EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01997L0081-19980525

Consolidated text: Id-direttiva tal-kunsill 97/81/KE tal- 15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1997/81/1998-05-25

1997L0081 — MT — 25.05.1998 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 97/81/KE

tal-15 ta' Diċembru 1997

li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC

(ĠU L 014, 20.1.1998, p.9)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 98/23/KE tas-7 ta' April 1998

  L 131

10

5.5.1998




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 97/81/KE

tal-15 ta' Diċembru 1997

li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC



IL- KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-politika soċjali anness mal- Protokoll (Nru 14) dwar il- politika soċjali, anness mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tieghu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

(1)

Billi abbażi tal-Protokoll dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Istati Membri, ħlief ghar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmija bħala “l-Istati Membri”), jixtiequ li jkomplu fit-triq stabbilita mill-Karta Soċjali ta' l-1989, ikkonkludew ftehim dwar il-politika soċjali;

(2)

Billi s-sieħba soċjali jistgħu, skond l-Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali, jitolbu konġuntement li ftehim f'livell Komunitarju ikun implimentat permezz ta'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

(3)

Billi 1-punt 7 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema jipprovdi, inter alia, li “l-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għixien tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea. Dan il-proċess għandu jirriżulta minn approssimazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet waqt li jinżamm it-titjib, fejn għandhom x'jaqsmu b'mod partikolari forom ta' impjieg barra minn kuntratti indeterminati, bħal kuntratti għal terminu fiss, xogħol part-time, xogħol temporanju u xogħol staġjonali”;

(4)

Billi l-Kunsill għadu ma laħaqx deċiżjoni dwar il-proposta għal Direttiva dwar ċerti relazzjonijiet ta' impjieg fejn għandhom x'jaqsmu distorzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 1 ), kif emendata ( 2 ), lanqas dwar il-proposta għal Direttiva dwar ċerti relazzjonijiet ta' impjieg fejn għandhom x'jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol ( 3 );

(5)

Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Essen enfasizzaw il-bżonn li jittieħdu miżuri biex jippromwovu l-impjieg u l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u talbu li jittieħdu miżuri bl-iskop li fit-tkabbir tiżdied l-intensità ta' l-impjiegi, b'mod partikolari permezz ta' organizzazzjoni ta' xogħol iktar flessibbli b'tali mod li tissodisfa kemm ix-xewqat tal-ħaddiema kif ukoll il-bżonnijiet tal-kompetizzjoni;

(6)

Billi l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali, ikkonsultat lis-sieħba soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta' l-azzjoni Komunitarja fejn għandu x'jaqsam ħin tax-xogħol flessibbli u s-sigurtà fl-impjieg;

(7)

Billi l-Kummissjoni, tikkonsidra wara din il-konsultazzjoni li l-azzjoni Komunitarja kienet mixtieqa, għal darb'okra kkonsultat l-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju dwar is-sustanza tal-proposta kontemplata skond l-Artikolu 3(3) ta' l-istess Ftehim;

(8)

Billi l-organizzazzjonijiet ta' natura ġenerali fl-industrija, l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta' min Iħaddem Ewropea (UKIIE), Iċ-Ċentru Ewropew ta' l-Intrapriżi Pubbliċi (ĊEIP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) infurmaw lill-Kummissjoni bl-ittra konġunta tad-19 ta'Ġunju 1996 bix-xewqa tagħhom li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-politika soċjali; billi huma staqsew lill- Kummissjoni, b'ittra konġunta tat-12 ta' Marzu 1997, għal tliet xhur oħra; billi l-Kummissjoni qablet ma' din it-talba;

(9)

Billi l-imsemmija organizzazzjonijiet ta' natura ġenerali fl-industrija kkonkludew, fis-6 ta' Ġunju 1997, Ftehim Qafas dwar xogħol part-time; billi talbu konġuntement lill-Kummissjoni li timplimenta dan il-Ftehim Qafas permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 4(2) tal-Ftehim imsemmi;

(10)

Billi l-Kunsill, fir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Diċembru 1994 dwar prospetti tal-politika soċjali għall-Unjoni Ewropea: l-kontribuzzjoni għall-konverġenza ekonomika u soċjali fl-Unjoni ( 4 ), talbet lis-sieħba soċjali biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet għal ftehim konklużiv, ladarba huma bħala regola ġenerali iktar qrib ir-realtà u l-problemi soċjali;

(11)

Billi l-partijiet firmatarji xtaqu li jikkonkludu ftehim qafas dwar xogħol part-time li jistabbilixxi il-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal xogħol part-time; billi huma wrew ix-xewqa tagħhom li jistabbilixxu l-qafas ġenerali biex tiġi eliminata d-diskriminazjoni kontra ħaddiema part-time u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' potenzjal ta' xogħol part-time fuq bażi li hi aċċettabbli kemm għal min iħaddem u għall-ħaddiema;

(12)

Billi s-sieħba soċjali xtaqu li jagħtu attenzjoni partikulari lix-xogħol part-time, waqt li fl-istess ħin jindikaw li kienet l-intenzjoni tagħhom li jiġi kkunsidrat il-bżonn ta' ftehim simili għal forom oħra flessibbli ta' xogħol;

(13)

Billi, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta'Amsterdam, il-Kapijiet ta' l-Istat u l-Gvern ta' l-Unjoni Ewropea laqgħu b'mod favorevoli ħafna il-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali dwar xogħol part-time;

(14)

Billi l-istrument adattat għall-implentazzjoni tal-Ftehim Qafas hu Direttiva fis-sens ta' l-Artikolu 189 tat-Trattat; billi għalhekk torbot lill-istati Membri għar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli għall-awtoritajiet nazzjonali, l-għażla tal-forma u l-metodi;

(15)

Billi, skond il-prinċipji tas-sussidjaretà u proporzjonalità kif stabbiliti fl- Artikolu 3(b) tat- Trattat, l-objettivi ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar mill-Komunità; billi din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawn l-objettivi;

(16)

Billi, fejn għandhom x'jaqsmu t-termini użati fil-Ftehim Qafas li mhumiex speċifikatament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri liberi li jiddefinixxu dawk it-termini skond il-liġi u l-prattika nazzjonali, kif inhu l-każ għal Direttivi oħrajn ta' politika soċjali bl-użu ta' kliem simili, kemm-il darba d-definizzjonijiet imsemmija jirrispettaw il-kontenut tal-Ftehim Qafas;

(17)

Billi l-Kummissjoni abbozzat proposta għal Direttiva, skond il-Komunikazzjoni ta' l-14 ta' Diċembru 1993 li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali u l-kommunikazzjoni tat-18 ta'Settembru 1996 li tikkonċerna l-iżvilupp tad-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju, b'kont meħud ta' l-istatus rappreżentattiv tal-partijiet firmatarji u tal-legalità ta' kull klawżola tal-Ftehim Qafas;

(18)

Billi l-Kummissjoni abbozzat proposta għal Direttiva skond l-Artikolu 2(2) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali li jipprovdi li d-Direttivi fis-settur tal-politika soċjali “għandhom jevitaw li jimponu rbit amministrattiv, finanzjarju u legali b'tali mod li kien iżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju”;

(19)

Billi l-Kummissjoni, skond il-komunikazzjoni ta' l-14 ta' Diċembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll (Nru 14) fuq il-politika soċjali, infurmat lill-Parlament Ewropew billi bagħtet it-test tal-proposta tagħha ta' Direttiva li tikkontjeni l-Ftehim Qafas;

(20)

Billi l-Kummissjoni infurmat ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali;

(21)

Billi l-Klawżola 6.1 tal-Ftehim Qafas tipprovdi li l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli;

(22)

Billi l-Klawżola 6.2 tal-Ftehim Qafas tipprovdi li l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tistax isservi ta' raġuni għal rigress f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni li diġà teżisti f'kull Stat Membru;

(23)

Billi l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema tagħraf l-importanza tal-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, speċjalment dawk ibbażati fuq sess, kulur, razza, opinjoni u twemmin;

(24)

Billi l-Artikolu F(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Unjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali ta' liġi Komunitarja;

(25)

Billi l-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lill-partijiet soċjali, fuq it-talba konġunta minnhom, bl-implimtentazzjoni ta' din id-Direttiva, kemm-il darba l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw li jistgħu f'kull ħin jiggarantixxu r-riżultati imposti b'din id-Direttiva;

(26)

Billi l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi taħt l-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar il-politika soċjali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



L-Artikolu 1

L-iskop ta' din id-Direttiva hu li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time konkluż fis-6 ta' Ġunju 1997 bejn organizzazzjonijiet inġenerali fl-industrija (UKIIE, ĊEIP u l-KETU) annessi m'hawnhekk.

L-Artikolu 2

1.  L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-20 ta' Jannar 2000, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data fl-iktar tard, l-imsieħba soċjali jkunu ntroduċew il-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu kull miżura neċessarja biex tippermettilhom f'kull ħin li jkunu f'pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b'din d-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lil Kummissjoni minnufih b'dan. L-Istati Membri għandu jkollhom massimu ta'sena oħra, jekk neċessarju, biex jieħdu kont ta' diffikultajiet speċjali fl-implimentazzjoni bi ftehim kollettiv.

Huma għandhom jinfurmaw lill- Kummissjoni minnufih b'dawn is-sitwazzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri imsemmija fl-ewwel subparagrafu, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew inkella jkollhom magħha referenza meta jiġu uffiċjalment ippubblikati. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu indikati mill-Istati Membri.

▼M1

1a.  F'dak li jirrigwarda r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, id-data ta' l-20 ta' Jannar 2000 fil-paragrafu 1 għandha tiġi sostitwita bid-data tas-7 ta' April 2000.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill- Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li huma adottaw jew li ser jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS

L-UNJONI TAL-KONFEDERAZZJONIJIET INDUSTRIJALI U TA' MIN IĦADDEM EWROPEA

KONFEDERAZZJONI EWROPEA TAT-TRADE UNIONS

ĊENTRU EWROPEW TA' L-INTRAPRIŻI PUBBLIĊI

IL-FTEHIM QAFAS DWAR XOGĦOL PART-TIME



Preambolu

Dan il-Ftehim Qafas huwa kontribuzzjoni għall-istrateġija ġenerali Ewropea dwar l-impjieg. Ix-xogħol part-time kellu impatt importanti fuq l-impjieg f'dawn l-aħħar snin. Għal din ir-raġuni, il-partijiet għal dan il-ftehim taw attenzjoni prijoritarja lil din il-forma tax-xogħol. Hija l-intenzjoni ta' dawn il-partijiet li jikkunsidraw il-bżonn għal ftehim dwar forom oħra ta' xogħol flessibbli.

Waqt li jirrikonoxxu d-diversità tas-sitwazzjonjiet fl-Istati Membri u waqt li jagħrfu li x-xogħol part-time huwa karatteristika ta' l-impjieg f'ċerti setturi u attivitajiet, dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li għandhom x'jaqsmu max-xogħol part-time. Turi d-disposizzjoni ta' l-imsieħba soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jgħinu l-iżvilupp ta' l-opportunitajiet għal xogħol part-time fuq bażi aċċettabbli għal min iħaddem u għall-ħaddiema.

Dan il-Ftehim għandu x'jaqsam ma' kondizzjonijiet ta' impjieg għal ħaddiema part-time waqt li jiġi rikonoxxut illi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri. Fil-kuntest tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, il-partijiet għal dan il-Ftehim innutaw li d-Dikjarazzjoni ta' l-Impjieg tal- Kunsill Ewropew ta' Dublin ta' Diċembru 1996, fejn il-Kunsill inter alia enfasizza l-bżonn li s-sistemi għal sigurtà soċjali isiru iktar favorevoli għall-impjieg billi jiżviluppa sistemi ta' protezzjoni soċjali li jkunu kapaċi li jadattaw irwieħhom għal mudelli differenti ta' xogħol u li jipprovdu protezzjoni lil persuni li jkunu jagħmlu dan ix-xogħol. Il-partijiet għal dan il-Ftehim jikkunsidraw li din id-Dikjarazzjoni għandha tingħata effett.

Il-KETU, l-UKIIE u ċ-ĊEIP jitolbu lill-Kummissjoni biex tissottometti dan il-Ftehim Qafas biex tittieħed deċiżjoni li tagħmel il-ħtiġiet obbligatorji fl-Istati Membri li huma parti mill-Ftehim dwar il-politika soċjali anness mal-Protokoll Nru 14 dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Il-partijiet għal dan il-Ftehim jitolbu lill-Kummissjoni, li fil-proposta tagħha li timplimenta dan il-Ftehim, titlob li l-Istati Membri jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijeit amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kunsill fi żmien sentejn mill-adozzjoni jew li jiżguraw ( 5 ) li l-imsieħba soċjali jistabbilixxu il-miżuri neċessarji permezz ta' ftehim sa l-aħħar ta' dan il-perjodu.

Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-qrati nazzjonali u tal- Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet għal dan il-ftehim jitolbu li kull kwistjoni relatata ma' l-interpretazzjoni ta' dan il-ftehim f'livell Ewropew, għandha, fl-ewwel istanza, tiġi riferita lilhom, mill-Kummissjoni, għal opinjoni.

Konsiderazzjonijiet Ġenerali

(1)

Wara li kkunsidraw il-Ftehim dwar il-politika soċjali anness mal-Protokoll (Nru 14) dwar il-politika soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 3(4) u 4(2) tiegħu;

(2)

Billi Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali jipprovdi li ftehim konkluż fil-livell Komunitarju jista' jiġi implimentat, fuq it-talba konġunta tal-partijiet firmatarji, minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

(3)

Billi, fit-tieni dokument ta' konsultazzjoni dwar il-flessibiltà tal-ħin tax-xogħol u s-sigurtà għall-ħaddiema, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi miżura Komunitarja li torbot legalment;

(4)

Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Essen enfasizza l-bżonn tal-miżuri biex jippromwovu kemm l-impjieg u l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u sejjaħ għal miżuri immirati biex “fit-tkabbir tiżdied l-intensità ta' mpjieg, b'mod partikolari permezz ta' organizzazzjoni iktar flessibbli tax-xogħol li tissodisfa kemm ix-xewqat tal-ħaddiema kif ukoll ħtiġijiet tal-kompetizzjoni”;

(5)

Billi l-partijiet għal dan il-ftehim jagħtu importanza lil miżuri li jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għal xogħol part-time għal nisa u rġiel sabiex jippreparaw għal irtirar, jaqdu flimkien l-obbligi tax-xogħol u tal-familja, u biex jieħdu opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ sabiex itejbu l-kapaċitajiet u l-opportunitajiet għal karriera u dan għal benefiċċju reċiproku ta' min jimpjega u l-ħaddiema u manjiera li tgħin l-iżvilupp ta' l-intrapriżi;

(6)

Billi dan il-ftehim jirreferi lura lill-istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex dawn jagħmlu l-arranġamenti għal applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-disposizzjonijiet, sabiex jista' jittieħed kont tas-sitwazzjoni f'kull Stat Membru;

(7)

Billi dan il-ftehim jieħu inkonsiderazzjoni l-ħtieġa li jitjiebu l-ħtiġiet tas-sigurtà soċjali, sabiex titjieb il-kompetittività ta' l-ekonomija Komunitarja u sabiex ikun evitat li jiġu imposti rbit amministrattiv, finanzjarju u legali b'tali mod li kien iżomm lura il-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju;

(8)

Billi l-imsieħba soċjali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex isibu soluzzjonijiet li jirrispondu għall-bżonnijiet kemm ta' min jimpjega kif ukoll tal-ħaddiem u għandhom għalhekk jingħataw rwol speċjali fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

IL-PARTIJIET FIRMATARJI FTEHMU KIF ĠEJ:



Il-Klawżola 1:   L-iskop

L-iskop ta' dan il-Ftehim Qafas hu:

(a) li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta' xogħol part-time;

(b) li jiffaċilita l-iżvilupp ta' xogħol part-time fuq bażi volontarja u li jikkontribwixxi għall-organizzazzjoni flessibbli ta' ħin ta' xogħol b'tali mod li jieħu inkonsiderazzjoni il-bżonnijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema.

Il-Klawżola 2:   L-Iskop

1.

Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f'kull Stat Membru.

2.

L-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv jew prattika, u/jew il-parteċipanti soċjali fil-livell approprjat skond il-prattika fir-relazzjonijiet industrijali nazzjonali jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi, jeskludu kompletament jew parzjalment mill-konduzzjonijiet ta' dan il-Ftehim ħaddiema part-time li jaħdmu fuq bażi każwali. Dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu rieżaminati perjodikament biex jiġi stabbilit jekk ir-raġunijiet oġġettivi biex saru baqgħux validi.

Il-Klawżola 3:   Tifsiriet

Għall-iskop ta' dan il-ftehim:

1. Il-kliem “ħaddiem part-time” jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta' ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta' impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta' xogħol ta' ħaddiem full-time ta' l-istess tip.

2. Il-kliem “ħaddiem full-time ta' l-istess tip” ifisser ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta' kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b'kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/ kapaċità.

Meta m'hemmx ħaddiem full-time ta' l-istess tip fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b'referenza għall-ftehim kollettiv, jew meta ma hemmx ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv u prattika.

Il-Klawżola 4:   Il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni

1.

Fejn għandhom x'jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m'għandhomx jiġu ttrattati b'manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta' l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju tal- pro rata temporis għandu japplika.

3.

L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta' din il-klawżola għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali, b'kont meħud tal-leġislazzjoni Ewropea, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika.

4.

Meta oġġettivament ġustifikat l-Istati Membri jistgħu wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, meta approprjat, jikkondizzjonaw l-aċċess għal impjiegi partikolari bi kwalifiki ta' perjodu ta' servizz, ħin maħdum jew rati ta' qligħ. Il-kwalifiki li għandhom x'jaqsmu ma' l-aċċess ta' ħaddiema part-time għal kondizzjonijiet ta' l-impjieg partikolari għandhom jiġu ezaminati perjodikament b'kont meħud tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni espress fil-Klawżola 4.1.

Il-Klawżola 5:   Opportunitajiet għal xogħol part-time

1.

Fil-kuntest tal-Klawżola 1 ta'dan il-Ftehim u tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full-time:

(a) L-Istati Membri, wara konsultazzjonijiet ma' l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali jew prattika, għandhom jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta' natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-oportunitajiet għal xogħol part-time u, meta approprjat, jeliminawhom;

(b) l-imsieħba soċjali, waqt li jaġixxu fis-settur tal-kompetenza tagħhom u permezz tal-proċeduri stabbiliti fil-ftehim kollettiv, għandhom jidentifikaw u jirrevedu l-ostakoli li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għal xogħol part-time u, meta approprjat, jeliminawhom.

2.

Ir-rifjut ta' ħaddiem li jiġi trasferit minn xogħol full-time għal part-time jew viċe versa m'għandux b'daqshekk jikkostitwixxi raġuni valida għat-terminazzjoni ta' impjieg, mingħajr preġudizzju għat-terminazzjoni skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika, għal raġunijiet oħra li jistgħu jiġu ikkawżati minn ħtiġiet operazzjonali ta' l-istabbiliment ikkonċernat.

3.

Sa fejn hu possibli, min jimpjega għandu jikkunsidra:

(a) talbiet minn ħaddiema għal trasferiment minn xogħol full-time għal xogħol part-time li jsir disponibbli fl-istabbiliment;

(b) talbiet tal-ħaddiema għal trasferiment minn xogħol part-time għal xogħol full-time jew għal żieda tal-ħin tax-xogħol tagħhom jekk titfaċċa din l-opportunità;

(ċ) l-għoti ta' informazzjoni f'waqtha dwar id-disponibilità ta' pożizzjonijiet part-time u full-time fl-istabbiliment sabiex jiġu ffaċilitati trasferimenti minn full-time għal part-time jew viċe versa;

(d) miżuri għall-faċilitazzjoni ta' l-aċess għal xogħol part-time fil-livelli kollha ta' l-impriża, inklużi pożizzjonijiet kapaċi u amministrattivi, u meta approprjat, biex ikun iffaċilitat aċċess minn ħaddiema part-time għal taħriġ professjonali biex itejjeb l-opportunitajiet tal-karriera tagħhom u l-mobbilità fix-xogħol;

(e) l-għoti ta' informazzjoni approprjata lill-korpi eżistenti li jirrappreżentaw ħaddiema dwar xogħol part-time fl-intrapriża.

Il-Klawżola 6:   Dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni

1.

L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'dan il-ftehim.

2.

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim m'għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fis-settur ta' dan il-ftehim. Dan ma jippreġudikax id-dritt ta' l-Istati Membri u/jew ta' l-imsieħba soċjali li jiżviluppaw dispożizzjionijiet leġislattivi, regulatorji jew kuntrattwali fid-dawl ta' ċirkostanzi li jinbidlu u ma jippreġudikax l-applikazzjoni tal-klawżola 5 sakemm il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni kif espress fil-Kalwżola 4.1 ikun imħares.

3.

Dan il-Ftehim ma jippreġudikax id dritt ta' l-imsieħba soċjali li jikkonkludu, fil- livell approprjat, inkluż il-livell Ewropew, ftehim li jaddatta u/jew jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim b'mod li jieħu kont tal-bżonnijiet speċifiċi ta' l-imsieħba soċjali ikkonċernati.

4.

Dan il-Ftehim m'għandux jippreġudika dispożizzjonijiet iktar speċifiċi tal-Komunità, b'mod partikolari dispożizzjonijiet Komunitarji dwar it-trattament ugwali jew l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa.

5.

Il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet u ilmenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom isiru skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika.

6.

Il-partijiet firmatarji għandhom jirrevedu dan il-Ftehim, ħames snin wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill, jekk mitluba minn xi wieħed mill-partijiet ta' dan il-Ftehim.



( 1 ) ĠU L 224, tat-8. 9. 1990, p. 6.

( 2 ) ĠU L 305, tal-5. 12. 1990, p. 8.

( 3 ) ĠU L 224, tat-8. 9. 1990, p. 4.

( 4 ) ĠU L 368, tat-23. 12. 1994, p. 6.

( 5 ) Fis-sens ta' l-Artikolu 2(4) tal-Ftehim dwar il-politika soċjali tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea.

Top