Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2024G0006

Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTANru 6/2024/SC tal-24 ta’ Ottubru 2024 dwar l-iffissar mill-ġdid tar-riżerva għal riskju sistemiku skont l-Artikolu 133 u n-notifika Norveġiża tal-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta’ riżerva O-SII skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif inkorporata fil-Ftehim dwar iż-ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 79/2019 u emendi sussegwenti [2025/400]

ĠU L, 2025/400, 27.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/400/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/10/2025

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/400/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/400

27.2.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTANru 6/2024/SC

tal-24 ta’ Ottubru 2024

dwar l-iffissar mill-ġdid tar-riżerva għal riskju sistemiku skont l-Artikolu 133 u n-notifika Norveġiża tal-iffissar jew l-iffissar mill-ġdid ta’ riżerva O-SII skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif inkorporata fil-Ftehim dwar iż-ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 79/2019 u emendi sussegwenti [2025/400]

IL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-punt 14 tal-Anness IX tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, (1)

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 131(6), il-punt (b), tad-Direttiva 2013/36/UE (CRD), l-awtoritajiet kompetenti jew nominati jridu jirrieżaminaw mill-inqas darba fis-sena r-rati ta’ riżerva tal-istituzzjonijiet sistemikament importanti l-oħra (“O-SIIs”,other systemically important institutions, ) li jeħtieġu li jinżammu. Skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 12 ta’ dak l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti jew nominati jridu wkoll jirrieżaminaw kull sena l-identifikazzjoni tal-O-SIIs li għalihom tiġi imposta tali rata ta’ riżerva. Skont l-Artikolu 131(7) ta’ dik id-Direttiva, kif inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, l-awtoritajiet kompetenti jew nominati jridu jinnotifikaw lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“BERS”) qabel ma jiffissaw jew jistabbilixxu mill-ġdid rata ta’ riżerva għal O-SIIs, u l-BERS għandu jibgħat dawn in-notifiki lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-awtoritajiet kompetenti u nominati tal-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE kkonċernati mingħajr dewmien.

(2)

Skont l-Artikolu 131(15) tas-CRD, flimkien mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5a ta’ dak l-Artikolu, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA jeħtieġ li jawtorizza miżuri makroprudenzjali fi Stat tal-EFTA membru taż-ŻEE li jwasslu għal rata kombinata ta’ riżerva għal riskju sistemiku (SyRB, systemic risk buffer) u rata ta’ riżerva tal-O-SII li taqbeż il-5 % tal-ammont rilevanti tal-iskopertura għar-riskju għal istituzzjoni ta’ kreditu partikolari u sett jew subsett ta’ skoperturi. Skont l-istess Artikoli tas-CRD, il-BERS għandu jipprovdi lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi notifika kif imsemmi fl-Artikolu 131(7) tas-CRD, b’opinjoni dwar jekk ir-rata kombinata ta’ riżerva ta’ SyRB u ta’ O-SII hijiex xierqa.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2020, il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż innotifika lill-BERS, skont l-Artikolu 133(11) tad-Direttiva 2013/36/UE kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja fl-1 ta’ Jannar 2020 (2), bl-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi rata ta’ SyRB ta’ 4,5 % applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha ta’ kreditu awtorizzati fin-Norveġja. Fl-4 ta’ Diċembru 2020, il-BERS adotta r-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar in-notifika Norveġiża tal-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi rata ta’ SyRB skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva(UE) 2013/36/UE (BERS/2020/14), li fiha rrakkomanda li r-rata proposta ta’ SyRB li għandha tiġi applikata fin-Norveġja jenħtieġ li titqies ġustifikata, xierqa, proporzjonata, effettiva u effiċjenti fir-rigward tar-riskju fil-mira tal-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż. Fl-4 ta’ Diċembru 2020, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, filwaqt li qies ir-rakkomandazzjoni tal-BERS imsemmija hawn fuq, adotta r-Rakkomandazzjoni mill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 1/2020/SC li fiha ma rrakkomanda l-ebda tibdil fil-miżura notifikata.

(4)

Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż innotifika lill-BERS dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrikjedi li tliet istituzzjonijiet iżommu riżerva O-SII tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, f’konformità mal-Artikolu 131 tas-CRD. Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-BERS ipprovda Opinjoni lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA li sabet li l-livell tar-riżervi tal-O-SII fl-akkumulazzjoni mas-SyRB huwa effettiv u proporzjonat biex jindirizza r-riskji identifikati. Fis-16 ta’ Diċembru 2022, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, b’kont meħud tal-Opinjoni tal-BERS imsemmija hawn fuq, adotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 2/2022/SC li awtorizzat lill-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż biex jimplimenta r-rati tar-riżerva tal-O-SII li jirriżultaw fir-rata kombinata ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII ogħla minn 5 % tal-ammont tal-iskopertura għar-riskju rilevanti għal tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu, għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena li jibda fis-16 ta’ Diċembru 2022.

(5)

Fis-26 ta’ Ġunju 2023, il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż bagħat notifika formali lill-BERS dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrikjedi li ċerti istituzzjonijiet iżommu riżerva tal-O-SII tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, f’konformità mal-Artikolu 131 tas-CRD. Il-BERS ipprovda lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA b’Opinjoni fit-3 ta’ Awwissu 2023 li sabet li l-livell riżervi tal-O-SII fl-akkumulazzjoni mas-SyRB kompla jkun effettiv u proporzjonat biex jindirizza r-riskji identifikati. Fil-21 ta’ Settembru 2023, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, b’kont meħud tal-Opinjoni tal-BERS imsemmija hawn fuq, adotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 3/2023/SC li awtorizzat lill-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż biex jimplimenta r-rati tar-riżerva tal-O-SII li jirriżultaw fir-rata kombinata ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII ogħla minn 5 % tal-ammont tal-iskopertura għar-riskju rilevanti għal tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu, għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena li jibda fil-21 ta’ Settembru 2023.

(6)

Fid-29 ta’ Awwissu 2024, il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż bagħat notifika formali lill-BERS dwar l-intenzjoni tiegħu li jiffissa mill-ġdid is-SyRB attwali bir-rata eżistenti tiegħu ta’ 4,5 %. Fl-istess data, il-MFN bagħat notifika formali lill-BERS dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrikjedi li ċerti istituzzjonijiet iżommu riżerva ta’ O-SII tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, f’konformità mal-Artikolu 131 tas-CRD. Is-Segretarjat tal-BERS irrikonoxxa li rċieva n-notifika fit-30 ta’ Awwissu 2024 u bagħatha, skont l-Artikolu 131(5a) CRD, lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA fl-istess jum.

(7)

Ir-riżerva ta’ O-SII notifikata se tapplika għal erba’ istituzzjonijiet ta’ kreditu domestiċi, li waħda minnhom tkun sussidjarja li l-entità prinċipali tagħha tkun stabbilita f’pajjiż ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea. Tlieta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu se jkunu soġġetti għal riżerva ta’ O-SII ta’ 1 % u waħda se tkun soġġetta għal riżerva ta’ 2 %.

(8)

Il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż identifika dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu bħala O-SIIs skont il-kriterji li ġejjin: (i) assi totali bħala sehem mill-prodott domestiku gross (PDG) tan-Norveġja u/jew (ii) self lis-settur privat mhux finanzjarju bħala sehem tas-self totali lis-settur privat mhux finanzjarju fin-Norveġja. Dawn il-kriterji huma elenkati bħala indikaturi fakultattivi fl-Anness 2 tal-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-kriterji biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 131(3) CRD fir-rigward tal-valutazzjoni tal-O-SIIs. (3) Minbarra dawn iż-żewġ kriterji ewlenin, il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż ikkunsidra wkoll l-indikaturi obbligatorji tal-Linji Gwida tal-EBA meta applika l-ġudizzju superviżorju tiegħu.

(9)

Billi 4,5 % tas-SyRB u r-riżervi ta’ O-SII proposti se jirriżultaw f’rata ta’ riżerva ogħla minn 5 %, il-BERS ipprovda lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA b’opinjoni dwar il-miżura proposta fid-9 ta’ Ottubru 2024.

(10)

Fl-opinjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2024, u n-Nota ta’ Valutazzjoni li takkumpanjah, il-BERS jirrevedi r-riskji indirizzati permezz tal-miżura proposta u jsib li r-riskji li jwasslu għall-iffissar mill-ġdid tar-riżervi ta’ O-SII jirriżultaw mir-rwol partikolarment importanti li għandhom l-O-SIIs fl-ekonomija Norveġiża.

(11)

Il-BERS jibqa’ tal-fehma li l-livell tar-riżervi ta’ O-SII fl-akkumulazzjoni mas-SyRB huwa xieraq u effettiv biex jindirizza r-riskji identifikati. F’dan ir-rigward il-BERS iqis li r-riżervi ta’ O-SII huma kumulattivi mas-SyRB eżistenti li tagħhom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma diġà soġġetti. Il-BERS jinnota li fiċ-ċirkostanzi attwali, ir-rati tal-bafer kumulattiv huma vvalutati bħala xierqa u effettivi biex jindirizzaw ir-riskji identifikati għal kull waħda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ miżuri. B’mod partikolari, ir-rati tar-riżerva kumulattiv ma jinvolvux effetti negattivi sproporzjonati fuq l-istabbiltà finanzjarja fin-Norveġja u lanqas ma huwa mistenni li jifforma jew joħloq ostaklu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(12)

Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA jieħu nota wkoll li l-BERS fin-Nota ta’ Valutazzjoni ta’ akkumpanjament isemmi li t-tim ta’ valutazzjoni tiegħu huwa tal-fehma li l-awtoritajiet Norveġiżi huma mħeġġa jimmonitorjaw l-impatt tal-bidliet regolatorji li ġejjin fuq l-effettività tal-miżuri tas-SyRB u tar-riżerva ta’ O-SII.

(13)

Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, wara li eżamina n-notifika mill-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż tad-29 ta’ Awwissu 2024 u wara li kkunsidra l-opinjoni tal-BERS, jivvaluta li l-kombinazzjoni tar-rata ta’ riżerva ta’ O-SII notifikata għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati u s-SyRB fis-seħħ għall-iskoperturi u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati ma tinvolvix effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew partijiet minnha ta’ Partijiet Kontraenti oħra taż-ŻEE, jew taż-ŻEE kollha kemm hi li jiffurmaw jew joħolqu ostaklu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Rati ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII

Il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż huwa b’dan awtorizzat li jimplimenta r-rati tar-riżerva ta’ O-SII li jirriżultaw fir-rata kombinata ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII ogħla minn 5 % tal-ammont rilevanti tal-iskopertura għar-riskju għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ġejjin, għal perjodu sa sena li jibda mill- 24 ta’ Ottubru 2024 , dment li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rati ta’ riżerva ta’ SyRB u O-SII jibqgħu ssodisfati:

Istituzzjoni ta’ kreditu

Rata ta’ riżerva kombinata ta’ SyRB u O-SII

DNB Bank ASA

6,5 %

Kommunalbanken AS

5,5 %

Nordea Eiendomskreditt AS

5,5 %

Sparebank 1 SR-Bank ASA

5,5 %

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż, Finansdepartementet, Akersgata 40, 0180 Oslo, Norway.

Artikolu 3

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.

F’isem il-Kumitat Permanenti

Il-President

Anders H. EIDE

Is-Segretarju Ġenerali

Kurt JÄGER


(1)  L-Opinjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-7 ta’ Ottubru 2024 dwar in-notifiki Norveġiżi tal-iffissar mill-ġdid tar-riżerva għal riskju sistemiku skont l-Artikolu 133 u l-iffissar mill-ġdid tar-riżerva O-SII skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ESRB/2024/6).

(2)  Qabel l-inkorporazzjoni fil-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 383/2021 tad-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonisti finanzjarji, kumpaniji azzjonisti finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni ta’ kapital.

(3)  EBA/GL/2014/10.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/400/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top