Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2011P0016

    Azzjoni mressqa fil- 15 ta’ Diċembru 2011 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda (Każ E-16/11)

    ĠU C 44, 16.2.2012, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/21


    Azzjoni mressqa fil-15 ta’ Diċembru 2011 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda

    (Każ E-16/11)

    2012/C 44/06

    Fil-15 ta’ Diċembru 2011 l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis u Gjermund Mathisen, li qegħdin jaġixxu ta’ Aġenti, 35, Rue Belliard, 1040 Brussell, Belgium, ħadet azzjoni kontra l-Islanda fil-Qorti tal-EFTA.

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

    1.

    Tiddikjara li, billi naqset milli tiżgura l-ħlas tal-ammont minimu ta’ kumpens lid-depożitaturi fl-Icesave fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit kif previst fl-Artikolu 7(1) tal-Att imsemmi fil-punt 19a tal-Anness IX għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti) fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Att, l-Islanda naqset milli tikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn dak l-att, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4, 7 u 10, u/jew l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

    u

    2.

    Tordna lill-Islanda biex tħallas l-ispejjeż.

    L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

    Id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 imsemmija fil-punt 19a tal-Anness IX għall-Ftehim taż-ŻEE, kif emendat, tipprovdi għal regoli armonizzati minimi rigward l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti. Fil-ħin inkwistjoni, id-Direttiva 94/19/KE kienet implimentata fil-liġi Islandiża permezz tal-Att Nru 98/1999 dwar Skemi ta’ Garanziji għad-Depożiti u ta’ Kumpens għall-Investituri. Skont id-Direttiva 94/19/KE, l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti għandhom ikopru d-depożiti aggregati ta’ kull depożitatur sa ECU/EURO 20 000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

    Fil-bidu ta’ Ottubru 2008, il-bank Islandiż Landsbanki Íslands hf. falla u ttieħed f'idejn l-Istat Islandiż. Id-depożitaturi fil-fergħat barranin ta’ Landsbanki (“Icesave”) fir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi tilfu l-aċċess għad-depożiti tagħhom.

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li billi naqset milli tiżgura l-ħlas ta’ ammont minimu ta’ kumpens lid-depożitaturi fl-Icesave fil-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit fil-limiti taż-żmien stabbiliti fid-Direttiva 94/19/KE, l-Islanda naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikoli 3(1), 4(1), 7(1) u 10(1) tad-Direttiva 94/19/KE. Barra minn hekk jew f’każ ieħor, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li l-Islanda kisret il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità skont l-Artikolu 4 taż-ŻEE.


    Top