Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01987L0217-20180704

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tad- 19 ta' Marzu 1987 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis fl-ambjent mill-asbestos (87/217/KEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1987/217/2018-07-04

01987L0217 — MT — 04.07.2018 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 1987

dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis fl-ambjent mill-asbestos

(87/217/KEE)

(ĠU L 085 28.3.1987, p. 40)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru, 1991,

  L 377

48

31.12.1991

►M2

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 807/2003 ta' l-14 ta' April 2003

  L 122

36

16.5.2003

►M3

DEĊIŻJONI (UE) 2018/853 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Mejju 2018

  L 150

155

14.6.2018


Emendata bi:

 A1

ATT li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea

  C 241

21

29.8.1994




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 1987

dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis fl-ambjent mill-asbestos

(87/217/KEE)



Artikolu 1

1.  Il-għan ta' din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi miżuri u jissupplimenta d-dispożizzjonijiet diġà fis-seħħ, bil-ħsieb li jipprevjeni u jnaqqas it-tniġġis mill-asbestos fl-interess tal-ħarsien ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent.

2.  Din id-Direttiva għandha tiġi applikata mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 83/477/KEE.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1.  Asbestos ifisser is-silikati fibrużi li ġejjin:

 il-kroċidolite (asbestos ikħal),

 l-aktinolite,

 l-antofillite,

 il-kristotile (asbestos abjad),

 l-amosite (asbestos kannella),

 it-tremolite.

2.  Asbestos mhux maħdum ifisser:

il-prodott li jirriżulta mill-ewwel tfarrik tal-mineral ta' l-asbestos.

3.  L-użu ta' l-asbestos ifisser:

l-attivitajiet li jinvolvu l l-manipulazzjoni ta' kwantità ta' aktar minn 100 kilogramma ta' asbestos mhux maħdum kull sena u li jirrigwardaw:

(a) il-produzzjoni tal-mineral ta' l-asbestos bħala materja prima minbarra kull proċess dirett assoċjat ma' l-estrazzjoni mill-minjieri tal-mineral, u/jew

(b) il-fabbrikazzjoni u t-tlestija industrijali tal-prodotti li ġejjin li jużaw l-abestos mhux maħdum: is-siment ta' l-asbestos jew il-prodotti tas-siment ta' l-asbestos, il-prodotti bil-frizzjoni ta' l-asbestos, il-filtrijiet ta' l-asbestos, it-tessuti ta' l-asbestos, il-karta u l-kartun ta' l-asbestos, materjali ta' l-asbestos għall-aġġuntar, materjal ta' l-imballaġġ u r-rinfurzar, għata ta' l-art ta' l-asbestos, materjal tal-mili ('fillers') ta' l-asbestos.

4.  Ix-xogħol ta' prodotti li jkun fihom l-asbestos ifisser:

attivitajiet oħra għajr l-użu ta' l-asbestos, li x'aktarx jirrilaxxaw l-asbestos fl-ambjent.

5.  Skart ifisser:

kull sustanza jew oġġett kif definiti f'Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442/KEE ( 1 ).

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-emissjonijiet ta' l-asbestos fl-arja, l-iskarigi ta' l-asbestos fl-ambjent akwatiku u l-iskart solidu mill-asbestos ikunu, sa fejn hu raġjonevolment prattiku, imnaqqsa mis-sors u ma jitħallewx. Fil-każ ta' l-użu ta' l-asbestos, dawn il-miżuri għandhom ifissru l-użu ta' l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi, inklużi fejn adatt ir-riċiklaġġ u t-trattament.

2.  Fil-każ ta' l-impjanti eżistenti, il-ħtieġa fil-paragrafu 1 li għandha tintuża l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi sabiex jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-emissjonijiet ta' l-asbestos fl-arja għandha tiġi applikata filwaqt li jitqiesu l-elementi ddikjarati f'Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360/KEE.

Artikolu 4

1.  Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-konċentrazzjoni ta' l-asbestos li joħroġ mill-kanali ta' l-iskarigu fl-arja meta jkun qed jintuża l-asbestos ma teċċedix l-valur tal-limitu ta' 0,1 mg/m3 (ta' milligrammi ta' l-asbestos għal kull m3 ta' l-arja skarigata).

2.  L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, l-impjanti li jitfgħu fl-arja anqas minn 5000 m3 fis-siegħa ta' skarigi ta' gass totali, meta l-iskarigu ta' l-asbestos fl-arja ma jkunx aktar min 0,5 grammi fis-siegħa f'kull waqt taħt kondizzjonijiet normali tax-xogħol.

Meta tkun tapplika din l-eżenzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jassiguraw li l-limiti li hemm referenza dwarhom fl-ewwel subparagrafu ma jinqabżux.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a) kull effluwent akweju li joħroġ mill-fabbrikazzjoni tas-siment ta' l-asbestos jiġi riċiklat. Meta dan ir-riċiklaġġ ma jkunx ekonomikament prattikabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-iskart likwidu li jkun fih l-asbestos ma jirriżultax fit-tniġġis ta' l-ambjent akwatiku u ta' setturi oħra inkluża l-arja.

Għal dan l-iskop:

 għandu japplika l-valur tal-limitu ta' 30 gramma tat-total tal-materjal f'sospensjoni għal kull m3 ta' l-effluwent akweju skarigat,

 l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom, għal kull impjant involut, jispeċifikaw il-volum ta' l-iskarigi fl-ilma tal-kwantità totali tal-materjal f'sospensjoni skarigat għal kull tunnellata metrika tal-prodott filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċifika ta' l-impjant.

Dawn il-limiti għandhom japplikaw fil-punt fejn l-ilmijiet ta' l-iskart iħallu l-impjant industrijali.

(b) Kull effluwent akweju li joriġina mill-fabbrikazzjoni tal-karta jew kartun ta' l-asbestos jkunu riċiklati.

B'dankollu, l-iskarigu ta' l-effluwent akweju li jkun fih iktar minn 30 gramma ta' materjal f'sospensjoni għal kull m3 ta' ilma jista jiġi awtorizzat matul it-tindif jew il-manutenzjoni ta' rutina ta' l-impjant.

Artikolu 6

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li jittieħdu kejlijiet f'intervalli regolari taż-żmien ta' l-emissjonijiet fl-arja u l-iskarigi ta' l-effluwenti akweji mill-faċilitajiet li għalihom japplikaw il-valuri tal-limitu li hemm provvediment dwarhom f'Artikoli 4 u 5.

2.  Għall-għanijiet sabiex tiġi kontrollata l-konformità mal-valuri tal-limitu msemmija, il-proċeduri u l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u ta' analiżi għandhom ikunu konformi ma' dawk deskritti fl-Anness jew ma kull proċedura jew metodu ieħor li jagħtu riżultati ekwivalenti.

3.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-proċeduri u l-metodi li jkunu qegħdin jużaw flimkien mat-tagħrif relevanti biex ikollhom stima ta' kemm ikunu pertinenti dawn il-proċeduri u dawn il-metodi. Fuq il-bażi ta' dan it-tagħrif, il-Kummissjoni ser iżżomm taħt reviżjoni l-ekwivalenza tal-proċeduri u tal-metodi differenti u tirrapporta lill-Kunsill kull ħames snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li:

 l-attivitajiet li jinvolvu x-xogħol ta' prodotti li jkun fihom l-asbestos ma jikkawżawx tniġġis ambjentali sinifikanti bit-tniġġis mill-fibri jew mit-trab ta' l-asbestos,

 it-twaqqigħ tal-bini, strutturi u stallazzjonijiet li jkun fihom l-asbestos u t-tneħħija minnhom ta' l-asbestos jew ta' materjali li jkun fihom l-asbestos li jinvolvu r-rilaxx ta' fibri jew ta' trab ta' l-asbestos ma jikkawżawx tniġġis ambjentali sinifikanti mill-asbestos; għal dan l-iskop huma għandhom jissodisfaw lilhom infushom li l-pjan tax-xogħol li hemm provediment dwaru f'Artikolu 12 tad-Direttiva 83/477/KEE jistipula d-dħul tal-miżuri preventivi kollha meħtieġa għal dan l-iskop.

Artikolu 8

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 78/319/KEE ( 2 ), kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1985, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li:

 fil-kors tal-ġarr u tad-depożitu ta' l-iskart li jkun fih il-fibri jew it-trab ta' l-asbestos, l-ebda fibra jew trab minn dan ma għandhom jitħallew joħorġu fl-arja u li ma għandu jinxtered l-ebda likwidu li jkun fih il-fibri ta' l-asbestos,

 meta l-iskart li jkun fih il-fibri jew it-trab ta' l-asbestos jintefa f'radam f'lokalitajiet liċenzjati għal dan il-għan, dan l-iskart għandu jiġi trattat, imballat jew imgħotti hekk li jiġi pprevenut il-ħruġ ta' partikoli ta' l-asbestos fl-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet lokali.

Artikolu 9

Stat Membru jista', sabiex jipproteġi s-saħħa u l-ambjent, idaħħal dispożizzjonijiet li jkunu aktar stretti minn dawk ta' din id-Direttiva, b'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.

Artikolu 10

Il-proċedura li hemm provvediment dwarha f'Artikoli 11 u 12 hija stabbilita għall-adattazzjoni ta' l-Anness mal-progress tekniku u għandha tiġi segwita għal kull modifika tal-metodi tat-teħid ta' kampjuni u ta' l-analiżi msemmija fl-Anness. Dan l-adattament ma jrid jirriżulta fl-ebda modifika diretta jew indiretta tal-valuri tal-limitu indikati f'Artikoli 4 u 5.

Artikolu 11

Kumitat sabiex jadatta din id-Direttiva mal-progress xjentifiku u tekniku, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat', li jkun jikkonsisti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, huwa b'hekk stabbilit.

▼M2 —————

▼M2

Artikolu 12

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' l-addattament ta' din id-direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku.

2.  Meta jsir riferiment għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 3 ).

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3.  Il-kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

▼B

Artikolu 13

▼M3 —————

▼B

2.  Meta meħtieġ, fid-dawl ta' l-evoluzzjoni tat-tagħrif fil-qasam mediku u dak tal-progress teknoloġiku, il-Kummissjoni għandha tissotometti aktar proposti mmirati biex jipprevjenu u jnaqqsu t-tniġġis mill-asbestos fl-interess tal-ħarsien ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent.

Artikolu 14

1.  Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1988. Għandhom jgħarrfu minnufih bihom lill-Kummissjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' Artikoli 4 u 5 malajr kemm jista' jkun, u f'kull każ mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 1991 għal impjanti mibnija jew awtorizzati qabel id-data mogħtija fil-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li huma jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

IL-METODI TAT-TEĦID TA' KAMPJUNI U TA' L-ANALIŻI

A.   L-ISKARIGU TA' EFFLUWENTI AKWEJI

Il-metodu ta' riferiment għall-analiżi sabiex jiġi stabbilit il-materjal totali f'sospensjoni (materjal li jista' jiġi msoffi minn kampjun mhux preċipitat) kif espress f'mg/1 għandu jiġi imsoffi permezz ta' membrana tal-filtru ta' 0,45 μm, li jinxef (il-materjal) f'temperatura ta' 105 °C u wżin ( 4 ).

Il-kampjuni jridu jittieħdu b'tali mod li jkunu rappreżentattivi tal-iskarigu matul perjodu taż-żmien ta' 24 siegħa.

Din id-determinazzjoni għandha tiġi mwettqa għal preċiżjoni ( 5 ) ta' ± 5 % u eżattezza (5)  ta' ± 10 %.

B.   L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU SODISFATTI META JINGĦAŻEL METODU GĦALL-KEJL TA' L-EMISSJONIJIET FL-ARJA

I.   Il-metodu gravimetriku

1.

Il-metodu magħżul għandu jkun il-metodu gravimetriku li huwa kapaċi jkejjel il-kwantitajiet totali ta' trab imtajjar permezz tal-kanali ta' l-iskarigu.

Għandha titqies il-konċentrazzjoni ta' l-asbestos bħala trab. Meta jinħtieġu kejlijiet tal-konċentrazzjoni, għandha tiġi mkejla jew evalwata l-konċetrazzjoni ta' l-asbestos bħala trab. L-awtorità tal-kontroll għandha tiddeċiedi dwar kull meta għandu jsir dan il-kejl, skond il-karatteristiċi ta' l-impjant u tal-produzzjoni tiegħu, imma dan għandhu fil-bidu jkun ta' mill-inqas kull sitt xhur. Jekk Stat Membru jkun stabbilixxa li l-konċentrazzjoni ma turi l-ebda varjazzjoni sinifikanti, il-frekwenza tal-kejl tista' titnaqqas. Meta ma jittieħdux kejlijiet perjodiċi, il-valur tal-limitu speċifikat f'Artikolu 4 tad-Direttiva japplika għall-emissjonijiet totali ta' trab.

It-teħid ta' kampjuni għandu jiġi mwettaq qabel kull dilwizzjoni tat-tnixxija li għandha tkun imkejjla.

2.

It-teħid ta' kampjuni għandu jiġi mwettaq għal preċiżjoni ta' ± 40 % u eżattezza ta' ± 20 % tal-valur tal-limitu. Il-limitu tas-sejbien għandu jkun ta' 20 %. Għandhom jittieħdu mill-inqas żewġ kejlijiet taħt l-istess kondizzjonijiet sabiex tiġi kontrollata u eżaminata l-konformità mal-valur tal-limitu.

3.

It-tħaddim tal-istallazzjoni

Il-kejlijiet għandhom ikunu validi biss jekk it-teħid tal-kampjuni jsir filwaqt li l-istallazzjoni tkun qiegħda taħdem normalment.

4.

Il-għażla tal-post tat-teħid tal-kampjuni

It-teħid tal-kampjuni għandu jsir f'post fejn ikun hemm kurrent laminari (mhux imqalleb) ta' l-arja. Sakemm ikun possibbli, għandha tingħata attenzjoni biex tiġi evitata t-turbulenza, u l-ostakoli li jistgħu jfixklu l-kurrent ta' l-arja.

5.

Il-modifiki meħtieġa għat-teħid tal-kampjuni

Għandu jkun hemm fetħiet (aperturi) xierqa fil-kanali fejn jittieħdu l-kampjuni u għandhom jiġu provvduti pjattaformi xierqa.

6.

Il-kejlijiet li jridu jittieħdu qabel it-teħid tal-kampjuni

Qabel ma jidba t-teħid tal-kampjuni, ikun l-ewwel meħtieġ li titkejjel it-temperatura ta' l-arja u tal-pressjoni u tal-qawwa tal-kurrent fil-kanal. It-temperatura ta' l-arja u l-pressjoni għandhom normalment jitkejlu waqt il-ħin tat-teħid tal-kampjuni bir-rati tal-kurrenti (ta' l-arja) normali. Taħt kondizzjonijiet speċjali, huwa wkoll meħtieġ li titkejjel il-konċentrazzjoni ta' l-umdità biex ir-riżultati jkunu jistgħu jiġu emendati kif jixraq.

7.

Il-ħtiġiet ġenerali tal-proċedura tat-teħid tal-kampjuni

Il-proċedura teħtieġ kampjun ta' l-arja minn kanal li jġorr l-emissjonijiet tat-trab ta' l-asbestos li jrid jiġi miġbud permezz ta' filtru, u jrid jiġi mkejjel il-kontenut ta' l-asbestos bħala trab miżmum bil-filtru.

7.1.

Għandha l-ewwel tiġi kkontrollata u eżaminata l-linja tat-teħid tal-kampjun sabiex ikun assigurat li ma tgħaddix arja minnha u li ma jkunx hemm nixxijiet li jistgħu joħolqu żbalji fil-kejl. Ir-ras ta' l-apparat li jieħu l-kampjuni għandha tkun issiġillata b'attenzjoni u l-pompa ta' l-apparat għandha tiġi mqabbda. Ir-rata tan-nixxija ma għandhiex teċċedi l-1 % tal-kurrent normali fit-teħid tal-kampjun.

7.2.

Normalment, it-teħid tal-kampjun għandu jkun imwettaq taħt kondizzjonijiet iso-kinetiċi.

7.3.

It-tul taż-żmien tat-teħid tal-kampjun għandu jiddependi mit-tip ta' proċess li jiġi mmonitorjat u l-linja tat-teħid tal-kampjuni u l-perjodu taż-żmien tagħha għandhom ikunu biżżejjed sabiex jassiguraw li tiġi miġbura kwantità adekwata ta' materjal biex jintiżen. (It-tul taż-żmien) Għandu jkun rappreżentattiv tal-proċess sħiħ li jkun qiegħed jiġi mmonitorjat.

7.4.

Meta l-filtru ta' l-apparat tat-teħid ta' kampjuni ma jkunx fil-qrib immedjat tar-ras ta' l-apparat, ikun essenzjali li jiġu rkuprati l-materjali ddepożitati fis-sonda li tieħu l-kampjuni.

7.5.

Ir-ras ta' l-apparat tat-teħid tal-kampjuni u n-numru tal-postijiet fejn iridu jittieħdu l-kampjuni għandhom jiġu stabbiliti b'mod konformi mal-livell nazzjonali stabbilit adottat.

8.

In-natura tal-filtru ta' l-apparat li jieħu l-kampjuni

8.1.

Għandu jingħażel il-filtru xieraq għall-metodu tat-teknika ta' l-analiżi. Għall-metodu gravimetriku, huma preferibbli l-filtri bil-fibri tal-ħġieġ.

8.2.

Hija meħtieġa effiċjenza minima tal-filtrazzjoni ta' 99 %, kif definita b'riferenza għat-test DOP bl-użu ta' aerosol b'partikoli ta' dijamertru 0,3 μm.

9.

L-użin

9.1.

Għandu jiġi wżat miżien xieraq bi preċiżjoni qawwija.

9.2.

Sabiex tinkiseb l-akkuratezza meħtieġa għall-użin, huwa essenzjali li l-filtri jiġu kondizzjonati sewwa qabel u wara t-teħid tal-kampjuni.

10.

L-espressjoni tar-riżultati

B'żieda mad-dettalji dwar il-kejl, ir-riżultati għandhom jirreġistraw id-dettalji dwar it-temperatura, il-pressjoni u l-kurrent (ta' l-arja), bħalma huwa disinn sempliċi li juri l-lokazzjoni tal-postijiet tat-teħid tal-kampjuni, id-dimensjonijiet tal-kanali, il-volumi tal-kampjuni u l-metodu tal-kalkolu wżat biex jikseb ir-riżultati. Dawn ir-riżultati għandhom jiġu espressi f'temperatura normali (273K) u fi pressjoni normali (101,3 kPa).

II.   Il-metodu tal-fibri li jistgħu jingħaddu

Meta tintuża l-proċedura ta' l-għadd tal-fibri bil-għan li jiċċekkjaw il-konformità mal-valur tal-limitu f'Artikolu 4 tad-Direttiva, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet għall-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, jista' jiġi wżat fattur tal-konverżjoni ta' żewġ fibri/ml għal kull 0,1 mg/m3 ta' trab ta' l-asbestos.

Għall-għanijiet tad-Direttiva, fibra hija definita bħala kull oġġett ta' tul akbar minn 5 μm, wisa' anqas minn 3 μm, u li jkollha proporzjon ta' tul/wisa' akbar minn 3/1, li jkunu jistgħu jingħaddu bil-mikroskopija ottika li jgħamel kuntrast tal-fażijiet billi juża l-metodu tar-riferiment Ewropew kif definit f'Anness I tad-Direttiva 83/477/KEE.

Il-metodu bil-għadd tal-fibri għandu jilħaq l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

1. Il-metodu għandu jkun kapaċi jkejjel il-konċentrazzjoni tal-fibri li jistgħu jingħaddu fil-gassijiet emessi.

L-awtorità tal-kontroll għandha tiddeċiedi dwar il-perjodiċità ta' dan il-kejl, skond il-karatteristiċi ta' l-impjant u l-produzzjoni tiegħu, imma dawn għandhom ikunu mill-anqas kull sitt xhur. Meta ma jitteħidx kejl perjodiku, il-valur tal-limitu speċifikat f'Artikolu 4 japplika għall-emissjoni totali tat-trab.

It-teħid tal-kampjuni għandu jsir qabel kull dilwizzjoni fil-kurrent li jrid jiġi mkejjel.

2.  L-operat tal-istallazzjoni

Il-kejl għandu jkun validu biss jekk it-teħid tal-kampjuni jsir waqt li l-istallazzjoni tkun qiegħda titħaddem normalment.

3.  Il-għażla tal-punt tat-teħid tal-kampjuni

It-teħid tal-kampjuni għandu jsir f'punt fejn ikun hemm kurrent laminari (mhux imqalleb) ta' l-arja. Safejn ikun possibbli, għandha tingħata attenzjoni biex jiġu evitati t-turbulenza u l-ostakoli li jistgħu jfixklu l-kurrent ta' l-arja.

4.  Il-modifiki meħtieġa fit-teħid tal-kampjuni

Għandhom jintgħamlu fetħiet (aperturi) xierqa fil-kanali fejn irid isir it-teħid tal-kampjuni, u għandhom jiġu provvduti pjattaformi xierqa.

5.  Il-kejl li jrid jittieħed qabel it-teħid tal-kampjuni

Qabel ma jibda t-teħid tal-kampjuni, huwa qabel xejn meħtieġ li jiġu mkejjla t-temperatura u l-pressjoni ta' l-arja u l-veloċità tal-kurrent fil-kanal. It-temperatura u l-pressjoni ta' l-arja għandhom normalment jitkejjlu matul il-linja tat-teħid tal-kampjuni bir-rata normali tal-kurrent. F'kondizzjonijiet eċċezzjonali, huwa wkoll meħtieġ li titkejjel il-konċentrazzjoni ta' l-umdità biex ir-riżultati jkunu jistgħu jiġu emendati kif jixraq.

6.  Il-ħtiġiet ġenerali tal-proċedura tat-teħid tal-kampjuni

Il-proċedura teħtieġ li kampjun jiġi miġbud permezz ta' filtru ta' l-arja minn kanal li jġorr l-emissjonijiet tat-trab ta' l-asbestos u li jitkejjlu l-fibri ta' l-asbestos li jistgħu jingħaddu li jkunu jinsabu fit-trab miżmum fil-filtru.

6.1. Il-linja tat-teħid tal-kampjuni għandha l-ewwel tiġi kontrollata u eżaminata sabiex ikun assigurat li ma tgħaddix arja minnha, u li ma jkun hemm l-ebda nixxija li tista' toħloq żbalji fil-kejl. Ir-ras ta' l-apparat tat-teħid tal-kampjuni għandha tkun issiġillata b'attenzjoni u l-pompa ta' l-apparat tiġi mqabbda. Ir-rata tan-nixxija ma għandhiex teċċedi l-1 % tal-kurrent normali fit-teħid tal-kampjuni.

6.2. It-teħid tal-kampjuni tal-gassijiet emessi għandu jsir ġewwa l-kanal ta' l-emissjoni taħt kondizzjonijiet iso-kinetiċi.

6.3. It-tul taż-żmien tat-teħid tal-kampjuni għandu jiddependi fuq it-tip tal-proċess li jkun qiegħed jiġi monitorjat u fuq id-daqs taż-żennuna wżata. Il-perjodu taż-żmien tat-teħid tal-kampjuni għandu jkun biżżejjed sabiex ikun assigurat li l-filtru li jiġbor il-kampjun iġorr minn 100 sa 600 fibri ta' l-asbestos li jistgħu jingħaddu/mm2. Għandu jkun rappreżentattiv tal-proċess sħiħ li jkun qiegħed jiġi monitorjat.

6.4. Ir-ras ta' l-apparat tat-teħid tal-kampjuni u n-numru tal- punti fejn iridu jittieħdu l-kampjuni għandu jiġi stabbilit skond il-livell nazzjonali stabbilit adottat.

7.  In-natura tal-filtru tal-ġbir tat-teħid tal-kampjuni

7.1. Għandu jingħażel il-filtru xieraq skond il-metodu tat-teknika għall-kejl. Għall-metodu ta' kemm jistgħu jingħaddu fibri, għandhom jiġu wżati filtri tal-membrana (esteri mħallta taċ-ċellulosi jew nitrat taċ-ċellulosi) ta' toqba nominali tad-daqs ta' 5 μm, bi kwadri stampati u ta' dijametru ta' 25 mm.

7.2. Il-filtru tal-ġbir tat-teħid tal kampjuni għandu jkollu effiċjenza minima ta' filtrazzjoni ta' 99 % rigward il-fibri ta' l-asbestos li jkunu jistgħu jingħaddu.

8.  Il-għadd tal-fibri

Il-metodu ta' l-għadd tal-fibri għandu jkun konformi mal-metodu Ewropew ta' riferiment, kif stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 83/477/KEE.

9.  L-espressjoni tar-riżultati

B'żieda mad-dettalji dwar il-kejl, ir-riżultati għandhom jirreġistraw id-dettalji dwar it-temperatura, il-pressjoni u l-kurrent ta' l-arja u għandhom jinkludu t-tagħrif kollu relevanti, bħalma ma huma disinn sempliċi li juri l-lokazzjoni tal-punti tat-teħid tal-kampjuni, il-qisien tal-kanali, il-volumi li tagħhom ittieħed kampjun u l-marka tal-kalkolu wżat sabiex jinkisbu r-riżultati. Dawn ir-riżultati għandhom jiġu espressi f'temperatura normali (273 K) u fi pressjoni normali (101,3 kPa).



( 1 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 47.

( 2 ) ĠU L 84, tal-31.3.1978, p. 43.

( 3 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

( 4 ) Ara Anness III tad-Direttiva 82/883/KEE (ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 1).

( 5 ) Dawn it-temi huma definiti f'Artikolu 2 tad-Direttiva 79/869/KEE (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44) kif emendata bid-Direttiva 81/855/KEE (ĠU L 319, tas-7.11.1981, p. 16).

Top