Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2013/272/06

    Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    ĠU C 272, 20.9.2013, p. 7–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 272/7


    Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    2013/C 272/06

    Image

    Il-wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta' 2 euro biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mir-Repubblika Ellenika

    Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni huma valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha, bħala informazzjoni għall-pubbliku u għall-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2) dwar dan, l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-UE li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, notevolment li dawn ikunu biss muniti taż-2 euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

    Il-pajjiż li qed joħroġ il-munita: Ir-Repubblika Ellenika

    Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-100 Anniversarju tal-unjoni ta' Kreta mal-Greċja

    Deskrizzjoni tad-disinn: Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi lir-ribelli ta' Kreta jtellgħu l-bandiera Griega, rappreżentazzjoni simbolika tat-taqbida ta' Kreta għall-Unjoni mal-Greċja. Fin-naħa ta’ fuq, għat-tond u b'ittri kbar l-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita “Ir-Repubblika Ellenika” bil-Grieg. Taħt, il-kliem: “100 sena mill-unjoni ta’ Kreta mal-Greċja” bil-Grieg. Fuq il-lemin: “1913-2013” u l-monogramm taz-zekka Griega. Isfel, “ΣΤΑΜ” (il-monogramm tal-awtur G. Stamatopoulos).

    Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

    L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: massimu ta' 750 000

    Id-data tal-ħruġ: Fil-ħarifa tal-2013


    (1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

    (2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


    Top