EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02004L0036-20080420

Consolidated text: Id-Direttiva 2004/36/EK tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-sigurta ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/36/2008-04-20

02004L0036 — MT — 20.04.2008 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DIRETTIVA 2004/36/EK TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta' April 2004

dwar is-sigurta ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità

(ĠU L 143 30.4.2004, p. 76)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2111/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

  L 344

15

27.12.2005

►M2

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/49/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE tas-16 ta’ April 2008

  L 109

17

19.4.2008




▼B

ID-DIRETTIVA 2004/36/EK TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta' April 2004

dwar is-sigurta ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità



Artikolu 1

Skop u Objettiv

1.  
Fil-qafas ta' l-istrateġija globali tal-Komunità sabiex tistabbilixxi u żomm livell għoli u uniformi tas-sigurta fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, din id-Direttiva tintroduċi atteggjament armonizzat għall-infurzar effettiv tal-livelli internazzjonali ta' sigurta, ġewwa l-Komunità, billi jiġu armonizzati r-regoli u l-proċeduri għall-ispeżżjonijiet fuq ajruplani ta' pajjiżi terzi li jitniżżlu f'ajruporti li jinsabu fl-Istati Membri.
2.  
Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jagħmlu spezzjonijiet m'humiex koperti b'din id-Direttiva u sabiex iżommu milli jittajru, jipprojbixxu jew jimponu kundizzjonijiet fuq kwalunkwe ajruplan li jitniżżel fl-ajruporti tagħhom skond il-liġi tal-Komunità jew dik internazzjonali.
3.  
Ajruplani ta' l-Istat, kif imfissra fil-Konvenzjoni ta' Chicago, u ajruplani li l-piż massimu tagħhom waqt it-tluq huwa anqas minn 5700 kg meta m'humiex imqabbdin biex jaħdmu fi trasport kummerċjali ta' l-ajru, huma esklużi għall-iskop ta' din id-Direttiva.
4.  
L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibilta hija maħsuba sabiex tkun bla ħsara għall-posizzjonijiet legali tar-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit rigward tilwim dwar is-sovranita fuq it-territorju li fih ikun jinsab l-ajruport.
5.  
L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibilita għandha tkun sospiża sakemm jidħlu fis-seħħ l-arranġamenti tad-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit nhar it-2 ta' Diċembru 1987. Il-Gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit jinfurmaw lill-Kunsill dwar id-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 2

Tifsiriet

Bil-għan ta' din id-Direttiva:

(a) 

“żamm milli jittajru” ifisser il-projbizzjoni formali sabiex ajruplan jitlaq minn ajruport, u teħid ta' dawk il-passi li huma meħtieġa li jżommuh;

(b) 

“livelli internazzjonali ta' sigurta” ifisser il-livelli ta' sigurta li jinsabu fil-Konvenzjoni ta' Chicago u l-Annessi tagħha, kif ikunu fis-seħħ fiż-żmien li ssir l-ispezzjoni;

(ċ) 

“spezzjoni” tfisser l-eżaminar ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi skond l-Anness II;

(d) 

“ajruplan ta' pajjiżi terzi” ifisser ajruplan li ma jkunx użat jew operat taħt l-awtorita kompetenti ta' Stat Membru.

Artikolu 3

Ġbir ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu sabiex jiġbru kwalunkwe informazzjoni bżonnjuża sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1, inkluż:

(a) 

informazzjoni importanti dwar sigurta, partikolarment, permezz ta':

— 
rapporti pilota,
— 
rapporti dwar organizazzjoni ta' manutenzjoni,
— 
rapporti dwar inċidenti,
— 
organizazzjonijiet oħra, indipendenti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri,
— 
ilmenti;
(b) 

informazzjoni dwar azzjoni meħuda wara spezzjoni, bħall:

— 
ajruplan miżmum milli jtir,
— 
ajruplan jew operatur miżmum mill-Istat Membru konċernat,
— 
azzjoni korrettiva meħtieġa,
— 
kuntatti ma' l-awtorita kompetenti ta' l-operatur;
(ċ) 

informazzjoni dwar x'għandu jsegwi, li jikkonċerna l-operatur, bħal:

— 
l-azzjoni korrettiva implimentata,
— 
ripetizzjoni tad-diskrepanza

Din l-informazzjoni għandha tinżamm, bl-użu ta' rapport fil-forma standard, li jkun fih l-oġġetti deskritti, fil-forma mfassla fl-Anness I.

Artikolu 4

Spezzjoni

1.  

Kull Stat Membru, għandu jistabbilixxi l-mezzi xierqa sabiex jaccerta illi ajruplani ta' pajjiżi terzi li dwarhom ikun hemm suspett ta' nuqqas ta' konformita mal-livelli internazzjonali dwar sigurta, li jitniżżlu fi kwalunkwe ajruport tagħhom miftuħa għal traffiku internazzjonali ta' l-ajru, għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni. Fl-implimentazzjoni ta' dawn il-proċeduri, għandha tingħata attenzjoni partikolari mill-awtorita kompetenti, lill-ajruplani:

— 
f'kazi ta' informazzjoni li tindika manutenzjoni fqira, jew difetti u dannu ovvju;
— 
li jkunu ġew rappurtati li għamlu manuvri mhux normali, mad-dħul fi spazju ta' l-ajru ta' Stat Membru, u li jagħtu lok għal tħassib serju dwar is-sigurta;
— 
li dwarhom tkun fuq spezzjoni li tkun saret qabel, ikun instabu nuqqasijiet li jagħtu lok għal tħassib serju, li l-ajruplan ma jikkonformax ma' livelli internazzjonali ta' sigurta, u fejn l-Istat Membru ikollu tħassib dwar il-fatt li dawn id-difetti setgħu ma ġewx korretti;
— 
meta jkun hemm evidenza li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' reġistrazzjoni ma jkunux qegħdin jeżerċitaw l-attenzjoni xierqa; jew
— 
meta l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 tagħti lok għal tħassib dwar l-operatur jew fejn ikunu riżultaw nuqqasijiet fi spezzjoni li tkun diġa saret fuq ajruplan użat mill-istess operator;
2.  
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli sabiex jagħmlu spezzjonijiet skond il-proċedura ta' spot-check fl-assenza ta' kwalunkwe suspett partikolari, kemm-il darba dawn ir-regoli jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità u dik internazzjonali. Din il-proċedura għandha, iżda, ssir b'mezzi m'humiex diskriminatorji.
3.  
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jiġu implimentati spezzjonijiet xierqa u miżuri oħrajn ta' sorveljanza kif deċiż fil-qafas ta' l-Artikolu 8(3).
4.  
L-ispezzjoni għandha ssir skond il-proċedura deskritta fl-Anness II u trid tintuża l-formola dwar ir-rapport ta' l-ispezzjoni, u li jkun fiha ta' lanqas l-oġġetti deskritti fl-Anness II. Malli tkun tlestiet l-ispezzjoni, il-kmandant ta' l-ajruplan jew rappreżentant ta' l-operatur ta' l-ajruplan, għandu jiġi infurmat dwar is-sejbiet fl-ispezzjoni u, jekk ikunu nstabu difetti sinifikanti, r-rapport għandu jintbagħat lill-operatur ta' l-ajruplan u ta' l-awtoritajiet kompetenti konċernati.
5.  
Meta l-awtorita kompetenti tkun qiegħda tagħmel spezzjoni taħt din id-Direttiva, għandha tagħmel dawk l-isforzi kollha possibbli sabiex tevita dewmien mhux raġonevoli, mill-ajruplan spezzjonat.

Artikolu 5

Skambju ta' informazzjoni

1.  
L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw fi skambju konġunt ta' informazzjoni. Din l-informazzjoni għandha, fuq talba ta' l-awtorita kompetenti, tinkludi lista ta' ajruporti ta' l-Istati Membri konċernati li huma miftuħin għal traffiku internazzjonali ta' l-ajru, b'indikazzjoni għal kull sena kalendarja, tan-numru ta' spezzjonijiet li jkunu saru u n-numru ta' movimenti ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi f'kull ajruport fuq dik il-lista.
2.  
Kull rapport standard li għalih saret referenza fl-Artikolu 3 u r-rapport dwar l-ispezzjoni li għalih saret referenza fl-Artikolu 4(4), għandhom mingħajr dewmien ikunu disponibbli għall-Kummissjoni u, fuq talba tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurta fl-Avjazzjoni (AESA).
3.  
Kulmeta r-rapport standard juri l-eżistenza ta' xi theddida potenzali għas-sigurta, jew ir-rapport ta' l-ispezzjoni juri li l-ajruplan mhux konformi mal-livelli internazzjonali tas-sigurta u li jista' jkun ta' theddida potenzali għas-sigurta, r-rapport jiġi komunikat mingħajr dewmien lil kull awtorita kompetenti ta' l-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Protezzjoni u t-tixrid ta' informazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw il-kunfidenzalita xierqa ta' l-informazzjoni riċevuta minnhom taħt l-Artikolu 5. Għandhom jużaw din l-informazzjoni bil-għan ta' din id-Direttiva biss.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika, kull sena, rapport dwar l-informazzjoni miġbura, disponibbli lill-pubbliku u lill-partijiet interessati ta' l-industrija, liema rapport ikun fih analiżi ta' l-informazzjoni kollha riċevuta skond l-Artikolu 5. Dik l-analiżi għandha tkun sempliċi u faċli biex tinftihem u għandha tindika jekk teżistix idea fir-riskju għall-passiġġieri bl-ajru. F'din l-analiżi għandu jinżamm mistur is-sors ta' dik l-informazzjoni.
3.  

Bla ħsara għad-dritt ta'aċċess lill-pubbliku, għad-dokumenti tal-Kummissjoni kif stabbillit fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Kummissjoni għandha taddotta, fuq inizjattiva tagħha stess, u skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(2), miżuri dwar it-tixrid lill-partijiet interessati, ta' l-informazzjoni li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 u tal-kundizzjonijiet assoċjati miegħu. Dawn il-miżuri li jistgħu ikunu ġenerali jew individwali, għandhom ikunu bażati skond il-bżonn:

— 
li tipprovdi lill-persuni u organizzazzjonijiet bl-informazzjoni li jinħtieġu sabiex itejbu s-sigurta fl-avjazzjoni ċivili;
— 
li tillimita t-tixrid ta' l-informazzjoni, safejn huwa strettament meħtieġ għall-għanijiet ta' l-utendi tiegħu, sabiex tassigura l-kunfidenzalita xierqa ta' dik l-informazzjoni.
4.  
Kulmeta l-informazzjoni dwar in-nuqqasijiet fl-ajruplani tingħata volontarjament, għandhu jiġi mistur is-sors ta' dik l-informazzjoni fir-rapport ta' l-ispezzjoni li għalih saret riferenza fl-Artikolu 4(4);

Artikolu 7

Żamma ta' ajruplani

1.  
Meta n-nuqqas ta' konformita mal-livelli internazzjonali tas-sigurta jkunu, b'mod ċar, ta' periklu għas-sigurta tat-titjira, għandhom jittieħdu miżuri mill-operatur ta' l-ajruplan sabiex jitranġaw dawk in-nuqqasijiet qabel it-tluq. Jekk l-awtorita kompetenti li tkun qiegħda tagħmel l-ispezzjoni ma tkunx sodisfatta illi l-azzjoni korrettiva tkun ser tittieħed qabel it-tluq, għandha żżomm dak l-ajruplan milli jitlaq sakemm jitneħħa l-periklu u għandha immedjatament tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-operatur konċernat u lill-Istat ta' reġistrazzjoni ta' l-ajruplan.
2.  
L-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed jagħmel l-ispezzjoni tista', b'koordinazzjoni ma' l-Istat responsabbli mill-operat ta' l-ajruplan konċernat jew l-Istat ta' reġistrazzjoni ta' l-ajruplan, tippreskrivi il-kundizzjonijiet meħtieġa li taħthom jista' jitħalla jittajjar l-ajruplan lejn ajruport li fih jistgħu jiġu korretti n-nuqqasijiet. Jekk in-nuqqas jaffettwa l-validita taċ-ċertifikat tal-validita ta' titjir ta' l-ajruplan, iż-żamma milli jtir, jista' biss jitneħħa jekk l-operatur jakkwista permess mill-Istat jew Stati li fuqhom ikun ser jittajjar l-ajruplan f'dik it-titjira.

Artikolu 8

Titjib fis-sigurta u miżuri ta' implimentazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, dwar il-miżuri ta' operazzjoni meħuda sabiex jiġu implimentati l-ħtiġijiet ta' l-Artikoli 3, 4 and 5.
2.  

Abbażi ta' l-informazzjoni miġbura taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tistà', skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(2), tieħu kwalunkwe miżuri xierqa sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 3, 4 u 5, fosthom li:

— 
tistabbilixxi lista ta' l-informazzjoni li trid tinġabar;
— 
tagħti dettall tal-kontenut ta', u l-proċeduri għall-ispezzjonijiet;
— 
tiddefinixxi l-format, għaż-żamma u t-tifrix tad-data;
— 
toħloq jew tappoġġja lill-korpi xierqa, dwar it-tmexxija jew l-operat tal-għodod meħtieġa għall-ġbir u l-iskambju ta' l-informazzjoni.
3.  
Abbażi ta' l-informazzjoni riċevuta taħt l-Artikoli 3, 4 u 5, u skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(2), tistà tittieħed deċiżjoni dwar spezzjoni xierqa u miżuri oħra ta' sorveljanza, partikolarment dawk ta' operatur speċifiku jew ta' operaturi ta' pajjiż terz speċifiku, sakemm tkun għadha pendenti deċiżjoni mill-awtorita kompetenti ta' dak il-pajjiż terz, dwar arranġamenti sodisfaċenti għall-miżuri korrettivi.
4.  
Il-Kummissjoni tistà tieħu kwalunkwe miżuri xierqa sabiex tikkoopera ma' u tghin pajjiżi terzi sabiex itejbu il-kapaċitajiet tagħhom dwar is-sigurta fl-avjazzjoni.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 10

Proċedura tal-Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit permezz ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91.
2.  
Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.  
Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
4.  
Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.
5.  
Il-Kumitat jistà, inoltre, jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe materja oħra li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 11

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-30 ta' April 2006. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 12

Emenda fl-L-Annessi

L-Annessi ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 13

Rapport

Sat-30 ta' April 2008, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-Artikolu 9, li, inter alia, jieħu in-konsiderazzjoni l-iżviluppi fil-Komunità u l-fora internazzjonali. Ir-rapport jistà jkun akkumpanjat bi proposti għall-emendi għal din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS 1

image

▼M2




L-ANNESS II

Manwal tal-Proċeduri tal-KE għall-Ispezzjonijiet SSAB (fir-Rampa) – L-Elementi Ċentrali

1.   ISTRUZZJONIJIET ĠENERALI

1.1.

L-ispezzjonijiet SSAB (Stima tas-Sigurtà ta’ Ajruplani Barranin — Safety Assessment of Foreign Aircraft, SAFA) fir-rampa għandhom jitwettqu minn spetturi li jkollhom l-għarfien meħtieġ rilevanti għall-qasam ta’ l-ispezzjoni, fejn l-għarfien tekniku, l-għarfien dwar kemm l-ajruplan jkun tajjeb għall-ajru u l-għarfien operattiv irid ikun rappreżentat f’każ li l-punti kollha tal-lista ta’ kontroll qed jiġu vverifikati. Meta spezzjoni fir-rampa titwettaq minn 2 spetturi jew aktar, l-elementi ewlenin ta’ l-ispezzjoni – l-ispezzjoni viżwali tal-parti esterna ta’ l-ajruplan, l-ispezzjoni fil-gverta tat-titjir u l-ispezzjoni tal-kabina tal-passiġġieri u/jew tal-kompartimenti tal-merkanzija – jistgħu jiġu diviżi bejn l-ispetturi.

1.2.

L-ispetturi jridu jidentifikaw lilhom infushom lill-pilota fil-kmand ta’ l-ajruplan, jew fl-assenza tiegħu, lil membru ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira jew lill-aktar rappreżentant anzjan ta’ l-operatur qabel ma jibdew il-parti t’abbord ta’ l-ispezzjoni fir-rampa tagħhom. Meta ma jkunx possibbli li jinformaw lill-ebda rappreżentant ta’ l-operatur jew meta ma jkunx hemm tali rappreżentat preżenti fl-ajruplan jew qribu, il-prinċipju ġenerali se jkun li ma titwettaqx l-ispezzjoni SSAB fir-rampa. F’ċirkostanzi speċjali, jista’ jiġi deċiż li titwettaq l-ispezzjoni SSAB fir-rampa imma din għandha tkun limitata għal kontroll viżwali tal-parti esterna ta’ l-ajruplan.

1.3.

L-ispezzjoni għandha tkun kemm jista’ jkun komprensiva fiż-żmien u bir-riżorsi disponibbli. Dan ifisser li jekk ikun disponibbli ammont limitat ta’ ħin jew ta’ riżorsi biss, jistgħu ma jiġux ivverifikati l-punti ta’ spezzjoni kollha imma numru mnaqqas. Skond il-ħin u r-riżorsi disponibbli għal spezzjoni SSAB fir-rampa, il-punti li se jiġu spezzjonati għandhom jintgħażlu b’mod xieraq skond l-għanijiet tal-Programm SSAB tal-KE.

1.4.

Spezzjoni fir-rampa m’għandiex tikkawża dewmien irraġonevoli fit-tluq ta’ l-ajruplan spezzjonat. Il-kawżi possibbli għal dewmien jistgħu jkunu, imma mhumiex limitati għal, dubji rigward il-korrettezza tal-preparazzjoni tat-titjira, kemm l-ajruplan jkun tajjeb biex itir jew kwalunkwe kwistjoni direttament relatata mas-sigurtà ta’ l-ajruplan u ta’ l-okkupanti tiegħu.

2.   IL-KWALIFIKA TA’ L-ISPETTURI

2.1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, l-ispezzjonijiet SSAB kollha fir-rampa mwettqa fit-territorju tagħhom jitwettqu minn spetturi kkwalifikati.

2.2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-ispetturi tagħhom jissodisfaw il-kriterji ta’ kwalifika kif inhu provdut hawn taħt.

2.3.

Il-kriterji ta’ kwalifika

2.3.1.   Il-Kriterji ta’ l-Eliġibbiltà

Bħala prerekwiżit għall-eliġibbiltà għall-kwalifika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-kandidati għall-kwalifika bħala spetturi SSAB jkollhom l-edukazzjoni u/jew l-għarfien prattiku dwar l-aeronawtika meħtieġa rilevanti għall-qasam/oqsma ta’ spezzjoni tagħhom, jiġifieri:

(a) 

it-tħaddim ta’ l-ajruplan;

(b) 

il-liċenzji tal-persunal;

(ċ) 

kemm l-ajruplan jkun tajjeb biex itir;

(d) 

merkanzija perikoluża.

2.3.2.   Ir-Rekwiżiti tat-Taħriġ

Qabel il-kwalifika, il-kandidati jridu jkunu kkompletaw b’suċċess taħriġ li jikkonsisti minn:

— 
taħriġ teoretiku fil-klassi li għandu jingħata minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB kif ġiet iddefinita fil-paragrafu 2.4;
— 
taħriġ prattiku li għandu jingħata minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB kif ġiet iddefinit fil-paragrafu 2.4 jew minn spettur anzjan maħtur minn Stat Membru kif inhu provdut fil-paragrafu 2.5 li jaġixxi indipendentement minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB;
— 
taħriġ fuq ix-xogħol: li għandu jingħata tul sensiela ta’ spezzjonijiet minn spettur anzjan maħtur minn Stat Membru kif inhu provdut fil-paragrafu 2.5.

2.3.3.   Ir-Rekwiżiti biex Tinżamm il-Validità tal-Kwalifika

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li ladarba jkunu kkwalifikati, l-ispetturi jżommu l-validità tal-kwalifika tagħhom billi:

(a) 

jgħaddu minn taħriġ rikorrenti – li għandu jikkonsisti minn taħriġ teoretiku fil-klassi li għandu jingħata minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB kif ġiet iddefinita fil-paragrafu 2.4;

(b) 

iwettqu numru minimu ta’ spezzjonijiet fir-rampa f’kull perjodu ta’ 12-il xahar mill-aħħar darba li jkunu għaddew minn taħriġ SSAB ħlief jekk l-ispettur ikun ukoll spettur ikkwalifikat rigward l-operazzjonijiet tat-titjiriet jew rigward kemm l-ajruplan jkun tajjeb biex itir ta’ l-awtorità nazzjonali ta’ l-avjazzjoni ta’ Stat Membru u jkun regolarment involut fit-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq ajruplani ta’ operaturi domestiċi.

2.3.4.   Il-Materjal ta’ Gwida

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008, l-EASA (l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni, AESA), għandha tiżviluppa u tippubblika materal ta’ gwida detaljat sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 2.3.1, 2.3.2 u 2.3.3.

2.4.

L-Organizzazzjonijiet tat-Taħriġ SSAB

2.4.1.

Organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB tista’ tkun parti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn organizzazzjoni ta’ parti terza.

Organizzazzjoni ta’ parti terza tista’ tkun:

— 
parti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor;
— 
entità indipendenti.

2.4.2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-korsijiet ta’ taħriġ li jissemmew fil-paragrafi 2.3.2 u 2.3.3 (a) imwettqa mill-awtorità nazzjonali tagħhom, jitmexxew, mill-inqas, skond is-sillabi rilevanti stabbiliti u ppubblikati mill-EASA.

2.4.3.

L-Istati Membri li jużaw organizzazzjoni ta’ parti terza għall-fini ta’ taħriġ relatat mas-SSAB għandhom jistabbilixxu sistema sabiex jevalwaw tali organizzazzjoni. Is-sistema għandha tkun sempliċi, trasparenti u proporzjonata u għandha tqis kwalunkwe materjal rilevanti ta’ gwida stabbilit u ppubblikat mill-EASA. Sistema bħal din tista’ tqis l-evalwazzjonijiet imwettqa minn Stati Membri oħra.

2.4.4.

Organizzazzjoni ta’ taħriġ ta’ parti terza tista’ tintuża biss jekk l-evalwazzjoni turi li t-taħriġ se jkun ipprovdut skond is-sillabi rilevanti stabbiliti u ppubblikati mill-EASA.

2.4.5.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-programmi ta’ taħriġ ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u/jew is-sistemi għall-evalwazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ partijiet terzi tagħhom jiġu emendati b’mod xieraq sabiex jirriflettu kwalunkwe rakkomandazzjoni li tiġi mill-verifiki ta’ l-istandardizzazzjoni mwettqa mill-EASA skond il-metodi ta’ ħidma pprovduti skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 ( 8 ).

2.4.6.

Stat Membru jista’ jitlob lill-EASA biex tevalwa l-organizzazzjoni tat-taħriġ u tagħti parir li l-Istat Membru jista’ jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuqu.

2.4.7.

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008, l-EASA għandha tiżviluppa u tippubblika materjal ta’ gwida dettaljat sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

2.5.

L-Ispetturi Anzjani

2.5.1.

Stat Membru jista’ jaħtar spetturi anzjani sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji ta’ kwalifika rilevanti li għandhom jiġu stabbiliti minn dak l-Istat Membru;

2.5.2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2.5.1 jinkludu, mill-inqas, ir-rekwiżiti li ġejjin, fejn il-persuna maħtura:

— 
kienet spettur SSAB kwalifikat tul it-3 snin qabel il-ħatra;
— 
wettqet minimu ta’ 36 spezzjoni SSAB matul it-3 snin qabel il-ħatra.

2.5.3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li t-taħriġ prattiku u/jew it-taħriġ fuq ix-xogħol mogħti mill-ispetturi anzjani tagħhom huwa bbażat fuq is-sillabi rilevanti stabbiliti u ppubblikati mill-EASA.

2.5.4.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jassenjaw lill-ispetturi anzjani tagħhom biex jagħtu taħriġ prattiku u/jew taħriġ fuq ix-xogħol lil persuni li jkunu qed jitħarrġu fi Stati Membri oħra.

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008, l-EASA għandha tiżviluppa u tippubblika materjal ta’ gwida dettaljat sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

2.6.

Il-Miżuri Tranżitorji

2.6.1.

L-ispetturi SSAB li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà li jissemmew fil-paragrafu 2.3.1, kif ukoll il-kriterji ta’ l-esperjenza reċenti li jissemmew fil-paragrafu 2.3.3 (b) fid-data stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-kummissjoni 2008/49/KE għandhom jitqiesu bħala li jikkwalifikaw bħala spetturi skond ir-rekwiżiti stabbilit f’dan il-kapitolu.

2.6.2.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.3.3 (a), l-ispetturi li jitqiesu li huma kkwalifikati skond il-paragrafu 2.6.1 għandhom jgħaddu minn taħriġ rikorrenti li għandu jingħata progressivament minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010 u sussegwentement kif inhu provdut fil-paragrafu 2.3.3 (a).

3.   L-ISTANDARDS

3.1.

L-Istandards ta’ l-ICAO u l-Proċeduri Reġjonali Supplimentari Ewropej ta’ l-ICAO huma l-linja bażi li skond tagħha l-ajruplan u l-operatur qed jiġu spezzjonati skond il-Programm SSAB tal-KE. Barra minn hekk, meta tiġi spezzjonata l-kundizzjoni teknika ta’ ajruplan, għandu jiġi kkontrollat skond l-istandards tal-manifattur ta’ l-ajruplan.

4.   IL-PROĊESS TA’ SPEZZJONI

Il-Punti tal-Lista ta’ Kontroll

4.1.

Il-punti li għandhom jiġu spezzjonati se jintgħażlu minn dawk li ssemmew fil-lista ta’ kontroll fir-Rapport ta’ l-Ispezzjoni SSAB fir-Rampa li jinkludi total ta’ 54 puntu (ara l-Appendiċi 1).

4.2.

L-ispezzjoni u s-sejbiet li jirriżultaw, jekk ikun hemm, iridu jiġu riflessi fir-Rapport ta’ l-ispezzjoni SSAB fir-rampa wara li l-ispezzjoni tkun ġiet ikkompletata.

Il-Gwida SSAB Dettaljata

4.3.

Għal kull punt ta’ spezzjoni tal-lista ta’ kontroll fir-Rapport ta’ l-l-Ispezzjoni SSAB fir-Rampa, se tkun stabbilita deskrizzjoni dettaljata li tispeċifika l-ambitu u l-metodu ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, se ssir referenza għar-rekwiżiti rilevanti fl-Annessi ta’ l-ICAO. Dan se jkun żviluppat u ppubblikat bħala materjal ta’ gwida dettaljat mill-EASA u se jiġi emendat, kif ikun meħtieġ, sabiex jirrifletti l-aktar standards applikabbli reċenti.

L-Inklużjoni tar-Rapporti fid-Database SSAB Ċentralizzata

4.4.

Rapport ta’ l-ispezzjoni għandu jiddaħħal fid-database SSAB ċentralizzata mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ ħidma wara d-data ta’ l-ispezzjoni, anki jekk ma tkun identifikata l-ebda sejba.

5.   IL-KLASSIFIKAZZJONI TAS-SEJBIET

5.1.

Għal kull punt ta’ spezzjoni, jiġu ddefiniti bħala sejbiet tliet kategoriji ta’ devjazzjonijiet possibbli mill-istandards rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 3.1. Tali sejbiet se jkunu kklassifikati kif ġej:

— 
sejba tal-kategorija 1 titqies bħala li jkollha influwenza minuri fuq is-sigurtà,
— 
sejba tal-kategorija 2 jista’ jkollha influwenza sinifikanti fuq is-sigurtà, u
— 
sejba tal-kategorija 3 jista’ jkollha influwenza kbira fuq is-sigurtà.

5.2.

L-istruzzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tas-sejbiet se jkunu żviluppati u ppubblikati bħala materjal ta’ gwida dettaljat mill-EASA u se jiġu emendati, kif ikun meħtieġ, sabiex jirriflettu l-progress xjentifiku u tekniku rilevanti.

6.   L-AZZJONIJIET TA’ SEGWITU LI GĦANDHOM JITTIEĦDU

6.1.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1.2, trid timtela prova ta’ spezzjoni li fiha mill-inqas l-elementi stabbiliti fl-Appendiċi 2 u kopja trid tingħata lill-pilota fil-kmand ta’ l-ajruplan, jew fin-nuqqas tiegħu, lil membru ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira jew lill-aktar rappreżentant anzjan ta’ l-operatur preżenti fl-ajruplan jew qribu meta tiġi kkompletata l-ispezzjoni SSAB. Rikonoxximent iffirmat talli ġiet riċevuta l-prova ta’ l-ispezzjoni għandu jintalab mingħand ir-riċevent u għandu jinżamm mill-ispettur. Ir-rifjut min-naħa tar-riċevent li jiffirma għandu jkun irreġistrat fid-dokument. L-istruzzjonijiet dettaljati rilevanti se jkunu żviluppati u ppubblikati mill-EASA bħala materjal ta’ gwida dettaljat.

6.2.

Fuq il-bażi ta’ kif ġew ikklassifikati s-sejbiet, ġew iddefiniti ċerti azzjonijiet ta’ segwitu. Ir-relazzjonijiet bejn il-kategorija tas-sejbiet u l-azzjonijiet li jirriżultaw li għandhom jittieħu ġew ippreżentati fil-klassi ta’ l-azzjonijiet u se jkunu żviluppati u ppubblikati mill-EASA bħala materjal ta’ gwida dettaljat.

6.3.

Azzjoni tal-klassi 1: Din l-azzjoni tikkonsisti fil-provvista ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni SSAB fir-rampa lill-pilota ta’ l-ajruplan fil-kmand jew fl-assenza tiegħu, lil membru ieħor ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira jew lill-aktar rappreżentant anzjan ta’ l-operatur preżenti. L-azzjoni tikkonsti minn spjegazzjoni verbali u mill-konsenja tal-prova ta’ l-ispezzjoni. Wara kull spezzjoni għandha tittieħed azzjoni tal-klassi 1, irrispettivament minn jekk ġewx identifikati sejbiet jew le.

6.4.

Azzjoni tal-klassi 2: Din l-azzjoni tikkonsisti minn

(1) 

komunikazzjoni bil-miktub ma’ l-operatur ikkonċernat u għandha tinkludi talba għal evidenza ta’ azzjonijiet korrettivi, u

(2) 

komunikazzjoni bil-miktub ma’ l-Istat responsabbli (l-Istat ta’ l-operatur u/jew tar-reġistru) li tindirizza r-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet mwettqa fuq inġenju ta’ l-ajra mħaddem taħt is-superviżjoni ta’ sigurtà ta’ l-Istat rispettiv. Il-komunikazzjoni għandha tinkludi, fejn ikun xieraq, talba għal konferma li huma sodisfatti bl-azzjonijiet korrettivi meħuda taħt il-punt (1).

L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ l-EASA rapport ta’ kull xahar dwar l-istatus ta’ l-azzjonijiet ta’ segwitu li ttieħdu skond l-ispezzjonijiet fir-rampa.

Azzjoni tal-klassi 2 għandha tittieħed wara spezzjonijiet fejn ġew identifikati sejbiet tal-kategorija 2 jew 3.

L-istruzzjonijiet dettaljati rilevanti se jiġu żviluppati u ppubblikati mill-EASA bħala materjal ta’ gwida rilevanti.

6.5.

Azzjonijiet tal-klassi 3: Azzjoni tal-klassi 3 għandha tittieħed wara spezzjoni fejn ġiet identifikata sejba tal-kategorija 3. Minħabba l-importanza tas-sejbiet tal-kategorija 3 rigward l-influwenza potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà ta’ l-ajruplan u l-okkupanti tiegħu, ġew identifikati s-sottoklassijiet li ġejjin:

(1) 

Klassi 3a – Restrizzjoni fuq l-operazzjoni tat-titjiriet ta’ l-ajruplan: L-awtorità kompetenti li twettaq l-ispezzjoni fir-rampa tikkonkludi li minħabba d-defiċjenzi li ġew identifikati waqt l-ispezzjoni, l-ajruplan jista’ jitlaq biss b’ċerti restrizzjonijiet.

(2) 

Klassi 3b – L-azzjonijiet korrettivi qabel it-titjira: L-ispezzjoni fir-rampa tidentifika defiċjenzi li jeħtieġu azzjoni(jiet) korrettiva(i) qabel ma ssir it-titjira ppjanata.

(3) 

Klassi 3c – L-ajruplan jinżamm milli jtir mill-awtorità nazzjonali ta’ l-avjazzjoni li qed tagħmel l-ispezzjoni: Ajruplan jinżamm milli jtir f’sitwazzjoni fejn wara l-identifikazzjoni ta’ sejbiet (kbar) tal-kategorija 3, l-awtorità kompetenti li qed twettaq l-ispezzjoni fir-rampa ma tkunx sodisfatta li l-operatur ta’ l-ajruplan se jieħu miżuri korrettivi sabiex jirrettifika għad-defiċjenzi qabel it-tluq tat-titjira, biex b’hekk ikun hemm perikolu immedjat għas-sigurtà ta’ l-ajruplan u ta’ l-okkupanti tiegħu. F’każi bħal dawn, l-awtorità nazzjonali ta’ l-avjazzjoni li twettaq l-ispezzjoni fir-rampa għandha żżomm lill-ajruplan milli jitlaq sakemm jitneħħa l-periklu u għandha immedjatament tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-operatur ikkonċernat u ta’ l-Istat ta’ reġistrazzjoni ta’ l-ajruplan.

L-azzjonijiet meħuda skond il-paragrafi 2 u 3 jistgħu jinkludu positioning flight bla ħlas lill-bażi tal-manutenzjoni.

(4) 

Klassi 3d – Projbizzjoni operattiva immedjata: Stat membru jista’ jirreaġixxi għal periklu ovvju u immedjat għas-sigurtà billi jimponi projbizzjoni operattiva kif inhu provdut fil-liġi nazzjonali u Komunitarja applikabbli.




Appendiċi 1

Ir-Rapport ta’ l-Ispezzjoni SSAB fir-Rampa