Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2009C0190

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 190/09/COL tat- 22 ta’ April 2009 li temenda, għad-disgħa u sittin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi ddaħħal kapitolu rivedut dwar il-qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali

    ĠU L 15, 20.1.2011, p. 26–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/190(2)/oj

    20.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 15/26


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 190/09/COL

    tat-22 ta’ April 2009

    li temenda, għad-disgħa u sittin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi ddaħħal kapitolu rivedut dwar il-qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

    BILLI skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

    BILLI skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti hekk jipprovdu espressament jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,

    FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (4),

    BILLI, fil-25 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-Kummissjoni tal-KE) adottat Komunikazzjoni li temenda l-qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (5),

    BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    BILLI għandha tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

    BILLI, skont il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma’ dawk li adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,

    WARA LI KKONSULTAT mal-Kummissjoni Ewropea,

    FILWAQT LI TFAKKAR li l-Awtorità kkonsultat lill-Istati tal-EFTA dwar is-suġġett b’ittra datata 31 ta’ Marzu 2009,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (minn issa ‘l quddiem il-“Qafas Temporanju”), japplika mid-29 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

    Il-Qafas Temporanju jipprevedi, fid-dispożizzjonijiet aħħarija tiegħu, li fejn dan ikun ta’ għajnuna, l-Awtorità tista’ wkoll tipprovdi aktar kjarifiki dwar l-approċċ tagħha lejn kwistjonijiet partikolari.

    L-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju wriet in-neċessità li jiddaħħlu kjarifiki addizzjonali dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, il-qafas eżistenti għall-iffissar tar-rati ta’ referenza u ta’ skont u l-applikazzjoni tal-għajnuna fil-forma ta’ garanziji.

    Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati billi jiddaħħlu emendi għall-Kapitolu tal-Linji Gwida intitolati Qafas Temporanju għall-miżuri dwar l-għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali.

    L-emendi li ġejjin għall-Qafas Temporanju se jidħlu fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni:

    1.

    Fil-Punt 4.1, jiżdied il-paragrafu li jmiss:

    “Għalhekk l-Istati tal-EFTA għandhom juru li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma nnotifikati lill-Awtorità skont dan il-qafas huma neċessarji, xierqa u proporzjonati biex jirrimedjaw tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat tal-EFTA u li l-kundizzjonijiet kollha jkunu rispettati bis-sħiħ.”

    2.

    Il-punt 4.3.2 hu emendat kif ġej:

    (a)

    L-ittri (a) u (b) huma mibdulin b’li ġej:

    “(a)

    għall-IŻM, l-Istati tal-EFTA jagħtu tnaqqis ta’ sa 25 % tal-primjum ta’ kull sena li għandu jitħallas għal garanziji ġodda mogħtija skont id-dispożizzjonijiet dwar il-limit ta’ eżenzjoni hekk kif stabbilit fl-Anness (*).

    (b)

    għall-kumpaniji kbar, l-Istati tal-EFTA jagħtu wkoll tnaqqis ta’ sa 15 % tal-primjum ta’ kull sena għal garanziji ġodda kkalkulati fuq il-bażi tal-istess dispożizzjonijiet dwar il-limit ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Anness.

    (*)  Il-primjums fl-Anness jirfinaw id-dispożizzjonijiet dwar il-limit ta’ eżenzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji billi jagħti kas tal-livelli differenti ta’ sigurtà. Jistgħu jintużaw ukoll bħala punt ta’ referenza biex ikun ikkalkulat l-element tal-għajnuna kumpatibbli għal miżuri ta’ garanzija li jaqgħu taħt il-punt 4.2 ta’ dan il-qafas.

    Il-kalkolu tal-primjums fil-limitu ta’ eżenzjoni speċifiċi huwa bbażat fuq il-marġni pprovduti mil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont, b’mod li jagħti kas ta’ tnaqqis addizzjonali ta’ 20 punt bażi (ara n-nota 12 ta’ qiegħ il-paġna tal-Linji Gwida msemmija hawn fuq). Għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni, madankollu, il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni kif iffissat fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji baqa’ l-limitu ta’ fuq tal-primjums għal kull kategorija ta’ valutazzjoni. Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-livelli differenti ta’ sigurtà ara n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna fil-paġna1 tal-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont.”

    "

    (b)

    L-ittra (f) hija mibdula b’li ġej:

    “(f)

    Il-garanzija ma taqbiżx id-90 % tas-self għall-perjodu tas-self.”

    (ċ)

    L-ittra (h) hija mibdula b’li ġej:

    “(h)

    It-tnaqqis tal-primjum tal-garanzija hu applikat matul perjodu massimu ta’ sentejn wara l-għoti tal-garanzija. Jekk il-perjodu tas-self sottostanti jaqbeż is-sentejn, l-Istati tal-EFTA jistgħu japplikaw, għal perjodu massimu addizzjonali ta’ tmien snin, il-primjums fil-limitu ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Anness mingħajr tnaqqis.”

    3.

    Il-Punt 4.4.1. huwa mibdul b’li ġej:

    “4.4.1

    Il-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw minn 60 sa 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self jiġi mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.”

    4.

    Il-Punt 4.5.1. huwa mibdul b’li ġej:

    “4.5.1

    Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw minn 60 sa 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self ġie mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.”

    5.

    L-Anness li jmiss hu miżjud:

    “ANNESS

    Qafas Temporanju dwar il-limiti ta’ eżenzjoni f’punti bażi (**)

    Kategorija ta’ klassifikazzjoni (Standard & Poor’s)

    Sigurtà

    Għolja

    Normali

    Baxxa

    AAA

    40

    40

    40

    AA+

    AA

    AA-

    40

    40

    40

    A+

    A

    A-

    40

    55

    55

    BBB+

    BBB

    BBB-

    55

    80

    80

    BB+

    BB

    80

    200

    200

    BB-

    B+

    200

    380

    380

    B

    B-

    200

    380

    630

    CCC u inqas

    380

    630

    980

    Il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Iżlanda, lill-Prinċipalità tal-Liechtenstein u lir-Renju tan-Norveġja.

    Artikolu 3

    Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2009.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

    Per SANDERUD

    President

    Kurt JÄGER

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

    (2)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim taż-ŻEE”.

    (3)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

    (4)  Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ĠU”) L 231, 3.9.1994, p. 1 u s-Suppliment ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 1. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fid-29 ta’ Jannar 2009. Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat”. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fil-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/guidelines/

    (5)  Il-verżjoni kkonsolidata ġiet ippubblikata fil-ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1.

    (**)  Għall-kumpaniji li m’għandhomx storja tal-kreditu jew klassifikazzjoni bbażata fuq metodu li jiffoka fuq il-karta tal-bilanċ (bħal ċerti kumpaniji b’għan speċjali jew kumpaniji li għadhom jibdew), l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu tnaqqis ta’ sa 15 % (25 % għall-IŻM) fuq il-primjum fil-limitu ta’ eżenzjoni speċifiku li hu stabbilit għal 3,8 % fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji. Madankollu, il-primjum ma jista’ qatt ikun inqas mill-primjum li kien ikun applikabbli għall-kumpanija jew kumpaniji prinċipali.”


    ANNESS

    Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali

    1.   IL-KRIŻI FINANZJARJA, L-IMPATT TAGĦHA FUQ L-EKONOMIJA REALI U L-ĦTIEĠA GĦAL MIŻURI TEMPORANJI

    1.1.   Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali

    (1)

    Fis- 26 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem “il-Kummissjoni”) adottat il-Komunikazzjoni “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (il-“Pjan għall-Irkupru”) biex tixpruna l-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi finanzjarja attwali (1). Il-Pjan għall-Irkupru huwa bbażat fuq żewġ elementi ewlenin li jirrinfurzaw reċiprokament lil xulxin. L-ewwel nett, miżuri fuq medda qasira ta’ żmien biex ikabbru d-domanda, isalvaw l-impjiegi u jgħinu sabiex terġa’ tinbena l-fiduċja u, it-tieni nett, “investiment għaqli” biex jipproduċi tkabbir akbar u prosperità sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien aktar fit-tul. Il-Pjan għall-Irkupru se jintensifika u jħaffef riformi li diġà nbdew taħt l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

    (2)

    F’dan il-kuntest, l-isfida hija li wieħed jevita intervent pubbliku li jimmina l-għan ta’ anqas għajnuna mill-Istat u għajnuna mill-Istat li hija mmirata aħjar. Madankollu, f’ċerti kundizzjonijiet, teżisti l-ħtieġa għal għajnuna temporanja ġdida mill-Istat.

    (3)

    L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (minn issa ’l quddiem “l-Awtorità”) hija tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti għodod ġodda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod li tinkiseb l-akbar flessibbilta possibbli biex il-kriżi tiġi missielta filwaqt li jinżammu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u jiġu evitati restrizzjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni. Dawn il-Linji Gwida jagħtu d-dettalji dwar numru ta’ opportunitajiet temporanji addizzjonali għall-Istati tal-EFTA biex jagħtu għajnuna mill-Istat.

    (4)

    L-ewwelnett, il-kriżi finanzjarja kellha impatt qawwi fuq is-settur bankarju fiż-ŻEE u ta’ kobor li qatt ma kien hemm bħalu fl-Iżlanda. Il-Kunsill Ewropew saħaq li, għalkemm l-intervent pubbliku għandu jkun deċiż fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li dan isir fi ħdan qafas koordinat u fuq il-bażi ta’ għadd ta’ prinċipji Komunitarji komuni (2). Il-Kummissjoni rreaġixxiet mill-ewwel b’diversi miżuri inkluża l-adozzjoni ta’ Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali (3) u ta’ numru ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-għajnuna għas-salvataġġ lil istituzzjonijiet finanzjarji. L-Awtorità adottat miżuri korrispondenti (4).

    (5)

    Aċċess suffiċjenti u bi prezzijiet konvenjenti għall-finanzjament huwa kundizzjoni ta’ minn qabel għall-investiment, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi mis-settur privat. Jeħtieġ li l-Istati tal-EFTA jużaw l-influwenza li kisbu b’riżultat tal-forniment ta’ sostenn finanzjarju sostanzjali lis-settur bankarju biex jiżguraw li dan is-sostenn ma jwassalx sempliċiment għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-banek mingħajr ebda benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi. Is-sostenn għas-settur finanzjarju għandu għalhekk ikun immirat tajjeb biex jiggarantixxi li l-banek jissoktaw bl-attivitajiet ta’ tislif normali tagħhom. L-Awtorità se tqis dan meta teżamina l-għajnuna mill-Istat lill-banek.

    (6)

    Filwaqt li s-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji tidher li qed titjieb, l-impatt sħiħ tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali issa qed jinħass. Tnaqqis serju ħafna qed jaffettwa l-ekonomija aktar wiesgħa u li jkollu impatt fuq l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-impjiegi. B’mod partikolari, b’konsegwenza tal-kriżi fis-swieq finanzjarji, il-banek għaddejjin minn proċess ta’ tnaqqis fil-livell tad-dejn u qed isiru inqas lesti li jieħdu riskji milli kienu fi snin preċedenti li b’hekk qed iwassal għal restrizzjoni fil-kreditu. Il-kriżi finanzjarja tista’ twassal għar-razzjonar tal-kreditu, tnaqqis fid-domanda u reċessjoni.

    (7)

    Diffikultajiet bħal dawn jistgħu mhux biss jolqtu kumpaniji dgħajfa mingħajr protezzjoni mill-aspett ta’ solvenza, iżda wkoll kumpaniji b’saħħithom li se jaffaċċjaw nuqqas f’daqqa jew saħansitra indisponibbiltà ta’ kreditu. Dan se jkun il-każ partikolarment għall-impriżi żgħar u medji (“IŻM”) li, f’kull każ, jaffaċċjaw iktar diffikultajiet minn kumpaniji akbar biex jiksbu aċċess għall-finanzjament. Sitwazzjoni bħal din tista’ mhux biss serjament tolqot is-sitwazzjoni ekonomika ta’ bosta kumpaniji b’saħħithom u l-impjegati tagħhom fuq medda qasira u medja ta’ żmien imma jista’ jkollha effetti negattivi li jdumu aktar minħabba li l-investimenti kollha taż-ŻEE fil-futur – b’mod partikolari lejn tkabbir sostenibbli u għanijiet oħrajn tal-Istrateġija ta’ Liżbona – jistgħu jiddewmu jew anki jiġu abbandunati.

    1.2.   Il-ħtieġa għal koordinazzjoni mill-qrib ta’ miżuri ta’ għajnuna nazzjonali fiż-ŻEE

    (8)

    Fis-sitwazzjoni finanzjarja attwali, l-Istati tal-EFTA jistgħu jkollhom it-tentazzjoni li jaqdfu għal rashom u li jidħlu f’tellieqa tas-sussidji biex jappoġġjaw lill-kumpaniji tagħhom. L-esperjenza tal-passat turi li azzjoni individwali ta’ dan it-tip ma tistax tkun effettiva u tista’ tkun ta’ dannu serju għas-suq intern. Meta jingħata s-sostenn, filwaqt li wieħed iqis bis-sħiħ is-sitwazzjoni ekonomika prevalenti speċifika, hu kruċjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet u opportunitajiet ugwali għall-kumpaniji taż-ŻEE u li jiġi evitat li l-Istati tal-EFTA jidħlu fi tlielaq ta’ għoti ta’ sussidji li ma jkunux sostenibbli u li jkunu ta’ ħsara għaż-ŻEE kollha kemm hi. Il-politika tal-kompetizzjoni teżisti biex tiżgura li dan isir.

    1.3.   Il-ħtieġa ta’ miżuri temporanji ta’ għajnuna mill-Istat

    (9)

    Il-miżuri temporanji addizzjonali li jipprovdu għalihom dawn il-Linji Gwida għandhom żewġ għanijiet: L-ewwel nett, fid-dawl tal-problemi eċċezzjonali u tranżitorji ta’ finanzjament marbuta mal-kriżi bankarja, biex jiġi żblukkat it-tislif mill-banek lill-kumpaniji u b’hekk tiġi garantita l-kontinwità tal-aċċess tagħhom għall-finanzjament. F’dan ir-rigward, l-IŻM huma partikolarment importanti għall-ekonomija kollha kemm hi fiż-ŻEE u t-titjib tal-qagħda finanzjarja tagħhom ikollu wkoll effetti pożittivi għall-kumpaniji l-kbar, u b’hekk ikun ta’ appoġġ għat-tkabbir u l-immodernizzar ekonomiku globali fuq medda twila ta’ żmien.

    (10)

    It-tieni għan huwa li l-kumpaniji jiġu inkoraġġuti jkomplu jinvestu fil-ġejjieni, b’mod partikolari f’ekonomija bi tkabbir sostenibbli. Tabilħaqq, jekk, b’riżultat tal-kriżi attwali, il-progress sinjifikanti li nkiseb fil-qasam ambjentali jitwaqqaf jew saħansitra jitreġġa’ lura, jista’ jkun hemm konsegwenzi possibbilment drammatiċi. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li jingħata appoġġ temporanju lill-kumpaniji talli jinvestu fi proġetti ambjentali (li, fost affarijiet oħrajn, jista’ jagħti vantaġġ teknoloġiku lill-industrija taż-ŻEE) u b’hekk jiġu magħquda l-appoġġ finanzjarju urġenti u meħtieġ ma’ benefiċċji fit-tul għaż-ŻEE.

    (11)

    Dawn il-Linji Gwida l-ewwel ifakkru d-diversi opportunitajiet għal appoġġ pubbliku li diġà huma għad-dispożizzjoni tal-Istati tal-EFTA taħt ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat, qabel ma jistipulaw miżuri addizzjonali ta’ għajnuna mill-Istat li l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu temporanjament sabiex jissanaw id-diffikultajiet li bħalissa qed jiltaqgħu magħhom xi kumpaniji rigward aċċess għall-finanzjament u sabiex jippromwovu investiment b’għanijiet ambjentali.

    (12)

    L-Awtorità tqis li l-istrumenti ta’ għajnuna proposti huma l-aktar strumenti xierqa biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    2.   MIŻURI ĠENERALI TA’ POLITIKA EKONOMIKA

    (13)

    Il-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku ġie adottat b’reazzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika attwali. Fid-dawl tal-iskala tal-kriżi, il-Komunità teħtieġ approċċ koordinat, li huwa kbir u kuraġġjuż biżżejjed biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji. L-istess ħaġa hija minnha għall-irkupru fl-Istati tal-EFTA.

    (14)

    L-għanijiet strateġiċi tal-Pjan għall-Irkupru huma li:

    jistimula malajr id-domanda u jżid il-fiduċja tal-konsumaturi;

    jnaqqas l-impatt negattiv uman tat-tnaqqis ekonomiku u l-impatt tiegħu fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Bosta ħaddiema u l-familji tagħhom huma milquta mill-kriżi jew se jiġu milquta minnha. Tista’ tittieħed azzjoni biex jitwaqqaf it-telf tal-impjiegi u biex imbagħad in-nies jiġu megħjuna jirritornaw malajr fis-suq tax-xogħol, pjuttost milli jaffaċċjaw qgħad fit-tul.

    jgħin lill-Ewropa tipprepara sabiex tieħu vantaġġ meta jerġa’ jibda t-tkabbir, sabiex l-ekonomija Ewropea tkun armonizzata mad-domandi għall-kompetittività u s-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet tal-futur, kif deskritti fl-Istrateġija ta’ Liżbona. Dan ifisser li jkun hemm appoġġ għall-innovazzjoni, li tinbena ekonomija bbażata fuq l-għarfien u li titħaffef il-bidla lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

    (15)

    Sabiex jilħqu dawn l-għanijiet, l-Istati tal-EFTA diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom numru ta’ strumenti li ma jitqiesux bħala għajnuna mill-Istat. Pereżempju, jista’ jkun li xi kumpaniji qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet aktar serji ta’ aċċess għall-finanzjament minn kumpaniji oħrajn u għalhekk ikollhom idewmu jew saħansitra iħassru l-finanzjament neċessarju għat-tkabbir tagħhom u biex iwettqu l-investimenti ppjanati. Għal dan l-għan, l-Istati tal-EFTA jistgħu jadottaw sensiela ta’ miżuri ta’ politika ġenerali, li jkunu applikabbli għall-kumpaniji kollha fit-territorji rispettivi tagħhom u li konsegwentement ma jaqgħux taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jkollhom l-għan li jtaffu temporanjament problemi ta’ finanzjament fuq medda qasira u medja ta’ żmien. Pereżempju, jistgħu jiġu estiżi l-iskadenzi għall-pagament ta’ ħlasijiet tas-sigurtà soċjali u ħlasijiet simili, jew saħansitra tat-taxxi, jew jistgħu jiġu introdotti miżuri għall-impjegati. Jekk miżuri bħal dawn ikunu disponibbli għall-impriżi kollha, fil-prinċipju, dawn ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat.

    (16)

    L-Istati tal-EFTA jistgħu wkoll jagħtu appoġġ finanzjarju direttament lill-konsumaturi, pereżempju biex jiddisponu minn prodotti qodma u/jew jixtru prodotti ekoloġiċi. Jekk din l-għajnuna tingħata mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini tal-prodott, ma tqajjimx diffikultajiet rigward għajnuna mill-Istat.

    (17)

    Barra minn dan, jistgħu jintużaw programmi ġenerali tal-Komunità, bħall-programm ta’ Qafas ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (2007 sa 2013) stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u s-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għall-aħjar riżultati possibbli, biex iwasslu sostenn kemm lill-IŻM kif ukoll lill-impriżi l-kbar.

    3.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT POSSIBBLI TAĦT STRUMENTI EŻISTENTI

    (18)

    Matul l-aħħar snin, l-Awtorità mmodernizzat sinjifikatament ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tinkoraġġixxi l-Istati tal-EFTA biex jiddirezzjonaw aħjar l-appoġġ pubbliku lejn investimenti sostenibbli u b’hekk jikkontribwixxu għall-istrateġija ta’ Liżbona. F’dan il-kuntest, sar enfażi partikolari fuq l-IŻM flimkien ma’ aktar possibbiltajiet sabiex tingħata għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ġew issimplifikati u aġġornati ħafna fir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa li ġie adottat dan l-aħħar (7) u li issa joffri lill-Istati tal-EFTA varjetà wiesgħa ta’ miżuri ta’ għajnuna b’piż amministrattiv minimu. Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, l-istrumenti eżistenti ta’ għajnuna mill-Istat li ġejjin huma ta’ importanza partikolari:

    (19)

    Ir-Regolament de minimis  (8) kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE jispeċifika li miżuri ta’ sostenn ta’ mhux aktar minn EUR 200 000 għal kull kumpanija matul kull perjodu ta’ tliet snin ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat skont it-tifsira Ftehim taż-ŻEE. L-istess Regolament jipprovdi wkoll li garanziji ta’ sa EUR 1,5 miljun ma jissuperawx il-limitu de minimis u għaldaqstant huma ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu garanziji bħal dawn mingħajr ma jikkalkulaw l-ekwivalenti li jikkorrispondi f’għajnuna u mingħajr piżijiet amministrattivi.

    (20)

    Ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) imsemmi hawn fuq jifforma element ċentrali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi jissimplifika l-proċedura tal-għajnuna mill-Istat għal xi miżuri importanti ta’ għajnuna u billi jinkoraġġixxi d-direzzjoni mill-ġdid tal-għajnuna mill-Istat lejn għanijiet prijoritarji taż-ŻEE. Ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li kienu diġà jeżistu flimkien ma’ oqsma ġodda (innovazzjoni, ambjent, riċerka u żvilupp għal kumpaniji kbar u miżuri ta’ kapital ta’ riskju għall-IŻM) inġabru kollha fi strument wieħed. Fil-każijiet kollha koperti mill-GBER, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna mingħajr notifika bil-quddiem lill-Awtorità. Għaldaqstant, il-ħeffa tal-proċess hija totalment f’idejn l-Istati tal-EFTA. Il-GBER huwa ta’ importanza partikolari għall-IŻM peress li jipprovdi għal regoli speċjali għal għajnuna għall-investiment u għall-impjiegi esklussivament għall-IŻM. Barra minn dan, is-26 miżura kollha koperti huma disponibbli għall-IŻM u dan jippermetti lill-Istati tal-EFTA biex jakkumpanjaw lill-IŻM fl-istadji differenti tal-iżvilupp tagħhom, filwaqt li jgħinuhom f’oqsma li jkopru mill-aċċess għall-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi, il-miżuri ambjentali, eċċ.

    (21)

    Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali (9) jipprovdu li l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat, inter alia kif ġej:

    għajnuna lil kumpaniji li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom lil hinn mill-istandards tal-Komunità jew, fin-nuqqas ta’ tali standards, ta’ sa 70 % tal-ispejjeż żejda għall-investment (sa 80 % fil-qasam tal-innovazzjoni ambjentali) għall-impriżi ż-żgħar u sa 100 % għall-ispejjeż żejda għall-investiment jekk l-għajnuna tingħata fi proċess ta’ appalt ġenwinament kompetittiv u dan anki għal kumpaniji kbar; hija wkoll permessa għajnuna għal adattament bikri għal standards futuri tal-Komunità u għajnuna għal studji ambjentali.

    fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded u l-koġenerazzjoni, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna operattiva biex ikopru l-ispejjeż żejda għall-produzzjoni kollha.

    sabiex jinkisbu l-miri ambjentali għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’effett serra, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna li tippermetti lill-impriżi jiksbu ffrankar tal-enerġija u għajnuna għal sorsi ta’ enerġija li tiġġedded u koġenerazzjoni sa 80 % tal-ispejjeż żejda għall-investiment għall-impriżi ż-żgħar u sa 100 % għall-ispejjeż żejda għall-investiment jekk l-għajnuna tingħata fi proċess ta’ appalt ġenwinament kompetittiv.

    (22)

    Fis-7 ta’ Frar 2007, l-Awtorita adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Dak it-test fih dispożizzjonijiet ġodda dwar l-innovazzjoni, immirati speċifikament lejn l-IŻM u li jikkorrispondu wkoll għal direzzjonar aħjar tal-għajnuna lejn il-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir skont il-linji stabbilita mill-Istrateġija ta’ Liżbona. B’mod partikolari, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat, inter alia, kif ġej:

    għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u żvilupp, b’mod partikolari għajnuna għal riċerka fundamentali ta’ sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli u għajnuna għal riċerka industrijali ta’ sa 80 % għal impriżi żgħar;

    għajnuna għal impriżi ġodda u innovattivi ta’ sa EUR 1 miljun u saħansitra aktar minn dan f’reġjuni assistiti, għajnuna għal raggruppamenti ta’ innovazzjoni, għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza għall-innovazzjoni u għajnuna għal servizzi ta’ sostenn għall-innovazzjoni;

    għajnuna għat-tislif ta’ persuna bi kwalifiki għoljin, għajnuna għal studji ta’ fattibbiltà teknika, għajnuna għal innovazzjoni fil-proċessi u innovazzjoni organizzattiva fis-servizzi u għajnuna għal spejjeż ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali għal IŻM.

    (23)

    It-taħriġ huwa element ewlieni ieħor għall-kompetittività. Huwa ta’ importanza kritika li jinżamm l-investiment fit-taħriġ sabiex jiġu żviluppati ħiliet ġodda, anki fi żmien meta l-qgħad qed jiżdied. Skont il-GBER il-ġdid, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna għat-taħriġ kemm ġenerali kif ukoll speċifika lill-kumpaniji ta’ sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

    (24)

    Fl-2008, l-Awtorità adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji, li jispeċifikaw taħt liema kundizzjonijiet il-garanziji pubbliċi għal self ma jammontawx għal għajnuna mill-Istat. Skont dawk il-Linji Gwida, garanziji mhumiex meqjusa bħala għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari meta jitħallas prezz tas-suq għalihom. Minbarra li jiċċaraw il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu jekk hemmx għajnuna fil-forma ta’ garanziji jew le, il-Linji Gwida l-ġodda jintroduċu wkoll, għall-ewwel darba, primjums fil-limitu ta’ eżenzjoni speċifiċi għall-IŻM, li jippermettu użu aktar faċli iżda sikur ta’ garanziji sabiex jiġi inkoraġġut il-finanzjament ta’ IŻM.

    (25)

    Fil-25 ta’ Ottubru 2006 ġew adottati mill-Awtorità Linji Gwida ġodda biex tippromwovi l-investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi żgħar u medji. Dawn huma mmirati lejn IŻM innovattivi u li qed jikbru malajr – punt fokali ewlieni tal-Istrateġija ta’ Liżbona. L-Awtorità stabbiliet limitu minimu ġdid ta’ eżenzjoni ta’ EUR 1,5 miljun għal kull IŻM fil-mira, jiġifieri żieda ta’ 50 %. Taħt dan il-limitu, l-Awtorità taċċetta, fil-prinċipju, li hemm nuqqas ta’ mezzi alternattivi ta’ finanzjament mis-swieq finanzjarji (jiġifieri li jeżisti falliment tas-suq). Barra minn dan, l-għajnuna għall-kapital ta’ riskju ġiet inkluża fil-GBER.

    (26)

    F’reġjuni żvantaġġati, l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu għajnuna għall-investiment għat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, għall-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti jew għad-diversifikazzjoni għal prodotti ġodda taħt il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013, li ilhom applikabbli sa minn Jannar 2007.

    (27)

    Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 jintroduċu wkoll forma ġdida ta’ għajnuna biex jiġu pprovduti inċentivi biex isostnu negozji li qed jiġu stabbiliti u l-istadju bikri tal-iżvilupp tal-impriżi ż-żgħar f’żoni assistiti.

    (28)

    Skont il-Linji Gwida eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà, l-Istati tal-EFTA jistgħu wkoll jagħtu għajnuna lil kumpaniji li jirrikjedu sostenn pubbliku. Għal dan l-iskop, l-Istati tal-EFTA jistgħu jinnotifikaw skemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ u/jew ristrutturar għall-IŻM.

    4.   APPLIKABILITÀ TAL-ARTIKOLU 61(3)(b)

    4.1.   Prinċipji ġenerali

    (29)

    Skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE l-Awtorità tista’ tiddikjara kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE għajnuna “biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat tal-EFTA”. Din id-dispożizzjoni hija identika għall-Artikolu 87(3)(b) KE, li dwaru l-Qorti Ewropea tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet li t-taħwid irid jolqot lill-ekonomija kollha kemm hi tal-Istat Membru kkonċernat u mhux biss l-ekonomija ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu jew partijiet mit-territorju tiegħu. Dan, barra minnhekk, jikkonforma mal-ħtieġa li kull dispożizzjoni ta’ deroga bħall-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE tiġi strettament interpretata (10).

    (30)

    Din l-interpretazzjoni stretta ġiet applikata konsistentement mill-Kummissjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha (11). L-Awtorità adottat ukoll interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE (12).

    (31)

    F’dan il-kuntest, l-Awtorità tikkunsidra li l-kriżi finanzjarja globali attwali tirrikjedi, lil hinn minn sostenn ta’ emerġenza għas-sistema finanzjarja, reazzjonijiet eċċezzjonali ta’ politika.

    (32)

    L-Istati kollha tal-EFTA se jkunu affettwati minn din il-kriżi, għalkemm b’modi differenti u fi gradi differenti, u huwa probabbli li jiżdied il-qgħad, tonqos id-domanda u l-pożizzjonijiet fiskali jmorru għall-agħar.

    (33)

    Fid-dawl tas-serjetà tal-kriżi finanzjarja attwali u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija globali tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità tqis li xi kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat huma ġġustifikati, għal perjodu limitat, biex dawn id-diffikultajiet jiġu rrimedjati u li dawn jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tiegħu.

    (34)

    Għalhekk l-Istati tal-EFTA għandhom juru li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma nnotifikati lill-Awtorità skont dan il-qafas huma neċessarji, xierqa u proporzjonati biex jirrimedjaw tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat tal-EFTA u li l-kundizzjonijiet kollha jkunu rispettati bis-sħiħ.

    4.2.   Ammont limitat ta’ għajnuna kompatibbli

    4.2.1.   Il-qafas eżistenti

    (35)

    L-Artikolu 2 tar-Regolament de minimis  (13) kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE jiddikjara li:

    “Il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE u għaldaqstant għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika tal-Artikolu 2 tal-Parti II tal-Protokoll 3 ta’ mal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

    L-għajnuna de minimis totali mogħtija lil kwalunkwe impriża waħda m’għandhiex tissupera l-EUR 200 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. L-għajnuna de minimis totali mogħtija lil kwalunkwe impriża waħda attiva fis-settur tat-trasport bit-triq m’għandhiex tissupera l-EUR 100 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Dawn il-limiti japplikaw irrispettivament mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-għan ta’ tali għajnuna u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat tal-EFTA hijiex finanzjata totalment jew parzjalment minn riżorsi ta’ oriġini Komunitarja. Il-perjodu li għandu jitqies huwa ddeterminat permezz ta’ referenza għall-eżerċizzji fiskali użati mill-impriża fl-Istat tal-EFTA kkonċernat”.

    4.2.2.   Miżura ġdida

    (36)

    Il-kriżi finanzjarja qiegħda tolqot mhux biss kumpaniji dgħajfa strutturalment iżda wkoll kumpaniji li se jaffaċċjaw nuqqas f’daqqa jew anki indisponibbiltà ta’ kreditu. Titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-kumpaniji jkollu effetti pożittivi fuq l-ekonomija kollha taż-ŻEE.

    (37)

    Għaldaqstant, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika attwali, huwa meqjus neċessarju li jiġi permess temporanjament l-għoti ta’ ammont limitat ta’ għajnuna li madankollu jaqa’ barra mill-ambitu tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE minħabba li jeċċedi l-limitu indikat fir-Regolament de minimis.

    (38)

    L-Awtorità se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (a)

    l-għajnuna ma tkunx taqbeż għotja fi flus ta’ EUR 500 000 għal kull impriża; il-figuri kollha użati għandhom ikunu gross, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxi jew spejjeż oħra; fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra għajr għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għajnuna bħala għotja grossa;

    (b)

    l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ skema;

    (ċ)

    l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà (14) fl-1 ta’ Lulju 2008; tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika; l-iskema ta’ għajnuna ma tkunx tapplika għal impriżi attivi fis-settur tas-sajd;

    (d)

    l-għajnuna ma tkunx għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna li tiffavorixxi prodotti nazzjonali fuq dawk importati;

    (e)

    l-għajnuna tingħata mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010;

    (f)

    qabel ma jagħti l-għajnuna, l-Istat tal-EFTA ikun kiseb dikjarazzjoni mill-impriża kkonċernata, f’forma miktuba jew elettronika, dwar kull għajnuna de minimis oħra u għajnuna relatata ma’ dan il-paragrafu, li rċeviet matul is-sena fiskali kurrenti u jivverifika li din mhijiex se tgħolli l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta mill-impriża matul il-perjodu 1 ta’ Jannar 2008 sa 31 ta’ Diċembru 2010 għal livell li jissupera l-limitu ta’ EUR 500 000;

    (g)

    din il-miżura ta’ għajnuna ma tkunx tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli; tista’ tapplika għal impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli (15) sakemm l-ammont tal-għajnuna jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-kwantità ta’ tali prodotti mixtrija minn produtturi primarji jew impoġġija fis-suq mill-impriżi kkonċernati, jew l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li tingħadda parzjalment jew totalment lil prodotturi primarji (16).

    4.3.   Għajnuna fil-forma ta’ garanziji

    4.3.1.   Il-qafas eżistenti

    (39)

    Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji għandhom l-għan li jagħtu lill-Istati tal-EFTA gwida dettaljata dwar il-prinċipji li fuqhom l-Awtorità għandha l-ħsieb li ssejjes l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-applikazzjoni tagħhom għall-garanziji statali. B’mod partikolari, il-Linji Gwida jispeċifikaw taħt liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li m’hemmx għajnuna mill-Istat. It-test imsemmi hawn fuq ma jipprovdi l-ebda kriterji ta’ kompatibbiltà għall-valutazzjoni tal-garanziji.

    4.3.2.   Miżura ġdida

    (40)

    Sabiex jiġi inkoraġġit ulterjorment l-aċċess għall-finanzjament u biex titnaqqas l-istmerrija għolja attwali għar-riskju tal-banek, garanziji tas-self sussidjati għal perjodu limitat jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament.

    (41)

    L-Awtorità se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim tż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tiegħu, sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

    (a)

    għall-IŻM, l-Istati tal-EFTA jagħtu tnaqqis ta’ sa 25 % tal-primjum ta’ kull sena li għandu jitħallas għal garanziji ġodda mogħtija skont id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta’ eżenzjoni hekk kif stabbilit fl-Anness (17);

    (b)

    għall-kumpaniji kbar, l-Istati tal-EFTA jagħtu wkoll tnaqqis ta’ sa 15 % tal-primjum ta’ kull sena għal garanziji ġodda kkalkulati fuq il-bażi tal-istess dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta’ eżenzjoni hekk kif stabbilit fl-Anness;

    (ċ)

    meta l-element ta’ għajnuna fi skemi ta’ garanzija huwa kkalkulat permezz ta’ metodoloġiji diġà aċċettati mill-Awtorità wara n-notifika tagħhom skont regolament inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (18), l-Istati tal-EFTA jistgħu wkoll jagħtu tnaqqis simili ta’ sa 25 % tal-primjum annwali li għandu jitħallas għal garanziji ġodda għall-IŻM u sa 15 % għal kumpaniji kbar.

    (d)

    is-self massimu ma jistax jissupera l-ammont totali annwali dovut f’pagi mill-benefiċjarju (inklużi l-piżijiet soċjali kif ukoll l-ispiża tal-persunal li jaħdem fuq is-sit tal-kumpanija iżda li l-paga tiegħu formalment titħallas minn subkuntratturi) għall-2008. Fil-każ ta’ kumpaniji li nħolqu wara l-1 ta’ Jannar 2008, is-self massimu ma jistax jissupera l-ammont annwali stmat li se jkun dovut f’pagi għall-ewwel sentejn tal-operat tagħha;

    (e)

    il-garanziji għandhom jingħataw mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010;

    (f)

    il-garanzija ma taqbiżx id-90 % tas-self għall-perjodu tas-self;

    (g)

    il-garanzija tista’ tirrigwarda kemm self għall-investiment kif ukoll self għall-kapital ċirkolanti;

    (h)

    it-tnaqqis tal-primjum tal-garanzija hu applikat matul perjodu massimu ta’ sentejn wara l-għoti tal-garanzija. Jekk il-perjodu tas-self sottostanti jaqbeż is-sentejn, l-Istati tal-EFTA jistgħu japplikaw, għal perjodu massimu addizzjonali ta’ tmien snin, il-primjums dwar il-limitu ta’ eżenzjoni stabbiliti fl-Anness mingħajr tnaqqis.

    (i)

    l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà (19) fl-1 ta’ Lulju 2008; tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika;

    4.4.   Għajnuna fil-forma ta’ rata tal-imgħax sussidjata

    4.4.1.   Il-qafas eżistenti

    (42)

    Il-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw bejn 60 u 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self ġie mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

    4.4.2.   Miżura ġdida

    (43)

    Fiċ-ċirkostanzi attwali tas-suq, il-kumpaniji jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex isibu finanzjament. Għaldaqstant l-Awtorità se taċċetta li self pubbliku jew privat mogħti b’rata tal-imgħax li tkun minn tal-anqas ekwivalenti għar-rata overnight tal-bank ċentrali miżjuda bi primjum ekwivalenti għad-differenza bejn ir-rata medja ta’ fost il-banek għal sena waħda u r-rata overnight medja tal-bank ċentrali matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat- 30 ta’ Ġunju 2008, flimkien mal-primjum għar-riskju tal-kreditu li jikkorrispondi għall-profil ta’ riskju tal-benefiċjarju, kif stipulat mil-Linji Gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont.

    (44)

    L-element ta’ għajnuna li jinstab fid-differenza bejn din ir-rata tal-imgħax u r-rata ta’ referenza definita mil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont se jkun ikkunsidrat, fuq bażi temporanja, kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tiegħu, sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

    (a)

    dan il-metodu jkun japplika għall-kuntratti kollha konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2010; jista’ jkopri self għal kwalunkwe tul ta’ żmien: ir-rati mnaqqsa tal-imgħax jistgħu jiġu applikati għal pagamenti tal-imgħax qabel il-31 ta’ Diċembru 2012 (20); wara dik id-data għandha tapplika għas-self rata tal-imgħax għall-inqas ugwali għar-rata definita fil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont;

    (b)

    l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008 (21); tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

    4.5.   Għajnuna għall-produzzjoni ta’ prodotti ekoloġiċi

    4.5.1.   Il-qafas eżistenti

    (45)

    Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont jistabbilixxu metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ referenza, ibbażat fuq ir-rata ta’ sena waħda offruta bejn il-banek (inter-bank offered rate – IBOR) miżjuda b’marġni li jvarjaw bejn 60 u 1 000 punti bażi, skont l-affidabbiltà finanzjarja tal-kumpanija u l-livell ta’ garanzija li toffri. Il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont jista’ jkun emendat mill-Awtorità, sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Jekk l-Istati tal-EFTA japplikaw il-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont stabbilit fil-Linji Gwida fis-seħħ fil-waqt meta s-self ġie mogħti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, ir-rata ta’ mgħax, fil-prinċipju, ma tinkludix għajnuna mill-Istat.

    4.5.2.   Miżura ġdida

    (46)

    Minħabba l-kriżi finanzjarja attwali, il-kumpaniji qed jiltaqgħu wkoll ma’ aktar diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-produzzjoni ta’ prodotti aktar ekoloġiċi. L-għajnuna fil-forma ta’ garanziji tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiffinanzja proġetti li jiswew ħafna u li għandhom l-għan li jżidu l-ħarsien ambjentali billi jadattaw aktar kmieni għal normi futuri li għadhom ma daħlux fis-seħħ jew billi jmorru lil hinn minn tali standards.

    (47)

    L-Awtorità tqis li l-għanijiet ambjentali għandhom jibqgħu prijorità minkejja l-kriżi finanzjarja. Il-produzzjoni ta’ prodotti aktar ekoloġiċi, inklużi prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, hija fl-interess komuni taż-ŻEE u huwa importanti li l-kriżi finanzjarja ma tkunx ta’ ostakolu għal dan il-għan.

    (48)

    Għaldaqstant, miżuri addizzjonali fil-forma ta’ self sussidjat jistgħu jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ “prodotti ekoloġiċi”. Madankollu, is-self sussidjat jkun il-kawża ta’ distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni u għalhekk għandu jkun strettament limitat għal sitwazzjonijiet speċifiċi u investiment immirat.

    (49)

    L-Awtorità tqis li, għal perjodu limitat ta’ żmien, l-Istati tal-EFTA għandhom jingħataw il-possibbiltà li jagħtu għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fir-rata tal-imgħax.

    (50)

    Fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità se tqis kumpatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE kwalunkwe sussidju fuq ir-rata tal-imgħax għal self għall-investiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    l-għajnuna tkun tirrigwarda self għall-investiment għall-finanzjament ta’ proġetti li jikkonsistu fil-produzzjoni ta’ prodotti ġodda li jtejbu b’mod sinjifikanti l-ħarsien ambjentali;

    (b)

    l-għajnuna tkun neċessarja għat-tnedija ta’ proġett ġdid; fil-każ ta’ proġetti eżistenti, l-għajnuna tista’ tingħata jekk issir neċessarja, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika l-ġdida, biex jitkompla l-proġett;

    (ċ)

    l-għajnuna tingħata biss għal proġetti li jikkonsistu fil-produzzjoni ta’ prodotti li jinvolvu adattament bikri għal, jew li jmorru lil hinn minn, standards Komunitarji futuri għall-prodotti (22) li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali u li għadhom mhumiex fis-seħħ;

    (d)

    għal prodotti li jinvolvu adattament bikri għal, jew li jmorru lil hinn minn, standards ambjentali futuri tal-Komunità, l-investiment għandu jibda mhux iktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2010 bl-għan li l-prodott jitpoġġa fis-suq minn tal-anqas sentejn qabel id-dħul fis-seħħ tal-istandard;

    (e)

    is-self jista’ jkopri l-ispejjeż tal-investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli (23) bl-eċċezzjoni ta’ self għal investimenti li jirrappreżentaw kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ aktar minn 3 % fis-swieq tal-prodotti (24) fejn ir-rata tat-tkabbir annwali medja, matul l-aħħar ħames snin qabel il-bidu tal-investiment, tal-konsum apparenti fis-suq ŻEE, imkejla f’dejta dwar il-valur, baqgħet anqas mir-rata tat-tkabbir annwali medja tal-PGD taż-ŻEE matul l-istess perjodu ta’ referenza ta’ ħames snin.

    (f)

    is-self ikun ingħata sal-31 ta’ Diċembru 2010;

    (g)

    għall-kalkolu tal-għajnuna, il-punt tat-tluq għandha tkun ir-rata individwali tal-benefiċjarju kkalkulata fuq il-bażi tal-metodoloġija li tinsab fil-punt 4.4.2 ta’ dawn il-Linji Gwida. Fuq il-bażi ta’ din il-metodoloġija, il-kumpanija tista’ tgawdi minn tnaqqis tar-rata tal-imgħax ta’:

    25 % għall-kumpaniji l-kbar;

    50 % għall-IŻM.

    (h)

    ir-rata sussidjata tal-imgħax tapplika matul perjodu massimu ta’ sentejn wara l-għoti tas-self;

    (i)

    it-tnaqqis fir-rata tal-imgħax jista’ jiġi applikat għas-self mogħti mill-Istat jew minn istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi u għal self mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji privati. Għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn entitajiet pubbliċi u privati;

    (j)

    l-għajnuna tingħata biss lil impriżi li ma kinux f’diffikultà (25) fl-1 ta’ Lulju 2008; tista’ tingħata lil impriżi li ma kinux f’diffikultà f’dik id-data iżda li ltaqgħu mad-diffikultà wara b’riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika;

    (k)

    l-Istati tal-EFTA jiżguraw li l-għajnuna ma tiġix trasferita direttament jew indirettament lil entitajiet finanzjarji.

    4.6.   Miżuri ta’ kapital ta’ riskju

    4.6.1.   Il-qafas eżistenti

    (51)

    Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sabiex għajnuna mill-Istat li ssostni investiment ta’ kapital ta’ riskju tkun tista’ titqies kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftahim taż-ŻEE f’konformità mal-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE.

    (52)

    Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġi inkoraġġit il-kapital ta’ riskju, l-Awtorità tqis li m’hemm l-ebda falliment tas-suq tal-kapital ta’ riskju ġenerali fiż-ŻEE. Madankollu hija taċċetta li hemm nuqqasijiet fis-suq għal xi tipi ta’ investiment f’ċerti stadji tal-iżvilupp tal-impriżi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ tqabbil tal-provvista u d-domanda għal kapital ta’ riskju u li jistgħu jiġu deskritti b’mod ġenerali bħala nuqqas ta’ ekwità.

    (53)

    Il-punt 4.3 tal-Linji Gwida msemmijin hawn fuq jipprovdi li għal porzjonijiet ta’ finanzjament li ma jissuperawx il-EUR 1,5 miljun għal kull IŻM fil-mira matul kull perjodu ta’ tnax-il xahar, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-falliment tas-suq huwa preżunt u ma jeħtieġx li jintwera mill-Istati tal-EFTA.

    (54)

    Il-punt 5.1(a) tal-istess Linji Gwida jiddikjara li “l-Awtorità taf bit-tibdil kontinwu fis-suq tal-kapital ta’ riskju u n-nuqqas ta’ ekwità tul iż-żmien, kif ukoll dwar il-grad differenti tal-effett fuq l-impriżi mill-falliment tas-suq, li jiddependi fuq id-daqs tagħhom, l-istadju tal-iżvilupp tan-negozju tagħhom u s-settur ekonomiku tagħhom. Għaldaqstant l-Awtorità lesta tikkunsidra li tiddikjara miżuri ta’ kapital ta’ riskju li jipprovdu għal porzjonijiet ta’ investiment li jissuperaw il-limitu ta’ EUR 1,5 miljun għal kull impriża kull sena kompatibbli mas-suq komuni sakemm tiġi ppreżentata l-evidenza meħtieġa tal-falliment tas-suq”.

    4.6.2.   Adattament temporanju tar-regoli eżistenti

    (55)

    It-taqlib fis-suq finanzjarju kellu effett negattiv fuq is-suq tal-kapital ta’ riskju għal IŻM li għadhom fil-bidu tat-tkabbir tagħhom billi llimita d-disponibbiltà tal-kapital ta’ riskju. Minħabba l-perċezzjoni attwali assoċjata mal-kapital ta’ riskju li r-riskju kiber ħafna u li hi marbuta ma’ inċertezzi li jirriżultaw mill-possibbiltà ta’ aspettattivi ta’ inqas dħul, l-investituri attwalment għandhom it-tendenza li jinvestu f’tipi ta’ assi aktar sikuri b’riskji li jistgħu jiġu vvalutati aktar faċilment meta pparagunati ma’ dawk assoċjati ma’ investimenti f’kapital ta’riskju. Barra minn dan, in-natura mhux likwida ta’ investimenti f’kapital ta’ riskju bħalissa żvelat ruħha bħala diżinċentiv ieħor għall-investituri. Hemm evidenza li l-likwidità ristretta li tirriżulta taħt iċ-ċirkostanzi attwali tas-suq żiedet in-nuqqas ta’ ekwità għall-IŻM. Huwa għalhekk meqjus xieraq li l-limitu ta’ eżenzjoni għal investimenti f’kapital ta’ riskju jiżdied temporanjament biex dan in-nuqqas miżjud ta’ ekwità attwali jimtela’ u li titnaqqas temporanjament il-perċentwali ta’ parteċipazzjoni minima ta’ investituri privati għal 30 % ukoll fil-każ ta’ miżuri intiżi għal IŻM f’żoni mhux assistiti.

    (56)

    Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim taż-ŻEE, ċerti limiti stabbiliti mil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’impriżi ta’ daqs żgħir u medju huma temporanjament adattati sal-31 ta’ Diċembru 2010 kif ġej:

    (a)

    għall-finijiet tal-punt 4.3.1 il-porzjonijet massimi tal-finanzjament huma miżjuda sa EUR 2,5 miljun minn EUR 1,5 miljun għal kull IŻM fil-mira matul kull perjodu ta’ tnax-il xahar;

    (b)

    għall-finijiet tal-punt 4.3.4, il-finanzjament minimu li għandu jkun ipprovdut minn investituri privati hu 30 % kemm fiż-żoni assistiti kif ukoll barra minnhom;

    (ċ)

    kundizzjonijiet oħrajn li jinsabu fil-Linji Gwida jibqgħu applikabbli;

    (d)

    dan l-adattament temporanju tar-regoli eżistenti ma japplikax għal miżuri dwar kapital ta’ riskju koperti mill-GBER;

    (e)

    l-Istati tal-EFTA jistgħu jadattaw skemi approvati biex jirriflettu l-adattament temporanju tal-linji gwida.

    4.7.   Akkumulazzjoni

    (57)

    Il-limiti tal-għajnuna stabbiliti skont dawn il-Linji Gwida se japplikaw irrispettivament minn jekk l-appoġġ għall-proġett megħjun ikunx iffinanzjat għal kollox minn riżorsi tal-Istat jew parzjalment iffinanzjat mill-Komunità.

    (58)

    Il-miżuri ta’ għajnuna temporanja previsti f’dawn il-Linji Gwida ma jistgħux jiġu akkumulati ma’ għajnuna li taqa’ fil-kamp tar-Regolament de minimis għall-istess spejjeż eliġibbli. Jekk l-impriża tkun irċeviet diġà għajnuna de minimis qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-qafas temporanju, l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta taħt il-miżuri koperti mill-punti 4.2 ta’ dawn il-Linji Gwida u l-għajnuna de minimis irċevuta ma jistax jissupera l-EUR 500 000 bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2010. L-ammont ta’ għajnuna de minimis irċevuta mill-1 ta’ Jannar 2008 għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ għajnuna kompatibbli mogħti għall-istess skop taħt il-punti 4.3, 4.4, 4.5 jew 4.6.

    (59)

    Il-miżuri ta’ għajnuna temporanja jistgħu jiġu kumulati ma’ għajnuna kompatibbli oħra jew ma’ tipi oħra ta’ finanzjament Komunitarju sakemm l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna indikati fil-Linji Gwida jew fir-Regolamenti ta’ Eżenzjoni Sħiħa relevanti jkunu rispettati.

    5.   MIŻURI TA’ SIMPLIFIKAZZJONI

    5.1.   Assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir

    (60)

    Il-Linji Gwida dwar l-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien jistipulaw li r-riskji li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati ma jistgħux ikunu koperti mill-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni bis-sostenn tal-Istati tal-EFTA. Ir-riskji kummerċjabbli huma riskji kummerċjali u politiċi ta’ debituri pubbliċi u mhux pubbliċi stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-Linji Gwida, b’perjodu massimu ta’ riskju ta’ anqas minn sentejn. Ir-riskji li jirrigwardaw debituri stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati tal-EFTA flimkien mas-sitt membri l-oħrajn tal-OECD huma kkunsidrati kummerċjabbli.

    (61)

    L-Awtorità tqis li, b’konsegwenza tal-kriżi finanzjarja attwali, m’hemmx nuqqas ta’ kapaċità ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni f’kull Stat tal-EFTA, iżda ma jistax jiġi eskluż li f’xi pajjiżi jista’ jkun li l-kopertura għal riskji kummerċjabbli tkun temporanjament indisponibbli.

    (62)

    Il-punt 4, paragrafi 9 sa 13, tal-Linji Gwida msemmijin hawn fuq, jgħid li:

    “f’ċirkustanzi bħal dawn, dawk ir-riskji temporanjament mhux kummerċjabbli jistgħu jittieħdu fuq il-kont ta’ assigurant ta’ esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għal riskji mhux kummerċjabbli assigurati għall-kont ta’ jew bil-garanzija tal-Istat. L-assigurant għandu, sa fejn hu possibbli, jallinea r-rati tal-premjum tiegħu għal dawn ir-riskji mar-rati imposti imkien ieħor minn assiguranti ta’ esportazzjonijiet bi kreditu privati għat-tip ta’ riskju in kwistjoni.

    Stat tal-EFTA li jkollu l-ħsieb li juża l-klawsola ta’ ħruġ għandu jinnotifika immedjatament lill-Awtorita tas-Sorveljanza tal-EFTA bl-abbozz ta’ deċiżjoni tiegħu. Dik in-notifika għandu jkun jinsab fiha rapport dwar is-suq li juri n-nuqqas ta’ disponibilità ta’ kopertura għar-riskji fis-suq privat tal-assigurazzjoni billi jipproduċi evidenza tiegħu minn żewġ assiguranti ta’ esportazzjonijiet bi kreditu privati internazzjonali, kbar u magħrufin sew kif ukoll assigurant ta’ kreditu nazzzjonali, b’hekk jiġġustifika l-użu tal-klawsola ta’ ħruġ. Inkella, wieħed jista’ possibbilment iressaq evidenza tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kopertura fis-suq privat tal-assigurazzjoni permezz ta’ rapport tas-suq minn konsulent indipendenti li l-Awtorita tkun tqisu serju u imparzjali. Barra minn hekk, in-notifika għandu jkun fiha deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet li l-assigurant ta’ esportazzjonijiet bi kreditu pubbliku jew appoġġat pubblikament għandu l-ħsieb li japplika fir-rigward ta’ dawn ir-riskji.

    Fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta’ din in-notifika, l-Awtorita teżamina jekk l-użu tal-klawsola ta’ ħruġ ikunx skont il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq u kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE.

    Jekk l-Awtorità ssib li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawsola ta’ ħruġ huma milħuqin, id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibiltà hi limitata għal sentejn mid-data tad-deċiżjoni, sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq li jiġġustifikaw l-użu tal-klawsola ta’ ħruġ ma jinbidlux matul dak il-perjodu.

    Iktar minn hekk, l-Awtorità tista’, b’konsultazzjoni mal-Istati l-oħrajn tal-EFTA, tirrevedi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola ta’ ħruġ; tista’ tiddeċiedi wkoll li ma tkomplihiex jew li tbiddilha b’sistema xierqa oħra”.

    (63)

    Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma applikabbli għal kumpaniji kbar u għal IŻM, huma strument xieraq fis-sitwazzjoni ekonomika attwali jekk l-Istati tal-EFTA jikkunsidraw li mhijiex disponibbli kopertura fis-suq tal-assigurazzjoni privata għal xi riskji kummerċjabbli ta’ kreditu u/jew għal xi xerrejja ta’ protezzjoni tar-riskju.

    (64)

    F’dan il-kuntest, sabiex tħaffef il-proċedura għall-Istati tal-EFTA, l-Awtorità tqis li, sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati tal-EFTA jistgħu juru n-nuqqas tas-suq billi jipprovdu evidenza suffiċjenti dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kopertura għar-riskju fis-suq tal-assigurazzjoni privata. L-użu tal-klawsola ta’ ħruġ għandu f’kull każ jiġi kkunsidrat bħala ġustifikat jekk:

    assiguratur internazzjonali privat ta’ kreditu tal-esportazzjoni, li jkun kbir u magħruf sewwa, kif ukoll assiguratur nazzjonali tal-kreditu, iressqu provi dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ tali kopertura, jew

    mill-inqas erba’ esportaturi stabbiliti sewwa fl-Istat tal-EFTA iressqu provi ta’ rifjut ta’ kopertura minn assiguraturi għal operazzjonijiet speċifiċi.

    (65)

    L-Awtorità, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati tal-EFTA ikkonċernati, tiżgura li d-deċiżjonijiet rigward l-applikazzjoni tal-klawsola ta’ ħruġ jiġu adottati malajr.

    5.2.   Simplifikazzjoni ta’ proċeduri

    (66)

    Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat imsemmija f’dawn il-Linji Gwida għandhom jiġu notifikati lill-Awtorità. Apparti mill-miżuri sostantivi stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, l-Awtorita hija impenjata li tiżgura l-awtorizzazzjoni malajr ta’ miżuri ta’ għajnuna li jindirizzaw il-kriżi attwali b’konformità ma’ dawn il-Linji Gwida sakemm l-Istati tal-EFTA kkonċernati jipprovdu kooperazzjoni mill-qrib u informazzjoni sħiħa.

    (67)

    Dan l-impenn se jikkomplementa l-proċess li għaddej li bih il-Kummissjoni qiegħda attwalment telabora numru ta’ miżuri li jtejbu l-proċeduri ġenerali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari sabiex tippermetti t-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar malajr u aktar effettiv f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Dan il-pakkett ta’ simplifikazzjoni ġenerali għandu, b’mod partikolari, jinkludi impenji konġunti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għal proċeduri aktar simplifikati u prevedibbli f’kull pass ta’ investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat u jippermetti l-approvazzjoni aktar mgħaġġla ta’ każijiet sempliċi.

    6.   MONITORAĠĠ U RAPPURTAĠĠ

    (68)

    Id-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 27 fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti li tippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jitlob li l-Istati tal-EFTA jissottomettu rapporti annwali lill-Awtorità.

    (69)

    Sal-31 ta’ Lulju 2009, l-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu lill-Awtorità b’lista ta’ skemi stabbiliti fuq il-bażi tal-Linji Gwida preżenti.

    (70)

    L-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li jinżammu rekords dettaljati dwar l-għoti ta’ għajnuna prevista minn dawn il-Linji Gwida. Tali rekords, li għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ġewx mħarsal-kundizzjonijiet meħtieġa, għandhom jinżammu għal għaxar snin u għandhom jiġu pprovduti lill-Awtorità meta din titlobhom. B’mod partikolari, l-Istati tal-EFTA jridu jkunu kisbu informazzjoni li turi li l-benefiċjarji tal-għajnuna għal miżuri taħt l-4.2, 4.3, 4.4. u 4.5 ma kinux kumpaniji f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008.

    (71)

    Flimkien ma’ dawn il-ħtiġijiet, l-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu lill-Awtorità b’rapport dwar il-miżuri stabbiliti fuq il-bażi ta’ dawn il-Linji Gwida sal-31 ta’ Ottubru 2009. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jipprovdu elementi li jindikaw il-ħtieġa li l-Awtorità żżomm il-miżuri li jipprovdu għalihom dawn il-Linji Gwida wara l-31 ta’ Diċembru 2009, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar il-benefiċċji ambjentali tas-self sussidjat. L-Istati tal-EFTA għandhom ukoll jipprovdu din l-informazzjoni għal kull sena sussegwenti li matulha jiġu applikati dawn il-Linji Gwida, qabel il-31 Ottubru ta’ kull sena.

    (72)

    L-Awtorità tista’ titlob tagħrif addizzjonali rigward l-għajnuna mogħtija, biex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Awtorità li tapprova l-miżura ta’ għajnuna jkunux ġew irrispettati.

    7.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    (73)

    L-Awtorità se tapplika dawn il-Linji Gwida mid-data tal-adozzjoni tagħhom. Dawn il-Linji Gwida huma ġustifikati mill-problemi eċċezzjonali u tranżitorji attwali ta’ finanzjament konnessi mal-kriżi bankarja u mhumiex se jiġu applikati wara l-31 ta’ Diċembru 2010. Wara li tikkonsulta mal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità tista’ tirrevedihom qabel dik id-data fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet ekonomiċi importanti jew konsiderazzjonijiet ta’ politika tal-kompetizzjoni. Fejn din tkun ta’ għajnuna l-Awtorità tista’ tipprovdi wkoll kjarifiki tal-metodu tagħha rigward kwistjonijiet partikolari.

    (74)

    L-Awtorità tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-Linji Gwida fil-konfront tal-miżuri kollha rigward kapital ta’ riskju li ġew notifikati u li trid tieħu deċiżjoni fuqhom wara li jiġu adottati dawn il-Linji Gwida, anki jekk il-miżuri jkunu ġew notifikati qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida.

    (75)

    Skont il-Linji Gwida dwar ir-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li mhix skont il-liġi, l-Awtorità se tapplika dan li ġej fil-każ ta’ għajnuna mhix notifikata:

    (a)

    dawn il-Linji Gwida, jekk l-għajnuna tkun ngħatat wara l-adozzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida;

    (b)

    il-linji gwida applikabbli meta l-għajnuna tkun ingħatat fil-każijiet l-oħra kollha.

    (76)

    L-Awtorità, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati tal-EFTA ikkonċernati, se tiżgura li d-deċiżjonijiet jiġu adottati malajr malli jkun hemm in-notifika kompleta tal-miżuri koperti minn dan id-dokument. L-Istati tal-EFTA għandhom jinformaw lill-Awtorità bl-intenzjonijiet tagħhom u għandhom jinnotifikaw il-pjanijiet tagħhom li jintroduċu miżuri bħal dawn l-aktar kmieni u bil-mod l-aktar komprensiv possibli.

    (77)

    L-Awtorità tixtieq tfakkar li kwalunkwe titjib proċedurali jiddependi għal kollox fuq il-preżentazzjoni ta’ notifiki ċari u kompleti.


    (1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewrope, COM(2008) 800.

    (2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-7 ta’ Ottubru 2008.

    (3)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

    (4)  Ara l-kapitoli tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda b’rabta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali u dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet mhux mistħoqqa tal-kompetizzjoni, adottati fid-29 ta’ Jannar 2009.

    (5)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

    (6)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3) inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-punt 1j tal-Anness XV tal-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni Nru 120/2008 tas-7 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 111, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 79, 18.12.2008), e.i.f. 8.11.2008.

    (8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12..2006, p. 5) inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-punt 1ea tal-Anness XV tal-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni Nru 29/2007 (ĠU L 209, 9.8.2007, p. 52, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 38, 9.8.2007, p. 34), e.i.f 28.4.2007.

    (9)  Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fil-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/state_aid_guidelines/

    (10)  Kawżi magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen u Volkswagen AG vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra, p. II-3663, punt 167.

    (11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/490/KE fil-Każ C 47/96 Crédit Lyonnais (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28), punt 10.1; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/345/KE fil-Każ 28/02 Bankgesellschaft Berlin (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1), punti 153 et seq.; u Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/263/KE fil-Każ C 50/96 BAWAG (ĠU L 83, 26.3.2008, p. 7), punt 166; Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ NN 70/07 Northern Rock (ĠU C 43, 16.2.2008, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kummussjoni tal-4 ta’ Ġunju 2008 fil-każ C 9/08 SachsenLB, li għadha ma ġietx ippubblikata.

    (12)  L-Awtorità qatt ma approvat miżura ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE.

    (13)  Ara n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.

    (14)  Għall-kumpaniji l-kbar, ara l-punt 2.1 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà. Għall-IŻM, ara l-Artikolu 1(7) dwar id-definizzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenrali Sħiħa.

    (15)  Kif definit fl-Artikolu 2.3 u 2.4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna mill-istat lil impriżi żgħar u medji attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3).

    (16)  Biex id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Artikoli minn 61 sa 63 tal-Ftehim taż-ŻEE jkunu japplikaw, l-għajnuna mill-Istat trid tingħata lil impriżi involuti fil-produzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu fl-ambitu tal-prodotti tal-Ftehim taż-ŻEE. L-Artikolu 8(3) tal-Ftehim jipprovdi li “sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss għal: (a) prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Oġġetti, esklużi l-prodotti fil-lista fi Protokoll 2; (b) prodotti speċifikati fil-Protokoll 3, suġġetti għall-arranġamenti speċifiċi stabbiliti f’dak il-Protokoll”. Il-prodotti agrikoli, safejn la jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Oġġetti u lanqas ma huma speċifikati fil-Protokoll 3, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE.

    (17)  Il-primjums fl-Anness jirfinaw id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta’ eżenzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji billi jagħti kas tal-livelli differenti ta’ sigurtà. Huma jistgħu jintużaw ukoll bħala punt ta’ referenza biex ikun ikkalkulat l-element tal-għajnuna kumpatibbli għal miżuri ta’ garanzija li jaqgħu taħt il-punt 4.2 ta’ dan il-qafas.

    Il-kalkolu tal-primjums dwar il-limitu ta’ eżenzjoni huwa bbażat fuq il-marġni pprovduti mil-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont, b’mod li jagħti kas ta’ tnaqqis addizzjonali ta’ 20 punt bażi (ara n-nota 12 ta’ qiegħ il-paġna 12 (11 għat-test tal-UE) tal-Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat f’għamla ta’ garanziji). Għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni, madankollu, il-primjum dwar il-limitu ta’ eżenzjoni kif iffissat fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji baqa’ l-limitu ta’ fuq tal-primjums għal kull kategorija ta’ klassifikazzjoni. Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-livelli differenti ta’ sigurtà ara n-nota 2 ta’ qiegħ paġna 1 tal-Linji Gwida dwar ir-rati ta’ referenza u ta’ skont.

    (18)  Bħalma huwa r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna nazzjonali għall-iżvilupp reġjonali (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29) inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE fil-punt 1i tal-Anness XV tal-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni Nru 157/2006 (ĠU L 89, 29.3.2007, p. 33 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 15, 29.3.2007, p. 26), sakemm il-metodoloġija approvata espliċitament tindirizza t-tipi ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjonijiet involuti kkonċernati.

    (19)  Ara n-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.

    (20)  L-Istati tal-EFTA li jkunu jixtiequ jużaw din il-faċilità jridu jippubblikaw ir-rati overnight ta’ kuljum onlajn u jpoġġuhom għad-dispożizzjoni tal-Awtorità.

    (21)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 hawn fuq.

    (22)  Standard Komunitarju futur għall-prodotti huwa standard Komunitarju mandatorju li jistabbilixxi l-livelli ambjentali li għandhom jintlaħqu għal prodotti mibjugħin fl-Unjoni Ewropea, li ġie adottat iżda li għadu mhuwiex fis-seħħ.

    (23)  Kif definit fil-punt 70 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent.

    (24)  Definiti skont il-punt 58 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna Reġjonali.

    (25)  Ara n-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.


    ANNESS

    Qafas Temporanju dwar il-limiti ta’ eżenzjoni f’punti bażi (*)

    Kategorija ta’ klassifikazzjoni (Standard & Poor’s)

    Sigurtà

    Għolja

    Normali

    Baxxa

    AAA

    40

    40

    40

    AA+

    AA

    AA-

    40

    40

    40

    A+

    A

    A-

    40

    55

    55

    BBB+

    BBB

    BBB-

    55

    80

    80

    BB+

    BB

    80

    200

    200

    BB-

    B+

    200

    380

    380

    B

    B-

    200

    380

    630

    CCC u inqas

    380

    630

    980


    (*)  Għall-kumpaniji li m’għandhomx storja tal-kreditu jew klassifikazzjoni bbażata fuq metodu li jiffoka fuq il-karta tal-bilanċ (bħal ċerti kumpaniji b’għan speċjali jew kumpaniji li għadhom jibdew), l-Istati tal-EFTA jistgħu jagħtu tnaqqis ta’ sa 15 % (25 % għall-IŻM) fuq il-primjum speċifiku dwar il-limitu ta’ eżenzjoni li hu stabbilit għal 3,8 % fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji. Madankollu, il-primjum ma jista’ qatt ikun inqas mill-primjum li kien ikun applikabbli għall-kumpanija jew kumpaniji prinċipali.


    Top