, jew li jkunu aggressivi;

4.4. il-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu meta jinġarru annimali ħajjin fil-kompartiment tal-passiġġieri;

4.5. il-kompiti li għandhom jitwettqu f’każ ta’ turbulenza, inkluż li tiġi garantita s-sikurezza tal-kompartiment tal-passiġġieri; u

4.6. il-metodi użati għall-motivazzjoni tal-passiġġieri u l-kontroll tal-folla, meħtieġa biex titħaffef evakwazzjoni ta’ emerġenza.

5.    Aspetti ajrumediċi u tal-ewwel għajnuna:

5.1. struzzjoni ġenerali dwar aspetti ajrumediċi u s-sopravivenza;

5.2. l-effetti fiżjoloġiċi tat-titjir, b’enfażi partikulari fuq l-ipossija, ir-rekwiżiti tal-ossiġnu, il-funzjonament tat-tromba ta’ Ewstakju u l-barotrawmi;

5.3. l-ewwel għajnuna bażika, inkluża l-kura ta’:

(a) id-dardir;

(b) it-taqlib gastrointestinali;

(c) l-iperventilazzjoni;

(d) il-ħruq;

(e) ġrieħi;

(f) meta wieħed jintilef minn sensih; u

(g) ksur u ġrieħi f’tessuti rotob;

5.4. emerġenzi mediċi matul it-titjira u l-ewwel għajnuna assoċjata, li jkopru tal-inqas:

(a) l-ażma;

(b) l-istress u r-reazzjonijiet ta’ allerġija;

(c) ix-xokk;

(d) id-dijabete;

(e) il-fgar;

(f) l-epilessija;

(g) it-twelid;

(h) il-puplesija; u

(i) l-attakk tal-qalb;

5.5. l-użu ta’ tagħmir xieraq, inkluż l-ossiġnu tal-ewwel għajnuna, il-kitts tal-ewwel għajnuna u l-kitts mediċi ta’ emerġenza, u l-kontenuti tagħhom;

5.6. taħriġ prattiku fir-risuxxitazzjoni kardjopulmonari minn kull membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, bl-użu ta’ pupu ddiżinjat apposta, u b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-ambjent tal-inġenju tal-ajru; u

5.7. is-saħħa u l-iġjene fl-ivvjaġġar, inklużi:

(a) l-iġjene abbord;

(b) ir-riskju ta’ kuntatt ma’ mard infettiv u l-mezzi biex jitnaqqsu tali riskji;

(c) it-trattament tal-iskart kliniku;

(d) id-diżinfettar tal-inġenju tal-ajru;

(e) it-trattament ta’ mewt abbord; u

(f) il-ġestjoni tal-viġilanza, l-effetti fiżjoloġiċi tal-għeja, il-fiżjoloġija tal-irqad, ir-ritmu ċirkadjan u t-tibdil taż-żona tal-ħin.

6.    Il-merkanzjia perikoluża skont l-Istruzzjonijiet Tekniċi applikabbli tal-ICAO.

7.    Aspetti ta’ sikurezza ġenerali fl-avjazzjoni, inkluż l-għarfien tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008.

8.    Taħriġ kontra n-nirien u d-duħħan:

8.1. enfażi fuq ir-responsabbiltà tal-ekwipaġġ tal-kabina li jindirizza fil-pront emerġenzi li jinvolvu nirien u duħħan u, b’mod partikulari, enfażi fuq l-importanza li jiġi identifikat is-sors reali tan-nar;

8.2. l-importanza li l-ekwipaġġ tal-kabina jiġi infurmat mill-ewwel, kif ukoll l-azzjonijiet speċifiċi meħtieġa għall-koordinazzjoni u l-għajnuna, meta jinstab li hemm nar jew duħħan;

8.3. il-ħtieġa ta’ kontrolli frekwenti f’żoni li għandhom potenzjal ta’ riskju tan-nar, inklużi t-tojlits, u d-detetturi tad-duħħan assoċjati;

8.4. il-klassifikazzjoni tan-nirien u tat-tip xieraq ta’ aġenti għat-tifi tan-nar, u l-proċeduri għal sitwazzjonijiet partikulari ta’ nar;

8.5. it-tekniċi ta’ applikazzjoni tal-aġenti għat-tifi tan-nar, il-konsegwenza tal-użu żbaljat tagħhom, u l-użu tagħhom fi spazju magħluq, inkluż it-taħriġ prattiku fit-tifi tan-nar, fl-ilbies u fl-użu tat-tagħmir użat fl-avjazzjoni għall-protezzjoni kontra d-duħħan; and

8.6. il-proċeduri ġenerali tas-servizzi ta’ emerġenza fuq l-art, fl-ajrudromi.

9.    Taħriġ tas-sopravivenza:

9.1. il-prinċipji tas-sopravivenza f’ambjenti ostili (eż. polari, fid-deżert, fil-ġungla, fil-baħar); u

9.2. taħriġ tas-sopravivenza fl-ilma, li għandu jinkludi kif jintlibes u jintuża t-tagħmir biex persuna tibqa’ f’wiċċ l-ilma, kif ukoll l-użu ta’ żurżieqa tas-salvataġġ jew tagħmir simili, kif ukoll il-prassi effettiva fl-ilma.




ANNESS VI

REKWIŻITI TAL-AWTORITÀ GĦALL-EKWIPAĠĠ TAL-AJRU

[PARTI-ARA]

SUBPARTI GEN

REKWIŻITI ĠENERALI

TAQSIMA I

ĠENERALI

ARA.GEN.105    Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Parti u tal-Parti-ORA, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità (AMC)” tfisser standards mhux vinkolanti adottati mill-Aġenzija biex juru mezzi ta’ kif għandha tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament Bażiku u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu;

2. “Mezzi alternattivi ta’ konformità” tfisser mezzi li jipproponu alternattiva għal AMC eżistenti, jew dawk li jipproponu mezzi ġodda sabiex tkun stabbilita l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, li għaliha ma jkun ġie adottat l-ebda AMC assoċjat mill-Aġenzija;

3. “Organizzazzjoni ta’ taħriġ approvata (ATO)” tfisser organizzazzjoni kkwalifikata għall-ħruġ jew il-kontinwazzjoni ta’ approvazzjoni għall-provvediment ta’ taħriġ għal-liċenzji ta’ bdot, kif ukoll għall-klassifikazzjonijiet u ċ-ċertifikati assoċjati;

4. “Mudell ta’ apparat ta’ taħriġ fl-istrumenti bażiċi (mudell BITD)” tfisser kombinazzjoni ddefinita ta’ ħardwer u softwer, li tkun kisbet il-kwalifika ta’ BITD;

5. “Speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni (CS)” huma standards tekniċi adottati mill-Aġenzija li jindikaw mezzi biex juru l-konformità mar-Regolament Bażiku u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, u li jistgħu jintużaw minn organizzazzjoni għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni;

6. “Għalliem tat-titjira (FI)” tfisser għalliem bil-privileġġi li jipprovdi taħriġ fuq inġenju tal-ajru, skont il-Parti-FCL;

7. “Apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir (FSTD)” tfisser apparat ta’ taħriġ li jkun:

(a) fil-każ ta’ ajruplani, simulatur ta’ titjira sħiħa (FFS), apparat ta’ taħriġ fit-titjir (FTD), ħarrieġ għall-proċeduri ta’ titjir u ta’ navigazzjoni (FNPT), jew apparat ta’ taħriġ fl-istrumenti bażiċi (BITD);

(b) fil-każ ta’ ħelikopters, simulatur ta’ titjira sħiħa (FFS), apparat ta’ taħriġ fit-titjir (FTD) jew ħarrieġ għall-proċeduri ta’ titjir u ta’ navigazzjoni (FNPT);

8. “Kwalifika ta’ FSTD” tfisser il-livell tal-kapaċità teknika ta’ FSTD kif iddefinit fid-dokument ta’ konformità;

9. “Utent ta’ FSTD” tfisser l-organizzazzjoni jew il-persuna li titlob lil ATO għal taħriġ, verifika jew prova fl-użu ta’ FSTD;

10. “Żamma fuq l-art” tfisser il-projbizzjoni formali ta’ inġenju tal-ajru milli jtir, u t-teħid ta’ dawn il-passi skont kif ikun meħtieġ biex iżżommu;

11. “Materjal ta’ Gwida (GM)” tfisser materjal mhux vinkolanti żviluppat mill-Aġenzija li jgħin fit-tifsira ta’ rekwiżit jew speċifikazzjoni, u li jintuża biex jgħin fl-interpretazzjoni tar-Regolament Bażiku, ir-Regola ta’ Implimentazzjoni tiegħu u l-AMC;

12. “ARO.RAMP” tfisser is-Subparti RAMP tal-Anness II għar-Regolament dwar Operazzjonijiet tal-Ajru;

13. “Apparat ta’ taħriġ ieħor (OTD)” tfisser apparat li jintuża għat-taħriġ tal-bdoti, għajr FSTD li jipprovdi għal taħriġ fejn ma jkunx meħtieġ ambjent sħiħ ta’ kabina tal-pilotaġġ;

14. “Parti-ARA” tfisser l-Anness VI għar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru tal-Avjazzjoni Ċivili;

15. “Parti-ORO” tfisser l-Anness III għar-Regolament dwar l-Operazzjonijiet tal-Ajru;

16. “Parti-CC” tfisser l-Anness V għar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru tal-Avjazzjoni Ċivili;

17. “Parti-FCL” tfisser l-Anness I għar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru tal-Avjazzjoni Ċivili;

18. “Parti-MED” tfisser l-Anness IV għar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru tal-Avjazzjoni Ċivili;

19. “Parti-ORA” tfisser l-Anness VII għar-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru tal-Avjazzjoni Ċivili;

20. “Post prinċipali tan-negozju” tfisser l-uffiċċju ewlieni jew l-uffiċċju rreġistrat tal-organizzazzjoni li fih jitwettqu l-funzjonijiet finanzjarji ewlenin u l-kontroll tal-operat tal-attivitajiet msemmija f’dan ir-Regolament;

21. “Gwida għat-test tal-kwalifika (QTG)” tfisser dokument imfassal biex juri li l-prestazzjoni u l-kwalitajiet tal-immaniġġjar ta’ FSTD jirrappreżentaw dawk tal-inġenju tal-ajru, il-klassi tal-ajruplan jew it-tip ta’ ħelikopter, simulat fil-limiti preskritti u li r-rekwiżiti applikabbli kollha ġew sodisfati. Il-QTG tinkludi d-dejta tal-inġenju tal-ajru, il-klassi tal-ajruplan jew it-tip ta’ ħelikopter, kif ukoll id-dejta tal-FSTD li tintuża biex tappoġġja l-validazzjoni.

ARA.GEN.115    Dokumentazzjoni tas-superviżjoni

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-atti leġiżlattivi, l-istandards, ir-regoli, il-pubblikazzjonijiet tekniċi u d-dokumenti kollha relatati lill-persunal rilevanti sabiex tippermettilhom jaqdu l-kompiti tagħhom u biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.

ARA.GEN.120    Mezzi ta’ konformità

(a) L-Aġenzija għandha tiżviluppa Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità (AMC) li jistgħu jintużaw biex tkun stabbilita l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu. Meta jkun hemm konformità mal-AMC, ir-rekwiżiti meħtieġa tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni jkunu ġew sodisfati.

(b) Jistgħu jintużaw mezzi alternattivi ta’ konformità sabiex tkun stabbilita l-konformità mar-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

(c) L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi sistema biex tevalwa b’mod konsistenti li l-mezzi alternattivi ta’ konformità kollha użati minnha jew minn organizzazzjonijiet jew persuni taħt is-superviżjoni tagħha jippermettu li tiġi stabbilita l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

(d) L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-mezzi alternattivi ta’ konformità kollha proposti minn organizzazzjoni skont OR.GEN.120, billi tanalizza d-dokumentazzjoni pprovduta u, jekk meqjus neċessarju, billi tagħmel spezzjoni tal-organizzazzjoni.

Meta l-awtorità kompetenti ssib li l-mezzi ta’ konformità alternattivi huma skont ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni, għandha tagħmel li ġej, mingħajr dewmien żejjed:

(1) tinnotifika lill-applikant li l-mezzi alternattivi ta’ konformità jistgħu jiġu implimentati u, jekk ikun applikabbli, temenda l-approvazzjoni jew iċ-ċertifikat tal-applikant kif meħtieġ; u

(2) tinnotifika lill-Aġenzija dwar il-kontenut tagħhom, inklużi kopji tad-dokumentazzjoni kollha rilevanti;

(3) tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar il-mezzi alternattivi ta’ konformità li ġew aċċettati.

(e) Meta l-awtorità kompetenti stess tuża mezzi ta’ konformità alternattivi biex tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, għandha tagħmel li ġej:

(1) tagħmilhom disponibbli għall-organizzazzjonijiet u l-persuni kollha li jkunu taħt is-superviżjoni tagħha; u

(2) tavża lill-Aġenzija mingħajr dewmien żejjed.

L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Aġenzija b’deskrizzjoni sħiħa tal-mezzi alternattivi ta’ konformità, inkluża kwalunkwe reviżjoni għall-proċeduri li jistgħu jkunu rilevanti, kif ukoll valutazzjoni li turi li r-Regoli ta’ Implimentazzjoni ġew sodisfati.

ARA.GEN.125    Informazzjoni lill-Aġenzija

(a) L-awtorità kompetenti għandha tavża, mingħajr dewmien żejjed, lill-Aġenzija f’każ li jinqalgħu xi problemi bl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

(b) L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Aġenzija b’informazzjoni sinifikanti għas-sikurezza, li tkun toriġina mir-rapporti ta’ okkorrenza li tkun irċeviet.

ARA.GEN.135    Reazzjoni immedjata għal problema tas-sikurezza

(a) Mingħajr ħsara għad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), l-awtorità kompetenti għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred informazzjoni ta’ sikurezza b’mod xieraq.

(b) L-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tanalizza b’mod xieraq kwalunkwe informazzjoni ta’ sikurezza li tkun irċeviet, u tipprovdi, mingħajr dewmien żejjed, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi li jridu jittieħdu, li jkunu neċessarji għalihom biex jirreaġixxu fil-ħin għal problema ta’ sikurezza li tkun tinvolvi prodotti, partijiet, apparat, persuni jew organizzazzjonijiet soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

(c) Kif tirċievi l-informazzjoni msemmija f’(a) u (b), l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tindirizza l-problema ta’ sikurezza.

(d) Il-miżuri meħuda skont (c) għandhom jiġu nnotifikati lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet kollha li jeħtieġ li jkunu konformi magħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll dawk il-miżuri lill-Aġenzija u, meta tkun meħtieġa azzjoni kkombinata, lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

TAQSIMA II

Ġestjoni

ARA.GEN.200    Sistema ta’ ġestjoni

(a) L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm sistema ta’ ġestjoni, inkluż bħala minimu:

(1) politiki u proċeduri ddokumetati biex jiddeskrivu l-organizzazzjoni tagħha, il-mezzi u l-metodi biex tinkiseb il-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tagħha. Il-proċeduri għandhom jinżammu aġġornati u jservu bħala d-dokumenti ta’ ħidma bażiċi f’dik l-awtorità kompetenti għall-kompiti relatati kollha;

(2) għadd suffiċjenti ta’ impjegati biex jaqdu l-kompiti tagħha u jwettqu r-responsabbiltajiet tagħha. Dawn l-impjegati għandhom ikunu kkwalifikati biex iwettqu l-kompiti allokati lilhom u jkollhom ukoll l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa, kif ukoll it-taħriġ tal-bidu u dak ta’ aġġornament, biex jiżguraw kompetenza kontinwa. Għandu jkun hemm fis-seħħ sistema biex tkun tista’ tiġi ppjanata d-disponibbiltà tal-impjegati, sabiex ikun żgurat it-twettiq xieraq tal-kompiti kollha;

(3) faċilitajiet adegwati u alloġġ għall-uffiċċju biex jitwettqu l-kompiti allokati;

(4) funzjoni biex tiġi ssorveljata l-konformità tas-sistema ta’ ġestjoni mar-rekwiżiti meħtieġa u l-adegwatezza tal-proċeduri, inkluż l-istabbiliment ta’ proċess ta’ verifikar intern, kif ukoll proċess ta’ ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi sistema ta’ reazzjoni ta’ sejbiet ta’ verifika lill-maniġment għoli tal-awtorità kompetenti biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi kif ikun meħtieġ; u

(5) persuna jew grupp ta’ persuni, li fl-aħħar mill-aħħar tkun/ikunu responsabbli għall-maniġment għoli tal-awtorità kompetenti għall-kompitu ta’ monitoraġġ tal-konformità.

(b) L-awtorità kompetenti għandha taħtar, għal kull qasam ta’ attività li tinkludi sistema ta’ ġestjoni, persuna jew persuni li jkollha/hom ir-responsabbiltà ġenerali għall-ġestjoni tal-kompitu/i rilevanti.

(c) L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni fi skambju reċiproku tal-informazzjoni u l-għajnuna kollha meħtieġa ma’ awtoritajiet kompetenti oħra kkonċernati, inkluż rigward is-sejbiet kollha identifikati u azzjonijiet ta’ kontinwità mwettqa bħala riżultat ta’ superviżjoni ta’ persuni u organizzazzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda li jkunu ċċertifikati mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija.

(d) Kopja tal-proċeduri relatati mas-sistema tal-ġestjoni u l-emendi tagħhom għandha tkun disponibbli għall-Aġenzija għall-finijiet ta’ standardizzazzjoni.

ARA.GEN.205    Allokazzjoni tal-kompiti lil entitajiet ikkwalifikati

(a) Il-kompiti marbutin maċ-ċertifikazzjoni inizjali jew mas-superviżjoni kontinwa tal-persuni jew tal-organizzazzjonijiet soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu għandhom jiġu allokati mill-Istati Membri biss lil entitajiet ikkwalifikati. Meta talloka kompiti, l-awtorità kompetenti għandha tiżġura:

(1) li jkollha sistema implimentata biex tivverifika, fil-bidu u b’mod kontinwu, li l-entità kkwalifikata hija konformi mal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Din is-sistema u r-riżultati tal-valutazzjonijiet għandhom jiġu ddokumentati;

(2) li tkun stabbiliet ftehim iddokumentat mal-entità kkwalifikata, approvat miż-żewġ partijiet fil-livell ta’ maniġment xieraq, li jiddefinixxi b’mod ċar:

(i) il-kompiti li jridu jsiru;

(ii) id-dikjarazzjonijiet, ir-rapporti u r-rekords li jridu jiġu pprovduti;

(iii) il-kundizzjonijiet tekniċi li jridu jiġu sodisfati fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti;

(iv) il-kopertura tar-responsabbiltà relatata; u

(v) il-protezzjoni mogħtija lill-informazzjoni miksuba fit-twettiq ta’ tali kompiti.

(b) L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-proċess ta’ verifika interna, u l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza, meħtieġ skont AR.GEN.200 (a)(4), ikopru l-kompiti kollha ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ superviżjoni kontinwa li jsiru f’isimha.

ARA.GEN.210    Tibdil fis-sistema tal-ġestjoni

(a) L-awtorità kompetenti għandu jkollha sistema fis-seħħ sabiex tidentifika l-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità tagħha biex twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu. Din is-sistema għandha tippermetti li l-awtorità kompetenti tieħu azzjoni kif xieraq biex tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni tagħha tibqa’ adegwata u effettiva.

(b) L-awtorità kompetenti għandha taġġorna s-sistema ta’ ġestjoni tagħha biex tirrifletti kwalunkwe bidliet fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu fil-ħin, sabiex tiżgura implimentazzjoni effettiva.

(c) L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Aġenzija bi kwalunkwe tibdil li jaffettwa l-kapaċità tagħha biex twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tagħha.

ARA.GEN.220    Żamma tar-rekords

(a) L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi sistema ta’ żamma tar-rekords li tipprovdi għall-ħażna adegwata, l-aċċessibbiltà, u t-traċċabbiltà kredibbli ta’:

(1) il-politiki u l-proċeduri ddokumentati tas-sistema ta’ ġestjoni;

(2) it-taħriġ, il-kwalifiki u l-awtorizzazzjoni tal-impjegati tagħha;

(3) l-allokazzjoni tal-kompiti, li jkopru l-elementi meħtieġa skont ARA.GEN.205 kif ukoll id-dettalji tal-kompiti allokati;

(4) il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni u s-superviżjoni kontinwa tal-organizzazzjonijiet ċertifikati;

(5) il-proċessi għall-ħruġ tal-liċenzji tal-impjegati, il-klassifikazzjonijiet, iċ-ċertifikati u l-attestazzjonijiet, u għas-superviżjoni kontinwa tad-detenturi ta’ dawk il-liċenzji, klassifikazzjonijiet, ċertifikati u attestazzjonijiet;

(6) il-proċessi għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-kwalifika ta’ FSTD u għas-superviżjoni kontinwa tal-FSTD u tal-organizzazzjoni li toperah;

(7) is-superviżjoni ta’ persuni u organizzazzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru, iżda li jkunu sorveljati jew iċċertifikati mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, kif miftiehem bejn dawn l-awtoritajiet;

(8) l-evalwazzjoni u n-notifika lill-Aġenzija ta’ mezzi alternattivi ta’ konformità proposti minn organizzazzjonijiet, u l-valutazzjoni tal-mezzi alternattivi ta’ konformità użati mill-awtorità kompetenti nfisha;

(9) sejbiet, azzjonijiet korrettivi u d-data tal-għeluq tal-azzjoni;

(10) il-miżuri ta’ infurzar meħuda;

(11) informazzjoni dwar is-sikurezza u miżuri ta’ segwiment; u

(12) l-użu ta’ dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008;

(b) L-awtorità kompetenti għandha żżomm lista taċ-ċertifikati tal-organizzazzjonijiet kollha, taċ-ċertifikati tal-kwalifika ta’ FSTD u tal-liċenzji tal-impjegati tiegħu, kif ukoll taċ-ċertifikati u l-attestazzjonijiet maħruġa minnha.

(c) Ir-rekords kollha għandhom jinżammu għall-perjodu minimu speċifikat f’dan ir-Regolament. Fin-nuqqas ta’ tali indikazzjoni, ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 5 snin, soġġett għal-liġi applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta personali.

TAQSIMA III

Superviżjoni, ċertifikazzjoni u infurzar

ARA.GEN.300    Superviżjoni

(a) L-awtorità kompetenti għandha tivverifika:

(1) il-konformità mar-rekwiżiti li japplikaw għal organizzazzjonijiet jew persuni qabel il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ organizzazzjoni, approvazzjoni, ċertifikat tal-kwalifika ta’ FSTD jew liċenzja, ċertifikat, klassifikazzjoni, jew attestazzjoni għall-impjegati, skont kif japplika;

(2) il-konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli ta’ organizzazzjonijiet li tkun iċċertifikat, ta’ persuni u detenturi ta’ ċertifikat tal-kwalifika ta’ FSTD;

(3) l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sikurezza xierqa stabbiliti mill-awtorità kompetenti, kif iddefinit f’AR.GEN.135(c) u (d).

(b) Din il-verifika għandha:

(1) tkun appoġġata b’dokumentazzjoni li tkun intiża speċifikament biex tipprovdi persunal responsabbli għas-superviżjoni tas-sikurezza bi gwida dwar kif għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(2) tipprovdi lill-persuni u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati bir-riżultati tal-attività tas-superviżjoni tas-sikurezza;

(3) tkun ibbażata fuq verifiki u spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet tar-rampa u oħrajn li ma jkunux avżati minn qabel; u

(4) tipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-evidenza meħtieġa f’każ li tkun meħtieġa aktar azzjoni, inklużi l-miżuri previsti f’AR.GEN.350 u AR.GEN.355.

(c) Il-firxa tas-superviżjoni ddefinita f’(a) u (b) għandha tqis ir-riżultati ta’ attivitajiet ta’ superviżjoni mgħoddija, kif ukoll il-prijoritajiet tas-sikurezza.

(d) Mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-Istati Membri u għall-obbligi tagħhom kif stabbilit f’AR.RAMP, l-ambitu tas-superviżjoni tal-attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuni jew organizzazzjonijiet stabbiliti jew li jinstabu fi Stat Membru ieħor għandu jiġi stabbilit abbażi tal-prijoritajiet tas-sikurezza identifikati fil-pjan tas-sikurezza, kif ukoll tal-attivitajiet ta’ superviżjoni fil-passat.

(e) Fejn attività ta’ persuna jew organzzazzjoni tinvolvi iktar minn Stat Membru wieħed jew l-Aġenzija, l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni skont (a) tista’ taqbel li l-kompiti ta’ superviżjoni jsiru mill-awtorità(jiet) kompetenti tal-Istat(i) Membru/i fejn l-attività tkun qed isseħħ, jew mill-Aġenzija. Kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni soġġetta għal tali ftehim għandha tiġi infurmata dwar l-eżistenza u l-ambitu tagħha.

(f) L-awtorità kompetenti għandha tiġbor u tipproċessa kwalunkwe informazzjoni meqjusa bħala utli għas-superviżjoni, inkluż għal spezzjonijiet tar-rampa u oħrajn li ma jkunux avżati minn qabel.

ARA.GEN.305    Programm ta’ superviżjoni

(a) L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm programm ta’ superviżjoni li jkopri l-attivitajiet ta’ superviżjoni meħtieġa skont ARA.GEN.300 u ARA.RAMP.

(b) Għall-organizzazzjonijiet iċċertifikati mill-awtorità kompetenti u d-detenturi ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD, il-programm ta’ superviżjoni għandu jiġi żviluppat billi jitqiesu n-natura speċifika tal-organizzazzjoni, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħha u r-riżultati ta’ attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u/jew superviżjoni fil-passat, u għandu jissejjes fuq il-valutazzjoni tar-riskji assoċjati. Għandu jinkludi f’kull ċiklu ta’ ppjanar għas-superviżjoni:

(1) verifiki u spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet tar-rampa u spezzjonijiet mhux avżati minn qabel, kif ikun meħtieġ; u

(2) laqgħat bejn il-maniġer responsabbli u l-awtorità kompetenti biex ikun żgurat li t-tnejn jibqgħu infurmati dwar kwistjonijiet sinifikanti.

(c) Għall-organizzazzjonijiet iċċertifikati mill-awtorità kompetenti u d-detenturi ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD, għandu jiġi applikat ċiklu ta’ ppjanar għas-superviżjoni li ma jaqbiżx l-24 xahar.

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar għas-superviżjoni jista’ jitnaqqas jekk ikun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni jew tad-detentur ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FTSD tkun naqset.

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar għas-superviżjoni jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ 36 xahar, jekk l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet li, matul l-24 xahar ta’ qabel:

(1) l-organizzazzjoni tkun uriet identifikazzjoni effettiva tal-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni u tal-ġestjoni tar-riskji assoċjati;

(2) l-organizzazzjoni tkun uriet b’mod kontinwu, skont ORA.GEN.130, li għandha l-kontroll sħiħ fuq it-tibdiliet kollha;

(3) ma jkunu ġew stabbiliti l-ebda sejbiet tal-livell 1; u

(4) l-azzjonijiet korrettivi kollha jkunu ġew implimentati fil-perjodu ta’ żmien aċċettat jew estiż mill-awtorità kompetenti, kif iddefinit minn ARA.GEN.350 (d)(2).

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar għas-superviżjoni jista’ jerġa’ jiġi estiż sa massimu ta’ 48 xahar jekk, flimkien ma’ ta’ hawn fuq, l-organizzazzjoni tkun stabbiliet, u l-awtorità kompetenti tkun approvat, sistema effettiva ta’ rappurtar kontinwu lill-awtorità kompetenti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza u l-konformità regolatorja tal-organizzazzjoni nfisha.

(d) Għal persuni li jkollhom liċenzja, ċertifikat, klassifikazzjoni, jew attestazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti, il-programm ta’ superviżjoni għandu jinkludi spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet mhux avżati minn qabel, kif ikun xieraq.

(e) Il-programm ta’ sorveljanza għandu jinkludi r-rekords tad-dati ta’ meta jkunu se jsiru l-verifiki, l-ispezzjonijiet u l-laqgħat, u ta’ meta tali verifiki, spezzjonijiet u laqgħat ikunu saru.

AR.GEN.310    Proċedura ta’ ċertifikazzjoni inizjali – organizzazzjonijiet

(a) Kif tirċievi applikazzjoni għall-ħruġ inizjali ta’ ċertifikat għal organizzazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità tal-organizazzjoni mar-rekwiżiti applikabbli.

(b) Meta tkun sodisfatta li l-organizzazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat(i), kif stabbilit fl-Appendiċi III u l-Appendiċi V għal din il-Parti. Iċ-ċertifikat(i) għandu jinħareġ/għandhom jinħarġu għal perjodu mhux limitat. Il-privileġġi u l-ambitu tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni tkun approvata twettaq għandhom jiġu speċifikati fit-termini tal-approvazzjoni mehmużin maċ-ċertifikat(i).

(c) Biex organizzazzjoni tkun tista’ timplimenta bidliet mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti skont ORA.GEN.130, l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-proċedura mressqa mill-organizzazzjoni, li tiddefinixxi l-ambitu ta’ tali bidliet u tiddeskrivi kif dawn se jiġu ġestiti u nnotifikati.

ARA.GEN.315    Proċedura għall-ħruġ, għall-validazzjoni mill-ġdid, għat-tiġdid jew għall-bdil ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet, ċertifikati jew attestazzjonijiet - persuni

(a) Kif tirċievi applikazzjoni għall-ħruġ, għall-validazzjoni mill-ġdid, għat-tiġdid jew għall-bdil ta’ liċenzja personali, klassifikazzjoni, ċertifikat jew attestazzjoni u kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli.

(b) Meta tkun sodisfatta li l-applikant ikun jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ, tivvalida mill-ġdid, iġġedded jew tbiddel il-liċenzja, iċ-ċertifikat, il-klassifikazzjoni, jew l-attestazzjoni.

ARA.GEN.330    Bidliet – organizzazzjonijiet

(a) Kif tirċievi applikazzjoni għal bidla li tkun teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti applikabbli qabel ma toħroġ l-approvazzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha tippreskrivi l-kundizzjonijiet skont liema organizzazzjoni tista’ tiffunzjona matul il-bidla, sakemm l-awtorità kompetenti ma tistabbilixxix li ċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni jeħtieġ li jiġi sospiż.

Meta tkun sodisfatta li l-organizzazzjoni tkun konformi mar-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-bidla.

(b) Mingħajr ħsara għal kwalunkwe miżura oħra ta’ infurzar, meta l-organizzazzjoni timplimenta bidliet li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel mingħajr ma tkun irċeviet l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti kif definit f’(a), l-awtorità kompetenti għandha tissospendi, tillimita jew tirrevoka ċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni.

(c) Għal bidliet li ma jkunux jeħtieġu approvazzjoni minn qabel, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta fin-notifikazzjoni mibgħuta mill-organizzazzjoni skont ORA.GEN.130, biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli. F’każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha:

(1) tinnotifika lill-organizzazzjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità u titlob li jsiru aktar bidliet; u

(2) f’każ ta’ sejbiet tal-livell 1 jew 2, taġixxi skont ARA.GEN.350.

ARA.GEN.350    Sejbiet u azzjonijiet korrettivi - organizzazzjonijiet

(a) L-awtorità kompetenti għas-superviżjoni skont ARA.GEN.300 (a) għandu jkollha sistema biex tanalizza s-sejbiet għas-sinifikat tagħhom għas-sikurezza.

(b) Sejba tal-livell 1 għandha tiġi stabbilita mill-awtorità kompetenti meta jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sinifikanti mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, mal-proċeduri u l-manwali tal-organizzazzjoni jew mat-termini tal-approvazzjoni jew ċertifikat li jbaxxu s-sikurezza jew li jipperikolaw b’mod serju s-sikurezza tat-titjira.

Is-sejbiet tal-livell 1 għandhom jinkludu:

(1) in-nuqqas ta’ għoti ta’ aċċess, mill-awtorità kompetenti, għall-faċilitajiet tal-organizzazzjoni kif iddefinit skont OR.GEN.140, matul il-ħinijiet normali tal-operat u wara żewġ talbiet bil-miktub;

(2) il-kisba jew iż-żamma tal-validità taċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni bil-falsifikazzjoni tad-dokumenti mressqa bħala evidenza;

(3) evidenza ta’ prattika ħażina jew ta’ użu qarrieqi taċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni; u

(4) in-nuqqas ta’ maniġer responsabbli.

(c) Sejba tal-livell 2 għandha tiġi stabbilita mill-awtorità kompetenti meta jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sinifikanti mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, mal-proċeduri u l-manwali tal-organizzazzjoni jew mat-termini tal-approvazzjoni jew ċertifikat li jbaxxu s-sikurezza jew inkella li jipperikolaw b’mod serju s-sikurezza tat-titjira.

(d) Meta tiġi stabbilita sejba matul is-superviżjoni jew b’mezzi oħra, l-awtorità kompetenti, mingħajr ħsara għal kwalunkwe azzjoni oħra meħtieġa bir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, għandha tikkomunika s-sejba lill-organizzazzjoni bil-miktub u titlob għal azzjoni korrettiva biex ikun indirizzat n-nuqqas ta’ konformità identifikat. Fejn ikun rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Istat li fih ikun reġistrat l-inġejnu tal-ajru.

(1) Fil-każ ta’ sejbiet tal-livell 1, l-awtorita kompetenti għandha tieħu azzjoni immedjata u xierqa biex twaqqaf jew tillimita l-attivitajiet, u jekk ikun xieraq, għandha tieħu azzjoni biex tirrevoka ċ-ċertifikat jew l-approvazzjoni speċifika jew biex tillimitah jew tissospendih kompletament jew parzjalment, skont il-livell tas-sejba tal-livell 1, sakemm tittieħed azzjoni korrettiva b’suċċess mill-organizzazzjoni.

(2) Fil-każ ta’ sejbiet tal-livell 2, l-awtorità kompetenti għandha:

(i) tagħti lill-organizzazzjoni perjodu ta’ implimentazzjoni għal azzjoni korrettiva li jkun xieraq għan-natura tas-sejba li, fi kwalunkwe każ, fil-bidu m’għandux ikun iżjed minn 3 xhur. Fi tmiem dak il-perjodu, u skont in-natura tas-sejba, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu ta’ 3 xhur soġġett għal pjan ta’ azzjoni korrettiva sodisfaċenti miftiehem mal-awtorità kompetenti; u

(ii) tivvaluta l-azzjoni korrettiva u l-pjan ta’ implimentazzjoni proposti mill-organizzazzjoni u, jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li dawn huma biżżejjed biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità, din għandha taċċettahom.

(3) Meta organizzazzjoni tonqos milli tissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva aċċettabbli, jew li twettaq l-azzjoni korrettiva fil-perjodu ta’ żmien stabbilit jew estiż mill-awtorità kompetenti, is-sejba għandha titla’ għal-livell 1 u għandha tittieħed azzjoni kif stabbilit f’(d)(1) aktar ‘il fuq.

(4) L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra s-sejbiet kollha li tkun stabbiliet jew li jkunu ġew ikkomunikati lilha u, fejn ikun japplika, il-miżuri ta’ infurzar li tkun applikat, kif ukoll l-azzjonijiet korrettivi kollha u d-data tal-għeluq tal-azzjoni għas-sejbiet.

(e) Mingħajr ħsara għal kwalunkwe miżura ta’ infurzar oħra, meta l-awtorità ta’ Stat Membru li taġixxi skont id-dispożizzjonijiet ta’ ARA.GEN.300 (d) tidentifika kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu minn organizzazzjoni ċċertifikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija, għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti u tagħtiha indikazzjoni dwar il-livell tas-sejba.

ARA.GEN.355    Sejbiet u miżuri ta’ infurzar - persuni

(a) Jekk, waqt superviżjoni jew b’mezzi oħra, tinstab evidenza mill-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni skont ARA.GEN.300(a) li turi nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli minn persuna li jkollha liċenzja, ċertifikat, klassifikazzjoni jew attestazzjoni maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi s-sejba, tirreġistraha u tinnotifikaha bil-miktub lid-detentur tal-liċenzja, taċ-ċertifikat, tal-klassifikazzjoni jew tal-attestazzjoni.

(b) Meta tinqala’ tali sejba, l-awtorità kompetenti għandha twettaq investigazzjoni. Jekk is-sejba tiġi kkonfermata, għandha:

(1) tillimita, tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja, iċ-ċertifikat, il-klassifikazzjoni jew l-attestazzjoni skont kif applikabbli, meta tiġi stabbilita kwistjoni ta’ sikurezza; u

(2) tieħu kwalunkwe miżuri ta’ infurzar oħra meħtieġa biex tkun evitata t-tkomplija tan-nuqqas ta’ konformità.

(c) Fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-persuna jew lill-organizzazzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat mediku jew l-attestazzjoni.

(d) Mingħajr ħsara għal kwalunkwe miżuri ta’ infurzar oħrajn, meta l-awtorità ta’ Stat Membru li taġixxi skont id-dispożizzjonijiet ta’ AR.GEN.300(d) issib evidenza li turi nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli minn persuna li jkollha liċenzja, ċertifikat, klassifikazzjoni jew attestazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti.

(e) Jekk, waqt superviżjoni jew mezzi oħra, tinstab evidenza li turi nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli minn persuna soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tagħha u ma jkollhiex liċenzja, ċertifikat, klassifikazzjoni jew attestazzjoni maħruġa skont dak ir-Regolament u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, l-awtorità kompetenti li tkun stabbiliet in-nuqqas ta’ konformità għandha tieħu kwalunkwe miżura ta’ infurzar meħtieġa biex tkun evitata t-tkomplija ta’ dak in-nuqqas ta’ konformità.

SUBPARTI FCL

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI MARBUTIN MAL-ĦRUĠ TA’ LIĊENZJI GĦALL-EKWIPAĠĠ TAT-TITJIRA

TAQSIMA I

Ġenerali

ARA.FCL.120    Żamma tar-rekords

Apparti r-rekords meħtieġa skont ARA.GEN.220 (a), l-awtorità kompetenti għandha tinkludi fis-sistema tagħha taż-żamma tar-rekords id-dettalji tal-eżamijiet tal-għarfien teoriku u l-valutazzjonijiet tal-ħiliet tal-bdoti.

TAQSIMA II

Liċenzji, klassifikazzjoni u ċertifikati

ARA.FCL.200    Proċedura għall-ħruġ, għall-validazzjoni mill-ġdid jew għat-tiġdid ta’ liċenzja, klassifikazzjoni jew ċertifikat

(a) Ħruġ ta’ liċenzji u klassifikazzjonijiet. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ liċenzja ta’ bdot u klassifikazzjonijiet assoċjati, billi tuża l-formola stabbilita fl-Appendiċi I għal din il-Parti.

(b) Ħruġ ta’ ċertifikati ta’ għalliem u eżaminatur. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikat ta’ għalliem jew eżaminatur bħala:

(1) approvazzjoni tal-privileġġi rilevanti fil-liċenzja ta’ bdot kif stabbilit fl-Appendiċi I għal din il-Parti; jew

(2) dokument separat, fil-forma u l-manjiera speċifikati mill-awtorità kompetenti.

(c) Approvazzjoni ta’ liċenzja minn eżaminaturi. Qabel ma tawtorizza speċifikament lil ċerti eżaminaturi jivvalidaw mill-ġdid jew iġeddu l-klassifikazzjonijiet jew iċ-ċertifikati, l-awtorità kompetenti għandha tiżviluppa proċeduri xierqa.

ARA.FCL.205    Superviżjoni tal-eżaminaturi

(a) L-awtorità kompetenti għandha tiżviluppa programm ta’ superviżjoni biex tissorvelja l-imġiba u l-prestazzjoni tal-eżaminaturi, billi tikkunsidra:

(1) l-għadd ta’ eżaminaturi li tkun iċċertifikat; u

(2) l-għadd ta’ eżaminaturi ċċertifikati minn awtoritajiet kompetenti oħra li jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom fit-territorju fejn l-awtorità kompetenti tkun qed teżerċita s-superviżjoni.

(b) L-awtorità kompetenti għandha żżomm lista ta’ eżaminaturi li hija stess tkun iċċertifikat, kif ukoll tal-eżaminaturi ċċertifikati minn awtoritajiet kompetenti oħra li jeżerċitaw il-privileġġi fit-territorju tagħha, u li għal dawn, l-awtorità tkun ipprovdiet struzzjonijiet skont FCL.1015 (c)(2). Il-lista għandha tiddikjara l-privileġġi tal-eżaminaturi, u għandha tiġi ppubblikata u miżmuma aġġornata mill-awtorità kompetenti.

(c) L-awtorità kompetenti għandha tiżviluppa proċeduri biex tassenja eżaminaturi għat-twettiq ta’ testijiet tal-ħiliet.

ARA.FCL.210    Informazzjoni lill-eżaminaturi

L-awtorità kompetenti tista’ tipprovdi lill-eżaminaturi li hi tkun iċċertifikat, u lil dawk iċċertifikati minn awtoritajiet kompetenti oħra li jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom fit-territorju tagħhom, bi kriterji ta’ sikurezza li jridu jiġu osservati meta jsiru t-testijiet tal-ħiliet u l-verifiki tal-profiċjenza abbord ajruplan.

ARA.FCL.215    Perjodu tal-validità

(a) Meta toħroġ jew iġġedded klassifikazzjoni jew ċertifikat, l-awtorità kompetenti jew, fil-każ ta’ tiġdid, eżaminatur awtorizzat speċifikament mill-awtorità kompetenti, għandhom jestendu l-perjodu tal-validità sa tmiem ix-xahar rilevanti.

(b) Meta tivvalida mill-ġdid klassifikazzjoni, ċertifikat ta’ għalliem jew ta’ eżaminatur, l-awtorità kompetenti, jew eżaminatur awtorizzat speċifikament mill-awtorità kompetenti, għandhom jestendu l-perjodu tal-validità tal-klassifikazzjoni jew taċ-ċertifikat sa tmiem ix-xahar rilevanti.

(c) L-awtorità kompetenti, jew eżaminatur awtorizzat speċifikament għal dak il-għan mill-awtorità kompetenti, għandhom iniżżlu d-data ta’ meta tiskadi l-liċenzja jew iċ-ċertifikat.

(d) L-awtorità kompetenti tista’ tiżviluppa proċeduri biex ikunu awtorizzati ċerti privileġġi li jridu jiġu eżerċitati mid-detentur tal-liċenzja jew ċertifikat għal perjodu massimu ta’ tmien ġimgħat wara t-twettiq b’suċċess tal-eżami(jiet) applikabbli, skont l-awtorizzazzjoni fuq il-liċenzja jew iċ-ċertifikat.

ARA.FCL.220    Proċedura għall-ħruġ mill-ġdid ta’ liċenzja ta’ bdot

(a) L-awtorità kompetenti għandha toħroġ mill-ġdid liċenzja kull meta jkun meħtieġ għal raġunijiet amministrattivi u:

(1) wara l-ħruġ inizjali tal-klassifikazzjoni; jew

(2) meta l-paragrafu XII tal-liċenzja stabbilita fl-Appendiċi I għal din il-Parti jimtela u ma jibqax aktar spazju.

(b) Klassifikazzjonijiet u ċertifikati validi biss għandhom jiġu trasferiti lid-dokument tal-liċenzja l-ġdida.

ARA.FCL.250    Limitazzjoni, sospensjoni jew revoka ta’ liċenzji, klassifikazzjonijiet u ċertifikati

(a) L-awtorità kompetenti għandha tillimita, tissospendi jew tirrevoka, skont kif ikun applikabbli, liċenzja ta’ bdot u l-klassifikazzjonijiet jew iċ-ċertifikati assoċjati skont ARA.GEN.315, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin (iżda mhux fihom biss):

(1) il-kisba ta’ liċenzja ta’ bdot, klassifikazzjoni jew ċertifikat bil-falsifikazzjoni tad-dokumenti ppreżentati;

(2) il-falsifikazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord u tar-rekords tal-liċenzji jew taċ-ċertifikati;

(3) id-detentur tal-liċenzja ma jkunx għadu iżjed konformi mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-FCL;

(4) l-eżerċizzju tal-privileġġi ta’ liċenzja, klassifikazzjoni jew ċertifikat meta jkun fis-sakra jew taħt l-influwenza tad-drogi;

(5) in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-operat applikabbli;

(6) evidenza ta’ prattika ħażina jew ta’ użu qarrieqi taċ-ċertifikat; or

(7) prestazzjoni mhux aċċettabbli fi kwalunkwe fażi tad-dmirijiet jew responsabbiltajiet tal-eżaminatur tat-titjir.

(b) L-awtorità kompetenti tista’ wkoll tillimita, tissospendi jew tirrevoka liċenzja, klassifikazzjoni jew ċertifikat fuq talba bil-miktub tad-detentur tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat.

(c) It-testijiet tal-ħila, il-verifiki tal-profiċjenza jew il-valutazzjonijiet tal-kompetenza kollha li jsiru waqt is-sospensjoni jew wara r-revoka ta’ ċertifikat ta’ eżaminatur ma jibqgħux validi.

TAQSIMA III

Eżamijiet tal-għarfien teoriku

ARA.FCL.300    Proċeduri tal-eżami

(a) L-awtorità kompetenti għandha ddaħħal fis-seħħ l-arranġamenti u l-proċeduri meħtieġa li jippermettu lill-applikanti joqogħdu għall-eżamijiet tal-għarfien teoriku skont ir-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-FCL.

(b) Fil-każ ta’ ATPL, MPL, liċenzja ta’ bdot kummerċjali (CPL), u l-klassifikazzjonijiet ta’ strument, dawk il-proċeduri għandhom ikunu konformi ma’ dawn kollha li ġejjin:

(1) L-eżamijiet iridu jsiru bil-kitba jew fuq il-kompjuter.

(2) Il-mistoqsijiet tal-eżami jintgħażlu mill-awtorità kompetenti, skont metodu komuni li jippermetti l-kopertura tas-sillabu kollu f’kull suġġett, mill-Bank Ċentrali Ewropew tal-Mistoqsijiet (ECQB). L-ECQB huwa bażi tad-dejta ta’ mistoqsijiet b’aktar minn għażla waħda (multiple choice) li jinżamm mill-Aġenzija.

(3) L-eżami fil-komunikazzjonijiet jista’ jsir separatament minn dawk tas-suġġetti l-oħra. Applikant li jkun diġà għadda minn wieħed jew miż-żewġ eżamijiet tal-komunikazzjoni skont ir-regoli tat-titjir viżwali (VFR) u r-regoli tat-titjir bl-istrumenti (IFR) m’għandux jerġa’ jiġi eżaminat fit-taqsimiet rilevanti.

(c) L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikanti dwar l-ilsna disponibbli għall-eżamijiet.

(d) L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri xierqa biex tiżgura l-integrità tal-eżamijiet.

(e) Jekk l-awtorità kompetenti ssib li l-applikant ma jkunx konformi mal-proċeduri tal-eżamijiet waqt l-eżami, din għandha tiġi vvalutata bil-ħsieb li twaħħal lill-applikant, jew fl-eżami ta’ suġġett wieħed jew inkella fl-eżamijiet kollha.

(f) L-awtorità kompetenti għandha tipprojbixxi lill-applikanti li jkunu nqabdu jqarrqu milli jagħmlu aktar eżamijiet għal perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar mid-data tal-eżami li fiha dawn inqabdu jqarrqu.

SUBPARTI CC

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI MARBUTIN MAL-EKWIPAĠĠ TAL-KABINA

TAQSIMA I

Attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina

ARA.CC.100    Proċeduri għall-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina

(a) L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-ħruġ, għaż-żamma tar-rekords u għas-superviżjoni tal-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina skont ARA.GEN.315, ARA.GEN.220 u ARA.GEN.300, rispettivament.

(b) L-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina għandhom jinħarġu billi jintuża l-format u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Appendiċi II għal din il-Parti:

jew

(1) mill-awtorità kompetenti;

u/jew, jekk deċiż minn Stat Membru

(2) minn organizzazzjoni approvata biex tagħmel dan mill-awtorità kompetenti.

(c) L-awtorità kompetenti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku:

(1) liema korp(i) joħroġ/joħorġu attestazzjoniiet tal-ekwipaġġ tal-kabina fit-territorju tagħha; u

(2) jekk l-organizzazzjonijiet ikollhom l-approvazzjoni, il-lista ta’ tali organizzazzjonijiet.

ARA.CC.105    Sospensjoni jew revoka tal-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina

L-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri skont ARA.GEN.355, inkluża s-sospensjoni jew ir-revoka ta’ attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina, tal-inqas fil-każijiet li ġejjin:

(a) in-nuqqas ta’ konformità mal-Parti-CC jew mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-ORO u l-Parti-CAT, fejn tkun ġiet stabbilita problema ta’ sikurezza;

(b) il-kisba jew iż-żamma tal-validità tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina bil-falsifikazzjoni tad-dokumenti mressqa bħala evidenza;

(c) l-eżerċizzju tal-privileġġi tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina meta dan ikun ġie affettwat b’mod ħażin bl-alkoħol jew bid-drogi; and

(d) evidenza ta’ prattika ħażina jew ta’ użu qarrieqi tal-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina.

TAQSIMA II

Organizzazzjonijiet li jipprovdu taħriġ għall-ekwipaġġ tal-kabina jew li joħorġu attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina

ARA.CC.200    Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet biex jipprovdu taħriġ għall-ekwipaġġ tal-kabina jew biex joħorġu attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina

(a) Qabel ma toħroġ approvazzjoni lil organizzazzjoni ta’ taħriġ jew lil operatur ta’ trasport kummerċjali bl-ajru biex jipprovdu taħriġ lill-ewkipaġġ tal-kabina, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li:

(1) l-imġiba, is-sillabi u l-programmi assoċjati tal-korsijiet tat-taħriġ ipprovduti mill-organizzazzjoni jkunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-CC;

(2) l-apparat tat-taħriġ użat mill-organizzazzjoni jkun jirrappreżenta b’mod realistiku l-ambjent tal-kompartiment tal-passiġġieri tat-tip(i) ta’ inġejnu/i tal-ajru kif ukoll il-karatteristiċi tekniċi tal-apparat li jrid jitħaddem mill-ekwipaġġ tal-kabina; u

(3) il-ħarrieġa u l-għalliema li jagħtu s-sessjonijiet ta’ taħriġ ikollhom l-esperjenza meħtieġa u jkunu kkwalifikati fis-suġġett tat-taħriġ li jiġi kopert.

(b) Jekk, fi Stat Membru, l-organizzazzjonijiet jista’ jkollhom l-approvazzjoni biex joħorġu attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina, l-awtorità kompetenti għandha tagħti tali approvazzjonijiet biss lill-organizzazzjonijiet li jkunu konformi mar-rekwiżiti f’(a). Qabel ma tagħti tali approvazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha:

(1) tivvaluta l-kapaċità u l-affidabbiltà tal-organizzazzjoni biex twettaq il-kompiti relatati;

(2) tiżgura li l-organizzazzjoni tkun stabbiliet proċeduri dokumentati għall-prestazzjoni tal-kompiti relatati, inkluż għall-eżamijiet li jiġu ppreparati minn impjegati kwalifikati għal dan il-għan u li jkunu liberi minn kull kunflitti ta’ interess, kif ukoll għall-ħruġ ta’ attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina skont AR.GEN.315 u ARA.CC. 100(b); u

(3) titlob lill-organizzazzjoni tipprovdi informazzjoni u dokumentazzjoni marbuta mal-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina li toħroġ u d-detenturi tagħhom, skont kif ikun rilevanti għall-awtorità kompetenti biex twettaq il-kompiti taż-żamma tar-rekords, is-superviżjoni u l-infurzar tagħha.

SUBPARTI ATO

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI MARBUTIN MAL-ORGANIZZAZZJONIJIET TA’ TAĦRIĠ APPROVATI (ATOs)

TAQSIMA I

Ġenerali

ARA.ATO.105    Programm ta’ superviżjoni

Il-programm ta’ superviżjoni għall-ATOs għandu jinkludi s-sorveljanza tal-istandards tal-kors, inkluż it-teħid ta’ kampjuni fuq it-titjiriet ta’ taħriġ mal-istudenti, jekk ikun xieraq għall-inġeju tal-ajru użat.

ARA.ATO.120    Żamma tar-rekords

Apparti r-rekords meħtieġa f’ARA.GEN.220, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi fis-sistema tagħha ta’ żamma tar-rekords, dettalji dwar il-korsijiet ipprovduti mill-ATO, u jekk ikun japplika, ir-rekords li jirrigwardaw l-FSTDs użati għat-taħriġ.

SUBPARTI FSTD

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI MARBUTIN MAL-KWALIFIKI TA’ APPARAT TA’ TAĦRIĠ TA’ SIMULAZZJONI TAT-TITJIR (FSTDs)

TAQSIMA I

Ġenerali

ARA.FSTD.100    Proċedura ta’ evalwazzjoni inizjali

(a) Meta tirċievi applikazzjoni għal ċertifikat kwalifika ta’ FSTD, l-awtorità kompetenti għandha:

(1) tevalwa l-FSTD imressaq għall-evalwazzjoni inizjali jew biex jiġi aġġornat abbażi tal-kwalifika applikabbli;

(2) tivvaluta l-FSTD f’dawk l-oqsma li huma essenzjali sabiex jitlesta t-taħriġ ta’ membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, l-ittestjar u l-proċess ta’ verifika, skont kif applikabbli;

(3) twettaq testijiet oġġettivi, suġġettivi u tal-funzjonijiet abbażi tal-kwalifika, u tirrevedi r-riżultati ta’ dawk it-testijiet biex tistabbilixxi l-gwida għat-test tal-kwalifika (QTG); u

(4) tivverifika jekk l-organizzazzjoni li tħaddem il-FSTD tkunx konformi mar-rekwiżiti applikabbli. Dan ma japplikax għall-evalwazzjoni inizjali tal-apparat ta’ taħriġ fl-istrumenti bażiċi (BITDs).

(b) L-awtorità kompetenti għandha biss tapprova l-QTG wara li titlesta l-evalwazzjoni inizjali tal-FSTD u meta d-diskrepanzi kollha fil-QTG ikunu ġew indirizzati għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti. Il-QTG li tirriżulta mill-proċedura ta’ evalwazzjoni inizjali għandha tkun il-QTG prinċipali (MQTG), li għandha tkun il-bażi għall-kwalifika tal-FSTD u l-evalwazzjonijiet tal-FSTD rikorrenti li jsiru wara.

(c) Bażi tal-kwalifika u kundizzjonijiet speċjali.

(1) L-awtorità kompetenti tista’ tippreskrivi kundizzjonijiet speċjali għall-bażi tal-kwalifika ta’ FSTD meta r-rekwiżiti ta’ ORA.FSTD.210(a) jiġu sodisfati u meta jintwera li l-kundizzjonijiet speċjali jiżguraw livell ta’ sikurezza ekwivalenti għal dak stabbilit fl-ispeċifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni applikabbli.

(2) Meta l-awtorità kompetenti, jekk mhux l-Aġenzija, tkun stabbiliet kundizzjonijiet speċjali għall-bażi tal-kwalifika ta’ FSTD, għandha tinnotifika mingħajr dewmien żejjed lill-Aġenzija dwar dan. In-notifikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’deskrizzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet speċjali preskritti, u b’valutazzjoni tas-sikurezza li turi li ntlaħaq livell ekwivalenti ta’ sikurezza għal dak stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni applikabbli.

ARA.FSTD.110    Ħruġ ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD

(a) Wara li tintemm evalwazzjoni tal-FSTD, u meta tkun sodisfatta li l-FSTD jilħaq il-bażi applikabbli ta’ kwalifika skont ORA.FSTD.210 u li l-organizzazzjoni li toperah tilħaq ir-rekwiżiti applikabbli biex iżżomm il-kwalifika tal-FSTD skont ORA.FSTD.100, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta’ kwalifika tal-FSTD b’dewmien mhux limitat, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Appendiċi IV għal din il-Parti.

ARA.FSTD.115    Kwalifika intermedja tal-FSTD

(a) Fil-każ tal-introduzzjoni ta’ programmi ta’ inġejni tal-ajru ġodda, meta l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din is-Subparti għall-kwalifika ta’ FSTD ma tkunx possibbli, l-awtorità kompetenti tista’ toħroġ livell ta’ kwalifika tal-FSTD intermedja.

(b) Għas-simulaturi ta’ titjira sħiħa (FFS), livell ta’ kwalifika intermedja għandu jingħata biss fil-livelli A, B jew C.

(c) Dan il-livell tal-kwalifika intermedja għandu jkun validu sakemm ikun jista’ jinħareġ livell ta’ kwalifika aħħari u, fi kwalunkwe każ, m’għandux jaqbeż it-tliet snin.

AR.FSTD.120    Tkomplija ta’ kwalifika tal-FSTD

(a) L-awtorità kompetenti għandha timmonitorja kontinwament l-organizzazzjoni li topera l-FSTD, biex tivverifika li:

(1) is-sett sħiħ ta’ testijiet fl-MQTG jerġa’ jsir progressivament tul perjodu ta’ 12-il xahar;

(2) ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet rikorrenti jibqgħu konformi mal-istandards tal-kwalifika u huma ddatati u miżmuma; u

(3) ikun hemm fis-seħħ sistema ta’ kontroll tal-konfigurazzjoni sabiex tiżgura l-integrità kontinwa tal-ħardwer u s-softwer tal-FSTD ikkwalifikat.

(b) L-awtorità kompetenti għandha twettaq l-evalwazzjonijiet rikorrenti tal-FSTD skont il-proċeduri ddettaljati f’ARA.FSTD.100. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom isiru:

(1) kull sena, fil-każ ta’ simulatur ta’ titjira sħiħa (FFS), apparat ta’ taħriġ tat-titjir (FTD) jew ħarrieġ għall-proċeduri ta’ titjir u ta’ navigazzjoni (FNPT); il-bidu ta’ kull perjodu rikorrenti ta’ 12-il xahar ikun id-data tal-kwalifika inizjali. L-evalwazzjoni rikorrenti ta’ FSTD għandha ssir fi żmien 60 ġurnata qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu ta’ evalwazzjoni rikorrenti ta’ 12-il xahar;

(2) kull 3 snin, fil-każ ta’ BITD.

ARA.FSTD.130    Tibdiliet

(a) Kif tirċievi applikazzjoni għal kwalunkwe bidla għaċ-ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD, l-awtorità kompetenti għandha tikkonforma mal-elementi applikabbli tar-rekwiżiti tal-proċedura tal-evalwazzjoni inizjali kif deskritt f’ARA.FSTD.100(a) u (b).

(b) L-awtorità kompetenti tista’ tagħmel evalwazzjoni speċjali wara bidliet kbar, jew meta l-FSTD ikun jidher li ma jkunx qed jagħti prestazzjoni fil-livell ta’ kwalifika inizjali tiegħu.

(c) L-awtorità kompetenti għandha dejjem tagħmel evalwazzjoni speċjali qabel ma tagħti livell ogħla ta’ kwalifika lil FSTD.

ARA.FSTD.135    Sejbiet u azzjonijiet korrettivi – ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD

L-awtorità kompetenti għandha tillimita, tissospendi jew tirrevoka, skont kif ikun applikabbli, ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD skont ARA.GEN.350 fiċ-ċirkostanzi li ġejjin (iżda mhux fihom biss):

(a) il-kisba ta’ ċertifikat ta’ FSTD bil-falsifikazzjoni tad-dokumenti mressqa bħala evidenza;

(b) l-organizzazzjoni li topera l-FSTD ma tkunx tista’ turi aktar li l-FSTD huwa konformi mal-bażi tal-kwalifika tiegħu; or

(c) l-organizzazzjoni li topera l-FSTD ma tibqax konformi mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-ORA.

ARA.FSTD.140    Żamma tar-rekords

Apparti r-rekords meħtieġa f’ARA.GEN.220, l-awtorità kompetenti għandha żżomm u taġġorna lista tal-FSTDs ikkwalifikati taħt is-superviżjoni tagħha, id-dati ta’ meta jridu jsiru l-valutazzjonijiet, u ta’ meta dawk il-valutazzjonijiet ikunu saru.

SUBPARTI AeMC

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI MARBUTIN MAĊ-ĊENTRI AJRUMEDIĊI (AeMCs)

TAQSIMA I

Ġenerali

AR.AeMC.110    Proċedura ta’ ċertifikazzjoni inizjali

Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għal AeMC għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’ARA.GEN.310.

AR.AeMC.150    Sejbiet u azzjonijiet korrettivi - AeMC

Mingħajr ħsara għal ARA.GEN.350, sejbiet tal-livell 1 jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin:

(a) in-nuqqas li jinħatar kap tal-AeMC;

(b) in-nuqqas li tkun żgurata l-kunfidenzjalità medika tar-rekords ajrumediċi; u

(c) in-nuqqas li l-awtorità kompetenti tiġi pprovduta bid-dejta medika u statistika għall-finijiet tas-superviżjoni.

SUBPARTI MED

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI MARBUTIN MAĊ-ĊERTIFIKAZZJONI AJRUMEDIKA

TAQSIMA I

Ġenerali

ARA.MED.120    Assessuri mediċi

L-awtorità kompetenti għandha taħtar assessur mediku wieħed jew aktar biex iwettqu l-kompiti deskritti f’din it-Taqsima. L-assessur mediku għandu jkun liċenzjat u kkwalifikat fil-mediċina, u għandu jkollu:

(a) esperjenza ta’ xogħol postgradwat fil-mediċina ta’ mill-inqas 5 snin;

(b) għarfien speċifiku u esperjenza fil-mediċina tal-avjazzjoni; u

(c) taħriġ speċifiku fiċ-ċertifikazzjoni medika.

ARA.MED.125    Riferiment lill-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji

Meta AeMC, jew eżaminatur ajrumediku (AME), ikun irrefera d-deċiżjoni dwar l-adegwatezza medika ta’ applikant lill-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji:

(a) l-assessur mediku jew il-persunal mediku maħturin mill-awtorità kompetenti għandhom jevalwaw id-dokumentazzjoni medika rilevanti, u jitolbu aktar dokumentazzjoni, eżamijiet u testijiet mediċi fejn ikun meħtieġ; u

(b) l-assessur mediku għandu jiddetermina l-adegwatezza medika tal-applikant għall-ħruġ ta’ ċertifikat mediku b’limitazzjoni waħda jew aktar, skont kif ikun meħtieġ.

ARA.MED.130    Format taċ-ċertifikat mediku

Il-format taċ-ċertifikat mediku għandu jkun skont l-Appendiċi VI għal din il-Parti.

ARA.MED.135    Formoli ajrumediċi

L-awtorità kompetenti għandha tuża l-formoli li ġejjin:

(a) il-formola tal-applikazzjoni għal ċertifikat mediku;

(b) il-formola tar-rapport tal-eżami għall-applikanti tal-klassi 1 u l-klassi 2; u

(c) il-formola tar-rapport tal-eżami għall-applikanti ta’ liċenzja ta’ bdot ta’ inġejnu tal-ajru żgħir (LAPL).

ARA.MED.145    Notifika tal-GMP lill-awtorità kompetenti

L-awtorità kompetenti, fejn applikabbli, għandha tistabbilixxi proċess ta’ notifikazzjoni għat-tobba mediċi ġenerali (GMPs) sabiex ikun żgurat li l-GMP ikun jaf ir-rekwiżiti mediċi stabbiliti f’MED.B.095.

ARA.MED.150    Żamma tar-rekords

(a) Apparti r-rekords meħtieġa f’ARA.GEN.220, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi fis-sistema ta’ żamma tar-rekords tagħha dettalji tal-eżamijiet ajrumediċi u l-valutazzjonijiet imressqa mill-AMEs, l-AeMCs jew il-GMPs.

(b) Ir-rekords ajrumediċi kollha tad-detenturi ta’ liċenzja għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 10 snin wara li jkun skada l-aħħar ċertifikat mediku tagħhom.

(c) Għall-finijiet tal-assessjar ajrumediku u l-istandardizzazzjoni, ir-rekords ajrumediċi għandhom isiru disponibbli, bil-permess miktub tal-applikant/tad-detentur tal-liċenzja, għal:

(1) AeMC, AME jew GMP biex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni ajrumedika;

(2) bord ta’ reviżjoni medika li jista’ jitwaqqaf mill-awtorità kompetenti għal reviżjoni sekondarja ta’ każijiet dubjużi;

(3) speċjalisti mediċi rilevanti biex ikunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni ajrumedika;

(4) l-assessur mediku tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għall-finijiet tas-superviżjoni kooperattiva;

(5) l-applikant/id-detentur ta’ liċenzja kkonċernat, fuq talba bil-miktub mingħandu; u

(6) wara d-disidentifikazzjoni tal-applikant/tad-detentur ta’ liċenzja lill-Aġenzija għall-finijiet ta’ standardizzazzjoni.

(d) L-awtorità kompetenti tista’ tqiegħed rekords ajrumediċi għad-dispożizzjoni għal finijiet oħra għajr dawk imsemmija f’(c), skont id-Direttiva 95/46/KR, kif implimentata fil-liġi nazzjonali.

(e) L-awtorità kompetenti għandha żżomm listi:

(1) tal-AMEs kollha li għandhom ċertifikat validu maħruġ mill-istess awtorità; u

(2) fejn applikabbli, tal-GMPs kollha li jaġixxu ta’ AMEs fit-territorju tagħhom.

Dawn il-listi għandhom jiġu żvelati lil Stati Membri oħra u lill-Aġenzija, fuq talba.

TAQSIMA II

Eżaminaturi ajrumediċi (AMEs)

ARA.MED.200    Proċedura għall-ħruġ, għall-validazzjoni mill-ġdid, għat-tiġdid jew għall-bdil ta’ ċeritifkat ta’ AME

(a) Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għal AME għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’ARA.GEN.315. Qabel ma toħroġ iċ-ċertifikat, l-awtorità kompetenti għandu jkollha evidenza li l-prattika ta’ AME hija mgħammra kompletament biex twettaq l-eżamijiet ajrumediċi fl-ambitu taċ-ċertifikat ta’ AME li għalih tkun saret l-applikazzjoni.

(b) Meta tkun sodisfatta li l-AME hija konformi mar-rekwiżiti applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ, tivvalida mill-ġdid, iġġedded jew tibdel iċ-ċertifikat ta’ AME għal perjodu ta’ tliet snin, bil-formola stabbilita fl-Appendiċi VII għal din il-Parti.

ARA.MED.240    Tobba mediċi ġenerali (GMPs) li jaġixxu ta’ AMEs

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tinnotifika lill-Aġenzija u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra jekk l-eżamijiet ajrumediċi għall-LAPL ikunu jistgħu jsiru fit-territorju tagħha mill-GMPs.

ARA.MED.245    Sorveljanza kontinwa tal-AMEs u l-GMPs

Meta tiżviluppa l-programm ta’ sorveljanza kontinwa msemmi f’ARA.GEN.305, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-għadd ta’ AMEs u GMPs li jeżerċitaw il-privileġġi tagħhom fit-territorju fejn l-awtorità kompetenti tkun qed teżerċita s-sorveljanza.

AR.MED.250    Limitazzjoni, sospensjoni jew revoka ta’ ċertifikat tal-AME

(a) L-awtorità kompetenti għandha tillimita, tissospendi jew tirrevoka ċertifikat tal-AME f’każijiet fejn:

(1) l-AME ma jkunx baqa’ konformi mar-rekwiżiti applikabbli;

(2) ma jkunux ġew issodisfati l-kriterji għaċ-ċertifikazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni kontinwa;

(3) ikun hemm nuqqasijiet fiż-żamma tar-rekords ajrumediċi jew sottomissjoni ta’ dejta jew informazzjoni skorretta;

(4) ikun hemm falsifikazzjoni tar-rekords, ċertifikati jew dokumentazzjoni mediċi;

(5) isir ħabi ta’ fatti rigward applikazzjoni għal ċertifikat mediku, jew rigward id-detentur tiegħu, jew isiru dikjarazzjonijiet jew rappreżentazzjonijiet foloz jew qarrieqa lill-awtorità kompetenti;

(6) is-sejbiet minn verifika tal-prattika ta’ AME ma jitranġawx; u

(7) fuq talba mill-AME ċċertifikat.

(b) Iċ-ċertifikat ta’ AME għandu jiġi revokat b’mod awtomatiku f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(1) ir-revoka ta’ liċenzja medika għall-prattika; jew

(2) it-tħassir mir-Reġistru Mediku.

AR.MED.255    Miżuri ta’ infurzar

Jekk, matul is-superviżjoni jew b’mezzi oħra, tinstab evidenza li turi nuqqas ta’ konformità minn AeMC, AME jew GMP, l-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji għandu jkollha proċess biex tirrevedi ċ-ċertifikati mediċi maħruġa minn dak l-AeMC, l-AME jew GMP, u tista’ tħassar il-validità tagħhom fejn ikun meħtieġ biex tiżgura s-sikurezza tat-titjir.

TAQSIMA III

Ċertifikazzjoni medika

ARA.MED.315    Reviżjoni tar-rapporti tal-eżamijiet

L-awtorità li toħroġ il-liċenzji għandu jkollha proċess implimentat biex:

(a) tirrevedi r-rapporti tal-eżami u tal-valutazzjoni li tkun irċeviet mill-AeMCs, l-AMEs u l-GMPs, u tinfurmahom dwar kwalunkwe inkonsistenza jew żball li jkunu saru waqt il-proċess tal-valutazzjoni; u

(b) tgħin lill-AMEs u l-AeMCs fuq talba rigward id-deċiżjoni tagħhom dwar l-adegwatezza ajrumedika f’każijiet kontroversjali.

AR.MED.325    Proċedura ta’ reviżjoni sekondarja

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċedura għar-reviżjoni ta’ każijiet dubjużi u kontroversjali bl-involviment ta’ konsulenti mediċi indipendenti, li jkollhom l-esperjenza fil-prattika tal-mediċina tal-avjazzjoni, sabiex iqisu u jagħtu parir dwar l-adegwatezza ta’ applikant għal ċertifikazzjoni medika.




Appendiċi I GĦALL-ANNESS VI PARTI-ARA

Liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira

Il-liċenzja tal-ekwipaġġ tat-titjira maħruġa minn Stat Membru skont il-Parti-FCL għandha tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(a) Il-kontenut. In-numru tal-element indikat għandu jkun dejjem stampat b’rabta mal-intestatura tal-element. L-elementi I sa XI huma ‘permanenti’, u l-elementi XII sa XIV huma elementi ‘varjabbli’ li jistgħu jidhru fuq folja separata jew li tista’ tinqala’ minn mal-formola ewlenija. Kwalunkwe parti separata jew li tinqala’ għandha tkun identifikata b’mod ċar bħala parti mil-liċenzja.

(1) Elementi permanenti:

(I) Stat li ħareġ il-liċenzja;

(II) titolu tal-liċenzja;

(III) numru tas-serje tal-liċenzja, li jibda bil-kodiċi tal-pajjiż tan-NU tal-Istat li ħareġ il-liċenzja, segwit mill-ittri “FCL” u kodiċi ta’ numri Għarab u/jew ittri Latini;

(IV) isem id-detentur (b’kitba Latina, anke jekk il-kitba tal-lingwa/i nazzjonali mhijiex Latina);

(IVa) data tat-twelid;

(V) indirizz tad-detentur;

(VI) nazzjonalità tad-detentur;

(VII) firma tad-detentur;

(VIII) awtorità kompetenti u, fejn meħtieġ, il-kundizzjonijiet li skonthom inħarġet il-liċenzja;

(IX) ċertifikazzjoni tal-validità u awtorizzazzjoni għall-privileġġi mogħtija;

(X) firma tal-uffiċċjal li joħroġ il-liċenzja u d-data tal-ħruġ; u

(XI) siġill jew timbru tal-awtorità kompetenti.

(2) Elementi varjabbli

(XII) klassifikazzjonijiet u ċertifikati: klassi, tip, ċertifikat ta’ għalliem, eċċ., bid-dati ta’ skadenza tagħhom. Il-privileġġi tar-radjutelefonija (R/T) jistgħu jidhru fuq il-formola tal-liċenzja jew fuq ċertifikat separat;

(XIII) rimarki: jiġifieri approvazzjonijiet speċjali marbutin ma’ restrizzjonijiet u approvazzjonijiet għall-privileġġi, inklużi approvazzjonijiet tal-profiċjenza tal-lingwa u klassifikazzjonijiet għall-inġenji tal-ajru tal-Anness II meta jintużaw għat-trasport kummerċjali bl-arju; u

(XIV) kwalunkwe dettalji oħra meħtieġa mill-awtorità kompetenti (eż., il-post tat-twelid/il-post tal-oriġini).

(b) Il-materjal. Il-karta jew materjal ieħor użat għandhom jipprevjenu jew juru mill-ewwel kwalunkwe alterazzjoni jew tħassir. Kull żieda jew tħassir fuq il-formola għandu jkun awtorizzat b’mod ċar mill-awtorità kompetenti.

(c) Il-lingwa. Il-liċenzji għandhom ikunu miktubin bil-lingwa/i nazzjonali, bl-Ingliż, u b’lingwi oħra meqjusa xierqa għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.

image

image

image




Appendiċi II GĦALL-ANNESS VI PARTI-ARA

Format standard tal-EASA għall-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina

L-attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina maħruġa skont il-Parti-CC fi Stat Membru għandhom ikunu skont l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

image

Istruzzjonijiet:

(a) L-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina għandha tinkludi l-punti kollha speċifikati fil-Formola 142 tal-EASA skont il-punti 1-12 hawn taħt.

(b) Id-daqs għandu jkun 1/8 ta’ A4 u l-materjal li jintuża għandu jevita jew juri biċ-ċar kwalunkwe alterazzjoni jew tħassir.

(c) Id-dokument għandu jkun stampat bl-Ingliż u f’lingwi oħra meqjusa xierqa għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.

(d) Id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti jew minn organizzazzjoni approvata biex toħroġ attestazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kabina. Fil-każ tal-aħħar, għandha titniżżel ir-referenza għall-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

(e) L-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina hija rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha u mhux meħtieġ li d-dokument jiġi skambjat meta d-detentur ikun qed jaħdem fi Stat Membru ieħor.

Element 1

:

It-titolu “ATTESTAZZJONI TAL-EKWIPAĠĠ TAL-KABINA” u r-referenza għall-Parti-CC

Element 2

:

In-numru ta’ referenza tal-attestazzjoni għandu jibda bil-kodiċi tal-pajjiż tan-NU tal-Istat Membru segwit b’minn tal-inqas l-aħħar 2 ċifri tas-sena tal-ħruġ u referenza/numru individwali skont kodiċi stabbilit mill-awtorità kompetenti (eż., BE-08-xxxx).

Element 3

:

L-Istat Membru fejn tkun inħarġet l-attestazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina.

Element 4

:

L-isem sħiħ (kunjom u isem) indikat fid-dokument tal-identità uffiċjali tad-detentur.

Elementi 5 u 6

:

Id-data u l-post tat-twelid kif ukoll in-nazzjonalità, kif indikati fid-dokument tal-identità uffiċjali tad-detentur.

Element 7

:

Il-firma tad-detentur.

Element 8

:

Hawnhekk jitniżżlu d-dettalji tal-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun inħarġet l-attestazzjoni, u għandhom jiġu pprovduti l-isem sħiħ tal-awtorità kompetenti, l-indirizz postali, is-siġill uffiċjali, u l-logo tagħha jekk applikabbli.

Element 9

:

Jekk l-awtorità kompetenti tkun l-entità li toħroġ l-attestazzjoni, għandhom jiddaħħlu t-terminu “awtorità kompetenti” u s-siġill jew it-timbru uffiċjali.

Fil-każ ta’ organizzazzjoni approvata, għandhom jitniżżlu d-dettalji tal-identifikazzjoni, u għandhom jiġi pprovduti tal-inqas l-isem sħiħ tal-organizzazzjoni, l-indirizz postali tagħha, u jekk applikabbli, il-logo u:

(a) fil-każ ta’ operatur tat-trasport kummerċjali bl-ajru, in-numru taċ-ċertifikat ta’ operatur tal-ajru (AOC) u referenza dettaljata għall-approvazzjonijiet mill-awtorità kompetenti biex tipprovdi taħriġ lill-ewkipaġġ tal-kabina u biex toħroġ l-attestazzjonijiet; jew

(b) fil-każ ta’ organizzazzjoni tat-taħriġ approvata, in-numru ta’ referenza tal-approvazzjoni rilevanti mill-awtorità kompetenti.

Element 10

:

Firma tal-uffiċċjal li jaġixxi f’isem l-entità li toħroġ l-attestazzjoni.

Element 11

:

Għandu jintuża format standard għad-data: jiġifieri jum/xahar/sena b’mod sħiħ (pereżempju, 22/02/2008).

Element 12

:

L-istess sentenza bl-Ingliż u t-traduzzjoni sħiħa u preċiża tagħha f’lingwi oħra meqjusa xierqa għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.




Appendiċi III GĦALL-ANNESS VI PARTI-ARA

image

image




Appendiċi IV GĦALL-ANNESS VI PARTI-ARA

ĊERTIFIKAT TAL-KWALIFIKA TA’ APPARAT TA’ TAĦRIĠ TA’ SIMULAZZJONI TAT-TITJIR

Introduzzjoni

Il-Formola 145 tal-EASA għandha tintuża għaċ-ċertifikat tal-kwalifika ta’ FSTD. Dan id-dokument għandu jkun fih l-Ispeċifikazzjoni tal-FSTD, inklużi kwalunkwe limitazzjoni(jiet) u awtorizzazzjoni(jiet) jew approvazzjoni(jiet) speċjali meqjusa xierqa għall-FSTD ikkonċernat. Iċ-ċertifikat tal-kwalifika għandu jkun stampat bl-Ingliż u fi kwalunkwe lingwa/i oħra stabbilita/i mill-awtorità kompetenti.

L-FSTDs konvertibbli għandu jkollhom ċertifikat tal-kwalifika separat għal kull tip ta’ inġenju tal-ajru. Konfigurazzjonijiet differenti ta’ magni u tagħmir fuq FSTD wieħed ma jkunux jeħtieġu ċertifikati tal-kwalifika separati. Iċ-ċertifikati tal-kwalifika kollha għandu jkollhom numru tas-serje preċedut b’kodiċi ta’ ittri, li għandu jkun speċifiku għal dak l-FSTD. Il-kodiċi ta’ ittri għandu jkun speċifiku għall-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikat.

image

image




Appendiċi V GĦALL-ANNESS VI PARTI-ARA

image




Appendiċi VI GĦALL-ANNESS VI PARTI-ARA

FORMAT STANDARD TAĊ-ĊERTIFIKAT MEDIKU TAL-EASA

Iċ-ċertifikat mediku għandu jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(a) Il-kontenut

(1) Stat fejn inħarġet il-liċenzja ta’ bdot jew saret l-applikazzjoni għaliha (I),

(2) Klassi taċ-ċertifikat mediku (II),

(3) Numru taċ-ċertifikat, li jibda bil-kodiċi tal-pajjiż tan-NU tal-Istat fejn inħarġet il-liċenzja ta’ bdot jew saret applikazzjoni għaliha, segwit b’kodiċi ta’ numri Għarab u/jew ittri Latini (III),

(4) Isem id-detentur (IV),

(5) Nazzjonalità tad-detentur (VI),

(6) Data tat-twelid tad-detentur: (jj/xx/ssss) (XIV),

(7) Firma tad-detentur (VII)

(8) Limitazzjoni(jiet) (XIII)

(9) Data ta’ skadenza taċ-ċertifikat mediku (IX) għal:

operazzjonijiet kummerċjali li jġorru l-passiġġieri bi bdot wieħed tal-Klassi 1,

operazzjonijiet kummerċjali oħra tal-Klassi 1,

Klassi 2,

LAPL

(10) Data tal-eżami mediku

(11) Data tal-aħħar elettrokardjogramma

(12) Data tal-aħħar awdjogramma

(13) Data tal-ħruġ u firma tal-AME jew tal-assessur mediku li ħareġ iċ-ċertifikat (X). Jista’ jiżdied GMP f’dan l-ispazju jekk ikollu l-kompetenza li joħroġ ċertifikati mediċi skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun inħarġet il-liċenzja.

(14) Siġill jew timbru (XI)

(b) Materjal: Għajr f’każ ta’ LAPL maħruġ minn GMP, il-karta jew materjal ieħor użat għandhom jipprevjenu jew juru mill-ewwel kwalunkwe alterazzjoni jew tħassir. Kull żieda jew tħassir fuq il-formola għandhom ikunu awtorizzatat biċ-ċar mill-awtorità li toħroġ il-liċenzja.

(c) Lingwa: Il-liċenzji għandhom jinkibtu bil-lingwa/i nazzjonali, bl-Ingliż, u b’lingwi oħra meqjusa xierqa għal dan il-għan mill-awtorità li toħroġ il-liċenzja.

(d) Id-dati kollha fuq iċ-ċertifikat mediku għandhom jinkitbu fil-format jj/xx/ssss.

(e) Din l-Appendiċi turi format standard għaċ-ċertifikat mediku.

image

image

image




Appendiċi VII GĦALL-ANNESS VI PARTI-ARA

image

image




ANNESS VII

REKWIŻITI TA’ ORGANIZZAZZJONI GĦALL-EKWIPAĠĠ TAL-AJRU

[PARTI-ORA]

SUBPARTI GEN

REKWIŻITI ĠENERALI

TAQSIMA I

Ġenerali

ORA.GEN.105    Awtorità kompetenti

(a) Għall-finijiet ta’ din il-Parti, l-awtorità kompetenti li teżerċita superviżjoni fuq:

(1) organizzazzjonijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ċertifikazzjoni, għandha tkun:

(i) għal organizzazzjonijiet li l-post ewlieni tan-negozju tagħhom jinsab fi Stat Membru, l-awtorità maħtura mill-istess Stat Membru;

(ii) għal organizzazzjonijiet li l-post ewlieni tan-negozju tagħhom jinsab f’pajjiż terz, l-Aġenzija;

(2) l-FSTDs għandhom ikunu:

(i) l-Aġenzija, għal FSTDs:

 li jinsabu barra mit-territorju tal-Istati Membri, jew

 li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri u jiġu operati minn organizzazzjonijiet li l-post ewlieni tan-negozju tagħhom jinsab f’pajjiż terz;

(ii) għal FSTDs li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri u li jiġu operati minn organizzazzjonijiet li l-post ewlieni tan-negozju tagħhom jinsab fi Stat Membru, l-awtorità maħtura mill-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni li toperah ikollha l-post ewlieni tan-negozju tagħha, jew l-Aġenzija, jekk ikun mitlub hekk mill-Istat Membru kkonċernat.

(b) Jekk l-FSTD li jinsab barra mit-territorju tal-Istati Membri jiġi operat minn organizzazzjoni ċċertifikata minn Stat Membru, l-Aġenzija għandha tikkwalifika dan l-FSTD b’koordinazzjoni mal-Istat Membru li jkun iċċertifika l-organizzazzjoni li topera l-istess FSTD.

ORA.GEN.115    Applikazzjoni għal ċertifikat ta’ organizzazzjoni

(a) L-applikazzjoni għal ċertifikat ta’ organizzazzjoni jew emenda għal ċertifikat eżistenti għandha ssir b’forma u b’mod stabbiliti mill-awtorità kompetenti, billi jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

(b) L-applikanti għal ċertifikat inizjali għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti bid-dokumenti li juru kif dawn se jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu. Tali dokumentazzjoni għandha tinkludi proċedura li tiddeskrivi kif il-bidliet li ma jkunux jeħtieġu approvazzjoni minn qabel sejrin jiġu ġġestiti u nnotifikati lill-awtorità kompetenti.

ORA.GEN.120    Mezzi ta’ konformità

(a) Mezzi ta’ konformità alternattivi għall-AMC adottati mill-Aġenzija jistgħu jintużaw minn organizzazzjoni biex tistabbilixxi l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

(b) Fejn organizzazzjoni tkun tixtieq tuża mezz alternattiv ta’ konformità, qabel ma timplementah, għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti b’deskrizzjoni sħiħa tal-mezz alternattiv ta’ konformità. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe reviżjoni fil-manwali jew fil-proċeduri li jistgħu jkunu rilevanti, kif ukoll valutazzjoni li turi li jintlaħqu r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

L-organizzazzjoni tista’ timplimenta dawn il-mezzi alternattivi ta’ konformità soġġett għall-approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti, u meta din tirċievi n-notifika kif previst f’ARA.GEN.120(d).

ORA.GEN.125    Termini tal-approvazzjoni u privileġġi ta’ organizzazzjoni

Organizzazzjoni ċċertifikata għandha tkun konformi mal-ambitu u l-privileġġi ddefiniti fit-termini tal-approvazzjoni mehmuża maċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni.

ORA.GEN.130    Bidliet fl-organizzazzjoni

(a) Kwalunkwe bidla li tolqot:

(1) l-ambitu taċ-ċertifikat jew it-termini tal-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni; jew

(2) kwalunkwe mill-elementi tas-sistema ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni kif meħtieġ f’ORA.GEN.200(a)(1) u (a)(2),

għandu jkollha l-approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti.

(b) Għal kwalunkwe bidla li teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, l-organizzazzjoni għandha tapplika għal approvazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti, u tiksibha. L-applikazzjoni għandha titressaq qabel ma ssir il-bidla, sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiddetermina t-tkomplija tal-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, u sabiex temenda, jekk ikun meħtieġ, iċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni u t-termini tal-approvazzjoni relatati mehmuża miegħu.

L-organizzazzjoni għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti.

Il-bidla għandha tiġi implimentata biss meta l-organizzazzjoni tirċievi l-approvazzjoni formali mingħand l-awtorità kompetenti skont ARA.GEN.330.

L-organizzazzjoni għandha topera skont il-kundizzjonijiet preskritti mill-awtorità kompetenti matul il-bidliet, skont kif ikun applikabbli.

(c) Il-bidliet kollha li ma jkunux jeħtieġu approvazzjoni minn qabel għandhom jiġu ttrattati u nnotifikati lill-awtorità kompetenti kif iddefinit fil-proċedura approvata mill-awtorità kompetenti skont ARA.GEN.310(c).

ORA.GEN.135    It-tkomplija tal-validità

(a) Iċ-ċertifikat tal-organizzazzjoni għandu jibqa’ validu sakemm:

(1) l-organizzazzjoni tibqa’ konformi mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet relatati għat-trattament ta’ sejbiet kif speċifikat taħt ORA.GEN.150;

(2) l-awtorità kompetenti tingħata aċċess għall-organizzazzjoni kif definit f’ORA.GEN.140 sabiex tiddetermina l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu; u

(3) iċ-ċertifikat ma jiġix ċedut jew revokat.

(b) Meta jiġi ċedut jew revokat, iċ-ċertifikat għandu jintradd lura lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien.

ORA.GEN.140    Aċċess

Sabiex tiġi ddeterminata l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, l-organizzazzjoni għandha tagħti aċċess għal kwalunkwe faċilità, inġejnu tal-ajru, dokument, rekords, dejta, proċedura jew kwalunkwe materjal rilevanti ieħor għall-attività tagħha soġġetta għaċ-ċertifikazzjoni, kemm jekk b’kuntratt kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna awtorizzata minn:

(a) l-awtorità kompetenti ddefinita f’ORA.GEN.105; jew

(b) l-awtorità li taġixxi skont id-dispożizzjonijiet ta’ ARA.GEN.300(d), ARA.GEN.300(e) jew ARO.RAMP.

ORA.GEN.150    Sejbiet

Wara li tkun irċeviet notifika ta’ sejbiet, l-organizzazzjoni għandha:

(a) tidentifika l-kawża oriġinali tan-nuqqas ta’ konformità;

(b) tfassal pjan ta’ azzjoni korrettiva; u

(c) turi l-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti f’perjodu miftiehem mal-awtorità kif definita f’ARA.GEN.350(d).

OR.GEN.155    Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza

L-organizzazzjoni għandha timplimenta:

(a) kwalunkwe miżura ta’ sikurezza ordnata mill-awtorità kompetenti skont ARA.GEN.135(c); u

(b) kwalunkwe informazzjoni ta’ sikurezza obbligatorja maħruġa mill-Aġenzija, inklużi direttivi tal-ajrunavigabbiltà.

ORA.GEN.160    Rappurtar ta’ okkorrenza

(a) L-organizzazzjoni għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti, u lil kwalunkwe organizzazzjoni oħra li l-Istat tal-operatur jirrekjedi li tkun infurmata, kwalunkwe aċċident, inċident serju jew okkorrenza kif iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) u fid-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).

(b) Mingħajr ħsara għall-paragrafu (a), l-organizzazzjoni għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti u lill-organizzazzjoni responsabbli għad-diżinn tal-inġenju tal-ajru, kwalunkwe inċident, ħsara teknika, difett tekniku, qbiż tal-limiti tekniċi, jew okkorrenza li jistgħu jitfgħu dawl fuq informazzjoni skorretta, mhux kompleta jew ambigwa inkluża fid-dejta stabbiliti skont il-Parti-21, jew ċirkostanza irregolari oħra li tkun jew setgħet ipperikolat l-operat sikur tal-inġenju tal-ajru, u li ma tkunx irriżultat f’aċċident jew inċident serju.

(c) Mingħajr ħsara għar-Regolament (UE) Nru 996/2010, għad-Direttiva 2003/42/KE, għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 ( 7 ) u għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 ( 8 ), ir-rapporti msemmija fil-paragrafi (a) u (b) għandhom isiru f’forma u f’mod stabbiliti mill-awtorità kompetenti, u għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha pertinenti dwar il-kundizzjoni magħrufa mill-organizzazzjoni.

(d) Ir-rapporti għandhom isiru kemm jista’ jkun malajr, iżda dejjem fi żmien 72 siegħa minn mindu l-organizzazzjoni tkun identifikat il-kundizzjoni li r-rapport ikun jittratta dwarha, sakemm ċirkostanzi straordinarji ma jkunux jipprevjenu dan.

(e) Fejn rilevanti, l-organizzazzjoni għandha tipproduċi rapport ta’ segwiment biex tipprovdi d-dettalji tal-azzjonijiet li tkun beħsiebha tieħu biex tipprevjeni okkorrenzi simili fil-ġejjieni, hekk kif dawn l-azzjonijiet ikunu ġew identifikati. Dan ir-rapport għandu jsir b’forma u b’mod stabbiliti mill-awtorità kompetenti.

TAQSIMA II

Ġestjoni

ORA.GEN.200    Sistema ta’ ġestjoni

(a) L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm sistema ta’ ġestjoni li tinkludi:

(1) linji ta’ responsabbiltà u kapaċità ta’ rendikont fl-organizzazzjoni definiti b’mod ċar, inkluż ir-rendikont dirett fir-rigward tas-sikurezza, min-naħa tal-maniġer responsabbli;

(2) deskrizzjoni tal-filosofiji u l-prinċipji ġenerali tal-organizzazzjoni fir-rigward tas-sikurezza, magħrufa bħala l-politika ta’ sikurezza;

(3) l-identifikazzjoni ta’ perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni li jistgħu jiġu kkawżati mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni, il-valutazzjoni tagħhom u l-ġestjoni tar-riskji assoċjati, inkluż it-teħid ta’ azzjonijiet biex jittaffa r-riskju u biex tiġi vverifikata l-effiċjenza tagħhom;

(4) iż-żamma ta’ persunal imħarreġ u kompetenti biex jaqdi l-kompiti tiegħi;

(5) id-dokumentazzjoni tal-proċessi ewlenin kollha tas-sistema ta’ ġestjoni, inkluż proċess biex il-persunal ikun jaf ir-responsabbiltajiet tiegħu u l-proċedura biex jemenda din id-dokumentazzjoni;

(6) funzjoni biex tkun sorveljata l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti rilevanti. Is-sorveljanza tal-konformità għandha tinkludi sistema ta’ komunikazzjoni tas-sejbiet lill-maniġer responsabbli, sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet korrettivi skont kif ikun meħtieġ; u

(7) kwalunkwe rekwiżiti oħra previsti fis-subpartijiet rilevanti ta’ din il-Parti jew Partijiet applikabbli oħra.

(b) Is-sistema ta’ ġestjoni għandha tikkorrispondi għad-daqs tal-organizzazzjoni u n-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, b’kunsiderazzjoni għall-perikli u r-riskji assoċjati inerenti f’dawn l-attivitajiet.

ORA.GEN.205    Attivitajiet kuntrattati

(a) L-attivitajiet kuntrattati jinkludu l-attivitajiet kollha fl-ambitu ta’ approvazzjoni tal-organizzazzjoni li jsiru minn organizzazzjoni oħra, li jew din tkun iċċertifikata biex teżegwihom, jew, jekk ma tkunx, topera taħt l-approvazzjoni tal-organizzazzjoni kontraenti. L-organizzazzjoni għandha tiżgura li meta tikkuntratta jew tixtri kwalunkwe parti tal-attività tagħha, is-servizz jew prodott kuntrattat jew mixtri jkun konformi mar-rekwiżiti applikabbli.

(b) Fejn organizzazzjoni ċċertifikata tikkuntratta kwalunkwe parti mill-attività tagħha lil organizzazzjoni li ma tkunx iċċertifikata skont din il-Parti biex twettaq dik l-attività, l-organizzazzjoni kuntrattata għandha topera bl-approvazzjoni tal-organizzazzjoni kontraenti. L-organizzazzjoni kontraenti għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti tingħata aċċess għall-organizzazzjoni kuntrattata, biex tiddetermina t-tkomplija tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli.

ORA.GEN.210    Rekwiżiti dwar il-persunal

(a) L-organizzazzjoni għandha taħtar maniġer responsabbli, li jkollu l-awtorità biex jiżgura li l-attivitajiet kollha jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati u eżegwiti skont ir-rekwiżiti applikabbli. Il-maniġer responsabbli għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u għaż-żamma ta’ sistema ta’ ġestjoni effettiva.

(b) Persuna jew grupp ta’ persuni għandhom jinħatru mill-organizzazzjoni, bir-responsabbiltà li jiżguraw li l-organizzazzjoni tibqa’ konformi mar-rekwiżiti applikabbli. Tali persuna/i għandha/għandhom fl-aħħar mill-aħħar taqa’/jaqgħu taħt l-awtorità tal-maniġer responsabbli.

(c) L-organizzazzjoni għandu jkollha biżżejjed persunal ikkwalifikat għall-kompiti u l-attivitajiet ippjanati li jridu jsiru skont ir-rekwiżiti applikabbli.

(d) L-organizzazzjoni għandha żżomm ir-rekords xierqa dwar l-esperjenza, il-kwalifiki u t-taħriġ, biex juru konformità mal-paragrafu (c).

(e) L-organizzazzjoni għandha tiżgura li l-persunal kollu jkun jaf ir-regoli u l-proċeduri rilevanti biex iwettaq dmirijietu.

ORA.GEN.215    Rekwiżiti dwar il-faċilitajiet

L-organizzazzjoni għandu jkollha faċilitajiet li jippermettu t-twettiq u l-ġestjoni tal-kompiti u l-attivitajiet kollha ppjanati skont ir-rekwiżiti applikabbli.

ORA.GEN.220    Żamma tar-rekords

(a) L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ żamma tar-rekords li tippermetti l-ħażna adegwata u t-traċċabbiltà affidabbli tal-attivitajiet żviluppati kollha, li tkun tkopri b’mod partikulari l-elementi kollha indikati f’ORA.GEN.200.

(b) Il-format tar-rekords għandu jkun speċifikat fil-proċeduri tal-organizzazzjoni.

(c) Ir-rekords għandhom jinħażnu b’mod li jiżgura l-protezzjoni mill-ħsara, l-alterazzjoni u s-serq.

SUBPARTI ATO

ORGANIZZAZZJONIJIET TA’ TAĦRIĠ APPROVATI

TAQSIMA I

Ġenerali

ORA.ATO.100    Ambitu

Din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jintlaħqu mill-organizzazzjonijiet li jipprovdu taħriġ għal-liċenzji ta’ bdoti u klassifikazzjonijiet u ċertifikati relatati.

ORA.ATO.105    Applikazzjoni

(a) L-applikanti għall-ħruġ ta’ ċertifikat bħala organizzazzjoni ta’ taħriġ approvata (ATO) għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti bi:

(1) l-informazzjoni li ġejja:

(i) l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni ta’ taħriġ;

(ii) id-data prevista għall-bidu tal-attività;

(iii) id-dettalji personali u l-kwalifiki tal-kap tat-taħriġ (HT), l-għalliem(a) tat-titjir, l-għalliema tat-taħriġ tas-simulazzjoni tat-titjir, u l-għalliem(a) tal-għarfien teoriku;

(iv) l-isem/ismijiet u l-indirizz(i) tal-ajruport(i) u/jew tas-sit(i) tal-operat fejn se jsir it-taħriġ;

(v) lista tal-inġenji tal-ajru li ser jintużaw għat-taħriġ, inklużi l-grupp, il-klassi jew it-tip, ir-reġistrazzjoni, is-sidien u l-kategorija taċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà tagħhom, jekk applikabbli;

(vi) lista ta’ apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-tajran (FSTDs) li l-organizzazzjoni tat-taħriġ tkun beħsiebha tuża, jekk applikabbli;

(vii) it-tip ta’ taħriġ li l-organizzazzjoni tat-taħriġ tkun tixtieq tipprovdi u l-programm ta’ taħriġ korrispondenti; u

(2) il-manwali tal-operat u tat-taħriġ.

(b) Organizzazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ prova tat-titjir. Minkejja (a)(1)(iv) u (v), l-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ li jipprovdu taħriġ ta’ prova tat-titjir iridu jipprovdu biss:

(1) l-isem/l-ismijiet u l-indirizz(i) tal-ajruporti ewlenin u/jew is-sit(i) tal-operat fejn se jsir it-taħriġ; u

(2) lista tat-tipi jew tal-kategoriji tal-inġenji tal-ajru li se jintużaw għat-taħriġ ta’ prova ta’ titjir.

(c) Fil-każ ta’ bidla fiċ-ċertifikat, l-applikanti għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti bil-partijiet rilevanti tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni msemmija f’(a).

ORA.ATO.110    Rekwiżiti dwar il-persunal

(a) Għandu jinħatar HT. L-HT għandu jkollu esperjenza wiesgħa bħala għalliem fl-oqsma rilevanti għat-taħriġ ipprovdut mill-ATO, u għandu jkollu kapaċità maniġerjali soda.

(b) Ir-responsabbiltajiet tal-HT jinkludu:

(1) li jiżgura li t-taħriġ ipprovdut ikun konformi mal-Parti-FCL u, fil-każ ta’ taħriġ ta’ prova ta’ titjir, li r-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-21 u l-programm tat-taħriġ ikunu ġew stabbiliti;

(2) li jiżgura l-integrazzjoni sodisfaċenti tat-taħriġ ta’ titjir f’inġenju tal-ajru jew b’apparat ta’ taħriġ bis-simulazzjoni tat-titjir (FSTD), kif ukoll tat-tagħlim tal-għarfien teoriku; u

(3) li jissorvelja l-progress tal-istudenti individwali.

(c) L-għalliema tal-għarfien teoriku għandu jkollhom:

(1) sfond prattiku fl-avjazzjoni, fl-oqsma rilevanti għat-taħriġ ipprovut, u jkunu temmew kors ta’ taħriġ fit-teknika tat-tagħlim; jew

(2) esperjenza minn qabel biex jagħtu tagħlim fl-għarfien teoriku, u sfond teoriku xieraq fis-suġġett li fih ikunu se jipprovdu tagħlim fl-għarfien teoriku.

(d) L-għalliema tat-titjir u l-għalliema tat-taħriġ bis-simulazzjoni tat-titjir għandu jkollhom il-kwalifiki meħtieġa skont il-Parti-FCL għat-tip ta’ taħriġ li jkunu qed jipprovdu.

ORA.ATO.120    Żamma tar-rekords

Ir-rekords li ġejjin għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 3 snin wara li jkun intemm it-taħriġ:

(a) dettalji tat-taħriġ fuq l-art, tat-titjir, u tat-titjir simulat mogħti lil studenti individwali;

(b) rapporti tal-progress iddettaljati u regolari mill-għalliema li jinkludu valutazzjonijiet, u rapporti tal-progress regolari dwar it-titjiriet bi prova u l-eżamijiet ta’ fuq l-art; u

(c) tagħrif dwar il-liċenzji u l-klassifikazzjonijiet u ċ-ċertifikati assoċjati tal-istudenti, inklużi d-dati ta’ skadenza taċ-ċertifikati mediċi u tal-klassifikazzjonijiet.

ORA.ATO.125    Programm tat-taħriġ

(a) Għandu jiġi żviluppat programm tat-taħriġ għal kull tip ta’ kors offrut.

(b) Il-programm tat-taħriġ għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Parti-FCL u, fil-każ ta’ taħriġ ta’ titjir bi prova, ir-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-21.

ORA.ATO.130    Manwal tat-taħriġ u manwal tal-operat

(a) L-ATO għandha tistabbilixxi u żżomm manwal tat-taħriġ u manwal tal-operat, li jinkludu fihom tagħrif u istruzzjonijiet li jippermettu lill-pesunal iwettaq id-dmirijiet tiegħu u jkunu ta’ gwida lill-istudenti dwar kif għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-kors.

(b) L-ATO għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persunal u, fejn ikun xieraq, għad-dispożizzjoni tal-istudenti, it-tagħrif inkluż fil-manwal tat-taħriġ, fil-manwal tal-operatt u fid-dokumentazzjoni ta’ approvazzjoni tal-ATO.

(c) Fil-każ ta’ ATOs li jipprovdu taħriġ ta’ titjir bi prova, il-manwal tal-operat għandu jkun konformi mar-rekwiżiti għall-manwal tal-operat tat-titjir bi prova, kif stabbilit fil-Parti-21.

(d) Il-manwal tal-operat għandu jistabbilixxi skemi ta’ limitazzjoni tal-ħin tat-titjir għall-għalliema tat-titjir, inklużi s-sigħat massimi ta’ titjir, is-sigħat massimi ta’ xift għat-titjir, u l-ħin minimu ta’ mistrieħ bejn ix-xiftijiet tat-tagħlim, skont il-Parti-ORO.

ORA.ATO.135    Inġenji tal-ajru u FSTDs għat-taħriġ

(a) L-ATO għandha tuża flotta adegwata ta’ inġenji tal-ajru jew FSTDs għat-taħriġ, li jkunu xierqa għall-korsijiet ta’ taħriġ ipprovduti.

(b) L-ATO għandha tipprovdi taħriġ fl-FSTDs biss wara li tkun uriet lill-awtorità kompetenti:

(1) l-adegwatezza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-FSTD għall-programm ta’ taħriġ relatat;

(2) li l-FSTDs użati huma konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-FCL;

(3) fil-każ ta’ simulaturi tat-titjira sħiħa (FFSs), li l-FFS jirrappreżenta b’mod adegwat it-tip rilevanti ta’ inġenju tal-ajru; u

(4) li din ikollha fis-seħħ sistema biex tissorvelja b’mod adegwat il-bidliet fl-FSTD, u biex tiżgura li dawk il-bidliet ma jolqtux ħażin l-adegwatezza tal-programm ta’ taħriġ.

(c) Jekk inġenju tal-ajru użat għat-test tal-ħiliet ikun ta’ tip differenti mill-FFS użat għat-taħriġ tat-titjir viżiv, il-kreditu massimu għandu jiġi limitat għal dak allokat għall-ħarrieġ FNPT II għall-proċeduri ta’ titjir u navigazzjoni għall-ajruplani, u FNPT II/III għall-ħelikopters fil-programm ta’ taħriġ rilevanti tat-titjir.

(d) Organizzazzjonijiet ta’ taħriġ tat-titjir bi prova. L-inġenji tal-ajru użati għat-taħriġ tat-titjir bi prova għandhom ikunu mgħammra b’mod adegwat bl-istrumenti għat-titjir bi prova, skont l-għan tat-taħriġ.

ORA.ATO.140    Ajruporti u siti tal-operat

Meta tipprovdi taħriġ tat-titjir abbord inġenju tal-ajru, l-ATO għandha tuża ajruporti jew siti tal-operat li jkollhom il-faċilitajiet u l-karatteristiċi xierqa li jippermettu t-taħriġ tal-manuvri rilevanti, filwaqt li tikkunsidra t-taħriġ ipprovdut u l-kategorija u t-tip ta’ inġenju tal-ajru użat.

ORA.ATO.145    Prerekwiżiti għat-taħriġ

(a) L-ATO għandha tiżgura li l-istudenti jissodisfaw il-prerekwiżiti kollha għat-taħriġ stabbiliti fil-Parti-Medika, fil-Parti-FCL, u, jekk ikun applikabbli, kif iddefinit fid-dejta stabbilita skont il-Parti-21.

(b) Fil-każ ta’ ATOs li jipprovdu taħriġ ta’ titjir bi prova, l-istudenti għandhom jilħqu l-prerekwiżiti kollha għat-taħriġ stabbiliti fil-Parti-21.

ORA.ATO.150    Taħriġ f’pajjiżi terzi

Fejn l-ATO tkun approvata biex tipprovdi taħriġ għall-klassifikazzjoni tal-istrument (IR) f’pajjiżi terzi:

(a) il-programm tat-taħriġ għandu jinkludi titjir ta’ klimatizzazzjoni f’wieħed mill-Istati Membri qabel ma jsir it-test tal-ħiliet IR; u

(b) it-test tal-ħiliet IR għandu jsir f’wieħed mill-Istati Membri.

TAQSIMA II

Rekwiżiti oħra għall-ATOs li jipprovdu taħriġ għal CPL, MPL u ATPL u l-klassifikazzjonijiet u ċ-ċertifikati assoċjati

ORA.ATO.210    Rekwiżiti dwar il-persunal

(a)  Kap tat-taħriġ (HT). Għajr fil-każ ta’ ATOs li jipprovdu taħriġ ta’ titjir bi prova, l-HT maħtur għandu jkollu esperjenza wiesgħa fit-taħriġ bħala għalliem għal liċenzji ta’ bdot professjonali u klassifikazzjonijiet jew ċertifikati assoċjati.

(b)  Għalliem ewlieni tat-titjir (CFI). L-ATO li tipprovdi tagħlim fit-titjir għandha taħtar CFI responsabbli għas-superviżjoni tal-għalliema tat-taħriġ tat-titjir u tas-simulazzjoni tat-titjir, kif ukoll għall-istandardizzazzjoni ta’ kull tagħlim fit-titjir u fis-simulazzjoni tat-titjir. Is-CFI għandu jkollu l-ogħla liċenzja ta’ bdot professjonali u klassifikazzjonijiet assoċjati marbutin mal-korsijiet ta’ taħriġ fit-titjir li jkunu saru, u għandu jkollu ċertifikat ta’ għalliem bil-privileġġ li jgħallem f’tal-anqas kors ta’ taħriġ wieħed minn dawk ipprovduti.

(c)  Għalliem ewlieni tal-għarfien teoriku (CTKI). L-ATO li tipprovdi tagħlim fl-għarfien teoriku għandha taħtar CTKI responsabbli għas-superviżjoni tal-għalliema kollha tal-għarfien teoriku, kif ukoll għall-istandardizzazzjoni ta’ kull tagħlim tal-għarfien teoriku. Is-CTKI għandu jkollu esperjenza wiesgħa bħala għalliem tal-għarfien teoriku fl-oqsma rilevanti għat-taħriġ ipprovdut mill-ATO.

ORA.ATO.225    Programm tat-taħriġ

(a) Il-programm tat-taħriġ għandu jinkludi skeda tat-tagħlim prattiku u teoriku tat-titjir, imqassma skont il-ġimgħa jew il-fażi, kif ukoll lista ta’ eżerċizzji standard u sommarju tas-sillabu.

(b) Il-kontenut u s-sekwenza tal-programm tat-taħriġ għandhom jiġu speċifikati fil-manwal tat-taħriġ.

ORA.ATO.230    Manwal tat-taħriġ u manwal tal-operat

(a) Il-manwal tat-taħriġ għandu jsemmi l-istandards, l-għanijiet u l-miri tat-taħriġ għal kull fażi tat-taħriġ li l-istudenti għandhom ikunu konformi magħhom, u għandu jindirizza s-suġġetti li ġejjin:

 il-pjan tat-taħriġ,

 informazzjoni inizjali u eżerċizzji tal-ajru,

 it-taħriġ tat-titjir f’FSTD, jekk applikabbli,

 tagħlim teoriku.

(b) Il-manwal tal-operat għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti għal gruppi partikulari ta’ persunal, bħal għalliema tat-titjir, għalliema tat-taħriġ bis-simulazzjoni tat-titjir, għalliema tal-għarfien teoriku, persunal tal-operat u tal-manutenzjoni, u għandu jinkludi tagħrif dwar it-taħriġ ġenerali, tekniku, dwar ir-rotot u tal-persunal.

TAQSIMA III

Rekwiżiti oħra għall-ATOs li jipprovdu tipi speċifiċi ta’ taħriġ

Kapitolu 1

Kors tat-tagħlim mill-bogħod

ORA.ATO.300    Ġenerali

L-ATO tista’ tkun approvata biex torganizza programmi ta’ korsijiet modulari li jużaw it-tagħlim mill-bogħod fil-każijiet li ġejjin:

(a) korsijiet modulari ta’ tagħlim tal-għarfien teoriku;

(b) korsijiet ta’ tagħlim addizzjonali tal-għarfien teoriku għal klassifikazzjoni ta’ klassi jew tip; jew

(c) korsijiet ta’ tagħlim tal-għarfien teoriku ta’ qabel id-dħul li jkun approvat għall-ewwel klassifikazzjoni tat-tip għal ħelikopter b’iktar minn magna waħda.

ORA.ATO.305    Tagħlim fil-klassi

(a) Element ta’ tagħlim fil-klassi għandu jiġi inkluż fis-suġġetti kollha tal-korsijiet modulari b’tagħlim mill-bogħod.

(b) L-ammont ta’ ħin li wieħed iqatta’ fi klassi reali m’għandux ikun inqas minn 10 % tal-perjodu totali tal-kors.

(c) Għal dan il-għan, l-akkommodazzjoni fi klassi għandha tkun disponibbli jew fil-post prinċipali tan-negozju tal-ATO jew f’xi faċilità xierqa f’post ieħor.

ORA.ATO.310    Għalliema

L-għalliema kollha għandhom ikunu familjari sew mar-rekwiżiti tal-programm tal-kors ta’ tagħlim mill-bogħod.

Kapitolu 2

Taħriġ fil-ħin ta’ titjir żero

ORA.ATO.330    Ġenerali

(a) L-approvazzjoni għat-taħriġ fil-ħin ta’ titjir żero (ZFTT), kif speċifikat fil-Parti-FCL, għandu jingħata biss lil ATOs li jkollhom ukoll il-privileġġi li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru, jew lil ATOs li jkollhom arranġamenti speċifiċi ma’ operaturi tat-trasport kummerċjali bl-ajru.

(b) L-approvazzjoni għaż-ZFTT għandha tingħata biss jekk l-operatur ikollu mill-inqas 90 ġurnata esperjenza operattiva abbord it-tip ta’ ajruplan.

(c) Fil-każ ta’ ZFTT ipprovdut minn ATO li jkollha arranġament speċifiku ma’ operatur, ir-rekwiżit tad-90 ġurnata esperjenza operattiva ma japplikax jekk l-għalliem tal-klassifikazzjoni tat-tip (TRI(A)) involut fit-tlugħ u fl-inżul addizzjonali, kif meħtieġ fil-Parti-ORO, ikollu esperjenza operattiva abbord it-tip ta’ ajruplan.

ORA.ATO.335    Simulatur ta’ titjira sħiħa

(a) L-FFS approvat għaż-ZFTT għandu jiffunzjona skont il-kriterji tas-sistema ta’ ġestjoni tal-ATO.

(b) Is-sistema tal-mozzjoni u s-sistema viżiva tal-FFS għandhom ikunu jiffunzjonaw bis-sħiħ, skont l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli għall-FSTD kif imsemmi f’ORA.FSTD.205.

Kapitolu 3

Korsijiet għal-liċenzja ta’ bdot b’iktar minn ekwipaġġ wieħed (MPL)

ORA.ATO.350    Ġenerali

Il-privileġġi li jitwettqu korsijiet integrati tal-MPL u korsijiet ta’ għalliem tal-MPL għandhom jingħataw biss lill-ATO jekk ikollha wkoll il-privileġġ li twettaq operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru jew ikollha arranġament speċifiku ma’ operatur tat-trasport kummerċjali bl-ajru.

Kapitolu 4

Taħriġ ta’ titjir bi prova

ORA.ATO.355    Organizzazzjonijiet ta’ taħriġ tat-titjir bi prova

(a) L-ATO li tkun approvata biex tipprovdi taħriġ ta’ titjiriet bi prova għall-ħruġ tal-klassifikazzjoni 1 jew 2 tat-titjir bi prova skont il-Parti-FCL jista’ jkollha l-privileġġi tagħha estiżi biex tipprovdi taħriġ għal kategoriji oħra ta’ titjiriet bi prova u għal kategoriji oħra ta’ persunal ta’ titjiriet bi prova, sakemm:

(1) ir-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-21 ikunu ġew sodisfati; u

(2) ikun hemm arranġament speċifiku bejn l-ATO u l-organizzazzjoni tal-Parti-21 li timpjega, jew li tkun beħsiebha timpjega, dan il-persunal.

(b) Ir-rekords tat-taħriġ għandhom jinkludu r-rapporti bil-miktub mill-istudent, kif meħtieġ mill-programm ta’ taħriġ, inklużi, fejn ikun xieraq, l-ipproċessar tad-dejta u l-analiżi tal-parametri rreġistrati li jkunu rilevanti għat-tip ta’ titjiriet bi prova.

SUBPARTI FSTD

REKWIŻITI GĦALL-ORGANIZZAZZJONIJIET LI JOPERAW APPARAT TA’ TAĦRIĠ TA’ SIMULAZZJONI TAT-TITJIR (FSTDs) U GĦALL-KWALIFIKA TAL-FSTDs

TAQSIMA I

Rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet li joperaw FSTDs

ORA.FSTD.100    Ġenerali

(a) L-applikant għal ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD għandu juri lill-awtorità kompetenti li jkun stabbilixxa sistema ta’ ġestjoni skont it-Taqsima II ta’ ORA.GEN. Dan l-għoti ta’ evidenza għandu jiżgura li l-applikant ikollu, direttament jew permezz ta’ kuntratt, il-kapaċità li jżomm il-prestazzjoni, il-funzjonijiet u karatteristiċi oħra speċifikati għal-livell tal-kwalifika tal-FSTD, kif ukoll il-kapaċità li jikkontrolla l-installazzjoni tal-FSTD.

(b) Jekk l-applikant ikun id-detentur ta’ ċertifikat ta’ kwalifika maħruġ skont din il-Parti, l-ispeċifikazzjonijiet tal-FSTD għandhom ikunu ddettaljati:

(1) fit-termini taċ-ċertifikat tal-ATO; jew

(2) fil-każ ta’ detentur ta’ AOC, fil-manwal tat-taħriġ.

ORA.FSTD.105    Żamma tal-kwalifika tal-FSTD

(a) Sabiex tinżamm il-kwalifika tal-FSTD, id-detentur ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD għandu jwettaq, b’mod progressiv matul perjodu ta’ 12-il xahar, is-sett sħiħ ta’ testijiet inkluż fil-gwida ewlenija għat-test tal-kwalifika (MQTG), kif ukoll it-testijiet tal-funzjonijiet u dawk suġġettivi.

(b) Ir-riżultati għandhom ikunu ddatati, immarkati bħala analizzati u evalwati, u miżmuma skont ORA.FSTD.240, sabiex juru li l-istandards tal-FSTD qed jinżammu.

(c) Għandha tiġi stabbilita sistema ta’ kontroll tal-konfigurazzjoni sabiex tiżgura l-integrità kontinwa tal-ħardwer u s-softwer tal-FSTD ikkwalifikat.

ORA.FSTD.110    Modifiki

(a) Id-detentur ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD għandu jistabbilixxi u jżomm sistema biex jidentifika, jivvaluta u jinkorpora kwalunkwe modifikazzjoni importanti fl-FSTDs li jħaddem, b’mod partikulari:

(1) kwalunkwe modifika fl-inġenju tal-ajru li jkunu essenzjali għat-taħriġ, l-ittestjar u l-ivverifikar, ikunux infurzati jew le b’direttiva ta’ ajrunavigabbiltà; u

(2) kwalunkwe modifika ta’ FSTD, inkluż fis-sistema tal-mozzjoni u dik viżiva, meta tkun essenzjali għat-taħriġ, l-ittestjar u l-ivverifikar, bħal fil-każ ta’ reviżjonijiet ta’ dejta.

(b) Il-modifiki fil-ħardwer u s-softwer ta’ FSTD li jolqtu t-trattament, il-prestazzjoni u l-operat tas-sistemi, jew kwalunkwe modifika kbira fis-sistema tal-mozzjoni jew dik viżiva, għandhom jiġu vvalutati biex jiġi ddeterminat l-impatt fuq il-kriterji tal-kwalifika oriġinali. L-organizzazzjoni għandha tħejji l-emendi għal kull test ta’ validazzjoni affettwat. L-organizzazzjoni għandha tittestja l-FSTD skont il-kriterji l-ġodda.

(c) L-organizzazzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bil-quddiem dwar kwalunkwe bidliet kbar biex tiddetermina jekk it-testijiet li saru humiex sodisfaċenti. L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina jekk valutazzjoni speċjali tal-FSTD hijiex meħtieġa qabel ma dan jerġa’ lura għat-taħriġ wara li tkun saret il-modifika.

ORA.FSTD.115    Installazzjonijiet

(a) Id-detentur ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD għandu jiżgura li:

(1) l-FSTD ikun ibbażat f’ambjent xieraq li jiggarantixxi operat sikur u affidabbli;

(2) l-okkupanti kollha u l-persunal tal-manutenzjoni tal-FSTD jiġu infurmati dwar is-sikurezza tal-FSTD sabiex jiġi żgurat l-għarfien tagħhom tat-tagħmir u l-proċeduri kollha tas-sikurezza fl-FSTD f’każ ta’ emerġenza; u

(3) l-FSTD u l-installazzjonijiet tiegħu jkunu konformi mar-regolamenti lokali għas-saħħa u s-sikurezza.

(b) Il-karatteristiċi tas-sikurezza ta’ FSTD, bħall-waqfiet ta’ emerġenza u d-dwal tal-emerġenza, għandhom jiġu vverifikati u rreġistrati tal-anqas darba fis-sena.

ORA.FSTD.120    Tagħmir addizzjonali

Fejn tagħmir addizzjonali jkun ġie miżjud ma’ FSTD, anke jekk ma jkunx meħtieġ għall-kwalifika, għandu jiġi vvalutat mill-awtorità kompetenti biex jiġi żgurat li ma jolqotx ħażin il-kwalità tat-taħriġ.

TAQSIMA II

Rekwiżiti għall-kwalifika tal-FSTDs

ORA.FSTD.200    Applikazzjoni għal kwalifika ta’ FSTD

(a) L-applikazzjoni għal kwalifika ta’ FSTD għandha ssir b’mod u manjiera stabbiliti mill-awtorità kompetenti:

(1) fil-każ ta’ apparat ta’ taħriġ ta’ strument bażiku (BITDs), mill-manifattur tal-BITD;

(2) fil-każijiet l-oħra kollha, mill-organizzazzjoni li tkun beħsiebha topera l-FSTD.

(b) L-applikanti għal kwalifika inizjali għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’dokumentazzjoni li turi kif se jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Tali dokumentazzjoni għandha tinkludi l-proċedura stabbilita biex tkun żgurata l-konformità ma’ ORA.GEN.130 u ORA.FSTD.230.

ORA.FSTD.205    Speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni għall-FSTDs

(a) L-Aġenzija għandha toħroġ, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni bħala mezz standard biex tintwera l-konformità tal-FSTDs mar-Rekwiżiti Essenzjali tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(b) Dawn l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni għandhom ikunu ddettaljati u speċifiċi biżżejjed biex jindikaw lill-applikanti l-kundizzjonijiet li skonthom se jinħarġu l-kwalifiki.

ORA.FSTD.210    Bażi tal-kwalifika

(a) Il-bażi tal-kwalifika għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD għandha tikkonsisti f’li ġej:

(1) l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni applikabbli, stabbiliti mill-Aġenzija, li jkunu fis-seħħ mid-data tal-applikazzjoni għall-kwalifika inizjali;

(2) id-dejta dwar il-validazzjoni tal-inġenju tal-ajru, iddefinita bid-dejta kif approvata skont il-Parti-21, fejn applikabbli; u

(3) kwalunkwe kundizzjoni speċjali preskritta mill-awtorità kompetenti jekk l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni relatati ma jkollhomx standards adegwati jew xierqa għall-FSTD minħabba li l-FSTD ikollu karatteristiċi ġodda jew differenti minn dawk li fuqhom ikunu msejsal-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni applikabbli.

(b) Il-bażi tal-kwalifika għandha tapplika għal kwalifiki rikorrenti futuri tal-FSTD, sakemm ma tiġix ikkategorizzata mill-ġdid.

ORA.FSTD.225    Perjodu u validità kontinwa

(a) Il-kwalifika tas-simulatur ta’ titjira sħiħa (FFS), tal-apparat ta’ taħriġ fit-titjir (FTD), jew tal-ħarrieġ fil-proċeduri ta’ titjir u navigazzjoni (FNPT) għandhom jibqgħu validi, soġġett għal:

(1) l-FSTD u l-organizzazzjoni li toperah jibqgħu konformi mar-rekwiżiti applikabbli;

(2) l-awtorità kompetenti tingħata aċċess għall-organizzazzjoni, kif inhu ddefinit f’ORA.GEN.140, sabiex tiddetermina l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu; u

(3) iċ-ċertifikat ta’ kwalifika ma jiġix ċedut jew revokat.

(b) Il-perjodu ta’ 12-il xahar stabbilit ARA.FSTD.120(b)(1) jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ 36 xahar, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(1) l-FSTD kien soġġett għal evalwazzjoni inizjali u mill-inqas evalwazzjoni rikorrenti waħda, li tkun stabbiliet il-konformità tiegħu mal-bażi tal-kwalifika;

(2) id-detentur taċ-ċertifikat ta’ kwalifika tal-FSTD għandu rekord sodisfaċenti ta’ valutazzjonijiet regolatorji tal-FSTD b’suċċess matul l-aħħar 36 xhur;

(3) l-awtorità kompetenti twettaq verifika formali tas-sistema ta’ sorveljanza tal-konformità, definita f’ORA.GEN.200(a)(6), tal-organizzazzjoni kull 12-il xahar; u

(4) persuna maħtura mill-organizzazzjoni b’esperjenza xierqa tirrevedi l-ħarġiet mill-ġdid regolari tal-gwida għat-test tal-kwalifika (QTG), twettaq it-testijiet rilevanti tal-funzjonijiet u dawk suġġettivi kull 12-il xahar, u tibgħat rapport tar-riżultati lill-awtorità kompetenti.

(c) Kwalifika ta’ BITD għandha tibqa’ valida soġġett għall-valutazzjoni regolari tal-konformità tiegħu mal-bażi ta’ kwalifika applikabbli mill-awtorità kompetenti, skont ARA.FSTD.120.

(d) Meta jiġi ċedut jew revokat, iċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-FSTD għandu jintradd lura lill-awtorità kompetenti.

ORA.FSTD.230    Bidliet fl-FSTD ikkwalifikat

(a) Id-detentur ta’ ċertifikat ta’ kwalifika ta’ FSTD għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidliet proposti fl-FSTD, bħal:

(1) modifiki kbar;

(2) ir-rilokazzjoni tal-FSTD; u

(3) kwalunkwe deattivazzjoni tal-FSTD.

(b) F’każ ta’ titjib fil-livell tal-kwalifika tal-FSTD, l-organizzazzjoni għandha tapplika għal evalwazzjoni tat-titjib għand l-awtorità kompetenti. L-organizzazzjoni għandha twettaq it-testijiet ta’ validazzjoni kollha għal-livell ta’ kwalifika mitlub. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ta’ qabel m’għandhomx jintużaw għall-validazzjoni tal-prestazzjoni tal-FSTD għat-titjib kurrenti.

(c) Meta l-FSTD jittieħed f’post ġdid, l-organizzazzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti qabel l-attività ppjanata flimkien ma’ skeda tal-avvenimenti relatati.

Qabel ma l-FSTD jerġa’ jitħaddem fil-post il-ġdid, l-organizzazzjoni għandha twettaq mill-inqas terz tat-testijiet ta’ validazzjoni, kif ukoll it-testijiet tal-funzjonijiet u dawk suġġettivi, biex tiżgura li l-prestazzjoni tal-FSTD tilħaq l-istandard tal-kwalifika oriġinali tagħha. Kopja tad-dokumentazzjoni tat-test għandha tinżamm flimkien mar-rekords tal-FSTD biex jiġu riveduti mill-awtorità kompetenti.

L-awtorità kompetenti tista’ tagħmel evalwazzjoni tal-FSTD wara r-rilokazzjoni. L-evalwazzjoni għandha ssir abbażi tal-kwalifika oriġinali tal-FSTD.

(d) Jekk organizzazzjoni tippjana li tneħħi FSTD minn status attiv għal perjodi fit-tul, l-awtorità kompetenti għandha tiġi nnotifikata, u għandhom jiġu stabbiliti kontrolli xierqa għall-perjodu li matulu l-FSTD ma jkunx attiv.

L-organizzazzjoni għandha tiftiehem mal-awtorità kompetenti dwar pjan għad-diżattivazzjoni, kwalunkwe ħażna u attivazzjoni mill-ġdid, biex tiżgura li l-FSTD ikun jista’ jitreġġa’ għall-istatus attiv fil-livell ta’ kwalifika oriġinali tiegħu.

ORA.FSTD.235    Trasferabbiltà ta’ kwalifika ta’ FSTD

(a) Fejn ikun hemm bidla fl-organizzazzjoni li topera FSTD, l-organizzazzjoni l-ġdida għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bil-quddiem sabiex tiftiehem dwar pjan ta’ trasferiment tal-FSTD.

(b) L-awtorità kompetenti tista’ tagħmel evalwazzjoni b’konformità mal-bażi ta’ kwalifika oriġinali tal-FSTD.

(c) Meta l-FSTD ma jibqax konformi mal-bażi ta’ kwalifika oriġinali tiegħu, l-organizzazzjoni għandha tapplika għal ċertifikat ġdid ta’ kwalifika ta’ FSTD.

ORA.FSTD.240    Żamma tar-rekords

Id-detentur ta’ kwalifika ta’ FSTD għandu jżomm ir-rekords ta’:

(a) id-dokumenti kollha li jiddeskrivu u li jagħtu prova tal-bażi ta’ kwalifika oriġinali u l-livell tal-FSTD għall-perjodu tal-ħajja tal-FSTD; u

(b) kwalunkwe dokument u rapport rikorrenti li jkunu relatati ma’ kull FSTD u mal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għal perjodu ta’ mill-inqas 5 snin.

SUBPARTI AeMC

ĊENTRI AJRUMEDIĊI

TAQSIMA I

Ġenerali

ORA.AeMC.105    Ambitu

Din is-Subparti tistabbilixxi r-rekwiżiti addizzjonali li jridu jiġu sodisfati minn organizzazzjoni biex tikkwalifika għall-ħruġ jew għat-tkomplija ta’ approvazzjoni bħala ċentru ajrumediku (AeMC), biex joħroġ ċertifikati mediċi, inklużi ċ-ċertifikati mediċi inizjali tal-klassi 1.

ORA.AeMC.115    Applikazzjoni

L-applikanti għal ċertifikat tal-AeMC għandhom:

(a) ikunu konformi ma’ MED.D.005; u

(b) minbarra d-dokumentazzjoni għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni meħtieġa skont ORA.GEN.115, jipprovdu dettalji tad-dokumenti kliniki mehmuża, jew jikkollaboraw ma’ sptarijiet maħturin jew istituti mediċi, għall-finijiet ta’ eżamijiet mediċi speċjalisti.

ORA.AeMC.135    Tkomplija ta’ validità

Iċ-ċertifikat tal-AeMC għandu jinħareġ għal perjodu mhux limitat. Dan jibqa’ validu sakemm id-detentur u l-eżaminaturi ajrumediċi tal-organizzazzjoni:

(a) ikunu konformi ma’ MED.D.030; u

(b) jiżguraw l-esperjenza kontinwa tagħhom billi jwettqu għadd xieraq ta’ testijiet mediċi tal-klassi 1 kull sena.

TAQSIMA II

Ġestjoni

ORA.AeMC.200    Sistema ta’ ġestjoni

L-AeMC għandu jistabbilixxi u jżomm sistema ta’ ġestjoni li tinkludi l-elementi kollha indirizzati f’ORA.GEN.200, flimkien ma’ proċessi:

(a) għaċ-ċertifikazzjoni medika skont il-Parti-MED; u

(b) biex dejjem tiġi żgurata l-kunfidenzjalità medika.

ORA.AeMC.210    Rekwiżiti dwar il-persunal

(a) L-AeMC għandu:

(1) ikollu eżaminatur ajrumediku (AME) maħtur bħala l-kap tal-AeMC, bil-privileġġi biex joħroġ/toħroġ ċertifikati mediċi tal-klassi 1, u b’esperjenza biżżejjed fil-mediċina tal-avjazzjoni biex jaqdi/taqdi d-dmirijiet tiegħu/tagħha; u

(2) ikollu fost il-persunal għadd xieraq ta’ AMEs ikkwalifikati kompletament, u persunal tekniku u esperti oħra.

(b) Il-kap tal-AeMC għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet, kif ukoll għall-iffirmar ta’ rapporti, ċertifikati, u ċertifikati mediċi inizjali tal-klassi 1.

ORA.AeMC.215    Rekwiżiti dwar il-faċilitajiet

L-AeMC għandu jkun mgħammar b’faċilitajiet medikotekniċi adegwati biex jitwettqu l-eżamijiet ajrumediċi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-privileġġi inklużi fl-ambitu tal-approvazzjoni.

ORA.AeMC.220    Żamma tar-rekords

Flimkien mar-rekords meħtieġa skont ORA.GEN.220, l-AeMC għandu:

(a) iżomm rekords bid-dettalji tal-eżamijiet u l-valutazzjonijiet mediċi li jsiru għall-ħruġ, għall-validazzjoni mill-ġdid jew għat-tiġdid ta’ ċertifikati mediċi u r-riżultati tagħhom, għal perjodu minimu ta’ 10 snin wara d-data tal-aħħar eżami; u

(b) iżomm ir-rekords mediċi kollha b’mod li jiżgura li l-kunfidenzjalità medika tiġi rispettata dejjem.”



( 1 ) ĠU L 79, 13.3.2008, p. 1.

( 2 ) ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1.

( 3 ) ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4.

( 4 ) Id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapport ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili, ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23-36.

( 5 ) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35.

( 6 ) ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.

( 7 ) ĠU L 294, 13.11.2007, p. 3.

( 8 ) ĠU L 295, 14.11.2007, p. 7.

Top