EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02005R2111-20190726

Consolidated text: Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2111/2019-07-26

02005R2111 — MT — 26.07.2019 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2111/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 344 27.12.2005, p. 15)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 596/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Ġunju 2009

  L 188

14

18.7.2009

►M2

REGOLAMENT (UE) 2018/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta' Lulju 2018

  L 212

1

22.8.2018

►M3

REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 198

241

25.7.2019




▼B

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2111/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli:

(a) dwar l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni ta’ lista Komunitarja, ibbażata fuq kriterji komuni, ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità,

u

(b) li jinfurmaw lil passiġġieri ta’ l-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera t-titjiriet li fuqhom huma jivvjaġġaw.

2.  L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà titqies li hija bla ħsara għall-posizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tal-kwistjoni dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

3.  L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà għandha tiġi sospiża sakemm l-arranġamenti inklużi fid-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit fit-2 ta’ Diċembru 1987 jibdew jitħaddmu. Il-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit jinfurmaw lill-Kunsill b’din id-data ta’ bidu ta’ tħaddim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “kumpannija ta’ l-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru li għandha liċenzja valida sabiex topera jew ekwivalenti;

(b) “kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt għal servizzi ta’ trasport bl-ajru jew li jinkludihom, inkluż meta t-trasport huwa magħmul minn żewġ titjiriet jew iżjed operati mill-istess kumpannija ta’ l-ajru jew minn kumpanniji ta’ l-ajru differenti;

(ċ) “kuntrattur ta’ trasport bl-ajru” tfisser il-kumpannija li tikkonkludi kuntratt ta’ trasport ma’ passiġġier jew fejn il-kuntratt jinkludi pakkett, l-organizzatur ta’ ġiti. Kwalunkwe bejjiegħ tal-biljetti għandu wkoll jitqies bħala kuntrattur ta’ trasport bl-ajru;

(d) “bejjiegħ ta’ biljetti” tfisser il-bejjiegħ ta’ biljett ta’ l-ajru li jirranġa kuntratt ta’ trasport bl-ajru ma’ passiġġier, sew jekk ikun għal titjira biss kif ukoll jekk ikun parti minn pakkett, minbarra kumpannija ta’ l-ajru jew organizzatur ta’ ġiti;

(e) “kumpannija ta’ l-ajru li topera” tfisser kumpannija ta’ l-ajru li qiegħda twettaq jew biħsiebha twettaq titjira taħt kuntratt ta’ trasport ma’ passiġġier, jew f’isem persuna oħra, ġuridika jew naturali, li għandha kuntratt ta’ trasport ma’ dak il-passiġġier;

(f) “awtorizzazzjoni għall-operar jew permess tekniku” tfisser kwalunkwe att leġislattiv jew amministrattiv minn Stat Membru, li jistipula jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ topera servizzi ta’ l-ajru minn u lejn l-ajruporti tagħha jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ topera fl-ispazju ta’ l-ajru tiegħu jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ teżerċita drittijiet tat-traffiku;

(g) “projbizzjoni ta’ l-operar” tfisser ir-rifjut, is-sospensjoni, ir-revoka jew ir-restrizzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-operar jew permess tekniku ta’ kumpannija ta’ l-ajru għal raġunijiet ta’ sigurtà, jew kwalunkwe miżura ta’ sigurtà ekwivalenti fir-rigward ta’ kumpannija ta’ l-ajru li m’għandha l-ebda drittijiet ta’ traffiku fil-Komunità imma li l-ajruplani tagħha jistgħu joperaw fil-Komunità taħt ftehim ta’ kiri;

(h) “pakkett” tfisser dawk is-servizzi definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314/KEE;

(i) “riservazzjoni” tfisser il-fatt li passiġġier għandu biljett jew prova oħra, li jindika li r-riservazzjoni ġiet aċċettata u reġistrata mill-kuntrattur ta’ trasport ta’ l-ajru;

(j) “standards ta’ sigurtà relevanti” tfisser l-istandards ta’ sigurtà internazzjonali li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Annessi tagħha kif ukoll, fejn hu applikabbli, dawk fil-liġi Komunitarja relevanti.



KAPITOLU II

LISTA KOMUNITARJA

Artikolu 3

L-istabbiliment tal-Lista Komunitarja

1.  Bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà ta’ l-ajru, għandha tiġi stabbilita lista ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ l-operar fil-Komunità (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-lista Komunitarja”). Kull Stat Membru għandu jinforza, fit-territorju tiegħu, il-projbizzjonijiet ta’ l-operar inklużi fil-lista Komunitarja fir-rigward tal-kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal dawk il-projbizzjonijiet.

▼M3

2.  Il-kriterji komuni biex tiġi imposta projbizzjoni operattiva fuq trasportatur tal-ajru, li għandhom ikunu bbażati fuq l-istandards rilevanti tas-sikurezza, huma stabbiliti fl-Anness u minn hawn ‘il quddiem issir referenza għalihom bħala “kriterji komuni”.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14a li jemendaw l-Anness sabiex jiġu mmodifikati l-kriterji komuni bil-għan li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi.

▼B

3.  Sabiex tiġi stabbilita l-lista Komunitarja għall-ewwel darba, kull Stat Membru għandu, sa 16 ta’ Frar 2006, jikkomunika lill-Kummissjoni l-identità tal-kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ l-operar fit-territorju tiegħu, flimkien mar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ tali projbizzjonijiet u kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dawn il-projbizzjonijiet ta’ l-operar.

4.  Fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-kriterji komuni, tiddeċiedi dwar l-imposizzjoni ta’ projbizzjoni ta’ l-operar għall-kumpanniji ta’ l-ajru kkonċernati u għandha tistabbilixxi l-lista Komunitarja tal-kumpanniji ta’ l-ajru li fuqhom tkun ġiet imposta projbizzjoni ta’ l-operar, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 4

Aġġornament tal-lista Komunitarja

1.  Il-lista Komunitarja għandha tkun aġġornata:

(a) biex timponi projbizzjoni ta’ l-operar fuq kumpannija ta’ l-ajru u tinkludi din il-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja, fuq il-bażi tal-kriterji komuni;

(b) biex tneħħi kumpannija ta’ l-ajru mil-lista Komunitarja, jekk in-nuqqas jew nuqqasijiet tas-sigurtà li wasslu għall-inklużjoni tal-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja ikunu ġew rimedjati u ma jkun hemm l-ebda raġuni oħra, fuq il-bażi tal-kriterji komuni, għaż-żamma tal-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja;

(ċ) biex jiġu modifikati l-kondizzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ l-operar imposti fuq kumpannija ta’ l-ajru li hija inkluża fil-lista Komunitarja.

2.  Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, għandha tiddeċiedi li taġġorna l-lista Komunitarja malli dan ikun meħtieġ taħt il-paragrafu 1, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3) u fuq il-bażi tal-kriterji komuni. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, mill-inqas kull tliet xhur, jekk ikunx xieraq li tiġi aġġornata l-lista Komunitarja.

3.  Kull Stat Membru u l-Aġenzija għas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tista’ tkun relevanti fil-kuntest ta’ l-aġġornar tal-lista Komunitarja. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni relevanti kollha lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Miżuri proviżorji għall-aġġornar tal-lista Komunitarja

1.  Fejn ikun evidenti li t-tkomplija ta’ l-operar ta’ kumpannija ta’ l-ajru fil-Komunità x’aktarx toħloq riskju serju għas-sigurtà, u li dan ir-riskju ma jkunx issolva b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri urġenti meħuda mill-Istat(i) Membru/i kkonċernati skond l-Artikolu 6(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta, b’mod proviżorju, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) jew 4(1)ċ, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.  Kemm jista’ jkun malajr, u fi żmien mhux aktar minn għaxart ijiem tax-xogħol, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-kwistjoni lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15(1) u għandha tiddeċiedi li tikkonferma, temenda, tirrevoka jew testendi l-miżura li hi tkun adottat taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 6

Miżuri eċċezzjonali

1.  F’każ ta’ urġenza, dan ir-Regolament m’għandux jipprekludi lil Stat Membru milli jirreaġixxi għal xi problema ta’ sigurtà mhux mistennija billi jimponi projbizzjoni ta’ l-operar immedjata fir-rigward tat-territorju tiegħu stess, b’kont meħud tal-kriterji komuni.

2.  Deċiżjoni mill-Kummissjoni biex ma tinkludix kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(4) jew 4(2) m’għandhiex tipprekludi Stat Membru milli jimponi jew iżomm projbizzjoni ta’ l-operar fuq il-kumpannija ta’ l-ajru kkonċernata minħabba problema ta’ sigurtà li taffettwa speċifikament lil dak l-Istat Membru.

3.  Fi kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta mingħajr dewmien talba lill-Kummissjoni biex taġġorna l-lista Komunitarja, skond l-Artikolu 4(2).

Artikolu 7

Drittijiet ta’ difiża

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta tadotta deċiżjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 3(4), 4(2) u 5, il-kumpannija ta’ l-ajru kkonċernata tingħata l-opportunità li tinstema’, b’kont meħud tal-bżonn, f’ċerti każijiet, għal proċedura ta’ urġenza.

▼M3

Artikolu 8

Regoli dettaljati

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14a sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistipula regoli dettaljati fir-rigward tal-proċeduri msemmija f’dan il-Kapitolu filwaqt li jittieħed kont debitu tal-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet malajr fuq l-aġġornament tal-lista Komunitarja.

Meta, fil-każ tal-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu, ir-raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 14b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

▼B

Artikolu 9

Pubblikazzjoni

1.  Il-lista Komunitarja u kwalunkwe modifika li ssir għaliha għandhom jiġu ppubblikati immedjatament fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħaffu l-aċċess pubbliku għal-lista Komunitarja, kif aġġornata l-aħħar, b’mod partikolari permezz ta’ l-użu ta’ l-Internet.

3.  Il-kuntratturi tal-kumpanniji ta’ l-ajru, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-avjazzjoni ċivili, l- Aġenzija ta’ l-Avjazzjoni tas-Sigurtà Ewropea u l-ajruporti fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandhom iġibu l-lista Komunitarja għall-attenzjoni tal-passiġġieri, kemm permezz tal-websites tagħhom, kif ukoll, fejn hu relevanti, fuq il-postijiet tagħhom.



KAPITOLU III

INFORMAZZJONI GĦALL-PASSIĠĠIERI

Artikolu 10

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri bl-ajru, meta t-titjira tkun parti minn kuntratt ta’ trasport u dak it-trasport ikun beda fil-Komunità, u

(a) it-titjira titlaq minn ajruport fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat;

jew

(b) it-titjira titlaq minn ajruport f’pajjiż terz u tasal f’ajruport fit-territorju ta’ Stat li għalih japplika t-Trattat;

jew

(ċ) it-titjira titlaq minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u tasal f’ajruport ieħor bħal dan.

2.  Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw kemm jekk it-titjira hija skedata kif ukoll jekk mhijiex skedata, u kemm jekk it-titjira tagħmel parti minn pakkett kif ukoll jekk le.

3.  Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet tal-passiġġieri taħt id-Direttiva 90/314/KEE u r-Regolament (KEE) Nru 2299/89.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera

1.  Meta ssir riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport bl-ajru għandu jinforma lill-passiġġier dwar l-identità tal-kumpannija jew kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw, ikun xi jkun il-mezz użat għar-riservazzjoni.

2.  Fejn l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw ma jkunux magħrufa fiż-żmien tar-riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport tal-ajru għandu jiżgura li l-passiġġier jiġi infurmat bl-isem jew l-ismijiet tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li x’aktarx se tkun jew ikunu l-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw għat-titjira jew titjiriet ikkonċernati. F’każ bħal dan, il-kuntrattur tat-trasport bl-ajru għandu jiżgura li l-passiġġier huwa infurmat bl-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw malli din l-identità tkun magħrufa.

3.  Kull fejn il-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw tinbidel jew jinbidlu wara r-riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport ta’ l-ajru, irrispettivament mir-raġuni għall-bidla, għandu jieħu immedjatament il-passi xierqa kollha biex jiżgura li l-passiġġier jiġi infurmat dwar il-bidla kemm jista’ jkun malajr. Fil-każi kollha, il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati fiċ-check-in, jew mat-tlugħ fuq l-ajruplan fejn m’hemmx bżonn ta’ check-in għal titjira ta’ konnessjoni.

4.  Il-kumpannija ta’ l-ajru jew l-organizzatur ta’ ġiti, skond il-każ, għandu jiżgura li l-kuntrattur relevanti tat-trasport ta’ l-ajru jiġi infurmat dwar l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw hekk kif dan ikun magħruf, b’mod partikolari f’każ ta’ bdil ta’ tali identità.

5.  Jekk bejjiegħ tal-biljetti ma jkunx ġie infurmat dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, m’għandux ikun responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligazzjonijiet provduti f’dan l-Artikolu.

6.  L-obligazzjoni tal-kuntrattur tat-trasport bl-ajru li jinforma lill-passiġġieri bl-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw għandha tiġi speċifikata fil-kondizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ li japplikaw għall-kuntratt tat-trasport.

Artikolu 12

Dritt għal rimbors jew l-għoti ta’ rotta ġdida

1.  Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-dritt għal rimbors jew l-għoti ta’ rotta ġdida kif inhu provdut fir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

2.  F’każijiet fejn ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma japplikax, u

(a) il-kumpannija ta’ l-ajru li topera u li ġiet notifikata lill-passiġġier tniżżlet fil-lista Komunitarja u hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ l-operar li wasslet għat-tħassir tat-titjira kkonċernata, jew li kienet twassal għal tħassir bħal dan jkieku it-titjira kkonċernata tkun ġiet operata fil-Komunità;

jew

(b) il-kumpannija ta’ l-ajru li topera u li ġiet notifikata lill-passiġġier inbidlet b’kumpannija ta’ l-ajru li topera oħra u li tniżżlet fil-lista Komunitarja u hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ l-operar li wasslet għat-tħassir tat-titjira kkonċernata, jew li kienet twassal għal tħassir bħal dan kieku t-titjira kkonċernata kienet ġiet operata fil-Komunità;

il-kuntrattur tat-trasport ta’ l-ajru li huwa parti mill-kuntratt tat-trasport għandu joffri lill-passiġġier id-dritt għal rimbors jew l-għotji ta’ rotta ġdida stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, kemm-il darba, meta t-titjira ma tkunx ġiet ikkanċellata, il-passiġġier ikun għażel li ma jieħux dik it-titjira.

3.  Il-paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu rrispettati r-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu u għandhom jistabbilixxu penali għall-ksur ta’ dawn ir-regoli. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.



KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Informazzjoni u emendar

Sa 16 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti għall-emendar ta’ dan ir-Regolament.

▼M3

Artikolu 14a

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 8 għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 8 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 1 ).

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahar min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14b

Proċedura ta’ urġenza

1.  L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 14a(6). F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

▼M1

Artikolu 15

▼M2

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat (“il-Kumitat tal-UE għas-Sikurezza tal-Ajru”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M3 —————

▼M1

5.  Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kumitat dwar kwalunkwe materja oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 16

Tħassir

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE huwa hawnhekk imħassar.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom japplikaw minn 16 ta’ Lulju 2006 u l-Artikolu 13 għandu japplika minn 16 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Kriterji komuni għall-kunsiderazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ l-operar għal raġunijiet ta’ sigurtà fuq livell Komunitarju

Deċiżjonijiet għal azzjoni fuq livell Komunitarju għandhom jittieħdu skond il-merti ta’ kull każ individwali. Skond il-merti ta’ kull każ, kumpannija jew il-kumpanniji kollha ċċertifikati fl-istess stat jistgħu jkunu eliġibbli għal azzjoni fuq livell Komunitarju.

Fil-kunsiderazzjoni ta’ jekk kumpannija ta’ l-ajru għandhiex tiġi totalment jew parzjalment projbita, għandu jiġi evalwat jekk il-kumpannija ta’ l-ajru hijiex qed tissodisfa l-istandards relevanti tas-sigurtà billi jitqiesu dawn li ġejjin:

1. Evidenza vverifikata dwar nuqqasijiet serji tas-sigurtà min-naħa tal-kumpannija ta’ l-ajru:

 Rapporti li juru nuqqasijiet serji tas-sigurtà, jew nuqqas persistenti min-naħa tal-kumpannija biex tirranġa n-nuqqasijiet identifikati bi spezzjonijiet fuq l-art magħmula taħt il-programm SAFA li ġew mgħarrfa lill-kumpannija minn qabel.

 Nuqqasijiet serji tas-sigurtà identifikati fi ħdan il-qafas tad-disposizzjonijiet għall-ġbir ta’ informazzjoni fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/36/KE dwar is-sigurtà fuq ajruplani ta’ pajjiżi terzi.

 Projbizzjoni ta’ l-operar imposta fuq kumpannija ta’ l-ajru minn pajjiż terz minħabba nuqqasijiet sustanzjati fir-rigward ta’ l-istandards internazzjonali tas-sigurtà.

 Informazzjoni sostanzjata li għandha x’taqsam ma aċċidenti jew informazzjoni serja li għandha x’taqsam ma’ inċidenti li tindika nuqqasijiet ta’ sigurtà moħbija sistematiċi.

2. Nuqqas ta’ kapaċità u/jew volontà ta’ kumpannija ta’ l-ajru biex tindirizza nuqqasijiet ta’ sigurtà kif jidhru minn:

 Nuqqas ta’ trasparenza jew komunikazzjoni adegwata u fil-ħin min-naħa ta’ kumpannija bħala tweġiba għal inkjesta mill-awtorità ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ l-aspett tas-sigurtà ta’ l-operazzjonijiet tiegħu.

 Pjan ta’ azzjoni korrettiv mhux xieraq jew insuffiċjenti ppreżentat bħala tweġiba għal xi nuqqas ta’ sigurtà serju identifikat.

3. Nuqqas ta’ kapaċità u/jew volontà ta’ l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza ta’ kumpannija ta’ l-ajru biex jiġu ndirizzati nuqqasijiet ta’ sigurtà kif jidher minn:

 Nuqqas ta’ koperazzjoni ma’ l-awtorità ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor, meta jkun hemm jitqajjem tħassib dwar is-sigurtà ta’ l-operazzjoni ta’ kumpannija liċenzjata jew iċċertifikata f’dak l-istat.

 Nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu sorveljanza regolatorja tal-kumpannija biex jiġu implimentati u infurzati l-istandards relevanti tas-sigurtà. Għandhom jitqiesu b’mod partikolari dawn li ġejjin:

 

(a) verifiki u pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva relatati stabbiliti taħt il-Programm Universali għall-Verifika tas-Sorveljanza tas-Sigurtà ta’ l-ICAO jew taħt kwalunkwe liġi Komunitarja applikabbli;

(b) jekk l-awtorizzazzjoni li topera jew il-permess tekniku ta’ kwalunkwe kumpannija taħt is-sorveljanza ta’ dak l-Istat kienux ġew rifjutati jew revokati qabel minn xi Stat ieħor;

(ċ) iċ-ċertifikat ta’ l-operatur ta’ l-ajru ma nħariġx mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat fejn il-kumpannija għandha l-post prinċipali tan-negozju.

 Nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat li fih l-ajruplan użat mill-kumpannija ta’ l-ajru huwa rreġistrat biex jissorveljaw l-ajruplan użat mill-kumpannija skond l-obbligi taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago.



( 1 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

Top