EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02012R0070-20130701

Consolidated text: Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Jannar 2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (riformulazzjoni) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/70/2013-07-01

2012R0070 — MT — 01.07.2013 — 001.003


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 70/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Jannar 2012

dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq

(riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 032 3.2.2012, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013

  L 158

1

10.6.2013


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 191, 17.7.2015, p.  9 (70/2012)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 70/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Jannar 2012

dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq

(riformulazzjoni)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ( 1 ),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/98 tal-25 ta’ Mejju 1998 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq ( 2 ) ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali. Peress li għandhom isiru iktar emendi, dak ir-Regolament għandu jiġi riformulat fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Sabiex twettaq ix-xogħlijiet mogħtija lilha fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, il-Kummissjoni għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha data tal-istatistika komparabbli, ta’ min jorbot fuqha, sinkronizzata, regolari u komprensiva dwar l-iskala u l-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi rreġistrati fl-Unjoni, u dwar il-grad ta’ utilizzazzjoni tal-vetturi li jwettqu dan it-trasport.

(3)

Huwa neċessarju li jinġabru statistiki reġjonali komprensivi kemm rigward it-trasport tal-merkanzija kif ukoll rigward il-vjaġġi tal-vetturi.

(4)

Hu għalhekk xieraq li jiġi żgurat li l-oriġini u d-destinazzjoni reġjonali tat-trasport fl-Unjoni tkun deskritta fuq l-istess bażi tat-trasport nazzjonali, u li tiġi pprovduta rabta bejn it-trasport tal-merkanzija u l-vjaġġi tal-vetturi billi jitkejjel il-grad tal-utilizzazzjoni tal-vetturi li jwettqu dan it-trasport.

(5)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ħolqien ta’ standards tal-istatistika komuni li jippermettu l-produzzjoni ta’ informazzjoni armonizzata jista’ biss jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li d-data tinġabar f’kull Stat Membru taħt l-awtorità tal-entitajiet u l-istituzzjonijiet inkarigati mill-ġbir tal-istatistiki uffiċjali.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea ( 3 ) jipprovdi qafas ta’ referenza għad-disposizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament, b’mod partikulari dawk relatati mal-aċċess għas-sorsi tad-data amministrattivi, l-effetività tal-infiq tar-riżorsi disponibbli u l-kunfidenzjalità tal-istatistika.

(7)

Il-komunikazzjoni tad-data individwali, ladarba ssir anonima, tkun neċessarja sabiex tiġi stmata l-preċiżjoni globali tar-riżultati.

(8)

Huwa importanti li jkun żgurat li l-informazzjoni tal-istatistika tinxtered b’mod adegwat.

(9)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeografika speċifika ta’ Malta, il-vjaġġi tat-trasport bit-triq tagħha ta’ distanza qasira, in-network tat-toroq limitat tagħha u l-piż sproporzjonat li l-ġbir ta’ tali data jikkawża għall-awtoritajiet Maltin, Malta għandha tingħata deroga.

(10)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi, għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni is-setgħa li jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aġġornament tal-Parti 1 tal-Anness I, ħlief għal kwalunkwe modifiki għan-natura fakultattiva tal-informazzjoni mitluba, u tal-adattament tal-Annessi II sa VII. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa, tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(11)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni ( 4 ),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Kull Stat Membru għandu jiġbor statistiki għall-Unjoni dwar it-trasport ta’ merkanzija bit-triq permezz ta’ vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija li jkunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru, u dwar il-vjaġġi li jsiru minn vetturi bħal dawn.

2.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika għat-trasport tal-merkanzija bit-triq permezz ta’:

(a) vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzja li l-piż awtorizzat jew id-dimensjonijiet tagħhom jeċċedu l-limiti normalment permessi fl-Istati Membri kkonċernati;

(b) vetturi agrikoli, vetturi militari u vetturi li jkunu tal-amministrazzjonijiet ċentrali jew pubbliċi lokali, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija li jkunu ta’ impriżi pubbliċi, u b’mod partikulari ta’ impriżi ferrovjarji.

Kull Stat Membru jista’ jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-vetturi tat-triq għat-trasport tal-merkanzija li l-kapaċità tat-tagħbija tagħhom jew il-piż massimu permissibbli tagħhom jkun anqas minn ċertu limitu. Dan il-limitu ma jistax jaqbeż kapaċità tat-tagħbija ta’ 3,5 tunnellata metrika jew piż massimu permissibbli ta’ 6 tunnellati metriċi fil-każ ta’ vetturi b’mutur wieħed.

3.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal Malta, sakemm in-numru ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq reġistrati Malta li jkunu liċenzjati li jittrasportaw il-merkanzija internazzjonalment bit-triq ma jaqbiżx l-400 vettura. Għal dak il-għan, Malta ta’ kull sena għandha tippreżenta lill-Eurostat in-numru ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq liċenzjati li jittrasportaw il-merkanzija internazzjonalment bit-triq sa mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Marzu wara s-sena li għaliha jirrelata n-numru ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“trasport tal-merkanzija bit-triq” : it-trasport kollu tal-merkanzija permezz ta’ vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija;

(b)

“il-vettura tat-trasport bit-triq” : vettura tat-triq li tkun mgħammra b’mutur li jkun il-mezz waħdieni għall-propulsjoni tagħha, li hi normalment użata għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija bit-triq, jew għall-ġbid, fit-triq, ta’ vetturi użati għat-trasport ta’ persuni jew merkanzija;

(c)

“vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija” : vettura tat-triq iddisinjata esklużivament jew primarjament għat-trasport tal-merkanzija (trakk, karru, nofs karru);

(d)

“vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq” : kwalunkwe vettura singola tat-triq għat-trasport, jew kombinazzjoni ta’ vetturi tat-triq, jiġifieri ferrovija tat-triq jew vettura artikolata iddisinjati għat-trasport tal-merkanzija;

(e)

“trakk” : vettura tat-triq riġida ddisinjata esklużivament jew primarjament għal trasport ta’ merkanzija;

(f)

“żiemel” : vettura tat-triq għat-trasport iddisinjata esklużivament jew primarjament biex tiġbed vetturi oħra tat-triq li ma jkunux misjuqa minn mutur (prinċipalment nofs karrijiet);

(g)

“karru” : vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija ddisinjata biex tinġibed minn vettura tat-trasport bit-triq;

(h)

“nofs karru” : vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija mingħajr fus fuq quddiem iddisinjata b’dan il-mod biex parti mill-vettura u parti sostanzjali tal-piż mgħobbi tagħha tistrieħ fuq iż-żiemel;

(i)

“vettura artikolata” : żiemel imqabbad ma’ nofs karru;

(j)

“tren tat-triq” : vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija imqabbda ma’ karru jew vettura artikolata b’karru ieħor imqabbad magħha;

(k)

“irreġistrat” :

l-istat ta’ meta vettura titniżżel f’reġistru ta’ vetturi tat-triq għat-trasport, miżmum minn entità uffiċjali fi Stat Membru, sew jekk ir-reġistrazzjoni tkun akkumpanjata mill-ħruġ tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni sew jekk le.

Fil-każ ta’ trasport permezz ta’ kombinazzjoni ta’ vetturi tat-triq għat-trasport, jiġifieri tren tat-triq jew vettura artikolata, fejn il-vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija u l-karru jew nofs karru jkunu rreġistrati f’pajjiżi differenti, il-vettura sħiħa għandha titqies bħala li tkun irreġistrata fil-pajjiż fejn il-vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija tkun irreġistrata;

(l)

“il-kapaċità għat-tagħbija” :

il-piż massimu tal-merkanzija ddikjarat permessibbli mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura.

Meta l-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq tkun tren tat-triq magħmula minn trakk bil-karru, il-kapaċità tat-tagħbija tat-tren tat-triq tkun it-total tal-kapaċità tat-tagħbija tat-trakk u tal-karru;

(m)

“il-piż massimu permissibbli” : il-piż totali tal-vettura (jew il-kombinazzjoni tal-vetturi) meta din tkun wieqfa u lesta għat-triq u l-piż tat-tagħbija iddikjarat permissibbli mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura;

(n)

“Eurostat” : id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq tax-xogħlijiet li jaqgħu fuq il-Kummissjoni fis-settur tal-produzzjoni tal-istatistiki tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ġbir tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom jiġbru data tal-istatistika li jkollha x’taqsam mas-setturi li ġejjin:

(a) il-vetturi;

(b) il-vjaġġ;

(c) il-merkanzija.

2.  Il-varjabbli fl-istatistiki ta’ kull żona, id-definizzjoni tagħhom u l-livelli fil-klassifikazzjoni użata għall-analiżi statistika jidhru fl-Annessi I sa VII.

3.  Meta jkun qed jiġi deċiż il-metodu li għandu jiġi użat għall-ġbir tad-data tal-istatistika, l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jwettqu kwalunkwe formalità fuq il-fruntieri ta’ bejn l-Istati Membri.

4.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta, meta jkun hemm bżonn, atti delegati skont l-Artikolu 8 dwar l-aġġornar tal-Parti 1 tal-Anness I, unikament biex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi, ħlief għal kwalunkwe modifika għan-natura fakultattiva tal-informazzjoni meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta, meta jkun hemm bżonn, atti delegati skont l-Artikolu 8 dwar l-adattazzjoni tal-Anness II sa VII biex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi.

Meta tkun qed teżerċita s-setgħa tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe att delegat adottat ma jimponix piżijiet amministrattivi addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.

Artikolu 4

Preċiżjoni tar-riżultati tal-istatistika

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodi tagħhom għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-istatistika huma mfassla biex jiżguraw li r-riżultati tal-istatistika trażmessi skont dan ir-Regolament ikunu preċiżi biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha data tal-istatistika kumparabbli, affidabbli, sinkronizzata, regolari u komprensiva, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi strutturali tat-trasport bit-triq fl-Istati Membri.

Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha, permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli tekniċi dettaljati dwar il-preċiżjoni tad-data tal-istatistika meħtieġa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 5

Trażmissjoni tar-riżultati tal-istatistika lill-Eurostat

1.  L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Eurostat kull tliet xhur id-data individwali verifikata kif suppost li tikkorrispondi mal-varjabbli imsemmija fl-Artikolu 3 u elenkati fl-Anness I, mingħajr l-indikazzjoni tal-isem, l-indirizz jew in-numru tar-reġistrazzjoni.

Trażmissjoni bħal din għandha, fejn ikun xieraq, tinkludi d-data statistika li jkollha x’taqsam ma’ termini trimensili preċedenti li għalihom id-data trażmessa kienet proviżorja.

2.  Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1, inklużi, fejn xieraq, l-iskedi tal-istatistika bbażati fuq dik id-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).

3.  It-trażmissjoni tad-data kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha sseħħ fi żmien ħames xhur mit-tmiem ta’ kull perjodu trimensili ta’ osservazzjoni.

L-ewwel trażmissjoni għandha tkopri l-ewwel tliet xhur tal-1999.

Artikolu 6

Disseminazzjoni tar-riżultati tal-istatistika

Ir-riżultati tal-istatistika fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq għandhom jiġu disseminati mhux iktar tard minn 12-il xahar wara li jispiċċa l-perjodu li jirrelataw għalihom ir-riżultati.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dwar id-disseminazzjoni tar-riżultati tal-istatistika dwar it-trasport ta’ merkanzija bit-triq, inklużi l-istruttura u l-kontenut tar-riżultati li għandhom jiġu disseminati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 7

Rapporti

1.  L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Eurostat, fid-data jew qabel id-data li fiha l-informazzjoni tal-ewwel tliet xhur tiġi mgħoddija, rapport dwar il-metodi użati għall-ġbir tad-data statistika.

L-Istati Membri għandhom ukoll jgħaddu lill-Eurostat id-dettalji ta’ kwalunkwe tibdil sostanzjali fil-metodi użati għall-ġbir tad-data statistika.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Eurostat bl-informazzjoni ta’ kull sena dwar id-daqs tal-kampjuni, ir-rati ta’ dawk li ma weġbux u, fil-forma ta’ żball normali jew intervalli tal-kunfidenza, kemm ikunu ta’ min jorbot fuqhom ir-riżultati tal-istatistika ewlenin.

3.  Sal-31 ta’ Diċembru 2014 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jevalwa b’mod partikolari l-kwalità tad-data statistika trażmessa, il-metodi għall-ġbir tad-data kif ukoll il-piżijiet amministrattivi fuq l-Istati Membri u fuq min iwieġeb. Ir-rapport, jekk dan ikun xieraq, għandu jkun akkumpanjat minn proposti biex tiġi modifikata l-lista tal-varjabbli, u jittieħed kont tas-sejbiet ta’ proġetti relatati, b’mod partikolari dawk dwar l-emissjonijiet tat-tniġġis tal-arja ikkawżati mit-trasport tal-merkanizja bit-triq.

Artikolu 8

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati tingħata lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-23 ta’ Frar 2012. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport dwar is-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delegazzjoni tas-setgħa għandha tiġi taċitament estiża għal perjodi ta’ tul identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(4), tista’ tkun revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Din ma taffettwax il-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Kull att delegat adottat skont l-Artikolu 3(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkunux esprimew oġġezzjoni fi żmien xahrejn min-notifika tal-imsemmi att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dan iż-żmien, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill informaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 9

Proċedura fil-kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 10

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1172/98 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IX.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESSI

Anness I

IL-LISTA TAL-VARJABBLI U APPENDIĊI METODOLOĠIKA

Anness II

IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KONFIGURAZZJONIJIET TAL-FUS

Anness III

IL-KLASSIFIKAZZJONI TAT-TIPI TA' VJAĠĠI

Anness IV

IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-MERKANZIJA

Anness V

IL-KLASSIFIKAZZJONI TA' KATEGORIJI TA' MERKANZIJA PERIKOLUŻA

Anness VI

IL-KLASSIFIKAZZJONI TAT-TIPI TAL-MERKANZIJA

Anness VII

IL-KODIFIKA TAL-POSTIJIET FEJN ISSIR IT-TAGĦBIJA U L-ĦATT TAL-PAJJIŻI U R-REĠJUNI

Anness VIII

REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Anness IX

TABELLA TA' KORRELAZZJONI




ANNESS I

Parti 1

LISTA TA' VARJABBLI

A1. il-varjabbli li għandhom x'jaqsmu mal-vettura;

A2. il-varjabbli li għandhom x'jaqsmu mal-vjaġġ;

A3. il-varjabbli li għandhom x'jaqsmu mal-merkanzija (fl-operazzjoni bażika tat-trasport).

A1.   IL-VARJABBLI RELATATI MAL-VETTURA

Skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2, punt (d), vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq għandha tkun kwalunkwe vettura singola għat-trasport bit-triq, jew kombinazzjoni ta’ vetturi tat-triq, jiġifieri tren tat-triq jew vettura artikulata iddisinjati għat-trasport tal-merkanzija.

Il-varjabbli li għandhom x'jaqsmu mal-vettura li għandhom jingħataw huma dawn li ġejjin:

1. il-possibbiltà tal-użu tal-vetturi għat-trasport ikkombinat (mhux obbligatorju);

2. il-konfigurazzjoni tal-fus skont l-Anness II (mhux obbligatorju);

3. kemm għandha żmien fi snin (mill-ewwel reġistrazzjoni tagħha) il-vettura għat-trasport bit-triq (it-trakk jew iż-żiemel);

4. il-piż massimu permissibbli, f'100 kg;

5. il-kapaċità għat-tagħbija, f'100 kg;

6. l-operatur tal-vettura NACE Rev. 2 fil-livell tal-klassi (livell b'erba' diġitali) (mhux obbligatorju) ( 5 );

7. it-tip ta’ trasport (b'kiri jew b'kumpens/għal rasu);

8. it-total ta’ kilometri misjuqa matul il-perjodu tas-sondaġġ;

8.1. imgħobbi;

8.2. vojt (inklużi l-vjaġġi taż-żiemel mingħajr nofs karru) (mhux obbligatorju);

9. il-vettura piżata, li għandha tintuża biex jinkisbu r-riżultati kompleti mid-data individwali jekk id-data tkun inġabret fuq il-bażi ta’ kampjuni kif jiġu.

Il-konfigurazzjonijiet suċċessivi

Meta l-vettura għat-trasport bit-triq magħżula għas-sondaġġ ikun trakk waħdu, jiġifieri mingħajr karru, matul il-perjodu tas-sondaġġ, din tkun tikkonstitwixxi fiha nfisha l-vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija.

Madanakollu, meta l-vettura għat-trasport bit-triq li tintgħażel għas-sondaġġ tkun żiemel — li f'dak il-każ ikollu nofs karru mehmuż miegħu — jew meta jkun trakk li miegħu jkun mehmuż karru, id-data meħtieġa taħt dan ir-Regolament tkun dwar il-vettura għat-trasport tal-merkanzija tat-triq meħuda bħala ħaġa sħiħa. F'dan il-każ, jista' jkun hemm bidla fil-konfigurazzjoni matul il-perjodu tas-sondaġġ (bi trakk li miegħu jiżdied karru jew li jibdel il-karru matul il-perjodu, jew żiemel li jibdel il-karru tiegħu). F'każ bħal dan, dawn il-konfigurazzjonijiet suċċessivi għandhom jiġu rreġistrati, u d-data fuq il-vettura għandha tiġi fornuta għal kull vjaġġ. Madanakollu, jekk ma jkunx possibbli li dawn il-konfigurazzjonijiet suċċessivi jiġu rreġistrati, hemm qbil li, fil-każ tal-varjabbli relatati mal-vetturi, dawk li jikkorrispondu mal-konfigurazzjoni fil-bidu tal-ewwel vjaġġ li jkun sar bit-tagħbija matul il-perjodu tas-sondaġġ jew mal-konfirgurazzjoni l-aktar użata matul dak il-perjodu jiġu rreġistrati.

It-tibdil fit-tip tat-trasport

Bl-istess mod, skont il-vjaġġ, it-trasport jista' jsir għal rasu, għall-kiri jew għall-kumpens, u t-tip ta’ trasport għandu jiġi rreġistrat għal kull vjaġġ. Madanakollu, jekk ma jkunx possibbli li jiġu rreġistrati dawn il-bidliet, hemm qbil li “t-tip ta’ trasport” irreġistrat ikun dak li jikkorrispondi mal-mod prinċipali tal-utilizzazzjoni.

A2.   IL-VARJABBLI LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAL-VJAĠĠ

Matul il-perjodu tas-sondaġġ, il-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq tagħmel vjaġġi, jew bla tagħbija (ma jkun hemm ebda merkanzija jew kontenituri vojta fit-trakk, il-karru jew in-nofs karru, li jkunu għalhekk “kompletament vojta”) jew bit-tagħbija (ikun hemm jew merkanzija inkella kontenituri vojta fit-trakk, il-karru jew in-nofs karru, filwaqt li l-kontenituri vojta jkunu ta’ tip partikolari ta’ merkanzija). Id-distanza tal-vettura tat-triq għat-trasport tal-merkanzija meta mgħobbija hija d-distanza bejn l-ewwel post tat-tagħbija u l-aħħar post tal-ħatt (fejn il-vettura għat-trasport tal-merkanzija tkun kompletament żvojtata). Vjaġġ bit-tagħbija jista' għalhekk ikopri ħafna operazzjonijiet bażiċi ta’ trasport.

Il-varjabbli li għandhom jingħataw għal kull vjaġġ huma li ġejjin:

1. it-tip tal-vjaġġ skont in-nomenklatura fl-Anness III;

2. il-piż tal-merkanzija li nġarret matul il-vjaġġ jew matul kull stadju tal-vjaġġ, il-piż gross f'100 kg;

3. il-post tat-tagħbija (tal-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq, għal vjaġġ bit-tagħbija):

 id-definizzjoni: il-post tat-tagħbija huwa l-ewwel post li minnu l-merkanzija titgħabba fuq il-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq, li qabel kienet kompletament vojta (jew fejn iż-żiemel jiġi mehmuż ma’ nofs karru mgħobbi). Għal vjaġġ bla tagħbija, dan huwa l-post tal-ħatt tal-vjaġġ bit-tagħbija preċedenti (l-idea tal-“post fejn jibda l-vjaġġ bla tagħbija”),

 il-kodifika: il-post tat-tagħbija jiġi kkodifikat skont l-Anness VII;

4. il-post tal-ħatt (tal-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq, għal vjaġġ bit-tagħbija):

 definizzjoni: il-post tal-ħatt huwa l-aħħar post li fih il-merkanzija tinħatt minn fuq il-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq, li wara tkun kompletament vojta (jew fejn iż-żiemel ikun sganċjat minn man-nofs karru). Għal vjaġġ bla tagħbija, huwa l-post tat-tagħbija tal-vjaġġ bit-tagħbija li jkun imiss (l-idea tal-“post fejn jispiċċa l-vjaġġ bla tagħbija”),

 kodifika: il-post tal-ħatt jiġi kkodifikat skont l-Anness VII;

5. id-distanza vvjaġġata: id-distanza attwali bl-esklużjoni tad-distanza magħmula mill-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq meta tkun qed tiġi trasportata minn mezz ieħor ta’ trasport;

6. it-tunnellata — il-kilometru magħmula matul il-vjaġġ;

7. il-pajjiżi (mhux aktar minn ħamsa), li jgħaddu minnhom fit-transitu, ikkodifikati skont l-Anness VII;

8. il-post tat-tagħbija, jekk ikun hemm, tal-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq fuq mezz ieħor ta’ trasport skont l-Anness VII (mhux obbligatorju);

9. il-post tal-ħatt, jekk ikun hemm, tal-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq minn mezzi oħra ta’ trasport skont l-Anness VII (mhux obbligatorju);

10. is-sitwazzjoni “mgħobbi totalment” (proċedura 2) jew “mhux mgħobbi totalment” (proċedura 1) tal-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq matul il-vjaġġ inkwestjoni, f'termini tal-volum massimu ta’ spazju użat matul il-vjaġġ (il-proċedura 0 = skont il-konvenzjoni għal vjaġġi bla tagħbija) (mhux obbligatorju).

A3.   IL-VARJABBLI LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAL-MERKANZIJA (fl-operazzjoni bażika tat-trasport)

Matul vjaġġ bit-tagħbija, jistgħu jitwettqu bosta operazzjonijiet bażiċi tat-trasport, operazzjoni bażika tat-trasport tkun imfissra bħala trasport ta’ tip wieħed ta’ merkanzija (imfissra b'referenza għal livell partikulari tan-nomenklatura) bejn il-post fejn titgħabba u l-post fejn tinħatt.

Il-varjabbli li għandhom jingħataw relatati ma’ operazzjoni bażika tat-trasport matul vjaġġ bit-tagħbija huma dawn li ġejjin:

1. it-tip tal-merkanzija, skont il-livell ta’ diviżjoni li tirreferi għal klassifikazzjoni xierqa (ara l-Anness IV);

2. il-piż tal-merkanzija: il-piż gross f'100 kg;

3. jekk ikun meħtieġ, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija bħala perikoluża skont il-kategorji ewlenin tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport fuq l-art ta’ oġġetti perikolużi ( 6 ) mogħtija fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament;

4. it-tip tat-tagħbija kif mogħtija fl-Anness VI (mhux obbligatorju);

5. il-post tat-tagħbija tal-merkanzija, ikkodifikat skont l-Anness VII;

6. il-post tal-ħatt tal-merkanzija, ikkodifikat skont l-Anness VII;

7. id-distanza vvjaġġata, id-distanza attwali bl-esklużjoni tad-distanza misjuqa mill-vettura għat-trasport tal-merkanzija bit-triq waqt li tkun qed tiġi trasportata minn mezzi oħra ta’ trasport.

L-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa matul vjaġġ tat-tip “dawra jew ġbir jew distribuzzjoni” (vjaġġ tat-tip 3)

Għal dan it-tip ta’ vjaġġ, b'ħafna postijiet ta’ tagħbija u/jew ħatt, tkun ħaġa prattikament impossibbli li wieħed jitlob lill-operaturi tat-trasport biex jiddeskrivu l-operazzjonijiet bażiċi tat-trasport.

Fil-każ ta’ dawn il-vjaġġi, meta dawn jiġu identifikati bħala tali, tinħoloq ġeneralment operazzjoni tat-trasport bażika, singola u nominali fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar il-vjaġġ.

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tiegħu għal dan it-tip ta’ vjaġġ u jispjega l-assunzjonijiet simplifikanti li hu jiġi obbligat li japplika fil-ġbir tad-data dwar l-operazzjonijiet ta’ trasport korrispondenti.

Parti 2

APPENDIĊI METODOLOĠIKA

Vjaġġi bit-tagħbija u operazzjonijiet bażiċi tat-trasport

Waqt li jiddependi mill-Istat Membru kkonċernat, l-informazzjoni dwar it-trasport tinġabar fuq il-bażi ta':

 deskrizzjoni ta’ kull operazzjoni bażika ta’ trasport ta’ merkanzija (b'dettalji addizzjonali dwar vjaġġi bla tagħbija),

 jew deskrizzjoni tal-vjaġġi magħmula mill-vettura fit-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet bażiċi għat-trasport tal-merkanzija.

Fil-maġġoranza tal-każijiet, meta jsir vjaġġ bit-tagħbija dan ikun jirrappreżenta operazzjoni bażika waħda ta’ trasport:

 b'tip wieħed ta’ merkanzija mgħobbija (b'referenza għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija użata, f'dan il-każ l-20 diviżjoni derivata mill-klassifikazzjoni tal-NST) ( 7 ),

 b'post wieħed għat-tagħbija tal-merkanzija,

 b'post wieħed għall-ħatt tal-merkanzija.

F'dan il-każ iż-żewġ metodi użati jkunu kompletament ekwivalenti, u l-informazzjoni miġbura miż-żewġ metodi tiddeskrivihom it-tnejn:

 it-trasport tal-merkanzija (l-operazzjonijiet bażiċi kollha għat-trasport tal-merkanzija),

 il-vjaġġi li jsiru mill-vetturi fit-twettiq ta’ dan it-trasport, bid-dettalji tal-kapaċitajiet tal-vetturi u l-utilizzazzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet (il-vjaġġ bit-tagħbija bil-koeffiċjent tal-utilizzazzjoni; il-vjaġġ bla tagħbija).

Skont dan ir-Regolament, it-trasport tal-merkanzija u l-vjaġġi li jsiru mill-vetturi għandhom jiġu deskritti t-tnejn, imma mhux mixtieq li tiġi imposta fuq l-operaturi tat-trasport żieda eċċessiva fil-piż tal-istatistiki billi dawn jintalbu jiddeskrivu fid-dettall it-trasport tal-merkanzija u l-vjaġġi tal-vetturi.

Għalhekk, l-NSOs fl-Istati Membri, waqt il-kodifika tal-kwestjonarji, għandhom jikkostitwixxu mill-ġdid id-data li ma tkunx espliċitament meħtieġa mill-operaturi tat-trasport mid-data li dawn jiġbru fuq il-bażi tal-“operazzjoni bażika tal-ġarr” jew tal-“vjaġġ tal-vettura”.

Il-problema tqum meta ħafna operazzjonijiet bażiċi tat-trasport isiru matul vjaġġ wieħed bit-tagħbija, li jista' jkun minħabba:

 li jkun hemm ħafna postijiet tat-tagħbija u/jew tal-ħatt tal-merkanzija (imma jkunu limitati fil-għadd, inkella dawn ikunu dawriet ta’ ġbir jew distribuzzjoni, li jkunu jeħtieġu trattament speċjali). F'dan il-każ dawn id-diversi postijiet ta’ tagħbija u/jew ta’ ħatt jiġu rreġistrati, sabiex jiġu kkalkulati direttament it-tunnellat-il-kilometru li jkunu saru matul il-vjaġġ, u l-uffiċċju tal-istatistika jkun jista' jikkostitwixxi mill-ġdid l-operazzjonijiet bażiċi tat-trasport;

 u/jew

 jkun hemm ħafna tipi ta’ merkanzija trasportati matul il-vjaġġ bit-tagħbija, fatt li ġeneralment ma jitniżżilx fl-istatistiki, peress li tip wieħed biss ta’ merkanzija (singola jew prinċipali) jintalab. F'dan il-każ it-telf tal-informazzjoni jiġi aċċettat u l-Istati Membri li jwettqu dan it-tip ta’ simplifikazzjoni għandhom jagħmlu referenza espliċita għalih lill-Kummissjoni.




ANNESS II

IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KONFIGURAZZJONIJIET TAL-FUS

Meta tintuża kombinazzjoni ta’ vetturi, il-konfigurazzjoni tal-fus tgħodd l-għadd totali ta’ fusien, jiġifieri l-fusien tat-trakk jew taż-żiemel, flimkien ma’ dawk tal-karru jew nofs karru.

Il-kategoriji tal-fusien huma dawn li ġejjin:



 

Il-kodifika

1.  L-għadd tal-fusien fil-każ ta’ vetturi singoli (trakkijiet):

2

120

3

130

4

140

oħrajn

199

2.  L-għadd ta’ fusien fil-każ ta’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi: trakk u karru:

2+1

221

2+2

222

2+3

223

3+2

232

3+3

233

oħrajn

299

3.  L-għadd ta’ fusien fil-każ ta’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi: żiemel u nofs karru:

2+1

321

2+2

322

2+3

323

3+2

332

3+3

333

oħrajn

399

4.  Żiemel biss

499




ANNESS III

IL-KLASSIFIKAZZJONI TAT-TIPI TA' VJAĠĠI

1. Vjaġġ bit-tagħbija li jinvolvi operazzjoni bażika waħda ta’ ġarr.

2. Vjaġġ bit-tagħbija li jinvolvi ħafna operazzjonijiet ta’ ġarr, imma li ma jkunx ikkunsidrat bħala dawra ta’ ġbir jew distribuzzjoni.

3. Vjaġġ bit-tagħbija tat-tip ta’ dawra ta’ ġbir jew distribuzzjoni.

4. Vjaġġi bla tagħbija.




ANNESS IV



IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-MERKANZIJA

NST 2007

Diviżjoni

Deskrizzjoni

01

Prodotti tal-agrikoltura, tal-kaċċa u tal-forestrija; ħut u prodotti oħra tas-sajd

02

Faħam u lignite; żejt mhux raffinat u gass naturali

03

Metalli mhux maħduma u prodotti oħra tal-minjieri u tal-barrieri; pit; uranju u torju

04

Prodotti tal-ikel, xorb u tabakk

05

Tessuti u prodotti tat-tessuti; ġilda u prodotti tal-ġilda

06

Injam u prodotti tal-injam u tas-sufra (għajr għamara); oġġetti magħmulin mit-tiben u materjal tal-immaljar; polpa, karta u prodotti tal-karta; materjal stampat u materjal irrekordjat

07

Kokk u prodotti taż-żejt irraffinat

08

Kimiċi, prodotti kimiċi, u fibri magħmula mill-bniedem; gomma u prodotti tal-plastik; fjuwil nukleari

09

Prodotti oħra minerali li mhumiex metalliċi

10

Metalli bażiċi; prodotti ffabbrikati mill-metall, għajr makkinarju u tagħmir

11

Makkinarju u tagħmir n.e.c.; makkinarju tal-uffiċċji u kompjuters; makkinarju u apparat elettriku n.e.c.; tagħmir u apparat tar-radju, tat-televiżjoni u tal-komunikazzjoni; strumenti mediċi, ta’ preċiżjoni u ottiċi; arloġġi tal-id u arloġġi oħrajn

12

Tagħmir ta’ trasport

13

Għamara; oġġetti oħra manifatturati n.e.c.

14

Materja prima sekondarja; skart muniċipali u tip ieħor ta’ skart

15

Posta, pakketti postali

16

Tagħmir u materjal utilizzat għat-trasport tal-merkanzija

17

Oġġetti imressqa fil-ġarr minn djar u uffiċċji; bagalji trasportati separatament mill-passiġġieri; vetturi bil-mutur li jinġarru għat-tiswija; oġġetti oħra li ma jkunux għas-suq n.e.c.

18

Merkanzija raggruppata: taħlita ta’ tipi ta’ merkanzija li huma trasportati flimkien

19

Merkanzija mhux identifikabbli: merkanzija li għal xi raġuni ma tistax tiġi identifikata u għalhekk ma tistax tiġi assenjata lill-gruppi 1–16.

20

Merkanzija oħra n.e.c.




ANNESS V

IL-KLASSIFIKAZZJONI TA’ KATEGORIJI TA’ MERKANZIJA PERIKOLUŻA

1

Splussivi

2

Gassijiet, ikkumpressati, likwifikati jew imdewba taħt pressjoni

3

Likwidi li jieħdu n-nar

4.1

Solidi li jieħdu n-nar

4.2

Sostanzi li jaqbdu weħidhom

4.3

Sostanzi li, f’kuntatt mal-ilma, jarmu gassijiet li jaqbdu

5.1

Sostanzi ossidanti

5.2

Perossidi organiċi

6.1

Sostanzi tossiċi

6.2

Sostanzi li jistgħu jikkaġunaw infezzjonijiet

7

Materjal radjuattiv

8

Korrużivi

9

Sostanzi perikolużi mixxellanji




ANNESS VI

IL-KLASSIFIKAZZJONI TAT-TIPI TAL-MERKANZIJA ( 8 )

0

Merkanzija likwida mhux stivata (bla unità ta’ tagħbija)

1

Merkanzija solida mhux stivata (bla unità ta’ tagħbija)

2

Kontenituri kbar ta’ merkanzija

3

Kontenituri oħrajn ta’ merkanzija

4

Merkanzija li tinġarr fuq pallets

5

Merkanzija qabel ma tiġi mbragata

6

Unitajiet mobbli awtomoventi

7

Unitajiet mobbli oħra

8

(Riservat)

9

Tipi oħra ta’ merkanzija




ANNESS VII

IL-KODIFIKA TAL-POSTIJIET FEJN ISSIR T-TAGĦBIJA U L-ĦATT TAL-PAJJIŻI U R-REĠJUNI

1. Il-postijiet fejn issir it-tagħbija u l-ħatt għandhom jiġu kkodifikati kif ġej:

(a) analiżi reġjonali fi gruppi sal-Livell 3 tan-Nomenklatura tal-Entitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS), għall-Istati Membri;

(b) listi ta’ reġjuni amministrattivi mogħtijin mill-pajjiż terz ikkonċernat, rigward Stati li mhumiex membri iżda li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jiġifieri l-Islanda, Liechtenstein u n-Norveġja;

(c) il-kodiċi 2-alpha ISO 3166, għal pajjiżi terzi oħra. L-aktar kodiċi li jintużaw ta’ spiss qed jidhru fit-tabella tal-punt 2(b) ta’ dan l-Anness.

2. Għall-kodifika ta’ pajjiżi li jsir qsim minn ġo fihom waqt it-transitu (sezzjoni 7 ta’ l-Anness I, parti A2), għandhom jintużaw dawn il-kodiċi tal-pajjiżi li ġejjin:

(a) il-parti 2-alpha tal-kodiċi NUTS, kif jidhru fit-tabella t'hawn taħt, għall-Istati Membri;

(b) il-kodiċi 2-alpha ISO 3166, għall-pajjiżi l-oħrajn kollha. L-aktar kodiċi li jintużaw ta’ spiss jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt.

TABELLA TAL-KODIĊIJIET TAL-PAJJIŻI



(a)  Stati membri (li jikkorrispondu għall-kodiċijiet tal-pajjiżi 2-alpha NUTS)

Pajjiż

Kodiċi

Il-Belġju

BE

Il-Bulgarija

BG

Ir-Repubblika Ċeka

CZ

Id-Danimarka

DK

Il-Ġermanja

DE

L-Estonja

EE

L-Irlanda

IE

Il-Greċja

►C1  EL ◄

Spanja

ES

Franza

FR

▼M1

Il-Kroazja

HR

▼B

L-Italja

IT

Ċipru

CY

Il-Latvja

LV

Il-Litwanja

LT

Il-Lussemburgu

LU

L-Ungerija

HU

Malta

MT

Il-Pajjiżi l-Baxxi

NL

L-Awstrija

AT

Il-Polonja

PL

Il-Portugall

PT

Ir-Rumanija

RO

Is-Slovenja

SI

Is-Slovakkja

SK

Il-Finlandja

FI

L-Isvezja

SE

Ir-Renju Unit

UK

Nota: pajjiżi fl-ordni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea



(b)  Pajjiżi oħra (b'kodiċi 2-alpha ISO 3166)

Pajjiż

Kodiċi

Albanija

AL

Bosnija u Ħerzegovina

BA

Il-Bjelorussja

BY

L-Isvizzera

CH

▼M1 —————

▼B

L-Islanda

IS

Liechtenstein

LI

Ir-Repubblika ta’ Moldova

MD

Montenegro

ME

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

MK (1)

In-Norveġja

NO

Il-Federazzjoni Russa

RU

Is-Serbja

RS

It-Turkija

TR

L-Ukraina

UA

(1)   Kodiċi provviżorju, li ma jippreġudikax bl-ebda mod l-isem definittiv ta’ dan il-pajjiż, li għandu jiġi miftiehem wara l-konklużjonijiet tan-negozjati li għaddejjin bħalissa fuq dan is-suġġett fin-Nazzjonijiet Uniti.

Nota: pajjiżi fl-ordni tal-kodiċi.




ANNESS VIII



REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/98

(ĠU L 163, 6.6.1998, p. 1)

 

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2691/1999

(ĠU L 326, 18.12.1999, p. 39)

 

Punt 10.15 tal-Anness II tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 561)

 

Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

L-Anness II, il-punt 27 biss

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1)

L-Anness, il-punt 8.5 biss

Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1)

L-Artikolu 13 biss

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1304/2007

(ĠU L 290, 8.11.2007, p. 14)

L-Artikolu 2 biss

Regolament (KE) Nru 399/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 126, 21.5.2009, p. 9)

 




ANNESS IX



TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 1172/98

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2, mill-ewwel sal-erbatax-il inċiż

L-Artikolu 2, punti (a) sa (n)

L-Artikolu 3

L-Artikolu 3

L-Artikolu 4

L-Artikolu 4

L-Artikolu 5(1), (2) u (3)

L-Artikolu 5(1), (2) u (3)

L-Artikolu 5(4)

L-Artikolu 5(5)

L-Artikolu 6

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7(1) u (2)

L-Artikolu 7(1) u (2)

L-Artikolu 7(3)

L-Artikolu 8

L-Artikolu 8

L-Artikolu 10(1) u (2)

L-Artikolu 9(1) u (2)

L-Artikolu 10(3)

L-Artikolu 11

L-Artikolu 10

L-Artikolu 12

L-Artikolu 11

L-Annessi A sa G

L-Annessi I sa VII

L-Anness VIII

L-Anness IX



( 1 ) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011.

( 2 ) ĠU L 163, 6.6.1998, p. 1.

( 3 ) ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

( 4 ) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

( 5 ) Il-klassifikazzjoni tal-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea

( 6 ) ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

( 7 ) NST: In-nomenklatura uniformi tal-merkanzija għall-istatistiki tal-ġarr.

( 8 ) Il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa — Kodiċi għat-tipi ta’ merkanzija, pakketti u materjali tal-imballaġġ, ir-Rakkomandazzjoni 21 adottata mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iffaċilitar tal-Proċeduri għall-Kummerċ Internazzjonali, Ġinevra, Marzu 1986.

Top