Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2020/202/02

Sejħa għal kontribuzzjonijiet Nru IX-2021/01 “Kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej” 2020/C 202/02

ĠU C 202, 16.6.2020, pp. 2–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/2


Sejħa għal kontribuzzjonijiet Nru IX-2021/01

“KONTRIBUZZJONIJIET LILL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ”

(2020/C 202/02)

Werrej

A.

INTRODUZZJONI U QAFAS ĠURIDIKU

B.

L-GĦAN TAS-SEJĦA

C.

L-ISKOP, IL-KATEGORIJA U L-FORMA TA’ FINANZJAMENT

D.

IL-BAĠIT DISPONIBBLI

E.

REKWIŻITI TA’ AMMISSIBBILTÀ GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

F.

IL-KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

F.1

Il-kriterji ta’ esklużjoni

F.2

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà

F.3

Il-kriterji tat-teħid tad-deċiżjoni u d-distribuzzjoni tal-finanzjament

G.

KONTROLL KONDIVIŻ MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-AWTORITÀ

H.

TERMINI U KUNDIZZJONIJIET

I.

KALENDARJU

J.

ŻVELAR U PPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

K.

INFORMAZZJONI OĦRA

A.   INTRODUZZJONI U QAFAS ĠURIDIKU

1.

Skont l-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, “il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”.

2.

Skont l-Artikolu 224 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu r-regolamenti li jiggwidaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u partikolarment ir-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom. Ir-regoli huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1), kif emendat sussegwentement.

3.

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, partit politiku Ewropew li jkun irreġistrat skont il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tar-Regolament u rrappreżentat fil-Parlament Ewropew b’minn tal-inqas wieħed mill-membri tiegħu, u li ma jkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament Finanzjarju, jista’ japplika għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ippubblikati mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew f’sejħa għal kontribuzzjonijiet.

4.

Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew qed ivara din is-sejħa għal kontribuzzjonijiet bil-ħsieb li jagħti kontribuzzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej (“is-sejħa”).

5.

Il-qafas ġuridiku ta’ bażi huwa definit f’dawn l-atti ġuridiċi:

(a)

ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(b)

Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Lulju 2019, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (2) (“Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Lulju 2019”);

(c)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”);

(d)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/2401 tat-2 ta’ Ottubru 2015 dwar il-kontenut u t-tħaddim tar-Reġistru tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (4);

(e)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2246 tat-3 ta’ Diċembru 2015 dwar dispożizzjonijiet dettaljati għas-sistema tan-numri tar-reġistrazzjoni applikabbli għar-reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u għall-informazzjoni provduta permezz ta’ estratti standard mir-reġistru (5);

(f)

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (6).

B.   L-GĦAN TAS-SEJĦA

6.

L-għan ta’ din is-sejħa huwa li partiti politiċi reġistrati Ewropej jiġu mistiedna jressqu applikazzjonijiet għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni (“applikazzjonijiet għal finanzjament”).

C.   L-ISKOP, IL-KATEGORIJA U L-FORMA TA’ FINANZJAMENT

7.

L-iskop tal-finanzjament huwa li jappoġġa l-attivitajiet u l-objettivi statutorji tal-partit politiku Ewropew għas-sena finanzjarja mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni li għandu jiġi konkluż bejn il-partit politiku Ewropew benefiċjarju u l-Parlament Ewropew.

8.

Il-kategorija tal-finanzjament hija l-kontribuzzjoni lill-partiti politiċi Ewropej, skont it-Titolu XI tar-Regolament Finanzjarju (“il-kontribuzzjoni”). Il-kontribuzzjoni tieħu l-forma ta’ rimborż ta’ perċentwal tan-nefqa rimborżabbli li tkun saret.

9.

L-ammont massimu mħallas lill-benefiċjarju mill-Parlament Ewropew m’għandux jeċċedi d-90 % tan-nefqa rimborżabbli indikata fil-baġit stmat jew 90 % tan-nefqa rimborżabbli mġarrba.

D.   IL-BAĠIT DISPONIBBLI

10.

Il-finanzjament previst għas-sena finanzjarja 2021 skont l-Artikolu 402 tal-baġit tal-Parlament “Finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej” jammonta għal EUR 46 000 000 kif adottat mill-Parlament fl-abbozz ta’ estimi tiegħu. L-approprjazzjonijiet disponibbli li għandhom jitqassmu se jiġu stabbiliti mill-awtorità baġitarja fil-baġit finali approvat għas-sena 2021.

E.   REKWIŻITI TA’ AMMISSIBBILTÀ GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

11.

L-applikazzjonijiet għal finanzjament se jkunu ammissibbli jekk

(a)

jitressqu bil-miktub fuq il-formola ta’ applikazzjoni kif annessa ma’ din is-sejħa, inklużi d-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa hemmhekk;

(b)

jinkludu l-impenn, espress bil-miktub permezz tal-iffirmar tal-formola ta’ dikjarazzjoni annessa ma’ din is-sejħa, li l-applikant jaqbel mat-termini u l-kundizzjonijiet kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni speċifikati fl-Anness 1a tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Lulju 2019;

(c)

ikun fihom ittra ta’ rappreżentant legali li tiċċertifika l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu obbligi legali f’isem l-applikant;

(d)

jiġu mgħoddija lill-President tal-Parlament Ewropew sat-30 ta’ Settembru 2020 bħala kopja elettronika, preferibbilment fil-format pdf, lill-mailbox funzjonali li ġejja: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu.

L-applikazzjonijiet oriġinali għandhom jinżammu mill-applikant u jintbagħtu lill-Parlament, kollha jew parti minnhom, fuq talba tas-servizzi tal-Parlament fl-indirizz fiżiku li ġej:

President tal-Parlament Ewropew

Għall-attenzjoni tas- Sur Didier Kléthi, Direttur Ġenerali tal-Finanzi

SCH 05B031

L-2929 Lussemburgu

LUXEMBOURG

12.

Meta, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 Lulju 2019, l-applikant jiġi mistieden mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega biex jippreżenta d-dokumenti ġustifikattivi oriġinali jew kjarifiki fuq il-karta rigward l-applikazzjoni, l-applikant għandu juża l-indirizz fiżiku indikat fil-paragrafu 11.

Kwalunkwe korrispondenza oħra fir-rigward tal-applikazzjoni għandha ssir bl-użu tal-mailbox funzjonali li ġejja: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu.

13.

L-applikazzjonijiet li jitqiesu mhux kompluti jaf jiġu rrifjutati.

F.   IL-KRITERJI GĦALL-EVALWAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL FINANZJAMENT

F.1   Il-kriterji ta’ esklużjoni

14.

L-applikanti għandhom jiġu esklużi mill-proċedura ta’ finanzjament jekk:

(a)

ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikoli 136(1), 136(2) jew 141 tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

soġġetti għal kwalunkwe sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(1) u fil-punti (v), (vi) u (vii) tal-Artikolu 27(2)(a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

F.2   Il-kriterji ta’ eliġibbiltà

15.

Sabiex ikun eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni, l-applikanti jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri li l-applikant

(a)

irid ikun irreġistrat mal-l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (7) (“l-Awtorità”), f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(b)

irid ikun irrappreżentat fil-Parlament Ewropew minn mill-inqas Membru wieħed tal-Parlament Ewropew;

(c)

irid jikkonforma mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri jrid ikun issottometta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali (8), rapport tal-awditjar estern u l-lista tad-donaturi, kif speċifikat;

(d)

irid jikkonforma mal-obbligi elenkati fl-Artikolu 18(2a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jiġifieri jrid ikun issottometta l-evidenza li turi li l-partiti tal-UE membri tiegħu, b’mod ġenerali, ippubblikaw fis-siti web tagħhom, b’mod ċarament viżibbli u faċli għall-utent, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew għal perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2019 u t-30 ta’ Settembru 2020.

16.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, sħubija ta’ Membru tal-Parlament Ewropew f’diversi partiti politiċi Ewropej se tirriżulta fil-kunsiderazzjoni tal-Membru kkonċernat bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li, fejn rilevanti, għandu jkun dak li l-partit politiku nazzjonali jew reġjonali tiegħu jkun affiljat miegħu fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament.

17.

Il-partiti membri tal-partiti politiċi Ewropej huma mħeġġa jinkludu informazzjoni dwar il-bilanċ bejn is-sessi fuq is-siti web tagħhom.

F.3   Il-kriterji tat-teħid tad-deċiżjoni u d-distribuzzjoni tal-finanzjament

18.

Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-approprjazzjonijiet disponibbli rispettivi għandhom jitqassmu kull sena. Dawn għandhom jitqassmu fost il-partiti politiċi Ewropej li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-finanzjament ikunu ġew approvati fid-dawl tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni, abbażi tal-formula ta’ distribuzzjoni segwenti:

(a)

10 % se jitqassmu f’ishma ndaqs fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji;

(b)

90 % se jitqassmu fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji bi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti fil-Parlament Ewropew; skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament 1141/2014, Membru tal-Parlament Ewropew għandu jitqies bħala membru ta’ partit politiku Ewropew wieħed biss, li, fejn rilevanti, għandu jkun il-partit li l-partit nazzjonali jew reġjonali tiegħu ikun affiljat miegħu fid-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament.

G.   KONTROLL KONDIVIŻ MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-AWTORITÀ

19.

L-Artikolu 24(1) u (2) (9) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jipprevedi kontroll kondiviż bejn il-Parlament Ewropew u l-Awtorità.

20.

Fejn, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-Awtorità għandha l-kompetenza li tiċċekkja l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, il-Parlament Ewropew għandu jgħaddi l-partijiet rilevanti tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament lill-Awtorità.

21.

Matul il-kors tal-verifiki segwenti, l-applikanti għandhom, fuq talba, jipprovdu d-dokumentazzjoni jew kjarifiki lill-Awtorità, fil-format oriġinali jew elettroniku, inkludi partijiet mill-applikazzjonijiet oriġinali għall-finanzjament miżmuma skont il-paragrafu 11 ta’ hawn fuq.

22.

L-Awtorità għandha tikkomunika r-riżultat tal-kontrolli u l-verifiki tagħha lill-Parlament Ewropew.

H.   TERMINI U KUNDIZZJONIJIET

23.

L-applikanti huma obbligati li jinnotifikaw lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe bidla fir-rigward tad-dokumenti mressqa jew fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn minn tali bidla. Fin-nuqqas ta’ tali notifika, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ jiddeċiedi abbażi tal-informazzjoni disponibbli, minkejja kwalunkwe informazzjoni pprovduta fi stadju iktar tard jew ippubblikata permezz ta’ kanali oħra.

24.

Rigward il-kundizzjoni li applikant ikompli jissodisfa l-kriterji għall-finanzjament, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant.

25.

It-termini u l-kundizzjonijiet rigward il-finanzjament tal-Unjoni li għandu jingħata taħt din is-sejħa huma stabbiliti fl-Anness 1a tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Lulju 2109.

26.

Kull applikant għandu jaċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 23 ta’ din is-sejħa, billi jiffirma l-formola ta’ dikjarazzjoni annessa ma’ din is-sejħa. Dawn it-termini u kundizzjonijiet jorbtu l-benefiċjarju li jingħatalu l-finanzjament u huma stabbiliti fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni..

I.   KALENDARJU

27.

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament hija t-30 ta’ Settembru 2020.

28.

L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet. Wara dik id-deċiżjoni, id-deċiżjonijiet individwali ffirmati mill-President tal-Parlament Ewropew jiġu nnotifikati lill-applikanti.

29.

Huwa previst li f’Jannar 2021, l-applikanti magħżula se jirċievu l-abbozz tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni li għandu jiġi ffirmat minnhom u li l-applikanti miċħuda se jiġu infurmati fl-istess ħin. Il-ħlas tal-finanzjament minn qabel għandu jsir fi żmien 30 ġurnata mill-iffirmar sussegwenti tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni f’isem il-Parlament Ewropew.

J.   ŻVELAR U PPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

30.

Il-Parlament Ewropew u l-Awtorità għandhom jippubblikaw, inkluż fuq l-Internet, informazzjoni skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE,Euratom) Nru 1141/2014.

31.

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din is-sejħa għandha tiġi pproċessata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (10) u skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

32.

Tali data għandha tkun ipproċessata għall-fini ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament u ta’ salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ din id-data lill-entitajiet responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ verifika u awditjar skont il-liġi tal-Unjoni, bħas-servizzi tal-awditjar intern tal-Parlament Ewropew, l-Awtorità, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jew l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

33.

Abbażi ta’ talba bil-miktub, kwalunkwe persuna fiżika relatata mal-benefiċjarju tista’ tingħata aċċess għad-data personali tagħha u tikkoreġi kwalunkwe data żbaljata jew mhux kompluta. It-talba li tirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali tista’ tiġi mressqa lid-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament Ewropew jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew. Il-persuna konċernata tista’, f’kull ħin, tilmenta mal-Kontrollur Ewropew għall-Ħarsien tad-Data dwar dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali tagħha.

34.

Id-data personali jaf tiġi reġistrata fis-Sistema ta’ Individwazzjoni u ta’ Esklużjoni Bikrija mill-Parlament Ewropew, jekk il-benefiċjarju jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 136(1) u 141 tar-Regolament Finanzjarju.

K.   INFORMAZZJONI OĦRA

35.

Kwalunkwe mistoqsija relatata ma’ din is-sejħa għandha tintbagħat b’email, filwaqt li tiġi kkwotata r-referenza tal-pubblikazzjoni, lill-mailbox funzjonali li ġejja: fin.part.fond.pol@europarl.europa.eu

36.

Il-leġiżlazzjoni bażika speċifikata fil-paragrafu 5(b) ta’ din is-sejħa u l-formola ta’ applikazzjoni għal finanzjament annessi ma’ din is-sejħa huma disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Parlament Ewropew (http://www.europarl.europa.eu/tenders/invitations.htm).

Anness: Formola ta’ applikazzjoni għal finanzjament, inkluża l-formola ta’ identifikazzjoni finanzjarja, id-dikjarazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni, u l-mudell ta’ baġit stmat


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1. Ġew ippubblikati żewġ emendi fil-ĠU L 114 I 4.5.2018 p. 1 u fil-ĠU L 85 I 27.3.2019 p. 7.

(2)  ĠU C 249, 25.7.2019, p. 2.

(3)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(4)  ĠU L 333, 19.12.2015, p. 50.

(5)  ĠU L 318, 4.12.2015, p. 28.

(6)  Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew ta’ Frar 2020.

(7)  stabbilit skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1141/2014;

(8)  Sakemm l-applikant ma jkunx soġġett għall-kontroll taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (pereżempju: għadu kemm inħoloq)

(9)  L-Artikolu 24(1)-(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 - Regoli ġenerali dwar il-kontroll:

‘1.

Il-kontroll tal-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu eżerċitati, f’kooperazzjoni, mill-Awtorità, mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri kompetenti.

2.

L-Awtorità għandha tikkontrolla l-konformità tal-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3, il-punti (a), (b) u (d) sa (f) tal-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (e) u (g) tal-Artikolu 5(1), l-Artikolu 9(5) u (6), u l-Artikoli 20, 21 u 22.

L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jikkontrolla l-konformità mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej tal-obbligi relatati mal-finanzjament mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament skont ir-Regolament Finanzjarju. Fit-twettiq ta’ tali kontrolli, il-Parlament Ewropew għandu jieħu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.’

(10)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.


Anness a

FORMOLA TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL FINANZJAMENT

KONTRIBUZZJONIJIET (1) LILL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ

FOR FINANCIAL YEAR [DAĦĦAL IS-SENA]

FIEX TIKKONSISTI L-APPLIKAZZJONI GĦALL-FINANZJAMENT

Il-lista li ġejja hi maħsuba biex tgħinek fil-preparazzjoni tal-applikazzjoni għall-finanzjament tiegħek. Din tista’ tintuża bħala checklist biex tiżgura li tkun inkludejt id-dokumenti meħtieġa kollha.

Numru tad-dokument

Dokumenti li jridu jiġu pprovduti

 

 

Dokumenti li jridu jiġu provduti iżda li mhumiex inklużi f’dan il-mudell tal-applikazzjoni għall-finanzjament

 

1.

Ittra ta’ akkumpanjament b’indikazzjoni tal-ammont ta’ kontribuzzjoni mitlub għas-sena finanzjarja n, iffirmata mir-rappreżentant legali

2.

Ittra ta’ rappreżentant legali li tiċċertifika l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu obbligi legali f’isem l-applikant

3.

Lista tal-persuni li jkollhom poteri ta’ rappreżentanza, teħid ta’ deċiżjonijiet jew kontroll fuq l-organizzazzjoni applikanti, bħall-President, il-membri tal-Bord, is-Segretarju Ġenerali, it-Teżorier  (2)

4.

Prova ta’ reġistrazzjoni mill-Awtorità fid-data tal-applikazzjoni għall-finanzjament (unikament għall-applikanti li d-deċiżjoni għar-reġistrazzjoni għadha mhix disponibbli pubblikament għalihom, jiġifieri għadha ma ġietx ippubblikata fuq is-sit web tal-Awtorità jew f’Il-Ġurnal Uffiċjali)

5.

Lista tal-Membri tiegħu tal-Parlament Ewropew, bi prova aġġornata ta’ sħubija u li tistabbilixxi l-isem, il-pajjiż tal-oriġini, l-affiljazzjoni diretta jew indiretta mal-partit politiku Ewropew  (3) u isem il-partit nazzjonali jew reġjonali rilevanti ta’ affiljazzjoni (jekk applikabbli)  (4)

6.

Evidenza li turi li l-partiti tal-UE membri tiegħu, b’mod ġenerali, ippubblikaw fis-siti web tagħhom, b’mod ċarament viżibbli u faċli għall-utent, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew għal perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2019 u t-30 ta’ Settembru 2020.

7.

Unikament fil-każ ta’ applikant ġdid li ma setax jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014: id-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati l-aktar riċenti, imħejjija minn kontabilista professjonali

 

Dokumenti li jridu jiġu pprovduti u li huma inklużi f’dan il-mudell tal-applikazzjoni għall-finanzjament

 

8.

Formola ta’ identifikazzjoni finanzjarja (unikament fil-każ ta’ applikant ġdid, jew fil-każ ta’ bidliet fl-isem, l-indirizz jew kont bankarju)

9.

Dikjarazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u t-termini ġenerali kif ukoll il-kriterji ta’ esklużjoni

10.

Baġit proviżorju bbilanċjat

FORMOLA TA’ IDENTIFIKAZZJONI FINANZJARJA

Image 1

DIKJARAZZJONI DWAR IL-KUNDIZZJONIJIET U T-TERMINI ĠENERALI U DWAR IL-KRITERJI TA’ ESKLUŻJONI

Jiena, hawn taħt iffirmat, ir-rappreżentant legali ta’ [daħħal l-isem tal-applikant], niċċertifika li:

jien qrajt, u naqbel, mal-Kundizzjonijiet u t-Termini Ġenerali kif stipulat fil-mudell tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni;

l-applikant ma jinsabx f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 136(1)* u 141* tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Ir-Regolament Finanzjarju”) (5),

l-applikant mhux suġġett għal kwalunkwe sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(*) u fil-punti (v), (vi) u (vii) tal-Artikolu 27(2)(a)(*) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

l-informazzjoni mogħtija f’din l-applikazzjoni kif ukoll fl-annessi tagħha hija preċiża u ebda informazzjoni, kollha jew parti minnha, ma nżammet moħbija mill-Parlament Ewropew:

Firma awtorizzata:

Titlu (Sa, Sur, Prof ...), kunjom u isem:

 

Funzjoni fl-organizzazzjoni li qed tapplika għal finanzjament:

 

Post/Data:

 

Firma:

 

(*) L-Artikoli elenkati hawn fuq hemm referenza għalihom hawn taħt:

Artikolu 136(1) tar-Regolament Finanzjarju

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew lil entità msemmija fl-Artikolu 135(2) milli tieħu sehem fi proċeduri ta’ għoti rregolati minn dan ir-Regolament jew milli tingħażel sabiex timplimenta fondi tal-Unjoni fejn dik il-persuna jew entità tkun tinsab f’waħda jew iżjed mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni:

(a)

il-persuna jew l-entità tkun falliet, tkun soġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza jew ta’ stralċ, ikollha l-assi tagħha qed jiġu amministrati minn likwidatur jew minn qorti, tkun tinsab fi ftehim ma’ kredituri, ikollha l-attivitajiet kummerċjali tagħha sospiżi, jew tkun qiegħda fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista taħt il-liġi tal-Unjoni jew taħt il-liġi nazzjonali;

(b)

ikun ġie stabbilit b’sentenza finali jew b’deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew l-entità tkun qiegħda tikser l-obbligi tagħha relatati mal-pagament tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont il-liġi applikabbli;

(c)

ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew l-entità hija ħatja ta’ mġiba professjonali ħażina serja billi tkun kisret il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni li tappartjeni għaliha l-persuna jew l-entità, jew billi tkun involuta fi kwalunkwe aġir illegali li għandu impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tagħha fejn dan it-tip ta’ aġir jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza serja, fosthom, b’mod partikolari, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

rappreżentazzjoni ħażina b’mod frodulenti jew b’negliġenza ta’ informazzjoni meħtieġa għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew għall-adempiment tal-kriterji ta’ eliġibbiltà jew tal-għażla jew fl-implimentazzjoni tal-impenn legali;

(ii)

id-dħul fi ftehim ma’ persuni jew ma’ entitajiet oħrajn bl-għan li tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(iii)

il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(iv)

it-tentattiv li jiġi influwenzat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli matul il-proċedura ta’ għoti;

(v)

it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux xierqa fil-proċedura ta’ għoti;

(d)

ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali li l-persuna tkun ħatja ta’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

frodi, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1995;

(ii)

korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 jew korruzzjoni attiva fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 1997, jew aġir imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI, jew korruzzjoni kif iddefinita f’liġijiet applikabbli oħrajn;

(iii)

imġiba relatata ma’ organizzazzjoni kriminali, kif imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI;

(iv)

ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 1(3), (4) u (5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(v)

reati terroristiċi jew reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, rispettivament, jew inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattivi għat-twettiq ta’ tali reati, kif imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni;

(vi)

tħaddim tat-tfal jew reati oħra li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin kif imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(e)

il-persuna jew l-entità tkun uriet nuqqasijiet sinifikanti ta’ konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni ta’ impenn legali iffinanzjat mill-baġit, li jkunu:

(i)

wasslu għat-terminazzjoni bikrija ta’ impenn legali;

(ii)

wasslu għall-applikazzjoni ta’ danni likwidati jew penali kuntrattwali oħrajn; jew

(iii)

ġew skoperti minn uffiċjal awtorizzanti, mill-OLAF jew mill-Qorti tal-Awdituri wara verifiki, awditjar jew investigazzjonijiet;

(f)

ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew l-entità tkun wettqet irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95;

(g)

ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew entità ħolqot entità f’ġurisdizzjoni differenti bil-ħsieb li jiġu evitati obbligazzjonijiet fiskali, soċjali jew kwalunkwe obbligazzjoni legali oħra fil-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju rreġistrat, amministrazzjoni ċentrali jew post prinċipali tan-negozju tagħha;

(h)

ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li entità tkun inħolqot bil-ħsieb imsemmi fil-punt (g).

Artikolu 141(1) tar-Regolament Finanzjarju:

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jiċħad minn proċedura ta’ għoti lil parteċipant li:

(a)

ikun f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni stabbilita f’konformità mal-Artikolu 136;

(b)

ikun irrappreżenta ħażin l-informazzjoni meħtieġa bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew naqas milli jipprovdi din l-informazzjoni;

(c)

qabel kien involut fit-tħejjija tad-dokumenti użati fil-proċedura ta’ għoti fejn dan ikun jinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ trattament indaqs, inkluża distorsjoni tal-kompetizzjoni li ma tistax tiġi rimedjata b’xi mod ieħor.

Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, l-applikant ma jistax ikun soġġett għal xi waħda mis-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1) u fil-punti (a)(v), (vi) u (vii) tal-Artikolu 27(2).

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 - L-Artikolu 27(1):

Skont l-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tiddeċiedi li tneħħi partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea mir-Reġistru bħala sanzjoni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-partit jew il-fondazzjoni in kwistjoni jkunu nstabu permezz ta’ sentenza li jkollha s-saħħa ta’ res judicata li ingaġġaw f’attivitajiet illegali ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definiti fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

meta jiġi stabbilit, skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 10(2) sa (5), li ma jkunux għadhom jissodisfaw waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3(1) jew 3(2);

(ba)

meta d-deċiżjoni għar-reġistrazzjoni tal-partit jew tal-fondazzjoni inkwistjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni żbaljata jew żvijanti li għaliha jkun responsabbli l-applikant, jew meta tali deċiżjoni tkun inkisbet b’qerq; jew

(c)

meta talba ta’ Stat Membru li jsir qtugħ mir-reġistru għal raġunijiet ta’ nuqqas serju li jitwettqu l-obbligi skont il-liġi nazzjonali tkun tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 16(3).

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 - Artikolu 27(2)(a)(v), (vi) u (vii):

L-Awtorità għandha timponi sanzjonijiet finanzjarji fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

ksur mhux kwantifikabbli:

(v)

meta partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu instabu permezz ta’ sentenza li jkollha s-saħħa ta’ res judicata li jkunu ingaġġaw f’attivitajiet illegali li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definiti fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(vi)

meta l-partit politiku Ewropew jew il-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati jkunu fi kwalunkwe ħin bi ħsieb naqsu milli jagħtu informazzjoni jew bi ħsieb taw informazzjoni mhix korretta jew qarrieqa, jew fejn l-entitajiet awtorizzati minn dan ir-Regolament biex jawditjaw jew iwettqu kontrolli fuq il-benefiċjarji tal-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jsibu ineżattezzi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali li jitqiesu li jikkostitwixxu nuqqasijiet materjali jew dikjarazzjonijiet mhux korretti ta’ entrati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002;

(vii)

meta, f’konformità mal-proċedura ta’ verifika prevista fl-Artikolu 10a, jiġi stabbilit li partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu influwenzaw, jew ippruvaw jinfluwenzaw, deliberatament l-eżitu tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi jkunu ħadu vantaġġ minn ksur tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ data personali.


(1)  Il-kategorija tal-finanzjament hija l-kontribuzzjoni lill-partiti politiċi Ewropej, skont it-Titolu XI tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(2)  Pereżempju b’referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istatuti tal-applikant, fejn applikabbli.

(3)  Għall-Membri tal-PE li huma affiljati ma’ partit politiku Ewropew direttament fuq bażi individwali, trid tiġi pprovduta formola ta’ sħubija għal kull MPE iddikjarat mill-applikant. Għall-Membri tal-PE li huma affiljati ma’ partit politiku Ewropew indirettament permezz tal-partit membru tagħhom, jenħtieġu d-dokumenti li ġejjin: formola ta’ sħubija għal kull partit membru, iffirmat minn persuna awtorizzata legalment biex tirrappreżenta lil dak il-membru parti jew, bħala alternattiva, prova ta’ ħlas tal-miżata ta’ sħubija għall-2020 fil-forma ta’ trasferiment bankarju li joriġina minn kull partit membru jew, bħala alternattiva oħra, formola ta’ sħubija mingħand kull MPE iddikjarat mill-applikant. Mudell ta’ formoli ta’ sħubija għall-Membri tal-PE u l-partiti membri jista’ jintalab mingħand l-Awtorità.

(4)  Jekk partit politiku Ewropew reċentement ipprovda parti mid-dokumentazzjoni identifikata hawn fuq lill-Awtorità, il-PE mhux se jitlob li dik id-dokumentazzjoni tiġi pprovduta mill-ġdid. Madankollu, kull applikant għandu d-dmir li jistabbilixxi b’mod ċar, fl-applikazzjoni tiegħu għall-finanzjament, liema dokumentazzjoni pprovda lill-Awtorità, u meta għamel dan.

(5)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(6)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.


Anness b

BAĠIT PROVIŻORJU

Image 2


Top