Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2022C0204

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Deċiżjoni Delegata Nru 204/22/COL tas-16 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni Nru 196/22/COL li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza fin-Norveġja marbuta ma’ tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja skont l-Artikolu 259(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 u l-Artikoli 21, 39 u 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 [2022/2511]

    ĠU L 325, 20.12.2022, p. 206–209 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/12/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2022/2511/oj

    20.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 325/206


    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA DEĊIŻJONI DELEGATA Nru 204/22/COL

    tas-16 ta’ Novembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 196/22/COL li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza fin-Norveġja marbuta ma’ tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja skont l-Artikolu 259(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 u l-Artikoli 21, 39 u 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 [2022/2511]

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment l-Artikoli 1(2) u 3 tal-Protokoll 1 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13. tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“ir-Regolament (UE) 2016/429”), (1) kif emendat u kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 257(1), 258(1), (2) u (3) u 259(1)(c) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13e. tal-Parti 1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (“ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687”) , (2) kif emendat u kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 21, 39 u 55 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-Punt 13a. tal-Parti 1.1. tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882”), (3) kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE permezz tal-adattamenti speċifiċi u settorjali msemmija fl-Anness I ta’ dak il-Ftehim, u b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Anness tiegħu,

    kif adattat għall-Ftehim dwar iż-ŻEE mill-punt 4(d) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE.

    Billi:

    L-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (highly pathogenic avian influenza, “HPAI”) hija marda virali infettiva fl-għasafar u jista’ jkollha impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-pollam li tikkawża tfixkil għall-kummerċ fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”). Il-viruses HPAI jistgħu jinfettaw għasafar migratorji, li mbagħad jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi twal matul il-migrazzjonijiet tagħhom fil-ħarifa u fir-rebbiegħa. Għalhekk, il-preżenza tal-viruses HPAI fl-għasafar selvaġġi toħloq theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses f’azjendi fejn jinżammu l-pollam jew l-għasafar miżmuma. Fil-każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinxtered f’azjendi oħra fejn jinżammu l-pollam jew l-għasafar miżmuma fil-magħluq.

    Ir-Regolament (UE) 2016/429, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 ilkoll japplikaw mill-21 ta’ April 2021.

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin. L-HPAI hija msemmija fl-Artikolu 9(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) 2016/429 bħala marda elenkata soġġetta għar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard stabbiliti fih. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 jelenka l-HPAI bħala marda tal-Kategorija A, D u E kif definit fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament.

    L-Artikolu 259(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) tirrevedi l-miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-awtoritajiet kompetenti Norveġiżi skont l-Artikolu 257(1)(a) jew 258 tal-istess Regolament fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), inkluża l-HPAI (“miżuri Norveġiżi”). L-Artikolu 259(1)(c) jirrikjedi li l-Awtorità, fejn tqis li jkun meħtieġ li jiġi evitat tfixkil mhux ġustifikat fil-moviment ta’ annimali u prodotti, tadotta miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 257(1) li japprovaw miżuri Norveġiżi.

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard tal-Kategoriji A, B u C stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429, inklużi l-miżuri ta’ kontroll tal-mard għall-HPAI. L-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-Kategorija A, inkluża l-HPAI. Din ir-reġjonalizzazzjoni hija applikata b’mod partikolari biex tippreserva l-istatus tas-saħħa tal-għasafar fil-bqija tat-territorju tan-Norveġja billi tipprevjeni l-introduzzjoni tal-aġent patoġeniku u tiżgura d-detezzjoni bikrija tal-marda.

    Fis-26 ta’ Ottubru 2022, l-Awtorità adottat id-Deċiżjoni 196/22/COL dwar miżuri ta’ emerġenza fin-Norveġja fir-rigward ta’ tifqigħa tal-HPAI. Fit-22 ta’ Ottubru 2022, in-Norveġja nnotifikat tifqigħa kkonfermata tal-HPAI f’azjenda fit-territorju tagħha ta’ madwar 7 000 għasfur li jbidu l-bajd għat-tifqis. (4)

    Fit-12 ta’ Novembru 2022, in-Norveġja nnotifikat tifqigħa kkonfermata ġdida tal-HPAI fit-territorju tagħha f’azjenda agrikola ta’ madwar 7 500 tiġieġa tal-bajd (“it-tieni tifqigħa tal-HPAI”). (5) Fil-15 ta’ Novembru 2022 wasal aġġornament għan-notifika (6). L-awtoritajiet kompetenti Norveġiżi ħadu l-miżuri meħtieġa għall-kontroll tal-mard f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar it-tieni tifqigħa tal-HPAI.

    Biex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fiż-ŻEE, jeħtieġ li jiġu deskritti malajr iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti min-Norveġja fir-rigward tat-tifqigħat tal-HPAI.

    Għaldaqstant, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza relatati mal-HPAI fin-Norveġja, fejn japplikaw il-miżuri ta’ kontroll tal-mard kif stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, huma elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li tapprova l-miżuri Norveġiżi skont l-Artikolu 259(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/429 u t-tul ta’ żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni speċifikata f’dak l-Anness.

    L-Awtorità eżaminat il-miżuri ta’ kontroll tal-marda b’kollaborazzjoni man-Norveġja, u hija sodisfatta li l-konfini taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja, jinsabu ’l bogħod biżżejjed minn kwalunkwe azjenda fejn ġiet ikkonfermata tifqigħa tal-HPAI.

    Għalhekk, iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 196/22/COL jinħtieġ li jiġu emendati.

    Fil-15 ta’ Novembru 2022, l-Awtorità, bid-Deċiżjoni Delegata tagħha Nru 203/22/COL (id-Dokument Nru 1327635), debitament ippreżentat l-abbozz tad-Deċiżjoni lill-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA f’konformità mal-Artikoli 259(1) u 266(2) tar-Regolament (UE) 2016/429. Fis-16 ta’ Novembru 2022, il-Kumitat tal-EFTA ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-abbozz tad-Deċiżjoni huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 196/22/COL jinbidel bit-test fl-Anness ta’ din id- Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-iffirmar tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-aħħar data msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li fiha l-miżuri ta’ kontroll tal-mard fi kwalunkwe waħda miż-żoni ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza ma jibqgħux applikabbli f’konformità mal-Artikoli 39 jew 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, kif rilevanti.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun awtentika fil-lingwa Ingliża.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi skont id-Deċiżjoni Delegata Nru 130/20/COL,

    Árni Páll ÁRNASON

    Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

    Melpo-Menie JOSÉPHIDÈS

    Kontrofirmatarju bħala Direttur,

    Affarijiet Legali u Eżekuttivi


    (1)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 179/2020 tal-11 ta’ Diċembru 2020.

    (2)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 3/2021 tal-5 ta’ Frar 2021.

    (3)  Inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 179/2020 tal-11 ta’ Diċembru 2020.

    (4)  Id-Dokument Nru 1322915.

    (5)  Id-Dokument Nru 1327550.

    (6)  Id-Dokument Nru 1328618.


    ANNESS

    Parti A

    Iż-żoni ta’ protezzjoni fin-Norveġja kif imsemmija fl-Artikoli 1 u 2

    Żona li tinkludi:

    Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687

    Adottata bid-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Numru:

    Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes u Sola fil-Kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.80459 E: 5.61203

    12.11.2022

    196/22/COL

    Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Sola fil-Kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.90047 E: 5.57987

    07.12.2022

    204/22/COL

    Parti B

    Iż-żoni ta’ sorveljanza fin-Norveġja kif imsemmija fl-Artikoli 1 u 3

    Żona li tinkludi:

    Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687

    Adottata bid-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Numru

    Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes, Sola u Time fil-Kontea ta’ Rogaland lil hinn miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.80459 E: 5.61203

    22.11.2022

    196/22/COL

    Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Klepp, Sandnes u Sola fil-Kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.80459 E: 5.61203

    Mit-12.11.2022 sat-22.11.2022

    196/22/COL

    Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Randaberg, Stavanger, Klepp, Sandnes u Sola fil-Kontea ta’ Rogaland, lil hinn miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.90047 E: 5.57987

    16.12.2022

    204/22/COL

    Il-partijiet tal-muniċipalitajiet ta’ Sola fil-Kontea ta’ Rogaland li jinsabu f’ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N: 58.90047 E: 5.57987

    Mit-08.12.2022 sas-16.12.2022

    204/22/COL


    Top