Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2013P0019

Azzjoni mressqa fis- 16 ta' Awwissu 2013 minn Konkurrenten.no AS kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (Kawża E-19/13)

ĠU C 347, 28.11.2013, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/32


Azzjoni mressqa fis-16 ta' Awwissu 2013 minn Konkurrenten.no AS kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

(Kawża E-19/13)

2013/C 347/13

Azzjoni kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tressqet quddiem il-Qorti tal-EFTA fis-16 ta' Awwissu 2013 minn Konkurrenten.no AS, irrappreżentata minn Jon Midthjell, advokat, Advokatfirmaet Midthjell AS, Grev Wedels plass 5, 0151 Oslo, in-Norveġja.

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-EFTA sabiex:

(1)

Tannulla d-deċiżjoni ESA Nru 519/12/COL tad-19 ta’ Diċembru 2012 (AS Oslo Sporveier u AS Sporveisbussene), u tordna lill-konvenut u lil kwalunkwe intervenjent iħallsu l-ispejjeż;

(2)

Tannulla d-deċiżjoni ESA Nru 181/13/COL tat-8 ta’ Mejju 2013 (Kollektivtransportproduksjon AS, Oslo Vognselskap AS u Unibuss AS), u tordna lill-konvenut u lil kwalunkwe intervenjent iħallsu l-ispejjeż;

(3)

Tordna lill-ESA (u lil kwalunkwe intervenjent) biex iħallsu l-ispejjeż.

L-isfond legali u fattwali u l-eċċezzjonijiet ġuridiċi miġjuba bħala sostenn:

Ir-rikorrent, Konkurrenten.no AS, huwa operatur privat fis-suq tal-karozzi tal-linja espress bejn ir-reġjuni ċentrali u fin-Nofsinhar tan-Norveġja.

Ir-rikorrent fetaħ kawża ta’ ilment dwar għajnuna mill-Istat mal-ESA fil-11 ta’ Awwissu 2006 u t-tieni lment intbagħat fit-8 ta’ Settembru 2011 dwar l-għajnuna lil AS Oslo Sporveier.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għalqet il-każ li jikkonċerna l-ewwel ilment mingħajr investigazzjoni formali fil-21 ta’ Ġunju 2010. Din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti tal-EFTA fit-22 ta’ Awwissu 2011 fil-Kawża E-14/10 Konkurrenten.no AS vs. ESA [2011] il-Qorti tal-EFTA, p. 266.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tat-28 ta’ Marzu 2012 biex jingħata bidu għal investigazzjoni formali għal għajnuna potenzjali lil AS Oslo Sporveier u AS Sporveisbussene ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu, fil-5 ta’ Lulju 2012.

B’deċiżjoni li ttieħdet fid-19 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għalqet l-investigazzjoni formali dwar l-għajnuna potenzjali għal AS Oslo Sporveier u AS Sporveisbussene. Fit-8 ta’ Mejju 2013, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ħadet deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat allegata lil Kollektivtransportproduksjon AS, Oslo Vognselskap AS u Unibuss AS. L-ebda deċiżjoni għadha ma ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali jew fis-Suppliment taż-ŻEE.

Minn din l-azzjoni preżenti r-rikorrent jitlob li jiġu annullati ż-żewġ deċiżjonijiet.

Ir-rikorrent jiddikkjara, inter alia, li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA:

 

Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni (tad-19 ta’ Diċembru 2012):

ikklassifikat l-injezzjoni ta’ kapital illegalment, parti minnha bħala għajnuna eżistenti u parti oħra li ma kinitx għajnuna u kklassifikat il-kumpens ta' somma f’daqqa annwali bħala għajnuna eżistenti; kif ukoll

kisret l-Artikolu 61 taż-ŻEE fir-rigward tal-użu akkumulat ta’ pożizzjonijiet ta’ taxxa negattivi kontra kontributi tal-grupp.

 

Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni (tat-8 ta’ Mejju 2013):

kisret id-dover tagħha li tiftaħ investigazzjoni formali billi kklassifikat it-tranżazzjoni illegalment bħala għajnuna eżistenti mill-Istat u kklassifikat is-self ta' likwidità u kuntratti ta’ skadenza qasira mogħtija mingħajr kompetizzjoni illegalment li ma kinux għajnuna; kif ukoll

kisret id-dover tagħha li tibda investigazzjoni formali dwar garanziji mogħtija mingħajr ħlas ta’ primjum, u self ta' infrastruttura pubblika fit-tul mogħti lil AS Oslo Sporveier dwar it-termini disponibbli lill-muniċipalità nnifisha, billi kklassifikat illegalment il-miżuri bħala għajnuna eżistenti.


Top