Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02007D0365-20100828

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2007 dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni ta’ l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier) (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2161) (2007/365/KE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/365/2010-08-28

    2007D0365 — MT — 28.08.2010 — 002.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta’ Mejju 2007

    dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni ta’ l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier)

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2161)

    (2007/365/KE)

    (ĠU L 139, 31.5.2007, p.24)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

     M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tas-6 ta' Ottubru 2008

      L 266

    14

    7.10.2008

    ►M2

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tas-17 ta’ Awwissu 2010

      L 226

    42

    28.8.2010




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta’ Mejju 2007

    dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni ta’ l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier)

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2161)

    (2007/365/KE)



    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 fuq miżuri ta’ ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi perikolużi għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra l-firxa tagħhom fi ħdan il-Komunità ( 1 ), u b’mod partikolari t-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 16(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skond id-Direttiva 2000/29/KE, meta Stat Membru jqis li hemm periklu ta’ introduzzjoni jew ta’ tixrid fit-territorju tiegħu ta’ organiżmu perikoluż li mhux elenkat fl-Anness I jew Anness II ta’ dik id-Direttiva, jista’ temporanjament jieħu miżuri addizzjonali meħtieġa biex jipproteġi lilu nnifsu minn dak il-periklu.

    (2)

    B’riżultat tal-preżenza tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier) (“l-organiżmu speċifiku”) fin-Nofsinhar tal-Peniżola Iberika, fis-27 ta’ Ġunju 2006 Spanja għarrfet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li, fis-6 ta’ Ġunju 2006, hija kienet adottat miżuri uffiċjali addizzjonali biex tipprevjeni l-introduzzjoni u t-tixrid aktar fit-territorju tagħha ta’ dak l-organiżmu speċifiku.

    (3)

    Ir-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier) mhuwiex elenkat fl-Annessi I jew II tad-Direttiva 2000/29/KE. Madankollu, rapport ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju sanitarju bbażat fuq informazzjoni xjentifika limitata disponibbli wera li dan l-organiżmu speċifiku jikkawża ħsara serja lis-siġar, inkluża mortalità sinifikanti fuq speċijiet speċifiċi ta’ pjanti, li jappartjenu lill-familja tal-Palmae, u ristretta għal pjanti li d-dijametru fil-parti ta’ isfel taz-zokk tagħhom ikun ta’ aktar minn 5 ċm (“pjanti suxxettibbli”). Il-pjanti suxxettibbli jinsabu f’bosta partijiet ta’ l-Ewropa, l-aktar fin-naħa ta’ isfel fejn huma mħawla f’għadd kbir għal finijiet ta’ ornament u fejn huma ta’ importanza kbira għall-ambjent.

    (4)

    B’hekk jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità ta’ dan l-organiżmu speċifiku.

    (5)

    Dawk il-miżuri ta’ emerġenza għandhom japplikaw għall-introduzzjoni u t-tixrid ta’ l-organiżmu speċifiku, għad-demarkazzjoni ta’ żoni fil-Komunità fejn hemm l-organiżmu speċifiku, għall-importazzjoni, il-produzzjoni, iċ-ċaqliq u l-kontroll ta’ pjanti suxxettibbli fil-Komunità. Għandu jsir stħarriġ biex tiġi vverifikata l-preżenza jew l-assenza kontinwa ta’ l-organiżmu speċifiku fuq il-pjanti kollha tal-Palmae fl-Istati Membri biex tinġabar aktar informazzjoni xjentifika dwar is-suxxettibbiltà tal-pjanti.

    (6)

    Jixraq li r-riżultati tal-miżuri jkunu riveduti sal-31 ta’ Marzu 2008 billi jitqiesu l-esperjenzi mill-ewwel staġun tat-tkabbir taħt il-miżuri ta’ emerġenza.

    (7)

    L-Istati Membri għandhom jadottaw, jekk meħtieġ, il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiġu f’konformità mad-Deċiżjoni.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) “organiżmu speċifiku” tfisser ir-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier);

    ▼M2

    (b) “pjanti suxxettibbli” tfisser pjanti, minbarra l-frott u ż-żrieragħ, li għandhom dijametru taz-zokk fil-bażi tagħhom ta’ aktar minn 5 ċentimetri ta’ Areca catechu, Arecastrum romanzoffianum (Cham) Becc, Arenga pinnata, Borassus flabellifer, Brahea armata, Butia capitata, Calamus merillii, Caryota maxima, Caryota cumingii, Chamaerops humilis, Cocos nucifera, Corypha gebanga, Corypha elata, Elaeis guineensis, Howea forsteriana, Jubea chilensis Livistona australis, Livistona decipiens, Metroxylon sagu, Oreodoxa regia, Phoenix canariensis, Phoenix dactylifera, Phoenix theophrasti, Phoenix sylvestris, Sabal umbraculifera, Trachycarpus fortunei u Washingtonia spp.;

    ▼B

    (ċ) “post tal-produzzjoni” tfisser il-post tal-produzzjoni kif imfisser fl-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji Nru 5 approvat mill-FAO ( 2 ).

    Artikolu 2

    Miżuri ta’ emerġenza kontra l-organiżmu speċifiku

    L-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità ta’ l-organiżmu speċifiku għandhom ikunu projbiti.

    Artikolu 3

    Importazzjoni ta’ pjanti suxxettibbli

    Il-pjanti suxxettibbli jistgħu jiġu introdotti biss fil-Komunità jekk:

    (a) ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ l-importazzjoni kif imniżżla f’punt 1 ta’ l-Anness I;

    (b) jiġu spezzjonati, kif jidħlu fil-Komunità, mill-korp uffiċjali responsabbli għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku, skond l-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, u jinstabu ħielsa minnu.

    Artikolu 4

    Movimenti ta’ pjanti suxxettibbli fi ħdan il-Komunità

    Pjanti suxxettibbli li joriġinaw fil-Komunità jew kienu impurtati fil-Komunità skond l-Artikolu 3 jistgħu jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija f’punt 2 ta’ l-Anness I.

    ▼M2

    Artikolu 5

    Stħarriġ u notifiki

    1.  L-Istati Membri għandhom iwettqu serje ta’ stħarriġ uffiċjali kull sena għall-preżenza tal-organiżmu indikat jew għall-evidenza ta’ infestazzjoni mill-organiżmu indikat fuq pjanti tal-Palmae fit-territorju tagħhom.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta’ dak l-istħarriġ għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena. Fl-Istati Membri fejn jinstab l-organiżmu indikat din in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn:

    (a) verżjoni aġġornata tal-pjan ta’ azzjoni adottat skont l-Artikolu 6(1);

    (b) lista aġġornata taż-żoni ddemarkati stabbiliti skont l-Artikolu 6(1), li tinkludi tagħrif aġġornat dwar id-deskrizzjoni u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom (bil-mapep ukoll).

    2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull suspett, jew kull feġġa tal-organiżmu indikat f’żona fit-territorju tagħhom tkun innotifikata minnufih lill-korp uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru kkonċernat.

    3.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom fi kwalunkwe każ, fi żmien ħamest ijiem jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-feġġa tal-organiżmu indikat f’żona fit-territorju tagħhom fejn qatt ma kien deher qabel.

    Artikolu 6

    Miżuri għall-qerda, żoni ddemarkati u pjanijiet ta’ azzjoni

    1.  F’każ fejn, mir-riżultati tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 5(1), in-notifiki msemmijin fl-Artikolu 5(2) jew xi tagħrif minn kull sors ieħor, ikun hemm ħjiel tal-preżenza tal-organiżmu indikat fit-territorju ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu minnufih:

    (a) jiddefinixxi żona ddemarkata skont il-punt 1 tal-Anness II;

    (b) iwaqqaf u jimplimenta pjan ta’ azzjoni f’dik iż-żona ddemarkata skont il-punt 3 tal-Anness II, inklużi miżuri uffiċjali skont il-punt 2 tal-Anness II.

    2.  Meta Stat Membru jiddefinixxi żona ddemarkata u jwaqqaf pjan ta’ azzjoni skont il-paragrafu 1, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwarhom fi żmien xahar min-notifika skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 5. Din in-notifika għandha tinkludi deskrizzjoni taż-żona ddemarkata, mappa u l-pjan ta’ azzjoni.

    3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjan ta’ azzjoni u l-miżuri tekniċi msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 1 jiġu implimentati minn impjegati pubbliċi li jkunu teknikament ikkwalifikati u awtorizzati kif xieraq, u/jew aġenti jew operaturi kkwalifikati, jew almenu taħt is-sorveljanza diretta tal-korpi uffiċjali responsabbli.

    4.  L-Istati Membri jistgħu jiddevjaw mill-obbligu li jiddefinixxu ż-żona ddemarkata msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 f’każi fejn l-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 5(1), in-notifiki msemmija fl-Artikolu 5(2), jew tagħrif minn xi sors ieħor ikun ta l-provi li:

    (a) il-pjanti minn konsenja waħda biss ta’ pjanti suxxettibbli ġew identifikati li kienu infestati f’żona b’raġġ ta’ 10 km madwar dawk il-pjanti infestati, f’liema żona qatt qabel ma kien instab dan l-organiżmu indikat;

    (b) din il-konsenja tkun iddaħħlet fiż-żona kkonċernata inqas minn 5 xhur qabel u kienet infestata qabel ma ddaħħlet; u wkoll

    (c) jekk wieħed iqis prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija tal-organiżmu indikat, il-grad ta’ infestazzjoni, iż-żmien tas-sena, u l-firxa partikolari tal-pjanti suxxettibbli fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx hemm riskju li l-organiżmu indikat ikun infirex minn mindu tkun iddaħħlet il-konsenja fiż-żona.

    F’dawn il-każi l-Istati Membri għandhom iwaqqfu pjan ta’ azzjoni konformi mal-punt 3 tal-Anness II, iżda jistgħu jiddeċiedu li ma jiddefinixxux żona ddemarkata u li jillimitaw il-miżuri uffiċjali msemmija fil-punt 3 tal-Anness II għall-qerda tal-materjal infestat, filwaqt li jwettqu programm ta’ stħarriġ intensifikat f’żona ta’ mill-inqas 10 km madwar l-infestazzjoni u jfittxu li jittraċċaw il-materjal tal-pjanti kollu relatat.

    ▼B

    Artikolu 7

    Osservanza

    L-Istati Membri għandhom, jekk huwa meħtieġ, jemendaw il-miżuri li kienu adottaw biex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ l-organiżmu speċifiku b’tali mod li dawk il-miżuri jiġu f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b’dawk il-miżuri.

    Artikolu 8

    Reviżjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun riveduta mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2008.

    Artikolu 9

    Lil min hi indirizzata

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




    ANNESS I

    Miżuri ta’ emerġenza li jissemmew fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Deċiżjoni

    1.   Rekwiżiti speċifiċi għall-importazzjoni

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness III, Parti A(17) u fl-Anness IV, Parti A(I)(37) mad-Direttiva 2000/29/KE, pjanti suxxettibbli li joriġinaw f’pajjiżi terzi għandom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat kif hemm imniżżel fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li tiddikjara taħt ir-rubrika “Dikjarazzjoni Addizzjonali” li l-pjanti suxxettibbli, fosthom dawk miġbura mill-ħabitat naturali:

    (a) li tul ħajjithom ikunu tkabbru f’pajjiż fejn l-organiżmu speċifiku mhux magħruf li kien jeżisti; jew

    (b) li tul ħajjithom ikunu tkabbru f’żona mhix infestata, stabbilita mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż ta’ l-oriġini skond l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji relevanti; taħt ir-rubrika “post ta’ l-oriġini” għandu jissemma l-isem taż-żona mhux infestata; jew

    (ċ) li, matul il-perjodu ta’ mill-inqas sena qabel l-esportazzjoni, ikunu tkabbru f’post ta’ produzzjoni:

    (i) li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fil-pajjiż ta’ l-oriġini, u

    (ii) fejn il-pjanti jkunu tpoġġew f’sit li jkun kollu kemm hu mħares kontra l-introduzzjoni ta’ l-organiżmu speċifiku jew bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa, u

    (iii) fejn, matul l-ispezzjonijiet uffiċjali li jsiru talanqas kull tliet xhur u immedjatament qabel l-esportazzjoni, ma jkun ġie innutat l-ebda sinjal ta’ l-organiżmu speċifiku.

    2.   Kundizzjonijiet għaċ-ċaqliq

    Pjanti suxxettibbli, jew dawk li joriġinaw fil-Komunità jew inkella importati fil-Komunità skond l-Artikolu 3, jistgħu jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità biss jekk huma jkunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti ppreparat u maħruġ skond id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE ( 3 ), u jkunu tkabbru:

    (a) matul ħajjithom fi Stat Membru jew pajjiż terz fejn mhux magħruf li l-organiżmu speċifiku kien preżenti; jew

    (b) matul ħajjithom f’post tal-produzzjoni f’żona mhux infestata, stabbilita mill-korp uffiċjali responsabbli fi Stat Membru jew minn organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti f’pajjiż terz, skond l-Istandards Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji; jew

    (ċ) f’post ta’ produzzjoni fi Stat Membru matul perjodu ta’ sentejn qabel iċ-ċaqliq li matulu:

    (i) l-pjanti jkunu tpoġġew f’sit li jkun kollu kemm hu mħares kontra l-introduzzjoni ta’ l-organiżmu speċifiku jew bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa, u

    (ii) ma kien osservat l-ebda sinjal ta’ l-organiżmu speċifiku fl-ispezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru talanqas kull tliet xhur;

    jew

    ▼M2

    (d) jekk ġew impurtati skont il-punt 1(c) ta’ dan l-Anness, minn mindu ddaħħlu fl-Unjoni, ikunu tkabbru f’post ta’ produzzjoni fi Stat Membru matul perjodu ta’ tal-inqas sena qabel iċ-ċaqliq tagħhom, li matulu:

    (i) il-pjanti jkunu tpoġġew f’sit li jkun kollu kemm hu mħares kontra l-introduzzjoni u/jew il-firxa tal-organiżmu indikat; u wkoll

    (ii) li ma jkun osservat ebda sinjal tal-organiżmu indikat fi spezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru tal-inqas kull tliet xhur.

    ▼B




    ANNESS II

    Miżuri ta’ emerġenza li jissemmew fl-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni

    1.   Twaqqif ta’ żoni demarkati

    (a) Iż-żoni demarkati li jissemmew fl-Artikolu 6 għandhom jikkonsistu fil-partijiet li ġejjin:

    (i) żona infestata fejn il-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti suxxettibbli kollha li juru sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifiku, u, fejn huwa xieraq, il-pjanti suxxettibbli kollha li jagħmlu parti mill-istess lott fiż-żmien tat-tħawwil,

    (ii) żona marġinali ta’ lqugħ li l-konfini tagħħa tkun talanqas 10 km ‘l bogħod minn dik taż-żona infestata.

    Fil-każijiet fejn bosta żoni marġinali ta’ lqugħ jidħlu f’xulxin jew li jkunu ġografikament qrib xulxin, żona demarkata iktar wiesgħa għandha tiġi definita li tinkludi ż-żoni demarkati rilevanti u ż-żoni ta’ bejniethom.

    (b) Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni msemmija fil-punt (a) għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija ta’ l-organiżmu speċifiku, il-livell ta’ infestazzjoni, il-perjodu tas-sena u d-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti suxxettibbli fl-Istat Membru kkonċernat.

    (ċ) Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku ‘l barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żoni demarkati għandha tinbidel kif jixraq.

    (d) Jekk, skond l-istħarriġiet annwali msemmija fl-Artikolu 5 (1), l-organiżmu speċifiku ma jkunx instab f’żona demarkata għal perjodu ta’ tliet snin, din iż-żona ma għandhiex tibqa’ teżisti u l-miżuri msemmija f’punt 2 ta’ dan l-Anness ma għandhomx jibqgħu meħtieġa.

    ▼M2

    2.    Miżuri uffiċjali f’żoni ddemarkati

    Il-miżuri uffiċjali li għandhom jittieħdu fiż-żoni ddemarkati, kif imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b), għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a) miżuri xierqa li jkollhom l-għan li jeqirdu l-organiżmu indikat, li jinkludu;

    (i) il-qerda, jew, fejn hu xieraq, it-tindif sħiħ mekkaniku tal-pjanti suxxettibbli infestati;

    (ii) miżuri li jwaqqfu kull tixrid tal-organiżmu indikat waqt l-azzjonijiet ta’ qerda jew ta’ tindif, permezz tal-applikazzjoni ta’ trattamenti kimiċi fil-viċinanża immedjata;

    (iii) trattament xieraq tal-pjanti suxxettibbli infestati;

    (iv) fejn xieraq, qbid ġenerali tal-organiżmu fiż-żoni infestati bl-użu ta’ nases tal-feromoni;

    (v) fejn xieraq, is-sostituzzjoni ta’ pjanti suxxettibbli bi pjanti li mhumiex suxxettibbli;

    (vi) kull miżura oħra li tista’ tgħin fil-qerda tal-organiżmu indikat;

    (b) miżuri dwar sorveljanza intensiva fit-tiftix tal-organiżmu indikat permezz ta’ spezzjonijiet u metodi xierqa li jinkludu n-nases tal-feromoni, tal-inqas fiż-żoni infestati;

    (c) fejn ikun hemm bżonn, miżuri speċifiċi li jindirizzaw kwalunkwe sitwazzjoni partikolari jew kumplikazzjoni li tista’ tkun mistennija li twaqqaf, jew tfixkel, jew iddewwem l-implimentazzjoni, partikolarment sitwazzjonijiet marbutin mal-aċċessibbiltà u l-qerda xierqa tal-pjanti suxxettibbli kollha li jkunu infestati jew li jkun hemm suspett li huma infestati, mingħajr ma jitqiesu l-pożizzjoni tagħhom, jekk humiex tal-pubbliku jew tal-partikolar, jew min hi l-persuna jew l-entità li hi responsabbli minnhom.

    3.    It-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni

    Il-pjan ta’ azzjoni msemmi fl-Artikolu 6(1)(b) għandu jinkludi deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri uffiċjali li ħa jew li biħsiebu jieħu l-Istat Membru kkonċernat għall-qerda tal-organiżmu indikat. Għandu jindika l-perjodu taż-żmien ta’ kull waħda minn dawn il-miżuri. Il-pjan ta’ azzjoni għandu jqis l-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji Nru 9 ( 4 ) u għandu jkun imsejjes fuq approċċ integrat konformi mal-prinċipji stipulati fl-Istandard Internazzjonali għal Miżuri Fitosanitarji Nru 14 ( 5 ).

    Fiż-żoni ddemarkati msemmijin fl-Artikolu 6(1)(a) li dwarhom ir-riżultati tal-istħarriġ annwali mifrux fuq tal-inqas tliet snin juru li l-qerda tal-organiżmu indikat fi żmien sena waħda addizzjonali mhijiex possibbli, il-pjan ta’ azzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu għandhom l-ewwel jiffokaw fuq il-kontroll u t-trażżin tal-organiżmu indikat fiż-żona infestata, filwaqt li l-għan għall-medda twila taż-żmien jibqa’ l-qerda.

    Il-pjan ta’ azzjoni għandu tal-inqas jindirizza l-miżuri uffiċjali msemmijin fil-punt (2). Rigward il-punt 2(a), il-pjan ta’ azzjoni għandu jikkunsidra l-miżuri kollha elenkati hawnhekk u jispjega r-raġunijiet għaliex intgħażlu ċerti miżuri għall-implimentazzjoni, filwaqt li jiddeskrivi s-sitwazzjoni u d-dejta xjentifika u l-kriterji għall-għażla tal-miżuri.



    ( 1 ) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).

    ( 2 ) Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Riferenza ISPM Nru. 5 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

    ( 3 ) ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2005/17/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 23).

    ( 4 ) Linji gwida għall-programmi ta’ qerda għall-organiżmi li jagħmlu l-ħsara – Standard ta’ Referenza ISPM Nru. 9 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti f’Ruma.

    ( 5 ) L-użu ta’ miżuri integrati f’approċċ sistematiku għall-kontroll tar-riskju ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 14 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti f’Ruma.

    Top