EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02005R2173-20200101

Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2173/2020-01-01

02005R2173 — MT — 01.01.2020 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2173/2005

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005

dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea

(ĠU L 347 30.12.2005, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) Nru 657/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 189

108

27.6.2014

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1387 tad-9 ta' Ġunju 2016

  L 223

1

18.8.2016

►M3

REGOLAMENT (UE) 2019/1010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-5 ta’ Ġunju 2019

  L 170

115

25.6.2019




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2173/2005

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005

dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea



KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi grupp ta' regoli Komunitarji għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti ta' l-injam għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta' liċenzi FLEGT.

2.  L-iskema ta' liċenzi għandha tiġi implimentata permezz ta' strumenti ta' Ftehim volontarju ta' Sħubija ma' pajjiżi li jipproduċu l-injam.

3.  Dan ir-Regolament japplika għal importazzjonijiet ta' prodotti ta' l-injam stabbiliti fl-Anness II u III mill-pajjiżi msieħba elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. “Skema ta' liċenzi għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija” (minn hawn 'il quddiem l-iskema ta' liċenzi FLEGT') tfisser il-ħruġ ta' liċenzi għal prodotti ta' l-injam għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn pajjiżi msieħba u l-implimentazzjoni tagħha fil-Komunità, b'mod partikolari taħt id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar kontrolli fuq il-fruntiera;

2. “pajjiż imsieħeb” tfisser kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni reġjonali li jidħlu fi Ftehim ta' Sħubija, kif elenkati fl-Anness I;

3. “Ftehim ta' Sħubija” tfisser ftehim bejn il-Komunità u pajjiż imsieħeb li permezz tiegħu l-KE u pajjiż imsieħeb jimpenjaw ruħhom li jaħmdu flimkien sabiex jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni FLEGT u jimplimentaw l-iskema ta' liċenzi FLEGT;

4. “organizzazzjoni reġjonali” tfisser organizzazzjoni magħmula minn Stati sovrani li trasferixxew il-kompetenza lil dik l-organizzazzjoni, u b'hekk ikunu tawha l-kapaċità li tidħol fi Ftehim ta' Sħubija f'isimhom, fir-rigward ta' kwistjonijiet regolati mill-iskema ta' liċenzi FLEGT, kif elenkati fl-Anness I;

5. “liċenzja FLEGT” tfisser dokument ibbażat fuq it-trasbord jew ibbażat fuq il-parteċipant fis-suq f'format standard li għandu jkun reżistenti għall-falsifikazzjoni u t-tbagħbis, ikun verifikabbli, u li jirriferi għal trasbord konformi mar-rekwiżiti ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT, debitament maħruġ u validat minn awtorità tal-liċenzi ta' pajjiż imsieħeb. Is-sistemi għall-ħruġ, registrazzjoni u komunikazzjoni ta' liċenzi jistgħu jkunu bbażati fuq l-użu ta' karti (paper-based) jew fuq l-użu ta' mezzi elettroniċi, skond kif ikun dettat mill-każ;

6. “parteċipant fis-suq” tfisser attur, privat jew pubbliku, involut fil-forestrija jew fit-trasformazzjoni jew kummerċ ta' prodotti ta' l-injam;

7. “awtorità jew awtoritajiet tal-liċenzi” tfisser l-awtorità jew awtoritajiet nominati minn pajjiż imsieħeb għall-ħruġ u l-validazzjoni tal-liċenzi FLEGT;

8. “awtorità jew awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtorità jew awtoritajiet nominati minn Stat Membru ta' l-UE sabiex jivverifikaw il-liċenzi FLEGT;

9. “prodotti ta' l-injam” tfisser il-prodotti elenkati fl-Annessi II u III, li għalihom tapplika l-iskema ta' liċenzi FLEGT, u li, meta jiġu importati lejn il-Komunità, ma jistawx jiġu kwalifikati bħala “merkanzija ta' natura mhux kummerċjali” kif stabbilit fil-punt 6 ta' l-Artikolu 1 Ir-regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju ( 1 );

10. “injam prodott legalment” tfisser prodotti ta' l-injam prodotti minn injam domestiku li kien maqtugħ legalment jew li kien importat legalment f'pajjiż imsieħeb skond il-liġijiet nazzjonali determinati minn dak il-pajjiż imsieħeb u kif stabbilit fil-Ftehim ta' Sħubija;

11. “importazzjonijiet” tfisser ir-rilaxx ta' prodotti ta' l-injam għaċ-ċirkolazzjoni libera fis-sens ta' l-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/1992 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 2 );

12. “trasbord” tfisser trasbord ta' prodotti ta' l-injam;

13. “esportazzjoni” tfisser it-tluq fiżiku jew it-teħid ta' prodotti ta' l-injam minn kwalunkwe parti tat-territorju ta' pajjiż imsieħeb sabiex jinġabu fil-Komunità;

14. “monitoraġġ minn parti terza” tfisser sistema li permezz tagħha organizzazzjoni li tkun indipendenti mill-awtoritajiet tal-gvern ta' pajjiż imsieħeb u mis-settur tiegħu tal-forestrija u ta' l-injam tissorvelja u tirrapporta dwar l-operat ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT.



KAPITOLU II

L-ISKEMA TA' LIĊENZI FLEGT

Artikolu 3

1.  L-iskema ta' liċenzi FLEGT għandha tapplika biss għal importazzjonijiet minn pajjiżi msieħba.

2.  Kull Ftehim ta' Sħubija għandu jispeċifika skeda miftiehma għall-implimentazzjoni ta' l-impenji assunti taħt dak il-Ftehim.

Artikolu 4

1.  L-importazzjonijiet fil-Komunità ta' prodotti ta' l-injam esportati minn pajjiżi msieħba għandhom ikunu pprojbiti jekk it-trasbord ma jkunx kopert minn liċenza FLEGT.

▼M1

2.  Sabiex tiġi pprovduta l-assigurazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-legalità tal-prodotti tal-injam ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-iskemi eżistenti li jiggarantixxu l-legalità u l-intraċċar affidabbli tal-prodotti tal-injam esportati mill-pajjiżi msieħba u tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tapprovahom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(3).

L-iskemi approvati mill-Kummissjoni jistgħu jiffurmaw il-bażi ta’ liċenzja tal-FLEGT.

3.  Il-prodotti tal-injam tal-ispeċijiet elenkati fl-Annessi A, B u C tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 ( 3 ) għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dik l-eżenzjoni b’kont meħud tal-iżviluppi tas-suq u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha tirrapporta dwar is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u, jekk ikun meħtieġ, tressaq, proposti leġislattivi xierqa.

▼B

Artikolu 5

1.  Għandha ssir disponobbli lill-awtorità kompetenti liċenza FLEGT, li tkopri kull trasbord, fl-istess waqt li tiġi preżentata d-dikjarazzjoni doganali għal dak it-trasbord għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistru — fuq karta jew f'format elettroniku — tal-liċenza FLEGT oriġinali flimkien mad-dikjarazzjoni doganali applikabbli.

L-importazzjoni ta' prodotti ta' l-injam taħt liċenżja FLEGT ta' parteċipant fis-suq għandha tkun permessa sakemm il-liċenza ta' dak il-parteċipant fis-suq tibqa' valida.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu lill-Kummissjoni, jew lill-persuni jew korpi nominati mill-Kummissjoni, aċċess għad-dokumenti u d-data rilevanti, fil-każ li jinqalgħu xi problemi li jxekklu l-operazzjoni effettiva ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu aċċess għad-dokumenti u d-data rilevanti lil persuni jew korpi nominati minn pajjiżi msieħba sabiex ikunu responsabbli għall-monitoraġġ minn parti terza ta' l-iskema ta' liċenzi FLEGT, iżda l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu xi informazzjoni li mhumiex permessi jikkomunikaw skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

4.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu dwar ir-rekwiżit ta' verifika ulterjuri ta' vjeġġijiet, bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet li jqisu r-riskju.

5.  F'każ ta' dubbju dwar il-validità tal-liċenza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet tal-liċenzi għal verifika addizzjonali u jfittxu kjarifika ulterjuri, kif stabbilit fil-Ftehim ta' Sħubija mal-pajjiż esportatur imsieħeb.

6.  L-Istati Membri jistgħu jesiġu l-ħlas ta' miżati sabiex ikopru l-ispejjeż neċessarji li jinqalgħu mill-atti uffiċjali eżegwiti mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu meħtieġa għall-finijiet ta' kontroll taħt dan l-Artikolu.

7.  L-awtoritajiet doganali jistgħu jissospendu r-rilaxx ta' jew iżommu prodotti ta' l-injam jekk ikollhom raġun sabiex jemmnu li l-liċenza tista' ma tkunx valida. L-ispejjeż magħmula sa meta titlesta l-verifika għandhom jitħallsu mill-importatur, ħlief fejn l-Istat Membru konċernat jiddeċiedi mod ieħor.

8.  Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-penalitajiet li għandhom jiġu imposti fil-każijiet fejn jinkisru d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Dawn il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

▼M1

9.  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-modalitajiet proċedurali u d-dokumenti ta’ format standard, inklużi l-mezzi possibbli tagħhom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(3).

▼B

Artikolu 6

1.  Jekk l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(1) ma' ġiex sodisfatt, huma għandhom jipproċedu skond il-leġislazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni li tissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament qegħdin jiġu, jew ġew, evitati.

Artikolu 7

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament u għall-komunikazzjoni mal-Kummissjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti kollha ta' l-Istati Membri l-ismijiet u d-dettalji rilevanti kollha ta' l-awtoritajiet tal-liċenzi nominati mill-pajjiżi msieħba, b'kampjuni awtentiċi ta' timbri u firem li jiċċertifikaw li liċenza nħarġet legalment, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra riċevuta fir-rigward tal-liċenzi.

▼M3

Artikolu 8

1.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku u lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti.

2.  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.  Fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, fuq bażi annwali, ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni fuq il-bażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri.

▼B



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

▼M3

Artikolu 9

Sa Diċembru 2021 u suċċessivament kull ħames snin, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1), u tal-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha teżamina l-funzjonament u l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament. Meta tagħmel dan, hija għandha tieħu kont tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija volontarji. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tar-rieżami kull ħames snin u takkumpanja rapporti bħal dawn, jekk ikun xieraq, bi proposti għat-titjib tal-iskema tal-liċenzjar FLEGT.

▼M1

Artikolu 10

1.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 11a sabiex temenda l-lista tal-pajjiżi msieħba u l-awtoritajiet maħturin ta’ liċenzjar tagħhom, kif stipulat fl-Anness I.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 11a sabiex temenda l-lista tal-prodotti tal-injam, kif stipulat fl-Anness II, li għaliha tapplika l-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT. Fl-adozzjoni ta’ dawk l-emendi l-Kummissjoni għandha tqis l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija tal-FLEGT. Tali emendi għandhom jinkludu l-kodiċi tal-prodotti, fil-livell ta’ intestatura ta’ erba’ ċifri jew fil-livell ta’ subintestatura ta’ sitt ċifri tal-verżjoni attwali tal-Anness I tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Prodotti.

3.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 11a sabiex temenda l-lista tal-prodotti tal-injam, kif jinsab fl-Anness III, li għaliha tapplika l-iskema ta’ liċenzjar tal-FLEGT. Fl-adozzjoni ta’ dawk l-emendi l-Kummissjoni għandha tqis l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija tal-FLEGT. Tali emendi għandhom jinkludu l-kodiċi tal-prodotti, fil-livell ta’ intestatura ta’ erba’ ċifri jew fil-livell ta’ subintestatura ta’ sitt ċifri tal-verżjoni attwali tal-Anness I tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Prodotti, u għandhom japplikaw biss b’rabta mal-pajjiżi sieħba korrispondenti kif stabbilit fl-Anness III.

▼B

Artikolu 11

▼M1

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

▼M1 —————

▼M1

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M1 —————

▼M1

Artikolu 11a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-30 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10(1), (2) u (3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni għar-revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkunux oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jiġu nnotifikati dwaru, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’erba’ xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

PAJJIŽI MSIEħBA U L-AWTORITAJIET TAL-LIČENZI NOMINATI MINNHOM

▼M2



Pajjiż sieħeb

Awtoritajiet tal-liċenzji maħtura

IR-REPUBBLIKA TAL-INDONEŻJA

L-Unità ta' Informazzjoni dwar Liċenzji (LIU) (1)

Il-Ministeru tal-Ambjent u l-Forestrija

Gedung Manggala Wanabakti Blok I Lantai 2

Jln. Gatot Subroto — Senayan

Jakarta — Pusat — l-Indoneżja — 10270

Telefon: +62 21 5730268/269

Faks: +62 21 5737093

Posta elettronika: subditivlk@gmail.com; marianalubis1962@gmail.com

(1)   Skont l-Artikolu 4(4) tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju (VPA), l-Indoneżja stabbiliet Unità ta' Informazzjoni dwar Liċenzji (LIU) biex isservi bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE u l-Awtoritajiet tal-Liċenzji Indoneżjani. Il-LIU hija unità ta' ġestjoni tal-informazzjoni li tivvalida l-informazzjoni relatata mal-ħruġ ta' Dokument V-Legali/liċenzja FLEGT. Il-LIU hija responsabbli wkoll għall-iskambju ġenerali tal-informazzjoni dwar it-TLAS, u tirċievi u taħżen id-dejta u l-informazzjoni rilevanti dwar il-ħruġ ta' ċertifikati ta' legalità u ta' liċenzji FLEGT. Barra minn hekk, twieġeb ukoll il-mistoqsijiet mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-isħab kummerċjali u tal-partijiet ikkonċernati. Uħud mill-korpi ta' verifika, li huma korpi tal-valutazzjoni tal-konformità akkreditati mill-Korp Nazzjonali ta' Akkreditazzjoni Indoneżjan (KAN), huma awtorizzati u ssorveljati mill-Ministeru Indoneżjan tal-Forestrija u l-Ambjent biex jaġixxu bħala awtoritajiet tal-liċenzji. Il-lista aġġornata tal-awtoritajiet tal-liċenzji hija disponibbli permezz tal-LIU kif ukoll fuq il-link: http://silk.dephut.go.id/index.php/info/lvlk.

▼B




ANNESS II



Prodotti ta' l-injam li għalihom tapplika l-iskema ta' liċenzi FLEGT irrispettivament mill-pajjiżi msieħba

HS — Intestatura

Deskrizzjoni

4403

Injam mhux maħdum, kemm jekk b'qoxortu jew l-alburnum imneħħija kif ukoll jekk le, jew maqtugħ kwadru.

4406

Traversi ta' l-injam (cross-ties) tal-binarji tal-ferrovija jew tat-tramm.

4407

Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, kemm jekk inċanat, xkatlat jew imġannat mit-truf kif ukoll jekk le, ta' ħxuna li ma teċċedix is-6 mm.

4408

Fuljetta għall-kisi bil-fuljetta (veneering) (inklużi dawk maħduma bit-tiflil ta' l-injam laminat) għall-plywood jew għal injam laminat simili ieħor u njam ieħor, isserrat mit-tul, imfellel jew imqaxxar, kemm jekk inċanat, xkatlat, impalellat (spliced) jew imġannat mit-truf kif ukoll jekk le, ta' ħxuna li ma teċċedix is-6mm.

4412

Plywood, panewijiet miksija bil-fuljetta jew injam laminat simili ieħor.




ANNESS III



Prodotti ta' l-injam li għalihom l-iskema ta' liċenzi FLEGT tapplika biss għall-pajjiżi msieħba korrispondenti

▼M2

Pajjiż sieħeb

Intestatura tas-SA

Deskrizzjoni

IR-REPUBBLIKA TAL-INDONEŻJA

KAPITOLU 44

 

Ħatab, f'forma ta' zkuk, zkuk ħoxnin, friegħi, qatet ta' għesieleġ jew forom simili; injam f'laqx jew frak; serratura u skart u fdal ta' injam, kemm jekk magħqudin fi zkuk, briquettes, gerbub jew forom simili jew le.

4401 21

–  Injam f'laqx jew frak – – koniferu

ex 4401 22

–  Injam f'laqx jew frak – – mhux koniferu (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

4403

Injam għadu aħrax, kemm jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija jew le, jew magħmul kwadru raff. (L-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont il-Liġi Indoneżjana. F'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (minn hawn' il quddiem imsejjaħ “VPA UE-Indoneżja”) (1), il-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kodiċi tas-SA ma jistax ikollhom liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati lejn l-Unjoni).

ex 4404 10

Injam magħmul minn laqx tal-injam (chipwood) u bħalu – koniferu

ex 4404 20

Injam magħmul minn laqx tal-injam (chipwood) u bħalu – mhux koniferu – – injam magħmul minn laqx tal-injam (chipwood)

ex 4404

Injam għaċ-ċrieki; arbli maqsumin; puntali, pali u bsaten tal-injam, bil-ponta iżda mhux isserrati mit-tul; bsaten tal-injam, mirqumin raff iżda mhux inturnati, milwijin jew maħdumin mod ieħor, tajbin għall-manifattura tal-bsaten tal-mixi, umbrelel, mankijiet tal-għodod jew bħalhom. (L-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont il-Liġi Indoneżjana. F'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-VPA UE-Indoneżja, il-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kodiċi tas-SA ma jistax ikollhom liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati lejn l-Unjoni).

4406

Travi tal-injam mimdudin (sleepers, cross-ties) għal-linji tal-ferrovija jew tat-tramm. (L-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont il-Liġi Indoneżjana. F'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-VPA UE-Indoneżja, il-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kodiċi tas-SA ma jistax ikollhom liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati lejn l-Unjoni).

ex 4407

Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat, xkatlat jew imminċottat fit-truf, ta' ħxuna ta' iktar minn 6 mm.

ex 4407

Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, mhux inċanat, mhux xkatlat jew mhux imminċottat fit-truf, ta' ħxuna ta' iktar minn 6 mm. (l-esportazzjoni hija pprojbita skont il-Liġi Indoneżjana. F'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-VPA UE-Indoneżja, il-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kodiċi tas-SA ma jistax ikollhom liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati lejn l-Unjoni).

 

Folji għall-fuljetta (inklużi dawk magħmulin bit-tiflil ta' injam laminat), għat-triplaj jew għal injam simili laminat u injam ieħor, isserrat mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat, xkatlat, impalellat jew imminċottat fit-truf jew le, mhux eħxen minn 6 mm

4408 10

–  Koniferu

4408 31

Meranti Aħmar Skur, Meranti Aħmar Ċar u Meranti Bakau

4408 39

Oħrajn, minbarra dawk koniferi, Meranti Aħmar Skur, Meranti Aħmar Ċar u Meranti Bakau

ex 4408 90

Oħrajn, minbarra l-injam koniferu u tropikali speċifikat fin-Nota 2 tas-Subintestatura ta' dan il-kapitolu (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

 

Injam (inklużi strixxi u freġji għal kisi ta' art bil-parkè, mhux immuntat) b'forma kontinwa (mudullun, gruvjat, irbattut, iċċanfrinat, ingastat-V, biż-żibeġ, iffurmat, ittundjat jew simili) tul kwalunkwe xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew imminċottat fit-truf jew le.

4409 10

–  Koniferu

ex 4409 29

–  Mhux koniferu – ieħor (mhux tal-kannadindja)

 

Bord tal-injam mill-frak, bord tat-tip oriented strand board (OSB) u bord simili (pereżempju, waferboard) tal-injam jew ta' materjali oħrajn għudin, magħqudin bir-reżini jew sustanzi organiċi oħrajn li jgħaqqdu jew le

ex 4410 11

–  Tal-injam – – Bord tal-injam mill-frak (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4410 12

–  Tal-injam – – Bord tat-tip oriented strand board (OSB) (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4410 19

–  Tal-injam – – Oħrajn (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4411

Bord tal-fibri tal-injam jew materjali oħrajn għudin, magħqudin bir-reżini jew b'sustanzi organiċi oħrajn jew le (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

 

Plajwud, pannelli miksijin bil-fuljetta u injam laminat simili

4412 31

–  Plajwud ieħor, magħmul biss minn folji tal-injam (minbarra l-bambù), b'kull folja ma tabqiżx il-ħxuna ta' 6 mm: – – b'għallinqas saff wieħed ta' barra ta' injam tropikali speċifikat fin-Nota 2 tas-Subintestatura ta' dan il-Kapitolu

4412 32

–  Plajwud ieħor, magħmul biss minn folji tal-injam (minbarra l-bambù), b'kull folja ma tabqiżx il-ħxuna ta' 6 mm: – – Oħrajn, b'għallinqas saff wieħed ta' barra ta' injam mhux koniferu

4412 39

–  Plajwud ieħor, magħmul biss minn folji tal-injam (minbarra l-bambù), b'kull folja ma tabqiżx il-ħxuna ta' 6 mm: – – Oħrajn

ex 4412 94

–  Oħrajn: – – Blokkbord, laminbord u battenboard (mhux tal-kannadindja)

ex 4412 99

–  Oħrajn: – – Oħrajn: – – – Barecore (skart tal-injam inkullat ma' xulxin) (mhux tal-kannadindja) u – – – Oħrajn (mhux tal-kannadindja)

ex 4413

Injam densifikat, fi blokki, folji, strixxi jew forom profil (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4414

Gwarniċi tal-injam għall-pitturi, ritratti, mirja jew oġġetti simili (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4415

Kontenituri għall-imballaġġ, kaxxi, kannestri, tnabar u imballaġġ simili;tal-injam tnabar tal-injam għall-kejbils; palits, palits tal-kaxxi u twavel oħrajn tat-tagħbija, tal-injam; għenuq tal-palits tal-injam (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4416

Btieti (casks, barrels, vats), tnelli u prodotti oħrajn ta' buttar u partijiet tagħhom, tal-injam, inkluż l-injam imqawwes (staves) (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4417

Għodod, il-partijiet prinċipali tal-għodod, mankijiet tal-għodod, xkupi jew xkupilji u l-mankijiet tagħhom, tal-injam; forom tal-bwiez jew taż-żraben, tal-injam (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4418

Xogħol tal-mastrudaxxa u tal-karpentrija għall-bennejja, inklużi pannelli tal-injam ċellulari, pannelli mmuntati għall-paviment, xaħx u shakes (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4419

Oġġetti tal-mejda u tal-kċina, tal-injam (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

 

Intarsjar fl-injam u injam ingastat; kaxxetti u kaxxi tal-ġojjellerija jew tal-pożati, u oġġetti simili, tal-injam.

ex 4420 90

–  Oħrajn – – Injam fil-forma ta' zkuk tas-siġar jew ta' zkuk tas-siġar fil-forma ta' kaxxi li jkun sarlu pproċessar sempliċi fis-superfiċje, bħal tinqix jew intaljat fin jew miżbugħ, li ma jkollu l-ebda valur miżjud sinifikanti u l-ebda bidla sinifikanti fil-forma (is-SA ex 4420 90 90 00 fl-Indoneżja) (L-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont il-Liġi Indoneżjana. F'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-VPA UE-Indoneżja, il-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kodiċi tas-SA ma jistax ikollhom liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati lejn l-Unjoni).

 

Oġġetti oħrajn tal-injam

ex 4421 90

–  Oħrajn – – Laqx għas-sulfarini (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja) u – – Oħrajn – – Blokok tal-injam għall-pavimentar (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

ex 4421 90

–  Oħrajn – – Oħrajn – – – Injam fil-forma ta' zkuk tas-siġar jew ta' zkuk tas-siġar f'forma kwadra li jkun sarlu pproċessar sempliċi fis-superfiċje, bħal tinqix jew intaljar jew tiżbigħ fin, li ma jkollu l-ebda valur miżjud sinifikanti u l-ebda bidla sinifikanti fil-forma (SA ex 4421 90 99 00 fl-Indoneżja) (L-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont il-Liġi Indoneżjana. F'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-VPA UE-Indoneżja, il-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kodiċi tas-SA ma jistax ikollhom liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati lejn l-Unjoni).

KAPITOLU 47

 

Polpa tal-injam jew ta' materjal ieħor ċellulożiku fibruż; karta jew kartun (skart u fdalijiet) irkuprati:

4701

Polpa ta' injam mekkanika

4702

Polpa ta' injam kimika, gradi li jdubu

4703

Polpa ta' injam kimika, soda jew sulfat, ħlief gradi li jdubu.

4704

Polpa ta' injam kimika, sulfit, ħlief gradi li jdubu

4705

Polpa ta' injam miksuba b'taħlita ta' proċessi mekkaniċi u kimiċi ta' sfibratura

KAPITOLU 48 (2)

ex 4802

Karta u kartun mhux miksijin, tat-tip użat għal kitba, stampar jew għanijiet grafiċi oħrajn, u kartun tal-ippanċjar u karta għat-tejp tal-ippanċjar mhux imtaqqbin, f'rombli jew folji rettangulari (inklużi kwadri), ta' kull qies, ħlief karta tal-intestatura 4801 jew 4803 ; karta jew kartun magħmulin bl-idejn (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4803

Stokk ta' karta iġjenika jew tal-wiċċ, stokk tax-xugamani jew srievet u karta simili tat-tip użat għal għanijiet domestiċi jew sanitarji, materjal artab taċ-ċelluloża u xbieki ta' fibri taċ-ċelluloża, imġegħdin jew le, imkemmxin, imqabbżin, imtaqqbin, bil-wiċċ miżbugħ, bil-wiċċ imżejjen jew stampat, f'rombli jew folji (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4804

Karta jew kartun kraft mhux miksi, f'rombli jew folji, ħlief dawk tal-intestatura 4802 jew 4803 (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4805

Karta jew kartun oħrajn mhux miksijin, f'rombli jew folji, mhux maħdumin jew ipproċessati aktar minn kif speċifikat fin-Nota 3 għal dan il-Kapitolu (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4806

Parċmina veġetali, kartistrazzi, karti oljati, u glassine u karti oħrajn trasparenti jew trasluċenti, f'rombli jew folji (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4807

Karta u kartun magħmula minn kompożizzjoni (magħmulin billi jitwaħħlu saffi ċatti ta' karta jew kartun flimkien b'kolla), mhux bil-wiċċ miksi jew imxappin, kemm jekk mirfudin minn ġewwa jew le, f'rombli jew folji (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4808

Karta u kartun, immewġin (b'folji ċatti nkullati fil-wiċċ jew mingħajrhom), imġegħdin, imkemmxin, imqabbżin jew imtaqqbin, f'rombli jew folji, ħlief karta tat-tip deskritt fl-intestatura 4803 (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4809

Karta saħħara, karta li tikkopja minnha nnfisha u karti oħrajn għall-ikkupjar jew it-trasferiment (inkluża karta miksija jew imxappa għal stensils tad-duplikatur jew pjanċi tal-offset), stampati jew le, f'rombli jew folji (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4810

Karta u kartun, miksijin min-naħa waħda jew miż-żewġ naħat b'kawlina (tafal taċ-Ċina) jew sustanzi oħrajn inorganiċi, b'materjal li jgħaqqad jew le, u mingħajr ebda kisi ieħor, bil-wiċċ miżbugħ, bil-wiċċ imżejjen jew stampat jew le, f'rombli jew folji rettangulari (inklużi kwadri), ta' kull qies (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4811

Karta, kartun, materjal artab taċ-ċelluloża u xbieki ta' fibri taċ-ċelluloża, miksijin, imxappin, mgħottijin, bil-wiċċ miżbugħ, bil-wiċċ imżejjen jew stampat, f'rombli jew folji rettangulari (inklużi kwadri), ta' kull qies, ħlief oġġetti tat-tip deskritt fl-intestaturi 4803 , 4809 jew 4810 (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4812

Blokki, ċangaturi u pjanċi tal-filtru, ta' polpa tal-karta (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4813

Karta tas-sigaretti, maqtugħa għal qies jew le jew f'forma ta' libretti jew tubi (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4814

Karta tal-ħajt u kisi simili tal-ħajt; trasparenzi tal-karta għal twieqi (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4816

Karta saħħara, karta li tikkopja minnha nnfisha u karti oħrajn għall-ikkupjar jew it-trasferiment (ħlief dawk tal-intestatura 4809 ), stensils tad-duplikatur u pjanċi tal-offset, tal-karta, ippreżentati fil-kaxxi jew le (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4817

Envelops, kartolini tal-ittri, kartolini sempliċi u kartolini għall-korrispondenza, tal-karta jew kartun; kaxxi, boroż, kartieri u kompendji tal-kitba, tal-karta jew tal-kartun, li fihom taħlita ta' kartolerija tal-karti (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4818

Karta iġjenika u karta simili, materjal artab taċ-ċelluloża jew xbieki ta' fibri taċ-ċelluloża, tat-tip użat għal għanijiet domestiċi jew sanitarji, f'rombli mhux usa' minn 36 cm, jew maqtugħin għal qies jew għamla; imkatar, tixjus għat-tindif, xugamani, tvalji, srievet, srievet għat-trabi, tampons, lożor u oġġetti simili domestiċi, sanitarji jew tal-isptar, oġġetti ta' lbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ, ta' polpa tal-karta, tal-karta, ta' materjal artab taċ-ċelluloża jew xbieki ta' fibri taċ-ċelluloża (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4821

Tikketti tal-karta jew tal-kartun ta' kull tip, stampati jew le (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4822

Ċombini, irkiekel, kobob u rfid simili, tal-polpa tal-karta, karta jew kartun kemm jekk imtaqqbin jew imwebbsin (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

ex 4823

Karta oħra, kartun, materjal artab taċ-ċelluloża u xbieki ta' fibri taċ-ċelluloża, maqtugħin għal qies jew għamla; oġġetti oħrajn ta' polpa tal-karta, karta, kartun, materjal artab taċ-ċelluloża jew xbieki ta' fibri taċ-ċelluloża (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat)

KAPITOLU 94

 

Sits (ħlief dawk tal-intestatura 94 02 ), kemm jekk jinbidlu f'sodod jew le, u partijiet tagħhom

9401 61

–  Sits oħrajn, bl-oqsfa tal-injam: – – Miksijin bit-tapizzerija

9401 69

–  Sits oħrajn, bl-oqsfa tal-injam: – – Oħrajn

 

Għamara oħra u partijiet tagħha

9403 30

–  Għamara tal-għuda tat-tip użat f'uffiċċji

9403 40

–  Għamara tal-għuda tat-tip użat fil-kċina

9403 50

–  Għamara tal-għuda tat-tip użat fil-kamra tas-sodda

9403 60

–  Għamara oħra tal-injam

ex 9403 90

–  Partijiet: – – Oħrajn (il-kodiċi tas-SA 9403 90 90 fl-Indoneżja)

 

Bini prefabbrikat

ex 9406 00

–  Bini ieħor prefabbrikat: – – Tal-injam (il-kodiċi tas-SA 9403 90 90 fl-Indoneżja)

KAPITOLU 97

 

Inċiżjonijiet, stampi u litografi oriġinali.

ex 9702 00

Injam fil-forma ta' zkuk tas-siġar jew ta' zkuk tas-siġar fil-forma ta' kaxxi li jkun sarilhom ipproċessar sempliċi fis-superfiċje, bħal tinqix jew intaljat fin jew miżbugħ, li ma jkollu l-ebda valur miżjud sinifikanti u ma jwassal għall-ebda bidla sinifikanti fil-forma (SA ex 9702 00 00 00 fl-Indoneżja) (L-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont il-Liġi Indoneżjana. F'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-VPA UE-Indoneżja, il-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kodiċi tas-SA ma jistax ikollhom liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati lejn l-Unjoni).

(1)   ĠU L 150, 20.5.2014, p. 252.

(2)   Il-prodotti tal-karta li joriġinaw minn materjal li mhux tal-injam jew li huwa rriċiklat ikollhom magħhom ittra formali mill-Ministeru Indoneżjan tal-Industrija li tivvalida l-użu tal-materjali li mhumiex tal-injam jew li huma rriċiklati. Prodotti bħal dawn ma jingħatawx liċenzja FLEGT.



( 1 ) ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02 Volum 06, p. 3). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament 883/2005 (ĠU L 148, 11.6.2005, p. 5).

( 2 ) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 02 Volum 04 P. 307). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

( 4 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

Top