Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2009/095/06

    Sejħa għal turija ta’ interess għal esperti esterni sabiex jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma ta’ esperti xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (Parma, Italy)

    ĠU C 95, 24.4.2009, p. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 95/14


    Sejħa għal turija ta’ interess għal esperti esterni sabiex jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma ta’ esperti xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (Parma, Italy)

    2009/C 95/06

    L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (European Food Safety Authority - EFSA) hija l-qafas ewlieni għall-evalwazzjoni tar-riskji tal-Unjoni Ewropea (UE) fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u l-għalf. B’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali u b’konsultazzjoni miftuħa mal-partijiet interessati tagħha, l-EFSA tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti u komunikazzjoni dwar riskji eżistenti u emerġenti.

    L-Awtorità stabbilixxiet proċedura ta’ għażla li għandha l-għan li tfassal lista ta’ riżerva ta’:

    ESPERTI ESTERNI BIEX JIĠU KKUNSIDRATI GĦAS-SĦUBIJA TA’ GRUPP TA’ ĦIDMA TA’ ESPERTI XJENTIFIĊI BIEX JIRREVEDU B’MOD ESTERN IL-KWALITÀ TAL-PRODUZZJONI XJENTIFIKA TAL-AWTORITÀ EWROPEA GĦAS-SIGURTÀ FL-IKEL

    Ref.: EFSA/E/2009/001

    L-Awtorità għandha l-intenzjoni li jkollha grupp ta’ ħidma xjentifiku sabiex jevalwa l-kwalità tal-produzzjoni xjentifika (1) fl-oqsma koperti mid-Direttorati Xjentifiċi u t-Taqsima tal-Kumitat Xjentifiku u l-Forum ta’ Konsulenza tal-EFSA.

    L-esperti xjentifiċi esterni huma mistiedna jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sabiex jiġu kkunsidrati għas-sħubija fil-grupp ta’ ħidma msemmi hawn fuq.

    L-AWTORITÀ EWROPEA GĦAS-SIGURTÀ FL-IKEL

    L-EFSA hija l-bażi tas-sistema tal-evalwazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-ikel u l-għalf tal-UE; il-parir xjentifiku tagħha dwar ir-riskji eżistenti u emerġenti jipprovdi l-bażi tal-politiki u tad-deċiżjonijiet tal-maniġers tar-riskji fl-Istituzzjonijiet Ewropej u fl-Istati Membri tal-UE. L-irwol l-aktar importanti tal-Awtorità huwa li jipprovdi parir xjentifiku trasparenti u indipendenti u komunikazzjoni ċara bbażata fuq l-aktar metodoloġiji xjentifiċi u l-aktar dejta aġġornata disponibbli.

    L-EFSA tlaqqa’ flimkien l-aqwa xjenzati Ewropej fl-evalwazzjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà fl-ikel u fl-għalf. Dawn jaġixxu f’kapaċità indipendenti għall-Awtorità - organizzazzjoni awtonoma u rregolata minnha stess li tipprovdi lill-Istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri b’parir xjentifiku tal-għola livell.

    L-Awtorità timxi skont standards ewlenin ta’ eċċellenza xjentifika, ftuħ, trasparenza, indipendenza u reattività. Billi taħdem b’mod indipendenti, miftuħ u trasparenti l-EFSA tagħti l-aħjar parir xjentifiku possibbli u għalhekk tikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sistema Ewropea għas-sigurtà tal-ikel u l-għalf.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-Panils Xjentifiċi tal-EFSA kif ukoll il-fluss ta’ ħidma għal opinjonijiet xjentifiċi jistgħu jinstabu fuq is-sit elettroniku tal-EFSA.

    Panils Xjentifiċi: http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_ScientificPanels.htm

    Fluss ta’ ħidma għal opinjonijiet xjentifiċi: http://www.efsa.europa.eu/EFSA/AboutEfsa/HowWeWork/efsa_locale-1178620753812_WorkflowForScientificOpinions.htm

    Għal aktar tagħrif dwar ir-regoli interni tal-EFSA: http://www.efsa.europa.eu/EFSA/AboutEfsa/WhoWeAre/efsa_locale-1178620753812_managementdocuments.htm

    L-irwol tal-evalwaturi esterni tar-riżultati xjentifiċi tal-EFSA

    Wara l-proposta tal-Kumitat Xjentifiku ta’ sistema fi tliet partijiet sabiex tiġi riveduta l-kwalità tal-attivitajiet xjentifiċi tal-EFSA (2), fl-ewwel nofs tas-sena 2008 l-EFSA implimentat l-ewwel żewġ komponenti, l-awto-reviżjoni u r-reviżjoni interna. Bħalissa qiegħda fil-proċess li timplimenta t-tielet parti, ir-reviżjoni esterna.

    Ir-reviżjoni esterna sejra tkopri evalwazzjoni ta’ kampjun ta’ riżultati xjentifiċi tal-EFSA li diġà ġew adottati u ppubblikati (3) sabiex jiġi evalwat jekk:

    Ġewx segwiti l-aħjar prattiċi ta’ evalwazzjoni fl-iżvilupp tal-pro-duzz-joni fir-rigward tal-ġbir, id-des-krizz-joni, l-evalwazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dejta xjentifika;

    Ġewx appoġġati l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet b’deskrizzjoni adegwata tar-raġunament li ntuża għall-interpretazzjoni tad-dejta xjentifika, bl-attenzjoni dovuta mogħtija għas-suppożizzjonijiet u l-inċertezzi;

    Ġewx indirizzati b’mod adegwat it-termini ta’ referenza fil-konklużjonijiet.

    Sabiex jiġu żgurati l-affarijiet imsemmijin hawn fuq, ir-reviżuri esterni jirċievu kwestjonarju, wieħed simili għall-kwestjonarju li jintuża għar-reviżjoni interna, li għandu jimtela matul ir-reviżjoni tagħhom li jiffoka fuq:

    L-indirizzar tat-Termini ta’ Referenza;

    L-ispeċifikazzjoni tal-objettivi;

    Il-limiti bejn l-evalwazzjoni tar-riskji u l-ġestjoni tar-riskji;

    Il-metodi ta’ analiżi statistiċi applikati u oħrajn;

    Il-bilanċ bejn is-sejbiet maġġuri u dawk minuri;

    L-indikazzjoni ta’ liema riċerka jew informazzjoni addizzjonali tista’ tkun meħtieġa;

    Il-koerenza bejn il-konklużjonijiet u l-kontenut ewlieni tal-opinjoni/rapport;

    It-turija u r-rapportar tal-opinjonijiet tal-minorità;

    Il-koerenza bejn is-sommarju, il-kuntest tal-mistoqsija u l-kontenut tal-opinjoni;

    Iċ-ċarezza tas-sommarju għall-maniġers tar-riskji.

    Sejrin jiġu stabbiliti Sottogruppi tar-Reviżjoni Esterna (External Review Sottogruppi - ERS) li jkunu magħmulin minn 3 esperti, jiġifieri Chairman u 2 Rapporteurs, fil-Grupp ta’ Ħidma għal kull wieħed mis-7 oqsma ta’ attività (4).

    L-24 espert tal-ERS għandhom jiltaqgħu darba fil-bini tal-EFSA f’laqgħa plenarja. L-ERS imbagħad jirrevedu r-riżultati xjentifiċi barra mill-post u jerġgħu jiltaqgħu fil-bini tal-EFSA għal jumejn jew tlieta sabiex ifasslu u jiftehmu fuq l-evalwazzjoni, sabiex jipprovdu r-reazzjonijiet tagħhom dwar il-proċedura u x-xogħol li sar f’dan il-proċess. L-esperti jkunu sostnuti mit-Taqsima tal-Kumitat Xjentifiku u l-Forum ta’ Konsulenza.

    L-evalwazzjoni esterna tal-oqsma ta’ attività kollha għandha tiġi ffinalizzata sal-aħħar ta’ Ottubru 2009.

    Ir-rimborż

    L-esperti esterni huma intitolati għal indennizz ta’ 300 Ewro għal kull jum sħiħ ta’ attendenza għal-laqgħat sabiex ipattu għal spejjeż oħra li jirriżultaw mill-kontribuzzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fix-xogħol tas-Sottogrupp tar-Reviżjoni Esterna. Bħala kumpens għall-ispejjeż li jiġu mġarrba minħabba x-xogħol tat-tħejjija għal-laqgħat, iċ-Chairman ta’ kull Sottogrupp Sekondarju tar-Reviżjoni Esterna huwa intitolat għal indennizz addizzjonali ta’ kuljum għal kull laqgħa. Kull Rapporteur huwa intitolat għal indennizz ta’ 600 Ewro biex ikopri l-ispejjeż relatati mal-koordinazzjoni tax-xogħol ta’ tħejjija għall-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni.

    L-ispejjeż tal-ivjaġġar u s-sussistenza mġarrba mill-esperti esterni f’konnessjoni ma’ laqgħat relatati mas-Sottogrupp tar-Reviżjoni Esterna jistgħu jiġu rimborżati bil-kundizzjonijiet previsti għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivjaġġar u s-sussistenza li jiġġarrbu mill-Membri jew mill-esperti esterni minħabba laqgħat relatati mal-Kumitat jew Panil Xjentifiku.

    L-applikazzjoni

    Sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kkunsidrat għas-sħubija fil-grupp ta’ ħidma għar-reviżjoni tal-kwalità tal-prodotti xjentifiċi tal-EFSA, l-esperti huma mħeġġa jimlew l-applikazzjoni online u jipprovdu l-preferenzi tagħhom għal massimu ta’ 3 oqsma ta’ attività minn 7. Dawn l-oqsma jinkludu:

    Evalwazzjoni tar-riskji kimiċi u oqsma relatati (5)

    Nutrizzjoni u ikel ġdid

    Evalwazzjoni tar-riskji bijoloġiċi u ġabra tad-dejta taż-żoonożi

    Is-saħħa u l-benesseri tal-annimali

    Is-saħħa tal-Pjanti

    Organiżmi Modifikati Ġenetikament

    Il-metodoloġiji għall-evalwazzjoni tar-riskji u r-riskji emerġenti

    Ir-rekwiżiti

    Sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kkunsidrat għas-sħubija fil-grupp ta’ ħidma għar-reviżjoni tal-kwalità tal-prodotti xjentifiċi tal-EFSA, huma meħtieġa l-kwalifiki u l-esperjenzi professjonali li ġejjin (6):

    A.

    Kriterji ta’ eliġibbiltà

    (i)

    Lawrja universitarja f’oqsma li jinkludu t-Tossikoloġija, l-Ekotossikoloġija, ix-Xjenzi Ambjentali, il-Kimika, il-Bijokimika, it-Teknoloġija tal-Ikel, il-Farmakoloġija, il-Mediċina Veterinarja, il-Mediċina tal-Bniedem, il-Farmaċija, il-Bijoloġija, ix-Xjenza tal-Ħajja, l-Agronomija/Xjenza tal-Agrikoltura, l-Epidemoloġija, il-Mediċina Okkupazzjonali, is-Saħħa Pubblika jew f’oqsma relatati mas-saħħa pubblika, f’livell postgradwatorju;

    (ii)

    Mill-inqas għaxar (10) snin ta’ esperjenza professjonali relevanti għall-kompetenza tal-qasam ta’ attività preferut f’livell li għalih il-kwalifiki meħtieġa msemmijin hawn fuq jipprovdu l-eliġibbiltà;

    (iii)

    Għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża;

    (iv)

    Il-kandidati għandhom jikkonformaw mal-politika tal-EFSA dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Interess u għandhom jimlew il-formola tad-dikjarazzjoni ta’ interess inkluża fl-applikazzjoni b’mod estensiv, eżatt u sħiħ. Jekk jogħġbok innota li jekk din il-parti tal-formola ma timteliex b’mod sħiħ, dan jirriżulta fir-rifjut tal-applikazzjoni;

    Għal aktar tagħrif rigward id-Dikjarazzjonijiet ta’ Interess: http://www.efsa.europa.eu/EFSA/AboutEfsa/WhoWeAre/efsa_locale-1178620753812_DeclarationsInterest.htm

    (v)

    Il-kandidati għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej, ta’ pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Liberu (European Free Trade Association - EFTA) u ta’ pajjiżi ta’ adeżjoni tal-UE. L-esperti minn pajjiżi mhux Ewropej jistgħu japplikaw ukoll iżda dawn jiġu kkunsidrati biss meta l-livell meħtieġ ta’ kompetenza ma jinstabx fost l-esperti Ewropej.

    (vi)

    Il-kandidati ma jistgħux ikunu ilhom jikkontribwixxu b’mod attiv għar-riżultati xjentifiċi tal-EFSA matul dawn l-aħħar sentejn, jiġifieri wara l-15 ta’ Ġunju 2007.

    B.

    Kriterji tal-għażla

    Esperjenza fit-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u/jew fl-għoti ta’ parir xjentifiku f’oqsma relatati mas-sigurtà fl-ikel u fl-għalf b’mod ġenerali, u b’mod partikolari fil-qasam jew oqsma ta’ attività koperti mill-Kumitat Xjentifiku jew il-Panils Xjentifiċi.

    Eċċellenza xjentifika evidenzjata f’kamp wieħed, jew preferibbilment, f’aktar minn wieħed koperti mill-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panils Xjentifiċi.

    Esperjenza f’xogħol xjentifiku u pubblikazzjonijiet ta’ reviżjoni tal-pari, preferibbilment fl-oqsma koperti mill-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panils Xjentifiċi.

    Esperjenza professjonali fil-verifika tal-kwalità tal-ħidma xjentifika u prattiċi tajbin tal-evalwazzjoni tar-riskji.

    Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u ta’ interess

    L-esperti esterni jinħatru fuq bażi personali. L-applikanti huma meħtieġa li jinkludu dikjarazzjoni li jwiegħdu li jaġixxu b’mod indipendenti minn kull influwenza barranija u dikjarazzjoni ta’ interess li tista’ tkun ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom.

    Opportunitajiet Ugwali

    L-EFSA toqgħod attenta ħafna li tapplika l-prinċipji ta’ trattament ugwali fil-proċeduri tagħha.

    Id-Database tal-esperti esterni tal-EFSA

    Jekk jogħġbok innota li l-applikazzjoni għall-inklużjoni fid-database tal-esperti esterni ssir permezz ta’ proċedura separata, ara

    http://www.efsa.europa.eu/EFSA/AboutEfsa/WhoWeAre/efsa_locale-1178620753812_1178712806106.htm.

    Il-kandidati li bħalissa huma nklużi fid-database tal-esperti mhumiex esklużi mill-parteċipazzjoni f’din is-sejħa sakemm ma jkunux ikkontribwew b’mod attiv għall-produzzjoni xjentifika tal-EFSA matul dawn l-aħħar sentejn.

    Il-Ġestjoni tad-Dejta Personali fil-kuntest ta’ din is-Sejħa għal Turija ta’ Interess

    L-informazzjoni personali kollha dwar il-kandidati tiġi pproċessata mill-EFSA skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data.

    Id-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA huwa identifikat bħala l-kontrollur għall-ipproċessar ta’ dejta personali relatata mal-proċedura ta’ għażla bbażata fuq din is-Sejħa għal Turija ta’ Interess.

    L-għan tal-ipproċessar huwa li jorganizza għażla ta’ evalwaturi għall-eżerċizzju tar-reviżjoni esterna tal-EFSA u d-dejta personali kollha għandha tiġi pproċessata għal dan il-għan biss.

    Il-kandidati għandhom id-dritt li jaċċessaw id-dejta tagħhom u li jaġġornaw jew jikkoreġu d-dejta ta’ identifikazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-dejta li turi konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-kriterji ta’ għażla ma tistax tiġi aġġornata jew korretta wara d-data ta’ għeluq ta’ din is-Sejħa għal Turija ta’ Interess.

    Il-kandidati huma intitolati li jirrikorru fi kwalunkwe mument għas-Sorveljatur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta.

    Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

    Il-kandidati huma ġentilment mitluba jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom b’mod elettroniku flimkien mad-Dikjarazzjoni ta’ Interess u li jimlew il-formola ta’ applikazzjoni bl-Ingliż sabiex jiffaċilitaw il-proċedura ta’ għażla.

    Il-kandidati kollha li japplikaw għal din is-sejħa għal turija ta’ interess jiġu infurmati bil-posta dwar ir-riżultat tal-proċess ta’ għażla.

    L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2009 f’nofs il-lejl (Ħin lokali, GMT +1). Għal dawk mibgħuta permezz ta’ posta reġistrata, id-data tat-timbru tal-posta sservi ta’ prova.


    (1)  Il-produzzjoni xjentifika tal-EFSA tista’ tiġi kklassifikata f’żewġ kategoriji wiesgħin: (1) Opinjonijiet Xjentifiċi tal-Panil Xjentifiku/Kumitat Xjentifiku, jiġifieri Opinjoni, Dikjarazzjoni jew Gwida tal-Kumitat Xjentifiku/Panil Xjentifiku, u (2) Prodotti xjentifiċi oħra tal-EFSA, jiġifieri Dikjarazzjoni tal-EFSA, Gwida tal-EFSA, Konklużjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Pestiċidi Bejn il-Pari, Opinjoni Raġunata jew Rapport Xjentifiku jew Tekniku.

    (2)  http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_1178628825410.htm (3 ta’ Awwissu 2007)

    (3)  Jiġifieri 2 riżultati għal kull Unità li wieħed minnhom diġà jkun ġie rivedut internament, biż-żieda ta’ xi prodotti sensittivi oħrajn

    (4)  Evalwazzjoni tar-riskji kimiċi u rapporti f’oqsma relatati (li għandhom jitqassmu f’żewġ gruppi ta’ reviżjoni), Grupp 1: Nutrizzjoni u ikel ġdid, Evalwazzjoni tar-riskji bijoloġiċi u Ġabra tad-Dejta taż-żoonożi; Grupp 2: Is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali, Is-Saħħa tal-Pjanti, GMO, Metodoloġiji għall-Evalwazzjoni tar-Riskji u r-riskji emerġenti.

    (5)  Ikopri ANS, CEF, CONTAM, DATEX, FEEDAP, PRAPER u PPR.

    (6)  L-EFSA żżomm id-dritt li tikkonsulta ma’ partijiet terzi dwar l-esperjenza professjonali tal-applikanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħhom.


    Top