EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01999L0094-20081211

Consolidated text: Id-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/94/2008-12-11

1999L0094 — MT — 11.12.2008 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA 1999/94/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Diċembru 1999

relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda

(ĠU L 012, 18.1.2000, p.16)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2003/73/KE Test b'rilevanza għaż-ŻEE ta' l-24 ta' Lulju 2003

  L 186

34

25.7.2003

►M2

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

  L 284

1

31.10.2003

►M3

REGOLAMENT (KE) Nru 1137/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-22 ta' Ottubru 2008

  L 311

1

21.11.2008




▼B

ID-DIRETTIVA 1999/94/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Diċembru 1999

relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

(1)

Billi l-Artikolu 174 tat-Trattat jitlob utilizzazzjoni prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali; billi l-użu razzjonali ta' l-enerġija huwa wieħed mill-mezzi prinċipali li bih dan l-għan jista' jinkiseb u t-tniġġis ambjentali jitnaqqas;

(2)

Billi l-għan aħħari tal-Qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima huwa li tinkiseb stabilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-greenhouse gas fl-atmosfera f'livell li ma jħallix interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima;

(3)

Billi taħt il-Protokoll ta' Kyoto li jinsab mal-Qafas tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Bidla fil-Klima miftiehem fil-Konferenza ta' Kyoto ta' Diċembru 1997, il-Kummissjoni kienet aċċettat li timmira li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 dwar il-basket ta' gassijiet greenhouse bi 8 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990;

(4)

Billi bħala rikonoxximent ta' l-importanza tal-karozzi tal-passiġġieri bħala sors ta' emissjonijiet tas-CO2, il-Kummissjoni kienet ipproponiet strateġija Komunitarja li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u ttejjeb l-ekonomija tal-karburant; billi fil-Konklużżjonijiet tal-25 ta' Ġunju 1996 il-Kunsill laqa b' sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni;

(5)

Billi t-tagħrif għandu rwol vitali fit-tħaddim tal-forzi tas-suq; billi l-provvista ta' tagħrif eżatt, relevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku tal-karburant u l-emissjonijiet CO2 tal-karozzi tal-passiġġieri jista' jinfluwenza l-għażla tal-konsumatur favur dawk il-karozzi li jużaw anqas karburant u għalhekk jarmu anqas CO2, waqt li b'hekk jinkoraġġixxu lill-fabbrikanti biex jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum tal-karburant tal-karozzi li huma jiffabbrikaw;

(6)

Billi l-preżenza ta' tikketti fuq karozzi wżati fil-post tal-bejgħ jista' jinfluwenza x-xerrejja ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri favur karozzi b'konsum baxx, billi din il-karatteristika titqies meta l-karozza terġa tinbiegħ; billi huwa għalhekk xieraq, b'konnessjoni ma l-ewwel reviżjoni ta' din id-Direttiva, li jiġi kkunsidrat li jitkabbar l-iskop għall-karozzi wżati koperti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/116/KE tas-17 ta' Diċembru 1993 billi tiġi adattata għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 80/1268/KEE relatata mal-konsum tal-karburant ta' karozzi bil-mutur ( 4 );

(7)

Billi huwa għalhekk meħtieġ li tiġi żviluppata tikketta dwar l-ekonomija tal-karburant fuq il-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri li tiġi esibita fil-post tal-bejgħ;

(8)

Billi tikketta dwar l-ekonomija tal-karburant għandu jkun fiha tagħrif dwar il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 li ġew stabbiliti skond l-istandards armonizzati u l-metodi stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 80/1268/KEE tas-16 ta' Diċembru 1980 li tkun relatata ma' l-emissjonijiet ta' dijossidu karboniku u mal-konsum tal-karburant tal-karozzi bil-mutur ( 5 );

(9)

Billi huwa meħtieġ li tagħrif standardizzat supplimentari dwar il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-verżjonijiet kollha fis-suq tal-karozzi ġodda jkun disponibbli f'forma adattata kemm fil-post tal-bejgħ kif ukoll mill-korp nominat f'kull Stat Membru; billi dak it-tagħrif jista' jkun utli għall-konsumaturi biex jiffurmaw id-deċiżjoni tagħhom ta' xiri qabel ma jidħlu fix-showrooom jew li jagħżlu li ma jużawx is-servizzi ta' bejjiegħ jew li ma jżurux showroom meta jixtru karozza ġdida;

(10)

Billi huwa importanti li klijenti potenzjali jkunu konxji, fil-post tal-bejgħ, tal-mudelli tal-karozzi tal-passiġġieri l-aktar effiċjenti fil-karburant disponibbli f'dak il-post tal-bejgħ;

(11)

Billi l-letteratura promozzjonali, u kif xieraq, il-materjal promozzjonali l-ieħor kollu, użat fil-marketing ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri, għandu jkun fih id-data relevanti dwar il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 għall-mudelli tal-karozzi tal-passiġġieri li dwarhom jittratta,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Billi l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiżgura li t-tagħrif relatat ma' l-ekonomija tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri offruti għall-bejgħ jew għall-kiri fil-Komunità jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi biex jippermetti lill-konsumaturi biex jagħmlu għażla informata.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

1. “karozza tal-passiġġieri” tfisser kull karozza bil-mutur tal-kategorija M1, kif definita fl-Anness II li jinsab mad-Direttiva 70/156/KEE ( 6 ) u li taqa' fl-ambitu tad-Direttiva 80/1268/KEE. Din ma tinkludix karozzi li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 92/61/KEE ( 7 ) u karozzi b'għan speċjali kif definiti fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 70/156/KEE;

2. “karozza ġdida tal-passiġġieri” tfisser kull karozza tal-passiġġieri li ma tkunx inbiegħet qabel lil persuna li tkun xtratha bi skop ieħor ħlief dak li tbiegħha jew tikkunsinnaha;

3. “ċertifikat tal-konformità” tfisser iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 70/156/KEE;

4. “post tal-bejgħ” tfisser post, bħal showroom tal-karozzi jew roqgħa art miftuħa fejn karozzi ġodda tal-passiġġieri jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ jew għall-kiri lil klijenti prospettivi. Fieri kummerċjali fejn karozzi ġodda tal-passiġġieri jiġu ppreżentati quddiem il-pubbliku huma inklużi f'din it-tifsira;

5. “konsum uffiċjali tal-karburant” tfisser konsum tal-karburant tat-tip approvat mill-awtorità li tapprova skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/1268/KEE u msemmija fl-Anness VIII li jinsab mad-Direttiva 70/156/KEE u mehmuż maċ-ċertifikat KE ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-karozza jew fiċ-ċertifikat tal-konformità. Meta diversi varjanti u/jew verżjonijiet ikunu raggruppati taħt mudell wieħed, il-valur li għandu jingħata lill-konsum tal-karburant ta' dak il-mudell għandu jkun ibbażat fuq il-varjant u/jew il-verżjoni bl-ogħla konsum uffiċjali f'dak il-grupp;

6. “emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2” għal karozza tal-passiġġieri partikolari tfisser dawk imkejjla skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/1268/KEE u msemmija fl-Anness VIII li jinsab mad-Direttiva 70/156/KEE u mehmuża maċ-ċertifikat KE ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-karozza jew fiċ-ċertifikat tal-konformità. Meta diversi varjanti u/jew verżjonijiet ikunu raggruppati taħt mudell wieħed, il-valuri li għandhom jingħataw għas-CO2 ta' dak il-mudell għandu jkun ibbażat fuq il-varjant u/jew il-verżjoni bl-ogħla emissjonijiet uffiċjali tas-CO2 f'dak il-grupp;

7. “tikketta dwar l-ekonomija tal-karburant” tfisser tikketta li jkun fiha tagħrif għall-konsumatur dwar il-konsum uffiċjali tal-karburant u l-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2 tal-karozza li magħha t-tikketta tkun imwaħħla;

8. “gwida ta' l-ekonomija dwar il-konsum” tfisser kompilazzjoni ta' data uffiċjali dwar il-konsum tal-karburant u dwar l-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2 għal kull mudell disponibbli fis-suq tal-karozzi ġodda;

9. “letteratura promozzjonali” tfisser il-materjal kollu stampat użat fil-marketing, fir-reklamar u fil-promozzjoni ta' karozzi lill-pubbliku in ġenerali. Din tinkludi, bħala minimu, manwali tekniċi, fuljetti , reklami fil-gazzetti, rivisti, stampa kummerċjali u kartelluns;

10. “għamla” tfisser l-isem kummerċjali mogħti mill-fabbrikant u huwa dik li jidher fuq iċ-ċertifikat tal-konformità u d-dokumenti ta' l-approvazzjoni tat-tip;

11. “mudell” tfisser id-deskrizzjoni kummerċjali ta' l-għamla, tat-tip, u, fejn ikun il-każ u jkun xieraq il-varjant u l-verżjoni tal-karozza tal-passiġġieri;

12. “tip”, “varjant” u “verżjoni” ifissru d-diversi vetturi ta' għamla partikolari li jiġu ddikjarati mill-fabbrikant, kif deskritti fl-Anness II. B li jinsab mad-Direttiva 70/156/KEE, u unikament indentifikati mill-karattri alfanumeriċi skond il-verżjoni, it-tip u l-varjant.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tikketta dwar l-ekonomija tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2, li tkun skond il-ħtiġiet deskritti fl-Anness I, tkun imwaħħla jew esibita, b'mod li tkun tidher, ħdejn kull mudell ġdid ta' karozza tal-passiġġieri fil-post tal-bejgħ.

Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għat-twaqqif mill-Kummissjoni ta' gwida fuq l-Internet fuq livell Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinħoloq gwida dwar l-ekonomija tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 b'konsultazzjoni mal-fabbrikanti almenu fuq bażi ta' kull sena skond il-ħtiġiet ta'l-Anness II. Il-gwida għandha tkun tista' tinġarr, tkun ċkejkna fid-daqs u tkun tista tinkiseb mingħajr ħlas għall-konsumaturi meta tintalab kemm fil-post tal-bejgħ kif ukoll mingħand korp nominat f'kull Stat Membru.

L-awtorità jew awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 8 jistgħu jikkooperaw fit-tħejjija tal-gwida.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal kull għamla ta' karozza, kartellun (jew inkella, kartellun) tiġi esibita flimkien ma' lista bid-data tal-konsum uffiċjali tal-karburant u bid-data uffiċjali dwar l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-mudelli ġodda kollha tal-karozzi tal-passiġġieri esibiti jew offruti għall-bejgħ jew għall-kiri ġo jew permezz ta' dak il-post tal-bejgħ. Dan it-tagħrif għandu jintwera f'post promineneti u skond il-format fl-Anness III.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-letteratura promozzjonali kollha jkun fiha d-data uffiċjali dwar il-konsum tal-karburant u dik uffiċjali speċifika dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tal-mudelli tal-karozzi tal-passiġġieri li għalihom din tirreferi skond il-ħtiġiet ta' l-Anness IV.

L-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jipprovdu materjal promozzjonali barra minn dak tal-letteratura promozzjonali msemmija hawn fuq li jindika d-d ata uffiċjali dwar l-emissjoni tas-CO2 d-data uffiċjali dwar il-konsum tal-karburant tal-mudell speċifiku tal-karozza li għalih jirreferi.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-presenza ta' tikketti, gwidi, kartelluni u letteratura promozzjonali u materjal imsemmi fl-Artikoli 3, 4, 5 u 6 ta' marki oħra, simboli jew iskrizzjonijiet relatati mal-konsum tal-karburant jew ma' l-emissjonijiet tas-CO2 li ma jikkonformawx mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva huma pprojbiti, jekk il-wiri tagħhom ikun jista joħloq konfużjoni mal-konsumaturi prospettivi ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni u l-funzjonament ta' l-iskema tat-tagħrif għall-konsumatur deskritta f'din id-Direttiva.

▼M3

Artikolu 9

1.  Il-miżuri meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi ma' din id-Direttiva u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tagħha għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(3) wara konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-konsumatur u partijiet oħra interessati.

Biex jiġi assistit dan il-proċess ta' adattament kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, sal-31 ta' Diċembru 2003, rapport dwar l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, li jkopri l-perjodu mit-18 ta' Jannar 2001 sal-31 ta' Diċembru 2002. Il-format ta' dan ir-rapport għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(2) mhux aktar tard mit-18 ta' Jannar 2001.

2.  Addizzjonalemnt għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri mmirati lejn:

(a) aktar speċifikazzjoni tal-format tat-tikketta msemmija fl-Artikolu 3 billi tadatta l-Anness I;

(b) aktar speċifikazzjoni tar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-gwida msemmija fl-Artikolu 4 bil-għan li jiġu klassifikati mudelli ġodda ta' karozzi biex b'hekk ikun jista' jsir elenku tal-mudelli skond l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-karburant fi klassijiet speċifikati, inkluża klassi għal elenku tal-mudelli tal-karozzi ġodda l-aktar effiċjenti fil-konsum tal-karburant;

(ċ) it-twaqqif ta' rakkomandazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dispożizzjonijiet dwar il-letteratura promozzjonali msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 lil media u materjali oħra.

Il-miżuri li hemm referenza għalihom fil-punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu, li tfasslu sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(3).

Il-miżuri msemmija fil-punti (b) u (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(2).

▼M2

Artikolu 10

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjunha minn kumitat.

2.  Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 8 ) għandhom ikunu applikabbli, wara li jkunu meqjusa d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

▼M3

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a minn (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

▼B

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta' din id-Direttiva. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

Artikolu 12

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sat-18 ta' Jannar 2001. Dawn għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkun hemm magħhom dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal dik ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 14

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

DESKRIZZJONI TAT-TIKKETTA DWAR L-EKONOMIJA TAL-KARBURANT U L-EMISSJONIJIET TAS-CO2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, bħala minimu, li t-tikketti kollha ta' l-ekonomija tal-karburant fit-territorju tagħhom:

1. ikunu jikkonformaw mal-format standardizzat li jippermetti aktar għarfien mill-konsumaturi;

2. ikunu ta' daqs ta' 297 mm × 210 mm (A4);

3. ikun fihom referenza għall-mudell u t-tip tal-karburant tal-karozza tal-passiġġieri li magħha jitwaħħlu;

4. ikun fihom il-valur numeriku tal-konsum uffiċjali tal-karbuarnt u l-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2. Il-valur tal-konsum uffiċjali tal-karburant jiġi espress jew f'litri kull 100 kilometru (l/100 km), jew bħala kombinazzjoni xierqa ta' dawn u jiġi kkwotat sa post deċimali wieħed. L-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2 jiġu kkwotati sa l-eqreb numru sħiħ fi grammi kull kilometru (g/km).

Dawn il-valuri jistgħu jiġi espressi f'diversi unitajiet (galluni u mili) sal-limitu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/181/KEE ( 9 )).

5. ikun fihom it-test li ġej dwar id-disponibilità tal-gwida dwar il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet CO2:

“Gwida dwar l-ekonomija tal-karburant u l-emissjonijiet CO2 li jkun fiha tagħrif dwar il-mudelli tal-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri, tkun disponibbli fil-post tal-bejgħ mingħajr ebda ħlas”

6. ikun fihom it-test li ġej:

“B'żieda ma’ l-effiċjenza ta' karozza rigward il-karburant, l-andament waqt is-sewqan kif ukoll karatteristiċi oħra mhux tekniċi għandhom sehem importanti biex jiġi stabbilit il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 ta' karozza. Is-CO2 huwa l-gass greenhouse prinċipali responsabbli għat-tisħin globali”




L-ANNESS II

DESKRIZZJONI TAL-GWIDA DWAR L-EKONOMIJA TAL-KARBURANT U L-EMISSJONIJIET CO2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gwida dwar l-ekonomija tal-karburant u l-emissjonijiet CO2, ikun fiha, bħala minimu, it-tagħrif li ġej:

1. elenku tal-mudelli tal-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri disponibbli għall-bejgħ fl-Istati Membri fuq bażi ta' kull sena, raggruppati skond l-għamla f'ordni alfabetiku. Jekk f'xi Stat Membru l-gwida tiġi aġġornata aktar minn darba fis-sena, allura l-gwida għandu jkun fiha elenku tal-mudelli tal-karozzi ġodda kollha tal-passiġġieri disponibbli fid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-aġġornament;

2. għal kull mudell li jidher fil-gwida, it-tip tal-karburant, il-valur numeriku tal-konsum uffiċjali tal-karburant u l-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2. Il-valur tal-konsum uffiċjali tal-karburant jiġi espress jew f'litri kull 100 kilometru (l/100 km), jew bħala kombinazzjoni xierqa ta' dawn, u tiġi kkwotata sa post deċimali wieħed. L-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2 jiġu kkwotati sa l-eqreb numru sħiħ fi grammi kull kilometru (g/km).

Dawn il-valuri jistgħu jiġu espressi f'diversi unitajiet (galluni u mili) sal-limitu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/181/KEE;

3. elenku prominenti ta' l-10 mudelli ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri l-aktar effiċjenti fil-konsum tal-karburant klassifikati skond l-ordni ta' kemm jiżdiedu l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 għal kull tip tal-karburant. L-elenku għandu jkun fih il-mudell, il-valur numeriku tal-konsum uffiċjali tal-karburant u l-emissjonijiet uffiċjali speċifiċi tas-CO2;

4. parir lis-sewwieqa li l-użu sewwa u l-manutenzjoni regolari tal-vettura u l-imġieba waqt is-sewqan, bħal li wieħed jevita sewqan aggressiv, isuq b'veloċità aktar baxxa, jantiċipa l-ibbrejkjar, jonfoħ it-tyres sew, inaqqas il-perjodi ta' l-idling, ma jġorrx piż eċċessiv, dawn kollha jtejbu l-konsum tal-karburant u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozza tal-passiġġieri tagħhom;

5. spjegazzjoni dwar l-effetti ta' l-emissjonijiet tal-gass greenhouse, it-tibdil prospettiv tal-klima u r-relevanza ta' karozzi bil-mutur kif ukoll referenza għad-diversi għażliet tal-karburant disponibbli għall-konsumatur u l-implikazzjonijiet ambjentali tagħhom ibbażati fuq l-aħħar evidenza xjentifika u l-ħtiġiet leġislattivi;

6. referenza għall-miri Komunitarji għall-medja ta' l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri ġodda u d-data li fiha dawn il-miri għandhom jintlaħqu;

7. referenza għall-gwida tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija tal-karburant u emissjonijiet tas-CO2 fuq l-Internet, meta dawn ikunu disponibbli.

▼M1




L-ANNESS III

ID-DESKRIZZJONI TAL-KARTELLUN/WIRI LI JRIDU JIĠU ESIBITI FUQ IL-POST TAL-BEJGĦ

L-Istati Membri jridu jiżguraw illi l-kartellun/wiri jissodisfaw, bħala minimu, l-ħtiġiet li ġejjin:

1. il-kartellun jew il-wiri huma tad-daqs minimu ta' 70ċm x 50ċm;

2. it-tagħrif huwa ħafif għalbiex jinqara;

3. f'wirja fejn it-tagħrif jiġi pprovvdut fuqscreen elettroniku, id-daqs ta' l-iscreen għandu jkun ta' mill-inqas 25ċm x 32 ċm (17-il pulzier). It-tagħrif jista jinwera billi jintuaw il-metodi tat-teknika tar-romblu;

4. il-mudelli al-karozzi tal-passiġiġġieri jiġu ggruppjati u elenkati separatament skond it-tip tal-karburant (p.e. petrol, diesel, eċċ.). Skond kull tip ta' karburant, il-mudelli jiġu mqiegħda f'lista, fl-ordni skond kif jiżdiedu l-emissjonijiet tal-CO2, bil-mudell ta' l-inqas konsum uffiċjali tal-karburant jitqiegħed fir-ras tal-lista;

5. għal kull mudell ta' karozza tal-pasiġġieri fil-lista, jingħataw il-għamla, il-valur numeriku tal-konsum uffiċjali tal-karburant u l-emissjonijiet speċifiċi uffiċjali tal-CO2. Il-valur tal-konsum uffiċjali tal-karburant jiġi espress jew f'litri għal kull 100 kilometru (l/100km), f'kilometri għal kull litru (km/l) jew f'għaqda approrjata ta' dawn, u jiġi kkwotat sa ċifra waħda deċimali. L-emissjonijie speċifiċi uffiċjali tal-CO2 jiġu kkwotati sa l-eqreb ċifra sħiħa fi grammi għal kull kilometru (g/km).

Dawn il-valurti jistgħu jiġu espressi f'unitajiet differenti (galluni u mili) safejn u sakemm ikunu kompatibbli mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 80/181/KEE.

Hawn taħt huwa muri l-format issuġġerit:

image

6. il-kartellun/wiri ikun fihom it-test li ġej li jirrigwarda id-disponibbiltà tal-gwida dwar l-ekonomija tal-karburant u l-emissjonijiet tal-CO2: “Gwida dwar l-ekonomija tal-karburant u l-emissjonijiet tal-CO2 li fiha l-informazjoni dwar il-karozzi l-ġodda kollha tal-passiġġieri hija disponibbli f'kull post tal-bejgħ mingħar ħlas”; fil-każ ta' wiri li jkun fuqscreen elettroniku dan il-messaġġ irid ikun jidher b'mod permanenti;

7. il-kartellun/wiri jkun fihom it-test li ġej: “B'żieda ma' l-effiċjenza tal-karburant ta' karozza, l-imġiba fis-sewqan kif ukoll fatturi oħra mhux tekniċi għandhom rwol dwar kif jiġu stabbiliti l-ekonomija tal-karbutant u l-emissjoniet tal-CO2 ta' karozza. Il-CO2 huwa l-gass tas-serra globali responsabbli miż-żieda fis-sħana globali”; fil-każ ta' wirja li ssir fuqscreen elettroniku dan il-messaġġ irid ikun jidher b'mod permanenti;

8. il-kartellun/wiri għandhom jiġu aġġornati mill-inqas kull sitt xhur, Meta tintuża wirja elettronika, it-tagħrif gandu jiġi aġġornat mill-inqas kull tliet xhur;

9. il-kartellun/wiri jistgħu jiġu sostitwiti b'mod komplet jew permanentri bi screen elettroniku. F'dan il-każ l-iscreen elettroniku għandu jiġi ppreżentat hekk illi jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur mill-inqas bl-istess intensità li tkun inkisbet minn kartellun/wira.

▼B




L-ANNESS IV

IL-PROVVISTA TA' DATA DWAR IL-KONSUM TAL-KARBURANT U L-EMISSJONIJIET TAS-CO2 FIL-LETTERATURA PROMOZZJONALI

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-letteratura promozzjonali kollha jkun fiha l-konsum uffiċjali tal-karburant u tagħrif dwar l-emissjonijiet speċifiċi uffiċjali tas-CO2 tal-vetturi li għalihom tkun tirreferi. Dan it-tagħrif għandu, bħala minimu, jilħaq il-ħtiġiet li ġejjin:

1. ikun faċli biex jinqara u mhux anqas prominenti mill-parti prinċipali tat-tagħrif provdut fil-letteratura promozzjonali;

2. ikun faċli biex jiftiehem anke b'ħarsa superfiċjali;

3. id-data uffiċjali dwar il-konsum tal-karburant għandha tiġi provduta għall-mudelli differenti tal-karozzi kollha koperti mill-materjal promozzjonali. Jekk aktar minn mudell wieħed jiġi speċifikat allura jew id-data uffiċjali tal-konsum tal-karburant għall-mudelli kollha speċifikati jiġi inkluż jew il-qabża bejn l-agħar u l-aħjar konsum tal-karburant tiġi ddikjarata. Il-konsum tal-karburant jiġi espress jew f'litri kull 100 kilometru (l/100 km), kilometri kull litru (km/l), jew bħala taħlita xierqa ta' dawn. Id-data numerika kollha tiġi kkwotata sa post deċimali wieħed.

Dawn il-valuri jistgħu jiġu espressi f'diversi unitajiet (galluni u mili) sal-limitu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/181/KEE.

Jekk il-letteratura promozzjonali jkun fiha biss referenza għall-għamla, u mhux għal xi mudell partikolari, allura d-data tal-konsum tal-karburant mhux meħtieġ li tiġi provduta.



( 1 ) ĠU C 305, tat-3.10.1998, p. 2 u

ĠU C 83, tal-25.3.1999, p. 1.

( 2 ) ĠU C 40, tal-15.2.1999, p. 45.

( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 1998 (ĠU C 98, tad-9.4.1999, p. 252), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-23 ta' Frar 1999 (ĠU C 123, ta' l-4.5.1999, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Novembru 1999 (għadhom mhux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 4 ) ĠU L 329, tat-30.12.1993, p. 39.

( 5 ) ĠU L 375, tal-31.12.1980, p. 36. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/116/KE.

( 6 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' karozzi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 98/91/KE (ĠU L 11, tas-16.1.1999, p. 25).

( 7 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 relatata ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' karozzi bil-mutur b'żewġ roti jew tlieta (ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 72). Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni tal-1994.

( 8 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

( 9 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1979 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati ma' l-unitajiet tal-kejl u r-revoka tad-Direttiva 71/354/KEE (ĠU L 39, tal-15.2.1980, p. 40). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/617/KEE (ĠU L 357, tas-7.12.1989, p. 28).

Top