Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2008/070/08

    Sejħa għal Turija ta' Interess għal Esperti Esterni tal-Kumitat Xjentifiku ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (Parma, l-Italja)

    ĠU C 70, 15.3.2008, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 70/14


    Sejħa għal Turija ta' Interess għal Esperti Esterni tal-Kumitat Xjentifiku ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (Parma, l-Italja)

    (2008/C 70/08)

    L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (European Food Safety Authority — EFSA) hija l-qafas ewlieni għall-evalwazzjoni tar-riskji ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-sigurtà ta' l-ikel u l-għalf; il-pariri xjentifiċi indipendenti tagħha jipprovdu l-bażi tal-politika u tad-deċiżjonijiet tal-maniġers tar-riskji fl-Istituzzjonijiet Ewropej u fl-Istati Membri ta' l-UE.

    L-EFSA stabbilixxiet proċedura ta' għażla li għandha l-għan li tfassal lista ta' riżerva ta':

    Esperti Xjentifiċi biex jiġu kkunsidrati bħala Esperti Esterni tal-Kumitat Xjentifiku ta' l-EFSA

    Ref.: EFSA/S/2008/001

    Din is-sejħa hija indirizzata għal xjenzati ewlenin b'kompetenza wiesgħa fl-evalwazzjoni tar-riskji bbażata fuq ix-xjenza li jixtiequ li jiġu kkunsidrati bħala esperti esterni tal-Kumitat Xjentifiku ta' l-EFSA. Il-kompetenza meħtieġa mill-esperti esterni hija fil-qasam tal-kompetenza ta' l-EFSA, eż. fi:

    l-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, il-konsum ta' l-ikel u l-evalwazzjoni ta' l-espożizzjoni, l-evalwazzjoni tar-riskji ambjentali, l-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa ta' l-annimali, it-tossikoloġija, il-mikrobijoloġija, in-nutrizzjoni tal-bniedem, l-epidemoloġija, is-saħħa ta' l-annimali, il-ħarsien ta' l-annimali; il-mediċini tal-bniedem, il-mediċini veterinarji, l-iġjene fl-ikel, it-teknoloġija fl-ikel, il-kimika, il-bijoloġija, il-bijokimika, ix-xjenzi tal-ħajja.

    Il-lista ta' riżerva sejra tintuża' sabiex jiġu identifikati u magħżula esperti esterni għall-Kumitat Xjentifiku ta' l-EFSA. Huwa mistenni li fl-2008 jinħatru żewġ esperti minn din il-lista ta' riżerva sabiex jappoġġaw il-ħidma tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku.

    Ir-rwol ta' l-EFSA

    L-EFSA tlaqqa' flimkien l-aqwa xjenzati Ewropej fl-evalwazzjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà fl-ikel u fl-għalf sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew b'konsulenza xjentifika ta' l-ogħla standard. L-impenn l-aktar kritiku ta' l-EFSA huwa li jipprovdi konsulenza xjentifika oġġettiva, trasparenti u indipendenti u komunikazzjoni ċara, bbażata fuq l-aktar metodoloġiji xjentifiċi, l-aktar informazzjoni u l-aktar dejta aġġornata disponibbli.

    Minħabba li l-parir ta' l-EFSA jservi sabiex jinforma l-politika u d-deċiżjonijiet tal-maniġers tar-riskju, parti kbira tal-ħidma ta' l-EFSA taħdem bi tweġiba għal talbiet speċifiċi għal parir xjentifiku. Talbiet għall-evalwazzjonijiet xjentifiċi jiġu rċevuti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri ta' l-UE. L-EFSA tagħmel ukoll ħidma xjentifika fuq l-inizjattiva tagħha stess, 'l hekk imsejjaħ self-tasking.

    Permezz tal-Kumitat Xjentifiku, il-Panils Xjentifiċi u l-Gruppi ta' Ħidma, l-EFSA tipprova twieġeb malajr u b'mod proattiv għal kwistjonijiet urġenti u riskji emerġenti.

    Għal aktar informazzjoni dwar l-EFSA, jekk jogħġbok ara:

    http://www.efsa.europa.eu

    Ir-rwol tal-Kumitat Xjentifiku ta' l-EFSA

    Il-Kumitat Xjentifiku ta' l-EFSA jipprovdi opinjonijiet u konsulenza xjentifika, jappoġġa l-ħidma tal-Panils Xjentifiċi ta' l-EFSA dwar kwistjonijiet xjentifiċi ta' natura orizzontali. Huwa wkoll responsabbli għal koordinament ġenerali sabiex tiġi assigurata l-konsistenza fl-opinjonijiet xjentifiċi ppreparati mill-Panils Xjentifiċi. Rwol ieħor tal-Kumitat Xjentifiku huwa fl-iżvilupp ta' metodoloġiji armonizzati għall-evalwazzjoni tar-riskju f'dawk l-oqsma fejn approċċi wżati ma' l-UE kollha ma jkunux ġew definiti.

    Il-Kumitat Xjentifiku huwa magħmul mill-Presidenti tal-Panils Xjentifiċi kif ukoll minn sitt esperti indipendenti addizzjonali li ma jiffurmaw parti minn ebda Panil Xjentifiku.

    Għal aktar informazzjoni dwar il-Kumitat Xjentifiku ta' l-EFSA:

    http://www.efsa.europa.eu/EFSA/ScientificPanels/efsa_locale-1178620753812_ScientificCommittee.htm

    Il-ħidma ta' l-esperti esterni tal-Kumitat Xjentifiku

    L-esperti esterni tal-Kumitat Xjentifiku sejrin jappoġġaw il-ħidma tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku u sejrin jiġu mistiedna sabiex jattendu u jikkontribwixxu għal-laqgħat kollha tal-Kumitat Xjentifiku. Huwa stmat li l-Kumitat Xjentifiku jiltaqa' bejn ħames u sitt darbiet kull sena f'laqgħat ta' jumejn ġeneralment f'Parma, l-Italja. L-esperti esterni qegħdin jappoġġaw ukoll il-ħidma tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku permezz tal-parteċipazzjoni fil-gruppi ta' ħidma, kif xieraq, u dan ifisser li jattendu għal laqgħat addizzjonali. L-applikanti għandhom iqisu li l-laqgħat ġeneralment jinvolvu l-ħidma preparatorja u li l-laqgħat u ħafna mid-dokumenti huma bl-Ingliż.

    L-esperti esterni tal-Kumitat Xjentifiku huma intitolati għal kumpens kif deċiż mill-Bord tat-Tmexxija ta' l-EFSA għal kull laqgħa ta' jum sħiħ (bħalissa € 300). Minbarra dan, l-esperti jirċievu benefiċċju għall-għajxien u rimborż għall-ispejjeż għall-ivvjaġġar imġarrba.

    Proċedura ta' Għażla

    A.   Kriterji ta' eliġibbiltà

    L-applikanti jrid ikollhom:

    lawrja universitarja f'oqsma li jinkludu t-tossikoloġija, il-mikrobijoloġija, l-ikel għall-bniedem, l-epidemoloġija, is-saħħa ta' l-annimali, il-ħarsien ta' l-annimali, il-mediċini għall-użu mill-bniedem, il-mediċini veterinarja, l-iġjene fl-ikel, it-teknoloġija ta' l-ikel, il-kimika, il-bijoloġija, il-bijokimika, ix-xjenzi tal-ħajja, preferibbilment f'livell postgradwatorju,

    mill-inqas għaxar (10) snin ta' esperjenza professjonali relevanti għall-kompitu tal-Kumitat Xjentifiku f'livell li għalih tkun applikabbli l-kwalifiki meħtieġa msemmija hawn fuq,

    għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża,

    il-kandidati jridu jimlew id-dikjarazzjoni ta' interess inkluża fit-turija ta' interess b'mod li jkun eżatt u sħiħ. Jekk jogħġbok innota li jekk din il-parti tal-formola ma timteliex b'mod eżatt u sħiħ, dan jirriżulta fir-rifjut tat-turija ta' l-interess.

    B.   Kriterji ta' l-għażla

    esperjenza fit-twettiq ta' evalwazzjoni xjentifika tar-riskju u/jew fl-għoti ta' parir xjentifiku f'oqsma relatati mas-sigurtà fl-ikel u fl-għalf b'mod ġenerali, u b'mod partikolari, fl-oqsma ta' kompetenza u ħila esperta tal-Kumitat Xjentifiku,

    eċċellenza xjentifika pprovata f'kamp wieħed, jew preferibbilment, f'aktar minn wieħed, relatati mal-qasam itrattat mill-Kumitat Xjentifiku,

    esperjenza ppruvata fil-peer reviewing tal-ħidma xjentifika u pubblikazzjonijiet, preferibbilment f'kategoriji relatati mal-qasam itrattat mill-Kumitat Xjentifiku,

    il-kapaċità li wieħed janalizza informazzjoni u rapporti kumplessi, spiss minn firxa wiesgħa ta' dixxiplini u sorsi xjentifiċi u li jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tat-tfassil ta' opinjonijiet u rapporti xjentifiċi,

    esperjenza professjonali f'ambjent multidixxiplinari, preferibbilment fil-kuntest internazzjonali,

    esperjenza fl-immaniġġjar ta' proġetti relatati ma' kwistjonijiet xjentifiċi,

    kapaċitajiet ta' komunikazzjoni ppruvati,

    l-esperti minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea jiġu kkunsidrati meta l-livell meħtieġ ta' kompetenza ma jkunx jista' jinstab minn fost l-esperti Ewropej.

    Il-proċess ta' l-għażla, il-ħatra u t-terminu ta' żmien

    L-esperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà jiġu ammessi għall-evalwazzjoni komparattiva mmexxija mill-EFSA fuq il-bażi tal-kriterji ta' l-għażla msemmija hawn fuq. L-EFSA tirriżerva d-dritt li tikkonsulta ma' persuni terzi dwar l-esperjenza professjonali ta' l-esperti kif imsemmi fit-turija ta' l-interess tagħhom. Għall-ewwel, l-esperti esterni magħżula jinħatru għal sena waħda, li tista' tiġi mġedda.

    L-esperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex isiru esperti esterni tal-Kumitat Xjentifiku iżda li ma jinħatrux, jinżammu fuq lista ta' riżerva. Il-lista ta' riżerva tista' tintuża għal attivitajiet simili u tkun valida sal-31 ta' Diċembru 2009. Il-validità tal-lista ta' riżerva tista' tiġi estiża. L-esperti fil-lista ta' riżerva sejrin jiżdiedu wkoll fid-Database ta' l-EFSA ta' l-Esperti Xjentifiċi Esterni.

    Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta' impenn u ta' interess

    L-esperti esterni tal-Kumitat Xjentifiku jinħatru fuq bażi personali. Huma meħtieġa jimlew dikjarazzjoni ta' interess li tista' tkun ta' preġudizzju għall-indipendenza tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' l-esperti esterni magħżula jiġu ppubblikati fuq il-Websajt ta' l-EFSA.

    Opportunitajiet ugwali

    L-EFSA hija aġenzija li tħaddan l-opportunitajiet ugwali u tagħti attenzjoni biex tevita kull forma ta' diskriminazzjoni.

    Sottomissjoni tat-Turija ta' Interess

    Il-kandidati huma mitluba jissottomettu t-turija ta' interess tagħhom flimkien mad-dikjarazzjoni ta' l-interess b'mod elettroniku permezz tal-websajt ta' l-EFSA:

    http://www.efsa.europa.eu/EFSA/header/efsa_locale-1178620753812_Jobs.htm

    Il-formoli jistgħu jitnizzlu mill-websajt u jintbagħtu b'posta reġistrata fl-indirizz li ġej:

    Ref.: EFSA/S/2008/001

    EFSA — European Food Safety Authority

    Human Resource Unit

    Largo Natale Palli 5/A

    I-43100 Parma

    Sottomissjonijiet mibgħuta bl-email ma jiġux aċċettati. Turija ta' interess tkun meqjusa ammissibbli biss jekk din timtela sew. Il-kandidati huma ġentilment mitluba sabiex jimlew il-formola bl-Ingliż biex jiffaċilitaw il-proċedura ta' għażla.

    Jekk jogħġbok innota li l-EFSA mhux sejra tirritorna t-turiji ta' interess lill-kandidati. L-informazzjoni personali li l-EFSA titlob mingħand il-kandidati tkun proċessata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fil-każ ta' l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dejta bħal din. L-għan ta' l-ipproċessar tad-dejta personali li jibagħtu l-kandidati huwa sabiex jiġu mmaniġjati t-turiji ta' interess fid-dawl tal-possibbiltà ta' għażla minn qabel u ta' reklutaġġ mill-EFSA.

    Data ta' l-għeluq biex tintbagħat it-turija ta' interess

    Kull turija ta' interess għandha tiġi sottomessa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2008 f'nofs il-lejl (Ħin Lokali, GMT +1). Għal dawk mibgħuta permezz ta' posta reġistrata, id-data tat-timbru tal-posta sservi ta' prova.

    Nota:

    Fil-każ ta' inkonsistenza jew diskrepanza bejn il-verżjoni Ingliża u kwalunkwe verżjoni lingwistika oħra ta' din il-pubblikazzjoni, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża għandha torbot.


    Top