EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02000L0075-20130701

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta’ l- 20 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/75/2013-07-01

2000L0075 — MT — 01.07.2013 — 007.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2000/75/KE

ta’ l-20 ta' Novembru 2000

li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue

(ĠU L 327, 22.12.2000, p.74)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tal-5 ta' Diċembru 2006

  L 346

41

9.12.2006

 M2

Rettifika għad-Direttiva tal-Kunsill 2006/104/KE ta' l-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta ċerti Direttivi fil-qasam ta' l-agrikoltura (leġislazzjoni veterinarja u fitosanitarja), minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 335 M, tat-13 ta' Diċembru 2008 (Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 335 M, tat-13 ta' Diċembru 2008)

  L 363

352

20.12.2006

 M3

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tas-7 ta’ Novembru 2007

  L 294

26

13.11.2007

►M4

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/73/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-15 ta’ Lulju 2008

  L 219

40

14.8.2008

►M5

DIRETTIVA 2012/5/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Marzu 2012

  L 81

1

21.3.2012

►M6

DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/20/UE tat-13 ta' Mejju 2013

  L 158

234

10.6.2013


Emendat bi:

 A1

  L 236

33

23.9.2003


Ikkoreġut b'

 C1

Rettifika, ĠU L 064M, 10.3.2009, p. 299  (2006/104)




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2000/75/KE

ta’ l-20 ta' Novembru 2000

li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji ġenerali għall-kontroll ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u miżuri speċifiċi relatati ma’ mard vesikulari tal-majjali ( 1 ), u b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 15 tagħha,

Wara li kkunsidrat il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/119/KEE, miżuri speċifiċi biex jikkontrollaw u jeradikaw il-bluetongue għandhom jiġu introdotti.

(2)

Il-karatteristiċi epidemjoloġiċi tal-bluetongue jistgħu jitqabblu ma’ dawk tal-mard Afrikan taż-żwiemel.

(3)

Il-Kunsill adotta d-Direttiva 92/35/KEE li tistabbilixxi regoli u miżuri ta’ kontroll biex jingħeleb il-mard Afrikan taż-żwiemel ( 2 ).

(4)

Biex tingħeleb il-bluetongue, għalhekk, il-miżuri globali stabbiliti mid-Direttiva 92/35/KEE biex jingħeleb il-mard Afrikan taż-żwiemel għandhom jintużaw bħala mudell, waqt li jsiru l-aġġustamenti adattati minħabba l-karatteristiċi tat-trobbija ta’ l-ispeċi suxxettibbli għall-bluetongue.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar iċ-ċaqliq ta’ speċi suxxettibbli u s-semen tagħhom, il-bajd u embriji minn żoni suġġetti għar-restrizzjonijiet li joħorġu minn epidemji tal-marda.

(6)

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju ( 3 ), jgħodd fil-każ ta’ epidemja tal-bluetongue.

(7)

Proċedura għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tiġi introdotta,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli u miżuri ta’ kontroll biex tingħeleb u tinqered il-bluetongue.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

a)

“azjenda” : stabbiliment agrikolu jew xi stabbiliment ieħor fejn annimali ta’ l-ispeċi suxxettibbli għall-bluetongue jitrabbew jew jinżammu permanentement jew temporanjament

b)

“speċi suxxettibbli” : ir-ruminanti kollha;

ċ)

“annimal/i” : annimal/i li jappartienu għall-ispeċi suxxettibbli, minbarra l-annimali selvaġġi li fir-rigward tagħhom dispożizzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2);

d)

“sid” jew “detentur” : il-persuna/i naturali jew legali li tkun/ikun sid l-annimali jew li tkun/ikun responsabbli għall-manteniment tagħhom, sew bi ħlas kif ukoll jekk le;

e)

“vettur” : insett ta’ l-ispeċi Culicoides imicola jew ta’ kull insett ieħor tal-ġeneru Culicoides li kapaċi jittrasmetti l-bluetongue, li għandu jiġi identifikat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), fuq il-parir tal-Kumitat Veterinarju Xjentifiku;

f)

“suspett” : id-dehra ta’ kwalunkwe sinjal kliniku li jissuġġerixxi l-bluetongue fi speċi suxxettibbli, flimkien ma’ sett ta’ data epidemjoloġika li jippermetti li possibilità bħal dik tista’ tkun raġonevolment mistennija;

g)

“konferma” : id-dikjarazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti, ibbażata fuq riżultati tal-laboratorju li l-virus tal-bluetongue ikun qed jiċċirkola f’żona speċifika; iżda, fil-każ ta’ epidemija, l-awtorità kompetenti tista’ wkoll tikkonferma l-preżenza tal-marda fuq il-bażi ta’ riżultati kliniċi u/jew epidemjoloġiċi;

h)

“awtorità kompetenti” : l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti biex twettaq verifiki veterinarji, jew kull awtorità veterinarja li lilha tkun ġiet delegata din il-kompetenza;

i)

“veterinarju uffiċjali” : il-veterinarju uffiċjali nominat mill-awtorità kompetenti;

▼M5

j)

“vaċċini ħajjin immoderati” : vaċċini li huma mmanifatturati bl-adattament ta’ varjetajiet puri tal-virus tal-bluetongue minn każ ta’ studju partikolari permezz ta’ serje ta’ passaġġi fit-trobbija tat-tessut jew fil-bajd tat-tiġieġ b’embriju.

▼B

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw in-notifika mmedjata, obbligatorja lill-awtorità kompetenti jekk iċ-ċirkolazzjoni tal-virus bluetongue tiġi suspettata jew konfermata.

Artikolu 4

1.  Jekk azjenda li tkun f’reġjun li ma jkunx suġġett għar-restrizzjonijiet skond is-sens ta’ din id-Direttiva jkollha annimal wieħed jew aktar suspettati li jkunu infettati bil-bluetongue, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-veterinarju uffiċjali jimplimenta minnufih il-metodi uffiċjali għall-investigazzjoni tal-konferma jew iċ-ċaħda tal-preżenza tal-marda.

2.  Malli tingħata notifika ta’ preżenza suspettata, il-veterinarju uffiċjali:

(a) għandu jqiegħed l-azjenda jew l-azjendi suspettati taħt sorvelja uffiċjali;

(b) għandu:

(i) jiġbor inventarju ta’ l-annimali, waqt li jindika għal kull speċi l-għadd ta’ annimali diġà mejta, infettati jew x’aktarx li jiġu infettati, u jaġġorna dan l-inventarju biex iqis l-annimali li jitwieldu jew imutu matul il-perjodu li fih il-marda tkun suspettata; id-data minn dan l-inventarju għandha tiġi ppreżentata meta tintalab u tista’ tiġi vverifikata matul kull żjara;

(ii) jiġbor inventarju tal-postijiet li x’aktarx jiffaċilitaw is-sopravivenza jew jagħtu kenn lill-vettur u, b’mod partikolari, tal-postijiet li jwasslu għar-riproduzzjoni tiegħu;

(iii) jagħmel estimu epidemjoloġika skond l-Artikolu 7;

(ċ) għandu jagħmel żjarat regolari fl-azjenda jew l-azjendi u, f’kull okkażżjoni, jagħmel eżami kliniku dettaljat jew awtopsja fuq l-annimali li jkunu mejta jew suspettati b’infezzjoni u jikkonferma l-marda. Jekk ikun meħtieġ permezz ta’ testijiet fil-laboratorji;

(d) għandu jiżgura li:

(i) kull ċaqliq ta’ annimali minn jew lejn azjenda jew azjendi jkun projbit;

(ii) l-annimali jinżammu maqfula kull meta l-vetturi jkunu attivi, fejn iqis li l-mezzi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jkunu disponibbli;

(iii) l-annimali, il-bini fejn jinżammu u l-akkwati ta’ madwar (b’mod partikolari l-postijiet li fihom tiffjorixxi l-popolazzjonijiet ta’ Culicoides) jiġu regolarment ittrattati b’insettiċidi awtorizzati. Biex jiġu evitati l-infestazzjonijiet mill-vetturi sa fejn ikun possibbli, ir-rata ta’ trattament għandha tiġi ffissata mill-awtorità kompetenti, waqt li titqies il-persistenza ta’ l-insettiċida wżata u l-kondizzjonijiet klimatiċi;

(iv) il-karkassi ta’ l-annimali mejta fl-azjenda jinqerdu, jiġu eliminati, jinħarqu jew jindifnu skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE tas-27 ta’ Novembru 1990 li tistabbilixxi r-regoli veterinarji għat-tneħħija u l-ipproċessar ta’ skart ta’ l-annimali, għat-tqegħid tiegħu fis-suq u għall-prevenzjoni ta’ patoġeni f’għalf ta’ oriġini mill-annimal jew mill-ħut waqt li temenda d-Direttiva 90/425/KEE ( 4 ).

3.  Sakemm jiġu implimentati l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, is-sid jew id-detentur ta’ xi annimal suspettat li jkun infettat bil-marda għandu jieħu il-miżuri kollha ta’ prekawzjoni biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2(d)(i) u (ii).

4.  L-awtorità kompetenti tista’ tapplika l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għal azjendi oħra fil-każ li l-lokalità tagħhom, il-qagħda ġeografika jew il-kuntatti ma’ l-azjenda fejn il-marda tkun suspettata jipprovdu raġunijiet biex wieħed jissuspetta l-possibiltà ta’ kontaminazzjoni.

5.  B’żieda mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, dispożizzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu stabbiliti, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 20(2), għal riservi naturali li fihom l-annimali jgħixu liberi.

6.  Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitneħħew mill-veterinarju uffiċjali qabel ma’ l-preżenza suspettata tal-bluetongue tkun ġiet eliminata għal kollox mill-awtorità kompetenti.

▼M5

Artikolu 5

1.  L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tiddeċiedi li tippermetti l-użu ta’ vaċċini kontra l-bluetongue jekk:

(a) tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju speċifika mwettqa mill-awtorità kompetenti;

(b) il-Kummissjoni tiġi infurmata qabel tingħata tali tilqima.

2.  Kull meta jintużaw vaċċini ħajjin immoderati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tiddemarka:

(a) żona ta’ protezzjoni, li tikkonsisti minn tal-inqas żona waħda ta’ tilqim;

(b) żona ta’ sorveljanza, li tikkonsisti minn parti mit-territorju tal-Unjoni b’fond ta’ tal-inqas 50 kilometru li testendi lil hinn mil-limiti taż-żona ta’ protezzjoni.

▼B

Artikolu 6

1.  Fejn il-preżenza tal-bluetongue tkun konfermata uffiċjalment, il-veterinarju uffiċjali għandu:

(a) jipproċedi, waqt li javża lill-Kummissjoni b’dan, bil-qatla li tkun meqjusa bħala meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid ta’ l-epidemja;

(b) jordna l-qirda, l-eliminazzjoni, il-ħruq jew id-difna tal-karkassi ta’ dawk l-annimali, skond id-Direttiva 90/667/KEE;

(ċ) jestendi l-miżuri previsti fl-Artikolu 4 għall-azjendi li jkunu jinsabu f’raġġ ta’ 20 kilometru (inkluża ż-żona protetta definita fl-Artikolu 8) madwar l-azjenda jew l-azjendi infettati;

▼M5

(d) jiġu implimentati l-miżuri adattati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), b’mod partikolari fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ kull programm ta’ tilqim jew ta’ xi miżuri alternattivi oħra;

▼B

(h) iwettaq investigazzjoni epidemjoloġika skond l-Artikolu 7;

Iżda, b’deroga mis-subparagrafu (ċ), id-dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċaqliq ta’ annimali fiż-żona jista’ jiġi adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

2.  Iż-żona msemmija fil-paragrafu 1(ċ) tista’ tiġi estiża jew imnaqqsa fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi epidemjoloġiċi, ġeografiċi, ekoloġiċi jew meteoroloġiċi mill-awtorità kompetenti li għandha tavża lill-Kummissjoni bihom.

3.  Meta ż-żona msemmija fil-paragrafu 1(ċ) tkun qiegħda fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati għandhom jikkooperaw biex iż-żona tiġi demarkata. Fejn meħtieġ, iż-żona għandha tiġi demarkata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 7

1.  L-investigazzjoni epidemjoloġika għandha tittratta:

(a) it-tul tal-perjodu li fih il-bluetongue setgħet kienet preżenti fl-azjenda;

(b) l-oriġini posibbli tal-bluetongue fl-azjenda u l-identifikazzjoni ta’ azjendi oħra li għandhom annimali li setgħu kienu ġew infettati jew kontaminati mill-istess sors;

(ċ) il-preżenza u t-tqassim ta’ vetturi tal-marda;

(d) iċ-ċaqliq ta’ annimali minn u lejn l-azjendi in kwistjoni jew it-tluq ta’ xi karkassi ta’ annimali minn dawn l-azjendi.

2.  Entità ta’ kriżi għandha titwaqqaf biex twettaq il-koordinazzjoni globali tal-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi żgurata l-eradikazzjoni tal-bluetongue malajr kemm jista’ jkun u biex issir investigazzjoni epidemjoloġika.

Regoli ġenerali rigward l-entitajiet nazzjonali ta’ kriżi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 20(2).

Artikolu 8

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’żieda mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 6, l-awtorità kompetenti tiddemarka żona ta’ protezzjoni u ta’ sorvelja. Id-demarkazzjoni taż-żoni għandha tqis il-fatturi ġeografiċi, amministrattivi, ekoloġiċi u epiżotioloġiċi konnessi mal-bluetongue u l-arranġamenti għall-kontroll.

2.  

(a) Iż-żona ta’ protezzjoni għandha tikkonsisti f’parti mit-territorju tal-Komunità li jkollha raġġ talanqas ta’ 100 kilometru madwar l-azjenda infettata.

▼M5

(b) Iż-żona ta’ sorveljanza għandha tikkonsisti minn parti mit-territorju tal-Unjoni b’fond ta’ tal-inqas 50 kilometru u li testendi lil hinn mil-limiti taż-żona ta’ protezzjoni u li fiha ma jkun sar l-ebda tilqim kontra l-bluetongue b’vaċċini ħajjin immoderati matul it-12-il xahar ta’ qabel.

▼B

(ċ) Meta ż-żoni jkunu fuq it-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati għandhom jikkooperaw sabiex jiġu demarkati ż-żoni msemmija fis-subparagrafi (a) u (b).

(d) Iżda, ż-żoni ta’ protezzjoni u sorvelja għandhom fejn meħtieġ jiġu demarkati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

3.  Malli tiġi riċevuta talba sostanzjata kif imiss minn Stat Membru, għandha tittieħed deċiżjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), biex tinbidel id-demarkazzjoni taż-żoni definiti fil-paragrafu 2, fid-dawl ta’:

(a) il-lokalità ġeografika u l-fatturi ekoloġiċi tagħhom;

(b) il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi;

(ċ) il-preżenza u t-tqassim tal-vettur;

(d) ir-riżultati ta’ l-istudji epiżotioloġiċi li jkunu saru skond l-Artikolu 7;

(e) ir-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju;

(f) l-applikazzjoni tal-kontromiżuri, b’mod partikolari d-disinsettizzazzjoni.

Artikolu 9

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri li ġejjin jiġu applikati fiż-żona tal-protezzjoni:

(a) l-identifikazzjoni ta’ l-azjendi kollha li ġoż-żona tagħhom ikun hemm l-annimali;

(b) l-implimentazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ programm ta’ sorvelja epidemioloġika bbażata fuq il-monitoraġġ ta’ gruppi għassiesa ta’ annimali bovini (jew, fin-nuqqas tagħhom, ta’ speċi oħra ta’ ruminanti) u l-popolazzjonijiet ta’ vetturi; dan il-programm jista’ jiġi stabbilit skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 20(2);

(ċ) projbizzjoni fuq l-annimali li jitilqu miż-żona. Iżda, taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), eżenzjonijiet mill-projbizzjoni tal-ħruġ jistgħu jiġu deċiżi b’mod partikolari għall-annimali li jinsabu fil-parti taż-żona fejn ikun ġie ppruvat nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tal-virus jew tal-vetturi.

2.  B’żieda mal-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1, it-tilqim ta’ annimali kontra l-bluetongue u l-identifikazzjoni tagħhom fiż-żona tal-protezzjoni tista’ tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20, jew fuq l-inizjattiva ta’ l-Istat Membru waqt li dan javza lill-Kummissjoni.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

1. l-miżuri previsti fl-Artikolu 9(1) jgħoddu fiż-żona tas-sorvelja;

▼M5

2. kull tilqim kontra l-bluetongue bl-użu ta’ vaċċini ħajjin immoderati huwa pprojbit fiż-żona ta’ sorveljanza.

▼B

Artikolu 11

Il-miżuri meħuda skond l-Artikoli 6, 8, 9 u 10 għandhom jiġu emendati jew imħassra skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 12

B’deroga mill-Artikoli 9 u 10, id-dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċaqliq ta’ annimali fiż-żoni ta’ protezzjoni u sorvelja u ’l barra minnhom għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Fejn id-deċiżjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tiġi adottata, ir-regoli applikabbli għall-kummerċ għandhom jiġu stabbiliti skond l-istess proċedura.

Artikolu 13

Jekk, f’reġjun partikolari, l-epidemija tal-bluetongue tkun ta’ natura eċċezzjonalment serja, kull miżura addizzjonali li tittieħed mill-Istati Membri konċernati għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-persuni kollha fiż-żoni ta’ protezzjoni u s-sorvelja jiġu avżati b’kollox dwar ir-restrizzjonijiet fis-seħħ u jagħmlu kull arranġament meħtieġ għall-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri in kwistjoni.

▼M4

Artikolu 15

1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru laboratorju nazzjonali responsabbli biex jagħmel it-testijiet tal-laboratorji previsti minn din id-Direttiva, u għandhom jagħmlu d-dettalji ta’ dak il-laboratorju, u kull tibdil sussegwenti, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u għall-pubbliku.

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-paragrafu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(2).

2.  Id-dmirijiet tal-laboratorji nazzjonali maħtura skond il-paragrafu 1 huma elenkati fl-Anness I.

3.  Il-laboratorji nazzjonali maħtura skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkooperaw mal-laboratorju ta’ referenza Komunitarju msemmi fl-Artikolu 16.

▼B

Artikolu 16

Il-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għall-bluetongue huwa indikat fl-Anness II. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 90/424/KEE, b’mod partikolari l-Artikolu 28 tagħha, ix-xogħlijiet ta’ dan il-laboratorju huma spjegati fl-Anness II(B).

Artikolu 17

Esperti mill-Kummissjoni jistgħu, fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva u b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti, jagħmlu verifiki fuq il-post. Għal dan il-għan dawn jistgħu jispezzjonaw perċentwal rappreżentattiv ta’ azjendi biex jivverifikaw jekk l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjawx il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri bir-riżultat tal-verifiki li jkunu saru.

L-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom issir verifika għandhom jagħtu lill-esperti l-għajnuna kollha meħtieġa fit-twettiq ta’ xogħolhom.

Ir-regoli ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 18

1.  Kull Stat Membru għandu jħejji pjan ta’ kontinġenza li jindika l-mezzi li bihom japplika l-miżuri ta’ din id-Direttiva.

Dan il-pjan għandu jkun jippermetti l-aċċess għall-makkinarju, l-apparat, l-impjegati u l-faċilitajiet kollha addattati meħtieġa għall-eradikazzjoni malajr u effettiva tal-marda.

2.  Il-kriterji li għandhom jiġu applikati fit-tħejjija tal-pjani msemmija fil-paragrafu 1 huma spjegati fl-Anness III.

Il-pjani magħmula skond dawn il-kriterji għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjani biex tistabbilixxi jekk ikunux jippermettu li jintlaħaq l-għan mixtieq, u għandha tissuġġerixxi lill-Istat Membru konċernat kull modifika meħtieġa, inter alia, biex jiġi garantit li dawn ikunu kompatibbli ma’ dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-pjani, fejn meħtieġ b’modifiki, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Il-pjani jistgħu sussegwentement jiġu modifikati jew supplimentati skond l-istess proċedura, biex ikunu jqisu l-iżviluppi tal-qagħda.

Artikolu 19

Din id-Direttiva tista’, fejn meħtieġ, tiġi emendata mill-Kunsill, waqt li dan jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

L-Annessi għandhom jiġu emendati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Ir-regoli dettaljati kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2).

Artikolu 20

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Veterinarju Permanenti.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 5 ) għandhom jgħoddu.

Il-perjodu preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat bħala ta’ 15-il jum.

3.  Il-Kumitat għandu jwaqqaf ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

Artikolu 21

Waqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2), il-Kummissjoni tista’ tadotta, għall-perjodu ta’ sentejn, il-miżuri tranżitorji meħtieġa biex tiffaċilita l-bidla għall-arranġamenti ġodda previsti minn din id-Direttiva.

Artikolu 22

1.  L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Jannar 2002. Dawn għandhom minnufih javżaw bihom lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkolhom dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

▼M4 —————

▼B

B.   XOGĦLIJIET TAL-LABORATORJI NAZZJONALI GĦALL-BLUETONGUE

Il-laboratorji nazzjonali għall-bluetongue huma responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ l-istandards u l-metodi tad-dijanjosi stabbiliti minn kull laboratorju ta’ dijanjosi fl-Istat Membru, l-użu tar-riaġenti u l-ittestjar tal-vaċċini. Għal dan il-għan:

(a) jistgħu jipprovdu r-riaġenti tad-dijanjosi lill-laboratorji tad-dijanjosi li jitolbuhom;

(b) jivverifikaw il-kwalità tar-riaġenti kollha tad-dijanjosi wżati fl-Istat Membru;

(ċ) jorganizzaw testijiet komparattivi f’intervalli regolari;

(d) jippreservaw l-iżolati tal-virus bluetongue meħuda minn każi konfermati fl-Istat Membru;

(e) jiżguraw il-konferma tar-riżultati pożittivi miksuba fil-laboratorji reġjonali tad-dijanjosi.




L-ANNESS II

A.   LABORATORIO COMUNITARIO DE REFERENCIA DE LA FIEBRE CATARRAL OVINA

AFRC Institute for Animal Health

Pirbright Laboratory

Ash Road

Pirbright

Woking

Surrey GU24 ONF

United Kingdom

Tel. (44-1483) 23 24 41

Fax (44-1483) 23 24 48

E-mail: philip-mellor@bbsrc.ac.uk

B.   XOGĦLIJIET TAL-LABORATORJU KOMUNITARJU TA’ REFERENZA GĦALL-BLUETONGUE

Il-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għandu x-xogħlijiet li ġejjin:

1. jikkoordina, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-metodi tad-dijanjosi tal-bluetongue fl-Istati Membri, b’mod partikolari:

(a) jispeċifika, iżomm u jipprovdi razez tal-virus bluetongue għall-iskop ta’ testijiet seroloġiċi u għat-tħejjija ta’ antiserum;

(b) il-provvista ta’ serum ta’ referenza u riaġenti oħra ta’ referenza lill-laboratorji nazzjonali ta’ referenza bl-iskop li jiġu standardizzati t-testijiet u r-riaġenti użati f’kull Stat Membru;

(ċ) it-twaqqif u l-konservazzjoni ta’ kollezzjoni ta’ razez u iżolati tal-bluetongue;

(d) l-organizzazzjoni regolari ta’ ttestjar Komunitarju komparattiv ta’ proċeduri ta’ dijanjosi;

(e) il-ġbir u l-kollatazzjoni ta’ data u tagħrif dwar il-metodi ta’ dijanjosi wżati u r-riżultati tat-testijiet li jsiru fil-Komunità;

(f) il-klassifika ta’ iżolati tal-virus bluetongue, bl-użu tal-metodi l-aktar avvanzati, biex jiġi provdut għarfien aħjar tal-epiżotioloġija tal-bluetongue;

(g) jissorvelja l-iżviluppi mad-dinja kollha fil-qasam tas-sorvelja, l-epiżootioloġija u l-prevenzjoni tal-bluetongue;

2. jgħin b’mod attiv fl-identifikazzjoni ta’ ċentri ta’ l-infezzjoni bil-bluetongue fl-Istati Membri bl-istudju ta’ l-iżolati virali mibgħuta lilu għall-konferma tad-dijanjosi, il-klassifika u l-istudji epiżootioloġiku;

3. jiffaċilita l-provvista ta’ taħriġ u korsijiet ta’ aġġornament għall-esperti fid-dijanjostika tal-laboratorju bl-iskop li jiġu armonizzati t-tekniki dijanjostiċi mal-Komunità kollha;

4. bdil komuni u reċiproku ta’ tagħrif mal-Laboratorju Dinji tal-Bluetongue nominat mill-Uffiċju Internazzjonali għall-Epiżootika (OIE), b’mod partikolari dwar l-iżviluppi globali fir-rigward tal-bluetongue.




L-ANNESS III

KRITERJI MINIMI APPLIKABBLI GĦALL-PJANI TA’ KONTINGENZA

Il-pjani ta’ kontingenza għandhom jipprovdu għal talanqas dan li ġej:

1. it-twaqqif fuq livell nazzjonali ta’ entità ta’ kriżi biex tikkoordina l-miżuri kollha ta’ emerġenza fl-Istat Membru konċernat;

2. lista taċ-ċentri lokali ta’ l-emerġenza mgħammra kif imiss bl-iskop li jikkordinaw il-miżuri ta’ kontroll fuq livell lokali;

3. tagħrif dettaljat dwar l-impjegati responsabbli għal miżuri ta’ emerġenza, il-kwalifiki tagħhom u r-responsabbiltajiet tagħhom;

4. il-possibiltà, għal kull ċentru lokali, li jikkontattja malajr direttament jew indirettament persuni jew organizzazzjonijiet effettwati minn epidemja;

5. id-disponibilità ta’ l-apparat u l-materjal meħtieġ għall-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri ta’ l-emerġenza;

6. struzzjonijiet preċiżi dwar il-passi li għandhom jittieħdu, inklużi l-mezzi tal-qirda tal-karkassi, meta l-każi ta’ l-infezzjoni jew il-kontaminazzjoni jkunu suspettati u konfermati;

7. programmi ta’ taħriġ biex jiġu aġġornati u mtejba l-proċeduri ta’ fuq il-post kif ukoll il-proċeduri amministrattivi;

8. fil-każ tal-laboratorji tad-dijanjosi, il-funzjoni ta’ l-awtopsja, il-kapaċità meħtieġa għat-twettiq ta’ testijiet seroloġiċi u istoloġiċi, eċċ. u l-aġġornarment tat-tekniki ta’ dijanjosi bil-ħeffa (dispożizzjonijiet dwar it-trasport bil-ħeffa ta’ kampjuni għandhom jiġu stabbiliti għal dan il-għan);

9. tagħrif rigward il-kwantità ta’ vaċċini kontra l-bluetongue li jitqiesu meħtieġa fil-każ li t-tilqim ta’ l-emerġenza jkun hemm bżonn li jiġi introdott;

10. dispożizzjonijiet regolatorji għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-kontinġenza.



( 1 ) ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 69. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994. 94.

( 2 ) ĠU L 157, ta’ l-10.6.1992, p. 19. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

( 3 ) ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament (EC) Nru 1258/1999 (ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103).

( 4 ) ĠU L 363, tas-27.12.1990, p. 51. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-19

( 5 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 2.

Top