EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02006R0561-20200820

Consolidated text: Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (Test b' rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/561/2020-08-20

02006R0561 — MT — 20.08.2020 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 561/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Marzu 2006

dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85

(Test b' rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 102 11.4.2006, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 1073/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Ottubru 2009

  L 300

88

14.11.2009

►M2

REGOLAMENT (UE) Nru 165/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta' Frar 2014

  L 60

1

28.2.2014

►M3

REGOLAMENT (UE) 2020/1054 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Lulju 2020

  L 249

1

31.7.2020


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 195, 20.7.2016, p.  83 (561/2006)




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 561/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Marzu 2006

dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85

(Test b' rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET TA' INTRODUZZJONI

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-modi ta' trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta' monitoraġġ u ta' infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta' xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.

Artikolu 2

1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:

(a) 

ta' merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it-3,5 tunnellati, jew

▼M3

(aa) 

mill-1 ta’ Lulju 2026, għat-trasport ta’ merkanzija f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali jew f’operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, fejn il-massa massima permissibbli tal-vettura, inkluż kwalunkwe trejler, jew semitrejler, taqbeż it-2,5 tunnellati; jew

▼B

(b) 

ta' passiġġieri b'vetturi li huma magħmula jew addattati b'mod permanenti sabiex iġorru aktar minn disa' persuni nkluż ix-xufier, u li huma ntiżi għal dak l-iskop.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika, irrispettivament mill-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, għat-trasport bit-triq li jsir:

(a) 

esklużivament fil-Komunità; jew

(b) 

bejn il-Komunità, l-Isvizzera u l-pajjiżi li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.  L-AETR għandu japplika, minflok dan ir-Regolament, għal operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali bit-triq li parti minnhom issir barra ż-żoni msemmija fil-paragrafu 2, għal:

(a) 

vetturi reġistrati fil-Komunità jew f'pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-AETR, għall-vjaġġ kollu;

(b) 

vetturi rreġistrati f'pajjiż terz li ma hux parti kontraenti għall-AETR, għal dik il-parti biss tal-vjaġġ fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-AETR.

Id-disposizzjonijiet ta' l-AETR għandhom isiru konformi ma' dawk ta' dan ir-Regolament, sabiex id-disposizzjonijiet prinċipali f'dan ir-Regolament japplikaw, permezz ta' l-AETR, għal tali vetturi għal kwalunkwe parti tal-vjaġġ li jsir fil-Komunità.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta':

(a) 

vetturi wżati għat-trasport tal-passiġġieri b'servizzi regolari fejn ir-rotta koperta minn dan is-servizz ma taqbiżx il-50 kilometru;

▼M3

(aa) 

vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi b’massa permissibbli massima li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati li jintużaw:

(i) 

għall-ġarr ta’ materjali, tagħmir jew makkinarju għall-użu tax-xufier matul xogħol ix-xufier, jew

(ii) 

għall-konsenja ta’ merkanzija li hija maħduma fuq bażi artiġġjanali,

biss f’raġġ ta’ 100 km mis-sede tal-impriża u bil-kundizzjoni li s-sewqan tal-vettura ma jikkostitwixxix l-attività ewlenija tax-xufier u li t-trasport ma jsirx b’kiri jew b’kumpens;

▼B

(b) 

vetturi b'velocità massima awtorizzata li ma taqbiżx l-40 kilometru fis-siegħa;

(ċ) 

vetturi li jkunu proprjetà ta', jew mikrija mingħajr xufier, mis-servizzi armati, is-servizzi tad-difiża ċivili, s-servizzi għat-tifi tan-nar u l-forzi responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni pubblika fejn it-trasport isir bħala konsegwenza ta' l-obbligi mogħtija lil dawn is-servizzi u jkun taħt il-kontroll tagħhom;

(d) 

vetturi inklużi vetturi użati f'operazzjonijiet ta' trasport mhux kummerċjali għat-trasport ta' għajnuna umanitarja wżati f'emerġenzi jew f'operazzjonijiet ta' salvataġġ;

(e) 

vetturi speċjalizzati wżati għal skopijiet mediċi;

(f) 

vetturi speċjalizzati ta' assistenza f'każ ta' ħsara li joperaw f'raġġ ta' 100 km mill-bażi tagħhom;

(g) 

vetturi li jkunu qed isirulhom testijiet fit-triq għal żvilupp tekniku, għal tiswija jew għal skop ta' manutenzjoni, u vetturi ġodda jew li ġew mibnija mill-ġdid li ma jkunux għadhom tqiegħdu fis-servizz;

(h) 

vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'massa massima permissibbli li ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati wżati għat-trasport mhux kummerċjali ta' merkanzija;

▼M3

(ha) 

vetturi b’massa permissibbli massima, inkluż kwalunkwe trejler, jew semitrejler li jaqbeż it-2,5 tunnellati iżda li ma jaqbiżx it-3,5 tunnellati li huma użati għat-trasport ta’ merkanzija, fejn it-trasport ma jsirx b’kiri jew b’kumpens, iżda għall-kont proprju tal-kumpanija jew tax-xufier, u meta s-sewqan ma jikkostitwixxix l-attività ewlenija tal-persuna li ssuq il-vettura;

▼B

(i) 

vetturi kummerċjali, li għandhom stat storiku skond il-liġi ta' l-Istat Membru li fih ikunu misjuqa, u li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali ta' passiġġieri jew ta' merkanzija.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“trasport bit-triq” tfisser kull vjaġġ li jsir kollu jew parti minnu f'toroq miftuħa għall-pubbliku minn vettura, kemm jekk ikollha tagħbija jew le, wżata għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;

(b) 

“vettura” tfisser vettura bil-mutur, tractor, karru jew nofs-karru jew kombinazzjoni ta' dawn il-vetturi, definiti kif ġej:

— 
“vettura bil-mutur”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u li normalment tintuża għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;
— 
tractor”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u maħsuba speċjalment biex tiġbed, timbotta jew iċċaqlaq karrijet, nofs-karrijiet, għodod jew magni;
— 
“karru”: kull vettura ddisinjata sabiex tingħaqad ma' vettura bil-mutur jew tractor;
— 
“nofs-karru”: karru mingħajr fus tar-rota ta' quddiem ikkombinat b'tali mod li parti sostanzjali mill-piż tiegħu u l-piż tat-tagħbija tiegħu jinġarru miit-tractor jew il-vettura bil-mutur;
(ċ) 

“xufier” tfisser kull persuna li ssuq il-vettura anki jekk għal perijodu qasir, jew li tkun qed tinġarr fil-vettura bħala parti mid-doveri tagħha, sabiex tkun disponibbli għas-sewqan jekk ikun hekk meħtieġ;

(d) 

“pawżi” tfisser kull perijodu li fih ix-xufier ma jistax iwettaq sewqan jew xogħol ieħor u li jintuża esklużivament għall-irkupru;

(e) 

“xogħol ieħor” tfisser l-attivitajiet kollha li huma definiti bħala ħin ta' xogħol fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE ħlief “sewqan”, inkluż kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem, kemm fis-settur kif ukoll barra s-settur tat-trasport;

(f) 

“perijodu ta' mistrieħ” tfisser kwalunkwe perijodu bla interruzzjoni li fih ix-xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu;

(g) 

“perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser il-perijodu ta' kuljum li fih xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” u “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum”:

— 
“perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta' mistrieħ ta' mill-inqas 11-il siegħa. Bħala alternattiva, dan il-perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jittieħed f'żewġ perijodi, l-ewwel wieħed għandu jkun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 3 sigħat u t-tieni wieħed ikun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 9 sigħat;
— 
“perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu ta' mistrieħ ta' mill-inqas 9 sigħat imma anqas minn 11-il siegħa;
(h) 

“perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser perijodu ta' kull ġimgħa li matulu xufier jista' juża l-ħin tiegħu kif irid u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa” u “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ fil-ġimgħa”.

— 
“perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kwalunkwe perijodu ta' mistrieħ mill-inqas ta' 45 siegħa;
— 
“perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kull perijodu ta' mistrieħ ta' anqas minn 45 siegħa, li jista', bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), jitqassar għal minimu ta' 24 siegħa konsekuttivi;
(i) 

“ġimgħa” tfisser il-perijodu ta' ħin bejn 00.00 tat-Tnejn u 24.00 tal-Ħadd;

(j) 

“ħin tas-sewqan” tfisser it-tul ta' attività tas-sewqan irreġistrata:

— 
awtomatikament jew semi-awtomatikament permezz tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni kif definit fl-Anness I u l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85; jew
— 
manwalment kif mitlub fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3281/85
(k) 

“ħin ta' sewqan ta' kuljum” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta' sewqan bejn it-tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ wieħed ta' kuljum u l-bidu tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' wara jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa;

(l) 

“ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta'sewqan f'ġimgħa;

(m) 

“massa massima permissibbli” tfisser il-massa massima awtorizzata li tista' topera biha l-vettura li jkolha tagħbija sħiħa;

(n) 

“servizzi regolari tal-passiġġieri” tfisser is-servizzi nazzjonali u internazzjonali kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas-16 ta' Marzu 1992 dwar ir-regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri b'coach u b'xarabank ( 1 );

(o) 

“multi-manning” tfisser is-sitwazzjoni fejn, matul kull perijodu ta' sewqan bejn kwalunkwe żewġ perijodu konsekuttivi ta' mistrieħ ta' kuljum, jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, hemm mill-inqas żewġ sewwieqa fil-vettura biex jagħmlu s-sewqan. Għall-ewwel siegħa ta' multi-manning il-preżenza ta' sewwieq ieħor jew sewwieqa oħra mhijiex obbligatorja iżda għall-bqija tal-perijodu hija obbligatorja;

(p) 

“impriża tat-trasport” tfisser kull persuna naturali, kull persuna fiżika, kull assoċjazzjoni jew grupp ta' persuni mingħajr personalità legali, kemm jekk jagħmlu profitt u kemm jekk le, jew kull korp uffiċjali, kemm jekk għandu personalità ġuridika u kemm jekk jiddependi fuq awtorità li għandha din il-personalità, li jwettqu trasport bit-triq, kemm jekk b'kiri jew b'kumpens jew b'akkont tal-persuna nnifisha;

(q) 

“Perijodu ta' sewqan” ifisser il-ħin ta' sewqan akkumulat minn meta xufier jibda jsuq wara perijodu ta' mistrieħ jew pawża sakemm hu jieħu perijodu ta' mistrieħ jew pawża. Il-perijodu ta' sewqan jista' jkun kontinwu jew imqassam;

▼M3

(r) 

“trasport mhux kummerċjali” tfisser kwalunkwe trasport bit-triq, għajr trasport b’kiri jew kumpens jew għall-kont proprju, li għalih ebda remunerazzjoni diretta jew indiretta ma tiġi riċevuta u li ma jiġġenera ebda dħul direttament jew indirettament għax-xufier tal-vettura jew għal oħrajn, u fejn ma jkun hemm ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali.

▼B



KAPITOLU II

EKWIPAĠĠ, ĦINIJIET TAS-SEWQAN, PAWŻI U PERIJODI TA' MISTRIEĦ

Artikolu 5

1.  L-età minima għal kundutturi għandha tkun ta' 18-il sena.

2.  L-età minima għal assistenti tax-xufiera għandha tkun ta' 18-il sena. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-età minima għal assistenti tax-xufiera għal 16-il sena kemm-il darba:

(a) 

it-trasport bit-triq isir fi Stat Membru f'raġġ ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura hija bbażata, inklużi żoni amministrattivi lokali li għandhom iċ-ċentru tagħhom f'dak ir-raġġ,

(b) 

it-tnaqqis huwa għal skopijiet ta' taħriġ vokazzjonali; u

(ċ) 

ikun hemm konformità mal-limiti imposti mir-regoli nazzjonali ta' l-Istat Membru dwar kwistjonijiet ta' impjieg.

Artikolu 6

1.  Il-ħin ta' sewqan ta' kuljum ma għandux jeċċedi d-disa' sigħat.

Madankollu, il-ħin ta' sewqan ta' kuljum jista jiġi estiż għal massimu ta' 10 sigħat mhux aktar minn darbtejn f'ġimgħa.

2.  Il-ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa ma għandux jeċċedi is-56 siegħa u ma għandux jeċċedi l-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa kif stabbilit fid-Direttiva 2002/15/KE.

3.  It-total tal-ħin akkumulat tas-sewqan matul kull ġimagħtejn konsekuttivi ma għandux jeċċedi 90 siegħa.

4.  Il-ħinijiet tas-sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa għandhom jinkludu l-ħin kollu ta' sewqan fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiz terz.

▼M3

5.  Xufier għandu jirreġistra bħala xogħol ieħor kwalunkwe ħin li jqatta’ kif deskritt fil-punt (e) tal-Artikolu 4 kif ukoll kwalunkwe ħin li jqatta’ jsuq vettura li tintuża għal operazzjonijiet kummerċjali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kwalunkwe perijodu ta’ disponibbiltà, kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15/KE, f’konformità mal-punt (b)(iii) tal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ). Dan ir-rekord għandu jitniżżel manwalment fuq folja ta’ reġistrazzjoni jew fuq karta stampata jew permezz ta’ faċilitajiet oħra ta’ reġistrazzjoni manwali fuq tagħmir ta’ reġistrazzjoni.

▼B

Artikolu 7

Wara perijodu ta' sewqan ta' erba' sigħat u nofs, xufier għandu jieħu pawża bla interruzzjoni ta' mhux anqas minn ħamsa u erbgħin minuta, sakemm ma jieħux perijodu ta' mistrieħ.

Din il-pawża tista' tiġi mibdula minn pawża ta' mill-inqas 15-il minuta li tiġi segwita minn pawża ta' mill-inqas 30 minuta kull waħda mqassma fuq il-perijodu b'tali mod li tikkonforma mad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1.

▼M3

Xufier li jwettaq multimanning jista’ jieħu pawża ta’ 45 minuta f’vettura misjuqa minn xufier ieħor diment li x-xufier li jkun qed jieħu l-pawża ma jkunx involut f’assistenza lix-xufier li jkun qed isuq il-vettura.

▼B

Artikolu 8

1.  Ix-xufier għandu jieħu perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa.

2.  F'kull perijodu ta' 24 siegħa wara t-tmiem tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' qabel jew il-perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' qabel ix-xufier għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum.

Jekk il-porzjon tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum li taqa' f'dak il-perijodu ta' 24 siegħa huwa mhux inqas minn 9 sigħat imma inqas minn 11-il siegħa, il-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum għandu jitqies bħala perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum.

3.  Perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jkun estiż biex jagħmel perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa jew perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

4.  Xufier jista' jkollu ta' l-aktar tliet perijodi mnaqqsa ta' mistrieħ ta' kuljum bejn kull żewġ perijodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

5.  B'deroga mill-paragrafu 2, fi żmien 30 siegħa minn tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa, xufier li jkun għamel “multi-manning” għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum ta' mhux inqas minn 9 sigħat.

▼M3

6.  Fi kwalunkwe ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

(a) 

żewġ perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, jew

(b) 

perijodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u perijodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa.

Perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt perijodi ta’ 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa preċedenti.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, xufier involut fit-trasport internazzjonali ta’ merkanzija jista’, barra mill-Istat Membru ta’ stabbiliment, jieħu żewġ perijodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, sakemm ix-xufier fi kwalunkwe erba’ ġimgħat konsekuttivi jieħu mill-inqas erba’ perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, xufier għandu jitqies li huwa involut fit-trasport internazzjonali meta x-xufier jibda ż-żewġ perijodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa barra mill-Istat Membru tal-istabbiliment tal-impjegatur u l-pajjiż tal-post ta’ residenza tax-xufiera.

▼M1

6a.  B’ deroga mill-paragrafu 6, sewwieq li jkun qed iwettaq servizz wieħed okkażjonali ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank ( 3 ), jista’ jipposponi l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa b’sa 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa wara perjodu regolari preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, kemm-il darba:

(a) 

is-servizz idum għallinqas 24 siegħa konsekuttiva fi Stat Membru jew pajjiż terz li għalih ikun japplika dan ir-Regolament u li ma jkunx dak fejn ikun beda s-servizz;

(b) 

is-sewwieq jieħu, wara l-użu tad-deroga:

(i) 

jew żewġ perjodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa; jew

(ii) 

perjodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u perjodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat b’perjodu ta’ mistrieħ li jittieħed f’daqqa qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ deroga;

(c) 

wara l-1 ta’ Jannar 2014, il-vettura tkun mgħammra b’ apparat ta’ reġistrazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85; u

(d) 

wara l-1 Jannar 2014, jekk is-sewqan isir matul il-perjodu mill-22:00 sas-06:00, il-vettura ikollha ekwipaġġ ta’ aktar minn persuna waħda jew il-perjodu ta’ sewqan imsemmi fl-Artikolu 7 jitnaqqas għal tliet sigħat.

Il-Kummissjoni għandha timmoniterja mill-qrib l-użu li jsir minn din id-deroga biex tiżgura li l-preservazzjoni tas-sikurezza fit-toroq taħt kundizzjonijiet stretti ħafna, b’mod partikolari billi tiċċekkja li l-ħin ta’ sewqan totali akkumulat matul il-perjodu kopert mid-deroga ma jkunx eċċessiv. Sal-4 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jevalwa l-konsegwenzi tad-deroga fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq kif ukoll l-aspetti soċjali. Jekk tqis li dan ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi emenda għal dan ir-Regolament f’dan ir-rigward.

▼M3

6b.  Kwalunkwe tnaqqis fil-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jiġi kkumpensat b’perijodu ta’ mistrieħ ekwivalenti meħud f’daqqa qabel tmiem it-tielet ġimgħa ta’ wara l-ġimgħa inkwistjoni.

Meta żewġ perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jkunu ttieħdu konsekuttivament f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 6, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa li jmiss għandu jiġi preċedut minn perijodu ta’ mistrieħ meħud bħala kumpens għal dawk iż-żewġ perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

▼B

7.  Kwlaunkwe mistrieħ meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa għandu jittieħed flimkien ma' perijodu ieħor ta' mistrieħ ta' mill-inqas disa' sigħat.

▼M3

8.  Il-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perijodi mnaqqas preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ma għandhomx jittieħdu f’vettura. Dawn għandhom jittieħdu f’akkomodazzjoni xierqa u li tirrispetta l-ġeneri, b’faċilitajiet tal-irqad u sanitarji adegwati.

Kwalunkwe spiża għall-akkomodazzjoni barra mill-vettura għandu jagħmel tajjeb għaliha l-impjegatur.

▼M3

8a.  Impriżi tat-trasport għandhom jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b’tali mod li x-xufiera jkunu jistgħu jirritornaw fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur fejn ix-xufier ikun normalment ibbażat u fejn jibda l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa tax-xufier, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impjegatur, jew ikunu jistgħu jirritornaw fil-post ta’ residenza tax-xufiera f’kull perijodu ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi, sabiex iqattgħu mill-inqas perijodu regolari wieħed ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jew perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

Madankollu, fejn ix-xufier ikun ħa żewġ perijodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa skont il-paragrafu 6, l-impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufier b’tali mod li x-xufier ikun diġà jista’ jirritorna qabel il-bidu tal-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens.

L-impriża għandha tiddokumenta kif tissodisfa dak l-obbligu u għandha żżomm id-dokumentazzjoni fil-bini tagħha sabiex tippreżentaha fuq talba tal-awtoritajiet ta’ kontroll.

▼B

9.  Perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa li jiġi f'ġimagħtejn jista' jitqies f'xi waħda minn dawk il-ġimagħt, iżda mhux fit-tnejn.

▼M3

10.  Sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar jekk jistgħux jiġu adottati regoli aktar adatti għax-xufiera involuti fis-servizzi okkażjonali ta’ trasport ta’ passiġġieri, kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009.

Artikolu 8a

1.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri tkun faċilment aċċessibbli għax-xufiera involuti fit-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri bit-triq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista taż-żoni ta’ parkeġġ kollha li jkunu ġew iċċertifikati, sabiex ix-xufiera jkunu pprovduti b’mod adegwat bi:

— 
prevenzjoni u identifikazzjoni ta’ intrużjoni;
— 
dawl u viżibbiltà;
— 
punt ta’ kuntatt u proċeduri ta’ emerġenza;
— 
faċilitajiet sanitarji li jirrispettaw il-ġeneri;
— 
għażliet ta’ xiri ta’ ikel u xorb;
— 
konnessjonijiet ma’ mezzi ta’ komunikazzjoni;
— 
provvista tal-enerġija.

Il-lista ta’ tali żoni ta’ parkeġġ għandha tkun disponibbli fuq sit elettroniku uffiċjali uniku li jiġi aġġornat regolarment.

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23a biex tistabbilixxi standards li jipprovdu aktar dettalji dwar il-livell ta’ servizz u sigurtà fir-rigward taż-żoni elenkati fil-paragrafu 1 u dwar il-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ.

3.  Iż-żoni ta’ parkeġġ kollha li jkunu ġew iċċertifikati jistgħu jindikaw li huma ċċertifikati f’konformità mal-istandards u l-proċeduri tal-Unjoni.

F’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), l-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ spazju għall-parkeġġ għall-utenti kummerċjali tat-toroq.

4.  Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet xierqa ta’ mistrieħ għax-xufiera u ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ siguri, kif ukoll dwar l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati f’konformità mal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2. Dak ir-rapport jista’ jelenka miżuri biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri.

▼B

Artikolu 9

▼M3

1.  B’deroga mill-Artikolu 8, meta xufier jakkumpanja vettura li tkun qed tiġi ttrasportata fuq bastiment jew fuq ferrovija, u jieħu perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum jew perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, dak il-perijodu jista’ jiġi interrott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li flimkien ma għandhomx jammontaw għal iktar minn siegħa. Matul dak il-mistrieħ regolari ta’ kuljum jew il-perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa x-xufier għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu aċċess għal kabina tal-irqad, sodda jew couchette.

Fir-rigward tal-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa, dik id-deroga għandha tapplika biss għal vjaġġi bil-bastimenti jew bil-ferrovija meta:

(a) 

il-vjaġġ ikun skedat għal 8 sigħat jew aktar; u

(b) 

ix-xufier ikollu aċċess għal kabina tal-irqad fuq il-bastiment jew fuq il-ferrovija.

2.  Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu biex jivvjaġġja lejn post sabiex jieħu pussess ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew biex jirritorna minn tali post, fejn il-vettura mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-impjegatur fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, m’għandux jitqies bħala perijodu ta’ mistrieħ jew pawża sakemm ix-xufier mhuwiex fuq vapur jew ferrovija u għandu aċċess għal kabina tal-irqad, sodda jew couchette.

▼B

3.  Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu bħala sewwieq ta' vettura li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament minn jew lejn il-vettura li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, li mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta' operazzjonijiet ta' min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, għandu jitqies bħala “xogħol ieħor”.

▼M3

Artikolu 9a

Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tfassal u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa l-użu ta’ sistemi tas-sewqan awtonomi fl-Istati Membri. Dak ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-impatt potenzjali ta’ dawk is-sistemi fuq ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

▼B



KAPITOLU III

RESPONSABBILTÀ TA' L-IMPRIŻA TAT-TRASPORT

Artikolu 10

▼M3

1.  Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta’ bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ, il-veloċità tal-konsenja u/jew l-ammont ta’ merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista’ jipperikola s-sikurezza fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta’ dan ir-Regolament.

▼B

2.  Impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera msemmija fil-paragrafu 1 b'tali mod illi x-xufiera jkunu jistgħu jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament. L-impriża tat-trasport għandha tagħti struzzjonijiet kif jixraq lix-xufier u għandha tagħmel kontrolli regolari sabiex tiżgura l-konformità mar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament.

3.  Impriża tat-trasport hija responsabbli għal ksur li jsir mix-xufiera ta' l-impriża, anki jekk il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

Bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jżommu impriżi tat-trasport kompletament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu din ir-responsabbiltà kondizzjonali fuq il-ksur mill-impriża tal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kull prova li l-impriża tat-trasport ma tistax b'mod raġonevoli tinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar.

4.  Impriżi, kunsinjatarji, burdnara, operaturi ta' ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u l-aġenziji għall-impjieg tax-xufiera għandhom jiżguraw illi l-iskedi tal-ħin tat-trasport miftiehma f'kuntratt iħarsu d-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

5.  

(a) 

Impriża tat-trasport li tuża vetturi li jkunu mgħammra b'tagħmir ta' reġistrazzjoni li jikkonforma ma' l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha:

(i) 

tiżgura illi d-data kollha tkun trasferita mit-tagħmir fil-vettura u mill-card tax-xufier b'mod regolari kif stipulat mill-Istat Membru u li d-data relevanti tkun trasferita aktar ta' spiss sabiex tiżgura li tkun trasferita d-data kollha dwar attivitajiet li jkunu saru minn jew għal dik l-impriża;

(ii) 

tiżgura li d-data kollha trasferita kemm mil-tagħmir fil-vettura kif ukoll mill-card tax-xufier tinżamm mill-inqas għal tnax-il xahar wara li tkun ġiet irrekordjata u jekk tintalab minn uffiċjal awtorizzat li jispezzjona, din id-data hija, jew direttament jew mill-bogħod, mill-fond ta' l-impriża;

(b) 

“trasferiment” f'dan il-paragrafu għandu jkun interpretat skond id-definizzjoni mniżżla fil-Anness I B, Kapitolu I punt (s) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85;

(ċ) 

Il-perijodu massimu li fih d-data relevanti għandha tkun trasferita skond (a)(i) għandu jkun deċiż mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).



KAPITOLU IV

EĊĊEZZJONIJIET

Artikolu 11

Stat Membru jista' japplika minimi itwal ta' pawżi u perijodi ta' mistrieħ jew massimi iqsar ta' ħin ta' sewqan minn dawk imniżżla fl-Artikoli 6 sa 9 fil-każ ta' trasport fit-triq li jsir kollu kemm hu fit-territorju tiegħu. Permezz ta' dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta' ftehim rilevanti kollettivi jew ftehim ieħor bejn l-imsieħba soċjali. Madankollu, r-Regolament għandu jibqa' japplika għal xufiera li jwettqu operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport.

Artikolu 12

Sakemm ma tiġix preġudikata s-sigurtà fit-triq u sabiex il-vetturi jkunu jistgħu jaslu sa post ta' waqfien addatt, ix-xufier jista' jitbiegħed mill-Artikoli 6 sa 9 sal-livell meħtieġ biex jiżgura s-sigurtà tal-persuni, tal-vettura jew tat-tagħbija tagħha. Ix-xufier għandu jindika r-raġuni għaliex ikun hekk tbiegħed b'mod manwali fuq il-folja ta' reġistrazzjoni tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fuq karta stampata mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, mhux aktar tard minn meta jasal f'post adatt għal waqfien.

▼M3

Sakemm b’dan ma tiġix preġudikata s-sikurezza fit-toroq, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ix-xufier jista’ jidderoga wkoll mill-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 8(2) billi jaqbeż il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa b’mhux aktar minn siegħa sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew fir-residenza tax-xufier biex jieħu perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

Taħt l-istess kundizzjonijiet, ix-xufier jista’ jaqbeż il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa b’mhux aktar minn sagħtejn, dment li tkun ittieħdet pawża mhux interrotta ta’ 30 minuta immedjatament qabel is-sewqan addizzjonali sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew il-post ta’ residenza tax-xufier biex jittieħed perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa.

Ix-xufier għandu jindika manwalment fuq il-folja ta’ reġistrazzjoni tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew fuq il-karta stampata mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, ir-raġuni għal tali deroga mhux aktar tard minn meta jasal fid-destinazzjoni jew il-post ta’ waqfien adattat.

Kwalunkwe perijodu ta’ estensjoni għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud f’daqqa ma’ kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ, sa tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa inkwistjoni.

▼B

Artikolu 13

1.  Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta' l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista' jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim ma' l-Istati kkonċernati, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b' dawn li ġejjin:

(a) 

vetturi li huma proprjetà ta', jew li jkunu mikrija mingħajr xufier minn awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu trasport fit-triq li ma jikkompetix ma' impriżi privati tat-trasport;

(b) 

vetturi wżati jew mikrija mingħajr ix-xufier minn impriżi ta' agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd għat-trasport ta' merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża;

(ċ) 

tractors għall-agrikoltura u tractors għall-forestrija wżati għal attivitajiet agrikoli jew ta' forestrija, f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża li tkun il-proprjetarja tal-vettura, jew tikriha jew twelliha;

▼M2

(d) 

vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'massa massima permissibbli li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati użati minn fornituri ta' servizzi universali kif imfisser f'Artikolu 2(13) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewroprew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta' servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz ( 5 ) biex iwasslu oġġetti bħala parti mis-servizz universali.

▼B

Dawn il-vetturi għandhom jintużaw biss f'raġġ ta' ►M2  100 km ◄ mill-bażi ta' l-impriża, u bil-kondizzjoni illi s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività prinċipali tax-xufier;

▼M3

(e) 

vetturi li joperaw b’mod esklużiv fuq gżejjer jew reġjuni iżolati mill-bqija tat-territorju nazzjonali li ma jaqbżux l-2 300  kilometru kwadru li ma jkunux magħquda mal-bqija tat-territorju nazzjonali permezz ta’ pont, baxx fond jew mina miftuħa għall-użu minn vetturi bil-mutur, u li m’għandhomx fruntieri ma xi Stat Membru ieħor;

▼B

(f) 

vetturi wżati għat-trasport tal-merkanzija f'raġġ ta' ►M2  100 km ◄ mill-bażi ta' l-impriża u li jaħdmu bil-gass naturali jew likwifikat jew bl-elettriku b'massa massima permissibbli li, meta jkun inkluż il-piż ta' karru jew nofs-karru, ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati;

(g) 

vetturi wżati għat-tagħlim u l-eżaminazzjoni bl-iskop li tinkiseb liċenzja tas-sewqan jew ċertifikat ta' kompetenza professjonali, sakemm dawn ma jkunux qegħdin jintużaw għat-trasport kummerċjali ta' merkanzija jew ta' passiġġieri;

(h) 

vetturi wżati b'konnessjoni ma' servizzi ta' dranaġġ, ta' protezzjoni mill-għargħar, manutenzjoni ta' l-ilma, gass u elettriku mal-manutenzjoni u l-kontroll tat-toroq, ma' servizzi ta' ġbir ta' skart bieb b'bieb u ta' rimi, servizzi tat-telegraf u telefon, xandir tar-radju u televixin u l-iskoperta ta' trasmettituri u riċevituri tar-radju jew tat-televixin;

(i) 

vetturi b'10 sa 17-il sedil użati esklużivament għat-trasport mhux kummerċjali tal-passiġġieri;

(j) 

vetturi speċjalizzati li jġorru tagħmir taċ-ċirku u ta' fun-fairs;

(k) 

vetturi mgħammra partikolarment għal proġetti mobbli, li l-iskop primarju tagħhom huwa li jintużaw bħala faċilità edukattiva meta jkunu wieqfa;

▼C1

(l) 

vetturi użati għall-ġbir tal-ħalib minn irziezet u/jew għat-twassil lura fl-irziezet ta' kontenituri tal-ħalib jew ta' prodotti tal-ħalib intiżi bħala għalf għall-annimali;

▼B

(m) 

vetturi speċjalizzati li jġorru flus u/jew oġġetti ta' valur;

(n) 

vetturi wżati sabiex iġorru skart jew karkassi ta' annimali li ma jkunux intiżi għall-konsum mill-bniedem;

(o) 

vetturi wżati esklużivament f'toroq li jinsabu f'faċilitajiet ċentrali ta' attività bħal portijiet, interportijet u termini tal-ferrovija;

(p) 

vetturi wżati għat-trasport ta' annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċi-versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali f'distanza ta' mhux aktar minn ►M2  100 km ◄ ;

▼M3

(q) 

vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li jkunu qed iġorru makkinarju tal-kostruzzjoni għal impriża tal-kostruzzjoni, sa raġġ ta’ 100 km mill-bażi tal-impriża, dment li s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività ewlenija tax-xufier;

(r) 

vetturi użati għat-twassil ta’ konkos imħallat lest.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet mogħtija taħt il-paragrafu 1 u l-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

3.  Sakemm ma jiġux preġudikati l-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 1 u tingħata protezzjoni xierqa lix-xufiera, Stat Membru jista', wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, jagħti eżenzjonijiet żgħar minn dan ir-Regolament fit-territorju tiegħu għal vetturi li jintużaw f'żoni li jiġu stabbiliti minn qabel b'densità tal-popolazzjoni ta' anqas minn 5 persuni għal kull kilometru kwadru, fil-każijiet li ġejjin:

— 
servizzi domestiċi regolari tal-passiġġieri, fejn l-iskeda tagħhom tkun konfermata mill-awtoritajiet (u f'dan il-każ eżenzjonjiet rigward pawżi biss huma permessi), u
— 
operazzjonijiet domestiċi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq fuq akkont ta' persuna nnifisha jew b'kiri jew b'kumpens, li ma għandhomx impatt fuq is-suq intern u li huma bżonnjużi sabiex imantnu ċerti setturi ta' l-industrija fit-territorju konċernat u fejn id-disposizzjonijiet ta' eżenzjoni ta' dan ir-Regolament jimponu raġġ limitat sa 100 km.

It-trasport bit-triq taħt din l-eżenzjoni jista' jinkludi vjaġġ għal żona b'densità ta' popolazzjoni ta' 5 persuni jew aktar għal kull kilometru kwadru biss sabiex jintemm jew jinbeda l-vjaġġ. Kull miżura bħal din għandha tkun proporzjonata fin-natura u l-firxa ta' applikazzjoni tagħha.

Artikolu 14

1.  Sakemm ma jiġux preġudikati l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu, awtorizzati mill-Kummissjoni, jagħtu eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6 sa 9 ta' dan ir-Regolament għal operazzjonijiet tat-trasport li jsiru f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

▼M3

2.  F’każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jagħtu, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, eċċezzjoni temporanja għal perijodu ta’ mhux aktar minn 30 jum, li għandha tiġi debitament motivata u nnotifikata minnufih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tippubblika din l-informazzjoni fuq sit web pubbliku.

▼B

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'kull eċċezzjoni mogħtija skond dan l-Artikolu.

▼M3

Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xufiera tal-vetturi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3 huma rregolati b’regoli nazzjonali li jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet permessi tas-sewqan u l-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ obbligatorji. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli nazzjonali rilevanti applikabbli għal xufiera bħal dawn.

▼B



KAPITOLU V

PROĊEDURI TA' KONTROLL U SANZJONIJIET

Artikolu 16

1.  Meta ma jkun installat fil-vettura l-ebda tagħmir ta' reġistrazzjoni skond ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal:

(a) 

servizzi regolari nazzjonali ta' passiġġieri, u

(b) 

servizzi regolari internazzjonali ta' passiġġieri li l-vened tar-rotta tagħhom jinsabu f'distanza massima ta' 50 km f'linja dritta minn fruntiera bejn żewġ Stati Membri u li t-tul tar-rotta tagħhom ma teċċedix il-100 km.

2.  L-impriża tat-trasport għandha tagħmel skeda tas-servizz u roster tax-xogħol li għandhom juru, fir-rigward ta' kull xufier, l-isem, il-post fejn huwa bbażat u l-iskeda bil-quddiem għal diversi perijodi ta' sewqan, xogħol ieħor, pawżi u disponibbiltà.

Kull xufier li jingħata jaħdem servizz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jġorr miegħu estratt mir-roster tax-xogħol u kopja ta' l-iskeda tas-servizz.

3.  Ir-roster tax-xogħol għandu:

(a) 

jinkludi l-dettalji kollha mniżżla fil-paragrafu 2 għal perijodu minimu li jkopri it-28 jum ta' qabel; dawn il-partikolaritajiet għandhom ikunu aġġornati f'intervalli regolari, u ma jistax ikun hemm dewmien ta' aktar minn xahar bejniethom;

(b) 

ikun iffirmat mill-kap ta' l-impriża tat-trasport jew minn persuna awtorizzata li tirrapreżentah;

(ċ) 

jinżamm mill-impriża tat-trasport għal sena wara l-għeluq tal-perijodu kopert minnha. L-impriża tat-trasport għandha, meta tintalab, tagħti estratt mir-roster lix-xufiera kkonċernati; u

(d) 

jiġi ppreżentat u jingħata fuq talba ta' l-uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.

Artikolu 17

1.  L-Istati Membri għandhom, bil-mod standard stabbilit fid-Deċiżjoni 93/173/KEE ( 6 ), jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni sabiex tkun tista', ta' kull sentejn, tagħmel rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u żviluppi fl-oqsma in kwistjoni.

2.  Din l-informazzjoni għandha tkun komunikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena li tiġi wara t-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

3.  Ir-rapport għandu jiddikjara x'użu jkun sar mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13.

4.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 13-il xahar mit-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 19

▼M3

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi u proporzjonati skont il-gravità tal-ksur, kif indikat fl-Anness III għad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), kif ukoll dissważivi u mhux diskriminatorji. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u l-miżuri, flimkien mal-metodu u l-kriterji magħżula fil-livell nazzjonali biex tiġi evalwata l-proporzjonalità tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk ir-regoli u l-miżuri, u bi kwalunkwe emenda għalihom. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata f’sit web pubbliku ddedikat bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar dawn il-penali applikabbli fl-Istati Membri.

▼B

2.  Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta' dan ir-Regolament li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiz terz.

Bħala eċċezzjoni, fejn jinstab ksur:

— 
li ma jkunx sar fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat, u
— 
li jkun sar minn impriża stabbilita, jew minn xufier li għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu, fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz:

Stat Membru jista', sa l-1 ta' Jannar 2009, minflok ma jimponi penali, jinnotifika bil-fatti tal-ksur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn ix-xufier għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu.

3.  Kull meta Stat Membru jibda proċeduri jew jimponi penali għal ksur partikolari għandu jagħti lix-xufier prova xierqa ta' dan bil-miktub.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sistema ta' penali proporzjonati, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji, tkun fis-seħħ għal ksur ta' dan ir-Regolament jew ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 minn impriżi, jew kunsinjatarji, burdnara, operaturi tal-ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u aġenziji għall-impjieg ta' xufiera li jkunu assoċjati ma' impriżi.

Artikolu 20

1.  Ix-xufier għandu jżomm kull prova li tingħata minn Stat Membru dwar penali imposti jew il-bidu ta' proċeduri sakemm l-istess ksur ta' dan ir-Regolament ma jkunx jista' jwassal aktar għal tieni proċedura jew penali skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2.  Ix-xufier għandu jagħti, meta jintalab, l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1.

3.  Xufier li jkun impjegat jew li jkun qiegħed għad-disposizzjoni ta' aktar minn impriża waħda tat-trasport għandu jagħti informazzjoni biżżejjed lil kull impriża biex tkun tista' tikkonforma mal-Kapitolu II.

Artikolu 21

Sabiex jiġu ndirizzati każijiet fejn Stat Membru jikkunsidra li kien hemm ksur ta' dan ir-Regolament, liema ksur ikun tali li ċertament ser jikkawża periklu fis-sigurtà tat-triq, huwa għandu jawtorizza l-awtorità kompetenti rilevanti sabiex twaqqaf il-vettura konċernata sakemm il-kawża tal-ksur tkun rettifikata. L-Istati Membri jistgħu jġiegħlu lis-sewwieq jieħu perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum. L-Istati Membri jistgħu wkoll fejn xieraq, jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja ta' impriża, jekk l-impriża tkun stabbilita f'dak l-Istat Membru, jew jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja tas-sewqan ta' sewieq. Il-Kummissjoni li taġixxi bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 (2) għandha tiżviluppa linji gwida bil-għan li jippromwovu applikazzjoni armonizzata ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 22

▼M3

1.  L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ xulxin u għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka lil xulxin mingħajr dewmien bla bżonn sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni konsistenti u l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/22/KE.

▼B

2.  L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiskambjaw b'mod regolari l-informazzjoni kollha disponibbli dwar:

(a) 

il-ksur tar-regoli mniżżla fil-Kapitolu II minn persuni li mhumiex residenti u kull penali imposta għal dan il-ksur;

(b) 

il-penali imposti minn Stat Membru fuq ir-residenti tiegħu għal ksur bħal dan li jitwettaq fi Stati Membri oħra;

▼M3

(c) 

informazzjoni speċifika oħra, inkluża l-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriża, li jista’ jkollha konsegwenzi għall-konformità ma’ dan ir-Regolament.

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment l-informazzjoni relevanti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli fil-forma elettronika lill-Istati Membri l-oħra.

▼M3

3a.  Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw il-korpi ta’ kollegament intrakomunitarju maħtura skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/22/KE.;

3b.  Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka għandhom jingħataw mingħajr ħlas.

▼B

4.  Il-Kummissjoni għandha tappoġġa d-djalogu ta' bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 24 (1).

Artikolu 23

Il-Komunità għandha tidħol f'kull negozjati ma' pajjiżi terzi li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex ikun implimentat dan ir-Regolament.

▼M3

Artikolu 23a

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8a hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Awwissu 2020.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.  Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 8a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 8 ).

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 8a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

Artikolu 24

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

▼M3

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ).

2a.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼B

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 25

1.  B'talba ta' Stat Membru, jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha:

(a) 

teżamina każijiet fejn iqumu differenzi fl-applikazzjoni u l-infurzar ta' kull disposizzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il- pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ;

(b) 

tiċċara d-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, bl-iskop li tippromovi approċċ komuni.

▼M3

2.  Fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu approċċi komuni

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2a).

▼B



KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għandu jinbidel b'li ġej:

1. 

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Artikolu 2

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li hemm fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 ( *1 ).

2. 

L-Artikolu 3(1), (2) u (3) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“1.  It-tagħmir ta' reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Vetturi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u vetturi, li kienu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85, iżda li ma għadhomx eżentati taħt ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 għandu jkollhom sa l-31 ta' Diċembru 2007 biex jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit.

2.  L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.  L-Istati Membri jistgħu, wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament il-vetturi wżati għall-operazzjonijiet tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.”;

3. 

L-Artikolu 14(2) għandu jinbidel kif ġej:

“2.  L-impriża għandha żżomm il-folji tar-rekords u l-karti stampati, kull meta jkunu nħarġu dawn il-karti stampati biex ikun hemm konformità ma' l-Artikolu 15(1), f'ordni kronoloġika u f'forma li tista' tinqara għal mill-inqas minn sena wara l-użu tagħhom u għandha tagħti kopji lix-xufiera kkonċernati li jitolbu għalihom. L-impriża għandha wkoll tagħti kopja tad-data mniżżla mill-cards tax-xufier, ix-xufiera kkonċernati li jitolbuhom u l-karti stampati ta' dawn il-kopji. Il-folji ta' reġistrazzjoni, il-karti stampati u l-informazzjoni mniżżla għandhom jintwerew jew jingħataw meta mitluba minn kull uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.”;

4. 

L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:

— 
Fil-paragrafu 1, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn il-card tax-xufier titħassar, ma tibqax taħdem tajjeb jew ma tkunx fil-pussess tax-xufier, ix-xufier għandu:

(a) 

fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu, jistampa d-dettalji tal-vettura li jkun qiegħed isuq ix-xufier, u għandu jdaħħal f'dik il-karta stampata:

(i) 

id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-card tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu;

(ii) 

il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d).

(b) 

fl-aħħar tal-vjaġġ, jistampa l-informazzjoni dwar il-perijodi ta' ħin irreġistrati mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni, jirreġistra kull perijodu ta' xogħol ieħor, disponibbiltà u mistrieħ li jkun ħa mill-ħin mindu kienet stampata il-folja fil-bidu tal-vjaġġ, meta ma jkunx reġistrat mit-takografu, u jimmarka fuq dak id-dokument id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-card tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu.”;

— 
Il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Meta x-xufier ma jkunx jista' juża t-tagħmir stallat fil-vettura minħabba li x-xufier kien 'il bogħod mill-vettura, il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d) għandhom:

(a) 

jekk il-vettura tkun stallata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, jiddaħħlu fil-folja tar-rekords, jew manwalment, jew b'reġistrazzjoni awtomatika jew b'mezzi oħra, b'mod li jistgħu jinqraw u mingħajr ma titħammeġ il-folja; jew

(b) 

jekk il-vettura tkun attrezzata b'tagħmir tar-reġistrazzjoni skond l-Anness IB, jiddaħħlu fil-card tax-xufier permezz tal-faċilità ta' dħul manwali li hemm fit-tagħmir tar-reġistrazzjoni.

Fejn ikun hemm aktar minn xufier wieħed fuq il-vettura attrezzata bit-tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, kull xufier għandu jiżgura illi l-card tax-xufiera tiegħu tidħol fl-islott it-tajjeb fit-takografu.”;

— 
Il-paragrafi (3)(b) u (ċ) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:
“(b) 

‘xogħol ieħor’ tfisser kull attività minbarra s-sewqan, kif imfisser fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport bit-triq ( *2 ), kif ukoll kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem kemm fis-settur tat-trasport jew barra minnu, u għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal image.

(ċ) 

‘disponibbiltà’ definita fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2002/15/KE għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal image.

— 
Il-paragrafu 4 għandu jitħassar;
— 
Il-paragrafu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“7.  

(a) 

Fejn ix-xufier isuq vettura li tkun attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i) 

il-folji tar-rekords għall-ġimgħa kurrenti u dawk użati mix-xufier fil-15-il jum ta' qabel;

(ii) 

il-card tax-xufier jekk dan ikollu waħda, u

(iii) 

kull rekord manwali u karti stampati li jkunu saru matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif meħtieġ taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija f'(i) u (iii) għandhom ikopru l-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(b) 

Meta x-xufier isuq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i) 

il-card tax-xufier tiegħu;

(ii) 

kull rekord manwali u karta stampata li tkun saret matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif mitlub taħt dan ir-Regolament u Regolament (KE) Nru 561/2006, u

(iii) 

il-folji tar-rekords li jaqblu ma' l-istess perijodu bħal dak imsemmi fis-subparagrafu ta' qabel li matulu huwa saq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness 1.

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija taħt (ii) għandhom ikopru il-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(ċ) 

Uffiċjali awtorizzat li jispezzjona jista' jiċċekkja l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006 billi janalizza l-folji tar-rekords, tad-data murija jew stampata li tkun ġiet irreġistrata mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew mill-card tax-xufier jew, fin-nuqqas ta' dan, billi janalizza kwalunkwe dokument ieħor ta' appoġġ illi jiġġustifika n-nuqqas ta' osservanza ta' xi disposizzjoni, bħal dawk imniżżla fl-Artikoli 16 (2) u (3).”

Artikolu 27

Ir-Regolament (KEE) Nru 2135/98 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. 

L-Artikolu 2(1)(a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.  

(a) 

Mill-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 ( *3 ) vetturi mressqa għas-servizz għall-ewwel darba għandhom jitwaħħlilhom tagħmir ta' reġistrazzjoni skond il-ħtiġiet ta' l-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

2. 

L-Artikolu 2(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li huma qegħdin f'pożizzjoni li joħorġu karti tas-sewqan mhux aktar tard mill-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006”.

Artikolu 28

Ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 qiegħed b'dan jiġi mħassar u mibdul b'dan ir-Regolament.

Madankollu, il-paragrafi 1, 2 u 4 ta' Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għandhom jibqgħu japplikaw sad-dati mniżżla fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/59/KE.

Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-11 ta' April 2007, minbarra l-Artikoli 10(5), 26(3) u (4) u 27, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 74, 20.3.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

( 3 ) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.

( 4 ) Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348 20.12.2013, p. 1).

( 5 ) ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14.

( 6 ) ĠU L 72, 25.3.1993, p. 33.

( 7 ) Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġislazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35)

( 8 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1

( 9 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( *1 ) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1”;

( *2 ) ĠU L 80, 23.2.2002, p. 35.”;

( *3 ) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1”.

Top