EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01997R2027-20020530

Consolidated text: Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 tad- 9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/2027/2002-05-30

1997R2027 — MT — 30.05.2002 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

▼M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2027/97

tad-9 ta' Ottubru 1997

dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru

▼B

(ĠU L 285, 17.10.1997, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 889/2002 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta' Mejju 2002

  L 140

2

30.5.2002




▼B

▼M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2027/97

tad-9 ta' Ottubru 1997

dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru

▼B



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Waqt li jaġixxi bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189(ċ) tat-Trattat ( 3 ),

(1)

Billi, fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa meħtieġ li jitjieb il-livell ta' protezzjoni tal-passiġġieri involuti f'inċidenti ta' l-ajru;

(2)

Billi r-regoli dwar responsabbilità fl-eventwalità ta' inċidenti huma irrregolati mill-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli li Jirrrigwardaw it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, ffirmata f'Varsavja fit-12 ta' Ottubru 1929, jew dik il-Konvenzjoni kif emendata fl-Aja fit-28 ta' Settembru 1955 u l-Konvenzjoni magħmula fi Gwadalajara fit-18 ta' Settembru 1961, liema minnhom hija applikabbli kull wieħed minn hawn 'il quddiem irriferut bħala, kif applikabbli, “il-Konvenzjoni ta' Varsavja”; billi l-Konvenzjoni ta' Varsavja hija applikata mad-dinja kollha għall-benefiċċju kemm tal-passiġġieri u dawk li jġorru bl-ajru;

(3)

Billi l-limitu stabbilit fuq ir-responsabbilità mill-Konvenzjoni ta' Varsavja huwa baxx iżżejjed mill-istandards soċjali u ekonomiċi tal-lum u ta' spiss iwassal għal azzjonijiet legali twal li jagħmlu ħsara għad-dehra tat-trasport bl-ajru; billi bħala riżultat l-Istati Membri żiedu f'manjiera varja l-limitu tar-responsabbilità, b'hekk iwasslu għal termini u kundizzjonijiet differenti ta' trasport fis-suq ta' l-avjazzjoni interna;

(4)

Billi b'żieda ma' dan il-Konvenzjoni ta' Varsavja tapplika biss għat-trasport internazzjonali; billi, fis-suq ta' l-avjazzjoni interna, id-distinzjoni bejn trasport nazzjonali u internazzjonali ġiet eleminata; billi huwa għalhekk xieraq li jkun hemm l-istess livell u natura ta' responsabbilità kemm fit-trasport nazzjonali u internazzjonali;

(5)

Billi reċenzjoni u reviżjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Varsavja imissha ilha li saret u tkun tirrappreżenta, fl-aħħar mill-aħħar, tweġiba iżjed uniformi u applikabbli, fuq livell internazzjonali, għas-suġġett tar-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti; billi sforzi biex jiżdiedu l-limiti tar-responsabbilità imposta mill-Konvenzjoni ta' Varsavja għandha tkompli b'negozjati fuq livell multilaterali;

(6)

Billi, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, azzjoni fuq livell Komunitarju hija mixtieqa sabiex tinkiseb armonizzazzjoni fil-qasam ta' responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru u tista' sservi bħala linja ta' gwida għall-protezzjoni aħjar tal-passiġġieri fuq skala globali;

(7)

Billi huwa xieraq li jitneħħew il-limiti monetarji kollha fuq responsabbilità fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta' Varsavja jew kull limiti oħrajn legali jew kontrattwali, skond ix-xejriet preżenti fuq livell internazzjonali;

(8)

Billi, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-vittmi ta' inċidenti ma jkunux ikkumpensati, trasportaturi bl-ajru tal-Komunità m'għandhomx, fir-rigward ta' xi talba li toriġina minħabba f'mewt, ferita jew feriti oħra fil-ġisem ta' passiġġier skond l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta' Varsavja, jagħmlu użu minn kwalunkwe difiża permezz ta' l-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni ta' Varsavja sa ċertu limitu;

(9)

Billi trasportaturi bl-ajru tal-Komunità jistgħu jkunu eżonerati mir-responsabbilità tagħhom f'każijiet ta' negliġenza kontributorja mill-passiġġier ikkonċernat;

(10)

Billi huwa meħtieġli jiġu ċċarati l-obbligazzjonijiet ta' dan ir-Regolament fid-dawl ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-liċenzjar ta' trasportaturi bl-ajru ( 4 ); billi, f'dan ir-rigward, trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għandhom ikunu assigurati sa ċertu limitu stabbilit f'dan ir-Regolament;

(11)

Billi trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għandhom ikunu dejjem intitolati li jagħmlu talba kontra terzi persuni;

(12)

Billi pagamenti bil-quddiem immedjati jistgħu jassistu konsiderevolment lejn il-passiġġieri feruti jew lejn il-persuni naturali intitolati għal kumpens biex ilaħħqu ma' l-ispejjeż ta' wara inċident ta' l-ajru;

(13)

Billi r-regoli dwar in-natura u l-limitazzjoni ta' responsabbiltà fl-eventwalità ta' mewt, korriment jew feriti oħra tal-ġisem li jkun sofra minnhom passiġġier jifformaw parti mit-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasport fil-kuntratt tat-trasport ta' l-ajru bejn dak li jġorr u passiġġier; billi, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, dawk li jġorrru minn pajjiżi terzi għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri adegwatament dwar il-kundizzjonijiet ta' trasport tagħhom;

(14)

Billi huwa xieraq u meħtieġ li l-limiti monetarji espressi f'dan ir-Regolament ikunu riveduti sabiex jittieħed akkont ta' l-iżviluppi ekonomiċi u l-iżviluppi f'fora internazzjonali;

(15)

Billi l-Organizzazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) hija preżentement okkupata f'reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Varsavja; billi sakemm joħroġ ir-riżultat ta' din ir-reviżjoni, azzjonijiet fuq bażi temporanja mill-Komunità għandhom itejbu l-protezzjoni tal-passiġġieri; billi l-Kunsill għandu jirrivedi dan ir-Regolament malajr kemm jista' jkun possibbli wara r-reviżjoni mill-ICAO,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



▼M1

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' Montreal fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet supplimentari. Jestendi wkoll l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport bl-ajru fi ħdan Stat Membru wieħed.

L-Artikolu 2

1.  Għall-fini ta' dan ir-Regolament:

(a) “trasportatur bl-ajru”, tfisser impriża ta' trasport bl-ajru b'liċenzja valida għall-operat;

(b) “Trasportatur bl-ajru Komunitarju”, tfisser trasportatur bl-ajru b'liċenzja valida għall-eżerċizzju mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92;

(ċ) “persuna intitolata għal kumpens”, tfisser passiġġier jew kull persuna intitolata biex tagħmel talba għal dak il-passiġġier, skond il-liġi applikabbli;

(d) “bagalji”,, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, tfisser bagalji kemm reġistrati kemm mhux reġistrati skond it-tifsira ta' l-Artikolu 17(4) tal-Konvenzjoni ta' Montreal;

(e) “SDR”, tfisser dritt speċjali ta' ġbid kif definit mill-Fond Monetarju Internazzjonali;

(f) “Il-Konvenzjoni ta' Varsavja”, tfisser il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli Dwar it-trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f'Varsavja nhar it-12 ta' Ottubru 1929, jew il-Konvenzjoni ta' Varsavja kif emendata fl-Aja fit-28 ta' Settembru 1955 u l-Konvenzjoni supplimentari għall-Konvenzjoni ta' Varsavja magħmula fi Guadalajara fit-18 ta' Settembru 1961;

(g) “Il-Konvenzjoni ta' Montreal”, tfisser “il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli dwar it-trasport Internazzjoni bl-Ajru”,, iffirmata f'Montreal fit-28 ta' Mejju 1999.

2.  Il-kunċetti misjuba f'dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 huma ekwivalenti għal dawk użati fil-Konvenzjoni ta' Montreal.

L-Artikolu 3

1.  Ir-responsabbiltà ta' trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta' Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà.

2.  L-obbligu ta' assigurazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92 safejn tirrelata għar-responsabbiltà għall-passiġġieri għandha tiftiehem bħala li teħtieġ li trasportatur bl-ajru Komunitarju jkun assigurat sa livell li hu adegwat sabiex jiżgura li l-persuni kollha ntitolati għal kumpens jirċievu l-ammont kollu li huma ntitolati għalih skond dan ir-Regolament.

▼M1

L-Artikolu 3a

Is-somma supplimentari li, skond l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal, tista' tintalab minn trasportatur bl-ajru Komunitarju meta xi passiġġier jagħmel dikjarazzjoni speċjali ta' interess fil-konsenja tal-bagalji tiegħu f'destinazzjoni, għandha tiġi bażata fuq tariffa relatata ma' l-ispejjez addizzjonali nvoluti fit-trasport u fl-assigurazzjoni tal-bagalji kkonċernati, fuq dawk għal bagalji valutati fil- jew taħt il-limitu ta' responsabbiltà. It-tariffa għandha tkun disponibbli għall-passiġġieri li jitolbuha.

▼M1 —————

▼M1

L-Artikolu 5

1.  It-trasportatur bl-ajru Komunitarju għandu mingħajr dewmien, u f'kull każ sa mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata wara li l-identità tal-persuna fiżika intitolata għal kumpens tkun ġiet stabbilita, jagħmel ħlasijiet bħal dawn bil-quddiem kif jista' jkun meħtieġsabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati fil-proporzjon tat-tbatija sofferta.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, ħlas bil-quddiem ma jistax ikun anqas mill-ekwivalenti f'euro ta' 16 000 SDR għal kull passiġġier fil-każ ta' mewt.

3.  Ħlas bil-quddiem ma jfissirx rikonoxximent ta' responsabbiltà u jista' jiġi paċut ma' xi somom sussegwenti mħallsa fuq bażi tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru Komunitarju, imma ma jistax jingħata lura, minbarra, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Montreal jew meta l-persuna li tkun irċeviet il-ħlas bil-quddiem ma tkunx il-persuna intitolata għal kumpens.

L-Artikolu 6

1.  It-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom, meta jbigħu trasport bl-ajru fil-Komunità, jiżguraw li sommarju tad-dispożizzjonijiet prinċipali li jirregolaw ir-responsabbiltà għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, inklużi t-termini previsti għall-azzjoni għal kumpens u l-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali għal bagalji, ikun disponibbli għall-passiġġieri fil-postijiet ta' bejgħ kollha, inkluż bejgħ bit-telefon u permezz ta' l-Internet. Sabiex jikkonformaw ma' dan l-obbligu ta' informazzjoni, it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji għandhom jużaw l-avviż misjub fl-Anness. Dan is-sommarju jew avviż ma jistax jintuża bħala bażi għal talba għal kumpens, lanqas biex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew tal-Konvenzjoni ta' Montreal.

2.  B'żieda ma' l-obbligu ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, it-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom, fir-rigward ta' trasport bl-ajru fornit jew mixtri fil-Komunità, jipprovdu lil kull passiġġier indikazzjoni bil-miktub ta':

 il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur fir-rigward ta' mewt jew ta' korriment, jekk limitu bħal dan jeżisti,

 il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur fir-rigward ta' distruzzjoni, telf jew ħsara lil bagalji u twissija li bagalji ta' valur akbar minn din il-figura għandhom jiġu dikjarati lill-linja ta' l-ajru fiċ-check in jew assigurati kompletament mill-passiġġier qabel il-vjaġġ,

 il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur għal ħsara kkaġunata minn dewmien.

3.  Fil-każ tat-trasport kollu magħmul mit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji, il-limiti indikati skond l-obbligi ta' informazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu dawk stabbiliti minn dan ir-Regolament sakemm it-trasportatur bl-ajru Komunitarji ma japplikax volontarjament limiti ogħla. Fil-każ tat-trasport kollu magħmul minn trasportaturi bl-ajru mhumiex Komunitarji, il-paragrafi 1 u 2 japplikaw biss fir-rigward ta' trasport lejn, minn jew fil-Komunità.

L-Artikolu 7

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data li fiha r-Regolament (KE) Nru 889/2002 ( 5 ) jibda jseħħ, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Partikolarment, il-Kummissjoni għandha teżamina l-bżonn li tirrevedi l-imposti msemmija fl-Artikoli relativi tal-Konvenzjoni ta' Montreal fid-dawl ta' żviluppi ekonomiċi u n-notifikazzjonijiet tad-Depożitarju ta' l-ICAO.

▼B

L-Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sena wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




L-ANNESS

Responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom

Dan l-avviż ta' informazzjoni jġib fil-qosor ir-regoli ta' responsabbiltà applikati mit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji kif meħtieġ mid-dritt Komunitarju u mill-Konvenzjoni ta' Montreal.

Kumpens fil-każ ta' mewt jew korriment

M'hemmx limiti finanzjarji għar-responsabbiltà f'każta' korriment jew mewt tal-passiġġieri. Għal ħsarat sa 100 000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali) it-trasportatur bl-ajru ma jistax jikkontesta t-talbiet għal kumpens. Għal ammont akbar minn dak, it-trasportatur bl-ajru jista' jiddefendi ruħu kontra talba billi jipprova li ma kienx negliġenti jew inkella b'mod ieħor bi ħtija.

Pagamenti bil-quddiem

Jekk passiġġier imut jew ikorri, it-trasportatur bl-ajru għandu jagħmel pagament bil-quddiem, biex ikopri l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati, fi żmien 15-il ġurnata mill-identifikazzjoni tal-persuna ntitolata għal kumpens. Fil-każ ta' mewt, dan il-pagament bil-quddiem m'għandux ikun anqas minn 16 000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali).

Dewmien lill-passiġġier

Fil-każ ta' dewmien lill-passiġġier, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jevita l-ħsara jew kien impossibbli jieħu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien lill-passiġġieri hi limitata għal 4 150 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali).

Dewmien tal-bagalji

Fil-każ ta' dewmien tal-bagalji, it-trasportatur bl-ajru hu responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jevita l-ħsara jew kien impossibbli li jieħu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien tal-bagalji hi limitata għal 1 000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali).

Qerda, telf jew ħsara tal-bagalji

It-trasportatur bl-ajru hu responsabbli għall-qerda, telf jew ħsara tal-bagalji sa 1 000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali). Fil-każ ta' bagalji reġistrati, hu responsabbli anki jekk ma jkollux ħtija, sakemm il-bagalji ma jkunux difettużi. Fil-każ ta' bagalji mhux reġistrati, it-trasportatur ikun responsabbli biss jekk ikollu ħtija.

Limiti ogħla għall-bagalji

Passiġġier jista' jibbenefika minn limitu ta' responsabbiltà ogħla billi jagħmel dikjarazzjoni speċjali mhux aktar tard miċ-check in u jħallas dritt supplementari.

Ilmenti fuq bagalji

F'każ ta' ħsara, dewmien, telf jew qerda tal-bagalji, il-passiġġier għandu jilmenta bil-miktub mal-linja ta' l-ajru malajr kemm jista' jkun. Fil-każ ta' ħsara f'bagalji reġistrati, il-passiġġier għandu jilmenta bil-miktub fi żmien sebat ijiem, u fil-każ ta' dewmien fi żmien 21 ġurnata, fiż-żewġ każijiet mid-data li fiha l-bagalji jiġu mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-passiġġier.

Responsabbilità tat-trasportaturi kontraenti u dawk effettivi

Jekk it-trasportatur bl-ajru li fil-fatt jagħmel it-titjira ma jkunx it-trasportatur bl-ajru kontraenti, il-passiġġier ikollu d-dritt jindirizza l-ilment jew jagħmel it-talba għal ħsarat kontra kull wieħed minnhom. Jekk l-isem jew il-kodiċi ta' trasportatur bl-ajru jkun indikat fuq il-biljett, dak it-trasportatur bl-ajru jkun it-trasportatur bl-ajru kontraenti.

Żmien limitu għall-azzjoni

Kull azzjoni bil-qorti għad-danni għandha tiġi magħmula fi żmien sentejn mid-data tal-wasla ta' l-ajruplan, jew mid-data li fiha l-ajruplan kellu jasal.

Bażi ta' l-informazzjoni

Il-bażi tar-regoli imsemmija hawn fuq hija l-Konvenzjoni ta' Montreal tat-28 ta' Mejju 1999, li ġiet implimentata mill-Komunità bir-Regolament (KE) Nru 2027/97 (kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 889/2002) u mil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Pajjiżi Membri.



( 1 ) ĠU C 104, ta' l-10.4.1996, p. 18 u ĠU C 29, tat-30.1.1997, p. 10.

( 2 ) ĠU C 212, tat-22.7.1996, p. 38.

( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 1996 (ĠU C 320, tat-28.10.1996, p. 30), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Frar 1997 (ĠU C 123, tal-21.4.1997, p. 89) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 1997 (ĠU C 182, tas-16.6.1997).

( 4 ) ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.

( 5 ) ĠU L 140, tat-30.5.2002, p. 2.

Top