EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02006R1080-20090610

Consolidated text: Regolament (KE) Nru  1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1080/2009-06-10

2006R1080 — MT — 10.06.2009 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT (KE) NRU 1080/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

(ĠU L 210, 31.7.2006, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 397/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta’ Mejju 2009

  L 126

3

21.5.2009




▼B

REGOLAMENT (KE) NRU 1080/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 162 u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

Billi,

(1)

L-Artikolu 160 tat-Trattat jipprovdi li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa maħsub sabiex jgħin fil-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fil-Komunità. Il-FEŻR għalhekk jikkontribwixxi sabiex inaqqas id-distakk bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u l-miżura li fiha qegħdin jaqgħu lura r-reġjuni l-anqas żvantaġġati, inklużi żoni rurali u urbani, reġjuni industrijali fi stat ta' deklin, żoni bi żvantaġġ ġeografiku jew naturali, bħal gżejjer, żoni muntanjużi, żoni b'popolazzjoni baxxa u reġjuni fil-fruntieri,.

(2)

Id-dispożizzjonijiet li huma komuni għall-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond ta' Koeżjoni ( 4 ). Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FEŻR taħt l-objettivi definiti f'dak ir-Regolament.

(3)

Il-FEŻR għandu jipprovdi għajnuna fi ħdan il-qafas ta' strateġija globali għall-politika ta' koeżjoni li tiżgura konċentrazzjoni akbar ta' għajnuna fuq il-prijoritajiet tal-Komunità.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jipprovdi li regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet relatati mal-FEŻR.

(5)

Fi ħdan il-qafas ta' operazzjoni integrata ta' żvilupp urban, huwa meqjus meħtieġ li jiġu sostnuti azzjonijiet limitati għar-rinnovament ta' l-akkomodazzjoni f'żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali fl-Istati Membri li aderixxu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara.

(6)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-ispiża ta' akkomodazzjoni għandha tikkonċerna l-provvista ta' akkomodazzjoni ta' kwalità tajba għal gruppi bi dħul aktar baxx, inkluż stokk ta' akkomodazzjoni reċentement privatizzat, kif ukoll akkomodazzjoni għal gruppi soċjali vulnerabbli.

(7)

L-implementazzjoni effiċjenti u effikaċi ta' l-azzjoni sostnuta mill-FEŻR tiddependi fuq tmexxija tajba u sħubija fost l-imsieħba territorjali u soċjo-ekonomiċi relevanti, u b'mod partikolari awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll kwalunkwe korp adatt ieħor matul l-istadji varji ta' l-implementazzjoni tal-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR.

(8)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali matul id-diversi stadji ta' l-implementazzjoni tal-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR.

(9)

Filwaqt li jibni fuq l-esperjenza u s-saħħiet ta' l-inizjattiva tal-Komunità URBAN prevista fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali ( 5 ), l-iżvilupp urban sostenibbli għandu jissaħħaħ billi jiġu integrati b'mod sħiħ miżuri f'dak il-qasam fi programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp lokali u lil inizjattivi ta' impjieg u l-potenzjal tagħhom għal innovazzjoni.

(10)

Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà u l-konsistenza ma' linji politiċi Komunitarji oħrajn, u b'mod partikolari mas-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku u għal attivitajiet ta' dimostrazzjoni u l-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Barra minn hekk, għandu jkun hemm sinerġija bejn is-sostenn mogħti mill-FEŻR, minn naħa waħda, u dak mogħti mill-Fond Soċjali Ewropew skond ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew ( 6 ), il-Fond ta' Koeżjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni ( 7 ), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEIR) ( 8 ) u Fond Ewropew għas-Sajd, min-naħa l-oħra.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-azzjonijiet sostnuti mill-FEŻR favur impriżi żgħar u ta' daqs medju jieħdu kont u jsostnu l-implementazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi Żgħar adottata mill-Kunsill ta' l-Ewropa ta' Santa Maria da Feira fid-19 u 20 ta' Ġunju 2000.

(12)

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar estremi, bl-estensjoni, fuq bażi eċċezzjonali, tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FEŻR għall-finanzjament ta' l-għajnuna operattiva marbuta mal-kumpens ta' spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika tagħhom, milquta min-natura remota, insulari, ċkejkna, topografikament u klimatikament diffiċli tagħhom u mid-dipendenza ekonomika tagħhom fuq ftit prodotti, fatturi li l-permanenza u l-kombinazzjoni tagħhom jostakolaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni. Tali miżuri speċifiċi jeħtieġu l-użu ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat bħala bażi legali.

(13)

Il-FEŻR għandu jindirizza l-problemi ta' aċċessibbiltà u tad-distanza kbira minn swieq kbar li qed jiffaċċaw dawk l-inħawi li għandhom densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, kif imsemmi fil-Protokoll Nru 6 dwar dispożizzjonjiet speċjali għall-Objettiv 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u fl-Isvezja ma' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994. Il-FEŻR għandu jindirizza wkoll id-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw ċerti gżejjer, żoni muntanjużi, reġjuni fil-fruntieri u żoni b'popolazzjoni baxxa li s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom tnaqqas il-pass ta' l-iżvilupp tagħhom bil-ħsieb li jiġi sostnut l-iżvilupp sostenibbli tagħhom.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-programmazzjoni, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-programmi operattivi taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea.

(15)

Huwa meħtieġ li tiġi sostnuta koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali effettiva ma' pajjiżi ġirien tal-Komunità fejn din tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-reġjuni ta' l-Istati Membri li jmissu ma' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu assistiti b'mod effettiv fl-iżvilupp tagħhom. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi awtorizzat fuq bażi eċċezzjonali l-finanzjament ta' għajnuna mill-FEŻR għal proġetti li jinsabu fit-territorju ta' pajjiżi terzi fejn dawn ikunu ta' ġid għar-reġjuni tal-Komunità.

(16)

Fl-interessi taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ( 9 ) għandu għalhekk jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kompiti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-ambitu ta' l-għajnuna tiegħu rigward l-objettivi tal-Konverġenza, tal-“Kompetittività reġjonali u l-impjiegi”, u tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u r-regoli dwar l-eliġibbiltà għall-għajnuna.

2.  Il-FEŻR huwa regolat mir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għan

Skond l-Artikolu 160 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-għajnuna li timmira għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jiġu rimedjati l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta' sostenn għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali ta' l-ekonomiji reġjonali, inklużi l-konversjoni ta' reġjuni industrijali fi stat ta' deklin u reġjuni li baqgħu lura, u sostenn għall-koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali.

Waqt li jagħmel dan, il-FEŻR għandu jagħti effett lill-prijoritajiet tal-Komunità, u b'mod partikolari l-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni, li jinħolqu u jiġu salvagwardjati impjiegi sostenibbli, u li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli.

Artikolu 3

L-ambitu ta' l-għajnuna

1.  Il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq prijoritajiet tematiċi. It-tip u l-firxa ta' azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati f'kull prijorità għandhom jirriflettu n-natura differenti ta' l-objettivi tal-Konverġenza, tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi u tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea skond l-Artikoli 4, 5 u 6.

2.  Il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta':

(a) investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' impjiegi sostenibbli, primarjament permezz ta' għajnuna diretta għall-investiment primarjament f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

(b) investiment fl-infrastruttura;

(ċ) żvilupp ta' potenzjal endoġenu b'miżuri li jsostnu l-iżvilupp reġjonali u lokali. Dawn il-miżuri jinkludu sostenn għall-impriżi u l-għoti ta' servizzi lill-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs, il-ħolqien u l-iżvilupp ta' strumenti ta' finanzjament bħal kapital ta' riskju, fondi ta' self u ta' garanzija, fondi għall-żvilupp lokali, sussidji fuq l-interess, networking, koperazzjoni u skambju ta' esperjenzi bejn ir-reġjuni, l-ibliet, u l-atturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali relevanti;

(d) għajnuna teknika kif imsemmija fl-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Il-firxa ta' investimenti u miżuri elenkati hawn fuq taħt (a) sa (d) għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu implementati l-prijoritajiet tematiċi skond l-Artikoli 4, 5 u 6.

Artikolu 4

Konverġenza

Taħt l-objettiv tal-“Konverġenza”, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq is-sostenn ta' l-iżvilupp ekonomiku, reġjonali u lokali, sostenibbli u integrat u ta' l-impjiegi billi jimmobilizza u jsaħħaħ il-kapaċità endoġenika bi programmi operattivi mmirati lejn il-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni ta' strutturi ekonomiċi, u l-ħolqien u s-salvgawardja ta' impjiegi sostenibbli. Dan għandu jintlaħaq primarjament permezz tal-prijoritajiet li ġejjin, bit-taħlita preċiża tal-linji politiċi tiddependi mill-elementi speċifiċi ta' kull Stat Membru:

1) ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (R&ŻT), l-innovazzjoni u l-imprenditorija, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku, u l-integrazzjoni tagħhom fil-Qasam tar-Riċerka Ewropea, inkluż l-infrastrutturi; l-għajnuna lir-R&ŻT b'mod partikolari fl-SMEs u t-trasferiment ta' teknoloġija; it-titjib ta' rabtiet bejn l-SMEs, l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni terzjarja, l-istituzzjonijiet ta' riċerka u ċ-ċentri ta' riċerka u teknoloġija, l-iżvilupp ta' networks kummerċjali; is-sħubiji u gruppi magħmulin mis-settur pubbliku u dak privat; is-sostenn għall-provvista ta' servizzi kummerċjali u teknoloġiċi lil gruppi ta' SMEs; it-tkattir ta' l-imprenditorija u l-finanzjament ta' innovazzjoni għall-SMEs permezz ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja;

2) is-soċjetà ta' l-informazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, kontenut lokali, servizzi u applikazzjonijiet, titjib fl-aċċess protett għal servizzi pubbliċi on-line u fl-iżvilupp tagħhom, għajnuna u servizzi lill-SMEs sabiex jadottaw u jużaw b'mod effettiv it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIK) jew sabiex jisfruttaw ideat ġodda;

3) inizjattivi ta' żvilupp lokali u għajnuna għal strutturi li jipprovdu servizzi ta' viċinat sabiex jinħolqu impjiegi ġodda, fejn tali azzjonijiet ikunu barra l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

4) l-ambjent, inklużi investimenti marbutin mal-provvisti ta' l-ilma, l-immaniġġar ta' l-ilma u l-iskart; it-trattament ta' l-ilma maħmuġ u l-kwalità ta' l-arja; il-prevenzjoni, il-kontroll u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni; il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż; għajnuna sabiex jiġu mmitigati l-effetti tal-bidla fil-klima; ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku inkluż siti u art kontaminati u l-iżvilupp mill-ġdid ta' l-art abbandunata; il-promozzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tan-natura, inklużi investimenti fis-siti ta' NATURA 2000; għajnuna lill-SMEs sabiex jippromwovu mudelli ta' produzzjoni sostenibbli bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' maniġġar ambjentali li jkunu effikaċi vis-à-vis l-ispiża tagħhom u l-adozzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ta' prevenzjoni tat-tniġġiż;

5) il-prevenzjoni ta' riskji, inkluż l-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' pjanijiet sabiex jiġu prevenuti u kontrollati riskji naturali u teknoloġiċi;

6) it-turiżmu, inkluża il-promozzjoni ta' assi naturali bħala potenzjal għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli; il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt naturali sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp soċjo-ekonomiku; għajnuna sabiex titjieb il-provvista tas-servizzi tat-turiżmu b'servizzi ta' valur miżjud ogħla u sabiex jiġu sostnuti xejriet ġodda u aktar sostenibbli ta' turiżmu;

7) investimenti fil-kultura, inklużi l-protezzjoni, il-promozzjoni u l-preżervazzjoni tal-wirt kulturali; l-iżvilupp ta' l-infrastruttura kulturali bħala sostenn għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku, għat-turiżmu sostenibbli u għat-titjib ta' l-attrazzjoni reġjonali; u għajnuna għat-titjib tal-provvista ta' servizzi kulturali permezz ta' servizzi ġodda ta' valur miżjud ogħla;

8) investimenti fit-trasport, inkluż titjib f'retikolati trans-Ewropej u konnessjonijiet mar-retikolat RTE-T (Retikolat trans-Ewropew tat-trasport); strateġiji integrati għal trasport nadif li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-aċċess għal u l-kwalità tas-servizzi tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex tintlaħaq qasma modali aktar bilanċjata sabiex jiġu promossi sistemi intermodali u jitnaqqsu l-impatti ambjentali;

9) investimenti fl-enerġija, inkluż titjib f'retikolati trans-Ewropej, li jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista, l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali, it-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-iżvilupp ta' enerġiji rinovabbli;

10) investimenti fl-edukazzjoni, inklużi dawk fit-taħriġ vokazzjonali, li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-attrazzjoni u l-kwalità tal-ħajja;

11) l-investimenti fl-infrastruttura tas-saħħa u dik soċjali li jikkontribwixxu għal żvilupp reġjonali u lokali u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja.

Artikolu 5

Kompetittività reġjonali u impjiegi

Taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu, fil-kuntest ta' strateġiji ta' żvilupp sostenibbli, filwaqt li jippromwovi l-impjieg, primarjament fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

1) l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-konoxxenza, anke permezz tal-ħolqien u t-tisħiħ ta' ekonomiji ta' innovazzjoni reġjonali effiċjenti, relazzjonijiet sistemiċi bejn is-setturi privat u pubbliku, l-universitajiet u ċ-ċentri tat-teknoloġija li jieħdu kont tal-ħtiġijiet lokali, u b'mod partikolari:

(a) it-tisħiħ tar-R&ŻT reġjonali u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni marbutin direttament ma' l-objettivi ta' żvilupp ekonomiku reġjonali billi jiġu sostnuti ċentri ta' kompetenza speċifikament ta' l-oqsma ta' l-industrija jew tat-teknoloġika, billi jiġu promossi r-R&ŻT industrijali, l-SMEs u t-trasferiment tat-teknoloġija, u billi jiġu żviluppati l-previżjonijiet teknoloġiċi u l-benchmarking internazzjonali ta' linji politiċi għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u billi jiġu sostnuti l-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u l-linji politiċi konġunti dwar ir-R&ŻT u l-innovazzjoni;

(b) l-istimulazzjoni ta' l-innovazzjoni u ta' l-intraprenditorija fis-setturi kollha ta' l-ekonomija reġjonali u lokali billi tiġi sostnuta l-introduzzjoni ta' prodotti, proċessi u servizzi, ġodda jew imtejba, fis-suq, billi jiġu sostnuti networks u gruppi tal-kummerċ, billi jittejjeb għall-SMEs l-aċċess għall-finanzjament; billi jiġu promossi ta' koperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-edukazzjoni terzjarja u l-istituti ta' riċerka, billi jiġi faċilitat għall-SMEs l-aċċess għal servizzi ta' sostenn għall-kummerċ, u billi tiġi sostnuta l-integrazzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u innovattivi fl-SMEs;

(ċ) il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija b'mod partikolari billi jiġi faċilitat l-isfruttament ekonomiku ta' ideat ġodda, u billi jitkattar il-ħolqien ta' impriżi ġodda mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja u ta' riċerka adatti u impriżi eżistenti;

(d) il-ħolqien ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja u faċilitajiet ta' inkubazzjoni li jwasslu għall-kapaċità ta' l-iżvilupp ta' riċerka u teknoloġika ta' l-SMEs u għall-inkoraġġiment ta' l-intraprenditorija u l-formazzjoni ta' ditti ġodda, speċjalment SMEs ta' konoxxenza intensiva;

2) l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju, u b'mod partikolari:

(a) l-istimolu ta' investiment għar-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku, inklużi siti u artijiet kontaminati, deżertifikati u siti u art abbandunati;

(b) il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-infrastruttura marbut mal-bijodiversità u investimenti f'siti tan-NATURA 2000, fejn dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u/jew għad-diversifikazzjoni ta' żoni rurali;

(ċ) l-istimolu ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp ta' sistemi effiċjenti ta' maniġġar ta' enerġija;

(d) il-promozzjoni ta' trasport pubbliku nadif u sostenibbli, b'mod partikolari f'żoni urbani;

(e) l-iżvilupp ta' pjanijiet u miżuri li jipprevjenu u jikkontrollaw riskji naturali (p.e. deżertifikazzjoni, nixfa, nirien u għargħar) u riskji teknoloġiċi;

(f) il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt naturali u kulturali b'sostenn ta' l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u l-promozzjoni ta' assi naturali u kulturali bħala potenzjal għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli;

3) l-aċċess għal servizzi tat-trasport u tat-telekommunikazzjoni ta' interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari:

(a) it-tisħiħ ta' retikolati sekondarji billi jittejbu l-kollegamenti mar-retikolati RTE-T, maċ-ċentri tal-ferroviji, l-ajruporti u l-portijiet jew ma' pjattaformi multimodali reġjonali li jipprovdu kollegamenti radjali mal-linji tal-ferroviji ewlenin u jippromwovu l-passaġġi ta' l-ilma interni reġjonali u lokali, u l-attività merkantili fuq distanzi qosra;

(b) il-promozzjoni ta' l-aċċess għal, l-adozzjoni, u l-użu effiċjenti tat-TIK mill-SMEs billi jkun sostnut l-aċċess għar-retikolati, it-twaqqif ta' punti pubbliċi ta' aċċess għall-Internet, it-tagħmir, u l-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet, inkluż, b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-intrapriżi żgħar ħafna u għal dawk tas-snajja'.

Addizzjonalment, għal programmi operattivi sostnuti mill-FEŻR fir-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament speċifiku u transizzjonali msemmi fl-artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu li jestendu s-sostenn għall-prijoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament .

Artikolu 6

Koperazzjoni territorjali Ewropea

Taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

1) l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali ekonomiċi, soċjali u ambjentali permezz ta' strateġiji konġunti għal żvilupp territorjali sostenibbli, u primarjament:

(a) bl-inkoraġġiment ta' l-intraprenditorija, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' l-SMEs, it-turiżmu, il-kultura, u l-kummerċ trans-konfinali;

(b) bl-inkoraġġiment u t-titjib tal-protezzjoni u l-ġestjoni konġunti ta' riżorsi naturali u kulturali, kif ukoll bil-prevenzjoni ta' riskji ambjentali u teknoloġiċi;

(ċ) bis-sostenn ta' kollegamenti bejn żoni urbani u rurali;

(d) billi jitnaqqas l-iżolament permezz ta' aċċess imtejjeb għat-trasport, għan-networks u għas-servizzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni, għall-ilma trans-konfinali, u għal sistemi u faċilitajiet ta' skart u enerġija;

(e) bl-iżvilupp tal-kollaborazzjoni, tal-kapaċità u ta' l-użu konġunt ta' infrastrutturi b'mod partikolari f'setturi bħal dawk tas-saħħa, tal-kultura, tat-turiżmu u ta' l-edukazzjoni.

Addizzjonalment, il-FEŻR jista' jikkontribwixxi fil-promozzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva, ta' l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol trans-konfinali, ta' l-inizjattivi lokali għall-impjiegi, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, tat-taħriġ u ta' l-inklużjoni soċjali, u tal-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u tal-faċilitajiet għar-R&ŻT.

Fir-rigward tal-Programm PEACE bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-kontej fuq il-fruntieri ta' l-Irlanda kif previst taħt il-paragrafu 22 ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR għandu, addizzjonalment għall-azzjonijiet imsemmijin hawn fuq, jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' l-istabbiltà soċjali u ekonomika fir-reġjuni konċernati, partikolarment permezz ta' azzjonijiet għall-promozzjoni tal-koeżjoni bejn il-komunitajiet;

2) l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' koperazzjoni transnazzjonali, inkluża koperazzjoni bilaterali bejn reġjuni marittimi mhux koperti taħt il-punt (1), permezz ta' finanzjament ta' networks u ta' azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat, b'konċentrazzjoni primarjament fuq l-oqsma prijoritarji li ġejjin:

(a) innovazzjoni: il-ħolqien u l-iżvilupp ta' networks xjentifiċi u teknoloġiċi, u t-tisħiħ tar-R&ŻT reġjonali u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni, fejn dawn jagħtu kontribut dirett għall-iżvilupp ekonomiku bilanċjat ta' żoni transnazzjonali. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: l-istabbiliment ta' networks bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja u ta' riċerka u SMEs; kollegamenti sabiex jitjiebu l-aċċess għall-konoxxenza teknoloġika u t-trasferiment ta' teknoloġiji bejn faċilitajiet tar-R&ŻT u ċentri internazzjonali ta' eċċellenza fir-R&ŻT; il-ġemellaġġ ta' istituzzjonijiet ta' trasferiment ta' teknoloġija; u żvilupp ta' strumenti konġunti ta' inġinerija finanzjarja diretti lejn is-sostenn għar-R&ŻT fl-SMEs;

(b) ambjent: maniġġar ta' l-ilma, effiċjenza ta' l-enerġija, attivitajiet ta' prevenzjoni ta' riskju u ta' protezzjoni ambjentali b'dimensjoni transnazzjonali ċara. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: il-protezzjoni u l-ġestjoni ta' baċini ta' xmajjar, żoni kostali, riżorsi marini, servizzi ta' l-ilma u oqsma taħt l-ilma; il-prevenzjoni ta' nirien, nixfat u għargħar; il-promozzjoni tas-sigurtà marittima u l-protezzjoni kontra riskji naturali u teknoloġiċi; u protezzjoni u tisħiħ tal-wirt naturali b'sostenn għal żvilupp soċjo-ekonomiku u turiżmu sostenibbli;

(ċ) aċċessibbiltà: attivitajiet li jtejbu l-aċċess għas-servizzi ta' trasport u telekomunikazzjoni, u l-kwalità tagħhom, fejn dawn ikollhom dimensjoni transnazzjonali ċara. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: investimenti f'sezzjonijiet trans-konfinali tan-networks trans-Ewropej; titjib fl-aċċess lokali u reġjonali għal networks nazzjonali u transnazzjonali; tisħiħ ta' l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali u reġjonali; u l-promozzjoni ta' tekonoloġiji avvanzati tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni;

(d) żvilupp urban sostenibbli: tisħiħ ta' l-iżvilupp poliċentriku fil-livelli transnazzjonali, nazzjonali u reġjonali, b'impatt transnazzjonali ċar. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: il-ħolqien u t-titjib ta' networks urbani u kollegamenti urbani-rurali; strateġiji sabiex jiġu trattati kwistjonijiet komuni urbani-rurali; il-preżervazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, u l-integrazzjoni strateġika ta' żoni ta' żvilupp fuq bażi transnazzjonali.

L-għajnuna għall-koperazzjoni bilaterali bejn reġjuni marittimi tista' tiġi estiża għall-prijoritajiet imsemmijin fil-punt (1);

3) tisħiħ ta' l-effikaċja tal-politika reġjonali bil-promozzjoni ta':

(a) koperazzjoni inter-reġjonali li tiffoka fuq l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-konoxxenza u l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju fis-sens tal-punti (1) u (2) ta' l-Artikolu 5;

(b) skambji ta' esperjenza dwar l-identifikazzjoni, it-trasferiment u d-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattika inkluża dik fl-iżvilupp urban sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8; u

(ċ) azzjonijiet li jinvovlu studji, ġbir ta' data, u l-osservazzjoni u l-analiżi ta' xejriet ta' żvilupp fil-Komunità.

Artikolu 7

L-eliġibbiltà ta' l-infiq

1.  L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR:

(a) l-interess fuq id-dejn;

(b) ix-xiri ta' art għal ammont ogħla minn 10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-azzjoni konċernata. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, tista' tiġi permessa perċentwali ogħla mill-awtorità ta' ġestjoni għal operazzjonijiet relatati mal-konservazzjoni ta' l-ambjent;

(ċ) id-diżattivazzjoni ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari;

(d) it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rikuperabbli.

▼M1

1a.  F'kull Stat Membru, l-infiq fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-użu ta’ enerġija rinovabbli fi djar eżistenti għandu jkun eliġibbli sa ammont ta’ 4 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kategoriji tad-djar eliġibbli fir-regoli nazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 56(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, sabiex tkun appoġġjata l-koeżjoni soċjali.

▼B

2.   ►M1  L-infiq fuq id-djar, minbarra dak għall-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinovabbli kif stabbilit fil-paragrafu 1a, għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li aderew mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin: ◄

(a) l-infiq għandu jiġi pprogrammat fil-qafas ta' operazzjoni ta' żvilupp urban integrata jew ta' assi prijoritarju għal żoni li jkunu jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorament fiżiku u esklużjoni soċjali;

(b) l-allokazzjoni għall-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandha tkun massimu ta' 3 % ta' l-allokazzjoni tal-FEŻR lill-programmi operattivi konċernati jew 2 % ta' l-allokazzjoni totali tal-FEŻR;

(ċ) l-infiq għandu jkun limitat għal:

 akkomodazzjoni għal aktar minn familja waħda, jew

 bini li jkun il-proprjetà ta' awtoritajiet pubbliċi jew ta' operaturi li joperaw mingħajr skop ta' profitt għal użu bħala akkomodazzjoni maħsub għal familji bi dħul baxx jew għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista ta' kriterji meħtieġa sabiex jiġu determinati l-oqsma msemmijin taħt il-punt (a) u l-lista ta' interventi eliġibbli skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

3.  Ir-regoli ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 għandhom japplikaw għal azzjonijiet ko-finanzjata mill-FEŻR li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.

▼M1

4.  Fil-każ ta’ għotjiet l-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu nfiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR, bil-kondizzjoni li dawn isiru skont ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabilità, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi previsti aktar ’l isfel:

(i) spejjeż indiretti, iddikjarati fuq bażi ta’ rata fissa, sa 20 % tal-ispejjeż diretti ta’ operazzjoni;

(ii) spejjeż b'rata fissa kkalkulati b'applikazzjoni ta’ tabelli standard ta’ spejjeż unitarji, kif definiti mill-Istat Membru;

(iii) somom f'daqqa biex ikopru l-ispejjeż ta’ operazzjoni sħiħa jew parti minnha.

L-għażliet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) jistgħu jiġu kkombinati biss fejn kull waħda minnhom tkopri kategorija differenti ta’ spejjeż eliġibbli jew fejn jintużaw għal proġetti differenti fl-istess operazzjoni.

L-ispejjeż imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) għandhom jiġu stabbiliti minn qabel fuq il-bażi ta’ kalkolu ġust, ekwu u li jista’ jiġi vverifikat.

Is-somma f'daqqa msemmija fil-punt (iii) m'għandhiex taqbeż il-EUR 50 000..

▼B



KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IT-TRATTAMENT TA' KARATTERISTIĊI TERRITORJALI PARTIKOLARI

Artikolu 8

Żvilupp urban sostenibbli

Addizzjonalment għall-attivitajiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, fil-każ ta' azzjoni li tkun tinvolvi żvilupp urban sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 37(4) a) tar-Regolament (KE) (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR jista', fejn ikun il-każ, isostni l-iżvilupp ta' strateġiji parteċipattivi, integrati u sostenibbli sabiex tiġi trattata l-konċentrazzjoni għolja ta' problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li tkun qed tolqot iż-żoni urbani.

Dawn l-istrateġiji għandhom jippromwovu żvilupp urban sostenibbli permezz ta' attivitajiet bħal: it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku, ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku, l-iżvilupp mill-ġdid ta' art abbandunata, il-preżervazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt naturali u kulturali, il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija, l-impjiegi lokali u l-iżvilupp komunitarju, u l-provvista ta' servizzi lill-popolazzjoni waqt li jittieħed kont ta' l-istrutturi demografiċi li jinbidlu.

B'deroga mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u fejn dawn l-attivitajiet ikunu implementati permezz ta' programm operattiv speċifiku jew ta' assi prijoritarju fi ħdan programm operattiv, il-finanzjament mill-FEŻR ta' miżuri taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 jista' jittella' għal 15 % tal-programm jew ta' l-assi prijoritarju konċernati.

Artikolu 9

Koordinazzjoni mal-FAEŻR u l-FES

Fejn programm operattiv sostnut mill-FEŻR jimmira lejn operazzjonijiet li jkunu eliġibbli wkoll taħt strument ta' sostenn ieħor Komunitarju, inklużi l-Assi 3 tal-FAEŻR (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) u l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd kostali taħt il-FES (Fond Ewropew għas-Sajd), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f'kull programm operattiv il-kriterji tad-demarkazzjoni għall-operazzjonijiet sostnuti mill-FEŻR u dawk sostnuti mill-istrumenti Komunitarji l-oħra ta' sostenn.

Artikolu 10

Żoni bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali

Il-programmi reġjonali ko-finanzjati mill-FEŻR li jkopru żoni bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali kif imsemmi fil-punt (f) ta' l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1083/2006, għandhom jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta' dawk iż-żoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5, il-FEŻR jista' jikkontribwixxi b'mod partikolari lejn il-finanzjament ta' investimenti maħsubin sabiex itejbu l-aċċessibbiltà, jippromwovu u jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-wirt kulturali u naturali, jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, u jinkoraġġixxu turiżmu sostenibbli.

Artikolu 11

Ir-reġjuni l-aktar estremi

1.  L-allokazzjoni addizzjonali speċifika msemmija fil-paragrafu 20 ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, għandha tiġi użata sabiex tpatti għall-ispejjeż addizzjonali marbutin ma' l-iżvantaġġi definiti fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE magħmulin fir-reġjuni l-aktar estremi fis-sostenn ta':

(a) il-prijoritajiet imsemmijin fl-Artikoli 4 u/jew 5 skond il-każ;

(b) is-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija u l-għajnuna sabiex jinbdew servizzi tat-trasport;

(ċ) l-operazzjonijiet marbutin ma' restrizzjonijiet ta' ħażna, ta' daqs eċċessiv u tal-manutenzjoni ta' għodod tal-produzzjoni, u man-nuqqas tal-kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali.

2.  L-allokazzjoni addizzjonali speċifika tista', fil-limiti ta' l-ambitu ta' l-Artikolu 3, tiffinanzja spejjeż ta' investimenti. Addizzjonalment, l-allokazzjoni addizzjonali speċifika għandha tintuża sa minimu ta 50 % sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar estremi.

3.  L-ammont li għalih tapplika r-rata ta' ko-finanzjament għandha tkun proporzjonali għall-ispejjeż addizzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1 magħmula mill-benefiċjarju fil-każ ta' l-għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kuntratti biss, u tista' tkopri l-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta' infiq għall-investiment.

4.  Il-finanzjament taħt dan l-Artikolu ma jistax jintuża sabiex isostni:

(a) operazzjonijiet li jinvolvu prodotti li jaqgħu fl-Anness I mat-Trattat;

(b) għajnuniet għat-trasport ta' persuni awtorizzati taħt l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat;

(ċ) eżenzjonijiet mit-taxxa u eżenzjonijiet minn ħlasijiet soċjali.



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR L-OBJETTIV TAL-KOPERAZZJONI TERRITORJALI EWROPEA



TAQSIMA 1

Programmi operattivi

Artikolu 12

Kontenut

Kull programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandu jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

1) analiżi tas-sitwazzjoni tal-qasam ta' koperazzjoni f'termini ta' punti ta' forza u ta' dgħjufija u l-istrateġija magħżula bħala reazzjoni;

2) lista taż-żoni eliġibbli fi ħdan il-qasam tal-programm inklużi, fir-rigward tal-programmi għall-koperazzjoni trans-konfinali, l-oqsma ta' flessibbiltà kif imsemmija fl-Artikolu 21(1);

3) ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet magħżulin b'rigward għal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, għall-qafas strateġiku nazzjonali ta' referenza fejn l-Istati Membri għażlu li jinkludu fiha azzjonijiet finanzjati taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni territorjali Ewropea, u għar-riżultati mill-valutazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 48(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

4) informazzjoni dwar l-assi prijoritarju u l-miri speċifiċi tagħhom. Dawk il-miri għandhom jiġu kwantifikati bl-użu ta' numru limitat ta' indikaturi għall-output u għar-riżultati, b'kont meħud tal-prinċipju ta' proporzjonalità. L-indikaturi għandhom jagħmluha possibbli li jitkejjel il-progress imqabbel mas-sitwazzjoni bażilari u mal-kisba tal-miri ta' l-assi prijoritarju;

5) għall-finijiet ta' informazzjoni biss, tqassim indikattiv skond il-kategorija ta' l-użu programmat tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-programm operattiv skond ir-regoli ta' implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

6) pjan finanzjarju singolu, bla ebda tqassim skond l-Istati Membri, li jkun fih żewġ tabelli:

(a) tabella li tqassam għal kull sena, skond l-Artikoli 52, 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali maħsuba għall-kontribuzzjoni mill-FEŻR. Il-kontribuzzjoni totali tal-FEŻR mogħtija għal kull sena għandha tkun kompatibbli mal-qafas finanzjarju applikabbli;

(b) tabella li tispeċifika, għall-perjodu sħiħ ta' programmazzjoni, għall-programm operattiv u għal kull assi prijoritarju, l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali tal-kontribuzzjoni Komunitarja u l-kontropartijiet nazzjonali, u r-rata tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR. Fejn, skond l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-kontroparti nazzjonali tkun magħmula minn nefqa pubblika u privata, it-tabella għandha tagħti t-tqassim indikattiv bejn il-komponent pubbliku tan-nefqa u dak privat. Fejn skond dak l-Artikolu, il-kontroparti nazzjonali tkun magħmula minn nefqa pubblika, it-tabella għandha tindika l-ammont tal-kontribuzzjoni pubblika nazzjonali;

7) informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' miżuri finanzjati mill-FAEŻR u dawk finanzjati mill-FES, fejn relevanti;

8) id-dispożizzjonijiet implementattivi għall-programm operattiv, inklużi:

(a) in-nomina mill-Istati Membri ta' l-awtoritajiet kollha msemmija fl-Artikolu 14;

(b) deskrizzjoni tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni;

(ċ) informazzjoni dwar il-korp kompetenti sabiex jirċievi l-ħlasijiet magħmulin mill-Kummissjoni u l-korp jew il-korpi responsabbli sabiex jagħmlu ħlasijiet lill-benefiċjarji;

(d) definizzjoni tal-proċeduri għall-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta' flussi ta' fondi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tagħhom;

(e) l-elementi mmirati sabiex jiġu żgurati l-pubbliċità u l-informazzjoni tal-programm operattiv kif imsemmi fl-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

(f) deskrizzjoni tal-proċeduri miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-iskambju ta' data kompjuterizzata sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' ħlas, ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

9) lista indikattiva ta' proġetti maġġuri fis-sens ta' l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 mistennija li tiġi preżentata matul il-perjodu ta' programmazzjoni għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.



TAQSIMA 2

Eliġibbiltà

Artikolu 13

Regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa

Ir-regoli nazzjonali relevanti miftehmin mill-Istati Membri parteċipanti fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandhom japplikaw sabiex tiġi determinata l-eliġibbiltà ta' l-infiq ħlief fejn ikunu stabbiliti regoli Komunitarji.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond l-Artikolu 56(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, regoli komuni dwar l-eliġibbiltà ta' l-infiq skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Fejn l-Artikolu 7 jipprevedi regoli differenti għall-eliġibbiltà ta' l-infiq fi Stati Membri differenti li jipparteċipaw fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, għandhom japplikaw ir-regoli ta' eliġibbiltà l-aktar estensivi fil-qasam tal-programm kollu.



TAQSIMA 3

Ġestjoni, monitoraġġ u kontroll

Artikolu 14

In-nomina ta' l-awtoritajiet

1.  L-Istati Membri li jieħdu sehem fi programm operattiv għandhom jaħtru awtorità ta' ġestjoni waħda, awtorità ta' ċertifikazzjoni waħda u awtorità ta' verifika waħda, b'dan ta' l-aħħar ikun jinsab fl-Istat Membru ta' l-awtorità ta' ġestjoni. L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tirċievi l-ħlasijiet magħmulin mill-Kummissjoni u, bħala regola ġenerali, għandha tagħmel il-ħlasijiet lill-benefiċjarju ewlieni.

L-awtorità ta' ġestjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri rappreżentati fil-qasam tal-programm, għandha tistabbilixxi segretarjat tekniku konġunt. Dan ta' l-aħħar għandu jgħin lill-awtorità ta' ġestjoni u lill-kumitat ta' monitoraġġ, u, fejn ikun il-każ, lill-awtorità ta' verifika, fit-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom.

2.  L-awtorità ta' verifika għall-programm operattiv għandha tkun assistita minn grupp ta' awdituri li jkun jikkonsisti minn rappreżentant ta' kull Stat Membru li jipparteċipa fil-programm operattiv u li jwettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. Il-grupp ta' awdituri għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard minn tliet xhur mid-deċiżjoni li tapprova l-programm operattiv. Dan għandu jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Dan għandu jkun presedut mill-awtorità ta' verifika għall-programm operattiv.

L-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu b'unanimità li l-awtorità ta' verifika tkun awtorizzata li twettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 b'mod dirett fit-territorju kollu kopert mill-programm mingħajr il-ħtieġa ta' grupp ta' awdituri kif definit fl-ewwel subparagrafu.

L-awdituri għandhom ikunu indipendenti mis-sistema ta' kontroll imsemmija fl-Artikolu 16(1).

3.  Kull Stat Membru li jipparteċipa fil-programm operattiv għandu jinnomina rappreżentanti fil-kumitat ta' monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Artikolu 15

Funzjoni ta' l-awtorità ta' ġestjoni

1.  L-awtorità ta' ġestjoni għandha twettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, ħlief għal dawk li jikkonċernaw ir-regolarità ta' l-operazzjonijiet u l-infiq relattivament għar-regoli nazzjonali u Komunitarji, kif stabbilit taħt il-punt (b) ta' dak Artikolu. F'dan ir-rigward, hija għandha tara li n-nefqa ta' kull benefiċjarju li jipparteċipa f'operazzjoni tkun ġiet validata mill-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 16(1) ta' dan ir-Regolament.

2.  L-awtorità ta' ġestjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti implementattivi għal kull operazzjoni, fejn ikun il-każ bi qbil mal-benefiċjarju ewlieni.

Artikolu 16

Sistema ta' kontroll

1.  Sabiex l-infiq jiġi validat, kull Stat Membru għandu joħloq sistema ta' kontroll li tagħmilha possibbli li jiġu verifikati l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati, il-korrettezza tan-nefqa dikjarata għall-operazzjonijiet jew partijiet mill-operazzjonijiet li jkunu ġew implementati fit-territorju tiegħu, u l-konformità ta' tali nefqa u ta' operazzjonijiet relatati, jew ta' partijiet minn dawk l-operazzjonijiet, mar-regoli Komunitarji u dawk nazzjonali tiegħu.

Għal din il-fini kull Stat Membru għandu jinnomina l-kontrolluri responsabbli għall-verifika tal-legalità u r-regolarità tan-nefqa dikjarata minn kull benefiċjarju li jipparteċipa fl-operazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinnominaw kontrollur wieħed għall-qasam tal-programm kollu.

Fejn il-kunsinna ta' prodotti u servizzi ko-finanzjati tkun tista' tiġi verifikata biss fir-rigward ta' l-operazzjoni sħiħa, il-verifika għandha titwettaq mill-kontrollur ta' l-Istat Membru fejn ikun jinsab il-benefiċjarju ewlieni, jew mill-awtorità ta' ġestjoni.

2.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li n-nefqa tkun tista' tiġi validata mill-kontrolluri fi żmien ta' tliet xhur.

Artikolu 17

Amministrazzjoni finanzjarja

1.  L-għajnuna tal-FEŻR għandha titħallas f'kont wieħed mingħajr sub-kontijiet nazzjonali.

2.  Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri sabiex dawn jiskopru u jikkorreġu irregolaritajiet u sabiex jirkupraw dawk l-ammonti ta' flus li tħallsu b'mod indebitu, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tiżgura li kull ammont imħallas bħala riżultat ta' irregolarità jiġi rkuprat mill-benefiċjarju ewlieni. Il-benefiċjarji għandhom iħallsu lura lill-benefiċjarju ewlieni kull ammont imħallas b'mod indebitu skond il-ftehim li jeżisti bejniethom.

3.  Jekk il-benefiċjarju ewlieni ma jirnexxilux jikseb il-ħlas lura minn benefiċjarju, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-benefiċjarju konċernat għandu jirrimborsa lill-awtorità ta' ċertifikazzjoni għall-ammont ta' flus li jkun tħallas b'mod indebitu lil dak il-benefiċjarju.

Artikolu 18

Raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali

L-Istati Membri li jipparteċipaw fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea jistgħu jagħmlu użu minn raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) ( 10 ) bil-ħsieb li jagħmlu dak ir-raggruppament responsabbli għall-amministrazzjoni tal-programm operattiv billi jiġi konferit lilu r-responsabbiltajiet ta' l-awtorità ta' ġestjoni u tas-segretarjat tekniku konġunt. F'dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jkompli jassumi responsabbiltà finanzjarja.



TAQSIMA 4

Operazzjonijiet

Artikolu 19

Għażla ta' operazzjonijiet

1.  L-operazzjonijiet magħżulin għall-programmi operattivi mmirati lejn l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali kif imsemmi fil-punt (1) ta' l-Artikolu 6 u maħsubin sabiex jistabbilixxu u jiżviluppaw koperazzjoni transnazzjonali kif imsemmi fil-punt (2) ta' l-Artikolu 6 għandhom jinkludu benefiċjarji minn mill-inqas żewġ pajjiżi, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru, li għandhom jikkoperaw f'mill-inqas tnejn mill-modi li ġejjin għal kull operazzjoni: l-iżvilupp konġunt, l-implementazzjoni konġunta, il-forniment konġunt ta' persunal u l-finanzjament konġunt.

L-operazzjonijiet magħżulin li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmijin hawn fuq jistgħu jiġu implementati f'pajjiż wieħed sakemm dawn ikunu ġew preżentati minn entitajiet li jkunu jappartjenu għal mill-inqas żewġ pajjiżi.

Il-kondizzjonijiet imsemmijin hawn fuq ma għandhomx japplikaw għal dawk l-azzjonijiet taħt il-Programm PEACE imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-punt (1) ta' l-Artikolu 6.

2.  L-operazzjonijiet magħżulin għal programmi operattivi li jinvolvu l-koperazzjoni inter-reġjonali, kif imsemmi fil-punt (3)(a) ta' l-Artikolu 6, għandhom jinkludu benefiċjarji, fuq livell reġjonali jew lokali, minn mill-inqas:

(a) tliet Stati Membri, jew

(b) tliet pajjiżi, li minnhom mill-inqas tnejn għandhom ikunu Stati Membri, fejn benefiċjarju ta' pajjiż terz ikun involut.

L-operazzjonijiet magħżulin għal programmi operattivi kif imsemmi fil-punt (3)(b) ta' l-Artikolu 6 għandhom, meta jkun possibbli skond it-tip ta' l-operazzjoni, japplikaw il-kondizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-benefiċjarji għandhom jikkoperaw bil-modi li ġejjin għal kull operazzjoni: l-iżvilupp konġunt, l-implementazzjoni konġunta, il-forniment konġunt ta' persunal u l-finanzjament konġunt.

3.  Addizzjonalment għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-kumitat ta' monitoraġġ, jew kumitat ta' tmexxija li jirrapporta lilu, għandu jkun responsabbli mill-għażla ta' l-operazzjonijiet.

Artikolu 20

Responsabbilitajiet tal-benefiċjarju ewlieni u l-benefiċjarji l-oħra

1.  Għal kull operazzjoni għandu jinħatar benefiċjarju ewlieni mill-benefiċjarji minn fosthom stess. Il-benefiċjarju ewlieni għandu jassumi r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a) għandu jistabbilixxi l-arranġamenti dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni fi ftehim li jkun jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati lill-operazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' ammonti ta' flus mħallsa indebitament;

(b) għandu jkun responsabbli milli jiżgura l-implementazzjoni ta' l-operazzjoni kollha;

(ċ) għandu jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni jkunu tħallsu bil-għan li jimplementaw l-operazzjoni u li din tkun tikkorrispondi ma' l-attivitajiet miftiehma bejn dawk il-benefiċjarji;

(d) għandu jivverifika li n-nefqa preżentata mill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni tkun ġiet validata mill-kontrolluri;

(e) għandu jkun responsabbli sabiex jittrasferixxi l-kontribuzzjoni tal-FEŻR lill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni.

2.  Kull benefiċjarju li jipparteċipa fl-operazzjoni għandu:

(a) jassumi responsabbiltà fil-każ ta' kwalunkwe irregolarità fin-nefqa li huwa jkun iddikjara;

(b) jinforma lill-Istat Membru li fih ikun jinsab dwar il-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni fil-każ li dan l-Istat Membru nnifsu ma jkunx qiegħed jipparteċipa fil-programm operattiv konċernat.

Artikolu 21

Kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-lokalità ta' l-operazzjonijiet

1.  Fil-kuntest tal-koperazzjoni trans-konfinali, u f'każijiet li jkunu ġustifikati kif dovut, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa magħmula fl-implementazzjoni ta' l-operazzjonijiet jew ta' partijiet ta' l-operazzjonijiet sa limitu ta' 20 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat f'żoni tal-livell NUTS 3 li jkunu kontigwi għaż-żoni eliġibbli għall-programm imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jew li jkunu mdawra b'tali żoni kontigwi. F'każijiet eċċezzjonali kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, din il-flessibbiltà għandha tkun estiża għaż-żoni li huma tal-livell NUTS 2 li fihom jinsabu ż-żoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Fil-livell ta' proġettazzjoni, tista' tkun eliġibbli nefqa magħmula minn imsieħba li jinsabu barra miż-żona tal-programm kif definit fl-ewwel subparagrafu, jekk il-proġett ikun tali li jkollu diffikultà sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu mingħajr il-parteċipazzjoni ta' dak l-imsieħeb.

2.  Fil-kuntest ta' koperazzjoni transnazzjonali, u f'każijiet ġustifikati kif dovut, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa magħmula minn imsieħba li jinsabu barra miż-żona parteċipanti f'operazzjonijiet sa limitu ta' 20 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat, fejn tali nefqa tkun maħsuba għall-benefiċċju tar-reġjuni fil-qasam ta' l-objettiv ta' koperazzjoni.

3.  Fil-kuntest ta' koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa li tkun saret sabiex jiġu implementati operazzjonijiet jew partijiet minn operazzjonijiet fit-territorju tal-pajjiżi barra mill-Komunità Ewropea sa limitu ta' 10 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat, fejn dan ikun maħsub għall-benefiċċju tar-reġjuni tal-Komunità.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-legalità u r-regolarità ta' dan l-infiq. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tikkonferma l-għażla ta' l-operazzjonijiet barra miż-żoni eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.  Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1783/1999, jew ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2006, li għandhom konsegwentement japplikaw minn hemm 'il quddiem għal dik l-għajnuna jew il-proġetti konċernati sakemm jagħlqu.

2.  L-applikazzjonijiet magħmulin taħt ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 23

Taħsir

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2.  Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2013 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 162 tat-Trattat.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 91.

( 2 ) ĠU C 231, 20.9.2005, p. 19.

( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2006(għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 5 ) ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).

( 6 ) Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 7 ) Ara paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 8 ) ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1

( 9 ) ĠU L 213, 13.8.1999, p. 1.

( 10 ) Ara paġna 19 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

Top