Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008R0800-20131201

Regolament tal - Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas- 6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/800/2013-12-01

2008R0800 — MT — 01.12.2013 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 800/2008

tas-6 ta’ Awwissu 2008

li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 214, 9.8.2008, p.3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1224/2013 tad-29 ta’ Novembru 2013

  L 320

22

30.11.2013




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 800/2008

tas-6 ta’ Awwissu 2008

li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna orizzontali mill-Istat ( 1 ), u partikolarment l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament ( 2 ),

Wara li kkonsultat il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara, skond l-Artikolu 87 tat-Trattat, li f’ċerti kundizzjonijiet għajnuna lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju (“l-SMEs”), għajnuna favur ir-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna favur il-protezzjoni ta’ l-ambjent, għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ, u għajnuna konformi mal-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali, hija kompatibbli mas-suq komuni u mhux suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(2)

Il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat f’diversi deċiżjonijiet u akkwistat biżżejjed esperjenza biex tiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ kompatibilità fir-rigward ta’ l-għajnuna favur l-SMEs, fil-forma ta’ għajnuna għall-investiment fiż-żoni megħjuna u barra minnhom, u fil-forma ta’ skemi ta’ kapital ta’ riskju fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. B’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju ( 3 ), l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001, u fir-rigward ta’ l-estensjoni ta’ l-ambitu ta’ dak ir-Regolament biex jinkludi l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp ( 4 ), l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kapital tar-riskju ( 5 ) u l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-investiment tal-kapital tar-riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju ( 6 ), kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni ( 7 ).

(3)

Il-Kummissjoni akkwistat biżżejjed esperjenza fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat fl-oqsma ta’ l-għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għall-impjiegi, għajnuna għall-ambjent, għajnuna għar-riċerka u għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni u għajnuna reġjonali fir-rigward ta’ kemm l-SMEs u l-impriżi ż-żgħar, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna għat-taħriġ ( 8 ), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat għall-impjiegi ( 9 ), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna reġjonali nazzjonali mill-Istat għall-investiment ( 10 ), il-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp ( 11 ), il-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-Linji Gwida Komunitarji ta’ l-2001 dwar l-għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-ambjent ( 12 ), il-Linji Gwida Komunitarji ta’ l-2008 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent ( 13 ) u l-Linji Gwida dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali għall-2007-2013 ( 14 ).

(4)

Fid-dawl ta’ din l-esperjenza, jinħtieġ li jiġu adattati wħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nri 68/2001, 70/2001, 2204/2002 u 1628/2006. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u sabiex ikun żgurat monitoraġġ aktar effiċjenti ta’ l-għajnuna mill-Kummissjoni, dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu sostitwiti b’regolament wieħed. Fost affarijiet oħra, is-simplifikazzjoni għandha tirriżulta minn sensiela ta’ definizzjonijiet komuni armonizzati u dispożizzjonijiet komuni orizzontali stipulati fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-leġiżlazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat, id-definizzjonijiet ta’ għajnuna u ta’ skema ta’ għajnuna għandhom ikunu identiċi għad-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE ( 15 ). Din is-simplifikazzjoni hi essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi tħalli r-riżultati, speċjalment lill-SMEs.

(5)

Dan ir-Regolament għandu jeżenta kwalunkwe għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rilevanti ta’ dan ir-Regolament, u kwalunkwe skema ta’ għajnuna, sakemm kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata skond din l-iskema tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, kif ukoll sorveljanza aktar effiċjenti ta’ l-għajnuna, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna individwali mogħtija skond dan ir-Regolament għandu jkun fiha referenza espressa għad-dispożizzjoni applikabbli tal-Kapitolu II u għal-liġi nazzjonali li fuqha hi bbażata l-għajnuna individwali.

(6)

Sabiex tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun ukoll f’pożizzjoni li tiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja mill-Istati Membri dwar il-miżuri implimentati taħt il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament. Jekk Stat Membru jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni dwar dawn il-miżuri ta’ għajnuna fi skadenza raġonevoli, dan jista’ għaldaqsant ikun ikkunsidrat bħala indikazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhumiex jiġu rrispettati. Dan in-nuqqas għalhekk jista’ jwassal lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi li fil-futur dan ir-Regolament, jew il-parti rilevanti ta’ dan ir-Regolament, għandu jitwarrab, fir-rigward ta’ l-Istat Membru kkonċernat u li kull miżura ta’ għajnuna sussegwenti, inklużi l-miżuri ġodda ta’ għajnuna individwali mogħtija fuq il-bażi ta’ skemi ta’ għajnuna li qabel kienu koperti b’dan ir-Regolament, għandhom bżonn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 tat-Trattat. Hekk kif l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni korretta u sħiħa, il-Kummissjoni għandha tippermetti li r-Regolament jerġa’ jkun kollu kemm hu applikabbli mill-ġdid.

(7)

Għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat li mhix koperta b’dan ir-Regolament għandha tibqa’ suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika meħtieġa skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għall-possibbiltà li Stati Membri jinnotifikaw għajnuna li l-għanijiet tagħha jikkorrispondu ma’ l-għanijiet koperti minn dan ir-Regolament. Din l-għajnuna tkun evalwata mill-Kummissjoni b’mod partikolari fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u skond il-kriterji stipulati fil-linji gwida speċifiċi u l-oqfsa adottati mill-Kummissjoni kull fejn l-għajnuna kkonċernata taqa’ fl-ambitu ta’ l-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti speċifiċi.

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna li tiffavorixxi prodotti domestiċi fuq prodotti importati. B’mod partikolari, m’għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk tad-distribuzzjoni f’pajjiżi oħra. L-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ispiża tal-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew għal servizzi ta’ studji jew konsulenza meħtieġa biex tniedi prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid normalment ma tikkostitwixxix għajnuna għall-importazzjoni.

(9)

Dan ir-Regolament għandu japplika prattikament fis-setturi kollha. Fis-settur tas-sajd u ta’ l-akkwakultura, dan ir-Regolament għandu jeżenta biss għajnuna fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, għajnuna fil-forma ta’ kapital tar-riskju, għajnuna għat-taħriġ u għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità.

(10)

Fis-settur agrikolu, minħabba r-regoli speċjali li japplikaw fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, dan ir-Regolament għandu jeżenta biss għajnuna fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna fil-forma tal-kapital tar-riskju, għajnuna għat-taħriġ, għajnuna ambjentali u għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità sal-punt li dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mhumiex koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat lill-impriżi ta’ daqs żgħir u medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 ( 16 ).

(11)

Minhabba s-similaritajiet bejn l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli u ta’ prodotti mhux agrikoli, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

(12)

La attivitajiet li jsiru fir-razzett, neċessarji għall-preparazzjoni ta’ prodott għall-ewwel bejgħ, u lanqas l-ewwel bejgħ lil min jerga’ jbigħ jew lil proċessuri m’għandhom ikunu meqjusa bħala pproċessar jew tqegħid fis-suq għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li, ladarba l-Komunità illeġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari ta’ l-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li ma jieħdu ebda miżura li tista’ iddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha. Dan ir-Regolament għalhekk m’għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha jkun stabbilit fuq il-bażi ta’ prezz jew ta’ kwantità ta’ prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq, anqas m’għandu japplika għal għajnuna li tkun marbuta ma’ obbligazzjoni li tinqasam ma’ produtturi primarji.

(13)

Minħabba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam ( 17 ), dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-settur tal-faħam bl-eċċezzjoni għal għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u innovazzjoni u għajnuna għall-ambjent.

(14)

Meta skema ta’ għajnuna reġjonali tkun intenzjonata li tilħaq għanijiet reġjonali, iżda tkun immirata lejn oqsma partikolari ta’ l-ekonomija, l-għan u l-effetti probabbli ta’ l-iskema jistgħu ikunu settorjali aktar minn orizzontali. Għaldaqstant, skemi ta’ għajnuna reġjonali mmirati lejn setturi speċifiċi ta’ attività ekonomika, kif ukoll għal għajnuna reġjonali mogħtija għal attivitajiet fis-settur ta’ l-azzar, fis-settur tal-bini tal-vapuri, kif previsti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri ( 18 ), u fis-settur tal-fibri sintetiċi, ma għandhomx jiġu koperti mill-eżenzjoni tan-notifika. Madankollu, is-settur turistiku għandu rwol importanti fl-ekonomiji nazzjonali u b’mod ġenerali għandu effett partikolarment pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali. Skemi ta’ għajnuna reġjonali, immirati lejn attivitajiet turistiċi, għandhom għalhekk ikunu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika.

(15)

Għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà skond l-ambitu tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà ( 19 ) għandhom jiġu vvalutati taħt dawk il-linji gwida sabiex tiġi evitata ċ-cirkumvenzjoni tagħhom. Għajnuniet għal dawn l-impriżi għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, meta tkun qed tingħata l-għajnuna lill-SMEs koperta minn dan ir-Regolament, id-definizzjoni ta’ x’għandu jiġi kkunsidrat bħala impriża li tkun f’diffikultà għandha tiġi simplifikata kif imqabbla mad-definizzjoni użata f’dawk il-Linji Gwida. Barra minn hekk, l-SMEs li ilhom inkorporati għal anqas minn tliet snin ma għandhomx, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’diffikultà matul dan il-perjodu sakemm ma jkunx sodisfatt il-kriterju taħt il-liġi nazzjonali relevanti biex ikunu s-suġġett ta’ proċedimenti kollettivi għall-falliment. Dawn is-simplifikazzjonijiet għandhom ikunu bla ħsara għall-kwalifiki ta’ dawn l-SMEs taħt dawk il-Linji Gwida fir-rigward ta’ l-għajnuna mhux koperta b’dan ir-Regolament u bla ħsara għall-kwalifika bħala impriżi f’diffikultà ta’ impriżi kbar, taħt dan ir-Regolament, li jibqgħu suġġetti għad-definizzjoni sħiħa pprovduta f’dawn il-Linji Gwida.

(16)

Il-Kummissjoni trid tiżgura li għajnuna awtorizzata ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tan-negozju b’mod kuntrarju għall-interess ġenerali. Għalhekk, għajnuna favur benefiċjarju li jkun suġġett għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li ddikjarat għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, għandha tkun eskluża mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Bħala konsegwenza, kwalunkwe għajnuna ad hoc mogħtija lil dan il-benefiċjarju, kwalunkwe skema ta’ għajnuna li ma jkunx fiha dispożizzjoni li speċifikament teskludi dawn il-benefiċjarji tibqa’ suġġetta għar-rekwiżiti tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Dik id-dispożizzjoni m’għandhiex taffettwa l-aspettativi leġittimi ta’ benefiċjarji ta’ skemi ta’ għajnuna li mhumiex suġġetti għal ordnijiet pendenti ta’ rkupru.

(17)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat, kif ukoll għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, id-definizzjonijiet ta’ termini li huma rilevanti għall-kategoriji differenti ta’ għajnuna koperti minn dan ir-Regolament għandhom jiġu armonizzati.

(18)

Għal skopijiet ta’ kalkolu ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna, iċ-ċifri kollha għandhom jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ħlas ieħor. Għall-iskop ta’ kalkolu ta’ l-intensitajiet ta’ l-għajnuna, għajnuna li titħallas f’diversi pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata ta’ interessi li għandha tintuża għal skopijiet ta’ skont u biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ għajnuna li ma jiħux il-forma ta’ għotja, għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fi żmien ta’ l-għotja, kif stipulat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għat-twaqqif tar-rati ta’ referenza u ta’ skont ( 20 ).

(19)

F’każijiet fejn l-għajnuna tingħata permezz ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa jew tnaqqis f’taxxi dovuti fil-futur, suġġett li tkun rispettata ċerta intensità ta’ għajnuna definita fl-ekwivalenti ta’ l-għotja gross, jingħata skont fil-porzjon ta’ l-għajnuna fuq il-bażi tar-rati ta’ referenza applikabbli fid-diversi żminijiet li fihom jidħlu fis-seħħ dawn il-benefiċċji fuq it-taxxa. Fil-każ ta’ l-eżenzjonijiet mit-taxxa jew tnaqqis mit-taxxi futuri, ir-rata ta’ referenza applikabbli u l-ammont eżatt tal-porzjonijiet ta’ għajnuna ma jistgħux ikunu magħrufa minn qabel. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu bil-quddiem limitu għall-valur skontat ta’ l-għajnuna li jirrispetta l-intensità applikabbli ta’ l-għajnuna. Sussegwentement, meta jkun magħruf l-ammont tal-porzjon ta’ l-għajnuna f’sena partikolari, l-iskont jista’ jsir fuq il-bażi tar-rata applikabbli ta’ referenza f’dak iż-żmien. Il-valur skontat ta’ kull porzjoni ta’ għajnuna għandu jitnaqqas mill-ammont globali tal-limitu.

(20)

Għall-iskopijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna li tkun trasparenti. L-għajnuna trasparenti hija għajnuna li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi tar-riskju. B’mod partikolari, l-għajnuna magħmula minn self għandha tiġi kkunsidrata bħala trasparenti fejn l-ekwivalenti gross ta’ l-għotja kienet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza kif stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ referenza u ta’ skont. L-għajnuna magħmula minn miżuri fiskali għandha titqies bħala trasparenti meta l-miżura tipprovdi għal-limitu li jiżgura li l-ogħla livell applikabbli ma jinqabiżx. Fil-każ ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali, li mhumiex suġġetti għal-limitu ta’ notifika individwali taħt dan ir-Regolament, ma hemmx bżonn jiġi inkluż l-ebda limitu biex il-miżura tiġi kkunsidrata bħala trasparenti.

(21)

Għajnuna inkluża fi skemi ta’ garanzija għandha tkun meqjusa bħala trasparenti meta l-metodoloġija biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti gross ta’ l-għajnuna tkun ġiet approvata wara n-notifika ta’ din il-metodoloġija lill-Kummissjoni, u, fil-każ ta’ għajnuna reġjonali għall-investiment, anki meta l-Kummissjoni tkun approvat din il-metodoloġija wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006. Il-Kummissjoni teżamina dawn in-notifiki fuq il-bażi ta’ l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji ( 21 ). L-għajnuna magħmula minn skemi ta’ garanzija għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala trasparenti fejn il-benefiċjarju jkun SME u l-ekwivalenti gross ta’ l-għajnuna tkun ikkalkulata fuq il-bażi tal-premium minimu annwali (“safe harbour premium”) stabbilit fil-punti 3.3 u 3.5 ta’ dak l-Avviż.

(22)

Minħabba d-diffikultà fil-kalkolu ta’ l-ekwivalenti ta’ l-għotja f’għajnuna fil-forma ta’ self li jitħallas lura, din l-għajnuna m’għandhiex tkun koperta b’dan ir-Regolament, minbarra jekk l-ammont totali tas-self li jitħallas lura ikun inqas mil-limitu ta’ notifikazzjoni individwali applikabbli u l-massimu ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna pprovduta skond dan ir-Regolament.

(23)

Minħabba r-riskju ogħla ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ammonti kbar ta’ għajnuna għandhom ikomplu jiġu evalwati mill-Kummissjoni fuq bażi individwali. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti limiti għal kull kategorija ta’ għajnuna bħala parti mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament, f’livell li jagħti każ il-kategorija ta’ għajnuna kkonċernata u l-effetti probabbli tagħha fuq il-kompetizzjoni. Kwalunkwe għajnuna mogħtija ‘l fuq minn dawk il-limiti tibqa’ suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(24)

Bil-għan li jiġi żgurat li l-għajnuna tkun proporzjonata u limitata għall-ammont neċessarju, il-limiti għandhom, kull meta jkun possibbli, jiġu espressi f’termini ta’ intensitajiet ta’ għajnuna b’relazzjoni ma’ sensiela ta’ spejjeż eliġibbli. Peress li huwa bbażat fuq forma ta’ għajnuna li għaliha huwa diffiċli li jiġu identifikati l-ispejjeż eliġibbli, il-limitu fir-rigward ta’ għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju għandu jkun ifformulat f’termini ta’ ammonti massimi ta’ għajnuna.

(25)

Il-limiti f’termini ta’ intensità ta’ l-għajnuna jew ammont ta’ l-għajnuna għandhom jiġu ffissati, fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-Kummissjoni, f’livell li jikseb bilanċ xieraq bejn l-imminimizzar tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-settur assistit u l-indirizzar tan-nuqqas tas-suq jew tal-kwistjoni ta’ koeżjoni kkonċernati. Fir-rigward ta’ għajnuna reġjonali għall-investiment, dan il-limitu għandu jiġi stabbilit f’livell li jqis l-intensitajiet ta’ għajnuna permissibbli skond il-mapep ta’ għajnuna reġjonali.

(26)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-limiti ta’ notifika individwali u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna stabbiliti f’dan ir-Regolament humiex irrispettati, l-ammont totali ta’ appoġġ pubbliku għall-attività jew il-proġett assistit għandu jiġi kkunsidrat, mingħajr ma jiġi meqjus jekk dak l-appoġġ huwiex iffinanzjat minn sorsi lokali, reġjonali, nazzjonali jew tal-Komunità.

(27)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom kategoriji differenti ta’ għajnuna jistgħu jiġu akkumulati. Fir-rigward ta’ l-akkumulazzjoni ta’ l-għajnuna koperta minn dan ir-Regolament ma’ l-għajnuna mill-Istat li mhijiex koperta minnu, għandha titqies id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-għajnuna mhux koperta minn dan ir-Regolament, kif ukoll ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li fuqha hi bbażata din id-deċiżjoni. Għandhom japplikaw dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ l-akkumulazzjoni ta’ l-għajnuna lilll-ħaddiema b’diżabilità ma’ kategoriji oħra ta’ għajnuna, l-aktar ma’ għajnuna għall-investiment, li tista’ tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż tal-pagi kkonċernati. Dan ir-Regolament għandu jipprovdi wkoll għall-akkumulazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna bi spejjeż eliġibbli identifikabbli u miżuri ta’ għajnuna mingħajr spejjeż eliġibbli identifikabbli.

(28)

Sabiex ikun żgurat li l-għajnuna hija neċessarja u tkun ta’ inċentiv biex jiġu żviluppati aktar attivitajiet jew proġetti, dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għajnuna għal attivitajiet li l-benefiċjarju jkun diġà qed jieħu sehem fihom waħdu taħt il-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward ta’ kwalunlkwe għajnuna koperta minn dan ir-Regolament mogħtija lil SME, dan l-inċentiv għandu jiġi meqjus li jeżisti meta, qabel jinbdew l-attivitajiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-proġett jew ta’ l-attivitajiet assistiti, l-SME tkun ippreżentat applikazzjoni lill-Istat Membru. Fir-rigward ta’ l-għajnuna fil-forma ta’ kapital tar-riskju favur l-SMEs, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament l-aktar fir-rigward tad-daqs tal-porzonijiet ta’ investiment għal kull impriża, il-livell ta’ involviment ta’ l-investituri privati, id-daqs tal-kumpanija u l-istadju tan-negozju ffinanzjat jiżguraw li l-miżura ta’ kapital tar-riskju jkollha effett ta’ inċentiv.

(29)

Fir-rigward ta’ kwalunkwe għajnuna koperta minn dan ir-Regolament mogħtija lill-benefiċjarju li huwa impriża kbira, minbarra l-kundizzjonijiet applikabbli għall-SMEs, l-Istat Membru għandu jivverifika wkoll li l-benefiċjarju jkun analizza, f’dokument intern, il-vijabilità tal-proġett jew attività bl-għajnuna jew mingħajr l-għajnuna. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li dan id-dokument intern jikkonferma żieda materjali fid-daqs u fl-ambitu tal-proġett/attività, żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq il-proġett jew attività sussidjata jew żieda materjali fil-veloċità tat-tkomplija tal-proġett/attività kkonċernata. Fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali, jista’ jiġi stabbilit effett ta’ inċentiv fuq il-bażi tal-fatt li fin-nuqqas ta’ l-għajnuna l-proġett ta’ investiment ma jkunx jista’ jitwettaq bħala tali fir-reġjun megħjun.

(30)

Fir-rigward ta’ l-għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità, l-effett ta’ l-inċentiv għandu jkun ikkunsidrat li jkun jeżisti mill-fatt li l-miżura ta’ l-għajnuna kkonċernata twassal għal żieda netta fin-numru ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità li jkunu impjegati mill-impriża kkonċernata jew twassal għal spejjeż addizjonali favur faċilitajiet jew tagħmir dedikati għal ħaddiema b’diżabilità. Fil-każ li l-benefiċjarju ta’ għajnuna għall-impjegar ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji tal-pagi kien diġà qed jibbenefika minn għajnuna biex jimpjega ħaddiema b’diżabilità li jew kienet konformi mal-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2204/2002 jew kienet approvata individwalment mill-Kummissjoni, huwa preżunt li l-kundizzjoni ta’ żieda netta fin-numru ta’ ħaddiema b’diżabilità, li kienet sodisfatta għall-miżuri preeżistenti ta’ għajnuna, tkompli titwettaq għall-iskop ta’ dan ir-Regolament.

(31)

Miżuri ta’ għajnuna fiskali għandhom ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi ta’ l-effett ta’ inċentiv, minħabba l-fatt li huma pprovduti fuq il-bażi ta’ proċeduri differenti minn dawk għall-kategoriji oħra ta’ għajnuna. Tnaqqis fit-taxxi ambjentali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku ( 22 ) u kopert minn dan ir-Regolament għandu jiġi preżunt li għandu effett ta’ inċentiv minħabba l-fatt li r-rati mnaqqsa jikkontribwixxu għall-inqas b’mod indirett għal titjib fil-protezzjoni ambjentali billi jippermettu l-adozzjoni tat-tkomplija ta’ l-iskema globali ta’ taxxa kkonċernata, u b’hekk jinċentivaw l-impriżi li huma suġġetti għat-taxxa ambjentali biex ibaxxu il-livell tagħhom ta’ tniġġis.

(32)

Barra minn hekk, billi l-effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna ad hoc mogħtija lil impriżi kbar huwa meqjus bħala diffiċli biex jiġi stabbilit, din il-forma ta’ għajnuna għandha tkun eskluża mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-eżistenza ta’ dan l-effett ta’ inċentiv fil-kuntest tan-notifika ta’ l-għajnuna kkonċernata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-linji gwida, strutturi jew strumenti oħra tal-Komunità applikabbli.

(33)

Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-monitoraġġ effettiv skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 994/98, huwa xieraq li tiġi stabbilita formola standard biex tintuża mill-Istati Membri biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’sommarju ta’ l-informazzjoni kull meta, skond dan ir-Regolament, skema ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali ad hoc, jiġu implimentati. Il-formola tas-sommarju ta’ l-informazzjoni għandha tintuża għall-pubblikazzjoni tal-miżura fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u fuq l-internet. Is-sommarju ta’ l-informazzjoni għandu jintbagħat lill-Kummissjoni f’format elettroniku bl-użu ta’ applikazzjoni ta’ l-IT stabbilita. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippubblika fuq l-internet it-test sħiħ ta’ din il-miżura ta’ għajnuna. Fil-każ ta’ miżuri ta’ għajnuna ad hoc, jistgħu jitħassru s-sigrieti kummerċjali. L-isem tal-benefiċjarju u l-ammont ta’ l-għajnuna madanakollu ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sigriet kummerċjali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-testi jibqgħu aċċessibbli fuq l-internet sakemm tibqa’ fis-seħħ il-miżura ta’ għajnuna. Bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna li jkollha l-forma ta’ miżuri fiskali, l-att li jagħti l-għajnuna għandu jkun fih referenza għad-dispożizzjoni(jiet) tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament relevanti għal att bħal dan.

(34)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-monitoraġġ effettiv il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-forma u l-kontenut tar-rapporti annwali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-Istati Membri. Barra minn hekk, ikun xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rekords li l-Istati Membri għandhom iżommu fir-rigward ta’ l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali eżentati minn dan ir-Regolament, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(35)

Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet oħra li għandhom jiġu sodisfatti minn kwalunkwe miżura eżentata b’dan ir-Regolament. Fid-dawl ta’ l-Artikoli 87(3)(a) u 87(3)(c) tat-Trattat, din l-għajnuna għandha tkun proporzjonata għall-fallimenti jew l-iżvantaġġi tas-suq li jridu jiġu megħluba sabiex ikunu fl-interess tal-Komunità. Għalhekk huwa xieraq li jiġi limitat l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, sa fejn jikkonċerna għajnuna għall-investment, għal għajnuna mogħtija b’konnessjoni ma’ ċerti investimenti tanġibbli u intanġibbli. Fid-dawl tal-kapaċità żejda tal-Komunità u l-problemi speċifiċi ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ġarr tal-merkanzija u tat-trasport bl-ajru, fil-każ ta’ impriżi li jkollhom l-attività ekonomika ewlenija tagħhom f’dawn is-setturi tat-trasport, il-mezzi u t-tagħmir tat-trasport m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala spejjeż eliġibbli ta’ investiment. Għandhom japplikaw dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ assi tanġibbli għall-iskop ta’ l-għajnuna għall-ambjent.

(36)

B’konsistenza mal-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, l-għajnuna għandha tkun meqjusa bħala mogħtija fil-mument li d-dritt legali li jirċevi l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skond is-sistema legali nazzjonali applikabbli.

(37)

Sabiex ma jiġix preferut il-fattur kapitali ta’ investiment fuq il-fattur tax-xogħol, għandu jsir provvediment għall-possibbiltà li titkejjel l-għajnuna għall-investiment favur l-SMEs u għajnuna reġjonali fuq il-bażi jew ta’ l-ispejjeż ta’ l-investiment jew l-ispejjeż ta’ l-impjiegi maħluqa direttament minn proġett ta’ investiment.

(38)

Skemi ta’ għajnuna għall-ambjent fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi, għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati, għajnuna reġjonali għall-investiment, għajnuna għal impriżi żgħar li għadhom kemm ġew iffurmati, għajnuna għal impriżi li għadhom kemm ġew iffurmati minn imprendituri nisa jew għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju mogħtija lil benefiċjarju fuq bażi ad hoc jista’ jkollhom impatt kbir ħafna fuq il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti billi jiffavorixxu l-benefiċjarju fuq impriżi oħra li ma jkunux irċevew għajnuna bħal din. Billi tingħata biss lil impriża waħda, l-għajnuna ad hoc, x’aktarx li jkollha biss effett strutturali limitat fuq l-ambjent, fuq l-impjegar ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità, fuq il-koeżjoni reġjonali jew fuq il-falliment tas-suq tal-kapital ta’ riskju. Għal din ir-raġuni, skemi ta’ għajnuna dwar dawn il-kategoriji ta’ għajnuna għandhom jiġu eżentati taħt dan ir-Regolament, filwaqt li għajnuna ad hoc għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Dan ir-Regolament għandu madankollu jeżenta għajnuna reġjonali ad hoc meta din l-għajnuna ad hoc tintuża biex tikkumplimenta għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna reġjonali, b’limitu massimu għall-parti ad hoc ta’ 50 % ta’ l-għajnuna totali li tkun se tingħata għall-investiment.

(39)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati ma’ l-għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs ma għandhomx jipprovdu, bħal ma kien il-każ fir-Regolament (KE) Nru 70/2001, għal xi possibbiltà biex jiżdiedu l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna permezz ta’ bonus reġjonali. Madanakollu, għandu jkun possibbli li l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna kontemplati stabbiliti fid-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reġjonali għall-investiment jingħataw ukoll lill-SMEs sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet biex tingħata l-għajnuna reġjonali għall-investiment u l-impjiegi. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ l-għajnuna għal investiment ambjentali ma għandhomx jipprovdu għal xi possibbiltà biex jiżdiedu l-intensitajiet massimi ta’ l-għajnuna permezz ta’ bonus reġjonali. L-intensitajiet massimi ta’ għajnuna kontemplati stabbiliti fid-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reġjonali jistgħu jiġu applikati wkoll għal proġetti li għandhom impatt pożittiv fuq l-ambjent, sakemm il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali għall-investiment jiġu sodisfatti.

(40)

Billi tindirizza l-iżvantaġġi tar-regjuni żvantaġġati, l-għajnuna reġjonali nazzjonali tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta’ l-Istati Membri u l-Komunità flimkien. L-għajnuna nazzjonali reġjonali hija mfassla biex tgħin l-iżvilupp tar-reġjuni l-aktar żvantaġġati billi tappoġġja l-investiment u l-ħolqien ta’ l-impjiegi f’kuntest sostenibbli. Din tippromwovi t-twaqqif ta’ stabbilimenti ġodda, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti, id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ stabbiliment fi prodotti ġodda addizzjonali jew bidla fundamentali fil-proċess kollu tal-produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti.

(41)

Sabiex jiġi evitat li proġetti kbar ta’ investiment reġjonali jinqasmu b’mod artifiċjali fi proġetti żgħar, u b’dan il-mod jaħarbu l-limiti tan-notifika kontemplati skond dan ir-Regolament, proġett kbir ta’ investiment għandu jiġi meqjus bħala proġett ta’ investiment wieħed jekk l-investiment isir matul perjodu ta’ tliet snin mill-istess impriża jew impriżi u jikkonsisti f’assi immobbli magħquda b’mod li huwa ekonomikament indiviżibbli. Sabiex jevalwaw jekk investiment huwiex ekonomikament indiviżibbli, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rabtiet tekniċi, funzjonali u strategiċi u l-viċinanza ġeografika immedjata. L-indiviżibilità ekonomika għandha tiġi evalwata indipendentement mis-sjieda. Dan ifisser li biex jiġi stabbilit jekk proġett kbir ta’ investiment jikkostitwixxix proġett ta’ investiment wieħed, l-evalwazzjoni għandha tkun l-istess mingħajr ma jitqies jekk il-proġett jitwettaqx minn impriża waħda, minn aktar minn impriża waħda li jaqsmu l-ispejjeż ta’ l-investiment jew minn aktar impriżi li jkopru l-ispejjeż ta’ investimenti separati bħala parti mill-istess proġett ta’ investiment (pereżempju fil-każ ta’ impriża konġunta).

(42)

B’kuntrast ma’ l-għajnuna reġjonali, li għandha tkun limitata għal żoni assistiti, l-għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs għandha tkun tista’ tingħata kemm f’żoni assistiti u f’żoni mhux assistiti. L-Istati Membri jistgħu b’dan il-mod jipprovdu, f’żoni assistiti, għajnuna għall-investiment sakemm jirrispettaw jew il-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għajnuna reġjonali jew il-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs.

(43)

L-iżvilupp ekonomiku taż-żoni assistiti qed jitfixkel minn livell relattivament baxx ta’ attività imprenditorjali u b’mod partikolari minn rati ta’ bidu ta’ negozju li jkun anqas mill-medja. Għalhekk hu meħtieġ li tiġi inkluża f’dan ir-Regolament kategorija ta’ għajnuna, li tista’ tingħata b’żieda ma’ l-għajnuna għall-investiment reġjonali, sabiex tipprovdi inċentivi għall-appoġġ tal-ħolqien ta’ negozji ġodda u l-iżvilupp fl-istadju bikri ta’ impriżi żgħar fiż-żoni megħjuna. Sabiex jiġi żgurat li din l-għajnuna għal impriżi li għadhom kemm ġew iffurmati fir-reġjuni megħjuna tkun immirata b’mod effettiv, din il-kategorija ta’ għajnuna għandha tkun iggradata skond id-diffikultajiet li tiffaċċja kull kategorija tar-reġjun. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat riskju inaċċettabbli ta’ distorsjonijiet għall-kompetizzjoni inkluż ir-riskju ta’ crowding-out ta’ l-impriżi eżistenti, l-għajnuna għandha tkun strettament limitata għall-impriżi żgħar, u tkun limitata fl-ammont u digressiva. L-għoti ta’ għajnuna intiża b’mod esklussiv għal impriżi żgħar ġodda jew impriżi ġodda iffurmati minn intraprendituri nisa jista’ jwassal għal inċentivi perversi għal impriżi żgħar eżistenti sabiex jagħlqu u jerġgħu jibdew mill-ġdid biex b’hekk jirċievu dan it-tip ta’ għajnuna. L-Istati Membri għandhom ikunu konxji minn dan ir-riskju u għandhom ifasslu skemi ta’ għajnuna b’mod li jevitaw din il-problema, per eżempju billi jimponu limiti fuq applikazzjonijiet minn sidien ta’ ditti li jkunu ngħalqu riċentement.

(44)

L-iżvilupp ekonomiku tal-Komunità jista’ jiġi mxekkel minn livell baxx ta’ attività imprenditorjali minn ċerti kategoriji tal-popolazzjoni li jbatu minn ċerti żvantaġġi, bħall-aċċess għall-finanzi. Il-Kummissjoni rrevediet il-possibiltà ta’ falliment fis-suq f’dan il-qasam fir-rigward ta’ varjetà ta’ kategoriji ta’ persuni, u f’dan l-istadju hi f’pożizzjoni li tikkonkludi li b’mod partikolari, in-nisa għandhom rata li hi anqas mill-medja ta’ bidu ta’ negozju meta mqabbel ma’ l-irġiel, kif fost affarijiet oħra tixhed id-dejta statistika ta’ l-Eurostat. Għalhekk hu meħtieġ li tiġi inkluża f’dan ir-Regolament kategorija ta’ għajnuna li tipprovdi inċentivi għall-ħolqien ta’ impriżi minn imprendituri nisa sabiex jiġu ttrattati l-fallimenti speċifiċi tas-suq li n-nisa jiltaqgħu magħhom l-aktar fir-rigward ta’ l-aċċess għall-finanzjament. In-nisa jħabbtu wiċċhom ukoll ma’ diffikultajiet partikolari marbuta mal-ġarr ta’ l-ispejjeż biex jieħdu ħsieb il-membri tal-familja. Din l-għajnuna għandha tippermetti li tinkiseb l-ugwaljanza sostantiva aktar milli formali bejn l-irġiel u n-nisa billi de facto titnaqqas in-nuqqas ta’ ugwaljanza fil-qasam ta’ l-imprenditorija, b’konformità mar-rekwiżiti tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Meta jiskadi dan ir-Regolament il-Kummissjoni ser ikollha tikkunsidra mill-ġdid jekk l-ambitu ta’ din l-eżenzjoni u l-kategoriji tal-benefiċjarji kkonċernati jibqgħux ġustifikati.

(45)

L-izvilupp sostenibbli huwa wieħed mill-kolonni prinċipali ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona għat-Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi flimkien mal-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija. L-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat, fost oħrajn, fuq livell għoli ta’ ħarsien u titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent. Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u t-taqbida kontra l-bidla fil-klima twassal ukoll biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u li tkun assigurata l-kompetittività ta’ l-ekonomiji Ewropej u d-disponibilità ta’ enerġija affordabbli. Il-qasam tal-ħarsien ta’ l-ambjent ta’ spiss ikun iffaċċjat b’nuqqasijiet tas-suq fil-forma ta’ aspetti esterni negattivi. F’kundizzjonijiet tas-suq normali, impriżi jistgħu mhux neċessarjament ikollhom inċentiv biex inaqqsu t-tniġġis tagħhom billi dan it-tnaqqis jista’ jżid l-ispejjeż tagħhom. Meta impriżi ma jkunux obbligati li jassimilaw l-ispejjeż tat-tniġġis, is-soċjetà b’mod ġenerali tbati dawn l-ispejjeż. Din l-assimilazzjoni ta’ spejjeż ambjentali tista’ tiġi żgurata bl-impożizzjoni ta’ regolamenti jew taxxi ambjentali. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni sħiħa ta’ l-istandards ambjentali fil-livell ta’ Komunità joħloq sitwazzjoni mhix l-istess għal kulħadd. Barra dan, livell anki aktar għoli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent jista’ jinkiseb permezz ta’ l-inizjattivi li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji tal-Komunità, li jistgħu jagħmlu ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-impriża kkonċernata.

(46)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza suffiċjenti miġbura waqt l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent, għajnuna għal investiment biex tgħin lill-impriżi ħalli jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien ta’ l-ambjent b’titjib fuq l-istandards tal-Komunità jew fin-nuqqas ta’ standards tal-Komunità, għajnuna għall-adattament bikri ma’ standards futuri tal-Komunità minn SMEs, għajnuna ambjentali għal investiment fl-iffrankar ta’ l-enerġija, għajnuna ambjentali għal investiment f’koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, għajnuna ambjentali għal investimenti biex jiġu promossi sorsi ta’ enerġija li tiġġedded u xi għajnuna ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika.

(47)

L-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxa li tiffavorixxi l-ħarsien ta’ l-ambjent, koperta minn dan ir-Regolament, b’konformità mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandha tkun limitata għall-perjodu ta’ 10 snin. Wara dan il-perjodu, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jivvalutaw il-korrettezza fit-tnaqqis tat-taxxa kkonċernat. Dan għandu jkun bla ħsara għall-possibiltà ta’ l-Istati membri biex jerġgħu jadottaw dawn il-miżuri jew miżuri simili skond dan ir-Regolament wara li jkunu wettqu din ir-ri-valutazzjoni.

(48)

Kalkolu korrett ta’ l-investiment jew spejjeż addizzjonali tal-produzzjoni biex jinkiseb il-ħarsien ta’ l-ambjent huwa essenzjali biex jiġi stabbilit jekk l-għajnuna hix kompatibbli ma’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat jew le. Kif inhu spjegat fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż żejda ta’ l-investiment neċessarji biex jintlaħaq livell ogħla ta’ ħarsien għall-ambjent.

(49)

Minħabba d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis ta’ benefiċċji netti li ġejjin minn investiment addizzjonali, għandu jsir provvediment għal metodu simplifikat ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż addizzjonali ta’ l-investiment. Għalhekk, dawn l-ispejjeż, għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkalkulati mingħajr ma jiġu meqjusa l-benefiċċji amministrattivi, l-iffrankar fl-ispejjeż jew produzzjoni anċillari addizzjonali u mingħajr ma jiġu meqjusa spejjeż amministrattivi mnissla matul iż-żmien ta’ l-investiment. L-intensitajiet massimi ta’ l-għajnuna pprovduti skond dan ir-Regolament għall-kategoriji differenti ta’ għajnuna ambjentali għall-investiment ikkonċernat kienu għalhekk imnaqssa sistematikament kif imqabbel ma’ l-intensitajiet massimi ta’ l-għajnuna pprovduti mill-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent.

(50)

Fir-rigward ta’ l-għajnuna ambjentali għall-investiment fil-miżuri ta’ iffrankar ta’ l-enerġija huwa xieraq li l-Istati membri jkunu jistgħu jagħżlu jew il-metodu simplifikat għall-kalkolu jew għall-kalkolu sħiħ ta’ l-ispiża, identika għal dik prevista fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent. Minħabba d-diffikultajiet prattiċi partikolari li jistgħu jinbtu meta jiġi applikat il-metodu tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż kollha, dawn il-kalkoli għandhom jiġu ċċertifikati minn awditur estern.

(51)

Fir-rigward ta’ għajnuna ambjentali għall-investiment fil-koġenerazzjoni u għajnuna ambjentali għal investimenti biex jippromwovu sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, l-ispejjeż żejda għandhom, għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jiġu kkalkolati mingħajr ma jiġu meqjusa miżuri oħra ta’ appoġġ, mogħtija għall-istess spejjeż eliġibbli bl-eċċezzjoni ta’ għajnuniet oħra għall-investiment għall-ambjent.

(52)

Fir-rigward ta’ l-investiment marbut ma’ l-istallazzjoni ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija mill-ilma għandu jiġi nnutat li l-impatt ambjentali jista’ jkollu żewġ aspetti. F’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra ta’ livell baxx dawn żgur li għandhom potenzjal. Mill-banda l-oħra, dawn l-istallazzjonijiet jista’ jkollhom ukoll impatt negattiv, pereżempju fuq sistemi ta’ ilma u fuq il-bijodiversità.

(53)

Biex jiġu eliminati differenzi li jistgħu jagħtu lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex tkun faċilitata l-koordinazzjoni bejn inizjattivi differenti tal-Komunità u nazzjonali li jikkonċernaw l-SMEs, kif ukoll għal raġunijiet ta’ kjarezza amministrattiva u ċertezza legali, id-definizzjoni ta’ SME użata għall-iskop ta’ dan ir-Regolament għandha tkun ibbażata fuq id-definizzjoni fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju ( 23 ).

(54)

L-SMEs għandhom rwol deċiżiv fil-ħolqien ta’ l-impjiegi u, b’mod aktar ġenerali, jaġixxu bħala fattur ta’ stabilità soċjali u ta’ spinta ekonomika. Madankollu, l-iżvilupp tagħhom jista’ jkun limitat b’nuqqasijiet tas-suq, li jwasslu biex dawn l-SMEs isofru minn ostakoli tipiċi. L-SMEs spiss jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiksbu kapital, kapital ta’ riskju jew self, minħabba n-natura avversa għar-riskju ta’ ċerti swieq finanzjarji u l-garanzija limitata li jkunu jistgħu joffru. Ir-riżorsi limitati tagħhom jistgħu ukoll jirrestrinġu l-aċċess tagħhom għal informazzjoni, notevolment dwar teknoloġija ġdida u swieq potenzjali. Biex jiġi faċilitat l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ekonomiċi ta’ l-SMEs, dan ir-Regolament għandu għalhekk jeżenta ċerti kategoriji ta’ għajnuna meta jingħataw favur l-SMEs. Konsegwentement, huwa ġustifikat li din l-għajnuna tkun eżentata min-notifika minn qabel u li għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss jiġi kkunsidrat li meta benefiċjarju jaqa’ fil-parametri tad-definizzjoni ta’ SME prevista f’dan ir-Regolament, dik l-SME tista’ tiġi preżunta, meta l-ammont ta’ l-għajnuna ma jaqbiżx il-limiti tan-notifika applikabbli, li tkun limitata fl-iżvilupp tagħha bl-ostakoli tipiċi ta’ l-SMEs ikkawżati minn nuqqasijiet tas-suq.

(55)

Wara li jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn impriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-intensitajiet ta’ għajnuna bażika differenti u bonusijiet differenti għandhom jiġu stabbiliti għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Nuqqasijiet tas-suq li jaffettwaw lill-SMEs b’mod ġenerali, inklużi diffikultajiet dwar l-aċċess għall-finanzjament, jirriżultaw f’ostakoli anki akbar għall-iżvilupp ta’ impriżi żgħar imqabbla ma’ impriżi ta’ daqs medju.

(56)

Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat u biex jiġi promoss l-investiment għall-kapital ta’ riskju, jidher li hemm numru speċifiku ta’ nuqqasijiet tas-suq tal-kapital ta’ riskju fil-Komunità fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ investiment f’ċerti stadji ta’ l-iżvilupp ta’ l-impriżi. Dawn in-nuqqasijiet tas-suq jirriżultaw minn taqbil difettuż tal-provvista u t-talba għall-kapital ta’ riskju. Bħala riżultat, il-livell ta’ kapital ta’ riskju pprovdut fis-suq jista’ jkun ristrett wisq, u impriżi ma jiksbux finanzjament minkejja li jkollhom mudell kummerċjali ta’ valur u prospetti ta’ tkabbir. Is-sors prinċipali ta’ nuqqas tas-suq rilevanti għal swieq ta’ kapital ta’ riskju, li b’mod partikolari jaffettwa l-aċċess għall-kapital minn SMEs u li jista’ jiġġustifika l-intervent pubbliku, jirrigwarda informazzjoni difettuża jew asimmetrika. Konsegwentement, skemi ta’ kapital tar-riskju fil-forma ta’ fondi ta’ investiment li huma ġestiti b’mod kummerċjali li fihom proporzjon suffiċjenti tal-fondi huma pprovduti minn investituri privati fil-forma ta’ ekwità privata li tippromwovi miżuri ta’ kapital ta’ riskju xprunati mill-profitt favur impriżi fil-mira, għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti tan-notifika taħt ċeti kundizzjonijiet. Il-kundizzjonijiet li l-fondi ta’ investiment għandhom jiġu ġestiti kummerċjalment u li l-miżuri segwenti tal-kapital tar-riskju għandhom ikunu xprunati mill-profitt m’għandhomx iwaqqfu l-fondi ta’ investiment milli jagħtu mira lill-attivitajiet tagħhom u jimmiraw għal partijiet partikulari tas-suq, bħal impriżi ffurmati minn imprendituri nisa. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-istatus tal-Fond Ewropew għall-Investiment, u tal-Bank Ewropew għall-Investiment, kif iddefinit fil-linji gwida Komunitarji dwar il-kapital tar-riskju.

(57)

Għajnuna għar-riċerka l-iżvilupp u l-innovazzjoni tista’ tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku, it-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir ta’ l-impjiegi. Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza tagħha fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 364/2004, tal-qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-Qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, jidher li meta wieħed iqis il-kapaċitajiet disponibbli tar-riċerka u l-iżvilupp kemm ta’ l-SMEs u kemm ta’ impriżi kbar, in-nuqqasijiet tas-suq jistgħu jżommu s-suq milli jilħaq l-aħjar produzzjoni u jwassal għal riżultat ineffiċjenti. Dawn ir-riżultati ineffiċjenti ġeneralment ikollhom x’jaqsmu ma’ aspetti esterni pożittivi/konsegwenzi ta’ tagħrif, oġġetti pubbliċi/konsegwenza ta’ tagħrif, informazzjoni difettuża u asimmetrika u nuqqasijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ netwerk.

(58)

Għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni hija ta’ importanza partikolari, speċjalment għall-SMEs għaliex wieħed mill-iżvantaġġi strutturali ta’ l-SMEs jinsab fid-diffikulà li jistgħu jesperjenzaw biex jiksbu aċċess għal żviluppi teknoloġiċi ġodda, trasferimenti teknoloġiċi jew impjegati kwalifikati ħafna. Għalhekk, l-għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp, l-għajnuna għal studji tekniċi ta’ vijabilità u l-għajnuna biex tkopri spejjeż ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għall-SMEs, kif ukoll bħala għajnuna għall-impriżi żgħar innovattivi, għajnuna għal servizzi innovattivi ta’ konsulenza u għal servizzi innovattivi ta’ sostenn u għajnuna għas-self ta’ persunal bi kwalifiki għolja għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika minn qabel, taħt ċertu kundizzjonijiet.

(59)

Fir-rigward ta’ għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp, il-parti assistita tal-proġett ta’ riċerka għandha taqa’ kompletament fil-kategoriji ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali. Meta proġett jiġbor fiħ biċċiet ta’ xogħol differenti, kull biċċa xogħol għandha tkun ikkwalifikata bħala li taqa’ taħt il-kategoriji ta’ riċerka fundamentali, ta’ riċerka industrijali jew ta’ żvilupp sperimentali jew bħala waħda li ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji. Din il-kwalifika mhux bilfors issegwi metodu kronoloġiku, li jimxi b’mod sekwenzjali maż-żmien minn riċerka fundamentali għal attivitajiet aktar viċin is-suq. Għal din ir-raġuni, biċċa xogħol li ssir fi stadju avvanzat ta’ proġett tista’ tiġi kkwalifikata bħala riċerka industrijali. Bl-istess mod, mhux eskluż li attività mwettqa fi stadju aktar bikri tal-proġett tista’ tikkostitwixxi żvilupp sperimentali.

(60)

Fis-settur agrikolu ċerta għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp għandha tkun eżentata jekk ikunu sodisfatti kundizzjonijiet simili għal dawk ipprovduti fid-dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati għas-settur agrikolu fil-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Jekk ma jkunux sodisfatti dawk il-kundizzjonijiet speċifiċi, ikun xieraq li ssir dispożizzjoni biex l-għajnuna tiġi eżentata jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet ġenerali relatati mar-riċerka u l-iżvilupp f’dan ir-Regolament.

(61)

Il-promozzjoni tat-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità u l-kumpens ta’ spejjeż addizzjonali għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità jikkostitwixxu għan ċentrali ta’ l-elementi politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha.

(62)

It-taħriġ normalment ikollu aspetti esterni pożittivi għas-soċjetà b’mod ġenerali billi jżid il-grupp ta’ ħaddiema tas-sengħa li jistgħu jutilizzaw ditti oħra, itejjeb il-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità u għandu rwol importanti fl-istrateġija ta’ l-impjiegi tal-Komunità. It-taħriġ li jinkludi l-e-learning, huwa wkoll essenzjali għall-kostituzzjoni, għall-akkwist u għat-tixrid ta’ l-għarfien, li hu ta’ ġid pubbliku ta’ importanza primarja. Minħabba l-fatt li impriżi fil-Komunità ġeneralment ma jinvestux biżżejjed fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħhom, speċjalment meta dan it-taħriġ huwa ta’ natura ġenerali u ma jwassalx għal vantaġġ immedjat u konkret għall-impriża kkonċernata, l-għajnuna ta’ l-Istat tista’ tgħin biex tikkoreġi dan in-nuqqas tas-suq. Għalhekk din l-għajnuna għandha tkun eżenti, taħt ċerti kundizzjonijiet, min-notifika minn qabel. Minħabba l-ostakoli partikolari li l-SMEs ikunu ffaċċjati bihom u l-ispejjeż relattivament ogħla li jkollhom iġorru meta jinvestu fit-taħriġ, l-intensitajiet ta’ l-għajnuna eżentati b’dan ir-Regolament għandhom jiġu miżjuda għall-SMEs. Il-karatteristiċi tat-taħriġ fis-settur tat-trasport marittimu jiġġustifikaw metodu speċifiku kif għandu jkun indirizzat dak is-settur.

(63)

Tista’ ssir distinzjoni bejn it-taħriġ ġenerali u speċifiku. L-intensitajiet ta’ għajnuna permissibbli għandhom ikunu differenti skond it-tip ta’ taħriġ ipprovdut u d-daqs ta’ l-impriża. It-taħriġ ġenerali jipprovdi kwalifiki trasferibbli u jtejjeb sostanzjalment il-potenzjal ta’ impjieg tal-ħaddiem imħarreġ. Għajnuna għal dan il-għan għandha effetti inqas ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni, li tfisser li intensitajiet aktar għoljin ta’ għajnuna jistgħu ikunu eżentati min-notifika minn qabel. It-taħriġ speċifiku, li primarjament ikun ta’ benefiċċju għall-impriża, jinvolvi riskju akbar ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni sabiex l-intensità ta’ l-għajnuna li tista’ tkun ikkunsidrata kompatibbli u eżentata minn notifika minn qabel għandha tkun ħafna inqas. It-taħriġ għandu jkun ikkunsidrat li jkun ta’ natura ġenerali anke meta jkun relatat ma’ ġestjoni ambjentali, ma’ l-eko-innovazzjoni jew mar-responsabbiltà soċjali u għalhekk iżid il-kapaċità tal-benefiċjarju biex jikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali fil-qasam ta’ l-ambjent.

(64)

Ċerti kategoriji ta’ ħaddiema b’diżabilità jew żvantaġġati għadhom jesperjenzaw diffikultà partikolari biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Għal din ir-raġuni hemm ġustifikazzjoni biex awtoritajiet pubbliċi japplikaw miżuri li jipprovdu inċentivi lil impriżi biex iżidu l-livelli ta’ impjiegi tagħhom, b’mod partikolari ta’ ħaddiema minn dawn il-kategoriji żvantaġġati. Spejjeż ta’ l-impjiegi jifformaw parti mill-ispejjez amministrattivi normali ta’ kull impriża. Huwa għalhekk partikolarment importanti li l-għajnuna għall-impjiegi ta’ ħaddiema b’diżabilità u żvantaġġati għandha jkollha effett pożittiv fuq il-livelli ta’ impjiegi ta’ dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema u m’għandhiex biss tagħmilha possibbli li l-impriżi jnaqqsu l-ispejjeż li kieku kien ikollhom iġorru. Konsegwentement, din l-għajnuna għandha tkun eżenti min-notifika minn qabel meta jkun probabbli li tgħin lil dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol jew, fir-rigward ta’ ħaddiema b’diżabilità, biex jerġgħu jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

(65)

Għajnuna għall-impjegar ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji għall-pagi tista’ tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-livell speċifiku ta’ diżabilità tal-ħaddiem b’diżabilità kkonċernat jew tista’ tiġi pprovduta bħala somma waħda sakemm l-ebda wieħed minn dawn il-metodi ma jwassal sabiex l-għajnuna teċċedi l-intensità massima ta’ l-għajnuna għal kull ħaddiem individwali kkonċernat.

(66)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti disposizzjonijiet transitorji għal għajnuna individwali li kienet ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u ma kinitx notifikata bi ksur ta’ l-obbligazzjoni fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Bit-tneħħija tar-Regolament (KE) Nru 1628/2006, l-iskemi eżistenti ta’ investiment reġjonali, kif eżentati, għandhom jitħallew ikomplu jiġu implimentati taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dak ir-Regolament, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(2) ta’ dak ir-Regolament.

(67)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, u partikolarment il-frekwenza li biha ġeneralment ikun neċessarju li tiġi riveduta l-politika dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jiġi mġedded, l-iskemi ta’ għajnuna li diġa ġew eżentati minn dan ir-Regolament għandhom ikomplu jiġu eżentati għal perjodu ieħor ta’ sitt xhur, sabiex l-Istati Membri jingħataw żmien biex jadattaw.

(68)

Ir-Regolament (KE) Nru 70/2001, ir-Regolament (KE) Nru 68/2001 u r-Regolament (KE) Nru 2204/2002 skadew fit-30 ta’ Ġunju 2008 u r-Regolament (KE) Nru 1628/2006 għandu jiġi mħassar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



WERREJ

Kapitolu I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Ambitu

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għal eżenzjoni

Artikolu 4

Intensità ta’ l-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli

Artikolu 5

Trasparenza ta’ l-għajnuna

Artikolu 6

Limiti ta’ notifika individwali

Artikolu 7

Akkumulazzjoni

Artikolu 8

Effett ta’ inċentiv

Artikolu 9

It-trasparenza

Artikolu 10

Il-monitoraġġ

Artikolu 11

Rappurtar Annwali

Artikolu 12

Kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal għajnuna għall-investiment

Kapitolu II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-KATEGORIJI DIFFERENTI TA’ GĦAJNUNA

Taqsima 1

Għajnuna reġjonali

Artikolu 13

Għajnuna għall-investiment reġjonali

Artikolu 14

Għajnuna għall-impriżi żgħar iffurmati ġodda

Taqsima 2

Għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs

Artikolu 15

Għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs

Taqsima 3

Għajnuna għall-intraprenditorija femminili

Artikolu 16

Għajnuna għal impriżi żgħar ġodda ffurmati minn intraprendituri nisa

Taqsima 4

Għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-ambjent

Artikolu 17

Definizzjonijiet

Artikolu 18

Għajnuna għall-investiment li tgħin lill-impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien ta’ l-ambjent jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ta’ l-ambjent fin-nuqqas ta’ l-istandards Komunitarji

Artikolu 19

Għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi tat-trasport li jmorru lil hinn mill-istandards tal-Komunità jew li jżidu l-livell ta’ protezzjoni ambjentali fin-nuqqas ta’ standards tal-Komunità

Artikolu 20

Għajnuna għal adattament bikri ma’ standards futuri tal-Komunità għall-SMEs

Artikolu 21

Għajnuna għal investiment ambjentali f’miżuri ta’ l-iffrankar l-enerġija

Artikolu 22

Għajnuna għal investiment ambjentali f’koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja

Artikolu 23

Għajnuna għall-investiment ambjentali għall-promozzjoni ta’ l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu

Artikolu 24

Għajnuna għall-istudji dwar l-ambjent

Artikolu 25

Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali

Taqsima 5

Għajnuna għal konsulenza u l-parteċipazzjoni ta’ l-SMEs ġo fieri

Artikolu 26

Għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs

Artikolu 27

Għajnuna għall-partiċipazzjoni ta’ l-SMEs ġo fieri

Taqsima 6

Għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju

Artikolu 28

Definizzjonijiet

Artikolu 29

Għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju

Taqsima 7

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni

Artikolu 30

Definizzjonijiet

Artikolu 31

Għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp

Artikolu 32

Għajnuna għal studji tekniċi ta’ vijabilità

Artikolu 33

Għajnuna għal spejjeż ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għall-SMEs

Artikolu 34

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu u fis-settur tas-sajd

Artikolu 35

Għajnuna lill-impriżi innovattivi żgħar

Artikolu 36

Għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni u għal servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni

Artikolu 37

Għajnuna għas-self ta’ persuna bi kwalifiki għolja

Taqsima 8

Għajnuna għat-taħriġ

Artikolu 38

Definizzjonijiet

Artikolu 39

Għajnuna għat-taħriġ

Taqsima 9

Għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità

Artikolu 40

Għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi

Artikolu 41

Għajnuna għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi

Artikolu 42

Għajnuna biex jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabilità

Kapitolu III

DISPOŻIZZJONIJIET TA’ L-AĦĦAR

Artikolu 43

Revoka

Artikolu 44

Dispożizzjonijiet transizzjonali

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ u applikabilità

Anness I

Definizzjoni ta’ SME

Anness II

Formola għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qosor għal għajnuna għal riċerka u l-iżvilupp skond l-obbligu estiż ta’ rapportaġġ stabbilit fl-Artikolu 9(4)

Formola għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qosor għal għajnuna għal proġetti kbar ta' investiment għar-riċerka u l-iżvilupp skond l-obbligu estiż ta’ rapportaġġ stabbilit fl-Artikolu 9(4)

Anness III

Formola għall-provvista ta' informazzjoni fil-qosor skond l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 9(1)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Ambitu

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kategoriji segwenti ta’ għajnuna:

(a) għajnuna reġjonali;

(b) għajnuna għall-investiment u impjiegi ta’ l-SMEs;

(ċ) għajnuna għall-ħolqien ta’ impriżi minn imprendituri nisa;

(d) għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-ambjent;

(e) għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs u għajnuna għall-parteċipazzjoni ta’ l-SMEs ġo fieri;

(f) għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju;

(g) għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

(h) għajnuna għat-taħriġ;

(i) għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità.

2.  Ma tapplikax għal:

(a) għajnuna għal attivitajiet relatati ma’ l-esportazzjoni, jiġifieri għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, għat-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk tad-distribuzzjoni jew għal spejjeż oħra kurrenti marbuta ma’ l-attività ta’ l-esportazzjoni;

(b) għajnuna kontinġenti fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi minflok dawk importati.

3.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna fl-oqsma kollha ta’ l-ekonomija bl-eċċezzjoni tas-segwenti:

(a) għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-setturi tas-sajd u ta’ l-akkwakultura, kif koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 ( 24 ) minbarra għal għajnuna għat-taħriġ, għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità;

(b) għajnuna li tiffavorixxi attivitajiet fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli, minbarra għal għajnuna għat-taħriġ, għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna għall-ambjent u għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità sakemm dawn il-kategoriji ta’ għajnuna mhumiex koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006;

(ċ) għajnuna li tiffavorixxi attivitajiet fl-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, fil-każi segwenti:

(i) meta l-ammont ta’ l-għajnuna jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità ta’ dawn il-prodotti mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati, jew

(ii) meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha tingħata lill-produtturi primarji;

(d) għajnuna li tiffavorixxi attivitajiet fis-settur tal-faħam bl-eċċezzjoni għall-għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u għajnuna ambjentali;

(e) għajnuna reġjonali li tiffavorixxi attivitajiet fis-settur ta’ l-azzar;

(f) għajnuna reġjonali li tiffavorixxi attivitajiet fis-settur tal-bini tal-vapuri;

(g) għajnuna reġjonali li tiffavorixxi attivitajiet fis-settur tal-fibri sintetiċi.

4.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal skemi ta’ għajnuna reġjonali li huma mmirati lejn oqsma speċifiċi ta’ attività ekonomika fil-manifattura jew servizzi. Skemi mmirati lejn attivitajiet turistiċi mhumiex meqjusa bħala mmirati lejn oqsma speċifiċi.

5.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għajnuna ad hoc mogħtija lil impriżi kbar, minbarra kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 13(1).

6.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn li ġejjin:

(a) skemi ta’ għajnuna li ma jeskludux b’mod espliċitu l-ħlas ta’ għajnuna individwali favur impriża li tkun suġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li ddikjarat għajnuna bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, kif ukoll għajnuna individwali ad hoc favur l-istess impriża;

(b) għajnuna ad hoc favur impriża li hi għadha suġġetta għal ordni ta’ irkupru wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tkun iddikjarat li għajnuna kienet illegali u inkompatibbli mas-suq komuni;

(ċ) għajnuna lil impriżi f’diffikultà.

7.  Għall-għanijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 6, SME għandha tiġi kkunsidrata li hija intrapriża fid-diffikultà jekk tissodifa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbilità limitata, fejn aktar min-nofs il-kapital reġistrat tagħha jkun għosfor u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti, jew

(b) fil-każ ta’ kumpanija fejn mill-anqas uħud mill-membri ikollhom responsabbilità mhux limitata għad-dejn tal-kumpanija, fejn aktar min-nofs il-kapital tagħha kif juru l-kontijiet tal-kumpanija jkunu għosfru u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef tul it-12-il xahar preċedenti, jew

(ċ) tkun xi tkun it-tip ta’ kumpanija kkonċernata, fejn din tissodisfa l-kriterju taħt il-liġi domestika li tkun is-suġġett għall-proċeduri kollettivi ta’ falliment.

SME, li ilha inkorporata għal anqas minn tliet snin ma għandhiex, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, tiġi kkunsidrata bħala li tinsab f’diffikultà matul dak il-perjodu sakemm ma tkunx sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (c) ta’ l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament is-segwenti definizzjonijiet għandhom japplikaw:

(1) “għajnuna” tfisser kwalunkwe miżura li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat;

(2) “skema ta’ għajnuna” tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri oħra ta’ implimentazzjoni, għotjiet ta’ għajnuna individwali jkunu jistgħu jsiru lil impriżi definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kwalunkwe att li fuq il-bażi tiegħu għajnuna li mhix marbuta ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil impriża waħda jew diversi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

(3) “għajnuna individwali” tfisser:

(a) għajnuna ad hoc u

(b) għotjiet notifikabbli fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna;

(4) “għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna individwali mhux mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna;

(5) “intensità ta’ għajnuna” tfisser l-ammont ta’ l-għajnuna espress bħala perċentwali ta’ l-ispejjeż eliġibbli;

(6) “għajnuna trasparenti” tfisser għajnuna li fir-rigward tagħha jkun possibbli li jiġi kkalkolat b’mod preċiż l-ekwivalenti gross ta’ l-għotja ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju;

(7) “impriżi ta’ daqs żgħir u medju” jew “SME” tfisser impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;

(8) “impriżi kbar” tfisser impriżi li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;

(9) “żoni megħjuna” tfisser reġjuni eliġibbli għal għajnuna reġjonali, kif stabbilit fil-mappa approvata ta’ għajnuna reġjonali għall-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu 2007-2013;

(10) “assi tanġibbli” tfisser bla ħsara għall-Artikolu 17(12), assi relatati ma’ art, bini impjanti, makkinarju u apparat; fis-settur tat-trasport, il-mezzi ta’ trasport u l-apparat tat-trasport għandhom jiġu meqjusa bħala assi eliġibbli minbarra fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali u minbarra għat-trasport bit-triq u bl-ajru;

(11) “assi intanġibbli” tfisser assi involuti fit-trasferiment tat-teknoloġija bl-akkwist ta’ drittijiet ta’ privattivi, liċenzji, l-għarfien tas-sengħa jew għarfien tekniku mhux brevettat;

(12) “proġetti kbar ta’ investiment” tfisser investiment f’assi kapitali bi spejjeż eliġibbli ‘l fuq minn EUR 50 miljun, ikkalkolati bi prezzijiet u b’rati ta’ kambju fid-data meta tingħata l-għajnuna;

(13) “numru ta’ impjegati” tfisser in-numru ta’ unitajiet annwali ta’ xogħol (annual labour units – ALU), l-aktar in-numru ta’ persuni impjegati full time f’sena waħda, b’xogħol part-time u staġjonali jiġi meqjus fi frazzjonijiet ta’ l-ALU;

(14) “impjiegi maħluqa direttament minn proġett ta’ investiment” tfisser impjiegi li jikkonċernaw l-attività li għaliha jirrelata l-investiment, inklużi impjiegi maħluqa wara żieda fir-rata ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità maħluqa mill-investiment;

(15) “spiża tal-paga” tfisser l-ammont totali attwali pagabbli mill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna fir-rigward ta’ l-impjieg kkonċernat, li jinkludi:

(a) il-paga gross, qabel it-taxxa;

(b) il-kontribuzzjonijiet obbligatorji, bħall-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali, u

(ċ) spejjez għall-ħarsien tat-tfal u tal-ġenituri;

(16) “għajnuna għall-investiment u għall-impjiegi ta’ l-SMEs” tfisser għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 15;

(17) “għajnuna għall-investiment” tfisser l-għajnuna regjonali għall-investiment u għall-impjiegi taħt l-Artikolu 13, l-għajnuna għall-investiment u għall-impjiegi ta’ l-SMEs u l-għajnuna għall-investiment għall-protezzjoni ta’ l-ambjent taħt l-Artikolu 18 sa 23;

(18) “ħaddiem żvantaġġat” tfisser kull persuna li:

(a) ma kellhiex impjieg regolari bi ħlas matul is-sitt xhur ta’ qabel; jew

(b) ma kisbitx kwalifika edukattiva jew vokazzjonali minn skola sekondarja għolja (ISCED 3); jew

(ċ) għandha ‘l fuq minn 50 sena; jew

(d) bħala adult mhux miżżewweġ b’persuna dipendenti waħda jew aktar; jew

(e) li taħdem f’settur jew professjoni fi Stat Membru fejn l-iżbilanċ bejn is-sessi ikun ta’ mill-anqas 25 % ogħla mill-iżbilanċ medju bejn is-sessi fis-setturi kollha ekonomiċi f’dak l-Istat Membru u li tkun tagħmel parti mis-sess sottorappreżentat; jew

(f) li tkun membru ta’ minorità etnika fi Stat Membru u li jkun/tkun irid/trid j/tiżviluppa l-profil lingwistiku, it-taħriġ vokazzjonali jew l-esperjenza tax-xogħol biex itejjeb/ittejjeb il-prospetti li jsib/issib impjieg stabbli;

(19) “ħaddiem żvantaġġat serjament” tfisser kull persuna li tkun ilha bla impjieg għal 24 xahar jew aktar;

(20) “ħaddiem b’diżabilità” tfisser kull persuna:

(a) rikonoxxuta bħala persuna b’diżabilità skond il-liġi nazzjonali, jew

(b) li jkollha difett rikonoxxut, li jirriżulta minn difett fiżiku, mentali jew psikoloġiku;

(21) “impjieg protett” tfisser impjieg f’impriża fejn mill-anqas 50 % tal-ħaddiema huma b’diżabilità;

(22) “prodott agrikolu” jfisser:

(a) il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, minbarra prodotti tas-sajd u akkwakultura koperti bir-Regolament (KE) Nru 104/2000;

(b) prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi CN 4502, 4503 u 4504 (prodotti tas-sufra);

(ċ) prodotti maħsuba li jkunu imitazzjoni jew sostitut tal-ħalib jew prodotti tal-ħalib kif imsemmija fir-Regolament tal-Kunsill Nru (KE) 1234/2007 ( 25 );

(23) “ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirrizulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, minbarra attivitajiet li jsiru fir-razzett, neċessarji għall-preparazzjoni ta’ prodott minn annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ;

(24) “it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli” tfisser li żżomm jew turi bil-għan li tbiegħ, li toffri għall-bejgħ, li tikkonsenja jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fuq is-suq, minbarra għall-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil min jerġa’ jbiegħ jew lil proċessuri u kwalunkwe attività li tipprepara prodott għal dak l-ewwel bejgħ; bejgħ minn produttur primarju lill-konsumaturi aħħarin għandu jitqies bħala tqegħid fuq is-suq jekk isir f’post separat riżervat għal dak il-għan;

(25) “attivitajiet turistiċi” tfisser is-segwenti attivitajiet kummerċjali skond NACE Rev. 2:

(a) NACE 55: Akkomodazzjoni;

(b) NACE 56: Attivitajiet ta’ servizzi ta’ ikel u ta’ xorb;

(ċ) NACE 79: Aġenziji ta’ l-ivjaġġar, operaturi tal-vjaġġi u servizzi ta’ riservazzjoni u attivijitajiet relatati;

(d) NACE 90: Attivitajiet kreattivi, ta’ l-arti u divertiment;

(e) NACE 91: Libreriji, arkivji, mużewijiet u attivitajiet kulturali oħra;

(f) NACE 93: Attivitajiet ta’ sport u attivitajiet ta’ mogħdija ta’ żmien u rikreazzjoni;

(26) “self li jitħallas lura” tfisser self għal proġett li jitħallas f’pagament wieħed jew aktar u li l-kundizzjonijiet għar-rimbors tiegħu jiddependu fuq ir-riżultat tal-proġett tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

(27) “kapital ta’ riskju” tfisser fondi pprovduti permezz ta’ finanzjament ta’ ekwità u kważi ekwità lil intrapiżi matul l-istadji bikrin ta’ tkabbir (fażijiet tat-tnissil, tal-bidu u ta’ espansjoni);

(28) “impriża ġdida ffurmata minn intraprendituri nisa” tfisser impriża żgħira li tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

(a) mara jew aktar minn mara waħda jkollha mill-anqas 51 % tal-kapital ta’ l-impriża żgħira kkonċernata jew huma s-sidien reġistrati ta’ impriża żgħira kkonċernata, u

(b) mara tkun inkarigata mill-ġestjoni ta’ l-impriża żgħira;

(29) “is-settur ta’ l-azzar” tfisser l-attivitajiet kollha marbuta mal-produzzjoni ta’ prodott jew aktar minn prodott wieħed segwenti:

(a) ħadid mhux maħdum u ligi tal-ħadid

ħadid mhux maħdum għal xogħol fuq l-azzar, funderija u ħadid mhux maħdum, spiegeleisen u ferro-manganiż b’karbonju għoli, li ma jinkludix il-ligi ta’ l-azzar;

(b) prodotti tal-ħadid mhux maħduma u nofshom maħduma, azzar ordinarju jew azzar speċjali:

azzar likwidu fondut jew mhux fondut, li jinkludi ingotti, għal prodotti fuq bil-forġa ingotti, vireg tal-ħadid u blokok; sheet bars u tinplate bars; rollijiet illaminati fis-sħana, bl-eċċezzjoni tal-produzzjoni ta’ azzar likwidu għall-iffundar minn funderiji zgħar u ta’ daqs medju;

(ċ) prodotti tal-ħadid irfinati bis-sħana, azzar ordinarju jew azzar speċjali:

binarji, traversi, puntali u sottopuntali, travi, sezzjonijiet tqal tal-metall tat-80 mm jew akbar, pili tal-folji, bars u sezzjonijiet ta’ anqas minn 80 mm u pjanċi ta’ anqas minn 150 mm, vireg tal-wajer, forom tondi u kwadri għat-tubi, ċineg u strippi tal-ħadid irrumblati bit-tisħin (inklużi l-istrippi għat-tubi), folji rrumblati bit-tisħin (miksija u mhumiex), pjanċi u folji ta’ ħxuna ta’ 3 mm u aktar, pjanċi universali ta’ 150 mm u akbar, ħlief għall-wajer u l-prodotti tal-wajer, bars illustrati u ħadid fondut;

(d) prodotti ffurmati bil-kesħa:

ħadid abjad, folji tal-metall, ħadid iswed, folji ggalvanizzati, folji oħra miżbugħa, folji rrumblati fil-ksieħ, folji manjetiċi u strippi maħsuba għall-manifattura tal-ħadid abjad, pjanċi rrumblati fil-ksieħ, f’koljaturi jew fi strippi;

(e) tubi:

it-tubi kollha uniformi ta’ l-azzar, tubi ta’ l-azzar iwweldjati b’dijametru ta’ aktar minn 406.4 mm;

(30) “settur tal-fibri sintetiċi” tfisser:

(a) l-estrużjoni/testurizzazzjoni tat-tipi kollha ġeneriċi tal-fibra u ħjut ibbażati fuq il-polijester, il-polyamide, l-acrylic jew il-polipropilin, irrispettivament mill-użi finali tagħhom, jew

(b) il-polimerizzazzjoni (inkluża l-polikondensazzjoni) fejn tkun integrata ma’ l-estrużjoni f’termini tal-makkinarju użat, jew

(ċ) kwalunkwe proċess anċillari marbut ma’ l-istallazzjoni kontemporanja tal-kapaċità ta’ l-esrużjoni/testurizzazzjoni mill-benefiċjarju prospettiv jew minn kumpanija oħra fil-grupp li fih tappartjeni u li, fl-attività speċifika ta’ negozju kkonċernata, normalment tkun integrata b’tali kapaċità f’terminini tal-makkinarju użat.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għal eżenzjoni

1.  Għajnuna għall-iskemi, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u l-iskema jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.  Għajnuna individwali mogħtija taħt skema li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifka ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat sakemm l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u li l-miżura ta’ għajnuna individwali jkun fiha referenza espressa għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u referenza espressa għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-Kummissjoni kif kontemplat fl-Artikolu 9(1).

3.  Għajnuna ad hoc, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u l-iskema jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Intensità ta’ l-għajnuna u l-ispejjeż eliġibbli

1.  Għal skopijiet ta’ kalkolu ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna, iċ-ċifri kollha għandhom jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ħlas ieħor. Fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra li ma tkunx għotja, l-ammont ta’ l-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti f’għotja ta’ l-għajnuna. Għajnuna pagabbli f’diversi pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata ta’ l-interessi li tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument ta’ l-għotja.

2.  F’każijiet fejn l-għajnuna tingħata permezz ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa jew tnaqqis f’taxxi dovuti fil-futur, suġġett li tkun rispettata ċerta intensità ta’ għajnuna definita fl-ekwivalenti ta’ l-għotja gross, għandu jingħata skont fuq il-porzjonijiet ta’ l-għajnuna fuq il-bażi tar-rati ta’ referenza applikabbli f’diversi żminijiet li jidħlu fis-seħħ dawn il-benefiċċji fuq it-taxxa.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu appoġġjati b’evidenza dokumentata, u għandhom ikunu trasparenti u elenkati.

Artikolu 5

Trasparenza ta’ l-għajnuna

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna trasparenti.

B’mod partikolari, is-segwenti kategoriji ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li huma trasparenti:

(a) għajnuna magħmula f’għotjiet u sussidji b’rati ta’ interess;

(b) għajnuna li tkun tikkonsisti f’self, fejn l-ekwivalenti gross ta’ l-għotja tkun ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza li tkun teżisti fiż-żmien ta’ l-għotja;

(ċ) għajnuna li tikkonsisti fi skemi ta’ garanziji:

(i) fejn il-metodoloġija għall-kalkolu ta’ l-ekwivalenti gross ta’ l-għotja tkun ġiet aċċettata wara notifika ta’ din il-metodoloġija lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew ir-Regolament (KE) Nru 1628/2006 – u l-metodoloġija approvata tindirizza b’mod espliċitu it-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ transazzjonijiet sottostanti fir-riskju; jew

(ii) fejn il-benifiċjarju jkun impriża ta’ daqs żgħir u medju u l-ekwivalenti gross ta’ l-għotja tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tas-safe-harbour pemiums stabbiliti fin-Notifika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji;

(d) għajnuna inkluża f’miżuri fiskali, fejn il-miżura tikkontempla kwota biex jiġi żgurat li l-limitu applikabbli ma jinqabiżx.

2.  Il-kategoriji segwenti ta’ għajnuna m’għandhomx jiġu meqjusa li huma trasparenti:

(a) għajnuna li tikkonsisti f’injezzjonijiet ta’ kapital, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kapital tar-riskju;

(b) għajnuna inkluża f’miżuri ta’ kapital ta’ riskju, bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29.

3.  Għajnuna fil-forma ta’ self li jitħallas lura għandha tiġi meqjusa li hi għajnuna trasparenti biss jekk l-ammont totali tas-self li jitħallas lura ma jaqbiżx il-limitu applikabbli skond dan ir-Regolament. Jekk il-limitu jiġi espress bħala intensità ta’ għajnuna, l-ammont totali tas-self li jitħallas lura, espress bħala perċentwali ta’ l-ispejjeż eliġibbli, m’għandux jaqbeż l-intensità ta’ l-għajnuna applikabbli.

Artikolu 6

Limiti ta’ notifika individwali

1.  Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal kwalunkwe għajnuna individwali, kemm jekk tingħata ad hoc jew permezzz ta’ skema li l-għotja gross ekwivalenti tagħha taqbeż il-limiti segwenti:

(a) għajnuna għall-investiment u impjiegi ta’ l-SMEs: EUR 7.5 miljun kull impriża kull proġett ta’ investiment;

(b) għajnuna għal investiment għall-protezzjoni ta’ l-ambjent: EUR 7.5 miljun kull impriża kull proġett ta’ investiment;

(ċ) għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs: EUR 2 miljun kull impriża kull proġett;

(d) għajnuna għall-partiċipazzjoni ta’ l-SMEs ġo fieri: EUR 2 miljun kull impriża kull proġett;

(e) għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp u studji ta’ vijabilità:

(i) jekk il-proġett ikun b’mod predominanti riċerka fundamentali, EUR 20 miljun għal kull impriża, kull proġett/studju ta’ vijabilità;

(ii) jekk il-proġett ikun b’mod predominanti riċerka industrijali, EUR 10 miljun għal kull impriża, kull proġett/studju ta’ vijabilità;

(iii) għall-proġetti l-oħra kollha, EUR 7,5 miljun kull impriża, għal kull proġett/studju ta’ vijabilità;

(iv) jekk il-proġett ikun proġett EUREKA, id-doppju ta’ l-ammonti stabbiliti fil-punti (i), (ii) u (iii) respettivament;

(f) għajnuna għal spejjeż ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għall-SMEs: EUR 5 miljuni kull impriża kull proġett;

(g) għajnuna għat-taħriġ: EUR 2 miljuni kull proġett ta’ taħriġ;

(h) għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati: EUR 5 miljun kull impriża kull sena;

(i) għajnuna għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi EUR 10 miljun kull impriża kull sena;

(j) għajnuna li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabilità: EUR 10 miljun għal kull impriża kull sena.

Għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-limitu xieraq applikabbli għal għajnuna tal-proġett għar-riċerka u l-iżvilupp u studji dwar il-possibiltà skond il-punt (e), proġett għandu jiġi kkunsidrat li jikkonsisti “b’mod predominanti” minn riċerka fundamentali jew industrijali, jekk iżjed minn 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett isiru permezz ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kategorija ta’ riċerka fundamentali u riċerka industrijali. F’każijiet fejn il-karattru predominanti tal-proġett ma jistax ikun stabbilit, għandu japplika l-limitu l-aktar baxx.

2.  L-għajnuna reġjonali għall-investiment mogħtija favur proġetti kbar ta’ investiment għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni jekk l-ammont totali ta’ l-għajnuna mis-sorsi kollha teċċedi l-75 % ta’ l-ammont massimu ta’ l-għajnuna li investiment bi spejjeż eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi, bl-applikazzjoni tal-limiti ta’ għajnuna standard fis-seħħ għal impriżi kbar fuq il-mappa approvata ta’ l-għajnuna reġjonali fid-data li l-għajnuna għandha tingħata.

Artikolu 7

Akkumulazzjoni

1.  Biex jiġi stabbilit jekk il-limiti ta’ notifika individwali kkontemplati fl-Artikolu 6 u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna kkontemplati f’Kapitolu II ġewx rispettati, l-ammont totali ta’ miżuri ta’ appoġġ pubbliku għall-attività jew il-proġett assistit għandu jiġi kkunsidrat, mingħajr ma jiġi meqjus jekk dak l-appoġġ ġiex iffinanzjat minn sorsi lokali, reġjonali, nazzjonali jew tal-Komunità.

2.  L-għajnuna eżentata b’dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra eżentata skond dan ir-Regolament sakemm dawk il-miżuri ta’ għajnuna jikkonċernaw spejjeż eliġibbli differenti li jistgħu jiġu identifikati.

3.  L-għajnuna eżentata b’dan ir-Regolament m’għandhiex tiġi akkumulata ma’ xi għajnuna oħra eżentata taħt dan ir-Regolament jew għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 ( 26 ) jew ma’ finanzjament ieħor tal-Komunità fir-rigward ta’ l-istess spejjeż eliġibbli - li jikkoinċidu parzjalment jew għal kollox - jekk din l-akkumulazzjoni tirriżulta li teċċedi l-ogħla intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna applikabbli għal din l-għajnuna skond dan ir-Regolament.

4.  B’deroga mill-paragrafu 3, għajnuna favur ħaddiema b’diżabilità kif prevista fl-Artikoli 41 u 42 tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna eżentata skond dan ir-Regolament f’relazzjoni ma’ l-istess spejjeż eliġibbli aktar mill-ogħla limitu applikabbli skond dan ir-Regolament, sakemm din l-akkumulazzjoni ma tirriżultax f’intensità ta’ għajnuna li teċċedi 100 % ta’ l-ispejjeż tal-pagi fuq kwalunkwe perjodu li matulu l-ħaddiema kkonċernati jkunu impjegati.

5.  Fir-rigward ta’ l-akkumulazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna eżentati skond dan ir-Regolament ma’ spejjeż eliġibbli li jistgħu jiġu identifikati u miżuri ta’ għajnuna eżentati skond dan ir-Regolament mingħajr spejjeż eliġibbli li jistgħu jiġu identifikati, il-kundizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(a) fejn impriża fil-mira rċeviet kapital skond miżura ta’ kapital ta’ riskju taħt l-Artikolu 29 u sussegwentement tapplika, matul l-ewwel tliet snin wara l-ewwel investiment ta’ kapital ta’ riskju, għal għajnuna fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-limiti ta’ għajnuna rilevanti jew ammonti massimi eliġibbli skond dan ir-Regolament jitnaqqsu b’50 % b’mod ġenerali u b’20 % għal impriżi fil-mira li jinsabu f’żoni assistiti; it-tnaqqis m’għandux jaqbeż l-ammont totali ta’ kapital ta’ riskju li jkunu rċevew. Dan it-tnaqqis ma għandux japplika għal għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni eżentata skond l-Artikoli 31 sa 37.

(b) matul l-ewwwel tliet snin wara li tingħata, l-għajnuna għall-impriżi innovattivi ġodda, ma tistax tkun akkumulata ma’ għajnuna oħra eżentata taħt dan ir-Regolament, bl-unika eċċezzjoni ta’ għajnuna eżentata taħt l-Artikolu 29 u għajnuna eżentata taħt l-Artikoli 31 sa 37.

Artikolu 8

Effett ta’ inċentiv

1.  Dan ir-Regolament għandu jeżenta biss għajnuna li għandha effett ta’ inċentiv.

2.  Din il-kundizzjoni għandha titqies bħala sodisfatta jekk, qabel inkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew attività, il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat.

3.  L-għajnuna mogħtija lill-impriżi kbar, koperta minn dan ir-Regolament, għandha tkun ikkunsidrata li jkollha effett ta’ inċentiv jekk flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel ma tingħata l-għajnuna individwali kkonċernata, li d-dokumentazzjoni ppreparata mill-benefiċjarju tistabbilixxi waħda jew aktar minn dawn il-kriterji:

(a) żieda materjali fid-daqs tal-proġett/attività minħabba l-għajnuna;

(b) żieda materjali fl-ambitu tal-proġett/attività minħabba l-għajnuna;

(ċ) iż-żieda materjali fl-ammont totali li ntefaq mill-benefiċjarju fil-proġett/attività minħabba l-għajnuna;

(d) żieda materjali fil-veloċità tat-tlestija tal-proġett/attività kkonċernata;

(e) fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali għall-investiment imsemmija fl-Artikolu 13, li l-proġett ma setax jitwettaq bħala tali fir-reġjun assistit ikkonċernat fin-nuqqas ta’ l-għajnuna.

4.  Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-miżuri fiskali jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet segwenti:

(a) il-miżura fiskali tistabilixxi dritt legali għall-għajnuna skond il-kriterju ta’ l-għan u mingħajr aktar eżerċizzji ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru, u

(b) il-miżura fiskali kienet adottata qabel beda l-proġett jew l-attività megħjuna; din il-kundizzjoni ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi.

5.  Fir-rigward ta’ l-għajnuna li tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabilità, imsemmija fl-Artikolu 42, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkunsidrati li ġew sodisfatti jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 42(3).

Fir-rigward ta’ l-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi u l-għajnuna għall-impjegar ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji fuq il-pagi, kif stabbiliti fl-Artikoli 40 u 41, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkunsidrati li ġew sodisfatti jekk l-għajnuna twassal għal żieda netta fin-numru ta’ ħaddiema żvantaġġati/b’diżabilità impjegati.

Fir-rigward ta’ l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali, kif imsemmija fl-Artikolu 25, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkunsidrati li ġew sodisfatti.

Fir-rigward ta’ l-għajnuna fil-forma ta’ kapital tar-riskju, kif stabbilit fl-Artikolu 29, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu kkunsidrati li ġew sodisfatti.

6.  Jekk il-kundizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ma jkunux sodisfatti, il-miżura kollha ta’ l-għajnuna ma għandhiex tkun eżentata skond dan ir-Regolament.

Artikolu 9

It-trasparenza

1.  Fi żmien għoxrin jum tax-xogħol minn meta tidħol fis-seħħ skema ta’ għajnuna jew l-għotja ta’ għajnuna ad hoc, li tkun ġiet eżentata skond dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni sommarju ta’ l-informazzjoni dwar din il-miżura ta’ għajnuna. Dan is-sommarju għandu jkun ipprovdut f’forma elettronika, permezz ta’ l-applikazzjoni stabbilita ta’ l-IT tal-Kummissjoni u fil-forma stabbilita fl-Anness III.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf bla dewmien li tkun irċeviet is-sommarju.

Is-sommarji għandhom ikunu ppubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

2.  Malli tidħol fis-seħħ skema ta’ għajnuna jew l-għotja ta’ għajnuna ad hoc, li tkun eżentata minn dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippubblika fuq l-internet it-test sħiħ ta’ din il-miżura ta’ għajnuna. Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, dan it-test għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet mniżżla fil-liġi nazzjonali li tiżgura li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jiġu rrispettati. l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li t-test sħiħ tal-miżura ta’ għajnuna jkun aċċessibbli fuq l-internet sakemm il-miżura ta’ għajnuna kkonċernata tibqa’ fis-seħħ. L-informazzjoni tas-sommarju pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat skond il-paragrafu 1 għandu jispeċifika indirizz ta’ l-internet li jkun fih it-test sħiħ tal-miżura ta’ l-għajnuna.

3.  Meta tingħata l-għajnuna individwali li tkun eżentata skond dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ l-għajnuna fil-forma ta’ miżuri fiskali, l-att dwar l-għoti ta’ l-għajnuna għandu jkun fih referenza espliċita għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II relatati ma’ l-att, għal-liġi nazzjonali li tiżgura li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jiġu rrispettati u għall-indirizz ta’ l-internet li jwassal direttament għat-test sħiħ tal-miżura ta’ għajnuna.

4.  Bla ħsara għall-obligi li hemm fil-paragrafi 1, 2 u 3 kull meta għajnuna individwali tingħata skond skema ta’ għajnuna eżistenti għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp koperti mill-Artikolu 31 u l-għajnuna individwali teċċedi EUR 3 miljun, jew kull meta tingħata għajnuna individwali għal investiment reġjonali, fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti għall-proġetti kbar ta’ investiment, li ma tkunx trid tiġi notifikata individwalment skond l-Artikolu 6, fi żmien 20 jum ta’ xogħol mill-ġurnata li tingħata l-għajnuna mill-awtorità kompetenti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni fil-qosor mitluba fil-formola standard stabbilita fl-Anness II, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-IT stabbilita tal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Il-monitoraġġ

1.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment il-miżuri ta’ għajnuna li tkun ġiet infurmata dwarhom skond l-Artikolu 9.

2.  L-Istati Membri għandhom iżommu rekords dettaljati dwar kwalunkwe għajnuna individwali jew skema ta’ għajnuna eżentata skond dan ir-Regolament. Dawn ir-rekords għandhom ikollhom l-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġi stabbilit li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni dwar l-istatus ta’ kwalunkwe impriża li d-dritt tagħha għal għajnuna jew għal bonus jiddependi fuq l-istatus tagħha bħala SME, l-informazzjoni dwar l-effett ta’ inċentiv ta’ l-għajnuna u informazzjoni li tagħmilha possibbli biex jiġi stabbilit l-ammont preċiż ta’ spejjeż eliġibbli għall-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Rekords dwar għajnuna individwali għandhom jinżammu għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Rekords dwar skema ta’ għajnuna għandhom jinżammu għal 10 snin mid-data li fiha l-aħħar għajnuna tkun ingħatat taħt din l-iskema.

3.  Fuq talba miktuba, l-Istati Membri kkonċernati jridu jipprovdu lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ ħidma jew perjodu itwal kif jista’ jiġi stabbilit fit-talba, bl-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa sabiex tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni jew f’perjodu li jkun maqbul b’mod komuni, jew meta l-Istat Membru ma jipprovdix l-informazzjoni sħiħa, il-Kummissjoni għandha tibgħat tfakkira li fiha tistabbilixxi skadenza ġdida għas-sottomissjoni ta’ l-informazzjoni. Jekk, minkejja din it-tfakkira, l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun ipprovdiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-possibbiltà li jispjega fehmtu, tadotta deċiżjoni li tgħid li l-miżuri kollha ta’ għajnuna fil-futur li għalihom japplika dan ir-Regolament jew parti minnhom għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

Artikolu 11

Rappurtar Annwali

Skond il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 ( 27 ), l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport f’forma elettronika dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull sena sħiħa jew parti minnha li fiha jkun japplika dan ir-Regolament. L-indirizz ta’ l-internet li jwassal direttament għat-test sħiħ tal-miżuri ta’ għajnuna msemmija għandu jiġi inkluż ukoll f’dan ir-rapport annwali.

Artikolu 12

Kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal għajnuna għall-investiment

1.  Sabiex jiġi meqjus bħala spejjeż eliġibbli għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, investiment għandu jikkonsisti fis-segwenti:

(a) investiment f’assi tanġibbli u/jew intanġibbli relatati mat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti, id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ stabbiliment fi prodotti ġodda addizzjonali jew bidla fundamentali fil-proċess kollu ta’ produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti, jew

(b) l-akkwist ta’ l-assi kapitali marbuta direttament ma’ stabbiliment, meta l-istabbiliment ikun għalaq jew kien jagħlaq li kieku ma nxtarax, u l-assi nxtraw minn investitur indipendenti; fil-każ tas-suċċessjoni tan-negozji ta’ impriżi żgħar favur il-familja tas-sid (sidien) oriġinali jew favur l-impjegati preċedenti, għandha titneħħa l-kundizzjoni li l-assi għandhom jinbiegħu minn investitur indipendenti.

L-akkwist biss ta’ l-ishma f’impriża m’għandux jikkostitwixxi investiment.

2.  Sabiex jiġu meqjusa bħala spejjeż eliġibbli għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-assi intanġibbli għandhom jissodisfaw is-segwenti kundizzjonijiet kollha:

(a) għandhom jintużaw esklussivament fl-impriża li qed tirċievi l-għajnuna; fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali għall-investiment, dawn għandhom jintużaw biss fl-istabbiliment li jirċievi l-għajnuna;

(b) għandhom jiġu meqjusa bħala assi li jistgħu jiġu amortizzati;

(ċ) għandhom jinxtraw mingħand partijiet terzi skond il-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma dak li jakkwistahom ikun f’pożizzjoni li jeżerċita kontroll, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ( 28 ), fuq il-bejjiegħ, jew viċe versa;

(d) fil-każ ta’ għajnuna għall-investiment ta’ l-SMEs, dawn għandhom jiġu inklużi fl-assi ta’ l-intrapriżi għal mill-anqas tliet snin; fil-każ ta’ għajnuna reġjonali għall-investiment, dawn għandhom jiġu inklużi fl-assi ta’ l-impriża u jibqgħu fl-istabbiliment li jkun qed jirċievi l-għajnuna għal mill-inqas ħames snin jew, fil-każ ta’ SMEs, għal mill-inqas tliet snin.

3.  Sabiex jiġi meqjus bħala spiża eliġibbli għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, impjieg maħluq direttament minn proġett ta’ investiment għandu jissodisfa s-segwenti kundizzjonijiet kollha:

(a) l-impjieg għandu jinħoloq fi żmien tliet snin minn meta jitlesta l-investiment;

(b) il-proġett ta’ investiment għandu jwassal għal żieda netta fin-numru ta’ impjegati fl-istabbiliment ikkonċernat, imqabbel mal-medja fuq it-tnax-il xahar ta’ qabel;

(ċ) l-impjegi maħluqa għandhom jinżammu għal perjodu minimum ta’ ħames snin fil-każ ta’ impriża kbira u perjodu minimu ta’ tliet snin fil-każ ta’ SMEs.



KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-KATEGORIJI DIFFERENTI TA’ GĦAJNUNA



TAQSIMA 1

Għajnuna reġjonali

Artikolu 13

Għajnuna għall-investiment reġjonali

1.  Skemi ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

Għajnuna ad hoc li tintuża biss biex tissupplimenta għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ skemi ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali u impjiegi u li ma teċċedix il-50 % ta’ l-għajnuna totali li għandha tingħata għall-investiment, għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat sakemm l-għajnuna ad hoc mogħtija direttament tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

2.  L-għajnuna għandha tingħata f’reġjuni eliġibbli għal għajnuna reġjonali, kif stabbilit fil-mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata għall-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu 2007-2013. L-investiment għandu jinżamm fir-reġjun li jirċevih għal mill-inqas ħames snin, jew tliet snin fil-każ ta’ SMEs, wara li l-investiment kollu jkun tlesta. Dan il-Punt (d) ta’ l-ewwel subparagrafu m’għandux iżomm it-tibdil ta’ impjanti jew apparat li ma jkunux aktar validi minħabba t-tibdil rapidu fit-teknoloġija, kemm-il darba l-attività ekonomika tinżamm fir-reġjun ikkonċernat għall-perjodu minimu.

3.  L-intensità ta’ l-għajnuna fl-ekwivalenti preżenti ta’ l-għotja gross m’għandhiex taqbeż il-limitu ta’ l-għajnuna reġjonali li tkun fis-seħħ fiż-żmien li tingħata l-għajnuna fir-reġjun assistit kkonċernat.

4.  Bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna mogħtija favur proġetti kbar ta’ investiment u għajnuna reġjonali għas-settur tat-trasport, il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 3 jistgħu jiġu miżjuda b’20 punt perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi ta’ daqs medju.

5.  Il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw għall-intensità ta’ l-għajnuna kkalkulata jew bħala perċentwali ta’ l-ispejjeż eliġibbli tanġibbli u intanġibbli ta’ l-investiment jew bħala perċentwali ta’ l-ispejjeż stmati tal-paga tal-persuna impjegata, kkalkulati fuq perjodu ta’ sentejn, għal impjiegi maħluqa direttament mill-proġett ta’ investiment jew taħlita ta’ l-istess, sakemm l-għajnuna ma taqbiżx l-ammont l-aktar favorevoli li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ wieħed mill-kalkoli.

6.  Fejn l-għajnuna tiġi kkalkulata abbażi ta’ spejjeż tanġibbli jew intanġibbli ta’ l-investiment, jew spejjeż ta’ l-akkwist fil-każ ta’ teħid ta’ kontroll ta’ kumpanija, il-benefiċjarju għandu jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ almenu 25 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli, jew permezz ta’ riżorsi tiegħu stess jew permezz ta’ finanzjament estern, f’forma li tkun ħielsa minn kwalunkwe appoġġ pubbliku. Madankollu, fejn l-intensità massima ta’ l-għajnuna approvata skond il-mappa ta’ għajnuna reġjonali nazzjonali għall-Istat Membru kkonċernat, miżjuda skond paragrafu 4, teċċedi l-75 %, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju titnaqqas għal din ir-raġuni. Jekk l-għajnuna tiġi kkalkulata abbażi ta’ spejjeż tanġibbli jew intanġibbli ta’ l-investiment, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 7 għandhom japplikaw ukoll.

7.  Fil-każ ta’ akkwist ta’ stabbiliment, l-ispejjeż tax-xiri ta’ l-assi mingħand terzi persuni biss għandhom jiġu kkunsidrati, sakemm it-transazzjoni tkun seħħet skond kundizzjonijiet tas-suq. Fejn l-akkwist ikun akkumpanjat b’investiment ieħor, l-ispejjeż relatati ma’ dan ta’ l-aħħar għandhom jiġu mizjuda ma’ l-ispiża ta’ l-akkwist.

Spejjeż relatati ma’ l-akkwist ta’ assi mikrija, minbarra art u bini, għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk il-kirja tieħu l-forma ta’ kirja finanzjarja u tinkludi obbligazzjoni ta’ xiri tal-proprjetà meta t-terminu tal-kirja jispiċċa. Fir-rigward ta’ kirja ta’ art u bini, l-kirja għandha tkompli għal almenu ħames snin wara d-data li fiha l-proġett ikun mistenni li jitlesta jew tliet snin fil-każ ta’ l-SMEs.

Minbarra fil-każ ta’ l-SMEs u t-teħid ta’ kontroll ta’ kumpanija, l-assi akkwistati għandhom ikunu ġodda. Fil-każ ta’ teħid ta’ kontroll ta’ kumpanija, assi li għall-akkwist tagħhom diġà tkun ingħatat għajnuna qabel ix-xiri għandhom jiġu mnaqqsa. Għall-SMEs, l-ispejjeż kollha ta’ investimenti f’assi intanġibbli jistgħu jitqiesu wkoll. Għal impriżi kbar, dawn l-ispejjeż huma eliġibbli biss sa limitu ta’ 50 % ta’ l-ispejjez ta’ investiment totali eliġibbli għall-proġett.

8.  Fejn l-għajnuna tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż tal-pagi, l-impjiegi għandhom jiġu maħluqa direttament mill-proġett ta’ investiment.

9.  Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 3 u 4, l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna għal investimenti fl-ipproċessar u t-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti agrikoli jistgħu ikunu stipulati f’:

(a) 50 % ta’ l-investimenti eliġibbli fir-reġjuni eliġibbli skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat u 40 % ta’ l-investimenti eliġibbli f’reġjuni oħra eliġibbli għal għajnuna reġjonali, kif stabbilit fil-mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata għall-Istati Membri konċernati għall-perjodu 2007-2013, jekk il-benefiċjarju jkun SME;

(b) 25 % ta’ l-investimenti eliġibbli fir-reġjuni eliġibbli skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat u 20 % ta’ l-investimenti eliġibbli f’reġjuni oħra eliġibbli għal għajnuna reġjonali, kif stabbilit fil-mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata għall-Istati Membri kkonċernati għall-perjodu 2007-2013, jekk il-benefiċjarju jkollu inqas minn 750 impjegat u/jew bejgħ ta’ inqas minn EUR 200 miljun, ikkalkulati skond l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

10.  Sabiex investiment kbir ma jiġix artifiċjalment diviż f’subproġetti, proġett kbir ta’ investiment għandu jiġi kkunsidrat li hu proġett ta’ investiment wieħed meta l-investiment isir f’perjodu ta’ tliet snin mill-istess impriża jew impriżi u jikkonsisti f’assi fissi marbuta b’mod ekonomikament indiviżibbli.

Artikolu 14

Għajnuna għall-impriżi żgħar iffurmati ġodda

1.  L-għajnuna għall-investiment favur impriżi ta’ daqs żgħir iffurmati ġodda għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.  Il-benefiċjarju għandu jkun impriża żgħira.

3.  L-ammont ta’ l-għajnuna m’għandhux jeċċedi:

(a) EUR 2 miljun għal impriżi żgħar bl-attività ekonomika tagħhom fir-reġjuni eliġibbli għad-deroga pprovduta fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE;

(b) EUR 1 miljun għal impriżi żgħar bl-attività ekonomika tagħhom fir-reġjuni eliġibbli għad-deroga pprovduta fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

L-ammonti annwali ta’ għajnuna għal kull impriża ma għandhomx jeċċedu it-33 % ta’ l-ammonti ta’ għajnuna stabbiliti fil-punti (a) u (b).

4.  L-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi:

(a) fir-reġjuni koperti mill-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat, il-35 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli inkorsi fl-ewwel tliet snin wara li titwaqqaf l-impriża, u 25 % fis-sentejn ta’ wara;

(b) fir-reġjuni koperti mill-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat, il-25 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli inkorsi fl-ewwel tliet snin wara li titwaqqaf l-impriża, u 15 % fis-sentejn ta’ wara.

Dawn l-intensitajiet jistgħu jiżdiedu b’5 % fir-reġjuni koperti mill-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat bi prodott gross domestiku (PGD) per capita ta’ anqas minn 60 % tal-medja ta’ l-UE-25, fir-reġjuni li għandhom densità fil-popolazzjoni ta’ anqas minn 12.5 abitant/Km2 u fi gżejjer żgħar b’popolazzjoni ta’ anqas minn 5 000 abitant, u komunitajiet oħra ta’ l-istess daqs li jkunu jbatu minn iżolament simili.

5.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu spejjeż legali, għall-pariri, ta’ konsulenza u amministattivi li huma marbuta direttament mal-ħolqien ta’ impriżi żgħar, kif ukoll l-ispejjeż segwenti, sakemm dawn attwalment isiru fl-ewwel ħames snin mill-ħolqien ta’ l-impriża:

(a) interessi fuq il-finanzi esterni u dividend fuq il-kapital proprju użat li ma jkunx aktar mir-rata ta’ referenza;

(b) tariffi għall-kiri ta’ tagħmir/faċilitajiet ta’ produzzjoni;

(ċ) l-enerġija, l-ilma, it-tisħin, taxxi (minbarra l-VAT u t-taxxi korporattivi fuq id-dħul min-negozju) u tariffi amministrattivi;

(d) id-deprezzament, il-ħlasijiet għall-kiri ta’ faċilitajiet/tagħmir kif ukoll għall-ispejjeż tal-pagi, sakemm il-ħolqien ta’ l-investimenti jew l-impjiegi u l-miżuri ta’ reklutaġġ ma jkunux ibbenefikaw minn għajnuna oħra.

6.  Impriżi żgħar ikkontrollati minn azzjonisti ta’ impriżi li jkunu għalqu fit-tnax-il xahar preċedenti ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna taħt dan l-Artikolu jekk l-impriżi kkonċernati huma attivi fl-istess suq rilevanti jew fi swieq viċini.



TAQSIMA 2

Għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs

Artikolu 15

Għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs

1.  L-għajnuna għall-investiment u l-impjiegi għall-SMEs għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.  L-intensità bażika ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi:

(a) 20 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta’ l-impriżi ż-żgħar;

(b) 10 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli fil-każ ta’ l-impriżi tad-daqs medju.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikun s-segwenti:

(a) l-ispejjeż eliġibbli ta’ l-investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli, jew

(b) l-ispejjeż stmati ta’ pagi ta’ impjiegi maħluqa direttament mill-proġett ta’ investiment, ikkalkulati fuq perjodu ta’ sentejn.

4.  Meta l-investiment jikkonċerna l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, l-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi:

(a) 75 % ta’ l-investimenti eliġibbli fir-reġjuni l-aktar mbiegħda;

(b) 65 % ta’ l-investimenti eliġibbli fil-Gzejjer l-aktar żgħar ta’ l-Eġew skond it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 ( 29 );

(ċ) 50 % ta’ l-investimenti eliġibbli fir-reġjuni elegibbli skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat;

(d) 40 % ta’ l-investimenti eliġibbli f’reġjuni oħrajn.



TAQSIMA 3

Għajnuna għall-intraprenditorija femminili

Artikolu 16

Għajnuna għal impriżi żgħar ġodda ffurmati minn intraprendituri nisa

1.  Skemi ta’ għajnuna favur impriżi ta’ daqs żgħir iffurmati ġodda minn intrapendituri nisa għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.  Il-benefiċjarji għandhom ikunu impriżi żgħar ġodda ffurmati minn intraprendituri nisa.

3.  L-ammont ta’ l-għajnuna m’għandux jeċċedi l-EUR 1 miljun għal kull intrapiża.

L-ammonti annwali ta’ għajnuna għal kull impriża ma għandhomx jeċċedu t-33 % ta’ l-ammonti ta’ għajnuna stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

4.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex teċċedi l-15 % ta’ l-ispejjeż inkorsi fl-ewwel ħames snin wara l-ħolqien ta’ l-impriżi.

5.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu spejjeż legali, għall-pariri, ta’ konsulenza u amministattivi li huma marbuta direttament mal-ħolqien ta’ impriżi żgħar, kif ukoll l-ispejjeż segwenti, sakemm dawn attwalment isiru fl-ewwel ħames snin mill-ħolqien ta’ l-impriża:

(a) interessi fuq il-finanzi esterni u dividend fuq il-kapital proprju li ma jeċċedix ir-rata ta’ referenza;

(b) ħlasijiet għall-kiri ta’ tagħmir/faċilitajiet ta’ produzzjoni;

(ċ) l-enerġija, l-ilma, it-tisħin, taxxi (minbarra l-VAT u t-taxxi korporattivi fuq id-dħul min-negozju) u tariffi amministrattivi;

(d) id-deprezzament, il-ħlasijiet għall-kiri ta’ faċilitajiet/tagħmir kif ukoll għall-ispejjeż tal-pagi, sakemm il-ħolqien ta’ l-investimenti jew l-impjiegi u l-miżuri ta’ reklutaġġ ma jkunux ibbenefikaw minn għajnuna oħra.

(e) L-ispejjeż għall-kura tat-tfal u tal-ġenituri, inklużi, fejn ikun applikabbli, l-ispejjeż marbuta mal-lif tal-ġenituri.

6.  Impriżi żgħar ikkontrollati minn azzjonisti ta’ impriżi li jkunu għalqu fit-tnax-il xahar preċedenti ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna taħt dan l-Artikolu jekk l-impriżi kkonċernati huma attivi fl-istess suq rilevanti jew fi swieq viċini.



TAQSIMA 4

Għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-ambjent

Artikolu 17

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(1) “protezzjoni ta’ l-ambjent” tfisser kwalunkwe azzjoni mfassla biex tirrimedja jew tevita ħsara lill-ambjenti fiżiċi tal-madwar jew lir-riżorsi naturali mill-attivitajiet tal-benefiċjarju stess, biex tnaqqas ir-riskju ta’ din il-ħsara jew biex twassal għall-użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi naturali, inklużi miżuri għall-iffrankar ta’ l-enerġija u l-użu ta’ riżorsi ta’ enerġija li jistgħu jiġġeddu;

(2) “miżuri ta’ konservazzjoni ta’ l-enerġija” tfisser azzjoni li tippermetti lil impriżi li jnaqqsu l-ammont ta’ enerġija użata fiċ-ċiklu ta’ produzzjoni tagħhom;

(3) “standard Komunitarju” tfisser:

(i) standard Komunitarju mandatorju li jistabbilixxi l-livelli li għandhom jintlaħqu minn impriżi individwali f’termini ambjentali, u

(ii) l-obbligu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2008/1/KE ( 30 ) sabiex jintużaw l-aqwa tekniki disponibbli kif stipulat fl-aktar informazzjoni riċenti ppubblikata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva;

(4) “sorsi ta’ enerġija li tiġġedded” tfisser is-sorsi ta’ enerġija li m’humiex fossili u li jiġġeddu li ġejjin: ir-riħ, l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermali, il-mewġ, il-marea, l-installazzjonijiet ta’ idro-enerġija, il-biomassa, il-gass mil-landfills, il-gass minn impjanti li jittrattaw l-iskart u il-biogassijiet;

(5) “bijofjuwil” tfisser karburant likwidu għal għanijiet ta’ enerġija prodott mill-bijomassa;

(6) “biofjuwils sostenibbli” tfisser biofjuwils li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 15 tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ l-użu ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu ( 31 ). Ladarba d-Direttiva tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, għandhom japplikaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva;

(7) “l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded” tfisser l-enerġija prodotta minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija li tiġġedded kif ukoll il-proporzjon, f’termini ta’ valur kalorifiku ta’ l-enerġija, prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali; tinkludi l-elettriku li jiġġedded użat fil-mili tas-sistemi ta’ ħżin, iżda teskludi l-elettriku prodott bħala riżultat ta’ sistemi ta’ ħżin;

(8) “koġenerazzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termali u elettrika u/jew mekkanika;

(9) “koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja” tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ l-Anness III għad-Direttiva 2004/8/KE ( 32 ) u li tissodisfa l-valuri armonizzati ta’ referenza għall-effiċjenza stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE ( 33 );

(10) “taxxa ambjentali” tfisser taxxa li l-bażi taxxabbli speċifika għaliha jkollha effett negattiv ċar fuq l-ambjent jew li tfittex li tintaxxa ċerti attivitajiet, prodotti jew servizzi biex l-ispejjeż ambjentali jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-prezz tagħhom u/jew biex il-produtturi u l-konsumaturi jkunu orjentati lejn attivitajiet li jirrispettaw aħjar l-ambjent;

(11) “livell minimu Komunitarju ta’ taxxa” tfisser il-livell minimu ta’ tassazzjoni pprovdut fil-leġiżlazzjoni Komunitarja; għall-prodotti ta’ l-enerġija u l-elettriku, il-livell minimu Komunitarju ta’ taxxa għandu jitqies bħala l-livell minimu ta’ tassazzjoni stipulat fl-Anness I tad-Direttiva 2003/96/KE;

(12) “assi tanġibbli” tfisser investimenti fl-art illi huma strettament meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, l-investimenti fil-bini, fl-impjanti u fit-tagħmir maħsuba sabiex inaqqsu jew jeliminaw it-tniġġis u l-inkonvenjenzi, u l-investimenti sabiex il-metodi ta’ produzzjoni jiġu adattati bil-ħsieb li jitħares l-ambjent.

Artikolu 18

Għajnuna għall-investiment li tgħin lill-impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien ta’ l-ambjent jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ta’ l-ambjent fin-nuqqas ta’ l-istandards Komunitarji

1.  L-għajnuna għall-investiment li tgħin lill-impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien ta’ l-ambjent jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ta’ l-ambjent fin-nuqqas ta’ l-istandards Komunitarji għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm l-kundizzjonijiet fil-paragrafi 2 sa 8 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-investiment megħjun għandu jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-investiment għandu jgħin lill-benefiċjarju biex jgħolli l-livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu billi jtejjeb fuq l-istandards tal-Komunità applikabbli, irrispettivament mill-preżenza ta’ standards nazzjonali mandatorji li jkunu aktar stretti mill-istandards tal-Komunità;

(b) l-investiment għandu jgħin lill-benefiċjarju biex jgħolli l-livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu fin-nuqqas ta’ standards tal-Komunità.

3.  L-għajnuna m’għandhiex tingħata meta t-titjib huwa sabiex jiżgura li l-kumpaniji jikkonformaw ma’ l-istandards tal-Kominità li jkunu diġà adottati u li ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ.

4.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-35 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi ta’ daqs medju.

5.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż żejda ta’ l-investiment neċessarji biex jinkiseb livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent ogħla mil-livell mitlub mil-istandards tal-Komunità kkonċernati mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-benefiċċji operattivi u l-ispejjeż operattivi.

6.  Għall-għanijiet tal-paragrafu 5, l-ispiża ta’ l-investiment relatata direttament mal-ħarsien ta’ l-ambjent għandha tkun stabbilita b’referenza mas-sitwazzjoni kontrofattwali:

(a) fejn l-ispiża għall-investiment tal-ħarsien ta’ l-ambjent tkun tista’ tiġi identifikata faċilment fl-ispiża totali għall-investiment, din l-ispiża preċiża relatata mal-ħarsien ta’ l-ambjent għandha tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli;

(b) fil-każijiet l-oħra kollha, l-ispejjeż żejda għall-investiment għandhom ikunu stabbiliti billi jiġi mqabbel l-investiment mas-sitwazzjoni kontrofattwali fin-nuqqas ta’ l-għajnuna mill-Istat; il-kontrofattwalità korretta għandha tkun l-ispiża ta’ investiment teknikament komparabbli li tipprovdi livell inqas ta’ ħarsien ta’ l-ambjent (li tkun tikkorrispondi ma’ l-istandards Komunitarji obbligatorji, jekk ikunu jeżistu) u li jkunu jistgħu jitwettqu b’mod kredibbli mingħajr l-għajnuna (“investiment ta’ referenza”); investiment teknikament komparabbli jfisser investiment bl-istess kapaċità ta’ produzzjoni u l-karatteristiċi tekniċi l-oħra kollha (minbarra dawk marbuta direttament ma’ l-investiment żejjed għall-ħarsien ta’ l-ambjent); barra minn hekk, mil-lenti tan-negozju, din ir-referenza għandha tkun alternattiva kredibbli għall-investiment li jkun qed jiġi vvalutat.

7.  L-investiment eliġibbli għandu jieħu l-forma ta’ investiment f’assi tanġibbli u/jew f’assi intanġibbli.

8.  Fil-każ ta’ investimenti li jimmiraw li jiksbu livell ogħla ta’ ħarsien ta’ l-ambjent mill-istandards tal-Komunità, il-kontrofattwalità għandha tintgħażel kif ġej:

(a) fejn l-impriża tkun qed tadatta għall-istandards nazzjonali adottati fin-nuqqas ta’ l-istandards tal-Komunità, l-ispejjeż eliġibbli għandhom jikkonsistu fl-ispejjeż adizzjonali għall-investiment meħtieġa biex jintlaħaq il-livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent mitlub mill-istandards nazzjonali;

(b) fejn l-impriża tkun qed tadatta ruħha jew tmur lil hinn mill-istandards nazzjonali li ma jkunux aktar stretti mill-istandards tal-Komunità jew tmur lil hinn mill-istandards tal-Komunità, l-ispejjeż eliġibbli għandhom jikkonsistu mill-investiment addizzjonali meħtieġ biex jintlaħaq il-livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent ogħla mil-livell meħtieġ mill-istandards tal-Komunità. L-ispejjeż ta’ l-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħaq il-livell ta’ ħarsien meħtieġ mill-istandards tal-Komunità m’għandhomx ikunu eliġibbli;

(ċ) meta ma jkun hemm ebda standard, l-ispejjeż eliġibbli jkunu jikkonsistu fl-ispejjeż ta’ l-investiment meħtieġa sabiex jintlaħaq livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla minn dak illi l-impriża jew l-impriżi in kwistjoni kienu jilħqu fin-nuqqas ta’ kwalunkwe għajnuna ambjentali.

9.  L-għajnuna għall-investiment marbut ma’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart ma’ impriżi oħra m’għandux ikun eżentat taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi tat-trasport li jmorru lil hinn mill-istandards tal-Komunità jew li jżidu l-livell ta’ protezzjoni ambjentali fin-nuqqas ta’ standards tal-Komunità

1.  L-għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi tat-trasport ġodda li bis-saħħa tagħhom l-impriżi attivi fis-settur tat-trasport jkunu jistgħu jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien ta’ l-ambjent jew li jgħollu l-livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent fin-nuqqas ta’ l-istandards Komunitarji għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 jiġu sodisfatti.

2.  L-investiment megħejun għandu jissodisfa l-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 18(2).

3.  L-għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi ġodda ta’ trasport għat-triq, ferrovija, passaġġ marittimu intern u trasport marittimu konformi ma’ standards Komunitarji adottati għandha tkun eżentata, meta l-akkwist iseħħ qabel ma’ dawn l-istandards tal-Komunità jkunu daħlu fis-seħħ u fejn, meta jkunu obbligatorji, ma jkunux japplikaw b’mod retroattiv għal vetturi diġà mixtrija.

4.  L-għajnuna għal operazzjonijiet ta’ aġġustar ta’ vetturi tat-trasport eżistenti għall-iskop ta’ ħarsien ambjentali għandha tkun eżentata jekk il-mezzi eżisenti ta’ trasport jittejbu għal standards ambjentali li ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ fil-jum ta’ dħul fl-operazzjoni ta’ dawk il-mezzi ta’ trasport jew jekk il-mezzi ta’ trasport ma jkunux suġġetti għal xi standards ambjentali.

5.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-35 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi ta’ daqs medju.

6.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż żejda ta’ l-investiment neċessarji biex jinkiseb livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla mil-livell mitlub mill-istandards tal-Komunità.

L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati skond kif inhu stabbilit fl-Artikolu 18(6) u (7), u mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-benefiċċji u l-ispejjeż operattivi.

Artikolu 20

Għajnuna għal adattament bikri ma’ standards futuri tal-Komunità għall-SMEs

1.  L-għajnuna li tippermetti lill-SMEs li jikkonformaw ruħhom ma’ standards ġodda tal-Komunità li jgħollu l-livell ta’ ħarsien ta’ l-ambjent u li għadhom ma daħlux fis-seħħ għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-istandards tal-Komunità għandhom ikunu ġew adottati, u l-investiment għandu jkun ġie implimentat u ffinalizzat mill-inqas sena qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-istandard ikkonċernat.

3.  L-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi l-15 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għall-impriżi ż-żgħar u l-10 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għall-impriżi ta’ daqs medju jekk l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jseħħu aktar minn tliet snin qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-istandard u 10 % għall-impriżi ż-żgħar jekk l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jseħħu bejn sena u tliet snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-istandard.

4.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż żejda għall-investiment meħtieġa biex jintlaħaq il-livell ta’ ħarsien għall-ambjent mitlub mill-istandards tal-Komunità imqabbla mal-livell eżistenti tal-ħarsien ta’ l-ambjent mitlub qabel jidħol fis-seħħ dan l-istandard.

L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati skond kif inhu stabbilit fl-Artikolu 18(6) u (7) u mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-benefiċċji u l-ispejjeż operattivi.

Artikolu 21

Għajnuna għal investiment ambjentali f’miżuri ta’ l-iffrankar ta’ l-enerġija

1.  L-għajnuna għal investiment ambjentali li tagħmilha possibbli li impriżi jaslu għall-iffrankar fl-enerġija għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti,

(a) il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3;

(b) jew inkella l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż is-60 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali fil-każ ta’ għajnuna konċessa lil impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali fil-każ ta’ għajnuna konċessa lil impriżi ta’ daqs medju.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż żejda ta’ l-investiment neċessarji biex tkun iffrankata l-enerġija lil hinn mil-livell mitlub mill-istandards tal-Komunità.

L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati kif stabbilit fl-Artikolu 18(6) u (7).

L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulkati netti minn kwalunkwe benefiċċji operattivi u spejjeż relatati ma’ l-investiment żejjed għall-iffrankar ta’ l-enerġija u li jkunu ġejjin matul l-ewwel tliet snin tal-ħajja ta’ dan l-investiment fil-każ ta’ l-SMEs, l-ewwel erba’ snin fil-każ ta’ l-impriżi li ma jkunux qed jieħdu sehem fis-Sistema għall-Iskambju ta’ l-Emissjonijiet CO2 ta’ l-UE u għall-ewwel ħames snin fil-każ ta’ impriżi kbar li jkunu parti mis-Sistema għall-Iskambju ta’ l-Emissjonijiet CO2 ta’ l-UE. Għall-impriżi kbar dan il-perjodu jista’ jitnaqqas għall-ewwel tliet snin ta’ ħajja ta’ dan l-investiment fejn l-iżvalutar ta’ dan l-investiment jista’ jiġi pprovat li ma jaqbiżx it-tliet snin.

Il-kalkoli ta’ l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu ċċertifikati minn awditur estern.

4.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż l-20 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi ta’ daqs medju.

5.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati skond kif inhu stabbilit fl-Artikolu 18(6) u (7), u mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-benefiċċji u l-ispejjeż operattivi.

Artikolu 22

Għajnuna għal investiment ambjentali f’koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja

1.  L-għajnuna għal investiment ambjentali għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-45 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi ta’ daqs medju.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż żejda ta’ l-investiment neċessarji biex jitwaqqaf impjant ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif imqabbel ma’ l-investiment ta’ riferenza. L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati skond kif inhu stabbilit fl-Artikolu 18(6) u (7), u mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-benefiċċji u l-ispejjeż operattivi.

4.  Unità ġdida ta’ koġenerazzjoni għandha globalment tiffranka l-enerġija primarja meta mqabbla mal-produzzjoni separata skond id-Direttiva 2004/8/KE u d-Deċiżjoni 2007/74/KE. It-titjib ta’ unità eżistenti ta’ koġenerazzjoni jew il-konverżjoni ta’ unità eżistenti ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija f’unità ta’ koġenerazzjoni għandhom jirriżultaw f’konservazzjoni ta’ enerġija primarja meta imqabbel mas-sitwazzjoni oriġinali.

Artikolu 23

Għajnuna għall-investiment ambjentali għall-promozzjoni ta’ l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu

1.  L-għajnuna għall-investiment ambjentali għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm l-kundizzjonijiet fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-45 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal għajnuna konċessa lil impriżi ta’ daqs medju.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż żejda magħmula mill-benefiċjarju meta komparati ma’ impjant ta’ l-enerġija konvenzjonali jew ma’ sistema ta’ tisħin konvenzjonali bl-istess kapaċità f’termini ta’ produzzjoni effettiva ta’ enerġija.

L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati skond kif inhu stabbilit fl-Artikolu 18(6) u (7), u mingħajr ma jkunu kkunsidrati l-benefiċċji u l-ispejjeż operattivi.

4.  L-għajnuna għal investiment ambjentali għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils għandha tkun eżenti biss safejn l-investimenti addizzjonali jkunu użati esklussivament għall-produzzjoni ta’ bijofjuwils sostenibbli.

Artikolu 24

Għajnuna għall-istudji dwar l-ambjent

1.  L-għajnuna għal studji direttament marbuta ma’ investimenti msemmija fl-Artikolu 18, investimenti ta’ miżuri ta’ konservazzjoni ta’ l-enerġija taħt il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21 u investimenti għall-promozzjoni ta’ enerġija li tiġġedded taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 23 għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżiti tan-notifika fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali għal studji li jsiru f’isem impriżi żgħar u b’10 punti perċentwali għal studji li jsiru f’isem impriżi ta’ daqs medju.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż ta’ l-istudju.

Artikolu 25

Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali

1.  Skemi ta’ għajnuna ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  Il-benefiċjarji tat-tnaqqis għandhom ta’ l-anqas l-livell minimu tat-taxxa tal-Komunità stipulat fid-Direttiva 2003/96/KE.

3.  It-tnaqqis fit-taxxa għandu jingħata għal perjodi massimi ta’ għaxar snin. Wara dan il-perjodu ta’ għaxar snin, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jivvalutaw kemm hu xieraq it-tnaqqis fit-taxxa kkonċernat.



TAQSIMA 5

Għajnuna għal konsulenza u l-parteċipazzjoni ta’ l-SMEs ġo fieri

Artikolu 26

Għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs

1.  L-għajnuna lil SMEs għall-konsulenza għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-50 %.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż ta’ konsulenza ta’ servizzi pprovduti minn konsulenti esterni.

Is-servizzi kkonċernati m’għandhomx ikunu attività kontinwa jew perjodika u lanqas ma jkunu relatati ma’ l-ispejjeż amministrattivi ordinarji ta’ l-impriża, bħal servizzi ta’ rutina ta’ konsulenza dwar it-taxxa, servizzi legali regolari jew riklamar.

Artikolu 27

Għajnuna għall-partiċipazzjoni ta’ l-SMEs ġo fieri

1.  L-għajnuna lil SMEs għall-parteċipazzjoni ġo fieri għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż involuti biex tinkera, titwaqqaf u titħaddem l-istand għall-ewwel partiċipazzjoni ta’ impriża ġo fiera jew eżibizzjoni partikolari.



TAQSIMA 6

Għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju

Artikolu 28

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(1) “ekwità” tfisser interess ta’ sjieda f’impriża, rappreżentat mill-ishma maħruġa lill-investituri;

(2) “kważi ekwità” tfisser strumenti finanzjarji li r-rendiment għad-detentur tagħhom ikun ibbażat il-biċċa l-kbira fuq il-profitti jew it-telf ta’ l-impriża bażi fil-mira u li mhumiex żgurati fl-eventwalità ta’ nuqqas;

(3) “ekwità privata” tfisser investiment ta’ ekwità jew kważi ekwità privata – b’kuntrast ma’ pubblika – f’impriżi mhux elenkati f’borża, inkluż il-kapital ta’ riskju;

(4) “il-kapital tal-bidu” tfisser finanzjament provdut għall-istudju, il-valutazzjoni u l-iżvilupp tal-kunċett inizjali, qabel il-fażi tal-bidu;

(5) “kapital biex tibda” tfisser finanzjament ipprovdut lil impriżi, li ma bigħux il-prodott jew is-servizz tagħhom kummerċjalment u għadhom mhumiex jiġġeneraw profitt għall-iżvilupp tal-prodott u t-tqegħid fis-suq inizjali;

(6) “kapital għall-espansjoni” tfisser finanzjament pprovdut għat-tkabbir u espansjoni ta’ impriża, li tista’ tkun kapaċi jew le li tħallas lura l-flus investiti jew tinnegozja bi profitt, bl-iskop li tkabbar il-kapaċità tal-produzzjoni, l-iżvilupp tas-suq jew tal-prodott jew li tipprovdi kapital addizzjonali meħtieġ;

(7) “strateġija ta’ ħruġ” tfisser strateġija għal-likwidazzjoni ta’ ishma minn fond ta’ kapital ta’ riskju jew ta’ ekwità privata skond pjan biex jinkiseb profitt massimu, inklużi bejgħ kummerċjali, kanċellamenti, ħlas lura ta’ ishma privileġġati jew self, bejgħ lil venture capitalist ieħor, bejgħ lil istituzzjoni finanzjarja u bejgħ b’offerta pubblika, inklużi Offerti Inizjali lill-Pubbliku;

(8) “impriża fil-mira” tfisser impriża li investitur jew fond ta’ investiment qed jikkonsidra li jinvesti fiha.

Artikolu 29

Għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju

1.  Skemi ta’ kapital ta’ riskju favur l-SMEs għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  Il-miżura ta’ kapital ta’ riskju għandha tieħu l-forma ta’ partiċipazzjoni ġo fond ta’ investiment motivat bil-profitt, ġestit fuq bażi kummerċjali.

3.  Il-porzjonijiet ta’ investiment li għandu jsir mill-fond ta’ investiment m’għandhomx jeċċedu EUR 1.5 miljun għal kull impriża fil-mira matul kwalunkwe perjodu ta’ tnax-il xahar.

4.  Għall-SME’s li qegħdin f’żoni assistiti, kif ukoll għal impriżi żgħar li qegħdin f’żoni mhux assistiti, il-miżura tal-kapital tar-riskju għandha tkun ristretta biex tipprovdi l-finanzjament għall-kapital tal-bidu u/jew kapital għall-espansjoni. Għal impriżi ta’ daqs medju li qegħdin f’żoni mhux assistiti, il-miżura tal-kapital tar-riskju għandha tkun ristretta biex tipprovdi l-finanzjament għall-kapital tal-bidu u/jew kapital biex tibda, għall-esklużjoni tal-kapital ta’ espansjoni.

5.  Il-fond ta’ investiment għandu jipprovdi almenu 70 % tal-baġit totali tiegħu investiti fl-SMEs fil-mira fil-forma ta’ ekwità jew kważi ekwità għall-impriżi fil-mira.

6.  Mill-inqas 50 % tal-finanzjament tal-fondi ta’ investiment għandu jiġi pprovdut permezz ta’ investituri privati. Fil-każ ta’ fondi ta’ investiment li għandhom fil-mira esklussivament SMEs li jinsabu f’żoni assistiti mill-inqas 30 % tal-finanzjament għandu jiġi pprovdut permezz ta’ investituri privati.

7.  Biex jiġi żgurat li l-miżura ta’ kapital ta’ riskju tkun motivata mill-profitt, il-kundizzjonijiet segwenti għandhom jiġu sodisfatti:

(a) pjan ta’ negozju għandu jeżisti għal kull investiment, li jinkludi dettalji ta’ l-iżvilupp tal-prodott, tal-bejgħ u tal-profitabilità u li jistabbilixxi il-vijabilità ex ante tal-proġett; u

(b) strateġija ta’ ħruġ ċara u realistika għandha teżisti għal kull investiment.

8.  Biex tiġi żgurata ġestjoni tal-fond ta’ investiment fuq bażi kummerċjali, il-kundizzjonijiet segwenti għandhom jiġu sodisfatti:

(a) għandu jkun hemm ftehim bejn maniġer professjonali tal-fond u parteċipanti fil-fond, sakemm ir-rimunerazzjoni tal-maniġer tkun marbuta mar-rendiment u jiġu stabbiliti l-għanijiet tal-fond u ż-żmien propost li fih isiru l-investimenti; u

(b) investituri privati għandhom ikunu rappreżentati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, bħal pereżempju permezz ta’ kumitat ta’ l-investituri jew konsultattiv; u

(ċ) l-aħjar prattiki u sorveljanza regolatorja għandhom japplikaw għall-ġestjoni tal-fondi.



TAQSIMA 7

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni

Artikolu 30

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(1) “organizzazzjoni tar-riċerka” tfisser entità, bħal università jew istituzzjoni tar-riċerka, ikun xi jkun l-istatus legali tagħha (organizzata skond il-liġi pubblika jew privata) jew il-mod ta’ finanzjament, li l-iskop ewlieni tagħha jkun li twettaq riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali u li xxerred ir-riżultati tagħhom permezz tat-tagħlim, pubblikazzjoni jew it-trasferiment tat-teknoloġija; il-profitti kollha għandhom jiġu investiti mill-ġdid f’dawn l-attivitajiet, it-tixrid tar-riżultati tagħhom jew it-tagħlim; l-impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq din l-organizzazzjoni, pereżempju fil-kapacità tagħhom bħala azzjonisti jew membri ta’ l-organizzazzjoni, m’għandhom igawdu ebda aċċess preferenzjali għall-kapaċitajiet ta’ riċerka ta’ din l-organizzazzjoni jew għar-riżultati ta’ riċerka ġġenerati minnha;

(2) “riċerka fundamentali” tfisser xogħol sperimentali jew teoretiku magħmul primarjament biex jinkiseb għarfien ġdid tal-fundazzjoni bażika ta’ fenomeni u fatti osservabbli, mingħajr ebda applikazzjoni prattika diretta jew ħsieb ta’ użu;

(3) “riċerka industrijali” tfisser ir-riċerka ppjanata jew l-investigazzjoni kritika mmirata lejn il-kisba ta’ għarfien u ħiliet ġodda għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi jew servizzi ġodda jew biex iseħħ titjib sinifikanti fi prodotti, proċessi jew servizzi eżistenti. Tinkludi l-ħolqien ta’ partijiet komponenti ta’ sistemi komplessi, li huma neċessarji għar-riċerka industrjali, notevolment għat-tisħiħ ta’ teknoloġija ġenerika, għall-esklużjoni ta’ prototipi;

(4) “żvilupp sperimentali” tfisser l-akkwist, it-tagħqid, l-iffurmar u l-użu ta’ l-għarfien u l-ħiliet xjentifiċi, teknoloġiċi, kummerċjali u għarfien u ħiliet oħra rilevanti għal fini li jiġu prodotti pjanijiet u arranġamenti jew disinji għal prodotti, proċessi jew servizzi ġodda, mibdula jew imtejba. Dawn jistgħu jinkludu wkoll, pereżempju, attivitajet oħra mmirati lejn definizzjoni konċettwali, ippjanar u dokumentazzjoni ta’ prodotti, proċessi u servizzi ġodda. L-attivitajiet jistgħu jinkludu l-produzzjoni ta’ abbozzi, disinji, pjanti u dokumentazzjoni oħra, sakemm ma jkunux intenzjonati għal użu kummerċjali.

L-iżvilupp ta’ prototipi kummerċjali li jintużaw u proġetti pilota hu inkluż ukoll, fejn il-prototip hu neċessarjament il-prodott kummerċjali finali u fejn tkun ferm għalja biex tipproduċih ħalli jintuża’ biss għal skopijiet ta’ dimostrazzjonijiet u validazzjoni. F’każ ta’ użu kummerċjali sussegwenti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni jew dawk pilota, kwalunkwe dħul finanzjarju ġġenerat minn dan l-użu jista’ jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli.

Il-produzzjoni sperimentali u l-ittestjar ta’ prodotti, proċessi u servizzi għandhom ukoll ikunu eliġibbli, sakemm dawn ma jkunux jistgħu jintużaw jew jiġu trasformati biex jintużaw f’applikazzjonijiet industrijali jew kummerċjalment.

Żvilupp sperimentali ma għandux ikun jinkludi tibdiliet ta’ rutina jew perjodiċi magħmula lil prodotti, linji ta’ produzzjoni, proċessi ta’ manifattura, servizzi eżistenti u operazzjonijiet oħra li jkun għaddejjin, anki jekk dawn it-tibdiliet jistgħu jirrapreżentaw titjib;

(5) “persunal bi kwalifiki għolja” tfisser riċerkaturi, inġiniera, diżinjaturi u marketeing managers bi grad ta’ edukazzjoni terzjarja u mill-inqas 5 snin esperjenza professjonali rilevanti. Taħriġ fil-livell ta’ dottorat jista’ jkun jgħodd bħala esperjenza professjonali rilevanti;

(6) “sekondar” tfisser l-impjieg b’mod temporanju ta’ persunal minn benefiċjarji matul perjodu ta’ żmien, li warajh il-persunal ikollu d-dritt li jmur lura lejn min kien iħaddmu qabel.

Artikolu 31

Għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp

1.  L-għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tiġi eżentata mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti:

2.  Il-parti assistita tal-proġett ta’ riċerka u żvilupp għandha taqa’ kompletament f’waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ riċerka segwenti:

(a) riċerka fundamentali;

(b) riċerka industrijali;

(ċ) żvilupp sperimentali.

Meta proġett iħaddan biċċiet ta’ xogħol differenti, kull biċċa xogħol għandha tkun ikkwalifikata bħala li taqa’ taħt waħda mill-kategorji elenkati fl-ewwel subparagrafu, jew bħala li ma taqax taħt xi waħda minn dawk il-kategoriji.

3.  L-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi:

(a) il-100 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal riċerka fundamentali;

(b) il-50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal riċerka industrijali;

(ċ) il-25 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal żvilupp sperimentali.

L-intensità ta’ l-għajnuna għandha tiġi stabbilita għal kull benefiċjarju ta’ għajnuna, inkluż fi proġett ta’ kollaborazzjoni kif ipprovdut fil-paragrafu 4(b) (i).

F’każ ta’ għajnuna għal proġett ta’ riċerka u ta’ żvilupp li qed jiġi mwettaq f’kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka u impriżi, l-għajnuna f’daqqa li tkun ġejja minn appoġġ dirett mill-gvern għal proġett speċifiku u, fejn dawn jikkostitwixxu għajnuna, kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka għal dak il-proġett ma jistgħux jeċċedu l-intensitajiet ta’ għajnuna applikabbli għal kull impriża li tibbenefika.

4.  Il-limiti stabbiliti għar-riċerka industrijali u għall-iżvilupp sperimentali fil-paragrafu 3 jistgħu jiġu miżjuda kif ġej:

(a) fejn l-għajnuna tingħata lill-SMEs, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda b’10 punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’20 punt perċentwali għal impriżi żgħar; u

(b) jista’ jiġi miżjud bonus ta’ 15-il punt perċentwali, sa massimu ta’ intensità ta’ għajnuna ta’ 80 %, jekk:

(i) il-proġett jinvolvi kollaborazzjoni effettiva bejn almenu żewġ impriżi li huma indipendenti minn xulxin u l-kundizzjonijiet segwenti jiġu sodisfatti:

 l-ebda impriża waħda ma ġġorr aktar minn 70 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett ta’ kollaborazzjoni,

 il-proġett jinvolvi kollaborazzjoni ma’ almenu SME wieħed jew ikun transnazzjonali, jiġifieri l-attivajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp jitwettqu f’mill-inqas żewġ Stati Membri differenti, jew

(ii) il-proġett jinvolvi kollaborazzjoni effettiva bejn impriża u organizzazzjoni ta’ riċerka u l-kundizzjonijiet segwenti jiġu sodisfatti:

 l-organizzazzjoni tar-riċerka ġġorr almenu 10 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett,

 l-organizzazzjoni tar-riċerka jkollha d-dritt li tippubblika r-riżultati tal-proġetti ta’ riċerka sa fejn ikunu ġejjin minn riċerka implimentata minn dik l-organizzazzjoni,

(iii) fil-każ ta’ riċerka industrijali, ir-riżultati tal-proġett jiġu imxerrda b’mod wiesa’ permezz ta’ konferenzi tekniċi u xjentifiċi jew permezz ta’ pubblikazzjoni f’ġurnali xjentifiċi jew tekniċi jew f’ripożitorji b’aċċess miftuħ (databases fejn data mhux proċessata ta’ riċerka tkun aċċessibbli għal kulħadd), jew premezz ta’ softwer b’xejn jew open source.

Għall-finijiet ta’ punti (b) (i) u (ii) ta’ l-ewwel subparagrafu is-subappalt m’għandux jiġi kkunsidrat bħala kollaborazzjoni effettiva.

5.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikun s-segwenti:

(a) spejjeż tal-persunal (riċerkaturi, tekniċi u persunal ieħor ta’ appoġġ sal-punt li jkunu impjegati fuq il-proġett ta’ riċerka);

(b) spejjeż ta’ strumenti u tagħmir sal-punt u għall-perjodu użat għall-proġett ta’ riċerka. Jekk dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma jintużawx għal ħajja kollha tagħhom għall-proġett ta’ riċerka, l-ispejjeż tad-deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett ta’ riċerka biss, kif ikkakulati fuq il-bażi ta’ prattika tajba taż-żamma tal-kotba, għandhom jitqiesu eliġibbli;

(ċ) spejjeż għal bini u art, sal-punt u għall-perjodu użat għall-proġett ta’ riċerka; fir-rigward ta’ bini, l-ispejjeż ta’ żvalutazzjoni li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett ta’ riċerka biss, kif ikkalkulati fuq il-bażi ta’ prattika tajba taż-żamma tal-kotba għandhom jitqiesu bħala eliġibbli; għall-art, l-ispejjeż ta’ trasferiment kummerċjali jew spejjeż kapitali li fil-fatt ikunu saru għandhom jitqiesu eliġibbli;

(d) spejjeż ta’ riċerka kuntrattwali, għarfien tekniku u privattivi mixtrijin jew liċenzjati minn sorsi barranin bi prezzijiet tas-suq, fejn it-transazzjoni tkun saret b’mod trasparenti u ma jkunx hemm element ta’ kollużjoni nvolut, kif ukoll spejjeż ta’ konsulenzi u servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-attività ta’ riċerka;

(e) spejjeż oħra ġenerali magħmula direttament bħala riżultat tal-proġett ta’ riċerka;

(f) spejjeż oħra ta’ operat, inklużi spejjeż ta’ materjali, provvisti u prodotti simili magħmula direttament bħala riżultat ta’ l-attività ta’ riċerka.

6.  L-ispejjeż kollha eliġibbli għandhom ikunu assenjati għal kategorija speċifika ta’ riċerka u ta’ żvilupp.

Artikolu 32

Għajnuna għal studji tekniċi ta’ vijabilità

1.  L-għajnuna għal studji tekniċi ta’ vijabilità bħala preparazzjoni għal riċerka industrijali jew attivitajiet ta’ żvilupp sperimentali għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità bażika ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi:

(a) għall-SMEs, 75 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal studji ta’ preparazzjoni għal attivitajiet ta’ riċerka industrijali; 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal studji ta’ preparazzjoni għal attivitajiet ta’ żvilupp sperimentali;

(b) għal impriżi kbar, 65 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal studji ta’ preparazzjoni għal attivitajiet ta’ riċerka industrijali; 40 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal studji ta’ preparazzjoni għal attivitajiet ta’ żvilupp sperimentali.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż ta’ l-istudju.

Artikolu 33

Għajnuna għal spejjeż ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għall-SMEs

1.  L-għajnuna lill-SMEs għall-ispejjeż assoċjati mal-kisba u l-validazzjoni ta’ privattivi u drittijiet oħra ta’ proprjetà industrijali għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi l-intensità għal għajnuna għal proġett ta’ riċerka u żvilupp stabbilita mill-Artikolu 31(3) u (4), fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ riċerka li l-ewwel wasslu għad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali kkonċernati.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikun s-segwenti:

(a) l-ispejjeż kollha li jiġu qabel l-għotja tad-dritt fl-ewwel ġurisdizzjoni, inklużi spejjeż relatati mal-preparazzjoni, il-preżentazzjoni u l-prosegwiment ta’ l-applikazzjoni kif ukoll spejjeż magħmula f’tiġdid ta’ l-applikazzjoni qabel ikun ingħata d-dritt;

(b) it-traduzzjoni u spejjeż oħra magħmula biex tinkiseb l-għotja jew il-validazzjoni tad-dritt f’ġurisdizzjonijiet legali oħra;

(ċ) spejjeż magħmula fid-difiża tal-validità tad-dritt waqt il-prosegwiment uffiċjali ta’ l-applikazzjoni u l-proċeduri ta’ oppożizzjoni possibbli, anki jekk dawn l-ispejjeż jinqalgħu wara li jingħata d-dritt.

Artikolu 34

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu u fis-settur tas-sajd

1.  L-għajnuna għal riċerka u l-iżvilupp rigward prodotti mniżżla fl-Anness I tat-Trattat għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tiġi eżentata mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-għajnuna għandha tinteressa lill-operaturi kollha fis-settur jew sottosettur partikolari kkonċernat.

3.  L-informazzjoni li tkun se titwettaq ir-riċerka, u b’liema għan, għandha tkun ippubblikata fuq l-internet, qabel ma tibda r-riċerka. Għandhom ikunu inklużi wkoll id-data approssimattiva tar-riżultati mistennija u fejn se jiġu ppubblikati fl-internet u għandu jissemma li r-riżultat ikun disponibbli mingħajr ħlas.

Ir-riżultati tar-riċerka jitqiegħdu fuq l-internet, għall-perjodu ta’ mill-anqas 5 snin. Dawn għandhom jiġu ppubblikati mhux aktar tard minn kwalunkwe informazzjoni li tista’ tingħata lil membri ta’ organizzazzzjoni partikolari.

4.  L-għajnuna għandha tingħata direttament lill-organizzazzjoni tar-riċerka u ma għandhiex tinvolvi għoti dirett għal għajnuna mhux relatata mar-riċerka lil kumpanija li tipproduċi, tipproċessa jew tirreklama l-prodotti agrikoli, lanqas ma għandha tipprovdi sostenn tal-prezz għall-produtturi ta’ dawn il-prodotti.

5.  L-intensità ta’ l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-100 %.

6.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu dawk stipulati fl-Artikolu 31(5).

7.  L-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp dwar prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat u li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 30, 31 u 32 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 35

Għajnuna lill-impriżi innovattivi żgħar

1.  L-għajnuna lil impriżi innovattivi li m’ilhomx joperaw għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5 jiġu sodisfatti.

2.  Il-benefiċjarju għandu jkun impriża zgħira li tkun ilha teżisti għal anqas minn 6 snin fi żmien l-għotja ta’ l-għajnuna.

3.  L-ispejjeż għar-riċerka u l-iżvilupp tal-benefiċjarji għandhom jirrapreżentaw mill-anqas 15 % ta’ l-ispejjeż totali operattivi f’mill-anqas sena mit-tliet snin preċedenti għall-għotja ta’ l-għajnuna jew fil-każ ta’ impriża li tkun ser tibda mingħajr ma jkollha storja finanzjarja, fil-verifika tal-perjodu fiskali kurrenti, kif ikun iċċertifikat mill-awditur estern.

4.  L-ammont ta’ l-għajnuna m’għandux jeċċedi l-EUR 1 miljun.

Madankollu, l-ammont ta’ l-għajnuna m’għandux jeċċedi EUR 1.5 miljun f’reġjuni li jkunu eliġibbli għad-deroga stipulata fl-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat, u EUR 1,25 miljun fir-reġjuni eliġibbli għad-deroga stipulata fl-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat.

5.  Il-benefiċjarju jista’ jirċievi l-għajnuna darba biss matul il-perjodu li fih ikun jikkwalifika bħala impriża innovattiva ġdida.

Artikolu 36

Għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni u għal servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni

1.  L-għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni u għal servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  Il-benefiċjarju għandu jkun SME.

3.  L-għajnuna m’għandhiex taqbeż massimu ta’ EUR 200 000 għal kull benefiċjarju fi ħdan kull perjodu ta’ tliet snin.

4.  Il-fornitur tas-servizz għandu jgawdi minn ċertifikazzjoni nazzjonali jew Ewropea. Jekk il-fornitur tas-servizz ma jkunx igawdi minn ċertifikazzjoni nazzjonali jew Ewropea, l-intensità ta’ l-għajnuna ma tistax teċċedi il-75 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

5.  Il-benefiċjarju jrid juża l-għajnuna biex jixtri s-servizzi bi prezz tas-suq, jew jekk il-fornitur tas-servizz ikun entità li ma taħdimx għall-profitt, bi prezz li jirrifletti l-ispejjeż tagħha kollha flimkien ma’ marġini raġjonevoli.

6.  L-ispejjeż eliġibbli huma s-segwenti:

(a) fejn jidħlu s-servizzi ta’ konsulenza dwar l-innovazzjoni, l-ispejjeż li ġejjin: konsulenza relatata mal-ġestjoni, assistenza teknoloġika, servizzi ta’ trasferiment teknoloġiku, taħriġ, konsulenza għall-akkwist, il-protezzjoni u l-kummerċ ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali u għal ftehimiet ta’ liċenzjar, konsulenza dwar l-użu ta’ standards;

(b) fejn jidħlu s-servizzi ta’ appoġġ dwar l-innovazzjoni, l-ispejjeż relatati ma’: l-ispazju għall-uffiċċji, il-ġabriet ta’ dejta il-libreriji tekniċi, ir-riċerka tas-suq, l-użu ta’ laboratorju, l-ittikettjar ta’ kwalità, l-ittestjar u ċertifikazzjoni.

Artikolu 37

Għajnuna għas-self ta’ persuna bi kwalifiki għolja

1.  L-għajnuna għas-self ta’ persunal bi kwalifiki għolja issekondat minn organizzazzjoni ta’ riċerka jew minn impriża kbira lil SME għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti:

2.  Il-persunal issekondat m’għandux ikun qiegħed jieħu post xi persunal ieħor, iżda għandu jkun impjegat f’pożizzjoni maħluqa ġdida fi ħdan l-impriża benefiċjarja u għandu jkun ilu impjegat għal mill-anqas sentejn fl-organizzazzjoni ta’ riċerka jew fl-impriża l-kbira, li tkun qed tibgħat il-persunal issekondat.

Il-persunal issekondat għandu jaħdem f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fi ħdan l-SME li tkun qed tirċievi l-għajnuna.

3.  L-intensità massima ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi l-50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli, għal massimu ta’ 3 snin għal kull impriża u għal kull persuna mislufa.

4.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż kollha tal-persunal għas-self u għall-impjieg ta’ persunal bi kwalifiki għolja, inklużi l-ispejjeż ta’ l-użu ta’ aġenzija tar-reklutaġġ u għal benefiċċju għall-mobbiltà għall-persunal issekondat.

5.  Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal spejjeż ta’ konsulenza msemmija fl-Artikolu 26.



TAQSIMA 8

Għajnuna għat-taħriġ

Artikolu 38

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din is-Taqsima, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(1) “taħriġ speċifiku” tfisser taħriġ li jinvolvi tagħlim applikabbli direttament u prinċipalment għall-pożizzjoni preżenti jew futura ta’ l-impjegat fl-impriża u jipprovdi kwalifiki li mhumiex jew huma biss sa ċertu punt trasferibbli lil impriżi oħra jew oqsma tax-xogħol;

(2) “taħriġ ġenerali” tfisser taħriġ li jinvolvi tagħlim li mhux applikabbli biss jew prinċipalment għall-pożizzjoni preżenti jew futura ta’ l-impjegat fl-impriża, imma li jipprovdi kwalifiki li huma fil-biċċa l-kbira trasferibbli lil impriżi oħra jew oqsma tax-xogħol. It-taħriġ għandu jiġi kkunsidrat “ġenerali” jekk, pereżempju:

(a) jiġi organizzat flimkien minn impriżi indipendenti differenti, jew jekk l-impjegati ta’ impriżi differenti jkunu jistgħu jagħmlu użu mit-taħriġ, jew

(b) jiġi rikonoxxut, iċċertifikat jew ikkonfermat minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi jew minn korpi jew istituzzjonijiet oħra li jkunu ngħataw il-poteri neċessarji minn Stat Membru jew mill-Komunità.

Artikolu 39

Għajnuna għat-taħriġ

1.  L-għajnuna għat-taħrig għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità bażika ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi:

(a) il-25 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal taħriġ speċifiku, u

(b) is-60 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal taħriġ ġenerali.

Madankollu, l-intensità ta’ l-għajnuna tista’ tiġi miżjuda, sa intensità massima ta’ għajnuna ta’ 80 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli, kif ġej:

(a) b’10 punti perċentwali jekk it-taħriġ jingħata lil ħaddiema b’diżabilità jew żvantaġġati;

(b) b’10 punti perċentwali jekk l-għajnuna tiġi konċessa lil impriżi ta’ daqs medju u b’20 punti perċentwali jekk l-għajnuna tiġi konċessa lil impriżi żgħar.

Meta l-għajnuna tingħata fis-settur tat-trasport marittimu, din tista’ tilħaq intensità ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli, kemm jekk il-proġett tat-taħriġ jirreferi għal taħriġ speċifiku jew ġenerali, sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin sodisfatti:

(a) il-persuna li tkun qed titħarreġ m’għandhiex tkun membru attiv taċ-ċorma iżda għandha tkun supernumerarju abbord, u

(b) it-taħriġ għandu jsir abbord vapuri li jkunu jidhru fir-reġistri tal-Komunità.

3.  F’każijiet fejn il-proġett ta’ għajnuna jinvolvi komponenti ta’ taħriġ kemm speċifiċi u kemm ġenerali li ma jistgħux jiġu separati għal kalkulazzjoni ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna, u f’każijiet fejn il-karattru speċifiku jew ġenerali tal-proġett ta’ għajnuna għat-taħriġ ma jistax jigi stabbilit, l-intensitajiet ta’ għajnuna applikabbli għal taħriġ speċifiku għandhom japplikaw.

4.  L-ispejjeż eliġibbli ta’ proġett ta’ għajnuna għal taħriġ għandhom ikunu:

(a) l-ispejjeż ta’ min iħarreġ;

(b) l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar ta’ min iħarreġ u ta’ min jitħarreġ, inkluża l-akkomodazzjoni;

(ċ) l-ispejjeż oħra kurrenti bħal materjali u provvisti direttament relatati mal-proġett;

(d) l-iżvalutar ta’ għodda u tagħmir, sal-punt li jintużaw esklussivament għall-proġett ta’ taħriġ;

(e) l-ispejjeż ta’ servizzi ta’ gwida u pariri fir-rigward tal-proġett ta’ taħriġ;

(f) l-ispejjeż ta’ min iħarreġ u spejjeż ġenerali indiretti (spejjeż amministrattivi, kera, spejjeż ġenerali) sa l-ammont tat-total ta’ l-ispejjeż l-oħra eliġibbli li għalihom saret referenza f’(a) sa (e). Rigward ta’ l-ispejjeż tal-persunal ta’ min jitħarreġ, jistgħu jitqiesu biss is-sigħat li matulhom dawk li qed jitħarrġu effettivament jipparteċipaw fit-taħriġ wara li jitnaqqsu is-sigħat produttivi kollha.



TAQSIMA 9

Għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità

Artikolu 40

Għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi

1.  L-iskemi ta’ għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi l-50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż tal-pagi matul perjodu massimu ta’ tnax-il xahar wara r-reklutaġġ.

Madankollu, fil-każ fejn il-ħaddiem ikkonċernat ikun ħaddiem bi żvantaġġ serju, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż għall-pagi fuq perjodu massimu ta’ 24 xahar wara r-reklutaġġ.

4.  Fejn ir-reklutaġġ ma jirrapreżentax żieda netta, imqabbel mal-medja fuq l-aħħar tnax-il xahar, fin-numru ta’ impjegati fl-impriża kkonċernata, l-pożizzjoni jew pożizzjonijiet ikunu tbattlu wara tluq volontarju, irtirar minħabba l-età, tnaqqis voluntarju tal-ħin tax-xogħol jew tkeċċija legali minħabba mġiba ħażina u mhux għaliex m’hemmx xogħol għall-impjegat.

5.  Minbarra fil-każ ta’ tkeċċija leġali għal mġiba ħażina, il-ħaddiem żvantaġġat għandu jkun intitolat għal impjieg kontinwu għal perjodu minimu konsistenti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jew ma’ ftehimiet kollettivi li jirregolaw kuntratti ta’ l-impjieg.

Jekk il-perjodu ta’ impjieg ikun ta’ anqas minn 12-il xahar, jew, skond il-każ, 24 xahar, l-għajnuna għandha titnaqqas pro rata.

Artikolu 41

Għajnuna għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi

1.  L-għajnuna għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi il-75 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż tal-pagi għal kwalunkwe perjodu partikolari li matulu l-ħaddiem b’diżabilità ikun qed jiġi impjegat.

4.  Fejn ir-reklutaġġ ma jirrapreżentax żieda netta fin-numru ta’ impjegati fl-impriża kkonċernata meta mqabbla mal-medja fuq il-perjodu preċedenti ta’ tnax-il xahar, il-pożizzjoni jew pożizzjonijiet ikunu tbattlu wara tluq volontarju, irtirar minħabba l-età, tnaqqis voluntarju tal-ħin tax-xogħol jew tkeċċija legali minħabba mġiba ħażina u mhux għaliex m’hemmx xogħol għall-impjegat.

5.  Minbarra fil-każ ta’ tkeċċija leġali għal mġiba hażina, il-ħaddiem għandu jkun intitolat għal impjieg kontinwu għal perjodu minimu konsistenti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata jew ma’ ftehimiet kollettivi li jkopru kuntratti ta’ l-impjieg.

Jekk il-perjodu ta’ impjieg ikun ta’ anqas minn 12-il xahar, l-għajnuna għandha titnaqqas pro rata.

Artikolu 42

Għajnuna biex jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabilità

1.  L-għajnuna li tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali għall-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabilità għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.  L-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex teċċedi il-100 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

3.  L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż minbarra spejjeż ta’ pagi koperti mill-Artikolu 41, li jkunu addizzjonali għal dawk li l-impriża kien ikollha tagħmel kieku impjegat ħaddiema bla diżabilità, għall-perjodu li matulu l-ħaddiem b’diżabilità ikun qed jiġi impjegat.

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu dawk segwenti:

(a) l-ispejjeż ta’ l-adattament tal-bini;

(b) l-ispejjeż ta’ l-impjieg ta’ persunal għall-ħin użat biss fl-assistenza tal-ħaddiema b’diżabilità;

(ċ) l-ispejjeż biex jiġi adattat jew akkwistat tagħmir jew jiġi akkwistat u vvalidat softwer għall-użu tal-ħaddiema b’diżabilità, li jkunu addizzjonali għal dawk li l-benefiċjarju kien jinkorri kieku impjega ħaddiema li bla diżabilità;

(d) fejn il-benefiċjarju jipprovdi impjieg protett, l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, stallazzjoni jew espansjoni ta’ l-istabbiliment kkonċernat, u kwalunkwe spejjeż ta’ amministrazzjoni u ta’ trasport li jirriżultaw direttament mill-impjieg tal-ħaddiema b’diżabilità.



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET TA’ L-AĦĦAR

Artikolu 43

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1628/2006 għandu jiġi mħassar.

Kull referenza għar-Regolament imħassar u għar-Regolament (KE) Nru 68/2001, ir-Regolament (KE) Nru 70/2001 u r-Regolament (KE) Nru 2204/2002 għandha tkun interpretata bħala referenza għal dan ir-Regolament.

Artikolu 44

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk l-għajnuna tissodisfa il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 9.

2.  Kwalunkwe għajnuna mogħtija qabel il-31 ta’ Diċembru 2008, li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament imma tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 70/2001, fir-Regolament (KE) Nru 68/2001, fir-Regolament (KE) Nru 2204/2002 jew fir-Regolament (KE) Nru 1628/2006 għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

Kwalunkwe għajnuna oħra mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li la tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u lanqas il-kundizzjonijiet stipulati f’wieħed mir-Regolamenti msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandha tkun ivvalutata mill-Kummissjoni skond l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

3.  Fl-aħħar tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skemi ta’ għajnuna eżentati skond dan ir-Regolament għandhom jibqgħu eżentati matul perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna għal investiment reġjonali. L-eżenzjoni ta’ l-iskemi ta’ għajnuna reġjonali għandha tiskadi fid-data ta’ l-iskadenza tal-mapep approvati ta’ għajnuna reġjonali.

Artikolu 45

Dħul fis-seħħ u applikabilità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

▼M1

Għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2014.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Definizzjoni ta’ SME

Artikolu 1

Impriża

Impriża hija meqjusa li tkun kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, tkun xi tkun il-forma legali tagħha. Din tinkludi, partikolarment, persuni li jaħdmu għal rashom u negozji tal-familja involuti fi snajja’ jew attivitajiet oħra, u soċjetajiet bi sħab jew assoċjazzjonijiet involuti regolarment f’attività kummerċjali.

Artikolu 2

L-għadd ta’ persunal u l-limiti finanzjarji li jiddeterminaw kategoriji ta’ impriżi

1.  Il-kategorija ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (IŻM) hija magħmula minn impriżi li jħaddmu anqas minn 250 persuna u illi ta’ kull sena l-valur ta’ l-introjtu tagħhom ma jaqbiżx il-50 miljun Ewro, u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbiżx t-43 miljun EUR.

2.  Fil-kategorija ta’ l-IŻM, impriża żgħira hija definita bħala impriża li timpjega anqas minn 50 ruħ u li l-valur ta’ l-introjtu tagħha ta’ kull sena u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx l-10 miljun EUR.

3.  Fil-kategorija ta’ l-IŻM, il-mikro impriża hija definita impriża li timpjega anqas minn għaxra min-nies u li l-valur ta’ l-introjtu tagħha ta’ kull sena u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx iż-zewg miljun Ewro.

Artikolu 3

Tipi ta’ impriżi li jitqiesu fil-kalkolu ta’ l-għadd ta’ persunal u l-ammonti finanzjarji

1.  “Impriża awtonoma” hija impriża illi ma tkunx ikklassifikata bħala impriża msieħba fis-sens tal-paragrafu 2 jew bħala impriża relatata fis-sens tal-paragrafu 3.

2.  L-“Impriżi msieħba” huma l-impriżi li m’humiex ikklassifikati bħala impriżi relatati fis-sens tal-paragrafu 3 u li bejniethom hemm ir-relazzjoni illi ġejja: impriża (impriża li tkun eqreb lejn il-punt tal-produzzjoni milli lejn il-punt tal-bejgħ) ikollha, jew waħedha jew flimkien ma’ impriża konnessa waħda jew aktar, skond it-tifsira tal-paragrafu 3, 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot ta’ impriża oħra (impriża li tkun eqreb lejn il-punt tal-bejgħ milli lejn il-punt tal-produzzjoni).

Madankollu, impriża tista’ tkun ikklassifikata bħala awtonoma, u għalhekk bħala li m’għandha ebda impriżi soċji, anki jekk dan il-limitu ta’ 25 % jintlaħaq jew jinqabeż mill-investituri segwenti, sakemm dawk l-investituri ma jkunux konnessi, skond it-tifsira tal-paragrafu 3, jew individwalment jew flimkien ma’ l-impriża kkonċernata:

(a) korporazzjonijiet ta’ investiment pubbliku, kumpaniji b’kapital spekulattiv, individwi jew gruppi ta’ individwi b’kapital regolari spekulattiv, attività ta’ investiment illi jinvestu kapital ekwu f’kummerċ mhux kwotat (anġli tal-kummerċ), jekk kemm-il darba l-investiment totali ta’ dawk l-anġli tal-kummerċ fl-istess impriża huwa anqas minn EUR 1 250 000;

(b) universitajiet u ċentri li ma jagħmlux qligħ;

(ċ) investituri fl-investiment, inklużi l-fondi ta’ żvilupp reġjonali;

(d) awtoritajiet lokali awtonomi b’ammont annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u anqas minn 5 000 abitanti.

3.  “Impriżi relatati” huma impriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

(a) impriża li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot ta’ l-azzjonisti jew tal-membri f’impriża oħra;

(b) impriża li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri ta’ l-amministrattiv, l-amministrazzjoni jew il-korp sorveljanti ta’ xi impriża oħra;

(ċ) impriża li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra skond ftehim illi jkun intlaħaq ma’ dik l-impriża l-oħra jew skond id-dispożizzjonjiet tal-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni;

(d) impriża illi tkun azzjonista fi jew membru ta’ impriża oħra, li tikkontrolla waħidha, skond ftehim ma’ azzjonisti fi jew membri ta’ dik l-impriża, maġġoranza tad-drittijiet tal-voti ta’ l-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-impriża.

Hemm preżunzjoni li l-ebda influwenza dominanti ma teżisti jekk l-investituri elekanti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ma jinvolvux ruħhom direttament jew indirettament fil-maniġment ta’ l-impriża kkonċernata, bla ħsara għad-drittijiet tagħhombħala azzjonisti.

Impriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet deskritti fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ impriża waħda jew aktar, jew kwalunkwe wieħed mill-investituri msemmija fil-paragrafu 2, huma meqjusa wkoll bħala konnessi.

Impriżi li għandhom relazzjoni waħda minn dawn jew aktar permezz ta’ persuna naturali jew grupp ta’ persuni naturali li jaġixxu flimkien huma wkoll meqjusa bħala impriżi konnessi jekk jieħdu sehem fl-attività tagħhom jew f’parti mill-attività tagħhom fl-istess suq rilevanti jew fi swieq qrib.

“Suq qrib” huwa meqjus bħala li hu s-suq għal prodott jew servizz li qiegħed direttament eqreb lejn il-punt tal-produzzjoni milli lejn il-punt tal-bejgħ jew eqreb lejn il-punt tal-bejgħ milli lejn il-punt tal-produzzjoni tas-suq rilevanti.

4.  Barra mill-każijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, impriża ma tistax tkun kunsidrata bħala IŻM jekk 25 % jew aktar mill-kapital jew id-drittijiet tal-vot tagħha huma direttament jew indirettament ikkontrollati, konġuntivament jew individwalment, minn korp pubbliku jew aktar.

5.  L-impriżi jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni ta’ status bħala impriża awtonoma, impriża msieħba jew impriża relatata, inkluża d-data fir-rigward tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2. Id-dikjarazzjoni tista’ ssir anki jekk il-kapital ikun mifrux b’tali mod li mhux possibbli li jiġi stabbilit eżattament f’idejn min jinsab, f’liema każ l-impriża tista’ tiddikjara b’bona fide li tista’ leġittimament tippreżumi li mhix ta’ proprjetà kwantu għal 25 % jew aktar ta’ impriża waħda, jew flimkien minn impriżi konnessi ma’ xulxin. Dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu magħmula bla ħsara għall-kontrolli u investigazzjonijiet li hemm ipprovdut dwarhom fir-regoli nazzjonali jew tal-Komunità.

Artikolu 4

Informazzjoni użata għall-għadd ta’ persunal u l-ammonti finanzjarji u perjodu ta’ referenza

1.  Id-data li għandha tiġi applikata fil-kalkolu tan-numru ta’ impjegati u l-ammonti finanzjarji hija dik li tirrigwarda l-aħħar perjodu ta’ kontabilità approvat u kkalkulat fuq bażi annwali. Tiġi kkunsidrata mid-data ta’ l-għeluq tal-kotba tan-negozju. L-ammont magħżul għall-bejgħ huwa kkalkulat bl-esklużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u taxxi indiretti oħra.

2.  Meta, fid-data ta’ l-għeluq tal-kontijiet, l-impriża ssib li, fuq bażi annwali, tkun qabżet jew niżlet taħt il-limiti tan-numru ta’ l-impjegati jew il-limitu ta’ flus imsemmi fl-Artikolu 2, dan ma jirriżultax fit-telf jew l-akkwist ta’ l-istatus ta’ impriża ta’ daqs medju, żgħir jew mikro impriża, jekk kemm-il darba dawk il-limiti ma jinqabżux fuq żewġ perjodi konsekuttivi tal-perjodu ta’ kontabilità.

3.  Fil-każ ta’ impriża li tkun għadha kemm ġiet stabbilita, li l-kontijiet tagħha jkunu għadhom ma ġewx approvati, id-data li għandha tiġi applikata hi dik imnissla minn stima magħmula f’bona fide illi tkun saret matul is-sena finanzjarja.

Artikolu 5

L-għadd ta’ persunal

L-għadd jikkorrispondi man-numru ta’ unitajiet annwali ta’ xogħol (annual work units – AWU), jiġifieri n-numru ta’ persuni li ħadmu full-time fl-impriża kkonċernata jew f’isimha matul is-sena ta’ referenza sħiħa meqjusa. Ix-xogħol ta’ persuni li ma ħadmux is-sena sħiħa, ix-xogħol ta’ dawk li ħadmu part-time, mingħajr ma jitqies kemm damu jaħdmu, u x-xogħol ta’ ħaddiema staġjonali jingħadd bħala frazzjonijiet ta’ l-AWU. Il-persunal huwa magħmul minn:

(a) impjegati;

(b) persuni li jaħdmu għall-impriża li tkun subordinata lejha u li tagħha individwu jkun meqjus bħala impjegat taħt il-liġi nazzjonali;

(ċ) il-proprjetarji li jkunu qegħdin jiġġestixxu wkoll;

(d) is-sħab li jkunu involuti f’attività regolari fl-impriża u jibbenefikaw mill-vantaġġi finanzjarji mill-impriża;

Apprendisti jew studenti involuti f’taħriġ vokazzjonali b’kuntratt ta’ apprendistat jew ta’ taħriġ vokazzjonali mhumiex inklużi bħala persunal. Il-perjodu ta’ lif tal-maternità jew tal-ġenituri ma jingħaddx.

Artikolu 6

Kif tiġi stabbilita l-informazzjoni ta’ impriża

1.  Fil-każ ta’ impriża awtonoma, id-data, inkluż in-numru ta’ persunal, tiġi ddeterminata esklussivament fuq il-bażi tal-kontijiet ta’ dik l-impriża.

2.  Id-data, inkluż in-numru ta’ persunal, ta’ impriżi msieħba jew relatati, tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kontijiet jew data oħra ta’ l-impriża, jew, fejn jeżistu, il-kontijiet konsolidati ta’ l-impriża, jew il-kontijiet konsolidati li fihom l-impriża tkun inkluża permezz tal-konsolidazzjoni.

Ma’ l-informazzjoni li għaliha saret referenza fl-ewwel subparagrafu tiġi miżjuda l-informazzjoni ta’ kwalunkwe impriża soċja ta’ l-impriża kkonċernata li tkun immedjatament eqreb lejn il-punt tal-produzzjoni milli lejn il-punt tal-bejgħ jew eqreb lejn il-punt tal-bejgħ milli lejn il-punt tal-produzzjoni minnha. L-aggregazzjoni tkun proporzjonali għall-interess perċentwali fil-kapital jew fid-drittijiet ta’ vot (liema minnhom ikun l-akbar). Fil-każ ta’ ishma inkroċjati ċioè meta l-impriżi jkollhom ishma f’xulxin, japplika l-ogħla perċentwali.

Ma’ l-informazzjoni li għaliha saret referenza fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tiġi miżjuda 100 % ta’ l-informazzjoni ta’ kwalunkwe impriża, li tkun konnessa direttament jew indirettament ma’ l-impriża kkonċernata, fejn l-informazzjoni ma tkunx diġà giet inkluża permezz ta’ konsolidazzjoni fir-rendikonti finanzjarji.

3.  Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, id-data ta’ l-impriża msieħba ta’ l-impriża in-kwistjoni ġejja mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħha, konsolidati jekk jeżistu. Ma’ dawn tiġi miżjuda 100 % ta’ l-informazzjoni ta’ l-impriżi li jkunu konnessi ma’ dawn l-impriżi soċji, sakemm l-informazzjoni fir-rendikonti finanzjarji tagħhom ma tkunx diġà ġiet inkluża permezz ta’ konsolidazzjoni.

Għall-applikazzjoni ta’ l-istess paragrafu 2, l-informazzjoni ta’ l-impriżi li jkunu konnessi ma’ l-impriża kkonċernata għandha tittieħed mir-rendikonti finanzjarji tagħhom u l-informazzjoni l-oħra tagħhom, konsolidati jekk jeżistu. Ma’ dawn tiġi miżjuda, pro rata, l-informazzjoni ta’ kwalunkwe impriża soċja possibbli ta’ dik l-impriża konnessa, li jkunu jinsabu immedjatament eqreb lejn il-punt tal-produzzjoni milli lejn il-punt tal-bejgħ jew eqreb lejn il-punt tal-bejgħ milli lejn il-punt tal-produzzjoni minnha, sakemm ma tkunx diġà ġiet inkluża fir-rendikonti finanzjarji konsolidati b’perċentwali almenu proporzjonali mal-perċentwali identifikat skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

4.  Meta fil-kontijiet konsolidati ma tidher l-ebda data dwar l-impjegati għal xi impriża, il-figuri ta’ l-impjegati jiġu kkalkulati permezz ta’ aggregazzjoni proporzjonali tad-data mill-impriżi msieħba tagħha u billi tiġi miżjuda d-data mill-impriżi li għaliha l-impriżi kkonċernati jiġu relatati.




ANNESS II

Formola għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qosor għal għajnuna għalr-riċerka u l-iżvilupp skond l-obbligu estiż ta’ rapportaġġ stabbilit fl-Artikolu 9(4)

1. Għajnuna favur (isem ta’ l-impriża(i) li qed tirċievi/jirċievu l-għajnuna, SME jew le):

2. Ir-referenza ta’ l-iskema ta’ għajnuna (ir-referenza tal-Kummissjoni ta’ l-iskema jew skemi eżistenti li taħtha/taħthom ingħatat l-għajnuna):

3. L-entità/entitajiet pubbliċi li qed jipprovdu l-assistenza (l-isem u l-koordinati ta’ l-awtorità jew awtoritajiet konċedenti):

4. L-Istat Membru fejn qed isir il-proġett jew il-miżura assistita:

5. It-tip ta’ proġett jew miżura:

6. Deskrizzjoni qasira tal-proġett jew tal-miżura:

7. Fejn applikabbli, l-ispejjeż eligibbli (f’EUR):

8. L-ammont skontat ta’ l-għajnuna (gross) f’EUR:

9. L-intensità ta’ l-għajnuna (% f’ekwivalenti gross ta’ l-għotja):

10. Il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħlas ta’ l-għajnuna proposta (jekk hemm):

11. Id-data ppjanata għall-bidu u t-tmiem tal-proġett jew miżura:

12. Id-data ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna:

Formola għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qosor għal għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment għar-riċerka u l-iżvilupp skond l-obbligu estiż ta’ rapportaġġ stabbilit fl-Artikolu 9(4)

1. Għajnuna favur (l-isem ta’ l-impriża(i) li qed tirċievi/jirċievu l-għajnuna):

2. Ir-referenza ta’ l-iskema ta’ għajnuna (ir-referenza tal-Kummissjoni ta’ l-iskema jew skemi eżistenti li taħtha/taħthom ingħatat l-għajnuna):

3. Entità/entitajiet pubblika/pubbliċi li jagħtu l-assistenza (isem u l-koordinati ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet li jagħtu):

4. L-Istat Membru fejn isir l-investiment:

5. Ir-reġjun (livell NUTS 3) fejn qed isir l-investiment:

6. Il-muniċipalità (qabel livell NUTS 5, issa LAU 2) fejn qed isir l-investiment:

7. It-tip ta’ proġett (it-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti, id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ stabbiliment fi prodotti ġodda addizzjonali jew bidla fundamentali fil-proċess kollu tal-produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti):

8. Prodotti manifatturati jew servizzi pprovduti abbażi tal-proġett ta’ investiment (bin-nomenklatura PRODCOM/NACE jew in-nomenklatura CPA għal proġetti fis-setturi tas-servizzi):

9. Deskrizzjoni qasira tal-proġett ta’ investiment:

10. L-ispiża eliġibbli skontata tal-proġett ta’ investiment (f’EUR):

11. L-ammont ta’ għajnuna skontat (gross) f’EUR:

12. L-intensità ta’ l-għajnuna (% f’GGE):

13. Kundizzjonijiet marbuta mal-ħlas ta’ l-għajnuna proposta (jekk ikun hemm):

14. Id-dati ppjanati tal-bidu u t-tmiem tal-proġett:

15. Id-data ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna:




ANNESS III

Formola għall-provvista ta' informazzjoni fil-qosor skond l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 9(1)

Jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni mitluba hawn taħt.



PARTI I

Referenza għall-għajnuna

(Għandha timtela mill-Kummissjoni)

L-Istat Membru

 

In-numru ta’ referenza ta’ l-Istat Membru

 

Reġjun

Isem tar-Reġjun

(NUTS (1))

L-istatus ta’ l-għajnuna reġjonali (2)

L-awtorità li tagħmel l-għotja

Isem

 

Indirizz

 

Webpage

 

Titolu tal-miżura ta’ l-għajnuna

 

Bażi legali nazzjonali

(Referenza għall-pubblikazzjoni uffiċjali nazzjonali rilevanti)

 

Web link għat-test sħiħ tal-miżura ta’ l-għajnuna

 

Tip ta’ miżura

Skema

 

Għajnuna ad hoc

Isem tal-benefiċjarju

Emenda għall-miżura eżistenti ta’ għajnuna

 

Numru ta' għajnuna tal-Kummissjoni

Estensjoni taż-żmiem

 

Tibdil

 

Perjodu (3)

Skema

jj/xx/ss/ sa jj/xx/ss

Jum ta’ l-għotja (4)

Għajnuna ad hoc

jj/xx/ss

Settur(i) ekonomiku(ċi) kkonċernat(i)

Is-setturi ekonomiċi kollha eliġibbli biex jirċievu l-għajnuna

 

Limitat għal setturi speċifiċi – jekk jogħġbok speċifika skond l-NACE Rev. 2 (5)

 

Tip ta’ benefiċjarju

SME

 

Impriżi kbar

 

Baġit

Ammont totali annwali tal-baġit ippjanat taħt din l-iskema (6)

Munita nazzjonali … (f'miljuni)

L-ammont totali ta’ l-għajnuna ad hoc mogħtija lill-impriża (7)

Munita nazzjonali … (f'miljuni)

Għall-garanziji (8)

Munita nazzjonali … (f'miljuni)

Strument ta' għajnuna (Artikolu 5)

Għotja

 

Sussidju fuq ir-rata ta’ interess

 

Self

 

Garanzija/ Referenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (9)

 

Miżura fiskali

 

Kapital tar-Riskju

 

Avvanzi li jerġgħu jitħallsu

 

Oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

 

Jekk iffinanzjati b’mod konġunt mill-fondi tal-Komunità

Referenza(i):

Ammont ta’ finanzjament mill-Komunità

Munita nazzjonali … (f'miljuni)

(1)   NUTS - Nomenclature of Territorial Units for Statistics (Nomenklatura ta’ l-Unitajiet territorjali għall-Istatistika)

(2)   L-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat KE, Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE, żoni mħallta, żoni mhux eliġibbli għall-għajnuna reġjonali

(3)   Il-perjodu li fih l-awtorità li tagħmel l-għotja tista’ tikkommetti ruħha biex tagħmel l-għotja.

(4)   L-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata li ngħatat fil-mument meta l-benefiċjarju jingħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna taħt is-sistema legali applikabbli.

(5)   NACE Rev.2 Klassifikazzjoni statistika ta’ l-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea.

(6)   F’każ ta’ skemi ta’ għajnuna: Indika l-ammont totali annwali tal-baġit ippjanat taħt l-iskema jew l-istima ta’ telf mit-taxxa kull sena għall-istrumenti kollha ta’ għajnuna li hemm fl-iskema.

(7)   F’każ ta’ għotja ta’ għajnuna ad hoc: Indika t-telf totali ta’ l-ammont/taxxa ta’ l-għajnuna.

(8)   Għall-garanziji, indika l-ammont (massimu) tas-self garantit.

(9)   Fejn xieraq, referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-metodoloġija għall-kalkolu ta’ l-għotja gross ekwivalenti, skond l-Artikolu 5(1)c) tar-Regolament.



PARTI II

Għanijiet Ġenerali (lista)

Għanijiet (lista)

Intensità massima ta’ l-għajnuna f’% jew l-ammont massimu ta’ għajnuna fil-munita nazzjonali

Bonuses lill-SME f’%

Għajnuna reġjonali għall-investiment u l-impjiegi (1) (Art. 13)

Skema

… %

 

Għajnuna ad hoc (Art 13(1) )

… %

 

Għajnuna għall-impriżi żgħar iffurmati ġodda (Art. 14)

 

… %

 

Għajnuna għall-investiment u impjiegi għall-SMEs (Art. 15)

 

… %

 

Għajnuna għal impriżi żgħar ġodda iffurmati minn intraprendituri nisa (Art. 16)

 

… %

 

Għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-ambjent (Art. 17 – 25)

Għajnuna għall-investiment li tgħin lill-impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien ta’ l-ambjent jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ta’ l-ambjent fin-nuqqas ta’ l-istandards Komunitarji (Art. 18)

Jekk jogħġbok agħti referenza speċifika lill-istandard rilevanti

… %

 

Għajnuna għax-xiri ta' vetturi ġodda għat-trasport li jtejbu lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji (Art. 19)

… %

 

Għajnuna għal adattament bikri ma’ standards futuri tal-Komunità għall-SMEs

(Art. 20)

… %

 

Għajnuna għal investiment ambjentali f’miżuri ta’ l-iffrankar l-enerġija (Art 21)

… %

 

Għajnuna għal investiment ambjentali f’koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja (Art. 22)

… %

 

Għajnuna għall-investiment ambjentali għall-promozzjoni ta’ l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu

(Art. 23)

… %

 

Għajnuna għall-istudji dwar l-ambjent

(Art. 24)

… %

 

Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali (Art. 25)

… munita nazzjonali

 

Għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs u għajnuna għall-parteċipazzjoni ta’ l-SMEs ġo fieri (Art. 26 – 27)

Għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs (Art. 26)

… %

 

Għajnuna għall-SMEs għall-parteċipazzjoni ġo fieri (Art. 27)

… %

 

Għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ riskju (Art. 28 – 29)

 

… munita nazzjonali

 

Għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (Art. 30 – 37)

Għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp

(Art. 31)

Riċerka fundamentali

(Art. 31(2)(a))

… %

 

Riċerka industrijali

(Art. 31(2)(b))

… %

 

Żvilupp sperimentali (Art. 31(2)(c))

… %

 

Għajnuna għall-istudji tekniċi ta' vijabilità (Art. 32)

… %

 

Għajnuna għal spejjeż ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għall-SMEs (Art. 33)

… %

 

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu u fis-settur tas-sajd (Art. 34)

… %

 

Għajnuna lill-impriżi innovattivi ġodda (Art. 35)

… munita nazzjonali

 

Għajnuna għal servizzi ta' konsulenza dwar l-innovazzjoni u għal servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni (Art. 36)

… munita nazzjonali

 

Għajnuna għas-self ta' persuna bi kwalifiki għolja (Art. 37)

… munita nazzjonali

 

Għajnuna għat-taħriġ

(Art. 38 – 39)

Taħriġ speċifiku (Art. 38(2)(a))

… %

 

Taħriġ ġenerali (Art. 38(2)(b))

… %

 

Għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġjati u b'diżabilità

(Art. 40 – 42)

Għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi (Art. 40)

… %

 

Għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema b’diżabilità fil-forma ta’ sussidji ta’ pagi (Art. 41)

… %

 

Skemi ta’ għajnuna biex jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b’diżabilità (Art. 42)

… %

 

(1)   Fil-każ ta’ l-għajnuna reġjonali ad hoc li tissupplimenta l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema(i), jekk jogħġbok indika kemm l-intensità ta’ l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema u l-intensità ta’ l-għajnuna ad hoc.



( 1 ) ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

( 2 ) ĠU C 210, 8.9.2007, p. 14.

( 3 ) ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1976/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 85).

( 4 ) ĠU L 63, 28.2.2004, p. 22.

( 5 ) ĠU C 235, 21.8.2001, p. 3.

( 6 ) ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

( 7 ) ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

( 8 ) ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1976/2006.

( 9 ) ĠU L 337, 13.12.2002, p. 3. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1976/2006.

( 10 ) ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29.

( 11 ) ĠU C 45, 17.2.1996, p. 5.

( 12 ) ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

( 13 ) ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

( 14 ) ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

( 15 ) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

( 16 ) ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3.

( 17 ) ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

( 18 ) ĠU C 260, 28.10.2006, p. 7.

( 19 ) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

( 20 ) ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

( 21 ) ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

( 22 ) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

( 23 ) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

( 24 ) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

( 25 ) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1

( 26 ) ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.

( 27 ) ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

( 28 ) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

( 29 ) ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.

( 30 ) ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

( 31 ) COM(2008) 19 finali.

( 32 ) ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.

( 33 ) ĠU L 32, 6.2.2007, p. 183.

Top