Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2012P0006

    Azzjoni mressqa fid- 19 ta' Ġunju 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra r-Renju tan-Norveġja (Kawża E-6/12)

    ĠU C 360, 22.11.2012, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 360/6


    Azzjoni mressqa fid-19 ta' Ġunju 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra r-Renju tan-Norveġja

    (Kawża E-6/12)

    2012/C 360/05

    Fid-19 ta' Ġunju 2012 l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis u Fiona M.Cloarec, li qegħdin jaġixxu ta' Aġenti tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, 35 Rue Belliard, 1040 Brussell, Belgium ħadet azzjoni kontra r-Renju tan-Norveġja fil-Qorti tal-EFTA.

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

    (1)

    Billi żamm fis-seħħ il-prattika amministrattiva li ma jiġix ivvalutat jekk tfal, li jgħixu flimkien ma' ġenitur ieħor barra n-Norveġja, humiex prinċipalment dipendenti fuq il-ġenitur li qed jgħix fin-Norveġja u sseparat mill-ġenitur l-ieħor, r-Renju tan-Norveġja qed jikser l-Artikolu 1(f)(i), it-tieni sentenza, flimkien mal-Artikolu 76 tal-Att imsemmi fil-punt 1 tal-Anness VI tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, kif emendat), kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu.

    (2)

    Ir-Renju tan-Norveġja jbati l-ispejjeż tal-proċedimenti.

    L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

    Il-Kapitolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jirregola l-koordinazzjoni tal-għoti ta' benefiċċji tal-familja f'każijiet transkonfinali.

    L-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jiddefinixxi t-terminu “membru tal-familja” bħala “kull persuna definita u magħrufa bħala membru tal-familja jew nominata bħala membru ta' familja taħt saqaf wieħed bil-leġiżlazzjoni li fuqha jiġu provvduti l-benefiċċji (…); fejn, iżda, dawn il-leġiżlazzjonijiet jikkunsidraw bħala membru tal-familja jew membru tal-unità domestika dik il-persuna biss li tkun qed tgħix taħt l-istess saqaf bħala l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha jew student, din il-kundizzjoni tiġi kkunsidrata ssodisfata jekk il-persuna kkonċernata hija primarjament dipendenti fuq dik il-persuna. (…)”.

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li skont l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, il-benefiċċji tal-familja huma benefiċċji maħsuba sabiex jippermettu li wieħed mill-ġenituri jiddedika ruħu jew ruħha għat-trobbija ta' tfal żgħar, u mfassla biex jitħallas is-servizz għat-trobbija tat-tfal, biex jitħallsu spejjeż oħra għall-kura u għat-trobbija tat-tfal, u, skont il-każ, biex jittaffew l-iżvantaġġi finanzjarji involuti meta wieħed iċedi d-dħul minn attività ta' xogħol.

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li l-għan tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 huwa li jkun garantit lill-membri tal-familja ta' ħaddiema, residenti fi Stat ieħor taż-ŻEE, l-għoti ta' benefiċċji tal-familja provdut għalihom fil-leġislazzjoni applikabbli tal-Istat li miegħu l-ħaddiem ikun affiljat.

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li l-prassi amministrattiva, skont liema, f'każijiet transkonfinali, l-awtoritajiet Norveġiżi (jiġifieri s-Servizz Norveġiż tax-Xogħol u tas-Servizzi Soċjali, in-NAV), jivvalutaw jekk il-ġenitur li jaħdem fin-Norveġja jkollux ir-residenza regolari tiegħu mal-familja tiegħu fi Stat ieħor taż-ŻEE matul il-perjodi meta hu ma jkunx qed jaħdem fin-Norveġja, u mingħajr ma jivvalutaw jekk it-tfal humiex “prinċipalment dipendenti fuq” il-ġenitur li jaħdem fin-Norveġja – huwa fi ksur tal-Artikolu 1(f)(i), it-tieni sentenza, flimkien mal-Artikolu 76 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71.


    Top