Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02004R2252-20090626

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat- 13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2252/2009-06-26

2004R2252 — MT — 26.06.2009 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2252/2004

tat-13 ta' Diċembru 2004

dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

(ĠU L 385, 29.12.2004, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 444/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-28 ta’ Mejju 2009

  L 142

1

6.6.2009




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2252/2004

tat-13 ta' Diċembru 2004

dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62 (2) (a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 kkonferma li huwa meħtieġ approċċ koerenti fl-Unjoni Ewropea għal identifikaturi bijometriċi jew data bijometrika għal dokumenti għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, passaporti ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u sistemi ta' informazzjoni (VIS u SIS II).

(2)

Standards minimi ta' sigurtà għall-passaporti kienu introdotti b'Riżoluzzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, mlaqqgħin fil-Kunsill, fis-17 ta' Ottubru 2000 ( 3 ). Issa huwa xieraq li din ir-Riżoluzzjoni tiġi aġġornata b'miżura Komunitarja sabiex jinkisbu standards ta' sigurtà armonizzati u msaħħa għal passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar biex ikun hemm protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni. Fl-istess ħin identifikaturi bijometriċi għandhom jiġu integrati fil-passaport jew id-dokument ta' l-ivvjaġġar sabiex tiġi stabbilita rabta affidabbli bejn id-detentur ġenwin u d-dokument.

(3)

L-armonizzazzjoni ta' karatteristiċi ta' sigurtà u l-integrazzjoni ta' identifikaturi bijometriċi huma pass importanti lejn l-użu ta' elementi ġodda fil-perspettiva ta' żviluppi fil-ġejjieni fuq livell Ewropew, li jagħmlu d-dokument ta' l-ivvjaġġar iktar sigur u jistabbilixxu rabta iktar affidabbli bejn id-detentur u l-passaport u d-dokument ta' l-ivvjaġġar bħala kontribut importanti biex jiġi żgurat li hu protett kontra l-użu bi frodi. Għandu jittieħed kont ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), u b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-Dokument 9303 dwar dokumenti ta' l-ivvjaġġar li jistgħu jinqraw minn magna.

(4)

Dan ir-Regolament huwa limitat għall-armonizzazzjoni tal-karatteristiċi ta' sigurtà inklużi identifikaturi bijometriċi għall-passaporti u d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' l-Istati Membri. L-għażla ta' l-awtoritajiet u l-korpi awtorizzati li jkollhom aċċess għad-data li tinsab fil-mezz ta' ħażna tad-dokumenti hija kwistjoni ta' leġislazzjoni nazzjonali, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjonijiet rilevanti ta' liġi Komunitarja, liġi ta' l-Unjoni Ewropea jew ftehim internazzjonali.

(5)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi biss tali speċifikazzjonijiet li mhumiex sigrieti. Jeħtieġ li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jiġu supplimentati bi speċifikazzjonijiet li jistgħu jibqgħu sigrieti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kontrafazzjoni u falsifikazzjonijiet. Tali speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni ( 4 ).

(6)

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi mudell uniformi għall-viżi ( 5 ).

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni msemmija ma tkunx disponibbli għal iktar persuni milli hemm bżonn, huwa essenzjali wkoll li kull Stat Membru jinnomina mhux iżjed minn korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà li jipproduċi l-passaporti u d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jbiddlu l-korp, jekk ikun hemm bżonn. Għal raġunijiet ta' sigurtà, kull Stat Membru għandu jikkomunika l-isem tal-korp kompetenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(8)

Fir-rigward tad-data personali li trid tiġi proċessata fil-kuntest ta' passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar, id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data ( 6 ) tapplika. Għandu jiġi żgurat li l-ebda informazzjoni ulterjuri ma għandha tiġi maħżuna fil-passaport sakemm mhux prevista f'dan ir-Regolament, l-anness tiegħu jew sakemm ma tkunx imsemmija fid-dokument ta' l-ivvjaġġar rilevanti.

(9)

Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq biex jintlaħaq l-għan bażiku li jiġu introdotti standards komuni ta' sigurtà u identifikaturi bijometriċi interoperabbli li jiġu stabbiliti regoli għall-Istati Membri kollha li jagħtu effett lill-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 ( 7 ). Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li huma mfittxija, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat.

(10)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ser, skond l-Artikolu 5 ta' dan il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien perijodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan ir-Regolament jekk tkunx ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(11)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq biex jieħu sehem f'xi wħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen ( 8 ). Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(12)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen ( 9 ). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(13)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen ( 10 ) li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim ( 11 ).

(14)

Fir-rigward ta' l-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni ta' l-Isvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni ta' l-Isvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen ( 12 ) li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim ( 13 ),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

▼M1

1.  Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness.

Dawn għandhom jinħarġu bħala dokumenti individwali.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar ir-rekwiżiti għat-tfal li jkunu qegħdin jivvjaġġaw weħidhom jew li jkunu akkumpanjati, u li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2012 u tipproponi, fejn jinħtieġ, inizjattivi xierqa sabiex tiġi żgurata strateġija komuni rigward ir-regoli għall-protezzjoni tat-tfal li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

2.  Il-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jinkludu mezz sikur ħafna ta’ ħażna li għandu jkun fih immaġni tal-wiċċ. L-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll żewġ marki tas-swaba’ meħuda ċatti f’format interoperabbli. Id-data għandha tkun żgurata u l-mezz ta’ ħażna għandu jkun ta’ daqs u kapaċità suffiċjenti biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-data.

2a.  Dawn il-persuni li ġejjin għandhom jkunu eżentati mir-rekwiżit tal-marki tas-swaba’:

(a) Tfal taħt l-età ta’ 12-il sena. Il-limitu tal-età ta’ 12-il sena huwa wieħed proviżorju.

Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 5a għandu jkun fih reviżjoni tal-limitu tal-età, u jekk ikun meħtieġ, għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex ikun emendat il-limitu tal-età.

Bla ħsara għall-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5a, l-Istati Membri li fil-liġi nazzjonali tagħhom, adottata qabel is-26 ta’ Ġunju 2009, jipprovdu għal limitu tal-età ta’ anqas minn tnax-il sena jistgħu japplikaw dak il-limitu waqt perjodu ta’ tranżizzjoni sa erba’ snin wara is-26 ta’ Ġunju 2009. Madankollu, il-limitu tal-età fil-perjodu tranżitorju ma jistax ikun ta’ anqas minn 6 snin;

(b) persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’.

2b.  Fejn it-teħid tal-marki tas-swaba’ indikati ma jkunx jista’ jsir għal xi żmien, l-Istati Membri għandhom jippermettu li jittieħdu l-marki tas-swaba’ l-oħra. Fejn għal xi żmien ma jkunux jistgħu jittieħdu wkoll il-marki tas-swaba’ l-oħra kollha, jistgħu joħorġu passaport temporanju li jkollu perjodu ta’ validità ta’ 12-il xahar jew anqas.

▼B

3.  Dan ir-Regolament japplika għall-passaporti u d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri. Ma japplikax għall-karti ta' l-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom jew għal passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar temporanji b'validità ta' 12-il xahar jew inqas.

▼M1

Artikolu 1a

1.  L-identifikaturi bijometriċi għandhom jittieħdu minn persunal ikkwalifikat u awtorizzat kif jixraq tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ħruġ tal-passaporti u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

2.  L-Istati Membri għandhom jiġbru l-identifikaturi bijometriċi mingħand l-applikant skont is-salvagwardji stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri xierqa li jiggarantixxu d-dinjità tal-persuna kkonċernata jkunu disponibbli fil-każ li jkun hemm xi diffikultà fir-reġistrazzjoni.

▼M1

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali f’konformità mal-istandards internazzjonali, fosthom b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), għall-passaporti u għad-dokumenti tal-ivvjaġġar, relatati ma’ dan li ġej, għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2):

(a) karatteristiċi u rekwiżiti addizzjonali ta’ sigurtà, inklużi standards imsaħħa ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni, u l-kontrafazzjoni;

(b) speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezz ta’ ħażna tal-karatteristiċi bijometriċi u s-sigurtà tagħhom, inkluża l-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat;

(ċ) rekwiżiti għall-kwalità u standards tekniċi komuni għax-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’.

▼B

Artikolu 3

1.  Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) jista' jiġi deċiż li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. F'dak il-każ, għandhom jitpoġġew għad-disposizzjoni biss tal-korpi magħżula mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u tal-persuni awtorizzati kif dovut minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

2  Kull Stat Membru għandu jagħżel korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-passaporti u d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar. Għandu jikkomunika l-isem ta' dak il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-istess korp jista' jiġi magħżul minn żewġ Stati Membri jew iktar. Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jbiddel il-korp magħżul tiegħu. Għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

Artikolu 4

1.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-protezzjoni tad-data, il-persuni li jinħarġilhom passaport jew dokument ta' l-ivvjaġġar għandhom ikollhom id-dritt li jivverifikaw id-data personali li jkun hemm fil-passaport jew fid-dokument ta' l-ivvjaġġar u, fejn xieraq, li jitolbu għal rettifika jew tħassir.

2.  L-ebda informazzjoni f'forma li tista' tinqara minn magna ma għandha tiġi inkluża f'passaport jew f'dokument ta' l-ivvjaġġar sakemm mhix prevista f'dan ir-Regolament, jew l-Anness tiegħu, jew sakemm mhix imsemmija fil-passaport jew fid-dokument ta' l-ivvjaġġar mill-Istat Membru emittenti skond il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu.

▼M1

3.  Id-data bijometrika għandha tinġabar u tinħażen fil-mezz ta’ ħażna tal-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jinħarġu dawn id-dokumenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-karatteristiċi bijometriċi fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom jintużaw biss biex ikunu vverifikati:

(a) l-awtentiċità tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(b) l-identità tad-detentur permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta l-passaport jew dokument tal-ivvjaġġar ikun meħtieġ li jintwera bil-liġi.

L-iċċekkjar tal-karatteristiċi ta’ sigurtà addizzjonali għandu jsir bla ħsara għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 14 ). In-nuqqas ta’ taqbil fih innifsu m’għandux jeffettwa l-validità tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-iskop tal-qsim tal-fruntieri esterni.

▼B

Artikolu 5

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1683/95.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahrejn.

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

▼M1

Artikolu 5a

Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2012 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun ibbażat fuq studju fuq skala kbira u fil-fond li jkun sar minn awtorità indipendenti u taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, li jeżamina l-affidabilità u l-fattibilità teknika, inkluż permezz ta’ evalwazzjoni tal-preċiżjoni tas-sistemi użati, tal-użu tal-marki tas-swaba’ tat-tfal taħt l-14-il sena għall-iskopijiet ta’ identifikazzjoni u verifika, fosthom it-tqabbil tar-rati ta’ rifjut falz f’kull Stat Membru u, abbażi tar-riżultati ta’ dak l-istudju, analiżi tal-ħtieġa ta’ regoli komuni rigward il-proċess tat-tqabbil. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti biex dan ir-Regolament jiġi adattat.

▼B

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu filĠurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

▼M1

L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament:

(a) fir-rigward tal-immaġni tal-wiċċ: sa mhux aktar tard minn 18 xahar

(b) fir-rigward tal-marki tas-swaba’: sa mhux aktar tard minn 36 xahar

wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 2. Madankollu, il-validità tal-passaporti u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li jkunu diġà nħarġu m’għandhiex tiġi effettwata.

I-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), għandu jkun implimentat sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2012 Madankollu, il-validità inizjali għad-detentur tad-dokument m’għandhiex tkunu affettwata.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.




ANNESS

STANDARDS MINIMI TA' SIGURTÀ TA' PASSAPORTI U DOKUMENTI TA' L-IVVJAĠĠAR MAĦRUĠA MILL-ISTATI MEMBRI

Introduzzjoni

Dan l-Anness jistabbilixxi l-livell minimu ta' sigurtà li l-passaporti u d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' l-Istati Membri huma meħtieġa li jipprovdu. Id-disposizzjonijiet f'dan l-Anness għandhom x'jaqsmu primarjament mal-paġna tad-data bijografika. Il-karatteristiċi ta' sigurtà ġeneriċi japplikaw ukoll għall-partijiet l-oħra tal-passaporti u tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar.

Il-paġna tad-data bijografika tista' tikkonsisti f'diversi materjali bażiċi. Dan l-Anness jispeċifika l-livell minimu ta' sigurtà għall-materjal speċifiku li hu wżat.

1.    Materjal

Il-karta wżata għal dawk it-taqsimiet tal-passaport jew id-dokument ta' l-ivvjaġġar li jagħtu d-dettalji personali jew data oħra għandhom jissodisfaw l-rekwiżiti minimi li ġejjin:

 l-ebda brighteners ottiċi,

 marki ta' l-ilma duo-tone,

 reaġenti ta' sigurtà biex iħarsu kontra tentattivi ta' tbagħbis bi tħassir kimiku,

 fibri kuluriti (parzjalment viżibbli u parzjalment fluworexxenti taħt dawl UV, jew inviżibbli u fluworexxenti f'mill-inqas żewġ kuluri),

  planchettes UV-fluworexxenti huma rakkomandati (għal stikers huma obbligatorji),

 l-użu ta' ħajt ta' sigurtà huwa rakkomandat.

Jekk il-paġna tad-data personali hija f'forma ta' stiker, tista' ma tiġix użata l-marka ta' l-ilma fil-karta wżata għal dik il-paġna. Tista' wkoll ma tiġix użata l-marka ta' l-ilma fil-karta wżata għan-naħa ta' ġewwa tal-qxur tal-passaport jew tad-dokument ta' l-ivvjaġġar. Reaġenti ta' sigurtà huma meħtieġa fuq il-qxur ta' ġewwa biss jekk tiġi mdaħħla data hemmhekk.

Il-ħajt użat għall-ħjata għandu jkun protett mis-sostituzzjoni.

Jekk card użata biex tiġi mdaħħla data personali fil-passaport jew fid-dokument ta' l-ivvjaġġar hija magħmula kollha kemm hi minn sottostrat sintetiku, is-soltu ma jkunx possibbli li jiġu inkorporati l-marki ta' awtentikazzjoni wżati fil-karta tal-passaport jew fid-dokument ta' l-ivvjaġġar. Fil-każ ta' stikers u cards, in-nuqqas ta' marki fil-materjali għandu jkun ikkumpensat b'miżuri fir-rigward ta' l-istampar ta' sigurtà, l-użu ta' apparat ta' kontra l-ikkupjar, jew it-teknika ta' ħruġ skond it-Taqsimiet 3, 4 u 5 barra mill-istandards minimi li ġejjin.

2.    Paġna tad-data bijografika

Il-passaport jew id-dokument ta' l-ivvjaġġar għandu jkollu paġna ta' data bijografika li tista' tinqara minn magna, li għandha tkun konformi mall-Parti 1 (passaporti li jistgħu jinqraw minn magna) tad-Dokument ICAO-9303 u l-mod ta' kif jinħarġu għandu jkun konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet għall-passaporti li jistgħu jinqraw minn magna stabbiliti hemmhekk.

Ir-ritratt tad-detentur għandu jidher ukoll fuq din il-paġna u ma għandux ikun imwaħħal imma integrat fil-materjal tal-paġna tad-data bijografika permezz tat-tekniki ta' ħruġ kif imsemmija fit-Taqsima 5.

Id-data bijografika għandha tiddaħħal fil-paġna li ssegwi l-paġna tat-titolu fil-passaport jew id-dokument ta' l-ivvjaġġar. Fi kwalunkwe każ, għad-data bijografika ma għandhiex tintuża iktar paġna ta' ġewwa tal-qoxra.

It-tqassim tal-paġna tad-data bijografika għandu jkun tali li tkun tista' tintgħaraf mill-paġni l-oħra.

3.    Tekniki ta' stampar

It-tekniki ta' stampar li ġejjin għandhom jintużaw:

A. Stampar ta' l-isfond:

  guilloches b'żewġ toni jew strutturi ekwivalenti,

 kolorazzjoni qawsalla, fejn hu possibli fluworexxenti,

 sovrastampar UV-fluworexxenti,

 diżinni effettivi kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni (speċjalment fuq il-paġna tad-data bijografika) b'użu mhux obbligatorju tal-mikrostampar,

 linki reaġenti għandhom jintużaw fuq il-paġni fuq l-istikers tal-karta tal-passaport jew tad-dokument ta' l-ivvjaġġar,

 jekk il-karta tal-passaport jew tad-dokument ta' l-ivvjaġġar hija protetta sew kontra tentattivi ta' tbagħbis, l-użu ta' linki reaġenti mhux obbligatorju.

B. Stampar tal-formola:

B'mikrostampar integrat (sakemm ma jkunx diġà inkluż fl-istampar ta' l-isfond).

Ċ. Numerazzjoni:

Fil-paġni kollha ġewwa l-passaport jew id-dokument ta' l-ivvjaġġar numru uniku tad-dokument għandu jiġi stampat (fejn hu possibbli bi stil speċjali ta' figuri jew karattri u b'linka UV-fluworexxenti), jew imtaqqba jew, f'cards tal-passaport, numru uniku tad-dokument għandu jiġi integrat bl-użu ta' l-istess teknika bħal dik użata għad-data bijografika. Huwa rakkomandat li fil-cards tal-passaport in-numru uniku tad-dokument ikun viżibbli fuq iż-żewġ naħat tal-card. Jekk stiker hija wżata għad-data bijografika, in-numru uniku tad-dokument għandu jkun stampat permezz ta' linka fluworexxenti, u stil speċjali ta' figuri jew karattri huwa obbligatorju.

Jekk stikers jew paġni ta' ġewwa ta' karta mhux laminata huma wżati għad-data bijografika, stampar intaglio b'effett ta' xbieha moħbija, mikrotest u linka bi proprjetajiet ottikament varjabbli u DOVID (Diffractive Optically Variable Image Device) għandhom ukoll jintużaw. Strumenti addizzjonali ta' sigurtà ottikament varjabbli għandhom ukoll jintużaw fuq cards tal-passaport magħmula kollha kemm huma minn sottostrat sintetiku, għall-inqas permezz ta' l-użu ta' DOVID jew miżuri ekwivalenti.

4.    Protezzjoni kontra l-ikkuppjar

Strument ottikament varjabbli (OVD) jew strument ekwivalenti, li joffri l-istess livell ta' identifikazzjoni u sigurtà kif inhu bħalissa wżat fil-format uniformi għall-viżi, għandu jintuża fuq il-paġna tad-data bijografika u għandu jieħu l-forma ta' strutturi diffrattivi li jvarjaw skond l-angolu differenti li minnu tħares lejhom (DOVID) inkorporati fil-laminazzjoni ta' protezzjoni ssiġillata bis-sħana jew laminazzjoni ekwivalenti (irqiqa kemm jista' jkun) jew applikata bħala kisja OVD, jew, fuq l-istikers jew il-paġna ta' ġewwa ta' karta mhux laminata, bħala OVD metallizzat jew parzjalment de-metallizzat (b'sovrastampar intaglio) jew strumenti ekwivalenti.

L-istrumenti OVD għandhom jiġu integrati fid-dokument bħala element ta' struttura stratifikata, li tipproteġi b'mod effettiv kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni. F'dokumenti magħmula minn karta, għandhom jiġu integrati fuq wiċċ wiesa' kemm jista' jkun bħala element tal-laminazzjoni ssiġillata bis-sħana jew laminazzjoni ekwivalenti (irqiqa kemm jista' jkun) jew applikata bħala kisja ta' sigurtà, kif deskritt fit-Taqsima 5. F'dokumenti magħmula minn sottostrat sintetiku, għandhom jiġu integrati fl-istrat tal-card fuq wiċċ kemm jista' jkun wiesa'.

Jekk card sintetika hija personalizzata b'inċiżjoni bil-laser, u strument miktub bil-laser ottikament varjabbli huwa inkorporat hemmhekk, l-OVD diffrattiv għandu jiġi applikat, mill-inqas f'forma ta' DOVID metalizzat jew trasparenti posizzjonat, biex tinkiseb protezzjoni msaħħa kontra r-riproduzzjoni.

Jekk paġna tad-data bijografika hija magħmula minn sottostrat sintetiku b'qalba tal-karta, l-OVD diffrattiv għandu jiġi applikat għall-inqas fil-forma ta' DOVID metalizzat jew trasparenti posizzjonat, biex tinkiseb protezzjoni msaħħa kontra r-riproduzzjoni.

5.    Teknika ta' ħruġ

Sabiex jiġi żgurat li d-data tal-passaport jew tad-dokument ta' l-ivvjaġġar hija protetta kif xieraq kontra tentattivi ta' kontrafazzjoni u ta' falsifikazzjoni, id-data bijografika inklużi r-ritratt tad-detentur, il-firma tad-detentur u d-data ewlenija tal-ħruġ għandhom ikunu integrati fil-materjal bażiku tad-dokument. Metodi konvenzjonali ta' kif ir-ritratt jiġi mwaħħal ma għandhomx jintużaw iktar.

Jistgħu jintużaw it-tekniki ta' ħruġ li ġejjin:

 stampar bil-laser,

 thermo-trasferiment,

 stampar ink-jet,

 tekniċi fotografiċi,

 inċiżjoni bil-laser li tippenetra b'mod effettiv fl-istrati tal-card li jkun fihom il-karatteristiċi ta' sigurtà.

Sabiex jiġi żgurat li d-data bijografika u d-data ta' ħruġ ikunu protetti b'mod adegwat kontra tentattivi ta' tbagħbis, laminazzjoni ssiġillata bis-sħana jew l-ekwivalenti (rqiqa kemm jista' jkun) bi strument kontra l-ikkupjar hija obbligatorja fejn jiġu wżati stampar bil-laser, thermo-trasferiment jew tekniki fotografiċi.

Id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar għandhom jinħarġu f'forma li tista' tinqara minn magna. It-tqassim tal-paġna tad-data bijografika għandu isegwi l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija fil-Parti 1 tad-Dokument ICAO 9303, u l-proċeduri ta' ħruġ għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet li dan jistabbilixxi għal dokumenti li jistgħu jinqraw minn magna.



( 1 ) ĠU C 98, 23.4.2004, p. 39.

( 2 ) Opinjoni tat-2 ta' Diċembru 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 3 ) ĠU C 310, 28.10.2000, p. 1.

( 4 ) ĠU L 184, 17.7.1999 p. 23.

( 5 ) ĠU L 164, 14.7.1995 p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni 2003.

( 6 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

( 7 ) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) 871/2003 (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 29).

( 8 ) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

( 9 ) ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

( 10 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

( 11 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

( 12 ) Dok. tal-Kunsill 13054/04 aċċessibbli minn http://register.consilium.eu.int

( 13 ) Dok. tal-Kunsill 13464/04 u 13466/04 aċċessibbli minn http://register.consilium.eu.int

( 14 ) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

Top