EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02011L0016-20150105

Consolidated text: Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal- 15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/2015-01-05

2011L0016 — MT — 05.01.2015 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/16/UE

tal-15 ta' Frar 2011

dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE

(ĠU L 064, 11.3.2011, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014

  L 359

1

16.12.2014




▼B

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/16/UE

tal-15 ta' Frar 2011

dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-ħtieġa tal-Istati Membri għal assistenza reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni qed tikber rapidament f'era globalizzata. Hemm żvilupp tremend fil-mobbiltà tal-pagaturi tat-taxxa, fl-għadd ta' transazzjonijiet transkonfinali u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jivvalutaw kif xieraq it-taxxi dovuti. Din id-diffikultà dejjem tiżdied taffettwa l-funzjonament tas-sistemi fiskali u tinvolvi tasssazzjoni doppja, li minnha nnifisha tinċita l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali, filwaqt li s-setgħat ta' kontroll jibqgħu f'livell nazzjonali. B'hekk dan jikkomprometti l-funzjonament tas-suq intern.

(2)

Għalhekk, Stat Membru wieħed ma jistax jimmaniġġja s-sistema fiskali interna tiegħu speċjalment fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, mingħajr ma jirċievi informazzjoni minn Stati Membri oħrajn. Sabiex jingħelbu l-effetti negattivi ta' dan il-fenomenu, huwa indispensabbli li tiġi żviluppata kooperazzjoni amministrattiva ġdida bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Huma meħtieġa strumenti b'potenzjal li x'aktarx joħolqu fiduċja bejn l-Istati Membri, bl-istabbiliment tal-istess regoli, obbligi u drittijiet għall-Istati Membri kollha.

(3)

Għalhekk, għandu jittieħed approċċ ġdid bil-ħolqien ta' test ġdid biex l-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex jikkooperaw effiċjentement fil-livell internazzjonali biex jegħlbu l-effetti negattivi ta' globalizzazzjoni dejjem tikber fis-suq intern.

(4)

F'kuntest bħal dan, id-Direttiva eżistenti tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni ta' primjums tal-assigurazzjoni ( 3 ) m'għadhiex tipprevedi miżuri adatti. Id-dgħufijiet kbar tagħha ġew studjati mill-Grupp ta' Ħidma Ad hoc tal-Kunsill dwar il-Frodi Fiskali fir-rapport tiegħu tat-22 ta' Mejju 2000 u aktar reċentament fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra Mġiba Ħażina Korporattiva u Finanzjarja tas-27 ta' Settembru 2004 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tal-31 ta' Mejju 2006.

(5)

Id-Direttiva 77/799/KEE, anki bl-emendi sussegwenti tagħha, kienet imfassla f'kuntest differenti mir-rekwiżiti attwali tas-suq intern u m'għadhiex tista' tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda tal-kooperazzjoni amministrattiva.

(6)

Minħabba l-għadd u l-importanza tal-adattamenti li għandhom isiru għadDirettiva 77/799/KEE, sempliċi emenda tagħha ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-għanijiet imfissra hawn fuq. Id-Direttiva 77/799/KEE għalhekk għandha titħassar u tiġi ssostitwita bi strument legali ġdid. Dak l-istrument għandu japplika għat-taxxi diretti u t-taxxi indiretti li għadhom m'humiex koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa meqjus li din id-Direttiva ġdida tkun l-istrument xieraq f'termini ta' kooperazzjoni amministrattiva effettiva.

(7)

Din id-Direttiva tibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 77/799/KEE iżda tipprevedi regoli aktar ċar u aktar preċiżi li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fejn meħtieġ, sabiex tkun stabbilita, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni, portata usa' ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Regoli aktar ċari għandhom ukoll jagħmluha possibbli li, b'mod partikolari, jiġu koperti l-persuni ġuridiċi u fiżiċi kollha fl-Unjoni, b'kont meħud tal-firxa dejjem tiżdied ta' arranġamenti legali, inklużi mhux biss l-arranġamenti tradizzjonali bħat-trusts, il-fondazzjonijiet u l-fondi tal-investiment, iżda kwalunkwe strument ġdid li jista' jiġi stabbilit mill-pagaturi tat-taxxa fl-Istati Membri.

(8)

Għandu jkun hemm aktar kuntatt dirett bejn l-uffiċċji lokali jew nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli mill-kooperazzjoni amministrattiva, bi, bħala regola, komunikazzjoni bejn l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament. In-nuqqas ta' kuntatti diretti jwassal għal ineffiċjenza, nuqqas ta' użu tal-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva u dewmien fil-komunikazzjoni. Għandhom għalhekk jiġu pprovduti miżuri li jwasslu għal aktar kuntatti diretti bejn is-servizzi bil-ħsieb li l-kooperazzjoni ssir aktar effiċjenti u rapida. L-għoti ta' kompetenzi lid-dipartimenti ta' kollegament għandu jiġi deċiż skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' kull Stat Membru.

(9)

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar każijiet partikolari meta mitluba jagħmlu dan minn Stat Membru ieħor u għandhom jagħmlu l-indaġni meħtieġa biex jikseb tali informazzjoni. L-istandard ta' “rilevanza prevedibbli” huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa safejn hu possibbli u, fl-istess ħin, biex jiċċara li l-Istati Membri mhumiex liberi li jippruvaw jiksbu informazzjoni jew jitolbu informazzjoni li x'aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta' pagatur speċifiku tat-taxxa. Waqt li l-Artikolu 20 ta' din id-Dreittiva jinkludi rekwiżiti proċedurali, jeħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b'mod liberali sabiex ma jfixklux l-iskambju effettiv ta' informazzjoni.

(10)

Huwa magħruf li l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta'informazzjoni mingħajr prekondizzjonijiet huwa l-mezz l-aktar effettiv kif tittejjeb il-valutazzjoni korretta tat-taxxi f'sitwazzjonijiet transkonfinali u fil-ġlieda kontra l-frodi. Għalhekk, għal dan il-għan, għandu jiġi segwit approċċ gradwali li jibda bl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni disponibbli dwar ħames kategoriji u r-rieżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti wara rapport mill-Kummissjoni.

(11)

L-iskambju spontanju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandu wkoll jissaħħaħ u jiġi inkoraġġit.

(12)

Il-limiti ta' żmien għall-għoti tal-informazzjoni skont din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jsir f'waqtu u għalhekk ikun effettiv.

(13)

Huwa importanti li uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa ta' Stat Membru wieħed jitħallew ikunu preżenti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

(14)

Peress li s-sitwazzjoni tat-taxxa ta' persuna waħda jew aktar soġġetta għat-taxxa stabbilita f'diversi Stati Membri spiss tkun ta' interess komuni u komplementari, għandu jkun possibbli li jitwettqu kontrolli simultanji fuq tali persuna minn żewġ Stati Membri jew aktar, bi ftehim reċiproku u fuq bażi volontarja.

(15)

Fid-dawl tar-rekwiżit legali f'ċerti Stati Membri li pagatur tat-taxxa jiġi nnotifikat dwar deċiżjonijiet u strumenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà fiskali tiegħu u tad-diffikultajiet suċċessivi għall-awtoritajiet tat-taxxa, inklużi każijiet fejn il-pagatur tat-taxxa jkun irrilokola għal Stat Membru ieħor, huwa mixtieq li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom ikunu kapaċi li jirrikorru għall-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih irriloka l-pagatur tat-taxxa.

(16)

Ir-reazzjoni dwar l-informazzjoni mibgħuta ser tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

(17)

Kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni hija meħtieġa għall-istudju permanenti tal-proċeduri ta' kooperazzjonu u l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-aħjar prattiki fl-oqsma kkunsidrati.

(18)

Huwa importanti għall-effiċjenza tal-kooperazzjoni amministrattiva li l-informazzjoni u d-dokumenti miksubin skont din id-Direttiva, soġġetti għar-restrizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, jistgħu jintużaw mill-Istat Membru li jirċivihom għal finijiet oħra wkoll. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrasmettu dik l-informazzjoni lil pajjiż terz, taħt ċerti kondizzjonijiet.

(19)

Is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru rikjest jista' jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni għandhom ikunu definiti u limitati b'mod ċar, b'kont meħud ta' ċerti interessi privati li għandhom ikunu mħarsa kif ukoll tal-interess pubbliku.

(20)

Madankollu, Stat Membru m'għandux jirrifjuta li jittrasmetti informazzjoni minħabba li ma jkollux interess domestiku jew minħabba li l-informazzjoni hija miżmuma minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna li taġixxi f'aġenzija jew f'kapaċità fiduċjarja jew minħabba li hija relatata ma' interessi ta' appartenenza f'persuna.

(21)

Din id-Direttiva fiha regoli minimi u għalhekk m'għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jidħlu f'kooperazzjoni usa' ma' Stati Membri oħrajn skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jew fil-qafas ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi ma' Stati Membri oħrajn.

(22)

Għandu jkun ċar ukoll li fejn Stat Membru jipprovdi kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik prevista skont din id-Direttiva, huwa m'għandux jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lill-Istati Membri l-oħrajn li jixtiequ jiffurmaw parti minn tali kooperazzjoni reċiproka usa'.

(23)

L-iskambju ta' informazzjoni għandu jsir permezz ta' formoli, formati u rotot ta' komunikazzjoni standardizzati.

(24)

Għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kooperazzjoni amministrattiva, speċjalment abbażi tal-istatistika.

(25)

'Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 4 ).

(26)

F'konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri huma inkoraġġuti li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi.

(27)

L-iskambju kollu ta' informazzjoni msemmi f'din id-Direttiva huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data ( 5 ) u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data ( 6 ). Madankollu, huwa xieraq li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti bid-Direttiva 95/46/KE sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva. Limitazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa u proporzjonati bil-ħsieb tat-telf potenzjali ta' dħul għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali tal-informazzjoni koperta minn din id-Direttiva għall-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi.

(28)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(29)

Peress li l-għan tal-azzjoni li għandha titttieħed, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri biex jingħelbu l-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni li qed tiżdied fis-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentament mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dak l-għan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta' informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.

2.  Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 b'mezzi elettroniċi, kif ukoll regoli u proċeduri li taħthom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jikkooperaw dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni.

3.  Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' kwalunkwe obbligu tal-Istati Membri fir-rigward ta' kooperazzjoni amministrattiva usa' li tirriżulta minn strumenti legali oħra, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi kollha ta' kwalunkwe tip intaxxati minn jew f'isem Stat Membru jew is-suddiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet lokali.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għat-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji doganali, jew għad-dazji tas-sisa koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika wkoll għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali pagabbli lill-Istat Membru jew subdiviżjoni tal-Istat Membru jew lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbiliti skont il-liġi pubblika.

3.  Fl-ebda każ m'għandhom it-taxxi msemmijin fil-paragrafu 1 jinftehmu li jinkludu:

(a) ħlasijiet, bħal għaċ-ċertifikati u dokumenti oħrajn maħruġin mill-awtoritajiet pubbliċi; jew

(b) miżati ta' natura kuntrattwali, bħall-konsiderazzjoni għall-utilitajiet pubbliċi.

4.  Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi msemmijin fil-paragrafu 1 intaxxati fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati permezz tal-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “awtorità kompetenti” ta' Stat Membru tfisser l-awtorità li nħatret bħala tali minn dak l-Istat Membru. Meta jaġixxi skont din id-Direttiva, l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti għandhom jitqiesu wkoll bħala awtoritajiet kompetenti permezz ta' delega skont l-Artikolu 4;

2. “uffiċċju ċentrali ta' kollegament” tfisser l-uffiċċju li nħatar bħala tali bir-responsabbiltà prinċipali għal kuntatti mal-Istati Membri l-oħrajn fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva;

3. “dipartiment ta' kollegament” tfisser kwalunkwe uffiċċju għajr l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament li nħatar bħala tali għall-iskambju dirett ta' informazzjoni skont din id-Direttiva;

4. “uffiċjal kompetenti” tfisser kwalunkwe uffiċjal li huwa awtorizzat li jiskambja informazzjoni direttament skont din id-Direttiva;

5. “awtorità rikjedenti” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew kwalunkwe uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jagħmel talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti;

6. “awtorità rikjesta” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew kwalunkwe uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jirċievi talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti;

7. “indaġni amministrattiva”, tfisser il-kontrolli, il-verifiki u l-azzjonijiet l-oħra kollha meħudin mill-Istati Membri fil-qadi ta' dmirijiethom bil-ħsieb li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni fiskali;

8. “skambju ta' informazzjoni fuq talba” tfisser l-iskambju ta' informazzjoni bbażata fuq talba magħmula mill-Istat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest f'każ speċifiku;

▼M1

9. “skambju awtomatiku” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel dwar residenti fi Stati Membri oħrajn lill-Istati Membru rilevanti ta' residenza mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Fil-kuntest tal-Artikolu 8, l-informazzjoni disponibbli tirreferi għal informazzjoni fil-fajls dwar it-taxxa tal-Istat Membru li jkun qed jikkomunika l-informazzjoni, li tista' tiġi rkuprata f'konformità mal-proċeduri dwar il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f'dak l-Istat Membru. Fil-kuntest tal-Artikolu 8(3a), l-Artikolu 8(7a), l-Artikolu 21(2) u l-Artikolu 25(2) u (3) kwalunkwe terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu skont id-definizzjonijiet korrispondenti stipulati fl-Anness I;

▼B

10. “skambju spontanju” tfisser il-komunikazzjoni mhux sistematika, fi kwalunkwe waqt u mingħajr talba minn qabel, ta' informazzjoni lil Stat Membru ieħor;

11. “persuna” tfisser:

(a) persuna fiżika;

(b) persuna ġuridika;

(c) fejn il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tipprovdi hekk, assoċjazzjoni ta' persuni rikonoxxuti bħala li għandhom il-kapaċità li jwettqu atti ġuridiċi iżda li m'għandhomx l-istatus ta' persuna ġuridika; jew

(d) kwalunkwe arrangament legali ieħor ta' kwalunkwe natura u forma, irrispettivament minn jekk għandux personalità ġuridika, li jappartjeni jew jamministra l-assi, li, inkluż id-dħul minnhom, huma soġġetti għal kwalunkwe waħda mit-taxxi koperti minn din id-Direttiva;

12. “b'mezzi elettroniċi” tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar, inkluż il-kompressjoni diġitali, u l-ħażna tad-data, u l-utilizzar ta' wajers, trasmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi oħrajn elettromanjetiċi;

13. “Netwerk CCN” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni ta' komunikazzjoni (CCN), żviluppata mill-Unjoni għat-trasmissjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fiż-żona doganali u fiskali.

Artikolu 4

Organizzazzjoni

1.  Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni, li fi żmien xahar mill-11 ta' Marzu 2011, bl-awtorità kompetenti tiegħu għall-finijiet ta' din id-Direttiva u għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla għal dan.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u tippubblika lista tal-awtoritajiet tal-Istati Membri f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  L-awtorità kompetenti għandha taħtar uffiċċju ċentrali ta' kollegament uniku. L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli li tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jista' wkoll jinħatar bħala responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni. L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli li tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

3.  L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' taħtar dipartimenti ta' kollegament bil-kompetenza mogħtija f'konformità mal-leġiżlazzjoni jew il-politika interna tiegħu. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun responsabbli li jżomm aġġornata l-lista tad-dipartimenti ta' kollegament u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati u għall-Kummissjoni.

4.  L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' taħtar uffiċjali kompetenti. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun responsabbli li jżomm aġġornata l-lista tal-uffiċjali kompetenti u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati u għall-Kummissjoni.

5.  L-uffiċjali impenjati f'kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva għandhom fi kwalunkwe każ jitqiesu uffiċjali kompetenti għal dan il-fini, f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

6.  Fejn dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jibgħat jew jirċievi talba jew tweġiba għal talba għall-kooperazzjoni, huwa għandu jinforma lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament tal-Istat Membru tiegħu skont il-proċeduri stabbiliti minn dak l-Istat Membru.

7.  Fejn dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jirċievi talba għall-kooperazzjoni li teħtieġ azzjoni li taqa' 'l barra mill-kompetenza li tingħatalu f'konformità mal-leġiżlazzjoni jew il-politika interna tal-Istat Membru tiegħu, huwa għandu jgħaddi din it-talba mingħajr dewmien lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament tal-Istat Membru tiegħu u jinforma lill-awtorità rikjedenti b'dan. F'tali każ, il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 7 għandu jibda mill-jum ta' wara dak li fih it-talba għall-kooperazzjoni tgħaddi lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament.



KAPITOLU II

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI



TAQSIMA I

Skambju ta' informazzjoni fuq talba

Artikolu 5

Proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba

Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b'riżultat ta' indaġnijiet amministrattivi.

Artikolu 6

Indaġnijiet amministrattivi

1.  L-awtorità rikjesta għandha tieħu ħsieb l-arranġamenti għat-twettiq ta' kwalunkwe indaġni amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.  It-talba msemmija fl-Artikolu 5 jista' jkun fiha talba motivata għal indaġni amministrattiva speċifika. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-opinjoni li ma tkun meħtieġa l-ebda indaġni amministrattiva, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

3.  Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rikjesta jew biex titwettaq l-indaġni amministrattiva rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha ssegwi l-istess proċeduri li ssegwi li kieku kienet ser taġixxi minn rajha jew fuq it-talba ta' awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.

4.  Meta speċifikament mitluba mill-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika d-dokumenti oriġinali bil-kondizzjoni li dan ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità rikjesta.

Artikolu 7

Limiti ta' żmien

1.  L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 kemm jista' jkun malajr, u mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-irċevuta tat-talba.

Madankollu, fejn l-awtorità rikjesta tkun diġà fil-pussess ta' dik l-informazzjoni, l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa fi żmien xahrejn minn dik id-data.

2.  F'ċerti każijiet speċjali, il-limiti ta' żmien għajr dawk previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jinqablu bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti.

3.  L-awtorità rikjesta għandha tikkonferma immedjatament u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta' ħidma mill-irċevuta, jekk huwa possibbli b'mezzi elettroniċi, li tkun irċeviet talba mill-awtorità rikjedenti.

4.  Fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba, l-awtorità rikjesta għandha tinnotifika lill-awtorità rikjedenti bi kwalunkwe defiċjenzi fit-talba u bil-ħtieġa għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali. F'tali każ, il-limit ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jibdew mill-jum wara li l-awtorità rikjedenti tkun irċeviet l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

5.  Fejn l-awtorità rikjesta ma tkunx f'pożizzjoni twieġeb għat-talba sal-limitu ta' żmien rilevanti, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti immedjatament u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-irċevuta tat-talba, bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha li tagħmel hekk, u d-data sa meta hi tqis li tista' tkun f'pożizzjoni li twieġeb.

6.  Fejn l-awtorità rikjesta m'għandhiex fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta u ma tkunx f'pożizzjoni twieġeb għat-talba għall-informazzjoni jew tirrifjuta li tagħmel dan għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 17, hija għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti dwar ir-raġunijiet għal dan u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba.



TAQSIMA II

Skambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni

Artikolu 8

Ambitu u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni

1.  L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2014 li tkun disponibbli dwar ir-residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji speċifiċi li ġejjin ta' dħul u ta' kapital kif għandhom jinftehmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni:

(a) dħul minn impjieg;

(b) ħlasijiet tad-direttur;

(c) prodotti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja li mhumiex koperti minn strumenti legali oħra tal-Unjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni u miżuri simili oħra;

(d) pensjonijiet;

(e) dritt ta' proprjetà ta' u dħul minn beni immobbli.

2.  Qabel l-1 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-kategoriji elenkati fil-paragrafu 1 li fir-rigward tagħhom għandhom informazzjoni disponibbli. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għalihom.

▼M1

3.  L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tindika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor li ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar waħda mill-kategoriji tad-dħul u l-kapital imsemmija fil-paragrafu 1 jew bosta minnhom. Hija għandha wkoll tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

Stat Membru jista' jitqies li ma jixtieqx jirċievi informazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, jekk ma jinformax lill-Kummissjoni bi kwalunkwe kategorija speċifika li fir-rigward tagħha huwa jkollu informazzjoni disponibbli.

▼M1

3a.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti tiegħu li jwettqu r-regoli ta' rappurtaġġ u ta' diliġenza dovuta inklużi fl-Annessi I u II u biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta', u l-konformità ma', tali regoli f'konformità mat-Taqsima IX tal-Anness I.

Skont ir-regoli ta' rappurtaġġ u diliġenza dovuta li jinsabu fl-Annessi I u II, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika sa mhux iktar tard mid-data ta' skadenza stipulata fil-punt (b) tal-paragrafu 6, lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, l-informazzjoni segwenti fir-rigward tal-perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2016 dwar Kont Rapportabbli:

(a) l-isem, l-indirizz, it-TINs ud-data u l-post ta' twelid (f'każ ta' individwu) ta' kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta' Kont tal-kont u, fil-każ ta' kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta' Kont u li, wara l-applikazzjoni tar-regoli ta' diliġenza dovuta konsistenti mal-Annessi, tkun identifikata li jkollha Persuna Kontrollata waħda jew aktar li tkun Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, u t-TINs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, it-TINs u d-data u l-post ta' twelid ta' kull Persuna Rapportabbli;

(b) in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta' numru tal-kont);

(c) l-isem u n-numru ta' identifikazzjoni (jekk ikun hemm) tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti;

(d) il-bilanċ tal-kont jew il-valur (inkluż, fil-każ ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità, il-Valur fi Flus jew il-valur ta' ċessjoni) fl-aħħar tas-sena kalendarja rilevanti jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor jew, jekk il-kont ikun ingħalaq matul tali sena jew perijodu, l-għeluq tal-kont;

(e) fil-każ ta' kwalunkwe Kont ta' Kustodja:

(i) l-ammont gross totali ta' interessi, l-ammont gross totali ta' dividendi, u l-ammont gross totali ta' dħul ieħor iġġenerat fir-rigward tal-assi miżmuma fil-kont, f'kull każ imħallas jew ikkreditat lill-kont (jew fir-rigward tal-kont) matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor; u

(ii) ir-rikavat gross totali mill-bejgħ jew l-ammortament ta' Assi Finanzjarji mħallas jew ikkreditat lill-kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor li fir-rigward tiegħu l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti aġixxiet bħala kustodju, intermedjarju, persuna nominata, jew inkella bħala aġent tad-Detentur ta' Kont;

(f) fil-każ ta' kwalunkwe Kont Depożitarju, l-ammont gross totali ta' interessi mħallsa jew ikkreditati lill-kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor; u

(g) fil-każ ta' kwalunkwe kont mhux deskritt fil-punt (e) jew fil-punt (f), l-ammont gross totali mħallas jew ikkreditat lid-Detentur ta' Kont fir-rigward tal-kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor li fir-rigward tiegħu l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tkun l-obbligant jew id-debitur, inkluż l-ammont aggregat ta' kwalunkwe pagamenti ta' ammortament magħmula lid-Detentur ta' Kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor.

Għall-finijiet tal-iskambju ta' informazzjoni skont dan il-paragrafu, sakemm mhux provdut mod ieħor f'dan il-paragrafu jew fl-Annessi, l-ammont u l-karatterizzazzjoni ta' pagamenti magħmula fir-rigward ta' Kont Rapportabbli għandhom ikunu ddeterminati f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom jipprevalu fuq il-punt (c) tal-paragrafu 1 jew kwalunkwe strument legali ieħor tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE ( 7 ), sal-punt li l-iskambju ta' informazzjoni inkwistjoni jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 1 jew kwalunkwe strument legali ieħor tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva 2003/48/KE.

▼B

4.  Qabel l-1 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni fuq bażi annwali bi statistiki dwar il-volum ta' skambji awtomatiċi u, sa fejn ikun possibbli, b'informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti relatata mal-iskambji li seħħew u bidliet potenzjali oħrajn, kemm għall-amministrazzjonijiet fiskali u kif ukoll għall-partijiet terzi.

▼M1

5.  Qabel l-1 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u l-informazzjoni riċevuta, dwar kwistjonijiet bħall-ispejjeż amministrattivi u oħrajn rilevanti u l-benefiċċji tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, kif ukoll aspetti prattiċi marbuta ma' dan. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill rigward il-kategoriji u l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, inkluża l-kondizzjoni li l-informazzjoni li tikkonċerna lil residenti fi Stati Membri oħra jew l-elementi msemmija fil-paragrafu 3a, jew it-tnejn li huma, tkun disponibbli.

Meta jkun qed jeżamina proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta t-tisħiħ ulterjuri tal-effiċjenza u l-funzjonament tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u t-titjib tal-istandard tiegħu, bil-għan li jipprovdi li:

(a) l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2017 rigward ir-residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji kollha ta' dħul u ta' kapital elenkati fil-paragrafu 1, kif għandhom jinftiehmu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni; u

(b) il-listi ta' kategoriji u partiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3a jiġu estiżi biex jinkludu kategoriji u elementi oħra, inklużi d-drittijiet tal-awtur.

6.  Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni għandha ssir skont kif ġej:

(a) għall-kategoriji stipulati fil-paragrafu 1: tal-inqas darba fis-sena, fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena tat-taxxa tal-Istat Membru li matulha l-informazzjoni tkun saret disponibbli;

(b) għall-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 3a: annwalment, fi żmien disa' xhur minn tmiem is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor li għalih tirrelata l-informazzjoni.

▼B

7.  Il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), qabel id-dati msemmija fl-Artikolu 29(1).

▼M1

7a.  Għall-finijiet tas-subparagrafi B.1(c) u C.17(g) tat-Taqsima VIII tal-Anness I, kull Stat Membru għandu, sal-31 ta' Lulju 2015, jipprovdi lill-Kummissjoni dwar il-lista ta' entitajiet u kontijiet li għandhom jiġu ttrattati, rispettivament, bħala Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Rapportanti u Kontijiet Esklużi. Kull Stat Membru għandu jinforma wkoll lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil li jsir f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista kompilata tal-informazzjoni riċevuta u għandha taġġorna l-lista kif ikun meħtieġ.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tipi ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Rapportanti u Kontijiet Esklużi jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha elenkati fis-subparagrafi B.1(c) u C.17(g) tat-Taqsima VIII tal-Anness I, u b'mod partikolari li l-istatus ta' Istituzzjoni Finanzjarja bħala Istituzzjoni Finanzjarja mhux Rapportanti jew l-istatus ta' kont bħala Kont Eskluż ma jxekklux il-finijiet ta' din id-Direttiva.

▼B

8.  Fejn l-Istati Membri jaqblu dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal kategoriji addizzjonali ta' dħul u kapital fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali li jikkonkludu ma' Stati Membri oħrajn, huma għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet lill-Kummissjoni li għandha tagħmel dawn il-ftehimiet disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha.



TAQSIMA III

Skambju spontanju ta' informazzjoni

Artikolu 9

Ambitu u kondizzjonijiet għall-iskambju spontanju ta' informazzjoni

1.  L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tikkomunika l-informazzjonimsemmija fl-Artikolu 1(1) lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed li jkollha raġunijiet biex taħseb li jista' jkun hemm telf ta' taxxa fl-Istat Membru l-ieħor;

(b) persuna soġġetta għat-taxxa tikseb tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, taxxa fi Stat Membru wieħed li jista' jwassal għal żieda fit-taxxa jew għal obbligu ta' taxxa fl-Istat Membru l-ieħor;

(c) kuntatti kummerċjali bejn xi persuna soġġetta għat-taxxa fi Stat Membru wieħed u persuna soġġetta għat-taxxa fl-Istat Membru l-ieħor isiru permezz ta' pajjiż wieħed jew aktar b'tali mod li l-iffrankar fit-taxxa jista' jirriżulta fi Stat Membru wieħed jew l-ieħor jew fit-tnejn;

(d) l-awtorità kompetenti ta' xi Stat Membru jkollha raġunijiet biex taħseb li l-iffrankar fit-taxxa jista' jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi gruppi ta' intrapriżi;

(e) informazzjoni mogħtija lil Stat Membru wieħed mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tkun ippermettiet li tinkiseb l-informazzjoni li tista' tkun rilevanti biex issir valutazzjoni tal-obbligu tat-taxxa fl-Istat Membru tal-aħħar.

2.  L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru jistgħu jikkomunikaw, permezz ta' skambju spontanju, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kwalunkwe informazzjoni li huma konxji tagħha u li tista' tkun utli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 10

Limiti ta' żmien

1.  L-awtorità kompetenti li lilha ssirilha disponibbli l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn xahar wara li ssir disponibbli.

2.  L-awtorità kompetenti li lilha tiġi kkomunikata l-informazzjoni skont l-Artikolu 9 għandha tikkonferma, jekk possibbli permezz ta' mezzi elettroniċi, li tkun irċeviet l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti li tkun pprovdiet l-informazzjoni immedjatament u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta' ħidma wara l-irċevuta.



KAPITOLU III

FOROM OĦRA TA' KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA



TAQSIMA I

Preżenza fl-uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni fl-indaġnijiet amministrattivi

Artikolu 11

Ambitu u kondizzjonijiet

1.  Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u skont l-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a) ikunu preżenti fl-uffiċċji fejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest jaqdu dmirijithom;

(b) ikunu preżenti matul l-indaġnijiet amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest.

Fejn l-informazzjoni mitluba tinsab f'dokumentazzjoni li għaliha għandhom aċċess l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħhom.

2.  Safejn dan huwa permissibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membru rikjest, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jipprovdi li, fejn uffiċjali tal-awtorità rikjedenti jkunu preżenti matul indaġnijiet amministrattivi, huma jistgħu jintervistaw individwi u jeżaminaw reġistri.

Kwalunkwe rifjut mill-persuna taħt investigazzjoni li tirrispetta l-miżuri ta' spezzjoni tal-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhu jitqies mill-awtorità rikjesta daqs li kieku dak ir-rifjut twettaq kontra l-uffiċjali tal-awtorità tal-aħħar.

3.  L-uffiċjali awtorizzati mill-Istat Membru rikjedenti preżenti fi Stat Membru ieħor skont il-paragrafu 1 għandhom f'kull waqt ikunu jistgħu jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tiddikjara l-identità tagħhom u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.



TAQSIMA II

Kontrolli simultanji

Artikolu 12

Kontrolli simultanji

1.  Fejn żewġ Stati Membri jew aktar jaqblu li jwettqu kontrolli simultanji, fit-territorju tagħhom stess, fuq persuna waħda jew aktar dwar interess komuni jew komplementari għalihom, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni miksuba b'dan il-mod, il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom japplikaw.

2.  L-awtorità kompetenti f'kull Stat Membru għandha tidentifika b'mod indipendenti l-persuni li jkollha l-intenzjoni li tipproponi kontroll simultanju fuqhom. Hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati dwar kwalunkwe każ li għalih tipproponi kontroll simultanju, waqt li tagħti r-raġunijiet għall-għażla tagħha.

Hija għandha tispeċifika l-perijodu ta' żmien li matulu iridu jitwettqu dawk il-kontrolli.

3.  L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tiddeċiedi jekk tixtieqx tieħu sehem f'kontrolli simultanji. Hija għandha tikkonferma l-qbil tagħha jew tikkomunika r-rifjut motivat tagħha lill-awtorità li pproponiet kontroll simultanju.

4.  L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha taħtar rappreżentant bir-responsabbiltà li jissorvelja u jikkoordina l-operazzjoni ta' kontroll.



TAQSIMA III

Notifika amministrattiva

Artikolu 13

Talba għal notifika

1.  Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor għandha, skont ir-regoli li jirregolaw in-notifika ta' strumenti simili fl-Istat Membru rikjest, tinnotifika lid-destinatarju bi kwalunkwe strument u deċiżjoni li joriġinaw mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjedenti u li jikkonċernaw l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu ta' leġiżlazzjoni dwar taxxi koperti minn din id-Direttiva.

2.  It-talbiet għal notifika għandhom jindikaw is-suġġett tal-istrument jew deċiżjoni li għandhom jiġu nnotifikati u għandhom jispeċifikaw l-isem u l-indirizz tad-destinatarju, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' tiffaċilita l-identifikazzjoni tad-destinatarju.

3.  L-awtorità rikjesta għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bit-tweġiba tagħha u, partikolarment, bid-data tan-notifika l-istrument jew tad-deċiżjoni lid-destinatarju.

4.  L-awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal notifika skont dan l-Artikolu biss meta ma tkunx tista' tinnotifika f'konformità mar-regoli li jirregolaw in-notifika tal-istrumenti kkonċernati fl-Istat Membru rikjedenti, jew fejn tali notifika tagħti lok għal diffikultajiet sproporzjonati. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tinnotifika kwalunkwe dokument permezz tal-posta rreġistrata jew elettronikament direttament lil persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.



TAQSIMA IV

Feedback

Artikolu 14

Kondizzjonijiet

1.  Meta awtorità kompetenti tipprovdi informazzjoni skont l-Artikoli 5 jew 9, hija tista' titlob lill-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni biex tibgħat feedback dwar dan. Jekk tintalab feedback, l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet l-informazzjoni għandha, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza fiskali u l-protezzjoni tad-data applikabbli fl-Istat Membru tagħha, tibgħat il-feedback lill-awtorità kompetenti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jkun magħruf l-eżitu tal-użu tal-informazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-arranġamenti prattiċi f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

2.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-feedback dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati darba fis-sena, f'konformità mal-arranġamenti prattiċi maqbula bilateralment.



TAQSIMA V

Kondiviżjoni tal-aħjar prattika u tal-esperjenza

Artikolu 15

Ambitu u kondizzjonijiet

1.  L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jeżaminaw u jevalwaw il-kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva u għandhom jikkondividu l-esperjenza tagħhom, bil-ħsieb li tittejjeb tali kooperazzjoni u, fejn ikun il-każ, jitfasslu regoli fl-oqsma kkonċernati.

2.  L-Istati Membri jistgħu, flimkien mal-Kummissjoni, jipproduċu linji gwida dwar kwalunkwe aspett meqjus bħala meħtieġ għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u tal-esperjenza kondiviża.



KAPITOLU IV

KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW IL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 16

Żvelar ta' informazzjoni u dokumenti

1.  L-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri f'kwalunkwe forma skont din id-Direttiva għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċeviha. Tali informazzjoni tista' tintuża għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.

Tali informazzjoni tista' tintuża wkoll għall-valutazzjoni u l-infurzar ta' taxxi u dazji oħrajn koperti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra ( 8 ), jew għall-valutazzjoni u l-infurzar tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali.

Barra minn hekk, din tista' tintuża b'rabta mal-proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi li jistgħu jinvolvu penalitajiet, li jinbdew bħala riżultat ta' ksur tal-liġi tat-taxxa, mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-konvenuti u tax-xhieda f'tali proċedimenti.

2.  Bil-permess tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jikkomunika informazzjoni skont din id-Direttiva, u biss safejn dan huwa permissibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti li jkunu waslu skont din id-Direttiva jistgħu jintużaw għal finijiet diversi minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1. Tali permess għandu jingħata jekk l-informazzjoni tista' tintuża għal finijiet simili fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tikkomunika l-informazzjoni.

3.  Fejn awtorità kompetenti ta' Stat Membru tikkunsidra li l-informazzjoni li tkun irċeviet mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor x'aktarx li tkun utli għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għall-awtorità kompetenti ta' Stat Membru terz, hija tista' tittrasmetti dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-aħħar, bil-kondizzjoni li dik it-trasmissjoni tkun f'konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva. Hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu toriġina l-informazzjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tikkondividi dik l-informazzjoni ma' Stat Membru terz. L-Istat Membru tal-oriġini tal-informazzjoni jista' jopponi din il-kondiviżjoni ta' informazzjoni fi żmien 10 ijiem ta' ħidma minn mets jirċievi l-komunikazzjoni mill-Istat Membru li jkun jixtieq jikkondividi l-informazzjoni.

4.  Il-permess biex tintuża informazzjoni skont il-paragrafu 2, li tkun ġiet trasmessa skont il-paragrafu 3, jista' jingħata biss mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu toriġina l-informazzjoni.

5.  Informazzjoni, rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor, jew veri kopji jew siltiet minnhom, miksuba mill-awtorità rikjesta u kkomunikati lill-awtorità rikjedenti skont din id-Direttiva jistgħu jiġu invokati bħala evidenza mill-korpi kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti fuq l-istess bażi ta' informazzjoni, rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor simili pprovduti minn awtorità ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 17

Limiti

1.  Awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, bil-kondizzjoni li l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi ta' informazzjoni tas-soltu li setgħet użat fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ma tieħu r-riskju li tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tagħha.

2.  Din id-Direttiva m'għandha timponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru rikjest biex iwettaq indaġnijiet jew biex jikkomunika informazzjoni, jekk dan ikun kontra l-leġiżlazzjoni tiegħu li jitwettaq tali indaġnijiet jew li jiġbor l-informazzjoni mitluba għall-finijiet tiegħu stess.

3.  L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru rikjest tista' tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni meta l-Istat Membru rikjedenti ma jkunx jista', għal raġunijiet ġuridiċi, jipprovdi informazzjoni simili.

4.  L-għoti ta' informazzjoni jista' jkun irrifjutat jekk dan iwassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta' proċess kummerċjali, jew ta' informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku.

5.  L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta' talba għal informazzjoni.

Artikolu 18

Obbligi

1.  Jekk tintalab informazzjoni minn Stat Membru skont din id-Direttiva, l-Istat Membru rikjest għandu juża l-miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, anki jekk dak l-Istat Membru jista' ma jkunx jeħtieġ tali informazzjoni għall-finijiet fiskali tiegħu stess. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 17, li l-invokazzjoni tiegħu m'għandha bl-ebda mod tinftiehem li tippermetti Stat Membru rikjest jirrifjuta li jforni informazzjoni sempliċiment għax ma jkollu l-ebda interess domestiku f'tali informazzjoni.

2.  Fl-ebda każ m'għandu l-Artikolu 17(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta' Stat Membru tirrifjuta li tforni informazzjoni sempliċiment għax din l-informazzjoni tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, persuna nominata jew li taġixxi fil-kapaċità ta' aġent jew tà fiduċjarju jew għax tirreferi għall-interessi proprjetarji ta' persuna.

3.  Minkejja l-paragrafu 2, Stat Membru jista' jirrifjuta t-trasmissjoni tal-informazzjoni mitluba meta tali informazzjoni tikkonċerna perijodu taxxabbli qabel l-1 ta' Jannar 2011 u meta t-trasmissjoni ta' tali informazzjoni tista' tkun ġiet irrifjutata abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799/KEE jekk kienet ġiet mitluba qabel il-11 ta' Marzu 2011.

Artikolu 19

Estensjoni ta' kooperazzjoni usa' pprovduta lil pajjiż terz

Fejn Stat Membru jipprovdi kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik prevista skont din id-Direttiva, dak l-Istat Membru ma jistax jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jixtieq jidħol f'tali kooperazzjoni reċiproka usa' ma' dak l-Istat Membru.

Artikolu 20

Formoli standard u formati elettroniċi

1.  It-talbiet għal informazzjoni u għal indaġnijiet amministrattivi skont l-Artikolu 5 u t-tweġibiet għalihom, il-konfermi ta' rċevuta, it-talbiet għal informazzjoni kuntestwali addizzjonali, l-inabbiltà jew ir-rifjut skont l-Artikolu 7 għandhom, kemm jista' jkun possibbli, jintbagħtu permezz ta' formola standard adotatta mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

Il-formoli standard jistgħu jiġu akkumpanjati minn rapporti, dikjarazzjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor, jew veri kopji jew siltiet minnhom.

2.  Il-formola standard li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja li għandha tiġi pprovduta mill-awtorità rikjedenti:

(a) l-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni;

(b) l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba.

L-awtorità rikjedenti tista', safejn ikun magħruf u f'konformità mal-iżviluppi internazzjonali, tipprovdi l-isem u l-indirizz ta' kwalunkwe persuna li hu maħsub li għandha fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta kif ukoll kwalunkwe element li jista' jiffaċilita l-ġbir ta' informazzjoni mill-awtorità rikjesta.

3.  L-informazzjoni spontanja u l-konferma ta' rċevuta tagħha skont l-Artikoli 9 u 10 rispettivament, it-talbiet għal notifiki amministrattivi skont l-Artikolu 13 u l-informazzjoni ta' reazzjoni skont l-Artikolu 14 għandhom jintbagħtu permezz tal-formola standard adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26 (2).

▼M1

4.  L-iskambji awtomatiċi ta' informazzjoni skont l-Artikolu 8 għandhom jintbagħtu bl-użu ta' format standard elettroniku mmirat li jiffaċilita tali skambju awtomatiku u bbażat fuq il-format elettroniku skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/48/KE, li għandu jintuża għat-tipi kollha ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni, adottat mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

▼B

Artikolu 21

Arranġamenti prattiċi

1.  L-informazzjoni kkomunikata skont din id-Direttiva għandha, safejn hu possibli, tkun ipprovduta b'mezzi elettroniċi bl-użu tan-netwerk CCN.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

▼M1

2.  Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tan-netwerk CCN li jkun meħtieġ biex jippermetti l-iskambju ta' dik l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u biex tiżgura s-sigurtà tan-netwerk CCN.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tas-sistemi tagħhom li jkun meħtieġ biex dik l-informazzjoni tiġi skambjata permezz tan-netwerk CCN u għall-iżgurar tas-sigurtà tas-sistemi tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull Persuna Rapportabbli individwali tiġi avżata bil-ksur tas-sigurtà fir-rigward tad-data tagħha meta dak il-ksur x'aktarx li jaffettwa l-protezzjoni tad-data personali jew il-privatezza tagħha.

L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw il-pretensjonijiet kollha għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva ħlief, fejn adatt, fir-rigward ta' tariffi mħallsa lill-esperti.

▼B

3.  Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni sal-punt fejn tkun meħtieġa għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerk CCN.

4.  It-talbiet għal kooperazzjoni, inklużi t-talbiet għal notifika, u d-dokumenti mehmuża jistgħu jsiru fi kwalunkwe lingwa miftiehma mill-awtorità rikjesta u dik rikjedenti.

Dawk it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-awtorità rikjesta f'każijiet speċjali biss fejn l-awtorità rikjesta tiddikjara r-raġuni tagħha għaliex tkun qed titlob it-traduzzjoni.

Artikolu 22

Obbligi speċifiċi

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex:

(a) tiġi żgurata koordinazzjoni interna effettiva fl-organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4;

(b) tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra msemmija fl-Artikolu 4;

(c) jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva previsti f'din id-Direttiva.

2.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lil kull Stat Membru kwalunkwe informazzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li tirċievi u li hi tkun f'pożizzjoni li tipprovdi.



KAPITOLU V

RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI

Artikolu 23

Evalwazzjoni

1.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jevalwaw il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista f'din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni valutazzjoni annwali tal-effikaċja tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni imsemmi fl-Artikolu 8 kif ukoll ir-riżultati prattiċi miksuba. Il-forma u l-kondizzjonijiet ta' komunikazzjoni ta' dik il-valutazzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

4.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), lista ta' data statistika li għandha tingħata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva.

5.  L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 2 sa 4 għandha tinżamm kunfidenzjali mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-awtoritajiet tal-Unjoni.

6.  L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru taħt il-paragrafi 2, 3 u 4, kif ukoll kwalunkwe rapport jew dokument prodott mill-Kummissjoni bl-użu ta' tali informazzjoni, jistgħu jiġu trasmessi lil Stati Membri oħrajn. Tali informazzjoni trasmessa għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun irċeviha.

Ir-rapporti u d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni msemmijin f'dan il-paragrafu jistgħu jintużaw biss mill-Istati Membri għal skopijiet analitiċi, iżda m'għandhomx jiġu ppubblikati jew isiru disponibbli għal kwalunkwe persuna jew korp ieħor mingħajr il-qbil espliċitu tal-Kummissjoni.



KAPITOLU VI

RELAZZJONIJIET MA' PAJJIŻI TERZI

Artikolu 24

Skambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi

1.  Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz li tkun prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi ta' dak l-Istat Membru rigward it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2, dik l-awtorità tista', dment li dan ikun permess skont ftehim ma' dak il-pajjiż terz, tipprovdi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għalihom dik l-informazzjoni tista' tkun utli u lil kwalunkweawtorità rikjedenti.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw, skont id-dispożizzjonijiet domestiċi tagħhom dwar il-komunikazzjoni ta' data personali lil pajjiżi terzi, informazzjoni miksuba skont din id-Direttiva lil pajjiż terz, kemm-il darba l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfatti:

(a) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu tkun oriġinat l-informazzjoni tkun qablet ma' dik il-komunikazzjoni;

(b) il-pajjiż terz ikkonċernat ikun impenja lilu nnifsu li jipprovdi l-kooperazzjoni meħtieġa biex tinġabar evidenza dwar in-natura irregolari jew illegali ta' transazzjonijiet li jidhru li jikkontravjenu jew jikkostitwixxu abbuż ta' leġiżlazzjoni fiskali.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 25

Protezzjoni tad-data

▼M1

1.  L-iskambju kollu ta' informazzjoni skont din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE safejn meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva.

▼M1

2.  L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti u l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-data għall-finijiet tad-Direttiva 95/46/KE.

3.  Minkejja l-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jiżgura li kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tgħarraf lil kull Persuna Rapportabbli individwali kkonċernata li l-informazzjoni marbuta magħha msemmija fl-Artikolu 8(3a) ser tinġabar u tiġi trasferita f'konformità ma' din id-Direttiva u għandha tiżgura li l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tagħti lil dak l-individwu kull informazzjoni li hu intitolat għaliha skont il-leġislazzjoni domestika tagħha li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE fi żmien biżżejjed biex l-individwu jħaddem id-drittijiet ta' protezzjoni tad-data tiegħu u, ikun x'ikun il-każ, qabel ma l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti kkonċernata tirrapporta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3a) lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' residenza tiegħu.

4.  L-informazzjoni pproċessata f'konformità ma' din id-Direttiva m'għandhiex tinżamm aktar milli meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet ta' din id-Direttiva, u jkun x'ikun il-każ skont ir-regoli domestiċi ta' kull kontrollur tad-data dwar l-istatut tal-limitazzjonijiet.

▼B

Artikolu 26

Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ il-“Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni”.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

Artikolu 27

Rappurtar

Kull ħames snin wara l-1 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 28

Tħassir tad-Direttiva 77/799/KEE

Id-Direttiva 77/799/KEE hija mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 29

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.

Madankollu, huma għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.

Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 30

Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 31

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

▼M1




ANNESS I

REGOLI TA' RAPPURTAR U DILIĠENZA DOVUTA GĦALL-INFORMAZZJONI DWAR KONTIJIET FINANZJARJI

Dan l-Anness jistipula r-regoli ta' rappurtaġġ u diliġenza dovuta li għandhom jiġu applikati mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkomunikaw, permezz ta' skambju awtomatiku, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3a) ta' din id-Direttiva. Dan l-Anness jiddeskrivi wkoll ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi li l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta', u l-konformità ma', il-proċeduri ta' rappurtaġġ u diliġenza dovuta li jinsabu hawn taħt.

TAQSIMA I

REKWIŻITI ĠENERALI TA' RAPPURTAR

A. Soġġett għall-paragrafi C sa E, kull Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tagħha l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kull Kont Rapportabbli ta' tali Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti:

1. l-isem, l-indirizz, l-Istat(i) Membru/i ta' residenza, it-TINs u d-data u l-post ta' twelid (fil-każ ta' individwu) ta' kull Persuna Rapportabbli li tkun Detentur ta' Kont ta' kont u, fil-każ ta' kwalunkwe Entità li tkun Detentur ta' Kont u li, wara l-applikazzjoni tal-proċedura ta' diliġenza dovuta konsistenti mat-Taqsimiet V, VI u VII, tkun identifikata li jkollha Persuna Kontrollata waħda jew aktar li tkun Persuna Rapportabbli, l-isem, l-indirizz, l-Istat(i) Membru/i u (jekk ikun hemm) ġurisdizzjoni(jiet) oħra ta' residenza u t-TINs tal-Entità u l-isem, l-indirizz, l-Istat(i) Membru/i ta' residenza, it-TINs u d-data u l-post ta' twelid ta' kull Persuna Rapportabbli;

2. in-numru tal-kont (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta' numru ta' kont);

3. l-isem u n-numru ta' identifikazzjoni (jekk ikun hemm) tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti;

4. il-bilanċ tal-kont jew il-valur (inkluż, fil-każ ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità, il-Valur fi Flus jew il-valur ta' ċessjoni) fl-aħħar tas-sena kalendarja rilevanti jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor jew, jekk il-kont ikun ingħalaq matul tali sena jew perijodu, l-għeluq tal-kont;

5. fil-każ ta' kwalunkwe Kont ta' Kustodja:

(a) l-ammont gross totali ta' interessi, l-ammont gross totali ta' dividendi, u l-ammont gross totali ta' dħul ieħor iġġenerat fir-rigward tal-assi miżmuma fil-kont, f'kull każ imħallas jew ikkreditat lill-kont (jew fir-rigward tal-kont) matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor; u

(b) ir-rikavat gross totali mill-bejgħ jew l-ammortament ta' Assi Finanzjarji mħallas jew ikkreditat lill-kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor li fir-rigward tiegħu l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti aġixxiet bħala kustodju, intermedjarju, persuna nominata, jew inkella bħala aġent tad-Detentur ta' Kont;

6. fil-każ ta' kwalunkwe Kont Depositarju, l-ammont gross totali ta' interessi mħallsa jew ikkreditati lill-kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor; u

7. fil-każ ta' kwalunkwe kont mhux deskritt fis-subparagrafu A(5) jew (6), l-ammont gross totali mħallas jew ikkreditat lid-Detentur ta' Kont fir-rigward tal-kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor li fir-rigward tiegħu l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tkun l-obbligant jew id-debitur, inkluż l-ammont aggregat ta' kwalunkwe pagamenti ta' fidi magħmula lid-Detentur ta' Kont matul is-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor.

B. L-informazzjoni rappurtata trid tidentifika l-munita li fiha tkun iddenominata kull ammont.

C. Minkejja s-subparagrafu A(1), fir-rigward ta' kull Kont Rapportabbli li jkun Kont Preeżistenti, it-TIN(s) jew id-data ta' twelid ma tkunx meħtieġa li tiġi rappurtata jekk tali TIN(s) jew data ta' twelid ma tkunx fir-rekords tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti u ma tkunx tinħtieġ li tinġabar b'mod ieħor minn tali Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-liġi domestika jew kwalunkwe strument legali tal-Unjoni. Madankollu, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hija mitluba tagħmel sforzi raġonevoli biex tikseb it-TIN(s) u d-data ta' twelid fir-rigward ta' Kontijiet Preeżistenti sal-aħħar tat-tieni sena kalendarja wara s-sena li fiha tali Kontijiet ikunu ġew identifikati bħala Kontijiet Rapportabbli.

D. Minkejja s-subparagrafu A(1), it-TIN ma jkunx meħtieġ li jiġi rappurtat jekk ma jinħariġx TIN mill-Istat Membru rilevanti jew ġurisdizzjoni oħra ta' residenza.

E. Minkejja s-subparagrafu A(1), il-post ta' twelid ma jkunx meħtieġ li jiġi rappurtat dment li:

(1) l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tkun meħtieġa tiksbu u tirrappurtah mod ieħor skont il-liġi domestika jew l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tkun jew kienet meħtieġa tiksbu u tirrappurtah mod ieħor skont kwalunkwe strument legali tal-Unjoni fis-seħħ jew li kien fis-seħħ fil-5 ta' Jannar 2015; u

(2) ikun disponibbli fid-data li tista' titfittex b'mod elettroniku miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti.

TAQSIMA II

REKWIŻITI ĠENERALI TA' DILIĠENZA DOVUTA

A. Kont jibda jiġi ttrattat bħala Kont Rapportabbli fid-data li jiġi identifikat bħala tali skont il-proċeduri ta' diliġenza dovuta fit-Taqsimiet II sa VII u, sakemm mhux previst mod ieħor, informazzjoni fir-rigward ta' Kont Rapportabbli għandha tiġi rapportata annwalment fis-sena kalendarja wara s-sena li għaliha tirreferi l-informazzjoni.

B. Il-bilanċ jew il-valur ta' kont jiġi ddeterminat fl-aħħar jum tas-sena kalendarja jew perijodu ta' rappurtaġġ adatt ieħor.

C. Fejn livell ta' bilanċ jew valur għandu jiġi ddeterminat fl-aħħar jum ta' sena kalendarja, il-bilanċ jew valur għandu jiġi ddeterminat fl-aħħar jum tal-perijodu ta' rappurtaġġ li jintemm fi jew fi ħdan dik is-sena kalendarja.

D. Kull Stat Membru jista' jippermetti lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti li jużaw fornituri ta' servizz biex jissodisfaw l-obbligi ta' rappurtaġġ u diliġenza dovuta imposti fuq tali Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti, kif ikkontemplati fil-liġi domestika, iżda dawn l-obbligi għandhom jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti.

E. Kull Stat Membru jista' jippermetti lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti li japplikaw il-proċeduri ta' diliġenza dovuta għall-Kontijiet Ġodda lil Kontijiet Preeżistenti, u l-proċeduri ta' diliġenza dovuta għal Kontijiet ta' Valur Għoli lil Kontijiet ta' Valur Aktar Baxx. Fejn Stat Membru jippermetti proċeduri ta' diliġenza dovuta ta' Kont Ġdid li jintużaw għal Kontijiet Preeżistenti, ikomplu japplikaw ir-regoli applikabbli mod ieħor għal Kontijiet Preeżistenti.

TAQSIMA III

DILIĠENZA DOVUTA GĦAL KONTIJIET INDIVIDWALI PREEŻISTENTI

A. Introduzzjoni. Il-proċeduri li ġejjin japplikaw għal finijiet ta' identifikar ta' Kontijiet Rapportabbli fost il-Kontijiet Individwali Preeżistenti.

B. Kontijiet ta' Valur Aktar Baxx. Il-proċeduri li ġejjin japplikaw fir-rigward ta' Kontijiet ta' Valur Aktar Baxx.

1. Indirizz tar-Residenza. Jekk l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jkollha fir-rekords tagħha indirizz tar-residenza attwali għad-Detentur ta' Kont individwali bbażat fuq Evidenza Dokumentata, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' tittratta lid-Detentur ta' Kont individwali bħala resident għal finijiet ta' taxxa tal-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra li fiha jkun jinsab l-indirizz għal finijiet ta' determinazzjoni jekk it-tali Detentur ta' Kont individwali jkunx Persuna Rapportabbli.

2. Tiftix Elettroniku ta' Rekords. Jekk l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tiddependix fuq indirizz ta' residenza attwali għad-Detentur ta' Kont individwali bbażat fuq Evidenza Dokumentarja kif stipulat fis-subparagrafu B(1), l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha teżamina data li tista' titfittex b'mod elettroniku miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għal kwalunkwe indicium li ġejja u tapplika s-subparagrafi B(3) sa (6):

(a) identifikazzjoni tad-Detentur ta' Kont bħala resident ta' Stat Membru;

(b) indirizz postali jew ta' residenza attwali (inkluż kaxxa postali) fi Stat Membru;

(c) numru tat-telefon wieħed jew aktar fi Stat Membru u l-ebda numru tat-telefon fl-Istat Membru tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti;

(d) struzzjonijiet permanenti (ħlief fir-rigward ta' Kont Depositarju) biex jiġu trasferiti fondi għal kont miżmum fi Stat Membru;

(e) prokura effettiva attwali jew awtorità firmatarja mogħtija lil persuna b'indirizz fi Stat Membru; jew

(f) istruzzjoni ta' “hold mail” jew indirizz ta' “in-care-of” fi Stat Membru jew l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma jkollha l-ebda indirizz ieħor fir-rekord tagħha għad-Detentur ta' Kont.

3. Jekk l-ebda indicium elenkat fis-subparagrafu B(2) ma jiġi skopert fit-tiftixa elettronika, imbagħad l-ebda azzjoni ulterjuri mhija meħtieġa sakemm ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi li tirriżulta f'waħda jew aktar indicia li jiġu assoċjati mal-kont, jew il-kont isir Kont ta' Valur Għoli.

4. Jekk kwalunkwe indicium elenkat fis-subparagrafu B(2)(a) sa (e) jiġi skopert fit-tiftixa elettronika, jew ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi li tirriżulta f'waħda jew aktar indicia li jiġu assoċjati mal-kont, imbagħad l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tittratta d-Detentur ta' Kont bħala resident għal finijiet ta' taxxa ta' kull Stat Membru li għalih ikun ġie identifikat indicium, sakemm ma tagħżilx li tapplika s-subparagrafu B(6) u waħda mill-eċċezzjonijiet f'dak is-subparagrafu japplika fir-rigward ta' dak il-kont.

5. Jekk struzzjoni ta' “hold mail” jew indirizz ta' “in-care-of” jiġi skopert fit-tiftixa elettronika u l-ebda indirizz ieħor u l-ebda indicium ieħor elenkat fis-subparagrafu B(2)(a) sa (e) ma jiġu identifikati għad-Detentur ta' Kont, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tapplika, fl-ordni l-aktar adatta għaċ-ċirkostanzi, it-tiftixa analoga tar-rekords deskritta fis-subparagrafu C(2), jew tfittex li tikseb mingħand id-Detentur ta' Kont awtoċertifikazzjoni jew Evidenza Dokumentarja biex tistabbilixxi r-residenza/i għal finijiet ta' taxxa ta' tali Detentur ta' Kont. Jekk it-tiftixa analoga ma tistabbilixxix indicium u l-attentat ta' ksib tal-awtoċertifikazzjoni jew l-Evidenza Dokumentata ma jkunx suċċess, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tirrapporta l-kont lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tagħha bħala kont mhux dokumentat.

6. Minkejja sejba ta' indicia skont is-subparagrafu B(2), Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mhijiex mitluba tittratta Detentur ta' Kont bħala resident ta' Stat Membru jekk:

(a) l-informazzjoni dwar id-Detentur ta' Kont fiha indirizz postali jew ta' residenza attwali f'dak l-Istat Membru, numru tat-telefon wieħed jew aktar f'dak l-Istat Membru (u l-ebda numru tat-telefon fl-Istat Membru tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti) jew struzzjonijiet permanenti (fir-rigward ta' Kontijiet Finanzjarji ħlief Kontijiet Depositorji) biex jiġu ttrasferiti fondi għal kont miżmum fi Stat Membru, u l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tikseb, jew eżaminat minn qabel u żżomm rekord ta':

(i) awtoċertifikazzjoni mid-Detentur ta' Kont tal-Istat(i) Membru/i jew ġurisdizzjoni(jiet) oħra ta' residenza ta' tali Detentur ta' Kont li ma tinkludix dak l-Istat Membru; u

(ii) Evidenza Dokumentarja li tistabbilixxi l-istatus nonrapportabbli tad-Detentur ta' Kont;

(b) l-informazzjoni dwar id-Detentur ta' Kont fiha prokura effettiva attwali jew awtorità firmatarja mogħtija lil persuna b'indirizz f'dak l-Istat Membru u l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tikseb, jew tkun eżaminata minn qabel u żżomm rekord ta':

(i) awtoċertifikazzjoni mid-Detentur ta' Kont tal-Istat(i) Membru/i jew ġurisdizzjoni(jiet) oħra ta' residenza ta' tali Detentur ta' Kont li ma tinkludix dak l-Istat Membru; jew

(ii) Evidenza Dokumentarja li tistabbilixxi l-istatus nonrapportabbli tad-Detentur ta' Kont.

C. Proċeduri ta' Eżami mtejjeb għal Kontijiet ta' Valur Għoli. Il-proċeduri ta' eżami mtejjeb li ġejjin japplikaw fir-rigward ta' Kontijiet ta' Valur Għoli.

1. Tiftix Elettroniku ta' Rekords. Fir-rigward ta' Kontijiet ta' Valur Għoli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha teżamina data li tista' titfittex b'mod elettroniku miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għal kwalunkwe indicium deskritt fis-subparagrafu B(2).

2. Tiftix Analogu tar-Rekords. Jekk id-databases li jistgħu jitfittxu b'mod elettroniku tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jinkludu oqsma għal, u jaqbdu l-informazzjoni kollha deskritta fis-subparagrafu C(3), imbagħad ma tkunx meħtieġa tiftixa analoga ulterjuri tar-rekords. Jekk id-databases elettroniċi ma jaqbdux din l-informazzjoni kollha, imbagħad fir-rigward ta' Kont ta' Valur Għoli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha teżamina wkoll il-fajl prinċipali attwali tal-klijenti u, sal-punt li ma jinsabx fil-fajl prinċipali attwali tal-klijenti, id-dokumenti li ġejjin assoċjati mal-kont u miksuba mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti fl-aħħar ħames snin għal kwalunkwe indicium deskritt fis-subparagrafu B(2):

(a) l-Evidenza Dokumentata l-aktar reċenti miġbura fir-rigward tal-kont;

(b) il-kuntratt jew id-dokumentazzjoni ta' ftuħ ta' kont l-aktar reċenti;

(c) id-dokumentazzjoni l-aktar reċenti miksuba mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont il-Proċeduri tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus (AML/KYC) jew għal finijiet regolatorji oħra;

(d) kwalunkwe dokumenti ta' prokura jew ta' awtorità firmatarja attwalment fis-seħħ; u

(e) kwalunkwe struzzjoni permanenti (ħlief fir-rigward ta' Kont Depositarju) biex jiġu ttrasferiti fondi attwalment fis-seħħ.

3. Eċċezzjoni Għall-Punt Li Databases Ikun Fihom Informazzjoni Suffiċjenti. Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mhijiex mitluba twettaq it-tiftixa analoga tar-rekords deskritta fis-subparagrafu C(2) sal-punt li l-informazzjoni li tista' titfittex b'mod elettroniku tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tinkludi li ġej:

(a) l-istatus ta' residenza ta' Detentur ta' Kont;

(b) l-indirizz postali u l-indirizz ta' residenza ta' Detentur ta' Kont attwalment fir-rekords tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti;

(c) in-numru(i) tat-telefon ta' Detentur ta' Kont attwalment fir-rekords, jekk ikun hemm, mal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti;

(d) fil-każ ta' Kontijiet Finanzjarji minbarra Kontijiet Depositarju, jekk ikun hemm struzzjonijiet permanenti biex jiġu ttrasferiti fondi fil-kont għal kont ieħor (inkluż kont f'fergħa oħra tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jew Istituzzjoni Finanzjarja oħra);

(e) jekk ikun hemm struzzjoni attwali ta' “in-care-of” jew “hold mail” jew għad-Detentur ta' Kont; u

(f) jekk ikun hemm kwalunkwe prokura jew awtorità firmatarja għall-kont.

4. Rikjesta tal-Maniġer tal-Kuntatti għall-Għarfien Attwali. Minbarra t-tiftix elettroniku u analogu deskritt fis-subparagrafi C(1) u (2), l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tittratta bħala Kont Rapportabbli kwalunkwe Kont ta' Valur Għoli assenjat lil maniġer tal-kuntatti (inkluż kwalunkwe Kont Finanzjarju aggregat ma' dak il-Kont ta' Valur Għoli) jekk il-maniġer tal-kuntatti jkollu għarfien attwali li d-Detentur ta' Kont ikun Persuna Rapportabbli.

5. Effett ta' Sejbien ta' Indicia.

(a) Jekk l-ebda indicium elenkat fis-subparagrafu B(2) ma jiġi skopert fir-rieżami mtejjeb ta' Kontijiet ta' Valur Għoli deskritt fil-paragrafu C, u l-kont ma jiġix identifikat bħala miżmum minn Persuna Rapportabbli fis-subparagrafu C(4), imbagħad ma tkunx meħtieġa azzjoni ulterjuri sakemm ma jkunx hemm bidla fiċ-ċirkostanzi li tirriżulta f'indicium wieħed jew aktar li jiġu assoċjati mal-kont.

(b) Jekk kwalunkwe indicium elenkat fis-subparagrafi B(2)(a) sa (e) jiġi skopert fir-rieżami mtejjeb ta' Kontijiet ta' Valur Għoli deskritt fil-paragrafu C, jew jekk ikun hemm bidla sussegwenti fiċ-ċirkostanzi li tirriżulta f'indicium wieħed jew aktar jiġu assoċjati mal-kont, imbagħad l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tittratta l-kont bħala Kont Rapportabbli fir-rigward ta' kull Stat Membru li għalih indicium jkun ġie identifikat sakemm ma tagħżilx li tapplika s-subparagrafu B(6) u waħda mill-eċċezzjonijiet f'dak is-subparagrafu tapplika fir-rigward ta' dak il-kont.

(c) Jekk struzzjoni ta' “hold mail” jew indirizz ta' “in-care of” jiġi skopert fl-eżami mtejjeb ta' Kontijiet ta' Valur Għoli deskritta fil-paragrafu C, u l-ebda indirizz ieħor u l-ebda indicium ieħor elenkati fis-subparagrafi B(2)(a) sa (e) ma jiġu identifikati għad-Detentur ta' Kont, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tikseb minn tali Detentur ta' Kont awtoċertifikazzjoni jew Evidenza Dokumentarja biex tistabbilixxi r-residenza/i għal finijiet ta' taxxa tad-Detentur ta' Kont. Jekk l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tistax tikseb tali awtoċertifikazzjoni jew Evidenza Dokumentarja, din għandha tirrapporta l-kont lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tagħha bħala kont mhux dokumentat.

6. Jekk Kont Individwali Preeżistenti ma jkunx Kont ta' Valur Għoli fil-31 ta' Diċembru 2015, iżda jsir Kont ta' Valur Għoli fl-aħħar jum ta' sena kalendarja sussegwenti, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tikkompleta l-proċeduri mtejba ta' rieżami deskritti fil-paragrafu C fir-rigward ta' tali kont fis-sena kalendarja wara s-sena li fiha l-kont isir Kont ta' Valur Għoli. Jekk, abbażi ta' dan ir-rieżami tali kont ikun identifikat bħala Kont Rapportabbli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tirrapporta l-informazzjoni meħtieġa dwar tali kont fir-rigward tas-sena li fiha jkun identifikat bħala Kont Rapportabbli u fis-snin sussegwenti fuq bażi annwali, sakemm id-Detentur tal-Kont ma jibqax Persuna Rapportabbli.

7. Ladarba Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tapplika l-proċeduri mtejba ta' rieżami deskritti fil-paragrafu C għall-Kont ta' Valur Għoli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx meħtieġa tapplika mill-ġdid tali proċeduri, minbarra r-rikjesta tal-maniġer għall-kuntatti deskritta fis-subparagrafu C(4), għall-istess Kont ta' Valur Għoli fi kwalunkwe sena sussegwenti sakemm il-kont ikun mhux dokumentat f'liema każ l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha terġa' tapplikahom mill-ġdid kull sena sakemm tali kont ma jibqax mhux dokumentat.

8. Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi fir-rigward ta' Kont ta' Valur Għoli li tirriżulta f'wieħed jew aktar indicia deskritti fis-subparagrafu B(2) li jkunu qed jiġu assoċjati mal-kont, imbagħad l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tittratta l-kont bħala Kont Rapportabbli fir-rigward ta' kull Stat Membru li għalih indicium huwa identifikat sakemm ma jagħżilx li japplika s-subparagrafu B(6) u waħda mill-eċċezzjonijiet f'dak is-subparagrafu tapplika fir-rigward ta' dak il-kont.

9. Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha timplimenta proċeduri biex tiżgura li maniġer tal-kuntatti jidentifika kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanzi ta' kont. Pereżempju, jekk maniġer tal-kuntatti jiġi nnotifikat li d-Detentur tal-Kont ikollu indirizz postali ġdid fi Stat Membru, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tkun meħtieġa tittratta l-indirizz il-ġdid bħala bidla fiċ-ċirkostanzi u, jekk tagħżel li tapplika s-subparagrafu B(6), tkun meħtieġa tikseb d-dokumentazzjoni xierqa mingħand id-Detentur tal-Kont.

D. Ir-rieżami ta' Kontijiet Individwali Preeżistenti ta' Valur Għoli għandu jitlesta sal-31 ta' Diċembru 2016. Ir-rieżami ta' Kontijiet Individwali Preeżistenti ta' Valur Inqas għandu jitlesta sal-31 ta' Diċembru 2017.

E. Kwalunkwe Kont Individwali Preeżistenti li jkun ġie identifikat bħala Kont Rapportabbli taħt din it-Taqsima għandu jkun trattat bħala Kont Rapportabbli fis-snin sussegwenti kollha, sakemm id-Detentur tal-Kont ma jibqax Persuna Rapportabbli.

TAQSIMA IV

DILIĠENZA DOVUTA GĦAL KONTIJIET INDIVIDWALI ĠODDA

Il-proċeduri li ġejjin japplikaw għal finijiet ta' identifikazzjoni ta' Kontijiet Rapportabbli fost Kontijiet Individwali Ġodda.

A. Fir-rigward ta' Kontijiet Individwali Ġodda, malli jinfetaħ il-kont, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tikseb awtoċertifikazzjoni, li tista' tkun parti mid-dokumentazzjoni tal-ftuħ tal-kont, li tippermetti lill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tiddetermina r-residenza/i tad-Detentur tal-Kont għal finijiet ta' taxxa u tikkonferma r-raġonevolezza ta' tali awtoċertifikazzjoni bbażata fuq l-informazzjoni miksuba mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti b'konnessjoni mal-ftuħ tal-kont, inkluża kwalunkwe dokumentazzjoni miġbura skont il-Proċeduri AML/KYC.

B. Jekk l-awtoċertifikazzjoni tistabbilixxi li d-Detentur tal-Kont huwa residenti għal finijiet ta' taxxa fi Stat Membru, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tittratta l-kont bħala Kont Rapportabbli u l-awtoċertifikazzjoni trid tinkludi wkoll it-TIN tad-Detentur tal-Kont fir-rigward ta' tali Stat Membru (soġġett għall-paragrafu D tat-Taqsima I) u d-data tat-twelid.

C. Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi fir-rigward ta' Kont Individwali Ġdid li tikkawża lill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti li tkun taf, jew li jkollha raġuni biex tkun taf, li l-awtoċertifikazzjoni oriġinali hija żbaljata jew mhux affidabbli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tistax tiddependi fuq l-awtoċertifikazzjoni oriġinali u għandha tikseb awtoċertifikazzjoni valida li tistabbilixxi r-residenza(i) għal finijiet ta' taxxa tad-Detentur tal-Kont.

TAQSIMA V

DILIĠENZA DOVUTA GĦAL KONTIJIET TA' ENTITÀ PREEŻISTENTI

Il-proċeduri li ġejjin japplikaw għal finijiet ta' identifikazzjoni ta' Kontijiet Rapportabbli fost il-Kontijiet ta' Entità Preeżistenti.

A. Kontijiet ta' Entità Mhux Meħtieġa li Jiġu Eżaminati, Identifikati jew Rappurtati. Sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tiddeċidix mod ieħor, jew fir-rigward tal-Kontijiet ta' Entità Preeżistenti kollha jew, separatament, fir-rigward ta' kwalunkwe grupp identifikat b'mod ċar ta' tali kontijiet, Kont ta' Entità Preeżistenti b'bilanċ tal-kont aggregat jew valur li ma jaqbiżx, fil-31 ta' Diċembru 2015, ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 250 000 , mhuwiex meħtieġ li jiġi rieżaminat, identifikat, jew rappurtat bħala Kont Rapportabbli sakemm il-bilanċ tal-kont aggregat jew il-valur ma jaqbiżx dak l-ammont mill-aħħar jum ta' kwalunkwe sena kalendarja.

B. Kontijiet ta' Entità soġġetti għal Eżami. Kont ta' Entità Preeżistenti li għandu bilanċ tal-kont jew valur aggregat li jaqbeż, mill-31 ta' Diċembru 2015, ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 250 000 , u Kont ta' Entità Preeżistenti li ma jaqbiżx, fil-31 ta' Diċembru 2015, dak l-ammont iżda l-bilanċ tal-kont jew il-valur aggregat jaqbeż tali ammont mill-aħħar jum ta' kwalunkwe sena kalendarja sussegwenti, għandhom jiġu eżaminati skont il-proċeduri stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu D.

C. Kontijiet ta' Entità li fir-Rigward Tagħhom Hu Meħtieġ Rappurtar. Fir-rigward tal-Kontijiet ta' Entità Preeżistenti deskritti fil-paragrafu B, huma biss dawk il-kontijiet li huma miżmuma minn Entità waħda jew aktar li huma Persuni Rapportabbli, jew minn NFEs Passivi bi Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li jkunu Persuni Rapportabbli, għandhom jiġu ttrattati bħala Kontijiet Rapportabbli.

D. Proċeduri ta' Rieżami biex jiġu Identifikati Kontijiet tal-Entità li fir-Rigward Tagħhom Hu Meħtieġ Rappurtar. Għall-Kontijiet ta' Entità Preeżistenti deskritti fil-paragrafu B, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tapplika l-proċeduri ta' eżami li ġejjin biex ikun ddeterminat jekk il-kont huwiex miżmum minn Persuna Rapportabbli waħda jew aktar, jew minn NFEs Passivi bi Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li jkunu Persuni Rapportabbli:

1. Tiddetermina Jekk l-Entità Tkunx Persuna Rapportabbli.

(a) L-informazzjoni tal-eżami li tinżamm għal finijiet regolatorji jew ta' kuntatti mal-klijent (inkluża informazzjoni miġbura skont il-proċeduri AML/KYC) biex jiġi determinat jekk l-informazzjoni tindikax li d-Detentur tal-Kont huwiex residenti fi Stat Membru. Għal dan il-għan, l-informazzjoni li tindika li d-Detentur ta' Kont ikun residenti fi Stat Membru tinkludi post ta' inkorporazzjoni jew organizzazzjoni, jew indirizz fi Stat Membru.

(b) Jekk l-informazzjoni tindika li d-Detentur ta' Kont ikun residenti fi Stat Membru, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tittratta l-kont bħala Kont Rapportabbli sakemm ma tiksibx awtoċertifikazzjoni mid-Detentur tal-Kont, jew b'mod raġonevoli tiddetermina abbażi tal-informazzjoni li jkollha jew li tkun pubblikament disponibbli, li d-Detentur tal-Kont mhuwiex Persuna Rapportabbli.

2. Tiddetermina Jekk l-Entità tkunx NFE Passiva b'Persuna Kontrollanti Waħda jew Aktar li Jkunu Persuni Rapportabbli. Fir-rigward ta' Detentur ta' Kont ta' Entità Preeżistenti (inkluż Entità li tkun Persuna Rapportabbli), l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tiddetermina jekk id-Detentur tal-Kont huwiex NFE Passiva bi Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li jkunu Persuni Rapportabbli. Jekk kwalunkwe waħda mill-Persuni Kontrollanti ta' NFE Passiva tkun Persuna Rapportabbli, il-kont għandu jiġi ttrattat bħala Kont Rapportabbli. Meta tagħmel dawn id-determinazzjonijiet l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha ssegwi l-gwida fis-subparagrafi D(2)(a) sa (c) fl-ordni l-aktar adatta taħt iċ-ċirkustanzi.

(a) Jiġi ddeterminat jekk id-Detentur tal-Kont ikunx NFE Passiva. Għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk id-Detentur tal-Kont ikunx NFE Passiva, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tikseb awtoċertifikazzjoni mingħand id-Detentur tal-Kont biex jiġi stabbilit l-istatus tiegħu, sakemm ma tiddeterminax b'mod raġonevoli abbażi ta' informazzjoni fil-pussess tagħha jew li tkun pubblikament disponibbli, li d-Detentur tal-Kont ikun NFE Attiva jew Istituzzjoni Finanzjarja li ma tkunx Entità tal-Investiment deskritta fis-subparagrafu A(6)(b) tat-Taqsima VIII li ma tkunx Istituzzjoni Finanzjarja Parteċipanti tal-Ġurisdizzjoni.

(b) Jiġu determinati l-Persuni Kontrollanti ta' Detentur tal-Kont. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta' Detentur tal-Kont, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' toqgħod fuq l-informazzjoni miġbura u miżmuma skont il-Proċeduri AML/KYC.

(c) Jiġi determinat jekk Persuna Kontrollanti ta' NFE Passiva tkunx Persuna Rapportabbli. Għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk Persuna Kontrollanti ta' NFE Passiva tkunx Persuna Rapportabbli, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' toqgħod fuq:

(i) informazzjoni miġbura u miżmuma skont il-Proċeduri AML/KYC fil-każ ta' Kont ta' Entità Preeżistenti miżmum minn NFE waħda jew aktar bi bilanċ tal-kont jew tal-valur aggregat li ma jaqbiżx ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 1 000 000 ; jew

(ii) awtoċertifikazzjoni mid-Detentur tal-Kont jew tali Persuna Kontrollanti tal-Istat(i) Membru(i) jew ġurisdizzjoni(jiet) oħra fejn il-Persuna Kontrollanti tkun residenti għall-finijiet ta' taxxa.

E. L-għażla ta' żmien tar-Rieżami u Proċeduri Addizzjonali Applikabbli għall-Kontijiet tal-Entità Preeżistenti

1. L-eżami ta' Kontijiet ta' Entità Preeżistenti b'bilanċ tal-kont jew valur aggregat li jaqbeż, fil-31 ta' Diċembru 2015, ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 250 000 , irid jitlesta sal-31 ta' Diċembru 2017.

2. L-eżami ta' Kontijiet ta' Entità Preeżistenti b'bilanċ tal-kont jew valur aggregat li ma jaqbiżx, fil-31 ta' Diċembru 2015, ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 250 000 iżda jaqbeż dak l-ammont mill-31 ta' Diċembru ta' sena sussegwenti, irid jitlesta fis-sena kalendarja ta' wara s-sena li fiha l-bilanċ tal-kont jew valur aggregat jaqbeż tali ammont.

3. Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi fir-rigward ta' Kont ta' Entità Preeżistenti li tikkawża lill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti li tkun taf, jew ikollha raġuni li tkun taf, li l-awtoċertifikazzjoni jew dokumentazzjoni oħra assoċjata ma' kont hija żbaljata jew mhux affidabbli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha terġa' tiddetermina l-istatus tal-kont skont il-proċeduri stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu D.

TAQSIMA VI

DILIĠENZA DOVUTA GĦAL KONTIJIET TA' ENTITÀ ĠODDA

Il-proċeduri li ġejjin japplikaw għal finiijiet ta' identifikazzjoni ta' Kontijiet Rapportabbli fost il-Kontijiet ta' Entità Ġodda.

Proċeduri ta' Rieżami biex jiġu Identifikati Kontijiet tal-Entità li fir-Rigward Tagħhom Hu Meħtieġ Rappurtar. Għal Kontijiet ta' Entità Ġodda, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tapplika dawn il-proċeduri ta' eżami li ġejjin biex jiġi determinat jekk il-kont ikunx miżmum minn Persuna Rapportabbli waħda jew aktar, jew minn NFEs Passivi b'Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li jkunu Persuni Rapportabbli:

1. Tiddetermina Jekk l-Entità Tkunx Persuna Rapportabbli.

(a) Tikseb awtoċertifikazzjoni, li tista' tkun parti mid-dokumentazzjoni għall-ftuħ tal-kont, li biha l-Istituzzjoni finanzjarja Rapportanti tkun tista' tiddetermina r-residenza(i) tad-Detentur tal-Kont għal finijiet ta' taxxa u tikkonferma r-raġonevolezza ta' tali awtoċertifikazzjoni abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti b'rabta mal-ftuħ tal-kont, inkluż kwalunkwe dokumentazzjoni miġbura skont il-Proċeduri AML/KYC. Jekk l-entità tiċċertifika li ma għandha l-ebda residenza għal finijiet ta' taxxa, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' toqgħod fuq l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-Entità biex tiġi determinata r-residenza tad-Detentur tal-Kont.

(b) Jekk l-awtoċertifikazzjoni tindika li d-Detentur ta' Kont ikun residenti fi Stat Membru, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tittratta l-kont bħala Kont Rapportabbli, sakemm hija raġonevolment tiddetermina abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha jew li tkun disponibbli għall-pubbliku li d-Detentur tal-Kont ma jkunx Persuna Rapportabbli fir-rigward ta' tali Stat Membru.

2. Tiddetermina Jekk l-Entità tkunx NFE Passiva bi Persuna Kontrollanti Waħda jew Aktar li Jkunu Persuni Rapportabbli. Fir-rigward ta' Detentur ta' Kont ta' Entità Ġdid (inkluż Entità li tkun Persuna Rapportabbli), l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tiddetermina jekk id-Detentur tal-Kont huwiex NFE Passiva bi Persuna Kontrollanti waħda jew aktar li jkunu Persuni Rapportabbli. Jekk kwalunkwe waħda mill-Persuni Kontrollanti ta' NFE Passiva tkun Persuna Rapportabbli, il-kont għandu jiġi ttrattat bħala Kont Rapportabbli. Meta tagħmel dawn id-determinazzjonijiet l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha ssegwi l-gwida fis-subparagrafi A(2)(a) sa (c) fl-ordni l-aktar adatta taħt iċ-ċirkustanzi.

(a) Jiġi ddeterminat jekk id-Detentur tal-Kont ikunx NFE Passiva. Għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk id-Detentur tal-Kont ikunx NFE Passiva, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha toqgħod fuq awtoċertifikazzjoni mingħand id-Detentur tal-Kont biex jiġi stabbilit l-istatus tiegħu, sakemm ma jkollhiex informazzjoni fil-pussess tagħha jew li tkun pubblikament disponibbli, li abbażi tagħha tista' raġonevolment tiddetermina li d-Detentur tal-Kont ikun NFE Attiva jew Istituzzjoni Finanzjarja li ma tkunx Entità tal-Investiment deskritta fis-subparagrafu A(6)(b) tat-Taqsima VIII li ma tkunx Istituzzjoni Finanzjarja Parteċipanti tal-Ġurisdizzjoni.

(b) Jiġu determinati l-Persuni Kontrollanti ta' Detentur tal-Kont. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Persuni Kontrollanti ta' Detentur tal-Kont, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' toqgħod fuq l-informazzjoni miġbura u miżmuma skont il-Proċeduri AML/KYC.

(c) Jiġi determinat jekk Persuna Kontrollanti ta' NFE Passiva tkunx Persuna Rapportabbli. Għal finijiet ta' determinazzjoni dwar jekk Persuna Kontrollanti ta' NFE Passiva tkunx Persuna Rapportabbli, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' toqgħod fuq awtoċertifikazzjoni mingħand id-Detentur tal-Kont jew tali Persuna Kontrollanti.

TAQSIMA VII

REGOLI TA' DILIĠENZA DOVUTA SPEĊJALI

Ir-regoli addizzjonali li ġejjin japplikaw fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' diliġenza dovuta deskritti hawn fuq:

A. Dipendenza fuq Awtoċertifikazzjonijiet u Evidenza Dokumentata. Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tistax toqgħod fuq l-awtoċertifikazzjoni jew l-Evidenza Dokumentata jekk l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tkun taf jew għandha raġuni biex tkun taf li l-awtoċertifikazzjoni jew l-Evidenza Dokumentata hija żbaljata jew mhux affidabbli.

B. Proċeduri alternattivi għal Kontijiet Finanzjarji Miżmuma minn Benefiċjarji Individwali ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità u għal Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus ta' Grupp jew Kuntratt ta' Annwalità ta' Grupp. Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' tippreżumi li benefiċjarju individwali (għajr is-sid) ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità li jirċievi benefiċċju tal-mewt ma jkunx Persuna Rapportabbli u tista' tittratta tali Kont Finanzjarju bħala differenti minn Kont Rapportabbli sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ikollha għarfien dwar il-fatt, jew ikollha raġuni biex tkun taf, li l-benefiċjarju jkun Persuna Rapportabbli. Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jkollha raġuni biex tkun taf li benefiċjarju ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità jkun Persuna Rapportabbli jekk l-informazzjoni miġbura mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti u assoċjata mal-benefiċjarju jkun fiha indicia kif deskritt fil-paragrafu B tat-Taqsima III. Jekk Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tkun attwalment taf, jew ikollha raġuni biex tkun taf, li l-benefiċjarju jkun Persuna Rapportabbli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha ssegwi l-proċeduri fil-paragrafu B tat-Taqsima III.

Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' tittratta Kont Finanzjarju li jkun l-interess ta' membru f'Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus ta' Grupp jew Kuntratt ta' Annwalità ta' Grupp bħala Kont Finanzjarju li ma jkunx Kont Rapportabbli qabel id-data li fiha jkun pagabbli ammont lill-impjegat/id-detentur taċ-ċertifikat jew il-benefiċjarju, jekk il-Kont Finanzjarju li jkun l-interess ta' membru f'Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus ta' Grupp jew Kuntratt ta' Annwalità ta' Grupp jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i) il-Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus ta' Grupp jew Kuntratt ta' Annwalità jinħareġ lil impjegatur u jkopri 25 impjegat/detentur taċ-ċertifikat jew aktar;

(ii) l-impjegat/id-detenturi ta' ċertifikat huma intitolati jirċievu kwalunkwe valur tal-kuntratt relatat mal-interessi tagħhom u jinnominaw benefiċjarji għall-benefiċċju pagabbli mal-mewt tal-impjegat; u

(iii) l-ammont aggregat pagabbli lil kwalunkwe impjegat/detentur taċ-ċertifikat jew benefiċjarju ma jaqbiżx ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 1 000 000 .

It-terminu “Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus ta' Grupp” ifisser Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus li (i) jipprovdi kopertura għal individwi li jkunu affiljati permezz ta' impjegatur, assoċjazzjoni kummerċjali, union tal-ħaddiema, jew assoċjazzjoni jew grupp ieħor; u (ii) jimponi primjum fuq kull membru tal-grupp (jew membru ta' klassi fi ħdan grupp) li jkun determinat bla ma jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi individwali tas-saħħa għajr l-età, is-sess, u d-drawwiet tat-tipjip ta' membru (jew klassi ta' membri) tal-grupp.

It-terminu “Kuntratt ta' Annwalità ta' Grupp” ifisser Kuntratt ta' Annwalità li taħtu l-interessati huma individwi li jkunu affiljati permezz ta' impjegatur, assoċjazzjoni kummerċjali, union tal-ħaddiema, jew assoċjazzjoni jew grupp ieħor.

C. Aggregat tal-Bilanċ tal-Kont u Regoli tal-Munita

1. Aggregat ta' Kontijiet Individwali. Għall-finijiet biex jiġi determinat il-bilanċ jew il-valur aggregat ta' Kontijiet Finanzjarji miżmuma minn individwu, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hi meħtieġa li tiġbor flimkien il-Kontijiet Finanzjarji kollha miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti, jew minn Entità Relatata, iżda biss sal-punt li s-sistemi kompjuterizzati tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jkollhom konnessjoni mal-Kontijiet Finanzjarji permezz ta' referenza għal element ta' data bħal numru tal-klijent jew TIN, u jippermettu li l-bilanċi jew il-valuri tal-kont jiġu aggregati. Kull detentur ta' Kont Finanzjarju miżmum konġuntament għandu jiġi attribwit l-bilanċ jew il-valur totali tal-Kont Finanzjarju miżmum konġuntament għall-fini li jiġu applikati r-rekwiżiti ta' aggregazzjoni deskritti f'dan is-subparagrafu.

2. Aggregazzjoni tal-Kontijiet ta' Entità. Għall-finijiet biex jiġi determinat il-bilanċ jew il-valur aggregat ta' Kontijiet Finanzjarji miżmuma minn Entità, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hi meħtieġa li tikkunsidra l-Kontijiet Finanzjarji kollha miżmuma mill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti, jew minn Entità Relatata, iżda biss sal-punt li s-sistemi kompjuterizzati tal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti jkollhom konnessjoni mal-Kontijiet Finanzjarji permezz ta' referenza għal element ta' data bħal numru tal-klijent jew TIN, u jippermettu li l-bilanċi jew il-valuri tal-kont jiġu aggregati. Kull detentur ta' Kont Finanzjarju miżmum konġuntament għandu jiġi attribwit il-bilanċ jew il-valur totali tal-Kont Finanzjarju miżmum konġuntament għall-fini li jiġu applikati r-rekwiżiti ta' aggregazzjoni deskritti f'dan is-subparagrafu.

3. Regola ta' Aggregazzjoni Speċjali Applikabbli għal Maniġers tal-Kuntatti. Għall-finijiet biex jiġi determinat il-bilanċ jew il-valur aggregat ta' Kontijiet Finanzjarji miżmuma minn persuna biex ikun determinat jekk Kont Finanzjarju huwiex Kont ta' Valur Għoli, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hi meħtieġa wkoll, fil-każ ta' kwalunkwe Kont Finanzjarju li dwaru maniġer tal-kuntatti jkun jaf jew ikollu raġuni biex ikun jaf, li dan ikun direttament jew indirettament jappartjeni lil, ikkontrollat, jew stabbilit (ħlief f'kapaċità fiduċjarja) mill-istess persuna, biex jiġbor flimkien dawn il-kontijiet kollha.

4. Ammonti Moqrija bħala li Jinkludu l-Ekwivalenti f'Muniti Oħra. L-ammonti kollha denominati fil-munita domestika ta' kull Stat Membru għandhom jinqraw li jinkludu ammonti ekwivalenti f'muniti oħrajn, kif iddeterminat mil-liġi domestika.

TAQSIMA VIII

TERMINI MFISSRA

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom it-tifsiriet stipulati hawn taħt:

A.   Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti

1. It-terminu “Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti” jfisser kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja ta' Stat Membru li mhijiex Istituzzjoni Finanzjarja Nonrapportanti. It-terminu “Istituzzjoni Finanzjarja ta' Stat Membru” jfisser (i) kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja li tkun residenti fi Stat Membru, iżda jeskludi kwalunkwe fergħa ta' dik l-Istituzzjoni Finanzjarja li ma tinsabx f'dak l-Istat Membru, u (ii) kwalunkwe fergħa ta' Istituzzjoni Finanzjarja li ma tkunx residenti fi Stat Membru, jekk dik il-fergħa tkun tinsab f'dak l-Istat Membru.

2. It-terminu “Istituzzjoni Finanzjarja Parteċipanti tal-Ġurisdizzjoni” jfisser (i) kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja li hija residenti f'Ġurisdizzjoni Parteċipanti, iżda jeskludi kwalunkwe fergħa ta' dik l-Istituzzjoni Finanzjarja li ma tinsabx barra dik il-Ġurisdizzjoni Parteċipanti, u (ii) kwalunkwe fergħa ta' Istituzzjoni Finanzjarja li mhijiex residenti f'Ġurisdizzjoni Parteċipanti, jekk dik il-fergħa tkun tinsab f'dik il-Ġurisdizzjoni Parteċipanti.

3. It-terminu “Istituzzjoni Finanzjarja” jfisser Istituzzjoni ta' Kustodja, Istituzzjoni Depożitorja, Entità ta' Investiment, jew Kumpannija tal-Assigurazzjoni Speċifika.

4. It-terminu “Istituzzjoni Finanzjarja” jfisser Istituzzjoni ta' Kustodja, Istituzzjoni Depożitorja, Entità ta' Investiment, jew Kumpannija tal-Assigurazzjoni Speċifika. Entità żżomm Assi Finanzjarji akkont ta' oħrajn bħala porzjon sostanzjali tan-negozju tagħha jekk l-introjtu gross tal-Entità attribwibbli għaż-żamma ta' Assi Finanzjarji u servizzi finanzjarji relatati jkun ugwali jew jaqbeż l-20 % tal-introjtu gross tal-Entità matul l-iqsar wieħed minn: (i) il-perijodu ta' tliet snin li jintemm fil-31 ta' Diċembru (jew l-aħħar jum ta' perijodu tal-kontabilità ta' sena mhux kalendarja) qabel is-sena li fiha ssir id-determinazzjoni; jew (ii) il-perijodu li matulu l-Entità tkun ilha teżisti.

5. It-terminu “Istituzzjoni Depożitorja” jfisser kwalunkwe Entità li taċċetta depożiti fil-kors ordinarju tan-negozju bankarju jew wieħed simili.

6. It-terminu “Entità tal-Investiment” ifisser kwalunkwe entità:

(a) li primarjament twettaq bħala negozju wieħed jew aktar mill-attivitajiet jew operazzjonijiet li ġejjin għal jew f'isem klijent:

(i) kummerċ fi strumenti tas-suq monetarju (ċekkijiet, kambjali, ċertifikati tad-depożitu, derivati, eċċ.); kambju barrani, kambju, rati tal-interess u strumenti tal-indiċi; titoli trasferibbli; jew negozju fi futures tal-komoditajiet;

(ii) ġestjoni individwali jew kollettiva tal-portafoll; jew

(iii) inkella investiment, amministrar, jew maniġġar ta' Assi Finanzjarji jew flus f'isem persuni oħra;

jew

(b) li l-introjtu gross tiegħu huwa primarjament attribwibbli għal investiment, investiment mill-ġdid, jew negozju f'Assi Finanzjarji, jekk l-Entità hija ġestita minn Entità oħra li tkun Istituzzjoni Depożitorja, Istituzzjoni ta' Kustodja, Kumpannija tal-Assigurazzjoni Speċifikata, jew Entità tal-Investiment kif deskritt fis-subparagrafu A(6)(a).

Entità tiġi trattata bħala li tkun qed primarjament tmexxi bħala negozju waħda jew aktar mill-attivitajiet tagħha deskritti fis-subparagrafu A(6)(a), jew introjtu gross ta' Entità jiġi primarjament attribwibbli għal investiment, investiment mill-ġdid, jew negozju f'Assi Finanzjarji għall-finijiet tas-subparagrafu A(6)(b), jekk l-introjtu gross tal-Entità attribwibbli għall-attivitajiet rilevanti jkun ugwali jew jaqbeż il-50 % tal-introjtu gross tal-Entità matul l-iqsar wieħed minn: (i) il-perijodu ta' tliet snin li jintemm fil-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel is-sena li fiha ssir id-determinazzjoni; jew (ii) il-perijodu li matulu l-Entità tkun ilha teżisti. It-terminu “Entità tal-Investiment” ma jinkludix Entità li tkun NFE Attiva għaliex dik l-Entità tissodisfa kwalunkwe kriterju fis-subparagrafi D(8)(d) sa (g).

Dan il-paragrafu għandu jkun interpretat b'mod li jkun konsistenti ma' lingwaġġ simili stipulat fid-definizzjoni ta' “istituzzjoni finanzjarja” fir-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja.

7. It-terminu “Ass Finanzjarju” jinkludi titolu (pereżempju, sehem minn stokk f'korporazzjoni; sħubija jew interess benefiċjarju titolari fi sħubija jew fiduċjarja korporattiva miżmuma b'mod wiesa' jew innegozjata pubblikament; kambjala, bond, obbligazzjoni, jew evidenza oħra ta' pożizzjoni ta' dejn), interess fi sħubija, prodotti, swap (pereżempju, swaps tar-rata ta' interess, swaps ta' munita, basis swaps, caps fuq ir-rati ta' imgħax, rati ta' imgħax minimi (interest rate floors), swaps ta' komoditajiet, swaps ta' ekwità, swaps tal-indiċi ta' ekwità, u ftehimiet simili), Kuntratt tal-Assigurazzjoni jew Kuntratt ta' Annwalità, jew kwalunkwe interess (inklużi futures jew kuntratt jew opzjoni forward) f'titolu, interess fi sħubija, prodott, swap, Kuntratt tal-Assigurazzjoni, jew Kuntratt ta' Annwalità. It-terminu “Assi Finanzjarju” ma jinkludix interess dirett mingħajr dejn fi proprjetà immobbli.

8. It-terminu “Kumpanija Speċifikata tal-Assigurazzjoni” jfisser Entità li tkun kumpanija tal-assigurazzjoni (jew il-kumpanija holding ta' kumpanija tal-assigurazzjoni) li toħroġ, jew li tkun obbligata tagħmel pagamenti fir-rigward ta', Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità.

B.   Istituzzjoni Finanzjarja Nonrapportanti

1. It-terminu “Istituzzjoni Finanzjarja Nonrapportanti” jfisser kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja li tkun:

(a) entità governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali, ħlief fir-rigward ta' pagament li huwa derivat minn obbligu li jkun hemm f'konnessjoni ma' attività finanzjarja kummerċjali tat-tip li tkun attiva fiha Kumpanija Speċifikata tal-Assigurazzjoni, Istituzzjoni ta' Kustodja, jew Istituzzjoni Depożitorja;

(b) fond għall-Irtirar bi Parteċipazzjoni Wiesgħa; Fond għall-Irtirar bi Parteċipazzjoni Limitata; Fond għall-Pensjonijiet ta' Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali; jew Emittent Kwalifikat tal-Karti ta' Kreditu;

(c) kwalunkwe Entità oħra li tippreżenta riskju baxx li tintuża biex tevadi t-taxxa, ikollha karatteristiċi sostanzjalment simili għal kwalunkwe waħda mill-Entitajiet deskritti fis-subparagrafi B(1)(a) u (b), u tkun inkluża fil-lista ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji Nonrapportanti msemmija fl-Artikolu 8(7a) ta' din id-Direttiva, sakemm l-istatus ta' tali Entità bħala Istituzzjoni Finanzjarja Nonrapportanti ma tiffrustrax l-għanijiet ta' din id-Direttiva;

(d) mezz Kollettiv ta' Investiment Eżentat; jew

(e) trust sal-punt li l-fiduċjarju tat-trust tkun Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti u tirrapporta l-informazzjoni kollha meħtieġa li tiġi rappurtata skont it-Taqsima I fir-rigward tal-Kontijiet Rapportabbli kollha tat-trust.

2. It-terminu “Entità Governattiva” jfisser il-gvern ta' Stat Membru jew ġurisdizzjoni oħra, kwalunkwe suddiviżjoni politika ta' Stat Membru jew ġurisdizzjoni oħra (li, biex jiġi evitat id-dubju, jinkludi stat, provinċja, kontea, jew muniċipalità), jew kwalunkwe aġenzija jew mezz strumentali b'appartenenza totali ta' Stat Membru jew ġurisdizzjoni oħra jew ta' kwalunkwe wieħed jew iktar ta' dan ta' qabel (kull waħda minnhom, “Entità Governattiva”). Din il-kategorija hi magħmula mill-partijiet integrali, l-entitajiet ikkontrollati, u s-suddiviżjonijiet politiċi ta' Stat Membru jew ġurisdizzjoni oħra.

(a) “Parti integrali” ta' Stat Membru jew ġurisdizzjoni oħra tfisser kwalunkwe persuna, organizzazzjoni, aġenzija, bureau, fond, strument, jew korp ieħor, jissemma kif jissemma, li tikkostitwixxi awtorità governattiva ta' Stat Membru jew ġurisdizzjoni oħra. Il-qligħ nett tal-awtorità governattiva għandu jiġi akkreditat lill-kont proprju jew kontijiet oħra tal-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra, u ebda sehem ma għandu jkun għall-benefiċċju ta' xi persuna privata. Parti integrali ma tinkludix xi individwu li huwa sovran, uffiċjal, jew amministratur li jaġixxi f'kapaċità privata jew personali.

(b) “Entità kkontrollata” tfisser Entità li hija separata fil-forma minn Stat Membru jew ġurisdizzjoni oħra jew li inkella tikkostitwixxi entità ġuridika separata, dment li:

(i) l-Entità tappartjeni kompletament u hija kkontrollata minn Entità Governattiva waħda jew aktar direttament jew minn entità kkontrollata waħda jew aktar;

(ii) il-qligħ nett tal-Entità jkunu akkreditati fil-kont proprju jew fil-kontijiet ta' Entità Governattivawaħda jew aktar, u ebda sehem tal-introjtu tagħha ma għandu jkun għall-benefiċċju ta' xi persuna privata; u

(iii) mal-likwidazzjoni, l-assi tal-Entità huma vestiti f'Entità Governattivawaħda jew aktar.

(c) L-introjtu ma jkunx għall-benefiċċju ta' persuni privati jekk tali persuni jkunu l-benefiċjarji intenzjonati ta' programm governattiv, u l-attivitajiet tal-programm jitwettqu għall-pubbliku inġenerali fir-rigward tal-benessri komuni jew jirrigwardaw l-amministrazzjoni ta' xi fażi tal-gvern., Minkejja dan ta' hawn fuq, l-introjtu jitqies li jkun għall-benefiċċju ta' persuni privati jekk l-introjtu jkun derivat mill-użu ta' Entità Governattiva biex tmexxi negozju kummerċjali, bħal negozju bankarju kummerċjali, li jipprovdi servizzi finanzjarji lil persuni privati.

3. It-terminu “Organizzazzjoni Internazzjonali” jfisser kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali jew aġenzija akkwiżita totalment jew mezz strumentali tagħha. Din il-kategorija tinkludi organizzazzjoni intergovernattiva (inkluża organizzazzjoni supranazzjonali) (i) li hi primarjament magħmula minn gvernijiet; (ii) li għandha fil-fatt kwartieri ġenerali jew ftehim sostanzjalment simili mal-Istat Membru; u (iii) li l-introjtu tagħha ma jkunx għall-benefiċċju ta' persuni privati.

4. It-terminu “Bank Ċentrali” jfisser istituzzjoni li hija bil-liġi jew sanzjoni tal-gvern l-awtorità prinċipali, minbarra l-gvern tal-Istat Membru stess, li toħroġ strumenti maħsuba biex jiċċirkolaw bħala munita. Tali istituzzjoni tista' tinkludi strument li jkun separat mill-gvern tal-Istat Membru, irrispettivament jekk tkunx akkwiżita totalment jew parzjalment mill-Istat Membru.

5. It-terminu “Fond għall-Irtirar bi Parteċipazzjoni Wiesgħa”jfisser fond stabbilit biex jipprovdi benefiċċji għal irtirar, diżabbiltà, jew mewt, jew kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn, għal benefiċjarji li huma attwalment jew preċedentement impjegati (jew persuni maħtura minn dawn l-impjegati) ta' wieħed jew aktar impjegaturi f'konsiderazzjoni għal servizzi mogħtija, sakemm il-fond:

(a) ma jkollux benefiċjarju wieħed bi dritt għal aktar minn 5 % tal-assi tal-fond;

(b) huwa soġġett għal regolamentazzjoni mill-gvern u jipprovdi informazzjoni ta' rappurtar lill-awtoritajiet tat-taxxa; u

(c) jissodisfa mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(i) il-fond ġeneralment huwa eżentat mit-taxxa fuq l-introjtu mill-investiment, jew it-tassazzjoni ta' tali introjtu jkun differit jew intaxxat b'rata mnaqqsa, minħabba l-istatus tiegħu ta' pjan tal-irtirar jew tal-pensjoni;

(ii) il-fond jirċievi tal-anqas 50 % tat-total ta' kontribuzzjonijiet tiegħu (minbarra trasferimenti ta' assi minn pjanijiet oħra deskritti fis-subparagrafi B(5) sa (7) jew minn kontijiet ta' rtirar u pensjonijiet deskritti fis-subparagrafu C(17)(a)) mill-impjegaturi li jkun qed jisponsorjaw;

(iii) Id-distribuzzjonijiet jew il-ġbid ta' flus mill-fond huma permessi biss meta jseħħu avvenimenti speċifiċi relatati ma' rtirar, diżabbiltà, jew mewt (ħlief distribuzzjonijiet imġedda għal fondi oħrajn tal-irtirar deskritti fis-subparagrafi B(5) sa (7) jew kontijiet ta' rtirar u pensjonijiet deskritti fis-subparagrafu C(17)(a)), jew japplikaw penali għad-distribuzzjonijiet jew ġbid ta' flus li jseħħu qabel tali avvenimenti speċifikati; jew

(iv) il-kontribuzzjonijiet (minbarra ċerti kontribuzzjonijiet make-up li jkunu permessi) mill-impjegati għall-fond huma limitati b'referenza għall-introjtu ggwadanjat tal-impjegat jew ma jistax jaqbeż, annwalment, ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 50 000 , bl-applikazzjoni tar-regoli stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu C tat-Taqsima VII għall-aggregazzjoni tal-kont u tal-qlib tal-munita.

6. It-terminu “Fond għall-Irtirar bi Parteċipazzjoni Limitata” jfisser fond stabbilit biex jipprovdi benefiċċji għal irtirar, diżabbiltà, jew mewt lil benefiċjarji li huma impjegati attwali jew preċedenti (jew persuni maħtura minn dawn l-impjegati) ta' sid wieħed jew aktar f'konsiderazzjoni għal servizzi mogħtija, sakemm:

(a) il-fond ikollu inqas minn 50 parteċipant;

(b) il-fond huwa sponsorjat minn wieħed jew aktar impjegaturi li mhumiex Entitajiet tal-Investiment jew NFEs passivi;

(c) il-kontribuzzjonijiet tal-impjegati u ta' impjegatur għall-fond (għajr trasferimenti ta' assi minn kontijiet ta' rtirar u pensjonijiet deskritti fis-subparagrafu C(17)(a)) huma limitati b'referenza għall-introjtu ggwadanjat u l-kumpens tal-impjegati, rispettivament;

(d) il-parteċipanti li mhumiex residenti tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fond mhumiex intitolati għal aktar minn 20 % tal-assi tal-fond; u

(e) il-fond huwa soġġett għal regolamentazzjoni mill-gvern u jipprovdi informazzjoni ta' rappurtar lill-awtoritajiet tat-taxxa.

7. It-terminu “Fond għall-Pensjonijiet ta' Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali” jfisser fond stabbilit minn Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali għall-provvediment ta' benefiċċji għal irtirar, diżabbiltà, jew mewt lil benefiċjarji jew parteċipanti li huma impjegati attwali jew preċedenti (jew persuni maħtura minn dawn l-impjegati), jew li ma jkunux impjegati attwali jew preċedenti, jekk il-benefiċċji pprovduti lil tali benefiċjarji jew parteċipanti huma b'konsiderazzjoni ta' servizzi personali mwettqa għall-Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali jew Bank Ċentrali.

8. It-terminu “Emittent Kwalifikat tal-Karti ta' Kreditu” jfisser Istituzzjoni Finanzjarja li tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) l-Istituzzjoni Finanzjarja tkun Istituzzjoni Finanzjarja unikament għaliex tkun emittenti ta' karti tal-kreditu li taċċetta depożiti biss meta konsumatur jagħmel pagament f'eċċess ta' bilanċ dovut fir-rigward tal-karta u l-pagament żejjed ma jiġix immedjatament irritornat lill-klijent; u

(b) fl-1 ta' Jannar 2016 jew qabel, l-Istituzzjoni Finanzjarja timplimenta linji politiċi u proċeduri jew biex timpedixxi lil klijent milli jagħmel pagament żejjed ogħla minn ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 50 000 , jew biex tiżgura li kwalunkwe pagament żejjed ta' klijent ogħla minn dak l-ammont jitħallas lura lill-klijent fi żmien 60 jum, f'kull każ jiġu applikati r-regoli stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu C tat-Taqsima VII għal aggregazzjoni tal-kontijiet u l-qlib tal-munita. Għal din il-fini, pagament żejjed ta' klijent ma jirreferix għal bilanċi tal-kreditu sal-punt ta' imposti kkontestati iżda jinkludi bilanċi tal-kreditu li jirriżultaw mir-ritorn ta' merkanzija.

9. It-terminu “Mezz Kollettiv ta' Investiment Eżentat” ifisser Entità tal-Investiment li tkun regolata bħala mezz kollettiv ta' investiment, sakemm l-interessi kollha fil-mezz kollettiv ta' investiment huma miżmuma minn jew permezz ta' individwi jew Entitajiet li ma jkunux Persuni Rapportabbli, ħlief NFE Passiva b'Persuni li Jikkontrollaw li jkunu Persuni Rapportabbli.

Entità tal-Investiment li hija rregolat bħala mezz kollettiv ta' investiment ma għandhiex ma tikkwalifikax taħt is-subparagrafu B(9) bħala Mezz Kollettiv ta' Investiment Eżentat, unikament minħabba li l-mezz kollettiv ta' investiment ikun ħareġ ishma fiżiċi f'forma ta' bearer, sakemm li:

(a) il-mezz kollettiv ta' investiment ma jkunx ħareġ, u ma joħroġx, xi ishma anonimi wara l-31 ta' Diċembru 2015;

(b) il-mezz kollettiv ta' investiment jirtira l-ishma kollha bħal dawn maċ-ċessjoni;

(c) il-mezz kollettiv ta' investiment iwettaq il-proċeduri ta' diliġenza dovuta stipulati iktar 'il quddiem fit-Taqsimiet II sa VII u jirrapporta kwalunkwe informazzjoni meħtieġa li tiġi rrapportata fir-rigward ta' kwalunkwe sehem bħal dan meta tali ishma jkunu ppreżentati għal ammortament jew pagament ieħor; u

(d) il-mezz kollettiv ta' investiment ikollu fis-seħħ linji politiċi u proċeduri biex jiġi żgurat li tali ishma jinfdew jew jiġu mmobilizzati kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ qabel l-1 ta' Jannar 2018.

C.   Kont Finanzjarju

1. It-terminu “Kont Finanzjarju” jfisser kont miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja, u jinkludi Kont Depożitorju, Kont ta' Kustodja u:

(a) fil-każ ta' Entità tal-Investiment, kwalunkwe interess ta' ekwità jew ta' dejn fl-Istituzzjoni Finanzjarja. Minkejja dan ta' hawn fuq, it-terminu “Kont Finanzjarju” ma jinkludi l-ebda interess fuq ekwità jew dejn f'Entità li tkun Entità tal-Investiment sempliċiment minħabba li (i) tagħti pariri dwar l-investiment, u taġixxi f'isem, jew (ii) timmaniġġja portafolji għal klijent u taġixxi f'ismu għall-finijiet ta' investiment, maniġġjar, jew amministrazzjoni ta' Assi Finanzjarji depożitati f'isem il-klijent ma' Istituzzjoni Finanzjarja għajr dik l-Entità;

(b) fil-każ ta' Istituzzjoni Finanzjarja mhux deskritta fis-subparagrafu C(1)(a), kwalunkwe interess ta' ekwità jew ta' dejn fl-Istituzzjoni Finanzjarja, jekk il-klassi ta' interessi kienet stabbilita għall-fini li jiġi evitat ir-rappurtar skont it-Taqsima I; u

(c) kwalunkwe Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus u kwalunkwe Kuntratt ta' Annwalità maħruġ jew miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja, għajr annwalità immedjata tal-ħajja mhux marbuta ma' investiment u mhux trasferibbli li tinħareġ lil individwu u tiffissal-valur fi flus ta' pensjoni jew benefiċċju ta' diżabbiltà previst taħt kont li jkun Kont Eskluż.

It-terminu “Kont Finanzjarju” ma jinkludi l-ebda kont li jkun Kont Eskluż.

2. It-terminu “Kont Depożitorju” jinkludi kwalunkwe kont kummerċjali, ta' ċċekkjar, ta' tifdil, fiss, jew thrift, jew kont li huwa evidenzjat minn ċertifikat ta' depożitu, ċertifikat ta' tifdil għall-irtirar, ċertifikat ta' investiment, ċertifikat ta' dejn, jew strument ieħor simili miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja matul negozju ordinarju bankarju jew wieħed simili. Kont Depożitorju jinkludi wkoll ammont miżmum minn kumpanija tal-assigurazzjoni skont kuntratt ta' investiment garantit jew ftehim simili biex jitħallas jew jiġi akkreditat interess fuqu.

3. It-terminu “Kont ta' Kustodja” jfisser kont (minbarra Kuntratt ta' Assigurazzjoni jew Kuntratt ta' Annwalità) li jkollu Ass Finanzjarju wieħed jew aktar għall-benefiċċju ta' persuna oħra.

4. It-terminu “Interess fuq Ekwità” jfisser, fil-każ ta' sħubija li hija Istituzzjoni Finanzjarja jew interess fuq kapital jew fuq il-qligħ fi sħubija. Fil-każ ta' trust li tkun Istituzzjoni Finanzjarja, interess fuq Ekwità hu meqjus li jkun miżmum minn kwalunkwe persuna ttrattata bħala settlor jew benefiċjarju tat-trust kollha jew ta' parti minnha, jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll effettiv aħħari fuq it-trust. Persuna Rapportabbli tiġi ttrattata bħala benefiċjarju ta' trust jekk tali Persuna Rapportabbli jkollha d-dritt li tirċievi direttament jew indirettament (pereżempju, permezz ta' nominat) distribuzzjoni mandatorja jew tista' tirċievi, direttament jew indirettament, distribuzzjoni diskrezzjonarja mit-trust.

5. It-terminu “Kuntratt ta' Assigurazzjoni” jfisser kuntratt (minbarra Kuntratt ta' Annwalità) li taħtu l-emittent jaqbel li jħallas ammont mal-okkorrenza ta' kontinġenza speċifikata li tinvolvi mortalità, morbożità, inċident, responsabbiltà, jew riskju tal-proprjetà.

6. It-terminu “Kuntratt ta' Annwalità” jfisser kuntratt li bih l-emittent jaqbel li jagħmel pagamenti għal perjodu ta' żmien determinat fl-intier jew f'parti b'referenza għall-istennija tal-ħajja ta' individwu wieħed jew aktar. It-terminu jinkludi wkoll kuntratt li huwa meqjus bħala kull Kuntratt ta' Annwalità skont il-liġi, ir-regolament jew il-prattika tal-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra li fiha l-kuntratt inħareġ, u taħt liema l-emittent jaqbel li jagħmel pagamenti għal terminu ta' snin.

7. It-terminu “Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus” ifisser Kuntratt tal-Assigurazzjoni (minbarra kuntratt tar-riassigurazzjoni ta' indennizz bejn żewġ kumpanniji tal-assigurazzjoni) li għandu Valur fi Flus.

8. It-terminu “Valur fi Flus” ifisser l-ikbar minn (i) l-ammont li d-detentur tal-polza huwa intitolat li jirċievi meta jiġi ċedut jew terminat il-kuntratt (determinat mingħajr tnaqqis għal kwalunkwe ħlas għaċ-ċediment jew self għall-polza), u (ii) l-ammont li d-detentur tal-polza jista' jissellef taħt jew rigward il-kuntratt. Minkejja dan ta' hawn fuq, it-terminu “Valur fi Flus” ma jinkludix ammont pagabbli skont Kuntratt tal-Assigurazzjoni:

(a) unikament minħabba l-mewt ta' individwu assigurat taħt kuntratt tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja;

(b) bħala korriment personali jew benefiċċju tal-mard jew benefiċċju ieħor li jipprovdi indennizz ta' telf ekonomiku mġarrab malli jseħħ l-avveniment kopert mill-assigurazzjoni;

(c) bħala rifużjoni ta' primjum imħallas qabel (naqqas l-ispiża tal-ħlasijiet tal-assigurazzjoni kemm jekk attwalment imposti jew le) taħt kuntratt tal-Assigurazzjoni (minbarra kuntratt tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja marbut ma' investiment jew kuntratt ta' annwalità) minħabba kanċellazzjoni jew terminazzjoni tal-kuntratt, tnaqqis fl-espożizzjoni tar-riskju matul il-perijodu effettiv tal-kuntratt, jew b'riżultat tal-korrezzjoni ta' kollokament jew żball simili rigward il-primjum għall-kuntratt;

(d) bħala dividend ta' dententur tal-polza (minbarra dividend tat-terminazzjoni) sakemm id-dividend jirrigwarda Kuntratt tal-Assigurazzjoni li taħtu l-uniċi benefiċċji pagabbli huma deskritti fis-subparagrafu C(8)(b); jew

(e) bħala dħul ta' primjum bil-quddiem jew depożitu tal-primjum għal Kuntratt tal-Assigurazzjoni li għalih il-primjum għandu jitħallas mill-inqas annwalment jekk l-ammont tal-primjum bil-quddiem jew id-depożitu tal-primjum ma jaqbiżx il-primjum annwali li jmiss li ser ikun pagabbli taħt il-kuntratt.

9. It-terminu “Kont Preeżistenti” jfisser:

(a) Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti mill-31 ta' Diċembru 2015;

(b) kwalunkwe Kont Finanzjarju ta' Detentur tal-Kont, irrispettivament mid-data meta tali Kont Finanzjarju nfetaħ, jekk:

(i) id-Detentur tal-Kont iżomm ukoll mal-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti (jew ma' Entità Relatata fl-istess Stat Membru bħall-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti) Kont Finanzjarju li huwa Kont Preeżistenti taħt is-subparagrafu C(9)(a);

(ii) l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti (u, kif applikabbli, l-Entità Relatata fl-istess Stat Membru bħall-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti) tittratta ż-żewġ Kontijiet Finanzjarji msemmijin hawn fuq, u kwalunkwe Kont Finanzjarju ieħor tad-Detentur tal-Kont li jiġi ttrattat bħala Kont Preeżistenti taħt il-punt (b), bħala Kont Finanzjarju uniku sabiex jissodisfa l-istandards tar-rekwiżiti ta' għarfien stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu A tat-Taqsima VII, u sabiex jiġi determinat il-bilanċ jew il-valur ta' kwalunkwe wieħed mill-Kontijiet Finanzjarji meta japplikaw kwalunkwe wieħed mil-limiti tal-kont;

(iii) fir-rigward ta' Kont Finanzjarju li huwa suġġett għall-Proċeduri tal-AML/KYC, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti hija permessa tissodisfa dawn il-Proċeduri tal-AML/KYC għall-Kont Finanzjarju billi toqgħod fuq il-Proċeduri tal-AML/KYC mwettqa għall-Kont Preeżistenti deskritt fis-subparagrafu C(9)(a); u

(iv) il-ftuħ tal-Kont Finanzjarju ma jeħtieġx l-għoti ta' informazzjoni ġdida, addizzjonali jew emendata tal-klijent mid-Detentur tal-Kont ħlief għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

10. It-terminu “Kont Ġdid” ifisser Kont Finanzjarju miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti miftuħ fi jew wara l-1 ta' Jannar 2016 sakemm ma jkunx ittrattat bħala Kont Preeżistenti taħt is-subparagrafu C(9)(b).

11. It-terminu “Kont Individwali Preeżistenti” jfisser Kont Preeżistenti miżmum minn individwu wieħed jew aktar.

12. It-terminu “Kont Individwali Ġdid” ifisser Kont Ġdid miżmum minn individwu wieħed jew aktar.

13. It-terminu “Kont ta' Entità Preeżistenti” jfisser Kont Preeżistenti miżmum minn Entità waħda jew aktar.

14. It-terminu “Kont ta' Valur Aktar Baxx”ifisser Kont Individwali Preeżistenti b'bilanċ jew valur aggregat mill-31 ta' Diċembru 2015 li ma jaqbiżx ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 1 000 000 .

15. It-terminu “Kont ta' Valur Għoli” jfisser Kont Individwali Preeżistenti b'bilanċ jew valur aggregat li jaqbeż, mill-31 ta' Diċembru 2015, jew mill-31 ta' Diċembru ta' kwalunkwe sena sussegwenti, ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 1 000 000 .

16. It-terminu “Kont ta' Entità Ġdid” ifisser Kont Ġdid miżmum minn Entità waħda jew aktar.

17. It-terminu “Kont Eskluż” ifisser kwalunkwe wieħed mill-kontijiet li ġejjin:

(a) kont ta' rtirar jew pensjoni li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i) il-kont huwa soġġett għal regolamentazzjoni bħala kont ta' rtirar personali jew huwa parti minn pjan ta' rtirar jew pensjoni rreġistrat jew irregolat għall-provvista ta' benefiċċji ta' rtirar jew pensjoni (inklużi benefiċċji ta' diżabilità jew mewt);

(ii) il-kont jibbenifika minn benefiċċji tat-taxxa (jiġifieri, il-kontribuzzjonijiet għall-kont li nkella jkunu soġġetti għat-taxxa jiġu mnaqqsa jew esklużi mill-introjtu gross tad-Detentur tal-Kont jew intaxxati b'rata mnaqqsa, jew it-tassazzjoni ta' introjtu minn investiment mill-kont tkun differita jew intaxxata b'rata mnaqqsa);

(iii) ir-rappurtar tal-informazzjoni huwa meħtieġ għall-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-kont;

(iv) il-ġbid tal-flus huwa bil-kondizzjoni li tintlaħaq età ta' rtirar speċifika, id-diżabilità, jew mewt, jew penali japplikaw għall-ġbid tal-flus li sar qabel dawn l-avvenimenti speċifiċi; u

(v) jew (i) il-kontribuzzjonijiet annwali huma limitati għal ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 50 000 jew inqas, jew (ii) hemm limitu ta' kontribuzzjoni massima tul il-ħajja għall-kont ta' ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 1 000 000 jew inqas, f'kull każ japplikaw ir-regoli stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu C tat-Taqsima VII għall-aggregazzjoni tal-kontijiet u l-qlib tal-munita.

Kont Finanzjarju li nkella jissodisfa r-rekwiżit tas-subparagrafu C(17)(a)(v) mhux ser jonqos milli jissodisfa dan ir-rekwiżit unikament minħabba li dan il-Kont Finanzjarju jista' jirċievi assi jew fondi trasferiti minn wieħed jew aktar kontijiet finanzjarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-subparagrafu C(17)(a) jew (b) jew minn wieħed jew aktar fondi tal-irtirar jew tal-pensjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalunkwe wieħed mis-subparagrafi B(5) sa (7).

(b) kont li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i) il-kont huwa soġġett għal regolamentazzjoni bħala strument ta' investiment għal finijiet oħra għajr għall-irtirar u jiġi nnegozjat b'mod regolari f'suq tat-titoli stabbilit, jew il-kont huwa soġġett għal regolamentazzjoni bħala strument ta' tfaddil għal finijiet oħra għajr għall-irtirar;

(ii) il-kont jibbenifika minn benefiċċji tat-taxxa (jiġifieri, il-kontribuzzjonijiet għall-kont li nkella jkunu soġġetti għat-taxxa jiġu mnaqqsa jew esklużi mill-introjtu gross tad-Detentur tal-Kont jew intaxxati b'rata mnaqqsa, jew it-tassazzjoni ta' introjtu minn investiment mill-kont tkun differita jew intaxxata b'rata mnaqqsa);

(iii) il-ġbid tal-flus huwa bil-kondizzjoni li jissodisfa kriterji speċifiċi dwar il-fini tal-kont ta' investiment jew ta' tfaddil (pereżempju, l-għoti ta' benefiċċji edukattivi jew mediċi), jew il-penali japplikaw għall-ġbid tal-flus li jsir qabel dawn il-kriterji jkunu ssodisfati; u

(iv) il-kontribuzzjonijiet annwali huma limitati għal ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 50 000 jew inqas, billi japplikaw ir-regoli stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu C tat-Taqsima VII għall-aggregazzjoni tal-kontijiet u l-qlib tal-munita.

Kont Finanzjarju li nkella jissodisfa r-rekwiżit tas-subparagrafu C(17)(b)(iv) mhux ser jonqos milli jissodisfa dan ir-rekwiżit unikament minħabba li dan il-Kont Finanzjarju jista' jirċievi assi jew fondi trasferiti minn wieħed jew aktar kontijiet finanzjarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-subparagrafu C(17)(a) jew (b) jew minn wieħed jew aktar fondi tal-irtirar jew tal-pensjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalunkwe wieħed mis-subparagrafi B(5) sa (7).

(c) kuntratt tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja b'perijodu ta' kopertura li jintemm qabel ma l-individwu assigurat jilħaq l-età ta' 90 sena, sakemm il-kuntratt jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i) primjums perjodiċi, li ma jonqsux matul iż-żmien, ikunu pagabbli mill-inqas kull sena matul il-perijodu li l-kuntratt ikun fis-seħħ jew sakemm l-assigurat jilħaq l-età ta' 90 sena, skont liema jkun l-iqsar;

(ii) il-kuntratt ma għandu l-ebda valur tal-kuntratt li kwalunkwe persuna tista' taċċessa (permezz ta' ġbid ta' flus, self, jew mod ieħor) mingħajr ma jintemm il-kuntratt;

(iii) l-ammont (minbarra benefiċċju tal-mewt) pagabbli malli jiġi kanċellat jew jintemm il-kuntratt ma jistax jaqbeż l-aggregat ta' primjums imħallsa għall-kuntratt, mingħajr is-somma ta' mortalità, morbożità, u ħlasijiet għal spejjeż (jekk attwalment imposti jew le) għall-perijodu jew il-perijodi tal-eżistenza tal-kuntratt u kwalunkwe ammont imħallas qabel jiġi kanċellat jew jintemm il-kuntratt; u

(iv) il-kuntratt ma jinżammx minn ċessjonarju għal valur.

(d) kont li jinżamm biss minn patrimonju jekk id-dokumentazzjoni għal kont bħal dan tinkludi kopja tat-testment jew iċ-ċertifikat tal-mewt tal-persuna mejta.

(e) kont stabbilit b'konnessjoni ma' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i) ordni jew sentenza tal-qorti.

(ii) bejgħ, skambju, jew kiri ta' proprjetà reali jew personali, sakemm il-kont jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

 il-kont huwa ffinanzjat biss bi ħlas parzjali, kapparra, depożitu f'ammont xieraq biex jiġi żgurat obbligu direttament marbut mat-tranżazzjoni, jew ħlas simili, jew huwa ffinanzjat b'Ass Finanzjarju li hu ddepożitat fil-kont b'konnessjoni mal-bejgħ, l-iskambju, jew il-kiri tal-proprjetà;

 il-kont huwa stabbilit u użat biss biex jiġi żgurat l-obbligu tax-xerrej li jħallas il-prezz għax-xiri tal-proprjetà, li l-bejjiegħ iħallas kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti, jew li s-sid jew il-kerrej iħallas għal kwalunkwe dannu li jirrigwarda l-proprjetà mikrija kif miftiehem skont il-kuntratt tal-kera;

 l-assi tal-kont, inkluż l-introjtu rikavat fuqhom, jitħallsu jew b'xi mod ieħor jitqassmu għall-benefiċċju tax-xerrej, il-bejjiegħ, is-sid, jew il-kerrej (inkluż biex jiġi ssodisfat l-obbligu ta' din il-persuna) meta tinbiegħ, tiġi skambjata jew ċeduta l-proprjetà, jew tintemm il-kirja;

 il-kont mhuwiex marġni jew kont simili stabbilit b'rabta ma' bejgħ jew skambju ta' Ass Finanzjarju; u

 il-kont mhuwiex assoċjata ma' kont deskritt fis-subparagrafu C(17)(f).

(iii) obbligu ta' Istituzzjoni Finanzjarja li tagħti servizz ta' self garantit minn proprjetà immobbli biex jitwarrab fil-ġenb porzjon ta' pagament biss sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas ta' taxxi jew assigurazzjoni relatata ma' proprjetà immobbli fi żmien aktar tard.

(iv) obbligu ta' Istituzzjoni Finanzjarja biss sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas ta' taxxi fi żmien aktar tard.

(f) Kont Depożitarju li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i) il-kont jeżisti biss minħabba li klijent jagħmel pagament żejjed minn bilanċ dovut fir-rigward ta' karta ta' kreditu jew faċilità ta' overdraft oħra u l-pagament żejjed ma jmurx immedjatament lura għand il-klijent; u

(ii) fl-1 ta' Jannar 2016 jew qabel, l-Istituzzjoni Finanzjarja timplimenta linji politiċi u proċeduri jew biex timpedixxi lil klijent milli jagħmel pagament żejjed ogħla minn ammont denominat fil-munita domestika ta' kull Stat Membru li jikkorrispondi għal USD 50 000 , jew biex tiżgura li kwalunkwe pagament żejjed ta' klijent ogħla minn dak l-ammont jitħallas lura lill-klijent fi żmien 60 jum, f'kull każ jiġu applikati r-regoli stipulati iktar 'il quddiem fil-paragrafu C tat-Taqsima VII għal aggregazzjoni tal-kontijiet u l-qlib tal-munita. Għal din il-fini, pagament żejjed ta' klijent ma jirreferix għal bilanċi tal-kreditu sal-punt ta' imposti kkontestati iżda jinkludi bilanċi tal-kreditu li jirriżultaw mir-ritorn ta' merkanzija.

(g) kwalunkwe kont ieħor li jippreżenta riskju baxx biex jintuża għall-evażjoni tat-taxxa, għandu sostanzjalment karatteristiċi simili għal kwalunkwe wieħed mill-kontijiet deskritti fis-subparagrafi C(17)(a) sa (f), u huwa inkluż fil-lista ta' Kontijiet Esklużi msemmija fl-Artikolu 8(7a) ta' din id-Direttiva, sakemm l-istatus ta' kont bħal dan bħala Kont Eskluż ma jxekkilx il-finijiet ta' din id-Direttiva.

D.   Kont Rapportabbli

1. It-terminu “Kont Rapportabbli” jfisser Kont Finanzjarju li jkun miżmum minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ta' Stat Membru u minn waħda jew aktar Persuni Rapportabbli jew minn NFE Passiva b'waħda jew aktar Persuni Kontrollanti li hija Persuna Rapportabbli, sakemm dan ikun ġie identifikat bħala tali skont il-proċeduri ta' diliġenza dovuta deskritti fit-Taqsimiet II sa VII.

2. It-terminu “Persuna Rapportabbli” jfisser Persuna ta' Stat Membru għajr: (i) korporazzjoni li l-istokk tagħha jiġi regolarment kummerċjalizzat f'wieħed jew aktar swieq tat-titoli stabbiliti; (ii) kwalunkwe korporazzjoni li hija Entità Relatata ta' korporazzjoni deskritta fil-klawsola (i); (iii) Entità Governattiva; (iv) Organizzazzjoni Internazzjonali; (v) Bank Ċentrali; jew (vi) Istituzzjoni Finanzjarja.

3. It-terminu “Persuna ta' Stat Membru” fir-rigward ta' kull Stat Membru jfisser individwu jew Entità li hija residenti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor skont il-liġijiet tat-taxxa ta' dak l-Istat Membru l-ieħor, jew proprjetà ta' persuna deċeduta li kienet residenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor. Għal din il-fini, Entità bħal sħubija, sħubija b'responsabbiltà limitata jew arranġament legali simili, li m'għandhiex residenza għall-finijiet tat-taxxa għandha tkun ittrattata bħala residenti fil-ġurisdizzjoni fejn tinsab is-sede ta' ġestjoni effettiva tagħha.

4. It-terminu “Ġurisdizzjoni Parteċipanti” fir-rigward ta' kull Stat Membru jfisser:

(a) kwalunkwe Stat Membru ieħor;

(b) kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra (i) li magħha l-Istat Membru konċernat għandu ftehim fis-seħħ li skontu dik il-ġurisdizzjoni tipprovdi l-informazzjoni speċifikata fit-Taqsima I, u (ii) li hija identifikata f'lista ppubblikata minn dak l-Istat Membru u nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea;

(c) kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra (i) li magħha l-Istat Membru konċernat għandu ftehim fis-seħħ li skontu dik il-ġurisdizzjoni tipprovdi l-informazzjoni speċifikata fit-Taqsima I, u (ii) li hija identifikata f'lista ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea.

5. It-terminu “Persuni Kontrollanti” jfisser persuni fiżiċi li jeżerċitaw kontroll fuq Entità. Fil-każ ta' trust, dak it-terminu jfisser is-settlor(s), il-fiduċjarju(i), il-protettur(i) (jekk ikun hemm), il-benefiċjarju(i) jew klassi(jiet) ta' benefiċjarji, u kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll effettiv aħħari fuq it-trust, u fil-każ ta' arranġament legali għajr trust, dan it-terminu jfisser persuni f'pożizzjonijiet ekwivalenti jew simili. It-terminu “Persuni Kontrollanti” għandu jiġi interpretat b'mod konsistenti ma' Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja.

6. It-terminu “NFE” jfisser kull Entità li mhijiex Istituzzjoni Finanzjarja.

7. It-terminu “NFE Passiva” jfisser kwalunkwe: (i) NFE li mhijiex NFE Attiva; jew (ii) Entità ta' Investiment deskritta fis-subparagrafu A(6)(b) li mhijiex Istituzzjoni Finanzjarja Parteċipanti tal-Ġurisdizzjoni.

8. It-terminu “NFE Attiva” jfisser kwalunkwe NFE li tissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a) inqas minn 50 % tal-introjtu gross tal-NFE għas-sena kalendarja preċedenti jew perijodu ta' rappurtar xieraq ieħor huwa introjtu passiv u inqas minn 50 % tal-assi miżmuma mill-“NFE” matul is-sena kalendarja preċedenti jew għall-perijodu ta' rappurtar xieraq ieħor huma assi li jipproduċu jew jinżammu għall-produzzjoni ta' introjtu passiv;

(b) l-istokk tal-NFE jiġi regolarment innegozjat f'suq tat-titoli stabbilit jew l-NFE hija Entità Relatata ta' Entità li l-istokk tagħha jiġi regolarment innegozjat f'suq tat-titoli stabbilit;

(c) l-NFE hija Entità Governattiva, Organizzazzjoni Internazzjonali, Bank Ċentrali, jew Entità kollha kemm hi proprjetà ta' wieħed jew aktar minn ta' qabel;

(d) sostanzjalment l-attivitajiet kollha tal-NFE jikkonsistu miż-żamma (totalment jew parzjalment) tal-istokk pendenti ta', jew li jipprovdu finanzjament u servizzi lil, waħda jew aktar sussidjarji li jidħlu f'kummerċ jew negozji oħra għajr in-negozju ta' Istituzzjoni Finanzjarja, ħlief li Entità ma tikkwalifikax għal dan l-istatus jekk l-Entità tiffunzjona (jew isservi) bħala fond ta' investiment, bħal fond ta' ekwità privata, fond ta' kapital ta' riskju, leveraged buyout fund, jew kwalunkwe strument ta' investiment li l-għan tiegħu hu li jakkwista jew jiffinanzja kumpanniji u mbagħad ikollu interessi f'dawk il-kumpanniji bħala assi kapitali għal finijiet ta' investiment;

(e) l-NFE għadha mhux qed tħaddem negozju u ma għandha l-ebda storja ta' tħaddim minn qabel, iżda qed tinvesti f'assi kapitali bl-intenzjoni li tħaddem negozju ieħor għajr dak ta' Istituzzjoni Finanzjarja, sakemm l-NFE ma tikkwalifikax għal din l-eċċezzjoni wara d-data li hija 24 xahar wara d-data tal-organizzazzjoni inizjali tal-NFE;

(f) l-NFE ma kinitx Istituzzjoni Finanzjarja f'dawn l-aħħar ħames snin, u hija fil-proċess li tillikwida l-assi tagħha jew qed torganizza mill-ġdid bl-intenzjoni li tkompli jew terġa' tibda l-operazzjonijiet f'negozju ieħor għajr dak ta' Istituzzjoni Finanzjarja;

(g) l-NFE primarjament tinvolvi ruħha fil-finanzjament u t-tranżazzjonijiet ta' hedging ma', jew għal, Entitajiet Relatati li mhumiex Istituzzjonijiet Finanzjarji, u ma tipprovdix finanzjament jew servizzi ta' hedging lil kwalunkwe Entità li mhijiex Entità Relatata, sakemm il-grupp ta' kwalunkwe tali Entità Relatata huwa primarjament involut f'negozju għajr dak ta' Istituzzjoni Finanzjarja; jew

(h) l-NFE tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(i) hija stabbilita u kienet topera fl-Istat Membru tagħha jew ġurisdizzjoni oħra ta' residenza esklussivament għal finijiet reliġjużi, ta' karità, xjentifiċi, artistiċi, kulturali, atletiċi, jew edukattivi; jew hija stabbilita u kienet topera fl-Istat Membru tagħha jew ġurisdizzjoni oħra ta' residenza u hija organizzazzjoni professjonali, league tan-negozju, kamra tal-kummerċ, organizzazzjoni tax-xogħol, organizzazzjoni agrikola jew ortikulturali, league ċiviku jew organizzazzjoni mħaddma esklussivament għall-promozzjoni tal-benesseri soċjali;

(ii) hija eżenti mit-taxxa fuq l-introjtu fl-Istat Membru tagħha jew ġurisdizzjoni oħra ta' residenza;

(iii) hija ma għandha l-ebda azzjonist jew membru li għandhom dritt jew interess benefiċjali fl-introjtu jew tal-assi tagħha;

(iv) il-liġijiet applikabbli tal-Istat Membru tal-NFE jew ġurisdizzjoni oħra ta' residenza jew dokumenti tal-formazzjoni tal-NFE ma jippermettu l-ebda introjtu jew assi tal-NFE li jitqassmu lil, jew jiġu applikati għall-benefiċċju ta', persuna privata jew Entità mhux ta' karità għajr skont l-aġir tal-attivitajiet ta' karità tal-NFE, jew bħala ħlas ta' kumpens raġonevoli għal servizzi mogħti, jew bħala ħlas li jirrappreżenta l-valur tas-suq ġust ta' proprjetà li tkun xtrat l-NFE; u

(v) il-liġijiet applikabbli tal-Istat Membru tal-NFE jew ġurisdizzjoni oħra ta' residenza jew dokumenti tal-formazzjoni tal-NFE jeħtieġu li, mal-likwidazzjoni jew ix-xoljiment tal-NFE, l-assi kollha tagħha jitqassmu lil Entità Governattiva jew organizzazzjoni oħra mingħajr skop ta' qligħ, jew escheat lill-Gvern tal-Istat Membru tal-NFE jew ġurisdizzjoni oħra ta' residenza jew kwalunkwe suddiviżjoni politika tagħha.

E.   Mixxellanji

1. It-terminu “Detentur ta' Kont” ifisser il-persuna elenkata jew identifikati bħala detentur ta' Kont Finanzjarju mill-Istituzzjoni Finanzjarja li żżomm il-kont. Persuna, għajr Istituzzjoni Finanzjarja, li għandha Kont Finanzjarju għall-benefiċċju jew kont ta' persuna oħra bħala aġent, kustodju, nominata, firmatarja, konsulent tal-investiment, jew intermedjarja, mhijiex trattata bħala detentur tal-kont għall-finijiet ta' din id-Direttiva, u din il-persuna hija ttrattata bħala detentur tal-kont. Fil-każ ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità, id-Detentur tal-Kont huwa kwalunkwe persuna intitolata għal aċċess għall-Valur fi Flus jew li tibdel il-benefiċjarju tal-kuntratt. Jekk l-ebda persuna ma tista' taċċessal-Valur fi Flus jew tibdel il-benefiċjarju, id-Detentur tal-Kont huwa kwalunkwe persuna indikata bħala s-sid fil-kuntratt u kwalunkwe persuna b'intitolament proprju għal pagament skont it-termini tal-kuntratt. Mal-maturità ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew Kuntratt ta' Annwalità, kull persuna intitolata li tirċievi pagament skont il-kuntratt hija ttrattata bħala Detentur tal-Kont.

2. It-terminu “Proċeduri tal-AML/KYC” jfisser proċeduri ta' diliġenza dovuta tal-klijent ta' Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti skont ir-rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus jew rekwiżiti simili li għalihom hija soġġetta din l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti.

3. It-terminu “Entità” jfisser persuna ġuridika jew arranġament legali, bħal korporazzjoni, sħubija, trust, jew fondazzjoni.

4. Entità hija “Entità Relatata” ta' Entità oħra jekk (i) kwalunkwe Entità tikkontrolla l-Entità l-oħra; (ii) iż-żewġ Entitajiet huma taħt kontroll komuni; jew (iii) iż-żewġ Entitajiet huma Entitajiet ta' Investiment deskritti fis-subparagrafu A(6)(b), taħt ġestjoni komuni, u din il-ġestjoni tissodisfa l-obbligi ta' diliġenza dovuta ta' dawn l-Entitajiet ta' Investiment. Għal dan l-għan il-kontroll jinkludi sjieda diretta jew indiretta ta' aktar minn 50 % tal-votazzjoni u l-valur f'Entità.

5. It-terminu “TIN” ifisser in-Numru ta' Identifikazzjoni tal-Kontribwent (jew l-ekwivalenti funzjonali fin-nuqqas ta' Numru ta' Identifikazzjoni tal-Kontribwent).

6. It-terminu “Evidenza Dokumentata” jinkludi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) ċertifikat ta' residenza maħruġ minn korp governattiv awtorizzat (pereżempju, gvern jew aġenzija tiegħu, jew muniċipalità) tal-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra li fiha l-benefiċjarju jiddikjara li hu residenti;

(b) fir-rigward ta' individwu, kwalunkwe identifikazzjoni valida maħruġa minn korp governattiv awtorizzat (pereżempju, gvern jew aġenzija tiegħu, jew muniċipalità), li tinkludi l-isem tal-individwu tipikament tintuża għal finijiet ta' identifikazzjoni.

(c) fir-rigward ta' Entità, kwalunkwe dokumentazzjoni uffiċjali maħruġa minn korp governattiv awtorizzat (pereżempju, gvern jew aġenzija tiegħu, jew muniċipalità) li tinkludi l-isem tal-Entità u jew l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra li fiha hija tiddikjara li hija residenti jew l-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra fejn l-Entità kienet inkorporata jew organizzata.

(d) kwalunkwe dikjarazzjoni finanzjarja awditjata, rapport tal-kreditu minn partijiet terzi, dikjarazzjoni ta' falliment, jew rapport tar-regolatur tat-titoli.

Fir-rigward ta' Kont ta' Entità Preeżistenti, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti jistgħu jużaw bħala Evidenza Dokumentata kwalunkwe klassifikazzjoni fir-rekords tal-Istituzzjoni Finanzjarj Rapportanti fir-rigward tad-Detentur ta' Kont li kien iddeterminat abbażi ta' sistema ta' kodiċi tal-industrija standardizzata, li kien irreġistrat minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti konsistenti mal-prattiki tan-negozju normali tagħha għal finijiet ta' Proċeduri tal-AML/KYC jew finijiet regolatorji oħra (ħlief għal finijiet tat-taxxa) u li ġiet implimentata minn Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti qabel id-data użata għall-klassifikazzjoni tal-Kont Finanzjarju bħala Kont Preeżistenti, sakemm l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tkunx taf jew ma jkollhiex raġuni biex tkun taf li din il-klassifikazzjoni hija żbaljata jew mhux affidabbli. It-terminu “sistema ta' kodiċi tal-industrija standardizzata” jfisser sistema ta' kodiċi użata għall-klassifikazzjoni ta' stabbilimenti skont it-tip ta' negozju għal finijiet oħra li mhumiex finijiet tat-taxxa.

TAQSIMA IX

IMPLIMENTAZZJONI EFFETTIVA

Skont l-Artikolu 8(3a) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhu jkollhom regoli u proċeduri amministrattivi fis-seħħ sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta', u l-konformità ma', ir-rappurtar u l-proċeduri ta' diliġenza dovuta stabbiliti hawn fuq inkluż:

(1) regoli li jipprevjenu kwalunkwe Istituzzjoni Finanzjarja, persuna jew intermedjarju milli jadottaw prattiki maħsuba biex jiġu evitati r-rappurtar u l-proċeduri ta' diliġenza dovuta;

(2) regoli li jirrikjedu li l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti żżomm rekords tal-passi li ttieħdu u kwalunkwe prova invokata għat-twettiq tal-proċeduri ta' hawn fuq u miżuri adegwati biex jinkisbu dawk ir-rekords;

(3) proċeduri amministrattivi biex jivverifikaw il-konformità tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti mar-rappurtar u l-proċeduri ta' diliġenza dovuta; proċeduri amministrattivi biex tkun segwita Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti meta jiġu rappurtati kontijiet mhux dokumentati;

(4) proċeduri amministrattivi biex jiżguraw li l-Entitajiet u l-kontijiet definiti fil-liġi domestika bħala Istituzzjonijiet Finanzjarji mhux Rapportanti u Kontijiet Esklużi jibqa' jkollhom riskju baxx li jintużaw għall-evażjoni tat-taxxa; u

(5) dispożizzjonijiet ta' infurzar effettivi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' konformità.

TAQSIMA X

DATI TA' IMPLIMENTAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI RAPPORTANTI LI JINSABU FL-AWSTRIJA

Fil-każ tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti li jinsabu fl-Awstrija, ir-referenzi kollha għall-“2016” u l-“2017” f'dan l-Anness għandhom jinqraw bħala referenzi għall-“2017” u l-“2018” rispettivament.

Fil-każ tal-Kontijiet Preeżistenti miżmumin minn Istituzzjonijiet Finanzjarji Rapportanti li jinsabu fl-Awstrija, ir-referenzi kollha għall-“31 ta' Diċembru 2015” f'dan l-Anness għandhom jinqraw bħala referenzi għall-“31 ta' Diċembru 2016”.




ANNESS II

RAPPURTAR KOMPLEMENTARI U REGOLI TA' DILIĠENZA DOVUTA GĦAL INFORMAZZJONI TA' KONT FINANZJARJU

1.   Bidla fiċ-ċirkustanzi

'Bidla fiċ-ċirkostanzi' tinkludi kwalunkwe bidla li tirriżulta fiż-żieda ta' informazzjoni rilevanti għall-istatus ta' persuna jew inkella konflitti ma' tali status ta' persuna. Barra minn hekk, bidla fiċ-ċirkustanzi tinkludi kwalunkwe bidla jew żieda ta' informazzjoni għall-kont tad-Detentur tal-Kont (inkluż iż-żieda, is-sostituzzjoni, jew bidla oħra ta' Detentur tal-Kont) jew kwalunkwe bidla jew żieda ta' informazzjoni għal kwalunkwe kont assoċjati ma' tali kont (bl-applikazzjoni tar-regoli ta' aggregazzjoni tal-kont deskritti fis-subparagrafi C(1) sa (3) tat-Taqsima VII tal-Anness I) jekk tali bidla jew żieda ta' informazzjoni taffettwa l-istatus tad-Detentur tal-Kont.

Jekk Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti bbażat ruħha fuq it-test tal-indirizz tar-residenza deskritt fis-subparagrafu B(1) tat-Taqsima III tal-Anness I u jkun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi li tikkawża lill-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti li tkun taf jew ikollha raġuni biex tkun taf li l-Evidenza Dokumentata oriġinali (jew dokumentazzjoni ekwivalenti oħra) hija żbaljata jew mhux affidabbli, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha, sa aktar tard mill-aħħar jum tas-sena kalendarja rilevanti jew perijodu ta' rappurtar xieraq oħra, jew 90 jum kalendarju wara l-avviż jew l-iskoperta ta' tali bidla fiċ-ċirkustanzi, biex tikseb awtoċertifikazzjoni u Evidenza Dokumentata ġdida biex tiġi stabbilita r-residenza(i) għal finijiet ta' taxxa tad-Detentur tal-Kont. Jekk Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti ma tistax tikseb l-awtoċertifikazzjoni u Evidenza Dokumentata ġdida sa tali data, l-Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti għandha tapplika l-proċedura tat-tfittxija tar-rekords elettronika deskritta fis-subparagrafi B(2) sa (6) tat-Taqsima III tal-Anness I.

2.   Awtoċertifikazzjoni għal Kontijiet tal-Entità Ġodda

Fir-rigward tal-Kontijiet ta' Entità Ġdida, għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk Persuna Kontrollanti ta' NFE Passiva hijiex Persuna Rapportabbli, Istituzzjoni Finanzjarja Rapportanti tista' tibbaża ruħha biss fuq awtoċertifikazzjoni jew mingħand id-Detentur tal-Kont jew il-Persuna Kontrollanti.

3.   Residenza ta' Istituzzjoni Finanzjarja

Istituzzjoni Finanzjarja hija “residenti” fi Stat Membru jekk hija soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru (jiġifieri, l-Istat Membru jista' jinforza r-rappurtar mill-Istituzzjoni Finanzjarja). B'mod ġenerali, meta Istituzzjoni Finanzjarja tkun residenti għall-finijiet ta' taxxa fi Stat Membru, hija soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' dan l-Istat Membru u hija, għalhekk, Istituzzjoni Finanzjarja tal-Istat Membru. Fil-każ ta' trust li tkun Istituzzjoni Finanzjarja (irrispettivament minn jekk hijiex residenti għall-finijiet ta' taxxa fi Stat Membru), it-trust hija meqjusa li hija soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru jekk wieħed jew aktar mill-fiduċjarji tagħha huma residenti f'dak l-Istat Membru, ħlief jekk it-trust tirrapporta l-informazzjoni kollha meħtieġa li għandha tiġi rrapportata skont din id-Direttiva fir-rigward ta' Kontijiet Rapportabbli miżmuma mit-trust lil Stat Membru ieħor għax hija residenti għall-finijiet ta' taxxa f'tali Stat Membru ieħor. Madankollu, meta Istituzzjoni Finanzjarja (għajr trust) ma għandhiex residenza għal finijiet ta' taxxa (pereżempju, għax tiġi ttrattat bħala fiskalment trasparenti, jew tinsab f'ġurisdizzjoni li ma għandhiex taxxa fuq l-introjtu), hija meqjusa bħala soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u hija, għalhekk, Istituzzjoni Finanzjarja tal-Istat Membru jekk:

(a) hija inkorporata skont il-liġijiet tal-Istat Membru;

(b) għandha l-post ta' ġestjoni tagħha (inkluża l-ġestjoni effettiva) fl-Istat Membru; jew

(c) hija soġġetta għal superviżjoni finanzjarja fl-Istat Membru.

Meta Istituzzjoni Finanzjarja (għajr trust) hija residenti f'żewġ Stati Membri jew aktar, tali Istituzzjoni Finanzjarja tkun soġġetta għall-obbligi ta' rappurtar u ta' diliġenza dovuta tal-Istat Membru li fih hija żżomm Kont(ijiet) Finanzjarju(i).

4.   Kont miżmum

B'mod ġenerali, kont jitqies li huwa miżmuma minn Istituzzjoni Finanzjarja kif ġej:

(a) fil-każ ta' Kont ta' Kustodja, mill-Istituzzjoni Finanzjarja li jkollha kustodja fuq l-assi fil-kont (inkluż Istituzzjoni Finanzjarja li żżomm assi f'isem ta' triq għal Detentur ta' Kont f'tali istituzzjoni).

(b) fil-każ ta' Kont Depożitarju, mill-Istituzzjoni Finanzjarja li tkun obbligata tagħmel pagamenti fir-rigward tal-kont (bl-esklużjoni ta' aġent ta' Istituzzjoni Finanzjarja irrispettivament minn jekk tali aġent huwiex Istituzzjoni Finanzjarja).

(c) fil-każ ta' kwalunkwe ekwità jew ta' interess ta' dejn f'Istituzzjoni Finanzjarja li tikkostitwixxi Kont Finanzjarju, minn tali Istituzzjoni Finanzjarja.

(d) fil-każ ta' Kuntratt tal-Assigurazzjoni b'Valur fi Flus jew kwalunkwe Kuntratt ta' Annwalità, mill-Istituzzjoni Finanzjarja li tkun obbligata tagħmel pagamenti fir-rigward tal-kuntratt.

5.   Trusts li huma NFEs Passivi

Entità bħal sħubija, sħubija b'responsabbiltà limitata jew arranġament legali simili li m'għandha l-ebda residenza għall-finijiet ta' taxxa, skont is-subparagrafu D(3) tat-Taqsima VIII tal-Anness I, għandha tiġi ttrattata bħala residenti f'ġurisdizzjoni fejn tinsab is-sede ta' ġestjoni effettiva tagħha. Għal dawn il-finijiet, persuna ġuridika jew arranġament legali huwa meqjus “simili” għal sħubija u sħubija b'responsabbiltà limitata fejn din ma tiġix trattata bħala unità taxxabbli fi Stat Membru skont il-liġijiet dwar it-taxxa ta' dak l-Istat Membru. Madankollu, sabiex jiġi evitat rapportar doppju (minħabba l-ambitu wiesgħa tat-terminu “Persuni Kontrollanti” fil-każ ta' trusts), trust li huwa NFE Passiva ma jistax jitqies bħala arranġament legali simili.

6.   Indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-Entità

Wieħed mir-rekwiżiti deskritti fis-subparagrafu E(6)(c) tat-Taqsima VIII tal-Anness I huwa li, fir-rigward ta' Entità, id-dokumentazzjoni uffiċjali tinkludi jew l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-Entità fl-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra li fiha hija tiddikjara li hija residenti jew l-Istat Membru jew ġurisdizzjoni oħra fejn l-Entità kienet inkorporata jew organizzata. L-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-Entità ġeneralment huwa l-post fejn tinsab is-sede ta' ġestjoni effettiva tagħha. L-indirizz ta' Istituzzjoni Finanzjarja li magħha l-Entità żżomm kont, kaxxa postali, jew indirizz użati biss għal finijiet postali mhuwiex l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-Entità sakemm dan l-indirizz ma jkunx l-uniku indirizz użat mill-Entità u jidher bħala indirizz reġistrat tal-Entità fid-dokumenti organizzattivi tal-entità. Barra minn hekk, indirizz li jiġi pprovdut soġġett għall-istruzzjonijiet sabiex tinżamm il-posta kollha għal dak l-indirizz mhuwiex l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-Entità.



( 1 ) Opinjoni tal-10 ta' Frar 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 2 ) Opinjoni tas-16 ta' Lulju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 3 ) ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.

( 4 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

( 5 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

( 6 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

( 7 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38).

( 8 ) ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1.

Top