EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2011G0001

Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 1/2011/SC tad- 29 ta’ Settembru 2011 dwar il-verifika tal-programmi u l-proġetti skont il-Mekkaniżmu Finanzjarju (2009–2014)

ĠU L 341, 22.12.2011, p. 67–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/1(3)/oj

22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/67


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA

Nru 1/2011/SC

tad-29 ta’ Settembru 2011

dwar il-verifika tal-programmi u l-proġetti skont il-Mekkaniżmu Finanzjarju (2009–2014)

IL-KUMITAT PERMANENTI TAL-ISTATI TAL-EFTA

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn ‘il quddiem riferut bħala l-Ftehim taż-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE bejn l-2009 u l-2014,

Wara li kkunsidra l-Protokoll 38b dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE, imdaħħal fil-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Ftehim imsemmi hawn fuq bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE bejn l-2009 u l-2014,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja għall-perjodu 2009–2014,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 5/2010/KP tad-9 ta’ Diċembru 2010 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti Nru 4/2004/KP li tistabbilixxi Kumitat tal-Mekkaniżmu Finanzjarju (1),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA Nru 6/2010/KP tad-9 ta’ Diċembru 2010 li testendi x-xogħlijiet tal-Uffiċċju għall-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u l-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja (2),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-ESA/Qorti Nru 5/2002 tat-23 ta’ Ottubru 2002 dwar il-Mandat tal-Bord tal-Awdituri tal-EFTA (“Stati Membri tal-EFTA li huma membri taż-ŻEE”),

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Bord tal-Awdituri għandu jaġixxi bħala l-awtorità suprema għall-verifika tal-programmi u l-proġetti skont il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2009–2014 (minn hawn ’il quddiem riferut bħala “l-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE”). Dan jinkludi l-verifika tal-programmi u l-proġetti fl-Istati Benefiċjarji, il-ġestjoni tal-programmi u l-proġetti mill-Istati Benefiċjarji u l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. Il-Bord tal-Awdituri jista' wkoll iwettaq verifika tal-Uffiċju tal-Mekkaniżmu Finanzjarju fir-rigward tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE.

Artikolu 2

Il-Bord tal-Awdituri għandu jikkonsisti f'ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jagħmlu parti mill-Ftehim taż-ŻEE u preferibbilment li huma membri tal-istituzzjonijiet supremi tal-verifika tal-Istati tal-EFTA. Għandhom joffru kull garanzija ta’ indipendenza. Uffiċjal tal-EFTA ma jistax jinħatar awditur qabel ikun spiċċa l-intervall ta’ tliet snin mit-tmiem tal-kariga tiegħu ma’ kwalunkwe istituzzjoni tal-EFTA.

Artikolu 3

Il-membri tal-Bord tal-Awdituri li jwettqu verifiki skont l-Artikolu 1 għandhom ikunu l-istess persuni li jiġu maħtura fi u għall-istess mandat kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-ESA/Qorti, Nru 1 tas-26 ta’ Mejju 2010 mill-bidu tal-kariga tal-Membri tal-Bord tal-Awdituri tal-EFTA (“Stati Membri tal-EFTA li huma membri taż-ŻEE”). Hekk kif jiskadi l-mandat tagħhom il-membri tal-Bord tal-Awdituri li jwettqu verifiki skont l-Artikolu 1 għandhom ikunu l-persuni maħtura skont id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-ESA/Qorti.

Artikolu 4

Il-membri tal-Bord tal-Awdituri għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 5

Il-membri tal-Bord tal-Awdituri għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-persuna jew persuni fdati bil-verifiki korrispondenti skont il-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2009–2014 fil-verifiki tal-attivitajiet relatati maż-żewġ Mekkaniżmi Finanzjarji.

Artikolu 6

In-nefqa fir-rigward ta’ verifiki xierqa u proporzjonati msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun iffinanzjata mill-baġit amministrattiv tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. Abbażi ta’ baġit propost mill-Bord tal-Awdituri u rakkomandazzjoni mill-Kumitat tal-Mekkaniżmu Finanzjarju, il-Kumitat Permanenti għandu jaqbel dwar l-ammont li għandu jingħata għal dan l-iskop.

Artikolu 7

Il-Bord tal-Awdituri jista' jqabbad esperti esterni sabiex jgħinuh. L-esperti esterni jridu jissodisfaw l-istess kriterji ta’ indipendenza u jikkonformaw mal-istess dmir ta’ kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 6 bħall-membri tal-Bord tal-Awdituri.

Artikolu 8

Il-Bord tal-Awdituri għandu jinforma lill-KMF u jirrapporta lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA dwar il-verifika msemmija fl-Artikolu 1. Huwa jista' jressaq proposti għall-azzjoni.

Artikolu 9

Il-Bord tal-Awdituri għandu jipproponi t-termini ta’ referenza tiegħu dwar il-verifika msemmija fl-Artikolu 1 u jressaqhom, wara konsultazzjoni mal-KMF, quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għall-adozzjoni.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett immedjat.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2011.

F'isem il-Kumitat Permanenti

Il-President

Kurt JÄGER

Is-Segretarju Ġenerali

Kåre BRYN


(1)  ĠU L 78, 24.3.2011, p. 57.

(2)  ĠU L 78, 24.3.2011, p. 58.


Top