EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2018/090A/01

Avviż ta’ reklutaġġ PE/203/S — Direttur (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14) — Direttorat Ġenerali għall-Presidenza — Direttorat għas-Seduta Plenarja

ĠU C 90A, 9.3.2018, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 90/1


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/203/S

DIRETTUR (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-PRESIDENZA — DIRETTORAT GĦAS-SEDUTA PLENARJA

(2018/C 090 A/01)

 

1.   Pożizzjoni battala

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi l-proċedura biex timtela din il-pożizzjoni battala ta’ direttur  (1) (AD, grad 14) fid-Direttorat Ġenerali għall-Presidenza – Direttorat għas-Seduta Plenarja, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD14 (3). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 14 303,51 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jitlob disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Id-direttur se jkun mitlub iwettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Brussell. Dan l-impjieg huwa soġġett għal trasferiment f’xi wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Uffiċjal ta’ livell għoli, id-direttur, kif imfisser fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, għandu dawn il-kompiti (4):

jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat,

imexxi, jistimula, jimmotiva u jikkoordina timijiet ta’ aġenti; jaħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li jiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jippjana l-attivitajiet tad-Direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji); jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jilħaq l-objettivi stabbiliti; jivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li jiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, jirrappreżenta lill-istituzzjoni u jinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jiġġestixxi u jwassal fi tmiemhom il-proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet:

(a)   Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari jeħtieġ li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)   Rekwiżiti speċifiċi

(i)   Kwalifiki, diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (5) meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-inqas ta’ tliet snin.

Esperjenza professjonali, ta’ mill-anqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza maniġerjali.

(ii)   Għarfien meħtieġ

Għarfien kulturali ġenerali eċċellenti tal-affarijiet Ewropej,

fehim eċċellenti ta’ kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali,

għarfien eċċellenti tat-Trattati,

fehim tajjeb ħafna tal-kulturi differenti rappreżentati fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej,

għarfien eċċellenti tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-organizzazzjoni, l-ambjent u l-parteċipanti differenti tiegħu,

għarfien eċċellenti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, tal-proċeduri leġiżlattivi u tar-regoli u l-prattiki interni,

għarfien eċċellenti tal-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom u tar-regoli derivati minnhom,

għarfien eċċellenti tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta’ applikazzjoni tagħhom u tar-regoli interni u testi oħra subordinati tal-Parlament Ewropew,

għarfien amministrattiv tajjeb ħafna (aspetti b’rabta mar-riżorsi umani, il-ġestjoni, il-baġit, il-finanzi, l-informatika, l-aspetti ġuridiċi, eċċ.),

għarfien eċċellenti tat-tekniki maniġerjali.

(iii)   Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni tirrikjedi għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-anqas waħda oħra minn dawn il-lingwi.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

(iv)   Kapaċitajiet meħtieġa

Sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

6.   Proċedura ta’ selezzjoni

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-ħatra ta’ uffiċjali għolja se jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jissottometti r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija

t-23 ta’ Marzu 2018, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, fil-format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (à l’attention de Monsieur le Secrétaire général du Parlement européen, avis de recrutement numéro PE/203/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (7), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/203/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

EP-SENIOR-MANAGEMENT@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati għandhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw attwalment  (8) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li jibagħtu l-kandidati, fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 (9).


(1)  Kull referenza f’dan l-avviż għal persuna tas-sess maskil tinkludi wkoll persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Meta jiġi reklutat, l-uffiċjal jingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(4)  Għall-kompiti ewlenin, ara l-Anness.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies għall-valutazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(7)  http://europass.cedefop.europa.eu/

(8)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-PRESIDENZA – DIRETTORAT GĦAS-SEDUTA PLENARJA

DMIRIJIET PRINĊIPALI

(Dipartiment magħmul minn 122 aġent: 95 uffiċjal, 4 aġenti temporanji u 23 aġent kuntrattwali)

Jiżgura d-direzzjoni, il-koordinament u t-tmexxija tal-unitajiet tad-Direttorat A tad-Direttorat Ġenerali għall-Presidenza;

Jeżerċita s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra;

Jiżgura l-ġestjoni ta’ proġetti;

Jirrappreżenta lill-istituzzjoni f’diversi kumitati interni u fora interistituzzjonali;

Jeżerċita l-funzjonjiet ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega;

Jissuperviżjona u jiġġestixxi t-tħejjija, l-iżvolġiment u l-monitoraġġ tas-seduti plenarji;

Jissuperviżjona u jiġġestixxi l-ilqigħ u r-referenza tad-dokumenti uffiċjali;

Jiżgura r-riċezzjoni u d-distribuzzjoni tal-posta uffiċjali tal-Parlament Ewropew;

Jissuperviżjona u jiġġestixxi l-mistoqsijiet bil-miktub, il-mistoqsijiet orali, l-interpellanzi, l-atti tal-Unjoni;

Jiżgura l-amministrazzjoni tal-Membri.

UNITÀ TAL-MINUTI U R-RAPPORTI VERBATIM TAS-SEDUTA PLENARJA

Tippjana, tiġġestixxi u tikkontrolla r-rapporti verbatim tad-dibattiti fil-plenarja (CRE) li, wara reviżjoni lingwistika, huma ppubblikati l-għada f’verżjoni multilingwi (“Arc-en-ciel” [“Qawsalla”]); tikkontrolla u ddaħħal l-ispjegazzjonijiet tal-vot u d-dikjarazzjonijiet ippreżentati bil-miktub; tiżgura l-pubblikazzjoni fuq karta u f’format elettroniku tal-CRE (Epades, Europarl u Reġistru tad-dokumenti);

Tlesti l-Minuti (PV) tas-seduti fil-lingwa oriġinali li, wara t-traduzzjoni, huma disponibbli l-għada filgħodu fil-forma provviżorja bil-lingwi kollha fuq karta u f’format elettroniku (Epades, Europarl u Reġistru tad-dokumenti); tqabbel il-Minuti u jipprepara l-verżjoni definittiva ppubblikata f’format elettroniku fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

Tiżgura l-paralleliżmu u l-komplementarità tal-Minuti, tal-CRE u tal-VOD (“Video on demand”) waqt il-ġbir flimkien, ir-reviżjoni u l-kontroll. Tipparteċipa fil-manutenzjoni evoluttiva u fis-sostituzzjoni tal-applikazzjonijiet;

Tikkoordina mas-servizzi tad-DĠ TRAD ix-xogħol tat-traduzzjoni tal-Minuti, ix-xogħol tat-traskrizzjoni u tar-reviżjoni tal-CRE; tiżgura l-ġestjoni ta’ dan ix-xogħol;

Talimenta u tikkontrolla l-werrej tal-VOD-CRE waqt is-sessjonijiet; tiżgura l-kontroll u l-posteditjar tal-VOD wara s-sessjoni;

Twieġeb il-mistoqsijiet tal-Membri, tal-assistenti parlamentari, tal-uffiċjali u taċ-ċittadini fir-rigward tal-Minuti, tal-CRE u tal-VOD; tiżgura li l-persunal tad-DĠ TRAD jitħarreġ fl-użu tal-applikazzjonijiet PV u CRE; tipparteċipa f’seminars u f’sessjonijiet ta’ taħriġ interni u esterni;

Tippjana, tiġġestixxi u tikkontrolla l-CRE tad-dibattiti ta’ laqgħat oħrajn (Konferenza tal-President miftuħa għall-Membri, dikjarazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON), is-seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji nominati, il-kumitati ta’ inkjesta). Tlesti l-Minuti bil-FR, bl-EN u bil-DE tal-Konferenza tal-Presidenti miftuħa għall-Membri;

Tissuperviżjona u tikkontrolla t-trażmissjoni tat-Testi Adottati lid-destinatarji tagħhom.

UNITÀ TAL-ATTIVITAJIET TAL-MEMBRI

Mistoqsijiet bil-miktub:

Tiżgura l-ġestjoni tat-testi tal-mistoqsijiet bil-miktub (prijoritarji u mhux prijoritarji) lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli, inklużi t-tweġibiet relatati magħhom u l-alimentazzjoni tal-bażi Mistoqsijiet parlamentari (QP);

Tipproċedi għall-verifika tal-ammissibilità tal-QP, tagħti pariri lill-awturi u jiżgura l-monitoraġġ taċ-ċirkwiti tad-deċiżjonijiet relatati magħhom;

Tipproċedi għall-verifika tal-preċedenti tal-QP, tal-mistoqsijiet bi tweġibijiet diġà disponibbli għand is-servizzi ta’ riċerka tal-Parlament u jimmonitorja ċ-ċirkwiti tad-deċiżjonijiet relatati magħhom;

Interpellanzi maġġuri b’dibattitu:

Tiżgura l-ġestjoni tat-testi, tivverifika l-ammissibilità, tagħti pariri lill-awturi u tiżgura l-monitoraġġ taċ-ċirkwiti tad-deċiżjonijiet relatati magħhom, talimenta l-bażi QP, tiżgura l-monitoraġġ u l-ġestjoni tat-tweġibiet u l-inklużjoni fl-aġenda;

Mistoqsijiet orali:

Tiżgura l-ġestjoni tat-testi tal-mistoqsijiet orali b’dibattitu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, talimenta l-bażi QP;

Proposti ta’ atti tal-Unjoni:

Tiżgura l-ġestjoni tat-testi, tipproċedi għall-verifika tal-ammissibilità, tagħti pariri lill-awturi, tiżgura l-monitoraġġ taċ-ċirkwiti tad-deċiżjonijiet relatati magħhom;

Interpellanzi minuri:

Tiżgura l-ġestjoni tat-testi, tipproċedi għall-verifika tal-ammissibilità, jagħti pariri lill-awturi, tiżgura l-monitoraġġ taċ-ċirkwiti tad-deċiżjonijiet relatati magħhom kif ukoll il-monitoraġġ u l-ġestjoni tat-tweġibiet;

Missjonijiet oħrajn:

Tiżgura l-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet informatiċi użati għall-ġestjoni tal-mistoqsijiet bil-miktub u orali u tal-interpellanzi maġġuri u minuri; tifformula proposti għal titjib tal-proċeduri, inkluż dawk ta’ regolatorji; tipparteċipa f’diversi gruppi ta’ ħidma.

UNITÀ TAL-IŻVOLĠIMENT U S-SEGWITU TAS-SEDUTA PLENARJA

Ippjanar u aġenda tas-seduti plenarji:

Tiżgura l-kuntatt mal-gruppi politiċi, mal-Membri, mas-servizzi l-oħrajn tas-Segretarjat, mal-istituzzjonijiet u mal-korpi Ewropej l-oħrajn; tipproduċi l-pjanta tat-tqassim tas-siġġijiet fl-emiċiklu; tipprepara l-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali; tiġġestixxi u taġġorna l-gwida għall-pronunzja; tistabbilixxi s-sekwenza tal-presidenti tas-seduta kif ukoll dik tal-assistenti tal-presidenti tas-seduta; twieġeb il-mistoqsijiet dwar l-iżvolġiment tal-plenarja;

Ġestjoni tal-plenarja:

Tipprepara l-ħin għall-interventi, il-lista tal-kelliema, id-diskorsi ta’ minuta, l-ispjegazzjonijiet tal-vot, it-tħabbiriet tal-President f’kollaborazzjoni ma’ servizzi oħrajn; tassisti lill-presidenti tas-seduta;

Tipprepara l-fajls tas-seduta, tiżgura l-ġestjoni tal-badges ta’ aċċess għall-emiċiklu;

Torganizza l-elezzjonijiet tal-President, tal-Viċi Presidenti tal-Kwesturi u tal-Ombudsman; torganizza ċ-ċerimonji tal-għoti ta’ premjijiet fil-plenarja u s-seduti solenni;

Segwitu tas-sessjonijiet parzjali:

Tipproċessa l-mistoqsijiet dwar l-iżvolġiment tas-seduti, tanalizza l-problemi, tiddefinixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu b’segwitu għall-interventi f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President, tanalizza l-preċedenti;

Tippjana u timplimenta s-segwitu statistiku tas-sessjonijiet (rapporti, emendi, riżoluzzjonijiet, dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, interventi oħrajn);

Tinnotifika t-testi mhux baġitarji adottati mill-Parlament;

Tiżgura r-riċezzjoni, l-ipproċessar u t-tqassim tas-segwitu mogħti lit-testi adottati fis-seduti;

Politika ta’ informazzjoni dwar il-plenarja:

Tiżgura l-alimentazzjoni u s-segwitu tas-sit tal-Plenarja: ġestjoni f’kollaborazzjoni mad-DĠ ITEC; koordinament mad-diversi servizzi li jfornu l-informazzjoni; twieġeb kull talba għal informazzjoni jew parir intern jew estern;

Tgħarraf dwar l-attivitajiet u l-organizzazzjoni tal-plenarja, partikolarment fl-ambitu ta’ taħriġ intern u estern;

Ġestjoni interna:

Torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ speċifiċi marbuta mal-eżiġenzi tal-unità, laqgħat interni, jaġġorna l-bażijiet tad-data; tagħti assistenza lit-trainees;

Attivitajiet oħrajn:

Tipprepara u torganizza l-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti miftuħa għall-Membri kollha;

Tipparteċipa f’diversi gruppi ta’ ħidma (ġabra tal-mudelli, ġestjoni tad-dokumenti, attwazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura l-ġodda, applikazzjonijiet informatiċi, eċċ.) kif ukoll fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet informatiċi (lista tal-kelliema, segwitu tal-atti, ELVIIS, PPMS – ġestjoni tal-preċedenti tas-seduti, ġestjoni tal-ispjegazzjonijiet tal-vot, eċċ.)

UNITÀ TAT-TRESSIQ TAD-DOKUMENTI

Tiżgura l-preparazzjoni tal-listi tal-votazzjonijiet, ir-riċezzjoni tat-talbiet għal votazzjoni separata, maqsuma u b’sejħa tal-ismijiet, il-briefing u l-assistenza lill-presidenti tas-seduta (votazzjonijiet fis-seduta plenarja);

Tiżgura l-verifika, ir-reġistrazzjoni, it-tressiq għat-traduzzjoni u s-segwitu tal-emendi u tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni (tressiq uffiċjali);

Taċċerta ruħha mill-konformità mal-mudelli parlamentari: attività ta’ konsulenza u verifika;

Tiżgura s-sostenn u l-konsulenza lill-Membri, lill-Kummissarji, lill-gruppi politiċi u lill-persunal tal-Parlament dwar kull kwistjoni ta’ proċedura;

Tagħti pariri lill-segretarjati tal-kumitati parlamentari u lill-President tal-Parlament dwar kull kwistjoni ta’ ammissibilità;

Tiżgura l-verifika ir-reġistrazzjoni, it-tressiq għat-traduzzjoni u s-segwitu tar-rapporti adottati mill-kumitati parlamentari (tressiq uffiċjali);

Telabora statistika dwar ċerti attivitajiet elenkati hawn taħt;

Tipparteċipa fi gruppi ta’ ħidma interservizzi (proġetti informatiċi, Regoli ta’ Proċedura, “Parliamentary Project Portfolio”) kif ukoll f’azzjonijiet ta’ taħriġ immirati għall-Membri u għall-assistenti tagħhom, għall-gruppi politiċi u għall-persunal ikkonċernat tas-Segretarjat Ġenerali.

UNITÀ TAL-POSTA UFFIĊJALI

Tiżgura l-ipproċessar tal-posta uffiċjali tal-Parlament u tal-posta tal-President (reġistrazzjoni, sinteżi u assenjazzjoni, sostenn tal-utenti GEDA rigward ir-reġistrazzjoni tal-posta);

Tiżgura li l-posta indirizzata lill-istituzzjoni tasal għand min hu kkonċernat u tgħaddi lil min hu kkonċernat (verifika, tqassim, reġistrazzjoni tal-pakketti u posta reġistrata, servizzi lill-klijenti);

Tiżgura l-ipproċessar tal-posta li toħroġ (reġistrazzjoni u affrankament);

Tiżgura l-ġestjoni tal-baġit relatata mal-posta.

UNITÀ TAL-ILQIGĦ U R-REFERENZA TAD-DOKUMENTI UFFIĊJALI

Riferimenti:

Tiżgura l-analiżi proċedurali u ta’ sustanza, in-notifika, l-assenjazzjoni amministrattiva u informatika tad-dokumenti uffiċjali lill-kumitati parlamentari; tiżgura l-komunikazzjoni tat-tħabbiriet li għandhom jingħataw fil-Minuti tas-seduta u l-ħolqien tal-proċeduri; tikkonsulta lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji l-oħrajn tal-UE;

Petizzjonijiet:

Tiżgura r-riċezzjoni, l-analiżi tal-kriterji regolatorji u tal-kontenut, ir-reġistrazzjoni tal-petizzjonijiet imressqa lill-Parlament miċ-ċittadini jew mir-residenti; tiżgura l-kuntatti u l-interazzjonijiet mas-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; tfassal lista tal-petizzjonijiet potenzjalment mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Art. 227 tat-TFUE; tiġġestixxi r-riferimenti lill-korp kompetenti fil-lista 1, 3 u 4; tiżgura l-pubblikazzjoni fil-Minuti tas-seduti l-petizzjonijiet inklużi fir-reġistru;

Trażmissjoni ta’ dokumenti:

Tiżgura r-riċezzjoni, il-kontroll tal-konformità, l-aċċettazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-dokumenti uffiċjali trażmessi mill-Membri, mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-aġenziji l-oħrajn tal-UE, kif ukoll li jiġu mill-parlamenti nazzjonali; tiżgura t-tħabbbir formali tal-proċeduri (Minuti) u tad-dokumenti (sit Europarl);

Komitoloġija:

Tiżgura r-riċezzjoni, il-kontroll tal-konformità u l-aċċettazzjoni, l-assenjazzjoni lill-kumitati parlamentari kompetenti tal-miżuri ta’ implimentazzjoni rigward id-drittijiet ta’ informazzjoni, id-dritt ta’ skrutinju, il-proċeduri regolatorji bi skrutinju kif ukoll l-atti delegati u d-dokumenti relatati mal-laqgħat tal-esperti nazzjonali u l-missjonijiet “FVO”; tgħarraf it-tħabbiriet li għandhom jingħataw fil-Minuti tas-seduti; tiżgura l-interazzjoni fi ħdan id-“DIAS network”;

Attivitajiet oħrajn:

Tiżgura l-alimentazzjoni, is-segwitu u ż-żamma tal-Osservatorju leġiżlattiv (OEIL); tipparteċipa fil-ġestjoni finanzjarja tal-OEIL, iżżomm kuntatti mal-kuntrattur estern;

Tipparteċipa f’diversi gruppi ta’ ħidma kif ukoll fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet informatiċi (OEIL, ITER, EPgreffe, petiport, petigreffe).

UNITÀ TAL-AMMINISTRAZZJONI TAL-MEMBRI

Tiżgura s-segwitu li jingħata lill-proċeduri relatati mal-bidu u mat-tmiem tal-mandat tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-osservaturi (tfassil tal-Minuti ta’ riżenja u trażmissjoni lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI), preparazzjoni tat-tħabbir fis-seduta, informazzjoni lis-servizzi, kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, preparazzjoni tal-fajl relatat mal-verifika tal-kredenzjali tal-Membri ġodda);

Tiżgura l-funzjonijiet ta’ segretarjat tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri tal-Parlament (organizzazzjoni tal-laqgħat, tħejjija tal-fajls tal-laqgħat, azzjonijiet li għandhom jittieħdu b’segwitu għad-deċiżjonijiet li jieħu l-Kumitat);

Tiżgura r-riċezzjoni u r-reġistrazzjoni tat-talbiet għat-tneħħija u għall-ħarsien tal-immunità parlamentari (informazzjoni tal-Membru kkonċernat, preparazzjoni tat-tħabbir fis-seduta, trażmissjoni tal-fajl lill-Kumitat JURI);

Tiżgura l-ġestjoni tal-kompożizzjoni tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet parlamentari u l-ġestjoni tar-reġistru tal-intergruppi;

Tiżgura l-ġestjoni tar-reġistru tad-dikjarazzjonijiet tal-interess finanzjarju tal-Membru u tar-reġistru tar-rigali u tal-inviti għal avvenimenti organizzati minn terzi;

Tiżgura l-ġestjoni tad-data personali tal-Membri (reġistrazzjoni tal-bażi tad-data MEP ta’ kull tibdil li jsir fl-iskeda personali tal-Membri, jiġifieri l-appartenenza għal korp tal-Parlament jew l-affiljazzjoni fi grupp politiku, tibdil tal-indirizz, eċċ.) u tal-curriculum vitae tagħhom;

Tistabbilixxi l-permessi u l-attestati, tagħti assistenza lill-Membri fil-formalitajiet mal-amministrazzjoni Belġjana biex jiksbu l-karta tal-identità speċjali (CIS).


Top