Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/224/17

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' ekosistemi tal-baħar vulnerabbli f'ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena ta' l-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Prattiki tas-sajd distruttivi fl-ibħra internazzjonali u l-ħarsien ta' l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond COM(2007) 605 finali — 0227/0224(CNS) — COM(2007) 604 final

    ĠU C 224, 30.8.2008, p. 77–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 224/77


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ħarsien ta' ekosistemi tal-baħar vulnerabbli f'ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena ta' l-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ u

    l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Prattiki tas-sajd distruttivi fl-ibħra internazzjonali u l-ħarsien ta' l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond

    COM(2007) 605 finali — 0227/0224(CNS)

    COM(2007) 604 final

    (2008/C 224/17)

    Nhar l-4 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

    Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar vulnerabbli f'ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena ta' l-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ

    Fis-17 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skond il-Protokoll ta' Kooperazzjoni ffirmat fis-7 ta' Novembru 2005, dwar

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Prattiki tas-sajd distruttivi fl-ibħra internazzjonali u l-ħarsien ta' l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta' April 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Espuny Moyano u l-ko-rapporteur kien is-Sur Adams.

    Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'101 vot favur u astensjoni waħda.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jappoġġja l-orjentazzjoni ġenerali tal-politika ppreżentata mill-Kummissjoni f'din il-Proposta u Komunikazzjoni imma jemmen li l-kontenut, l-effettività u l-impatt tar-regolament propost jistgħu jittejbu billi jinkorporaw ir-rakkomandazzjonijiet li jidhru f'sezzjoni 4 u 5 ta' din l-Opinjoni.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    F'dawn l-aħħar snin ħareġ ċar il-fatt li l-ekosistemi ta' l-ibħra fondi jistgħu jkunu sors ta' bijodiversità immensa u ħajja marittima rikka. Huma wieħed mill-aħħar gruppi sinifikanti ta' riżorsi naturali li fadal fid-dinja. L-iskollijiet ta' l-ilma kiesaħ, il-muntanji tal-baħar, il-qroll, il-bokok idrotermali u l-qigħan ta' l-isponoż jinsabu dejjem aktar f'periklu minħabba attivitajiet umani. Dawn is-sistemi jeżistu f'ambjenti ħafna inqas produttivi minn dawk li jistgħu jinstabu f'ilmijiet baxxi u b'hekk jistgħu jieħdu sekli biex jirriġeneraw. It-tiftix għall-idrokarburi, it-tqegħid ta' kejbils, ir-rimi ta' l-iskart u tipi partikolari ta' attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ (1), kif ukoll attivitajiet umani oħra, jistgħu jkollhom effetti negattivi. L-iskollijiet ta' l-ilma kiesaħ jinsabu wkoll fiż-żoni ta' pjattaformi kontinentali f'latitudnijiet ta' temperatura. (2)

    2.2

    Is-sajd tal-qiegħ jirrikjedi rkaptu ferm speċjalizzat, li ġeneralment ikun jista' jintuża mingħajr ħsara serja fejn qiegħ il-baħar jkun tar-ramel jew tat-tajn. Madankollu, xi tipi ta' rkaptu jeħtieġu li jkunu tqal u b'saħħithom u f'ekosistemi tal-baħar fond jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-abitat u jkissru strutturi antiki insostitwibbli, b'mod partikolari l-qroll.

    2.3

    Kif spiss huwa l-każ fi kwistjonijiet ambjentali globali, inftiehem li din il-problema setgħet tiġi affrontata biss bl-introduzzjoni ta' miżuri bilanċjati, effettivi u infurzabbli fuq bażi dinjija. L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ilha tiddiskuti l-problemi li joħolqu l-prattiki tas-sajd f'ibħra internazzjonali sa mill-2004. Fit-8 ta' Diċembru 2006, adottat ir-Riżoluzzjoni 61/105 dwar is-Sajd Sostenibbli, li għamlet sejħa qawwija għal azzjoni mill-istati u organizzazzjonijiet li għandhom awtorità fuq is-sajd tal-qiegħ fl-ibħra internazzjonali biex jirregolaw sajd bħal dan sabiex ma ssirx ħsara lill-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar (3).

    2.4

    Din l-Opinjoni tittratta żewġ dokumenti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni ta' l-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar. L-ewwel, (COM(2007) 604), tiddettalja l-orjentazzjoni ġenerali tal-politika li qed jiġi propost li għandha tmexxi u tinforma azzjonijiet speċifiċi meħuda mill-UE. Dan jirriżulta minn rakkomandazzjonijiet tal-FAO li ġew żviluppati wara kunsiderazzjoni estensiva ta' din il-kwistjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-NU (4) li fiha l-UE kellha rwol importanti. It-tieni dokument (COM(2007) 605) huwa regolament propost tal-Kunsill li ser japplika għall-bastimenti ta' l-UE li joperaw fl-ibħra internazzjonali u li mhumiex koperti minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO — Regional Fisheries Management Organisation) u li għandu jitqies bħala rispons leġislattiv dirett.

    2.5

    Huwa fl-interess dejjiemi ta' kemm l-industrija kif ukoll il-komunità ta' konservazzjoni li jaraw li l-abitat ta' qiegħ il-baħar qiegħed jitħares biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà dejjiema ta' l-istokkijiet ta' ħut kif ukoll il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar.

    3.   L-approċċ ġenerali (COM(2007)604) u l-proposta speċifika tal-Kummissjoni fil-qosor (COM(2007) 605)

    3.1

    Iż-żewġ elementi ewlenin tal-qafas għall-ġestjoni tas-sajd tal-qiegħ fl-ibħra internazzjonali huma l-valutazzjoni minn qabel ta' l-impatt ambjentali ta' żona tas-sajd proposta bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd individwali u l-ħila li jintwera li ma hemm l-ebda impatt negattiv sinifikanti għas-sajd kontinwu. B'appoġġ għal dan, trid tiġi żviluppata riċerka aħjar u ġbir tad-data biex jiġu identifikati l-postijiet magħrufa jew fejn x'aktarx li jinsabu s-sistemi vulnerabbli, u wkoll id-dinamika ekoloġika tagħhom.

    3.2

    Miżura partikolarment siewja hija l-adozzjoni ta' żoni magħluqa jew żoni ta' ġestjoni speċjali fuq bażi ġeografika. Dan iseħħ, bi qbil, ma' RMFO. Il-protezzjoni barra minn RMFO hija r-responsabbiltà ta' l-Itati individwali f'dak li għandu x'jaqsam ma' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

    3.3

    Ir-Regolament propost jimponi l-kontroll rigoruż tas-sajd tal-qiegħ f'ibħra internazzjonali permezz ta' miżuri li jixbħu lil dawk diġa' adottati minn nazzjonijiet li jistadu fl-ibħra internazzjonali tal-Majjistral tal-Paċifiku, in-Nofsinhar tal-Paċifiku u l-ibħra Antartiċi u li tressqu għall-adozzjoni f'RMFOs fl-Atlantiku tat-Tramuntana u tax-Xlokk, l-Antartiku u l-Mediterran.

    3.4

    Matul it-tliet snin li fihom il-kwistjoni kienet qed tiġi negozjata fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Kummissjoni iltaqgħet ma' numru kbir ta' rappreżentanti ta' l-Istati Membri, l-industrija u l-korpi inkarigati mill-konservazzjoni ambjentali. Hija ħeġġet approċċ regolatorju (bil-kontra ta' projbizzjoni) bl-intenzjoni li dan jiġi applikat mill-Istati tal-bandiera permezz ta' RMFOs u mill-Istati tal-bandiera fejn il-bastimenti tagħhom joperaw fl-ibħra internazzjonali f'żoni fejn s'issa ma teżistix RMFO.

    3.5

    Fil-proposta, ħafna mill-ġestjoni tas-sajd fil-baħar fond titħalla f'idejn l-Istati membri ta' l-UE u tintrabat mal-ħruġ ta' permessi tas-sajd speċjali. Meta qed issir applikazzjoni għal permess, bastiment irid iressaq pjan tas-sajd li jgħid fejn ser ikun qed jistad, għal liema speċi ta' ħut ser jimmira, il-fond li fih ser jistad u l-profil batimetriku ta' qiegħ il-baħar f'dik iż-żona. L-awtoritajiet imbagħad iridu jivvalutaw il-pjan tas-sajd u l-impatt li jista' jkollu fuq kwalunkwe ekosistema vulnerabbli tal-baħar, skond l-aħjar informazzjon xjentifika possibbli.

    3.6

    Il-proposta ssemmi wkoll xi limitazzjonijiet ċari. L-użu ta' rkaptu tal-qiegħ f'fond ta' aktar minn 1,000 metru ser ikun projbit. Bastimenti tas-sajd li jiltaqgħu ma' ekosistemi tal-baħar vulnerabbli ser ikollhom iwaqqfu s-sajd minnufih u jitħallew ikomplu jistadu biss 5 mili nawtiċi jew aktar 'il bogħod mis-sit. L-awtoritajiet responsabbli għandhom jiġu infurmati dwar il-lokazzjoni ta' fejn is-sajjieda jkunu ltaqgħu ma' dawn l-ekosistemi, u mbagħad ikunu jistgħu jiddeċiedu li jagħlqu ż-żona għal sajd bl-irkaptu tal-qiegħ. Il-bastimenti kollha ser jintalbu wkoll li jużaw sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita kif ukoll li rekbin magħhom jkollhom osservaturi xjentifiċi.

    3.7

    L-Istati Membri ser jintalbu jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament kull 6 xhur. Il-Kummissjoni mbagħad tħejji rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill qabel Ġunju 2010, inklużi proposti għall-emendi li jkunu meħtieġa.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-KESE jappoġġja l-orjentazzjoni ġenerali tal-politika ppreżentata mill-Kummissjoni li hija konsistenti mal-pożizzjoni li esprimiet qabel dwar it-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità (NAT/334).

    4.2

    Fi snin riċenti l-KESE esplorat sfiq f'bosta opinjonijiet (5) il-kwistjonijiet pożittivi u negattivi li ħarġu mill-objettivi tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, u kif ir-riżorsi akwatiċi jistgħu jiġu sfruttati b'mod sostenibbli fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, u billi jitqiesu l-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali b'mod bilanċjat. Dawn l–aspetti għandhom jitqiesu kollha meta tkun qed tiġi analizzata l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament.

    4.3

    Kemm il-Komunikazzjoni u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li jivvalutaw l-impatt tar-Regolament propost, isemmu li fil-preżent ser japplika biss għal bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ jistadu fil-Lbiċ ta' l-Atlantiku barra ż-Żona Esklussiva Ekonomika ta' l-Arġentina.

    4.4

    Is-sajd isir minn madwar 30 bastiment Komunitarju fil-Lbiċ ta' l-Atlantiku, fejn għadha ma twaqqfitx RMFO, minħabba l-kunflitt politiku li ilu għaddej bejn ir-Renju Unit u l-Arġentina fuq il-Gżejjer Falkland. L-attività tas-sajd tistà tiġi deskritta kif ġej:

    Dak is-sajd li jseħħ f'ibħra internazzjonali jsir fuq il-pjattaforma kontinentali u fuq l-iskarpa ta' fuq tal-Pjattaforma Patagonjana. Ilu jeżisti għal 25 sena u l-industrija tas-sajd u x-xjentisti jassiguraw li jkopri l-istess żoni ta' ramel u ta' qiegħ ċatt. Jinqabdu żewġ tipi ta' ħut: il-klamar tal-pinen qosra (Illex), il-klamar komuni (Loligo) u l-marluzz (Merlucius hubsi). L-ebda wieħed minn dawn l-ispeċi ma huwa kklassifikat bħala ħut tal-baħar fond: il-klassifikazzjoni hija bbażata jew fuq il-kriterju tal-fond (6) (issa rrifjutat mill-FAO) jew tan-natura bijoloġika (ħajja twila, maturità fit-tard, tkabbir bil-mod jew fertilità baxxa (7)), li targumenta kontra protezzjoni miżjuda (8). Fi kliem ieħor, dan it-tip ta' sajd jinvolvi speċi ta' produttività medja u għolja, mingħajr qabdiet sekondarji, f'żoni li fihom mhux maħsub li jgħixu ekosistemi tant vulnerabbli.

    Dan is-sajd beda grazzi għal iffinanzjar mill-UE ta' vjaġġi tas-sajd esploratorji maħsuba biex il-flotta Komunitarja titqassam mill-ġdid. Dawn il-vjaġġi saru permezz ta' osservaturi abbord, u l-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha informazzjoni komprensiva dwarhom.

    Il-Kummissjoni ffinanzjat ukoll studji ta' valutazzjoni, u Spanja — permezz ta' l-Istitut Oċeanografiku Spanjol (IEO) — mexxiet programm ta' osservaturi abbord tul il-perijodu kollu biex tipprovdi informazzjoni kontinwa dwar dawn l-attivitajiet ta' sajd, flimkien ma' informazzjoni oħra (9).

    L-ispeċi maqbduda bi żball (qabdiet sekondarji) huma minimi, l-aktar maqbuda huma s-sallura pixxibittija (pink cusk-eel) jew il-gringu (Genipterus blacodes) u s-sakku tal-blat (rock cod). Dan ta' l-aħħar huwa speċi li mhijiex kummerċjali u qed isiru attentati biex tiġi introdotta fis-suq Komunitarju.

    Il-bastimenti Komunitarji kollha jaħdmu b'permessi tas-sajd speċjali maħruġa minn Stati Membri individwali u kkontrollati bis-satellita (VMS). Barra minn hekk, madwar 20 % tal-flotta jkollha abbord magħha osservaturi xjentifiċi.

    Kemm is-sajd għaċ-ċefalopodi (il-klamar tal-pinen qosra u dak komuni) u l-merluzz isir f'żewġ żoni żgħar ta' baħar internazzjonali li jagħmlu parti minn żona ħafna ikbar ta' attività ta' sajd li tinkludi ż-Żoni Esklussiva Ekonomiċi ta' l-Arġentina kif ukoll ta' l-Urugwaj, Kif ukoll iż-żona kkontrollota mill-gvern tal-Falklands, fejn joperaw madwar mitt bastiment mill-Arġentina, il-pajjiżi terzi u l-Falklands (10).

    Mill-ispeċi tal-fond tal-baħar fond imniżżla fl-Annessi I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta' aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta' l-istokkijiet tal-baħar fond (11), il-ħanżir tal-fond (wreckfish) biss jgħix f'ibħra Patagonjani, imma ma ġiet dokumentata l-ebda qabda ta' din l-ispeċi, la mill-IEO u lanqas mill-flotta Komunitarja.

    L-impjiegi u l-ġid iġġenerati minn dawn il-bastimenti huma kkonċentrati f'reġjun tal-Komunità li huwa ferm dipendenti fuq is-sajd (12).

    4.5

    Fid-dawl ta' dan kollu li ssemma, il-KESE jissuġġerixxi li jekk l-istħarriġ oċeanografiku komprensiv li qed isir bħalissa f'din iż-żona ma jsib l-ebda evidenza konklussiva ta' ekosistemi tal-baħar vulnerabbli allura din iż-żona (definita speċifikament b'mod ġeografiku) għandha tiġi eżentata mir-rekwiżiti tar-regolament propost.

    4.6

    Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li l-proposta tal-Kummissjoni ma tiżgurax l-applikazzjoni effettiva u l-armonizzazzjoni tar-regolamenti fl-Istati Membri. B'riżultat ta' dan, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni taqdi rwol aktar prominenti biex tikkoordina u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-regolament mill-Istati Membri.

    4.7

    Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi valutazzjonijiet xjentifiċi indipendenti barra mill-istudji ta' l-impatt ipprovduti mill-Istati Membri. Għal dan il-għan, għandha tipprovdi l-fondi meħtieġa biex ikopru dawn il-valutazzjonijiet.

    4.8

    Fl-aħħar nett, il-KESE jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-FAO qed tħejji serje ta' Linji Gwida għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Baħar Fond fl-Ibħra Internazzjonali, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis dawn il-konklużjonijiet ukoll.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1

    Il-KESE jemmen li l-Artikolu 1.1 tal-proposta għal Regolament jirreferi għal bastimenti Komunitarji tas-sajd li jistadu b'irkaptu tal-qiegħ f'żoni verġni u mhux sfruttati fl-ibħra internazzjonali u li għandu jqis dak li ntqal f'Punt 4.5 hawn fuq.

    5.2

    Il-KESE jemmen li t-tifsira ta' “ekosistemi tal-baħar vulnerabbli” fl-Artikolu 2 tal-proposta għal Regolament hija vaga u mhux ċara, u tistà toħloq problema ta' interpretazzjoni. Il-ħidma li qed issir mill-FAO tista' tgħin biex tiġi kkjarifikata.

    5.3

    Fir-rigward ta' Artikolu 4, paragrafu 5, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-emendi ta' pjanijiet tas-sajd kollha għandhom jiġu riveduti biex jiġi assigurat li ma jkollhom l-ebda impatt negattiv sinifikanti — iġifieri li l-emendi jindirizzaw il-problemi potenzjali identifikati fil-valutazzjonijiet ta' l-impatt b'mod effettiv. Il-KESE huwa imħasseb ukoll dwar il-fatt li t-tfassila tas-sistema mhix ser tkun flessibbli biżżejjed biex tadatta għal attivitajiet ta' sajd, li jistgħu jinbidlu faċilment u li hu diffiċli ħafna li tbassarhom.

    5.4

    Il-KESE jemmen li l-Artikolu 5 jista' wkoll joħloq konfużjoni, għax ma jiddifferenzjax bejn l-iskadenza u l-irtirar tal-permess. Il-permess tas-sajd speċjali huwa awtorizzazzjoni amministrattiva li tkun valida jekk isiru l-proċeduri meħtieġa għall-ħruġ tiegħu mill-amministrazzjoni kompetenti, sakemm ma jkunx sospiż jew irtirat minn din l-amministrazzjoni. L-amministrazzjoni għandha tinforma lis-sid tal-permess dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tal-permess tas-sajd direttament u tagħtih seduta. Għalhekk, il-KESE jipproponi hekk: “Il-permess tas-sajd speċjali kif irregolat fl-Artikolu 3(1) jiġi rtirat jekk l-attivitajiet ta' sajd ma jikkonformawx, ikun f'liema mument ikun, mal-pjan tas-sajd imressaq b'konformità ma' l-Artikolu 4(1)”.

    5.5

    B'hekk, it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 5(2) għandha tgħid “L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw bidliet bħal dawn u jistgħu jimmodifikaw il-kundizzjonijiet tal-permess biss jekk ma jitolbux rilokazzjoni ta' l-attivitajiet għal żoni fejn jeżistu jew jistgħu jeżistu ekosistemti tal-baħar vulnerabbli.”

    5.6

    L-Artikolu 6 jipproponi li jkun projbit l-użu ta' rkaptu tal-qiegħ f'fond ta' aktar minn 1000 metru. Il-KESE jemmen li din id-dispożizzjoni għandha titħassar għax m'hemmx biżżejjed evidenza xjentifika biex tappoġġja din ir-restrizzjoni, kif ħareġ mid-diskussjonijiet tal-FAO dwar il-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Baħar Fond fl-Ibħra Internazzjonali. Il-fatt li bħalissa ma hemm l-ebda flotta topera f'fond ta' aktar minn 1000 metru ma jfissirx li r-Regolament għandu jwaqqaf li dan iseħħ fil-futur, sakemm l-attività tkun sostenibbli. Barra minn hekk, kif tagħraf il-Kummissjoni stess, din il-miżura mhix irrakkomandata mir-Riżoluzzjonijiet 61/105 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU.

    5.7

    Il-KESE huwa mħasseb dwar l-ambigwità ta' l-Artikolu 8 tar-regolament propost. Jidher li ma hemm l-ebda garanzija li ż-żoni kollha fejn jeżistu jew jistgħu jeżistu ekosistemi vulnerabbli ser jingħalqu għas-sajd b'irkaptu tal-qiegħ. Ma hemm l-ebda obbligu ċar mitlub mill-Istati Membri li jagħlqu ż-żoni li jidentifikaw bħala x'aktarx vulnerabbli għall-bastimenti bil-bandiera tagħhom.

    5.8

    L-Artikolu 10 (kif fil-każ ta' l-Artikolu 5) jħawwad l-iskadenza mar-revoka jew l-irtirar ta' permess. Il-KESE għalhekk jissuġġerixxi li l-Artikolu 10(1) jinkiteb hekk: “Jekk bastiment tas-sajd ma jikkonformax mal-pjan tas-sajd kif irregolat fl-Artikolu 4(1) f'ċirkostanzi barra dawk speċifikati fl-Artikolu 5(2), il-permess tas-sajd speċjali maħruġ għal dan il-bastiment ikollu jiġi rtirat. Kull attività ta' sajd li ssir minn meta jiġi rtirat il-permess tas-sajd speċjali titqies bħala sajd mingħajr permess tas-sajd.”.

    5.9

    Fir-rigward ta' l-Artikolu 12, li jipproponi l-allokazzjoni ta' osservaturi fuq 100 % tal-bastimenti tas-sajd, il-KESE jqis din il-miżura bħala waħda sproporzjonata, mhux meħtieġa u, f'uħud mill-każijiet, mhux inforzabbli, għaliex mhux il-bastimenti kollha huma mgħammra biex jakkomodaw persuna oħra abbord. Barra minn hekk, dan l-aspett ikun ifisser żieda oħra fl-ispejjeż rikorrenti ta' l-intrapriżi. Kollox ma' kollox, il-korpi xjentifiċi jqisu li persentaġġ speċifiku ta' osservaturi abbord huwa biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi proposti.

    5.10

    Fir-rigward ta' l-Artikolu 14, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi rapport lill-Kunsill u lill-Parlament sat-30 ta' Ġunju 2008 flok sat-30 ta' Ġunju 2010, id-data li ġiet stipulata issa fl-artikolu. L-Assemblea Ġenerali tan-NU qablet li tirrevedi l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni ta' l-2006 fl-2009 u jkun importanti għall-Kummissjoni li tipprovdi rapport li jkun fil-ħin għar-Reviżjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU.

    5.11

    Il-KESE jemmen li ż-żmien għad-dħul fis-seħħ (sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej) mhuwiex biżżejjed għall-bastimenti biex iressqu l-pjanijiet tas-sajd u biex il-Kummissjoni tivvalutahom u tapprovahom, u b'hekk jipproponi li tingħata data ta' l-għeluq raġonevoli u realistika, li tagħmilha possibli li jitħares l-obbligu u li jinħatar il-permess mill-Kummissjoni.

    5.12

    Fl-aħħar, il-KESE jaħseb li r-regolament għandu jinkludi dispożizzjoni jew artikolu li jirrikjedi li ssir valutazzjoni biex tiżgura li r-regolament tas-sajd jipprovdi għas-sostenibbiltà dejjiema ta' l-istokkijiet ta' ħut u l-konservazzjoni ta' l-ispeċi ta' qabdiet sekondarji. L-ewwel obbligu jintalab fir-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-obbligi kemm l-ewwel u kemm it-tieni jinsabu fil-Ftehim tan-NU ta' l-1995 dwar l-Istokkijiet ta' Ħut għas-sajd fl-ibħra internazzjonali.

    Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Dawn jinkludu x-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, il-ħammiela, l-għeżula tal-qiegħ, il-konzijiet tal-qiegħ, u n-nases. Ara Friewald, A., Fosså, J.H., Koslow, T., Roberts, J.M. 2004. Cold-water coral reefs. UNEP-WCMC, Cambridge, ir-Renju Unit.

    (2)  Ibid.

    (3)  Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU 61/105, Paragrafi 83-86.

    (4)  Riżoluzzjonijiet (59) 25 (2004), u partikolarment 61/105 (paragrafi 80-95) tat-8 ta' Diċembru 2006.

    (5)  NAT/264 — Regolament dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU C 267, 27.10.2005); NAT/280 — Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (ĠU C 65, 17.3.2006), NAT/316 (ĠU C 318, 23.12.2006), NAT/333 (ĠU C 168, 20.7.2007), NAT/334 — It-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità (ĠU C 97, 28.4.2007); NAT/364 — Regolament dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku dwar il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU C 10, 15.1.2008).

    (6)  Data miġbura mill-Istitut Oċeanografiku Spanjol (osservaturi ta' l-IEO), li hija konsistenti ma' informazzjoni bis-satellita minn “blue boxes”, turi li aktar minn 95 % tas-sajd mill-flotta tat-tkarkir tal-qiegħ Spanjola fl-ibħra internazzjonali tal-Pjattaforma Patagonjana jsir f'bħaħar mhux aktar fond minn 400 metru.

    (7)  Studju ta' Koslow et al., ippubblikat fl-2000 fl-ICES Journal of Marine Science: J.A. Koslow, G.W. Boehlert, J.D.M. Gordon, R.L. Haedrich, P. Lorance and N. Parin, 2000. Continental Slope and deep-sea fisheries: implications for a fragile ecosystem.

    (8)  Ara l-għaxar premessa tal-proposta għar-Regolament.

    (9)  Ara Punt 2.2 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

    (10)  Il-Korea, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Urugwaj

    (11)  ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6.

    (12)  Tabelli tal-ħruġ u tad-dħul ta' l-industrija tal-ħut fil-laned f'Galicia, ippubblikat mill-gvern reġjonali, juru li mill-74 attività ta' l-ekonomija ta' Galicia, 61 minnhom jiddependu fuq is-sajd.


    Top