EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01995L0046-20031120

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1995/46/2003-11-20

1995L0046 — MT — 20.11.2003 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL 95/46/KE

ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995

dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data

(ĠU L 281, 23.11.1995, p.31)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

  L 284

1

31.10.2003




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL 95/46/KE

ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995

dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),

Filwaqt li jaġixxu b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 189b tat-Trattat ( 3 ),

1.

Billi l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fit-Trattat, kif emendat bit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huma, fost oħrajn, li jġibu l-għaqda dejjem aktar mill-qrib fost il-popli ta’ l-Ewropa, irawmu relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-Istati tal-Komunità, jassiguraw progress ekonomiku u soċjali b’azzjoni komuni biex jitneħħew il-barrieri li jifirdu l-Ewropa, iħeġġu t-titjib kontinwu tal-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien tal-popli tagħha, iżommu u jsaħħu l-paċi u l-libertà u jmexxu ‘l quddiem id-demokrazija imsejsa fuq id-drittijiet fundamentali magħrufa fil-kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ l-Istati Membri u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali;

2.

Billi s-sistemi ta’ l-ipproċessar ta’ data huma maħsuba biex jaqdu lill-bniedem; billi, indipendentement miċ-ċittadinanza jew residenza ta’ persuna naturali, huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, u jaghtu sehemhom għall-progress ekonomiku u soċjali, għat-tkattir tal-kummerċ u l-ġid tal-persuna;

3.

Billi bit-twaqqif u t-tħaddim ta’ suq intern li fih, skond l-Artikolu 7a tat-Trattat, hemm il-garanzija tal-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, jeħtieġ mhux biss li data personali tkun tista’ tgħaddi liberament minn Stat Membru għal ieħor, imma wkoll li jkun hemm il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna;

4.

Billi qed ikun hemm użu aktar ta’ spiss fil-Komunità ta’ ipproċessar ta’ data personali f’bosta oqsma ta’ l-ekonomija u attività soċjali; billi l-progress li sar fit-teknoloġija ta’ l-informatika qiegħed jagħmel l-ipproċessar u l-bdil ta’ din id-data ħafna aktar faċli;

5.

Billi l-integrazzjoni ekonomika u soċjali li seħħet bit-twaqqif u bit-tħaddim tas-suq intern it-tifsira ta’ l-Artikolu 7a tat-Trattat għandu bilfors iwassal għal żjieda sewwa fit-tixrid ta’ data personali minn naħa għal oħra tal-fruntieri bejn dawk kollha li, f’kapaċità privata jew pubblika, għandhom x’jaqsmu f’attività ekonomika u soċjali fl-Istati Membri; billi l-bdil ta’ data personali bejn intrapriżi fi Stati Membri differenti huwa mistenni li jiżdied; billi l-awtoritajiet nazzjonali f’ħafna Stati Membri qed jissejħu bis-saħħa tal-liġijiet tal-Komunità biex jikkolaboraw u jibdlu data personali biex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom jew jagħmlu xogħol f’isem awtorità fi Stat Membru ieħor fil-qafas ta’ żona mingħajr fruntieri interni kif stabbilit mis-suq intern;

6.

Billi, wkoll, iż-żjieda fil-kooperazzjoni xjentifika u teknika u l-introduzzjoni koordinata ta’ networks ġodda ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Komunità jeħtieġu u jħaffu t-tixrid ta’ data personali minn naħa għal oħra tal-fruntieri;

7.

Billi d-differenza fil-gradi ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, fl-ipproċessar ta’ data personali li hemm fl-Istati Membri tista’ tfixkel it-trasmissjoni ta’ dik id-data mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ Stat Membru ieħor; billi din id-differenza tista’ għalhekk tkun ta’ ostakolu biex jinġiebu ‘l quddiem għad ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Komunità, tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni u tfixkel lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skond il-liġijiet tal-Komunità; billi din id-differenza fil-gradi ta’ protezzjoni hija minħabba li jkun hemm għażla wiesgħa ta’ liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi;

8.

Billi, sabiex jitneħħa t-tfixkil għat-tixrid ta’ data personali, il-grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fl-ipproċessar ta’ dik id-data għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha; billi dan il-għan huwa ta’ importanza kbira għas-suq intern, iżda li ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membru waħidhom, l-aktar minħabba n-nuqqas sewwa ta’ qbil li hemm bħalissa bejn il-liġijiet rilevanti ta’ l-Istati Membri u l-ħtieġa li jkunu kkoordinati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri biex jassiguraw li t-tixrid ta’ data personali minn naħa għal oħra tal-fruntieri jkun regolat b’mod konsistenti skond il-finijiet tas-suq intern kif hemm provdut fl-Artikolu 7a tat-Trattat; billi hemm ħtieġa ta’ azzjoni mill-Komunità biex dawk il-liġijiet ikunu approssimati;

9.

Billi, meta jkun hemm l-istess protezzjoni li tiġi mill-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, l-Istati Membri ma jkunx jistgħu iżommu aktar il-moviment liberu ta’ bejniethom ta’ data personali għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, partikolarment tad-dritt għall-ħajja privata; billi Stati Membri jibqgħalhom spazju għal azzjoni, li jistgħu, fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva, jkun utiliżżat mis-sieħba soċjali u tan-negozju; billi għalhekk Stati Membri jkunu jistgħu jispeċifikaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom il-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-leġittimità ta’ l-ipproċessar ta’ data; billi meta jagħmlu hekk l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-protezzjoni li bħalissa tinsab provduta fil-liġijiet tagħhom; billi, f’dan l-ispazju ta’ azzjoni u skond il-liġijiet tal-Komunità, jista’ jkun hemm differenzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, u dan jista’ jħalli effett fuq il-moviment ta’ data f’Istat Membru kif ukoll fil-Komunità;

10.

Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

11.

Billi l-prinċipji tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li jinsabu f’din id-Direttiva, isostnu u jwessgħu dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar, 1981, għall-Protezzjoni ta’ Individwi dwar l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali;

12.

Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom japplikaw għall-ipproċessar kollu ta’ data personali minn kull persuna li l-attivitajiet tagħha huma regolati bil-liġi tal-Komunità; billi m’għandux ikun magħdud l-ipproċessar ta’ data magħmul minn persuna naturali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklussivament personali jew domestiċi, bħal ma hija korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi;

13.

Billi l-attivitajiet msemmija fit-Titoli V u VI tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat jew l-attivitajiet ta’ l-Istat fil-qasam tal-liġijiet kriminali ma jaqgħux taħt il-liġi tal-Komunità, bla ħsara għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri skond l-Artikolu 56(2), l-Artikolu 57 jew l-Artikolu 100a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea; billi l-ipproċessar ta’ data personali meħtieġ biex jipproteġi l-ġid ekonomiku ta’ l-Istat ma jaqgħax taħt din id-Direttiva meta dak l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mas-sigurtà ta’ l-Istat;

14.

Billi, meħud kont ta’ l-importanza ta’ l-iżviluppi li qed ikun hemm fil-qafas tas-soċjetà ta’ l-informatika, tat-teknika użata biex taqbad, tibgħat, timmanipula, tirreġistra, taħżen jew tikkomunika data audio-viżwali dwar persuna naturali, din id-Direttiva għandha tapplika għal ipproċessar li jkollu x’jaqsam ma’ din id-data;

15.

Billi l-ipproċessar ta’ din id-data huwa milqut minn din id-Direttiva biss jekk ikun awtomatizzat jew jekk id-data pproċessata titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f’sistema ta’ skedar skond kriterji speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ individwi, biex l-aċċess għad-data in kwistjoni jkun ħafif;

16.

Billi l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali, bħal ma jiġri f’każi ta’ sorveljanza bil-video, ma jaqgħax taħt din id-Direttiva jekk isir għal għanijiet ta’ sigurtà pubblika, difiża, sigurtà nazzjonali jew meta jsiru attivitajiet ta’ l-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali jew attivitajiet oħra li ma jaqgħux taħt il-liġi tal-Komunità;

17.

Billi, sa fejn għandu x’jaqsam l-ipproċessar ta’ data audio-viżwali li jsir għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżiv, il-prinċipji tad-Direttiva għandhom japplikaw b’mod ristrett skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9;

18.

Billi, sabiex ikun assigurat li individwi ma jiċċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha b’din id-Direttiva, kull ipproċessar ta’ data personali fil-Komunità għandu jsir skond il-liġi ta’ wieħed mill-Istati Membri; billi, f’dan il-qasam, l-ipproċessar magħmul taħt ir-responsabbiltà ta’ kontrollur li jkun stabbilit fi Stat Membru għandha jkun regolat bil-liġi ta’ dak l-Istat;

19.

Billi stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru jfisser l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġamenti stabbli; billi l-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan, kemm jekk sempliċi fergħa jew sussidjarju b’personalità ġuridika, mhux il-fattur determinanti dwar dan; billi, meta kontrollur wieħed ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, partikolarment permezz ta’ sussidjarji, huwa għandu jassigura, sabiex ma jkunux skartati regoli nazzjonali, li kull stabbiliment jissodisfa l-obbligazzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jkunu japplikaw għall-attivitajiet tiegħu;

20.

Billi l-fatt li l-ipproċessar ta’ data jsir minn persuna stabbilita f’pajjiż terz m’għandux ikun ta’ xkiel għall-protezzjoni ta’ l-individwu kif provdut f’din id-Direttiva; billi f’dawn il-każi, l-ipproċessar għandu jkun regolat bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikunu jinsabu l-mezzi wżati, u għandu jkun hemm garanziji li jassiguraw li d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva jkunu rispettati fil-prattika;

21.

Billi din id-Direttiva hija bla ħsara għar-regoli ta’ territorjalità applikabbli f’materji kriminali;

22.

Billi Stati Membri għandhom ifissru b’mod iktar ċar fil-liġijiet li huma jagħmlu jew meta jġibu fis-seħħ il-miżuri msemmija f’'din id-Direttiva iċ-ċirkostanzi ġenerali li bihom l-ipproċessar ikun skond il-liġi; billi, partikolarment l-Artikolu 5, flimkien ma’ l-Artikoli 7 u 8, jippermetti, indipendentement minn regoli ġenerali, lil Stati Membri li jipprovdu għal kondizzjonijiet speċjali ta’ ipproċessar għal setturi speċifiċi u għal kategoriji ta’ data milquta bl-Artikolu 8;

23.

Billi Stati Membri għandhom is-setgħa li jassiguraw l-implimentazzjoni tal-protezzjoni ta’ l-individwu kemm permezz ta’ liġi ġenerali dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fl-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll b’liġijiet settorjali bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu, per eżempju, ma’ istituti ta’ statistika;

24.

Billi l-liġijiet dwar il-protezzjoni ta’ persuni ġuridiċi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ipproċessar ta’ data ta’ interess għalihom mhix milquta b’din id-Direttiva;

25.

Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu riflessi, minn naħa l-waħda, fl-obbligazzjonijiet imposti fuq persuni, awtoritajiet pubbliċi, intrapriżi, aġenziji u korpi oħra responsabbli għal ipproċessar, partikolarment dwar il-kwalità tad-data, sigurtà teknika, avviżi lill-awtorità ta’ superviżjoni, u ċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jsir l-ipproċessar, u, minn naħa l-oħra, id-dritt mogħti lil individwu, li d-data dwaru jkun is-suġġett ta’ l-ipproċessar, li jkun mgħarraf bl-ipproċessar li jkun qed isir dwaru, li jikkonsulta d-data, jitlob korrezzjonijiet u li jagħmel ukoll oġġezzjoni għal ipproċessar f’ċerti ċirkostanzi;

26.

Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu applikabbli għal kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli; billi, biex ikun stabbilit jekk persuna tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktax jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna; billi l-prinċipji ta’ protezzjoni m’għandhomx ikunu applikati għal data mogħti b’mod anonimu tant illi s-suġġett tad-data ma jkunx aktar identifikabbli; billi kodiċijiet ta’ kondotta skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 27 jistgħu jkunu strument tajjeb biex jagħtu gwida dwar il-metodi li bihom id-data tkun tista’ tingħata b’mod anonimu u tinżamm b’mod li bih l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data ma jkunx iktar possibbli;

27.

Billi l-protezzjoni ta’ individwi għandha tkun applikata kemm għal ipproċessar awtomatiku ta’ data u kemm għal ipproċessar manwali; billi l-iskop ta’ din il-protezzjoni m’għandux fil-fatt jiddependi mill-mezzi tekniċi użati, peress li dan jista’ joħloq riskju serju li dawn jistgħu jiġu skartati; billi, madankollu, dwar ipproċessar manwali, din id-Direttiva għandha x’taqsam biss ma’ sistemi ta’ skedar, mhux files mingħajr struttura; billi, b’mod partikolari, il-kontenut tas-sistema ta’ skedar għandu jkun strutturat skond kriterji speċifiċi dwar individwi b’mod li l-aċċess għal data personali jkun ħafif; billi, skond id-definizzjoni fl-Artikolu 2(ċ), il-kriterji differenti biex ikunu stabbiliti l-elementi ta’ sett strutturat ta’ data personali, u l-kriterji differenti li jirregolaw l-aċċess għal sett bħal dan, jistgħu ikunu stabbiliti minn kull Stat Membru; billi sett jew settijiet ta’ files, kif ukoll il-qoxra tal-faċċata tagħhom, li ma jkunux strutturati skond kriterji speċifiċi, m’għandhomx jaqgħu, għal l-ebda raġuni, taħt din id-Direttiva;

28.

Billi kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun ġust u skond il-liġi għall-individwi konċernati; billi, b’mod partikolari, id-data għandha tkun adekwata, rilevanti u mhux eċċessiv għall-għanijiet li għalihom ikun ipproċessat; billi dawn l-għanijiet għandhom ikunu espliċiti u leġittimi u stabbiliti waqt il-ġbir tad-data; billi l-għanijiet ta’ l-ipproċessar wara l-ġbir m’għandhomx ikunu inkompatibbli ma’ l-għanijiet kif stabbiliti oriġinarjament;

29.

Billi meta jkun hemm iktar ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ storja, statistika jew xjenza dan mhux ġeneralment meqjus bħala inkompatibbli ma’ l-għanijiet li dwarhom id-data jkun inġabar minn qabel, sakemm Stati Membri jagħtu protezzjoni xierqa; billi din il-protezzjoni għandha teskludi l-użu tad-data sabiex jittieħdu miżuri jew deċiżjonijiet fir-rigward ta’ individwi partikolari;

30.

Billi, biex l-ipproċessar ta’ data personali jsir skond il-liġi, dan għandu wkoll isir bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew li jkun meħtieġ għall-konklużjoni jew eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jorbot lis-suġġett tad-data, jew bħala kondizzjoni ta’ liġi, jew biex isir xogħol fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, jew fl-interessi leġittimi ta’ persuna naturali jew ġuridika, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data ma jeħdux preċedenza; billi, b’mod partikolari, sabiex jinżamm bilanċ bejn l-interessi konċernati, waqt li tkun garantita kompetizzjoni effettiva, Stati Membri jistgħu jistabbilixxu iċ-ċirkostanzi li fihom data personali tista’ tkun użata jew żvelata lil parti terza fil-qafas ta’ l-attivitajiet ordinarji u leġittimi tan-negozju ta’ kumpaniji u korpi oħra; billi Stati Membri jistgħu bl-istess mod jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li bihom data personali tista’ tiġi żvelata lil parti terza għal finijiet ta’ marketing, sew jekk isir kummerċjalment jew jekk minn organizzazzjoni ta’ karità jew minn assoċjazzjoni jew fondazzjoni oħra, per eżempju ta’ natura politika, bil-kondizzjoni li s-suġġett tad-data jkun jista’ jagħmel oġġezzjoni għall-ipproċessar tad-data li tinteressa lilu, mingħajr ħlas u mingħajr ma jkollu għalfejn jagħti raġuni;

31.

Billi l-ipproċessar ta’ data personali għandu wkoll jitqies li hu skond il-liġi meta jsir biex jipproteġi interess meħtieġ għal ħajja tas-suġġett tad-data;

32.

Billi huma l-liġijiet nazzjonali li għandhom jistabbilixxu jekk il-kontrollur li jagħmel xogħol fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali għandhux ikun amministratur pubbliku jew persuna naturali jew ġuridika oħra regolata mill-liġi pubblika, jew minn liġi privata bħal ma hija assoċjazzjoni professjonali;

33.

Billi data li minn natura tagħha tista’ tikser il-libertajiet fundamentali jew id-dritt għall-ħajja privata m’għandhiex tkun ipproċessata jekk is-suġġett tad-data ma jagħtix il-kunsens espliċitu tiegħu; billi, iżda, derogi għal din il-projbizzjoni għandhom jissemmew espliċitament dwar ħtiġijiet speċifiċi, partikolarment meta l-ipproċessar ta’ dan id-data jsir għal ċerti għanijiet mediċi minn persuni soġġetti għal obbligazzjoni tas-sigriet professjonali skond il-liġi jew meta jsir waqt attivitajiet leġittimi minn ċerti assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jippermettu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali;

34.

Billi Stati Membri għandhom ukoll ikunu awtorizzati, meta dan ikun ġustifikat minħabba interess pubbliku ta’ importanza, li jidderogaw mill-projbizzjoni dwar l-ipproċessar ta’ kategoriji sensittivi ta’ data meta jkunu ġustifikati jagħmlu dan minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku ta’ importanza f’oqsma bħalma huma s-saħħa pubblika u l-protezzjoni soċjali - l-iktar biex jassiguraw kwalità u spejjeż mill-inqas tal-proċeduri wżati biex jintlaqgħu talbiet għal benefiċċji u servizzi fis-sistema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa - riċerka xjentifika u statistika governattiva; billi huma għandhom id-dmir, iżda, li jipprovdu protezzjoni speċifika u tajba biżżejjed biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-ħajja privata ta’ individwi;

35.

Billi, wkoll, l-ipproċessar ta’ data personali minn awtoritajiet uffiċjali biex jintlaħqu għanijiet stabbiliti b’liġi kostituzzjonali jew b’liġi pubblika internazzjonali, ta’ assoċjazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti uffiċjalment, issir għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ta’ importanza;

36.

Billi meta jkun hemm attivitajiet elettorali, it-tħaddim tas-sistema demokratika f’xi Stati Membri teħtieġ li partiti politiċi jiġbru data fuq l-opinjoni politika tan-nies, l-ipproċessar ta’ dik id-data jista’ jkun permess għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ta’ importanza, bil-kondizzjoni li jkunu stabbiliti mezzi xierqa ta’ protezzjoni;

37.

Billi l-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżwali, għandu jikkwalifika għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta dan ikun meħtieġ biex issir rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali ta’ individwi u l-libertà ta’ l-informazzjoni, u l-iktar mad-dritt li tingħata u tintbagħat informazzjoni, kif garantita partikolarment bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; billi Stati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu eżenzjonijiet u derogi meħtieġa għall-fini ta’ bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali dwar miżuri ġenerali ta’ leġitimità ta’ l-ipproċessar tad-data, miżuri dwar it-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi u s-setgħat ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni; billi dan iżda m’għandux iwassal lil Stati Membri li jistabbilixxu eżenzjonijiet mill-miżuri li jassiguraw is-sigurtà ta’ l-ipproċessar; billi l-awtorità ta’ superviżjoni responsabbli għal dan is-settur għandha wkoll mill-inqas tkun provduta b’ċerti poteri ex-post, e.g. li tippubblika rapport regolari jew li tirreferi affarijiet lill-awtoritajiet ġudizjarji;

38.

Billi, biex l-ipproċessar ta’ data jkun ġust, is-suġġett tad-data għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jaf bl-eżistenza ta’ operazzjoni ta’ ipproċessar u, meta data tinġabar mingħandu, huwa għandu jingħata informazzjoni eżatta u sħiħa, meħud kont taċ-ċirkostanzi tal-ġbir;

39.

Billi ċerti operazzjonijiet ta’ ipproċessar jeħtieġu data li l-kontrollur ma jkunx ġabar direttament mis-suġġett tad-data; billi, wkoll, data tista’ leġittimament tkun żvelata lil parti terza, ukoll jekk l-iżvelar ma jkunx mistenni meta d-data jinġabar mingħand is-suġġett tad-data; billi, f’dawn il-każi kollha, is-suġġett tad-data għandu jkun mgħarraf meta d-data tkun irreġistrata jew mill-inqas meta d-data tkun żvelata l-ewwel lil parti terza;

40.

Billi, iżda, mhux meħtieġ li tkun imposta din l-obbligazzjoni jekk is-suġġett tad-data diġa jkollu l-informazzjoni; billi, wkoll, m’għandu jkun hemm l-ebda obbligazzjoni bħal din jekk ir-reġistrazzjoni jew l-iżvelar ikunu espressament provduti mill-liġi jew jekk l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data tkun impossibli jew ikun jeħtieġlu jagħmel sforzi sproporzjonati, li jista’ jkun il-każ meta l-ipproċessar isir għal għanijiet ta’ storja, statistika jew xjenza; billi, dwar dan, jistgħu jiġu kkunsidrati l-għadd ta’ suġġetti tad-data, kemm ikollu żmien id-data u kull miżura ta’ kumpens li tittieħed;

41.

Billi kull persuna għandha tkun tista’ teżerċita id-dritt ta’ aċċess għal data dwarha li tkun qed tiġi pproċessata, biex tivverifika partikolarment l-eżatezza tad-data jekk l-ipproċessar ikunx skond il-liġi; billi, għall-istess raġunijiet, kull persuna li tkun suġġett tad-data għandha wkoll ikollha d-dritt li tkun taf ir-raġuni għall-ipproċessar awtomatiku ta’ data li jkollha x’taqsam miegħu, għall-inqas fil-każ tad-deċiżjonijiet awtomatizzati msemmija fl-Artikolu 15(1); billi dan id-dritt m’għandux jaffettwa ħażin sigrieti tal-kummerċ jew ta’ proprjetà intelletwali u partikolarment id-dritt ta’ l-awtur li jipproteġi s-software; billi dawn il-konsiderazzjonijiet m’għandhomx, iżda, jċaħħdu lis-suġġett tad-data milli jingħata l-informazzjoni kollha;

42.

Billi Stati Membri jistgħu, fl-interess tas-suġġett tad-data jew biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, jillimitaw id-drittijiet ta’ aċċess u informazzjoni; billi huma jistgħu, per eżempju, jispeċifikaw li aċċess għal data medika jista’ jingħata biss minn professjonista mediku;

43.

Billi restrizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ aċċess u informazzjoni u ċerti obbligazzjonijiet tal-kontrollur jistgħu bl-istess mod ikunu imposti minn Stati Membri jekk ikunu meħtieġa biex jipproteġu, per eżempju, is-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika, jew interessi ekonomiċi jew finanzjarji ta’ importanza ta’ Stat Membru jew ta’ l-Unjoni, kif ukoll investigazzjonijiet kriminali u prosekuzzjonijiet u proċeduri dwar ksur ta’ etika fil-professjonijiet regolati; billi l-lista ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandha tinkludi xogħol ta’ sorveljanza, spezzjoni jew regolamenti meħtieġa f’dan l-aħħar tlett oqsma msemmija dwar sigurtà pubblika, interessi ekonomiċi u finanzjarji u prevenzjoni ta’ reati; billi l-listi ta’ xogħlijiet f’dawn it-tlett oqsma ma jaffettwawx il-leġittimità ta’ eċċezzjonijiet jew restrizzjonijiet għal raġunijiet ta’ sigurtà jew difiża ta’ l-Istat;

44.

Billi Stati Membri jistgħu wkoll ikunu jridu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ liġijiet tal-Komunità, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-dritt ta’ aċċess, l-obbligazzjoni li jgħarrfu lil individwi, u l-kwalità tad-data, sabiex jiggarantixxu uħud mill-finijiet imsemmija hawn fuq;

45.

Billi, fil-każijiet meta d-data tista’ tkun ipproċessata skond il-liġi fuq il-bażi ta’ interess pubbliku, awtorità pubblika jew interessi leġittimi ta’ persuna naturali jew ġuridika, kull suġġett tad-data għandu, iżda, jkun intitolat, għal raġuni leġittima u qawwija fl-interess tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, li jagħmel oġġezzjoni għall-ipproċessar ta’ data dwaru; billi Stati Membri jistgħu, iżda, jistabbilixxu dispożizzjonijiet nazzjonali kontrarji;

46.

Billi l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali teħtieġ li jittieħdu miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni xierqa, kemm meta d-disinn tas-sistema ta’ l-ipproċessar ikun qed isir, kemm waqt l-ipproċessar innifsu, partikolarment biex tinżamm is-sigurtà u għalhekk ma jkunx hemm ipproċessar mhux awtoriżżat; billi hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jassiguraw li l-kontrolluri iħarsu dawn il-miżuri; billi dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà, meħud kont l-iktar teknika avvanzata u l-ispejjeż għall-implimentazzjoni tagħhom għar-riskji li jkun hemm fl-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta;

47.

Billi meta messaġġ li jkollu data personali jiġi trasmess permezz ta’ telekomunikazzjonijiet jew servizz ta’ posta elettronika, li l-għan waħdieni tagħhom huwa t-trasmissjoni ta’ dawk il-messaġġi, il-kontrollur għandu normalment jitqies, għall-fini tad-data personali li tkun tinsab fil-messaġġ, bħala l-persuna li mingħandu l-messaġġ ikollu l-bidu tiegħu, minflok il-persuna li toffri s-servizzi ta’ trasmissjoni; billi, iżda, dawk li joffru dawk is-servizzi għandhom normalment jitqiesu bħala kontrolluri dwar l-ipproċessar ta’ data personali addizzjonali meħtieġ biex is-servizz jitħaddem;

48.

Billi l-proċeduri biex tkun notifikata l-awtorità ta’ superviżjoni huma maħsuba b’mod li jassiguraw li jkunu żvelati l-għanijiet u l-fatturi ewlenin ta’ operazzjoni ta’ proċessar biex ikun verifikat li l-operazzjonijiet ikunu jaqblu mal-miżuri nazzjonali meħuda skond din id-Direttiva;

49.

Billi, biex ma jkunx hemm formalitajiet amministrattivi barra minn lokhom, eżenzjoni mill-obbligazzjoni ta’ notifika u simplifikazzjoni tan-notifika meħtieġa jistgħu ikunu provduti mill-Istati Membri f’każi meta l-ipproċessar aktarx li ma jkollux effett ħażin fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, iżda li dan ikun skond il-miżuri meħuda minn Stat Membru li jispeċifikaw il-limiti tagħhom; billi eżenzjoni jew simplifikazzjoni tista’ wkoll tkun stabbilita minn Stati Membri meta persuna maħtura mill-kontrollur tassigura li meta jsir l-ipproċessar dan ma jkollox effett ħażin fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data; billi dan l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, kemm jekk ikun impjegat tal-kontrollur u kemm jekk ma jkunx, għandu jkun f’pożizzjoni li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’indipendenza sħiħa;

50.

Billi eżenzjoni jew simplifikazzjoni tista’ tkun provduta fil-każi ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l-iskop waħdieni tiegħu ikun iż-żamma ta’ reġistru maħsub, skond il-liġi nazzjonali, li jagħti informazzjoni lill-pubbliku u li jkun miftuħ għal konsultazzjoni mill-pubbliku jew minn persuna li turi interess leġittimu;

51.

Billi, iżda, simplifikazzjoni jew eżenzjoni mill-obbligazzjoni li jkun hemm notifika m’għandhiex teħles lill-kontrollur mill-obbligazzjonijiet l-oħra li jinsabu f’din id-Direttiva;

52.

Billi, f’dan il-kuntest, verifika ex post facto mill-awtoritajiet kompetenti għandha ġeneralment titqies bħala miżura suffiċjenti;

53.

Billi, iżda, ċerti operazzjonijiet ta’ ipproċessar aktarx li joħolqu riskji partikolari għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data minħabba n-natura tagħhom, l-iskop tagħhom jew il-miri tagħhom, bħalma huwa dak li jeskludi individwi minn xi dritt, benefiċċju jew kuntratt, jew minħabba l-użu speċifiku ta’ teknoloġiji ġodda; billi huma l-Istati Membri, li jispeċifikaw, jekk huma jkunu jridu, dawk ir-riskji fil-liġijiet tagħhom;

54.

Billi dwar l-ipproċessar kollu magħmul fis-soċjetà, l-ammont li jista’ jġib miegħu dawn ir-riskji partikolari għandu jkun limitat ħafna; billi Stati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità ta’ superviżjoni jew l-uffiċjal ta’ protezzjoni tad-data, b’kooperazzjoni ma’ l-awtorità, jivverifikaw dak l-ipproċessar qabel ma jsir; billi wara din il-verifika minn qabel, l-awtorità ta’ superviżjoni tista’, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tagħti opinjoni jew awtorizzazzjoni dwar l-ipproċessar; billi din il-verifika tista’ wkoll issir waqt it-tħejjija ta’ miżura tal-Parlament nazzjonali jew ta’ miżura msejsa fuq miżura leġislattiva bħal dik, li jkollha definizzjoni tan-natura ta’ l-ipproċessar u li tistabbilixxi protezzjoni xierqa;

55.

Billi, jekk il-kontrollur jonqos milli jirrispetta d-drittijiet tas-suġġett tad-data, il-liġi nazzjonali għandha tipprovdi rimedju ġuridiku; billi persuna li ssofri ħsara minħabba ipproċessar illegali għandha tingħata kumpens mill-kontrollur, li jista’ jkun meħlus minn dan l-obbligu jekk iġib prova li ma kienx responsabbli għal ħsara, partikolarment f’każ li hu jistabilixxi li s-suġġett tad-data kellu ħtija jew f’każ ta’ forza maġġuri; billi għandu jkun hemm sanzjoni għal kull persuna, kemm taħt il-liġi privata u dik pubblika, li tonqos milli tħares il-miżuri nazzjonali meħuda b’din id-Direttiva;

56.

Billi t-tixrid ta’ data personali minn naħa għal oħra tal-fruntieri huma meħtieġ biex il-kummerċ internazzjonali jikber; billi l-protezzjoni ta’ l-individwu garantita fil-Komunità b’din id-Direttiva ma tfixkilx it-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi li jassiguraw livell tajjeb ta’ protezzjoni; billi dan il-livell tajjeb ta’ protezzjoni mogħoti minn pajjiż terz għandu jkun eżaminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment jew ma’ għadd ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment;

57.

Billi, minn naħa l-oħra, m’għandux jitħalla jsir it-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz li ma jassigurax livell tajjeb ta’ protezzjoni;

58.

Billi għandu jkun hemm dispożizzjonijiet għal eżenzjonijiet minn din il-projbizzjoni f’ċerti ċirkostanzi meta s-suġġett tad-data jkun ta’ l-kunsens tiegħu, meta t-trasferiment ikun meħtieġ dwar kuntratt jew talba legali, meta tkun meħtieġa l-protezzjoni ta’ interess pubbliku ta’ importanza, per eżempju f’każi ta’ trasferimenti internazzjonali ta’ data bejn amministrazzjonijiet fiskali jew doganali jew bejn servizzi kompetenti għal affarijiet ta’ sigurtà soċjali, jew meta t-trasferiment ikun sar minn reġistru stabbilit b’liġi u maħsub biex il-pubbliku jew persuni li jkollhom interess leġittimu jikkonsultawh; billi f’dan il-każ dan it-trasferiment m’għandux jinkludi d-data kollha jew il-kategoriji kollha tad-data li tkun tinsab fir-reġistru u, meta r-reġistru jkun maħsub biex persuni li jkollhom interess leġittimu jikkonsultawh, it-trasferiment għandu jsir biss fuq it-talba ta’ dawk il-persuni jew jekk huma ser ikunu r-riċevituri;

59.

Billi jistgħu jittieħdu miżuri partikolari bħala kumpens għal nuqqas ta’ protezzjoni f’pajjiż terz f’każi meta l-kontrollur joffri protezzjoni xierqa; billi, wkoll, għandhom ikunu stabbiliti l-proċeduri għal negozjati bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi terzi;

60.

Billi, fi kwalunkwe każ, trasferimenti lil pajjiżi terzi jistgħu jsiru biss bi qbil sħiħ mad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva, u partikolarment l-Artikolu 8 tagħha;

61.

Billi Stati Membri u l-Kummissjoni, fil-qasam partikolari tagħhom ta’ kompetenza, għandhom jinkoraġġixxu lil għaqdiet tal-kummerċ u organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra interessati biex iħejju kodiċijiet ta’ kondotta biex iħaffu l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meħud kont tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-ipproċessar magħmul f’ċerti setturi, u f’dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għal l-implimentazzjoni tagħha;

62.

Billi t-twaqqif fi Stati Membri ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’independenza sħiħa, huwa kondizzjoni essenzjali għall-protezzjoni ta’ individwi fl-ipproċessar ta’ data personali;

63.

Billi dawk l-awtoritajiet għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex iwettqu d-doveri tagħhom, magħduda setgħat ta’ investigazzjoni u intervent, partikolarment f’każi ta’ lmenti minn individwi, u setgħat li jibdew proċeduri legali; billi dawn l-awtoritajiet għandhom jgħinu biex tkun assigurata t-trasparenza ta’ l-ipproċessar fl-Istati Membri li fil-ġurisdizzjoni tagħhom huma jkunu jinsabu;

64.

Billi l-awtoritajiet fid-diversi Stati Membri jkunu jeħtieġu li jgħinu lil xulxin fit-twettiq tad-doveri tagħhom biex jassiguraw li r-regoli ta’ protezzjoni jkunu rispettati kif jixraq fl-Unjoni Ewropea kollha;

65.

Billi, fuq il-livell tal-Komunità, għandu jkun hemm Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fl-Ipproċessar ta’ Data Personali, u li jkun indipendenti għal kollox fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu; billi, meħud kont tan-natura speċifika tiegħu, dan għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni u, partikolarment, jaghti sehmu għall-applikazzjoni uniformi tar-regoli nazzjonali skond din id-Direttiva;

66.

Billi, dwar it-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi, għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jeħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni u tkun stabbilita proċedura kif imsemmi fid-Direttiva tal-Kunsill 87/373/KEE ( 4 );

67.

Billi kien intlaħaq ftehim fl-20 ta’ Diċembru, 1994, dwar modus vivendi bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni għal atti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189b tat-Trattat tal-Komunità Ewropea;

68.

Billi l-prinċipji stabbiliti b’din id-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwi, l-iktar id-dritt għall-ħajja privata, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ipproċessar ta’ data personali, jista’ jingħatalhom suppliment jew kjarifika, partikolarment safejn għandhom x’jaqsmu ċerti setturi, b’regoli speċifiċi imsejsa fuq dawk il-prinċipji;

69.

Billi Stati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ mhux iktar minn tlett snin mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri nazzjonali għall-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, biex japplikaw progressivament dawk ir-regoli nazzjonali ġodda għall-operazzjonijiet kollha ta’ ipproċessar li jkunu diġa inbdew; billi, sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom bi spejjeż mill-inqas, Stati Membri għandhom jingħataw perjodu ieħor li jagħlaq 12-il sena wara d-data li fiha din id-Direttiva tkun ġiet adottata biex jassiguraw li l-iskedar manwali eżistenti jkun skond ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva; billi, fejn data li tkun tinsab f’dawk is-sistemi ta’ skedar tkun pproċessata manwalment matul l-estensjoni ta’ dan il-perijodu, dawk is-sistemi għandhom ikunu skond id-dispożizzjonijiet meta jkun qed isir dak l-ipproċessar;

70.

Billi mhux meħtieġ li s-suġġett tad-data jerġa’ jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kontrollur ikollu permess ikompli, wara li d-dispożizzjonijiet nazzjonali skond din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ, jipproċessa kull data sensittiva meħtieġa biex isir kuntratt miftiehem bil-kunsens liberu u infurmat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

71.

Billi din id-Direttiva mhix ta’ xkiel għal Stat Membru li jagħmel regolamenti dwar atti tal-kummerċ fl-interess ta’ konsumaturi li jkollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju, iżda li dawk ir-regolamenti ma jkollhomx x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ individwi dwar l-ipproċessar ta’ data personali;

72.

Billi din id-Direttiva tippermetti li meta jkunu implimentati il-prinċipji msemmija f’din id-Direttiva jittieħed kont tal-prinċipju ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:



Il-KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Għan tad-Direttiva

1.  Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.  Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b) ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

(ċ) ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(d) ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

(e) ‘proċessur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur;

(f) ‘parti terza’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li ma jkunx is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuna li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data;

(g) ‘riċevitur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li lilha jkun żvelat data, kemm jekk tkun parti terza u wkoll jekk ma tkunx; iżda awtoritajiet li jistgħu jirċievu data fil-kuntest ta’ inkjesta partikolari m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri;

(h) ‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.

L-Artikolu 3

Skop

1.  Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.  Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

 fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

 minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.

L-Artikolu 4

Il-Liġi nazzjonali applikabbli

1.  Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:

(a) l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru; meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, hu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti jkunu konformi ta’ l-obbligazzjonijiet meħtieġa mill-liġi nazzjonali li tkun tapplika;

(b) il-kontrollur ma jkunx stabbilit fit-territorju ta’ l-Istat Membru, imma f’post fejn il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat tkun tapplika skond il-liġi pubblika internazzjonali;

(ċ) il-kontrollur ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-Komunità u, għall-finijiet ta’ l-ipproċessar ta’ data personali jagħmel użu minn tagħmir, awtomatizzat jew xort’oħra, li jkun jinsab fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru, sakemm dak it-tagħmir jintuża biss għal għanijiet ta’ trasmissjoni fit-territorju tal-Komunità.

2.  Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 (ċ), il-kontrollur għandu jinnomina rappreżentant stabbilit fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, bla ħsara għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-kontrollur innifsu.



Il-KAPITOLU II

REGOLI ĠENERALI DWAR IL-LEGALITÀ TA’ L-IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

L-Artikolu 5

Stati Membri għandhom, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, jistabbilixxu b’iktar preċiżjoni il-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun skond il-liġi.



TAQSIMA I

PRINĊIPJI DWAR IL-KWALITÀ TAD-DATA

L-Artikolu 6

1.  Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

(a) ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

(b) miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

(ċ) adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

(d) eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

(e) miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.  Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.



TAQSIMA II

KRITERJI BIEX L-IPPROĊESSAR TA’ DATA JKUN LEĠITTIMU

L-Artikolu 7

Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jagħmel kuntratt; jew

(ċ) l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

(d) l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data; jew

(e) l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; jew

(f) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).



TAQSIMA III

KATEGORIJI SPEĊJALI TA’ IPPROĊESSAR

L-Artikolu 8

L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data

1.  Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali.

2.  Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn:

(a) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu tiegħu għall-ipproċessar ta’ dak id-data, ħlief jekk il-liġijiet ta’ l-Istat Membru jipprovdu li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista’ titneħħa minkejja li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsent tiegħu; jew

(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet speċifiċi tal-kontrollur fil-qasam tal-liġi ta’ l-impjiegi sakemm dan ikun awtoriżżat mill-liġi nazzjonali li tipprovdi għal protezzjoni adekwata; jew

(ċ) l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ xi persuna oħra meta s-suġġett tad-data jkun fiżikament jew legalment inkapaċi li jagħti l-kunsens tiegħu; jew

(d) l-ipproċessar isir fil-kors ta’ l-attivitajiet legittimi tiegħu b’garanziji xierqa minn fondazzjoni, għaqda jew xi korp ieħor li ma jagħmilx profitt b’għanijiet politiċi, filosofiċi, reliġjużi jew trade-unjonistiċi u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun biss dwar il-membri tal-korp jew il-persuni li jkollhom kuntatt regulari miegħu b’rabta ma l-għanijiet tiegħu, u li d-data ma tkunx żvelata lil parti terza mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data, jew

(e) l-ipproċessar ikun dwar data li b’mod ċar ikun sar pubbliku mis-suġġett tad-data jew li jkun meħtieġ biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali.

3.  Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika meta l-ipproċessar tad-data jkun meħtieġ għall-għanijiet ta’ mediċina preventiva, dijanjosi medika, l-għoti ta’ kura jew trattament jew l-amministrazzjoni ta’ servizzi tas-saħħa, u meta dak id-data tkun pproċessata minn professjonista tas-saħħa li jkun suġġett skond il-liġijiet nazzjonali jew regoli stabbiliti minn korpi nazzjonali kompetenti għall-obbligazzjoni tas-sigriet professjonali jew minn persuna oħra li wkoll tkun suġġetta għall-istess obbligazzjoni ta’ segretezza.

4.  Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni xierqa, Stati Membri jistgħu, għall-finijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żjieda ma dawk stabbiliti f’Paragrafu 2 permezz ta’ liġi nazzjonali jew b’deċiżjoni ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni.

5.  L-ipproċessar ta’ data dwar offiżi, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista’ jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali, jew jekk tkun hemm provduta protezzjoni speċifiċa xierqa taħt il-liġi nazzjonali, skond derogi li jistgħu jingħataw mill-Istat Membru permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal protezzjoni speċifiċa xierqa. Iżda reġistru komplut ta’ kundanni kriminali jista’ jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.

Stati Membri jistgħu jipprovdu li data dwar sanzjonijiet amministrattivi jew sentenzi f’każi ċivili għandhom ukoll ikunu pproċessati taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali.

6.  Derogi mill-Paragrafu 1 li huma provduti fil-Paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.

7.  Stati Membri għandhom jiddeterminaw il-kondizzjonijiet li bihom numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew mezz ieħor ta’ identifikazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jistgħu jkun pproċessati.

L-Artikolu 9

L-ipproċessar ta’ data personali u libertà ta’ l-espressjoni

Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu V dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja parivata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni.



TAQSIMA IV

INFORMAZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA LIS-SUĠĠETT TAD-DATA

L-Artikolu 10

Informazzjoni f’każi ta’ ġbir ta’ data mingħand is-suġġet tad-data

Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

(a) l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b) l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

(ċ) informazzjoni oħra bħal

 ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

 jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

 l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.

L-Artikolu 11

Informazzjoni meta d-data ma jkunux inkiseb mis-suġġet tad-data

1.  Meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, Stati Membru għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali, jew jekk ikun maħsub li d-data tiġi żvelata lil parti terza, mhux aktar tard miż-żmien li d-data tkun żvelata l-ewwel darba, jagħtu lis-suġġett tad-data għall-inqas l-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:

 l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

 l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

 informazzjoni oħra bħal

 

 il-kategoriji tad-data in kwistjoni,

 ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri,

 l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

 sakemm dik l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.

2.  Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika fejn, partikolarment għal ipproċessar għall-finijiet ta’ statistika jew għall-finijiet ta’ riċerka storika jew xjentifika, ma jkunx possibbli li tingħata dik l-informazzjoni jew biex tingħata jkun meħtieġ sforz sproporzjonat jew jekk ir-reġistrazzjoni jew l-iżvelar ikunu espressament meħtieġa bil-liġi. F’dawn il-każi Stati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa.



TAQSIMA V

DRITT TAS-SUĠĠETT TAD-DATA GĦAL AĊĊESS GĦAD-DATA

L-Artikolu 12

Dritt ta’ aċċess

Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

(a) mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

 konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

 komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu,

 għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati imsemmija fl-Artikolu 15(1);

(b) skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

(ċ) notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skond (b), sakemm din tkun tista’ ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat.



TAQSIMA VI

EŻENZJONIJIET U RESTRIZZJONIJIET

L-Artikolu 13

Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet

1.  Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

(a) sigurtà nazzjonali;

(b) difiża;

(ċ) sigurtà pubblika;

(d) prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e) interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi;

(f) monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

(g) il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.

2.  Bla ħsara għal protezzjoni legali adekwata, partikolarment li d-data ma tkunx użata biex jittieħdu miżuri jew deċiżjonijiet dwar individwi partikolari, Stati Membi jistgħu, meta jkun jidher ċar li ma jkunx hemm riskju li d-dritt għall-ħajja privata tas-suġġett tad-data tinkiser, jirrestrinġu b’miżuri leġistattivi id-drittijiet provduti fl-Artikolu 12 meta d-data tkun ipproċessata biss għal għanijiet ta’ riċerka xjentifika jew biex jinżamm f’għamla personali għal żmien li ma jaqbiżx dak meħtieġ għall-iskop waħdieni tal-ħolqien ta’ statistika.



TAQSIMA VII

ID-DRITT TAS-SUĠĠETT TAD-DATA LI JAGĦMEL OĠĠEZZJONI

L-Artikolu 14

Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni

Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

(a) li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

(b) li, fuq talba tiegħu u mingħajr ħlas, jagħmel oġġezzjoni kontra l-ipproċessar ta’ data personali dwaru li l-kontrollur jistenna li jkun ipproċessat għall-fini ta’ bejgħ dirett fis-suq, jew li jkun mgħarraf qabel ma d-data personali tkun żvelata għall-ewwel darba lil partijiet terzi jew użat f’isimhom għal l-għanijiet ta’ bejgħ dirett fis-suq, u li jingħata espressament id-dritt li jagħmel oġġezzjoni mingħajr ħlas kontra dak l-iżvelar jew użu.

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li s-suġġett tad-data tkun taf bl-eżistenza tad-dritt imsemmi fl-ewwel sub-paragrafu ta’ (b).

L-Artikolu 15

Deċiżjonijiet individwali awtomatizzati

1.  Stati Membri għandhom jagħtu d-dritt li persuna ma tkunx suġġetta għal deċiżjoni li jkollha effetti legali fuqha jew li teffetwaha sewwa u li tkun imsejsa biss fuq ipproċessar awtomatizzat ta’ data maħsuba biex jagħmel valutazzjoni ta’ ċerti aspetti personali dwarha, bħalma huma ħilitha fuq il-post tax-xogħol, jekk għandhiex mezzi biex jagħmlu tajjeb għaliha, kemm hija ta’ min jafdaha, kondotta, eċċ.

2.  Bla ħsara għall-Artikoli l-oħra ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipprovdu li persuna tista’ tkun suġġetta għal deċiżjoni bħal dik imsemmija fil-Paragrafu 1 jekk dik id-deċiżjoni:

(a) tittieħed fil-kors biex jinbeda jew jitwettaq kuntratt, sakemm it-talba biex jinbeda jew jitwettaq il-kuntratt, magħmula mis-suġġett tad-data, tkun ġiet sodisfatta jew li jkun hemm miżuri tajbin biżżejjed biex jagħtu protezzjoni lill-interessi leġitimi tiegħu, bħalma huma arranġamenti li jħalluh jesprimi lilu nnifsu; jew

(b) tkun awtoriżżata b’liġi li tistabbilixxi wkoll miżuri biex jagħtu protezzjoni lill-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.



TAQSIMA VIII

KONFIDENZJALITÀ U SIGURTÀ TA’ l-IPPROĊESSAR

L-Artikolu 16

Konfidenzjalità ta’ l-Ipproċessar

Kull persuna li taġixxi bl-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur, magħdud il-proċessur innifsu, li jkollu aċċess għal data personali, m’għandhiex tipproċessaha ħlief fuq struzzjonijiet tal-kontrollur, sakemm ma jkunx meħtieġ li tagħmel hekk mill-liġi.

L-Artikolu 17

Sigurtà ta’ l-ipproċessar

1.  Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar.

Meħud kont ta’ l-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implimentati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li meta l-ipproċessar isir f’isem il-kontrollur, huwa għandu jagħżel proċessur li jagħti garanziji suffiċjenti dwar miżuri tekniċi ta’ sigurtà u miżuri organizzattivi li jirregolaw l-ipproċessar li jkollu jsir, u għandu jassigura li jitħarsu dawk il-miżuri.

3.  L-ipproċessar permezz ta’ proċessur għandu jkun regolat permezz ta’ kuntratt jew att legali li jżomm lill-proċessur responsabbli lejn il-kontrollur u li jistipula partikolarment illi:

 l-proċessur għandu jaġixxi biss fuq struzzjoni tal-kontrollur,

 l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-Paragrafu 1, kif imfissra fil-liġi ta’ l-Istat Membru li fiħ il-proċessur ikun stabbilit, għandhom jorbtu wkoll lill-proċessur.

4.  Għall-fini taż-żamma ta’ prova, dawk il-partijiet tal-kuntratt jew att legali li jitkellmu dwar il-protezzjoni ta’ data u l-ħtiġijiet dwar il-miżuri msemmija fil-Paragrafu 1 għandhom ikunu bil-miktub jew f’għamla oħra ekwivalenti.



TAQSIMA IX

NOTIFIKA

L-Artikolu 18

Obbligazzjoni ta’ notifika lill-awtorità ta’ superviżjoni

1.  Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm, għandu jinnotifika lill-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma jagħmel l-operazzjoni parzjali jew kollha ta’ l-ipproċessar awtomatiku jew sett ta’ operazzjonijiet bħal dawn maħsuba biex jaqdu skop wieħed jew diversi għanijiet relatati.

2.  Stati Membri jistgħu jipprovdu għal simplifikazzjoni ta’, jew eżenzjoni minn, notifika, fil-każi biss li ġejjin u skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

 meta, għal kategoriji ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li, meħud kont tad-data li tkun ser tiġi pproċessata, aktarx li ma jeffetwawx ħażin id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, jispeċifikaw l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, id-data jew kategoriji ta’ data li jkunu qed tiġi pproċessata, il-kategorija jew kategoriji tas-suġġett tad-data, ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun ser jiġi żvelat id-data u għal kemm żmien id-data għanha tkun maħżuna, u/jew

 meta l-kontrollur, b’konformità mal-liġi nazzjonali li tirregolah, jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali, responsabbli partikolarment:

 

 li jassigura b’mod indipendenti l-applikazzjoni interna tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skond din id-Direttiva

 għaż-żamma tar-reġistru ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li l-kontrollur ikun għamel, li jkun fihom dik l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(2),

 biex b’dan jassigura li l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar aktarx ma jkunux ser iħallu effett ħażin fuq id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

3.  Stati Membri Membri jistgħu jipprovdu li l-Paragrafu 1 ma jkunx japplika għall-ipproċessar li l-iskop waħdieni tiegħu ikun iż-żamma ta’ reġistru li skond liġijiet jew regolamenti ikun maħsub li jagħti informazzjoni lill-pubbliku u li jkun miftuħ għal konsultazzjoni jew mill-pubbliku in ġenerali jew minn persuna li turi interess leġittimu.

4.  Stati Membru jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni mill-obbligazzjoni ta’ notifika jew simplifikazzjoni tan-notifika fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar msemmija fl-Artikolu 8(2)(d).

5.  Stati Membri jistgħu jistipulaw li l-operazzjonijiet kollha jew uħud minnhom ta’ l-ipproċessar mhux awtomatiku li jkollhom li fihom ikollha x’taqsam data personali għandhom ikunu notifikati, jew jipprovdu li dawn l-operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar ikunu suġġetti għal notifika simplifikata.

L-Artikolu 19

Kontenut tan-notifika

1.  Stati Membri għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tingħata fin-notifika. Din għandha tinkludi mill-inqas:

(a) l-isem u l-indirizz tal-kontrollur jew tar-rapreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b) l-iskop jew l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

(ċ) deskrizzjoni tal-kategorija jew kategoriji tas-suġġett tad-data, u tad-data jew kategoriji ta’ data dwarhom;

(d) ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tista’ tkun żvelata id-data;

(e) trasferimenti proposti tad-data lil pajjiżi terzi;

(f) deskrizzjoni ġenerali li tippermetti li jsir eżami preliminari dwar kemm ikunu xierqa l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 17 biex jassiguraw is-sigurtà ta’ l-ipproċessar.

2.  Stati Membri għandhom jispeċifikaw il-proċeduri li bihom tibdil li jista’ jaffetwa l-informazzjoni msemmija fil-Paragrafu 1 għandhom ikunu notifikati lill-awtorità ta’ superviżjoni.

L-Artikolu 20

Verifika minn qabel

1.  Stati Membri għandhom jiddeterminaw l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar li aktarx jista’ jkollhom riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u għandhom jivverifikaw li dawn l-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ikunu eżaminati qabel ma jinbdew.

2.  Verifiki bħal dawn minn qabel għandhom isiru mill-awtorità ta’ superviżjoni wara li tkun waslet notifika mingħand il-kontrollur jew l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, li, f’każ ta’ dubju, għandu jikkonsulta ma’ l-awtorità ta’ superviżjoni.

3.  Stati Membri jistgħu wkoll jagħmlu verifiki bħal dawn fil-qafas ta’ tħejjija jew ta’ miżura tal-Parlament nazzjonali jew ta’ miżura msejsa fuq miżura leġislattiva bħal dik, li tagħti tifsira tan-natura ta’ l-ipproċessar u tagħti l-protezzjoni xierqa.

L-Artikolu 21

Pubbliċità lil operazzjonijiet ta’ ipproċessar

1.  Stati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jassiguraw li operazzjonijiet ta’ ipproċessar jingħataw pubbliċità.

2.  Stati Membri għandhom jipprovdu li għandu jinżamm reġistru mill-awtorita ta’ superviżjoni dwar operazzjonijiet ta’ ipproċessar notifikati skond l-Artikolu 18.

Ir-reġistru għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) sa (e).

Ir-reġistru jista’ jkun spezzjonat minn kull persuna.

3.  Stati Membri għandhom jipprovdu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar li ma jkunux jeħtieġu notifika, li kontrolluri jew korp ieħor maħtur mill-Istati Membri jagħmlu disponibbli għall-inqas l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) sa (e) f’għamla xierqa lil kull persuna li titlobha.

Stati Membri jistgħu jipprovdu li din id-dispożizzjoni ma tkunx tapplika għall-ipproċessar li l-iskop waħdieni tiegħu jkun iż-żamma ta’ reġistru li skond liġijiet jew regolamenti jkun maħsub li jagħti informazzjoni lill-pubbliku u li jkun miftuħ għal konsultazzjoni jew mill-pubbliku in ġenerali jew minn kull persuna li ġġib prova ta’ interess leġittimu.



Il-KAPITOLU III

RIMEDJI ĠUDIZZJARJI, RESPONSABBILTÀ U SANZJONIJIET

L-Artikolu 22

Rimedji

Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.

L-Artikolu 23

Responsabbilità

1.  Stati Membri għandhom jipprovdu li persuna li tkun sofriet ħsara minħabba operazzjoni ta’ ipproċessar illegali jew att li ma jkunx jaqbel mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-direttiva, għandha tkun intitolata li tirċievi kumpens mill-kontrollur għal ħsara li tkun sofriet.

2.  Il-kontrollur jista’ jkun eżentat minn din ir-responsabblità, kollha jew parti minnha, jekk hu jagħti prova li ma kienx responsabbli għall-inċident li ta lok għall-ħsara.

L-Artikolu 24

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jassiguraw l-implementazzjoni sħieħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom partikolarment jistabbilixxu s-sanzjonijiet li għandhom jingħataw f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva.



Il-KAPITOLU IV

TRASFERIMENT TA’ DATA PERSONALI LIL PAJJIŻI TERZI

L-Artikolu 25

Prinċipji

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li t-trasferiment lil pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment jista’ jsir biss jekk, bla ħsara għal konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, il-pajjiż terz jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni.

2.  Jekk il-livell ta’ protezzjoni mogħti minn pajjiż terz ikunx adekwat għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data; għandu jittieħed kont partikolarment tan-natura tad-data, l-għan u t-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta’ l-ipproċessar, il-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż tad-destinazzjoni finali, ir-regoli tal-liġi, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fis-seħħ fil-pajjiż terz in kwistjoni u r-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà li jitħarsu f’dak il-pajjiż.

3.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin b’każi fejn iqisu li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2.

4.  Meta l-Kummissjoni ssib, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallux li jsir trasferiment ta’ data ta’ l-istess tip lill-pajjiż terz in kwistjoni.

5.  Meta jkun jaqbel, il-Kummissjoni għandha tidħol f’negozjati bil-għan li ssib rimedju għas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dak li tkun sabet skond il-Paragrafu 4.

6.  Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2), li pajjiż terz ikun qed jassigura livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, partikolarment meta jintemmu n-negozjati msemmija fil-paragrafu 5, għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi ta’ l-individwu.

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 26

Derogi

1.  B’deroga għall-Artikolu 25 u bla ħsara għal dak provdut mod ieħor fil-liġi domestika li tirregola każi partikolari, Stati Membri għandhom jipprovdu li trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz, li ma jassigurax livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 25(2), ikunu jistgħu isiru bil-kondizzjoni li:

(a) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu mingħajr ambigwità għat-trasferiment propost; jew

(b) it-trasferiment ikun meħtieġ biex isir kuntratt bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur jew għall-implimentazzjoni ta’ miżuri pre-kontrattwali meħuda bi tweġiba għal talba tas-suġġett tad-data; jew

(ċ) it-trasferiment ikun meħtieġ għal-konklużjoni jew biex isir kuntratt magħmul fl-interess tas-suġġett tad-data, bejn il-kontrollur u parti terza; jew

(d) it-trasferiment ikun meħtieġ jew legalment mitlub minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku ta’ importanza, jew biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali; jew

(e) it-trasferiment ikun meħtieġ għall-protezzjoni ta’ interessi vitali tas-suġġett tad-data; jew

(f) it-trasferiment isir minn reġistru li skond liġijiet jew regolamenti jkun maħsub li jagħti informazzjoni lill-pubbliku u li jkun miftuħ għal konsultazzjoni mill-pubbliku in ġenerali jew minn persuna li turi interess leġittimu, sakemm il-kondizzjonijiet imsemmija fil-liġi għal konsultazzjoni jitħarsu fil-każ partikolari.

2.  Bla ħsara għall-paragrafu 1, Stat Membru jista’ jawtorizza trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz li ma jassigurax livell adekwat ta’ protezzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 25(2), meta l-kontrollur jipprovdi ħarsien biżżejjed għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu u għall-eżerċizzju tad-drittijiet relattivi; ħarsien bħal dak jista’ partikolarment jirriżulta minn klawsoli kontrattwali xierqa.

3.  L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-awtorizzazzjoni li hu jagħti skond il-paragrafu 2.

Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jagħmlu oġġezzjoni għal raġunijiet ġustifikati li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħajja privata ta’ l-individwu, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2).

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu komformi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

4.  Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2), li ċerti klawsoli kontrattwali standard joffru protezzjoni biżżejjed kif mitluba skond il-paragrafu 2, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.



Il-KAPITOLU V

KODIĊIJIET TA’ KONDOTTA

L-Artikolu 27

1.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tħejjija ta’ kodiċijiet ta’ kondotta maħsuba biex jagħtu sehemhom għall-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva, meħud kont tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi.

2.  Stati Membri għandhom jagħmlu provvedimenti għal għaqdiet tal-kummerċ u għal korpi oħra li jirrappreżentaw kategoriji oħra ta’ kontrolluri li jkunu ħejjew abbozzi ta’ kodiċijiet nazzjonali jew li jkollhom il-ħsieb li jemendaw jew jestendu kodiċijiet nazzjonali eżistenti biex ikunu jistgħu jibgħatuhom għall-opinjoni ta’ l-awtorità nazzjonali. Stati Membri għandhom jagħmlu provvedimenti għal din l-awtorità biex taċċerta, fost ħwejjeġ oħra, jekk l-abbozzi mibgħuta lilha jkunux skond il-provvedimenti nazzjonali adottati skond din id-Direttiva.

Jekk tħoss li jkun sewwa, l-awtorità għandha ssaqsi għall-opinjonijiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rapreżentanti tagħhom.

3.  Abbozzi ta’ kodiċijiet tal-Komunità, u emendi jew estensjonijiet għal kodiċijiet eżistenti tal-Komunità, jistghu jintbagħtu lill-Grupp ta’ Ħidma msemmi fl-Artikolu 29. Dan il-Grupp ta’ Ħidma għandu jiddeċiedi, fost ħwejjeġ oħra, jekk l-abbozzi mibgħuta lilu jkunux jaqblu mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Jekk tħoss li jkun sewwa, l-awtorità għandha ssaqsi għall-opinjonijiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tassigura li l-kodiċijiet li jkunu ġew approvati mill-Grupp ta’ Ħidma jingħataw pubbliċità xierqa.



Il-KAPITOLU VI

AWTORITÀ TA’ SUPERVIŻJONI U GRUPP TA’ ĦIDMA GĦALL-PROTEZZJONI TA’ INDIVIDWI FL-IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

L-Artikolu 28

Awtorità ta’ superviżjoni

1.  Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.

2.  Kull Stat Membru għandu jipprovdi li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jiġu kkonsultati meta jkunu qed iħejju miżuri amministrattivi jew regolamenti li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-individwu fl-ipproċessar ta’ data personali.

3.  Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:

 setgħat investigattivi, bħalma huma setgħat ta’ aċċess għal data li tagħmel parti mis-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar u setgħat għal ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni,

 setgħat effettivi ta’ intervent, bħalma hu, per eżempju, dak li tagħti opinjonijiet qabel ma jsiru operazzjonijiet ta’ ipproċessar, skond l-Artikolu 20, u li tassigura li dawn l-opinjonijiet ikollhom pubblikazzjoni sewwa, li tordna l-imblokk, tħassir jew distruzzjoni ta’ data, li ma tħallix għal xi żmien jew għal dejjem milli jsir ipproċessar, li twissi jew twiddeb lill-kontrollur, jew li tirreferi l-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew istituzzjonijiet pubbliċi oħra,

 is-setgħa li tidħol fi proċeduri legali meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva jkunu ġew miksura jew li tressaq dan il-ksur quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati.

4.  Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali.

Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba. Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha, partikolarment, tisma’ talbiet għal verifiki dwar il-legalità ta’ ipproċessar ta’ data mressqa minn kull persuna meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva jkunu japplikaw. Il-persuna għandha f’kull każ tkun mgħarrfa li tkun saret verifika.

5.  Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tħejji f’intervalli regolari rapport dwar l-attivitajiet tagħha. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.

6.  Kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3. Kull awtorità tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor.

L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma xulxin f’dak li jkun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom, partikolarment billi jaqsmu flimkien kull informazzjoni utli.

7.  Stati Membri għandhom jipprovdu li l-membri u l-impjegati ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni, ukoll wara t-tmiem ta’ l-impjieg tagħhom, li jkunu obbligati li jżommu s-sigriet professjonali dwar informazzjoni konfidenzjali li jkollhom aċċess għaliha.

L-Artikolu 29

Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi dwar Ipproċessar ta’ Data Personali.

1.  Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-Rigward ta’ l-Ipproċessar ta’ Data Personali, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ‘il-Grupp ta’ Ħidma’, qed ikun b’dan stabbilit.

Dan għandu jkollu funzjoni konsultattiva u għandu jkun indipendenti.

2.  Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jkun magħmul minn rappreżentant ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni jew awtoritajiet nominati minn kull Stat Membru, u minn rappreżentant ta’ l-awtorità jew awtoritajiet imwaqqfa għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, u minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Kull membru tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jkun nominat mill-istituzzjoni, awtorità jew awtoritajiet li huwa jirrappreżenta. Meta Stat Membru jkun innomina aktar minn awtorità ta’ superviżjoni waħda, dawn għandhom jinnominaw rappreżentant konġunt. L-istess għandu japplika għall-awtoritajiet stabbiliti għall-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità.

3.  Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jieħu deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi tar-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet ta’ superviżjoni.

4.  Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jaħtar il-president tiegħu. Il-ħatra ta’ president tkun għall-perjodu ta’ sentejn. Il-ħatra tiegħu tista’ tkun imġedda.

5.  Is-segretarjat tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jkun provdut mill-Kummissjoni.

6.  Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jadotta ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

7.  Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jikkunsidra, fuq inizjattiva tiegħu innifsu jew fuq talba ta’ rappreżentant ta’ l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jew fuq talba tal-Kummissjoni, il-punti ta’ l-aġenda mogħtija lilu mill-president tiegħu,.

L-Artikolu 30

1.  Il-Grupp ta’ Ħidma għandu:

(a) jeżamina kull kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali adottati skond din id-Direttiva biex jagħti sehmu għall-applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-miżuri;

(b) jagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni fil-Komunità u f’pajjiżi terzi;

(ċ) jagħti parir lill-Kummissjoni dwar emendi proposti għal din id-Direttiva, dwar miżuri addizzjonali jew speċifiċi biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni naturali fl-ipproċessar ta’ data personali u ta’ miżuri oħra proposti mill-Komunità li jeffettwaw dawk id-drittijiet u libertajiet;

(d) jagħti opinjoni dwar kodiċijiet ta’ kondotta mħejjija fuq il-livell tal-Komunità.

2.  Jekk il-Grupp ta’ Ħidma jsib li jkun hemm diverġenzi bejn il-liġijiet jew il-prattika ta’ Stati Membri li jistgħu jeffettwaw l-ekwivalenza ta’ protezzjoni ta’ persuni fl-ipproċessar ta’ data personali fil-Komunità, hija għandha tgħarraf b’dan lill-Kummissjoni.

3.  Il-Grupp ta’ Ħidma jista’ jagħmel, fuq inizjattiva tiegħu innifsu, rakkomandazzjonijiet fuq kull haġa li jkollha x’taqsam mal-protezzjoni tal-persuna dwar l-ipproċessar ta’ data fil-Komunità.

4.  L-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 31.

5.  Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lil Grupp ta’ Ħidma dwar l-azzjoni li tkun ħadet b’riżultat ta’ l-opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet tiegħu. Għandha tagħmel dan f’rapport li għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.

6.  Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jħejji rapport annwali fuq is-sitwazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni naturali fl-ipproċessar ta’ data personali fil-Komunità u f’pajjiżi terzi, li huwa għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.



Il-KAPITOLU VII



MIŻURI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KOMUNITÀ

▼M1

L-Artikolu 31

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjunha minn kumitat.

2.  Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 5 ) għandhom ikunu applikabbli, wara li jkunu meqjusa d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

▼B



DISPOSIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 32

1.  Stati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-għeluq ta’ tlett snin mid-data fi fiha tiġi adottata.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  Stati Membri għandhom jassiguraw li ipproċessar li diġa jkun qed isir fid-data meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ, jinġieb konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet fi żmien tlett snin minn dik id-data.

B’deroga għas-subparagrafu preċedenti, Stati Membri jistgħu jipprovdu li l-ipproċessar ta’ data li hija diġà miżmuma f’sistemi ta’ skedar manwali fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jinġiebu konformi ma’ l-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ din id-Direttiva fi żmien 12-il sena mid-data li fiha tkun ġiet adottata. Stati Membri għandhom, iżda, jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb, fuq talba tiegħu u partikolarment fiż-żmien li huwa jkun qed jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li ma tkunx kompleta, ikun żbaljat jew maħżun b’mod li ma jkunx jaqbel ma’ l-għanijiet leġittimi meħuda mill-kontrollur.

3.  B’deroga għall-paragrafu 2, Stati Membri jistgħu jipprovdu, taħt protezzjoni xierqa, li data miżmum għall-għan waħdieni ta’ riċerka storika ma jkunx jeħtieġlu li jkun konformi ma’ l-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ din id-Direttiva.

4.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam li għandu x’jaqsam ma’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 33

Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, f’intervalli regolari, li jibdew jgħoddu mhux iktar tard minn tlett snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 32(1), dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, waqt li tehmeż mar-rapport, jekk ikun meħtieġ, proposti u emendi xierqa. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.

Il-Kummissjoni għandha teżamina, partikolarment, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-ipproċessar ta’ data audio-viżiva li jkollu x’jaqsam ma’ persuni naturali, u għandha tibgħat proposti xierqa li jidher li jkunu meħtieġa, meħud kont ta’ l-żviluppi fit-teknloġija ta’ l-informatika u fid-dawl tal-progress li jkun sar fis-soċjeta ta’ l-informazzjoni.

L-Artikolu 34

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU C 277, tal-5.11.1990, p. 3. u ĠU C 311, tas-27.11.1992, p. 30

( 2 ) ĠU C 159, tas-17.6.1991, p. 38.

( 3 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu, 1992 (ĠU C 94, tat-13.4.1992, p. 198),konfermata fit-2 ta’ Diċembru, 1993 (ĠU C 342, ta’ l-20.12.1993, p. 30); Pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar, 1995 (ĠU C 93, tat-13.4.1995, p. 1) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju, 1995 (ĠU C 166, tat-3.7.1995).

( 4 ) ĠU L 197, tat-18.7.1987, p. 33.

( 5 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

Top