EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/248/08

Uċuħ nazzjonali ġodda tal-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni

ĠU C 248, 23.10.2007, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 248/10


Uċuħ nazzjonali ġodda tal-muniti ta' l-euro fiċ-ċirkolazzjoni

(2007/C 248/08)

Fl-10 ta' Lulju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda li r-Repubblika ta' Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta' l-euro fl-1 ta' Jannar 2008. (1)

Għaldaqstant, mill-1 ta' Jannar 2008 'l quddiem, ir-Repubblika ta' Malta se toħroġ muniti ta' l-euro, suġġett għall-approvazzjoni mill-BĊE tal-volum tal-ħruġ (ara l-Artikolu 106(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea).

Il-muniti ta' l-euro għaċ-ċirkolazzjoni għandhom l-istatus ta' valuta legali fiż-żona kollha ta' l-euro. Il-Kummissjoni tippubblika d-disinji l-ġodda kollha tal-muniti euro (2) bil-ħsieb li tinforma l-partijiet kollha li jridu jużaw il-muniti waqt xogħolhom kif ukoll il-pubbliku in ġenerali.

Il-muniti ta' 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu, kif ukoll il-muniti ta' euro u żewġ euro se jinħarġu mir-Repubblika ta' Malta bl-uċuħ komuni l-ġodda tal-muniti ta' l-euro. (3) Il-muniti bl-iċken denominazzjoni (ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi) se jinħarġu bil-wiċċ komuni oriġinali, peress li ma hemmx naħa komuni għal dawn id-denominazzjonijiet.

Image

L-Istat li joħroġ il-munita: ir-Repubblika ta' Malta

Bidu tal-ħruġ: Jannar 2008

Deskrizzjoni tad-disinji::

1 EURO CENT — 2 EURO CENT — 5 EURO CENT

Fiċ-ċentru tal-munita hemm rappreżentat l-altar tat-tempju preistoriku ta' l-Imnajdra u fl-isfond hemm strixxa dekorattiva orizzontali. Isem il-pajjiż “MALTA” u l-marka tas-sena “2008” huma inċiżi taħt l-altar. L-inizjali ta' l-inċiżur “NGB” jinsabu fuq il-lemin taħt l-istrixxa dekorattiva. L-istampa u l-iskrizzjoni huma mdawrin mit-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.

10 EURO CENT — 20 EURO CENT — 50 EURO CENT

Fiċ-ċentru tal-munita hemm rappreżentata l-arma ta' Malta. Isem il-pajjiż “MALTA” u l-marka tas-sena “2008” huma inċiżi f'semiċirku rispettivament fuq ix-xellug u fuq il-lemin tal-parti ta' fuq ta' l-arma. L-istampa u l-iskrizzjoni huma mdawrin b'ċurkett ta' ċrieki konċentriċi li fuqhom jidhru t-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.

1 EURO — 2 EURO

Fiċ-ċirku intern hemm rappreżentat is-salib ta' Malta bi tmien ponot, fuq sfond bi strixxi vertikali. L-ittri ta' “MALTA” jidhru bejn is-sitt ponot ta' fuq tas-salib, u l-marka tas-sena “2008” bejn iż-żewġ ponot ta' taħt. Fuq il-parti esterna tal-munita jidhru t-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Simboli inċiżi mad-dawra ta' barra tal-munita taż-2 euro: 2 ★★, ripetut għal sitt darbiet, darba wieqaf darba bil-maqlub, Image tirrappreżenta salib ta' Malta bi tmien ponot.


(1)  Id-Deċiżjoni 2007/503/KE tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2007 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 (ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32).

(2)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 u ĠU C 254, 20.10.2006, p. 6 għal referenza għall-muniti euro l-oħra.

(3)  Ara ĠU C 225, 19.9.2006, p. 7.


Top