EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009L0125-20121204

Consolidated text: Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/2012-12-04

2009L0125 — MT — 04.12.2012 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA 2009/125/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2009

li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija

(tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 285 31.10.2009, p. 10)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2012/27/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-25 ta' Ottubru 2012

  L 315

1

14.11.2012




▼B

DIRETTIVA 2009/125/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2009

li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija

(tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija ( 3 ) ġiet emendata sostanzjalment. Ġaladarba jridu jsiru iktar emendi (li huma strettament limitati għat-twessigħ tal-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva biex ikunu inklużi l-prodotti kollha relatati mal-enerġija), dik id-Direttiva għandha tiġi rriformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Id-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet jew il-miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-ekodisinn tal-prodotti relatati mal-enerġija jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità u għaldaqstant jista’ jkollhom impatt dirett fuq it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali huwa l-uniku mezz għall-prevenzjoni ta’ dawn l-ostakoli għall-kummerċ u l-kompetizzjoni inġusta. L-estensjoni tal-ambitu għall-prodotti kollha relatati mal-enerġija tiżgura li r-rekwiżiti għall-ekodisinn għall-prodotti sinjifikanti kollha relatati mal-enerġija jistgħu jiġu armonizzati fil-livell Komunitarju.

(3)

Il-prodott relatati mal-enerġija jammontaw għal proporzjon kbir mill-konsum tar-riżorsi naturali u tal-enerġija fil-Komunità. Għandhom ukoll numru ta’ impatti importanti fuq l-ambjent. Għall-parti l-kbira tal-kategoriji tal-prodotti li jinsabu fis-suq tal-Komunità, jistgħu jiġu osservati gradi differenti ħafna ta’ impatt ambjentali, għalkemm dawn iwettqu funzjonijiet simili. Fl-interess tal-iżvilupp sostenibbli, għandu jitħeġġeġ it-titjib kontinwu f’dawk il-prodotti li għandhom impatt fuq l-ambjent, notevolment billi jiġu identifikati l-għejun prinċipali tal-impatti negattivi fuq l-ambjent u jiġi evitat it-trasferiment tat-tniġġis, fejn dan it-titjib ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi.

(4)

Bosta prodotti relatati mal-enerġija għandhom potenzjal għal titjib sinifikanti biex jitnaqqsu l-impatti ambjentali u biex jinkiseb iffrankar fl-enerġija permezz ta’ tfassil aħjar li jwassal ukoll għal iffrankar ekonomiku għan-negozji u l-utenti finali. Minbarra l-prodotti li jużaw, jiġġeneraw, jittrasferixxu, jew ikejlu l-enerġija, ċerti prodotti relatati mal-enerġija, inklużi prodotti użati fil-bini bħal twieqi, materjal ta’ insulazzjoni, jew xi prodotti li jużaw l-ilma, bħall-irjus tad-doċoċ jew il-vitien, jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal iffrankar sinifikanti tal-enerġija waqt l-użu.

(5)

L-ekodisinn tal-prodotti huwa fattur kruċjali fl-istrateġija tal-Komunità dwar il-Politika Integrata għall-Prodotti. Bħala trattament preventiv, maħsub biex itejjeb il-dehra ambjentali tal-prodotti filwaqt li jinżammu l-kwalitajiet funzjonali tagħhom, jipprovdi opportunitajiet ġodda ġenwini għall-fabbrikanti, għall-konsumaturi u għas-soċjetà fit-totalità tagħha.

(6)

It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija - fejn waħda mill-għażliet disponibbli hija użu aktar effiċjenti tal-elettriku mill-konsumatur - huwa kkunsidrat bħala fattur li jikkontribwixxi sostanzjalment biex jintlaħqu l-miri tal-Komunità rigward l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Id-domanda għall-elettriku tirrappreżenta l-kategorija tal-użu aħħari tal-enerġija li l-aktar li qed tikber b’rata mgħaġġla u, fin-nuqqas ta’ xi azzjoni politika li taħdem kontra din it-tendenza, hija maħsuba li tikber fl-20 30 sena li ġejjin. Tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija, hekk kif suġġerit mill-Kummissjoni fil-Programm Ewropew tagħha dwar il-Bidla tal-Klima (ECCP), huwa fil-fatt possibli. Il-Bidla tal-Klima hija waħda mill-prijoritajiet tas-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 ( 4 ). L-iffrankar tal-enerġija huwa l-aktar mod effettiv meta mqabbel man-nefqa sabiex tiżdied is-sigurtà tal-forniment u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni. Għalhekk, hemm bżonn li tittieħed azzjoni għad-domanda u li jiġu stabbiliti għanijiet sostanzjali f’dan il-qasam.

(7)

Għandha tittieħed azzjoni matul il-fażi tad-disinn tal-prodotti relatati mal-enerġija, peress li jidher li t-tniġġis ikkawżat matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott huwa determinat f’dan il-punt, u l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż involuti jsiru f’dan l-istadju.

(8)

Għandha tiġi stabbilita sistema koerenti għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-ekodisinn tal-Komunità għall-prodotti relatati mal-enerġija, bil-għan li jkunżgurat il-moviment ħieles ta’ dawk il-prodotti li jkunu jikkonformaw ma’ rekwiżiti bħal dawn u li jittejjeb l-impatt ġenerali tagħhom fuq l-ambjent. Rekwiżiti Komunitarji bħal dawn għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u tal-kummerċ internazzjonali.

(9)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jitfasslu b’kont meħud tal-miri u l-prijoritajiet tas-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali, u jinkludu kif ikun xieraq il-miri tal-istrateġiji tematiċi relevanti ta’ dak il-Programm.

(10)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent billi tnaqqas l-impatt potenzjali ta’ prodotti relatati mal-enerġija fuq l-ambjent, li fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u utenti finali oħra. L-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ ukoll kunsiderazzjoni xierqa tal-impatt fuq is-saħħa, dak soċjali u ekonomiku tal-miżuri kkunsidrati. It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi tal-prodotti jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għat-tnaqqis tad-domanda tar-riżorsi naturali, li huma prekondizzjonijiet għal attività ekonomika soda kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli.

(11)

Jekk Stat Membru jqis li hu meħtieġ li jinżammu d-dispożizzjonijiet nazzjonali minħabba bżonnijiet prevalenti relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, jew li jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda bbażati fuq evidenza xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-protezzjoni tal-ambjent minħabba problema speċifika ta’ dak l-Istat Membru li tinqala’ wara li tkun ġiet adottata l-miżura implimentattiva applikabbli, huwa jista’ jagħmel dan taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 95(4),(5) u (6) tat-Trattat, li jistipula li l-Kummissjoni tkun notifikata minn qabel u li tagħti l-approvazzjoni tagħha.

(12)

Sabiex il-benefiċċji ambjentali jilħqu l-massimu tagħhom permezz ta’ disinn imtejjeb jista’ jkun meħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi u l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti relatati mal-enerġija, kif ukoll jingħataw pariri dwar kif jużaw il-prodott b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

(13)

L-approċċ imfassal fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 2003 bit-titolu “Politika Integrata għall-Prodotti – Nibnu fuq il-Ħsibijiet dwar iċ-Ċiklu tal-Ħajja Ambjentali”, li huwa element innovattiv ewlieni tas-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali, jimmira biex inaqqas l-impatt tal-prodotti fuq l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż l-għażla u l-użu tal-materja prima, il-manifattura, l-ippakkettar, it-trasport u d-distribuzzjoni, l-istallazzjoni u l-manutenzjoni, l-użu u t-tmiem tal-ħajja. Il-qies tal-impatt ambjentali ta’ prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu fl-istadju tad-disinn għandu potenzjal għoli biex jiffaċilita l-progress ambjentali b’mod effettiv meta mqabbel man-nefqa, inkluża rigward l-effiċjenza tar-riżorsi u tal-materjali u għaldaqstant jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali. Għandu jkun hemm biżżejjed flessibiltà biex dan il-fattur ikun jista’ jiġi integrat fid-disinn tal-prodott waqt li jiġu kkunsidrati wkoll il-fatturi tekniċi, funzjonali u ekonomiċi.

(14)

Għalkemm approċċ komprensiv għall-prestazzjoni ambjentali huwa mixtieq, il-mitigazzjoni tal-gassijiet serra permezz ta’ effiċjenza akbar fl-enerġija għandha titqies bħala mira ambjentali ta’ prijorità waqt li l-adozzjoni ta’ pjan ta’ ħidma għadha tkun pendenti.

(15)

Biex jiġi żgurat li l-impatt ambjentali tagħhom jitnaqqas kemm jista’ jkun, l-iffissar ta’ rekwiżiti speċifiċi u kwantifikati tal-ekodisinn għal ċerti prodotti jew aspetti ambjentali diversi jkunu meħtieġa u ġustifikati. Tenut kont tal-bżonn urġenti ta’ kontribuzzjoni biex jintlaħqu l-impenji fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, u mingħajr ebda preġudizzju għall-approċċ integrat imsemmi f’din id-Direttiva, għandha tingħata ċerta prijorità lil dawk il-miżuri li jkollhom potenzjal għoli li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass serra bi ftit spejjeż. Miżuri bħal dawn jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal użu sostenibbli tar-riżorsi u jitqiesu wkoll bħala l-kontribuzzjoni prinċipali għall-qafas ta’ programmi b’tul ta’ għaxar snin dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli li ġie aċċettat fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ġewwa Johannesburg mis-26 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru tal-2002.

(16)

Bħala prinċipju ġenerali u fejn xieraq, il-konsum enerġetiku tal-prodotti relatati mal-enerġija li jkunu stand-by jew mitfija jrid jitnaqqas għall-minimu neċessarju biex jaħdmu tajjeb.

(17)

Filwaqt li bħala referenza għandhom jittieħdu l-prodotti jew teknoloġiji disponibbli fis-suq li l-iktar jaħdmu tajjeb, anki fis-swieq internazzjonali, il-livell tar-rekwiżiti għall-ekodisinn irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-analiżi teknika, ekonomika u ambjentali. Il-flessibbiltà fil-metodu ta’ kif jiġi stabbilit il-livell tar-rekwiżiti tista’ tħaffef u tiffaċilita t-titjib fil-prestazzjoni ambjentali. Il-partijiet interessati għandhom jiġu kkonsultati u għandhom jikkoperaw b’mod attiv f’din l-analiżi. L-istabbiliment tal-miżuri obbligatorji jeħtieġ konsultazzjoni xierqa tal-partijiet involuti. Din it-tip ta’ konsultazzjoni tista’ titfa’ dawl fuq il-bżonn għal introduzzjoni li ssir permezz ta’ fażijiet jew għal xi miżuri transitorji. L-introduzzjoni ta’ miri temporanji tgħin biex iżżid il-possibbiltà ta’ tbassir tal-politika, u tippermetti l-akkomodazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott kif ukoll tiffaċilita l-ippjanar fit-tul għal partijiet interessati.

(18)

Għandha tingħata prijorità lil modi alternattivi ta’ azzjoni bħal ma’ hija l-awto-regolamentazzjoni individwali min-naħa tal-industrija fejn azzjonijiet bħal dawn x’aktarx jilħqu l-għanijiet politiċi b’mod aktar malajr jew b’anqas spejjeż minn dawk ir-rekwiżiti obbligatorji. Miżuri leġiżlattivi jistgħu jkunu meħtieġa meta s-suq jonqos milli jevolvi lejn id-direzzjoni t-tajba jew inkella b’veloċità aċċettabbli.

(19)

Awto-regolamentazzjoni, inklużi l-ftehim volontarji offruti bħala impenni unilaterali min-naħa tal-industrija, tista’ tippermetti progress mgħaġġel minħabba l-implimentazzjoni veloċi u effettiva fl-infiq, u tippermetti adattazzjoni xierqa u flessibbli għall-possibiltajiet teknoloġiċi u s-sensittivitajiet tas-suq.

(20)

Għall-ivvalutar ta’ ftehim volontarju jew ta’ miżuri oħra ta’ awto-regolamentazzjoni magħmula bħala alternattivi għall-miżuri implimentattivi, informazzjoni għandha tkun disponibbli fuq mill-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin: il-parteċipazzjoni miftuħa, il-valur miżjud, ir-rappreżentattività, l-għanijiet kwantifikati u mqassma fi stadji, l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-monitoraġġ u r-rappurtar, l-effettività fl-infiq fl-amministrazzjoni ta’ inizjattiva awto-regolatorja u sostenibbiltà.

(21)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2002 bit-titolu “Ftehim Ambjentali fuq livell Komunitarju fi ħdan il-Kwadru tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Simplifikazzjoni u t-Titjib tal-Ambjent Regolatorju” tista’ sservi ta’ gwida utli meta ssir il-valutazzjoni tal-awto-regolamentazzjoni min-naħa tal-industrija fil-kuntest ta’ din id-Direttiva.

(22)

Din id-Direttiva għandha wkoll tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-ekodisinn għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) kif ukoll ditti żgħar ħafna. Integrazzjoni bħal din tista’ tiġi ffaċilitata permezz ta’ disponibbiltà kbira u aċċess aktar faċli għall-informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà tal-prodotti tagħhom.

(23)

Dawk il-prodotti relatati mal-enerġija li jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-ekodisinn stabbiliti fil-miżuri implimentattivi ta’ din id-Direttiva għandhom iġibu il-marka “CE” u kull informazzjoni assoċjata magħha sabiex ikunu jistgħu jitpoġġew fis-suq intern u jiċċirkolaw liberament. L-infurzar rigoruż tal-miżuri implimentattivi huwa meħtieġ sabiex jitnaqqas l-impatt tal- prodotti relatati mal-enerġija regolati fuq l-ambjent u tiġi assigurata l-kompetizzjoni ġusta.

(24)

Waqt li tkun qed tipprepara l-miżuri implimentattivi u l-pjan ta’ ħidma tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lir-rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet involuti, bħall-industrija, inklużi l-SMEs u l-industrija tas-snajja’, it-trade unions, il-kummerċjanti, in-negozjanti li jbiegħu bl-imnut, l-importaturi, il-gruppi għall-protezzjoni tal-ambjent u l-organizazzjonijiet tal-konsumaturi.

(25)

Waqt li tkun qed tipprepara miżuri implimentattivi, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, b’mod partikolari dawk li jkunu jikkonċernaw is-sustanzi tossiċi, fejn l-Istati Membri jkunu indikawhom bħala sustanzi li għandhom jiġu preservati, u dan mingħajr ma tnaqqas il-livelli ta’ protezzjoni eżistenti u ġustifikati fl-Istati Membri.

(26)

Għandha tingħata attenzjoni għall-moduli u r-regoli li jkunu intenzjonati għall-użu fid-Direttivi tal-armonizzazzjoni teknika imwaqqfa fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ( 5 ).

(27)

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom ipartu l-informazzjoni dwar il-miżuri ppjanati fl-ambitu ta’ din id-Direttiva bl-għan li tittejjeb is-sorveljanza tas-suq, b’kont dovut għar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ( 6 ). Koperazzjoni bħal din għandha tagħmel l-aħjar użu mill-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni u tal-programmi tal-Komunità relevanti. Għandu jiġi faċilitat l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll dwar il-kisbiet ta’ soluzzjonijiet fl-ippjanar. L-akkumulazzjoni u t-tixrid tal-għarfien li joħroġ mill-isforzi tal-ekodisinn min-naħa tal-fabbrikanti huwa wieħed mill-benefiċċji kruċjali ta’ din id-Direttiva.

(28)

Korp kompetenti hu normalment korp pubbliku jew privat, maħtur mill-awtoritajiet pubbliċi, u li jippreżenta l-garanziji neċessarji ta’ imparzjalità u disponibbiltà ta’ ħiliet tekniċi biex titwettaq il-verifika tal-prodotti fir-rigward tal-osservanza tal-miżuri implimentattivi applikabbli.

(29)

Sabiex jittieħed kont tal-importanza li tiġi evitata n-nuqqas ta’ osservanza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi neċessarji għal sorveljanza effettiva tas-suq ikunu disponibbli.

(30)

Għal dak li għandu x’jaqsam mat-taħriġ u mal-informazzjoni tal-ekodisinn għall-SMEs, jista’ jkun xieraq li jiġu kkunsidrati wkoll xi attivitajiet kumplimentari.

(31)

Huwa fl-interess tat-tħaddim tas-suq intern li jkun hemm standards li jkunu ġew armonizzati fuq livell Komunitarju. Ladarba dan l-istandard ikun ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-konformità miegħu għandha tqajjem preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti fil-miżura implimentattiva adottata fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva, għalkemm għandhom jitħallew mezzi oħra li jippermettu li tintwera din il-konformità.

(32)

Wieħed mill-irwoli ewlenin tal-istandards armonizzati għandu jkun dak li jgħin lill-fabbrikanti japplikaw il-miżuri implimentattivi adottati taħt din id-Direttiva. Standards bħal dawn jistgħu jkunu essenzjali sabiex jiġu stabbiliti metodi ta’ kejl u ta’ ttestjar. Fil-każ tar-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn, l-istandards armonizzati jistgħu jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli billi jigwidaw lill-fabbrikanti sabiex jistabbilixxu l-profil ekoloġiku tal-prodotti tagħhom, konformement mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli. Dawn l-istandards għandhom jindikaw b’mod ċar ir-relazzjoni bejn il-klawżoli tagħhom u r-rekwiżiti in kwistjoni. L-għan ta’ standards armonizzati ma għandux ikun dak li jiffissal-limiti għal aspetti ambjentali.

(33)

Għall-finijiet tad-definizzjonijiet użati f’din id-Direttiva, huwa utli li wieħed jirriferi għal standards internazzjonali relevanti bħall-ISO 14040.

(34)

Din id-Direttiva hija konformi ma’ ċerti prinċipji għall-implimentazzjoni ta’ approċċ ġdid, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1985 dwar approċċ ġdid għall-armonizzazzjoni teknika u għall-istandards ( 7 ) u li ssir referenza għall-istandards armonizzati Ewropej. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 1999 fuq l-irwol tal-istandardizzazzjoni fl-Ewropa ( 8 ) tirrakkmanda lill-Kummissjoni sabiex din teżamina jekk il-prinċipju tal-approċċ il-ġdid jistax jiġi estiż għas-setturi li għadhom mhux koperti bħala mezz li jtejjeb u li jissimplifika l-leġiżlazzjoni, fejn ikun possibbli.

(35)

Din id-Direttiva tikkumplimenta l-istrumenti Komunitarji eżistenti bħalma hi d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra mill-apparat tad-dar ( 9 ), ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema Komunitarja riveduta għall-għoti tal-ekotikketti ( 10 ),, id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) ( 11 ), id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sostanzi ta’ riskju f’tagħmir elettriku u elettroniku ( 12 ) u d-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta’ sustanzi perikolużi biex tadattaha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ( 13 ) u Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju ( 14 ). Is-sinerġiji bejn din id-Direttiva u l-istrumenti diġà eżistenti tal-Komunità għandhom jikkontribwixxu billi jżidu l-impatti rispettivi tagħhom u jibnu rekwiżiti koerenti li jkunu jistgħu jiġu applikati mill-fabbrikanti.

▼M1

(35a)

Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija ( 15 ) teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-enerġija bħall-bini ta' elementi li jagħmlu parti mill-allokazzjoni għall-bini u rekwiżiti tas-sistema fir-rigward tal-prestazzjoni ġenerali tal-enerġija, l-installazzjoni xierqa, u d-dimensjonar, aġġustament u kontroll xierqa tas-sistemi tekniċi għall-bini li jkunu installati fil-bini eżistenti. Huwa konsistenti mal-objettivi ta' din id-Direttiva li dawn ir-rekwiżiti jistgħu f'ċerti ċirkostanzi jillimitaw l-installazzjoni ta' prodotti relatati mal-enerġija li jikkonformaw ma' din id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha, dment li tali rekwiżiti ma jikkostitwixxux ostakolu mhux ġustifikat għas-suq.

▼B

(36)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni ( 16 ).

(37)

B’ mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda jew tħassar id-Direttivi 92/42/KEE ( 17 ), 96/57/KE ( 18 ) u 2000/55/KE ( 19 ). Tali emenda jew tħassir għandhom isiru skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(38)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri implimentattivi li jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija, inkluża l-introduzzjoni ta’ miżuri implimentattivi matul il-perjodu tranżizzjonali, u fejn xieraq ta’ dispożizzjonijiet dwar l-ibbilanċjar tad-diversi aspetti ambjentali. Billi dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma ddisinjati biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(39)

Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, tad-Direttiva 2005/32/KE u ta’ miżuri implimentattivi, tirrivedi l-operat, il-metodi u l-effikaċja ta’ din id-Direttiva u tevalwa kemm hu xieraq it-twessigħ tal-ambitu tagħha lil hinn mill-prodotti relatati mal-enerġija. F’dik ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta r-rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll il-partijiet interessati kkonċernati.

(40)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ xi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(41)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern billi l-prodotti jkunu meħtieġa jilħqu livell adegwat ta’ prestazzjoni ambjentali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’, minħabba d-daqs u l-effett tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan.

(42)

L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 2005/32/KE. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġej mid-Direttiva 2005/32/KE.

(43)

Din id-Direttiva m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar l-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi elenkati fl-Anness IX, Parti B.

(44)

Konformement mall-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet ( 20 ), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li juru, safejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għat-twaqqif ta’ rekwiżiti Komunitarji tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija bl-għan li jkun żgurat il-moviment liberu ta’ dawk il-prodotti fi ħdan is-suq intern.

2.  Din id-Direttiva tipprovdi għat-twaqqif ta’ rekwiżiti li l-prodotti relatati mal-enerġija u li jaqgħu taħt il-miżuri implimentattivi jridu jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq u/jew jiġu mħaddma. Hija tikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli billi żżid l-effiċjenza fl-enerġija u l-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent, u fl-istess ħin iżżid is-sigurtà fil-forniment tal-enerġija.

3.  Din id-Direttiva ma tapplikax għall-mezzi tat-trasport ta’ persuni jew merkanzija.

4.  Din id-Direttiva u l-miżuri implimentattivi adottati taħtha huma mingħajr ebda preġudizzju għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-immaniġġar tal-iskart u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kimiċi, inkluża l-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-gassijiet florinati b’effett serra.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “prodott relatat mal-enerġija”, minn hawn ‘il quddiem “prodott”, ifisser kull oġġett li jkollu impatt fuq il-konsum tal-enerġija waqt l-użu li jiġi mqiegħed fis-suq u/jew jibda jiġi mħaddem, inklużi l-partijiet maħsuba biex jiġu inkorporati f’ prodotti relatati mal-enerġija koperti minn din id-Direttiva li jitqiegħdu fis-suq u/jew jiġu mħaddma bħala partijiet individwali għall-utenti finali u li l-prestazzjoni ambjentali tagħhom tista’ tiġi stmata b’mod indipendenti;

2. “komponenti u partijiet oħra għall-immuntar” tfisser partijiet maħsuba biex jiġu inkorporati fi prodotti, u li mhumiex preżenti fis-suq u/jew ma jiġux imħaddma bħala partijiet individwali għall-utenti finali jew li l-prestazzjoni ambjentali tagħhom ma tistax tiġi stmata b’mod indipendenti;

3. “miżuri implimentattivi” tfisser miżuri adottati skont din id-Direttiva li jistabbilixxu r-rekwiżiti meħtieġa tal-ekodisinn għal prodotti definiti jew għall-aspetti ambjentali tagħhom;

4. “tqegħid fis-suq” tfisser li prodott isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Komunità bil-ħsieb li jkun hemm distribuzzjoni jew użu tiegħu fi ħdan il-Komunità kemm jekk dan isir bi ħlas jew b’xejn u irrispettivament mit-teknika tal-bejgħ;

5. “tħaddim” tfisser l-ewwel użu ta’ prodott skont l-użu maħsub tiegħu minn utent aħħari fil-Komunità;

6. “fabbrikant” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura l-prodotti koperti f’din id-Direttiva u li tkun responsabbli għall-konformità tagħhom ma’ din id-Direttiva in vista tat-tqegħid tagħhom fis-suq/jew it-tħaddim taħt l-isem tal-fabbrikant stess jew it-trademark jew inkella għall-użu personali tal-fabbrikant. Fin-nuqqas ta’ fabbrikant, hekk kif definit fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt jew ta’ importatur kif imfisser fil-punt 8, kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq u/jew tħaddem prodotti li jaqgħu taħt din id-Direttiva għandha titqies bħala fabbrikant;

7. “rappreżentant awtorizzat” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-fabbrikant sabiex twettaq f’ismu l-obbligi u l-formalitajiet kollha jew parti minnhom li jkollhom x’jaqsmu ma’ din id-Direttiva;

8. “importatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità li tqiegħed prodott minn pajjiż terz fis-suq Komunitarju waqt il-ħidma kummerċjali tagħha;

9. “materjali” tfisser il-materjali kollha wżati waqt iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott;

10. “disinn tal-prodott” tfisser l-għadd ta’ proċessi li jittrasformaw ir-rekwiżiti legali, tekniċi, tas-sigurtà, funzjonali, tas-suq jew oħrajn li jridu jiġu sodisfatti minn prodott fl-ispeċifikazzjoni teknika għal dak il-prodotti;

11. “aspett ambjentali” tfisser element jew funzjoni ta’ prodott li jista’ jkollu interazzjoni mal-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

12. “impatt ambjentali” tfisser kull bidla fl-ambjent li tirriżulta b’mod sħiħ jew parzjali mill-prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

13. “ċiklu tal-ħajja” tfisser il-fażijiet konsekuttivi u interkonnessi ta’ prodott mill-użu tal-materja prima sar-rimi finali, l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ;

14. “użu mill-ġdid” tfisser kull operazzjoni li biha prodott jew il-komponenti tiegħu, wara li jkunu laħqu t-tmiem tal-ewwel użu tagħhom, jintużaw għall-istess skop li għaliha kienu ġew maħluqa, inkluż l-użu kontinwu ta’ prodott, li jintbagħat lura lill-post għall-ġbir, fornitur, riċiklatur jew fabbrikant, kif ukoll użu mill-ġdid ta’ prodott wara li ġie arranġat mill-ġdid;

15. “riċiklaġġ” tfisser l-ipproċessar mill-ġdid fi proċess ta’ produzzjoni ta’ materjal ta’ skart sabiex għall-fini oriġinali tiegħu jew għal finijiet oħra iżda eskluż l-irkupru tal-enerġija;

16. “irkupru tal-enerġija” tfisser l-użu ta’ skart kombustibbli bħala mezz biex jiġġenera l-enerġija permezz ta’ inċinerazzjoni diretta ma’ skart ieħor jew mingħajru iżda bl-irkupru tas-sħana;

17. “irkupru” tfisser kull operazzjoni applikabbli li jipprovdi għalihom l-Anness II B tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart ( 21 );

18. “skart” tfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I għad-Direttiva 2006/12/KE li d-detentur jarmi jew li jkolli l-intenzjoni jew ikun meħtieġ li jarmi;

19. “skart perikoluż” ifisser kull skart li kopert mill-Artikolu 1 (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar skart perikoluż ( 22 );

20. “profil ekoloġiku” tfisser deskrizzjoni, skont il-miżuri implimentattivi applikabbli għall-prodott, tal-inputs u l-outputs (bħalma huma l-materjal, l-emissjonijiet u l-iskart) assoċjati mal-prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu li jkunu sinifikanti għal dak li għandu x’jaqsam mal-impatt ambjentali u huma espressi fi kwantitajiet fiżiċi li jistgħu jiġu mkejla;

21. “prestazzjoni ambjentali” ta’ prodott tfisser ir-riżultati tal-immaniġġar tal-aspetti ambjentali tal-prodott mill-fabbrikant, hekk kif riflessi fid-dokumentazzjoni teknika tiegħu;

22. “titjib fil-prestazzjoni ambjentali” tfisser il-proċess li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta’ prodott matul ħafna ġenerazzjonijiet, għalkemm mhux neċessarjament fir-rispett tal-aspetti ambjentali kollha tal-prodott simultanjament;

23. “ekodisinn” tfisser l-integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fid-disinn tal-prodott bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-prodott matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tiegħu;

24. “rekwiżit għall-ekodisinn” tfisser kull rekwiżit relatat ma’ prodott, jew id-disinn ta’ prodott, li jkun maħsub biex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tiegħu, jew kull rekwiżit ieħor għat-tqassim tal-informazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-aspett ambjentali ta’ prodott;

25. “rekwiżit ġeneriku għall-ekodisinn” tfisser kull rekwiżit għall-ekodisinn ibbażat fuq il-profil ekoloġiku sħiħ ta’ prodott mingħajr valuri ta’ limitu fissi għal aspetti ambjentali partikolari;

26. “rekwiżit speċifiku għall-ekodisinn” tfisser rekwiżit kwantifikat u li jista’ jitkejjel għall-ekodisinn li jkollu x’jaqsam ma’ aspett ambjentali partikolari ta’ prodott, bħalma huwa l-konsum tal-enerġija waqt l-użu, u kkalkulat għal ċerta unità ta’ prestazzjoni tal-output;

27. “standard armonizzat” tfisser speċifikazzjoni teknika adottata minn entità rikonoxxuta tal-istandards taħt mandat mill-Kummissjoni, konformement mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi ( 23 ), bl-għan li jiġi stabbilit rekwiżit Ewropew, li l-konformità magħha ma tkunx mandatorja.

Artikolu 3

Tqegħid fis-suq u/jew tħaddim

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassiguraw li l-prodotti li jaqgħu taħt il-miżuri implimentattivi jkunu jistgħu jitpoġġew fis-suq jew jiġu mħaddma biss meta dawn ikunu konformi ma’ dawn il-miżuri u meta jkollhom il-marka CE skont l-Artikolu 5.

2.  L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-suq. Għandhom jagħmlu mezz li dawn l-awtoritajiet ikollhom u jagħmlu użu mill-poteri neċċessarji sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa, u b’hekk jaqdu dmirhom skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jispjegaw id-doveri, il-poteri u l-arranġamenti organizzattivi tal-awtoritajiet kompetenti li għandhom ikollhom id-dritt li:

(a) jorganizzaw spezzjonijiet xierqa konformi mal-prodott, fuq skala adegwata, u jobbligaw lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu li jirtira mis-suq dawk il-prodotti li ma jkunux konformi, skont l-Artikolu 7;

(b) jesiġu li l-partijiet konċernati jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa, kif speċifikat fil-miżuri implimentattivi;

(c) jieħdu kampjuni tal-prodotti u jissottomettuhom għal spezzjonijiet ta’ konformità.

3.  L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar ir-riżultati tas-sorveljanza tas-suq, u fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

4.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumaturi u partijiet interessati oħra jingħataw l-opportunità li jagħtu l-kummenti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-konformità tal-prodott.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tal-importatur

Fejn il-fabbrikant ma jkunx stabbilit fil-Komunità u fin-nuqqas ta’ rappreżentant awtorizzat, l-importatur għandu jkollu dawn l-obbligi:

(a) li jiżgura li prodott imqiegħed fis-suq u/jew mħaddem jikkonforma ma’ din id-Direttiva u l-miżura implimentattiva applikabbli; u

(b) li jżomm u jkollu disponibbli d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE u d-dokumentazzjoni teknika.

Artikolu 5

Immarkar u dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE

1.  Qabel ma prodott li jkun kopert minn miżuri implimentattivi jitqiegħed fis-suq u/jew jibda jaħdem, marka CE għandha titwaħħal u dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE għandha tinħareġ li fiha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jassigura u jiddikjara li il-prodott jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-miżura implimentattiva applikabbli.

2.  Il-marka CE tikkonsisti fl-inizjali “CE” hekk kif tidher fl-Anness III.

3.  Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE għandha tinkludi l-elementi speċifikati fl-Anness VI u għandha tirriferi għall-miżura implimentattiva adatta.

4.  It-twaħħil tal-marki fuq prodott li x’aktarx iqarrqu lill-utenti tal-prodott fir-rigward tat-tifsira jew il-forma tal-marka CE għandhom ikunu projbiti.

5.  L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-informazzjoni li tingħata skont il-Parti 2 tal-Anness I tkun fil-lingwa (i) uffiċjali meta l-prodott jilħaq lill-utent aħħari.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw ukoll li din l-informazzjoni tingħata f’lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Meta japplikaw l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod partikolari:

(a) jekk l-informazzjoni tistax tingħata permezz ta’ simboli armonizzati jew kodiċi rikonoxxuti jew miżuri oħrajn; u

(b) it-tip ta’ utent antiċipat tal-prodott u n-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

Artikolu 6

Moviment ħieles

1.  L-Istati Membri ma għandhomx iżommu, jillimitaw jew ixekklu t-tqegħid fis-suq jew it-tħaddim, fi ħdan it-territorji tagħhom, ta’ prodott li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet kollha relevanti tal-miżura implimentattiva applikabbli u li jkollhom il-marka CE skont l-Artikolu 5 fuq il-bażi ta’ rekwiżiti ta’ ekodisinn relatati mal-parametri għall-ekodisinn imsemmija fil-Parti I tal-Anness 1 li jaqgħu taħt il-miżura implimentattiva applikabbli.

▼M1

Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti dwar il-prestazzjoni u r-rekwiżiti għas-sistema stabbiliti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/31/UE.

▼B

2.  L-Istati Membri ma għandhomx iżommu, jillimitaw jew ixekklu t-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim, fi ħdan it-territorji tagħhom, ta’ prodott li jkollu l-marka CE skont l-Artikolu 5 fuq il-bażi ta’ rekwiżiti ta’ ekodisinn relatati mal-parametri għall-ekodisinn msemmija fil-Parti 1 tal-Anness I fejn il-miżuri implimentattivi applikabbli huma b’tali mod li l-ebda rekwiżit tal-ekodisinn mhu meħtieġ.

3.  L-Istati Membri ma għandhomx iżommu l-wiri ta’ prodotti li ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-miżura implimentattiva applikabbli, pereżempju fil-fieri, wirjiet u esibizzjonijiet oħra, kemm-il darba ikun hemm indikazzjoni ċara li dawn ma jistgħux jitqiegħdu fuq is-suq u/jew jitħaddmu qabel ma jsiru konformi.

Artikolu 7

Klawżola ta’ salvagwardja

1.  Meta Stat Membru jivverifika li prodott li jkollu l-marka CE msemmija fl-Artikolu 5 u li jintuża skont l-użu maħsub tiegħu ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet kollha relevanti tal-miżura implimentattiva applikabbli, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jkun obbligat li jġib il-prodott konformi mad-dispożizzjonijiet tal-miżura implimentattiva applikabbli u/jew mal-marka CE u li jwaqqaf il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet skont il-kondizzjonijiet imposti mill-Istat Membru.

Fejn ikun hemm evidenza biżżejjed li jista’ jkun li prodott jista’ ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji li, skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità, jistgħu saħansitra jżommu t-tqegħid fis-suq tal-prodott sa meta l-konformità tiġi stabbilita.

Jekk il-ksur jibqa’ jseħħ, l-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni fejn jillimita jew iċaħħad it-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim tal-prodott in kwistjoni jew jassigura li dan jiġi rtirat mis-suq.

F’każijiet ta’projbizzjoni jew irtirar mis-suq, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati b’dan minnufih.

2.  Kull deċiżjoni minn Stat Membru skont din id-Direttiva li tillimita jew iżżomm it-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim ta’ prodott għandha tiddikjara l-bażi li fuqha tkun ittieħdet.

Deċiżjoni bħal din għandha tkun mgħarrfa minnufih lill-parti konċernata, li fl-istess ħin għandha tiġi mgħarrfa dwar ir-rimedji legali disponibbli taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat u t-termini perentorji ta’ dawn ir-rimedji.

3.  L-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1, u għandu jindika r-raġunijiet tiegħu, u, b’mod partikolari, dwar jekk il-ksur tad-dispożizzjonijiet ikunx sar minħabba:

(a) in-nuqqas li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli;

(b) l-applikazzjoni żbaljata tal-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 10(2);

(c) nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 10(2).

4.  Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mingħajr dewmien lill-partijiet konċernati u tista’ tfittex parir tekniku mingħand esperti esterni indipendenti.

Wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni u lill-Istati l-Membri l-oħra dwar l-opinjoni tagħha.

Meta l-Kummissjoni jidhrilha li d-deċiżjoni mhix ġustifikata, għandha tinforma minnufih lill-Istati Membri dwar dan.

5.  Meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun ibbażata fuq nuqqas ta’ standard armonizzat, il-Kummissjoni għandha minnufih tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 (2), (3) u (4). Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1).

6.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, fejn ikunu ġustifikati, sabiex jiggarantixxu l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni provduta waqt il-proċedura.

7.  Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandhom jinħarġu fil-pubbliku, b’mod trasparenti.

8.  L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar dawk id-deċiżjonijiet għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Valutazzjoni tal-konformità

1.  Qabel iqiegħdu prodott li jkun kopert minn miżuri implimentattivi fis-suq u/jew qabel ma jiġi mħaddem prodott bħal dan, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandhom jiżguraw li tkun saret stima ta’ konformità tal-prodott mar-rekwiżiti relevanti kollha tal-miżura implimentattiva applikabbli.

2.  Il-proċeduri tal-istima ta’ konformità għandhom jiġu speċifikati mill-miżuri implimentattivi u jħallu lill-fabbrikanti l-għażla bejn il-kontroll tad-disinn intern stabbilit fl-Anness IV ta’ din id-Direttiva u s-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V ta’ din id-Direttiva. Meta din tkun ġustifikata kif dovut u proporzjonata għar-riskju, il-proċedura ta’ valutazzjoni ta’ konformità għandha tiġi speċifikata fost il-moduli relevanti kif deskritt fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

Fejn Stat Membru jkollu indikazzjonijiet qawwija li prodott probabbilment ma jkunx konformi, dan għandu jippubblika mill-iktar fis possibbli evalwazzjoni sostanzjata tal-konformità tal-prodott li tista’ ssir minn korp kompetenti sabiex ikun possibbli, fejn ikun il-każ, li tittieħed azzjoni korrettiva f’waqtha.

Jekk prodott li jkun kopert minn miżuri implimentattivi jkun iddisinjat minn organizzazzjoni li tkun reġistrata skont ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja minn organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġar tal-ambjent u verifika (EMAS) ( 24 ) u l-funzjoni tad-disinn tkun inkluża fl-ambitu ta’ dik ir-reġistrazzjoni, is-sistema ta’ tmexxija ta’ dik l-organizzazzjoni għandha tiġi preżunta bħala li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness V ta’ din id-Direttiva.

Jekk prodott kopert minn miżuri implimentattivi jkun iddisinnjat minn organizzazzjoni li jkollha sistema ta’ tmexxija li tkun tinkludi l-funzjoni tad-disinn tal-prodott u li tkun implimentata skont l-istandards armonizzati li n-numri ta’ referenza huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dik is-sistema ta’ ġestjoni għandha tiġi preżunta bħala li tikkonforma mar-rekwiżiti korrispondenti tal-Anness V.

3.  Wara li l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jkun qiegħed fis-suq jew beda jħaddem prodott kopert minn miżuri implimentattivi, dan għandu jżomm id-dokumenti relatati mal-istima ta’ konformità li twettqet u d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità disponibbli għall-ispezzjoni mill-Istati Membri għal perjodu ta’ 10 snin wara li l-aħħar prodott ikun ġie manifatturat.

Id-dokumenti relevanti għandhom ikunu disponibbli fi żmien għaxart ijiem wara l-irċevuta tat-talba min-naħa tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

4.  Id-dokumenti relatati mal-istima ta’ konformità u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE msemmija fl-Artikolu 5 għandhom isiru f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Preżunzjoni tal-konformità

1.  L-Istati Membri għandhom iqisu prodott li jkollu l-marka CE msemmija fl-Artikolu 5 bħala konferma mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-miżura implimentattiva applikabbli.

2.  L-Istati Membri għandhom iqisu prodott li għalih ikun ġew applikati standards armonizzati, u li jkollu n-numri ta’ referenza tiegħu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bħala li jikkonformaw mar-rekwiżiti relevanti kollha tal-miżura implimentattiva applikabbli li dawn l-istandards jirrigwardaw.

3.  Prodotti li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-Komunità skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-ekodisinn tal-miżura implimentattiva applikabbli, dejjem jekk dawk ir-rekwiżiti jkunu ġew sodisfatti mill-ekotiketta.

4.  Għal raġunijiet tal-preżunzjoni ta’ konformità fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista’, billi taġixxi skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2), tiddeċiedi li ekotikketti oħrajn jissodisfaw il-kondizzjonijiet ekwivalenti għall-Ekotikketta tal-Komunità skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000. Dawk il-prodotti li jkunu ġew mogħtija ekotikketti oħrajn bħal dawn għandhom jitqiesu bħala li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-ekodisinn tal-miżura implimentattiva applikabbli, dejjem jekk dawk ir-rekwiżiti jkunu ġew sodisfatti mill-ekotikketta.

Artikolu 10

Standards armonizzati

1.  L-Istati Membri, għandhom, safejn ikun possibbli, jiżguraw li jittieħdu l-miżuri adegwati biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jiġu kkonsultati fuq livell nazzjonali dwar il-proċess ta’ preparazzjoni u ta’ spezzjoni tal-istandards armonizzati.

2.  Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni jqisu li l-istandards armonizzati li l-applikazzjoni tagħhom hija maħsuba li tissodisfa d-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ miżura implimentattiva applikabbli ma jkunux jissodisfaw bis-sħiħ dawk id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru konċernat jew il-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lill-Kumitat Permanenti stabbilit taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE dwar dan, u jindikaw r-raġunijiet għal dan. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni urġentement.

3.  Fid-dawl tal-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tippubblika jew le, jew li tippubblika b’restrizzjoni, li żżomm fis-seħħ jew tirtira r-referenzi għall-istandards armonizzati konċernati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-korp Ewropew għall-istandardizzazzjoni u, jekk ikun hemm bżonn, toħroġ mandat ġdid bl-għan li jkun hemm reviżjoni tal-istandards armonizzati konċernati.

Artikolu 11

Rekwiżiti meħtieġa għall-komponenti u partijiet oħra għall-immuntar

Il-miżuri implimentattivi jistgħu jeħtieġu lill-fabbrikanti jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom li jqiegħdu komponenti u partijiet oħra għall-immuntar fis-suq u/jew li jħaddmuhom li dawn jipprovdu lill-fabbrikant ta’ prodott kopert mill-miżuri implimentattivi b’informazzjoni relevanti dwar il-kompożizzjoni tal-materjal u l-konsum tal-enerġija, tal-materjali u/jew ta’ riżorsi tal-komponenti jew partijiet oħra għall-immuntar.

Artikolu 12

Koperazzjoni amministrattiva u skambju ta’ informazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri adegwati sabiex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva biex jikkoperaw bejniethom u jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni b’informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna tagħhom fit-tħaddim ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari, jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 7.

Il-koperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni għandhom jieħdu kemm jista’ jkun vantaġġ mill-mezzi ta’ informazzjoni elettroniċi u jista’ jkollhom l-appoġġ mill-programmi relevanti tal-Komunità.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.  In-natura speċifika u l-istruttura tal-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiġu deċiżi skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

3.  Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adegwati sabiex tinkoraġġixxi u tikkontribwixxi għall-koperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 13

Impriżi żgħar u ta’ daqs medju

1.  Fil-kuntest ta’ programmi li minnhom jistgħu jibbenifikaw l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u ditti żgħar ħafna, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ inizjattivi li jintegraw aspetti ambjentali fosthom l-effiċjenza fl-enerġija meta jiddisinjaw il-prodotti tagħhom.

2.  Linjigwida li jkopru l-karatteristiċi speċifiċi ta’ SMEs attivi fil-qasam tal-prodott affettwat jistgħu jakkumpanjaw miżura implimentattiva. Jekk hemm il-ħtieġa, u b’konformità mal-paragrafu 1, jista’ jiġi prodott aktar materjal speċjalizzat mill-Kummissjoni biex jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-SMEs.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ ta’ netwerks u ta’ strutturi ta’ sostenn, li jinkoraġġixxu lill-SMEs u ditti żgħar ħafna biex jadottaw approċċ ambjentalment sod mill-istadju tad-disinn tal-prodott u jadattaw ruħhom għal-leġiżlazzjoni Ewropea futura.

Artikolu 14

Informazzjoni għall-konsumatur

Konformement mal-miżura implimentattiva applikabbli, il-fabbrikanti għandhom jiżguraw, fil-forma li jqisu xierqa, li l-konsumaturi ta’ prodotti jkollhom:

(a) l-informazzjoni meħtieġa dwar ir-rwol li huma jista’ jkollhom fl-użu sostenibbli tal-prodott; u

(b) meta dan ikun meħtieġ mill-miżuri implimentattivi, il-profil ekoloġiku tal-prodott u l-benefiċċji tal-ekodisinn.

Artikolu 15

Miżuri implimentattivi

1.  Meta prodott jissodisfa l-kriterji msemmija taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, huwa għandu jiġi kopert minn miżura implimentattiva jew b’ miżura ta’ awto-regolamentazzjoni skont il-paragrafu 3(b) ta’ dan l-Artikolu. Tali miżuri implimentattivi, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

2.  Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 huma kif ġej:

(a) il-prodott għandu jirrappreżenta volum sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ b’mod indikattiv ta’ aktar minn 200 000 unità f’sena fi ħdan il-Komunità skont il-figuri disponibbli l-aktar riċenti;

(b) meta jiġu kkunsidrati l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq u/jew imħaddma, il-prodott għandu jkollu impatt sinifikanti fuq l-ambjent fi ħdan il-Komunità, kif huwa speċifikat fil-prijoritajiet strateġiċi tal-Komunità stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE; u

(c) il-prodott għandu jirrappreżenta potenzjal sinifikanti għall-progress fir-rigward tal-impatt ambjentali mingħajr ma jġib miegħu spejjeż eċċessivi, billi jqis b’mod partikolari:

(i) in-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni relevanti oħra tal-Komunità jew il-falliment tal-forzi tas-suq biex jindirizzaw il-kwistjoni b’mod xieraq; u

(ii) id-differenzi estensivi fil-prestazzjoni ambjentali fost il-prodotti disponibbli fis-suq b’funzjonalità ekwivalenti.

3.  Fil-preparazzjoni tal-abbozz ta’ miżura implimentattiva, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll l-opinjonijiet li jkun esprima l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1) u tikkunsidra:

(a) il-prijoritajiet ambjentali tal-Komunità, bħal dawk imfassla fid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE jew il-Programm Ewropew tal-Kummissjoni għall-Bidla fil-Klima (ECCP); u

(b) leġiżlazzjoni Komunitarja u awto-regolamentazzjoni relevanti, bħal ftehimiet volontarji, li, wara evalwazzjoni konformement mal-Artikolu 17, huma mistennija jilħqu l-għanijiet politiċi iktar malajr jew bi spiża iżgħar mir-rekwiżiti mandatorji.

4.  Fit-tħejjija ta’ abbozz ta’ miżura implimentattiva, il-Kummissjoni għandha:

(a) tikkunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott u l-aspetti ambjentali sinifikanti kollha, fost l-oħrajn l-effiċjenza fl-enerġija. Id-dettall tal-analiżi tal-aspetti ambjentali u tal-fattibilità tat-titjib għandhom ikunu proporzjonati mas-sinifikat tagħhom. M’għandux ikun hemm dewmien eċċessiv fl-adozzjoni ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn dwar l-aspetti ambjentali sinifikattivi ta’ prodott minħabba inċertezzi dwar aspetti oħrajn;

(b) twettaq stima, li għandha tikkunsidra l-impatt ambjentali, fuq il-konsumaturi u fuq il-fabbrikanti, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll ditti żgħar ħafna fir-rigward tal-kompetittività, anke fir-rigward ta’ swieq barra mill-Komunità, l-innovazzjoni, l-aċċess għas-suq, l-ispejjeż u l-benefiċċji;

(c) tikkonsidra il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar l-ambjent li l-Istati Membri jqisu li hija relevanti;

(d) twettaq konsultazzjoni xierqa mal-partijiet konċernati;

(e) tħejji memorandum ta’ spjegazzjoni dwar l-abbozz tal-miżura implimentattiva bbażat fuq l-istima li għaliha ssir referenza fil-punt (b); u

(f) tiffissa data(i) ta’ implimentazzjoni, kull miżura jew perjodu f’diversi stadji, waqt li tikkunsidra b’mod partikolari l-impatti possibbli fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll ditti żgħar ħafna jew fuq gruppi ta’ prodotti speċifiċi primarjament manifatturati minnhom stess.

5.  Il-miżuri implimentattivi għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a) ma għandu jkun hemm ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonalità tal-prodott, mill-perspettiva tal-utent;

(b) is-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv;

(c) ma għandu jkun hemm ebda impatt negattiv fuq il-konsumaturi b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u l-ispejjeż matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott;

(d) ma għandu jkun hemm ebda impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-industrija;

(e) fil-prinċipju, l-iffissar ta’ rekwiżit għall-ekodisinn ma għandux ikollu l-konsegwenza li tiġi imposta fuq il-fabbrikanti xi teknoloġija proprjetarja; u

(f) ma għandux jitqiegħed piż amministrattiv żejjed fuq il-fabbrikanti.

6.  Il-miżuri implimentattivi għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-ekodisinn skont l-Anness I u/jew l-Anness II.

Għandhom jiġu introdotti rekwiżiti għall-ekodisinn għal aspetti ambjentali magħżula li jkollhom impatt ambjentali sinifikanti.

Il-miżuri implimentattivi jistgħu jipprevedu wkoll li ebda rekwiżit tal-ekodisinn ma jkun meħtieġ fir-rigward ta’ ċerti parametri speċifiċi tal-ekodisinn li għalihom issir referenza fil-Parti I tal-Anness I.

7.  Ir-rekwiżiti meħtieġa għandhom ikunu fformulati b’mod li jiggarantixxu li awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq jistgħu jivverifikaw il-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva. Il-miżura implimentattiva għandha tispeċifika jekk il-verifikazzjoni tistax tiġi ssir b’mod dirett fuq il-prodott jew inkella fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni teknika.

8.  Il-miżuri implimentattivi għandhom jinkludu l-elementi elenkati fl-Anness VII.

9.  Studji u analiżi relevanti li jintużaw mill-Kummissjoni biex tipprepara l-miżuri implimentattivi għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, filwaqt li titqies b’mod partikolari l-faċilità tal-aċċess u l-użu minn SMEs interessati.

10.  Fejn xieraq, miżura implimentattiva li tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-ibbilanċjar tad-diversi aspetti ambjentali. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

Artikolu 16

Pjan ta’ ħidma

1.  Skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15 u wara li jkun ġie kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 18, il-Kummissjoni għandha sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Ottubru 2011 biex tistabbilixxi pjan ta’ ħidma li għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

Il-pjan ta’ ħidma għandu jispeċifika, għat-tliet snin sussegwenti, lista indikattiva ta’ gruppi ta’ prodotti li huma kkunsidrati bħala prijoritajiet għall-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi.

Il-pjan ta’ ħidma għandu jiġi emendat kull tant żmien mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv.

2.  Madanakollu, matul il-perjodu transitorju, waqt li l-ewwel pjan ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun qiegħed jiġi stabbilit, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15 u wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv, il-Kummissjoni għandha tintroduċi kif xieraq bil-quddiem:

(a) miżuri implimentattivi li jibdew b’dawk il-prodotti li ġew identifikati mill-ECCP bħala li joffru potenzjal għoli għal tnaqqis effettiv meta mqabbel man-nefqa fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, bħal tagħmir li jsaħħan u dak li jsaħħan l-ilma, sistemi ta’ muturi tal-elettriku, dawl kemm fis-settur domestiku kif ukoll fis-settur terzjarju, appliances domestiċi, tagħmir tal-uffiċċju fis-settur domestiku kif ukoll fis-settur terzjarju, apparat elettroniku għall-konsumatur u sistemi ta’ HVAC (tisħin ventilazzjoni u arja kkondizzjonata); u

(b) miżura implimentattiva separata li tnaqqas it-telf minn prodotti li jkunu stand-by fil-każ ta’ grupp ta’ prodotti.

Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

Artikolu 17

Awto-regolamentazzjoni

Il-ftehimiet voluntarji jew miżuri oħra ta’ awto-regolamentazzjoni ppreżentati bħala alternattiva għall-miżuri implimentattivi fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu evalwati mill-inqas fuq il-bażi tal-Anness VIII.

Artikolu 18

Forum Konsultattiv

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fil-mod kif jitmexxew l-attivitajiet tagħha hi tosserva, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kull miżura implimentattiva, parteċipazzjoni bbilanċjata tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-partijiet kollha interessati li huma kkonċernati bil- prodott jew grupp ta’ prodotti in kwistjoni, bħall-industrija, inklużi SMEs u l-industrija tas-snajja, it-trade unions, il-kummerċjanti, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, il-gruppi għall-protezzjoni ambjentali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Dawn il-partijiet għandhom jikkontribwixxu, b’mod partikolari, biex jiġu definiti u riveduti miżuri implimentattivi, biex tiġi eżaminata l-effettività tal-mekkaniżmi stabbiliti li jissorveljaw is-suq u biex jiġu valutati ftehim voluntarji u miżuri oħra ta’ awto-regolamentazzjoni. Dawn il-partijiet għandhom jiltaqgħu fil-Forum Konsultattiv. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Forum għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Artikolu 19

Proċedura ta’ Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 20

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ir-regoli li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u għandhom iqisu l-grad ta’ nuqqas ta’ konformità u n-numru ta’ unitajiet ta’ prodotti li mhumiex konformi mqiegħda fis-suq tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-20 ta’ Novembru 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 21

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard mill-2012, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra mill-ġdid l-effikaċja ta’ din id-Direttiva u tal-miżuri implimentattivi tagħha, inter alia:

(a) il-metodoloġija għall-identifikar u l-kopertura ta’ parametri ambjentali sinjifikanti, bħall-effiċjenza tar-riżorsi, meta wieħed iqis iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti;

(b) il-limitu tal-miżuri implimentattivi;

(c) il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza tas-suq; u

(d) kwalunkwe awto-regolazzjoni stimulata relevanti.

Wara din ir-reviżjoni, u b’mod partikolari meta wieħed iqis l-esperjenza relatata mal-kamp ta’ applikazzjoni estiż ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tevalwa partikolarment jekk hux xieraq tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal prodotti mhux relatati mal-enerġija, sabiex jinkiseb tnaqqis sinjifikanti tal-impatti ambjentali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom, wara konsultazzjoni mal-Forum Konsultattiv msemmi fl-Artikolu 18, u kif ikun xieraq, għandha tippreżenta proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex temenda din id-Direttiva.

Artikolu 22

Kunfidenzjalità

Rekwiżiti dwar l-għoti ta’ informazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 11 u fil-Parti 2 tal-Anness I, mill-fabbrikant u/jew rappreżentant awtorizzat għandhom ikunu proporzjonati u jikkunsidraw il-kunfidenzjalità leġittima tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 23

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 9, 11, 14, 15 u 20 u mal-Annessi I sa V, VII u VIII sal-20 ta’ Novembru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Huma għandhom ukoll jinkludu dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif id-dikjarazzjoni għandha tiġi fformulata.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 24

Tħassir

Id-Direttiva 2005/32/KE, kif emendata mid-Direttiva msemmija fil-Parti A tal-Anness IX, hija b’dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness IX.

Ir-riferenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala riferenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness X.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

Metodu biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ġeneriċi għall-ekodisinn

(imsemmija fl-artikolu 15)

Ir-rekwiżiti ġeneriċi għall-ekodisinn jimmiraw biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, li jiffukaw fuq aspetti ambjentali sinifikanti tagħhom mingħajr ma jistabbilixxu valuri ta’ limitu. Il-metodu msemmi f’dan l-Anness għandu jiġi applikat meta ma jkunx xieraq li jiġi stabbiliti valuri ta’ limitu għall-grupp tal-prodotti li jkunu qed jiġu eżaminati. Il-Kummissjoni għandha tidentifika aspetti ambjentali sinifikanti matul il-preparazzjoni tal-abbozz tal-miżura implimentattiva li għandha tkun preżentata lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1) li għandha tkun speċifikata fil-miżura implimentattiva.

Meta jkunu qed jiġu ppreparati l-miżuri implimentattivi li jistabbilixxu r-rekwiżiti ġeneriċi għall-ekodisinn skont l-Artikolu 15 il-Kummissjoni għandha tidentifika, kif inhu xieraq għall- prodott kopert mill-miżura implimentattiva, il-paramentri relevanti għall-ekodisinn fost dawk elenkati fil-Parti 1, ir-rekwiżiti għall-provvista ta’ informazzjoni fost dawk li huma stabbiliti fil-Parti 2 u r-rekwiżiti għall-fabbrikant elenkati fil-Parti 3.

Parti 1.    Parametri tal-ekodisinn għall-prodotti

1.1. Safejn għandhom x’jaqsmu mad-disinn tal-prodott, l-aspetti ambjentali sinifikanti huma identifikati b’referenza għall-fażijiet li ġejjin taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott:

(a) l-għażla u l-użu tal-materja prima;

(b) il-manifaturra;

(c) l-imballaġġ, it-trasport u d-distribuzzjoni;

(d) l-installazzjoni u l-manutenzjoni;

(e) l-użu; u

(f) it-tmiem tal-ħajja, jiġifieri l-istat tal-prodott meta jkun wasal fit-tmiem tal-ewwel użu tiegħu sakemm jintrema għall-aħħar darba.

1.2. Għal kull fażi, għandha ssir stima ta’ dawn l-aspetti ambjentali li ġejjin fejn ikun relevanti:

(a) il-konsum mistenni ta’ materjali, enerġija u riżorsi oħra bħall-ilma frisk;

(b) l-emissjonijiet antiċipati fl-arja, fl-ilma jew fil-ħamrija;

(c) it-tniġġis antiċipat minħabba effetti fiżiċi bħal storbju, vibrazzjoni, radjazzjoni u oqsma elettromanjetiċi;

(d) il-produzzjoni mistennija ta’ materjal ta’ skart; u

(e) il-possibiltajiet ta’ użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru ta’ materjali u/jew ta’ enerġija, fid-dawl tad-Direttiva 2002/96/KE.

1.3. B’mod partikolari, għandhom jintużaw dawn il-parametri li ġejjin, u jkunu miżjuda ma’ oħrajn, fejn hu meħtieġ, biex ikun valutat il-potenzjal għal titjib fl-aspetti ambjentali msemmija fil-punt 1.2:

(a) il-piż u l-volum tal-prodott;

(b) l-użu ta’ materjal li jirriżulta minn attivitajiet ta’ riċiklaġġ;

(c) il-konsum ta’ enerġija, ilma u riżorsi oħra tul iċ-ċiklu tal-ħajja;

(d) l-użu ta’ sustanzi klassifikati bħala perikolużi għas-saħħa u/jew għall-ambjent skont id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikketjar ta’ sustanzi perikolużi ( 25 ), u tenut kont tal-leġiżlazzjoni dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi speċifiċi, bħad-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi ( 26 ) jew id-Direttiva 2002/95/KE;

(e) il-kwantità u n-natura ta’ oġġetti tal-konsum li huma meħtieġa għall-użu u l-manutenzjoni kif suppost;

(f) faċilità ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ kif espress minn: in-numru ta’ materjali u komponenti wżati, l-użu ta’ komponenti standard, iż-żmien meħtieġ għaż-żarmar, il-komplessità ta’ għodod meħtieġa għaż-żarmar, l-użu ta’ standards, kodiċi ta’ komponenti u materjal għall-identifikazzjoni ta’ komponenti u materjali tajbin għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ (li jinkludu mmarkar ta’ partijiet tal-plastik skont l-istandards tal-ISO), l-użu ta’ materjali li jistgħu jkunu riċiklati faċilment, aċċess faċli għall-komponenti jew materjali ta’ valur jew oħrajn li jistgħu jkunu riċiklati; aċċess faċli għall-komponenti u materjali li jkun fihom sustanzi perikolużi;

(g) inkorporazzjoni ta’ komponenti wżati;

(h) evitar ta’ soluzzjonijiet tekniċi li huma ta’ ħsara għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ ta’ komponenti jew appliances sħaħ;

(i) estensjoni tat-tul tal-ħajja kif espress minn: l-inqas tul ta’ ħajja ggarantita, l-inqas żmien għad-disponibiltà ta’ spare parts, modularità, tibdil għall-aħjar, possibbiltà ta’ tiswija;

(j) ammonti ta’ skart iġġenerat u ammonti ta’ skart perikoluż iġġenerat;

(k) emissjonijiet fl-arja (gassijiet serra, aġenti aċidifikanti, komposti organiċii li jevaporaw, sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu, metalli tqal) mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 97/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1997 dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fuq il-miżuri kontra l-emissjoni ta’ tniġġis fil-forma gassuża u partikolati mill-magni tal-kombustjoni interna li għandhom ikunu mmuntati f’makkinarju ambulanti li mhux tat-triq ( 27 );

(l) emissjonijiet fl-ilma (metalli tqal, sustanzi b’effett ħażin fuq il-bilanċ ta’ ossiġnu, sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu); u

(m) emissjonijiet fil-ħamrija (speċjalment ħruġ aċċidentali u tixrid ta’ sustanzi perikolużi waqt il-fażi ta’ użu tal-prodotti, u l-potenzjal li jgħaddi minn ġol-ħamrija meta jintrema bħala skart).

Parti 2.    Rekwiżiti relatati mal-għoti ta’ informazzjoni

Il-miżuri implimentattivi jistgħu jirrikjedu l-għoti ta’ informazzjoni mill-fabbrikant li tista’ tinfluwenza l-mod kif il-prodott jiġi mmaniġġat, użat u riċiklat minn partijiet minbarra l-fabbrikant. Din l-informazzjoni tista’ tinkludi, fejn applikabbli:

(a) informazzjoni mid-disinnjatur f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess ta’ manifattura;

(b) informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-karatteristiċi ambjentali sinifikanti u l-prestazzjoni ta’ prodott, li takkompanja l-prodott meta jitqiegħed fis-suq biex tħalli lill-konsumatur iqabbel dawn l-aspetti tal-prodotti;

(c) informazzjoni għall-konsumaturi dwar kif jinstallaw, jużaw u jagħmlu manutenzjoni tal-prodott sabiex inaqqsu l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u jassiguraw li jibqa’ tajjeb għal użu itwal, kif ukoll dwar kif jirritornaw il-prodott fit-tmiem tal-ħajja tiegħu, u fejn hu xieraq, informazzjoni dwar il-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ spare parts u l-possibiltajiet li prodott jinbidel għall-aħjar; u

(d) informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta’ trattament li jikkonċernaw iż-żarmar, ir-riċiklaġġ, jew ir-rimi fit-tmiem tal-ħajja tiegħu.

L-informazzjoni għandha tingħata fuq il-prodott innifsu fejn ikun possibbli.

Din l-informazzjoni għandha tikkunsidra l-obbligazzjonijiet skont leġiżlazzjoni Komunitarji oħra, bħad-Direttiva 2002/96/KE.

Parti 3.    Rekwiżiti għall-fabbrikant

1. Meta jindirizzaw l-aspetti ambjentali identifikati fil-miżura implimentattiva bħala li huma kapaċi li jiġu influwenzati b’mod sostanzjali mid-disinn tal-prodott, il-fabbrikanti tal-prodotti għandhom jagħmlu stima tal-mudell tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, abbażi ta’ ipoteżi realistika dwar il-kondizzjonijiet normali u l-finijiet tal-użu. Aspetti ambjentali oħra jistgħu jiġu valutati fuq bażi volontarja.

Fuq il-bażi ta’ din l-istima, il-fabbrikanti għandhom jistabbilixxu l-profil ekoloġiku tal-prodott. Dan għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi tal-prodott li huma relevanti għall-ambjent u l-inputs/outputs matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott espressa fi kwantitajiet fiżiċi li jistgħu jitkejlu.

2. Il-fabbrikant għandu jagħmel użu minn din l-istima biex jevalwa s-soluzzjonijiet ta’ disinni alternattivi u l-prestazzjoni ambjentali miksuba tal-prodott mal-punti ta’ referenza.

Il-punti ta’ referenza għandhom jiġu identifikati mill-Kummissjoni fil-miżura implimentattiva abbażi l-informazzjoni li tkun inġabret fil-preparazzjoni tal-miżura.

L-għażla ta’ soluzzjoni speċifika ta’ disinn għandha tikseb bilanċ raġonevoli bejn id-diversi aspetti ambjentali u bejn aspetti ambjentali u konsiderazzjonijiet relevanti oħra, bħas-sigurtà u s-saħħa, rekwiżiti tekniċi għall-funzjonalità, il-kwalità, u l-prestazzjoni, u aspetti ekonomiċi, li jinkudu l-ispejjeż tal-manifattura u tal-possibiltà li l-prodott jitqiegħed fis-suq, filwaqt li tikkonforma mal-leġiżlazzjoni relevanti kollha.




ANNESS II

Metodu biex jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-ekodisinn

(imsemmija fl-artikolu 15(6))

Rekwiżiti speċifiċi għall-ekodisinn għandhom l-għan li jtejbu aspett ambjentali speċifiku tal-prodott. Jistgħu jieħdu l-forma ta’ rekwiżiti għall-konsum imnaqqas ta’ ċertu riżors, bħal-limitu fuq l-użu ta’ dan ir-riżors fid-diversi stadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, kif ikun xieraq (bħal limitu fuq il-konsum tal-ilma fil-fażi tal-użu jew fuq il-kwantitajiet ta’ ċertu materjal inkorporat fil-prodott jew rekwiżit ta’ kwantitajiet minimi ta’ materjal riċiklat).

Meta jkunu qed jiġu preparati l-miżuri implimentattivi li jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi għall-ekodisinn skont l-Artikolu 15, il-Kummissjoni tidentifika, kif inhu xieraq għall-prodott kopert mill-miżura implimentattiva, il-parametri relevanti għall-ekodisinn fost dawk li huma msemmija fil-Parti I tal-Anness I, u tistabbilixxi l-livelli ta’ dawk ir-rekwiżiti skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2) kif ġej:

1. Analiżi teknika, ambjentali u ekonomika għandha tagħżel numru ta’ mudelli rappreżentattivi tal-prodott in kwistjoni fis-suq u tidentifika l-possibbiltajiet tekniċi biex tiġi mtejba l-prestazzjoni ambjentali tal-prodott, filwaqt li l-vijabbiltà ekonomika tal-possibbiltajiet tkompli tkun ikkunsidrata u kwalunkwe telf sinifikanti fil-prestazzjoni jew fl-utilità għall-konsumaturi jkun evitat.

L-analiżi teknika, ambjentali u ekonomika għandha tidentifika wkoll, għall-aspetti ambjentali li qed jiġu kkunsidrati, il-prodotti li jagħtu l-aħjar prestazzjoni u t-teknoloġija disponibbli fis-suq.

Il-prestazzjoni ta’ prodotti disponibbli fis-swieq internazzjonali u “benchmarks” stabbiliti taħt leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi oħra għandhom jitqiesu matul l-analiżi kif ukoll meta jkunu qed jiġu stabbiliti r-rekwiżiti.

Abbażi ta’ din l-analiżi u meta titqies il-fattibilità ekonomika u teknika kif ukoll il-potenzjal għal titjib, għandhom jittieħdu miżuri konkreti b’attenzjoni biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-prodott.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum tal-enerġija fl-użu, il-livell ta’ effiċjenza fl-enerġija jew konsum għandu jiġi stabbilit billi jiġi mmirat il-prezz minimu taċ-ċiklu tal-ħajja għal dawk li jużawh l-aħħar għall-mudelli rappreżentattivi tal-prodott, filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi fuq aspetti ambjentali oħra. Il-metodu tal-analiżi tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja juża rata ta’ skont reali abbażi tad-data mogħtija mill-Bank Ċentrali Ewropew u tul ta’ ħajja realistiku għall-prodott; huwa bbażat fuq is-somma tal-varjazzjonijiet fil-prezz tax-xiri (li jirriżulta mill-varjazzjoni fl-ispejjeż industrijali) u fl-ispejjeż tal-operat, li jirriżultaw mil-livelli differenti ta’ possibbiltajiet ta’ titjib tekniku, imnaqqsa matul it-tul ta’ żmien tal-mudelli rappreżentattivi tal-prodott li qed jiġu kkunsidrati. L-ispejjeż tal-operat ikopru primarjament il-konsum tal-enerġija u spejjeż addizzjonali f’riżorsi oħra, bħall-ilma jew prodotti tal-ħasil.

Għandha ssir analiżi ta’ sensittività li tkopri l-fatturi relevanti, bħall-prezz tal-enerġija jew riżors ieħor, il-prezz tal-materja prima jew tal-produzzjoni, rati ta’ skont, u, fejn hu xieraq, spejjeż ambjentali esterni, inklużi l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jkunu ġew evitati, biex jiġi kkontrollat jekk ikunx hemm tibdil sinifikanti u jekk il-konklużjonijiet totali humiex affidabbli. Ir-rekwiżit jiġi adattat skont kif meħtieġ.

Tista’ tiġi applikata metodoloġija simili għal riżorsi oħra bħall-ilma.

2. Għall-iżvilupp ta’ analiżi teknika, ambjentali u ekonomika, tista’ tintuża informazzjoni disponibbli fil-qafas ta’ attivitajiet oħra tal-Kommunità.

L-istess japplika għall-informazzjoni disponibbli minn programmi eżistenti applikati f’partijiet oħra tad-dinja biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit speċifiku għall-ekodisinn tal-prodotti ikkumerċjat mal-imsieħba ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea.

3. Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit għandha tikkunsidra ċ-ċiklu ta’ disinn mill-ġdid tal-prodott.




ANNESS III

Il-Marka CE

(imsemmija fl-artikolu 5(2))

image

Il-marka CE għandha tkun għolja mill-inqas 5 mm. Jekk il-marka CE tkun imċekkna jew imkabbra l-proporzjonijiet li ngħataw fid-disinn iggradat ta’ hawn fuq għandhom jiġu rispettati.

Il-marka CE għandha titwaħħal mal-prodott. Fejn dan ma jkunx possibbli, għandha titwaħħal mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jkunu miegħu.




ANNESS IV

Kontroll intern tad-disinn

(imsemmi fl-artikolu 8(2))

1. Dan l-Anness jiddeskrivi l-proċedura li biha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu li jwettaq l-obbligazzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 jiggarantixxi u jiddikjara li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti relevanti tal-miżura implimentattiva applikabbli. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE tista’ tkopri prodott wieħed jew aktar u għandha tinżamm mill-fabbrikant.

2. Il-fabbrikant għandu jagħmel fajl ta’ dokumentazzjoni teknika li jagħmel possibli stima ta’ konformità tal-prodott bir-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli.

Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari:

(a) id-deskrizzjoni ġenerali tal-prodott u tal-użu maħsub tiegħu;

(b) ir-riżultati ta’ studji ta’ stima ambjentali rilevanti li jkunu saru mill-fabbrikant, u/jew ir-referenzi għal-letteratura ta’ stima ambjentali jew studji tal-każijiet li ntużaw mill-fabbrikant għall-valutazzjoni, id-dokumentazzjoni u d-deċiżjoni dwar is-soluzzjonijiet tad-disinn tal-prodott;

(c) il-profil ekoloġiku, jekk ikun meħtieġ mill-miżura implimentattiva;

(d) elementi tal-ispeċifikazzjoni tad-disinn tal-prodott li għandhom x’jaqsmu mal-aspetti ambjentali tad-disinn tal-prodott;

(e) lista ta’ standards adattati msemmija fl-Artikolu 10, li jkunu ġew applikati kollha jew parzjalment, u deskrizzjoni tas-soluzzjonijiet adottati biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 10 ma kienux applikati jew fejn dawk l-istandards ma jkoprux b’mod totali r-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli;

(f) kopja tal-informazzjoni li tikkonċerna l-aspetti ambjentali tad-disinn tal-prodott provduta skont ir-rekwiżiti speċifikati fil- Parti 2 tal-Anness I; u

(g) ir-riżultati tal-kejl li sar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn, inklużi dettalji tal-konformità tal-qisien kif huma mqabbla mar-rekwiżiti għall-ekodisinn stabbiliti mill-miżura implimentattiva applikabbli.

3. Il-fabbrikant għandu jieħu l-qisien kollha meħtieġa biex jiżgura li l-prodott ikun manifatturat konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn imsemmija fil-punt 2 u mar-rekwiżiti tal-miżura li japplikaw għalih.




ANNESS V

Sistema ta’ ġestjoni tal-istima ta’ konformità

(imsemmi fl-artikolu 8(2))

1.

Dan l-Anness jiddeskrivi l-proċedura li biha l-fabbrikant li jissodisfa l-obbligi tal-punt 2 jiggarantixxi u jiddikjara li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE tista’ tkopri prodott wieħed jew aktar u għandha tinżamm mill-fabbrikant.

2.

Sistema ta’ ġestjoni tista’ tintuża għall-istima ta’ konformità ta’ prodott bil-kondizzjoni li l-fabbrikant jimplimenta l-elementi ambjentali speċifikati fil-punt 3.

3.

Elementi ambjentali tas-sistema ta’ ġestjoni

Dan il-punt jispeċifika l-elementi u l-proċeduri li bihom il-fabbrikant ikun jista’ juri li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli.

3.1.   Il-Politika tal-Prestazzjoni Ambjentali tal-Prodott

Il-fabbrikant għandu jkun jista’ juri l-konformità mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva applikabbli. Għandu wkoll ikun jista’ jipprovdi qafas biex ikunu jistgħu jsiru jew jiġu riveduti oġġettivi u indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott sabiex il-prestazzjoni ambjentali totali tal-prodott tkun tista’ titjieb.

Il-miżuri kollha li jkunu adottati mill-fabbrikant biex itejbu l-wirja ambjentali ġenerali u jwaqqfu profil ekoloġiku ta’ prodott, jekk ikun meħtieġ mill-miżura implimentattiva, mid-disinn u l-manifattura, iridu jiġu dokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub.

Dawn il-proċeduri u struzzjonijiet jrid ikollhom, b’mod partikolari, deskrizzjoni adegwata ta’:

(a) il-lista tad-dokumenti li għandha tkun ippreparata biex turi l-konformità tal-prodott, u jekk ikun relevanti, li għandhom ikunu disponibbli;

(b) l-oġġettivi u l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott u l-istruttura tal-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet, is-setgħat tal-amministraturi u l-allokazzjoni tar-riżorsi f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tagħhom;

(c) il-kontrolli u t-testijiet li għandhom isiru wara l-manifattura biex jivverifikaw il-prestazzjoni tal-prodott kontra l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali;

(d) proċeduri biex jikkontrollaw id-dokumentazzjoni meħtieġa u biex jiżguraw li din tinżamm aġġornata; u

(e) il-metodu biex jivverifika l-implimentazzjoni u l-effiċjenza tal-elementi ambjentali tas-sistema ta’ ġestjoni.

3.2.   Ippjanar

Il-fabbrikant għandu jistabbilixxi u jżomm:

(a) il-proċeduri għall-istabbiliment tal-profil ekoloġiku tal-prodott;

(b) oġġettivi u indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodott, li jikkunsidraw il-possibiltajiet teknoloġiċi u jqisu r-rekwiżiti tekniċi u ekonomiċi;

(c) programm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

3.3.   Implimentazzjoni u Dokumentazzjoni

3.3.1. Id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta’ ġestjoni għandha, b’mod partikolari, tikkonforma ma’ dawn li ġejjin:

(a) ir-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet għandhom ikunu definiti u dokumentati sabiex jiżguraw prestazzjoni ambjentali tal-prodott effettiva u jsir rapport dwar l-operat tiegħu għall-analiżi u t-titjib;

(b) id-dokumenti għandhom ikunu stabbiliti u jindikaw il-kontroll tad-disinn u l-mezzi tekniċi għall-verifika implimentati u l-proċessi u l-miżuri sistematiċi li ġew użati meta l-prodott kien qed jiġi ddisinjat; u

(c) il-fabbrikant għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata informazzjoni li tiddeskrivi l-elementi ambjentali ċentrali tas-sistema ta’ ġestjoni u l-proċeduri għall-kontroll tad-dokumenti kollha meħtieġa.

3.3.2. Id-dokumentazzjoni li tikkonċerna l-prodott għandha tinkludi, b’mod partikolari:

(a) deskrizzjoni ġenerali tal-prodott u tal-użu maħsub tiegħu;

(b) ir-riżultati ta’ studji ta’ stima ambjentali rilevanti li jkunu saru mill-fabbrikant, u/jew ir-referenzi għal-letteratura ta’ stima ambjentali jew studji tal-każijiet li ntużaw mill-fabbrikant għall-valutazzjoni, id-dokumentazzjoni u d-deċiżjoni dwar is-soluzzjonijiet tad-disinn tal-prodott;

(c) il-profil ekoloġiku, jekk hu meħtieġ mill-miżura implimentattiva;

(d) dokumenti li jiddeskrivu r-riżultati tal-kejl li sar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn inklużi dettalji tal-konformità tal-qisien kif huma mqabbla mar-rekwiżiti għall-ekodisinn stabbiliti mill-miżura implimentattiva applikabbli;

(e) il-fabbrikant għandhu jistabbilixxi speċifikazzjonijiet li jindikaw, b’mod partikolari, liema standards ikunu ġew applikati; fejn l-istandards imsemmija fl-Artikolu 10 mhumiex applikati jew fejn ma jkoprux b’mod totali r-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva relevanti, il-metodi li ġew użati biex il-konformità tkun żgurata; u

(f) kopja tal-informazzjoni li tikkonċerna l-aspetti ambjentali tal-prodott li hija provduta skont ir-rekwiżiti speċifikati fl-Anness I, Parti 2.

3.4.   Kontrolli u azzjoni korrettiva

3.4.1. Il-fabbrikant għandu:

(a) jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżgura li l- prodott jkun manifatturat b’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn u mar-rekwiżiti tal-miżura implimentattiva li japplikaw għalih;

(b) jistabbilixxi u jżomm aġġornati l-proċeduri biex in-nuqqas ta’ konformità tkun investigata u tingħata risposta, u jimplimenta tibdil fil-proċeduri dokumentati li jirriżultaw minn azzjoni korrettiva; u

(c) iwettaq, mill-inqas kull tliet snin, verifika interna sħiħa tas-sistema ta’ ġestjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-elementi ambjentali tagħha.




ANNESS VI

Dikjarazzjoni ta’ Konformità tal-KE

(Imsemmija fl-artikolu 5(3))

Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE għandha tinkludi dawn l-elementi li ġejjin:

1. L-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu;

2. Deskrizzjoni tal-mudell biżżejjed għall-identifikazzjoni mhux ambigwa;

3. Fejn ikun xieraq, ir-referenzi tal-istandards armonizzati applikati;

4. Fejn ikun xieraq, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oħra użati,

5. Fejn ikun xieraq, referenza għal-leġiżlazzjoni oħra tal-Kommunità li tipprovdi għat-twaħħil tal-marka CE applikata; u

6. Identifikazzjoni u firma tal-persuna awtorizzata li torbot lill-fabbrikant jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.




ANNESS VII

Kontenut tal-miżuri implimentattivi

(imsemmija fl-artikolu 15(8))

Il-miżura implimentattiva għandha tispeċifika, b’mod partikolari:

1. It-tifsira eżatta tat-tip(i) ta’ prodott(i) kopert(i);

2. Ir-rekwiżiti għall-ekodisinn għall-prodott(i) kopert(i), id-data/i ta’ implimentazzjoni u l-miżuri jew perjodi tranżitorji jew proviżorji;

(a) fil-każ ta’ rekwiżiti ġeneriċi għall-ekodisinn, il-fażijiet u l-aspetti relevanti magħżula fost dawk imsemmija fil-punti 1.1 u 1.2 tal-Anness I, akkompanjati minn eżempji ta’ parametri magħżula minn dawk imsemmija fil-punt 1.3 tal-Anness I, bħala gwida waqt il-valutazzjoni tat-titjib f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti ambjentali identifikati;

(b) fil-każ ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-ekodisinn, il-livell(i) tiegħu (tagħhom);

3. Il-parametri għall-ekodisinn msemmija fil-Parti 1 tal-Anness I li fir-rigward tagħhom ebda rekwiżit għall-ekodisinn ma hu meħtieġa;

4. Ir-rekwiżiti dwar l-istallazzjoni tal-prodott fejn għandu relevanza diretta mal-prestazzjoni ambjentali kkunsidrata tal-prodott;

5. L-istandards ta’ kejl u/jew metodi ta’ kejl li għandhom jintużaw; meta jkunu disponibbli, għandhom jintużaw l-istandards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6. Id-dettalji tal-istima ta’ konformità skont id-Deċiżjoni 93/465/KEE

(a) fejn il-modulu(i) li għandu (għandhom) jiġu applikati huwa (huma) differenti mill-Modulu A; il-fatturi li jwasslu għall-għażla ta’ dik il-proċedura speċifika;

(b) fejn hu relevanti l-kriterji għall-approvazzjoni u/jew iċ-ċertifikazzjoni ta’ partijiet terzi;

fejn moduli differenti jkunu stabbiliti f’rekwiżiti oħra CE għall-istess prodott, il-modulu definit fil-miżura implimentattiva għandhom jipprevalixxu fuq ir-rekwiżit in kwistjoni;

7. Rekwiżiti dwar informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-fabbrikanti l-iżjed dwar l-elementi tad-dokumentazzjoni teknika li huma meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodott mal-miżura implimentattiva;

8. It-tul tal-perjodu transitorju li matulu l-Istati Membri għandhom iħallu li jitqiegħdu fis-suq u/jew li jitħaddmu l- prodotti li jikkonformaw mar-regolamenti fis-seħħ fit-teritorju tagħhom fid-data tal-adozzjoni tal-miżura implimentattiva;

9. Id-data għall-valutazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-miżura implimentattiva, filwaqt li titqies il-ħeffa tal-progress teknoloġiku.




ANNESS VIII

Awto-regolament

(imsemmija fl-artikolu 17)

Flimkien mar-rekwiżit legali bażiku li inizjattivi awto-regolatorji għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat (b’mod partikolari s-suq intern u r-regoli ta’ kompetizzjoni), kif ukoll ma’ impenji internazzjonali tal-Komunità, inklużi regoli multilaterali ta’ kummerċ, il-lista li ġejja li mhix eżawrenti ta’ kriterji indikattivi tista’ tintuża biex tiġi valutata l-ammissibbiltà ta’ inizjattivi awto-regolatorji bħala alternattiva għall-miżura implimentattiva fil-kuntest ta’ din id-Direttiva.

1.    Il-grad ta’ ftuħ tal-parteċipazzjoni

Għandom jkunu miftuħin inizjattivi awto-regolatorji għall-parteċipazzjoni ta’ operaturi ta’ pajjiżi terzi, kemm fil-fażi preparatorja kif ukoll fil-fażi tal-implimentazzjoni.

2.    Valur miżjud

L-inizjattivi awto-regolatorji għandom jagħtu valur miżjud (iżjed minn “negozju tas-soltu”) fis-sens tal-prestazzjoni ambjentali totali mtejba tal-prodott kopert.

3.    Rappreżentattività

L-industrija u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jkunu qed jieħdu sehem f’azzjoni awto-regolatorja għandom jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tas-settur ekonomiku relevanti, bl-inqas eċċezzjonijiet possibbli. Għanda tingħata attenzjoni sabiex tkun żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.

4.    Għanijiet kwantifikati u mqassma fi stadji

L-għanijiet definiti mill-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu stabbiliti b’termini ċari u mhux ambigwi, u jibdew minn linja bażi definita tajjeb. Jekk l-inizjattiva awto-regolatorja tkopri firxa twila ta’ żmien, għandhom jiġu inklużi miri temporanji. Irid ikun possibbli li jsir monitoraġġ tal-konformità mal-għanijiet u mal-miri (temporanji) b’mod li jkun jiflaħ l-ispiża u kredibbli bl-użu ta’ indikaturi ċari u ta’ min joqgħod fuqhom. Informazzjoni ta’ riċerka u dejta xjentifika u teknoloġika għandhom iħaffu l-iżvilupp ta’ dawn l-indikaturi.

5.    Involviment tas-soċjetà ċivili

Bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza, inizjattivi awto-regolatorji għandhom jiġu ppubblikati, anke bl-użu tal-Internet u mezzi elettroniċi oħra sabiex tinxtered l-informazzjoni.

L-istess għandu japplika għar-rapporti temporanji u finali ta’ monitoraġġ. Il-partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri, l-industrija, l-għaqdiet ambjentali mhux governattivi u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu mistiedna biex jikkummentaw dwar inizjattivi awto-regolatorji.

6.    Monitoraġġ u rapportar

Inizjattivi awto-regolatorji għandu jkollhom sistema tajba ta’ monitoraġġ b’responsabbiltajiet identifikati b’mod ċar għall-industrija u għall-ispetturi indipendenti. Is-servizzi tal-Kummissjoni, fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati fl-inizjattiva awto-regolatorja, għandhom jiġu mistiedna biex jimmonitorjaw is-suċċess tal-objettivi.

Il-pjan ta’ monitoraġġ u r-rappurtar għandu jkun dettaljat, trasparenti u oġġettiv. Għandu jibqa’ f’id is-servizzi tal-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1), li għandhom iqisu jekk intlaħqux l-objettivi tal-ftehim volontarju jew ta’ miżuri awto-regolatorji oħra.

7.    Effettività tan-nefqa fl-amministrazzjoni ta’ inizjattiva awto-regolatorja

L-ispiża li tamministra inizjattiva awto-regolatorja, b’mod partikolari rigward il-monitoraġġ, ma għandhiex twassal għal piż amministrattiv disproporzjonat, meta mqabbel mal-objettivi tagħhom u ma’ strumenti ta’ politika disponibbli oħrajn.

8.    Sostenibbiltà

Inizjattivi awto-regolatorji għandhom iwieġbu għall-objettivi tal-politika ta’ din id-Direttiva, inkluż l-approċċ integrat u għandhom ikunu konsistenti mad-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-iżvilupp sostenibbli. Il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (jiġifieri saħħa, kwalità tal-ħajja u interessi ekonomiċi) għandha tiġi integrata.

9.    Kompatibbiltà tal-inċentivi

Inizjattivi awto-regolatorji x’aktarx ma jagħtux ir-riżultati mistennija jekk fatturi u inċentivi oħra - pressjoni tas-suq, taxxi u leġiżlazzjoni fuq livell nazzjonali - jibagħtu sinjali kontradittorji lill-parteċipanti fl-inizjattiva awto-regolatorja. Il-konsistenza fil-politika hija essenzjali f’dan ir-rigward u għandha titqies fl-istima tal-effikaċja tal-inizjattiva.




ANNESS IX

PARTI A



Id-Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 24)

Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29).

 

Id-Direttiva 2008/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 81, 20.3.2008, p. 48).

L-Artikolu 1 biss

PARTI B



Lista ta’ limiti tal-ħin għal trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 24)

Id-Direttiva

L-iskadenza għat-traspożizzjoni

2005/32/KE

fil-11 ta’ Awwissu 2007.

2008/28/KE




ANNESS X



Tabella ta’ Korrelazzjoni

Id-Direttiva 2005/32/KE

Din id-Direttiva

L-Artikoli 1 sa 20

L-Artikoli 1 sa 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 21

Artikolu 24

Artikolu 22

Artikolu 25

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 26

Artikolu 25

Artikolu 27

Artikolu 26

L-Annessi I sa VIII

L-Annessi I sa VIII

L-Anness IX

L-Anness X



( 1 ) ĠU C 100, 30.4.2009, p. 120.

( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009.

( 3 ) ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

( 4 ) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

( 5 ) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

( 6 ) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

( 7 ) ĠU C 136, 4.6.1985, p. 1.

( 8 ) ĠU C 141, 19.5.2000, p. 1.

( 9 ) ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16.

( 10 ) ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

( 11 ) ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

( 12 ) ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.

( 13 ) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

( 14 ) ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1.

( 15 ) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

( 16 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

( 17 ) ĠU L 167, 22.6.1992, p. 17.

( 18 ) ĠU L 236, 18.9.1996, p. 36.

( 19 ) ĠU L 279, 1.11.2000, p. 33.

( 20 ) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

( 21 ) ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

( 22 ) ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.

( 23 ) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

( 24 ) ĠU L 114, 24.4.2001, p. 1.

( 25 ) ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

( 26 ) ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201.

( 27 ) ĠU L 59, 27.2.1998, p. 1.

Top