EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008L0056-20170607

Consolidated text: Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/56/2017-06-07

02008L0056 — MT — 07.06.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2008/56/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Ġunju 2008

li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 164 25.6.2008, p. 19)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/845 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tas-17 ta' Mejju 2017

  L 125

27

18.5.2017




▼B

DIRETTIVA 2008/56/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Ġunju 2008

li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas li fih l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin sa mhux aktar tard mis-sena 2020.

2.  Għal dak il-għan, l-Istrateġiji Marini għandhom jiġu żviluppati u implimentati sabiex:

(a) jiġi protett u ppreservat l-ambjent marin, jiġi pprevenut id-deterjorament tiegħu jew, fejn ikun prattikabbli, jiġu rkuprati l-ekosistemi marini f’żoni fejn ġew milquta b’mod ħażin;

(b) jiġu pprevenuti u mnaqqsa l-inputs fl-ambjent marin, bil-għan li jiġi gradwalment eliminat it-tniġġis kif definit fl-Artikolu 3(8), sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatti sinifikanti fuq, jew riskji għal, il-bijodiversità marina, l-ekosistemi marini, is-saħħa umana jew l-użi leġittimi tal-baħar.

3.  L-Istrateġiji Marini għandhom japplikaw approċċ ibbażat fuq il-konsiderazzjoni ta’ l-ekosistema għall-ġestjoni ta’ l-attivitajiet tal-bniedem, b’mod li jiżguraw li l-pressjoni kollettiva ta’ tali attivitajiet tinżamm f’livelli kompatibbli mal-kisba ta’ status ambjentali tajjeb u li l-kapaċità ta’ l-ekosistemi marini li jirrispondu għal bidliet ikkawżati mill-bniedem ma tiġix kompromessa, filwaqt li jippermettu l-użu sostenibbli ta’ prodotti u servizzi marini minn ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

4.  Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-koerenza bejn, u jkollha l-għan li tiżgura l-integrazzjoni ta’ interessi ambjentali fil-linji politiċi, fi ftehim u f’miżuri leġislattivi differenti li jkollhom impatt fuq l-ambjent marin.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ilmijiet marini kollha kif definiti fl-Artikolu 3(1), u għandha tqis l-effetti transkonfinali fuq il-kwalità ta’ l-ambjent marin ta’ pajjiżi terzi fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

2.  Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal attivitajiet li l-uniku fini tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali. L-Istati Membri għandhom, madankollu, ifittxu li jiżguraw li tali attivitajiet jitwettqu b’mod li jkun kompatibbli, safejn hu raġonevoli u prattikabbli, ma’ l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “ilmijiet marini” tfisser:

(a) ilmijiet, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tan-naħa tal-baħar tal-linja bażi minn fejn il-medda ta’ l-ilmijiet territorjali hija mkejla li testendi sat-tarf nett taż-żona fejn Stat Membru ikollu u/jew jeżerċita drittijiet ta’ ġurisdizzjoni, skond l-UNCLOS, bl-eċċezzjoni ta’ ilmijiet li jmissu mat-territorji u territorji msemmija fl-Anness II mat-Trattat u mad-Dipartimenti u Kollettivitajiet Esteri Franċiżi; u

(b) ilmijiet kostali kif definiti mid-Direttiva 2000/60/KE, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tagħhom, sa fejn aspetti partikolari ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ambjent marin ma jkunux diġà indirizzati permezz ta’ dik id-Direttiva jew leġiżlazzjoni Komunitarja oħra;

2. “Reġjun Marin” tfisser reġjun tal-baħar li huwa identifikat taħt l-Artikolu 4. Ir-Reġjuni Marini u s-Sub-Reġjuni tagħhom huma nominati għall-fini tal-faċilitazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u huma ddeterminati b’kont meħud tal-karatteristiċi idroloġiċi, oċeanografiċi u bijoġeografiċi;

3. “Strateġija Marina” tfisser l-Istrateġija li għandha tiġi żviluppata u implimentata fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat kif stabbilit fl-Artikolu 5;

4. “status ambjentali” tfisser l-istat ġenerali ta’ l-ambjent fl-ilmijiet marini, b’kont meħud ta’ l-istruttura, tal-funzjoni u tal-proċessi ta’ l-ekosistemi marini kostitwenti flimkien mal-fatturi naturali fisjografiċi, ġeografiċi, bijoloġiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet fiżiċi, akustiċi u kimiċi inklużi dawk li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem ġewwa jew barra ż-żona konċernata;

5. “status ambjentali tajjeb” tfisser l-istatus ambjentali ta’ ilmijiet marini fejn dawn jikkostitwixxu oċeani u ilmijiet ekoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, b’saħħithom u produttivi fil-kondizzjonijiet intrinsiċi tagħhom, u fejn l-użu ta’ l-ambjent marin huwa f’livell li jkun sostenibbli, u li b’hekk jissalvagwardja l-potenzjal għall-użi u attivitajiet minn ġenerazzjonijiet attwali u futuri, jiġifieri:

(a) l-istruttura, il-funzjonijiet u l-proċessi ta’ l-ekosistemi marini kostitwenti, flimkien mal-fatturi assoċjati fisjografiċi, ġeografiċi, ġeoloġiċi u klimatiċi, jippermettu dawk l-ekosistemi sabiex jiffunzjonaw bis-sħiħ u sabiex iżommu r-reżiljenza tagħhom għall-bidliet ambjentali kkaġunati mill-bniedem. L-ispeċijiet u l-habitats marini ikunu protetti, it-tnaqqis tal-bijodiversità kkaġunat mill-bniedem ikun impedit u komponenti bijoloġiċi differenti jiffunzjonaw f’armonija;

(b) il-proprjetajiet idro-morfoloġiċi, fiżiċi u kimiċi, ta’ l-ekosistemi, inklużi dawk il-proprjetajiet li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem fiż-żona konċernata, jappoġġaw l-ekosistemi kif deskritt hawn fuq. L-inputs antropoġeniċi ta’ sustanzi u enerġija, inkluż l-istorbju, fl-ambjent marin ma jikkaġunawx effetti ta’ tniġġis.

L-istatus ambjentali tajjeb għandu jiġi determinat fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kif imsemmi fl-Artikolu 4, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi ġeneriċi fl-Anness I. Għandha tiġi applikata ġestjoni li tadatta abbażi ta’ l-approċċ favur l-ekosistema sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb;

6. “kriterji” tfisser karatteristiċi tekniċi distintivi li huma marbutin mill-qrib ma’ deskritturi kwalitattivi;

7. “mira ambjentali” tfisser dikjarazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva dwar il-kondizzjoni mixtieqa tal-komponenti differenti ta’ l-ilmijiet marini fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun, u tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom. Il-miri ambjentali huma stabbiliti skond l-Artikolu 10;

8. “tniġġis” tfisser introduzzjoni diretta jew indiretta fl-ambjent marin, kaġun ta’ attività tal-bniedem, ta’ sustanzi jew ta’ enerġija, inkluż storbju taħt il-baħar ikkawżat mill-bniedem, li jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta f’effetti detrimentali bħal ħsara lir-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi marini, inkluż it-telf tal-bijodiversità, perikli għas-saħħa tal-bniedem, tfixkil ta’ attivitajiet marini, inklużi s-sajd, it-turiżmu u r-rekreazzjoni u użu leġittimu ieħor tal-baħar, ħsara fil-kwalità ta’ l-użu ta’ l-ilma baħar u tnaqqis ta’ amenitajiet jew, b’mod ġenerali, ħsara lill-użu sostennibbli ta’ prodotti jew servizzi marini;

9. “koperazzjoni reġjonali” tfisser koperazzjoni u koordinazzjoni ta’ attivitajiet bejn Stati Membri u, kull meta possibbli, pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, bil-fini li jiġu żviluppati u implimentati Strateġiji Marini;

10. “Konvenzjoni dwar Baħar Reġjonali” tfisser kwalunkwe mill-konvenzjonijiet internazzjonali jew ftehim internazzjonali flimkien mal-korpi governattivi tagħhom stabbiliti bil-fini li jiġi protett l-ambjent marin tar-Reġjuni Marini imsemmijin fl-Artikolu 4, bħall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin tal-Baħar Baltiku, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marin ta’ l-Atlantiku tal-Grigal u l-Konvenzjoni dwar l-Ambjent Marin u r-Reġjun Kostali tal-Baħar tal-Mediterran.

Artikolu 4

Reġjuni u Sub-Reġjuni Marini

1.  L-Istati Membri għandhom, fl-implimentazzjoni ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, jieħdu kont tal-fatt li l-ilmijiet marini koperti mis-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom jifformaw parti integrali mir-Reġjuni Marini li ġejjin:

(a) il-Baħar Baltiku;

(b) l-Oċean Atlantiku tal-Grigal;

(ċ) il-Baħar Mediterran;

(d) il-Baħar l-Iswed.

2.  L-Istati Membri jistgħu, sabiex jieħdu kont ta’ l-ispeċifiċitajiet ta’ żona partikolari, jimplimentaw din id-Direttiva b’referenza għas-subdiviżjonijiet fil-livell adatt ta’ l-ilmijiet marini msemmijin fil-paragrafu 1, sakemm tali subdiviżjonijiet ikunu delimitati b’mod kompatibbli mas-Sub-Reġjuni Marini li ġejjin:

(a) fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal:

(i) il-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir, inklużi l-Kattegat u l-Kanal Ingliż;

(ii) l-Ilmijiet Ċeltiċi;

(iii) il-Bajja ta’ Biskajja u l-Kosta ta’ l-Iberja;

(iv) fl-Oċean Atlantiku, ir-reġjun bijo-ġeografiku Makaroneżjan, li jikkonsisti mill-ilmijiet ta’ madwar l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji;

(b) fil-Baħar Mediterran:

(i) il-Baħar Mediterran tal-Punent;

(ii) il-Baħar Adrijatiku;

(iii) il-Baħar Jonju u l-Baħar Mediterran Ċentrali;

(iv) il-Baħar Eġew u tal-Lvant.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe subdiviżjoni sad-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 26(1) iżda jistgħu jirriveduhom hekk kif titlesta l-ewwel valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), punt (a)(i).

Artikolu 5

Strateġiji Marini

1.  Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu skond il-pjan ta’ azzjoni stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

2.  L-Istati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw li, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-elementi differenti ta’ l-Istrateġiji Marini msemmijin fil-punti (a) u (b), ikunu koerenti u kkoordinati fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu kkonċernat, konformement mal-pjan ta’ azzjoni li ġej li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex isegwu approċċ komuni:

(a) preparazzjoni:

(i) valutazzjoni inizjali, li għandha titlesta sal-15 ta’ Lulju 2012, ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ l-ilmijiet konċernati u ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-attivitajiet tal-bniedem fuq dan, skond l-Artikolu 8;

(ii) determinazzjoni, li għandha tiġi stabbilita sal-15 ta’ Lulju 2012, ta’ status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet konċernati, skond l-Artikolu 9(1);

(iii) l-istabbiliment, sal-15 ta’ Lulju 2012, ta’ serje ta’ miri ambjentali u ta’ indikaturi assoċjati, skond l-Artikolu 10(1);

(iv) l-istabbiliment u l-implimentazzjoni, sal-15 ta’ Lulju 2014, ħlief fejn ikun diversament speċifikat fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, ta’ programm ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa u għall-aġġornamenti regolari tal-miri, skond l-Artikolu 11(1).

(b) programmi ta’ miżuri:

(i) l-iżvilupp, sa mhux aktar tard mill-2015, ta’ programm ta’ miżuri maħsub sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, skond l-Artikoli 13(1), (2) u (3);

(ii) il-bidu ta’ l-operazzjoni tal-programm previst fil-punt (i), sa mhux aktar tard mill-2016, skond l-Artikolu 13(10).

3.  L-Istati Membri li għandhom fruntieri fuq l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin koperti minn din id-Direttiva huma esortati, fejn l-istatus tal-baħar ikun tant kritiku li jkun jeħtieġ azzjoni urġenti, li jfasslu pjan ta’ azzjoni skond il-paragrafu 1, li jinkludi bidu iżjed bikri għall-operazzjoni ta’ programmi ta’ miżuri kif ukoll miżuri protettivi aktar stretti li jkunu possibbli, sakemm dan ma jipprevenix li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin ieħor. F’dawn il-każijiet:

(a) l-Istati Membri konċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-iskeda ta’ żmien riveduta tagħhom u jipproċedu skond il-każ;

(b) il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tikkunsidra li tipprovdi azzjoni ta’ appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi msaħħa tagħhom sabiex itejbu l-ambjent marin billi jagħmlu r-reġjun in kwistjoni proġett ta’ sperimentazzjoni.

Artikolu 6

Koperazzjoni reġjonali

1.  Sabiex tinkiseb il-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Istati Membri għandhom, fejn ikun prattiku u kunsiljabbli, jużaw strutturi reġjonali ta’ koperazzjoni istituzzjonali, inkluż dawk taħt il-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, li jkopru dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

2.  Għall-fini ta’ l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġiji Marini, l-Istati Membri għandhom, f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jagħmlu kull sforz, bl-użu tal-fora internazzjonali rilevanti, inklużi mekkaniżmi u strutturi ta’ Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi li jkollhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

F’dak il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jibnu fuq programmi u attivitajiet eżistenti rilevanti żviluppati fil-qafas ta’ strutturi stabbiliti taħt ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni għandhom jiġu estiżi, fejn kunsiljabbli, għall-Istati Membri kollha fiż-żona ta’ lqugħ ta’ ilma ta’ Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, inklużi l-pajjiżi mdawra bl-art, sabiex jippermettu lill-Istati Membri fi ħdan dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin jwettqu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, bl-użu ta’ strutturi ta’ koperazzjoni stabbiliti li huma preskritti f’din id-Direttiva jew fid-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

1.  L-Istati Membri għandhom, sal-15 ta’ Lulju 2010, għal kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ l-ilmijiet marini tagħhom.

Sal-15 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti maħtura, flimkien ma’ l-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Anness II.

Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom fir-rigward ta’ dawk il-korpi internazzjonali li fihom huma jipparteċipaw u li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri fiż-żona ta’ lqugħ ta’ ilma ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom ukoll jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-koperazzjoni u koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

2.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta konformement mal-paragrafu 1 sa sitt xhur minn meta tali bidla tidħol fis-seħħ.



KAPITOLU II

STRATEĠIJI MARINI: PREPARAZZJONI

Artikolu 8

Valutazzjoni

1.  Fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni inizjali ta’ l-ilmijiet marini tagħhom, b’kont meħud ta’ data eżistenti fejn disponibbli u li tkopri li ġej:

(a) analiżi ta’ l-aspetti u tal-karatteristiċi essenzjali u ta’ l-istatus ambjentali attwali ta’ dawk l-ilmijiet, ibbażata fuq il-listi indikattivi ta’ elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness III, u li tkopri l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, it-tipi ta’ habitats, il-karatteristiċi bijoloġiċi u l-idromorfoloġija;

(b) analiżi tal-pressjonijiet u l-impatti predominanti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-attività tal-bniedem, dwar l-istatus ambjentali ta’ dawk l-ilmijiet li:

(i) tkun ibbażata fuq il-listi indikattivi ta’ l-elementi stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III, u li tkopri t-taħlita kwalitattiva u kwantitattiva tal-pressjonijiet varji, kif ukoll ix-xejriet perċettibbli;

(ii) tkopri l-effetti kumulattivi u sinerġetiċi ewlenin; u

(iii) tieħu kont ta’ l-evalwazzjonijiet rilevanti li ġew imfassla skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti;

(ċ) analiżi ekonomika u soċjali ta’ l-użu ta’ dawk l-ilmijiet marini u ta’ l-ispiża tad-degradazzjoni ta’ l-ambjent marin.

2.  L-analiżi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont ta’ l-elementi li jirrigwardaw ilmijiet kostali, transizzjonali u territorjali koperti mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ legislazzjoni Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari tad-Direttiva 2000/60/KE. Huma għandhom ukoll jieħdu kont ta’, jew jużaw bħala l-bażi tagħhom, valutazzjonijiet rilevanti oħra bħal dawk imwettqa b’mod konġunt fil-kuntest tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali sabiex jipproduċu valutazzjoni komprensiva ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin.

3.  Fit-tħejjija ta’ l-evalwazzjonijiet skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, permezz tal-koordinazzjoni stabbilita skond l-Artikoli 5 u 6, jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li:

(a) il-metodoloġiji ta’ l-evalwazzjoni jkunu konsistenti fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kollu;

(b) jitqiesu l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali.

Artikolu 9

Determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb

1.  B’referenza għall-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiddeterminaw, għall-ilmijiet marini, sett ta’ karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi elenkati fl-Anness I.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-listi indikattivi ta’ elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness III u, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, tat-tipi ta’ habitats, tal-karatteristiċi bijoloġiċi, u ta’ l-idromorfoloġija.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont ukoll tal-pressjonijiet jew l-impatti ta’ l-attivitajiet umani f’kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, filwaqt li jqisu l-listi indikattivi stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni magħmula skond l-Artikolu 8(1) u bid-determinazzjoni magħmula skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur minn din ta’ l-aħħar.

3.  Il-kriterji u l-istandards metodoloġiċi li għandhom jintużaw mill-Istati Membri, li huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu stabbiliti, abbażi ta’ l-Annessi I u III, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3) sal-15 ta’ Lulju 2010 b’tali mod sabiex jiżguraw konsistenza u sabiex jippermettu għal tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini fir-rigward ta’ kemm ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb. Qabel tipproponi tali kriterji u standards il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet kollha interessati, inklużi l-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

Artikolu 10

Stabbiliment ta’ miri ambjentali

1.  Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jistabbilixxu sett komprensiv ta’ miri ambjentali u indikaturi assoċjati għall-ilmijiet marini tagħhom sabiex jiggwidaw il-progress lejn il-ksib ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin, b’kont meħud tal-listi indikattivi ta’ pressjonijiet u impatti stabbiliti fit-Tabella 2 ta’ l-Anness III, u ta’ karatteristiċi stabbiliti fl-Anness IV.

Fit-tfassil ta’ dawk il-miri u indikaturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta’ l-applikazzjoni kontinwa ta’ miri ambjentali eżistenti rilevanti, stabbiliti fil-livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali fir-rigward ta’ l-istess ilmijiet, waqt li jiżguraw li dawn il-miri jkunu reċiprokament kompatibbli u li l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali jiġu meqjusa wkoll sa fejn hu possibbli.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miri ambjentali fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

Artikolu 11

Programmi ta’ monitoraġġ

1.  Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw programmi koordinati ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa ta’ l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tagħhom abbażi tal-lista indikattiva ta’ elementi stabbiliti fl-Anness III u tal-lista stabbilita fl-Anness V, u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10.

Il-programmi ta’ monitoraġġ għandhom ikunu kompatibbli fir-Reġjuni jew Sotto-Reġjuni Marini u għandhom jibnu fuq, u jkunu kompatibbli ma’, dispożizzjonijiet rilevanti għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ stipulati bil-leġislazzjoni Komunitarja, inklużi d-Direttivi dwar il-Habitats u l-Għasafar, jew taħt ftehim internazzjonali.

2.  Stati Membri li jikkondividu Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom ifasslu programmi ta’ monitoraġġ skond il-paragrafu 1 u għandhom, fl-interess tal-koerenza u tal-koordinazzjoni, jagħmlu li jistgħu sabiex jiżguraw li:

(a) il-metodi tal-monitoraġġ ikunu konsistenti fir-Reġjun jew Sub-Reġjun kollu b’tali mod li tiġi faċilitata l-komparabbiltà tar-riżultati tal-monitoraġġ;

(b) jitqiesu l-impatti transkonfinali u l-karatteristiċi transkonfinali rilevanti.

3.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi ta’ monitoraġġ fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

4.  Għandhom jiġu adottati speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u għall-valutazzjoni li jieħdu kont ta’ l-impenji eżistenti u li jiżguraw komparabbiltà bejn riżultati ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni u li jkunu mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmi fl-Artikolu 25(3).

Artikolu 12

Notifiki u evalwazzjoni tal-Kummissjoni

Abbażi tan-notifiki magħmulin skond l-Artikoli 9(2), 10(2) u 11(3) fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fil-każ ta’ kull Stat Membru, jekk l-elementi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza ta’ l-oqfsa fir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini differenti u mal-Komunità kollha.

Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi dawk in-notifiki kollha, il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar jekk, fl-opinjoni tagħha, l-elementi notifikati humiex konsistenti ma’ din id-Direttiva u tipprovdi gwida dwar kwalunkwe modifiki li tqis li huma meħtieġa.



KAPITOLU III

STRATEĠIJI MARINI: PROGRAMMI TA’ MIŻURI

Artikolu 13

Programmi ta’ miżuri

1.  L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, kif determinat skond l-Artikolu 9(1), fl-ilmijiet marini tagħhom.

Dawk il-miżuri għandhom jitfasslu abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1) u b’referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1), u b’konsiderazzjoni tat-tipi ta’ miżuri elenkati fl-Anness VI.

2.  L-Istati Membri għandhom jintegraw il-miżuri mfassla skond il-paragrafu 1 fi programm ta’ miżuri, b’kont meħud tal-miżuri rilevanti meħtieġa skond il-leġislazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi ( 1 ), id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġar ta’ l-ilma għall-għawm ( 2 ) kif ukoll leġiżlazzjoni ulterjuri futuradwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma jew ftehim internazzjonali.

3.  Fit-tfassil tal-programm ta’ miżuri skond il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni dovuta lill-iżvilupp sostenibbli u, b’mod partikolari, lill-impatti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri previsti. Sabiex jassistu lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 7 lejn l-objettivi tagħhom b’mod integrat, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw jew jistabbilixxu oqsfa amministrattivi bil-għan li jibbenefikaw minn tali interazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ikunu effikaċi fir-rigward ta’ l-ispiża u li jkunu teknikament fattibbli, u għandhom iwettqu stimi ta’ impatt, inklużi analiżi dettaljati tal-benefiċċji fir-rigward ta’ l-ispiża, qabel l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

4.  Il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond dan l-Artikolu għandhom, fuq bażi esortatorja, jinkludu miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji, b’mod li jikkontribwixxu għal networks koerenti u rappreżentattivi ta’ żoni marini protetti, li jkopru b’mod adegwat id-diversità ta’ l-ekosistemi kostitwenti, bħal żoni speċjali ta’ konservazzjoni skond id-Direttiva, ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali skond id-Direttiva, u ta’ żoni marini protetti kif miftiehma mill-Komunità jew mill-Istati Membri konċernati fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali jew reġjonali li għalihom ikunu partijiet.

5.  Fejn l-Istati Membri jqisu li l-ġestjoni ta’ attività umana fil-livell Komunitarju jew internazzjonali x’aktarx li jkollha impatt sinifikanti fuq l-ambjent marin, partikolarment fiż-żoni indirizzati fil-paragrafu 4, huma għandhom, individwalment jew b’mod konġunt, jindirizzaw lill-awtorità kompetenti jew lill-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata sabiex jiġu kkunsidrati u possibilment adottati miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, sabiex ikunu jistgħu jinżammu jew, skond il-każ, ristawrati, l-integrità, l-istruttura u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi.

6.  Sa mhux aktar tard mill-2013, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, informazzjoni rilevanti dwar iż-żoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

7.  L-Istati Membri għandhom jindikaw fil-programmi ta’ miżuri tagħhom kif il-miżuri għandhom jiġu implimentati u kif sejrin jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1).

8.  L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-implikazzjonijiet tal-programmi ta’ miżuri tagħhom fir-rigward ta’ ilmijiet lil hinn mill-ilmijiet marini tagħhom, bil-għan li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ħsara f’dawk l-ilmijiet u, jekk ikun possibbli, ikollhom impatt pożittiv fuqhom.

9.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor konċernat bil-programmi ta’ miżuri tagħhom, sa tliet xhur minn meta jiġu stabbiliti.

10.  Suġġett għall-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi jsiru operattivi sa sena minn meta jiġu stabbiliti.

Artikolu 14

Eċċezzjonijiet

1.  Stat Membru jista’ jidentifika każijiet fi ħdan l-ilmijiet marini tiegħu fejn, għal kwalunkwe raġuni elenkata taħt il-punti (a) sa (d), il-miri ambjentali jew l-istatus ambjentali tajjeb ma jistgħux jintlaħqu f’kull aspett permezz ta’ miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru, jew, għal raġunijiet imsemmija taħt il-punt (e), dawn ma jistgħux jintlaħqu fl-iskeda ta’ żmien konċernata:

(a) azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li għalihom l-Istat Membru konċernat ma jkunx responsabbli;

(b) kawżi naturali;

(ċ)  force majeure;

(d) modifiki jew alterazzjonijiet fil-karatteristiċi fiżiċi ta’ l-ilmijiet marini kkawżati minn azzjonijiet meħuda minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, inkluż kwalunkwe impatt transkonfinali;

(e) kondizzjonijiet naturali li ma jippermettux titjib f’ħin opportun fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini konċernati.

L-Istat Membru konċernat għandu jidentifika każijiet bħal dawn b’mod ċar fil-programm tiegħu ta’ miżuri u għandu jissostanzja l-veduti tiegħu lill-Kummissjoni. Fl-identifikazzjoni ta’ każijiet, Stat Membru għandu jikkunsidra l-konsegwenzi għall-Istati Membri fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

Madankollu, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu miżuri ad hoc adegwati bl-għan li jkompli jfittex jilħaq il-miri ambjentali, sabiex jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta’ l-ilmijiet marini milqutin għal raġunijiet identifikati taħt il-punti (b), (ċ) jew (d) u sabiex itaffi l-impatt ħażin fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħra.

2.  Fis-sitwazzjoni koperta mill-punt (d) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modifiki jew l-alterazzjonijiet ma jeskludux jew ma jikkompromettux b’mod permanenti l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat. jew fl-ilmijiet marini ta’ Stati Membri oħra.

3.  Il-miżuri ad hoc imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu integrati sa fejn ikun prattikabbli fil-programmi ta’ miżuri.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw l-elementi kollha ta’ l-Istrateġiji Marini msemmija fl-Artikolu 5(2), iżda m’għandhomx ikunu meħtieġa, ħlief fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni inizjali deskritta fl-Artikolu 8, jieħdu passi speċifiċi fejn ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent marin, jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati b’kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin, u dan sakemm ma jkunx hemm aktar deterjorament.

Fejn, għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet, Stat Membru ma jieħu ebda pass, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-ġustifikazzjoni meħtieġa sabiex jissostanzja d-deċiżjoni tiegħu, filwaqt li jevita li jiġi permanentement kompromess il-ksib ta’ status ambjentali tajjeb.

Artikolu 15

Rakkomandazzjonijiet għal azzjoni Komunitarja

1.  Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li jkollha impatt fuq l-istatus ambjentali ta’ l-ilmijiet marini tiegħu u li ma tistax tiġi trattata b’miżuri adottati fil-livell nazzjonali, jew li tkun marbuta ma’ xi politika Komunitarja oħra jew ma’ ftehim internazzjonali ieħor, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni skond il-każ u jipprovdi ġustifikazzjoni sabiex jissostanzja l-fehma tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha twieġeb fi żmien sitt xhur.

2.  Fejn tkun meħtieġa azzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għal miżuri fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, il-Kummissjoni għandha twieġeb għal kwalunkwe rakkomandazzjoni bħal din fi żmien sitt xhur u, skond il-każ, tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet meta tippreżenta proposti relatati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 16

Notifiki u evalwazzjoni tal-Kummissjoni

Abbażi tan-notifiki ta’ programmi ta’ miżuri skond l-Artikolu 13(9), il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fil-każ ta’ kull Stat Membru, il-programmi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza tal-programmi ta’ miżuri fir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini differenti u mal-Komunità.

Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi dawk in-notifiki kollha, il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar jekk, fl-opinjoni tagħha, il-programmi ta’ miżuri notifikati humiex konsistenti ma’ din id-Direttiva, u tipprovdi gwida dwar kwalunkwe modifika li tqis meħtieġa.



KAPITOLU IV

AĠĠORNAMENT, RAPPORTI U INFORMAZZJONI PUBBLIKA

Artikolu 17

Aġġornament

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, l-Istrateġiji Marini jinżammu aġġornati.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrivedu, b’mod koordinat kif imsemmi fl-Artikolu 5, l-elementi li ġejjin, ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom kull sitt snin wara l-istabbiliment inizjali tagħhom:

(a) il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

(b) il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(ċ) il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

(d) il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

3.  Id-dettalji ta’ kwalunkwe aġġornament li jsir konsegwentement għar-reviżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, lill-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali u lil kull Stat Membru ieħor konċernat sa tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 19(2).

4.  L-Artikoli 12 u 16 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Rapporti interim

L-Istati Membri għandhom, sa tliet snin mill-pubblikazzjoni ta’ kull programm ta’ miżuri jew aġġornament tiegħu skond l-Artikolu 19(2), jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport interim qasir li jiddeskrivi l-progress fl-implimentazzjoni ta’ dak il-programm.

Artikolu 19

Konsultazzjoni pubblika u informazzjoni

1.  Skond il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti eżistenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati kollha jiġu mogħtija opportunitajiet bikrija u effettivi sabiex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jiġu involuti, fejn ikun possibbli, korpi jew strutturi eżistenti ta’ mmaniġġar, inklużi Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, Korpi Konsultattivi Xjentifiċi u Kunsilli Konsultattivi Reġjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, għall-finijiet ta’ kummenti, sommarji ta’ l-elementi li ġejjin ta’ l-Istrateġiji Marini tagħhom, jew l-aġġornamenti relatati, kif ġej:

(a) il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

(b) il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(ċ) il-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

(d) il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

3.  Għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal informazzjoni ambjentali, għandha tapplika d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali ( 3 ).

Konformement mad-Direttiva 2007/2/KE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħha fir-rigward ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari r-reviżjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin fil-Komunità skond l-Artikolu 20 (3)(b), b’aċċess u drittijiet ta’ l-użu fir-rigward ta’ data u informazzjoni li jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet inizjali magħmula skond l-Artikolu 8 u mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11.

Mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta jsiru disponibbli d-data u l-informazzjoni li jirriżultaw mill-evalwazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8 u mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11, tali informazzjoni u data għandhom isiru disponibbli wkoll għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Artikolu 20

Rapporti tal-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa sentejn minn meta tirċievi l-programmi kollha ta’ miżuri u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2019.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika aktar rapporti kull sitt snin minn dakinhar ‘il quddiem. Hija għandha tippreżenta r-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.  Sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jevalwa l-kontribuzzjoni ta’ din id-Direttiva għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi, impenji u inizjattivi eżistenti ta’ l-Istati Membri jew tal-Komunità fil-livell Komunitarju jew fil-livell internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali ta’ l-ilmijiet marini.

Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.  Ir-rapporti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) reviżjoni tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(b) reviżjoni ta’ l-istatus ta’ l-ambjent marin fil-Komunità, magħmul f’koordinazzzjoni ma’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-organizzazzjonijiet u konvenzjonijiet reġjonali marini u tas-sajd rilevanti;

(ċ) stħarriġ ta’ l-Istrateġiji Marini, flimkien ma’ suġġerimenti għat-titjib tagħhom;

(d) sommarju ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri skond l-Artikoli 12 u 16 u tal-valutazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 16, fir-rigward ta’ l-informazzjoni riċevuta minn Stati Membri skond l-Artikolu 15;

(e) sommarju tar-rispons għal kull wieħed mir-rapporti ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skond l-Artikolu 18;

(f) sommarju tar-risposti għall-kummenti magħmulin mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Strateġiji Marini preċedenti;

(ġ) sommarju tal-kontribut minn linji politiċi Komunitarji rilevanti oħra għall-kisba ta’ l-objetttivi ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 21

Rapport ta’ progress dwar iż-żoni protetti

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri sa l-2013, il-Kummissjoni għandha tirrapporta sa l-2014 dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni marini protetti, filwaqt li tikkunsidra l-obbligi eżistenti taħt il-liġi Komunitarja applikabbli u l-impenji internazzjonali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 22

Finanzjament Komunitarju

1.  Minħabba l-prijorità marbuta b’mod inerenti mal-ħolqien ta’ strateġiji marini, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun appoġġata minn strumenti finanzjarji eżistenti tal-Komunità konformement mar-regoli u l-kondizzjonijiet applikabbli.

2.  Il-programmi mfassla mill-Istati Membri għandhom jiġu kofinanzjati mill-UE konformement ma’ l-istrumenti finanzjarji eżistenti.

Artikolu 23

Reviżjoni ta’ din id-Direttiva

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva sal-15 ta’ Lulju 2023, u għandha, fejn ikun kunsiljabbli, tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa.



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Adattamenti tekniċi

1.  L-Annessi III, IV u V jistgħu jiġu emendati fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), b’kont meħud tal-perijodi għar-reviżjoni u l-aġġornament ta’ l-Istrateġiji Marini stabbiliti fl-Artikolu 17(2).

2.  Skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 25(2),

(a) jistgħu jiġu adottati standards metodoloġiċi għall-applikazzjoni ta’ l-Annessi I, III, IV u V;

(b) jistgħu jiġu adottati formati tekniċi għall-finijiet tat-trasmissjoni u ta’ l-ipproċessar ta’ data, inkluża data statistika u kartografika.

Artikolu 25

Kumitat Regolatorju

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 26

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-15 ta’ Lulju 2010. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri li m’għandhomx ilmijiet marini għandhom idaħħlu fis-seħħ biss dawk il-miżuri li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7.

Fejn tali miżuri jkunu diġà qegħdin fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

Deskritturi kwalitattivi għad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb

(imsemmija fl-Artikoli 3(5), 9(1), 9(3) u 24)

(1) Id-diversità bijoloġika hija miżmuma. Il-kwalità u l-preżenza tal-habitats u d-distribuzzjoni u l-abbundanza ta’ l-ispeċi huma konformi mal-kondizzjonijiet fisjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi prevalenti.

(2) Speċji mhux indiġeni introdotti minn attivitajiet umani huma f’livelli li ma jbiddlux negattivament l-ekosistemi.

(3) Il-popolazzjonijiet tal-ħut u krostaċej kollha sfruttati kummerċjalment jinsabu f’limiti bijoloġiċi siguri, filwaqt li jippreżentaw distribuzzjoni tal-popolazzjoni fuq il-bażi ta’ l-età u tad-daqs li tindika stokk b’saħħtu.

(4) L-elementi kollha tas-sistemi marini ta’ l-ikel, sa fejn huma magħrufa, jeżistu f’abbundanza u f’diversità normali u f’livelli li huma kapaċi jiżguraw l-abbundanza ta’ l-ispeċi fuq perjodu twil ta’ żmien u ż-żamma tal-kapaċità riproduttiva sħiħa tagħhom.

(5) L-ewtrofikazzjoni indotta mill-bniedem hi minimizzata, speċjalment l-effetti ħżiena tagħha, bħat-telf fil-bijodiversità, id-degradazzjoni ta’ l-ekosistema, il-proliferazzjoni ta’ algi dannużi, u n-nuqqas ta’ ossiġnu fl-ilmijiet tal-qiegħ.

(6) L-integrità ta’ qiegħ il-baħar tkun f’livell li jiżgura li l-istruttura u il-funzjonijiet ta’ l-ekosistemi huma salvagwardati u l-ekosistemi tal-flora u l-fawna ta’ qiegħ il-baħar, b’mod partikolari, ma jiġux milquta ħażin.

(7) L-alterazzjoni permanenti tal-kondizzjonijiet idrografiċi ma tolqotx ħażin l-ekosistemi marittimi.

(8) Il-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti huma f’livelli li ma jwasslux għal effetti ta’ tniġġis.

(9) Il-kontaminanti f’ħut u f’ikel tal-baħar ieħor għall-konsum tal-bniedem ma jeċċedux livelli stabbiliti mil-leġislazzjoni Komunitarja jew standards rilevanti oħra.

(10) Il-proprjetajiet u l-kwantitajiet ta’ rifjuti marini ma jikkawżawx dannu għall-ambjent kostali u marin.

(11) L-introduzzjoni ta’ l-enerġija, inkluż storbju ta’ taħt il-baħar, hija f’livelli li ma jolqtux ħażin l-ambjent marin.

Sabiex jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ status ambjentali tajjeb f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu kif previst fl-Artikolu 9(1), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull wieħed mid-deskritturi kwalitattivi elenkati f’dan l-Anness sabiex jidentifikaw dawk id-deskritturi li għandhom jintużaw fid-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb għal dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu. Meta Stat Membru jikkunsidra li ma jkunx il-każ li jintuża xi wieħed jew diversi minn dawk id-deskritturi, huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni fil-qafas tan-notifika li ssir skond l-Artikolu 9(2).




ANNESS II

Awtoritajiet kompetenti

(imsemmija fl-Artikolu 7(1))

(1) L-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti – l-isem u l-indirizz uffiċjali ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti identifikati.

(2) L-istatus legali ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti – deskrizzjoni qasira ta’ l-istatus legali ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti.

(3) Responsabbiltajiet – deskrizzjoni qasira tar-responsabbiltajiet legali u amministrattivi ta’ l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti u tar-rwol tagħhom relattivament għall-ilmijiet marini konċernati.

(4) Sħubija – meta l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti jaġixxu bħala korp ta’ koordinament għal awtoritajiet kompetenti oħrajn, tkun meħtieġa lista ta’ dawn flimkien ma’ sommarju tar-relazzjonijiet istituzzjonali stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni.

(5) Koordinazzjoni reġjonali jew sub-reġjonali – huwa meħtieġ sommarju tal-mekkaniżmi stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri li l-ilmijiet marini tagħhom jaqgħu fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

▼M1




ANNESS III

Listi indikattivi tal-elementi tal-ekosistema, tal-pressjonijiet antropoġeniċi u tal-attivitajiet tal-bniedem rilevanti għall-ibħra

(imsemmija fl-Artikoli 8(1), 9(1), 9(3), 10(1), 11(1) u 24)



Tabella 1

L-istruttura, il-funzjonijiet u l-proċessi tal-ekosistemi tal-baħar

b'rilevanza partikolari għall-punt (a) tal-Artikolu 8(1), u tal-Artikoli 9 u 11

Tema

Elementi tal-ekosistema

Il-parametri u l-karatteristiki possibbli (Nota 1)

Deskritturi kwalitattivi rilevanti stabbiliti fl-Anness I (in-Noti 2 u 3)

Speċi

Gruppi ta' speċijiet (in-Nota 4) ta' għasafar, mammiferi tal-baħar, rettili, ħut u ċefalopodi tar-reġjun jew tas-sottoreġjun tal-baħar

Varjazzjoni spazjali u temporali għal kull speċi jew popolazzjoni:

— id-distribuzzjoni, l-abbundanza u/jew il-bijomassa

— id-daqs, l-istruttura tal-età u tas-sess

— ir-rati tal-fekondità, tas-sopravvivenza u tal-mortalità/korriment

— imġiba li tinkludi l-moviment u l-migrazzjoni

— l-ambjent naturali tal-ispeċi (il-firxa, l-idoneità),

L-ispeċijiet li jiffurmaw il-grupp

(1); (3)

Ħabitats

Tipi ta' ħabitats ġenerali tal-kolonna tal-ilma (pelaġiċi) u ta' qiegħ il-baħar (bentiċi) (in-Nota 5), jew tipi oħra ta' ħabitats, fosthom il-komunitajiet bijoloġiċi assoċjati magħhom madwar ir-reġjun jew is-sottoreġjun kollu

Għal kull tip ta' ħabitat:

— id-distribuzzjoni tal-ħabitats u l-firxa (u l-volum, fejn hu rilevanti)

— il-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, l-abbundanza u/jew il-bijomassa (varjazzjoni spazjali u temporali)

— fid-daqs u fl-età tal-ispeċijiet (fejn rilevanti)

— il-karatteristiki fiżiċi, idroloġiċi u kimiċi

Barra minn hekk, għal ħabitats pelaġiċi:

— konċentrament ta' klorofilla

— il-frekwenzi u l-firxa spazjali tal-proliferazzjoni tal-plankton

(1); (6)

L-ekosistemi, inklużi x-xbieki alimentari

L-istruttura, il-funzjonijiet u l-proċessi tal-ekosistemi, li jinkludu:

— il-karatteristiċi fiżiċi u idroloġiċi

— il-karatteristiċi kimiċi

— il-karatteristiċi bijoloġiċi

— il-funzjonijiet u l-proċessi

Varjazzjoni spazjali u temporali:

— fit-temperatura u fis-silġ

— fl-idroloġija (is-sistemi tal-mewġ u tal-kurrenti; l-upwelling, it-taħlit, iż-żmien ta' residenza, l-influss ta' ilma ħelu; il-livell tal-baħar)

— batimetrija

— id-dardir tal-ilma (l-ammont ta' sediment/ħama) trasparenza, akustika

— is-sottostrat u l-morfoloġija ta' qiegħ il-baħar

— is-salinità, in-nutrijenti (N u P), il-karbonju organiku, il-gassijiet maħlula (pCO2, O2) u l-pH

— ir-rabtiet bejn il-ħabitats u l-ispeċijiet ta' għasafar tal-baħar, ta' mammiferi u rettili tal-baħar, tal-ħut u taċ-ċefalopodi

— l-istruttura tal-komunitajiet pelaġiċi-bentiċi

— il-produttività

(1); (4)

Noti marbuta mat-Tabella 1

Nota 1: Ingħatat lista indikattiva tal-parametri u karatteristiki rilevanti għall-ispeċijiet, il-ħabitats u l-ekosistemi, li jirriflettu l-parametri affettwati mill-pressjonijiet tat-Tabella 2 ta' dan l-Anness u li huma ta' rilevanza għal kriterji stabbiliti skont l-Artikolu 9(3). Il-parametri u l-karatteristiki partikolari li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom jiġu ddeterminati skont ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, inklużi dawk tal-Artikoli 8 sa 11.

Nota 2: In-numri f'din il-kolonna huma referenza għall-punti nnumerati rispettivament fl-Anness I.

Nota 3: Fit-Tabella 1 huma elenkati biss id-deskritturi kwalitattivi (1), (3), (4) u (6) ibbażati fuq l-istat, li għandhom il-kriterji stipulati skont l-Artikolu 9(3). Id-deskritturi kwalitattivi l-oħrajn kollha bbażati fuq il-pressjoni, fl-Anness I jistgħu jkunu rilevanti għal kull tema.

Nota 4: Dawn il-gruppi ta' speċijiet huma speċifikati aktar fid-dettall fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/848 tas-17 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi kriterji u standards metodoloġiċi ta' status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar, kif ukoll speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/477/UE (ara l-paġna 43 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

Nota 5: Dawn iit-tipi ġenerali ta' ħabitats huma speċifikati aktar fid-dettall fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2017/848.

Tabella 2

Il-pressjonijiet antropoġeniċi, l-użi u l-attivitajiet tal-bniedem fl-ambjent tal-baħar jew li jaffettwaw l-ambjent tal-baħar



2a.  Il-pressjonijiet antropoġeniċi fuq l-ambjent tal-baħar

b'rilevanza partikolari għall-punti (a) u (b) tal-Artikolu 8(1), u l-Artikoli 9, 10 u 11

Tema

Il-pressjoni (Nota 1)

Il-parametri possibbli

Id-deskritturi kwalitattivi rilevanti stabbiliti fl-Anness I (in-Noti 2 u 3)

Id-dħul ta' materja bijoloġika

jew it-tixrid ta' speċijiet mhux indiġeni

L-intensità u l-varjazzjoni spazjali u temporali, tal-pressjoni fuq l-ambjent tal-baħar u, fejn rilevanti, fis-sors

Għall-valutazzjoni tal-impatti ambjentali tal-pressjoni, agħżel l-elementi tal-ekosistemi u l-parametri rilevanti mit-Tabella 1

(2)

Id-dħul ta' patoġeni mikrobiċi

 

Id-dħul ta' speċi li tkun immodifikata ġenetikament u t-traslokazzjoni ta' speċijiet lokali

 

It-telf ta' komunitajiet bijoloġiċi naturali, jew bidla fihom, minħabba l-koltivazzjoni ta' speċijiet ta' annimali jew veġetali

 

L-isfrattar tal-ispeċijiet (eż. fejn ibidu, fejn jistrieħu u fejn jieklu) minħabba l-preżenza tal-bniedem

 

L-estrazzjoni ta' speċijiet slavaġ, jew il-mewt/il-korriment tagħhom, (minħabba s-sajd kummerċjali u rikreattiv u attivitajiet oħra)

(3)

Fiżiku

Disturbi fiżiċi ta' qiegħ il-baħar (temporanji jew riversibbli)

(6); (7)

Telf fiżiku (minħabba bidla permanenti tas-sottostrat ta' qiegħ il-baħar jew minħabba l-morfoloġija u l-estrazzjoni tas-sottostrat minn qiegħ il-baħar)

Bidliet fil-kundizzjonijiet idroloġiċi

Sustanzi, skart u enerġija

Id-dħul tan-nutrijenti — sorsi diffużi, sorsi minn punti partikolari, depożitu atmosferiku

(5)

Id-dħul ta' materja organika — sorsi diffużi u sorsi minn punti partikolari

Id-dħul ta' sustanzi oħrajn (eż. sustanzi sintetiċi, sustanzi mhux sintetiċi, radjunuklidi) — sorsi diffużi, is-sorsi minn punti, depożitu atmosferiku, avvenimenti akuti

(8); (9)

Id-dħul ta' skart (skart solidu li jinkludi l-iskart ta' daqs mikro)

(10)

Id-dħul ta' ħsejjes antropoġeniċi (impulsivi, kontinwi)

(11)

Id-dħul ta' forom oħra ta' enerġija (fosthom il-kampi elettromanjetiċi, id-dawl u s-sħana)

Id-dħul ta' ilma — sorsi minn punti partikolari (eż. ilma mielaħ)

 



2b.  L-użi u l-attivitajiet tal-bniedem li jaffettwaw l-ambjent tal-baħar

b'rilevanza partikolari għall-punti (b) u (c) tal-Artikolu 8(1) (l-attivitajiet immarkati * biss huma rilevanti għall-punt (c) tal-Artikolu 8(1)), u għall-Artikoli 10 u 13

Tema

Attività

Ir-ristrutturar fiżiku tax-xmajjar, kostali jew f'qiegħ il-baħar (il-ġestjoni tal-ilma)

It-teħid tal-art

Il-bini ta' sistemi ta' kanali u modifiki oħra tal-kanali tal-ilma

Id-difiża tal-kosta u l-protezzjoni mill-għargħar *

Strutturi barra mix-xtut (minbarra dawk taż-żejt/tal-gass/tal-enerġija rinnovabbli)*

Ir-ristrutturar tal-morfoloġija ta' qiegħ il-baħar, inkluż it-tindif tal-ħama u d-depożitu ta' materjali *

L-estrazzjoni ta' riżorsi mhux ħajjin

L-estrazzjoni ta' minerali (ġebel, metall, minerali, żrar, ramel, qxur tal-molluski) *

L-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass, inkluż l-infrastruttura*

L-estrazzjoni tal-melħ

L-estrazzjoni tal-ilma *

Il-produzzjoni tal-enerġija

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli (mir-riħ, mill-mewġ u l-enerġija mill-mili u t-tifrigħ tal-baħar), inkluż l-infrastruttura*

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux rinnovabbli

It-trażmissjoni tal-elettriku u tal-komunikazzjonijiet (kejbils)*

L-estrazzjoni tar-riżorsi ħajjin

Il-qbid ta' ħut u tal-frott tal-baħar (professjonali, ta' rikreazzjoni) *

L-ipproċessar ta' ħut u frott tal-baħar*

Il-qtugħ tal-pjanti tal-baħar*

Il-kaċċa u l-ġbir għal skopijiet oħra*

Il-kultivazzjoni ta' riżorsi ħajjin

L-akkwakultura — fil-baħar, inkluż l-infrastruttura*

L-akwakultura fl-ilma ħelu

L-agrikultura

Il-forestrija

It-trasport

L-infrastruttura tat-trasport*

It-trasport — bastimenti tal-baħar*

It-trasport — bl-ajru

It-trasport — fuq l-art

L-użi industrijali u urban

L-użi urbani

L-użi industrijali

It-trattament u r-rimi tal-iskart*

It-turiżmu u l-passatempi

L-infrastrutturi għat-turiżmu u għall-passatempi

L-attivitajiet turistiċi u l-passatempi*

Is-sigurtà u d-difiża

Operazzjonijiet militari (soġġett għall-Artikolu 2(2))

L-edukazzjoni u r-riċerka

Ir-riċerka, l-istħarriġ u l-attivitajiet edukattivi*

Noti marbuta mat-Tabella 2

Nota 1: Il-valutazzjonijiet tal-pressjonijiet għandhom jindirizzaw il-livelli tagħhom fl-ambjent tal-baħar u, fejn rilevanti, ir-rati tad-dħul (minn sorsi bbażati fuq l-art jew atmosferiċi) għall-ambjent tal-baħar.

Nota 2: In-numri f'din il-kolonna huma referenza għall-punti nnumerati rispettivament fl-Anness I.

Nota 3: Fit-Tabella 2a huma elenkati biss id-deskritturi kwalitattivi (2), (3), (5) (6), (7), (8), (9), (10) u (11), li għandhom il-kriterji stipulati skont l-Artikolu 9(3). Id-deskritturi kwalitattivi l-oħrajn kollha bbażati fuq l-istat, skont l-Anness I jistgħu jkunu rilevanti għal kull tema.

▼B




ANNESS IV

Listi indikattivi ta’ karatteristiċi li tagħhom irid jittieħed kont għad-determinazzjoni ta’ miri ambjentali

(imsemmija fl-Artikoli 10(1) u 24)

(1) Kopertura adegwata ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

(2) Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti (a) miri li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet mixtieqa bbażati fuq id-definizzjoni ta’ status ambjentali tajjeb; (b) miri miżurabbli u indikaturi assoċjati li jippermettu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni; u (ċ) miri operattivi relatati ma’ miżuri konkreti ta’ implimentazzjoni sabiex jappoġġaw il-kisba tagħhom.

(3) Speċifikazzjoni ta’ l-istatus ambjentali li għandu jintlaħaq jew jinżamm u formulazzjoni ta’ dak l-istatus f’termini ta’ kwalitajiet miżurabbli ta’ l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini ta’ Stat Membru f’Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

(4) Konsistenza tas-sett ta’ miri; assenza ta’ konflitti bejniethom.

(5) Speċifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri.

(6) Formulazzjoni tal-miri, li jinkludu miri interim possibbli, b’perijodu definit ta’ żmien sabiex jintlaħqu.

(7) Speċifikazzjoni ta’ indikaturi maħsuba sabiex jissorveljaw il-progress u sabiex jiggwidaw deċiżjonijiet maniġerjali sabiex jintlaħqu l-miri.

(8) Fejn ikun kunsiljabbli, speċifikazzjoni ta’ punti ta’ riferiment (punti ta’ riferiment għall-miri u l-limiti).

(9) Konsiderazzjoni dovuta ta’ interessi soċjali u ekonomiċi fl-istabbiliment tal-miri.

(10) Eżami tas-sett ta’ miri ambjentali, indikaturi assoċjati u punti ta’ riferiment tal-limiti u l-miri żviluppati fid-dawl ta’ l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1, sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ilmijiet marini li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri f’Reġjun Marin għal status li jikkorrispondi magħhom.

(11) Kompatibbiltà tal-miri ma’ l-objettivi li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha kkommettew ruħhom għalihom taħt ftehim internazzjonali u reġjonali rilevanti, bl-użu ta’ dawk li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat bl-għan li jinkisbu l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 1.

(12) Meta jiġi stabbilit is-sett ta’ miri u indikaturi, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien relattivament ma’ l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1 sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ambjent marin għal status li jikkorrispondi magħhom.




ANNESS V

Programmi ta’ monitoraġġ

(imsemmija fl-Artikoli 11(1) u 24)

(1) Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni għall-valutazzjoni ta’ l-istatus ambjentali u għal stima tad-distanza minn, u l-progress lejn, status ambjentali tajjeb konformement ma’ l-Anness III u mal-kriterji u standards metodoloġiċi li għandhom jiġu definiti skond l-Artikolu 9(3).

(2) Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ indikaturi adattati għall-miri ambjentali previsti fl-Artikolu 10.

(3) Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni li tippermetti l-istima ta’ l-impatt tal-miżuri previsti fl-Artikolu 13.

(4) Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex tiġi identifikata l-kawża tal-bidla u għalhekk il-miżuri korrettivi possibbli li jkun jeħtieġ jittieħdu sabiex jerġa jinkiseb l-istatus ambjentali tajjeb, meta d-devjazzjonijiet mill-firxa ta’ l-istatus mixtieq ikunu identifikati.

(5) Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni dwar inkwinanti kimiċi fi speċi għall-konsum tal-bniedem minn żoni ta’ sajd kummerċjali.

(6) Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex jikkonfermaw li l-miżuri korrettivi jwasslu t-tibdil mixtieq u l-ebda effetti sekondarji mhux mixtieqa.

(7) Il-ħtieġa li tinġabar flimkien l-informazzjoni b’referenza għal Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini skond l-Artikolu 4.

(8) Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ approċċi u metodi ta’ valutazzjoni fi u bejn reġjuni marini u/jew sub-reġjuni.

(9) Il-ħtieġa li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi u metodi standardizzati għall-monitoraġġ fil-livell Komunitarju li jippermettu l-komparabbiltà ta’ l-informazzjoni.

(10) Il-ħtieġa li tkun żgurata kemm jista’ jkun possibbli l-kompatibbiltà ma’ programmi eżistenti żviluppati fil-livelli reġjonali u internazzjonali bil-ħsieb li titrawwem konsistenza bejn dawn il-programmi u li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi, bl-użu ta’ dawk il-linji gwida ta’ monitoraġġ li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew is-Sub-Reġjun Marin konċernat.

(11) Il-ħtieġa li tiġi nkluża bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8, l-valutazzjoni ta’ bidliet kbar fil-kondizzjonijiet ambjentali kif ukoll, fejn meħtieġ, ta’ kwistjonijiet ġodda u emerġenti.

(12) Il-ħtieġa li jiġu indirizzati bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8, l-elementi rilevanti elenkati fl-Anness II inkluża l-varjabbiltà naturali tagħhom u sabiex jiġi evalwat il-progress lejn il-kisba tal-miri ambjentali stipulati skond l-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva, bl-użu, kif jixraq, ta’ l-indikaturi stabbiliti u l-punti ta’ referenza tal-limiti jew miri tagħhom.




ANNESS VI

Programmi ta’ miżuri

(imsemmija fl-Artikoli 13(1) u 24)

(1) Kontrolli ta’ l-input: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw l-ammont ta’ attività tal-bniedem li tkun permessa.

(2) Kontrolli ta’ l-output: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw il-grad ta’ perturbazzjoni ta’ komponent ta’ l-ekosistema li jkun permess.

(3) Kontrolli tad-distribuzzjoni ġeografika u temporali: miżuri ta’ ġestjoni li jinfluwenzaw fejn u meta jkun permess li sseħħ xi attività.

(4) Miżuri ta’ koordinazzjoni tal-ġestjoni: strumenti sabiex jiżguraw li l-ġestjoni tkun koordinata.

(5) Miżuri sabiex titjieb it-traċċabbiltà, fejn dan ikun fattibbli, tat-tniġġis marin.

(6) Inċentivi ekonomiċi: miżuri ta’ ġestjoni li jagħmluha fl-interess ekonomiku ta’ dawk li jużaw l-ekosistemi marini li jaġixxu b’modi li jgħinu fil-kisba ta’ l-objettivi ta’ status ambjentali tajjeb.

(7) Strumenti ta’ mitigazzjoni u rimedju: strumenti ta’ ġestjoni li jiggwidaw l-attivitajiet tal-bniedem sabiex jirrestawraw komponenti danneġġati ta’ l-ekosistemi marini.

(8) Komunikazzjoni, l-involviment tal-partijiet interessati u t-tqajjim ta’ kuxjenza pubblika.



( 1 ) ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

( 2 ) ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37.

( 3 ) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

Top