Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2012/199/09

MEDIA Mundus – Sejħa għall-proposti 2013

ĠU C 199, 7.7.2012, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/10


MEDIA Mundus – Sejħa għall-proposti 2013

2012/C 199/09

1.   Għanijiet

Din is-Sejħa għall-Proposti hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1041/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi programm ta' kooperazzjoni awdjoviżiv ma' professjonisti minn pajjiżi terzi (MEDIA Mundus 2011-2013) (1).

L-għanijiet tal-programm huma li tiżdied il-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva Ewropea, biex l-Ewropa tkun tista' twettaq ir-rwol kulturali u politiku tagħha fid-dinja b'mod aktar effettiv u li tiżdied l-għażla tal-konsumaturi u d-diversità kulturali. Il-programm ser ifittex li jtejjeb l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi u li jibni l-fiduċja u relazzjonijiet tax-xogħol fit-tul.

Il-Programm Media Mundus jappoġġa proġetti ta' kooperazzjoni bejn il-professjonisti Ewropej u l-professjonisti mill-pajjiżi terzi, għall-benefiċċju reċiproku tas-settur awdjoviżiv Ewropew u dak tal-pajjiżi terzi.

2.   L-azzjonijiet eliġibbli

L-azzjonijiet deskritti fil-qosor huma:

—   Azzjoni 1 – Appoġġ għat-taħriġ: din l-azzjoni timmira li ssaħħaħ il-ħiliet tal-professjonisti Ewropej u dawk tal-pajjiżi terzi.

L-Għażla 1 tappoġġa l-inklużjoni tal-istudenti/professjonisti u l-għalliema minn pajjiżi mhux membri tal-UE fi skemi ta' taħriġ inizjali jew kontinwi appoġġati mill-programm MEDIA 2007 (2);

L-Għażla 2 tappoġġa l-ħolqien ta' skema ta' taħriġ kontinwu speċifiku għall-MEDIA Mundus

—   Azzjoni 2 – Appoġġ għall-aċċess tas-suq: din l-azzjoni tappoġġa proġetti li jippromwovu l-aċċess għas-swieq internazzjonali għal xogħlijiet awdjoviżivi. Dawn il-proġetti jikkonċernaw l-iżvilupp u/jew il-fażijiet ta' qabel il-produzzjoni (pereżempju s-swieq internazzjonali ta' koproduzzjoni) u attivitajiet iktar avvanzati (avvenimenti li jiffaċilitaw il-bejgħ internazzjonali tax-xogħlijiet).

—   Azzjoni 3 – Appoġġ għad-Distribuzzjoni u ċ-Ċirkolazzjoni: din l-azzjoni tippromwovi d-distribuzzjoni, il-promozzjoni, il-wiri u t-tixrid ta' xogħlijiet Ewropej fi swieq ta' pajjiżi terzi u ta' xogħlijiet awdjoviżivi minn pajjiżi terzi fl-Ewropa fl-aħjar kundizzjonijiet.

—   Azzjoni 4 – Attivitajiet komuni: din l-azzjoni tappoġġa proġetti ta' natura komuni, jiġifieri li jolqtu iktar minn prijorità waħda ta' dan il-programm, pereżempju taħriġ li warajh isiru avvenimenti ta' promozzjoni f'laqgħat ta' koproduzzjoni.

Din is-sejħa tkopri proġetti li jibdew bejn l-1 ta' Frar 2013 u t-30 ta' Ġunju 2014 u l-proġetti għandhom ikunu lesti qabel l-1 ta' Ottubru 2014. L-ispejjeż ta' tħejjija għall-proġetti huma eliġibbli mhux qabel l-1 ta' Jannar 2012.

3.   Il-kandidati eliġibbli

Il-proġetti li se jiġu ffinanzjati minn MEDIA Mundus għandhom:

Jiġu proposti u implimentati b'mod konġunt minn professjonisti Ewropej u minn pajjiżi terzi sabiex ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-programm.

Jippromwovu n-netwerking internazzjonali. Għal dan il-għan, minbarra l-proġetti mressqa taħt l-Azzjoni 1 – Għażla 1, kull proġett għandu jitmexxa u jiġi implimentat minn grupp li jissodisfa tliet kriterji:

(1)

Il-grupp għandu jkollu mill-inqas tliet imsieħba (inkluż il-koordinatur). Madankollu, proġetti b'żewġt isħab biss (inkluż il-koordinatur) jistgħu jiġu ammessi meta n-netwerking meħtieġ ikun iggarantit. In-netwerking jiġi garantit jekk il-koordinatur tal-proġett ikun netwerk Ewropew ta' professjonisti/kumpaniji awdjoviżivi li jkopru iktar minn għaxar Stati Membri Ewropej.

(2)

Il-koordinatur tal-grupp għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fl-Islanda, il-Liechtenstein jew in-Norveġja. Il-proġetti li jinbdew wara l-1 ta' Lulju 2013 li jkunu ppreżentati minn koordinaturi b'uffiċċju rreġistrat fil-Kroazja, ukoll huma eliġibbli (3). L-applikazzjonijiet mingħand “persuni fiżiċi” (individwi) mhumiex eliġibbli.

(3)

Il-grupp għandu jinkludi mill-inqas ko-benefiċjarju wieħed marbut mas-settur awdjoviżiv li jkollu uffiċċju rreġistrat f'pajjiż mhux fl-UE (minbarra l-Kroazja u l-Isvizzera). L-applikazzjonijiet mingħand “persuni fiżiċi” (individwi) mhumiex eliġibbli.

Il-kundizzjonijiet speċifiċi qegħdin stipulati fil-Programm ta' Ħidma ta' MEDIA Mundus 2013.

4.   Il-kriterji tal-għażla

Se jingħataw punti lill-applikazzjonijiet eliġibbli minn total ta' 100 fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

Il-kwalità tal-kontenut tal-attività (Massimu: 25 punt, Il-limitu minimu għandu jintlaħaq: 50 %)

Il-ġestjoni tal-Proġett (Massimu: 25 punt, Il-limitu minimu għandu jintlaħaq: 50 %)

Id-dimensjoni internazzjonali u Ewropea u valur miżjud (Massimu: 30 punt, Il-limitu minimu għandu jintlaħaq: 50 %)

Impatt (Massimu: 20 punt, Il-limitu minimu għandu jintlaħaq: 50 %)

5.   Il-baġit għall-proġetti

L-ammont disponibbli għal din is-sejħa għall-proposti hu ta’ EUR 4 626 000. L-appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni ma jistax jaqbeż 50 %, 60 % jew 70 % tal-ispejjez totali eliġibbli, skont in-natura tal-attività.

Il-kontribut finanzjarju se jingħata fil-forma ta’ għotja.

6.   Id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-proposti

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu qabel it-28 ta' Settembru 2012 lil:

Ms Aviva SILVER

European Commission

Directorate-General for Education and Culture

Directorate D — Culture and media

Unit D3 — MEDIA programme and media literacy

Office MADO 18/68

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

7.   Informazzjoni sħiħa

Il-Linji Gwida tal-Programm ta' Ħidma u l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/media

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mat-termini kollha tal-linji gwida, għandhom jitressqu fuq il-formoli pprovduti u għandu jkun fihom l-informazzjoni u l-Annessi kollha speċifikati fit-test sħiħ tas-sejħa.


(1)  ĠU L 288, 4.11.2009, p. 10.

(2)  Tista' tinkiseb iktar informazzjoni minn dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/media. Il-Programm MEDIA 2007 ġie stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007).

(3)  Sakemm il-Kroazja tidħol fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013.


Top