This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2020/417/05
New national side of euro coins intended for circulation 2020/C 417/05
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni 2020/C 417/05
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni 2020/C 417/05
PUB/2020/929
ĠU C 417, 2.12.2020, p. 53–53
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
2.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 417/53 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2020/C 417/05)
Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta’ żewġ euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Greċja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż tal-ħruġ: Il-Greċja
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: 2 500 sena mill-Battalja ta’ Thermopylae
Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri elmu Grieg tal-qedem. Imnaqqxa tul ix-xifer ta’ ġewwa hemm il-kliem “2500 SENA MILL-BATTALJA TA’ THERMOPYLAE” u “REPUBBLIKA ELLENIKA”. Hemm minquxa wkoll fl-isfond is-sena tal-ħruġ “2020” u palmetta (il-marka taz-zekka taz-zekka Griega). Fuq il-lemin fil-qiegħ tal-elmu tidher il-monogramma tal-artist (George Stamatopoulos). Għalkemm spiċċat f’telfa għall-Griegi, il-Battalja ta’ Thermopylae tibqa’ simbolu mingħajr żmien ta’ reżistenza erojka.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 750 000
Id-data tal-ħruġ: Jannar 2020
(1) Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).